SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
26 ta’ Jannar 2012 ( *1 )
“Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat — Kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat — Raġunijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiġġustifika l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fil-każ ta’ sostituzzjoni temporanja — Bżonn permanenti jew rikorrenti ta’ persunal ta’ sostituzzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha li fihom isir it-tiġdid tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat”
Fil-Kawża C-586/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura
Bianca Kücük
vs
Land Nordrhein-Westfalen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Novembru 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal B. Kücük, minn H. Rust u B. Jaeger, avukati, |
— |
għal-Land Nordrhein-Westfalen, minn T. Kade, avukat, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u V. Kreuschitz, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [għal żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem “il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn B. Kücük u min iħaddimha, il-Land Nordrhein-Westfalen (iktar ’il quddiem il-“Land”), rigward il-validità tal-aħħar kuntratt minn serje ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi bejn il-persuna kkonċernata u l-Land. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 |
Id-Direttiva 1999/70 hija bbażata fuq l-Artikolu 139(2) KE u, skont l-Artikolu 1 tagħha, l-iskop tagħha huwa “li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas [dwar xogħol għal żmien determinat], konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn”. |
4 |
Skont il-Klawżola 1(b) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, dan għandu l-iskop, b’mod partikolari, “li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew [ta’] relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss [żmien determinat]”. |
5 |
Il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tħabbar:
|
6 |
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110), tistabbilixxi ċerti rekwiżiti minimi fil-qasam tal-protezzjoni ta’ dawn il-ħaddiema. |
7 |
Għal dak li jirrigwarda l-leave tal-maternità, id-Direttiva 92/85 tiggarantixxi, fl-Artikolu 8 tagħha, dritt għal-leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa kontinwa, li jinkludi perijodu obbligatorju ta’ mill-inqas ġimagħtejn. |
8 |
Il-Ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri [leave parentali], konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar il-leave parentali”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), jistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi sabiex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbilitajiet professjonali u tal-familja għall-ġenituri li jaħdmu. |
9 |
Il-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali tippreċiża;
|
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10 |
L-Artikolu 14 tal-Liġi dwar ix-xogħol part-time u l-kuntratti għal żmien determinat (Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge), tal-21 ta’ Diċembru 2000 (BGBl. 2000 I, p. 1966), kif emendata bl-Artikolu 1 tal-Liġi tad-19 ta’ April 2007 (BGBI. 2007 I, p.538, iktar ’il quddiem it-“TzBfG”), intitolat “Possibbilità li jiġi limitat it-tul tal-kuntratti”, jiddisponi:
[…]” |
11 |
Fil-każ tal-invalidità tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, dan tal-aħħar, inkonformità mal-Artikolu 16 tat-TzBfG, jiġi kkwalifikat mill-ġdid bħala kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat. |
12 |
L-Artikolu 21(1) tal-Liġi dwar l-allowances u l-leave parentali (Gesetz zum Elterngeld und zur Elternzeit), tal-5 ta’ Diċembru 2006 (BGB1. 2006 I, p. 2748) kif emendata, jiddisponi: “Relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat hija ġġustifikata għal raġuni oġġettiva meta ħaddiem jiġi impjegat bħala sostitut ta’ ħaddiem ieħor għaż-żmien kollu kemm hu jew parzjali tal-interdizzjoni li jaħdem b’applikazzjoni tal-Liġi dwar il-ħarsien tal-maternità, tal-leave parentali jew tal-leave speċjali għat-trobbija tat-tfal mogħtija fuq il-bażi ta’ ftehim kollettiv, ta’ ftehim tal-impriża jew ta’ ftehim individwali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 |
B. Kücük kienet impjegata mil-Land mit-2 ta’ Lulju 1996 sal-31 ta’ Diċembru 2007, fuq il-bażi ta’ total ta’ tlettax-il kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat. Hija kienet tokkupa l-pożizzjoni ta’ assistenta tar-Reġistratur fi ħdan is-Segretarjat tas-Servizz għall-Affarijiet Ċivili tal-Amtsgericht Köln (Tribunal distrettwali ta’ Köln). Dawn il-kuntratti kollha għal żmien determinat kienu ġew konklużi fil-kuntest ta’ leave temporanju, inklużi l-leave parentali għall-edukazzjoni u l-leave speċjali meħuda mill-assistenti impjegati għal żmien indeterminat, u kienu intiżi sabiex jiżguraw is-sostituzzjoni ta’ dawn tal-aħħar. |
14 |
Permezz ta’ talba mressqa fit-18 ta’ Jannar 2008 quddiem l-Arbeitsgericht Köln (Tribunal tax-xogħol ta’ Köln), ir-rikorrenti fil-kawża preżenti ressqet in-natura indeterminata tat-tul tar-relazzjonijiet tagħha ta’ xogħol sabiex tinvoka l-illegalità tal-aħħar kuntratt ta’ xogħol tagħha, li sar fit-12 ta’ Diċembru 2006 u li skada fil-31 ta’ Diċembru 2007. |
15 |
Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma kienx iġġustifikat li jiġi konkluż dan il-kuntratt għal żmien determinat fuq il-bażi tal-punt 3 tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG, li jipprovdi għal raġuni oġġettiva, jiġifieri s-sostituzzjoni ta’ ħaddiem ieħor. Total ta’ tlettax-il kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi suċċessivament u mingħajr interruzzjoni matul perijodu ta’ ħdax-il sena fl-ebda każ ma jista’ jikkorrispondi għal bżonn temporanju ta’ persunal ta’ sostituzzjoni. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt nazzjonali fis-sens li tali “katina ta’ kuntratti għal żmien determinat” għandha tkun ikkunsidrata bħala legali huma inkompatibbli mal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat. Hija għalhekk talbet lill-Arbeitsgericht Köln sabiex dan jikkonstata li r-relazzjoni tax-xogħol bejn il-partijiet ma kinitx intemmet fuq il-bażi tal-kuntratt għal żmien determinat konkluż fit-12 ta’ Diċembru 2006, għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2007. |
16 |
L-Arbeitsgericht Köln ċaħad it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala infondata. L-appell ippreżentat mill-persuna kkonċernata quddiem il-Landesarbeitsgericht (Tribunal superjuri tax-xogħol tal-Land) ukoll ġie miċħud. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, konsegwentement, ippreżentat rikors fil-“Kassazzjoni” quddiem il-Bundesarbeitsgericht (Qorti federali tax-xogħol). |
17 |
Quddiem il-qrati nazzjonali, il-Land sostna li n-natura determinata tat-tul tal-kuntratt ta’ xogħol ikkontestat minn B. Kücük kienet iġġustifikata abbażi tal-punt 3 tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG. L-osservanza tal-kundizzjonijiet rikjesti sabiex is-sostituzzjoni ta’ ħaddiem ieħor tkun tikkostitwixxi raġuni oġġettiva hija indipendenti min-numru ta’ kuntratti għal żmien determinat li kienu ġew konklużi suċċessivament. L-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi Ġermaniża f’dan is-sens ma jmorrux kontra l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat. |
18 |
Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tispjega li, fir-rigward tal-punt 3 tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG, dak li jikkaratterizza sostituzzjoni u li jibqa’ inerenti għal din is-sostituzzjoni huwa l-fatt li s-sostituzzjoni tkun temporanja u li jkollha bħala għan l-eżekuzzjoni tal-kompiti mis-sostitut, u dan kollu biex jiġi sodisfatt bżonn li huwa limitat fiż-żmien. Barra minn hekk, dik il-qorti tissottometti li, fid-dritt Ġermaniż, il-ġustifikazzjoni għall-użu ta’ kuntratt ta’ żmien determinat fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ ħaddiem tinsab fil-fatt li min iħaddem huwa diġà ġuridikament marbut mal-ħaddiem li huwa temporanjament indispost milli jwettaq il-kompiti tiegħu u fil-fatt li min iħaddem ikun qiegħed jistrieħ fuq ir-ritorn ta’ dan tal-aħħar. Din il-ġustifikazzjoni timplika li min iħaddem qiegħed jipprevedi t-tmiem tal-bżonn ta’ persunal ta’ sostituzzjoni hekk kif jirritorna l-ħaddiem li kien ġie sostitwit. |
19 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kwalifika ta’ bżonn ta’ persunal ta’ sostituzzjoni bħala raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat. Hija tistaqsi, minn naħa, jekk il-fatt li dan il-bżonn ikun permanenti jew rikorrenti u li dan il-bżonn ikun jista’ jiġi kopert ukoll mill-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien indeterminat jeskludix li sostituzzjoni tikkostitwixxi tali raġuni oġġettiva. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdilha kjarifiki dwar il-kwistjoni jekk, u b’liema mod, il-qrati nazzjonali, fil-qafas tal-istħarriġ tagħhom ta’ eventwali użu abbużiv mis-sostituzzjoni ta’ ħaddiem ieħor bħala raġuni li tiġġustifika l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, għandhomx jieħdu inkunsiderazzjoni n-numru u t-tul tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li diġà ġew konklużi fil-passat mal-istess ħaddiem. Hija żżid, f’dan ir-rigward, li, permezz ta’ ġurisprudenza reċenti, il-Bundesarbeitsgericht eskludiet li n-numru varjabbli tal-kuntratti għal żmien determinat isaħħaħ l-istħarriġ ġudizzjarju tar-raġuni oġġettiva. |
20 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
21 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-bżonn temporanju ta’ persunal ta’ sostituzzjoni previst mill-liġi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax jikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, jekk jirriżulta dan ikun il-każ ukoll meta dan il-bżonn ta’ persunal ta’ sostituzzjoni huwa fir-realtà permanenti jew rikorrenti u jista’ jiġi kopert ukoll billi l-ħaddiem ikkonċernat jiġi impjegat għal żmien indeterminat u jekk, matul l-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk it-tiġdid tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat huwiex ġustifikat mir-raġunijiet oġġettivi msemmija f’din il-klawżola, hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni n-numru u t-tul akkumulat tal-kuntratti u tar-relazzjonijiet ta’ xogħol ta’ dan it-tip li ġew konklużi fil-passat mal-istess persuna li tħaddem. |
22 |
Il-Land isostni li s-sostituzzjoni temporanja ta’ ħaddiem taqa’ taħt ir-raġunijiet oġġettivi msemmija fil-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat. L-assenza temporanja tal-ħaddiem li għandu jiġi sostitwit timplika bżonn temporanju li jiġi impjegat ħaddiem supplementari, li ma jkunx meħtieġ ħlief waqt il-perijodu ta’ nuqqas ta’ ħaddiema. L-eżistenza ta’ bżonn permanenti ta’ ċertu portata għal persunal ta’ sostituzzjoni ma teskludix, skont il-Land, il-validità tal-konklużjoni tal-kuntratt għal żmien determinat minħabba s-sostituzzjoni, skont il-punt 3 tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG. Infatti, għandha tiġi vverifikata r-raġuni oġġettiva invokata f’kull każ konkret tas-sostituzzjoni u ma għandhomx jiġu esklużi l-każijiet ta’ sostituzzjonijiet permanenti, rikorrenti u repetuti. Jekk il-validità ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat partikolari tkun tiddependi minn dan, min iħaddem ikun kostrett li joħloq riżerva permanenti ta’ persunal. Dan ma jistax isir ħlief fil-każ tal-ikbar impriżi. Skont il-Land, il-libertà ta’ ġestjoni ta’ min iħaddem għandha tiġi ppriżervata u dan tal-aħħar għandu jkun jista’ jiddeċiedi dwar l-opportunità u l-metodi ta’ użu ta’ tali riżerva sabiex ikun jista’ jsolvi bżonn rikorrenti ta’ persunal ta’ sostituzzjoni. |
23 |
Il-Gvern Ġermaniż u dak tal-Polonja jinvokaw it-tnejn li huma l-marġni ta’ diskrezzjoni li jibbenefika minnu min iħaddem skont il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat u jsostnu li d-dritt tal-Unjoni jippermetti li jkun ġustifikat kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għall-finijiet ta’ sostituzzjoni fil-każ ta’ bżonn rikorrenti ta’ persunal ta’ sostituzzjoni. Din is-sitwazzjoni hija distinta b’mod ċar minn “bżonn permanenti u li jdum fiż-żmien” sa fejn l-impedimenti tal-ħaddiem sostitwit huma limitati fiż-żmien. Dan tal-aħħar għandu d-dritt li jirritorna għall-post tax-xogħol tiegħu, dritt li min iħaddem irid jirrispetta. |
24 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, min-naħa tagħha, ma ppreżentatx osservazzjonijiet bil-miktub. |
25 |
Għandu jiġi mfakkar li l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat għandha bħala għan li timplementa wieħed mill-għanijiet imħaddna minn dan il-ftehim, jiġifieri li jiġi limitat l-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, ikkunsidrat bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jiġu stabbiliti ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni minimi intiżi sabiex tiġi evitata l-inċertezza tas-sitwazzjoni tal-impjegati (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006 Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 63, kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C-378/07 sa C-380/07, Ġabra p. I-3071, punt 73). |
26 |
B’hekk, din id-dispożizzjoni tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat timponi fuq l-Istati Membri, bil-għan li jiġu evitati l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ minn tal-inqas waħda mill-miżuri elenkati minnha, meta d-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri elenkati f’dan is-sens fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jammontaw għal tlieta, jittrattaw rispettivament, ir-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol, it-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol u n-numru ta’ tiġdid ta’ dawn (ara s-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74, kif ukoll id-digriet tal-1 ta’ Ottubru 2010, Affatato, C-3/10, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jkopri ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività determinata u, b’hekk, ta’ natura li f’dan il-kuntest partikolari tiġġustifika l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, minn natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenzi Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha sabiex tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt permezz ta’ regola leġiżlattiva jew regolament, l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat ma hijiex konformi mar-rekwiżiti hekk kif ippreċiżati fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti (sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Infatti, tali dispożizzjoni, ta’ natura purament formali, ma tippermettix li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u trasparenti għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti effettivament iweġibx għal bżonn veru, jekk huwiex adattat sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-iskop. Tali dispożizzjoni tinvolvi għalhekk riskju reali li jsir użu abbużiv minn dan it-tip ta’ kuntratti u b’hekk ma hijiex kompatibbli mal-għan u mal-effettività tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 98 u 100 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti t-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat sabiex jiġu ssostitwiti ħaddiema oħra li jinsabu momentarjament indisposti milli jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, ma tmurx, fiha nnifsiha, kontra l-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat. Infatti, is-sostituzzjoni temporanja ta’ ħaddiem ieħor sabiex jiġu sodisfatti, essenzjalment, il-bżonnijiet provviżorji ta’ min iħaddem f’termini ta’ persunal tista’, fil-prinċipju, tikkostitiwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) ta’ dan il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 102). |
31 |
Infatti, f’amministrazzjoni li jkollha numru sostanzjali ta’ impjegati, bħalma hija l-Land, huwa inevitabbli li sostituzzjonijiet temporanji jkunu neċessarji b’mod rikorrenti minħabba, b’mod partikolari, l-indisponnibbiltà ta’ ħaddiema li jibbenefikaw minn leave tal-mard, leave tal-maternità jew leave parentali u oħrajn. Is-sostituzzjoni temporanja tal-ħaddiema f’dawn iċ-ċirkustanzi tista’ tikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, li tiġġustifika kemm in-natura determinata tat-tul tal-kuntratti konklużi mal-persunal ta’ sostituzzjoni kif ukoll it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti skont il-bżonnijiet, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-eżiġenzi ffissati mill-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat f’dan ir-rigward. |
32 |
Din il-konklużjoni tgħodd iktar u iktar meta l-liġi nazzjonali li tiġġustifika t-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat fil-każ ta’ sostituzzjoni temporanja jkollha wkoll għanijiet ta’ politika soċjali li huma leġittimi. Infatti, hekk kif jirriżulta mill-punt 27 tas-sentenza preżenti, il-kunċett ta’ raġuni oġġettiva li jidher fil-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat jinkludi tali għanijiet. |
33 |
Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżuri li għandhom l-għan li jissalvagwardjaw it-tqala u l-maternità kif ukoll li jippermettu lill-irġiel u n-nisa li jikkonċiljaw l-obbligi professjonali u tal-familja tagħhom ikunu qegħdin isegwu għanijiet ta’ politika soċjali li huma leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1998, Hill u Stapleton, C-243/95, Ġabra p. I-3739, punt 42, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2004, Sass, C-284/02, Ġabra p. I-11143, punti 32 u 33). Il-legittimità ta’ dawn l-għanijiet hija wkoll ikkonfermata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/85 jew dawk tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali. |
34 |
Madankollu għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm ir-raġuni oġġettiva prevista minn liġi nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, bħala prinċipju, tiġi aċċettata, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, kif jirriżulta mill-punt 27 tas-sentenza preżenti, jiggarantixxu li l-applikazzjoni konkreta ta’ din ir-raġuni oġġettiva, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-attività ikkonċernata u l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha, tkun konformi mal-eżiġenzi tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat. Waqt l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata tal-liġi nazzjonali, dawn l-awtoritajiet għandhom għalhekk ikunu jistgħu jiddeterminaw kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jivverifikaw jekk it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti effettivament iweġibx għal bżonn veru, jekk huwiex adattat sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-iskop. |
35 |
F’din il-kawża partikolari, il-Kummissjoni Ewropea ssostni li t-tiġdid ripetut ta’ relazzjoni ta’ xogħol u l-konklużjoni ta’ numru kbir ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat kif ukoll it-tul taż-żmien li fih il-ħaddiem ikkonċernat kien diġà ġie impjegat fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti jixdhu l-eżistenza ta’ abbuż fis-sens tal-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat. Skont il-Kummissjoni, il-konklużjoni ta’ bosta kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, b’mod partikolari għal perijodu kunsiderevolment twil, jixdhu li s-servizz mistenni mill-ħaddiem ikkonċernat ma jikkostitwixxix bżonn li huwa ta’ natura sempliċement temporanja. |
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet iddeċidiet li t-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat sabiex ikopru bżonnijiet li huma, fil-fatt, ta’ natura mhux provviżorja iżda, għal kuntrarju, permanenti u li jdumu fiż-żmien, ma huwiex ġustifikat fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103). |
37 |
Fil-fatt, tali użu tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat imur direttament kontra l-premessa li fuqha huwa bbażat il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, jiġifieri li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, filwaqt li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat huma karatteristika tal-impjieg f’ċerti setturi jew għal ċerti xogħlijiet u attivitajiet (ara s-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61). |
38 |
Madankollu, kif sostna essenzjalment il-Gvern Pollakk, is-sempliċi fatt li jiġu konklużi kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat sabiex ikopru bżonn permanenti jew rikorrenti ta’ min iħaddem fir-rigward tal-persunal ta’ sostituzzjoni ma huwiex biżżejjed, bħala tali, biex jeskludi li kull wieħed minn dawn il-kuntratti, ikkunsidrati individwalment, kien ġie konkluż sabiex jiggarantixxi sostituzzjoni li għandha natura temporanja. Anki jekk huwa minnu li s-sostituzzjoni tkopri bżonn permanenti, peress li l-ħaddiem li ġie impjegat taħt kuntratt għal żmien determinat iwettaq kompiti ddefiniti b’mod ċar li huma parti mill-attivitajiet ta’ kuljum ta’ min iħaddem jew tal-impriża, xorta jibqa’ l-fatt li l-bżonn ta’ persunal ta’ sostituzzjoni huwa ta’ natura temporanja sa fejn il-ħaddiem issostitwit huwa mistenni jerġa’ lura għall-attivitajiet tiegħu meta jispiċċa l-leave, li jikkostitwixxi r-raġuni għaliex il-ħaddiem li kien ġie ssostitwit kien temporanjament indispost milli jwettaq dawn il-kompiti huwa stess. |
39 |
Hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kollha tal-Istat Membru kkonċernat sabiex jiżguraw, fil-kuntesti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-osservanza tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, billi jiżguraw konkretament li t-tiġdid tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat ikollu l-għan li jkopri bżonnijiet provviżorji u li dispożizzjoni bħal dik tal-punt 3 tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG ma tiġix użata, fil-fatt, sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien ta’ min iħaddem fil-kwistjoni ta’ persunal (ara, b’analoġija, is-sentenza Angelidki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 106). |
40 |
Kif issostni l-Kummissjoni, hija r-responsabbiltà tal-imsemmija awtoritajiet sabiex jeżaminaw, f’kull każ, iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami, billi jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru tal-imsemmija kuntratti suċċessivi konklużi mal-istess persuna jew għall-finijiet tat-twettiq tal-istess xogħol, sabiex jipprekludu li xi kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, anki jekk konklużi apparentement sabiex ikopru bżonn ta’ persunal ta’ sostituzzjoni, ikunu użati b’mod abbużiv minn min iħaddem (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Ġunju 2008, Vassilakis et, C-364/07, punt 116, kif ukoll is-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 157). Anki jekk l-evalwazzjoni tar-raġuni oġġettiva invokata għandha tirreferi għat-tiġdid tal-aħħar kuntratt ta’ xogħol konkluż, l-eżistenza, in-numru u t-tul tal-kuntratti suċċessivi ta’ dan it-tip konklużi fil-passat mal-istess persuna li tħaddem jistgħu jirriżultaw rilevanti fil-kuntest ta’ dan l-eżami globali. |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li n-numru u t-tul tal-kuntratti għal żmien determinat huma s-suġġett tal-miżuri ta’ prevenzjoni previsti fil-Klawżola 5(1)(b) u (ċ) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat ma jimplikax li dawn l-elementi ma jista’ jkollhom ebda effett meta ssir l-evalwazzjoni tar-raġunijiet oġġettivi previsti fil-Klawżola 5(1)(a) u invokati sabiex jiġġustifikaw it-tiġdid tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat. |
42 |
Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, tali interpretazzjoni tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat ma toħloq l-ebda tfixkil fir-rigward tal-għażla tal-mezzi li din id-dispożizzjoni tħalli f’idejn l-Istati Membri. |
43 |
Infatti, kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tat-totalità tal-miżuri adottati skont il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, huwa meħtieġ li, anki fil-preżenza ta’ raġuni oġġettiva li tiġġustifika, bħala prinċipju, l-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu każ, jekk dan ikun meħtieġ, taċ-ċirkustanzi kollha li fihom isir it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew ta’ dawn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol peress li dawn l-imsemmija ċirkustanzi jistgħu jagħtu ħjiel ta’ abbuż li din il-klawżola qegħdha tipprova tevita. |
44 |
Waqt is-seduta, bħala tweġiba għal mistoqsija li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja, kemm il-Land kif ukoll il-Gvern Ġermaniż irrikonoxxew il-possibbiltà ta’ ċirkustanzi li fihom min iħaddem ikun obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni n-natura u t-tul tal-kuntratti għal żmien determinat konklużi ma’ min jaħdem. |
45 |
Peress li l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat tiġi applikata biss fil-preżenza ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04, Ġabra p. I-9981, punti 41 u 42), jidher li jagħmel sens li l-eżistenza ta’ suċċessjoni ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat tirriżulta rilevanti fir-rigward tal-miżuri kollha li jittieħdu fuq il-bażi ta’ din il-klawżola. |
46 |
Fil-kuntest tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-fatt li l-bżonn ta’ persunal ta’ sostituzzjoni jkun, fir-realtà, permanenti jew rikorrenti u li min iħaddem jista’ wkoll jirrispondi għal dan il-bżonn billi jimpjega ħaddiem permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ikunx jeskludi li bżonn ta’ persunal ta’ sostituzzjoni jkun jikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat. |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, l-imsemmi Ftehim qafas iħalli lill-Istati Membri kif ukoll lill-imsieħba soċjali l-kompitu li jiddefinixxu l-metodi dettaljati ta’ implementazzjoni tal-prinċipji u tar-regoli li huwa jistabbilixxi, sabiex jiggarantixxu l-konformità tagħhom mad-dritt u/jew mal-prattiċi nazzjonali u sabiex jiġi ggarantit li jkunu debitament ikkunsidrati l-karatteristiċi partikolari tas-sitwazzjonijiet konkreti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 68, kif ukoll Angelidaki et, punt 71). |
48 |
Minn dan isegwi li, kif isostnu l-Gvern tal-Ġermanja u dak tal-Polonja, l-Istati Membri jibbenefikaw, skont il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jilħqu dan l-għan, anki jekk dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa sottomess għall-kundizzjoni li jiggarantixxu r-riżultat impost mid-dritt tal-Unjoni, hekk kif dan jirriżulta mhux biss mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, iżda wkoll mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, moqri fid-dawl tal-premessa 17 tagħha (sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Din il-marġni ta’ diskrezzjoni tirriżulta wkoll mill-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, meta l-imsemmija dispożizzjoni tirrikonoxxi li l-Istat Membri għandhom il-possibbiltà, sa fejn din tkun oġġettivament iġġustifikata, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari relattivi għas-setturi ta’ attivitajiet speċifiċi u/jew għall-kategoriji ta’ ħaddiema inkwistjoni (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C-53/04, Ġabra p. I-7213, punt 45). |
50 |
Is-sempliċi fatt li bżonn ta’ persunal ta’ sostituzzjoni jista’ jkun sodisfatt mill-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien indetermninat ma jimplikax li meta min iħaddem jiddeċiedi li jirrikorri għal kuntratti għal żmien determinat sabiex jirrispondi għal nuqqasijiet temporanji fir-rigward tal-impjegati tiegħu, anki jekk dawn iseħħu b’mod rikorrenti, jekk mhux anki permanenti, huwa jkun qiegħed jaġixxi b’mod abbużiv, bi ksur tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din tal-aħħar. |
51 |
Kif jirriżulta mill-punt 43 tas-sentenza preżenti, l-eżistenza ta’ raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a), tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat teskludi, bħala prinċipju, l-eżistenza ta’ abbuż, ħlief meta minn eżami globali taċ-ċirkustanzi tat-tiġdid tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat ikkonċernati jirriżulta li s-servizzi mitluba mill-ħaddiem ma jkunux jikkorrispondu għal semliċi bżonn temporanju. |
52 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà nnotat li l-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat ma tistabbilixxix obbligu ġenerali għall-Istati Membri li jipprevedu t-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, hekk kif lanqas ma tippreskrivi l-kundizzjonijiet preċiżi li fihom ikun jista’ jsir użu mill-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, b’tali mod li din il-klawżola tagħti ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam lill-Istati Membri (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Adeneler et, punt 91; Marrosu u Sardino, punt 47, kif ukoll Angelidaki et, punti 145 u 183). |
53 |
Għalhekk, il-Klawżola 5(2)(b) tal-imsemmi Ftehim qafas tipprovdi sempliċement li l-imsemmija Stati jistgħu, “meta approprjat”, jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jkunu “għandhom jitqiesu bħala kuntratti [...] għal żmien indefinit”. |
54 |
Il-fatt li tintalab awtomatikament il-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien indeterminat meta d-daqs tal-impriża jew tal-entità kkonċernata u l-organizzazzjoni tal-persunal ikunu jimplikaw li min iħaddem jaffaċċja bżonn rikorrenti jew permanenti ta’ persunal ta’ sostituzzjoni ikun imur lil hinn mill-għanijiet previsti mill-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat u mid-Direttiva 1999/70 u ma jkunx qed jirrikonoxxi l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti minn dawn l-istrumenti lill-Istati Membri u, meta jkun il-każ, lill-imsieħba soċjali. |
55 |
Hija l-qorti tar-rinviju li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandha tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-impjieg ta’ ħaddiem matul perijodu ta’ ħdax-il sena fuq il-bażi ta’ tlettax-il kuntratt suċċessiv għal żmien determinat huwiex konformi mal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat. |
56 |
Ir-risposta għall-ewwel domanda għandha għalhekk tkun li l-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat għandha tiġi interpretata fis-sens li l-bżonn temporanju ta’ persunal ta’ sostituzzjoni, previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-imsemmija klawżola. Is-sempliċi fatt li min iħaddem ikollu jagħmel użu minn sostituzzjonijiet temporanji b’mod rikorrenti, jekk mhux anki b’mod permanenti, u li tali sostituzzjonijiet jistgħu jiġu koperti wkoll billi jiġu impjegati ħaddiema permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, ma jfissirx li ma hemmx raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-imsemmi Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat u lanqas ma jfisser li hemm abbuż fis-sens ta’ din l-istess klawżola. Madankollu, fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk it-tiġdid tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat huwiex ġustifikat minn tali raġuni oġġettiva, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami, inkluż in-numru u t-tul kumplessiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi fil-passat mal-istess persuna li tħaddem. |
Fuq it-tieni domanda
57 |
Peress li t-tieni domanda saret fil-każ biss ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha. |
Fuq l-ispejjeż
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [għal żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-bżonn temporanju ta’ persunal ta’ sostituzzjoni, previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-imsemmija klawżola. Is-sempliċi fatt li min iħaddem ikollu jagħmel użu minn sostituzzjonijiet temporanji b’mod rikorrenti, jekk mhux anki b’mod permanenti, u li tali sostituzzjonijiet jistgħu jiġu koperti wkoll billi jiġu impjegati ħaddiema permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, ma jfissirx li ma hemmx raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-imsemmi Ftehim qafas u lanqas ma jfisser li hemm abbuż fis-sens ta’ din l-istess klawżola. Madakollu, fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk it-tiġdid tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat huwiex ġustifikat minn tali raġuni oġġettiva, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami, inkluż in-numru u t-tul kumplessiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi fil-passat mal-istess persuna li tħaddem. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.