SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

1 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi u miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Direttiva 89/106/KEE — Prodotti għall-kostruzzjoni — Normi li ma humiex armonizzati — Tikketti ta’ kwalità — Rekwiżiti rigward l-organi ta’ ċertifikazzjoni”

Fil-Kawża C-484/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ottubru 2010, fil-proċedura

Asociación para la Calidad de los Forjados (Ascafor),

Asociación de Importadores y Distribuidores de Acero para la Construcción (Asidac)

vs

Administración del Estado,

Calidad Siderúrgica SL,

Colegio de Ingenieros Técnicos Industriales,

Asociación Española de Normalización y Certificación (AENOR),

Consejo General de Colegios Oficiales de Aparejadores y Arquitectos Técnicos,

Asociación de Investigación de las Industrias de la Construcción (Aidico) Instituto Tecnológico de la Construcción,

Asociación Nacional Española de Fabricantes de Hormigón Preparado (Anefhop),

Ferrovial Agromán SA,

Agrupación de Fabricantes de Cemento de España (Oficemen),

Asociación de Aceros Corrugados Reglamentarios y su Tecnología y Calidad (Acerteq),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, E. Levits (Relatur) u J.-J Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Asociación para la Calidad de los Forjados (Ascafor) u l-Asociación de Importadores y Distribuidores de Acero para la Construcción (Asidac), minn A. Vázquez Guillén, prokuratur, assistit minn J. M. Sala Arquer, avukat,

għal Calidad Siderúrgica SL, minn M. del Valle Gili Ruiz, prokuratur, assistita minn C. L. Rubio Soler, avukat,

għall-Asociación Española de Normalización y Certificación (AENOR), minn L. Cazorla González-Serrano, avukat,

għall-Asociación de Investigación de las Industrias de la Construcción (Aidico) Instituto Tecnológico de la Construcción, minn C Tejada Marcelino, prokuratur, assistita minn A. Albert Mora, avukat,

għall-Asociación Nacional Española de Fabricantes de Hormigón Preparado (Anefhop), minn C. Hidalgo Senén u E. Hidalgo Martínez, prokuraturi,

għall-Asociación de Aceros Corrugados Reglamentarios y su Tecnología y Calidad (Acerteq), minn R. Martínez Solís, avukat,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u B. Plaza Cruz, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Banciella u G. Zavvos kif ukoll minn A. Alcover San Pedro, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE u tal-Artikolu 36 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-kawża bejn, minn naħa, l-Asociación para la Calidad de los Forjados (Ascafor) u l-Asociación de Importadores y Distribuidores de Acero para la Construcción (Asidac) u, min-naħa l-oħra, l-Administración del Estado, Calidad Siderúrgica SL, il-Colegio de Ingenieros Técnicos Industriales, l-Asociación Española de Normalización y Certificación (AENOR), il-Consejo General de Colegios Oficiales de Aparejadores y Arquitectos Técnicos, l-Asociación de Investigación de las Industrias de la Construcción (Aidico) Instituto Tecnológico de la Construcción, l-Asociación Nacional Española de Fabricantes de Hormigón Preparado (Anefhop), Ferrovial Agromán SA, l-Agrupación de Fabricantes de Cemento de España (Oficemen) u l-Asociación de Aceros Corrugados Reglamentarios y su Tecnología y Calidad (Acerteq), dwar talba għall-annullament tad-Digriet Irjali 1247/2008, tat-18 ta’ Lulju 2008, li japprova l-Kodiċi dwar il-konkrit strutturali (EHE-08) (BOE Nru 203, tat-22 ta’ Awwissu 2008, p. 35176).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 296), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/68/KEE, tat-22 ta’ Lulju 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 173, iktar ’il quddiem “id-Direttiva 89/106”) tapplika, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, għall-“prodotti għal bini [kostruzzjoni]”.

4

L-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jiddikjara:

“L-Istati Membri, iżda, għandhom iħallu li prodotti mhux koperti b’Artiklu 4(2) jitqiegħdu fis-suq fit-territorju tagħhom jekk jissodisfaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali konsistenti mat-Trattat sakemm ma jingħatax lok mod ieħor mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej li għalihom jirreferi l-Kapitoli II u III […]”

5

Skont it-termini tal-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Fin-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, kif imfissra f’Artikolu 4, għal kull prodott imsemmi, l-Istat Membru destinatarju għandu, b’talba f’każijiet individwali, iqis il-prodott li għandu jkun [iqis il-prodott bħala] konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li hemm fis-seħħ jekk dawn issodisfawx [dan il-prodott ikun issodisfa] it-testijiet u l-ispezzjonijiet imwettqa minn korp [organu] approvat fl-Istat Membru produttur skond il-metodi fis-seħħ fl-Istat Membru destinatarju jew magħruf [meqjusa] bħala ekwivalenti minn dak l-Istat Membru.

2.   L-Istat Membru produttur għandu jgħarraf lill-Istat Membru destinatarju, [li] bi konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom isiru t-testijiet u l-ispezzjonijiet, tal-korp li beħsiebu japprova għal dan il-għan. L-Istat Membru destinatarju u l-Istat Membru produttur għandhom jagħtu lil xulxin l-informazzjoni kollha meħtieġa. Meta jintemm dan l-iskambju ta’ informazzjoni l-Istat Membru produttur għandhom japprovaw [għandu japprova] l-korp għalhekk nominat. Jekk Stat Membru jkollu xi nuqqas ta’ fiduċja, huwa għandu jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu u jgħarraf lill-Kummissjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi [organi] nominati jistgħu jagħtu lil xulxin l-għajnuna kollha meħtieġa.

4.   F’każ li Stat Membru jistabbilixxi li korp approvat mhux qed iwettaq it-testijiet u l-ispezzjonijiet kif suppost bi konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, hu għandu jgħarraf lill-Istat Membru li fih hu approvat il-korp minnufih. Dak l-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel in-notifika fi żmien stipulat raġonevoli dwar l-azzjoni li ttieħdet. Jekk l-Istat Membru li jkun qed jagħmel in-notifika ma jarax li l-azzjoni li ttieħdet tkun biżżejjed, hu jista’ jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott imsemmi jew jesponih għal kundizzjonijiet speċjali. Hu għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan”.

6

L-Artikolu 17 tal-istess direttiva jiddikjara:

“L-Istati Membri destinatarji għandhom jagħtu l-istess valur lir-rapporti u ċertifikati ta’ konformità maħruġa fl-Istat Membru produttur bi konformità mal-proċedura li għaliha jirreferi l-Artikolu 16, kif jagħmlu għad-dokumenti nazzjonali korrispondenti tagħhom.”

7

Fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 89/106 intitolat “Korpi [Organi] approvati” jinsab l-Artikolu 18(2), li jiddikjara:

“Il-korpi ta’ ċertifikazzjoni, il-korpi li jispezzjonaw u l-laboratorji li jittestjaw għandhom ikunu jaqblu mal-kriterji stabbiliti f’Anness IV.”

8

L-Anness IV tad-Direttiva 89/106 jindika l-kundizzjonijiet minimi li għandhom jissodisfaw il-korpi ta’ ċertifikazzjoni, il-korpi li jispezzjonaw u l-laboratorji li jittestjaw sabiex jiġu approvati skont din id-direttiva.

Id-dritt nazzjonali

9

Il-Kodiċi dwar il-konkrit stutturali (EHE-08), approvat bid-Digriet Irjali 1247/2008 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-konkrit”), jippreskrivi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li l-prodotti magħmulin mill-konkrit għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jiġu użati fi Spanja fis-settur tal-kostruzzjoni.

10

Dan il-kodiċi jippreskrivi wkoll il-metodi ta’ spezzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu sodisfatti.

11

Fir-rigward tal-qafas tal-azzar, l-Artikolu 87 tal-Kodiċi dwar il-konkrit jipprovdi għal żewġ possibbiltajiet li permezz tagħhom tkun tista’ tingħata evidenza dwar il-konformità tal-prodotti mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

12

Minn naħa, ikun stabbilit li l-qafas tal-azzar huwa konformi mal-istandards ta’ kwalità u ta’ sigurtà jekk ikollu tikketta ta’ kwalità li hija rikonoxxuta uffiċjalment inkonformità mal-Anness 19 ta’ dan il-kodiċi.

13

Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ tikketta ta’ kwalità rikonoxxuta, il-konformità mal-imsemmija speċifikazzjonijiet tkun ikkonstatata billi jitwettqu testijiet u eżamijiet kull meta tiġi aċċettata kunsinna ta’ qafas tal-azzar.

14

Għal dak li jirrigwarda l-qafas tal-azzar li ġej minn Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Renju ta’ Spanja, l-Artikolu 4.1 tal-Kodiċi dwar il-konkrit jipprovdi:

“Il-prodotti għall-kostruzzjoni mmanifatturati jew ikkummerċjalizzati legalment fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea […] jistgħu, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi, jintużaw sakemm ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati u sakemm jiggarantixxu, fl-użu li għalih huma intiżi, livell ta’ sigurtà li huwa ekwivalenti għal dak meħtieġ minn dan il-kodiċi.

Dan il-livell ta’ ekwivalenza għandu jingħata inkonformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4.2 jew, skont il-każ, mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 89/106/KEE […]

[…]

It-tikketti ta’ kwalità volontarji li jiffaċilitaw l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ dan il-kodiċi jistgħu jiġu rikonoxxuti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi kompetenti fil-qasam tal-kostruzzjoni tal-Istati Membri kollha fiż-Żona Ekonomika Ewropea u jistgħu jagħmlu referenza għall-abbozz tal-istruttura, għall-prodotti, għall-proċessi għall-kostruzzjoni tagħha jew għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterji ambjentali.”

15

L-Artikolu 81 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Livell ta’ garanzija u tikketti ta’ kwalità”, jipprovdi:

“Il-konformità tal-prodotti u tal-proċessi ta’ eżekuzzjoni mar-rekwiżiti bażiċi ddefiniti minn dan il-kodiċi teħtieġ li dawn jissodisfaw grupp ta’ speċifikazzjonijiet b’livell ta’ garanzija suffiċjenti.

Huwa dejjem possibbli [għall-Istati ta’ produzzjoni] li joħolqu għall-prodotti u għall-proċessi [tagħhom] livell ta’ garanzija superjuri għal dak minimu meħtieġ billi jistabbilixxu sistemi (bħal, pereżempju, it-tikketti ta’ kwalità) li jiċċertifikaw, permezz ta’ spezzjonijiet, verifiki u testijiet korrispondenti, li s-sistemi ta’ kwalità [tagħhom] u l-ispezzjonijiet ta’ produzzjoni [tagħhom] jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa għall-għoti ta’ dawn it-tikketti.

Livelli simili ta’ garanziji addizzjonali u superjuri għal dawk minimi rikjesti mil-liġi jistgħu jiġu pprovati:

a)

permezz tal-użu ta’ tikketta ta’ kwalità rikonoxxuta uffiċjalment skont il-proċedura prevista fl-Anness Nru 19 ta’ dan il-kodiċi jew

b)

fil-każ ta’ prodotti mmanifatturati fis-sit ta’ kostruzzjoni jew proċessi li jsiru fis-sit ta’ kostruzzjoni, permezz ta’ sistema ekwivalenti vvalidata u ssorveljata taħt ir-responsabbiltà tad-Dirección Facultativa li tiżgura li jiġu offerti garanziji ekwivalenti għal dawk li huma meħtieġa taħt l-Anness 19 għat-tikketti ta’ kwalità rikonoxxuti uffiċjalment.

Dan il-kodiċi jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ ċerti kriterji partikolari fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ kunsinna ta’ dawn il-prodotti u proċessi li jippreżentaw livell ta’ garanzija superjuri attestat permezz ta’ waħda miż-żewġ proċeduri msemmija fil-paragrafu preċedenti.

L-ispezzjoni tal-aċċettazzjoni ta’ kunsinna tista’ tieħu inkunsiderazzjoni garanziji assoċjati mal-pussess ta’ tikketta sakemm din tissodisfa ċerti kriterji. Din l-ispezzjoni tippermetti li jiġu applikati kriterji partikolari għall-aċċettazzjoni kemm tal-proċessi ta’ eżekuzzjoni kif ukoll tal-prodotti li d-Direttiva 89/106/KEE teżonera mill-obbligu li jkollhom il-marka KE meta dawn il-proċessi jew prodotti jkollhom tikketta ta’ kwalità mwaħħla fil-kuntest ta’ proċedura volontarja li tkun rikonoxxuta uffiċjalment minn ċentru amministrattiv kompetenti fil-qasam tal-kostruzzjoni u tax-xogħlijiet pubbliċi li jkun jagħmel parti mill-amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewopea jew ta’ wieħed mill-Istati li ffirmaw il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

Ir-regola stabbilita fil-paragrafu preċedenti tapplika wkoll għall-prodotti għall-kostruzzjoni mmanifatturati jew ikkummerċjalizzati legalment fi Stat li kkonkluda ftehim ta’ assoċjazzjoni doganali mal-Unjoni Ewropea meta dan il-ftehim jirriżerva għal dawn il-prodotti l-istess trattament bħal dak li huwa rriżervat għall-prodotti mmanifatturati jew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-każ, il-livell ta’ ekwivalenza għandu jkun stabbilit skont il-proċeduri previsti mid-Direttiva 89/106/KEE.

Għall-finijiet ta’ konformità mar-rekwiżiti bażiċi imposti minn dan il-kodiċi, it-tikketti ta’ kwalità għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent uffiċjali stabbiliti mill-Anness Nru 19

[…]”

16

L-Anness Nru 19 tal-Kodiċi dwar il-konkrit, intitolat “Livelli ta’ garanzija u kundizzjonijiet għar-rikonoxximent uffiċjali tat-tikketti”, jistabbilixxi, b’mod partikolari, ir-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-organi ta’ ċertifikazzjoni kif ukoll is-setgħat tal-amministrazzjoni kompetenti fir-rigward tagħhom.

17

L-Artikolu 1 ta’ dan l-anness jiddisponi:

“Dan il-kodiċi jippermetti lid-Dirección Facultativa tapplika kriterji partikolari għal ċerti prodotti u proċessi meta dawn jippreżentaw livelli ta’ garanzija addizzjonali superjuri għal-livelli minimi rikjesti mil-liġi li jkunu ngħatawlhom fil-kuntest ta’ proċedura volontarja skont l-Artikolu 81.

B’mod ġenerali, dawn il-livelli ta’ garanzija addizzjonali għandhom jiġu pprovati permezz tat-twaħħil ta’ tikketta ta’ kwalità rikonoxxuta uffiċjalment mill-amministrazzjoni kompetenti fil-qasam tal-kostruzzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewopea, ta’ wieħed mill-Istati li ffirmaw il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew ta’ Stat li kkonkluda mal-Unjoni Ewropea ftehim dwar it-twettiq ta’ unjoni doganali, f’liema każ il-livell ta’ ekwivalenza għandu jkun stabbilit skont il-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva 89/106/KEE.

18

Skont it-termini tal-Artikolu 2 tal-Anness Nru 19 tal-Kodiċi dwar il-konkrit:

“[...] Fil-każ ta’ prodotti jew proċessi li għalihom ma tapplikax il-marka KE, il-livell ta’ garanzija rikjest mil-liġi huwa dak previst minn dan il-kodiċi.

Barra minn hekk, il-produttur ta’ prodott, il-persuna responsabbli għal proċess jew il-bennej jistgħu jagħżlu, fil-kuntest ta’ proċedura volontarja, li titwaħħal tikketta ta’ kwalità li tistabbilixxi livell ta’ garanzija superjuri minn dak minimu previst minn dan il-kodiċi. Fil-każ ta’ prodotti li jkollhom il-marka KE, dawn it-tikketti ta’ kwalità għandhom jipprovdu valur addizzjonali f’termini ta’ karatteristiċi li ma humiex koperti mill-marka KE.

Peress li dawn it-tikketti ta’ kwalità huma ta’ natura volontarja, l-għoti tagħhom jista’ jikkonforma ma’ kriterji differenti u jista’ jsir skont proċeduri partikolari. Dan l-anness jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġu distini t-tikketti li jikkonferixxu livell ta’ garanzija addizzjonali meta mqabbla mal-livell rikjest mil-liġi u jistgħu, għalhekk, jiġu rikonoxxuti uffiċjalment mill-amministrazzjonijiet kompetenti.”

19

L-Artikolu 3 ta’ dan l-anness huwa mfassal kif ġej:

“L-amministrazzjoni kompetenti li tirrikonoxxi uffiċjalment it-tikketta għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent uffiċjali previsti f’dan l-anness huma sodisfatti u għandha tiżgura li dawn jibqgħu sodisfatti. Sabiex jinkiseb dan il-għan, l-amministrazzjoni tista’, bil-kunfidenzjalità li hija meħtieġa, tintervjeni fl-attivitajiet kollha li hija tikkunsidra xierqa għall-finijiet tar-rikonoxximent tat-tikketti.

[…]”

20

L-Artikolu 4 tal-Anness Nru 19 tal-Kodiċi dwar il-konkrit jipprovdi:

“Sabiex tkun rikonoxxuta uffiċjalment, it-tikketta

għandha tkun ta’ natura volontarja u għandha tingħata minn organu ta’ ċertifikazzjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti f’dan l-anness;

[għandha] tkun konformi mad-dispożizzjonijet ta’ dan il-kodiċi u għandha ssemmi b’mod espliċitu din il-konformità fil-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi r-regoli dwar l-għoti tagħha, u

għandha tingħata fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni li tiddefinixxi l-garanziji partikolari li hija tagħti, il-proċedura għall-għoti tagħha, is-sistema ta’ funzjonament tagħha, ir-rekwiżiti tekniċi li għalihom hija sottomessa kif ukoll ir-regoli dwar it-teħid ta’ kull deċiżjoni li tikkonċernaha.

Il-leġiżlazzjoni msemmija iktar ’il fuq

għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku, għandha tkun iddefinita b’mod ċar u preċiż, u għandu jkun fiha informazzjoni li ma hijiex ambigwa kemm għall-użu mill-klijent tal-organu ta’ ċertifikazzjoni kif ukoll mill-partijiet ikkonċernati l-oħra;

għandha tipprovdi wkoll għal proċeduri speċifiċi kemm għall-installazzjonijiet li jagħmlu parti mis-sit ta’ kostruzzjoni kif ukoll għal dawk li ma jagħmlux parti mis-sit, u kif ukoll għall-proċessi li jitwettqu fuq is-sit;

għandha tiggarantixxi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-organu li joħroġ it-tikketta; għal dan il-għan din il-leġiżlazzjoni għandha tipprojbixxi, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni ta’ persuni li jagħtu pariri jew jaġixxu bħala konsultenti fil-każ ineżami fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw dan il-każ;

għandha tipprovdi, għall-prodotti ċċertifikati fuq il-bażi ta’ riżultati ta’ spezzjonijiet ta’ produzzjoni li ma jkunux konformi, it-trattament li jkun neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet korrettivi rikjesti jittieħdu immedjatament u, meta jkun il-każ, li l-klijenti jiġu informati dwar dan; din il-leġiżlazzjoni għandha tiddefinixxi wkoll it-terminu massimu li fih dawn l-azzjonijiet korrettivi għandhom jitwettqu wara l-iskoperta tan-nuqqas ta’ konformità;

għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi li għandhom jissodisfaw il-laboratorji li jkunu qegħdin jippartiċipaw fiċ-ċertifikazzjoni;

[għandha] tissottometti l-għoti tat-tikketta għall-kundizzjoni li d-data dwar l-ispezzjoni tal-produzzjoni tkun disponibbli matul perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur fil-każ ta’ prodotti jew ta’ proċessi mwettqa f’installazzjonijiet li ma jinstabux fis-sit ta’ kostruzzjoni. Fil-każ ta’ installazzjonijiet li jinsabu fis-sit ta’ kostruzzjoni, il-leġiżlazzjoni għandha tistabbilixxi kriterji li jippermettu li jiġi żgurat il-livell ta’ informazzjoni li jikkonċerna l-produzzjoni kif ukoll l-istess livell ta’ garanzija għall-utenti;

għandha, għall-prodotti jew proċessi li ma humiex koperti minn dan l-anness iżda li jissemmew fil-Kodiċi, tipprovdi garanziji supplimentari dwar karatteristiċi li huma differenti mill-karatteristiċi rikjesti mil-liġi, iżda li jistgħu jikkontribwixxu għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan il-kodiċi.”

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21

Il-membri tal-Ascafor huma impriżi li għandhom bħala attività prinċipali l-manufatturazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-qafas tal-azzar għall-konkrit fi Spanja. Il-membri tal-Asidac huma importaturi Spanjoli tal-azzar intiż għall-kostruzzjoni.

22

Dawn l-assoċjazzjonijiet jikkunsidraw li l-Kodiċi dwar il-konkrit u, b’mod partikolari, l-Artikolu 81 u l-Anness Nru 19 ta’ dan il-kodiċi, jirrestrinġu l-possibbiltà tagħhom li jimportaw qafas tal-azzar li ġej minn Stati Membri oħra minbarrar-Renju ta’ Spanja.

23

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, sabiex il-qafas tal-azzar ikun jista’ jintuża fil-kostruzzjoni fi Spanja, huwa neċessarju li dan ikun konformi ma’ ċertu numru ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi.

24

Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit li dawn ir-rekwiżiti jiġu sodisfatti, il-Kodiċi dwar il-konkrit jipprovdi għal żewġ possibbiltajiet, jiġifieri jew li l-konformità tal-qafas tal-azzar mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiġi kkonstatata b’riżultat tat-testijiet u tal-ispezzjonijiet li jitwettqu meta tiġi aċċettata l-kunsinna ta’ kull lott ta’ dan il-prodott, jew inkella li l-qafas tal-azzar ikollu tikketta ta’ kwalità rikonoxxuta uffiċjalment, jiġifieri li kien ġie kkonfermat li l-produttur osserva l-kundizzjonijiet prekritti minn dan il-kodiċi sa mill-istadju tal-produzzjoni.

25

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fl-ewwel każ, it-testijiet u l-ispezzjonijiet ta’ konformità jinvolvu iktar spejjeż u jitħallsu mill-utent finali tal-azzar u mhux mill-produttur tiegħu, bħalma huwa l-każ fil-kuntest tal-proċedura ta’ konformità permezz tal-akkwist ta’ tikketta ta’ kwalità rikonoxxuta uffiċjalment.

26

Minn dan il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-utenti tal-qafas tal-azzar huma inkuraġġuti sabiex jagħmlu użu mill-prodotti ċċertifikati, jiġifieri dawk il-prodotti li jkollhom tikketta ta’ kwalità rikonoxxuta uffiċjalment, sabiex jevitaw l-inkonvenjenzi u l-ispejjeż konnessi ma’ spezzjoni ta’ konformità li titwettaq meta tiġi aċċettata l-kunsinna ta’ kull lott tal-qafas tal-azzar, b’tali mod li l-produtturi tal-Istati Membri l-oħra minbarra r-Renju ta’ Spanja huwa wkoll inkuraġġuti sabiex jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom fis-suq Spanjol permezz ta’ tali tikketta ta’ kwalità rikonoxxuta uffiċjalment mill-awtoritajiet Spanjoli.

27

F’dan id-dawl, filwaqt li tfakkar il-proċedura għar-rikonoxximent tat-tikketti ta’ kwalità tal-Istati Membri l-oħra minbarra r-Renju ta’ Spanja kif prevista fl-Artikolu 81 tal-Kodiċi dwar il-konkrit, moqri flimkien mal-Anness Nru 19 ta’ dan il-kodiċi, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji rigward il-kompatibbiltà mal-Artikolu 34 TFUE u mal-Artikolu 36 TFUE tal-kundizzjonijiet enumerati li l-organi ta’ ċertifikazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri għandhom jissodisfaw sabiex iċ-ċertifikati ta’ kwalità li jingħataw minnhom ikunu rikonoxxuti uffiċjalment fi Spanja.

28

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet eżawrjenti li jinsabu fl-Anness 19 tad-Digriet Irjali Nru 1247/08, tat-18 ta’ Lulju [2008], flimkien mal-Artikolu 81 tiegħu, dwar ir-rikonoxximent uffiċjali taċ-ċertifikati ta’ kwalità, jistgħu jiġu kkunsidrati li huma eċċessivi u sproporzjonati meta mqabbla mal-għan intiż, u għalhekk jikkostitwixxu restrizzjoni mhux ġustifikata li tirrendi r-rikonoxximent tal-ekwivalenza taċ-ċertifikati iktar diffiċli, barra milli jikkostitwixxu ostakolu jew restrizzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti importati li tmur kontra l-Artikoli [34 TFUE] u [36 TFUE]?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

29

Calidad Siderúrgica SL, l-Aidico Instituto Tecnológico de la Construcción u l-Acerteq jeċepixxu l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari.

30

Minn naħa, huma jsostnu li l-qorti tar-rinviju qegħdha fir-realtà titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża billi tinterpreta d-dritt nazzjonali. Konsegwentement, din tal-aħħar għandha tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni.

31

Min-naħa l-oħra, id-domanda hija fformulata b’termini ipotetiċi u fittizji, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma indikatx liema mir-rekwiżiti preskritti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huma sproporzjonati meta mqabbla mal-għan intiż minn din il-leġiżlazzjoni.

32

Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni distinta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bil-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja eventwali, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sa fejn id-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tiddeċiedi (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2006, Nádasdi u Németh, C-290/05 u C-333/05, Ġabra p. I-10115, punt 28, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki, C-213/07, Ġabra p. I-9999, punt 32).

33

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, tevalwa l-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u lanqas ma għandha tinterpreta l-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C-151/02, Ġabra p. I-8389, punt 43; tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 49; digrieti tas-17 ta’ Settembru 2009, Investitionsbank Sachsen-Anhalt, C-404/08 u C-409/08, punt 25, kif ukoll tat-13 ta’ Jannar 2010, Calestani u Lunardi, C-292/09 u C-293/09, punt 15).

34

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddeċidiet li hija għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jikkonċernaw lid-dritt tal-Unjoni u li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità għall-finijiet tad-deċiżjoni fil-kawża li jkollha quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et, C-292/92, Ġabra p. I-6787, punt 8; Centro Europa 7, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50, kif ukoll id-digriet Calestani u Lunardi, iċċitat iktar ’il fuq, punt 16).

35

Fil-każ ineżami, minn naħa, id-domanda preliminari tirrigwarda b’mod espliċitu l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE, sa fejn il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-imsemmija artikoli.

36

Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li dik il-qorti ma indikatx liema mir-rekwiżiti preskritti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fir-rigward tal-organi ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba tal-għan mixtieq, għandu jiġi enfasizzat li d-dubji tal-imsemmija qorti jirrigwardaw in-natura eżawrjenti tar-rekwiżiti preskritti u mhux rekwiżit wieħed b’mod partikolari.

37

Għalhekk, huwa preċiżament f’dan il-kuntest li huwa xieraq li tingħata risposta utli għall-qorti tar-rinviju.

Fuq il-mertu

Kummenti preliminari

38

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 89/106 għandha bħala għan prinċipali li tneħħi l-ostakoli għall-kummerċ billi toħloq kundizzjonijiet li permezz tagħhom il-prodotti għall-kostruzzjoni jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati b’mod liberu fi ħdan l-Unjoni. Għal dan il-għan, din id-direttiva tippreċiża r-rekwiżiti essenzjali li għandhom jissodisfaw il-prodotti għall-kostruzzjoni u li għandhom jiġu implementati permezz ta’ normi armonizzati u normi nazzjonali ta’ traspożizzjoni, permezz ta’ ftehim tekniċi Ewropej kif ukoll permezz ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali rikonoxxuti fuq livell tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-227/06, punt 31).

39

Huwa paċifiku li l-qafas tal-azzar għall-konkrit huwa “prodott għall-bini [kostruzzjoni]” fis-sens tad-Direttiva 89/106, li la huwa s-suġġett ta’ norma armonizzata jew ta’ ftehim tekniku Ewropew u lanqas ta’ speċifikazzjoni teknika nazzjonali rikonoxxuta fuq livell tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva.

40

Issa, fir-rigward ta’ prodott għall-kostruzzjoni li ma huwiex kopert mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jiddisponi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott fit-territorju tagħhom jekk jissodisfa dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu konformi mat-Trattat, u dan sakemm l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej ma jipprovdux mod ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

41

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, jeżistu żewġ possibbiltajiet dwar kif tista’ tiġi attestata l-konformità tal-qafas tal-azzar għall-konkrit mal-istandards ta’ sigurtà u ta’ kwalità tal-industrija Spanjola, jiġifieri permezz ta’ testijiet u ta’ spezzjonijiet li jitwettqu meta tiġi aċċettata l-kunsinna ta’ lott tal-azzar fis-sit tal-kostruzzjoni, jew permezz tal-preżentazzjoni ta’ tikketta ta’ kwalità li permezz tagħha jista’ jiġi preżunt li l-produttur tal-azzar issodisfa speċifikazzjonijiet tekniċi superjuri.

42

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, filwaqt li kkonfermaw l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, enfasizzaw li l-ewwel għażla tinvolvi żieda fl-ispejjeż għall-ispezzjoni, bil-Gvern Spanjol jenfasizza, minn tal-inqas, li l-ispezzjonijiet, f’dan il-kuntest, ikunu iktar intensivi u li l-ispejjeż assoċjati magħhom ikunu sostnuti mill-utenti finali.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni possibbiltà dwar kif tista’ tiġi attestata l-konformità tal-qafas tal-azzar għandha, fi Spanja, importanza partikolari, sa fejn l-utenti finali huma inkuraġġuti ekonomikament sabiex jużaw il-qafas tal-azzar li jkun iċċertifikat permezz ta’ tikketta ta’ kwalità.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 81 tal-Kodiċi dwar il-konkrit jipprevedi proċedura għar-rikonoxximent tat-tikketti ta’ kwalità maħruġa mill-organi tal-Istati Membri l-oħra minbarra r-Renju ta’ Spanja lill-qafas tal-azzar li kien ġie mmanifatturat hemmhekk. Dan l-artikolu jiddisponi, b’mod partikolari, li sabiex tkun rikonoxxuta uffiċjalment, it-tikketta ta’ kwalità maħruġa fi Stat Membru għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness Nru 19 ta’ dan il-kodiċi.

45

Dan l-anness fih, minn naħa, il-kundizzjonijiet sostantivi li l-qafas tal-azzar għandu jissodisfa u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti proċedurali u formali rigward l-għoti tat-tikketta ta’ kwalità.

46

B’mod partikolari, l-Artikolu 4 tal-Anness Nru 19 tal-Kodiċi dwar il-konkrit jippreskrivi r-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mill-organi ta’ ċertifikazzjoni tal-Istati Membri l-oħra minbarra r-Renju ta’ Spanja sabiex it-tikketti ta’ kwalità maħruġa minnhom ikunu rikonoxxuti uffiċjalment fi Spanja.

47

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/106, applikabbli għall-prodotti għall-kostruzzjoni li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom ma ġewx armonizzati, l-Istat Membru destinatarju għandu jikkunsidra dawn il-prodotti bħala li huma konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ jekk jissodisfaw it-testijiet u l-ispezzjonijiet li jsiru fl-Istat Membru prodottur minn organu approvat skont il-metodi li huma fis-seħħ fl-Istat Membru destinatarju jew li huwa rikonoxxut bħala ekwivalenti minn dan tal-aħħar.

48

F’dan ir-rigward, l-Anness IV ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi neċessarji li organi ta’ ċertifikazzjoni, l-organi li jispezzjonaw u l-laboratorji li jittestjaw għandhom jissodisfaw sabiex jiġu approvati.

49

Għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżiti preskritti għall-organi ta’ ċertifikazzjoni fl-Artikolu 4 tal-Anness Nru 19 tal-Kodiċi dwar il-konkrit imorru lil hinn minn dawn il-kundizzjonijiet minimi.

50

Issa, huwa paċifiku li Stat Membru ma jistax jissottometti t-tqegħid fis-suq fit-territorju tiegħu ta’ prodott għall-kostruzzjoni, li ma jkunx kopert minn speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati jew rikonoxxuti fuq il-livell tal-Unjoni, ħlief għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu konformi mal-obbligi li joħorġu mit-Trattat, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikolu 34 TFUE u fl-Artikolu 36 TFUE (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

51

Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni eżawrjenti ta’ dawn ir-rekwiżiti għall-organi ta’ ċertifikazzjoni ta’ Stat Membru ieħor minbarra r-Renju ta’ Spanja tikkostitwixxix ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija.

Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija

52

Skont ġurisprudenza stabbilita, kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fl-Unjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5, u tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika, C-108/09, p. I-12213, punt 47).

53

Minn ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 34 TFUE jirrifletti l-obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ rikonoxximent reċiproku tal-prodotti mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment fi Stati Membri oħra kif ukoll l-obbligu li jiġi żgurat aċċess liberu għas-swieq nazzjonali għall-prodotti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05, Ġabra p. I-519, punt 34, kif ukoll Ker-Optika, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

54

Fil-każ ineżami, skont l-Artikolu 4 tal-Anness Nru 19 tal-Kodiċi dwar il-konkrit, l-organi ta’ Stati Membri oħra minbarra r-Renju ta’ Spanja li jagħtu ċ-ċertifikati ta’ kwalità għall-qafas tal-azzar għandhom jissodisfaw it-totalità tal-kundizzjonijiet li huma preskritti f’dan l-anness sabiex l-imsemmija ċertifikati jiġu rikonoxxuti uffiċjalment fi Spanja.

55

L-impożizzjoni tat-totalità ta’ dawn ir-rekwiżiti tista’ twassal għar-rifjut tat-talba għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ kwalità maħruġa fi Stat Membru ieħor minbarra r-Renju ta’ Spanja meta l-organu li joħroġhom ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti kollha, iktar u iktar meta l-Artikolu 4 tal-Anness Nru 19 tal-Kodiċi dwar il-konkrit jippreskrivi kundizzjonijiet iktar estiżi mill-istandards minimi neċessarji previsti fl-Anness IV tad-Direttiva 90/106 li għandhom jiġu sodisfatti mill-organi approvati fis-sens ta’ din id-direttiva.

56

Għalhekk, ir-rekwiżiti inkwistjoni jistgħu jirrestrinġu l-aċċess għas-suq Spanjol tal-qafas tal-azzar immanifatturat u ċċertifikat fi Stat Membru ieħor minbarra r-Renju ta’ Spanja, sa fejn dawn ma humiex neċessarjament sodisfatti minn organu ta’ ċertifikazzjoni tal-Istat ta’ produzzjoni.

57

Peress li l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fir-Renju ta’ Spanja huma skuraġġuti milli jimportaw il-qafas tal-azzar prodott fi Stat Membru ieħor, u minkejja li r-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tal-Anness Nru 19 tal-Kodiċi dwar il-konkrit japplikaw kemm għall-organi ta’ ċertifikazzjoni tal-Istati Membri l-oħra minbarra r-Renju ta’ Spanja kif ukoll għall-organi ta’ ċertifikazzjoni Spanjoli, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi għall-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.

Fuq il-ġustifikazzjoni tal-ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija

58

Huwa paċifiku li ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija jista’ jiġi ġġustifikat minħabba r-raġunijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl-Artikolu 36 TFUE jew minħabba rekwiżiti imperattivi. Fiż-żewġ każijiet, il-miżura nazzjonali għandha tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq (ara s-sentenza Ker-Optika, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

59

Fil-każ ineżami, il-Gvern Spanjol jenfasizza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija ġġustifikata mill-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni sa fejn tiggarantixxi s-sigurtà tal-utenti tax-xogħlijiet tal-arti u tal-kostruzzjoni.

60

F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, fl-assenza ta’ regoli ta’ armonizzazzjoni, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri sabiex jiddeċiedu dwar il-livell sa fejn jixtiequ jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u dwar in-neċessità tal-ispezzjoni tal-prodotti kkonċernati meta jkunu qegħdin jintużaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1996, Brandsma, C-293/94, Ġabra p. I-3159, punt 11, u tal-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-432/03, Ġabra p. I-9665, punt 44).

61

F’dan il-kuntest, għandhom jiġu rrilevati d-differenzi li ħarġu waqt is-seduta bejn, minn naħa, il-komprensjoni tas-sistema tat-tikketti ta’ kwalità difiża oralment minn xi wħud mill-partijiet interessati u, min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni stess tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll l-osservazzjonijiet bil-miktub minn xi wħud minn dawn il-partijiet.

62

F’dan is-sens, l-Artikolu 2 tal-Anness Nru 19 tal-Kodiċi dwar il-konkrit jipprovdi li “[b]arra minn hekk, il-produttur ta’ prodott, il-persuna responsabbli għal proċess jew il-bennej jistgħu jagħżlu, fil-kuntest ta’ proċedura volontarja, li titwaħħal tikketta ta’ kwalità li tistabbilixxi livell ta’ garanzija superjuri minn dak minimu previst minn dan il-kodiċi. [...] Dan l-anness jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġu distini t-tikketti li jikkonferixxu livell ta’ garanzija addizzjonali meta mqabbla mal-livell rikjest mil-liġi u jistgħu, għalhekk, jiġu rikonoxxuti uffiċjalment mill-amministrazzjonijiet kompetenti.”. Il-Gvern Spanjol u l-Acerteq sostnew, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li t-tikketti ta’ kwalità rikonoxxuti uffiċjalment jippermettu li jiġi pprovat li l-prodott iċċertifikat joffri livell ta’ garanzija iktar għoli jew ħafna iktar għoli minn dak li huwa normalment rikjest mill-Kodiċi dwar il-konkrit.

63

Jekk il-qorti tar-rinviju taċċetta din il-komprensjoni tas-sistema ta’ tikketti ta’ kwalità fi Spanja, minn dan jirriżulta li t-tikketti ta’ kwalità rikonoxxuti uffiċjalment fi Spanja huma intiżi li jattestaw li l-prodott iċċertifikat jissodisfa rekwiżiti li jmorru lil hinn mill-istandards minimi preskritti mill-Kodiċi dwar il-konkrit sabiex jiggarantixxi s-sigurtà industrijali.

64

F’tali ċirkustanzi, ir-rekwiżiti li l-Anness Nru 19 tal-Kodiċi dwar il-konkrit jimponi fuq l-organi li joħorġu t-tikketti ta’ kwalità kif ukoll fuq il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għar-rikonoxximent uffiċjali ta’ tali tikketti fi Spanja jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi attestata l-konformità tal-qafas tal-azzar mal-istandards minimi li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-persuni. Għaldaqstant, tali għan ma jistax jiġġustifika l-ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

65

Għall-kuntrarju, uħud mill-partijiet interessati sostnew, waqt is-seduta, li s-sistema Spanjola tat-tikketti ta’ kwalità twassal sabiex tinħoloq, favur il-prodott iċċertifikat, preżunzjoni ta’ konformità mal-istandards minimi stabbiliti mill-Kodiċi dwar il-konkrit.

66

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina liema waħda minn dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet tad-dritt nazzjonali hija rilevanti. Fil-każ li hija tagħżel l-interpretazzjoni difiża mill-partijiet waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ikun meħtieġ li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, iċ-ċertifikati ta’ kwalità maħruġa fl-Istati Membri l-oħra minbarra r-Renju ta’ Spanja minn organi approvati fis-sens tad-Direttiva 89/106 u, min-naħa l-oħra, dawk maħruġa minn entitajiet distini.

67

Għalhekk, f’dan l-aħħar każ, ikun kompletament leġittimu għal Stat Membru, fid-dawl tal-għan li jiġu żgurati s-saħħa u l-ħajja tal-persuni, li jiżgura li l-organu li ħareġ ċertifikat ta’ kwalità jkun jissodisfa rekwiżiti rigward l-attività ta’ spezzjoni tiegħu, bħalma huma dawk previsti fl-Anness Nru 19 tal-Kodiċi dwar il-konkrit.

68

Fir-rigward taċ-ċertifikati ta’ kwalità maħruġa, fl-Istati Membri l-oħra minbarra r-Renju ta’ Spanja, minn organi approvati fis-sens tad-Direttiva 89/106, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-mekkaniżmi għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ dawn iċ-ċertifikati jeżiġu attitudni attiva min-naħa tal-organu nazzjonali li ssirlu talba għal rikonoxximent. Tali attitudni attiva hija imposta barra minn hekk, jekk ikun il-każ, anki fuq l-organu li joħroġ tali ċertifikat, u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organi approvati u kompetenti jikkooperaw b’mod reċiproku, sabiex jiffaċilitaw il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex jinkiseb aċċess għas-suq tal-Istat Membru ta’ importazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

69

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 89/106 jenfasizza barra minn hekk, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, l-importanza ta’ tali kooperazzjoni.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ tali kooperazzjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku kif imfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, ċerti rekwiżiti preskritti fl-Artikolu 4 tal-Anness Nru 19 tal-Kodiċi dwar il-konkrit jistgħu jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-istandards minimi previsti mill-Kodiċi tal-konkrit li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-persuni, kwistjoni din li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali.

71

Għaldqastant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 34 TFUE u l-Artikolu 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti preskritti fl-Artikolu 81 tal-Kodiċi dwar il-konkrit, moqri flimkien mal-Anness Nru 19 ta’ dan il-kodiċi, sabiex ikun aċċettat ir-rikonoxximent uffiċjali taċ-ċertifikati li jagħtu prova tal-livell ta’ kwalità tal-qafas tal-azzar għall-konkrit maħruġa fi Stat Membru ieħor minbarra r-Renju ta’ Spanja, jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija. Tali ostakolu jista’ jiġi ġġustifikat permezz tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni sakemm ir-rekwiżiti preskritti ma jkunux superjuri għall-istandards minimi rikjesti għall-użu tal-qafas tal-azzar għall-konkrit fi Spanja. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fil-każ li l-organu li joħroġ iċ-ċertifikat ta’ kwalità li għandu jkun is-suġġett ta’ rikonoxximent uffiċjali fi Spanja jkollu l-kwalità ta’ organu approvat fis-sens tad-Direttiva 89/106, liema minn dawn ir-rekwiżiti jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi,

Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 34 TFUE u l-Artikolu 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti preskritti fl-Artikolu 81 tal-Kodiċi dwar il-konkrit (EHE-08) approvat bid-Digriet Irjali 1247/08, tat-18 ta’ Lulju 2008, moqri flimkien mal-Anness Nru 19 ta’ dan il-kodiċi, sabiex ikun aċċettat ir-rikonoxximent uffiċjali taċ-ċertifikati li jagħtu prova tal-livell ta’ kwalità tal-qafas tal-azzar għall-konkrit maħruġa fi Stat Membru ieħor minbarra r-Renju ta’ Spanja, jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija. Tali ostakolu jista’ jiġi ġġustifikat permezz tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni sakemm ir-rekwiżiti preskritti ma jkunux superjuri għall-istandards minimi rikjesti għall-użu tal-qafas tal-azzar għall-konkrit fi Spanja. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fil-każ li l-organu li joħroġ iċ-ċertifikat ta’ kwalità li għandu jkun is-suġġett ta’ rikonoxximent uffiċjali fi Spanja jkollu l-kwalità ta’ organu approvat fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/68/KEE, tat-22 ta’ Lulju 1993, liema minn dawn ir-rekwiżiti jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.