SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
27 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 94/22/KE — Kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għal prospettar, esplorazzjoni u estrazzjoni ta’ idrokarburi — Aċċess mhux diskriminatorju”
Fil-Kawża C-569/10,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2010,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Szpunar, M. Drwięcki u. B. Majczyna, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2012,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-aċċess għal attività ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi ma jkunx diskriminatorju bejn l-entitajiet ikkonċernati u li l-awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ tali attività jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet ikkonċernati kollha jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet fuq il-bażi ta’ kriterji ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel il-bidu tal-perijodu tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2(2), 3(1) u 5(1) u (2) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għal prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 262). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
2 |
Skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/22 t-terminu “[‘]awtorizzazzjoni[’] jfisser kull liġi, regolament, dispożizzjoni amministrattiva jew kuntrattwali jew strument maħruġ taħtha li bih l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru jintitolaw entità li teżerċita, għaliha stess u fuq ir-riskju tagħha, dritt esklużiv li tipprospetta jew tesplora għal jew tipproduċi idrokarburi f’żona ġeografika. Awtorizzazzjoni tista’ tingħata għal kull attività separata jew għal diversi attività jiet fl-istess żmien”. |
|
3 |
L-Artikolu 2 tal-istess direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu ż-żoni fit-territorju tagħhom li għandhom jintgħamlu disponibbli għall-eżerċitar ta’ l-attività jiet ta’ prospettar, esplorazzjoni u għal produzzjoni ta’ idrokarburi. 2. Kull meta żona tintgħamel disponibbli għall-eżerċitar ta’ l-attività jiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn entitajiet fir-rigward ta’ l-aċċess għal u l-eżerċitar ta’ dawn l-attivitàjiet. B’dana kollu, l-Istati Membri jistgħu jiċħdu, fuq il-bażi ta’ sigurtà nazzjonali, li jippermettu aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ dawn l-attivitàjiet lil xi entità li hija effettivament ikkontrollata minn pajjiżi terzi jew minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi.” |
|
4 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-awtorizzazzjonijiet jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet kollha nteressati jistgħu jibgħhatu applikazzjonijiet skont il-paragrafu 2 jew 3. 2. Din il-proċedura għandha tinbeda:
L-avviżi għandhom jispeċifikaw it-tip ta’ awtorizzazzjoni, iż-żona jew iż-żoni ġeografiċi li parti minnhom jew kollha kemm huma, applikazzjoni tkun ġiet jew tkun tista’ ssir u d-data proposta jew il-limitu ta’ żmien għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni. Meta tingħata preferenza għall-applikazzjonijiet minn entitajiet li huma persuni naturali jew legali waħdanija, l-avviż għandu hekk jispeċifika. […] 5. Dan li ġej m’għandux jiġi konsidrat bħala għotja ta’ awtorizzazzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 1: […]
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/22 jipprovdi dan li ġej: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li:
Il-kriterji għandhom jitħejjew u jiġu pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej qabel il-bidu tal-perijodu għas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet. L-Istati Membri li jkunu diġà ppubblikaw il-kriterji fil-ġurnali uffiċjali tagħhom jistgħu jillimitaw il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għal referenza tal-pubblikazzjoni fil-ġurnali uffiċjali tagħhom. B’dana kollu, kull tibdil fil-kriterji għandu jiġi pubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej;
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 6(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet li għalihom jirreferi l-Artikolu 5(2) u l-obbligazzjonijiet dettaljati għall-użu ta’ awtorizzazzjoni speċifika jkunu ġġustifikati esklużżivament mill-ħtieġa li jiġi assigurat it-twettiq xieraq ta’ l-attivitajiet fiż-żona li għaliha tintalab l-awtorizzazzjoni, bl-applikazzjoni tal-paragrafu 2 u bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja jew ta’ kontribuzzjoni f’idrokarburi. 2. L-Istati Membri jisgħu, sal-limitu ġġustifikat mis-sigurtà nazzjonali, mis-sigurtà pubblika, mis-saħħa pubblika, mis-sigurtà ta’ trasport, mill-protezzjoni ta’ l-ambjent, mill-protezzjoni ta’ riżorsi bioloġiċi u teżori nazzjonali li jkollhom valur artistiku, storku jew arkeoloġiku, mis-sigurtà ta’ stallazzjonijiet u tal-ħaddiema, mill-immaniġġar ippjanat tar-riżorsi idrokarburi (per eżempju r-rata li biha l-idrokarburi jkunu eżawriti jew l-ottimizzazzjoni ta’ l-akkwist tagħhom) jew il-ħtieġa li jiġi assigurat l-introjtu tat-taxxa, jimponu kondizzjonijiet u ħtiġijiet dwar l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1).” |
Id-dritt Pollakk
|
7 |
Id-Direttiva 94/22 ġiet trasposta fid-dritt Pollakk bil-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri tal-4 ta’ Frar 1994, kif emendata (Dz. U. tal-2005, Nru 228, pożizzjoni 1947, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri”), u bir-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-proċedura ta’ għoti għall-ksib ta’ drittijiet ta’ użufrutt tal-minjieri, tal-21 ta’ Ġunju 2005 (Dz. U. Nru 135, pożizzjoni 1131, iktar ’il quddiem ir- “Regolament tal-Kunsill tal-Ministri”). |
|
8 |
L-imsemmija liġi tagħmel distinzjoni bejn id-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri, mogħti mit-Teżor pubbliku inkwantu proprjetarju tad-depożiti ta’ idrokarburi, u l-konċessjoni, mogħtija mill-Ministru għall-Ambjent. Sabiex jista’ jkun hemm prospettar, esplorazzjoni jew estrazzjoni fil-Polonja, għandhom jinkisbu kemm dritt ta’ użufrutt tal-minjieri kif ukoll konċessjoni. |
|
9 |
L-Artikolu 9 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jipprovdi li, fi ħdan il-limiti stabbiliti bil-liġijiet fis-seħħ u bil-kuntratt ta’ użufrutt tal-minjieri, l-użufruttwarju tal-minjieri jista’ jwettaq, bl-esklużjoni ta’ kull persuna oħra, attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ mineral partikolari u li, fi ħdan dawn il-limiti, l-użufruttwarju tal-minjiera jista’ jiddisponi mid-dritt tiegħu. |
|
10 |
L-Artikolu 10(1) tal-istess liġi jistabbilixxi li l-kostituzzjoni tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri ssir permezz ta’ ftehim, inkambju għal kumpens u suġġett għall-ksib ta’ konċessjoni. |
|
11 |
L-Artikolu 11(2) sa (4) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jipprovdi dan li ġej: “2. bla ħsara għal dak li huwa pprovdut fl-Artikolu 12(1), il-kostituzzjoni tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri li jkopri l-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni ta’ gass naturali, żejt mhux raffinat u d-derivati naturali tiegħu kif ukoll ta’ coalbed methane għandha tkun ippreċeduta minn sejħa għall-offerti. […] 3. L-awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ tas-sejħa għall-offerti dwar il-ksib tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri huma l-awtoritajiet inkarigati mill-għoti tal-konċessjonijiet. 4. Il-Kunsill tal-Ministri għandu jistabbilixxi, permezz ta’ regolament, ir-regoli li jirregolaw il-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ sejħa għall-offerti għall-ksib tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri kif ukoll id-data li għandha tiġi inkluża f’dawn l-avviżi, ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mill-offerent u dawk li għandhom jiġu sodisfatti mill-offerti, it-terminu għal preżentazzjoni tal-offerti, it-terminu għall-għeluq tal-proċedura ta’ għoti kif ukoll il-prinċipji u l-metodi tal-organizzazjoni u tal-eżekuzzjoni tas-sejħa għall-offerti kif ukoll dawk tal-konvokazzjoni u tal-ħidma tal-Bord tal-għoti.” |
|
12 |
L-Artikolu 12(1) u (3) tal-imsemmija liġi jipprovdi: “1. L-imprenditur li jkun esplora u ddokumenta depożiti ta’ minerali li jkun proprjetà tat-Teżor pubbliku u li jkun ħejja dokumentazzjoni ġeoloġika bil-preċiżjoni meħtieġa għall-ksib ta’ konċessjoni għall-estrazzjoni jista’ jitlob li jingħata dritt ta’ użufrutt tal-minjieri bi prijorità fuq l-entitajiet l-oħra. […] 3. Il-possibbiltà prevista fil-paragrafu 1 tiskadi ladarba jgħaddu sentejn minn meta tiġi rċevuta konferma bil-miktub li l-awtorità amministrattivà kompetenti fil-qasam ġeoloġiku taċċetta d-dokumentazzjoni.” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, konċessjoni hija meħtieġa għal: “1) l-ipprospettar jew l-esplorazzjoni ta’ depożiti ta’ minerali, 2) l-isfruttar ta’ minerali […]”. L-Artikolu 2(2) tal-istess liġi jirreferi, għal dak kollu mhux previst f’din il-Liġi, għal-Liġi dwar il-libertà tal-eżerċitar ta’ attività ekonomika (Dz. U. Nru 173, pożizzjoni 1807). |
|
14 |
L-Artikolu 17 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jipprovdi: “1. Jekk interess partikolarment importanti tal-Istat jew tal-pubbliku, li essenzjalment ikun marbut mal-ħarsien tal-ambjent, jiġġustifika dan, l-għoti ta’ konċessjoni jista’ jkun suġġett għall-kostituzzjoni ta’ garanzija, li tkun tista’ tikkumpensa l-eventwali konsegwenzi dannużi tal-eżerċizzju tal-attività koperta mill-konċessjoni. 2. Il-forma u l-ammont tal-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 huma ffissati fil-konċessjoni skont it-tip ta’ attività eżerċitata, iż-żona koperta mill-konċessjoni, il-perijodu li għalih ingħatat il-konċessjoni u l-livell ta’ ħsara għall-ambjent tal-attivita ppjanata.” |
|
15 |
L-Artikolu 18(1)(2)(b) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jipprovdi li l-applikazzjoni għall-għoti ta’ konċessjoni għandha tinkludi n-numru ta’ reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-impriżi jew fir-Reġistru tal-attivitajiet ekonomiċi. |
|
16 |
Skont l-Artikolu 20(2)(1) tal-imsemmija liġi, l-applikazzjoni għall-għoti ta’ konċessjoni għall-estrazzjoni ta’ minerali għandha tinkludi wkoll il-prova tal-fatt li l-applikant għandu dritt li juża d-dokumentazzjoni ġeoloġika. |
|
17 |
L-Artikolu 47(3) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jipprovdi: “L-entita li tkun sostniet l-ispejjeż għat-twettiq ta’ xogħlijiet ġeoloġiċi magħmula abbażi ta’ deċiżjonijiet mogħtija skont il-liġi preżenti jkollu d-dritt esklużiv li juża mingħajr ebda ħlas l-informazzjoni ġeoloġika miksuba minn dawn ix-xogħlijiet, għal finijiet ta’ esplorazzjoni, [għal finijiet] xjentifiċi, u biex iwettaq l-attivitajiet irregolati mil-liġi preżenti. Dan id-dritt jiskadi malli jgħaddu 5 snin mid-data ta’ meta ma tibqax valida d-deċiżjoni li awtorizzat ix-xogħlijiet li kienu s-sors ta’ informazzjoni jew li ppermettiet l-iżvolġiment ta’ attività oħra rregolata fil-liġi jew f’regolamenti oħra. Il-parti li għandha d-dritt li tuża l-informazzjoni ġeoloġika miksuba b’dan il-mod tista’ tagħmilha aċċessibbli għal partijiet oħra, ħlief jekk konċessjoni jew deċiżjoni li tapprova programm ta’ xogħlijiet ġeoloġiċi tipprovdi mod ieħor.” |
|
18 |
Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri: “1. Il-kundizzjonijiet partikolari tas-sejħa għall-offerti għandhom b’mod partikolari jispeċifikaw: […]
[…] 2. Fuq talba bil-miktub tal-offerent, l-organizzatur tas-sejħa għall-offerti għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar il-kundizzjonijiet partikolari tas-sejħa għall-offerti, b’effett mill-ġurnata tal-pubblikazzjoni tas-sejħa. 3. L-offerent huwa awtorizzat jikkuntattja lill-organizzatur tas-sejħa għall-offerti sabiex jitlob spjegazzjonijiet fuq il-kundizzjonijiet partikolari tas-sejħa għall-offerti, mhux iktar tard minn 14-il ġurnata qabel id-data tal-għeluq għat-tfigħ tal-offerti. 4. L-organizzatur tas-sejħa għall-offerti għandu jibgħat dawn l-ispjegazjonijiet immedjatament lill-offerenti kollha, mingħajr ma jiżvela s-sors tat-talba. L-ispjegazzjonijiet huma kkunsidrati bħala finali għall-offerenti kollha. […] 6. L-organizzatur tas-sejħa għall-offerti jista’ jestendi t-terminu għat-tfigħ tal-offerti sabiex jippermetti li l-ispjegazzjonijiet rċevuti jew il-kundizzjonijiet partikolari tas-sejħa għall-offerti jiġu riflessi mill-offerenti fl-offerti tagħhom.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża
|
19 |
Fit-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja ittra ta’ intimazzjoni, fejn invokat li l-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri ma kinitx konformi mal-Artikoli 2(2), 3(1), u 5(1) u (2) tad-Direttiva 94/22. |
|
20 |
Ir-Repubblika tal-Polonja rrispondiet għall-ittra ta’ intimazzjoni fit-23 ta’ Mejju 2007 fejn essenzjalment sostniet li hija kienet ittrasponiet b’mod korrett id-Direttiva 94/22 fid-dritt nazzjonali. |
|
21 |
Fil-31 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja opinjoni motivata fejn ikkonfermat l-ilmenti kollha li hija kienet għamlet fl-ittra ta’ intimazzjoni. |
|
22 |
B’ittra tal-20 ta’ Marzu 2008, ir-Repubblika tal-Polonja, mingħajr ma kkontestat il-fondatezza tal-ilmenti magħmula fl-opinjoni motivata, talbet l-għeluq tal-proċedura għal ksur billi sostniet li x-xogħlijiet leġiżlattivi dwar l-elaborazzjoni ta’ Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri ġdida kienu ppermettew “l-eliminazzjoni tan-nuqqasijiet” u t-tneħħija tad-“dispożizzjonijiet li kienu taw lok għad-dubji tal-Kummissjoni”. Dan l-Istat Membru barra minn hekk informa lill-Kummissjoni li kien ser jibagħtilha l-iskeda dwar dan l-abbozz ta’ liġi sal-aħħar ta’ Ġunju 2008. |
|
23 |
B’ittra tas-27 ta’ April 2010, ir-Repubblika tal-Polonja informat lill-Kummissjoni li l-imsemmi abbozz ta’ liġi kien ġie ppreżentat quddiem il-Parlament Pollakk fit-18 ta’ Novembru 2008 u li dan ma kienx f’pożizzjoni li jadottah fl-2009, iżda li l-liġi l-ġdida kellha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni hekk kif tiġi adottata. |
|
24 |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
|
25 |
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa inammissibbli minħabba li l-ilmenti magħmula fir-rikors ma humiex identiċi għal dawk li kienu saru matul il-proċedura prekontenzjuża. |
|
26 |
Il-Kummissjoni tirrispondi li s-suġġett tal-kawża u l-ilmenti magħmula matul il-proċedura prekontenzjuża huma identiċi għal dawk li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors. Is-siltiet tar-rikors li għalihom tagħmel riferiment ir-Repubblika tal-Polonja ma jinvolvux ilmenti ġodda iżda motivazzjoni ġuridika iktar iddettaljata insostenn tal-ilmenti li l-Kummissjoni kienet diġà invokat fl-opinjoni motivata tagħha. |
|
27 |
Hija tgħid ukoll li, f’kull każ, anki jekk jitqies li r-rikors jinkludi lmenti ġodda, huma biss dawn l-ilmenti l-ġodda li jistgħu jiġu ddikjarati inammissibbli u mhux l-ilmenti kollha magħmula f’dan l-istess rikors. |
|
28 |
Qabel ma tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà eċċepita mir-Repubblika tal-Polonja, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jinvoka l-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni. L-għan tar-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE huwa, għalhekk limitat mill-proċedura prekontenzjuża pprovduta minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk, ir-rikors ma jistax ikun ibbażat fuq ilmenti differenti minn dawk iddikjarati fil-proċedura prekontenzjuża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-152/98, Ġabra p. I-3463, punt 23, u tal-15 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C-340/10, punt 21). B’mod partikolari, ir-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess motivi u raġunijiet bħal dawk tal-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-50/09, Ġabra p. I-873, punt 93), li għandha tinkludi dikjarazzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Litwanja, C-274/07, Ġabra p. I-7117, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Madankollu dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-opinjoni motivata u dawk imsemmija fir-rikors (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-11/95, Ġabra p. I-4115, punt 74 u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-283/07, punt 22). |
|
30 |
Madankollu, meta l-Kummissjoni ma tkunx indikat, matul il-proċedura prekontenzjuża, li s-suġġett tal-imsemmija proċedura, jiġifieri n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu imputat lill-Istat Membru kkonċernat, imur lil hinn mid-dispożizzjonijiet nazzjonali indikati speċifikament fil-kuntest tal-imsemmija proċedura prekontenzjuża, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn jirrigwarda dispożizzjonijiet nazzjonali oħra għajr dawk indikati speċifikament matul il-proċedura prekontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1984, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 166/82, Ġabra p. I-459, punti 19 sa 22, u tat-22 ta’ Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-243/89, Ġabra p. I-3353, punti 15 sa 17). Fil-fatt, f’tali każ, jirriżulta li l-motivi tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, għaldaqstant il-bażi tiegħu, ġew estiżi mingħajr ma l-Istat Membru kkonċernat ma kellu, f’dan ir-rigward, l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jesponi b’mod effettiv il-motivi ta’ difiża tiegħu fil-konfront tal-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni. |
Fuq l-ewwel motiv tar-rikors
– L-argumenti tal-partijiet
|
31 |
Fir-rigward tal-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq l-allegat ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/22, il-Kummissjoni tosserva diskriminazzjoni bejn l-entitajiet fir-rigward tal-aċċess għall-attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi u l-eżerċizzju tagħhom. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-esklużività tad-dritt ta’ użu mingħajr ħlas tal-informazzjoni ġeoloġika minn entità li wettqet xogħlijiet ġeoloġiċi fuq il-bażi ta’ konċessjoni ta’ esplorazzjoni ta’ depożiti ta’ idrokarburi, prevista fl-Artikolu 47(3) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, flimkien mar-rekwiżit li jiġi pprovat, fl-applikazzjoni għall-għoti ta’ konċessjoni ta’ esplorazzjoni, li l-applikant għandu dritt ta’ użu tad-dokumentazzjoni ġeoloġika, previst fl-Artikolu 20(2)(1) ta’ din l-istess liġi, imorru kontra l-prinċipju ta’ aċċess mhux diskriminatorju tal-entitajiet ikkonċernati għall-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-idrokarburi. |
|
32 |
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li dan l-ilment tqajjem, għall-ewwel darba, fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li, għaldaqstant, huwa inammissibbli. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
33 |
Għalkemm huwa minnu li fl-opinjoni motivata l-Kummissjoni llimitat ruħha li tilmenta, essenzjalment, li r-Repubblika tal-Polonja ma tiggarantixxix l-aċċess mhux diskriminatorju għall-attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni, billi timponi fuq l-applikanti għal konċessjoni ta’ estrazzjoni ta’ minerali l-obbligu, kif previst fl-Artikolu 20(2)(1) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, li jipproduċu l-prova tal-eżistenza tad-dritt li jużaw id-dokumentazzjoni ġeoloġika, għandu jiġi osservat li, fil-kawża preżenti, dan l-obbligu huwa bbażat fuq il-fatt li, skont l-Artikolu 47(3) ta’ din l-istess liġi, id-dritt ta’ użu bla ħlas ta’ tali dokumentazzjoni huwa tal-entità li wettqet xogħlijiet ġeoloġiċi fuq il-bażi ta’ konċessjoni ta’ esplorazzjoni ta’ depożiti ta’ idrokarburi. |
|
34 |
Għalhekk, ir-riferiment, fir-rikors promotur, għal din it-tieni dispożizzjoni tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri għandu jiġi kkunsidrat bħala li jiżviluppa lment li diġà tqajjem mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata. |
|
35 |
Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà eċċepita mir-Repubblika tal-Polonja għandha tiġi miċħuda f’dak li jirrigwarda l-ewwel motiv tar-rikors. |
Fuq it-tieni motiv tar-rikors
– L-argumenti tal-partijiet
|
36 |
F’dak li jirrigwarda t-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/22, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja talli ma pprovdietx, fir-rigward tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, li kemm l-għoti tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri kif ukoll dak tal-konċessjoni għandu jsir permezz ta’ proċedura kompetittiva u skont metodi li jiggarantixxu aċċess mhux diskriminatorju għall-awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, il-prijorità li l-Artikolu 12 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jagħti lill-proprjetarju tad-dritt tal-użu tad-dokumentazzjoni ġeoloġika tmur ukoll kontra dan ir-rekwiżit ta’ proċedura kompetittiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 52 tal-Liġi dwar il-libertà tal-eżerċitar ta’ attività ekonomika jipprovdi għall-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ għoti biss fil-każ fejn in-numru ta’ impriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ konċessjoni u li jippreżentaw il-garanzija ta’ eżekuzzjoni korretta tal-attività koperta mill-konċessjoni jkun ikbar min-numru ta’ konċessjonijiet li huma proposti għall-għoti. |
|
37 |
Fl-aħħar nett, fir-rikors tagħha l-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 54(4) tal-imsemmija liġi jeżiġi li l-offerta tkun ippreżentata bil-Pollakk, fatt li jmur kontra l-prinċipju li jgħid li l-entitajiet ikkonċernati kollha għandu jkollhom il-possibbiltà li jippreżentaw applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni sabiex jeżerċitaw attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi. Madankollu l-Kummissjoni rrinunzjat għal dan l-ilment fir-replika tagħha. |
|
38 |
Ir-Repubblika tal-Polonja teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dawn l-ilmenti minħabba li dawn tqajmu għall-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
39 |
F’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq il-fatt li r-Repubblika tal-Polonja ma pprovdietx, fir-rigward tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/22, li kemm l-għoti tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri kif ukoll dak tal-konċessjoni għandu jsir permezz ta’ proċedura kompetittiva u skont metodi li jiggarantixxu aċċess mhux diskriminatorju għall-awtorizzazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan l-ilment diġà kien jinsab fl-opinjoni motivata. Għalhekk, dan l-ilment huwa ammissibbli fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. |
|
40 |
Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-prijorità li l-Artikolu 12 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jagħti lill-proprjetarju tad-dritt tal-użu tad-dokumentazzjoni ġeoloġika tmur ukoll kontra dan ir-rekwiżit ta’ proċedura kompetittiva, dan ma kienx is-suġġett tal-opinjoni motivata. Minn dan isegwi li dan l-ilment huwa inammissibbli. |
|
41 |
Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 52 tal-Liġi dwar il-libertà tal-eżerċitar ta’ attività ekonomika jipprovdi għall-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ għoti biss fil-każ fejn in-numru ta’ impriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ konċessjoni u li jippreżentaw il-garanzija ta’ eżekuzzjoni korretta tal-attività koperta mill-konċessjoni jkun ikbar min-numru ta’ konċessjonijiet li huma proposti għall-għoti, lanqas dan ma kien is-suġġett tal-opinjoni motivata. Għaldaqstant, dan l-ilment huwa inammissibbli. |
|
42 |
Fir-rigward tal-ilment dwar ir-rekwiżit, previst fl-Artikolu 54(4) tal-Liġi dwar il-libertà tal-eżerċitar ta’ attività ekonomika, li jgħid li l-offerta għandha tkun ippreżentata bil-Pollakk, peress li l-Kummissjoni rrinunzjat għalih, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq dan l-ilment. |
Fuq it-tielet motiv tar-rikors
– L-argumenti tal-partijiet
|
43 |
F’dak li jirrigwarda t-tielet motiv tar-rikors, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 94/22, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni Pollakka ma tittrasponix b’mod korrett ir-rekwiżit tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-kriterji ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw mill-imsemmi Artikolu 5(1). Fir-rikors tagħha l-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja wkoll talli poġġiet fuq l-istess livell, minn naħa, il-kriterju dwar il-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tal-offerent u dawk tal-portata tat-teknoloġija proposta għax-xogħlijiet ġeoloġiċi, u, min-naħa l-oħra, l-ammont propost għall-kumpens għall-istabbiliment tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri. Il-Kummissjoni reġgħet għamlet dan l-ilment matul is-seduta. |
|
44 |
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li dawn l-ilmenti huma inammissibbli peress li dawn ma tqajmux fl-opinjoni motivata. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
45 |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel ilment ibbażat fuq il-fatt li l-leġiżlazzjoni Pollakka allegatament ma tittrasponix b’mod korrett ir-rekwiżit tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-kriterji ta’ evalwazzjoni elenkati fl-Artikolu 5(1), tad-Direttiva 94/22, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ġie invokat fl-opinjoni motivata. Konsegwentement dan huwa ammissibbli. |
|
46 |
Fir-rigward tat-tieni lment espost fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, peress li l-Kummissjoni rrepetietu matul is-seduta, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq dan l-ilment. |
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel motiv tar-rikors
|
47 |
L-ewwel motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/22, huwa kompost minn żewġ partijiet. |
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv
– L-argumenti tal-partijiet
|
48 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni ssostni li billi teżiġi, fl-Artikolu 18(1)(2)(b) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, li l-applikazzjoni għall-għoti ta’ konċessjoni għandha tinkludi n-numru ta’ reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-impriżi jew fir-Reġistru tal-attivitajiet ekonomiċi, fil-Polonja, il-leġiżlazzjoni Pollakka toħloq, fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura nnifisha ta’ ksib ta’ konċessjoni, sitwazzjoni diskriminatorja fir-rigward tal-entitajiet stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jkunu jistgħu japplikaw għall-għoti ta’ konċessjoni biss jekk ikollhom impriża rreġistrata fil-Polonja. |
|
49 |
Ir-Repubblika tal-Polonja tirrispondi li l-obbligu ta’ sede previst fl-istadju tal-applikazzjoni għal konċessjoni ma jikkostitwixxix ostakolu għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika proposta peress li din il-fażi tirrigwarda l-kontroll tal-osservanza tar-rekwiżiti formali min-naħa tal-operatur u twassal, normalment, għall-għoti tal-konċessjoni. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/22, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn entitajiet fir-rigward tal-aċċess għal u l-eżerċitar tal-attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni tal-idrokarburi, fiż-żoni li huma disponibbli għall-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet. |
|
51 |
Issa, sa fejn jeżiġi li operatur ekonomiku, stabbilit fi Stat Membru ieħor u li jixtieq jikseb konċessjoni ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni jew ta’ estrazzjoni tal-idrokarburi fil-Polonja, għandu jkollu sede jew stabbiliment fit-territorju Pollakk qabel ma tingħatalu l-konċessjoni, l-Artikolu 18(1)(2)(b) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jagħmel l-aċċess għall-attività ekonomika inkwistjoni iktar diffiċli għal dan l-operatur milli għal operatur stabbilit prinċipalment fil-Polonja. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni teżiġi li l-operatur ekonomiku li japplika għall-għoti ta’ konċessjoni jagħmel investimenti, eventwalment kunsiderevoli, filwaqt li ma huwiex ċert li ser jikseb tali konċessjoni. |
|
52 |
L-Artikolu 18(1)(2)(b) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri huwa, għalhekk, inkompatibbli mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/22. |
|
53 |
Iċ-ċirkustanza allegata mir-Repubblika tal-Polonja, li tgħid li l-għoti tal-konċessjoni fir-rigward ta’ żona partikolari huwa suġġett biss għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti formali min-naħa tal-applikant u, normalment, ikun segwit mill-ksib, minn dan tal-aħħar, tad-drittijiet ta’ użufrutt tal-minjieri fuq din iż-żona, ma hijiex tali li tikkonfuta l-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti. Fil-fatt, minn naħa, ma jistax jitqies li huwa ggarantit li applikant jissodisfa, fil-każijiet kollha, ir-rekwiżiti li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ konċessjoni u, min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru nnifsu ammetta l-eżistenza ta’ każ fejn l-għoti ta’ konċessjoni kien ġie rrifjutat. |
|
54 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv hija fondata. |
Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv
– L-argumenti tal-partijiet
|
55 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-esklużività tad-dritt ta’ użu mingħajr ħlas tal-informazzjoni ġeoloġika minn entità li wettqet xogħlijiet ġeoloġiċi fuq il-bażi ta’ konċessjoni ta’ esplorazzjoni ta’ depożiti ta’ idrokarburi, kif prevista fl-Artikolu 47(3) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, flimkien mar-rekwiżit, previst fl-Artikolu 20(2)(1) ta’ din l-istess liġi, li fl-applikazzjoni għall-għoti ta’ konċessjoni ta’ esplorazzjoni jiġi pprovat li l-applikant għandu dritt ta’ użu tad-dokumentazzjoni ġeoloġika, imorru kontra l-prinċipju ta’ aċċess mhux diskriminatorju tal-entitajiet ikkonċernati għall-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-idrokarburi. Fil-fatt, li tkun preċedentement kisbet konċessjoni ta’ esplorazzjoni ta’ depożiti ta’ idrokarburi jkunu ffavoriti meta mqabbla ma’ entitajiet oħra kkonċernati mill-għoti ta’ konċessjoni ta’ estrazzjoni. |
|
56 |
F’dan ir-rigward ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, skont id-dritt Pollakk, kull entità kkonċernata tibbenefika minn aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-ksib ta’ konċessjonijiet dwar xogħlijiet ta’ prospettar jew ta’ esplorazzjoni ta’ idrokarburi. Konsegwentement, kull entità għandha l-possibbiltà li tiddokumenta depożitu ta’ minerali billi tfassal dokumentazzjoni ġeoloġika dwaru u, konsegwentement, li tikseb id-dritt esklużiv li tuża din l-informazzjoni ġeoloġika. |
|
57 |
Ir-regoli applikabbli fil-Polonja dwar id-dritt għal informazzjoni ġeoloġika, li jagħtu d-dritt ta’ użu ta’ din l-informazzjoni lill-entitajiet li huma nnifishom sostnew l-ispejjeż neċessarji għall-ksib ta’ din l-informazzjoni, huma bbażati fuq wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Pollakk u tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-osservanza tad-dritt għall-proprjetà u tad-drittijiet patrimonjali l-oħra. |
|
58 |
Skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 47(3) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jittrasponi l-Artikolu 3(5)(b) tad-Direttiva 94/22, li jipprovdi li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni lill-entità li jkollha forma oħra ta’ awtorizzazzjoni meta l-pussess ta’ din l-awtorizzazzjoni tal-aħħar jimplika dritt għall-għoti tal-awtorizzazzjoni preċedenti, ma huwiex ikkunsidrat bħala għoti ta’ awtorizzazzjoni. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
59 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikoli 10(1) u 11(2) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, il-kostituzzjoni tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri li jkopri l-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni ta’ gass naturali, żejt mhux raffinat u d-derivati naturali tiegħu kif ukoll ta’ coalbed methane għandha tkun ippreċeduta, bla ħsara għall-Artikolu 12(1) ta’ din l-istess liġi, minn sejħa għall-offerti u ssir permezz ta’ ftehim, inkambju għal kumpens u suġġett għall-ksib ta’ konċessjoni. |
|
60 |
Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 47(3) u 20(2)(1) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri twassal biex, fil-perijodu ta’ esklużività ta’ ħames snin, l-entità kkonċernata li tkun rebħet is-sejħa għall-offerti dwar id-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri li jkopri l-estrazzjoni ta’ idrokarburi kkonċernati, tkun tista’ tikseb il-konċessjoni ta’ estrazzjoni biss jekk l-entità li tkun preċedentement wettqet ix-xogħlijiet ġeoloġiċi u li jkollha, għalhekk, id-dritt esklużiv ta’ użu tad-dokumentazzjoni ġeoloġika tqiegħed dik id-dokumentazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha. |
|
61 |
Għalhekk jirriżulta li s-sistema inkwistjoni, fid-dawl tal-pożizzjoni vantaġġuża li hija tagħti, matul il-perijodu ta’ ħames snin, lill-entità li tkun diġà eżerċitat attivitajiet ta’ prospettar u ta’ esplorazzjoni, tagħmilha f’kull każ iktar diffiċli, jekk mhux saħansitra impossibbli, li l-entità li ma wettqitx il-prospettazzjoni u lanqas l-esplorazzjoni tad-depożiti kkonċernati tikseb l-awtorizzazzjoni ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi. |
|
62 |
Din il-konklużjoni ma tista’ fl-ebda każ tiġi kkonfutata mill-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li l-awtorizzazzjoni prevista mill-proċedura nazzjonali tinkludi kemm il-konċessjoni dwar il-prospettazzjoni u l-esplorazzjoni kif ukoll dik dwar l-estrazzjoni. |
|
63 |
Barra minn hekk, għalkemm huwa permess li l-Istati Membri jiggarantixxu ċertu kumpens favur l-entità li sostniet spejjeż sabiex tistabbilixxi d-dokumentazzjoni ġeoloġika matul l-attivitajiet tagħha ta’ prospettar u ta’ esplorazzjoni, tali kumpens ma jistax ikun fil-forma magħżula mil-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, mingħajr ma jikser ir-regola tal-aċċess mhux diskriminatorju tal-entitajiet kollha għall-attivitajiet, b’mod partikolari, ta’ esplorazzjoni tal-idrokarburi, kif stabbilita fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/22. |
|
64 |
Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel motiv hija fondata. |
|
65 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar il-fuq, l-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi milqugħ. |
Fuq it-tieni motiv tar-rikors
|
66 |
It-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/22, huwa kompost minn żewġ partijiet. |
Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv
– L-argumenti tal-partijiet
|
67 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri ma tiggarantixxix li proċedura kompetittiva li tosserva l-prinċipji previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22 għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi għandha tinbeda f’kull każ. |
|
68 |
Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-għażla tar-Repubblika tal-Polonja li żżid, mal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/22, in-neċessità li jinkiseb dritt ta’ użufrutt tal-minjieri u sussegwentement konċessjoni. F’dan il-każ, madankollu, il-ksib ta’ dawn iż-żewġ drittijiet għandu jsir skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22 u skont metodi li jiggarantixxu aċċess mhux diskriminatorju għall-awtorizzazzjoni. Issa, huwa biss id-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri li jingħata permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti, filwaqt li l-konċessjoni tingħata fuq il-bażi ta’ proċedura fuq titoli. |
|
69 |
Ir-Repubblika tal-Polonja tfakkar li, fis-sistema prevista mil-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, l-awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/22 hija komposta kemm mid-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri kif ukoll mill-konċessjoni. |
|
70 |
Kull entità tista’ titlob l-istabbiliment ta’ dritt ta’ użufrutt tal-minjieri, u dan jagħtiha l-possibbiltà li tikseb konċessjoni. Kull offerta ppreżentata fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti dwar l-istabbiliment tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri għandha tiġi evalwata skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. |
|
71 |
Il-fatt li, fil-prattika, hija biss impriża waħda li hija ammessa fil-proċedura amministrattiva ta’ natura formali dwar l-għoti tal-konċessjoni, jiġifieri l-entità li l-offerta tagħha ġiet ikkunsidrata bħala l-aħjar u li, għaldaqstant, intgħażlet wara s-sejħa għall-offerti dwar l-istabbiliment tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri, jikkonferma, skont ir-Repubblika tal-Polonja, li l-għoti tal-konċessjoni huwa deċiż mir-riżultat tas-sejħa għall-offerti dwar id-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri. Konsegwentement, l-għan tad-Direttiva 94/22, li huwa li l-konċessjoni tingħata lill-entità li tkun ippreżentat l-aħjar offerta fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, evalwata skont kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji, jintlaħaq permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha kkunsidrati flimkien. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
72 |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/22, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet kollha kkonċernati jistgħu jibagħtu applikazzjonijiet skont il-paragrafu 2 jew 3 ta’ dan l-artikolu. |
|
73 |
Huwa paċifiku li, skont il-proċedura nazzjonali kif stabbilita mil-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, l-awtorizzazzjoni sabiex jiġi eżerċitat id-dritt esklużiv ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni tal-idrokarburi f’żona ġeografika, fis-sens tal-Artikolu 1(3), tad-Direttiva 94/22, hija komposta kemm mid-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri kif ukoll mill-konċessjoni. |
|
74 |
Issa, l-fatt li huwa biss id-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri li jingħata permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti, filwaqt li l-għoti tal-konċessjoni lill-offerent magħżul sabiex jingħata dan id-dritt huwa suġġett biss għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti formali, ma huwiex, fih innifsu, inkompatibbli mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/22. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż a priori li tali sistema tista’ tiggarantixxi li “l-awtorizzazzjonijiet jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet kollha kkonċernati li jistgħu jibgħatu applikazzjonijiet” fis-sens ta’ dan l-Artikolu. Dan jgħodd b’mod partikolari fil-każ fejn l-entitajiet kollha interessati jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet dwar l-għoti tad-dritt ta’ użufrutt taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji, u fejn l-għoti tal-konċessjoni lill-offerent magħżul sabiex jingħata dan id-dritt ikun suġġett biss għal rekwiżiti li ma jimplikawx evalwazzjoni tal-merti tal-applikazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 5(1)(d) tad-Direttiva 94/22. |
|
75 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv ma hijiex fondata. |
Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv
– L-argumenti tal-partijiet
|
76 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-avviż li jħabbar in-neċessità li ssir sejħa għall-offerti huwa ppubblikat biss fid-Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja), u mhux f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif jeżiġi l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva. |
|
77 |
Ir-Repubblika tal-Polonja tindika li, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri, l-avviż tas-sejħa għall-offerti dwar l-għoti ta’ dritt ta’ użufrutt tal-minjieri li jkopri l-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni ta’ gass naturali, żejt mhux raffinat u d-derivati naturali tiegħu kif ukoll ta’ coalbed methane, ukoll għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
78 |
Skont kliem l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, il-proċedura li fiha l-entitajiet kollha kkonċernati għadhom ikunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni hija miftuħa jew fuq l-inizjattiva ta’ l-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ avviż li jistieden applikazzjonijiet, li għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew jew permezz ta’ avviż li jistieden applikazzjonijiet, li għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni minn xi entità. |
|
79 |
Huwa paċifiku li dan ir-rekwiżit ta’ pubblikazzjoni huwa, fir-rigward tal-għoti tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri, osservat fl-ordinament ġuridiku Pollakk. |
|
80 |
Issa, il-fatt li l-proċedura ta’ konċessjoni ma hijiex is-suġġett ta’ tali pubblikazzjoni ma jmurx, fih innifsu u għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tat-tieni motiv, kontra l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22 u għaldaqstant lanqas kontra l-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva. |
|
81 |
Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni motiv ma hijiex fondata u li, għaldaqstant, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet motiv
|
82 |
It-tielet motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 94/22, huwa issa magħmul minn tlett partijiet. |
Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv
– L-argumenti tal-partijiet
|
83 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn l-Artikolu 17 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jipprovdi li, jekk interess partikolarment importanti tal-Istat jew tal-pubbliku, li essenzjalment ikun marbut mal-ħarsien tal-ambjent, jiġġustifika dan, l-għoti ta’ konċessjoni jista’ jkun suġġett għall-kostituzzjoni ta’ garanzija, li tkun tista’ tikkumpensa l-eventwali konsegwenzi dannużi tal-eżerċizzju tal-attività koperta mill-konċessjoni, dan l-artikolu jmur kontra l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 94/22. Il-Kummissjoni barra minn hekk tosserva li l-fatt li l-għoti tal-konċessjoni huwa suġġett għall-kostituzzjoni ta’ garanzija ma jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, dispożizzjoni li ma tikkonċernax l-għoti jew ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni, iżda biss is-sitwazzjoni fid-data ta’ meta tingħata l-awtorizzazzjoni. |
|
84 |
Ir-Repubblika tal-Polonja tirrifjuta t-teżi tal-Kummissjoni u tikkunsidra l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 94/22 jippermetti li l-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tagħti l-konċessjoni tissuġġetta l-għoti tal-konċessjoni għall-kostituzzjoni ta’ garanzija meta interess partikolarment importanti tal-Istat, marbut b’mod partikolari mal-protezzjoni tal-ambjent, ikun jiġġustifika dan. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
85 |
Skont kliem l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 94/22, l-awtorizzazzjonijiet jingħataw fuq il-bażi tal-kriterji li jikkonċernaw, fil-każi kollha, il-kapaċità teknika u finanzjarja tal-entitajiet. |
|
86 |
Għalkemm huwa ċertament minnu li garanzija, li għaliha jista’ jkun suġġett l-għoti ta’ konċessjoni, fis-sens tal-Artikolu 17 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, ma taqax taħt l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 94/22. |
|
87 |
Madankollu, minn qari flimkien tal-Artikoli 5(2), u 6(1) u (2) tad-Direttiva 94/22 jirriżulta li, jekk interess partikolarment importanti tal-Istat jew tal-pubbliku, li essenzjalment ikun marbut mal-ħarsien tal-ambjent, jiġġustifika dan, Stat Membru jista’, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 17 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, jissuġġetta l-għoti ta’ konċessjoni għall-kostituzzjoni ta’ garanzija, li tkun tista’ tikkumpensa l-eventwali konsegwenzi dannużi tal-eżerċizzju tal-attività koperta mill-konċessjoni. |
|
88 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv ma hijiex fondata. |
Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv
– L-argumenti tal-partijiet
|
89 |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-kriterji preċiżi dwar l-elementi msemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 94/22 ma huwiex traspost b’mod sodisfaċenti fl-ordinament ġuridiku Pollakk. |
|
90 |
Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-fatt li kisret l-obbligu li tippubblika u tiddefinixxi b’mod ċar il-kriterji ta’ evalwazzjoni kollha tal-offerta tal-entitajiet ikkonċernati. Hija ssostni li dan l-obbligu huwa sodisfatt bl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
91 |
Skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 94/22, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kriterji, li abbażi tagħhom jingħataw l-awtorizzazzjonijiet, jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej qabel il-bidu tal-perijodu għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet. |
|
92 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif indikat il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri invokat minn dan l-Istat isemmi biss tipi ta’ kriterji li abbażi tagħhom offerta titqies li hija l-iktar waħda vantaġġuża. Barra minn hekk, għalkemm, hekk kif osservat il-Kummissjoni, l-Artikolu 4(2) u (3) tal-istess regolament jipprovdi għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviżi ta’ sejħiet għall-offerti li għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerti, madankollu fil-prattika jirriżulta li l-Gvern Pollakk illimita ruħu li jippubblika fl-imsemmi Ġurnal Uffiċjali l-kategoriji ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerti, filwaqt għad-determinazzjoni preċiża ta’ dawn il-kriterji huwa jagħmel sempliċement riferiment għall-“kundizzjonijiet fid-dettall tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti dwar il-ksib ta’ drittijiet ta’ użufrutt tal-minjieri għall-ipprospettar u l-esplorazzjoni ta’ depożiti ta’ żejt u ta’ gass naturali f’ċerti żoni ta’ konċessjoni”, li jistgħu jintalbu mingħand id-dipartiment kompetenti tal-Ministeru tal-Ambjent. |
|
93 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja ma adottatx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura traspożizzjoni sodisfaċenti tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 94/22 fl-ordinament ġuridiku Pollakk. |
|
94 |
Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet motiv hija fondata. |
Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv
– L-argumenti tal-partijiet
|
95 |
Permezz tat-tielet parti tat-tielet motiv tagħha, ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 94/22, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Pollakka ma tiggarantixxix li r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet kollha dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet koperti mill-imsemmija direttiva jkunu stabbiliti u mpoġġija għad-dispożizzjoni tal-entitajiet ikkonċernati sa mid-data ta’ meta jistgħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet. |
|
96 |
Ir-Repubblika tal-Polonja, filwaqt li tikkontesta l-ilment invokat mill-Kummissjoni, tillimita ruħha li tindika li l-leġiżlazzjoni Pollakka tipprevedi l-komunikazzjoni tal-informazzjoni kollha neċessarja lill-entitajiet ikkonċernati u li din l-informazzjoni hija aċċessibbli f’ċertu stadju tal-proċedura, bla ħsara għall-possibbiltà, biss f’każijiet eċċezzjonali, li ċerti kundizzjonijiet jiġu ppreċiżati fl-atti ta’ konċessjoni. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
97 |
Hekk kif previst fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 94/22, il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-eżerċizzju jew it-terminazzjoni tal-attività, li japplikaw għal kull tip ta’ awtorizzazzjoni bis-saħħa tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, sew jekk ikunu previsti fl-awtorizzazzjoni u sew jekk ikunu waħda mill-kundizzjonijiet li għandha tiġi aċċettata qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, ikunu stabbiliti u jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-entitajiet ikkonċernati f’kull żmien. Fil-każ li għalih jipprovdi l-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, dawn jistgħu jitpoġġew għad-dispożizzjoni biss mid-data li tibda minn meta l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jistgħu jintbagħtu. |
|
98 |
Issa, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-ilment li jifforma t-tielet parti tat-tielet motiv invokat mill-Kummissjoni, hija ma tirrifjutax l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-leġiżlazzjoni Pollakka ma tiggarantixxix li r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet kollha dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet koperti mid-Direttiva 94/22 ikunu stabbiliti u mpoġġija għad-dispożizzjoni tal-entitajiet ikkonċernati sa mid-data ta’ meta jistgħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet. |
|
99 |
Għaldaqstant, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma hijiex konformi mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 94/22. |
|
100 |
Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet motiv hija fondata. |
|
101 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, it-tielet motiv invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi miċħud fir-rigward tal-ewwel parti tiegħu u għandu jiġi milqugħ fir-rigward tat-tieni u t-tielet parti tiegħu. |
|
102 |
Għaldaqstant, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-aċċess għal attività ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi ma jkunx diskriminatorju bejn l-entitajiet ikkonċernati u li l-awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ tali attività jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet ikkonċernati kollha jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet fuq il-bażi ta’ kriterji ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel il-bidu tal-perijodu tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2(2), 3(1) u 5(1) u (2) tad-Direttiva 94/22/KE u, min-naħa l-oħra, li l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
|
103 |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Fil-kawża preżenti, peress li kull parti tilfet fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħha, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-Kawża C-569/10,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2010,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Szpunar, M. Drwięcki u. B. Majczyna, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2012,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-aċċess għal attività ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi ma jkunx diskriminatorju bejn l-entitajiet ikkonċernati u li l-awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ tali attività jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet ikkonċernati kollha jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet fuq il-bażi ta’ kriterji ppubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel il-bidu tal-perijodu tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2(2), 3(1) u 5(1) u (2) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għal prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 262).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
2. Skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/22 t-terminu “[‘]awtorizzazzjoni[’] jfisser kull liġi, regolament, dispożizzjoni amministrattiva jew kuntrattwali jew strument maħruġ taħtha li bih l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru jintitolaw entità li teżerċita, għaliha stess u fuq ir-riskju tagħha, dritt esklużiv li tipprospetta jew tesplora għal jew tipproduċi idrokarburi f’żona ġeografika. Awtorizzazzjoni tista’ tingħata għal kull attività separata jew għal diversi attività jiet fl-istess żmien”.
3. L-Artikolu 2 tal-istess direttiva jipprovdi:
“1. L-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu ż-żoni fit-territorju tagħhom li għandhom jintgħamlu disponibbli għall-eżerċitar ta’ l-attività jiet ta’ prospettar, esplorazzjoni u għal produzzjoni ta’ idrokarburi.
2. Kull meta żona tintgħamel disponibbli għall-eżerċitar ta’ l-attività jiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn entitajiet fir-rigward ta’ l-aċċess għal u l-eżerċitar ta’ dawn l-attivitàjiet.
B’dana kollu, l-Istati Membri jistgħu jiċħdu, fuq il-bażi ta’ sigurtà nazzjonali, li jippermettu aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ dawn l-attivitàjiet lil xi entità li hija effettivament ikkontrollata minn pajjiżi terzi jew minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi.”
4. L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-awtorizzazzjonijiet jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet kollha nteressati jistgħu jibgħhatu applikazzjonijiet skont il-paragrafu 2 jew 3.
2. Din il-proċedura għandha tinbeda:
a) jew fuq l-inizjattiva ta’ l-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ avviz li jistieden applikazzjonijiet, li għandu jiġi pubblikat f’ Il - Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropew ta’ mill-anqas 90 jum qabel id-data ta’ l-għeluq għall-applikazzjonijiet;
b) jew permezz ta’ avviż li jistieden applikazzjonijiet, li għandhom jiġu ppubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni minn xi entità mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(1). Entitajiet oħra interessati għandhom jkollhom perijodu ta’ mill-anqas 90 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni li fiha jkunu jistgħu jibgħatu applikazzjoni.
L-avviżi għandhom jispeċifikaw it-tip ta’ awtorizzazzjoni, iż-żona jew iż-żoni ġeografiċi li parti minnhom jew kollha kemm huma, applikazzjoni tkun ġiet jew tkun tista’ ssir u d-data proposta jew il-limitu ta’ żmien għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni.
Meta tingħata preferenza għall-applikazzjonijiet minn entitajiet li huma persuni naturali jew legali waħdanija, l-avviż għandu hekk jispeċifika.
[…]
5. Dan li ġej m’għandux jiġi konsidrat bħala għotja ta’ awtorizzazzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 1:
[…]
b) l-għoti ta’ awtorizzazzjoni lill-entità li jkollha forma oħra ta’ awtorizzazzjoni meta il-pussess ta’ din l-awtorizzazzjoni ta’ l-aħħar timplika dritt għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni preċedenti;
[…]”
5. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/22 jipprovdi dan li ġej:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li:
1) l-awtorizzazzjonijiet jingħataw fuq il-bażi tal-kriterji li jikkonċernaw, fil-każi kollha:
a) il-kapaċità teknika u finanzjarja ta’ l-entitajiet;
u
b) il-mod li bih jipproponu li jipprospettaw, jesploraw u/jew iġibu fi produzzjoni iż-żona ġeografika f’dak il-każ;
u, fejn applikabbli:
ċ) jekk l-awtorizzazzjoni tingħata għall-bejgħ, il-prezz li l-entità hija lesta li tħallas biex tikseb l-awtorizzazzjonijiet;
d) jekk, wara evalutazzjoni [evalwazzjoni] permezz tal-kriterji (a), (b) u, fejn applikabbli, (ċ), żewġ applikazzjonijiet jew aktar ikollhom mertu ndaqs, kriterji oħra relevanti u mhux diskriminatorji, biex issir għażla finali minn dawk l-applikazzjonijiet.
[…]
Il-kriterji għandhom jitħejjew u jiġu pubblikati f’ Il - Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej qabel il-bidu tal-perijodu għas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet. L-Istati Membri li jkunu diġà ppubblikaw il-kriterji fil-ġurnali uffiċjali tagħhom jistgħu jillimitaw il-pubblikazzjoni f’ Il - Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għal referenza tal-pubblikazzjoni fil-ġurnali uffiċjali tagħhom. B’dana kollu, kull tibdil fil-kriterji għandu jiġi pubblikat f’Il - Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ;
2) il-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju jew it-terminazzjoni ta’ l-attività li tapplika għal kull tip ta’ awtorizzazzjoni bis-saħħa tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fiż-żmien tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet, sew jekk ikunu fl-awtorizzazzjoni jew ikunu waħda mill-kondizzjonijiet li għandha tiġi aċċettata qabel l-għoti ta’ dik l-awtorizzazzjoni, ikunu stabbiliti u magħmula disponibbli għall-entitajiet interessati f’kull żmien. Fil-każ li għalih jipprovdi l-Artikolu 3(2)(a), jistgħu jitgħamlu disponibbli biss mid-data li tibda minn meta l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jistgħu jintbagħtu;
[…]”
6. L-Artikolu 6(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet li għalihom jirreferi l-Artikolu 5(2) u l-obbligazzjonijiet dettaljati għall-użu ta’ awtorizzazzjoni speċifika jkunu ġġustifikati esklużżivament mill-ħtieġa li jiġi assigurat it-twettiq xieraq ta’ l-attivitajiet fiż-żona li għaliha tintalab l-awtorizzazzjoni, bl-applikazzjoni tal-paragrafu 2 u bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja jew ta’ kontribuzzjoni f’idrokarburi.
2. L-Istati Membri jisgħu, sal-limitu ġġustifikat mis-sigurtà nazzjonali, mis-sigurtà pubblika, mis-saħħa pubblika, mis-sigurtà ta’ trasport, mill-protezzjoni ta’ l-ambjent, mill-protezzjoni ta’ riżorsi bioloġiċi u teżori nazzjonali li jkollhom valur artistiku, storku jew arkeoloġiku, mis-sigurtà ta’ stallazzjonijiet u tal-ħaddiema, mill-immaniġġar ippjanat tar-riżorsi idrokarburi (per eżempju r-rata li biha l-idrokarburi jkunu eżawriti jew l-ottimizzazzjoni ta’ l-akkwist tagħhom) jew il-ħtieġa li jiġi assigurat l-introjtu tat-taxxa, jimponu kondizzjonijiet u ħtiġijiet dwar l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1).”
Id-dritt Pollakk
7. Id-Direttiva 94/22 ġiet trasposta fid-dritt Pollakk bil-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri tal-4 ta’ Frar 1994, kif emendata (Dz. U. tal-2005, Nru 228, pożizzjoni 1947, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri”), u bir-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-proċedura ta’ għoti għall-ksib ta’ drittijiet ta’ użufrutt tal-minjieri, tal-21 ta’ Ġunju 2005 (Dz. U. Nru 135, pożizzjoni 1131, iktar ’il quddiem ir- “Regolament tal-Kunsill tal-Ministri”).
8. L-imsemmija liġi tagħmel distinzjoni bejn id-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri, mogħti mit-Teżor pubbliku inkwantu proprjetarju tad-depożiti ta’ idrokarburi, u l-konċessjoni, mogħtija mill-Ministru għall-Ambjent. Sabiex jista’ jkun hemm prospettar, esplorazzjoni jew estrazzjoni fil-Polonja, għandhom jinkisbu kemm dritt ta’ użufrutt tal-minjieri kif ukoll konċessjoni.
9. L-Artikolu 9 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jipprovdi li, fi ħdan il-limiti stabbiliti bil-liġijiet fis-seħħ u bil-kuntratt ta’ użufrutt tal-minjieri, l-użufruttwarju tal-minjieri jista’ jwettaq, bl-esklużjoni ta’ kull persuna oħra, attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ mineral partikolari u li, fi ħdan dawn il-limiti, l-użufruttwarju tal-minjiera jista’ jiddisponi mid-dritt tiegħu.
10. L-Artikolu 10(1) tal-istess liġi jistabbilixxi li l-kostituzzjoni tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri ssir permezz ta’ ftehim, inkambju għal kumpens u suġġett għall-ksib ta’ konċessjoni.
11. L-Artikolu 11(2) sa (4) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jipprovdi dan li ġej:
“2. bla ħsara għal dak li huwa pprovdut fl-Artikolu 12(1), il-kostituzzjoni tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri li jkopri l-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni ta’ gass naturali, żejt mhux raffinat u d-derivati naturali tiegħu kif ukoll ta’ coalbed methane għandha tkun ippreċeduta minn sejħa għall-offerti.
[…]
3. L-awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ tas-sejħa għall-offerti dwar il-ksib tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri huma l-awtoritajiet inkarigati mill-għoti tal-konċessjonijiet.
4. Il-Kunsill tal-Ministri għandu jistabbilixxi, permezz ta’ regolament, ir-regoli li jirregolaw il-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ sejħa għall-offerti għall-ksib tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri kif ukoll id-data li għandha tiġi inkluża f’dawn l-avviżi, ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mill-offerent u dawk li għandhom jiġu sodisfatti mill-offerti, it-terminu għal preżentazzjoni tal-offerti, it-terminu għall-għeluq tal-proċedura ta’ għoti kif ukoll il-prinċipji u l-metodi tal-organizzazjoni u tal-eżekuzzjoni tas-sejħa għall-offerti kif ukoll dawk tal-konvokazzjoni u tal-ħidma tal-Bord tal-għoti.”
12. L-Artikolu 12(1) u (3) tal-imsemmija liġi jipprovdi:
“1. L-imprenditur li jkun esplora u ddokumenta depożiti ta’ minerali li jkun proprjetà tat-Teżor pubbliku u li jkun ħejja dokumentazzjoni ġeoloġika bil-preċiżjoni meħtieġa għall-ksib ta’ konċessjoni għall-estrazzjoni jista’ jitlob li jingħata dritt ta’ użufrutt tal-minjieri bi prijorità fuq l-entitajiet l-oħra.
[…]
3. Il-possibbiltà prevista fil-paragrafu 1 tiskadi ladarba jgħaddu sentejn minn meta tiġi rċevuta konferma bil-miktub li l-awtorità amministrattivà kompetenti fil-qasam ġeoloġiku taċċetta d-dokumentazzjoni.”
13. Skont l-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, konċessjoni hija meħtieġa għal: “1) l-ipprospettar jew l-esplorazzjoni ta’ depożiti ta’ minerali, 2) l-isfruttar ta’ minerali […]”. L-Artikolu 2(2) tal-istess liġi jirreferi, għal dak kollu mhux previst f’din il-Liġi, għal-Liġi dwar il-libertà tal-eżerċitar ta’ attività ekonomika (Dz. U. Nru 173, pożizzjoni 1807).
14. L-Artikolu 17 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jipprovdi:
“1. Jekk interess partikolarment importanti tal-Istat jew tal-pubbliku, li essenzjalment ikun marbut mal-ħarsien tal-ambjent, jiġġustifika dan, l-għoti ta’ konċessjoni jista’ jkun suġġett għall-kostituzzjoni ta’ garanzija, li tkun tista’ tikkumpensa l-eventwali konsegwenzi dannużi tal-eżerċizzju tal-attività koperta mill-konċessjoni.
2. Il-forma u l-ammont tal-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 huma ffissati fil-konċessjoni skont it-tip ta’ attività eżerċitata, iż-żona koperta mill-konċessjoni, il-perijodu li għalih ingħatat il-konċessjoni u l-livell ta’ ħsara għall-ambjent tal-attivita ppjanata.”
15. L-Artikolu 18(1)(2)(b) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jipprovdi li l-applikazzjoni għall-għoti ta’ konċessjoni għandha tinkludi n-numru ta’ reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-impriżi jew fir-Reġistru tal-attivitajiet ekonomiċi.
16. Skont l-Artikolu 20(2)(1) tal-imsemmija liġi, l-applikazzjoni għall-għoti ta’ konċessjoni għall-estrazzjoni ta’ minerali għandha tinkludi wkoll il-prova tal-fatt li l-applikant għandu dritt li juża d-dokumentazzjoni ġeoloġika.
17. L-Artikolu 47(3) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jipprovdi:
“L-entita li tkun sostniet l-ispejjeż għat-twettiq ta’ xogħlijiet ġeoloġiċi magħmula abbażi ta’ deċiżjonijiet mogħtija skont il-liġi preżenti jkollu d-dritt esklużiv li juża mingħajr ebda ħlas l-informazzjoni ġeoloġika miksuba minn dawn ix-xogħlijiet, għal finijiet ta’ esplorazzjoni, [għal finijiet] xjentifiċi, u biex iwettaq l-attivitajiet irregolati mil-liġi preżenti. Dan id-dritt jiskadi malli jgħaddu 5 snin mid-data ta’ meta ma tibqax valida d-deċiżjoni li awtorizzat ix-xogħlijiet li kienu s-sors ta’ informazzjoni jew li ppermettiet l-iżvolġiment ta’ attività oħra rregolata fil-liġi jew f’regolamenti oħra. Il-parti li għandha d-dritt li tuża l-informazzjoni ġeoloġika miksuba b’dan il-mod tista’ tagħmilha aċċessibbli għal partijiet oħra, ħlief jekk konċessjoni jew deċiżjoni li tapprova programm ta’ xogħlijiet ġeoloġiċi tipprovdi mod ieħor.”
18. Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri:
“1. Il-kundizzjonijiet partikolari tas-sejħa għall-offerti għandhom b’mod partikolari jispeċifikaw:
[…]
4) l-informazzjoni fuq id-dokumenti li l-offerent għandu jipproduċi sabiex juri li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, b’mod partikolari s-silta tar-Reġistru tal-impriżi u d-dikjarazzjoni li tikkonferma li ma huwiex eskluż mill-proċedura ta’ għoti skont l-Artikolu 5(2);
5) il-kriterji oġġettivi ta’ evalwazzjo ni tal-offerti jassiguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni leali u jiddefinixxu s-sinjifikat tagħhom.
[…]
2. Fuq talba bil-miktub tal-offerent, l-organizzatur tas-sejħa għall-offerti għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar il-kundizzjonijiet partikolari tas-sejħa għall-offerti, b’effett mill-ġurnata tal-pubblikazzjoni tas-sejħa.
3. L-offerent huwa awtorizzat jikkuntattja lill-organizzatur tas-sejħa għall-offerti sabiex jitlob spjegazzjonijiet fuq il-kundizzjonijiet partikolari tas-sejħa għall-offerti, mhux iktar tard minn 14-il ġurnata qabel id-data tal-għeluq għat-tfigħ tal-offerti.
4. L-organizzatur tas-sejħa għall-offerti għandu jibgħat dawn l-ispjegazjonijiet immedjatament lill-offerenti kollha, mingħajr ma jiżvela s-sors tat-talba. L-ispjegazzjonijiet huma kkunsidrati bħala finali għall-offerenti kollha.
[…]
6. L-organizzatur tas-sejħa għall-offerti jista’ jestendi t-terminu għat-tfigħ tal-offerti sabiex jippermetti li l-ispjegazzjonijiet rċevuti jew il-kundizzjonijiet partikolari tas-sejħa għall-offerti jiġu riflessi mill-offerenti fl-offerti tagħhom.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża
19. Fit-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja ittra ta’ intimazzjoni, fejn invokat li l-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri ma kinitx konformi mal-Artikoli 2(2), 3(1), u 5(1) u (2) tad-Direttiva 94/22.
20. Ir-Repubblika tal-Polonja rrispondiet għall-ittra ta’ intimazzjoni fit-23 ta’ Mejju 2007 fejn essenzjalment sostniet li hija kienet ittrasponiet b’mod korrett id-Direttiva 94/22 fid-dritt nazzjonali.
21. Fil-31 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja opinjoni motivata fejn ikkonfermat l-ilmenti kollha li hija kienet għamlet fl-ittra ta’ intimazzjoni.
22. B’ittra tal-20 ta’ Marzu 2008, ir-Repubblika tal-Polonja, mingħajr ma kkontestat il-fondatezza tal-ilmenti magħmula fl-opinjoni motivata, talbet l-għeluq tal-proċedura għal ksur billi sostniet li x-xogħlijiet leġiżlattivi dwar l-elaborazzjoni ta’ Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri ġdida kienu ppermettew “l-eliminazzjoni tan-nuqqasijiet” u t-tneħħija tad-“dispożizzjonijiet li kienu taw lok għad-dubji tal-Kummissjoni”. Dan l-Istat Membru barra minn hekk informa lill-Kummissjoni li kien ser jibagħtilha l-iskeda dwar dan l-abbozz ta’ liġi sal-aħħar ta’ Ġunju 2008.
23. B’ittra tas-27 ta’ April 2010, ir-Repubblika tal-Polonja informat lill-Kummissjoni li l-imsemmi abbozz ta’ liġi kien ġie ppreżentat quddiem il-Parlament Pollakk fit-18 ta’ Novembru 2008 u li dan ma kienx f’pożizzjoni li jadottah fl-2009, iżda li l-liġi l-ġdida kellha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni hekk kif tiġi adottata.
24. Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
25. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa inammissibbli minħabba li l-ilmenti magħmula fir-rikors ma humiex identiċi għal dawk li kienu saru matul il-proċedura prekontenzjuża.
26. Il-Kummissjoni tirrispondi li s-suġġett tal-kawża u l-ilmenti magħmula matul il-proċedura prekontenzjuża huma identiċi għal dawk li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors. Is-siltiet tar-rikors li għalihom tagħmel riferiment ir-Repubblika tal-Polonja ma jinvolvux ilmenti ġodda iżda motivazzjoni ġuridika iktar iddettaljata insostenn tal-ilmenti li l-Kummissjoni kienet diġà invokat fl-opinjoni motivata tagħha.
27. Hija tgħid ukoll li, f’kull każ, anki jekk jitqies li r-rikors jinkludi lmenti ġodda, huma biss dawn l-ilmenti l-ġodda li jistgħu jiġu ddikjarati inammissibbli u mhux l-ilmenti kollha magħmula f’dan l-istess rikors.
28. Qabel ma tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà eċċepita mir-Repubblika tal-Polonja, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jinvoka l-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni. L-għan tar-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE huwa, għalhekk limitat mill-proċedura prekontenzjuża pprovduta minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk, ir-rikors ma jistax ikun ibbażat fuq ilmenti differenti minn dawk iddikjarati fil-proċedura prekontenzjuża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-152/98, Ġabra p. I-3463, punt 23, u tal-15 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C-340/10, punt 21). B’mod partikolari, ir-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess motivi u raġunijiet bħal dawk tal-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-50/09, Ġabra p. I-873, punt 93), li għandha tinkludi dikjarazzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Litwanja, C-274/07, Ġabra p. I-7117, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29. Madankollu dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-opinjoni motivata u dawk imsemmija fir-rikors (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-11/95, Ġabra p. I-4115, punt 74 u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-283/07, punt 22).
30. Madankollu, meta l-Kummissjoni ma tkunx indikat, matul il-proċedura prekontenzjuża, li s-suġġett tal-imsemmija proċedura, jiġifieri n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu imputat lill-Istat Membru kkonċernat, imur lil hinn mid-dispożizzjonijiet nazzjonali indikati speċifikament fil-kuntest tal-imsemmija proċedura prekontenzjuża, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn jirrigwarda dispożizzjonijiet nazzjonali oħra għajr dawk indikati speċifikament matul il-proċedura prekontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1984, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 166/82, Ġabra p. I-459, punti 19 sa 22, u tat-22 ta’ Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-243/89, Ġabra p. I-3353, punti 15 sa 17). Fil-fatt, f’tali każ, jirriżulta li l-motivi tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, għaldaqstant il-bażi tiegħu, ġew estiżi mingħajr ma l-Istat Membru kkonċernat ma kellu, f’dan ir-rigward, l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jesponi b’mod effettiv il-motivi ta’ difiża tiegħu fil-konfront tal-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni.
Fuq l-ewwel motiv tar-rikors
– L-argumenti tal-partijiet
31. Fir-rigward tal-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq l-allegat ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/22, il-Kummissjoni tosserva diskriminazzjoni bejn l-entitajiet fir-rigward tal-aċċess għall-attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi u l-eżerċizzju tagħhom. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-esklużività tad-dritt ta’ użu mingħajr ħlas tal-informazzjoni ġeoloġika minn entità li wettqet xogħlijiet ġeoloġiċi fuq il-bażi ta’ konċessjoni ta’ esplorazzjoni ta’ depożiti ta’ idrokarburi, prevista fl-Artikolu 47(3) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, flimkien mar-rekwiżit li jiġi pprovat, fl-applikazzjoni għall-għoti ta’ konċessjoni ta’ esplorazzjoni, li l-applikant għandu dritt ta’ użu tad-dokumentazzjoni ġeoloġika, previst fl-Artikolu 20(2)(1) ta’ din l-istess liġi, imorru kontra l-prinċipju ta’ aċċess mhux diskriminatorju tal-entitajiet ikkonċernati għall-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-idrokarburi.
32. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li dan l-ilment tqajjem, għall-ewwel darba, fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li, għaldaqstant, huwa inammissibbli.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
33. Għalkemm huwa minnu li fl-opinjoni motivata l-Kummissjoni llimitat ruħha li tilmenta, essenzjalment, li r-Repubblika tal-Polonja ma tiggarantixxix l-aċċess mhux diskriminatorju għall-attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni, billi timponi fuq l-applikanti għal konċessjoni ta’ estrazzjoni ta’ minerali l-obbligu, kif previst fl-Artikolu 20(2)(1) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, li jipproduċu l-prova tal-eżistenza tad-dritt li jużaw id-dokumentazzjoni ġeoloġika, għandu jiġi osservat li, fil-kawża preżenti, dan l-obbligu huwa bbażat fuq il-fatt li, skont l-Artikolu 47(3) ta’ din l-istess liġi, id-dritt ta’ użu bla ħlas ta’ tali dokumentazzjoni huwa tal-entità li wettqet xogħlijiet ġeoloġiċi fuq il-bażi ta’ konċessjoni ta’ esplorazzjoni ta’ depożiti ta’ idrokarburi.
34. Għalhekk, ir-riferiment, fir-rikors promotur, għal din it-tieni dispożizzjoni tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri għandu jiġi kkunsidrat bħala li jiżviluppa lment li diġà tqajjem mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata.
35. Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà eċċepita mir-Repubblika tal-Polonja għandha tiġi miċħuda f’dak li jirrigwarda l-ewwel motiv tar-rikors.
Fuq it-tieni motiv tar-rikors
– L-argumenti tal-partijiet
36. F’dak li jirrigwarda t-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/22, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja talli ma pprovdietx, fir-rigward tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, li kemm l-għoti tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri kif ukoll dak tal-konċessjoni għandu jsir permezz ta’ proċedura kompetittiva u skont metodi li jiggarantixxu aċċess mhux diskriminatorju għall-awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, il-prijorità li l-Artikolu 12 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jagħti lill-proprjetarju tad-dritt tal-użu tad-dokumentazzjoni ġeoloġika tmur ukoll kontra dan ir-rekwiżit ta’ proċedura kompetittiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 52 tal-Liġi dwar il-libertà tal-eżerċitar ta’ attività ekonomika jipprovdi għall-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ għoti biss fil-każ fejn in-numru ta’ impriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ konċessjoni u li jippreżentaw il-garanzija ta’ eżekuzzjoni korretta tal-attività koperta mill-konċessjoni jkun ikbar min-numru ta’ konċessjonijiet li huma proposti għall-għoti.
37. Fl-aħħar nett, fir-rikors tagħha l-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 54(4) tal-imsemmija liġi jeżiġi li l-offerta tkun ippreżentata bil-Pollakk, fatt li jmur kontra l-prinċipju li jgħid li l-entitajiet ikkonċernati kollha għandu jkollhom il-possibbiltà li jippreżentaw applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni sabiex jeżerċitaw attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi. Madankollu l-Kummissjoni rrinunzjat għal dan l-ilment fir-replika tagħha.
38. Ir-Repubblika tal-Polonja teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dawn l-ilmenti minħabba li dawn tqajmu għall-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
39. F’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq il-fatt li r-Repubblika tal-Polonja ma pprovdietx, fir-rigward tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/22, li kemm l-għoti tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri kif ukoll dak tal-konċessjoni għandu jsir permezz ta’ proċedura kompetittiva u skont metodi li jiggarantixxu aċċess mhux diskriminatorju għall-awtorizzazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan l-ilment diġà kien jinsab fl-opinjoni motivata. Għalhekk, dan l-ilment huwa ammissibbli fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.
40. Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-prijorità li l-Artikolu 12 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jagħti lill-proprjetarju tad-dritt tal-użu tad-dokumentazzjoni ġeoloġika tmur ukoll kontra dan ir-rekwiżit ta’ proċedura kompetittiva, dan ma kienx is-suġġett tal-opinjoni motivata. Minn dan isegwi li dan l-ilment huwa inammissibbli.
41. Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 52 tal-Liġi dwar il-libertà tal-eżerċitar ta’ attività ekonomika jipprovdi għall-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ għoti biss fil-każ fejn in-numru ta’ impriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ konċessjoni u li jippreżentaw il-garanzija ta’ eżekuzzjoni korretta tal-attività koperta mill-konċessjoni jkun ikbar min-numru ta’ konċessjonijiet li huma proposti għall-għoti, lanqas dan ma kien is-suġġett tal-opinjoni motivata. Għaldaqstant, dan l-ilment huwa inammissibbli.
42. Fir-rigward tal-ilment dwar ir-rekwiżit, previst fl-Artikolu 54(4) tal-Liġi dwar il-libertà tal-eżerċitar ta’ attività ekonomika, li jgħid li l-offerta għandha tkun ippreżentata bil-Pollakk, peress li l-Kummissjoni rrinunzjat għalih, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq dan l-ilment.
Fuq it-tielet motiv tar-rikors
– L-argumenti tal-partijiet
43. F’dak li jirrigwarda t-tielet motiv tar-rikors, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 94/22, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni Pollakka ma tittrasponix b’mod korrett ir-rekwiżit tal-pubblikazzjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-kriterji ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw mill-imsemmi Artikolu 5(1). Fir-rikors tagħha l-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja wkoll talli poġġiet fuq l-istess livell, minn naħa, il-kriterju dwar il-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tal-offerent u dawk tal-portata tat-teknoloġija proposta għax-xogħlijiet ġeoloġiċi, u, min-naħa l-oħra, l-ammont propost għall-kumpens għall-istabbiliment tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri. Il-Kummissjoni reġgħet għamlet dan l-ilment matul is-seduta.
44. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li dawn l-ilmenti huma inammissibbli peress li dawn ma tqajmux fl-opinjoni motivata.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
45. F’dak li jirrigwarda l-ewwel ilment ibbażat fuq il-fatt li l-leġiżlazzjoni Pollakka allegatament ma tittrasponix b’mod korrett ir-rekwiżit tal-pubblikazzjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-kriterji ta’ evalwazzjoni elenkati fl-Artikolu 5(1), tad-Direttiva 94/22, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ġie invokat fl-opinjoni motivata. Konsegwentement dan huwa ammissibbli.
46. Fir-rigward tat-tieni lment espost fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, peress li l-Kummissjoni rrepetietu matul is-seduta, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq dan l-ilment.
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel motiv tar-rikors
47. L-ewwel motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/22, huwa kompost minn żewġ partijiet.
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv
– L-argumenti tal-partijiet
48. Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni ssostni li billi teżiġi, fl-Artikolu 18(1)(2)(b) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, li l-applikazzjoni għall-għoti ta’ konċessjoni għandha tinkludi n-numru ta’ reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-impriżi jew fir-Reġistru tal-attivitajiet ekonomiċi, fil-Polonja, il-leġiżlazzjoni Pollakka toħloq, fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura nnifisha ta’ ksib ta’ konċessjoni, sitwazzjoni diskriminatorja fir-rigward tal-entitajiet stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jkunu jistgħu japplikaw għall-għoti ta’ konċessjoni biss jekk ikollhom impriża rreġistrata fil-Polonja.
49. Ir-Repubblika tal-Polonja tirrispondi li l-obbligu ta’ sede previst fl-istadju tal-applikazzjoni għal konċessjoni ma jikkostitwixxix ostakolu għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika proposta peress li din il-fażi tirrigwarda l-kontroll tal-osservanza tar-rekwiżiti formali min-naħa tal-operatur u twassal, normalment, għall-għoti tal-konċessjoni.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
50. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/22, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn entitajiet fir-rigward tal-aċċess għal u l-eżerċitar tal-attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni tal-idrokarburi, fiż-żoni li huma disponibbli għall-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet.
51. Issa, sa fejn jeżiġi li operatur ekonomiku, stabbilit fi Stat Membru ieħor u li jixtieq jikseb konċessjoni ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni jew ta’ estrazzjoni tal-idrokarburi fil-Polonja, għandu jkollu sede jew stabbiliment fit-territorju Pollakk qabel ma tingħatalu l-konċessjoni, l-Artikolu 18(1)(2)(b) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jagħmel l-aċċess għall-attività ekonomika inkwistjoni iktar diffiċli għal dan l-operatur milli għal operatur stabbilit prinċipalment fil-Polonja. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni teżiġi li l-operatur ekonomiku li japplika għall-għoti ta’ konċessjoni jagħmel investimenti, eventwalment kunsiderevoli, filwaqt li ma huwiex ċert li ser jikseb tali konċessjoni.
52. L-Artikolu 18(1)(2)(b) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri huwa, għalhekk, inkompatibbli mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/22.
53. Iċ-ċirkustanza allegata mir-Repubblika tal-Polonja, li tgħid li l-għoti tal-konċessjoni fir-rigward ta’ żona partikolari huwa suġġett biss għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti formali min-naħa tal-applikant u, normalment, ikun segwit mill-ksib, minn dan tal-aħħar, tad-drittijiet ta’ użufrutt tal-minjieri fuq din iż-żona, ma hijiex tali li tikkonfuta l-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti. Fil-fatt, minn naħa, ma jistax jitqies li huwa ggarantit li applikant jissodisfa, fil-każijiet kollha, ir-rekwiżiti li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ konċessjoni u, min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru nnifsu ammetta l-eżistenza ta’ każ fejn l-għoti ta’ konċessjoni kien ġie rrifjutat.
54. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv hija fondata.
Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv
– L-argumenti tal-partijiet
55. Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-esklużività tad-dritt ta’ użu mingħajr ħlas tal-informazzjoni ġeoloġika minn entità li wettqet xogħlijiet ġeoloġiċi fuq il-bażi ta’ konċessjoni ta’ esplorazzjoni ta’ depożiti ta’ idrokarburi, kif prevista fl-Artikolu 47(3) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, flimkien mar-rekwiżit, previst fl-Artikolu 20(2)(1) ta’ din l-istess liġi, li fl-applikazzjoni għall-għoti ta’ konċessjoni ta’ esplorazzjoni jiġi pprovat li l-applikant għandu dritt ta’ użu tad-dokumentazzjoni ġeoloġika, imorru kontra l-prinċipju ta’ aċċess mhux diskriminatorju tal-entitajiet ikkonċernati għall-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-idrokarburi. Fil-fatt, li tkun preċedentement kisbet konċessjoni ta’ esplorazzjoni ta’ depożiti ta’ idrokarburi jkunu ffavoriti meta mqabbla ma’ entitajiet oħra kkonċernati mill-għoti ta’ konċessjoni ta’ estrazzjoni.
56. F’dan ir-rigward ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, skont id-dritt Pollakk, kull entità kkonċernata tibbenefika minn aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-ksib ta’ konċessjonijiet dwar xogħlijiet ta’ prospettar jew ta’ esplorazzjoni ta’ idrokarburi. Konsegwentement, kull entità għandha l-possibbiltà li tiddokumenta depożitu ta’ minerali billi tfassal dokumentazzjoni ġeoloġika dwaru u, konsegwentement, li tikseb id-dritt esklużiv li tuża din l-informazzjoni ġeoloġika.
57. Ir-regoli applikabbli fil-Polonja dwar id-dritt għal informazzjoni ġeoloġika, li jagħtu d-dritt ta’ użu ta’ din l-informazzjoni lill-entitajiet li huma nnifishom sostnew l-ispejjeż neċessarji għall-ksib ta’ din l-informazzjoni, huma bbażati fuq wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Pollakk u tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-osservanza tad-dritt għall-proprjetà u tad-drittijiet patrimonjali l-oħra.
58. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 47(3) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jittrasponi l-Artikolu 3(5)(b) tad-Direttiva 94/22, li jipprovdi li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni lill-entità li jkollha forma oħra ta’ awtorizzazzjoni meta l-pussess ta’ din l-awtorizzazzjoni tal-aħħar jimplika dritt għall-għoti tal-awtorizzazzjoni preċedenti, ma huwiex ikkunsidrat bħala għoti ta’ awtorizzazzjoni.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
59. Għandu jitfakkar li, skont l-Artikoli 10(1) u 11(2) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, il-kostituzzjoni tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri li jkopri l-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni ta’ gass naturali, żejt mhux raffinat u d-derivati naturali tiegħu kif ukoll ta’ coalbed methane għandha tkun ippreċeduta, bla ħsara għall-Artikolu 12(1) ta’ din l-istess liġi, minn sejħa għall-offerti u ssir permezz ta’ ftehim, inkambju għal kumpens u suġġett għall-ksib ta’ konċessjoni.
60. Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 47(3) u 20(2)(1) tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri twassal biex, fil-perijodu ta’ esklużività ta’ ħames snin, l-entità kkonċernata li tkun rebħet is-sejħa għall-offerti dwar id-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri li jkopri l-estrazzjoni ta’ idrokarburi kkonċernati, tkun tista’ tikseb il-konċessjoni ta’ estrazzjoni biss jekk l-entità li tkun preċedentement wettqet ix-xogħlijiet ġeoloġiċi u li jkollha, għalhekk, id-dritt esklużiv ta’ użu tad-dokumentazzjoni ġeoloġika tqiegħed dik id-dokumentazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha.
61. Għalhekk jirriżulta li s-sistema inkwistjoni, fid-dawl tal-pożizzjoni vantaġġuża li hija tagħti, matul il-perijodu ta’ ħames snin, lill-entità li tkun diġà eżerċitat attivitajiet ta’ prospettar u ta’ esplorazzjoni, tagħmilha f’kull każ iktar diffiċli, jekk mhux saħansitra impossibbli, li l-entità li ma wettqitx il-prospettazzjoni u lanqas l-esplorazzjoni tad-depożiti kkonċernati tikseb l-awtorizzazzjoni ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi.
62. Din il-konklużjoni ma tista’ fl-ebda każ tiġi kkonfutata mill-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li l-awtorizzazzjoni prevista mill-proċedura nazzjonali tinkludi kemm il-konċessjoni dwar il-prospettazzjoni u l-esplorazzjoni kif ukoll dik dwar l-estrazzjoni.
63. Barra minn hekk, għalkemm huwa permess li l-Istati Membri jiggarantixxu ċertu kumpens favur l-entità li sostniet spejjeż sabiex tistabbilixxi d-dokumentazzjoni ġeoloġika matul l-attivitajiet tagħha ta’ prospettar u ta’ esplorazzjoni, tali kumpens ma jistax ikun fil-forma magħżula mil-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, mingħajr ma jikser ir-regola tal-aċċess mhux diskriminatorju tal-entitajiet kollha għall-attivitajiet, b’mod partikolari, ta’ esplorazzjoni tal-idrokarburi, kif stabbilita fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/22.
64. Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel motiv hija fondata.
65. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar il-fuq, l-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi milqugħ.
Fuq it-tieni motiv tar-rikors
66. It-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/22, huwa kompost minn żewġ partijiet.
Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv
– L-argumenti tal-partijiet
67. Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri ma tiggarantixxix li proċedura kompetittiva li tosserva l-prinċipji previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22 għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi għandha tinbeda f’kull każ.
68. Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-għażla tar-Repubblika tal-Polonja li żżid, mal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/22, in-neċessità li jinkiseb dritt ta’ użufrutt tal-minjieri u sussegwentement konċessjoni. F’dan il-każ, madankollu, il-ksib ta’ dawn iż-żewġ drittijiet għandu jsir skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22 u skont metodi li jiggarantixxu aċċess mhux diskriminatorju għall-awtorizzazzjoni. Issa, huwa biss id-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri li jingħata permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti, filwaqt li l-konċessjoni tingħata fuq il-bażi ta’ proċedura fuq titoli.
69. Ir-Repubblika tal-Polonja tfakkar li, fis-sistema prevista mil-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, l-awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/22 hija komposta kemm mid-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri kif ukoll mill-konċessjoni.
70. Kull entità tista’ titlob l-istabbiliment ta’ dritt ta’ użufrutt tal-minjieri, u dan jagħtiha l-possibbiltà li tikseb konċessjoni. Kull offerta ppreżentata fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti dwar l-istabbiliment tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri għandha tiġi evalwata skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji.
71. Il-fatt li, fil-prattika, hija biss impriża waħda li hija ammessa fil-proċedura amministrattiva ta’ natura formali dwar l-għoti tal-konċessjoni, jiġifieri l-entità li l-offerta tagħha ġiet ikkunsidrata bħala l-aħjar u li, għaldaqstant, intgħażlet wara s-sejħa għall-offerti dwar l-istabbiliment tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri, jikkonferma, skont ir-Repubblika tal-Polonja, li l-għoti tal-konċessjoni huwa deċiż mir-riżultat tas-sejħa għall-offerti dwar id-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri. Konsegwentement, l-għan tad-Direttiva 94/22, li huwa li l-konċessjoni tingħata lill-entità li tkun ippreżentat l-aħjar offerta fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, evalwata skont kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji, jintlaħaq permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha kkunsidrati flimkien.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
72. Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/22, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet kollha kkonċernati jistgħu jibagħtu applikazzjonijiet skont il-paragrafu 2 jew 3 ta’ dan l-artikolu.
73. Huwa paċifiku li, skont il-proċedura nazzjonali kif stabbilita mil-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, l-awtorizzazzjoni sabiex jiġi eżerċitat id-dritt esklużiv ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni tal-idrokarburi f’żona ġeografika, fis-sens tal-Artikolu 1(3), tad-Direttiva 94/22, hija komposta kemm mid-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri kif ukoll mill-konċessjoni.
74. Issa, l-fatt li huwa biss id-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri li jingħata permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti, filwaqt li l-għoti tal-konċessjoni lill-offerent magħżul sabiex jingħata dan id-dritt huwa suġġett biss għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti formali, ma huwiex, fih innifsu, inkompatibbli mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/22. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż a priori li tali sistema tista’ tiggarantixxi li “l-awtorizzazzjonijiet jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet kollha kkonċernati li jistgħu jibgħatu applikazzjonijiet” fis-sens ta’ dan l-Artikolu. Dan jgħodd b’mod partikolari fil-każ fejn l-entitajiet kollha interessati jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet dwar l-għoti tad-dritt ta’ użufrutt taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji, u fejn l-għoti tal-konċessjoni lill-offerent magħżul sabiex jingħata dan id-dritt ikun suġġett biss għal rekwiżiti li ma jimplikawx evalwazzjoni tal-merti tal-applikazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 5(1)(d) tad-Direttiva 94/22.
75. Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv ma hijiex fondata.
Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv
– L-argumenti tal-partijiet
76. Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-avviż li jħabbar in-neċessità li ssir sejħa għall-offerti huwa ppubblikat biss fid- Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja), u mhux f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea , kif jeżiġi l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.
77. Ir-Repubblika tal-Polonja tindika li, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri, l-avviż tas-sejħa għall-offerti dwar l-għoti ta’ dritt ta’ użufrutt tal-minjieri li jkopri l-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni ta’ gass naturali, żejt mhux raffinat u d-derivati naturali tiegħu kif ukoll ta’ coalbed methane, ukoll għandu jiġi ppubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
78. Skont kliem l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, il-proċedura li fiha l-entitajiet kollha kkonċernati għadhom ikunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni hija miftuħa jew fuq l-inizjattiva ta’ l-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ avviż li jistieden applikazzjonijiet, li għandu jiġi ppubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew jew permezz ta’ avviż li jistieden applikazzjonijiet, li għandhom jiġu ppubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni minn xi entità.
79. Huwa paċifiku li dan ir-rekwiżit ta’ pubblikazzjoni huwa, fir-rigward tal-għoti tad-dritt ta’ użufrutt tal-minjieri, osservat fl-ordinament ġuridiku Pollakk.
80. Issa, il-fatt li l-proċedura ta’ konċessjoni ma hijiex is-suġġett ta’ tali pubblikazzjoni ma jmurx, fih innifsu u għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tat-tieni motiv, kontra l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22 u għaldaqstant lanqas kontra l-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva.
81. Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni motiv ma hijiex fondata u li, għaldaqstant, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tielet motiv
82. It-tielet motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 94/22, huwa issa magħmul minn tlett partijiet.
Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv
– L-argumenti tal-partijiet
83. Permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn l-Artikolu 17 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri jipprovdi li, jekk interess partikolarment importanti tal-Istat jew tal-pubbliku, li essenzjalment ikun marbut mal-ħarsien tal-ambjent, jiġġustifika dan, l-għoti ta’ konċessjoni jista’ jkun suġġett għall-kostituzzjoni ta’ garanzija, li tkun tista’ tikkumpensa l-eventwali konsegwenzi dannużi tal-eżerċizzju tal-attività koperta mill-konċessjoni, dan l-artikolu jmur kontra l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 94/22. Il-Kummissjoni barra minn hekk tosserva li l-fatt li l-għoti tal-konċessjoni huwa suġġett għall-kostituzzjoni ta’ garanzija ma jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, dispożizzjoni li ma tikkonċernax l-għoti jew ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni, iżda biss is-sitwazzjoni fid-data ta’ meta tingħata l-awtorizzazzjoni.
84. Ir-Repubblika tal-Polonja tirrifjuta t-teżi tal-Kummissjoni u tikkunsidra l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 94/22 jippermetti li l-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tagħti l-konċessjoni tissuġġetta l-għoti tal-konċessjoni għall-kostituzzjoni ta’ garanzija meta interess partikolarment importanti tal-Istat, marbut b’mod partikolari mal-protezzjoni tal-ambjent, ikun jiġġustifika dan.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
85. Skont kliem l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 94/22, l-awtorizzazzjonijiet jingħataw fuq il-bażi tal-kriterji li jikkonċernaw, fil-każi kollha, il-kapaċità teknika u finanzjarja tal-entitajiet.
86. Għalkemm huwa ċertament minnu li garanzija, li għaliha jista’ jkun suġġett l-għoti ta’ konċessjoni, fis-sens tal-Artikolu 17 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, ma taqax taħt l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 94/22.
87. Madankollu, minn qari flimkien tal-Artikoli 5(2), u 6(1) u (2) tad-Direttiva 94/22 jirriżulta li, jekk interess partikolarment importanti tal-Istat jew tal-pubbliku, li essenzjalment ikun marbut mal-ħarsien tal-ambjent, jiġġustifika dan, Stat Membru jista’, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 17 tal-Liġi dwar il-ġeoloġija u l-minjieri, jissuġġetta l-għoti ta’ konċessjoni għall-kostituzzjoni ta’ garanzija, li tkun tista’ tikkumpensa l-eventwali konsegwenzi dannużi tal-eżerċizzju tal-attività koperta mill-konċessjoni.
88. Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv ma hijiex fondata.
Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv
– L-argumenti tal-partijiet
89. Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit ta’ pubblikazzjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-kriterji preċiżi dwar l-elementi msemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 94/22 ma huwiex traspost b’mod sodisfaċenti fl-ordinament ġuridiku Pollakk.
90. Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-fatt li kisret l-obbligu li tippubblika u tiddefinixxi b’mod ċar il-kriterji ta’ evalwazzjoni kollha tal-offerta tal-entitajiet ikkonċernati. Hija ssostni li dan l-obbligu huwa sodisfatt bl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
91. Skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 94/22, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kriterji, li abbażi tagħhom jingħataw l-awtorizzazzjonijiet, jiġu ppubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej qabel il-bidu tal-perijodu għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet.
92. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif indikat il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri invokat minn dan l-Istat isemmi biss tipi ta’ kriterji li abbażi tagħhom offerta titqies li hija l-iktar waħda vantaġġuża. Barra minn hekk, għalkemm, hekk kif osservat il-Kummissjoni, l-Artikolu 4(2) u (3) tal-istess regolament jipprovdi għall-pubblikazzjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviżi ta’ sejħiet għall-offerti li għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerti, madankollu fil-prattika jirriżulta li l-Gvern Pollakk illimita ruħu li jippubblika fl-imsemmi Ġurnal Uffiċjali l-kategoriji ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerti, filwaqt għad-determinazzjoni preċiża ta’ dawn il-kriterji huwa jagħmel sempliċement riferiment għall-“kundizzjonijiet fid-dettall tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti dwar il-ksib ta’ drittijiet ta’ użufrutt tal-minjieri għall-ipprospettar u l-esplorazzjoni ta’ depożiti ta’ żejt u ta’ gass naturali f’ċerti żoni ta’ konċessjoni”, li jistgħu jintalbu mingħand id-dipartiment kompetenti tal-Ministeru tal-Ambjent.
93. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja ma adottatx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura traspożizzjoni sodisfaċenti tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 94/22 fl-ordinament ġuridiku Pollakk.
94. Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet motiv hija fondata.
Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv
– L-argumenti tal-partijiet
95. Permezz tat-tielet parti tat-tielet motiv tagħha, ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 94/22, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Pollakka ma tiggarantixxix li r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet kollha dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet koperti mill-imsemmija direttiva jkunu stabbiliti u mpoġġija għad-dispożizzjoni tal-entitajiet ikkonċernati sa mid-data ta’ meta jistgħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet.
96. Ir-Repubblika tal-Polonja, filwaqt li tikkontesta l-ilment invokat mill-Kummissjoni, tillimita ruħha li tindika li l-leġiżlazzjoni Pollakka tipprevedi l-komunikazzjoni tal-informazzjoni kollha neċessarja lill-entitajiet ikkonċernati u li din l-informazzjoni hija aċċessibbli f’ċertu stadju tal-proċedura, bla ħsara għall-possibbiltà, biss f’każijiet eċċezzjonali, li ċerti kundizzjonijiet jiġu ppreċiżati fl-atti ta’ konċessjoni.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
97. Hekk kif previst fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 94/22, il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-eżerċizzju jew it-terminazzjoni tal-attività, li japplikaw għal kull tip ta’ awtorizzazzjoni bis-saħħa tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, sew jekk ikunu previsti fl-awtorizzazzjoni u sew jekk ikunu waħda mill-kundizzjonijiet li għandha tiġi aċċettata qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, ikunu stabbiliti u jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-entitajiet ikkonċernati f’kull żmien. Fil-każ li għalih jipprovdi l-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, dawn jistgħu jitpoġġew għad-dispożizzjoni biss mid-data li tibda minn meta l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jistgħu jintbagħtu.
98. Issa, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-ilment li jifforma t-tielet parti tat-tielet motiv invokat mill-Kummissjoni, hija ma tirrifjutax l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-leġiżlazzjoni Pollakka ma tiggarantixxix li r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet kollha dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet koperti mid-Direttiva 94/22 ikunu stabbiliti u mpoġġija għad-dispożizzjoni tal-entitajiet ikkonċernati sa mid-data ta’ meta jistgħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet.
99. Għaldaqstant, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma hijiex konformi mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 94/22.
100. Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet motiv hija fondata.
101. Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, it-tielet motiv invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi miċħud fir-rigward tal-ewwel parti tiegħu u għandu jiġi milqugħ fir-rigward tat-tieni u t-tielet parti tiegħu.
102. Għaldaqstant, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-aċċess għal attività ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi ma jkunx diskriminatorju bejn l-entitajiet ikkonċernati u li l-awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ tali attività jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet ikkonċernati kollha jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet fuq il-bażi ta’ kriterji ppubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel il-bidu tal-perijodu tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2(2), 3(1) u 5(1) u (2) tad-Direttiva 94/22/KE u, min-naħa l-oħra, li l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
103. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Fil-kawża preżenti, peress li kull parti tilfet fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħha, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-aċċess għal attività ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi ma jkunx diskriminatorju bejn l-entitajiet ikkonċernati u li l-awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ tali attività jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet ikkonċernati kollha jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet fuq il-bażi ta’ kriterji ppubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel il-bidu tal-perijodu tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2(2), 3(1) u 5(1) u (2) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.