Keywords
Summary

Keywords

1. Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Dritt ta’ ħruġ u ta’ dħul — Kamp ta’ applikazzjoni

(Artikolu 21 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 4(1))

2. Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika

(Artikolu 21 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 27)

Summary

1. L-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea jagħti lil ċittadin Ewropew, anki fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, id-drittijiet relatati ma’ tali status, b’mod partikolari d-dritt għal moviment liberu u għal residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, kif inhu mogħti mill-Artikolu 21 TFUE. Id-dritt għal moviment liberu jinkludi kemm id-dritt għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jidħlu fi Stat Membru differenti li ma huwiex dak li minnu joriġinaw kif ukoll id-dritt li joħorġu minn dan tal-aħħar. Fil-fatt, il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jitilfu l-valur tagħhom li kieku l-Istat Membru ta’ oriġini seta’, mingħajr ġustifikazzjoni valida, jipprojbixxi liċ-ċittadini tiegħu milli joħorġu mit-territorju tiegħu sabiex jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Peress li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, jipprovdi espressament li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li għandhom karta tal-identità valida jew passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor, fejn is-sitwazzjoni ta’ persuna pprojbita milli toħroġ minn Stat li tiegħu hija għandha n-nazzjonalità taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

(ara l-punti 24-27)

2. L-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti restrizzjoni fuq id-dritt ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jmur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari għar-raġuni li huwa kien ġie kkundannat kriminalment fi Stat Membru ieħor minħabba traffikar ta’ droga, bil-kundizzjoni, fl-ewwel lok, li l-kondotta personali ta’ dan iċ-ċittadin tikkostitwixxi periklu reali, attwali u suffiċjentement serju li jaffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, fit-tieni lok, li l-miżura restrittiva prevista tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li l-għan tagħha jintlaħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq, u, fit-tielet lok, li din l-istess miżura tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv li jippermetti li l-legalità fattwali u legali tiġi vverifikata fid-dawl tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punt 42 u d-dispożittiv)