SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

“Proprjetà intellettwali u industrijali — Sistema ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità — Regolament (KE) Nru 2100/94 — Privileġġ tal-bidwi — Kunċett ta’ ‘kumpens raġonevoli’ — Ħlas għal dannu subit — Ksur”

Fil-Kawża C-509/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ottubru 2010, fil-proċedura

Josef Geistbeck,

Thomas Geistbeck

vs

Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur), J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal J. u T. Geistbeck, minn J. Beismann u M. Miersch, avukati,

għall-iSaatgut-Treuhandverwaltungs GmbH, minn K. von Gierke, u C. von Gierke, avukati,

għall-Gvern Grieg, minn X. Basakou u A.-E. Vasilopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Schima u F. Wilman kif ukoll M. Vollkommer, bħala aġenti,

– wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3 Vol. 16 p. 390), kif ukoll tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1768/95, tal-24 ta’ Lulju 1995, li jimplimenta regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3 Vol. 18 p. 63), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2605/98, tat-3 ta’ Diċembru 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3 Vol. 24 p. 162, iktar ’il quddiem ir-“Regolament 1768/95”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn J. u T. Geistbeck, bdiewa, u l-iSaatgut-Treuhandverwaltungs GmbH (iktar ’il quddiem l-“STV”), li tirrappreżenta l-interessi tad-detenturi tal-varjetajiet tal-pjanti protetti Kuras, Quarta, Solara, Marabel, li tirrigwarda t-tiżrigħ mhux iddikjarat kompletament, mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ta’ dawn il-varjetajiet.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 2100/94

3

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2100/94, id-dritt għall-protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti tal-Komunità, huwa ta’ “dak li jkabbar”, jiġifieri tal-“persuna li tkun kabbret, jew skopriet jew żviluppat il-varjetajiet, jew [tas-] is-suċċessur tiegħu fit-titolu, it-tnejn li huma — il-persuna u s-suċċessur tiegħu”.

4

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Drittijiet tad-detentur ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u atti pprojbiti”, jipprovdi dan li ġej:

“1.   Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ “id-detentur” ikollu d-dritt li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ “il-materjal”, għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur:

a)

produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni);

[…]

Id-detentur jista’ jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet.

[…]”

5

L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Deroga mid-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 13(2), u għall-għanijiet tal-ħarsien tal-produzzjoni agrikola, il-bdiewa huma awtorizzati li jużaw għal għanijiet ta’ propagazzjoni fl-għalqa, fuq l-art tagħhom il-prodott tal-ħsad li jkunu akkwistaw permezz taż-żergħa, fuq l-art tagħhom, materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet minbarra varjetajiet mħallta jew sintetiċi, li jkunu […]koperti minn dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti.”

6

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi:

“[Il-k]ondizzjonijiet biex jagħtu effett lid-deroga li għaliha jipprovdi l-paragrafu 1 u biex jitħarsu l-interessi leġittimi ta’ dak li jkabbar u tal-bidwi, għandhom ikunu stabbiliti, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, fl-implimentazzjoni tar-regoli bis-saħħa ta’ l-Artikolu 114, fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

[…]

bdiewa zgħar ma jkunux meħtieġa li jagħmlu xi ħlas lid-detentur; […]

[…]

bdiewa oħrajn ikunu meħtieġa li jħallsu ħlas xieraq lid-detentur, li għandu jkun sensibilment aktar baxx mill-ammont li jitħallas għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ l-istess varjetajiet fl-istess qasam; il-livell attwali ta’ dan il-ħlas xieraq jista’ jkun suġġett għall-varjazzjoni matul iż-żmien, meta jittieħed akkont tal-limitu li jista’ jsir użu mid-deroga pprovdutafil-paragrafu 1 dwar il-varjetajiet ikkonċernati,

[…]

it-tagħrif relevanti għandu jkun ipprovdut lid-detenturi fuq talba tagħhom, minn bdiewa u dawk li jipprovdu s-servizzi ta’ l-ipproċessar, […]”

7

L-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-azzjonijiet tad-dritt ċivili li jistgħu jitressqu f’każ ta’ użu ta’ varjetà ta’ pjanta li jikkostitwixxi ksur, jipprovdi:

“1.   Kull min:

a)

jafftwa xi wieħed mill-atti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) mingħajr ma jkun intitolat biex jagħmel dan, dwar varjetà li għaliha ikun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti

[…]

jista’ jiġi mħarrek mid-detentur biex jordna t-tneħħija ta’ dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn.

2.   Kull min jaġixxi intenzjonalment jew b’mod traskurat għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa lid-detentur għal kull ħsara li tirriżulta minn dak l-att in kwistjoni. Fil-każi ta’ negliġenza ħafifa, dawk il-pretensjonijiet jistgħu jitnaqqsu skond il-grad ta’ dik in-negliġenza ħafifa, b’dan iżda mhux sal-limitu li jkunu anqas mill-vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur.”

8

L-applikazzjoni supplimentari tal-liġi nazzjonali dwar ksur hija rregolata bl-Artikolu 97 tal-imsemmi regolament, li jipprovdi, fl-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta l-parti responsabbli skond l-Artikolu 94 tkun, minħabba dak il-ksur ta’ liġi, għamlet xi gwadann b’detriment tad-detentur jew tal-persuna ntitolata għad-drittijiet ta’ l-esplojtazzjoni, il-qrati kompetenti bis-saħħa ta’ l-Artikoli 101 jew 102 għandhom japplikaw il-liġi nazzjonali tagħhom, inkluża l-liġi privata internazzjonali, f’dak li jirrigwarda r-restituzzjoni.”

Ir-Regolament Nru 1768/95

9

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1768/95 huwa fformulat kif ġej:

“Il-kundizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu implimentati kemm mid-detentur, li jirrappreżenta lil dak li jrabbi, u mill-bidwi b’mod illi jiġu mħarsa l-interessi leġittimi ta’ xulxin.

10

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1768/95,li jistabbilixxi r-regoli li ġejjin dwar il-kumpens dovut lid-detentur, jipprovdi li:

“1.   Il-livell ta’ ħlas ġust [kumpens raġonevoli] li jrid isir lid-detentur skond l-Artikolu 14(3), ir-raba’ inċiż, tar-Regolament bażiku jista’ jkun is-suġġett ta’ kuntratt bejn id-detentur u l-bidwi konċernat.

2.   Meta kuntratt bħal dan ma’ jkunx ġie finalizzat jew ma japplikax il-livell ta’ ħlas [kumpens] għandu jkun sensibbilment inqas mill-ammont mitlub għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal riproduttiv ta’ l-inqas kategorija li jikkwalifika għal ċertifikazzjoni uffiċjali, ta’ l-istess varjetà fl-istess żona.

[…]

5.   Meta fil-każ tal-paragrafu 2 xi ftehim li għalih jirriferi l-paragrafu 4 ma jkunx japplika, il-ħlas [il-kumpens] li għandu jsir għandu jkun ta’ 50 % tal-ammont imħallas għall-produzzjoni liċenzjata tal-materjal ta’ propagazzjoni kif speċifikat fil-paragrafu 2.

[…]”

11

L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, dwar il-kontroll mid-detentur tal-obbligi tal-bidwi, jipprovdi, fil-paragrafu 1:

“Għall-għanijiet ta’ monitoraġġ, mid-detentur, għall-ħarsien tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku kif imsemmi f’dan ir-Regolament, sa fejn it-twettiq ta’ l-obligi tal-bidwi huwa konċernat, il-bidwi jrid, fuq talba tad-detentur:

a)

jagħti xhieda li ssaħħaħ l-istqarrijiet ta’ informazzjoni tiegħu skond l-Artikolu 8, billi jiżvela dokumenti relevanti disponibbli bħal fatturi, tikketti wżati, jew xi mezz xieraq ieħor bħal dak meħtieġ skond l-Artikolu 13(1)(a), li għandu x’jaqsam ma’:

il-provvista ta’ servizzi ta’ proċessar tal-prodott ta’ ħsad ta’ varjetà tad-detentur għat-taħwil [tiżrigħ], minn xi terza persuna, jew

fil-każ ta’ l-Artikolu 8(2)(e), il-provvista ta’ materjal riproduttiv [ta’ propagazzjoni] ta’ varjetà tad-detentur,

jew billi jintwerew faċilitajiet ta’ art jew ħażna;

b)

billi jagħmel disponibbli jew aċċessibbli l-prova meħtieġa skond l-Artikolu 4(3) jew 7 (5).”

12

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1768/95:

“1.   Persuna msemmija fl-Artikolu 17 tista’ titħarrek mid-detentur sabiex jitwettqu l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku kif imsemmi f’dan ir-Regolament.

2.   Jekk din il-persuna ripetutament u intenzjonalment ma ħarsitx l-obbligu tagħha skond l-Artikolu 14(3) ir-raba’ inċiż tar-Regolament bażiku, f’waħda jew iktar varjetajiet ta’ l-istess detentur, l-obbligu ta’ kumpens lid-detentur għall kull ħsara oħra li tista’ ssir skond l-Artikolu 94(2) tar-Regolament bażiku għandu jkopri mill-inqas somma waħda li tkun kalkolata fuq il-bażi ta’ medja moltiplikata għal erbgħa darbiet, ta’ l-ammont li jitħallas għall-produzzjoni liċenzjata ta’ kwantità korrispondenti ta’ materjal riproduttiv [ta’ propagazzjoni] ta’ varjetajiet prottetti ta’ l-ispeċi ta’ pjanti konċernati fl-istess lokalità, bla ħsara għall-ħlas ta’ kumpens għal xi dannu ikbar.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Bejn l-2001 u 2004, J. u T. Geistbeck bdew it-tiżrigħ tal-varjetajiet protetti Kuras, Solara u Marabel wara li informaw lill-STV. Din tal-aħħar madankollu kkonstatat, wara stħarriġ, li l-kwantitajiet realment miżrugħa kienu ogħla mill-kwantitajiet iddikjarati, iktar minn tliet darbiet għal xi wħud minn dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, l-STV talbet il-ħlas ta’ EUR 4 576 15, li jikkorrispondi għall-kumpens li kien ikun dovut lilha. Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ħallsux ħlief nofs din is-somma, l-STV ippreżentat rikors u talbet il-ħlas tal-kumplament tal-ammont u r-rimborż tal-ispejjeż prekontenzjużi li jammontaw għal EUR 141.05.

14

Dan ir-rikors intlaqa’ fl-ewwel istanza. L-appell ippreżentat mir-rikorrenti ġie miċħud. Dawn tal-aħħar imbagħad ippreżenta rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju.

15

Din il-qorti, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ April 2003, Schulin (C-305/00, Ġabra p. I-3525), tikkunsidra li l-bidwi li ma jkunx wettaq debitament l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni, imsemmi fis-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku, lejn id-detentur tal-varjetà ta’ pjanta protetta ma jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2100/94 u jesponi ruħu għal kawża għal ksur taħt l-Artikolu 94 ta’ dan l-istess regolament u għall-ħlas ta’ kumpens raġonevoli.

16

L-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-“kumpens raġonevoli” dovut skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 lid-detentur tad-dritt protett kif ukoll il-kumpens dovut skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

17

Ser ikun possibbli li jittieħed bħala bażi ta’ kalkolu ta’ dan il-kumpens jew l-ammont medju mitlub għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet protetti tal-ispeċi ta’ pjanta kkonċernata fl-istess reġjun, jew il-ħlas dovut f’każ ta’ tiżrigħ awtorizzat, skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, moqri flimkien mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1768/95 (iktar ’il quddiem il-“miżata għal tiżrigħ awtorizzat”).

18

Fl-ewwel każ, dak li jwettaq il-ksur ikun responsabbli għall-ħlas tal-imsemmi ammont medju taħt l-istess kundizzjonijiet u bl-istess rati bħal terz, filwaqt li fit-tieni każ, huwa jista’ jinvoka r-rati favorevoli riżervati għall-bdiewa, jiġifieri 50 % tal-ammont dovut għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-‘kumpens raġonevoli’ dovut minn bidwi, skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, lil detentur ta’ dritt għall-protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti tal-Komunità għax ikun uża materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà protetta miksuba minn tiżrigħ mingħajr ma jkun wettaq l-obbligi stipulati fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1768/95, għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ammont medju li jintalab għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet protetti tal-ispeċi tal-pjanti kkonċernata fl-istess żona jew abbażi tal-ħlas (inqas) li jkun dovut, skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u l-Artikolu 5 tar-Regolament [bażiku], f’każ ta’ tiżrigħ awtorizzat?

2)

Jekk il-kalkolu għandu jsir biss abbażi tal-ħlas dovut f’każ ta’ tiżrigħ awtorizzat:

F’sitwazzjoni bħal din, u meta l-bidwi jkun [wettaq] biss att wieħed ta’ ksur minħabba negliġenza jew intenzjoni tiegħu, id-detentur tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti jista’ jikkalkola l-ammont tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 bħala somma fissa, abbażi tal-ħlas li jsir għall-għoti ta’ liċenzja għall-produzzjoni ta’ materjal ta’ propogazzjoni?

3)

Meta jiġi kkalkolat il-‘kumpens raġonevoli’ dovut skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jew il-kumpens għad-dannu dovut skont l-Artikolu 94(2) tal-imsemmi regolament, l-ispejjeż tal-mezzi ta’ kontroll partikolarment għoljin li tidħol fihom entità li tiddefendi d-drittijiet ta’ numru kbir ta’ detenturi ta’ drittijiet jistgħu, jew saħansitra għandhom, jittieħdu inkunsiderazzjoni b’tali mod li jingħata d-doppju tal-kumpens miftiehem normalment jew id-doppju tal-ħlas dovut skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, trid tkun taf il-bażi għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ “kumpens raġonevoli” dovut skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 minn bidwi li ma ssodisfax ir-rekwiżiti huma imposti fuqu skont ir-raba’ u s-sitt inċiżi tal-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk hija għandhiex tieħu, bħala bażi ta’ dan il-kumpens, il-miżata dovuta għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal tal-propagazzjoni tal-istess varjetà fl-istess reġjun, magħrufa bħala “liċenzja C”, jew liċenzja għat-tiżrigħ awtorizzat skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 li jammonta, skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1768/95, għal 50% tal-ammonti dovuti għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni.

21

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94, l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt Komunitarju ta’ varjetà ta’ pjanta hija meħtieġa, f’dak li jirrigwarda il-kostitwenti tal-varjetajiet jew tal-materjal ta’ ħsad tal-varjetà protetta, b’mod partikolari, għall-produzzjoni jew għar-riproduzzjoni (propagazzjoni) u għall-ikkundizzjonar għall-għan ta’ propagazzjoni, għall-offerta tal-bejgħ, għall-bejgħ jew għall-forma oħra ta’ kummerċjalizzazzjoni u d-detenzjoni għal dawn il-finijiet (ara s-sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

22

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2100/94 jikkostitwixxi deroga mill-awtorizzazzjoni tad-detentur tal-protezzjoni ta’ varjetà ta’ pjanta tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schulin, punt 47), sakemm l-użu tal-prodott maħsud, miksub minn bdiewa, bl-operat tagħhom stess, għall-propagazzjoni fil-miftuħ, ma jiġix suġġett għall-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt Komunitarju, li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet espressament stabbilit fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 14.

23

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li l-bidwi li ma jkunx ħallas lid-detentur kumpens raġonevoli meta huwa juża l-prodott tal-ħsad miksub mit-tiżrigħ ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà protetta ma jistax jinvoka l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, għandu jitqies li qed iwettaq, mingħajr ma jkollu permess, wieħed mill-atti li jissemmew fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament (sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

24

Madankollu, is-sitwazzjoni li jsibu ruħhom fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tixbah lil dik fejn il-bdiewa li għadhom ma għamlux l-ħlas tal-“kumpens ragonevoli” skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, sa fejn, billi ma jkunux iddikjaraw porzjon tal-ammont tal-prodott maħsud li jitqiegħed għat-tiżrigħ , ir-rikorrenti ma jkunux ħallsu l-imsemmi kumpens.

25

Minn dan isegwi li, it-tiżrigħ taż-żerriegħa mhux iddikjarati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi, kif ġustament tirrileva l-qorti tar-rinviju, “ksur” fis-sens tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94. Huwa għaldaqstant skont din id-dispożizzjoni li hemm lok li jiġu ddefiniti r-regoli biex jiġi stabbilit kumpens raġonevoli, bħal dak dovut minn J. U T. Geistbeck lill-konvenuta fil-kawża prinċipali.

26

F’dan ir-rigward, J. u T. Geistbeck isostnu li, sa fejn ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jużaw termini kważi identiċi, il-“kumpens raġonevoli” dovut skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi ffissat abbażi tal-miżata għat-tiżrigħ awtorizzat.

27

Tali interpretazzjoni ma tistax, madankollu, tiġi aċċettata.

28

Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm it-termini ta’ “kumpens raġonevoli” huma użati f’dan iż-żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2100/94 fil-verżjoni tiegħu bil-lingwa Franċiża, dan ma kienx il-każ fil-verżjonijiet lingwistiċi oħra, b’mod partikolari fil-verżjonijiet bil-lingwi Ġermaniża u Ingliża, kif issemma mill-Avukat Ġenerali fil-punti 43 tal-konklużjonijiet tiegħu. Għalhekk, ma jistax jiġi dedott mix-xebh tat-termini użati f’dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2100/94 li dawn ikopru l-istess kunċett.

29

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, bħala dispożizzjoni derogatorja mill-prinċipju tal-protezzjoni tal-varjetajiet veġetali tal-Komunitarja, l-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u ma għandux, għaldaqstant, jiġi applikat f’kuntest differenti minn dak stabbilit speċifikament b’dan l-istess artikolu.

30

Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 sa 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “kumpens raġonevoli” msemmi fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, moqri flimkien mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1768/95, għandu l-għan li jibbilanċja l-interessi leġittimi reċiproċi tal-bdiewa u tad-detenturi tal-varjetajiet ta’ pjanti.

31

Madankollu, l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, bil-mod kif inhu fformulat ma jiddistingwix skont il-kwalità tal-awtur tal-ksur fir-rigward speċifikament tal-ħlas ta’ kumpens raġonevoli fil-kuntest ta’ kawża ta’ falsifikazzjoni.

32

Minn dan jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali, il-miżata għat-tiżrigħ awtoriżżat, fis-sens tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2100/94, ma tistax tiġi aċċettata bħala bażi ta’ kalkolu tal-“kumpens raġonevoli” skont l-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament.

33

Il-qorti tar-rinviju ssemmi bħala bażi alternattiva ta’ kalkolu tal-imsemmi kumpens il-miżata għall-produzzjoni liċenzjata, jiġifieri l-liċenzja C.

34

Kif ġie rrilevat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-bidwi li ma jissodisfax l-obbligi tiegħu, b’mod partikolari skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1768/95, ma jkunx jista’ jasserixxi l-privileġġ li huwa jkollu taħt din id-dispożizzjoni.

35

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat bħala terz li jkun wettaq wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94, mingħajr ma jkun awtorizzat.

36

Sa fejn l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 huwa intiż biex jikkumpensa l-ħsara mġarrba mid-detentur tal-varjetà ta’ pjanta, vittima ta’ ksur, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kawża prinċipali, peress li J. u T. Geistbeck ma jistgħux jinvokaw il-“privileġġ tal-bidwi”, jiġifieri d-deroga mill-protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti msemmija fl-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament, kif jirriżulta mill-punt 3 ta’ dan l-artikolu, dan id-dannu ammonta għall-inqas għan-nofs minn ammont ekwivalenti għall-liċenzja C li terz kellu d-dmir li jħallas.

37

Għalhekk, biex jiġi stabbilit il-“kumpens raġonevoli” previst fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, fiċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali, għandha tittieħed bħala bażi ta’ kalkolu ta’ ammont ekwivalenti għall-miżata dovuta għall-produzzjoni liċenzjata.

38

L-ewwel nett, J. u T. Geistbeck jallegaw, biex jikkontestaw tali interpretazzjoni, li l-materjal tal-propagazzjoni li jirriżulta mill-ewwel ħsad ikun ta’ kwalità inferjuri għal dik imsemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94. Madankollu, tali argument huwa rrilevanti minħabba li l-propagazzjoni ta’ materjal protett ma jaffettwax l-eżistenza tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali marbuta ma’ materjal bħal dan.

39

It-tieni nett, J. u T. Geistbeck lanqas jistgħu jsostnu li, meta wieħed iqis ammont ekwivalenti għall-miżata dovuta għall-produzzjoni bil-liċenzja C bħala bażi ta’ kalkolu tal-“kumpens raġonevoli” dovut taħt l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 minn bidwi li ma ssodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 14(3) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1768/95, jirriżulta li jirrikonoxxi lid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 94 natura ta’ kumpens punittiv li huwa estranju għall-għan stess ta’ dan l-artikolu.

40

Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-bidwi li ma invokax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jitqies bħala terz li, mingħajr awtorizzazzjoni, wettaq wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, il-benefiċċju miksub mill-awtur tal-ksur, li l-Artikolu 94(1) tal-imsemmi regolament huwa intiż li jikkumpensa, jikkorrispondi għall-ammont ekwivalenti għall-miżata dovuta għall-produzzjoni bil-liċenzja C li ma ħallasx.

41

Barra minn hekk, jekk tittieħed bħala l-bażi ta’ kalkolu biex jiġi stabbilit il-kumpens raġonevoli dovut f’każ ta’ ksur, mhux l-ammont ekwivalenti għall-miżata dovuta għall-produzzjoni bil-liċenzja C, iżda ammont iktar baxx li jikkorrispondi għall-miżata għat-tiżrigħ awtorizzat, jista’ jkollu l-effett li jiffavorixxi lill-bdiewa li ma jissodisfawx obbligi ta’ informazzjoni li huma imposti fuqhom fir-rigward tad-detentur, skont is-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1768/95 meta mqabbel ma’ dawk li jiddikjaraw korrettament iż-żrieragħ miżrugħa.

42

Madankollu, il-karattru tal-inċentiv marbut mal-kunċett ta’ “kumpens raġonevoli” bħal dak previst fl-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 huwa aktar li, skont il-ħames inċiż tal-Artikolu 14(3) tal-imsemmi regolament, detenturi huma l-uniċi responsabbli għall-kontroll u għas-sorveljanza tal-użu ta’ varjetajiet protetti fil-kuntest tat-tiżrigħ awtorizzat, u għalhekk huma dipendenti fuq il-bona fides u l-koperazzjoni tal-bdiewa kkonċernati.

43

Minn dan kollu jirriżulta dawn il-kunsiderazzjonijiet ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li, sabiex jiġi stabbilit “kumpens raġonevoli” dovut, skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, bidwi li jkun uża l-materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà protetta miksuba permezz ta’ tiżrigħ mingħajr ma jkun issodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1768/95, huwa xieraq li titqies bħala bażi ta’ kalkolu l-ammont ekwivalenti għall-miżata dovuta għall-produzzjoni bil-liċenza C.

44

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

45

Bit-tielet domanda tagħha, l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, minn naħa, jekk l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ħlas ta’ dannu bħala kumpens għal spejjeż magħmula għall-kontroll tar-rispett tad-drittijiet tad-detentur ta’ varjetà tal-pjanti jidħol fil-kalkolu ta’ rimunerazzjoni adegwata previst fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94, jew jekk tali ħlas jidħolx fil-kalkolu tal-ammont ta’ kumpens għad-danni taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Min-naħa l-oħra, meta d-detentur jinvoka tali dannu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali kumpens ikunx jista’ jiġi kkalkolat fil-forma ta’ somma f’daqqa u tikkorrispondi għal darbtejn tar-rimunerazzjoni normalment miftiehma jew il-kumpens raġonevoli previst fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament.

46

Il-Kummissjoni ddikjarat, fl-osservazzjonijiet tagħha, li din il-kwistjoni hija purament ipotetika, peress li l-STV ma talbitx il-ħlas ta’ dawk l-ispejjeż.

47

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawża li jkollhom quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C-445/06, Ġabra p. I-2119, punt 65, kif ukoll tal-15 ta’ Settembru 2011, Unió de Pagesos de Catalunya, C-197/10, Ġabra p. I-8495, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fil-kuntest ta’ din il-koperazzjoni, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25, kif ukoll Unió de Pagesos de Catalunya, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

49

F’dan il-każ, sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li STV, permezz tal-azzjoni prinċipali tagħha, invokat ġustament il-ħlas ta’ “kumpens raġonevoli” skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju f’dak li jikkonċerna l-imsemmi kunċett ta’ “kumpens raġonevoli”.

50

Bħala tali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-paragrafu 1 tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 jipprevedi biss kumpens raġonevoli f’każijiet ta’ użu illegali ta’ varjetà ta’ pjanta, mingħajr madankollu jikkunsidra kumpens għad-danni oħra barra dawk relatati ma’ nuqqas ta’ ħlas tal-imsemmi kumpens.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-ħlas ta’ danni bħala kumpens għall-ispejjeż subiti fil-kontroll tar-rispett tad-drittijiet tad-detentur ta’ varjetà tal-pjanti ma jistax jidħol fil-kalkolu ta’ “kumpens raġonevoli” previst fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu rrimborsati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Biex jiġi stabbilit “kumpens raġonevoli” dovut, skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, minn bidwi li jkun uża l-materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà protetta miksuba permezz ta’ tiżrigħ mingħajr ma jħallas l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1768/95, tal-24 ta’ Lulju 1995, li jimplementa regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2605/98, tat-3 ta’ Diċembru 1998, għandu jitqies bħala bażi ta’ kalkolu l-ammont tal-miżata dovuta għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet prottetti tal-ispeċi tal-pjanti kkonċernati fl-istess reġjun.

 

2)

Il-ħlas ta’ danni bħala kumpens għall-ispejjeż subiti fil-kontroll tar-rispett tad-drittijiet tad-detentur għal kisba ta’ varjetà tal-pjanti ma jistax jidħol fil-kalkolu ta’ “kumpens raġonevoli” previst fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.