Kawża C-505/10
Partrederiet Sea Fighter
vs
Skatteministeriet
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret)
“Direttiva 92/81/KEE — Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali — Eżenzjoni — Kunċett ta’ ‘navigazzjoni’ — Karburant użat għal gaffa installata fuq bastiment li taħdem b’mod indipendenti mill-magna ta’ dan il-bastiment”
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Strutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali — Direttiva 92/81 — Eżenzjoni tal-karburant użat għan-navigazzjoni f’ilmijiet tal-Unjoni, iżda mhux f’dgħajjes privati użati għad-divertiment — Kunċett ta’ navigazzjoni
(Direttiva tal-Kunsill 92/81, Artikolu 8(1)(c))
L-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali, kif emendata bid-Direttiva 94/74, għandu jiġi interpretat fis-sens li ż-żjut minerali pprovduti sabiex jintużaw f’gaffa li hija installata fuq bastiment b’mod permanenti, li iżda, minħabba li għandha magna u tank tal-karburant awtonomi, taħdem b’mod indipendenti mill-magna ta’ propulsjoni tal-bastiment, ma humiex eżentati mid-dazji tas-sisa.
Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-eżenzjoni hija suġġetta għall-fatt li ż-żjut minerali jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni f’ilmijiet tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmi konsum ma jistax jitqies bħala li huwa inerenti għaċ-ċaqliq tal-bastiment li fuqu hija installata l-gaffa.
(ara l-punti 20, 23, 24 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
10 ta’ Novembru 2011 (*)
“Direttiva 92/81/KEE – Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali – Eżenzjoni – Kunċett ta’ ‘navigazzjoni’ – Karburant użat għal gaffa installata fuq bastiment li taħdem b’mod indipendenti mill-magna ta’ dan il-bastiment”
Fil-Kawża C‑505/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Højesteret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ottubru 2010, fil-proċedura
Partrederiet Sea Fighter
vs
Skatteministeriet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Partrederiet Sea Fighter, minn N. Bjørnholm, avukat,
– għall-Gvern Daniż, minn S. Juul Jørgensen u K. Lundgaard Hansen, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u P. Dyrberg, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Settembru 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 264, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/81”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Partrederiet Sea Fighter (iktar ’il quddiem “Sea Fighter”) u l-iSkatteministeriet rigward rifjut minn dan tal-aħħar li jeżenta, mit-taxxa fuq iż-żjut minerali, il-karburant ikkunsmat minn gaffa installata fuq bastiment li huwa proprjetà ta’ Sea Fighter.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/81 jipprovdi:
“1. Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva [tal-Kunsill] 92/12/KEE, [tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179)] li tikkonċerna l-użu eżenti ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti li ġejjin mid-dazju tas-sisa armonizzat, taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu bil-għan li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li jimpedixxu l-frodi, l-evażjoni u l-abbużi:
[…]
ċ) iż-żjut minerali pprovduti bil-għan li jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni f’ilmijiet Komunitarji (inkluż is-sajd), iżda mhux f’dgħajjes privati użati għad-divertiment.
Għall-finijiet ta’ din id-direttiva, dgħajjes privati użati għad-divertiment tfisser kull dgħajsa użata mill-proprjetarju tagħha jew mill-persuna fiżika jew ġuridika li tista’ tużaha b’titolu ta’ kiri jew b’titolu ieħor, għal finijiet mhux kummerċjali u b’mod partikolari għal finijiet oħra minbarra t-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi b’titolu oneruż jew għall-bżonnijiet tal-awtoritajiet pubbliċi;
[…]
2. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu japplikaw eżenzjonijiet totali jew parzjali jew tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq żjut minerali jew prodotti oħra maħsuba għall-istess użu li jkunu użati taħt kontroll fiskali:
[…]
b) għan-navigazzjoni fil-passaġġi fl-ilma interni, b’eċċezzjoni tan-navigazzjoni għad-divertiment;
[…]
g) għall-operazzjonijiet ta’ tħammil tal-ħama tal-passaġġi fl-ilma u tal-portijiet.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
4 L-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81 ġie traspost fid-dritt Daniż bl-Artikolu 9(4) tal-liġi dwar it-tassazzjoni taż-żjut minerali (Mineralolieafgiftsloven) u bl-Artikolu 7(4) tal-liġi dwar it-tassazzjoni tad-dijossidu tal-karbonju (Kuldioxidafgifsloven).
5 Il-leġiżlatur Daniż ma għamilx użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 8(2)(g) tad-Direttiva 92/81.
6 Il-punt 1 tal-Artikolu 9(4) tal-liġi dwar it-tassazzjoni taż-żjut minerali huwa fformulat kif ġej:
“It-taxxa titħallas lura fir-rigward […] tal-prodotti użati għall-operat ta’ ferroviji u laneċ, kif ukoll għan-navigazzjoni kummerċjali permezz ta’ bastimenti minbarra dawk imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 9(1) tal-istess liġi, bl-eċċezzjoni ta’ dgħajjes għad-divertiment […]”
7 Il-punt 1 tal-Artikolu 7(4) tal-liġi dwar it-tassazzjoni tad-dijossidu tal-karbonju tipprovdi kif ġej:
“It-taxxa titħallas lura fir-rigward […] tal-prodotti suġġetti għat-tassazzjoni […] li huma użati minn impriża rreġistrata skont il-liġi dwar il-VAT, minħabba n-navigazzjoni permezz ta’ bastimenti u dgħajjes tas-sajd.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 L-M/S Grethe Fighter huwa bastiment operat minn Sea Fighter u huwa mibni speċifikament għal xogħlijiet ta’ tħaffir u kostruzzjoni fl-ilma. Dan il-bastiment huwa mgħammar b’tagħmir għall-iskavar (gaffa) fiss, installat fuq il-pont tiegħu, liema gaffa għandha magna tagħha stess u kif ukoll tank tal-karburant tagħha stess. Il-gaffa taħdem b’mod indipendenti mill-magna ta’ propulsjoni tal-bastiment. Il-karburant użat sabiex jimtela t-tank tal-magna tal-gaffa jiġi mit-tank prinċipali tal-bastiment. Meta l-gaffa tintuża għat-tħaffir, il-bastiment jiġi rmiġġat, iżda dan jiċċaqlaq meta l-biċċiet imqatta’ jitwaddbu fil-baħar. Sea Fighter ippruvat tikseb rimbors tat-taxxa fir-rigward tal-konsum ta’ żjut minerali fuq l-M/S Grethe Fighter matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sat-30 ta’ Settembru 2003.
9 Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2004, it-Toldskat Østjylland (l-Uffiċċju Reġjonali Doganali u tat-Taxxa ta’ Østjylland) ikkunsidra li, għall-imsemmi perijodu, SEA Fighter ma kellhiex dritt għal rimbors tat-taxxa fuq iż-żjut minerali u fuq id-dijossidu tal-karbonju f’dak li jikkonċerna id-dijżil użat mill-gaffa. L-imsemmi uffiċċju ta importanza partikolari lill-fatt li l-gaffa taħdem b’mod indipendenti mill-magna tal-bastiment.
10 Il-Landskatteretten (Kummissjoni fiskali nazzjonali) ikkonfermat din id-deċiżjoni fl-4 ta’ Marzu 2005.
11 Sea Fighter ressqet rikors, kontra l-imsemmija deċiżjoni, quddiem il-Vestre Landstret li ddeċieda favur l-amministrazzjoni fiskali permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Frar 2008.
12 Din is-sentenza ġiet appellata quddiem l-Højesteret li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li ż-żjut minerali fornuti sabiex jintużaw f’gaffa li hija installata b’mod permanenti fuq vapur [bastiment], iżda li, peress illi mgħammra b’magna u tank indipendenti tal-karburant, taħdem indipendentement mill-magna ta’ propulsjoni tal-vapur, huma, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-każ preżenti, eżenti?”
Fuq id-domanda preliminari
13 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mit-tielet u l-ħames premessa tad-Direttiva 92/81 jirriżulta li din għandha l-għan, minn naħa, li tistabbilixxi ċertu numru ta’ definizzjonijiet komuni għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ żjut minerali li huma suġġetti għas-sistema ġenerali tad-dazji tas-sisa, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li tipprevedi ċerti eżenzjonijiet fir-rigward ta’ dawn il-prodotti u li huma mandatorji fuq il-livell tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 2004, Deutsche See‑Bestattungs-Genossenschaft, C‑389/02, Ġabra p. I‑3537, punti 17, u tal-1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, Ġabra p. I‑1793, punt 21).
14 Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-imsemmija eżenzjonijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma, ibbażata fuq il-kliem u fuq l-għanijiet segwiti mid-Direttiva 92/81 (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Deutsche See‑Bestattungs‑Genossenschaft, punt 19, u Jan De Nul, punt 22).
15 Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1)(ċ), skont liema artikolu ż-żjut minerali pprovduti sabiex jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni f’ilmijiet tal-Unjoni huma eżentati mis-sisa armonizzata, għandu jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni tipprevedi eċċezzjoni waħda għall-imsemmija sistema derogatorja billi tippreċiża li l-eżenzjoni ma tapplikax għaż-żjut minerali użati għan-navigazzjoni “f’dgħajjes privati użati għad-divertiment”. It-tieni subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni tiddefinixxi l-kunċett ta’ “dgħajjes privati użati għad-divertiment” bħala li huma d-dgħajjes użati “għal finijiet mhux kummerċjali” (ara s-sentenza Deutsche See‑Bestattungs‑Genossenschaft, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).
16 Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet, fil-punti 23 u 25 tal-imsemmija sentenza, li kull operazzjoni ta’ navigazzjoni għal finijiet kummerċjali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni tas-sisa armonizzata prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81, mingħajr ma tagħmel ebda distinzjoni fir-rigward tal-għan tan-navigazzjoni msemmija.
17 Għaldaqstant, l-għan tal-vjaġġ imwettaq minn bastiment f’ilmijiet tal-Unjoni ma għandux rilevanza għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali ikkunsmati meta n-navigazzjoni tikkonsisti fi provvista ta’ servizzi b’tilolu oneruż.
18 F’dak li jikkonċerna l-karatteristiċi tekniċi ta’ tali operazzjoni ta’ navigazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 40 tas-sentenza Jan De Nul, iċċitata iktar ’il fuq, li l-manuvri mwettqa minn dreġer matul l-operazzjonijiet ta’ ġbid u ta’ rimi tal-materjali, jiġifieri ċ-ċaqliq inerenti għat-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ tħammil, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “navigazzjoni”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81. Għalhekk, l-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-provvista ta’ servizzi b’titolu oneruż ikun inerenti għaċ-ċaqliq tal-bastiment.
19 Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li din tista’ tapplika għas-servizzi kollha pprovduti minn bastiment fl-ilmijiet tal-Unjoni, jiġifieri għall-konsum ta’ żjut minerali li ma huwiex marbut maċ-ċaqliq ta’ bastiment.
20 Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-eżenzjoni inkwistjoni hija suġġetta għall-fatt li ż-żjut minerali jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni f’ilmijiet tal-Unjoni.
21 Barra minn hekk, mill-għan tad-Direttiva 92/81, li taħtha l-Istati Membri japplikaw sisa armonizzata fuq iż-żjut minerali, jirriżulta li din ma hijiex maħsuba sabiex tintroduċi eżenzjonijiet ġenerali.
22 Fir-rigward tal-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-konsum ta’ żjut minerali minn gaffa installata fuq il-bastiment inkwistjoni huwa totalment indipendenti mill-propulsjoni ta’ dan tal-aħħar.
23 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmi konsum ma jistax jitqies bħala li huwa inerenti għaċ-ċaqliq tal-bastiment li fuqu hija installata l-gaffa.
24 Għalhekk, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81 għandu jiġi interpretat fis-sens li ż-żjut minerali pprovduti sabiex jintużaw f’gaffa li hija installata fuq bastiment b’mod permanenti, li iżda, minħabba li għandha magna u tank tal-karburant awtonomi, taħdem b’mod indipendenti mill-magna ta’ propulsjoni tal-bastiment, ma humiex eżentati mid-dazji tas-sisa.
Fuq l-ispejjeż
25 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, għandu jiġi interpretat fis-sens li ż-żjut minerali pprovduti sabiex jintużaw f’gaffa li hija installata fuq bastiment b’mod permanenti, li iżda, minħabba li għandha magna u tank tal-karburant awtonomi, taħdem b’mod indipendenti mill-magna ta’ propulsjoni tal‑bastiment, ma humiex eżentati mid-dazji tas-sisa.
Firem
* Langue de procédure: le danois.