Kawża C-474/10
Department of the Environment for Northern Ireland
vs
Seaport (NI) Ltd et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal in Northern Ireland)
“Talba għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/42/KE — Artikolu 6 — Nomina, għall-finijiet ta’ konsultazzjoni, ta’ awtorità li tista’ tkun ikkonċernata mill-effetti ambjentali tal-implementazzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi — Possibbiltà għal awtorità ta’ konsultazzjoni li tfassal pjanijiet jew programmi — Obbligu ta’ nomina ta’ awtorità distinta — Regoli għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-awtoritajiet u tal-pubbliku”
Sommarju tas-sentenza
1. Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Direttiva 2001/42 — Konsultazzjonijiet — Awtorità ta’ konsultazzjoni
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/42, Artikolu 6(3))
2. Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Direttiva 2001/42 — Konsultazzjonijiet — Obbligu, għall-Istat Membru, li jagħti lill-awtoritajiet u lill-pubbliku intiż terminu suffiċjenti biex jesprimu l-opinjoni tagħhom — Portata
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/42, Artikolu 6(2),(3) u (4))
1. F’ċirkustanzi, fejn, għal parti mit-territorju ta’ Stat Membru li għandha kompetenzi deċentralizzati, awtorità waħda hija nnominata skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/42, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li awtorità ta’ konsultazzjoni oħra fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tinħoloq jew tiġi nnominata, sakemm, fi ħdan l-awtorità normalment inkarigata li twettaq konsultazzjoni fil-qasam ambjentali u nnominata bħala tali, separazzjoni funzjonali tiġi organizzata b’tali mod li entità amministrattiva, interna tagħha, ikollha awtonomija reali, li jimplika b’mod partikolari li hija għandha mezzi amministrattivi u umani tagħha stess, u għalhekk hija fil-pożizzjoni li tissodisfa l-missjonijiet mogħtija lill-awtoritajiet ta’ konsultazzjoni fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, u, b’mod partikolari, li tagħti b’mod oġġettiv l-opinjoni tagħha dwar il-pjan jew programm previst mill-awtorità li magħha hija marbuta.
(ara l-punti 41, 43 u d-dispożittiv 1)
2. L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/42, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li t-termini, li fihom l-awtoritajiet innominati u l-pubbliku milqut jew li x’aktarx ikun milqut fis-sens tal-Artikolu 6(3) u (4) għandhom ikunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq abbozz ta’ pjan jew ta’ programm partikolari kif ukoll fuq ir-rapport dwar l-effetti ambjentali, jiġu stabbiliti b’mod preċiż fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li titrasponi din id-direttiva, u, konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 6(2) ma jipprekludix li tali termini jiġu stabbiliti każ b’każ mill-awtorità li tipprepara l-pjan jew programm. Madankollu, f’din l-aħħar sitwazzjoni, dan l-istess Artikolu 6(2) jeħtieġ li, għall-finijiet tal-konsultazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet u ta’ dan il-pubbliku dwar abbozz ta’ pjan jew ta’ programm partikolari, it-terminu effettivament stabbilit ikun biżżejjed u jippermetti għalhekk li lil dawn tal-aħħar tingħata possibbiltà reali li jesprimu l-opinjoni tagħhom fil-ħin fuq dan l-abbozz ta’ pjan jew ta’ programm kif ukoll fuq ir-rapport dwar l-effetti ambjentali ta’ dan il-pjan jew programm.
(ara l-punt 50 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
20 ta’ Ottubru 2011 (*)
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/42/KE – Artikolu 6 – Nomina, għall-finijiet ta’ konsultazzjoni, ta’ awtorità li tista’ tkun ikkonċernata mill-effetti ambjentali tal-implementazzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi – Possibbiltà għal awtorità ta’ konsultazzjoni li tfassal pjanijiet jew programmi – Obbligu ta’ nomina ta’ awtorità distinta – Regoli għall-informazzioni u għall-konsultazzjoni tal-awtoritajiet u tal-pubbliku”
Fil-Kawża C‑474/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE mill-Court of Appeal in Northern Ireland (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Settembru 2010, fil-proċedura
Department of the Environment for Northern Ireland,
vs
Seaport (NI) Ltd,
Magherafelt District Council,
F P McCann (Developments) Ltd,
Younger Homes Ltd,
Heron Brothers Ltd,
G Small Contracts,
Creagh Concrete Products Ltd,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn J. Maurici, barrister,
– għall-Gvern Daniż, minn S. Juul Jørgensen, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver u A. Marghelis, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Lulju 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawżi bejn id-Department of the Environment for Northern Ireland (Ministeru tal-Ambjent tal-Irlanda ta’ Fuq, iktar ’il quddiem id-“Department of the Environment”), u Seaport (NI) Ltd (iktar ’il quddiem “Seaport”) kif ukoll Magherafelt District Council, F P McCann (Developments) Ltd, Younger Homes Ltd, Heron Brothers Ltd, G Small Contracts u Creagh Concrete Products Ltd, dwar il-validità tal-abbozzi ta’ pjanijiet għat-territorju tal-Irlanda ta’ Fuq imsejħa “Draft Northern Area Plan 2016” u “Draft Magherafelt Area Plan 2015”.
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2001/42
3 Il-premessi 14, 15, 17 u 18 tad-Direttiva 2001/42 huma mitkuba kif ġej:
“(14)Meta permezz ta’ din id-Direttiva tkun meħtieġa stima, rapport ambjentali għandu jkun ippreparat li fih ikollu l-informazzjoni rilevanti hekk kif stabbilit f’din id-Direttiva, fejn ikunu identifikati, deskritti u evalwati l-effetti ambjentali sinifikanti ta’ l-implimentazzjoni tal-pjan jew programm, u alternattivi raġonevoli meta jkunu kkunsidrati l-għanijiet u l-iskop ġeografiku tal-pjan jew il-programm; [...]
(15) Sabiex ikun hemm kontribuzzjoni għal teħid tad-deċiżjonijiet aktar trasparenti u bil-għan li jkun assigurat li l-informazzjoni mogħtija għall-istima hi komprensiva u affidabbli, hu meħtieġ li l-awtoritajiet li jkollhom dawn ir-responsabbiltajiet ambjentali rilevanti u l-pubbliku jkunu kkonsultati matul l-istima tal-pjanijiet u l-programmi, u li limiti ta' żmien xierqa jkunu stabbiliti, li jippermettu ħin biżżejjed għall-konsultazzjonijiet, inkluża l-espressjoni ta’ l-opinjoni.
[…]
(17) Ir-rapport dwar l-ambjent u l-opinjonijiet espressi mill-awtoritajiet rilevanti u l-pubbliku, kif ukoll ir-riżultati ta’ xi konsultazzjoni bejn it-transkonfini, għandhom ikunu kkunsidrati matul il-preparazzjoni tal-pjan jew programm u qabel l-adozzjoni tiegħu jew is-sottomissjoni għall-proċedura leġislattiva.
(18) L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, meta xi pjan jew progamm ikun adottat, l-awtoritajiet rilevanti u l-pubbliku jkunu infurmati u l-informazzjoni rilevanti tkun magħmula disponibbli għalihom.”
4 Wieħed mill-għanijiet essenzjali ta’ din id-direttiva, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, huwa li l-pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, waqt il-preparazzjoni u qabel l-adozzjoni tagħhom, ikunu suġġetti għal stima ambjentali.
5 L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 jipprovdi:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
a) ‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:
– li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u
– li huma meħtieġa permezz ta' disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”.
6 L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Rapport dwar l-ambjent”, jipprovdi:
“1. Meta stima ambjentali tkun meħtieġa skond l-Artikolu 3(1), għandu jkun ippreparat rapport dwar l-ambjent li fih l-effetti sinifikanti li x’aktarx ikun hemm fuq l-ambjent b’konsegwenza ta’ l-implimentazzjoni tal-pjan jew il-programm, u alternattivi raġonevoli billi jkunu kkunsidrati l-għanijiet u l-iskop ġeografiku tal-pjan jew il-programm, ikunu identifikati, deskritti u evalwati. L-informazzjoni li għandha tingħata għal dan il-għan hi msemmija fl-Anness I.
2. Ir-rapport dwar l-ambjent ippreparat bis-saħħa tal-paragrafu 1 għandu jinkludi l-informazzjoni li tista’ tkun mitluba b’mod raġonevoli meta jkunu ikkunsidrati l-għarfien u l-metodi ta’ stima, il-kontenut u l-livelli tad-dettal fil-pjan jew fil-programm, l-istadju tiegħu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u sa fejn ċerti materji jkunu stmati b’mod aktar xieraq fil-livelli differenti f'dak il-proċess sabiex ikun evitat duplikazzjoni ta’ l-istima.
3. L-informazzjoni rilevanti dwar l-effetti fuq l-ambjent tal-pjanijiet u l-programmi u miksuba fil-livelli l-oħra tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew permezz ta’ leġislazzjoni oħra tal-Komunità tista’ tintuża biex tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Anness I.
4. L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(3) għandhom ikunu kkonsultati meta jkunu deċiżi l-iskop u l-livell tad-dettal ta’ l-informazzjoni li għandha tkun inkluża fir-rapport dwar l-ambjent.”
7 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/42, intitolat “Konsultazzjonijiet”, jipprovdi:
“1. L-abbozz tal-pjan jew il-programm u r-rapport dwar l-ambjent ippreparati skond l-Artikolu 5 għandhom ikunu mqiegħda għad-disposizzjoni ta' l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u tal-pubbliku.
2. L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 u l-pubbliku imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jingħataw opportunità bikrija u effettiva f'limitu ta’ żmien li jkun xieraq sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-abbozz tal-pjan jew il-programm jew is-sottomissjoni tiegħu għall-proċedura leġislattiva.
3. L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet li għandhom ikunu kkonsultati li, permezz tar-responsabbiltajiet ambjentali speċifiċi tagħhom, x’aktarx ikunu milquta mill-effetti ambjentali ta’ l-implimentazzjoni tal-pjanijiet jew il-programmi.
4. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-pubbliku għall-finijiet tal-paragrafu 2, inkluż il-pubbliku milqut jew li x’aktarx ikun milqut minn, jew li jkollu nteress fit-teħid tad-deċiżjonijiet suġġett għal din id-Direttiva, inklużi l-organizzazzjonijiet rilevanti mhux governattivi, bħalma huma dawk li jippromwovu il-protezzjoni ta’ l-ambjent u organizzazzjonijiet oħra interessati.
5. L-aranġamenti ddettaljati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet u mal-pubbliku għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.”
8 L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Teħid tad-deċiżjonijiet”, jipprovdi:
“Ir-rapport dwar l-ambjent ippreparat skond l-Artikolu 5, l-opinjonijiet espressi skond l-Artikolu 6 u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet bejn it-transkonfini skond l-Artikolu 7 għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni matul il-preparazzjoni tal-pjan jew programm u qabel l-adozzjoni tiegħu jew is-sottomissjoni għall-proċedura leġislattiva.”
9 Skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, meta xi pjan jew programm ikun adottat, l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva kif ukoll, b’mod partikolari, il-pubbliku, għandhom ikunu informati f’dan ir-rigward u, b’mod paritkolari, għandhom jingħataw għad-dispożizzjoni tagħhom il-pjan jew programm hekk kif kien adottat kif ukoll dikjarazzjoni li tiġbor il-mod kif il-kunsiderazzjonijiet ambjentali kienu ddaħlu fih. Skont l-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effetti ambjentali fl-implementazzjoni tal-pjan jew proġett sabiex jidentifikaw, fi stadju bikri, l-effetti negattivi mhux previsti u, eventwalment biex jieħdu l-azzjonijiet ta’ rimedju kkunsidrati xierqa.
10 Skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2001/42, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva qabel il-21 ta’ Lulju 2004.
Id-dritt nazzjonali
11 Id-Direttiva ġiet trasposta fid-dritt tal-Irlanda ta’ Fuq permezz tar-regolament tal-2004 dwar l-istima ambjentali tal-pjanijiet u tal-programmi fl-Irlanda ta’ Fuq [Environmental Assessment of Plans and Programmes (Northern Irland) Regulations 2004, iktar ’il quddiem ir-“regolament tal-2004”].
12 L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/42 ġie traspost bl-Artikolu 4 tar-regolament tal-2004. Dan l-artikolu jipprovdi fil-parti rilevanti tiegħu fir-rigward tal-kawża prinċipali:
“Korp konsultattiv
1) Bla ħsara għall-paragrafu 2, id-Department of the Environment huwa l-korp kosultattiv għall-finijiet ta’ dan ir-regolament.
2) Jekk, f’mument speċifiku, id-Department of the Environment ikun l-awtorità responsabbli għal pjan jew programm, huma ma għandux jeżerċita fl-istess ħin il-funzjonijiet ta’ korp konsultattiv previsti mir-[regolament tal-2004] fir-rigward ta’ dak il-pjan jew dak il-programm; ir-riferimenti għall-korp konsultattiv li jinsabu fid-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan ir-regolament huma interpretati bħala konsegwenza.”
13 L-Artikolu 11(1) u (5) tar-regolament tal-2004 jipprovdi, minn naħa, li, meta hemm lok li ssir stima ambjentali, l-“awtorità responsabbli” tipprepara jew tħejji t-tfassil ta’ rapport fuq l-effetti ambjentali u, min-naħa l-oħra, li, “meta hija tiddeċiedi dwar id-daqs u l-livell ta’ preċiżjoni tal-informazzjoni li dan ir-rapport għandu jkollu, l-awtorità responsabbli tikkonsulta l-korp konsultattiv”.
14 L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/42 ġie traspost bl-Artikolu 12 tar-regolament tal-2004. Dan l-artikolu tal-aħħar jipprovdi:
“1) Kull abbozz ta’ pjan jew ta’ programm li fir-rigward tiegħu ikun ġie ppreparat rapport fuq l-effetti ambjentali ġie ppreparat skont l-Artikolu 11 u r-rapport fuq l-effetti ambjentali li jakkompanjah (iktar ’il quddiem id-‘dokumenti rilevanti’) għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-korp konsultattiv u tal-pubbliku, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-artikolu preżenti.
2) Malajr kemm jista’ jkun wara l-preparazzjoni tagħhom, l-awtorità responsabbli għandha tibgħat lill-korp konsultattiv kopja tad-dokumenti rilevanti u tistiednu jagħti l-opinjoni tiegħu fuqhom f’terminu definit.
3) L-awtorità responsabbli għandha wkoll
a) f’terminu ta’ erbatax–il ġurnata wara l-preparazzjoni tad-dokumenti rilevanti, tippubblika skont il-paragrafu (5), jew tiżgura li l-publikazzjoni ta’ nota:
i) tindika t-titolu tal-pjan, tal-programm jew tat-tibdil;
ii) tindika l-indirizz (li jista’ jinkludi sit tal-internet) li minnu tista’ tiġi kkonsultata jew tinġieb kopja tad-dokumenti rilevanti;
iii) tipproponi li jingħataw opinjonijiet fuq id-dokumenti rilevanti;
iv) tindika l-indirizz fejn jistgħu jintbagħtu l-opinjonijiet u t-terminu mogħti għal dan il-għan;
b) iżżomm kopja tad-dokumenti rilevanti disponibbli fis-sede tagħha sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu kkonsultati mill-pubbliku fil-ħinijiet ta’ ftuħ normali u mingħajr ħlas, u
c) tippubblika kopja tad-dokumenti rilevanti fis-sit internet tal-awtorità.
4) It-termini msemmija fil-paragrafi 2 u 3(a)(iv) għandhom ikunu ta’ natura li joffru lill-persuni li fir-rigward tagħhom l-invit ikun miftuħ, possibbiltà reali li jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq id-dokumenti rilevanti fi stadju bikri.
5) Il-pubblikazzjoni ta’ nota skont il-paragrafu 3(a) għandha ssir b’mod li tippermetti li jiġi ggarantit li l-kontenut tagħha jista’ jinġieb għall-attenzjoni tal-pubbliku milqut mill-abbozz tal-pjan jew tal-programm, li jista’ jkollu interess, jew għandu interess fih.
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 Fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, id-Department of the Environment kien jinkludi erba’ aġenziji eżekuttivi, li kienu jagħmlu parti minnu u li kienu suġġetti għall-kontroll tiegħu, inkarigati li jeżerċitaw uħud mis-setgħat regolatorji u kompetenzi mogħtija lil dan id-Department. Ebda waħda minn dawn l-erba’ aġenziji ma kellha personalità ġuridika tagħha, iżda kull waħda min-naħa l-oħra kellha l-persunal, ir-riżorsi amministrattivi u l-bini allokat tagħha. Dawn l-aġenziji kienu l-Planning Service (servizz ta’ pjanifikazzjoni), l-Environment and Heritage Service [servizz tal-ambjent u tal-patrimonju, iktar ’il quddiem, l-“EHS”, attwalment imsejħa Northern Ireland Environnement Agency (NIEA)], id-Driver and Vehicle Testing Agency (aġenzija tal-kontroll tal-kondutturi u tal-vetturi) u d-Driver and Vehicle Licensing Northern Ireland (servizz tal-permessi ta’ sewqan u tal-awtorizzazzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni tal-vetturi tal-Irlanda ta’ Fuq).
16 Is-servizz tal-pjanifikazzjoni kien jeżerċita l-kompetenzi regolatorji tad-Department of the Environment fil-qasam ta’ preparazzjoni tal-pjanijiet ta’ żvilupp reġjonali kif ukoll l-eżami tal-applikazzjonijiet individwali ta’ awtorizzazzjoni fil-qasam ta’ pjanifikazzjoni. Min-naħa tagħha, l-EHS kienet l-aġenzija inkarigata li teżeċita l-parti l-kbira tal-kompetenzi ta’ dan id-Department fil-qasam ta’ leġiżlazzjoni ambjentali, minbarra l-pjanifikazzjoni, aġenzija li l-persunal tagħha kellu konoxxenza u għarfien fil-fond tal-kwistjonijiet ambjentali.
17 Is-servizz tal-pjanifikazzjoni ta bidu, skont il-proċeduri nazzjonali li kienu dak iż-żmien fis-seħħ, għall-proċedura ta’ preparazzjoni tal-proġetti msejħa “Northern Area Plan 2016” u “Magherafelt Area Plan 2015”, li seħħet qabel id-data li fiha l-Istati Membri kellhom l-obbligu li jittrasponu d-Direttiva 2001/42. Madankollu, iż-żewġ abbozzi ta’ pjanijiet ġew ippubblikati finalment wara din id-data.
18 Matul il-preparazzjoni ta’ kull wieħed mill-abbozzi ta’ pjanijiet reġjonali, dan is-servizz tad-Department of the Environment kien jaħdem fil-qrib ħafna mal-EHS sabiex tinġabar informazzjoni ambjentali rilevanti, kif ukoll sabiex jinkiseb parir dwar il-kontenut tal-pjanijiet proposti.
19 Fil-11 ta’ Mejju 2005, il-proġett li kien jikkonċerna n-Northern Area Plan 2016 ġie ppubblikat mis-servizz tal-pjanifikazzjoni tad-Department of the Environememt, flimkien mar-rapport dwar l-effetti ambjentali. Fid-data tal-pubblikazzjoni, dan id-Department stieden lill-pubbliku sabiex jippreżenta kummenti jew osservazzjonijiet. Huwa indirizza wkoll l-abbozz tal-pjan u r-rapport dwar l-effetti ambjentali lill-EHS u lil awtoritajiet pubbliċi oħra għall-finijiet ta’ konsultazzjoni u stedinhom jifformulaw kummenti jew osservazzjonijiet. Huwa rrikjeda li r-risposti kollha jaslulu f’termnu ta’ tmien ġimgħat. Dan id-Department irċieva total ta’ 5 250 osservzzjoni fuq l-abbozz tal-pjan min-naħa tal-pubbliku u erbgħa fir-rigward tar-rapport fuq l-effetti ambjentali. Seaport hija l-awtur ta’ 49 minn dawn l-osservazzjonijiet, fejn waħda minnhom kienet marbuta mal-kontenut tar-rapport fuq l-effetti ambjentali u fuq l-iżvolġiment tal-istima ambjentali.
20 Id-Department of the Enviroment ippubblika, fl-24 ta’ April 2004, il-proġett dwar il-Magherafelt Area Plan 2015, kif ukoll stima ambjentali li kienet ġiet ippreparata skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kif kienu fis-seħħ dak iż-żmien. Dan id-Department sussegwentement mexxa stima ambjentali tal-abbozz tal-pjan reġjonali u ppubblika, fl-24 ta’ Mejju 2005, rapport dwar l-effetti ambjentali li kkunsidra f’din id-data bħala konformi mal-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2001/42. Kopja tar-rapport dwar l-effetti ambjentali ġiet indirizzata lill-EHS u lill-korpi interessati oħra. Dan id-Department stieden lil dawn tal-aħħar kollha sabiex jifformulaw l-opinjoni tagħhom dwar ir-rapport f’terminu ta’ sitt ġimgħat. Dan irċieva approssimament 5 300 osservazzjoni dwar l-abbozz tal-pjan min-naħa tal-pubbliku u ħames osservazzjonijiet fir-rigward tar-rapport ġdid dwar l-effetti ambjentali.
21 Matul ix-xahar ta’ Novembru 2005, Seaport ressqet kawża quddiem il-High Court of Justice in Northern Ireland, Queen’s Bench Division (ir-Renju Unit), sabiex tikkontesta l-validità tal-azzjonijiet tad-Department of the Environment meta dan ippubblika l-abbozz dwar in-Northern Area Plan 2016. Hija essenzjalment sostniet li d-Direttiva 2001/42 ma kinitx ġiet trasposta korrettament fid-dritt nazzjonali u li l-istima ambjentali kif ukoll ir-rapport dwar l-effetti ambjentali magħmula mid-Department of the Enviroment ma kinux konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.
22 Fit-13 ta’ Diċembru 2005, Magherafelt District Council, F P McCann (Developments) Ltd, Younger Homes Ltd, Heron Brothers Ltd, G Small Contracts u Creagh Concrete Products Ltd ressqu kawża quddiem l-istess qorti sabiex jikkontestaw il-pubblikazzjoni tal-abbozz dwar il-Magherafelt Area Plan 2015, l-iżvolġiment tal-istima ambjentali u l-kontenut tar-rapport dwar l-effetti ambjentali. L-ilmenti invokati insostenn ta’ dan ir-rikors kienu analogi għal dawk ippreżentati minn Seaport insostenn tar-rikors tagħha.
23 Għandu jiġi rrilevat li Seaport sussegwentement ressqet kawża oħra intiża sabiex tikkontesta d-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ possibbiltà dwar il-proġett relatat man-Northern Area Plan 2016. Madankollu, Seaport ma komplietx din il-proċedura u t-talba għal deċiżjoni preliminari li kienet tressqet mill-High Court of Justice in Northern Ireland, Queen’s Bench Division, ġiet annullata b’digriet ta’ din l-aħħar qorti tat-23 ta’ April 2010, b’mod li, b’digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ġunju 2010, Seaport vs Department of the Environment for Northern Ireland, il-Kawża C‑182/09 tħassret mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.
24 Fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Settembru 2007, il-High Court of Justice in Northern Ireland ikkonstatat li r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/42 ma kinux ġew trasposti korrettament bl-Artikoli 4 u 12 tar-regolament tal-2004. Hija kkunsidrat li dan l-Artikolu 4 ma kienx ittraspona b’mod xieraq ir-rekwiżit, previst fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jinnominaw awtorità konsultattiva oħra meta d-Department of the Enviroment huwa l-awtorità responsabbli sabiex tipprepara l-abbozz tal-pjan. Hija kkonstatat ukoll li l-Artikolu 12 ukoll ma kienx ittraspona korrettament id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) ta’ din l-istess direttiva, minħabba li dan l-Artikolu 12 ma kienx iffissa terminu speċifiku li matulu l-konsultazzjoni kellha sseħħ.
25 Fis-6 ta’ Novembru 20074, id-Department of the Environment ħa deċiżjoni miktuba kif ġej:
“Id-Department of the Environment eżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu li jwettaq stima ambjentali tal-abbozz tal-pjan fir-rigward tar-rekwiżiti previsti bid-Direttiva [2001/42] u bir-[regolament tal-2004] fid-dawl tad-deċiżjoni reċenti tal-High Court. Sussegwentement għal dan l-eżami mill-ġdid, id-Department of the Environment iddeċieda li ma kienx possibbli li ssir stima ambjentali tal-abbozz tal-pjan għar-reġjun tat-Tramuntana 2016 li huwa konformi mad-Direttiva [2001/42] u mar-[Regolament tal-2004] u informa lill-pubbliku permezz ta’ dan bid-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 6(2) [tar-regolament tal-2004]”.
26 F’deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2007, il-High Court of Justice in Northern Ireland tat deċiżjoni dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġu rrimedjati l-insuffiċenzi kkonstatati fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Settembru 2007. Hija rrifjutat li tinvalida l-abbozz tal-pjan, filwaqt li ħalliet miftuħa l-possibbiltà li l-kwistjoni tiġi eżaminata mill-ġdid ladarba tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-validità ta’ din id-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2007.
27 Quddiem il-qorti tar-rinviju, id-Department of the Enviroment appella l-konklużjonijiet tal-High Court of Justice in Northern Ireland li r-regolament tal-2004 ma kienx ittraspona b’mod xieraq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/42.
28 F’dan ir-rigward, id-Department of the Enviroment isostni b’mod partikolari li, minn naħa, meta huwa jaġixxi bħala awtorità responsabbli fir-rigward ta’ pjan jew ta’ programm, ebda obbligu ta’ konsultazzjoni ma jeżisti skont id-Direttiva 2001/42, peress li huwa għandu l-kompetenzi u r-responsabbiltajiet rilevanti kollha, li ebda korp ambjentali speċjalizzat ieħor ma jeżerċita tali responabbiltajiet u lanqas ma ġiet nnominat għall-Irlanda ta’ Fuq u li din id-direttiva ma timponix l-obbligu li jinħoloq jew li jiġi nnominat korp ġdid li għandu jiġi kkonsultat mid-Department.
29 Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li, “kuntrarjament għal dak li tirrileva d-deċiżjoni tal-High Court, id-[Deparment of the Enviroment] ma affermax li d-direttiva timponi li tiġi applikata separazzjoni interna tal-allokazzjonijiet bejn is-servizz tal-pjanifikazzjoni u l-[EHS] meta d-Department huwa l-awtorità responsabbli minn pjan jew minn programm. Id-Department madankollu indika l-mod kif is-servizz tal-pjanifikazzjoni u l-[EHS] kienu fil-fatt interaġixxew fir-rigward tal-abbozzi tal-pjanijiet inkwistjoni”.
30 Il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġutsizzja fis-16 ta’ Ottubru 2008, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari identiċi għal dawk ta’ din il-kawża. B’digriet tal-20 ta’ Mejju 2009, Seaport Investments (C‑454/08), din it-talba ġiet iddikjarata manifestament inammissibbli, għar-raġuni b’mod partikolari li d-deċiżjoni tar-rinviju ma kien fiha ebda żvilupp li juri l-kuntest leġiżlattiv u fattwali tal-kawża prinċipali u ma esponiex b’mod suffiċjentement ċar u preċiż ir-raġunijiet li kienu waslu lil din il-qorti li tistaqsi l-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2001/42.
31 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal in Northern Ireland iddeċidiet mill-ġdid li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Sabiex id-Direttiva 2001/42/KE tiġi interpretata b’mod korrett, meta awtorità nazzjonali li telabora pjan li jaqa’ taħt l-Artikolu 3 [ta’ din id-direttiva] hija l-awtorità inkarigata b’responsabbiltà ambjentali ġenerali fl-Istat Membru, huwa possibbli għall-Istat Membru li jirrifjuta li jinnomina, skont l-Artikolu 6(3) [tal-istess direttiva], awtorità li għandha tkun ikkonsultata għall-finijiet tal-Artikoli 5 u 6 [tagħha]?
2) Sabiex din id-direttiva tiġi interpretata b’mod korrett, meta l-awtorità nazzjonali li telabora [tipprepara] pjan li jaqa’ taħt l-Artikolu 3 hija wkoll inkarigata b’responsabbiltà ambjentali ġenerali fl-Istat Membru, dan l-Istat Membru għandu jiggarantixxi li jeżisti korp konsultattiv li [għandu] jiġi nnominat u li huwa distint minn din l-awtorità?
3) Sabiex din id-direttiva [2001/42] tiġi interpretata b’mod korrett, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 6(2) [ta’ din id-direttiva] jista’, sabiex l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(3) u l-pubbliku msemmi fl-Artikolu 6(4) ikollhom l-opportunità effettiva li jesprimu fi stadju bikri l-opinjoni tagħhom ‘f’limitu ta’ żmien li jkun xieraq’, jiġi traspost minn regoli li jipprovdu li l-awtorità inkarigata bl-elaborazzjoni [preparazzjoni] tal-pjan għandha tistabbilixxi f’kull każ it-terminu li fih għandhom jiġu espressi l-opinjonijiet, jew inkella r-regoli li jittrasponu d-direttiva għandhom jispeċifikaw huma stess terminu, jew termini differenti f’ċirkustanzi differenti, li fihom għandhom jiġu espressi dawn l-opinjonijiet?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
32 Permezz tal-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn l-awtorità li ġiet innominata bħala dik li kellha tiġi kkonsultata fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/42 hija wkoll inkarigata mit-tfassil ta’ pjan fis-sens ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija timponi li tiġi nnominata awtorità oħra li għandha b’mod partikolari tiġi kkonsultata fil-kuntest tal-preparazzjoni tar-rapport fuq l-effetti ambjentali kif ukoll fuq l-adozzjoni ta’ dan il-pjan.
33 F’dan ir-rigward, il-Gvernijiet tar-Renju Unit u tad-Danimarka kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu, f’tali ċirkustanzi, li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/42 ma jimponix fuq l-Istati Membri li jinnominaw, u lanqas li joħolqu għal dan il-għan, awtorità oħra li għandha tassumi r-responsabbiltajiet u li jkollha prerogattivi normalment mogħtija lill-awtorità li ġiet innominata bħala dik li għandha normalment tiġi kkostitwita. Huma jsostnu wkoll li n-nomina u/jew il-ħolqien ta’ tali awtorità huma superfluwi sa fejn, b’definizzjoni, l-awtoritajiet ikollhom responsabbiltajiet fil-qasam ambjentali u, konsegwentement tal-għarfien u l-kompetenzi fil-qasam, huma preċiżament dawk li għandhom ikunu u, għaldaqstant, huma nnominati mill-Istati Membri bħala awtoritajiet ta’ konsultazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva.
34 L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet li għandhom jiġu kkonsultati b’mod partikolari għall-finijiet tal-preparazzjoni tar-rapport dwar l-effetti ambjentali kif ukoll tal-adozzjoni ta’ pjan jew ta’ programm fis-sens ta’ din id-direttiva. Din l-għażla għandha tirrigwarda korpi li jieħdu responsabbiltajiet speċifiċi fil-qasam tal-ambjent u f’dan ir-rigward għandhom kompetenzi rikonoxxuti.
35 Hekk kif jirriżulta mill-premessa 15 tad-Direttiva 2001/42, l-obbligu, previst fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, li jiġu nnominati tali awtoritajiet għall-finijiet tal-konsultazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ pjan jew ta’ programm li jista’ jkollu effetti ambjentali fis-sens ta’ din id-direttiva huwa intiż li jikkontribwixxi għal trasparenza dejjem ikbar tal-proċess deċiżjonali u b’mod partikolari intiż sabiex jiżgura li, meta awtorità, li ma għandhiex neċessarjament kompetenzi jew responsabbiltajiet fil-qasam ambjentali, tipprevedi li tadotta tali pjan jew programm, ir-rapport fuq l-effetti ambjentali, li għandu jkun ma’ dan il-pjan jew dan il-programm, kif ukoll dan il-pjan jew prgramm debitament jieħdu inkunsiderazzjoni tali effetti u soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni raġonevoli għal dan l-istess pjan jew programm ikunu previsti b’mod oġġettiv.
36 Għalhekk, l-awtorità nnominata skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva tikkontribwixxi, kull darba li hija għandha tiġi kkonsultata jew informata dwar l-istadji differenti tal-proċess ta’ preparazzjoni, ta’ adozzjoni u ta’ implementazzjoni tal-pjan jew tal-programm, sabiex din l-awtorità li tipprepara dan il-pjan jew programm tagħraf korrettament l-effetti ambjentali ta’ dan il-pjan jew programm abbażi ta’ informazzjoni ta’ min jorbot fuqha u eżawrjenti.
37 Huwa paċifiku li awtorità pubblika bħal, fil-kawża prinċipali, Ministeru responsabbli għall-ambjent f’’parti mit-territorju ta’ Stat Membru tieħu responsabbiltajiet speċifiċi fil-qasam ambjentali u għalhekk tista’ tkun “ikkonċernata” mill-effetti ambjentali tal-implementazzjoni ta’ pjanijiet jew ta’ programmi fis-sens tad-Direttiva 2001/42, peress li hija għandha kompetenzi fil-qasam ambjentali f’din il-parti tal-Istat Membru.
38 Konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn awtorità pubblika fuq livell Ministerjali hija inkarigata minn kwistjonijiet marbuta mal-ambjent, għandu jiġi rrilevat li, jekk tali awtorità, minħabba responsabbiltajiet speċifiċi fil-qasam ambjentali jingħatawlha kif ukoll minħabba l-kompetenzi li hija għandha fil-qasam, tiġi nnominata skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, din hija prinċipalment ikkonċernata u fil-pożizzjoni li tagħraf l-effetti ambjentali ta’ pjan jew ta’ programm.
39 Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/42 huma madankollu mċaħħda minn kull effettività jekk, fl-ipoteżi fejn l-awtorità nnominata skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva hija wkoll meħtieġa li tipprepara jew li tadotta hija stess pjan jew programm, ma jeżistix, fl-istruttura amministrattiva tal-Istat Membru inkwistjoni, ebda korp ieħor awtorizzat li jeżerċita din il-funzjoni ta’ konsultazzjoni.
40 F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni pprovduta fl-osservazzjonijiet tiegħu miktuba mill-Gvern tar-Renju Unit jirriżulta li, bid-differenza tas-sitwazzjonijiet li jeżistu fl-Ingilterra, fl-Iskozja jew f’Wales, fejn, fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet regolatorji trasposti mid-Direttiva 2001/42, diversi awtoritajiet kienu ġew innominati bħala awtoritajiet konsultattivi fis-sens tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, is-sitwazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq hija kkaratterizzata mill-fatt li awtorità waħda kienet ġiet innominata, f’dan il-każ id-Department of the Environment, u li din l-awtorità kienet tinkludi erba aġenziji eżekuttivi. Minbarra dan, minn din l-informazzjoni jirriżulta li dan id-Department għandu kompetenza territorjali li hija tiegħu, li tikkorrispondi għall-għoti tal-kompetenzi fil-qasam tal-ambjent previsti fl-organizzazzjoni politika tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, u li, fil-kuntest ta’ din l-organizzazzjoni, ma huwiex previst li awtorità nnominata f’parti oħra ta’ dan l-Istat Membru tista’ tiġi kkonsultata fuq pjanijiet jew programmi li jikkonċernaw l-Irlanda ta’ Fuq.
41 F’tali ċirkustanzi, fejn, għal parti mit-territorju ta’ Stat Membru li għandha kompetenzi deċentralizzati, awtorità waħda hija nnominata skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/42 u li din l-awtorità hija, f’każ partikolari, inkarigata mill-preparazzjoni ta’ pjan jew ta’ programm, din id-dispożizzjoni ma timponix li awtorità oħra, li tinsab f’dan l-Istat Membru jew f’parti tiegħu, tinħoloq jew tiġi nnominata sabiex tkun fil-pożizzjoni li tagħmel konsultazzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni.
42 Madankollu, f’tali sitwazzjoni, dan l-Artikolu 6 jimponi li, fi ħdan l-awtorità normalment inkarigata mill-konsultazzjoni fil-qasam ambjentali, separazzjoni funzjonali tiġi organizzata b’tali mod li entità amministrattiva, interna tagħha, għandha awtonomija reali, li jimplika b’mod partikolari li hija għandha mezzi amministrattivi u umani tagħha stess, u għalhekk hija fil-pożizzjoni li tissodisfa l-missjonijiet mogħtija lill-awtoritajiet ta’ konsultazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, li tagħti b’mod oġġettiv l-opinjoni tagħha dwar il-pjan jew programm maħsub mill-awtorità li magħha hija marbuta, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.
43 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposti għall-ewwel żewġ domandi għandhom ikunu li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/42 ma jirrikjedix li awtorità ta’ konsultazzjoni oħra fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tinħoloq jew tiġi nnominata, sakemm, fi ħdan l-awtorità normalment inkarigata li twettaq konsultazzjoni fil-qasam ambjentali u nnominata bħala tali, separazzjoni funzjonali hija organizzata b’tali mod li entità amministrattiva, interna tagħha, ikollha awtonomija reali, li jimplika b’mod partikolari li hija għandha mezzi amministrattivi u umani tagħha stess, u għalhekk hija fil-pożizzjoni li tissodisfa l-missjonijiet mogħtija lill-awtoritajiet ta’ konsultazzjoni fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(3) u, b’mod partikolari, li tagħti b’mod oġġettiv l-opinjoni tagħha dwar il-pjan jew programm previst mill-awtorità li magħha hija marbuta.
Fuq it-tielet domanda
44 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/42 għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi t-termini “f’limitu ta’ żmien li jkun xieraq”, li fihom l-awtoritajiet innominati u l-pubbliku milqut jew li x’aktarx ikun milqut fis-sens tal-Artikolu 6(3) u (4) għandhom ikunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq abbozz ta’ pjan jew programm kif ukoll fuq ir-rapport dwar l-effetti ambjentali ta’ tali pjan jew programm, jiġu stabbiliti b’mod preċiż fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li titrasponi din id-direttiva.
45 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jeħtieġ li “opportunità [...] effettiva” tingħata, li għandha tkun “bikrija” għal dawn l-awtoritajiet u għall-pubbliku milqut jew li x’aktarx ikun milqut sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-abbozz tal-pjan jew tal-programm ikkonċernat kif ukoll fuq ir-rapport dwar l-effetti ambjentali.
46 Sabiex din l-opinjoni tkun tista’ debitament tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità li tipprevedi li tadotta tali pjan jew programm, l-Artikolu 6(2) jippreċiża, minn naħa, li tali opinjoni għandha tingħata qabel l-adozzjoni ta’ dan il-pjan jew dan il-programm u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet ta’ konsultazzjoni u l-pubbliku milqut jew li x’aktarx ikun milqut għandhom ikollhom termini suffiċjenti sabiex jevalwaw il-pjan jew il-programm previst kif ukoll ir-rapport fuq l-effetti ambjentali dwar dan il-pjan jew programm u jkunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom f’dan ir-rigward.
47 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2001/42 jipprovdi li l-arranġamenti ddettaljati dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet u mal-pubbliku għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.
48 Konsegwentement, l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali li titrasponi din id-dispożizzjoni tipprovdi li hija l-awtorità li tipprevedi li tadotta pjan jew programm li jista’ jkollu effetti notevoli fuq l-ambjent li għandha tiffissa hija stess it-terminu mogħti lill-awtorità ta’ konsultazzjoni u lill-pubbliku rilevanti sabiex jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar id-dokumenti rilevanti, sakemm, kif jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, it-terminu effettivament previst għal kull konsultazzjoni organizzata jkun ta’ natura li jagħtih possibbiltà reali li jesprimi, fi stadju bikri, tali opinjoni.
49 Barra minn hekk, l-iffissar każ b’każ, tat-terminu li fih dawn l-opinjonijiet jistgħu jiġu espressi jista’, f’ċerti każijiet, jippermetti teħid inkunsiderazzjoni ikbar tal-kumplessità ta’ pjan jew ta’ programm previst u jfisser, skont il-każ, l-għoti ta’ termini itwal minn dawk li jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja.
50 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li t-termini, li fihom l-awtoritajiet innominati u l-pubbliku milqut jew li x’aktarx ikun milqut fis-sens tal-Artikolu 6(3) u (4) għandhom ikunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq abbozz ta’ pjan jew ta’ programm partikolari kif ukoll fuq ir-rapport dwar l-effetti ambjentali, jiġu stabbiliti b’mod preċiż fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li titrasponi din id-direttiva, u, konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 6(2) ma jipprekludix li tali termini jiġu stabbiliti każ b’każ mill-awtorità li tipprepara l-pjan jew programm. Madankollu, f’din l-aħħar sitwazzjoni, dan l-istess Artikolu 6(2) jeħtieġ li, għall-finijiet tal-konsultazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet u ta’ dan il-pubbliku dwar abbozz ta’ pjan jew ta’ programm partikolari, it-terminu effettivament stabbilit ikun biżżejjed u jippermetti għalhekk li lil dawn tal-aħħar tingħata possibbiltà reali li jesprimu l-opinjoni tagħhom fil-ħin fuq dan l-abbozz ta’ pjan jew ta’ programm kif ukoll fuq ir-rapport dwar l-effetti ambjentali ta’ dan il-pjan jew programm.
Fuq l-ispejjeż
51 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/42 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, ma jirrikjedix li awtorità ta’ konsultazzjoni oħra fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tinħoloq jew tiġi nnominata, sakemm, fi ħdan l-awtorità normalment inkarigata li twettaq konsultazzjoni fil-qasam ambjentali u nnominata bħala tali, separazzjoni funzjonali tiġi organizzata b’tali mod li entità amministrattiva, interna tagħha, ikollha awtonomija reali, li jimplika b’mod partikolari li hija għandha mezzi amministrattivi u umani tagħha stess, u għalhekk hija fil-pożizzjoni li tissodisfa l-missjonijiet mogħtija lill-awtoritajiet ta’ konsultazzjoni fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(3) u, b’mod partikolari, li tagħti b’mod oġġettiv l-opinjoni tagħha dwar il-pjan jew programm previst mill-awtorità li magħha hija marbuta.
2) L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li t-termini, li fihom l-awtoritajiet innominati u l-pubbliku milqut jew li x’aktarx ikun milqut fis-sens tal-Artikolu 6(3) u (4) għandhom ikunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq abbozz ta’ pjan jew ta’ programm partikolari kif ukoll fuq ir-rapport dwar l-effetti ambjentali, jiġu stabbiliti b’mod preċiż fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li titrasponi din id-direttiva, u, konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 6(2) ma jipprekludix li tali termini jiġu stabbiliti każ b’każ mill-awtorità li tipprepara l-pjan jew programm. Madankollu, f’din l-aħħar sitwazzjoni, dan l-istess Artikolu 6(2) jeħtieġ li, għall-finijiet tal-konsultazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet u ta’ dan il-pubbliku dwar abbozz ta’ pjan jew ta’ programm partikolari, it-terminu effettivament stabbilit ikun biżżejjed u jippermetti għalhekk li lil dawn tal-aħħar tingħata possibbiltà reali li jesprimu l-opinjoni tagħhom fil-ħin fuq dan l-abbozz ta’ pjan jew ta’ programm kif ukoll fuq ir-rapport dwar l-effetti ambjentali ta’ dan il-pjan jew programm.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.