SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

1 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Direttivi 91/439/KEE u 2006/126/KE — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Rifjut ta’ Stat Membru li jirrikonoxxi, fir-rigward ta’ persuna li skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat ma għandhiex kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan, il-validità ta’ liċenzja tas sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C-467/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Gießen (il-Ġermanja) permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Settembru 2010, fil-proċeduri kriminali kontra

Baris Akyüz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas (Relatur), A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Akyüz, minn J. Häller, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(1) u 11(4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU L 403, p. 18).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra B. Akyüz, ċittadin Ġermaniż, peress li fil-5 ta’ Diċembru 2008 u fl-1 ta’ Marzu 2009, saq vetturi bil-mutur fit-territorju Ġermaniż mingħajr ma kellu liċenzja tas-sewqan meħtieġa għal dan il-għan.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

Id-Direttiva 91/439

3

L-ewwel premessa tad-Direttiva 91/439 tipprovdi:

“Billi, għall-għan tal-politika komuni tat-trasport, u bħala kontribuzzjoni sabiex titjieb is-sigurtà tat-traffiku fit-toroq, kif ukoll sabiex jeħfief il-moviment tan-nies li jmorru joqogħdu fi Stat Membru ieħor għajr dak li fih ikunu għaddew minn test tas-sewqan, jixraq illi għandu jkun hemm mudell Komunitarju tal-liċenzja tas-sewqan nazzjonali li tkun rikonoxxuta reċiprokament mill-Istati Membri mingħajr l-ebda obbligu li jiġu mibdula l-liċenzji”.

4

Skont ir-raba’ premessa tad-Direttiva 91/439, huwa neċessarju sabiex jiġu indirizzati obbligi ta’ sigurtà fit-triq, li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan.

5

Skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, “[i]l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu rrikonoxxuti reċiprokament”.

6

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 91/439, jipprovdi li:

“1.   Il-liċenzji tas-sewqan għandhom, barra minn hekk, jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:

(a)

li jkunu għaddew mit-test tal-ħiliet u l-imġiba u test tat-teorija u li jilħqu l-istandards mediċi, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi II u III;

(b)

li għandhom ir-residenza normali tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, jew jistgħu jipproduċu xhieda illi kienu ilhom jistudjaw fih għal mill-inqas sitt xhur.”

7

L-Artikolu 8(2) u (4) tal-istess direttiva jipprevedi:

“2.   Bla ħsara għat-tħaris tal-prinċipju tat-territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, l-Istati Membri tar-residenza normali jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan fuq il-possessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u, jekk meħtieġ, jibdlu l-liċenzja b’dan il-għan.

[…]

4.   Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lill-persuna li tkun, fit-territorju ta’ l-Istat ta’ qabel, bla ħsara għal waħda mill-miżuri riferiti fil-paragrafu 2.

Stat Membru jista’ l-istess jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkun bla ħsara għal din il-miżura fi Stat Membru ieħor.”

Id-Direttiva 2006/126

8

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 “[I]l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku”.

9

L-Artikolu 7(1) u (5) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Il-liċenzji tas-sewqan għandhom jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:

a)

li jkunu għaddew minn test ta’ ħila u ta’ komportament u minn test teoriku u li jissodisfaw l-istandards mediċi, skond il-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi II u III;

[…]

e)

li jkollhom ir-residenza normali tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, jew li jkunu jistgħu jipproduċu prova li kienu ilhom jistudjaw hemmhekk għal mill-inqas sitt xhur.

[…]

5.   […]

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2, Stat Membru li joħroġ liċenzja għandu japplika d-diliġenza dovuta sabiex jiżgura li l-persuna tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar il-kanċellament jew l-irtirar tad-dritt tas-sewqan jekk jiġi stabbilit li liċenzja ġiet maħruġa mingħajr ma ġew sodisfatti r-rekwiżiti.”

10

L-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 huwa fformulat kif ġej:

“Stat Membru għandu jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ristretta, sospiża jew irtirata fi Stat Membru ieħor.

Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ġiet ristretta, sospiża jew irtirata fit-territorju ta’ l-Istat preċedenti.

Stat Membru jista’ wkoll jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu kanċellata fi Stat Membru ieħor.”

11

L-Artikolu 16(1) u (2) tad-direttiva msemmija jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux aktar tard minn 19 ta’ Januar 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), (2), (3) u (4)(b) sa (k), l-Artikolu 6(1), (2)(a), (ċ), (d) u (e), l-Artikolu 7(1)(b), (ċ) u (d), (2), (3) u (5), l-Artikolu 8, l-Artikolu 10, l-Artikolu 13, l-Artikolu 14, l-Artikolu 15, u l-Annessi I, punt 2, II, punt 5.2 dwar il-Kategoriji A1, A2 u A, IV, V u VI. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjoniet.

2.   Huma għadhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn 19 ta’ Januar 2013.”

12

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

“Id-Direttiva 91/439/KEE hija b’dan imħassra b’effett minn 19 ta’ Januar 2013, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-iskadenzi indikati fil-Parti B ta’ l-Anness VII għat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva fil-liġi nazzjonali.”

13

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/126 jaqra kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(2)(b), l-Artikolu 7(1)(a), l-Artikolu 9, l-Artikolu 11(1), (3), (4), (5) u (6), l-Artikolu 12 u l-Annessi I, II u III għandhom japplikaw minn 19 ta’ Januar 2009.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14

L-Artikolu 28(1), (4) u (5) tal-liġi dwar l-aċċess tal-persuni għat-traffiku fit-toroq (liġi dwar il-liċenzja tas-sewqan) [Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straßenverkehr (Fahrerlaubnis-Verordnung)], tat-18 ta’ Awwissu 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2214), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal-15 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem il-“FeV”), huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Il-pussessuri ta’ liċenzja tas-sewqan valida tal-[Unjoni Ewropea] jew taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] li jkollhom ir-residenza normali tagħhom fis-sens tal-Artikolu 7(1) jew (2), fil-Ġermanja huma awtorizzati — mingħajr ħsara għar-restrizzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 4 — isuqu vetturi f’dan il-pajjiż fil-limiti tad-drittijiet tagħhom. Il-kundizzjonijiet marbuta mal-liċenzji tas-sewqan barranin huma osservati wkoll fil-Ġermanja. Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi japplikaw għal dawn il-liċenzji tas-sewqan.

[…]

(4)   L-awtorizzazzjoni prevista fil-paragrafu 1 ma tapplikax għall-pussessuri ta’ liċenzja tas-sewqan tal-[Unjoni] jew taż-ŻEE,

1.

li l-liċenzja tagħhom tkun ġiet stabbilita fuq bażi provviżorja, kemm jekk għal tagħlim jew għal xi raġuni oħra,

2.

li fil-mument tal-ħruġ tagħha, kienu normalment residenti fil-Ġermanja, sakemm ma jkunux kisbu l-liċenzja bħala studenti fis-sens tal-Artikolu 7(2), matul żjara ta’ mill-inqas sitt xhur,

3.

meta l-liċenzja tas-sewqan tagħhom tkun ġiet suġġetta, fil-Ġermanja, għal miżura ta’ rtirar provviżorju jew definittiv minn qorti, jew għal miżura ta’ rtirar immedjatament eżegwibbli jew definittiva ta’ awtorità amministrattiva, li fir-rigward tagħhom il-liċenzja tas-sewqan tkun ġiet miċħuda b’deċiżjoni definittiva jew li fir-rigward tagħhom il-liċenzja tas-sewqan ma tkunx ġiet irtirata biss minħabba li fil-frattemp dawn ikunu rrinunzjaw għaliha,

4.

li minħabba deċiżjoni tal-qorti li tkun saret finali l-ebda liċenzja tas-sewqan ma għandha tinħareġ jew

5.

sakemm dawn l-persuni huma suġġetti Fil-Ġermanja, fl-Istat tal-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan jew fl-Istat li fih ikollhom ir-residenza normali tagħhom, għal projbizzjoni mis-sewqan jew li l-liċenzja tas-sewqan tkun ġiet ikkonfiskata, miżmuma jew issekwestrata skont l-Artikolu 94 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ġermaniż.

(5)   Id-dritt li jsir użu fil-Ġermanja ta’ liċenzja tas-sewqan tal-[Unjoni] jew taż-ŻEE wara deċiżjoni minn dawk imsemmija fil-punti 3 u 4 tal-paragrafu 4, jingħata fuq talba, meta ma jkunx għad hemm ir-raġunijiet li jkunu ġġustifikaw l-irtirar jew il-projbizzjoni milli ssir talba għad-dritt tas-sewqan. L-Artikolu 20(1)u (3) tal-[FeV] għandhom japplikaw b’analoġija.”

15

L-Artikolu 28(1), (4) u (5) tal-FeV fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-liġi tas-7 ta’ Jannar 2009 (BGBl. 2009 I, p. 29), għandu bħala għan li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126. Dawn il-paragrafi (4) u (5) issa huma fformulati kif ġej:

“(4)   L-awtorizzazzjoni prevista fil-paragrafu 1 ma tapplikax għall-pussessuri ta’ liċenzja tas-sewqan tal-[Unjoni] jew taż-ŻEE,

[…]

2.

li, skont l-informazzjoni li tinsab fuq il-liċenzja tas-sewqan jew informazzjoni inkontestabbli li toriġina mill-Istat Membru ta’ ħruġ, kellhom fid-data tal-ħruġ tal-imsemmija liċenzja r-residenza normali tagħhom fil-Ġermanja, sakemm ma jkunux kisbu l-liċenzja bħala studenti fis-sens tal-Artikolu 7(2). matul żjara ta’ mill-inqas sitt xhur

3.

li l-liċenzja tas-sewqan tagħhom tkun ġiet suġġetta, fil-Ġermanja, għal miżura ta’ rtirar provviżorju jew definittiv minn qorti, jew għal miżura ta’ rtirar immedjatament eżegwibbli jew definittiva ta’ awtorità amministrattiva, li fir-rigward tagħhom il-liċenzja tas-sewqan tkun ġiet miċħuda b’deċiżjoni definittiva jew li fir-rigward tagħhom il-liċenzja tas-sewqan ma tkunx ġiet irtirata biss minħabba li fil-frattemp dawn ikunu rrinunzjaw għaliha,

[…]

Fil-każ imsemmi fl-ewwel sentenza tal-punti 2 u 3, l-awtorità kompetenti tista’ tadotta att amministrattiv li jikkonstata li r-rikorrent ma għandux dritt li jsuq. Għandha tiġi applikata l-ewwel sentenza tal-punti 3 u 4 biss meta l-miżuri elenkati f’din is-sentenza jiġu rreġistrati fir-reġistru ċentrali tat-traffiku u ma jkunux ġew imħassra skont l-Artikolu 29 tal-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq (Straßenverkehrsgesetz).

(5)   Id-dritt li jsir użu fil-Ġermanja ta’ liċenzja tas-sewqan tal-[Unjoni] jew taż-ŻEE wara deċiżjoni minn dawk imsemmija fil-punti 3 u 4 tal-paragrafu 4, jingħata fuq talba, meta ma jkunx għad hemm ir-raġunijiet li jkunu ġġustifikaw l-irtirar jew il-projbizzjoni milli ssir talba għad-dritt tas-sewqan. It-tielet sentenza tal-paragrafu 4 kif ukoll l-Artikolu 20(1) u (5) japplikaw b’analoġija.”

16

Il-punt 1 tal-Artikolu 21(1) tal-liġi dwar it-trasport bit-triq jipprevedi:

“1)   Jeħel piena ta’ priġunerija ta’ sena bħala massimu jew multa,

1.

kull min isuq mingħajr ma jkollu l-liċenzja tas-sewqan meħtieġa għal dan il-għan

[...]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

17

B. Akyüz, imwieled fl-1989, kellu diversi kundanni kriminali bejn l-2004 u l-2008, b’mod partikolari għal attakk li kkawża feriti, sewqan mingħajr liċenzja, estorsjoni kollettiva organizzata aggravata kif ukoll theddid u insulti.

18

Fl-4 ta’ Marzu 2008, B. Akyüz ippreżenta quddiem il-Landrat tal-Wetteraukreis (il-president ta’ Wetterau, iktar ’il quddiem il-“Landrat”) applikazzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzja għas-sewqan tal-vetturi tal-kategorija B. Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ġunju 2008, il-Landrat issuġġetta dan il-ħruġ għall-produzzjoni ta’ rapport favorevoli ta’ espert mediku psikoloġiku tal-applikant. Dan tal-aħħar issuġġetta ruħu għall-espert kif rikjest. Fir-rapport tiegħu tat- 8 ta’ Settembru 2008, l-espert li eżamina lil B. Akyüz wasal għall-konklużjoni li l-persuna kkonċernata ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kapaċità fiżika u mentali sabiex tkun tista’ ssuq b’sigurtà vettura bil-mutur tal-grupp 1 (kategoriji B, L, M, S) fuq l-awtostrada. Skont dan l-espert, kien hemm indizzji li juru potenzjal għoli ta’ aggressività tal-imsemmi applikant.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008, li saret finali, il-Landrat ċaħdet it-talba għall-ħruġ ta’ liċenzja ta-sewqan fuq il-bażi li B. Akyüz ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur b’sigurtà.

20

Fl-24 ta’ Novembru 2008, B. Akyüz kiseb f’Děčin (ir-Repubblika Ċeka) liċenzja tas-sewqan għall-vetturi tal-kategorija B. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ambaxxata Ġermaniża fi Praga, la s-servizz tal-affarijiet barranin kompetenti u lanqas il-pulizija ta’ Děčin ma huma f’pożizzjoni li jistabbilixxu jekk B. Akyüz kienx joqgħod fir-Repubblika Ċeka f’din id-data. Skont is-servizzi tal-posta elettronika ta’ din l-ambaxxata tas-6 ta’ Ottubru 2009, l-imsemmi servizz għandu biss dikjarazzjoni li tkopri l-perijodu mill-1 ta’ Ġunju sal-1 ta’ Diċembru 2009. Il-liċenzja tas-sewqan Ċeka ta’ B. Akyüz inħarġet f’Děčin tat-8 ta’ Ġunju 2009. Skont il-fotokopja ta’ din il-liċenzja, madankollu din kienet inħarġet għall-ewwel darba fl-24 ta’ Novembru 2008.

21

L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonstataw li B. Akyüz saq vetturi fil-Ġermanja fil-5 ta’ Diċembru 2008 u fl-1 ta’ Marzu 2009.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2009, l-Amtsgericht Friedberg, fil-kompożizzjoni tal-kapaċità tagħha bħala Jugendschöffengericht (qorti tal-minorenni), sabet lil B. Akyüz ħati ta’ sewqan mingħajr liċenzja fiż-żewġ każijiet msemmija iktar ’il fuq.

23

B. Akyüz appella minn din is-sentenza quddiem il-Landgericht Gießen.

24

Wara dubji, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi humiex obbligati li jirrikonoxxu l-liċenzja tas-sewqan maħruġa lil B. Akyüz mill-awtoritajiet kompetenti Ċeki, sa fejn dan tal-aħħar ma kellux liċenzja rtirata mill-awtoritajiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżda fejn il-ħruġ ta’ liċenzja ġie rrifjutat biss lill-persuna kkonċernata f’dak l-Istat Membru, il-Landgericht Gießen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:

“a)

L-Artikolu 1(2) moqri flimkien [mal-]Artikolu 8[(2)] u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439 […]

b)

l-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 […]

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

1.

jipprekludu li Stat Membru (Stat Membru ospitanti) jirrifjuta li jirrikonoxxi fit-territorju tiegħu liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor (Stat Membru emittenti) meta qabel il-kisba ta’ din il-liċenzja fl-Istat Membru emittenti ġie rrifjutat ħruġ ta’ tali liċenzja fl-Istat Membru ospitanti peress li l-persuna inkwistjoni ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura b’sigurtà.

2)

fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv: jipprekludu li Stat Membru (Stat Membru ospitanti) jirrifjuta li jirrikonoxxi fit-territorju tiegħu liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor (Stat Membru emittenti) meta qabel il-kisba ta’ din il-liċenzja fl-Istat Membru emittenti ġie rrifjutat ħruġ ta’ tali liċenzja fl-Istat Membru ospitanti peress li l-persuna inkwistjoni ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura b’sigurtà u abbażi tal-informazzjoni fil-liċenzja tas-sewqan infisha, jew ta’ informazzjoni oħra indiskutabbli provenjenti mill-Istat Membru emittenti, jew informazzjoni oħra indiskutabbli, b’mod partikolari, informazzjoni pprovduta mill-proprjetarju tal-liċenzja tas-sewqan innifsu jew informazzjoni oħra mogħtija mill-Istat Membru ospitanti, fil-każ li jiġi stabbilit li hemm ksur tar-residenza skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 91/439 […] jew l-Artikolu 7(1)(e) tad-Direttiva 2006/126[…].

jekk din l-informazzjoni oħra indiskutabbli, b’mod partikolari, informazzjoni pprovduta mill-proprjetarju tal-liċenzja tas-sewqan innifsu jew informazzjoni oħra mogħtija mill-Istat Membru ospitanti ma tkunx biżżejjed: l-informazzjoni tkun tirriżulta wkoll mill-Istat Membru emittenti fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jekk tkun ġiet trażmessa minn dan l-Istat Mmebru, mhux direttament iżda indirettament, f’forma ta’ notifika, ibbażata fuq informazzjoni minn terzi, b’mod partikolari, l-ambaxxata tal-Istat Membru ospitanti fl-Istat Membru emittenti.

3)

jipprekludu li Stat Membru (Stat Membru ospitanti) jirrifjuta li jirrikonoxxi fit-territorju tiegħu liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor (Stat Membru emittenti) meta r-rekwiżiti formali għall-kisba ta’ liċenzja tas-sewqan ġew sodisfatti fl-Istat Membru emittenti, iżda jiġi stabbilit li r-residenza inkwistjoni hija sempliċement intiża għall-kisba tal-imsemmija liċenjza u mhux għal għan ieħor protett mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, l-libertajiet fundamentali tat-TFUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew li huma inklużi fil-Konvenzjoni Ewropea tal-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (turiżmu tal-liċenzja tas-sewqan)?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

25

Preliminarjament, huwa importanti li wieħed jikkonstata li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, minn naħa, tad-Direttiva 91/439 u, min-naħa l-oħra, tad-Direttiva 2006/126 li tabbroga jew tisostitwixxi din id-direttiva.

26

Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat sa liema punt dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali.

27

Skont il-Gvern Ġermaniż, huma biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/439 li huma applikabbli għall-imsemmija kawża. Fil-fatt, mil-liċenzja tas-sewqan maħruġa fir-Repubblika Ċeka lil B. Akyüz jirriżulta li d-data tal-ħruġ tal-imsemmija liċenzja hija l-24 ta’ Novembru 2008. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 18, tad-Direttiva 2006/126, Artikolu 11(4) ta’ din tal-aħħar japplika mid-19 ta’ Jannar 2009, jiġifieri wara d-data tal-ħruġ tal-imsemmija liċenzja. Il-Kummissjoni tqis, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126 huma applikabbli fir-rigward tal-vjaġġ li sar fil-Ġermanja minn B. Akyüz fl-1 ta’ Marzu 2009.

28

Minn naħa, mid-dokumenti għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-vjaġġi fil-Ġermanja minn B. Akyüz li huma r-raġuni wara l-kawża prinċipali saru fil-5 Diċembru 2008 u l-1 ta’ Marzu 2009.

29

Min-naħa l-oħra, minkejja li d-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi wkoll it-8 ta’ Ġunju 2009 bħala d-data li fiha l-liċenzja tas-sewqan Ċeka nħarġet lil B. Akyüz, huwa importanti li wieħed jirrileva li minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-fotokopja tal-liċenzja tas-sewqan tindika madankollu, li din kienet inħarġet għall-ewwel darba fl-24 ta’ Novembru 2008.

30

Għaldaqstant jidher li l-imsemmija liċenzja kienet inħarġet lil B. Akyüz mill-awtoritajiet kompetenti Ċeki fl-24 ta’ Novembru 2008 u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan. Fil-każ li din il-liċenzja nħarġet biss fit-8 ta’ Ġunju 2009, B. Akyüz ma kienx fil-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan Ċeka fid-data li fiha l-vjaġġi, li huma r-raġuni wara l-kawża prinċipali, seħħew u l-kwistjoni tar-rikonoxximent tal-liċenzja li nħarġet biss wara dawn il-vjaġġi tkun irrelevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

31

Għalkemm id-Direttiva 91/439 mhux ser tkun abbrogata qabel id-19 ta’ Jannar 2013, l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 huma madankollu applikabbli mid-19 ta’ Jannar 2009 skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 tagħha.

32

Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126, tipprevedi r-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) jipprovdi madankollu li Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha ġiet ristretta, sospiża jew irtirata irrispettivament mill-kwistjoni jekk l-imsemmija liċenzja nħarġitx qabel id-data li fiha l-imsemmija dispożizzjoni saret applikabbli.

33

Minn dan jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjonijiet huma applikabbli ratione temporis f’dak li jirrigwarda t-tieni vjaġġ li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, jiġifieri l-vjaġġ magħmul minn B. Akyüz fl-1 ta’ Marzu 2009.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu eżaminati d-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-Artikolu 1(2), u l-Artikolu 8(2) u (4), tad-Direttiva 91/439 kif ukoll l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126.

Fuq l-ewwel domanda

35

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 kif ukoll tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ospitanti li tippermetti li dan tal-aħħar ikun jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi fit-territorju tiegħu, liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor, meta d-detentur ta’ din il-liċenzja ma kien suġġett, min-naħa tal-Istat Membru ospitanti, għal ebda miżura fis-sens tal-imsemmija Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 jew tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 iżda li ġie rrifjutat lilu, f’dan l-aħħar Stat, il-ħruġ tal-ewwel liċenzja tas-sewqan, fuq il-bażi li ma kienx jissodisfa, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, il-kundizzjonijiet ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur b’sigurtà.

36

Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li jekk applikant kien ġie rrifjutat il-ħruġ tal-ewwel liċenzja fuq il-bażi li huwa ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura b’sigurtà, il-fatt li jingħatalu aċċess għat-traffiku fit-toroq huwa ta’ periklu, minn tal-inqas, serju daqs li jiġi permess tali aċċess lill-individwi li titteħditilhom il-liċenzji tagħhom għal raġunijiet simili. Skont dan il-gvern, il-kunċett ta’ “irtirar” għandu għalhekk jinftiehem f’sens wiesa’, b’tali mod li jinkludi wkoll ir-rifjut inizjali li tinħareġ liċenzja tas-sewqan.

37

L-imsemmi gvern jinvoka wkoll il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti drittijiet fundamentali tal-utenti tat-triq, bħad-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-integrità personali u d-dritt ta’ proprjetà, li jiġu affermati mill-ġdid rispettivament fl-Artikoli 2, 3 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li permezz tagħhom il-libertajiet fundamentali għandhom isiru kompatibbli u għandhom jimponu li l-Istati Membri ma jawtorizzawx, fit-territorju tagħhom, iċ-ċirkulazzjoni fit-traffiku ta’ sewwieq, li huma jkunu jafu b’ċertezza li jirrapreżenta periklu sinjifikanti għall-utenti l-oħra.

38

Il-Kummissjoni żżid tgħid li persuna li tkun ġiet irrifjutata l-ħruġ tal-ewwel liċenzja tas-sewqan għal raġunijiet li, kieku kienet liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel, kienet twassal għar-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew l-annullament tagħha, għandha tiġi ttrattata bl-istess mod bħallikieku kienet tifforma parti minn dawn il-każijiet tal-aħħar. Barra minn hekk, dan il-fatt ma jikkostitwixxix raġuni biex jingħata trattament preferenzjali lill-imsemmija persuna fir-rigward tal-miżuri applikabbli fil-post ta’ residenza jew biex ma tawtorizzax jew ma tobbligax lill-Istati Membri japplikaw il-miżuri restrittivi previsti meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-implementazzjoni tagħhom.

39

Il-Gvern Taljan jirrileva, min-naħa l-oħra, li l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tagħmel l-ebda riferiment għall-kriterju ta’ “residenza normali”. Minkejja li qed jittama f’interpretazzjoni evoluzzjonarja tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, li permezz tagħha jista’ jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent ta’ liċenzja maħruġa f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan il-gvern jikkonkludi li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(2), u l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 kif ukoll dawk tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 ma jidhrux li jippermettu tali rifjut.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/439 jipprevedi r-rikonoxximent reċiproku, mingħajr ebda formalità, tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni timponi fuq dawn tal-aħħar obbligu ċar u preċiż, li ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati għat-twettiq tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2009, Schwarz, C-321/07, Ġabra. p. I-1113, punt 75, u tad-19 ta’ Mejju 2011, Grasser, C-184/10, Ġabra p. I-4057, punt 19). Għandu jiġi kkonstatat li jiġri l-istess fir-rigward tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126, li huwa fformulat b’mod identiku għat-test tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/439.

41

Huwa l-kompitu tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan li jivverifika jekk il-kundizzjonijiet minimi imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk dwar ir-residenza u l-kapaċità għas-sewqan, previsti mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 91/439, ikunux sodisfatti u, għalhekk, jekk il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ikunx iġġustifikat (ara sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Schwarz, punt 76, kif ukoll Grasser, punt 20).

42

Meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu ħarġu liċenzja tas-sewqan skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/439, l-Istati Membri l-oħra ma jistgħux jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet għall-ħruġ previsti minn din id-direttiva ġewx osservati. Fil-fatt, il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-prova li l-pussessur ta’ din il-liċenzja kien jissodisfa, fil-jum meta nħarġitlu, l-imsemmija kundizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schwarz, punt 77, u Grasser, punt 21).

43

Madankollu, l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 jippermetti lill-Istati Membri, f’ċerti ċirkustanzi u b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ sigurtà tat-traffiku fit-toroq, kif jirriżulta mill-aħħar premessa ta’ din id-Direttiva 91/439, li japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tal-liċenzja tas-sewqan fir-rigward ta’ kull pussessur ta’ liċenzja li għandu r-residenza normali tiegħu fit-territorju tagħhom (sentenza Schwarz iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

44

B’hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 jawtorizza lil Stat Membru jirrifjuta r-rikonoxximent tal-validità ta’ liċenzja tas-sewqan miksuba fi Stat Membru ieħor minn persuna li kienet suġġetta, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, għal miżura ta’ restrizzjoni, sospensjoni, irtirar jew tħassir ta’ liċenzja. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jipprovdi, min-naħa tiegħu, li Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ġiet ristretta, sospiża jew irtirata fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

45

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba fakkret li l-kapaċità prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ġenerali tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan u, minħabba f’hekk, għandha tingħata interpretazzjoni restrittiva (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2008, Weber, C-1/07, Ġabra p. I-8571, punt 29; Schwarz, ċċitata iktar ’il fuq, punt 84, u d-digriet tat-2 ta’ Diċembru 2010, Scheffler, C-334/09, Ġabra p. I-12379, punt 63).

46

Fil-fatt, l-eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa fl-Istati Membri mingħajr ebda formalità, li jibbillanċjaw dan il-prinċipju mal-prinċipju ta’ sigurtà tat-traffiku, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod wiesgħa mingħajr ma jbattlu minn kull sustanza l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa fl-Istati Membri skont id-Direttiva 91/439 (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tad-9 ta’ Lulju 2009, Wierer, C-445/08, punt 52, u Scheffler iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

47

F’dan il-każ, huwa ċar li r-rifjut li tinħareġ l-ewwel liċenzja tas-sewqan ma huwiex fost ir-raġunijiet li jistgħu jikkawżaw in-nuqqas ta’ rikonoxximent minn Stat Membru ta’ liċenzja maħruġa fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126.

48

Għandu jiġi rrilevat li matul is-seduta, il-gvern Ġermaniż, essenzjalment, sostna li jekk ir-rifjut li tinħareġ l-ewwel liċenzja tas-sewqan fi Stat Membru huwa bbażat fuq nuqqasijiet serji, mhux ikkunsidrati mid-Direttiva 91/439, bħall-aggressività potenzjali għolja tal-applikant, dak l-Istat Membru ma huwiex obbligat jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard lill-persuna kkonċernata fi Stat Membru ieħor.

49

Barra minn hekk, skont l-imsemmi gvern, sabiex tkun tista’ tiġi rikonoxxuta liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor wara r-rifjut li tinħareġ l-ewwel liċenzja tas-sewqan fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, huwa neċessarju li, qabel il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan għall-persuna kkonċernata minn dan l-Istat Membru l-ieħor, dan tal-aħħar ikun informat mill-Istat Membru ospitanti bir-raġunijiet li wasslu għar-rifjut li tinħareġ, u li huwa jivverifika jekk dawn ir-raġunijiet għadhomx jeżistu.

50

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

51

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li għalkemm ir-rifjut li tinħareġ l-ewwel liċenzja tas-sewqan jista’ ċertament ikun parzjalment ibbażat fuq l-aġir tal-applikant, tali rifjut, li jseħħ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ma jistax jikkostitwixxi, bil-kontra tal-każijiet ipprovduti fl-Artikoli 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, il-piena ta’ reat mwettqa minn dan l-applikant.

52

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ħruġ tal-ewwel liċenzja tas-sewqan tista’ tiġi rrifjutata għal raġunijiet oħra minbarra dawk li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew tħassir ta’ liċenzja.

53

F’dan ir-rigward, jidher mill-raba’ premessa tad-Direttiva 91/439 u mill-premessa 8 tad-Direttiva 2006/126 li dawn jipprovdu biss armonizzazzjoni minima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet li taħthom liċenzja tas-sewqan tista’ tinħareġ. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti f’dan il-qasam.

54

Fir-rigward tal-kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-fatt li, skont il-paragrafu 5 tal-Anness III tad-Direttiva 91/439, Stat Membru jista’ jitlob, għal kull ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan, eżami mediku iktar strett minn dawk imsemmija fl-imsemmi Anness ma jaffettwax l-obbligu ta’ dak l-Istat Membru, li jirrikonoxxi liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Stati Membri oħra skont din id-direttiva (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedemann u Funk, C-329/06 u C-343/06, Ġabra. p. I-4635, punt 53).

55

Għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li s-soluzzjoni sostnuta mill-gvern Ġermaniż timplika li jsir eżami tar-raġunijiet mhux meħuda inkunsiderazzjoni mid-Direttiva 91/439 jew mid-Direttiva 2006/126 u invokati minn Stat Membru biex jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan, sabiex jiġi ddeterminat dak li jista’ jirriżulta fir-rifjut ta’ rikonoxximent minn dan l-Istat Membru ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard fi Stat Membru ieħor. Il-possibbiltà għal Stat Membru li jirrifjuta r-rikonoxximent ta’ liċenzja maħruġa fi Stat Membru ieħor ikun jiddependi b’hekk mill-gravità tar-raġuni, mhux meħud inkunsiderazzjoni mid-Direttiva 91/439 jew mid-Direttiva 2006/126 li fuq il-bażi tagħhom il-ħruġ tal-ewwel liċenzja tas-sewqan kien irrifjutat fl-ewwel Stat Membru. Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet f’dan ir-rigward fid-Direttivi 91/439 u 2006/126, soluzzjoni bħal din ma tistax tiġi kkunsidrata.

56

Min-naħa l-oħra, jekk jiġi permess lill-Istat Membru ospitanti li ma jirrikonoxxix liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor għar-raġuni li d-detentur ta’ din il-liċenzja jkun ġie rrifjutat li tinħariġlu l-ewwel liċenzja tas-sewqan fl-ewwel Stat u li l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja ma jkunx ivverifika jekk ir-raġunijiet li wasslu għall-imsemmi rifjut tal-ħruġ twarrbux, dan ikollu l-konsegwenza li l-Istat Membru li stabbilixxa l-kundizzjonijiet l-iktar stretti għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ikun jista’ jiddetermina r-rekwiżiti limitu li jridu jiġu osservati mill-Istati Membri l-oħra sabiex il-liċenzji tas-sewqan maħruġa f’dawn tal-aħħar tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta fit-territorju tiegħu.

57

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li jekk jiġi aċċettat li Stat Membru huwa intitolat li jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet tiegħu nazzjonali biex jopponi ruħu indefinittivament għar-rikonoxximent ta’ liċenzja maħruġa fi Stat Membru ieħor dan ikun in-negazzjoni stess tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan, li hija l-bażi fundamentali tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 91/439 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Kapper, C-476/01, Ġabra p. I-5205, punt 77, u d-digriet tat-28 ta’ Settembru 2006, Kremer, C-340/05, punt 30).

58

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rifjut li tinħareġ l-ewwel liċenzja tas-sewqan ma tistax tiġi mqabbla mas-sitwazzjonijiet, previsti fl-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 u l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, li jistgħu jwasslu għan-nuqqas ta’ rikonoxximent minn Stat Membru ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor.

59

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 kif ukoll l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ospitanti li tippermetti li dan tal-aħħar ikun jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi fit-territorju tiegħu, liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor, meta d-detentur ta’ din il-liċenzja, ma kien suġġett, min-naħa tal-Istat Membru ospitanti, għal ebda miżura fis-sens tal-imsemmija Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 iżda li ġie rrifjutat lilu f’dan l-aħħar Stat, il-ħruġ tal-ewwel liċenzja tas-sewqan fuq il-bażi li ma kienx jissodisfa, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, il-kundizzjonijiet tal-kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur b’sigurtà

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

60

Permezz tat-tieni u tielet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 8 (2) u (4) tad-Direttiva 91/439 kif ukoll dawk tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu wkoll rifjut ta’ rikonoxximent bħal dak deskritt fil-punt preċedenti, minn naħa, fil-każ fejn ikun ġie wkoll stabbilit fuq il-bażi ta’ informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, mhux direttament iżda biss indirettament, fil-forma ta’ komunikazzjoni, ibbażata fuq informazzjoni li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan u mogħtija minn terzi, b’mod partikolari, mis-servizzi tal-ambaxxata tal-Istat Membru ospitanti fl-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan, li d-detentur tal-liċenzja inkwistjoni ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza normali fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 91/439 jew l-Artikolu 7(1)(e) tad-Direttiva 2006/126 meta nħarġet din il-liċenzja u, min-naħa l-oħra, fil-każ fejn ir-rekwiżiti formali għall-ħruġ tagħha fl-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan kienu ċertament ġew sodisfatti, iżda fejn jiġi stabbilit li r-residenza tal-applikant f’dan l-Istat Membru tal-aħħar kienet biss bil-għan li jikseb dik il-liċenzja tas-sewqan.

61

Għandu jiġi mfakkar li, kif sostna l-Gvern Ġermaniż, in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ residenza normali fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 91/439 jista’ waħdu jiġġustifika r-rifjut minn Stat Membru li jirrikonoxxi l-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor (ara sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Apelt, C-224/10, Ġabra p. I-9601, punt 34).

62

Fil-fatt mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 7(1)(b), kif ukoll l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 ma jipprekludux Stat Membru ospitanti milli jirrifjuta li jirrikonoxxi fit-territorju tiegħu liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta jiġi stabbilit, mhux fuq il-bażi ta’ informazzjoni li toriġina mill-Istat Membru ospitanti, iżda fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li jkun hemm dwar il-liċenzja tas-sewqan stess jew ta’ informazzjoni inkontestabbli oħra li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, li l-kundizzjoni tar-residenza normali prevista fl-imsemmi Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 91/439 ma kinitx issodisfata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wiedemann u Funk, punt 72, u Grasser, punt 33).

63

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-punt 33 tas-sentenza Grasser, iċċitata iktar ’il fuq, il-fatt li d-detentur tal-liċenzja ma kienx suġġett, min-naħa tal-Istat Membru ospitanti, għal ebda miżura fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

64

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma transponibbli għall-Artikolu 2(1) u Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għal dak li jikkonċerna n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ residenza normali.

65

Kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, din l-eċċezzjoni għall-obbligu ta’ rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa fl-Istati Membri mingħajr ebda formalità, li tibbillanċja l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzja tas-sewqan mal-prinċipju ta’ sigurtà tat-traffiku, ma tistgħax tiġi interpretati b’mod wiesa’ mingħajr ma jbattlu minn kull sustanza l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (ara, f’dan is-sens, id-digriet Wierer, iċċitat iktar ’il fuq, punt 52).

66

Il-lista, kif prevista fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, ta’ sorsi ta’ informazzjoni li fuqha l-Istat Membru ospitanti jista’ jibbaża ruħu sabiex jirrifjuta r-rikonoxximent ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jirrikorri għall-assistenza reċiproka u lanqas għall-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 12(3) tad-Direttiva 91/439 u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/126, hija għalhekk limitativa u eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet Wierer, iċċitat iktar ’il fuq, punt 53).

67

Sabiex dik l-informazzjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala informazzjoni inkontestabbli li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tal-liċenzja li tiddikjara li d-detentur tal-liċenzja tas-sewqan ma kellux ir-residenza tiegħu f’dan l-Istat tal-aħħar, meta nħarġet il-liċenzja tas-sewqan, huwa importanti li din toħroġ minn awtorità tal-imsemmi Stat Membru.

68

Fil-kawża prinċipali, minn dak li jippreċedi jirriżulta li jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom informazzjoni inkontestabbli li toriġina mill-awtoritajiet Ċeki, li tiddikjara li B. Akyuz ma kellux ir-residenza normali tiegħu fit-territorju tar-Repubblika Ċeka meta nħarġitlu l-liċenzja tas-sewqan minn dan l-Istat Membru, huma jkunu intitolati li jirrifjutaw li jirrikonoxxu din il-liċenzja. Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jipprekludi rifjut ibbażat fuq kwalunkwe informazzjoni oħra (ara, f’dan is-sens, id-digriet Wierer, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 59).

69

F’dan ir-rigward, ma huwiex eskluż li l-informazzjoni miksuba mill-awtoritajiet tar-reġistru tal-popolazzjoni tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan tista’ titqies bħala tali informazzjoni (digriet Wierer, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 61).

70

Min-naħa l-oħra, l-ispjegazzjonijiet jew informazzjoni li d-detentur tal-liċenzja pproduċa matul il-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja bħala eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ kooperazzjoni impost fuqu abbażi tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala informazzjoni inkontestabbli li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja li tiddikjara li d-detentur ma kellux ir-residenza tiegħu f’dan l-aħħar Stat li ħareġ il-liċenzja tas-sewqan tiegħu (digriet Wierer, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 54).

71

Il-fatt li l-informazzjoni hija trażmessa mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti mhux direttament iżda biss indirettament, fil-forma ta’ komunikazzjoni magħmula minn terzi, ma jidhirx, fih nnifsu, tali li jeskludi li din l-informazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, sakemm toriġina minn awtorità ta’ dan l-aħħar Stat.

72

Għalhekk, kif isostnu l-Gvern Ġermaniż u, essenzjalment, il-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jdaħħlu l-intervent tar-rappreżentazzjoni tagħhom fl-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja sabiex jiksbu tali informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja ma jeskludix li din l-informazzjoni tkun ikkunsidrata bħala li toriġina minn dan l-aħħar Stat Membru.

73

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-informazzjoni miksuba f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali tistgħax tiġi kklassifikata bħala informazzjoni li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.

74

Skont il-każ, hija wkoll l-imsemmija qorti li għandha tevalwa dik l-informazzjoni u tiddetermina jekk tikkostitwixxix informazzjoni inkontestabbli, li tiddikjara li d-detentur tal-liċenzja tas-sewqan ma għandux ir-residenza normali tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan meta jikseb tali liċenzja.

75

Fil-kuntest tal-imsemmija determinazzjoni tal-informazzjoni fil-pussess tagħha li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan, il-qorti tar-rinviju tista’ tikkunsidra l-fatti kollha tal-kawża quddiemha. B’mod partikolari, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt eventwali li informazzjoni li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan tindika li d-detentur tal-liċenzja tas-sewqan ma kienx preżenti fit-territorju ta’ dan l-Istat ħlief għal perijodu qasir ħafna u stabbilixxa residenza purament fittizja fit-territorju ta’ dan tal-aħħar, għall-iskop uniku li jevita l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet iktar stretti previsti għal ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan fl-Istat Membru tar-residenza reali tiegħu.

76

Għandu jiġi enfasizzat madanakollu li peress li huwa inerenti għall-eżerċizzju tad-dritt tiegħu li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE u rrikonoxxut mid-Direttiva 91/439 u d-Direttiva 2006/126, il-fatt li d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan ikun stabbilixxa r-residenza tiegħu fi Stat Membru partikolari bl-għan li jibbenefika minn leġiżlazzjoni inqas restrittiva rigward il-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan (ara b’analoġija sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C-212/97, Ġabra p. I-1459, punt 27) ma jistax waħdu, jistabbilixxi n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ residenza normali bħal dik prevista rispettivament fl-Artikolu 7(1)(b) u l-Artikolu 7(1)(e), tal-imsemmijin direttivi li jiġġustifika r-rifjut minn Stat Membru li jirrikonoxxi l-liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor.

77

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 8(2) u (4), tad-Direttiva 91/439 kif ukoll dawk tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 11 (4) tad-Direttiva 2006/126 għandhom jigu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ospitanti li tippermetti lil dan tal-aħħar jirrifjuta li jirrikonoxxi, fit-territorju tiegħu, il-liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor, fil-każ fejn jiġi stabbilit, abbażi ta’ informazzjoni inkontestabbli li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, li d-detentur tal-liċenzja tas-sewqan ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza normali prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 91/439 u l-Artikolu 7(1)(e) tad-Direttiva 2006/126 meta nħarġitlu din il-liċenzja. F’dan ir-rigward, il-fatt li din l-informazzjoni hija trażmessa mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti mhux direttament iżda biss indirettament, fil-forma ta’ komunikazzjoni magħmula minn terzi, ma huwiex fih innifsu tali li jeskludi li din l-informazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan, sakemm tkun toriġina minn awtorità ta’ dan l-aħħar Stat Membru. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-informazzjoni miksuba f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali tistax tiġi kklassifikata bħala informazzjoni li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan kif ukoll, fejn xieraq, li tevalwa l-imsemmija informazzjoni u li tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha tal-kawża quddiemha, jekk tikkostitwixxix informazzjoni inkontestabbli, li tiddikjara li d-detentur tal-liċenzja ma kellux residenza normali fit-territorju ta’ dan dan l-aħħar Stat meta nħarġitlu l-liċenzja tas-sewqan.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan kif ukoll l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan, għandhom jiġi interpretat fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ospitanti li tippermetti li dan tal-aħħar ikun jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi fit-territorju tiegħu, liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor meta d-detentur ta’ din il-liċenzja, ma kien suġġett, min-naħa tal-Istat Membru ospitanti, għal ebda miżura fis-sens tal-imsemmija Artikoli 8(4) tad-Direttiva 91/439 jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 iżda li ġie rrifjutat lilu f’dan l-aħħar Stat, il-ħruġ tal-ewwel liċenzja tas-sewqan fuq il-bażi li ma kienx jissodisfa, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, il-kundizzjonijiet tal-kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur b’sigurtà.

 

2)

L-imsemmija dispożizzjonijiet moqrija flimkien għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ospitanti li tippermetti lil dan tal-aħħar jirrifjuta li jirrikonoxxi, fit-territorju tiegħu, il-liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor fil-każ fejn jiġi stabbilit, abbażi ta’ informazzjoni inkontestabbli li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, li d-detentur tal-liċenzja tas sewqan ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza normali prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 91/439 u l-Artikolu 7 (1)(e) tad-Direttiva 2006/126 meta nħarġitlu din il-liċenzja. F’dan ir-rigward, il-fatt li din l-informazzjoni hija trażmessa mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti mhux direttament iżda biss indirettament, fil-forma ta’ komunikazzjoni magħmula minn terzi, ma huwiex fih innifsu tali li jeskludi li din l-informazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan, sakemm tkun toriġina minn awtorità ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-informazzjoni miksuba f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali tistax tiġi kklassifikata bħala informazzjoni li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan kif ukoll, fejn xieraq, li tevalwa l-imsemmija informazzjoni u li tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha tal-kawża quddiemha, jekk tikkostitwixxi informazzjoni inkontestabbli, li tiddikjara li d-detentur tal-liċenzja ma kellux residenza normali fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat meta nħarġitlu l-liċenzja tas-sewqan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.