SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Novembru 2011 ( *1 ) ( i )

“Protezzjoni tal-ambjent – Regolamenti (KE) Nru 1013/2006 u 1418/2007 – Kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart – Projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ katalizzaturi użati lejn il-Libanu”

Fil-Kawża C‑405/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Bruchsal (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2010, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Awwissu 2010, fil-proċeduri kriminali kontra

QB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal QB, minn S. Jäger, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Aiello, Avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Marghelis u G. Wilms, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-21 ta’ Lulju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, p. 1) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1418/2007, tad-29 ta’ Novembru 2007, li jikkonċerna l-esportazzjoni tal-irkupru ta’ ċerti tipi ta’ skart imniżżla fl-Anness III jew III A tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill lejn pajjiżi fejn id-Deċiżjoni tal-OECD dwar il-kontroll ta’ movimenti intrakonfinali tal-iskart ma tapplikax (ĠU L 316, p. 6), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 740/2008, tad-29 ta’ Lulju 2008, fir-rigward tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal esportazzjoni ta’ skart lejn ċerti pajjiżi (ĠU L 201, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1418/2007”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra QB talli bagħtet katalizzaturi użati tal-karozzi mill-Ġermanja lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, bil-għan li jiġu esportati lejn il-Libanu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1 u 42 tar-Regolament Nru 1013/2006 jindikaw li huwa għandu bħala għan li jiżgura l-protezzjoni tal-ambjent meta l-iskart ikun ittrasportat.

4

Il-premessi 26 u 28 ta’ dan ir-regolament jenfasizzaw, fir-rigward ta’ esportazzjoni li titlaq mill-Unjoni Ewropea lejn pajjiżi terzi, li din il-protezzjoni hija estiża b’mod partikolari għall-“ambjent tal-pajjiżi konċernati”. Il-premessa 33 ta’ dan l-istess regolament tispeċifika, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li, “[f]ir-rigward ta’ esportazzjonijiet mill-[Unjoni] li mhumiex projbiti, għandu jsir sforz sabiex jiġi żgurat li l-iskart jiġi mmaniġġat b’mod ambjentalment san matul il-perjodu tal-vjeġġ u inkluż matul l-irkupru jew ir-rimi fil-pajjiż ta’ destinazzjoni.”

5

Kif jirriżulta mill-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, dan huwa intiż, barra minn hekk, l-istess bħal fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, tal-1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 176), li ġie ssostitwit bl-imsemmi regolament, sabiex jiżgura l-implementazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-movimenti li jaqsmu l-fruntieri tal-iskart ta’ riskju u d-disponiment minnhom, ġiet iffirmata f’Basel fit-22 ta’ Marzu 1989, u approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE, tal-1 ta’ Frar 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 301, iktar ’il qudiem il-“Konvenzjoni ta’ Basel”).

6

Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1013/2006 tispeċifika li dan huwa intiż, ukoll, sabiex jintegra l-kontenut tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għal Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD) C(2001) 107 finali li tikkonċerna r-reviżjoni tad-Deċiżjoni C(92) 39 finali dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-OECD), sabiex jiġu armonizzati l-listi ta’ skart mal-Konvenzjoni ta’ Basel u jiġu riveduti ċerti rekwiżiti oħra.

7

Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1013/2006 jistabbilixxi, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tiegħu, il-proċeduri u l-iskemi ta’ kontroll applikabbli għall-vjeġġi tal-iskart, skont l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjeġġ, it-tip ta’ skart ittrasportat kif ukoll it-tip ta’ trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fil-post ta’ destinazzjoni tiegħu.

8

Fit-Taqsima 1, intitolata “Esportazzjonijiet lejn pajjiżi fejn ma tapplikax id-Deċiżjoni ta’ l-OECD” tal-Kapitolu 2, intitolat “Esportazzjonijiet ta’ skart għall-irkupru”, tat-Titolu IV, li huwa ntitolat “Esportazzjonijiet mill-[Unjoni] lejn pajjiżi terzi”, tar-Regolament Nru 1013/2006, l-Artikolu 36(1) tiegħu jipprovdi:

“L-esportazzjonijiet mill-Komunità tat-tipi, li ġejjin hawn taħt, ta’ skart destinat għall-irkupru f’pajjiżi fejn ma tapplikax id-Deċiżjoni ta’ l-OECD huma projbiti:

a)

skart elenkat bħala perikoluż fl-Anness V;

[...]

f)

skart li l-importazzjoni tiegħu ġie projbit fil-pajjiż tad-destinazzjoni [...]

[...]”

9

Fl-imsemmija Taqsima 1 jinsab ukoll l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1013/2006 li fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu jipprovdi:

“1.   Fil-każ ta’ skart li huwa elenkat fl-Anness III jew III A u li l-esportazzjoni tiegħu mhijiex projbita taħt l-Artikolu 36, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 20 jum mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, tibgħat talba bil-miktub lil kull pajjiż li għalih ma tapplikax id-Deċiżjoni ta’ l-OECD, sabiex titlob:

i)

konferma bil-miktub li l-iskart jista’ jiġi esportat mill-[Unjoni] għall-irkupru f’dak il-pajjiż; u

ii)

titlob indikazzjoni dwar liema proċedura ta’ kontroll, jekk hemm, tiġi segwita fil-pajjiż tad-destinazzjoni.

Kull pajjiz li għalih ma tapplikax id-Deċiżjoni ta’ l-OECD għandu jingħata dawn l-għażliet:

a)

projbizzjoni; jew

b)

proċedura ta’ notifika bil-miktub minn qabel u ta’ kunsens kif deskritt fl-Artikolu 35; jew

ċ)

ebda kontroll fil-pajjiż tad-destinazzjoni.

2.   Qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta Regolament wara li tieħu kont tat-tweġibiet kollha li rċeviet skond il-paragrafu 1 [...].

Fil-każ li xi pajjiż ma jkunx ħareġ konferma kif imsemmi fil-paragrafu 1 jew fil-każ li ma sar ebda kuntatt ma’ xi pajjiż għal xi raġuni, għandu japplika l-paragrafu 1(b).

[...]

3.   Jekk pajjiż jindika fit-tweġiba tiegħu li ċerti vj[a]ġġi ta’ skart mhumiex suġġetti għal xi kontroll, għal tali vjeġġi għandu japplika l-Artikolu 18 mutatis mutandis.”

10

L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1013/2006 jissuġġetta l-vjeġġi ta’ skart li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni għal proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens minn qabel bil-miktub li b’mod partikolari għandha tirriżulta mill-awtoritajiet kompetenti ta’ spedizzjoni u ta’ destinazzjoni.

11

L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jissuġġetta l-vjeġġi ta’ skart li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni għal rekwiżiti fil-qasam ta’ informazzjoni. Dan l-artikolu jipprovdi b’mod partikolari li l-iskart ikkonċernat għandu jinkludi ċerti dokumenti u li l-prova tal-eżistenza ta’ kuntratt bejn il-persuna li torganizza l-vjeġġ ta’ skart u d-destinatarju dwar l-irkupru ta’ dan l-iskart għandha tkun tista’ tiġi pprovduta, fejn barra minn hekk tali kuntratt għandu jkun effettiv sa mill-bidu tal-vjeġġ.

12

Intitolat “List ta’ skart suġġett għar-rekwiżit ġenerali ta’ informazzjoni stipulat fl-Artikolu 18 (skart elenkat bħala ‘aħdar’)”, il-parti I tal-Anness III tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprovdi b’mod partikolari li l-iskart elenkat fl-Anness IX tal-Konvenzjoni ta’ Basel riprodott fil-lista B tal-parti I tal-Anness V, ta’ dan ir‑regolament huwa suġġett għar-rekwiżiti ġenerali ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 18 tiegħu.

13

Il-lista B tal-parti I tal-Anness V tar-Regolament Nru 1013/2006 jinkludi b’mod partikolari l-kategorija ta’ skart li ġejja:

“B1120 Katalizzaturi eżawriti li jeskludi likwidi użati bħala katalizzaturi, li jinkludu kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

Metalli transizzjonali, li jeskludi skart ta’ katalizzaturi (katalizzaturi eżawriti, katalizzaturi likwidi u katalizzaturi oħra) li huma fil-lista A

[...]

Lantanidi (metalli ta’ l-art rari):

[...]”

14

Il-premessi 1 u 6 tar-Regolament Nru 1418/2007 jipprovdu:

“(1)

Skond l-Artikolu 37(1) tar-Regolament [Nru 1013/2006], il-Kummissjoni bagħtet tweġiba bil-miktub lil kull pajjiż fejn id-Deċiżjoni [tal-OECD] ma tapplikax, biex tfittex konfermazzjoni bil-miktub li l-iskart, imniżżel fl-Anness III jew III A ta’ dan ir-Regolament u li l-esportazzjoni tiegħu mhix ipprojbita skond l-Artikolu 36 tiegħu, jista’ jiġi esportat mill-[Unjoni] għall-irkupru f’dak il-pajjiż u li jitlob indikazzjoni dwar liema proċedura ta’ kontroll, jekk hemm waħda, se tiġi segwita fil-pajjiż ta’ destinazzjoni.

[...]

(6)

Ċerti pajjiżi għarrfu bl-intenzjoni tagħhom fi tweġibiethom li se jsegwu l-proċeduri ta’ kontroll applikabbli skond il-liġi nazzjonali li huma distinti minn dawk stipulati fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament [Nru 1013/2006]. Barra minn hekk, u skond l-Artikolu 37(3) tar-Regolament [Nru 1013/2006], l-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mutatis mutandis għal tali trasbord, sakemm l-iskart hu suġġett ukoll għal avviż minn qabel u l-proċedura ta’ kunsens.”

15

Mill-proċess jirriżulta li r-Repubblika Libaniża wieġbet it-talba tal-Kummissjoni msemmija fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 1418/2007 permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ġunju 2007. Mill-kliem ta’ din l-ittra jirriżulta b’mod partikolari li l-importazzjoni ta’ skart fil-Libanu hija rregolata bil-Konvenzjoni ta’ Basel u b’deċiżjoni minsterjali tad-19 ta’ Mejju 1997. Din l-istess ittra kienet tenfasizza barra minn hekk li, fid-dawl tal-fatt li l-kodiċi użati mill-Komunità Ewropea kienu differenti minn dawk użati mir-Repubblika Libaniża, din tal-aħħar ma kellha l-intenzjoni li tassumi ebda responsabbiltà fil-każ ta’ żball jew nuqqas fit-tweġiba tagħha.

16

Ma’ din l-ittra kien anness il-kwestjonarju standard trażmess mill-Kummissjoni, hekk kif ikkompletat mill-awtoritajiet Libaniżi. Dawn tal-aħħar indikaw b’mod partikolari fuq dan il-kwestjonarju li, ġaladarba d-deċiżjoni ministerjali tad-19 ta’ Mejju 1997 ma tapplikax fir-rigward ta’ kategorija ta’ skart imsemmija fl-imsemmi kwestjonarju, ir-riferiment “NA” tqiegħed fir-rigward ta’ din il-kategorija. Dan ir-riferiment ma kienx jinsab fir-rigward tal-kodiċi B1120 u tal-elenku ta’ tipi ta’ skart marbuta ma’ dan il-kodiċi. Fir-rigward tal-imsemmija kategorija ta’ skart, l-awtoritajiet min-naħa l-oħra ngassaw il-kolonna 1 tal-istess kwestjonarju intitolat “[l]-importazzjoni ta’ dan l-iskart mill-Komunità Ewropea hija pprojbita”.

17

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1418/2007 jipprovdi:

“L-esportazzjoni għall-irkupru ta’ l-iskart imniżżel fl-Annessi III jew III A tar-Regolament [Nru 1013/2006], li mhux ipprojbit skond l-Artikolu 36 ta’ dan ir-Regolament, għal ċerti pajjiżi li għalihom id-[Deċiżjoni tal-OECD] ma tapplikax se titmexxa mill-proċeduri stipulati fl-Anness.”

18

L-Artikolu 1a ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fejn pajjiż fit-tweġibtu għal talba bil-miktub mibgħuta mill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 37(1) tar-Regolament (KE) [Nru 1013/2006] jindika li, rigward ċertu ġarr ta’ skart, la se jipprojbixxih lanqas se japplika l-proċedura ta’ notifika bil-miktub minn qabel u jagħti l-kunsens kif deskritt fl-Artikolu 35 ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mutatis mutandis għal ġarr ta’ din ix-xorta.”

19

L-Anness tar-Regolament Nru 740/2008 b’mod partikolari jippreċiża kif ġej:

Nota: L-Artikolu 18 tar-Regolament [Nru 1013/2006] japplika għall kolonni (c) u (d) fl-Anness għar-Regolament [Nru 1418/2007] bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.”

20

L-Anness tar-Regolament Nru 1418/2007 jipprovdi:

“L-intestaturi tal-kolonni f’dan l-Anness jirreferu għal dan li ġej:

a)

projbizzjoni;

b)

avviż bil-miktub u kunsens minn qabel kif deskritt fl-Artikolu 35 tar-Regolament [Nru 1013/2006];

ċ)

l-ebda kontroll fil-pajjiż tad-destinazzjoni;

d)

proċeduri oħrajn ta’ kontroll se jiġu segwiti fil-pajjiż ta’ destinazzjoni skond il-liġi nazzjonali applikabbli. [...]

[...]”

21

Fir-rigward tal-Libanu, il-kodiċi B1120 jissemma kemm fil-kolonna (a) kif ukoll fil-kolonna (d) tal-imsemmi anness.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

22

L-Artikolu 326(2) u (5) tal-Kodiċi kriminai (Strafgesetzbuch) jipprovdi:

“(2)   Kull min jittrasferixxi skart fis-sens tal-paragrafu 1, bi ksur ta’ projbizzjoni jew mingħajr l-awtorizzazzjoni neċessarja, fi jew mit-territorju li fih tapplika din il-liġi, jew barra minnu, jeħel [piena ħabs li jista’ jammonta sa ħames snin jew multa].

[...]

(5)   Jekk min iwettaq l-att ikun aġixxa b’negliġenza, il-piena hija dik li ġejja:

1.

piena ħabs li tammonta sa tliet snin jew multa fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2,

[...]”

23

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-multi fil-qasam tal-vjeġġ ta’ skart (Abfallverbringungsbußgeldverordnung) jipprovdi b’mod partikolari li kull min jikser ir-Regolament Nru 1418/2007 billi jesporta skart bi ksur tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament b’rabta mal-kolonna (a) tal-Anness għal dan ir-regolament, b’mod intenzjonali jew b’negliġenza, iwettaq ksur fis-sens tal-punt 18(a) tal-Artikolu 18(1) tal-Liġi dwar il-vjeġġ ta’ skart (Abfallverbringungsgesetz).

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

24

QB tiġġestixxi ALU-KAT GmbH, li s-sede tagħha tinsab fi Bruchsal (il-Ġermanja) u li l-attività tagħha tikkonċerna b’mod partikolari l-irkupru u l-eliminazzjoni ta’ skart tal-metall.

25

Il-prosekuzzjoni tikkritika lil QB talli, għall-ħabta tal-25 ta’ Mejju 2009, hija bagħtet lejn Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn ġew interċettati mid-dwana Olandiża, 3794 katalizzaturi użati ta’ karozzi li kienu ngħataw lilha minn terzi, bħala skart, bil-għan li jiġu rkuprati jew eliminati. Dawn il-katalizzaturi kellhom sussegwentement jiġu esportati lejn il-Libanu. Skont il-prosekuzzjoni, il-parti kkonċernata barra minn hekk kienet informata bil-fatt li l-imsemmija katalizzaturi kienu jaqgħu taħt il-kategorija ta’ skart B1120 tal-Anness IX tal-Konvenzjoni ta’ Basel u li mill-inqas aċċettat konxjament li, b’konsegwenza ta’ din il-klassifikazzjoni, il-vjeġġ tal-istess katalizzaturi lejn il-Libanu kien ipprojbit, skont l-Artikolu 37(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 moqri flimkien mar-Regolament Nru 1418/2007.

26

L-Amtsgericht Bruchsal, li quddiemu qed tidher QB abbażi tal-Artikoli 326 tal-Kodiċi kriminali u 2(1) tar-Regolament dwar il-multi fil-qasam tal-vjeġġ ta’ skart, tikkonstata li l-elementi li jikkostitwixxu ksur imsemmija fl-imsemmija dispożizzjonijiet ma humiex sodisfatti jekk jirriżulta li l-esportazzjonijiet lejn il-Libanu ta’ skart li jaqa’ taħt il-kategorija B1120 ma humiex ipprojbiti.

27

Issa, l-imsemmija qorti turi dubji f’dan ir-rigward. Hija tosserva, minn naħa, li, fl-Anness tar-Regolament Nru 1418/2007, l-iskart li jaqa’ taħt l-imsemmija kategorija jissemma, fir-rigward tal-Libanu, kemm taħt il-kolonna (a) li tipprovdi projbizzjoni mill-importazzjoni kif ukoll taħt il-kolonna (d) li tipprovdi li proċeduri oħra ta’ kontroll għandhom jiġu implementati skont id-dritt nazzjonali fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. Hija tikkonstata, min-naħa l-oħra, li, skont il-premessa 6 ta’ dan ir-regolament, meta ċerti pajjiżi jkunu indikaw, fit-tweġiba tagħhom, li kellhom l-intenzjoni li japplikaw, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, proċeduri ta’ kontroll differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, ikun hemm lok, skont l-Artikolu 37(3) ta’ dan ir-regolament, li jiġi applikat, mutatis mutandis, l-Artikolu 18 tiegħu għal dawn il-vjeġġi, ħlief fil-każ ta’ skart li huwa wkoll suġġett għal proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens minn qabel.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Amtsgericht Bruchsal iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 tar-[Regolament Nru 1013/2006], moqrija flimkien mar-[Regolament Nru 1418/2007], għandhom jiġu interpretati fis sens li teżisti projbizzjoni ta’ trasferiment [vjeġġ], lejn il-Libanu, ta’ skart mill-grupp ta’ skart B1120 tal-Anness IX tal-[Konvenzjoni ta’ Basel]?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li t-tip ta’ trattament li f’dan il-każ għandu jiġi applikat għall-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-post ta’ destinazzjoni finali tiegħu ma jirriżultax b’mod ċar mill-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni tar-rinviju.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, li kieku kellu jiġi stabbilit, wara li jkunu saru evalwazzjonijiet fattwali li jaqgħu taħt il-kompetenza unika tal-qorti tar-rinviju, li kien intenzjonat li l-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi eliminat fil-Libanu, l-esportazzjoni tiegħu lejn dan il-pajjiż ikun għalhekk ipprojbit taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34(1) u (2) tar-Regolament Nru 1013/2006, li jipprovdu, fil-fatt, li l-esportazzjonijiet ta’ skart li jitilqu mill-Unjoni sabiex jiġi eliminat huma pprojbiti ħlief fil-każ ta’ dawk l-esportazzjonijiet li d-destinazzjoni tagħom ikunu l-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma wkoll partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basel.

31

F’dan il-każ, madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija mid-domanda preliminari kienu jikkonċernaw esklużivament l-esportazzjoni, mill-Unjoni, ta’ skart intiż sabiex jiġi rkuprat.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 36(1)(f) tar-Regolament Nru 1013/2006, huma pprojbiti l-esportazzjonijiet ta’ skart li jitilqu mill-Unjoni, intiż sabiex jiġi rkuprat f’pajjiżi terzi li għalihom ma tapplikax id-deċiżjoni tal-OECD, meta l-importazzjoni tal-imsemmi skart kien ġie pprojbit mill-pajjiż ta’ destinazzjoni. Huwa paċifiku li r-Repubblika Libaniża taqa’ taħt il-kategorija tal-pajjiżi li għalihom ma tapplikax id-deċiżjoni tal-OECD.

33

Barra minn hekk, fir-rigward tal-esportazzjoni tal-iskart elenkat fl-Annessi III u III A tar-Regolament Nru 1013/2006 sabiex jiġi rkuprat f’pajjiżi li għalihom ma tapplikax id-deċiżjoni tal-OECD u li l-esportazzjoni tagħhom ma hijiex ipprojbita skont l-Artikolu 36 ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 37 tiegħu jipprovdi lil-Kummissjoni għandha tikseb informazzjoni dwar il-proċeduri applikabbli qabel ma tiddeċiedi regolament li jintegra t-tweġibiet kollha rċevuti.

34

Kif jirriżulta minn dan l-Artikolu 37(1)(i), it-talba li għandha tiġi indirizzata f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni lill-pajjiżi terzi kkonċernati hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tinkiseb il-konferma bil-miktub li l-iskart jista’ jiġi esportat mill-Unjoni sabiex jiġi rkuprat f’dawn il-pajjiżi. Barra minn hekk dan l-għan huwa espressament imfakkar fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 1418/2007.

35

Issa, f’dan il-każ, ir-riferiment għal “B1120”, taħt l-intestatura “Libanu”, fil-kolonna (a) tal-Anness tar-Regolament Nru 1418/2007 jindika li, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat terz mhux biss ma kkonfermawx bil-miktub li skart bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali seta’ jiġi esportat lejh, bil-kontra, informaw uffiċjalment lill-Kummissjoni, fit-tweġiba tagħhom għall-mistoqsija mibgħuta minnha skont l-imsemmi Artikolu 37(1) li t-trasferiment ta’ tali skart mill-Unjoni lejn il-Libanu, għall-finijiet ta’ rkupru f’dan il-pajjiż terz, kien ipprojbit.

36

Barra minn hekk huwa paċifiku li l-imsemmi riferiment f’dan ir-rigward jirrifletti b’mod adegwat il-kontenut tat-tweġiba tal-awtoritajiet Libaniżi billi, hekk kif ġie indikat fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, mill-anness għall-ittra tagħhom tat-23 ta’ Ġunju 2007 jirriżulta li, fir-rigward tal-iskart li jaqa’ taħt il-kategorija B1120, l-imsemmija awtoritajiet ingassaw il-kolonna 1 intitolata “[l]-importazzjoni ta’ dan l-iskart mill-Komunità Ewropea hija pprojbita”.

37

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ esportazzjoni tal-iskart li jaqa’ taħt il-kategorija B1120 lejn il-Libanu hija dovuta, f’dan il-każ, għall-fatt li l-importazzjoni tal-iskart f’dan l-Istat terz huwa pprojbit minn dan tal-aħħar, fejn għalhekk hemm obbligu tal-imsemmija projbizzjoni ta’ esportazzjoni kemm skont l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1013/2006 u r-riferiment għal din il-kategorija ta’ skart taħt il-kolonna (a) tal-Anness tar-Regolament Nru 1418/2007 taħt l-intestatura “Libanu”, li huma l-uniċi dispożizzjonijiet imsemmija fid‑domanda preliminari, kif ukoll, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 36(1)(f) tar-Regolament Nru 1013/2006.

38

Fir-rigward taċ-ċirkustanza li hija l-bażi tal-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-fatt li jsir ukoll riferiment għall-kategorija B1120, fir-rigward tal-Libanu, taħt il-kolonna (d) ta’ dan l-istess anness, għandu jiġi kkonstatat li ġej.

39

Minn naħa, ma tistax tiġi aċċettata, f’dan ir-rigward, l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni li tgħid li meta pajjiż terz jindika li jipprojbixxi l-importazzjoni ta’ ċertu tip ta’ skart fit-territorju tiegħu, il-“proċeduri ta’ kontroll […] li huma distinti minn dawk stipulati fl-Artikolu 37(1) tar-[Regolament Nru 1013/2006]” li għalihom tirreferi l-premessa 6 tar-Regolament Nru 1418/2007, jikkonċernaw l-imsemmija projbizzjoni ta’ importazzjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-proċeduri ta’ kontroll imsemmija fl-imsemmi Artikolu 37(1), jiġifieri dawk li huma pprovduti fl-Artikoli 18 jew 35 tar-Regolament Nru 1013/2006, huma, essenzjalment, esklużivament relatati ma’ skart li l-importazzjoni tiegħu ma kienx suġġett għal projbizzjoni ta’ prinċipju.

40

Min-naħa l-oħra, jidher, skont spjegazzjoni oħra mogħtija mill-Kummissjoni, li r-riferiment għall-kategorija ta’ skart B1120 fl-imsemmija kolonna (d) huwa dovut għar-riżerva espressa mill-awtoritajiet Libaniżi fl-ittra tagħhom imsemmija iktar ’il fuq tat-23 ta’ Ġunju 2007 fir-rigward tal-konsegwenzi li jistgħu jintrabtu ma’ diverġenzi eventwali fil-kodifikazzjonijiet relatati mal-kategoriji ta’ skart adottati mill-Komunità u mir-Repubblika Libaniża.

41

Ikunu liema jkunu r-raġunijiet eżatti li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tinkludi l-imsemmi riferiment, xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-riferiment fi kwalunkwe każ ma jistax ikollu l-effett li jqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni li tinsab fil-punt 36 ta’ din is-sentenza li tgħid li l-esportazzjoni ta’ skart li jaqa’ taħt il-kategorija B1120 li jitlaq mill-Unjoni lejn il-Libanu huwa, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ipprojbit, u għalhekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni QB, lanqas ma jista’ jiġġustifika applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1013/2006.

42

Fil-fatt, ir-riferiment fl-imsemmija kolonna (d) li “proċeduri oħrajn ta’ kontroll se jiġu segwiti fil-pajjiż ta’ destinazzjoni skond il-liġi nazzjonali applikabbli” għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-Regolament Nru 1013/2006 u b’konformità ma’ dan ir-regolament.

43

Issa, skont l-Artikolu 37(1) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha tibgħat, fi żmien għoxrin jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, talba bil-miktub lil kull pajjiż li għalih id-deċiżjoni tal-OECD ma tapplikax, bil-għan li tikseb il-konferma bil-miktub li l-iskart jista’ jiġi esportat mill-Unjoni sabiex jiġi rkuprat f’dan il-pajjiż u indikazzjoni tal-proċedura ta’ kontroll eventwali li għalih dan ikun suġġett fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. Dan l-Artikolu 37(1) jipprovdi wkoll li kull pajjiż li għalih ma tapplikax id-deċiżjoni tal-OECD jkollu d-dritt għal waħda mill-għażliet li ġejjin jiġifieri projbizzjoni jew proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens minn qabel bil-miktub skont il-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1013/2006, jew inkella nuqqas ta’ kontroll fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. L-Artikolu 37(3) ta’ dan ir-regolament jispeċifika, min-naħa tiegħu, li jekk l-għażla tkun favur tali nuqqas ta’ kontroll, għandu japplika l-Artikolu 18 tiegħu għat-trasferimenti ta’ skart ikkonċernati.

44

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-indikazzjoni tal-proċedura ta’ kontroll eventwali li għaliha huwa suġġett l-iskart, l-istess bħall-applikazzjoni eventwali għall-vjeġġi ta’ dan l-iskart lejn dan il-pajjiż tas-sempliċi proċedura ta’ informazzjoni li jipprovdi l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1013/2006, tippresupponi neċessarjament li skart jista’ jiġi esportat mill-Unjoni sabiex jiġi rkuprat f’dan il-pajjiż.

45

Fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 18 u tar-riferiment għall-imsemmija dispożizzjoni fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 1418/2007, għandu jingħad ukoll, barra minn hekk, li l-Artikolu 1a ta’ dan l-istess regolament jikkonferma espressament li huwa biss meta pajjiż jindika, fit-tweġiba tiegħu għal mistoqsija bil-miktub mibgħuta mill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, li “rigward ċertu ġarr ta’ skart, la se jipprojbixxih” jew “lanqas se japplika l-proċedura ta’ notifika bil-miktub minn qabel [jew] jagħti l-kunsens kif deskritt fl-Artikolu 35 ta’ dan ir-Regolament” li l-Artikolu 18 ta’ dan l-istess regolament għandu japplika mutatis mutandis għal dawn il-vjeġġi ta’ skart.

46

Barra minn hekk, anki n-nota preliminari li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 740/2008, li tispeċifika li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1013/2006 għandu japplika għall-kolonni (ċ) u (d) tal-Anness tar-Regolament Nru 1418/2007 skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, għandha, bl-istess mod, tinqara fis-sens li l-proċedura msemmija fl-imsemmi Artikolu 18 tapplika biss fil-każ li kategorija ta’ skart taqa’ taħt waħda jew oħra minn dawn iż-żewġ kolonni (ċ) jew (d), ħlief fil-każ fejn fl-istess waqt tali kategorija tkun taqa’ wkoll taħt il-kolonni (a) jew (b) li huma rispettivament relatati mal-projbizzjoni ta’ importazzjoni u mal-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1013/2006.

47

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 36 u 37 tar-Regolament Nru 1013/2006 u tar-Regolament Nru 1418/2007 li jipprovdu li r-riferiment, fl-Anness ta’ dan l-aħħar regolament, għal projbizzjoni ta’ importazzjoni ta’ kategorija ta’ skart f’pajjiż terz, huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ tali skart mill-Unjoni lejn dan il-pajjiż terz u sabiex tiġi eskluża kull applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1013/2006, hija, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 sa 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, konformi biss mal-għanijiet segwiti f’dan il-każ mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

48

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-każ jippreżentawx livell ta’ ċarezza suffiċenti sabiex ikunu jistgħu jiġu sodisfatti l-elementi ta’ kwalifika kriminali nazzjonali skont il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, din taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jitfakkar li, dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan il-prinċipju, li għandu jiġi osservat b’mod partikolari mill-Istati Membri meta jiddeċiedu piena sabiex jissanzjonaw il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jimplika li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni għalihom. Din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta biss meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u jekk ikun il-każ bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li tingħata mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbilità kriminali tiegħu (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf, 5/88, Ġabra p. 2609, punt 19; tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punti 49 u 50, kif ukoll tal-31 ta’ Marzu 2011, Aurubis Balgaria, C‑546/09, Ġabra p. I‑2531, punti 41 u 42).

49

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 36(1)(f) u 37 tar-Regolament Nru 1013/2006 u tar-Regolament Nru 1418/2007 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-esportazzjoni bi tluq mill-Unjoni Ewropea lejn il-Libanu ta’ skart bil-għan li jiġi rkuprat u li jaqa’ taħt il-kodiċi B1120 li jinsab fil-lista B tal-parti 1 tal-Anness V tar-Regolament Nru 1013/2006 hija pprojbita.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 36(1)(f) u 37 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart, u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1418/2007, tad-29 ta’ Novembru 2007, li jikkonċerna l-esportazzjoni tal-irkupru ta’ ċerti tipi ta’ skart imniżżla fl-Anness III jew III A tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill lejn pajjiżi fejn id-Deċiżjoni tal-OECD dwar il-kontroll ta’ movimenti intrakonfinali tal-iskart ma tapplikax, kif emendat bir‑Regolament tal-Kummissjoni Nru 740/2008, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-esportazzjoni bi tluq mill-Unjoni Ewropea lejn il-Libanu ta’ skart bil-għan li jiġi rkuprat u li jaqa’ taħt il-kodiċi B1120 li jinsab fil-lista B tal-parti 1 tal-Anness V tar-Regolament Nru 1013/2006 hija pprojbita.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( i ) L-isem li jinsab fl-okkju u fil-punti 2, 24, 25, 26 u 41 ġie ssostitwit permezz ta’ ittri wara li saret talba għal anonimizzazzjoni.