SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
21 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )
“Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija qabel l-adeżjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni mal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C-514/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Novembru 2010, fil-proċedura
Wolf Naturprodukte GmbH
vs
SEWAR spol. s.r.o,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent, |
|
— |
għall-Gvern Latvjan, minn M. Borkoveca u A. Nikolajeva, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u M. Šimerdová, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Frar 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Wolf Naturprodukte GmbH (iktar ’il quddiem “Wolf Naturprodukte”), kumpannija stabbilita fi Graz (l-Awstrija), u SEWAR spol. s r.o (iktar ’il quddiem “SEWAR”), kumpannija stabbilita f’Šanov (ir-Repubblika Ċeka), dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fir-Repubblika Ċeka ta’ deċiżjoni mogħtija fl-Awstrija. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 44/2001 tindika: “Fis-27 ta’ Settembru 1968 l-Istati Membri, permezz ta’ l-Artikolu 293, ir-raba’ indent, tat-Trattat, ikkonkludew il-Konvenzjoni ta’ Brussel dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali [ĠU 1972, L 299, p. 32], kif emendata bil-Konvenzjonijiet dwar l-Għaqda ta’ Stati Membri Ġodda għal dik il-Konvenzjoni (minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-‘Konvenzjoni ta’ Brussel’). Fis-16 ta’ Settembru 1988 Stati Membri u Stati EFTA kkonkludew il-Konvenzjoni ta’ Lugano dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali [ĠU L 319, p. 9], li hija Konvenzjoni parallella għal Konvenzjoni ta’ Brussel 1968. Inbdiet ħidma għar-reviżjoni ta’ dawk il-Konvenzjonijiet, u l-Kunsill kien approva l-kontenut tat-testi reveduti. Għandha tiġi assigurata l-kontinwità fir-riżultati milħuqa f’dik ir-revizjoni.” |
|
4 |
Il-premessa 19 ta’ dan ir-regolament hija fformulata kif ġej: “Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Protokolli tal-1971 għandhom jibqgħu japplikaw ukoll f’każijiet diġa pendenti meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.” |
|
5 |
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi: “Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.” |
|
6 |
L-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “1. Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun infittex f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’għandhiex ġurisdizzjoni sa kemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. 2. Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sa kemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut seta’ rċieva d-dokument li jiftħu l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan. […]” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 66 tar-regolament imsemmi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti u għal dokumenti formalment imħejjija jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. 2. B’dana kollu, jekk il-proċedimenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini infetħu qabel id-dħul b’effett [id-dħul fis-seħħ] ta’ dan ir-Regolament, sentenza mogħtija wara dik id-data għandhom ikunu rikonoxxuti u eżegwibbli skond il-Kapitolu III,
|
|
8 |
L-Artikolu 76 tal-istess regolament jipprovdi: “Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Marzu 2002. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri bi qbil mat-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea.” |
Id-dritt Ċek
|
9 |
Skont l-Artikolu 37(1) tal-Liġi Nru 97/1963 dwar id-dritt internazzjonali privat u dwar id-dritt proċedurali internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 97/1963”), “il-qrati Ċeki għandu jkollhom ġurisdizzjoni f’kawżi dwar il-proprjetà jekk il-leġiżlazzjoni Ċeka tagħtihom din il-ġurisdizzjoni”. |
|
10 |
Skont l-Artikolu 63 tal-Liġi Nru 97/1963: “Is-sentenzi tal-korpi ġudizzjarji ta’ Stat ieħor li jikkonċernaw is-suġġetti elenkati fl-Artikolu 1 [...] għandu jkollhom forza legali fir-Repubblika Ċeka bil-kundizzjoni li jkunu kisbu effett legali vinkolanti kif iċċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti barranin u bil-kundizzjoni li jkunu ġew rikonoxxuti mill-awtoritajiet Ċeki”. |
|
11 |
L-Artikolu 64 tal-liġi msemmija jipprovdi: “Sentenza ġudizzjarja barranija ma tistax tiġi rikonoxxuta jew eżegwita meta: […]
[...]
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
12 |
Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ April 2003, il-Landesgericht für Zivilrechtssachen de Graz (Qorti reġjonali ta’ Graz) (l-Awstrija), qorti reġjonali kompetenti fil-qasam ċivili, ikkundannat lil SEWAR tħallas il-kreditu li kellha fil-konfront tagħha Wolf Naturprodukte. |
|
13 |
Fil-21 ta’ Mejju 2007, Wolf Naturprodukte ppreżentat rikors quddiem l-Okresní soud ve Znojmě (Qorti distrettwali ta’ Znojmo) (ir-Repubblika Ċeka) fejn talbet li, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza msemmija tiġi ddikjarata eżekuttiva fit-territorju tar-Repubblika Ċeka u li, għal dan il-għan, tiġi ordnata l-eżekuzzjoni fir-rigward tal-assi ta’ SEWAR. |
|
14 |
L-Okresní soud ve Znojmě ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007 billi kkunsidrat li r-Regolament Nru 44/2001 ma kienx vinkolanti għar-Repubblika Ċeka ħlief minn wara l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni Ewropea, jiġifieri mill-1 ta’ Mejju 2004. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-Liġi Nru 97/1963, dik il-qorti kkonkludiet li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex is-sentenza mogħtija mil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz tiġi rrikonoxxuta u eżegwita ma kinux issodisfati. Hija kkonstatat, minn naħa, li din kienet sentenza mogħtija fil-kontumaċja u li, mill-informazzjoni dwar il-proċedura ġudizzjarja, seta’ jiġi konkluż li SEWAR kienet ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tipparteċipa b’mod effettiv fil-proċedura. Dik il-qorti kkunsidrat, min-naħa l-oħra, li r-rekwiżit tar-reċiproċità fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet bejn ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Awstrija ma kienx issodisfat. |
|
15 |
Wolf Naturprodukte appellat minn din is-sentenza quddiem il-Krajský soud v Brně (Qorti reġjonali ta’ Brně) (ir-Repubblika Ċeka) li, permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2008, ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. |
|
16 |
Wolf Naturprodukte għalhekk ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší soud (Qorti suprema) (ir-Repubblika Ċeka) intiż sabiex tiġi annullata s-sentenza mogħtija fl-appell u sabiex tiġi kkonstatata n-natura vinkolanti tar-Regolament Nru 44/2001 fir-rigward tal-Istati Membri kollha fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar, jiġifieri fl-1 ta’ Marzu 2002. |
|
17 |
Peress li kkunsidrat li mit-termini tal-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament ma setax jiġi ddeterminat b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-regolament imsemmi, in-Nejvyšší soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 66(2) tar-Regolament [...] Nru 44/2001 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex [dan] ir-Regolament ikun applikabbli, huwa neċessarju li, fil-mument li ngħatat id-deċiżjoni, dan ir-regolament kien fis-seħħ kemm fl-Istat li fih il-qorti tat id-deċiżjoni kif ukoll fl-Istat li fih parti titlob ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
18 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun fondata l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament għall-finijiet tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni, huwa meħtieġ li, fil-mument li tingħata din id-deċiżjoni, dan ir-regolament kien fis-seħħ kemm fl-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll fl-Istat Membru mitlub. |
|
19 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 44/2001, li ssostitwixxa bejn l-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, daħal fis-seħħ, skont l-Artikolu 76 tiegħu, fl-1 ta’ Marzu 2002. Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, fit-territorju tal-Istati li, bħar-Repubblika Ċeka, saru parti mill-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004, kien biss b’din id-data li dan ir-regolament daħal fis-seħħ. |
|
20 |
Għandu jiġi osservat li mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta b’mod partikolari li għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell u dan ir-regolament. Għal dan il-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fl-Artikolu 66 tar-regolament imsemmi. |
|
21 |
L-Artikolu 66(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-istess regolament japplikaw biss għall-proċedimenti legali istitwiti wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Dan il-prinċipju huwa intiż li jirregola kemm il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. |
|
22 |
Madankollu, l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li, b’deroga minn dan il-prinċipju, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar ir-rikonoxximent u dwar l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet japplikaw għad-deċiżjonijiet mogħtija wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament fi proċedimenti legali istitwiti qabel dik id-data sakemm, essenzjalment, ir-regoli komuni dwar il-ġurisdizzjoni kienu applikabbli fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati jew sakemm il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq regoli simili għal dawk previsti fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001. |
|
23 |
Madankollu, la l-Artikolu 66(1) u lanqas l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jippreċiżaw jekk il-kunċett ta’ “dħul fis-seħħ” ta’ dan ir-regolament, kunċett li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fil-kuntest ta’ dan l-istess artikolu, huwiex qiegħed jirreferi għad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament fl-Istat fejn tkun ingħatat id-deċiżjoni ġudizzjarja, jiġifieri fl-Istat ta’ oriġini, jew f’dak fejn ikunu qegħdin jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri fl-Istat mitlub. |
|
24 |
F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 jikkonfermaw ir-rabta mill-qrib li teżisti bejn ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati li huma s-suġġett tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament u r-regoli dwar ir-rikonoxximent u dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li huma s-suġġett tal-Kapitolu III tiegħu. |
|
25 |
Fil-fatt, ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u dawk dwar ir-rikonoxximent u dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li jinsabu fir-Regolament Nru 44/2001, ma jikkostitwixxux gruppi ta’ regoli distinti u awtonomi iżda huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ukoll li l-mekkaniżmu ssemplifikat ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni, stabbilit fl-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament, li permezz tiegħu d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru jiġu rrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura u li bħala prinċipju għandu jwassal, skont l-Artikolu 35(3) ta’ dan l-istess regolament, sabiex ma tiġix mistħarrġa l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini, huwa ġġustifikat mill-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, mill-fiduċja murija fil-qorti tal-Istat ta’ oriġini min-naħa tal-qorti tal-Istat mitlub fid-dawl b’mod partikolari tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni diretta stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament (Opinjoni 1/03, tas-7 ta’ Frar 2006, Ġabra p. I-1145, punt 163). |
|
26 |
Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja hija valida wkoll, bħala regoli ġenerali, għar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland, C-406/09, Ġabra p. I-9773, punt 38), huwa minħabba l-garanziji mogħtija lill-konvenut fil-proċedura ta’ oriġini li din il-konvenzjoni, fit-Titolu III tagħha, hija liberali ħafna fir-rigward tar-rikonoxximent (sentenza tal-21 ta’ Mejju 1980, Denilauler, 125/79, Ġabra p. 1553, punt 13). Fil-fatt, ir-rapport dwar il-konvenzjoni msemmija ppreżentat mis-Sur Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 1, 46), kien jindika li “[i]r-regoli stretti ħafna ta’ ġurisdizzjoni previsti fit-Titolu II, il-garanziji mogħtija lill-konvenut kontumaċi fl-Artikolu 20 tiegħu, ippermettew li l-qorti li quddiemha jiġi invokat ir-rikonoxximent jew tintalab l-eżekuzzjoni ma tintalabx iktar tivverifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini” (Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq, punt 163). |
|
27 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-applikazzjoni tar-regoli ssemplifikati dwar ir-rikonoxximent u dwar l-eżekuzzjoni, previsti fir-Regolament Nru 44/2001, liema regoli jipproteġu b’mod partikolari lir-rikorrent billi jippermettulu jikseb eżekuzzjoni rapida, ċerta u effikaċi tad-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija favur tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini, hija ġġustifikata biss sa fejn id-deċiżjoni li għandha tiġi rrikonoxxuta jew eżegwita tkun ġiet adottata skont ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-istess regolament, liema regoli jipproteġu l-interessi tal-konvenut, b’mod partikolari sa fejn il-konvenut ma jistax, bħala regola ġenerali, jitressaq quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor li ma jkunx dak fejn ikun iddomiċiljat jekk mhux bis-saħħa tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni eċċezzjonali previsti fl-Artikoli 5 sa 7 ta’ dan ir-regolament. |
|
28 |
Għall-kuntrarju, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-konvenut ikun iddomiċiljat fi Stat li ma kienx għadu Membru tal-Unjoni, la fid-data meta tressqet il-proċedura legali u lanqas fid-data meta ngħatat id-deċiżjoni ġudizzjarja, u li għalhekk huwa kkunsidrat bħala ddomiċiljat fi Stat terz għall-finijiet tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001, l-ibbilanċjar tal-interessi bejn il-partijiet previst minn dan ir-regolament, u deskritt fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, ma jibqax żgurat. Fil-fatt, meta l-konvenut ma jkunx iddomiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tkun iddeterminata, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001, skont il-liġijiet tal-Istat ta’ oriġini. |
|
29 |
Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 44/2001 jinkludi ċerti mekkaniżmi li jiżguraw, matul il-proċedura inizjali fl-Istat ta’ oriġini, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konvenut, iżda dawn il-mekkaniżmi japplikaw biss meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fi Stat Membru tal-Unjoni. |
|
30 |
B’hekk, l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li, “[m]eta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun infittex f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’għandhiex ġurisdizzjoni sa kemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament”. |
|
31 |
Bl-istess mod, mill-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża hija obbligata tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm ma jiġix stabbilit li l-konvenut kontumaċi kien tqiegħed f’pożizzjoni li jirċievi l-att promotur jew att ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex jipprepara d-difiża tiegħu jew li kienu ttieħdu l-passi kollha possibbli għal dan il-għan (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML, C-283/05, Ġabra p. I-2041, punt 30). |
|
32 |
F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni ġudizzjarja li qegħdin jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha ngħatat fil-kontumaċja u li jista’ jitqies li l-konvenut fil-kawża prinċipali, li ma setax jibbenefika mill-mekkaniżmi ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 44/2001, sa fejn ir-Repubblika Ċeka kienet għadha ma hijiex Membru tal-Unjoni fil-mument meta ngħatat id-deċiżjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini, kien imċaħħad mill-possibbiltà li jipparteċipa effettivament fil-proċedura ġudizzjarja, u dan peress li d-deċiżjoni ngħatat fl-istess ġurnata li fiha ġie nnotifikat l-att promotur. |
|
33 |
Għalhekk, kemm mill-oriġini u kif ukoll mill-istruttura u mill-għan tal-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-kunċett ta’ “dħul fis-seħħ” previst f’din id-dispożizzjoni għandu jinftiehem bħala d-data li minnha dan ir-regolament japplika fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati. |
|
34 |
Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun fondata l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament għall-finijiet tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, huwa meħtieġ li, fil-mument li tingħata din id-deċiżjoni, dan ir-regolament kien fis-seħħ kemm fl-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll fl-Istat Membru mitlub. |
Fuq l-ispejjeż
|
35 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 66(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun fondata l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament għall-finijiet tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, huwa meħtieġ li, fil-mument li tingħata din id-deċiżjoni, dan ir-regolament kien fis-seħħ kemm fl-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll fl-Istat Membru mitlub. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.