SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikolu 5(1) — Applikazzjoni ratione temporis — Azzjoni in rem istitwita fi Stat mhux membru tal-Unjoni Ewropea — Proċedura ta’ insolvenza miftuħa kontra d-debitur fi Stat Membru ieħor — L-ewwel Stat li sar membru tal-Unjoni Ewropea — Inapplikabbiltà”

Fil-Kawża C-527/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Legfelsőbb Bíróság (L-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Novembru 2010, fil-proċedura

ERSTE Bank Hungary Nyrt

vs

Magyar Állam,

BCL Trading GmbH,

ERSTE Befektetési Zrt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ERSTE Bank Hungary Nyrt, minn T. Éless u L. Molnár, ügyvédek,

għal Bárándy és Társai Ügyvédi Iroda, minn D. Bojkó, ügyvéd,

għal Komerční Banka as, minn P. Lakatos, I. Sólyom, A. Ungár, P. Köves u B. Fazakas, ügyvédek,

għall-Gvern Ungeriż, minn M.Z. Fehér kif ukoll minn K. Szíjártó u K. Veres, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sipos u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza istitwita fil-konfront ta’ BCL Trading GmbH (iktar ’il quddiem “BCL Trading”), li hija kumpannija stabbilita taħt il-liġi Awstrijaka.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni [fl-Unjoni Ewropea] tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”), jipprovdi:

“Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati originali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Centrali Ewropew qabel l-adeżjoni ghandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att”.

4

Il-premesssi 6, 11 u 23 sa 25 tar-Regolament jiddikjaraw:

“(6)

Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment [insolvenza]u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jkun fih dispożizzjonijiet rigward l-għarfien ta’ dawk il-ġudizzji u rigward il-liġi applikabbli li tissodisfa wkoll dak il-prinċipju.

[...]

(11)

Dan ir-Regolament għandu jagħraf illi b’riżultat ta’ liġijiet sustantivi li huma differenti ħafna minn xulxin, mhux prattikabbli li jkunu introdotti proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] fl-iskop universali tal-Komunità kollha. F’dan l-isfond, l-applikazzjoni mingħajr eċċezzjoni tal-liġi ta’ l-Istat dwar ftuħ ta’ proċedimenti ta’ spiss twassal għal diffikultajiet. Dan japplika, per eżempju, għal liġijiet ferm differenti dwar interessi ta’ garanziji li jinsabu fil-Komunità. [...] Dan ir-Regolament għandu jieħu konsiderazzjoni ta’ dan b’ żewġ modi differenti. Minn naħa l-waħda, għandhom jiġu magħmula regoli speċjali dwar l-applikabilità tal-liġi fil-każ ta’ drittijiet partikolarment sinjifikanti u relazzjonijiet legali (e.g. drittijiet in rem u kuntratti ta’ impjieg). Minn naħa l-oħra, proċedimenti nazzjonali li jkopru biss assi li jinstabu fl-Istat fejn hemm il-ftuħ, għandhom ukoll ikunu permissibli flimkien mal-proċedimenti prinċipali ta’ falliment [insolvenza] bl-iskop universali.

[...]

(23)

Dan ir-Regolament għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali. Sa kemm ma jingħadx mod ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti (lex concursus). Din ir-regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet għandha tkun valida kemm għal proċedimenti prinċipali kif ukoll għal proċedimenti lokali; il-lex concursus tiddetermina l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza], kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom. Jirregola il-kondizzjonijiet kollha għal ftuħ, it-twettieq u l-egħluq tal-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza].

(24)

L-għarfien awtomatiku ta’ proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] li għalihom normalment japplikaw il-liġijiet ta’ l-Istat li jiftahom jistgħu ifixklu l-liġijiet li bihom jitwettqu t-transazzjonijiet fl-Istati Membri l-oħra. Sabiex jitħarsu l-aspettativi leġittimi u iċ-ċertezza ta’ transazzjonijiet fi Stati Membri apparti minn dak ta’ fejn ikunu nfetħu l-proċedimenti, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal numru ta’ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali.

(25)

Hemm ħtieġa partikolari għal referenza speċjali li tkun differenti mil-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti fil-każ tad-drittijiet in rem la darba dawn huma ta’ importanza konsiderevoli għal-ogħti ta’ kreditu. Il-bażi, il-validità u l-firxa ta’ dan id-dritt in rem għandu għalhekk normalment jiġi determinat bi qbil mal-lex situs u m’għandux ikun effettwat bil-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza]. Il-propjetarju tad-dritt in rem għandu għalhekk ikun jista’ jkompli jinsisti bid-dritt tiegħu ta’ segregazzjoni jew ta’ ftehim separat għal garanzija kollaterali. Meta l-assi huma suġġetti għad-drittijiet in rem tal-lex situs fi Stat Membru wieħed iżda l-proċedimenti prinċipali jitwettqu fi Stat Membru ieħor, il-likwidatur tal-proċedimenti prinċipli għandu jkun jista’ jitlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji fil-ġurisdizzjoni fejn joriġinaw id-drittijiet in rem jekk id-debitur ikollu stabbiliment hemmhekk. Jekk il proċedimenti sekondarji ma jinfetħux, iż-żejjed mill-bejgħ ta’ l-assi koperti bid-drittijiet in rem għandu jitħallas lil-likwidatur tal-proċedimenti prinċipali.”

5

L-Artikolu 3 tar-Regolament, li jirrigwarda il-ġurisdizzjoni internazzjonali, jipprovdi:

“1.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza]. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

2.   Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.

3.   Meta proċediment ta’ falliment [insolvenza] jinfetħu permezz ta’ paragrafu 1, xi proċedimenti miftuħa sussegwentament permezz ta’ paragrafu 2 għandhom ikunu proċedimenti sekondarji. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikun proċedimenti ta’ l-egħluq.

[...]”

6

L-Artikolu 4 tar-Regolament, relatat mal-liġi applikabbli, jipprovdi:

“1.   Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari:

[...]

b)

l-assi li jiffurmaw parti mill-propjetà u t-trattament ta’ l-assi meħtieġa minn jew li jmissu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza];

[...]

f)

l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali, bl-eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti;

g)

it-talbiet li jkunu ġew ippreżentati kontra l-propjetà tad-debitur u t-trattament tat-talbiet li joriġinaw wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza];

h)

ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet;

i)

ir-regoli li jirregolaw id-distribuzzjoni ta’ flejjes minn realiżazzjoni ta’ assi, il-prijoritajiet ta’ tabliet u d-dritt ta’ kredituri li ġew parzjalment sodisfatti wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] bis-saħħa tad-dritt in rem jew permezz ta’ kumpens b’bilanċ;

[...]”.

7

Fir-rigward tad-drittijiet in rem ta’ partijiet terzi, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament jiddikjara:

“Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] m’għandux jaffettwa d-drittijiet in rem ta’ kredituri jew partijiet terzi rigward l-assi tanġibbli jew mhux tanġibbli, mobbli jew immobbli — it-tnejn assi speċifiċi u kollezzjonijiet ta’ assi indefiniti bħala massa li jinbidlu minn żmien għal żmien — li jappartieni għad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fil-waqt tal-ftuħ tal-proċedimenti.”

8

Fir-rigward tar-rikoxximent tal-proċeduri ta’ falliment [insolvenza], l-Artikolu 16 tar-Regolament jipprovdi:

“1.   Ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 għandu jkun magħruf fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat li jiftaħ il-proċedimenti.

Din ir-regola għandha wkoll tapplika fejn, minħabba l-kapaċità tiegħu, proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] ma jistgħux jinġiebu kontra debitur fi Stat Membru ieħor.

2.   Għarfien tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) m’għandux ifixkel il-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(2) minn qorti fi Stat Membru ieħor. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikunu sekondarji għal proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] fil-qofol ta’ dak li jfisser Kapitolu III.”

9

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament, li jirrigwarda l-effetti tar-rikonoxximent tal-proċedura ta’ insolvenza, huwa redatt kif ġej:

“Il-ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) għandu, mingħajr aktar formalitajiet, jipproduċi l-istess effetti f’xi Stat Membru ieħor hekk kif jagħmel b’din il-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti, sa kemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor u sa kemm l-ebda proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(2) ma jkunux nfteħu f’xi Stat Membru ieħor.”

10

L-Artikolu 43 tar-Regolament, li jirregola l-applikazzjoni ratione temporis ta’ dak l-att, jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għal proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] miftuħa wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Atti magħmula minn debitur qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jibqgħu jiġu rregolati bil-liġi li tapplika għalihom fiż-żmien ta’ meta saru.”

11

Fl-aħħar, l-Artikolu 47 tar-Regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-31 ta’ Mejju 2002.”

Id-dritt Ungeriż

12

Ir-regoli relatati mal-garanzija finanzjarja, kif applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, jinsabu fl-Artikoli 270 u 271 tal-Liġi Nru IV tal-1959 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili (Polgári törvénykönyvről szóló 1959. évi IV. törvény).

13

L-Artikolu 270 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“1.   Meta tingħata garanzija finanzjarja sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ obbligu, il-kreditur jista’, f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt jew ta’ eżekuzzjoni skorretta ta’ dan tal-aħħar, idur direttament fuq il-beni mogħtija bħala garanzija għall-ħlas tad-dejn.

2.   Garanzija finanzjarja tista’ tiġi kkostitwita fuq flus, kontijiet bankarji jew beni mobbli. Jekk il-garanzija tiġi kkostitwita fuq beni oħra, ikunu applikabbli r-regoli relatati mar-rahan.

3.   Il-garanzija kkostitwita sabiex jiġi żgurat il-ħlas ta’ obbligu li l-eżekuzzjoni tiegħu ma tistax tintalab skont il-liġi hija nulla. Ir-regola preċedenti ma hijiex applikabbli fir-rigward tal-garanzija finanzjarja pprovduta sabiex jiġi żgurat il-ħlas ta’ dejn preskritt.

4.   Il-preskrizzjoni ta’ dejn ma tostakolax il-fakultà li wieħed idur fuq il-garanzija finanzjarja kkostitwita bil-ħsieb li jiġi ggarantit il-ħlas tiegħu.”

14

L-Artikolu 271 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.   Il-garanzija finanzjarja tista’ tintuża biss għall-finijiet tal-ħlas ta’ dejn. Kwalunkwe deroga kuntrattwali għar-regola preċedenti hija nulla.

2.   Is-suġġett tal-garanzija finanzjarja jingħata lura meta l-kuntratt sottostanti jintemm, jew meta l-perijodu tal-garanzija jiskadi mingħajr ma jkun irriżulta l-fatt li jiġġustifika t-teħid ta’ azzjoni kontra l-garanzija.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Il-kawża odjerna oriġinat mill-kwistjoni ta’ bejn ERSTE Bank Hungary Nyrt. (iktar ’il quddiem “ERSTE Bank” jew ir-“rikorrenti”) u Magyar Állam (Stat Ungeriż) kif ukoll BCL Trading u ERSTE Befektetési Zrt.

16

Fit-8 ta’ Mejju 1998, Postabank és Takarékpénztár rt (iktar ’il quddiem “Postabank”) ħarġet ittra ta’ kreditu favur BCL Trading.

17

Sussegwentement, BCL Trading ċediet dan il-kreditu lil diversi banek. Peress li Postabank irrifjutat li tittrasferixxi l-ammont li jikkorrispondi għal dan il-kreditu lill-imsemmija banek, dawn tal-aħħar ippreżentaw rikors għall-ħlas tad-dejn ċedut.

18

Fid-9 ta’ Lulju 2003, BCL Trading tat bħala garanzija l-azzjonijiet ta’ Postabank li hija kellha f’każ li l-ittra ta’ kreditu ssir eżegwibbli u din tal-aħħar għaldaqstant tkun obbligata li tħallas l-ammonti korrispondenti. Għalhekk, l-imsemmija azzjonijiet saru s-suġġett ta’ garanzija finanzjarja.

19

Fil-5 ta’ Diċembru 2003 infetħet proċedura ta’ insolvenza kontra BCL Trading, li s-sede tagħha hija stabbilita fi Vjenna (L-Awstrija), li ġiet ippubblikata fl-4 ta’ Frar 2004.

20

Fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ Postabank, detenuti minn BCL Trading, li jifformaw is-suġġett tal-imsemmija garanzija finanzjarja, il-Legfelsőbb Bíróság ordnat lil Magyar Állam, fis-6 ta’ Diċembru 2005 sabiex tixtrihom minħabba li din tal-aħħar kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Postabank, li, fid-dritt Ungeriż, kien inissel fil-konfront tagħha obbligu li takkwista l-azzjonijiet ta’ Postabank offruti għall-bejgħ mill-azzjonisti ż-żgħar. B’eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, Magyar Állam xtrat dawn l-azzjonijiet bi prezz li ġie ffissat mil-Legfelsőbb Bíróság u ddepożitat il-qorti l-flus rikavati mill-imsemmija azzjonijiet li preliminarjament kienu saru intanġibbli.

21

Fis-27 ta’ Jannar 2006, ERSTE Bank, li s-sede tagħha huwa stabbilit f’Budapest (L-Ungerija), li assumiet id-drittijiet ta’ de Postabank, ippreżentat rikors quddiem il-Fővárosi Bíróság (Qorti ta’ Budapest) kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali bil-għan li tikseb sentenza li tiddikjara li għandha garanzija finanzjarja fuq is-somma ta’ flus iddepożitata l-qorti.

22

Waqt il-pendenzi ta’ dan ir-rikors, fit-8 ta’ Jannar 2007, ERSTE Bank talbet ukoll il-ftuħ fl-Ungerija ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza fil-konfront ta’ BCL Trading, fejn sostniet li din tal-aħħar hija proprjetarja ta’ bini f’dan il-pajjiż u li kienet diġà ġiet ippreżentata proċedura ta’ insolvenza fl-Awstrija fil-konfront tagħha. Filwaqt li rrikonoxxiet l-applikabbiltà tar-Regolament, il-Legfelsőbb Bíróság, ċaħdet din it-talba peress li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li d-debitur kellu bini fl-Ungerija kif rikjest mill-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-Regolament.

23

Fis-7 ta’ Jannar 2009, il-Fővárosi Bíróság kkunsidrat li peress li kienet diġà nbdiet proċedura ta’ insolvenza kontra BCL Trading fl-Awstrija, il-liġi Awstrijaka fuq il-insolvenzai hija l-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u l-effetti tagħha. Issa, peress li din il-liġi teskludi l-possibbiltà li tiġi ppreżentata kawża kontra operatur ekonomiku li jkun għaddej mill-proċess ta’ stralċ meta din il-kawża tkun tikkonċerna l-patrimonju tal-insolvenza, ma setgħet tiġi ppreżentata l-ebda kawża kontra BCL Trading, peress li din tal-aħħar kienet fil-proċess ta’ stralċ. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Fővárosi Bíróság tat digriet għall-arkivjar tal-kawża.

24

Wara l-appell ippreżentat minn ERSTE Bank kontra din id-deċiżjoni, fl-4 ta’ Frar 2010, il-Fővárosi Ítélőtábla (qorti tal-appell ta’ Budapest), filwaqt li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 4(1) tar-Regolament, ikkonfermat id-digriet mogħti mill-ewwel istanza mill-Fővárosi Bíróság. Hija fakkret ukoll li huwa fid-dawl tad-dritt Awtstrijak li jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk ERSTE Bank tistax tikseb sentenza dikjaratorja dwar garanzija finanzjarja.

25

Għaldaqstant ERSTE Bank ippreżentat rikors ta’ kassazzjoni quddiem il-Legfelsőbb Bíróság, bil-għan li tikseb, prinċipalment, l-annullament tad-digriet definittiv ta’ arkivjar u l-ordni li tobbliga lill-qorti tal-ewwel istanza li teżamina mill-ġdid it-talba għal ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza fil-konfront ta’ BCL Trading. Barra minn hekk, hija sostniet li r-Regolament ma kienx applikabbli għal dan il-każ peress li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ insolvenza kontra BCL Trading fl-Awstrija kienet ingħatat qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea, u dan, konsegwentement, kien jirrendi impossibbli, skont l-istess Regolament, il-kunsiderazzjoni li l-imsemmija kumpannija kienet fil-proċess ta’ stralċ fl-Ungerija.

26

Billi kkunsidrat li d-deċiżjoni li għandha tiġi adottata tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, il-Legfelsőbb Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(1) tar-[Regolament] għandu jiġi applikat fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ta’ dritt ċivili li tikkonċerna l-eżistenza ta’ dritt in rem [f’dan il-każ, security deposits (óvadék)], fid-dawl tal-fatt li l-pajjiż fejn jinsabu l-beni li huma s-suġġett tal-bond, jiġifieri beni mobbli, u sussegwentement il-flus li ħadu posthom, kien għadu ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea meta bdiet, fi Stat Membru ieħor, il-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] attwali, iżda li kien Membru meta seħħet il-preżentata tar-rikors?”

Fuq id-domanda preliminari

27

Permezz tad-domanda tagħha, il-Legfelsőbb Bíróság, essenzjalment tistaqsi, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 5(1) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ta’ dritt ċivili li tikkonċerna l-eżistenza ta’ dritt in rem, f’dan il-każ, garanzija finanzjarja, f’każ fejn il-beni suġġetti għal dan id-dritt, f’dan il-każ somma ta’ flus iddepożitata l-qorti, ikunu jinsabu fi Stat li kien għadu ma sarx membru tal-Unjoni fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fi Stat Membru, iżda li kien sar membru fil-mument tal-preżentata tar-rikors li beda l-imsemmija proċedura ġudizzjarja.

28

Qabel ma tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li jixxejnu d-dubji espressi minn ċerti partijiet fil-proċedura odjerna dwar il-possibbiltà li r-Regolament stess japplika, ratione temporis, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29

F’dan ir-rigward, preliminarjament jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament għandu japplika għal proċeduri kollettivi bbażati fuq il-insolvenza tad-debitur li jinvolvu t-tneħħija tal-assi parzjali jew totali ta’ dak id-debitur kif ukoll il-ħatra ta’ likwidatur.

30

B’mod konformi mal-Arikolu 43 tar-Regolament, li jirregola l-applikazzjoni ratione temporis ta’ dan tal-aħħar, ir-Regolament japplika biss għall-proċeduri ta’ insolvenza mibdija wara d-dħul fis-seħħ tiegħu li, kif ippreċiżat mill-Artikolu 47 tal-istess Regolament, huwa fil-31 ta’ Mejju 2002.

31

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proċedura ta’ insolvenza kontra BCL Trading infetħet fl-Awstrija fil-5 ta’ Diċembru 2003.

32

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li din il-proċedura infetħet fi Stat Membru qabel il-31 ta’ Mejju 2002 u li, konsegwentement, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

33

Hemm lok ukoll li jiġi rrilevat li minn qari flimkien tal-Artikoli 16(1) u 17(1) tar-Regolament, jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fi Stat Membru hija rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra kollha minn meta din tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istat ta’ ftuħ, u li din tipproduċi, mingħajr il-bżonn ta’ ebda formalità oħra, f’kull Stat Membru ieħor, l-effetti attribwiti lilha mil-liġi tal-Istat ta’ ftuħ (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, MG Probud Gdynia, C-444/07, Ġabra p. I-417, punt 26).

34

Kif jirriżulta mill-premessa 22 tar-Regolament, ir-regola ta’ prijorità ddefinita fl-Artikolu 16(1) hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. Fil-fatt, kien dan il-prinċipju li ppermetta mhux biss l-implementazzjoni ta’ sistema obbligatorja ta’ ġurisdizzjoni, li l-qrati kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huma obbligati josservaw, iżda anki r-rinunzja korrelattiva mill-Istati Membri għar-regoli interni tagħhom dwar ir-rikonoxximent u l-exequatur favur mekkaniżmu ssemplifikat ta’ rikonoxximent u ta’ infurzar ta’ deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza (sentenzi tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C-341/04, Ġabra p. I-3813, punti 39 u 40, kif ukoll MG Probud Gdynia, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 u 28).

35

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 2 tal-Att tal-Adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament huma applikabbli fl-Ungerija sa mid-data tal-adeżjoni ta’ dak l-Istat fl-Unjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Mejju 2004.

36

Għalhekk, minn din id-data, il-qrati Ungeriżi huma obbligati, b’mod konformi mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament, li jirrikonoxxu kull deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ insolvenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li jkollha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament, kull deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza adottata minn qorti ta’ Stat Membru, fil-prinċipju, tipproduċi fl-Ungerija, mill-1 ta’ Mejju 2004 u mingħajr il-bżonn ta’ ebda formalità oħra, l-effetti attribwiti lilha mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ.

37

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-Regolament huwa applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali peress li l-proċedura ta’ insolvenza inkwistjoni, kif jirriżulta mill-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u li, mill-1 ta’ Mejju 2004, il-qrati Ungeriżi kienu għaldaqstant obbligati li jirrikonoxxu d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura adottata mill-qrati Awstrijaċi.

38

Sussegwentement, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament jistabbilixxi r-regola li d-determinazzjoni tal-qorti kompetenti ssegwi din tal-liġi applikabbli. Fil-fatt, b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, f’dak li jikkonċerna kemm il-proċedura prinċipali ta’ insolvenza kif ukoll il-proċedura sekondarja jew territorjali, il-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u l-effetti tagħha hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet il-proċedura (lex concursus) (ara f’dan is-sens, is-sentenzi Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; MG Probud Gdynia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Rastrelli Davide e C., C-191/10, Ġabra p. I-13209 punt 16). Din il-liġi tirregola, kif tiddikjara l-premessa 23 tar-Regolament, il-kundizzjonijiet kollha relatati mal-ftuħ, l-iżvolġiment u l-għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza.

39

Madankollu, bil-għan li jiġu ppreservati l-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali tat-tranżazzjonijiet fl-Istati Membri minbarra dawk tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, ir-Regolament jipprevedi, fl-Artikoli 5 sa 15 tiegħu, għadd ta’ eċċezzjonijiet għall-imsemmija regola tal-liġi applikabbli għal ċerti drittijiet u sitwazzjonijiet legali li huma kkunsidrati, skont il-premessa 11 tiegħu, bħala partikolarment importanti.

40

Għalhekk, partikolarment fir-rigward tad-drittijiet in rem, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament jiddikjara li l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ma jaffettwax id-dritt in rem ta’ kreditur jew ta’ terz fuq il-beni li jkunu proprjetà tad-debitur u li jkunu jinsabu, fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

41

Il-portata ta’ din id-dispożizzjoni hija ċċarata mill-premessi 11 u 25 tar-Regolament, li jiddikjaraw li huwa neċessarju li tiġi prevista referenza speċjali għad-drittijiet in rem“li tkun differenti mil-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti”, peress li dawn id-drittijiet huma ta’ importanza kunsiderevoli għall-għoti tal-krediti. Għalhekk, skont il-premessa 25, il-ġustifikazzjoni, il-validità u l-portata ta’ tali dritt in rem għandhom normalment jiġu ddeterminati skont il-liġi tal-post li fih ikun jinsab l-oġġett li jkun is-suġġett ta’ tali dritt (lex rei sitae) u ma jiġux affettwati mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza.

42

Konsegwentement, hemm lok li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament jinftiehem bħala dispożizzjoni li, billi tidderoga mir-regola tal-liġi tal-Istat ta’ ftuħ, tippermetti l-applikazzjoni, fir-rigward tad-dritt in rem ta’ kreditur jew ta’ terz fuq ċerti beni li huma proprjetà tad-debitur, tal-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu jinsabu l-beni inkwistjoni.

43

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, huwa ċertament vertier li, fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fl-Awstrija fil-5 ta’ Diċembru 2003, il-beni tad-debitur suġġetti għad-dritt in rem inkwistjoni kienu jinsabu fl-Ungerija, jiġifieri fit-territorju ta’ Stat, li dak iż-żmien, ma kienx għadu sar Stat Membru tal-Unjoni.

44

Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, kif tfakkar fil-punti 35 u 37 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament huma applikabbli fl-Ungerija mid-data tal-adeżjoni ta’ dak l-Istat Membru fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri mill-1 ta’ Mejju 2004, u li għalhekk, sa minn dik id-data, il-qrati Ungeriżi kienu obbligati li jirrikonoxxu d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza adottata mill-qrati Awstrijaċi.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-għan li tiġi ppreservata l-koerenza tas-sistema stabbilita mir-Regolament u l-effettività tal-proċedura ta’ insolvenza, jeħtieġ li l-Artikolu 5(1) ta’ dan tal-aħħar jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija applikabbli anki għall-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Ungerija fl-Unjoni f’każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn fl-1 ta’ Mejju 2004, il-beni tad-debitur suġġetti għad-dritt in rem inkwistjoni kienu jinsabu fit-territorju tal-imsemmi Stat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

46

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija applikabbli, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, anki għall-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Ungerija fl-Unjoni fil-każ fejn, fl-1 ta’ Mejju 2004, il-beni tad-debitur suġġetti għad-dritt in rem inkwistjoni kienu jinsabu fit-territorju tal-imsemmi Stat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ insolvenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija applikabbli, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, anki għall-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea fil-każ fejn, fl-1 ta’ Mejju 2004, il-beni tad-debitur suġġetti għad-dritt in rem inkwistjoni kienu jinsabu fit-territorju tal-imsemmi Stat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.