SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Appell — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar — Iffriżar ta’ fondi applikabbli lil persuni, entitajiet u organi — Bażi legali”

Fil-Kawża C-376/10 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-23 ta’ Lulju 2010,

Pye Phyo Tay Za, residenti f’Yangon (Mjanmar), irrappreżentat minn D. Anderson, QC, S. Kentridge, QC, M. Lester, barrister, u G. Martin, solicitor,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u E. Finnegan, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Hathaway, bħala aġent, u D. Beard, barrister,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Boelaert u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J.-J. Kasel, D. Šváby, u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Settembru 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, P. Tay Za, ċittadin tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar, talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Mejju 2010, Tay Za vs Il-Kunsill (T-181/08, Ġabra p. II-1965, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet ir-rikors tiegħu għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008, tal-25 ta’ Frar 2008, li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 817/2006 (ĠU L 66, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”), sa fejn ismu jidher fil-lista ta’ persuni, entitajiet u organi li għalihom huwa applikabbli dan ir-regolament.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolament kontenzjuż

2

Minħabba n-nuqqas ta’ progress lejn it-triq tad-demokratizzazzjoni u l-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta fit-28 Ottubru 1996, numru ta’ miżuri restrittivi kontra dan il-pajjiż fil-Pożizzjoni Komuni 96/635/PESK (ĠU L 287, p. 1). Is-sitwazzjoni li ġġustifikat l-adozzjoni ta’ din il-pożizzjoni komuni ma nbidlitx, għalhekk il-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu estiżi u msaħħa fis-snin sussegwenti.

3

Ta’ sittax-il sena, l-appellant intlaqat għall-ewwel darba mill-miżuri restrittivi meħuda mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2003/907/PESK, tat-22 ta’ Diċembru 2003, li implementat il-Pożizzjoni Komuni 2003/297/PESK (ĠU L 340, p. 81), u fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2297/2003, tat-23 ta’ Diċembru 2003, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2000 li jipprojbixxi l-bejgħ, provvista u esportazzjoni għal Burma/il-Mjanmar ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal ripressjoni interna jew terroriżmu, u li jiffriża l-fondi ta’ ċerti persuni relatati ma’ funzjonijiet governattivi importanti f’dak il-pajjiż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol 2, p. 235).

4

Fis-27 ta’ April 2006, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2006/318/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Burma/il-Mjanmar (ĠU L 270M, p. 441). Hija b’mod partikolari tiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil membri tal-Gvern tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar u lil kull persuna fiżika jew ġuridika, kull entità jew kull organu li huwa assoċjat magħhom, u dawn il-membri tal-gvern u dawn il-persuni fiżiċi ġew ukoll suġġetti għal projbizzjoni ta’ vvjaġġar fl-Istati Membri. Dawn il-miżuri ġew ipprorogati sat-30 ta’ April 2008 bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/248/PESK, tat-23 ta’ April 2007, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra Burma/il-Mjanmar (ĠU 2008, L 4M, p. 409).

5

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Mjanmar, il-Kunsill qies neċessarju li jintensifika l-pressjonijiet fuq ir-reġim militari u adotta l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/750/PESK, tad-19 ta’ Novembru 2007, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/318 (ĠU L 308, p. 1).

6

L-Artikolu 5(1) u (2) tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318, kif emendat bil-Pożizzjoni Komuni 2007/750 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għal, huma ta’, miżmuma minn jew ikkontrollati mill-membri individwali tal-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar u li jappartjenu għal, huma ta’, miżmuma minn jew ikkontrollati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi [organi] assoċjati magħhom mniżżla fl-Anness II, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi m’għandhom isiru disponibbli direttament jew indirettament għal jew għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew legali, entitajiet jew korpi mniżżla fl-Anness II.”

7

Taħt it-Titolu J “Persuni li jibbenefikaw mil-linji politiċi ekonomiċi tal-gvern u persuni oħrajn assoċjati mar-reġim” tal-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318, kif emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2008/349, hemm imniżżla, b’mod partikolari, l-isem tal-appellant miżjud b’informazzjoni ta’ identifikazzjoni “Iben Tay Za” (J1c) u l-isem ta’ missieru, Tay Za, miżjud b’informazzjoni ta’ identifikazzjoni “Direttur Eżekuttiv, Htoo Trading Co […]” (J1a).

8

Sa fejn il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea kienu kkonċernati, ir-regolament kontenzjuż, li ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, implementa wħud mill-miżuri restrittivi previsti mill-Pożizzjonijiet Komuni 2006/318 u 2007/750. L-annessi ta’ dan ir-regolament, li fihom il-listi ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi affettwati bil-miżuri restrittivi, ġew emendati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 385/2008, tad-29 ta’ April 2008, li jemenda r-Regolament Nru 194/2008 (ĠU L 116, p. 5).

9

L-Artikolu 11(1) u (2) tar-regolament kontenzjuż jiddisponi:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi kollha li jappartjenu lil, li huma proprjetà ta’, qed jinżammu jew huma kkontrollati mill-membri individwali tal-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi [organi] assoċjati magħhom kif elenkati fl-Anness VI, għandhom ikunu ffriżati.

L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi m’għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, direttament jew indirettament, jew għall-benefiċċju ta’, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness VI.”

10

L-Anness VI tar-regolament kontenzjuż huwa intitolat “Lista tal-membri tal-Gvern ta’ Burma/Mjanmar u persuni, entitajiet u korpi [organi] assoċjati magħhom imsemmija fl-Artikolu 11”.

11

Taħt it-Titolu J ta’ dan l-Anness VI tar-regolament kontenzjuż, kif emendat bir-Regolament Nru 385/2008, huma mniżżla l-“[p]ersuni li jibbenefikaw mil-linji politiċi ekonomiċi tal-Gvern u persuni oħrajn assoċjati mar-reġim”. Taħt id-daħla J1c u J1a huma rispettivament imniżżla, l-isem tal-appellant flimkien mal-informazzjoni “Iben Tay Za” u l-isem ta’ missieru, Tay Za, miżjud bl-informazzjoni “Direttur Amministrattiv, Htoo Trading Co; Htoo Construction Co.”.

12

Rigward il-modalitajiet għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni b’rabta mal-Anness VI tar-regolament kontenzjuż, l-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament, jipprevedi l-pubblikazzjoni ta’ avviż.

13

Fil-11 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill ippubblika avviż għall-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet imniżżla fil-listi msemmija fl-Artikoli 7, 11 u 15 tar-regolament kontenzjuż (ĠU C 65, p. 12).

14

Fil-punt 2 ta’ dan l-avviż, il-Kunsill jippreċiża li l-persuni u l-entitajiet elenkati fl-Anness VI tar-regolament kontenzjuż huma:

“a)

membri individwali tal-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar, jew

b)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi [organi] assoċjati magħhom.”

15

B’mod konformi ma’ dan l-istess avviż, “[i]l-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw fi kwalunkwe ħin talba lill-Kunsill, flimkien ma’ kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ appoġġ, biex id-deċiżjoni biex jiġu inklużi u miżmuma fuq il-lista tiġi kkunsidrata mill-ġdid […].”

16

L-appellant għex ma ommu fis-Singapor mill-2000 sal-2007, data li fiha rritorna lejn il-Mjanmar.

17

B’ittra tal-15 ta’ Mejju 2008, l-appellant talab lill-Kunsill sabiex jissottomettilu l-fatti li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista msemmija fl-Anness VI tar-regolament kontenzjuż u sabiex iħassar ismu minn din il-lista.

18

B’ittra tas-26 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill irrisponda li l-appellant kien inkluż fil-lista f’dan l-Anness billi, peress li kien iben Tay Za, huwa kien bħala tali, parti mill-grupp ta’ persuni li jieħdu vantaġġ mill-politika ekonomika tal-Gvern tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Mejju 2008, l-appellant talab lill-Qorti Ġenerali tannulla r-regolament kontenzjuż.

20

In sostenn tar-rikors tiegħu l-appellant ressaq tmien motivi, ibbażati rispettivament fuq, in-nuqqas ta’ bażi legali tar-regolament kontenzjuż u l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, id-dritt għal smigħ xieraq, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, id-dritt ta’ proprjetà, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipji ta’ dritt li jirriżultaw min-natura penali tal-impożizzjoni tal-iffriżar ta’ fondi u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

21

Il-Kunsill, sostnut mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, talab li r-rikors jiġi miċħud.

22

Permezz ta’ din is-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors kollu kemm hu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23

Fl-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tgħid li r-regolament kontenzjuż huwa null u bla effett fil-konfront tiegħu u

tikkundana lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-appellant relatati mal-appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

24

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

25

Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell.

26

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

27

L-appellant jinvoka erba’ aggravji bbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward, l-ewwel nett, tal-bażi legali tar-regolament kontenzjuż, it-tieni nett, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kunsill, it-tielet nett, tad-drittijiet tad-difiża u, ir-raba’ nett, tar-rispett tad-dritt ta’ proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

28

Fir-rigward tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-bażi legali tar-regolament kontenzjuż, il-punti tas-sentenza appellata kkonċernati minn dan l-aggravju huma dawn li ġejjin:

“57

[…] għandu jitqies li l-għan tar-regolament ikkontestat huwa li jiġġeddu u jissaħħu l-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessa 6 tar-regolament ikkontestat li, f’perijodu ta’ iktar minn għaxar snin qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill u l-membri tal-komunità internazzjonali kkundannaw ripetutament il-prattiki tar-reġim tal-Mjanmar, b’mod partikolari r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali u li, fid-dawl tal-vjolazzjonijiet serji u kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem li kienu ġew imwettqa għal żmien twil minn dan ir-reġim, il-miżuri restrittivi meħuda mill-Kunsill kellhom l-għan li jippromwovu r-rispett tad-drittijiet fundamentali u għalhekk kellhom l-għan li jipproteġu l-morali pubblika.

58

Għaldaqstant, ir-regolament ikkontestat inġenerali huwa ċarament dirett kontra pajjiż terz, jiġifieri l-Unjoni tal-Mjanmar.

[…]

61

[…] hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ pajjiż terz, fis-sens tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, jista’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew li huma kontrollati direttament jew indirettament minn dawn tal-aħħar (sentenza Kadi, punt 47 iktar ’il fuq, punt 166). Sabiex wieħed ikun jista’ jiġi kwalifikat bħala assoċjat mal-mexxejja ta’ pajjiż terz, għandha teżisti konnessjoni suffiċjenti bejn l-individwu kkonċernat u r-reġim inkwistjoni.

[…]

66

Għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-Kunsill qies, korrettament, li l-mexxejja importanti ta’ impriżi tar-reġim militari fil-Mjanmar bħall-missier ir-rikorrent, jiġifieri d-Direttur Eżekuttiv tal-impriżi Htoo Trading Co. u Htoo Construction Co., setgħu jiġu kwalifikati bħala persuni assoċjati ma’ dan ir-reġim. Fil-fatt, fil-Mjanmar, l-attivitajiet kummerċjali tal-imsemmija impriżi ma jistgħux jirnexxu, sakemm ma jibbenefikawx mill-favuri tal-imsemmi reġim. Bħala mexxejja ta’ dawn l-impriżi, dawn tal-aħħar jibbenefikaw, minħabba l-funzjoni tagħhom, mill-politika ekonomika ta’ dan il-pajjiż. Għaldaqstant, teżisti konnessjoni mill-qrib bejn il-mexxejja ta’ dawn l-impriżi u r-reġim militari.

67

Fir-rigward tal-membri ta’ dawn il-mexxejja, huwa permess li jiġi preżunt li huma jibbenefikaw mill-funzjoni eżerċitata minn dawn il-mexxejja b’tali mod li xejn ma jipprekludi l-konklużjoni li huma jibbenefikaw ukoll mill-politika ekonomika tal-gvern.

68

Madankollu, il-preżunzjoni li skontha l-membri tal-familja tal-mexxejja importanti ta’ impriżi ta’ pajjiż terz jibbenefikaw ukoll mill-politika ekonomika tal-gvern ta’ dan il-pajjiż tista’ tiġi kkonfutata jekk rikorrent jirnexxilu juri li ma għandux konnessjoni mill-qrib mal-mexxej li jagħmel parti mill-familja tiegħu.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma stabbilixxiex li huwa kien diżassoċjat minn missieru b’tali mod li l-pożizzjoni ta’ missieru bħala mexxej importanti ta’ impriżi ma ppermettitlux iktar li jibbenefika mill-politika ekonomika tal-Gvern tal-Mjanmar. Tabilħaqq, fis-seduta, ir-rikorrent iddikjara li kien għex ma’ ommu f’Singapor minn meta kellu tlettax-il sena, li qatt ma kien ħadem ma’ missieru u li ma kellu ebda azzjoni f’kumpanniji tal-Mjanmar. Madankollu, huwa ma ppreċiżax l-oriġini tal-fondi li ppermettewlu jkun azzjonist ta’ żewġ kumpanniji ta’ missieru stabbiliti f’Singapor bejn l-2005 u l-2007.

70

Barra minn dan, bis-saħħa tal-Artikolu 301 KE, azzjoni mill-Komunità tista’ tinterrompi kompletament ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz. Għaldaqstant, il-Kunsill jista’ jieħu l-miżuri urġenti neċessarji fir-rigward tal-movimenti ta’ kapitali u l-pagamenti sabiex jimplementa tali azzjoni, konformi mal-Artikolu 60 KE. Embargo kummerċjali ġenerali kontra pajjiż terz jikkonċerna l-persuni kollha fil-Mjanmar u mhux biss dawk li jibbenefikaw mill-politika ekonomika tar-reġim militari tal-Mjanmar minħabba s-sitwazzjoni personali tagħhom f’dan il-pajjiż. F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż, a fortiori, li l-miżuri restrittivi, abbażi ta’ sanzjonijiet immirati u selettivi li jikkonċernaw ċerti kategoriji ta’ persuni meqjusa bħala assoċjati mar-reġim inkwistjoni mill-Kunsill, inkluż il-membri tal-familja tal-mexxejja importanti ta’ impriżi tal-pajjiż terz ikkonċernat, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 60 KE u 301 KE.

[…]

72

Barra minn dan, għandu jiġi rrilevat li l-inklużjoni tal-membri tal-familja fil-kategoriji ta’ persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar hija ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ta’ effikaċità. […] L-inklużjoni tal-membri tal-familja tal-mexxejja importanti ta’ impriżi tevita l-evażjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni bit-trasferiment tal-assi ta’ dawn il-mexxejja lill-membri tal-familja tagħhom.”

L-argumenti tal-partijiet

29

L-appellant jallega li l-Artikoli 60 KE u 301 KE ma jagħtux lill-Kunsill il-poter li jiffriża l-assi tiegħu minħabba konnessjoni insuffiċjenti bejnu u l-Gvern tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar. Huwa jgħid li mill-punt 166 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li huma biss il-mexxejja ta’ pajjiż terz jew il-persuni assoċjati magħhom jew ikkontrollati minnhom li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi adottati fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE. Ma huwiex permess li jiġu imposti tali miżuri fuq individwi biss minħabba li dawn huma allegatament ikkunsidrati li jibbenefikaw mill-politika ekonomika ta’ reġim minħabba r-rabtiet tagħhom ma’ persuni li, minħabba fis-sħubija tagħhom fin-negozju, huma stess allegatament ikkunsidrati li bbenefikaw minn dan ir-reġim.

30

Billi jinvoka s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (T-256/07, Ġabra p. II-3019), l-appellant isostni li huwa l-Kunsill li għandu jipproduċi l-prova li l-iffriżar ta’ fondi huwa ġġustifikat. Skont l-appellant, minn din is-sentenza jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ inklużjoni tal-persuna kkonċernata fil-lista inkwistjoni għandha tkun ibbażata fuq provi konkreti u kredibbli u li l-istituzzjonijiet għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet lill-persuna kkonċernata.

31

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-appellant għaliex qatt ma kien qaleb il-preżunzjoni applikabbli għalih minħabba n-nuqqas ta’ dettall dwar is-sors tal-fondi li ppermettewlu jkun, bejn l-2005 u l-2007, azzjonist f’żewġ kumpanniji ta’ missieru stabbiliti f’Singapor. L-appellant ifakkar li huwa ma kienx proprjetarju ta’ dawn l-ishma meta tniżżel għall-ewwel darba fuq il-lista inkwistjoni fl-2003, jew fl-2008 meta ġie adottat ir-regolament kontenzjuż u li huwa assolutament ma kellu l-ebda konnessjoni mal-interessi kummerċjali ta’ missieru.

32

L-appellant iqis li t-tniżżil f’tali lista ta’ membri tal-familja ta’ persuni indirizzati mir-regolament kontenzjuż sabiex jiġi evitat li jiġi stultifikat l-iffriżar ta’ fondi ma huwiex ġustifikazzjoni konvinċenti billi tali tniżżil ma jipprevjenix trasferimenti ta’ assi, bħala miżura preventiva, la lil membri tal-familja li jiġu mill-bogħod u lanqas lil terzi.

33

Fir-rigward tas-setgħa tal-Komunità li timponi miżuri restrittivi mmirati lejn ċerti kategoriji ta’ persuni, l-appellant josserva li fis-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li waqt li l-Artikoli 60 KE u 301 KE jippermettu l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet kontra pajjiż terz, dan ma jirriżultax awtomatikament f’awtorizzazzjoni sabiex jittieħdu miżuri selettivi fir-rigward ta’ persuni fiżiċi.

34

Għal dawn l-argumenti, il-Kunsill iwieġeb li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, huwa ġie inkluż fir-regolament kontenzjuż minħabba li huwa membru ta’ kategorija partikolari ta’ persuni identifikati f’dan ir-regolament, u mhux fil-kapaċità tiegħu ta’ individwu. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, il-membri tal-familja ta’ persuni assoċjati mar-reġim militari tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar huma kkunsidrati bħala li jibbenefikaw mill-politika ekonomika ta’ dan il-pajjiż. L-appellant huwa għalhekk effettivament assoċjat ma’ dan ir-reġim fis-sens tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-appellant dejjem iddeskriva ruħu bħala student u fl-ebda ħin ma ta x’wieħed jifhem li huwa finanzjarjament indipendenti minn missieru.

35

Fir-rigward tar-riskju li jiġu stultifikati l-miżuri restrittivi, il-Kunsill allega li t-tniżżil fl-istess ħin fuq il-lista inkwistjoni tal-mexxej ta’ impriża u tal-membri tal-familja tiegħu għandu preċiżament l-effett li jiffriża l-assi kollha kkonċernati, inklużi dawk li jistgħu jkunu ġew ittrasferiti minn qabel lil membri bħal dawn. Minħabba l-livell ta’ kunfidenza neċessarja sabiex jagħmlu tali trasferiment, il-mexxejja ta’ impriżi jkunu inqas inklinati li jagħmlu dan għall-benefiċċju ta’ terzi.

36

Ir-Renju Unit, li llimita l-intervent tiegħu għal dan l-aggravju, u l-Kummissjoni jqisu li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-regolament kontenzjuż kien fondat fuq bażi legali xierqa. Fid-dawl tat-test u tal-iskop tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318 u tar-regolament kontenzjuż, kif ukoll tal-bżonn li jiġi evitat li jiġu stultifikati miżuri importanti, it-termini “[…] persuni assoċjati […]” għandhom jiġu interpretati bħala l-membri tal-Gvern tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar li jinsabu fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament li jinkludu l-membri tal-familja ta’ dawn il-persuni u l-membri tal-familja ta’ persuni li jieħdu vantaġġ mill-politika ekonomika ta’ dan il-gvern.

37

Skont il-Kummissjoni, jidher li l-appellant jikkontesta l-istess mekkaniżmu ta’ “sanzjonijiet immirati” magħżula mill-Kunsill. Madankollu, ma huwiex għall-qrati tal-Unjoni li jivverifikaw dan il-mekkaniżmu partikolari magħżul sabiex jiġi implementat l-embargo kummerċjali fir-rigward ta’ pajjiżi terzi.

38

Fis-sistema legali tal-Unjoni, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, skont pożizzjoni komuni adottata taħt il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni.

39

Peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax, b’mod partikolari, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha dwar il-provi, il-fatti u ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri b’dik tal-Kunsill, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq il-legalità ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar tal-fondi għandu jiġi limitat għall-verifika tar-rispett tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter. Madankollu, l-appellant naqas milli jistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ċaħdet l-argumenti tiegħu li r-regoli li jiggvernaw il-proċedura u r-raġunijiet mogħtija mill-Kunsill favur l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż kienu vvizzjati bi żball.

40

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar jekk hemmx konnessjoni suffiċjenti bejn l-appellant u l-mexxejja tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar u l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-insuffiċjenza tal-provi jew tal-argumenti ppreżentati mill-appellant sabiex jikkontesta l-assoċjazzjoni diretta jew indiretta tiegħu mar-reġim militari ta’ dan il-pajjiż ma jikkostitwixxux punti ta’ liġi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Osservazzjonijiet preliminari

41

Mingħajr ma espressament tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjoni ta’ jekk hemmx konnessjoni suffiċjenti bejn l-appellant u l-mexxejja tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni hija kwistjoni ta’ fatt u mhux ta’ liġi. Billi l-appellant ma weriex li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni fattwali jew distorsjoni tal-provi, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt li wasslet għalihom il-Qorti Ġenerali għandhom jinżammu mill-Qorti tal-Ġustizzja.

42

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

43

Fil-fatt, hekk kif il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 61 tas-sentenza appellata, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “pajjiż terz”, fis-sens tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, jista’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn dawn tal-aħħar (ara s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 166).

44

Huwa fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk kienx hemm konnessjoni suffiċjenti bejn l-appellant u l-mexxejja tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar, li tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontra l-appellant fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE.

45

F’dan l-appell, il-kwistjoni li għandha tiġi deċiża tikkonċerna jekk, billi ġie deċiż fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata li teżisti preżunzjoni li l-membri tal-familja ta’ mexxejja ta’ impriżi importanti tar-reġim militari fil-Mjanmar jibbenefikaw mill-funzjoni mwettqa minn dawn il-mexxejja ta’ impriżi b’tali mod li huwa permess li jiġi konkluż li dawn ukoll jibbenefikaw mill-politika ekonomika tal-gvern ta’ dan il-pajjiż, il-Qorti Ġenerali applikatx korrettament il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-Artikoli 60 KE u 301 KE kif b’mod partikolari jirriżulta mis-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.

Fuq il-mertu

46

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C-548/09 P, Ġabra p. I-11381, punt 66).

47

L-Artikolu 60 KE(1) jipprovdi li jekk fil-każijiet previsti mill-Artikolu 301 KE tiġi kkunsidrata meħtieġa azzjoni mill-Komunità, il-Kunsill jista’ jieħu, fir-rigward ta’ pajjiżi terzi kkonċernati, il-miżuri urġenti neċessarji fir-rigward tal-moviment tal-kapital u tal-pagamenti.

48

Skont l-Artikolu 301 KE, meta jkun hemm, f’pożizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottata skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda il-politika komuni barranija u ta’ sigurtà, provvedimenti għal xi azzjoni mill-Komunità biex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ xi pajjiż terz jew pajjiżi terzi, il-Kunsill għandu jieħu l-miżuri urġenti neċessarji.

49

Ir-regolament kontenzjuż jirrigwarda l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar.

50

Mill-premessa 6 tar-regolament kontenzjuż jirriżulta li, fid-dawl tal-ksur gravi u ripetut tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mir-reġim fis-seħħ f’dan il-pajjiż, il-miżuri restrittivi li jinsabu f’dan ir-regolament huma strumentali fil-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u b’hekk huma intiżi li jipproteġu l-prinċipji morali tas-soċjetà f’dak il-pajjiż.

51

Skont l-Artikolu 11 tar-regolament kontenzjuż, il-miżuri restrittivi inkwistjoni ġew applikati permezz tal-friża tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-membri tal-gvern tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom.

52

Il-lista tal-membri ta’ dan il-gvern kif ukoll tal-persuni, entitajiet u organi assoċjati magħhom elenkati fl-Artikolu 11, li tinsab fl-Anness VI tar-regolament kontenzjuż, b’mod partikolari tinkludi fiha l-ismijiet tal-membri tal-Kunsill tal-Istat għall-Paċi u l-Iżvilupp, tal-ministri, tal-militari anzjani u tal-persuni li jieħdu vantaġġ mill-politika ekonomika ta’ dan il-gvern.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-kliem tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, b’mod partikolari tal-kliem, “għar-rigward tal-pajjiżi terzi inkwistjoni” u “ma’ xi pajjiż terz wieħed jew iktar” li jinsabu fihom, dawn id-dispożizzjonijiet ikopru l-adozzjoni ta’ miżuri kontra pajjiżi terzi, peress li dan l-aħħar kunċett jista’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom (sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 166).

54

Fil-lista ta’ persuni li jibbenefikaw mill-politika ekonomika tal-Gvern tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar, u li għalhekk kellhom il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi rispettivi tagħhom ffriżati, li tinsab fil-punt J tal-Anness VI tar-regolament kontenzjuż, insibu b’mod partikolari inklużi l-ismijiet tal-membri tal-familja ta’ mexxejja ta’ ċerti impriżi, fosthom dik tal-appellant.

55

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif imfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, ma huwiex eskluż li l-mexxejja ta’ ċerti impriżi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi adottati fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE sakemm jintwera li huma assoċjati mal-mexxejja tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar jew li l-attivitajiet ta’ dawn l-impriżi jiddependu minn dawn il-mexxejja.

56

Madankollu, il-membri tal-familja tal-mexxejja ta’ impriżi li jinsabu fil-lista fl-Anness VI tar-regolament kontenzjuż huma milquta mill-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi sempliċement minħabba li dawn jappartjenu għall-familja ta’ persuni, li min-naħa tagħhom, huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja nazzjonali.

57

Fir-rigward tagħhom, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li huwa permess li wieħed jassumi li l-membri tal-familja tal-mexxejja ta’ impriżi jistgħu jieħdu vantaġġ mill-funzjoni mwettqa minn dawn il-mexxejja ta’ impriżi u li għalhekk jibbenefikaw huma wkoll mill-politika ekonomika tal-gvern. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkontestata jekk l-appellant juri li ma għandux rabta stretta mal-mexxej ta’ impriża li huwa parti mill-familja tiegħu (punt 68 tas-sentenza appellata).

58

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet (punt 70 tas-sentenza appellata) li l-miżuri restrittivi, abbażi ta’ sanzjonijiet immirati u selettivi li jikkonċernaw ċerti kategoriji ta’ persuni meqjusa bħala assoċjati mar-reġim inkwistjoni mill-Kunsill, inkluż il-membri tal-familja tal-mexxejja importanti ta’ impriżi tal-pajjiż terz ikkonċernat, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 60 KE u 301 KE.

59

Għandu jiġi vverifikat jekk, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi dwar il-portata tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq).

60

Waqt li huwa minnu li fil-punt 166 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet għal interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, sa fejn hija inkludiet fil-kunċett ta’ “pajjiżi terzi” li jinsab f’dawn l-artikoli, il-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom, xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali interpretazzjoni ġiet issuġġettata għal kundizzjonijiet maħsuba sabiex jiżguraw applikazzjoni konformi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE mal-għan li ġie assenjat lilhom.

61

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li jkun biżżejjed li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jikkonċernaw persuni jew entitajiet li jinsabu f’pajjiż terz jew li huma assoċjati miegħu b’mod ieħor sabiex dawn jiġu kkunsidrati li ġew adottati fir-rigward ta’ dan il-pajjiż, fis-sens tal-Artikoli 60 KE u 301 KE (ara s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 168).

62

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali interpretazzjoni tal-Artikoli 60 KE u 301 KE tagħti portata eċċessivament wiesgħa lil dawn id-dispożizzjonijiet u ma tkun bl-ebda mod qed tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa, li tirriżulta mill-kliem stess tagħhom, li l-miżuri deċiżi fuq il-bażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jittieħdu kontra pajjiż terz (sentenza ċċitata iktar ’il fuq Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 168).

63

Minn dan isegwi li, sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi kontra pajjiżi terzi fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, il-miżuri kontra l-persuni fiżiċi għandhom jikkonċernaw biss lill-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi u l-persuni li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja (sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 166).

64

Din l-eżiġenza tiżgura l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuni kkonċernati u l-pajjiżi terzi li huma l-mira tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni, billi tevita li l-Artikoli 60 KE u 301 KE jkunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni wiesgħa ħafna u li għalhekk tkun kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

65

Billi huwa permess li wieħed jassumi li l-membri tal-familja tal-mexxejja tal-impriżi importanti jibbenefikaw ukoll mill-politika ekonomika tal-gvern, il-Qorti Ġenerali wessgħat il-kategorija ta’ persuni fiżiċi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi mmirati.

66

L-applikazzjoni ta’ tali miżuri lill-persuni fiżiċi biss minħabba r-rabta tagħhom bħala parti minn tal-familja ma’ persuni li huma assoċjati mal-mexxejja tal-pajjiżi terzi kkonċernati u indipendentement mill-aġir personali tagħhom ma jaqbilx mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikoli 60 KE u 301 KE.

67

Ma huwiex faċli li tiġi stabbilita rabta, anki jekk indiretta, bejn in-nuqqas ta’ progress lejn it-triq tad-demokratizzazzjoni u l-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar, li tikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-regolament kontenzjuż, waħda mir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, mal-aġir tal-membri tal-familja ta’ dawk il-mexxejja ta’ impriżi, li huma nfushom ma ġewx ikkritikati.

68

Min-naħa l-oħra, billi fil-punt 168 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ġie deċiż li l-miżuri restrittivi meħuda kontra pajjiż terz ma setgħux jikkonċernaw persuni assoċjati ma’ dan il-pajjiż “b’mod ieħor”, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tillimita l-kategoriji ta’ persuni fiżiċi li setgħu jiġu affettwati mill-miżuri restrittivi mmirati għal dawk li r-rabta ta’ konnessjoni tagħhom mal-pajjiż terz inkwistjoni huwa ovvju, jiġifieri l-mexxejja ta’ pajjiżi terzi u l-individwi li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja.

69

Barra minn hekk, il-kriterju użat mill-Qorti Ġenerali għall-inklużjoni ta’ membri tal-familja tal-mexxejja ta’ impriżi huwa bbażat fuq preżunzjoni li la kienet prevista fir-regolament kontenzjuż u lanqas fil-Pożizzjonijiet Komuni 2006/318 u 2007/750, li għalihom dan jirreferi, u li ma jissodisfax l-għan ta’ dan ir-regolament.

70

Konsegwentement, miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lill-appellant setgħat biss tiġi adottata, fil-kuntest ta’ regolament intiż li jissanzjona pajjiż terz fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, fuq il-bażi ta’ elementi preċiżi u konkreti li jistabbilixxu li dan l-appellant jieħu vantaġġ mill-politika ekonomika tal-mexxejja tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar.

71

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi ddeċidiet li huwa permess li wieħed jassumi li l-membri tal-familja tal-mexxejja tal-impriżi jibbenefikaw ukoll mill-funzjoni mwettqa minnhom b’tali mod li jieħdu vantaġġ mill-politika ekonomika tal-gvern, u li, konsegwentement, hemm rabta suffiċjenti, taħt l-Artikoli 60 KE u 301 KE, bejn l-appellant u r-reġim militari fil-Mjanmar, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

72

Minn dan jirriżulta li l-ewwel aggravju huwa fondat u li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata peress li ma annullatx ir-regolament kontenzjuż, sa fejn dan jikkonċerna l-appellant, minħabba f’nuqqas ta’ bażi legali.

73

Billi r-rikonoxximent tal-fondatezza tal-ewwel aggravju jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

74

B’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija tista’ għalhekk tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

75

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tiddisponi mill-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-rikors għal annullament tar-regolament kontenzjuż ippreżentat mill-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali.

76

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 60 sa 70 ta’ din is-sentenza, ir-rikors huwa fondat u hemm lok li r-regolament kontenzjuż jiġi annullat, minħabba f’nuqqas ta’ bażi legali, f’dak li jikkonċerna l-appellant.

Fuq l-ispejjeż

77

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

78

L-Artikolu 69(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, li sar applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn ir-regoli, jiddisponi li kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi kif mitlub mill-appellant.

79

L-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi deċiż li r-Renju Unit u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati kemm mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fl-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Mejju 2010, Tay Za vs Il-Kunsill (T-181/08), hija annullata.

 

2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008, tal-25 ta’ Frar 2008, li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 817/2006 huwa annullat, sa fejn jikkonċerna lil P. Tay Za.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż kemm tal-ewwel istanza kif ukoll dawk f’dan l-appell.

 

4)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, kemm tal-ewwel istanza kif ukoll dawk f’dan l-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.