SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ April 2012 ( *1 )

“Direttiva 93/13/KEE — Artikolu 3(1) u (3) — Artikoli 6 u 7 — Kuntratti mal-konsumaturi — Klawżoli inġusti — Emenda unilaterali tat-termini tal-kuntratt mill-bejjiegħ jew fornitur — Azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mibdija fl-interess pubbliku, f’isem il-konsumaturi, minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola — Effetti legali”

Fil-Kawża C-472/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Pest Megyei Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Settembru 2010, fil-proċedura

Nemzeti Fogyasztóvédelmi Hatóság

vs

Invitel Távközlési Zrt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), A. Borg Barthet, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, K. Szíjjártó u Z. Tóth, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1) u (3), u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), kif ukoll tal-punti 1(j) u 2(d) tal-Anness ta’ din id-direttiva.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ interess pubbliku mressqa min-Nemzeti Fogyasztóvédelmi Hatóság (Uffiċċju Nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumaturi, iktar ’il quddiem in-“NFH”) kontra l-impriża Invitel Távközlési Zrt (iktar ’il quddiem “Invitel”), dwar l-użu, minn din tal-aħħar, ta’ klawżoli allegatament inġusti fil-kuntratti tagħha konklużi ma’ xi konsumaturi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-għoxrin premessa tad-Direttiva tistipula:

“Billi l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha [...]”.

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva:

“[...]

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji [...] m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

[...]

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

6

Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

7

L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. [...]”

8

L-Artikolu 6 tad-Direttiva jistipula:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.

[…]”

9

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

3.   Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil-paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili.”

10

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

11

L-Anness ta’ din id-direttiva jelenka l-klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3) tagħha:

“1.   Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

[...]

j)

jawtorizzaw lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jibdel il-klawżoli ta’ kuntratt minn naħa waħda biss mingħajr raġuni valida li tkun speċifikata fil-kuntratt;

[...]

l)

jipprovdu biex il-prezz tal-merkanzija jiġi stabbilit fil-ħin tal-provvista jew jippermettu lil bejjiegħ ta’ merkanzija jew lil fornitur ta’ servizzi jżid il-prezz tagħhom mingħajr ma’ jagħti lill-konsumatur fiż-żewġ każi d-dritt korrispondenti li jikkanċella l-kuntratt jekk l-aħħar prezz ikun għoli wisq f’relazzjoni mal-prezz miftiehem meta l-kuntratt ikun ġie konkluż;

[...]

2.   L-ambitu tas-subparagrafi (g), (j) u (l)

[...]

b)

[...]

Is-subparagrafu (j) huwa [...] mingħajr xkiel għal klawżoli li taħthom bejjiegħ jew fornitur jirriserva d-dritt li jbiddel minn naħa l-waħda l-kondizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ żmien mhux stabilit, sakemm dan ikun meħtieġ jinforma lill-konsumatur b’avviż xieraq u l-konsumatur ikun ħieles li jxolji l-kuntratt.

[...]

d)

Is-subparagrafu (1) huwa mingħajr xkiel għal klawsoli ta’l-indiċjar tal-prezzijiet, fejn legali, sakemm il-metodu li bih ivarjaw il-prezzijiet jiġi deskritt b’mod espliċitu.”

Il-liġi nazzjonali

12

L-Artikolu 209 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“1.   Klawżola kuntrattwali ġenerali, jew klawżola kuntrattwali li ma hijiex innegozjata b’mod individwali, ta’ kuntratt ta’ konsum, hija inġusta jekk, bi ksur tal-eżiġenzi ta’ bona fide u ta’ ekwità, tiddetermina, b’mod unilaterali u mingħajr ġustifikazzjoni, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt b’mod li tiżvantaġġja lill-parti kontraenti ma’ dak li jimponi l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni.

[...]”

13

Skont l-Artikolu 209/A tal-Kodiċi Ċivili:

“1.   Il-parti leża tista’ tikkontesta l-klawżoli inġusti li jkunu jinsabu fil-kuntratt bħala kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali.

2.   Il-klawżoli inġusti li jkunu jinsabu f’kuntratti ta’ konsum bħala kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali jew li l-bejjiegħ jew fornitur ikun ifformula b’mod unilaterali, minn qabel u mingħajr negozjar individwali, huma nulli. In-nullità tista’ biss tiġi invokata fl-interess tal-konsumatur.”

14

L-Artikolu 209/B tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“1.   Id-dikjarazzjoni tan-nullità ta’ klawżola inġusta li tkun tinsab f’kuntratt ta’ konsum bħala kundizzjoni ġenerali kuntrattwali, prevista fl-Artikolu 209/A(2) tal-istess kodiċi, tista’ wkoll tintalab lill-qorti minn organu nnominat minn leġiżlazzjoni speċifika. Id-dikjarazzjoni tan-nullità inġusta magħmula mill-qorti tkun tgħodd fir-rigward ta’ kull parti li tkun ikkonkludiet kuntratt ma’ bejjiegħ jew fornitur li juża l-imsemmija klawżola.

2.   L-organu nnominat minn leġiżlazzjoni speċifika jista’ wkoll jitlob id-dikjarazzjoni tan-nullità ta’ kull kundizzjoni ġenerali kuntrattwali li tkun ġiet imfassla sabiex jiġu konklużi kuntratti ma’ konsumaturi u li tkun ġiet ippubblikata, minkejja li din tkun għadha ma ntużatx.

3.   Jekk il-qorti tikkonstata, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 2, li l-kundizzjoni ġenerali kontenzjuża hija inġusta, hija għandha tiddikjaraha nulla f’każ ta’ użu (futur), b’effett fir-rigward ta’ kull parti li tikkonkludi kuntratt ma’ kwalunkwe bejjiegħ jew fornitur li jkun adotta l-klawżola b’mod pubbliku. Kull persuna li tuża l-klawżola kuntrattwali inġusta għandha tissodisfa t-talbiet ifformulati mill-konsumatur abbażi tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ġudizzjarja għandha tipprojbixxi l-użu tal-kundizzjoni ġenerali kuntrattwali inġusta lil kull persuna li tkun adottata b’mod pubbliku.

[...]”

15

Skont l-Artikolu 39 tal-Liġi Nru CLV tal-1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi:

“1.   L-awtorità tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-korp soċjali responsabbli mir-rappreżentazzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, jew il-prosekutur pubbliku jistgħu jagħtu bidu, kontra kull persuna li l-attività tagħha, li hija kontra l-liġi, tkun tikkonċerna numru kbir ta’ konsumaturi jew tkun tikkawża dannu importanti, għal azzjoni għad-difiża tal-konsumaturi kollha kkonċernati jew sabiex l-imsemmi dannu jiġi kkumpensat. Din l-azzjoni tista’ tinbeda anki meta l-identità tal-konsumaturi leżi ma tkunx tista’ tiġi stabbilita.

[...]”

16

Skont l-Artikolu 132 tal-Liġi Nru C tal-2003 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi:

“1.   Ir-regoli dwar il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ abbonament għandhom japplikaw għall-emenda ta’ kull kuntratt ta’ abbonament. Il-kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali jistgħu jippermettu li l-emenda ta’ kull kuntratt ta’ abbonament titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.

2.   Il-fornitur ta’ servizz jista’ jemenda l-kuntratti ta’ abbonament fil-każijiet li ġejjin biss:

a)

f’każ li jiġu sodisfati l-kundizzjonijiet previsti minn kull kuntratt ta’ abbonament jew fil-kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali, suġġett għall-kundizzjoni li l-emenda ma tkun timplika ebda emenda sostanzjali fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt, sa fejn il-leġiżlazzjoni jew ir-regoli dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi ma jipprovdux mod ieħor;

b)

jekk dan ikun iġġustifikat minn emenda tal-liġi jew ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet,

jew

c)

jekk dan ikun iġġustifikat minn bidla sostanzjali fiċ-ċirkustanzi.

3.   Bidla fir-rigward tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika mis-servizz jew fir-rigward tal-indikaturi li jikkorrispondu għal għan ta’ kwalità tikkostitwixxi emenda sostanzjali.

4.   Jekk il-fornitur ta’ servizz ikun awtorizzat jemenda, b’mod unilaterali, il-kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali fil-każijiet speċifikati minn dawk il-kundizzjonijiet, huwa obbligat li jinforma lill-abbonati b’dan, skont il-kundizzjonijiet previsti b’din il-liġi, u għandu jagħti avviż bil-quddiem ta’ minn tal-inqas tletin jum mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmija emenda; il-fornitur huwa obbligat ukoll li jinforma lill-abbonati bil-kundizzjonijiet applikabbli għall-fakultà tagħhom li jxolju l-kuntratt, li tirriżulta minn dan il-fatt. F’tali każ, l-abbonat jibbenefika mid-dritt li jxolji l-kuntratt b’effett immedjat fi żmien tmint ijiem minn meta tintbagħat in-notifika tal-emenda.

5.   Meta l-emenda tkun tinkludi stipulazzjonijiet sfavorevoli għall-abbonat, dan tal-aħħar jibbenefika mid-dritt li jxolji l-kuntratt ta’ abbonament, mingħajr konsegwenzi legali oħra, fi żmien ħmistax-il jum mill-imsemmija notifika. Madankollu, l-abbonat ma jistax ixolji l-kuntratt jekk huwa jkun intrabat li jibbenefika mis-servizz għal żmien determinat, sa fejn huwa jkun ikkonkluda l-kuntratt b’kunsiderazzjoni tal-vantaġġi li jirriżultaw minnu u jekk l-emenda ma taffettwax il-vantaġġi miksuba. Meta l-emenda jkollha effett fuq il-vantaġġi miksuba u fejn l-abbonat ixolji l-kuntratt ta’ abbonament, il-fornitur tas-servizz ma jkunx jista’ jitlob lill-abbonat sabiex iħallsu għall-ammont tal-vantaġġ relattiv għall-perijodu ta’ wara x-xoljiment tal-kuntratt.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

In-NFH jikkontesta, fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ interess pubbliku, il-prattika ta’ Invitel li teżiġi, fil-kuntest ta’ kuntratti għal żmien determinat imsejħa “kuntratti ta’ lealtà” u wara l-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti, li l-konsumatur iħallas xi spejjeż li inizjalment ma kinux ġew maqbula bejn il-partijiet.

18

Kif jirriżulta mill-proċess, fil-kwalità tagħha ta’ operatur tat-telefonija fissa, Invitel introduċiet fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti (iktar ’il quddiem il-“KĠ”), bi dħul fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2008, klawżola li tipprevedi “spejjeż tal-ordni”, jiġifieri spejjeż applikati f’każ ta’ ħlas tal-kontijiet permezz ta’ ordni ta’ flus postali (money order). Skont l-imsemmija klawżoli, “jekk l-abbonat iħallas il-kont tiegħu permezz ta’ ordni ta’ flus postali, il-fornitur tas-servizz għandu d-dritt jiffattura l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn dan il-mezz ta’ ħlas (bħalma huma l-ispejjeż postali)”. Barra minn hekk, il-KĠ ma jinkludu ebda dispożizzjoni li tippreċiża l-mod tal-kalkolu tal-ispejjeż tal-ordni.

19

Tressaq numru kbir ta’ lmenti ta’ konsumaturi quddiem in-NFH, li abbażi tagħhom huwa qies li l-klawżola li tinsab fil-KĠ msemmija fil-punt ta’ qabel dan kienet inġusta fis-sens tal-Artikolu 209 tal-Kodiċi Ċivili. Billi Invitel irrifjutat li temenda din il-klawżola, in-NFH ressaq azzjoni quddiem il-Pest Megyei Bíróság sabiex jikseb dikjarazzjoni tan-nullità tal-klawżola kkontestata bħala klawżola inġusta kif ukoll ir-rimbors awtomatiku u retroattiv tal-abbonati fir-rigward tas-somom miġbura indebitament u ffatturati bħala “spejjeż tal-ordni”. Madankollu, din il-qorti qieset li s-soluzzjoni tal-kawża kienet tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Pest Megyei Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [...] jista’ jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali inġusta ma torbot lil ebda konsumatur meta korp stabbilit b’liġi u debitament awtorizzat jitlob f’isem il-konsumaturi, fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ interess pubbliku (popularis actio), li tiġi kkonstatata n-nullità tal-imsemmija klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt ta’ konsum?

Meta tkun inbdiet azzjoni ta’ interess pubbliku li tkun intiża għall-kundanna favur il-konsumaturi li ma humiex partijiet fil-kawża jew ta’ projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjoni ġenerali kuntrattwali inġusta, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [...] jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmija klawżola inġusta li tinsab f’kuntratti ta’ konsum ma torbot la lil ebda konsumatur ikkonċernat u lanqas lill-ebda konsumatur ieħor fil-ġejjieni, b’tali mod li l-qorti hija obbligata tapplika ex officio l-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn dan?

2)

Fid-dawl tal-punti 1(j) u 2(d) tal-Anness tad-Direttiva, applikabbli skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [...], l-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva jista’ jiġi interpretat fis-sens li, meta bejjiegħ jew fornitur jipprovdi emenda unilaterali tal-kundizzjonijiet kuntrattwali mingħajr ma jiddeskrivi b’mod ċar il-metodu ta’ varjazzjoni tal-prezz u mingħajr ma jispeċifika raġunijiet validi fil-kuntratt, l-imsemmija klawżola hija ipso iure inġusta[?]”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

21

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk fid-dawl tal-punti 1(j) u 2(d) tal-Anness tad-Direttiva, l-Artikolu 3(1) u (3) tagħha għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta bejjiegħ jew fornitur, fi klawżola li tinsab fil-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum, jipprevedi emenda unilaterali tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut, mingħajr madankollu ma jiddeskrivi b’mod ċar il-mod tal-iffissar tal-imsemmija spejjeż u mingħajr ma lanqas jispeċifika ebda raġuni valida għal din l-emenda, l-imsemmija klawżola tkun inġusta.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta” msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva u fl-Anness tagħha, u tirrigwarda wkoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, fid-dawl tal-fatt li hija l-imsemmija qorti li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont ċirkustanzi proprji għall-każ ineżami (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C-137/08, Ġabra p. I-10847, punt 44). Minn dan jirriżulta li, fir-risposta tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet li din tal-aħħar għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa n-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata.

23

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas mal-adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew il-merkanzija li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, sa fejn dawn il-klawżoli jkunu redatti f’lingwaġġ ċar u li jinftiehem. Madankollu, din l-esklużjoni ma tistax tapplika għal klawżola li tirrigwarda mekkaniżmu ta’ emenda tal-ispejjeż ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti lill-konsumatur.

24

Fir-rigward ta’ klawżola kuntrattwali li tipprevedi emenda għall-ispiża totali tas-servizz li għandu jiġi pprovdut lill-konsumatur, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-punti 1(j) u (l), kif ukoll 2(b) u (d) tal-Anness tad-Direttiva, għandha b’mod partikolari tiġi esposta l-motivazzjoni jew il-mod ta’ varjazzjoni tal-imsemmija spiża, u l-konsumatur għandu d-dritt li jtemm il-kuntratt.

25

L-imsemmi anness, li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jagħmel riferiment għalih, fih biss lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C-243/08, Ġabra p. I-4713, punti 37 u 38; VB Pénzügyi Lízing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C-76/10, Ġabra p. I-11557, punti 56 u 58).

26

Għalkemm il-kontenut tal-anness inkwistjoni ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi awtomatikament u fih innifsu n-natura inġusta ta’ klawżola kontenzjuża, madankollu huwa jikkostitwixxi element essenzjali li fuqu l-qorti kompetenti tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola. F’dan il-każ, il-qari tad-dispożizzjonijiet tal-Anness tad-Direttiva, imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, jippermetti li jiġi kkonstatat li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija rilevanti, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk ir-raġunijiet jew il-mod tal-varjazzjoni tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut kinux speċifikati u jekk il-konsumaturi kellhomx dritt li jtemmu l-kuntratt.

27

Barra minn hekk, minn naħa, kif jirriżulta mill-għoxrin premessa tal-imsemmija direttiva, il-konsumatur għandu effettivament ikollu l-opportunità li jsir jaf bil-klawżoli kollha li jinsabu fil-KĠ u bil-konsegwenzi tal-imsemmija klawżoli. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li l-klawżoli jkunu redatti f’lingwaġġ ċar u li jinftiehem huwa stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva.

28

Konsegwentement, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura “inġusta” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, għandha importanza essenzjali l-possibbiltà għall-konsumatur li, abbażi ta’ kriterji li jinftiehmu u ċari, jipprevedi l-emendi, magħmula mill-bejjiegħ jew fornitur, tal-KĠ f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut.

29

Meta ċerti aspetti tal-mod ta’ varjazzjoni tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut ikunu speċifikati mid-dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva, jew meta l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprevedu d-dritt għall-konsumatur li jtemm il-kuntratt, huwa essenzjali li l-imsemmi konsumatur ikun infurmat dwar dawn id-dispożizzjonijiet mill-bejjiegħ jew fornitur.

30

Hija l-qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi dwar l-azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, mibdija fl-interess pubbliku f’isem il-konsumaturi minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tevalwa, fir-rigward tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva, in-natura inġusta ta’ klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-imsemmija qorti jkollha tivverifika b’mod partikolari jekk, fid-dawl tal-klawżoli kollha li jinsabu fil-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum li minnhom tagħmel parti l-klawżola kontenzjuża, kif ukoll fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi d-drittijiet u l-obbligi li jistgħu jiżdiedu ma’ dawk previsti mill-KĠ inkwistjoni, ir-raġunijiet jew il-mod ta’ varjazzjoni tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut humiex speċifikati b’mod ċar u li jinftiehem u, jekk ikun il-każ, jekk il-konsumaturi għandhomx dritt li jtemmu l-kuntratt.

31

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li hija l-qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi dwar l-azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, mibdija fl-interess pubbliku u f’isem il-konsumaturi minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tevalwa, fir-rigward tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva, in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum li permezz tagħha bejjiegħ jew fornitur jipprevedi emenda unilaterali tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut, mingħajr madankollu ma jiddeskrivi b’mod ċar il-mod tal-iffissar tal-imsemmija spejjeż u lanqas ma jispeċifika raġuni valida għal din l-emenda. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-imsemmija qorti jkollha tivverifika b’mod partikolari jekk, fid-dawl tal-klawżoli kollha li jinsabu fil-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum li minnhom tagħmel parti l-klawżola kontenzjuża, kif ukoll fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi d-drittijiet u l-obbligi li jistgħu jiżdiedu ma’ dawk previsti mill-KĠ inkwistjoni, ir-raġunijiet jew il-mod ta’ varjazzjoni tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut humiex speċifikati b’mod ċar u li jinftiehem u, jekk ikun il-każ, jekk il-konsumaturi għandhomx dritt li jtemmu l-kuntratt.

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola inġusta li tagħmel parti mill-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, imressqa kontra bejjiegħ jew fornitur fl-interess pubbliku u f’isem il-konsumaturi minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, toħloq, skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, effetti fir-rigward tal-konsumaturi kollha li jkunu kkonkludew kuntratt li għalih japplikaw l-istess KĠ, inkluż fir-rigward ta’ dawk li ma kinux parti fil-proċedura għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, u min-naħa l-oħra, jekk il-qrati nazzjonali għandhomx, anki fil-futur, jisiltu minnha ex officio l-konsegwenzi kollha previsti bil-liġi nazzjonali.

33

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti ta’ din id-domanda, għandu qabelxejn jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi għall-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C-453/10, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fir-rigward tal-azzjonijiet li jinvolvu konsumatur individwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl ta’ sitwazzjoni ta’ inferjorità bħal din, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jipprevedu li l-klawżoli inġusti “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur”. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tissostitwixxi l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’ekwilibriju reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenza Pereničová u Perenič, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dak li jikkonċerna azzjonijiet għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni fl-interess pubbliku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-Direttiva ma għandhiex l-għan li tarmonizza s-sanzjonijiet applikabbli fl-ipoteżi ta’ rikonoxximent tan-natura inġusta ta’ klawżola fil-kuntest tal-imsemmija azzjonijiet, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva madankollu jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi.

36

Kif jirriżulta mill-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, il-mezzi msemmija iktar ’il fuq jinkludu l-possibbiltà, għal persuni jew organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi, li jressqu azzjoni quddiem il-qrati sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżoli redatti bl-għan li jintużaw b’mod ġenerali humiex ta’ natura inġusta u, jekk ikun il-każ, sabiex jiksbu l-projbizzjoni tagħhom (ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-372/99, Ġabra p. I-819, punt 14).

37

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li n-natura preventiva u l-għan dissważiv tal-azzjonijiet għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, kif ukoll l-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ kull diżgwit individwali konkret, jimplikaw li tali azzjonijiet jistgħu jiġu eżerċitati minkejja li l-klawżoli li tintalab il-projbizzjoni tagħhom ma jkunux intużaw f’kuntratti speċifiċi (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

38

L-implementazzjoni effettiva tal-imsemmi għan teħtieġ, kif essenzjalment irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-klawżoli tal-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum iddikjarati li huma inġusti fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressqa kontra l-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la jorbtu lill-konsumaturi li huma parti fil-proċedura għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni u lanqas lil dawk li kkonkludew, ma’ dan il-bejjiegħ jew fornitur, kuntratt li għalih japplikaw l-istess KĠ.

39

Fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li d-dikjarazzjoni, minn qorti, tan-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab fil-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum tapplika fir-rigward ta’ kull konsumatur li kkonkluda kuntratt ma’ bejjiegħ jew fornitur li juża din il-klawżola. Kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess fil-kawża prinċipali, l-għan tal-kawża jikkonċerna l-użu, min-naħa tal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, tal-kundizzjonijiet ġenerali li jinkludu l-klawżola kkontestata f’kuntratti ma’ għadd ta’ konsumaturi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 61 tal-konklużjonijiet tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija f’dan il-każ tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva.

40

Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta fir-rigward tal-konsumaturi kollha li kkonkludew kuntratt ta’ konsum li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess KĠ tiggarantixxi li dawn il-konsumaturi ma jkunux marbuta bl-imsemmija klawżola, mingħajr madankollu ma teskludi tipi oħra ta’ sanzjonijiet adegwati u effettivi previsti bil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

41

Għal dak li jikkonċerna lit-tieni parti tal-ewwel domanda dwar il-konsegwenzi li l-qrati nazzjonali għandhom jisiltu, fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tagħmel parti mill-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum, għandu qabelxejn jitfakkar li l-fakultà, għall-qorti nazzjonali, li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C-168/05, Ġabra p. I-10421, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). In-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva tiżgura lill-konsumaturi joffru ġustifikazzjoni, barra minn hekk, għall-fatt li l-imsemmija qorti jkollha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (ara s-sentenza Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

42

Il-qrati nazzjonali li jikkonstataw in-natura inġusta ta’ klawżola tal-KĠ għandhom, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, jisiltu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnha skont il-liġi nazzjonali, u dan sabiex il-konsumaturi ma jkunux marbuta bl-imsemmija klawżola (ara s-sentenza Pereničová u Perenič, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Minn dan jirriżulta li, meta n-natura inġusta ta’ klawżola li tagħmel parti mill-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum tkun ġiet irrikonoxxuta fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qrati nazzjonali għandhom, anki fil-futur, jisiltu minnha ex officio l-konsegwenzi kollha li huma previsti bil-liġi nazzjonali, sabiex l-imsemmija klawżola ma tkunx torbot lill-konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratt li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess KĠ.

44

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola inġusta li tagħmel parti mill-KĠ tal-kuntratti ta’ konsum fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, imressqa kontra bejjiegħ jew fornitur fl-interess pubbliku u f’isem il-konsumaturi minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali toħloq, skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, effetti fir-rigward tal-konsumaturi kollha li jkunu kkonkludew, mal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, kuntratt li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess KĠ, inkluż fir-rigward tal-konsumaturi li ma kinux parti fil-proċedura għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni;

meta n-natura inġusta ta’ klawżola tal-KĠ tkun ġiet irrikonoxxuta fil-kuntest ta’ tali proċedura, il-qrati nazzjonali għandhom, anki fil-futur, jisiltu minnha ex officio l-konsegwenzi kollha li huma previsti bil-liġi nazzjonali, sabiex l-imsemmija klawżola ma tkunx torbot lill-konsumaturi li jkunu kkonkludew, mal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, kuntratt li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess KĠ.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Hija l-qorti tar-rinviju li tkun qed tiddeċiedi dwar l-azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, mibdija fl-interess pubbliku u f’isem il-konsumaturi minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tevalwa, fir-rigward tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ konsum li permezz tagħha bejjiegħ jew fornitur jipprevedi emenda unilaterali tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut, mingħajr madankollu ma jiddeskrivi b’mod ċar il-mod tal-iffissar tal-imsemmija spejjeż u lanqas ma jispeċifika raġuni valida għal din l-emenda. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-imsemmija qorti jkollha tivverifika b’mod partikolari jekk, fid-dawl tal-klawżoli kollha li jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ konsum li minnhom tagħmel parti l-klawżola kontenzjuża, kif ukoll fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi d-drittijiet u l-obbligi li jistgħu jiżdiedu ma’ dawk previsti mill-kundizzjonijiet ġenerali inkwistjoni, ir-raġunijiet jew il-mod ta’ varjazzjoni tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut humiex speċifikati b’mod ċar u li jinftiehem u, jekk ikun il-każ, jekk il-konsumaturi għandhomx dritt li jtemmu l-kuntratt.

 

2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola inġusta li tagħmel parti mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ konsum fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, imressqa kontra bejjiegħ jew fornitur fl-interess pubbliku u f’isem il-konsumaturi minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, toħloq, skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, effetti fir-rigward tal-konsumaturi kollha li jkunu kkonkludew, mal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, kuntratt li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess kundizzjonijiet ġenerali, inkluż fir-rigward tal-konsumaturi li ma kinux parti fil-proċedura għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni;

meta n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kundizzjonijiet ġenerali tkun ġiet irrikonoxxuta fil-kuntest ta’ tali proċedura, il-qrati nazzjonali għandhom, anki fil-futur, jisiltu minnha ex officio l-konsegwenzi kollha li huma previsti bil-liġi nazzjonali, sabiex l-imsemmija klawżola ma tkunx torbot lill-konsumaturi li jkunu kkonkludew, mal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, kuntratt li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess kundizzjonijiet ġenerali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.