Kawża C-366/10
Air Transport Association of America et
vs
Secretary of State for Energy and Climate Change
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court))
“Talba għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’gassijiet serra — Direttiva 2008/101/KE — Inklużjoni tal-attivitajiet bl-ajru f’din l-iskema — Validità — Konvenzjoni ta’ Chicago — Protokoll ta’ Kyoto — Ftehim ta’ trasport bl-ajru UE-Stati Uniti — Prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju — Effetti legali — Invokabbiltà — Extraterritorjalità tad-dritt tal-Unjoni — Kunċetti ta’ ‘ħlas’ u ta’ ‘taxxa’”
Sommarju tas-sentenza
1. Ftehim internazzjonali — Ftehim tal-Unjoni — Effetti ta’ ftehim fl-Unjoni fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa tiegħu li tipprevedihom
(Artikoli 216(2) TFUE u 267 TFUE)
2. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Eżami tal-validità ta’ direttiva fid-dawl ta’ konvenzjoni internazzjonali — Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-avjazzjoni ċivili internazzjonali — Konvenzjoni li ma torbotx lill-Unjoni — Esklużjoni
(Artikoli 267 TFUE u 351 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101)
3. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Eżami tal-validità ta’ direttiva fid-dawl ta’ konvenzjoni internazzjonali — Protokoll ta’ Kyoto taħt il-konvenzjoni-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kambjamenti tal-klima — Protokoll li jorbot lill-Unjoni — Dispożizzjonijiet li ma għandhomx natura inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi — Esklużjoni
(Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 94/69 u 2002/358)
4. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Eżami tal-validità ta’ direttiva fid-dawl ta’ konvenzjoni internazzjonali — Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tiegħu u l-Istati Uniti tal-Amerika — Regoli intiżi li japplikaw direttament u immedjatament għat-trasportaturi bl-ajru — Inklużjoni
(Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101; Deċiżjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri 2007/339 u 2010/465)
5. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Eżami tal-validità ta’ direttiva fid-dawl tad-dritt internazzjonali konswetudinarju — Prinċipji ta’ sovranità tal-Istati fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom, ta’ nuqqas ta’ sottomissjoni tal-ibħra internazzjonali għas-sovranità tal-Istati u ta’ titjir liberu fuq l-ibħra internazzjonali — Inklużjoni — Kundizzjonijiet u limiti
(Artikolu 3(5) TUE; Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101)
6. Dritt internazzjonali pubbliku — Prinċipji — Prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju — Sottomissjoni esklużiva ta’ bastiment li jinsab fl-ibħra internazzjonali għal-liġi tar-reġistru tiegħu — Applikazzjoni b’analoġija għall-inġenji tal-ajru li jtiru fuq l-ibħra internazzjonali — Esklużjoni
7. Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’gassijiet serra — Inklużjoni tal-attivitajiet bl-ajru f’din l-iskema — Kompetenza tal-Unjoni li twettaq din l-inklużjoni fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ta’ sovranità tal-Istati tal-ispazju tal-ajru tagħhom u ta’ nuqqas ta’ sottomissjoni tal-ibħra internazzjonali għas-sovranità tal-Istati u ta’ titjir liberu fuq l-ibħra internazzjonali
(Artikolu 191(2) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101)
8. Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Inklużjoni tal-attivitajiet bl-ajru f’din l-iskema — Kompetenza tal-Unjoni li twettaq din l-inklużjoni fid-dawl tar-regola tal-Ftehim ‘Sema Miftuħ’, li jimponi l-osservanza tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari ta’ kull parti kontraenti
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101)
9. Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Inklużjoni tal-attivitajiet bl-ajru f’din l-iskema — Kompetenza tal-Unjoni li twettaq din l-inklużjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ‘Sema Miftuħ’ dwar id-dazji doganali u t-taxxi
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101)
10. Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Inklużjoni tal-attivitajiet bl-ajru f’din l-iskema — Kompetenza tal-Unjoni li twettaq din l-inklużjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ‘Sema Miftuħ’ dwar l-ambjent
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/101)
1. Skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li huma kompetenti jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim internazzjonali, jistgħu jiftehmu mal-Istati terzi kkonċernati dwar l-effetti li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandhom jipproduċu fl-ordinament intern tal-partijiet kontraenti. Huwa biss jekk din il-kwistjoni ma tkunx regolata mill-ftehim li taqa’ fuq il-qrati li għandhom il-ġurisdizzjoni, u b’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja, li jaqtgħu din il-kwistjoni bl-istess mod bħal kull kwistjoni oħra ta’ interpretazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-ftehim fl-Unjoni.
Issa, bis-saħħa tal-Artikolu 216(2) TFUE, meta jiġi konkluż ftehim internazzjonali mill-Unjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta b’dan il-ftehim u, konsegwentement, dawn jipprevalu fuq l-atti tal-Unjoni. Isegwi li l-validità ta’ att tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata mill-inkompatibbiltà ta’ dan l-att ma dawn ir-regoli tad-dritt internazzjonali. Meta din l-invalidità tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ jekk ċerti kundizzjonijiet humiex sodisfatti fil-kuntest tal-kawża mressqa quddiemha sabiex jiġi stabbilit jekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, tistax tiġi evalwata l-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali invokati. Fil-fatt, l-Unjoni għandha l-ewwel nett tkun marbuta b’dawn ir-regoli. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tistħarreġ il-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ trattat internazzjonali meta n-natura u l-istruttura tiegħu ma jipprekludux dan. Fl-aħħar nett, meta n-natura u l-istruttura tat-trattat inkwistjoni jippermettu stħarriġ tal-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat, hemm bżonn ukoll li d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat invokati għall-finijiet tal-eżami tal-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni jkunu, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi.
(ara l-punti 49-54)
2. Minkejja li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jimplika l-obbligu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li ma jostakolawx l-implementazzjoni tal-impenji tal-Istati Membri li jirriżultaw minn konvenzjoni fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 1958, bħalma hija l-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-avjazzjoni ċivili internazzjonali, dan l-obbligu tal-istituzzjonijiet huwa intiż li jippermetti lill-Istati Membri kkonċernati li josservaw l-impenji li jkunu daħlu għalihom bis-saħħa ta’ konvenzjoni preċedenti, mingħajr ma jorbot lill-Unjoni fir-rigward tal-Istati terzi li huma partijiet għal din il-konvenzjoni. Konsegwentement, huwa biss jekk u sa fejn, bis-saħħa tat-Trattati UE u FUE, l-Unjoni assumiet il-kompetenzi eżerċitati preċedentement mill-Istati Membri tal-Unjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni internazzjonali, li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni jkollhom bħala effett dak li jorbtu lill-Unjoni.
Issa, għalkemm l-Unjoni ċertament kisbet ċerti kompetenzi esklużivi sabiex tikkuntratta mal-Istati terzi impenji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru internazzjonali u, konsegwentement, fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dan ma jfissirx li issa għandha kompetenza esklużiva fil-qasam kollu tal-avjazzjoni ċivili internazzjonali kif kopert minn din il-konvenzjoni.
Konsegwentement, sa fejn il-kompetenzi preċedentement eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ma għaddewx kollha kemm huma għand l-Unjoni, din tal-aħħar ma hijiex marbuta minn din il-konvenzjoni. Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina l-validità tad-Direttiva 2008/101, li temenda d-Direttiva 2003/87, sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari.
(ara l-punti 61, 62, 69, 71, 72)
3. Mid-Deċiżjonijiet 94/69, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kambjamenti tal-Klima, u 2002/358, dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu, li l-Unjoni approvat il-Protokoll ta’ Kyoto. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim huma parti integrali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
Madankollu, anki jekk il-Protokoll ta’ Kyoto jipprevedi impenji f’ċifri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-perijodu ta’ impenn li jikkorrispondi għas-snin 2008 sa 2012, il-partijiet għal dan il-protokoll jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-modalitajiet u l-ħeffa li jaqbel l-iktar lilhom. Dispożizzjoni bħall-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto, li tipprevedi li l-partijiet kontraenti jippruvaw jillimitaw jew inaqqsu l-emissjonijiet ta’ ċerti gassijiet serra li joriġinaw mil-kombustibbli tal-istiva użat fit-trasport bl-ajru permezz tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, fir-rigward tal-kontenut tagħha, ma għandhiex titqies li għandha natura inkundizzjonali u suffiċjentement preċiża b’mod li tagħti lill-parti fil-kawża d-dritt li tinvokaha fil-kawża sabiex tikkontesta l-validità tad-Direttiva 2008/101, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61, li temenda d-Direttiva 2003/87 sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità. Konsegwentement, il-Protokoll ta’ Kyoto ma jistax jiġi invokat fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari sabiex tiġi evalwata l-validità ta’ din id-direttiva.
(ara l-punti 73, 76-78)
4. Il-ftehim ta’ trasport bl-ajru konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (il-Ftehim “Sema Miftuħ”) ġie approvat f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjonijiet Nri 2007/339 u 2010/465, dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja rispettivament tal-ftehim u tal-Protokoll li jemenda dan il-ftehim. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim huma parti integrali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jifformaw parti integrali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
It-trasportaturi bl-ajru stabbiliti fit-territorju tal-partijiet kontraenti tal-Ftehim “Sema Miftuħ” huma speċifikament imsemmija minnu. Ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jagħtu drittijiet direttament li dawn it-trasportaturi, filwaqt li oħrajn jimponu obbligi fuqhom.
Il-fatt li l-partijiet tal-Ftehim “Sema Miftuħ” ħolqu qafas istituzzjonali partikolari għall-konsultazzjonijiet u negozjati bejniethom dwar l-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi kull applikazzjoni ġudizzjarja tiegħu. Għaldaqstant, peress li l-imsemmi ftehim jistabbilixxi ċerti regoli intiżi li jkunu applikabbli direttament u immedjatament għal-linji tal-ajru u li jagħtihom b’hekk drittijiet jew libertajiet li jistgħu jiġu invokati fil-konfront tal-partijiet għal dan il-ftehim, u li n-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tevalwa l-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, bħal ma hija d-Direttiva 2008/101, li temenda d-Direttiva 2003/87 sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bħal dan.
(ara l-punti 79, 82-84)
5. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5) TUE, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-osservanza stretta tal-iżvilupp tad-dritt internazzjonali. Konsegwentement, meta hija tadotta att, hija marbuta li tosserva d-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
F’dan ir-rigward, il-prinċipji tad-dritt konswetudinarju internazzjonali, bħall-prinċipju li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu, il-prinċipju li ebda Stat ma jista’ validament jissuġġetta taħt is-sovranità tiegħu kwalunkwe parti mill-ibħra internazzjonali, u l-prinċipju ta’ libertà ta’ titjir fuq l-ibħra internazzjonali, jistgħu jiġu invokati minn parti fil-kawża għall-finijiet tal-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-validità ta’ att tal-Unjoni sa fejn, minn naħa, dawn il-prinċipji jistgħu jqegħdu inkwistjoni l-kompetenza tal-Unjoni li tadotta l-imsemmi att u, min-naħa l-oħra, l-att inkwistjoni jkun jista’ jaffettwa d-drittijiet li l-parti fil-kawża tinvoka mid-dritt tal-Unjoni jew li joħloq għaliha obbligi fid-dawl ta’ dan id-dritt.
Meta l-imsemmija prinċipji jiġu invokati sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, jekk l-Unjoni kellhiex il-kompetenza li tadotta d-Direttiva 2008/101 sa fejn hija testendi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru ta‘ Stati terzi li t-titjiriet tagħhom lejn u minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni jitwettqu parzjalment barra mill-ibħra internazzjonali u barra mit-territorju ta’ dawn tal-aħħar, anki jekk il-prinċipji inkwistjoni jidhru li għandhom bħala portata tagħhom dik li joħolqu biss obbligi bejn Stati, ma jistax jiġi eskluż, fiċ-ċirkustanzi li fiha d-Direttiva 2008/101 tista’ toħloq xi obbligi fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li dawn tal-aħħar jistgħu jinvokaw l-imsemmija prinċipji u li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina b’hekk il-validità ta’ din id-direttiva fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji. Madankollu, peress li prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ma għandux l-istess grad ta’ preċiżjoni li jkollha dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament jasal biss sal-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta adottaw l-att inkwistjoni, wettqux żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji.
(ara l-punti 101, 103, 107-110)
6. Ma hemmx elementi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, irrikonoxxut bħala tali, li jgħid li bastiment li jinsab fl-ibħra internazzjonali huwa bħala prinċipju suġġett esklużivament għal-liġi tar-reġistru tiegħu, jista’ jiġi applikat b’analoġija għall-inġenji tal-ajru li jtiru fuq l-ibħra internazzjonali.
(ara l-punt 106)
7. Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-Direttiva 2008/101, li temenda d-Direttiva 2003/87 sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, ma rrendietx id-Direttiva 2003/87 applikabbli fiha nfisha għall-inġenji tal-ajru rreġistrati fl-Istati terzi u li jkunu qed itiru fuq dawn tal-aħħar jew fuq l-ibħra internazzjonali. Fil-fatt, il-kompetenzi tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati b’osservanza tad-dritt internazzjonali, b’mod li d-Direttiva 2008/101 għandha tiġi interpretata, u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha limitat, fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali tal-baħar u tad-dritt internazzjonali tal-ajru.
F’dan ir-rigward, billi tipprevedi kriterju ta’ applikabbiltà għall-operaturi ta’ inġenji tal-ajru ibbażat fuq il-fatt li dawn l-inġenji tal-ajru jwettqu titjira li titlaq jew li tinżel f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, id-Direttiva 2008/101 ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ territorjalità u lanqas ta’ sovranità tal-Istati terzi, li minnhom joriġinaw jew li jitilqu lejnhom dawn it-titjiriet imwettqa, fuq l-ispazju tal-ajru li jinsab fuq it-territorju tagħhom, peress li l-imsemmija inġenji tal-ajru jinsabu fiżikament fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni u huma b’hekk suġġetti, għall-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Unjoni. Din l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tnaqqasx mill-prinċipju ta’ titjir liberu fuq l-ibħra internazzjonali għaliex inġenju tal-ajru li jtir fuqhom ma huwiex suġġett, inkwantu jwettaq dan il-passaġġ, għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. Fil-fatt, huwa biss jekk l-operatur ta’ dan l-inġenju tal-ajru jagħżel li jopera linja tal-ajru kummerċjali fl-inżul jew fit-tluq f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li dan l-operatur, minħabba li l-inġenju tal-ajru jkun jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, ikun suġġett għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti.
Il-fatt li l-operatur ta’ inġenju tal-ajru jkun marbut li jirrestitwixxi l-kwoti kkalkolati fid-dawl tat-titjira internazzjonali kollha li l-inġenju tal-ajru jkun wettaq jew li jkun ser iwettaq, ma huwiex tali, fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju bħal ma huma l-prinċipju li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu, il-prinċipju li ebda Stat ma jista’ validament jissuġġetta taħt is-sovranità tiegħu kwalunkwe parti mill-ibħra internazzjonali, u l-prinċipju ta’ libertà ta’ titjir fuq l-ibħra internazzjonali, li jqegħdu inkwistjoni l-applikabbiltà sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fuq l-imsemmi territorju. Fil-fatt, peress li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent tfittex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 191(2) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ fil-prinċipju jagħżel li jawtorizza l-eżerċizzju fit-territorju tiegħu ta’ attività kummerċjali, f’dan il-każ it-trasport bl-ajru, biss taħt il-kundizzjoni li l-operaturi josservaw il-kriterji ddefiniti mill-Unjoni u intiżi li jilħqu l-għanijiet mogħtija lilha nnifisha fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari meta dawn l-għanijiet jaqgħu taħt l-estensjoni ta’ ftehim internazzjonali li l-Unjoni tkun daħlet għalih, bħal ma huma l-konvenzjoni-qafas u l-Protokoll ta’ Kyoto.
(ara l-punti 122, 123, 125-129)
8. Id-Direttiva 2008/101, li temenda d-Direttiva 2003/87 sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, tipprevedi li d-Direttiva 2003/87 tkun applikabbli għat-titjiriet li jinżlu jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. B’hekk, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tirregola fit-territorju tal-Istati Membri d-dħul u l-ħruġ tal-inġenji tal-ajru li jwettqu n-navigazzjoni tal-ajru internazzjonali, kemm Ewropea u kemm trans-Atlantika, jirriżulta espressament mill-Artikolu 7(1) tal-ftehim ta’ trasport bl-ajru konkluż bejn il-Komunità Europea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (il-Ftehim “Sema Miftuħ”), li din il-leġiżlazzjoni tapplika għall-inġenji tal-ajru kollha użati mil-linji tal-ajru tal-parti l-oħra għal dan il-ftehim u li dan l-inġenju tal-ajru huwa marbut li josserva din il-leġiżlazzjoni. Isegwi li l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim “Sema Miftuħ” ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti stabbilita bid-Direttiva 2003/87 għall-operaturi ta’ inġenji tal-ajru, bħalma huma l-linji tal-ajru stabbiliti fl-Istati Uniti, meta l-inġenji tal-ajru tagħhom iwettqu titjiriet li jaslu jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.
(ara l-punti 134, 135)
9. B’differenza minn dritt, taxxa jew ħlas fuq il-konsum tal-karburant, l-iskema implementata mid-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2008/101, barra mill-fatt li ma hijiex intiża li toħloq dejn favur l-awtoritajiet pubbliċi, bl-ebda mod ma tħalli wieħed jikkonkludi, fuq il-bażi ta’ pjattaforma u ta’ rata ddefinita a priori, ammont li jsir dovut għal kull tunnellata ta’ karburant ikkunsmat għat-titjiriet kollha mwettqa f’sena kalendarja.
B’hekk, ma jistax jintqal li d-Direttiva 2008/101 tikkostitwixxi forma ta’ imposta obbligatorja favur l-awtoritajiet pubbliċi li tista’ titqies li hija dritt tad-dwana, taxxa jew ħlas fuq il-karburant miżmum jew ikkunsmat mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Il-fatt li xi operaturi tal-inġenji tal-ajru jistgħu jiksbu kwoti supplimentari sabiex ikopru l-emissjonijiet effettivi tagħhom mhux biss minn operaturi oħra, imma wkoll mill-awtoritajiet pubbliċi fil-kuntest tal-irkant ta’ 15 % tal-kwoti totali bl-ebda mod ma jneħħi s-saħħa ta’ din il-konstatazzjoni.
Għaldaqstant, billi estendiet l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 għall-avjazzjoni, id-Direttiva 2008/101 ma kisret bl-ebda mod l-obbligu ta’ eżenzjoni applikabbli għall-karburant imbarkat, kif previst fl-Artikolu 11(1) u (2)(c) tal-ftehim ta’ trasport bl-ajru konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra, peress li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, minħabba l-karatteristiċi tagħha nfusha, tikkostitwixxi miżura bbażata fuq is-suq u mhux dritt, taxxa jew ħlas fuq il-karburant imbarkat.
(ara l-punti 143, 145-147)
10. L-għan indikat fl-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2008/101, li timmira li tiżgura l-aqwa interazzjoni possibbli bejn l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-Unjoni u l-“Market Based Measures” li jiġu adottati mill-Istati terzi, b’mod li ma jkunx hemm applikazzjoni doppja ta’ dawn l-iskemi fuq l-inġenji tal-ajru li jwettqu rotot internazzjonali, kemm jekk ikunu rreġistrati fi Stat Membru u kemm jekk fi Stat terz, jikkorrispondi għal dak indikat fl-Artikolu 15(7) tal-ftehim ta’ trasport bl-ajru konkluż bejn il-Komunità Europea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (il-Ftehim “Sema miftuħ”).
Barra minn hekk, it-tieni frażi tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(4) ta’ dan il-ftehim, ma tipprekludix lill-partijiet għalih milli jadottaw miżuri li jillimitaw il-volum tat-traffiku, il-frekwenza jew ir-regolarità tat-trasport jew ukoll it-tip tal-inġenji tal-ajru operati mil-linji tal-ajru stabbiliti fit-territorju ta’ dawn il-partijiet, meta dawn il-miżuri jkunu marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent. L-Artikolu 3(4) ta’ dan il-ftehim jipprevedi espliċitament li l-ebda waħda miż-żewġ partijiet għalih ma għandha twettaq dawn il-limitazzjonijiet “ħlief kif jista’ jkun meħtieġ għal raġunijiet […] ambjentali”. L-imsemmi Artikolu 15(3), moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3(4) tal-istess ftehim, jipprevedi li, meta l-partijiet għall-imsemmi ftehim jadottaw miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent bħal dawn, huma għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju għal-linji tal-ajru kkonċernati.
Issa, hekk kif jirriżulta espressament mill-premessa 21 tad-Direttiva 2008/101, l-Unjoni pprevediet espressament applikazzjoni uniformi tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti lil kull operatur tal-inġenji tal-ajru li jwettaq rotot tal-ajru li jitilqu jew li jinżlu f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Konsegwentement, id-Direttiva 2008/101 ma hijiex invalida fid-dawl tal-imsemmi Artikolu 15(3) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3(4) tiegħu.
(ara l-punti 151-156)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
21 ta’ Diċembru 2011 (*)
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’gassijiet serra – Direttiva 2008/101/KE – Inklużjoni tal-attivitajiet bl-ajru f’din l-iskema – Validità – Konvenzjoni ta’ Chicago – Protokoll ta’ Kyoto – Ftehim ta’ trasport bl-ajru UE-Stati Uniti – Prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju – Effetti legali – Invokabbiltà – Extraterritorjalità tad-dritt tal-Unjoni – Kunċetti ta’ ‘ħlas’ u ta’ ‘taxxa’”
Fil-Kawża C‑366/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura
Air Transport Association of America,
American Airlines Inc.,
Continental Airlines Inc.,
United Airlines Inc.
vs
Secretary of State for Energy and Climate Change,
fil-preżenza ta’:
International Air Transport Association (IATA),
National Airlines Council of Canada (NACC),
Aviation Environment Federation,
WWF-UK,
European Federation for Transport and Environment,
Environmental Defense Fund,
Earthjustice,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K.
Lenaerts, J.‑C. Bonichot u A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Lulju 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Air Transport Association of America, American Airlines Inc., Continental Airlines Inc. u United Airlines Inc., minn D. Wyatt, QC, M. Hoskins u M. Chamberlain, barristers, irrappreżentati minn D. Das, solicitor,
– għall-International Air Transport Association (IATA) u n-National Airlines Council of Canada (NACC), minn C. Quigley, QC,
– għall-Aviation Environment Federation, WWF-UK, European Federation for Transport and Environment, Environmental Defense Fund u Earthjustice, minn J. Turner, QC, u L. John, barrister, irrappreżentati minn K. Harrison, solicitor,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn S. Wordsworth, barrister,
– għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent,
– għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Möller u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,
– għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, S. Menez u M. Perrot, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u M. Nowacki kif ukoll minn K. Zawisza, bħala aġenti,
– għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,
– għall-Gvern Islandiż, minn I. Lind Sæmundsdóttir, bħala aġent,
– għall-Gvern Norveġiż, minn K. Moe Winther u M. Emberland, bħala aġenti,
– għall-Parlament Ewropew, minn I. Anagnostopoulou u R. Kaškina, kif ukoll minn A. Troupiotis, bħala aġenti,
– għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn K. Michoel, E. Karlsson u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. White, K. Simonsson u K. Mifsud-Bonnici kif ukoll minn S. Boelaert, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, il-kundizzjonijiet li fihom il-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju u tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali jistgħu jiġu invokati fil-kuntest ta’ rinviju preliminari li jevalwa l-validità kif ukoll, min-naħa l-oħra, dwar il-validità, fid-dawl tad-dritt internazzjonali konvenzjonali u konswetudinarju, tad-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU 2009, L 8, p. 3).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Air Transport Association of America, American Airlines Inc., Continental Airlines Inc. u United Airlines Inc. (iktar ’il quddiem, flimkien, “ATA et”) u s-Secretary of State for Energy and Climate Change dwar il-validità tal-miżuri ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 2008/101 adottati mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt internazzjonali
1. Il-Konvenzjoni ta’ Chicago
3 Il-konvenzjoni dwar l-avjazzjoni ċivili internazzjonali, iffirmata f’Chicago (l-Istati Uniti) fis-7 ta’ Diċembru 1944 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), ġiet irrattifikata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, anki jekk hija stess ma hijiex parti kontraenti għall-imsemmija konvenzjoni. Din il-konvenzjoni waqqfet l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), liema organizzazzjoni, skont l-Artikolu 44 ta’ din l-istess konvenzjoni, għandha bħala għan l-iżvilupp tal-prinċipji u tat-teknika tan-navigazzjoni tal-ajru internazzjonali kif ukoll li tiffavorixxi l-istabbiliment u l-inċentivazzjoni tal-iżvilupp tat-trasport tal-ajru internazzjonali.
4 L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jiddisponi:
“L-Istati kontraenti jirrikonoxxu li kull Stat għandu s-sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru fuq it-territorju tieħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 L-Artikolu 11 ta’ din il-konvenzjoni, intitolata “Applikazzjoni tar-regolamenti tal-ajru”, jipprevedi:
“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti, il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Stat kontraenti dwar id-dħul u l-ħruġ mit-territorju tiegħu ta’ inġenji tal-ajru utilizzati fin-navigazzjoni internazzjonali tal-ajru jew dwar in-navigazzjoni ta’ tali inġenji tal-ajru ġot-territorju tiegħu, għandhom japplikaw, mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, għall-inġenji tal-ajru tal-Istati kontraenti kollha u l-imsemmija inġenji tal-ajru għandhom jikkonformaw ruħhom magħhom meta jidħlu, joħroġu u meta jkunu ġot-territorju ta’ dan l-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 L-Artikolu 12 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolata “Regoli tal-ajru”, jiddisponi:
“Kull Stat kontraenti jintrabat li jadotta miżuri sabiex jiżgura li kull inġenju tal-ajru li jittajjar fuq it-territorju tiegħu jew li jimmanuvra hemmhekk, kif ukoll kull inġenju tal-ajru li jġorr il-marka tan-nazzjonalità tiegħu kull fejn jinsab, jikkonforma ruħu mar-regoli u r-regolamenti dwar it-titjir u l-manuvra tal-inġenji tal-ajru fis-seħħ hemmhekk. Kull Stat kontraenti jintrabat li, kemm jista’ jkun possibbli, huwa jżomm ir-regoli tiegħu f’dan il-qasam konformi ma’ dawk li jistgħu jiġu stabbiliti skont din il-Konvenzjoni. Fuq il-baħar internazzjonali, ir-regoli fis-seħħ huma r-regoli stabbiliti skont din il-konvenzjoni. Kull Stat kontraenti jintrabat li jħarrek lil kull persuna li tikser ir-regoli applikabbli”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 L-Artikolu 15 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Ħlas tal-ajruport u ħlasijiet simili”, jiddikjara:
“Kull ajruport li jinsab fi Stat kontraenti li huwa miftuħ għall-użu pubbliku mill-inġenji tal-ajru ta’ dak l-Istat għandu […] ikun miftuħ ukoll taħt kundizzjonijiet uniformi għall-inġenji tal-ajru tal-Istati kontraenti l-oħra. […]
Il-ħlasijiet li jista’ jimponi jew jippermetti li jiġu imposti minn Stat kontraenti għall-użu tal-imsemmija ajruporti, faċilitajiet u servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru minn inġenji tal-ajru ta’ kull Stat kontraenti ieħor ma għandhomx ikunu:
[…]
(b) għall-inġenji tal-ajru li huma involuti f’servizzi tal-ajru internazzjonali regolari, iktar mill-ħlasijiet li jkunu pagabbli mill-inġenji tal-ajru nazzjonali tiegħu li jkunu involuti f’servizzi simili.
Dawn il-ħlasijiet kollha għandhom jiġu ppublikati u kkomunikati lill-[ICAO], billi huwa mifhum li, fuq talba ta’ Stat kontraenti interessat, il-ħlasijiet imposti għall-użu tal-ajruporti u installazzjonijiet u servizzi oħra jkunu suġġetti għall-eżami tal-Kunsill, li għandu jagħmel rapport u jifformula rakkomandazzjonijiet dwar dan għall-attenzjoni tal-Istat jew tal-Istati interessati. L-ebda Stat kontraenti ma għandu jimponi dazji, taxxi jew ħlasijiet biss għad-dritt ta’ passaġġ, ta’ dħul jew ta’ ħruġ mit-territorju tiegħu ta’ kwalunkwe inġenju tal-ajru ta’ Stat kontraenti, jew ta’ persuni jew beni li jinsabu abbord” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
8 L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jipprevedi li “[l]-inġenji tal-ajru jkollhom in-nazzjonalità tal-Istat li fih ikunu rreġistrati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
9 L-Artikolu 24(a) tal-imsemmija konvenzjoni hija fformulata kif ġej:
“F’titjira lejn jew ġejja mit-territorju ta’ Stat kontraenti ieħor jew għaddejja minn dan it-territorju, kwalunkwe inġenju tal-ajru għandu jitħalla temporanjament jidħol mingħajr dazji, bla ħsara għar-regolamenti doganali ta’ dak l-Istat. Il-karburant, iż-żjut lubrifikanti, il-partijiet ta’ bdil, l-ekwipaġġament normali u l-provvisti abbord li jkunu jinsabu fl-inġenju tal-ajru ta’ Stat kontraenti mal-inżul tiegħu fit-territorju ta’ Stat kontraenti ieħor u li jibqa’ jinsab hemmhekk sat-tluq tiegħu minn dan it-territorju, huwa eżenti mid-dazji tad-dwana, ħlasijiet ta’ spezzjoni jew dazji u ħlasijiet simili imposti mill-Istat jew mill-awtoritajiet lokali […].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
2. Il-Protokoll ta’ Kyoto
10 Fid-9 ta’ Mejju 1992 ġiet adottata fi New York il-konvenzjoni-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni-qafas”), li tagħha l-għan finali huwa l-istabbilizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jwaqqaf kull taqlib antropoġeniku perikoluż tas-sistema klimatika. Fil-11 ta’ Diċembru 1997, il-partijiet għal din il-konvenzjoni-qafas adottaw, bis-saħħa ta’ din tal-aħħar, il-Protokoll ta’ Kyoto taħt il-konvenzjoni-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Kyoto”), li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2005. L-Unjoni hija parti għal dawn iż-żewġ konvenzjonijiet.
11 L-għan tal-Protokoll ta’ Kyoto huwa li jnaqqas, fil-perijodu li jmur mis-sena 2008 sas-sena 2012, it-total tal-emissjonijiet ta’ sitt gassijiet b’effett serra, fosthom id-dijossidu tal-karbonju (iktar ’il quddiem is-“CO2”), b’almenu 5 % meta mqabbel mal-livell ta’ emissjonijiet għas-sena 1990. Il-partijiet indikati fl-Anness I tal-konvenzjoni-qafas għandhom jimpenjaw ruħhom li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom ma jaqbżux perċentwali li jattribwilhom dan il-protokoll, u li dawn il-partijiet jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom konġuntament. L-impenn globali meħud mill-Unjoni u l-Istati Membri tiegħu taħt l-imsemmi protokoll jirrigwarda tnaqqis totali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ 8 % meta mqabbel mal-livell ta’dawn l-emissjonijiet għas-sena 1990 fil-perijodu indikat hawn fuq.
12 L-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto jiddisponi:
“Il-Partijiet inkluzi fl-Anness I għandhom isegwu l-limitazzjoni jew ir-riduzzjoni ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra li mhumiex kontrollati bil-Protokoll ta’ Montreal mill-karburanti ta’ l-avjazzjoni u d-depost tal-faħam fuq bastimenti tal-baħar, li jaħdmu ma’ l-[ICAO] u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali rispettivament.”
Il-ftehim dwar trasport bl-ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti
13 Fil-25 u t-30 ta’ April 2007, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tiegħu, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra, ikkonkludew ftehim ta’ trasport bl-ajru intiż b’mod partikolari li jiftaħ l-aċċess għas-swieq u jimmassimizza l-benefiċċji għall-konsumaturi, għal-linji tal-ajru, għall-ħaddiema, u għall-komunitajiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. F’dan ir-rigward, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, adottaw id-Deċiżjoni 2007/339/KE, tal-25 ta’ April 2007, dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-ftehim (ĠU L 134, p. 1).
14 Sussegwentement, il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, adottaw id-Deċiżjoni 2010/465/UE, tal-24 ta’ Ġunju 2010, dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jemenda l-ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunita’ Ewropea u l-Istati Membri tagħha (ĠU L 223, p. 1). Il-premessi 1 sa 6 ta’ din id-deċiżjoni huma fformulati kif ġej:
“1) Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru […] inkluda obbligu fuq iż-żewġ partijiet biex jidħlu f’negozjati tat-tieni stadju.
(2) B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet il-Komunità Ewropea.
(3) Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri Protokoll biex jiġi emendat il-[Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru] (minn hawn ’il quddiem, il-‘Protokoll’) skont l-Artikolu 21 ta’ dak il-Ftehim.
(4) Il-Protokoll ġie inizjalat fis-25 ta’ Marzu 2010.
(5) Il-Protokoll huwa kompletament konsistenti mal-leġislazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet [iktar ’il quddiem l-‘iskema għall-iskambju ta’ kwoti’].
(6) Il-Protokoll innegozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi iffirmat u applikat proviżorjament mill-Unjoni u l-Istati Membri, safejn huwa permess taħt il-liġi domestika, soġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar tard.”
15 Skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Nru 2010/465, “[s]ad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Protokoll għandu jkun applikat fuq bażi proviżorja mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, safejn huwa permess skont il-liġi domestika, mid-data tal-iffrimar.”
16 Skont il-punt 9 tal-Artikolu 1 tal-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, kif emendat bil-protokoll (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Sema Miftuħ”), hekk kif indikat minn dan il-ftehim u ħlief jekk inhuwa indikat mod ieħor, il-kelma “territorju” tfisser “għall-Istati Uniti, l-artijiet (it-territorju ewlieni u l-gżejjer), l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni tagħhom, u, għall-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-artijiet (it-territorju ewlieni u l-gżejjer), l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali li fihom jiġi applikat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat u kwalunkwe strument suċċessur”.
17 Taħt it-titolu “Opportunità Ġusta u Ugwali”, l-Artikolu 2 tal-Ftehim “Sema Miftuħ” jiddisponi:
“Kull Parti għandha tagħti opportunità ġusta u ugwali lil-linji ta’ l-ajru taż-żewġ Partijiet sabiex jikkompetu fil-provvista tat-trasport internazzjonali bl-ajru regolat b’dan il-Ftehim.”
18 L-Artikolu 3(2), (4) u (5) tal-imsemmi ftehim jipprevedi:
“2. Kull linja ta’ l-ajru tista’, fir-rigward ta’ xi titjira jew tat-titjiriet kollha, u fuq għażla tagħha:
a) tħaddem titjiriet f’xi waħda jew fiż-żewġ direzzjonijiet;
b) tabbina flimkien numri ta’ titjiriet differenti f’operazzjoni waħda ta’ inġenju ta’ l-ajru;
c) tħaddem servizz wara, bejn, u lil hinn minn punti u punti fit-territorji tal-Partijiet fi kwalunkwe kombinazzjoni u fi kwalunkwe ordni;
d) ma tagħmilx waqfiet fi kwalunkwe punt jew punti;
e) tittrasferixxi traffiku minn kwalunkwe inġenju ta’ l-ajru tagħha għal kwalunkwe inġenju ta’ l-ajru ieħor tagħha fi kwalunkwe punt;
f) taqdi punti wara kwalunkwe punt fit-territorju tagħha bi jew mingħajr bidla ta’ l-inġenji ta’ l-ajru jew in-numru tat-titjira u toffri u tirreklama tali servizzi lill-pubbliku bħala servizzi diretti;
g) tagħmel waqfiet skedati fi kwalunkwe punt kemm fit-territorju kif ukoll barra minnu ta’ xi waħda mill-Partijiet;
h) iġġorr traffiku fi tranżitu mit-territorju tal-Parti l-oħra;
u
i) tabbina flimkien traffiku fuq l-istess inġenji ta’ l-ajru irrispettivament minn fejn joriġina tali traffiku;
mingħajr limitazzjoni direzzjonali jew ġeografika u mingħajr telf ta’ l-ebda dritt li ġġorr traffiku b’mod ieħor permissibbli taħt dan il-Ftehim.
[…]
4. Kull Parti għandha tippermetti lil kull linja ta’ l-ajru sabiex tiddetermina l-frekwenza u l-kapaċità tat-trasport internazzjonali bl-ajru li toffri abbażi ta’ konsiderazzjonijiet kummerċjali tas-suq. B’mod konsistenti ma’ dan id-dritt, l-ebda Parti ma għandha tillimita b’mod unilaterali l-volum ta’ traffiku, il-frekwenza jew ir-regolarità tas-servizz, jew it-tip jew tipi ta’ inġenji ta’ l-ajru operati mil-linji ta’ l-ajru tal-Parti l-oħra, lanqas ma għandha teħtieġ il-preżentazzjoni ta’ skedi, programmi għal titjiriet charter, jew pjani operattivi minn linji ta’ l-ajru tal-Parti l-oħra, ħlief kif jista’ jkun meħtieġ għal raġunijiet doganali, tekniċi, operattivi jew ambjentali (konsistenti ma’ l-Artikolu 15) taħt kondizzjonijiet uniformi konsistenti ma’ l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni [ta’ Chicago].
5. Kull Parti għandha tippermetti lil kull linja ta’ l-ajru sabiex tiddetermina l-frekwenza u l-kapaċità tat-trasport internazzjonali bl-ajru li toffri […]”
19 L-Artikolu 7 tal-istess ftehim, intitolat “Applikazzjoni tal-Liġijiet”, fil-paragrafu 1 tiegħu jiddikjara:
“Il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Parti relatati mad-dħul fi jew mat-tluq mit-territorju tagħha ta’ inġenji ta’ l-ajru involuti fin-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru, jew ma’ l-operat jew in-navigazzjoni ta’ tali inġenji ta’ l-ajru waqt li jkunu fit-territorju tagħha, għandhom jiġu applikati għall-inġenji ta’ l-ajru użati mill-linji ta’ l-ajru tal-Parti l-oħra, u tali inġenji ta’ l-ajru għandhom jikkonformaw magħhom mad-dħul jew mat-tluq minn jew waqt li jkunu fit-territorju ta’ l-ewwel Parti.”
20 L-Artikolu 10 tal-Ftehim “Sema Miftuħ” jipprevedi, b’mod partikolari, li l-linji tal-ajru ta’ kull parti għandhom id-dritt jistabbilixxu uffiċċji fit-territorju tal-parti l-oħra sabiex jippromwovu u jbiegħu s-servizzi bl-ajru u għall-attavijiet relatati. Huma għandhom ukoll id-dritt li jbiegħu, f’kull munita liberament skambjata, servizzi bl-ajru fit-territorju tal-parti l-oħra, direttament u/jew indirettament, kif jaqbel lilhom permezz tal-aġenti tagħhom jew permezz ta’ kull intermedjarju ieħor tal-għażla tagħhom. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-istess artikolu, il-linji tal-ajru ta’ kull parti jistgħu, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, iħallsu l-ispejjeż sostnuti fit-territorju tal-parti l-oħra, b’mod partikolari x-xiri ta’ karburanti, b’munita li tissarraf liberament. Barra minn hekk, huma jistgħu jikkonkludu ftehim ta’ kooperazzjoni kummerċjali, bħal ftehim ta’ spazju magħluq jew ta’ code sharing, kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, ftehim ta’ konċessjoni jew ta’ trade mark u ftehim għall-provvista ta’ inġenji tal-ajru b’ekwipaġġ intiżi għal servizzi bl-ajru internazzjonali.
21 L-Artikolu 11 tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, fir-rigward tad-dazji u tal-ħlasijiet tad-dwana, jiddisponi:
“1. Mal-wasla fit-territorju ta’ Parti waħda, l-inġenji ta’ l-ajru operati fit-trasport internazzjonali bl-ajru mil-linji ta’ l-ajru tal-Parti l-oħra, it-tagħmir regolari tagħhom, it-tagħmir ta’ l-art, il-karburant, il-lubrikanti, il-provvisti tekniċi konsumabbli, partijiet tal-bdil (inklużi magni), provvisti ta’ l-inġenji ta’ l-ajru (inklużi iżda mhux limitati għal oġġetti bħal ikel, xorb u xorb alkoħoliku, tabakk u prodotti oħra maħsuba għal bejgħ lill-passiġġieri jew għall-użu tagħhom fi kwantitajiet limitati waqt it-titjira), u oġġetti oħra maħsuba jew użati biss f’rabta ma’ l-operat jew manutenzjoni ta’ l-inġenji ta’ l-ajru li jaħdmu fit-trasport internazzjonali bl-ajru għandhom ikunu eżenti, abbażi ta’ reċiproċità, mir-restrizzjonijiet kollha fuq l-importazzjoni, it-taxxi fuq il-proprjetà u t-taxxi fuq il-kapital, id-dazju tad-dwana, it-taxxi tas-sisa, u l-miżati u l-ħlasijiet simili li (a) jkunu imposti mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-Komunità Ewropea, u (b) li ma jkunux ibbażati fuq l-ispejjeż tas-servizzi provduti, sakemm dan it-tagħmir u provvisti jibqgħu abbord l-inġenji ta’ l-ajru.
2. Dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati wkoll, abbażi ta’ reċiproċità, mit-taxxi, mis-sisa, mid-dazji, mill-miżati u mill-ħlasijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ħlief għal ħlasijiet ibbażati fuq il-prezz tas-servizz provdut:
[…]
c) il-karburant, lubrikanti u provvisti tekniċi konsumabbli mdaħħla jew provduti fit-territorju ta’ Parti għall-użu fuq inġenji ta’ l-ajru ta’ linja ta’ l-ajru tal-Parti l-oħra involuta fi trasport internazzjonali bl-ajru, anke meta dawn il-provvisti jkunu għal użu fuq parti mill-vjaġġ magħmul fuq it-territorju tal-Parti fejn jiġu imbarkati;
[…]”
22 L-Artikolu 15 tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, intitolat “Ambjent”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-protezzjoni tal-ambjent waqt l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-avjazzjoni internazzjonali, billi jqisu bir-reqqa l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ miżuri biex jipproteġu l-ambjent fl-iżvilupp ta’ din il-politika, u, fejn xieraq, flimkien itejbu s-soluzzjonijiet globali effettivi. Għaldaqstant, il-Partijiet għandhom l-intenzjoni li jaħdmu flimkien biex jillimitaw jew inaqqsu, b’mod raġonevolment ekonomiku, l-impatt tal-avjazzjoni internazzjonali fuq l-ambjent.
2. Meta Parti tkun qed tikkunsidra l-miżuri ambjentali proposti f’livell reġjonali, nazzjonali, jew lokali, għandha tevalwa l-possibbiltà ta’ effetti ħżiena fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet li jinsabu f’dan il-Ftehim, u, jekk miżuri bħal dawn jiġu adottati, għandha tieħu l-passi xierqa sabiex jittaffew dawn l-effetti ħżiena. Fuq talba ta’ Parti, il-Parti l-oħra għandha tipprovdi deskrizzjoni ta’ dawn il-passi ta’ evalwazzjoni u mitigazzjoni.
3. Meta jiġu stabbiliti miżuri ambjentali, l-istandards ambjentali għall-avjazzjoni adottati mill-[ICAO] fl-Annessi għal din il-Konvenzjoni [ta’ Chicago] għandhom jiġu segwiti ħlief fejn ġew reġistrati differenzi. Il-Partijiet għandhom japplikaw kwalunkwe miżura ambjentali li tolqot is-servizzi tal-ajru skont dan il-Ftehim b’konformità mal-Artikolu 2 u 3(4) ta’ dan il-Ftehim.
4. Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti biex japplikaw il-prinċipju ta’ approċċ bilanċjat.
[…]
6. Il-Partijiet jaqblu u għandhom jinkoraġixxu l-iskambju ta’ tagħrif u d-djalogu regolari fost l-esperti, partikolarment permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni eżistenti, biex titjieb il-kooperazzjoni, b’mod konsistenti mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, dwar l-indirizzar tal-impatti ambjentali tal-avjazzjoni internazzjonali u s-soluzzjonijiet ta’ mitigazzjoni, fosthom:
[…]
e) skambju ta’ opinjonijiet dwar kwistjonijiet u għażliet fil-fora internazzjonali li jindirizzaw l-effetti ambjentali tal-avjazzjoni, inkluża l-koordinazzjoni ta’ pożizzjonijiet, fejn xieraq.
7. Jekk ikun mitlub mill-Partijiet, il-Kumitat Konġunt, bl-assistenza tal-esperti, għandu jiżviluppa rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ rduppjar tal-isforzi bejn il-miżuri ibbażati fuq is-suq, u l-konsistenza bejniethom, li jirrigwardaw l-emissjonijiet tal-avjazzjoni implimentati mill-Partijiet bil-għan li jiġu evitati miżuri u spejjeż doppji u biex safejn huwa possibbli jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq il-linji tal-ajru. L-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet bħal dawn għandha tkun suġġetta għal approvazzjoni jew ratifika interna skont kif jista’ jkun mitlub minn kull Parti.
8. Jekk Parti waħda temmen li kwistjoni li tinvolvi l-protezzjoni ambjentali mill-avjazzjoni, inklużi l-miżuri ġodda proposti, jagħtu lok għal tħassib dwar l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, hija tista’ titlob laqgħa tal-Kumitat Konġunt, kif previst fl-Artikolu 18, biex jikkunsidra l-kwistjoni u jiżviluppa reazzjonijiet xierqa għat-tħassib li jirriżulta leġittimu.”
23 Bis-saħħa tal-Artikolu 19(1) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, kull kontroversja dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim tista’, taħt kundizzjonijiet u sakemm ma tinqatax minn laqgħa tal-kumitat konġunt, tiġi sottomessa lil persuna jew korp sabiex tittieħed deċiżjoni permezz ta’ ftehim tal-partijiet. Fin-nuqqas ta’ ftehim tal-partijiet, id-diverġenza tiġi sottomessa, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, għal arbitraġġ skont il-modalitajiet iddefiniti fl-istess Artikolu 19.
B – Id-dritt tal-Unjoni
24 Il-Kunsill adotta, minn naħa, id-Deċiżjoni 94/69/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1993, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kambjamenti tal-Klima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 19, p. 167), u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002, dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt ta’ l-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24). Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din l-aħħar deċiżjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri tiegħu għandhom iwettqu l-obbligi li huma marbuta bihom taħt il-Protokoll ta’ Kyoto.
25 Peress li qieset li l-iskambji ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra jikkostitwixxu parti integranti kbira, flimkien ma’ miżuri oħra, tal-istrateġija Komunitarja fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-Kummissjoni ppreżentat, fit-8 ta’ Marzu 2000, il-green paper dwar l-iskambju ta’ emissjoni tal-gassijiet ġewwa l-Unjoni Ewropea [COM (2000) 87 finali].
1. Id-Direttiva 2003/87/KE
26 Fuq il-bażi tal-Artikolu 175(1) KE, ġiet adottata d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 07, p. 631).
27 Skont il-premessa 5 tagħha, din id-direttiva għandha bħala għan li tikkontribwixxi għat-twettiq tal-impenji li jitnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra, meħuda mill-Unjoni u mill-Istati Membri tiegħu fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Kyoto, skont id-Deċiżjoni 2002/358/KE, b’mod iktar effettiv, permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti fil-għoti ta’ kwoti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem il-“kwoti”) bl-inqas tnaqqis possibbli tal-iżvilupp ekonomiku u tax-xogħol.
28 Skont il-premessa 23 tal-imsemmija direttiva, l-iskambju ta’ kwoti kellu “jifforma parti minn pakkeġġ komprensiv u koerenti tal-politiki u l-miżuri implimenati fil-livell ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità”. Hekk kif tippreċiża l-ewwel frażi tal-premessa 25 tal-istess direttiva, “[i]l-politiki u l-miżuri għandhom jiġu implimentati fil-livell ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità fis-setturi kollha ta’ l-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea, u mhux biss ġewwa l-industrija u s-setturi ta’ l-eneriġja, sabiex jiġi ġġenerat tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet.”
29 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87 jiddefinixxi l-għan tagħha kif ġej:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti […] ġewwa l-Komunità […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.”
30 Id-Direttiva 2003/87 hija applikabbli, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tagħha, għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II, li fosthom jidher is-CO2.
2. Id-Direttiva 2008/101
31 Id-Direttiva 2003/87 tipprevedi, fl-Artikolu 30(2) tagħha, li, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni kellha tissottometti rapport, sat-30 ta’ Ġunju 2006, jekk hemm bżonn flimkien ma’ proposti, dwar il-funzjonament ta’ din id-direttiva, li fih għandha teżamina, b’mod partikolari, “kif u jekk l-Anness I għandux jiġi emendat sabiex jinkludi setturi oħra rilevanti, fost l-oħrajn is-setturi tal-kimiċi, ta’ l-aluminju u tat-trasport, l-attivitajiet u l-emissjoni ta’ gassijiet oħra elenkati fl-Anness II, bil-ħsieb li tittejjeb iktar l-effiċjenza ekonomika ta’ l-iskema.”
32 F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-Direttiva 2008/101, liema direttiva temenda d-Direttiva 2003/87 billi tinkludi l-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti.
33 Il-premessi 8 u 11, kif ukoll il-premessi 14, 17 u 21 tad-Direttiva 2008/101 huma fformulati kif ġej:
“(8) Il-Protokoll ta’ Kyoto għall-[Konvenzjoni-qafas], […], jeħtieġ li l-pajjiżi żviluppati jsegwu l-limitazzjoni jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-avjazzjoni mhux ikkontrollati bil-Protokoll ta’ Montreal, li jopera permezz tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).
(9) Filwaqt li l-Komunità mhijiex Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago […], l-Istati Membri kollha huma Partijiet Kontraenti għal dik il-Konvenzjoni u membri tal-ICAO. L-Istati Membri jkomplu jappoġġaw il-ħidma ma’ Stati oħrajn fl-ICAO dwar l-iżvilupp ta’ miżuri, inklużi strumenti bbażati fuq is-suq, biex jiġu indirizzati l-impatti tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima. Fis-sitt laqgħa tal-Kumitat ICAO dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent mill-Avjazzjoni fl-2004, ġie miftiehem li sistema ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet speċifiċi għall-avjazzjoni bbażata fuq strument legali ġdid taħt il-patroċinju tal-ICAO ma deherx biżżejjed attraenti biex imbagħad jiġi segwit aktar. Konsegwentement, ir-Riżoluzzjoni A35-5 tal-35 Assemblea tal-ICAO li saret f’Settembru 2004 ma pproponietx strument ġdid legali iżda minflok endorsjat skambju miftuħ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u l-possibbiltà li l-Istati jinkorporaw emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali fl-iskemi tagħhom ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet. L-Appendiċi L għar-Riżoluzzjoni A36-22 tas-36 Assemblea tal-ICAO li saret f’Settembru 2007 tħeġġeġ lill-Istati Kontraenti biex ma jimplimentawx sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fir-rigward ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru ta’ Stati Kontraenti oħrajn ħlief abbażi ta’ ftehim reċiproku bejn dawk l-Istati. Filwaqt li fakkru li l-Konvenzjoni ta’ Chicago tirrikonoxxi espressament id-dritt ta’ kull Parti Kontraenti biex fuq bażi non-diskriminatorja tapplika l-liġijiet u r-regolamenti dwar l-ajru proprji għall-inġenji tal-ajru tal-Istati kollha, l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u ħmistax-il Stat Ewropew oħra qegħdu riżerva fuq din ir-riżoluzzjoni u rriżervaw id-dritt taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago biex fuq bażi non-diskriminatorja jwettqu u japplikaw miżuri bbażati fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru kollha tal-Istati kollha li jippovdu servizzi lejn, minn jew fit-territorju tagħhom.
(10) Is-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali stabbilit bid-Deċiżjoni 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill […] ippreveda biex il-Komunità tidentifika u twettaq azzjonijiet speċifiċi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-avjazzjoni jekk l-ebda azzjoni tali ma tkun ġiet miftiehma fl-ICAO sa l-2002. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ottubru 2002, Diċembru 2003 u Ottubru 2004, il-Kunsill ripetutament appella lill-Kummissjoni sabiex tipproponi azzjoni biex jitnaqqas l-impatt tat-tibdil fil-klima mit-trasport internazzjonali bl-ajru.
(11) Il-linji politiċi u l-miżuri għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-Istati Membri u tal-Komunità fis-setturi kollha tal-ekonomija Komunitarja sabiex jiġi ġġenerat it-tnaqqis sostanzjali meħtieġ fl-emissjonijiet. Jekk l-impatt tas-settur tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima jkompli jikber bir-rata attwali, dan ifixkel sinifikament it-tnaqqis mwettaq minn setturi oħrajn fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
[…]
(14) L-objettiv tal-emendi ghad-Direttiva 2003/87/KE b’din id-Direttiva huwa li jitnaqqas l-impatt tat-bibdil fil-klima dovut għall-avjazzjoni billi jiġu inklużi l-emissjonijiet minn attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema Komunitarja.
[…]
(17) Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jfittxu li jilħqu ftehim dwar miżuri globali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra mill-avjazzjoni. L-iskema Komunitarja tista’ sservi bħala mudell għall-użu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fuq livell dinji. Il-Komunità u l-Istat Membri tagħha għandhom ikomplu bil-kuntatt tagħhom ma’ partijiet terzi matul l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom ikomplu jħeġġu lill-pajjiżi terzi biex jieħdu miżuri ekwivalenti. Jekk pajjiż terz jadotta miżuri, li jkollhom effett ambjentali tal-inqas ekwivalenti għal dak ta’ din id-Direttiva, biex jitnaqqas l-impatt fuq il-klima tat-titijiriet lejn il-Komunità, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-għażliet disponibbli sabiex tipprovdi għal interazzjoni ottimali bejn l-iskema Komunitarja u l-miżuri ta’ dak il-pajjiż, wara li tkun ikkunsultat ma’ dak il-pajjiż. L-iskemi ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emmissjonijiet li qed jiġu żviluppati f’pajjiżi terzi qed jibdew jipprovdu interazzjoni ottimali mal-iskema Komunitarja fir-rigward tal-kopertura tagħhom tal-avjazzjoni. L-arranġamenti bilaterali dwar l-irbit tal-iskema Komunitarja ma’ skemi ta’ skambju oħrajn biex tiġi ffurmata skema komuni jew li jikkunsidraw miżuri ekwivalenti biex jiġu evitati regolamenti doppji jistgħu jikkostitwixxu pass lejn ftehim globali. Meta jsiru dawn il-ftehim bilaterali, il-Kummissjoni tista’ temenda t-tipi ta’ attivitajiet tal-avjazzjoni inklużi fl-iskema Komunitarja, inklużi aġġustamenti konsegwenzjali għall-kwantità totali ta’ kwoti li jinħarġu għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru.
[…]
(21) Armonizzazzjoni sħiħa tal-proporzjon tal-kwoti maħruġa mingħajr ħlas lill-operaturi tal-linji tal-ajru kollha li qed jipparteċipaw fl-iskema Komunitarja hija adatta sabiex tkun żgurata l-ugwaljanza bejnl-operaturi tal-inġenji tal-ajru, peress li kull linja tal-ajru ser tkun regolata minn Stat Membru uniku fir-rigward tal-operazzjonijiet kollha tagħhom lejn, minn u fl-UE u bid-dispożizzjonijiet non-diskriminatorji ta’ Strumenti ta’ ftehim bilaterali dwar Servizzi tal-Ajru ma’ pajjiżi terzi.”
34 Bis-saħħa tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2008/101, id-Direttiva 2003/87 issa għandha Kapitolu II ġdid li jaqra kif ġej:
“Kapitolu II
Avjazzjoni
Artikolu 3a
Kamp ta’ Applikazzjoni
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-allokazzjoni u l-ħruġ ta’ kwoti fir-rigward tal-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I.
[…]
Artikolu 3c
Kwantità totali ta’ kwoti għall-avjazzjoni
1. Għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012, il-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu allokati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandha tkun ekwivalenti għal 97 % tal-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni.
2. Għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 11(2) li jibda fl-1 ta’ Jannar 2013, u, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe emenda wara r-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 30(4), għal kull perijodu sussegwenti, il-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu allokati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandha tkun ekwivalenti għal 95 % tal-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni mmultiplikati bin-numru ta’ snin f’dak il-perijodu.
[…]
Artikolu 3d
Metodu għall-allokazzjoni ta’ kwoti għall-avjazzjoni permezz ta’ bejgħ bl-irkant
1. Fil-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(1), 15 % ta’ kwoti għandhom ikunu rkantati.
2. Mill-1 ta’ Jannar 2013, 15 % tal-kwoti għandhom ikunu rkantati. Dan il-persentaġġ jista’ jiġi miżjud, bħala parti mill-reviżjoni ġenerali ta’ din id-Direttiva.
3. Għandu jiġi adottat Regolament li jkun fih dispożizzjonijiet dettaljati għall-bejgħ bl-irkant mill-Istati Membri tal-kwoti mhux meħtieġa li jinħarġu mingħajr ħlas skond il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 3f(8). In-numru tal-kwoti li għandhom jinbiegħu bl-irkant f’kull perijodu minn kull Stat Membru għandu jkun f’proporzjon mas-sehem tiegħu tat-total tal-emissjonijiet dovuti mill-avjazzjoni tal-Istati Membri kollha għas-sena ta’ referenza […]
[…]
4. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-użu li għandu jsir mid-dħul iġġenerat mill-irkant ta’ kwoti tal-avjazzjoni. Dak id-dħul għandu jintuża biex jitratta t-tibdil fil-klima fl-UE u f’pajjiżi terzi, inter alia biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra, biex ikunu adattati l-impatti tat-tibdil fil-klima fl-UE u f’pajjiżi terzi, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jiġu ffinanzjati r-riċerka u l-iżvilupp għall-mitigazzjoni u l-adattament, inkluż b’mod partikolari fl-oqsma tal-aeronawtika u tat-trasport bl-ajru, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz ta’ mezzi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi, u biex ikopri l-ispejjeż amministrattivi tal-iskema Komunitarja. Id-dħul mill-bejgħ bl-irkant għandu jintuża wkoll sabiex jiffinanzja kontribuzzjonijiet għall-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli, u għal miżuri biex tiġi evitata d-deforestazzjoni.
[…]
Artikolu 3e
Allokazzjoni u ħruġ tal-kwoti lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru
1. Għal kull perijodu msemmi fl-Artikolu 3c, kull operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ japplika għal allokazzjoni ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas. Applikazzjoni tista’ ssir permezz ta’ preżentazzjoni lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru amministrattiv ta’ data ivverifikata f’tunnellati-kilometru għall-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li twettqu minn dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru matul is-sena ta’ monitoraġġ. […]
[…]”
35 L-Artikolu 1(10)(b) tad-Direttiva 2008/101 jipprevedi li jiddaħħal, fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/87, il-paragrafu 2a, ifformulat kif ġej:
“L-Istati Membri amministrattivi għandhom jiżguraw li, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, kull operatur tal-inġenji tal-ajru jċedi numru ta’ kwoti ugwali għall-emissjonijiet totali matul is-sena kalendarja preċedenti minn attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li għalihom l-operatur huwa l-operatur tal-inġenji tal-ajru, kif verifikati skond l-Artikolu 15. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwoti ċeduti skond dan il-paragafu huma sussegewentement imħassra.”
36 Skont l-Artikolu 1(14)(b) tad-Direttiva 2008/101, il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87 għandhom jiġu ssostitwiti b’dan li ġej:
“2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-operaturi u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkunu qed jiksru r-rekwiżiti biex iċedu kwoti suffiċjenti skond din id-Direttiva.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru li ma jċedux kwoti suffiċjenti sat-30 ta’ April ta’ kull sena biex ikopri l-emissjonijet tiegħu ta’ matul is-sena preċedenti għandu jinżamm responsabbli għall-ħlas ta’ penali ta’ emissjonijiet żejda. Il-penali ta’ emissjonijiet żejda għandha tkun ta’ EUR 100 ghal kull tunellata ta’ dijossidu tal-karbonju ekwivalenti mitfugħa u li għalihom l-operatur ma jkunx ċeda kwoti. Il-ħlas tal-penali ta’ emissjonijiet żejda ma teħlisx lill-operatur mill-obbligu li jċedi ammont ta’ kwoti ekwivalenti ghal dawk l-emissjonijiet żejda meta dan ikun qed iċedi l-kwoti relattivi għas-sena ta’ wara.”
37 Barra minn hekk, l-Artikolu 1(14)(c) tad-Direttiva 2008/101 jipprevedi b’mod partikolari li jiżdied il-paragrafu 5 mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87, ifformulat kif ġej:
“Fil-każ li operatur tal-inġenji tal-ajru jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u fejn miżuri ta’ infurzar oħra ma żgurawx il-konformità, l-Istat Membru amministrattiv tiegħu jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni ta’ projbizzjoni ta’ operar fuq l-operatur tal-inġenji tal-ajru kkonċernat.”
38 Skont l-Artikolu 1(18) tad-Direttiva 2008/101, għandu jidħol l-Artikolu 25a, intitolat “Miżuri ta’ pajjiżi terzi biex jitnaqqas l-impatt tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima”, fid-Direttiva 2003/87, liema artikolu jiddisponi:
“1. Meta pajjiż terz jadotta miżuri għat-tnaqqis tal-impatt tat-tibdil fil-klima minn titjiriet li jitilqu minn dak il-pajjiż li jinżlu fil-Komunità, il-Kummissjoni wara li tkun ikkonsultat mal-pajjiż terz, u mal-Istati Membri fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 23(1), għandha tqis l-għażliet disponibbli sabiex tipprovdi għall-aħjar interazzjoni bejn l-iskema tal-Komunità u l-miżuri ta’ dak il-pajjiż.
Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ taddotta emendi biex jipprovdu għal tijiriet li jaslu mill-pajjiż terz ikkonċernat sabiex dawn jiġu esklużi mill-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I jew biex jipprovdu għal kwalunkwe emenda oħra għall-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li huma meħtieġa minn ftehim skond ir-raba’ subparagrafu. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(3).
Il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill emendi oħra għal din id-Direttiva.
Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fejn xieraq, tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 300(1) tat-Trattat biex tiftaħ negozjati bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ ftehim mal-pajjiż terz ikkonċernat.
2. Il-Komunità u l-Istat Membri tagħha għandhom ikomplu jfittxu ftehim dwar miżuri globali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-avjazzjoni. Fid-dawl ta’ tali ftehim, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk humiex meħtieġa l-emendi għal din id-Direttiva kif tapplika għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru.”
39 Skont l-anness tad-Direttiva 2008/101, l-Anness I tad-Direttiva 2003/87 issa għandu t-titolu “Kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom tapplika din id-direttiva” u t-tabella li tidher fl-Anness I għandha introduzzjoni, li l-punt 2 tagħha tispiċċa bil-paragrafu li ġej:
“Mill-1 ta’ Jannar 2012, għandhom jiġu inklużi t-titjiriet kollha li jaslu jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat.”.
40 L-Anness tad-Direttiva 2008/101 jipprevedi wkoll emenda tal-Anness IV tad-Direttiva 2003/87, li jikkonsisti fiż-żieda ta’ Parti B, intitolat “Il-monitoraġġ u r-rappurtaġġ tal-emissjonijiet minn attivitajiet tal-avjazzjoni”, li tiddisponi:
“Il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju
L-emissjonijiet għandhom jiġu mmonitorjati permezz ta’ kalkolu. L-emissjonijiet għandhom jiġu kkalkolati permezz tal-formola:
Konsum tal-karburant × fattur ta’ emissjoni
Il-konsum tal-karburant għandu jinkludi l-karburant ikkunsmat mill-ġeneratur awżiljarju. Il-konsum attwali tal-karburant għal kull titjira għandu jintuża kull fejn hu possibbli u għandu jiġi kkalkulat permezz tal-formola:
Ammont ta’ karburant li jinsab fit-tankijiet tal-inġenju tal-ajru ladarba jkun sar il-mili tal-karburant għat-titjira – ammont ta’ karburant li jinsab fit-tankijiet tal-inġenju tal-ajru wara li jkun sar il-mili tal-karburant għat-titjira sussegwenti + mili tal-karburant għal dik it-titjira sussegwenti.
[…]
Għandu jsir kalkolu separat għal kull titjira u għal kull karburant.
Ir-rappurtaġġ tal-emissjonijiet
Taħt l-Artikolu 14(3) kull operatur tal-inġenji tal-ajru, fir-rapport tiegħu għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
A. Data li tiddentifika l-operatur tal-inġenji tal-ajru, inkluż:
– l-isem tal-operatur tal-inġenji tal-ajru,
– l-Istat Membru amministrattiv tiegħu,
[…]
B. Għal kull tip ta’ karburant li għalih jiġu kkalkulati l-emissjonijiet:
– il-konsum tal-karburant,
– il-fattur tal-emissjoni,
– l-emissjonijiet totali aggregati mit-titjiriet kollha li twettqu matul il-perijodu kopert bir-rapport li jaqgħu fl-ambitu tal-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li għalihom l-operatur in kwistjoni huwa kkunsidrat l-operatur tal-inġenji tal-ajru,
– l-emissjonijiet aggregati minn:
– it-titjiriet kollha li twettqu matul il-perijodu kopert bir-rapport li jaqgħu fi ħdan l-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li għalihom l-operatur in kwistjoni huwa kkunsidrat l-operatur tal-inġenji tal-ajruu li telqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u li waslu f’ajruport li jinsab fit-territorju tal-istess Stat Membru,
– titjiriet kollha oħrajn li twettqu matul il-perijodu kopert bir-rapport li jaqgħu fl-ambitu tal-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li għalihom l-operatur in kwistjoni huwa kkunsidrat l-operatur tal-inġenji tal-ajru,
– l-emissjonijiet totali aggregati mit-titjiriet kollha li twettqu matul il-perijodu kopert bir-rapport li jaqgħu’ fl-ambitu tal-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li għalihom l-operatur in kwistjoni huwa kkunsidrat l-operatur tal-inġenji tal-ajru u li:
– telqu minn kull Stat Membru, u
– waslu f’kull Stat Membru minn pajjiż terz,
– l-inċertezza.
Il-monitoraġġ tad-data f’tunnellati-kilometru għall-fini tal-Artikoli 3e u 3f
Għall-fini tal-applikazzjoni għal allokazzjoni ta’ kwoti skond l-Artikolu 3e(1) jew l-Artikolu 3f(2), l-ammont tal-attività tal-avjazzjoni għandu jiġi kkalkulat f’tunnellati-kilometru permezz tal-formola li ġejja:
tunnellati-kilometru = distanza x tagħbija li tinġarr bi ħlas
fejn:
’distanza’ tfisser id-distanza fiċ-ċirku kbir bejn l-ajrudrom tat-tluq u l-ajrudrom tal-wasla b’żieda ta’ fattur fiss addizzjonali ta’ 95 km; u
‘tagħbija li tinġarr bi ħlas’ tfisser il-massa totali tal-merkanzija, il-posta u l-passiġġieri li nġarru.
[…]”
C – Id-dritt nazzjonali
41 Fir-Renju Unit, id-Direttiva 2008/101 ġiet trasposta bl-adozzjoni tar-Regolament tal-2009 dwar is-sistema ta’ skambju tad-drittijiet għall-emissjonijiet ta’ gass serra tal-avjazzjoni (Aviation Greenhouse Gas Emissions Trading Scheme Regulations SI 2009, Nru 2301) kif ukoll b’testi oħra li l-adozzjoni tagħhom kien previst fis-sena 2010.
II – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
42 Skont kif indikat mill-qorti tar-rinviju, Air Transport Association of America, entità mingħajr skop ta’ lukru, hija l-assoċjazzjoni prinċipali ta’ kummerċ u ta’ servizz ta’ trasport bl-ajru regolari fl-Istati Uniti. Il-kumpanniji tal-ajru American Airlines Inc., Continental Airlines Inc. u United Airlines Inc. joperaw ir-rotot tal-ajru fl-Istati Uniti, fl-Ewropa u fil-bqija tad-dinja. Huma għandhom ir-Renju Unit bħala Stat Membru responsabbli fis-sens tad-Direttiva 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2008/101.
43 Fis-16 ta’ Diċembru 2009, ATA et ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju rikors għall-annullament tal-miżuri ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 2008/101 fir-Renju Unit, li jaqgħu taħt il-kompetenza tas-Secretary of State for Energy and Climate Change. Insostenn tar-rikors tagħha, hija tinvoka l-illegalità ta’ din id-direttiva fid-dawl tad-dritt internazzjonali konvenzjonali u konswetudinarju.
44 Fir-28 ta’ Mejju 2010, il-qorti tar-rinviju ammettiet, minn naħa, l-International Air Transport Association (IATA) u n-National Airlines Council of Canada sabiex tintervjeni insostenn tar-rikors tal-ATA et, kif ukoll, min-naħa l-oħra, ħames organizzazzjonijiet li jiddefendu l-ambjent, jiġifieri l-Aviation Environment Federation, il-WWF-UK, il-European Federation for Transport and Environment, l-Environmental Defense Fund u l-Earthjustice, sabiex jintervjenu insostenn tas-Secretary of State for Energy and Climate Change.
45 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:
“1) Jistgħu jkunu invokati r-regoli tad-dritt internazzjonali li ġejjin sabiex tkun ikkontestata l-validità tad-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata bid-Direttiva 2008/101/KE 2 sabiex ikunu inklużi attivitajiet tal-avjazzjoni ta’ Skema għall-Iskambju ta’ Emissjonijiet [tal-Unjoni][…]:
a) il-prinċipju ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu;
b) il-prinċipju ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali li ebda Stat ma jista’ validament jissuġġetta taħt is-sovranità tiegħu kwalunkwe parti mill-ibħra miftuħa;
c) il-prinċipju ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali ta’ libertà ta’ titjir fuq l-ibħra miftuħa;
d) il-prinċipju ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali (li l-eżistenza tiegħu mhijiex aċċettata mill-konvenut) li inġenji tal-ajru li jtiru fuq l-ibħra miftuħa huma suġġetti għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-pajjiż li fih huma rreġistrati, ħlief kif speċifikament stabbilit permezz tat-trattati internazzjonali;
e) il-Konvenzjoni ta’ Chicago (b’mod partikolari l-Artikoli 1, 11, 12, 15 u 24);
f) il-Ftehim ’Open Skies’ [‘Sema Miftuħ’] (b’mod partikolari l-Artikoli 7, 11(2)(c) u 15(3));
g) il-Protokoll ta’ Kyoto (b’mod partikolari, l-Artikolu 2(2))?
Sa fejn id-domanda (1) tista’ tkun risposta fl-affermattiv:
2) Id-direttiva emendata hija invalida, jekk u sa fejn tapplika l-Iskema għall-Iskambju ta’ Emissjonijiet lil dawk il-partijiet ta’ titjiriet (jew ġeneralment jew permezz ta’ inġenji tal-ajru rreġistrati f’pajjiżi terzi) li jsiru barra mill-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membri, peress li tikser wieħed jew iktar mill-prinċipji ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali ċċitati [fl-ewwel domanda]?
3) Id-direttiva emendata hija invalida, jekk u sa fejn tapplika l-Iskema għall-Iskambju ta’ Emissjonijiet lil dawk il-partijiet ta’ titjiriet (jew ġeneralment jew permezz ta’ inġenji tal-ajru rreġistrati f’pajjiżi terzi) li jsiru barra mill-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membri:
a) peress li tikser l-Artikoli 1, 11 u/jew 12 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago;
b) peress li tikser l-Artikolu 7 tal-Ftehim ‘Open Skies’?
4) Id-direttiva emendata hija invalida, sa fejn tapplika l-Iskema għall-Iskambju ta’ Emissjonijiet lil attivitajiet ta’ avjazzjoni:
a) peress li tikser l-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto u l-Artikolu 15(3) tal-Ftehim ‘Open Skies’;
b) peress li tikser l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, waħdu jew flimkien mal-Artikoli 3(4) u 15(3) tal-Ftehim ‘Open Skies’;
c) peress li tikser l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, waħdu jew flimkien mal-Artikolu 11(2)(c) tal-Ftehim ‘Open Skies’?”
III – Fuq id-domandi preliminari
A – Fuq l-ewwel domanda
46 Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali li hija ssemmi jistgħux jiġu invokati fil-kunest ta’ dan ir-rinviju preliminari sabiex tiġi evalwata l-validità tad-Direttiva 2008/101, sa fejn hija tinkludi l-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tad-Direttiva 2003/87.
47 Għandu jitfakkar l-ewwel nett li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali ma għandhomx is-setgħa li jiddikjaraw l-invalidità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 267 TFUE għandha essenzjalment l-għan li tiżgura applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali. Din l-eżiġenza ta’ uniformità hija partikolarment imperattiva meta l-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni jiġi kkontestat. Diverġenzi bejn il-qrati tal-Istati Membri fir-rigward tal-validità tal-atti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jikkompromettu l-unità stess tal-ordinament ġuridiku ta’ din tal-aħħar u jippreġudikaw ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 Il-Qorti tal-Ġustizzja hija l-unika li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni, bħalma hija d-Direttiva 2008/101 (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, Ġabra 1987 p. 4199, punt 17; tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C-143/88 u C‑92/89, Ġabra p. I-415, punt 17; tal-21 ta’ Marzu 2000, Greenpeace France et, C‑6/99, Ġabra p. I-1651, punt 54; kif ukoll IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, kif ukoll is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C‑189/10, Ġabra p I-5667, punt 54).
1. Fuq il-konvenzjonijiet internazzjonali invokati
49 Preliminarjament, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li huma kompetenti jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim internazzjonali, jistgħu jiftehmu mal-Istati terzi kkonċernati dwar l-effetti li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandhom jipproduċu fl-ordinament intern tal-partijiet kontraenti. Huwa biss jekk din l-kwistjoni ma tkunx regolata mill-ftehim li taqa’ fuq il-qrati li għandhom il-ġurisdizzjoni, u b’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja, li jaqtgħu din il-kwistjoni bl-istess mod bħal kull kwistjoni oħra ta’ interpretazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-ftehim fl-Unjoni (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1982, Kupferberg, 104/81, Ġabra p. 3641, punt 17, u tat-23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il-Kunsill, C-149/96, Ġabra p. I-8395, punt 34).
50 Għandu wkoll jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 216(2) TFUE, meta jiġu konklużi ftehim internazzjonali mill-Unjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta minn dawn il-ftehim u, konsegwentement, dawn jirbħu fuq l-atti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 52; tat-12 ta’ Jannar 2006, Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht, C-311/04, Ġabra p. I-609, punt 25, kif ukoll tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C-308/06, Ġabra p. I-4057, punt 42, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 307).
51 Isegwi li l-validità ta’ att tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata mill-inkompatibbiltà ta’ dan l-att ma dawn ir-regoli tad-dritt internazzjonali. Meta din l-invalidità tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ, hekk kif titlobha l-qorti tar-rinviju bl-ewwel domanda tagħha, jekk ċerti kundizzjonijiet humiex sodisfatti fil-kuntest tal-kawża mressqa quddiemha sabiex jiġi stabbilit jekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, tistax tiġi evalwata l-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali invokati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intertanko et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
52 Fil-fatt, l-Unjoni għandha l-ewwel nett tkun marbuta b’dawn ir-regoli (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et, 21/72 sa24/72, Ġabra p. 1219, punt 7, kif ukoll Intertanko et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).
53 Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tistħarreġ il-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ trattat internazzjonali meta n-natura u l-istruttura tiegħu ma jipprekludux dan (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et va Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 110).
54 Fl-aħħar nett, meta n-natura u l-istruttura tat-trattat inkwistjoni jippermettu stħarriġ tal-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat, hemm bżonn ukoll li d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat invokat għall-finijiet tal-eżami tal-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni jkunu, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq IATA u ELFAA, punt 39, kif ukoll Intertanko et, punt 45).
55 Din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta meta d-dispożizzjoni invokata tinkludi obbligu ċar u preċiż li ma jkunx suġġett, fl-implementazzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għas-seħħ ta’ xi att ieħor sussegwenti (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p. 3719, punt 14; tal-15 ta’ Lulju 2004, Pêcheurs de l’Étang de Berre, C-213/03, Ġabra p. I-7357, punt 39, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C-240/09, Ġabra p. I‑1255, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 Għandu għaldaqstant jiġi mistħarreġ, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju, jekk il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 52 sa 54 ta’ din is-sentenza humiex effettivament sodisfatti.
a) Fuq il-Konvenzjoni ta’ Chicago
57 Hekk kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-preambolu tagħha, il-Konvenzjoni ta’ Chicago tistabbilixxi “ċerti prinċipji u arranġamenti sabiex l-avjazzjoni ċivili internazzjonali tkun tista’ tiżviluppa b’mod sigura u ordinata u li s-servizzi internazzjonali ta’ trasport bl-ajru jkunu jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-ugwaljanza ta’ opportunità u mħaddma b’mod tajjeb u ekonomiku.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
58 Din il-konvenzjoni għandha qasam ta’ applikazzjoni wiesgħa peress li tirregola, b’mod partikolari, id-dazji tal-inġenji tal-ajru li ma jwettqux servizz regolari, inkluż il-passaġġ fuq it-territorju tal-Istati partijiet, il-prinċipji applikabbli għall-kabotaġġ tal-ajru, il-kundizzjonjiet li fihom ajruplan li jista’ jtir mingħajr pilota jista’ jgħaddi mingħajr pilota fuq it-territorju ta’ Stat kontraenti, id-definizzjoni mill-Istati kontraenti ta’ żoni li minnhom il-passaġġ huwa pprojbit minħabba eżiġenzi militari jew sigurtà pubblika, l-inżul tal-inġenji tal-ajru f’ajruport doganali, l-applikazzjoni tar-regolamenti tal-ajru, ir-regoli tal-ajru, l-applikazzjoni tal-ħlasijiet tal-ajruport ta’ dazji simili, in-nazzjonalità tal-inġenji tal-ajru u l-miżuri intiżi li jiffaċilitaw in-navigazzjoni tal-ajru, bħas-semplifikazzjoni tal-formalitajiet, l-istabbiliment tal-formalitajiet tad-dwana u tal-immigrazzjoni, kif ukoll is-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u s-sistemi nnormalizzati.
59 Il-Konvenzjoni ta’ Chicago tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti f’dak li jirrigwarda l-inġenji tal-ajru, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-dokumenti li għandhom ikunu abbord, l-ekwipaġġament radju tal-inġenji tal-ajru, iċ-ċertifikati ta’ navigabbiltà, ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati u tal-liċenzji kif ukoll ir-restrizzjonijiet dwar il-ġarr ta’ merkanzija. Din il-konvenzjoni tipprevedi barra minn hekk l-adozzjoni mill-ICAO tar-regoli u tal-prattiki internazzjonali rrakkomandati.
60 Hekk kif issemma fil-punt 3 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li l-Unjoni ma hijiex parti għal din il-konvenzjoni, imma, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri kollha tagħha huwa partijiet kontraenti għaliha.
61 F’dan ir-rigward, minkejja li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jimplika l-obbligu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li ma jostakolawx l-implementazzjoni tal-impenji tal-Istati Membri li jirriżultaw minn konvenzjoni fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 1958, bħalma hija l-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandu madankollu jitfakkar li dan l-obbligu tal-istituzzjonijiet huwa intiż li jippermetti lill-Istati Membri kkonċernati li josservaw l-impenji li jkunu daħlu għalihom bis-saħħa ta’ konvenzjoni preċedenti, mingħajr ma jorbot lill-Unjoni fir-rigward tal-Istati terzi li huma partijiet għal din il-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa, 812/79, Ġabra p. 2787, punti 8 u 9).
62 Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, huwa biss jekk u sa fejn, bis-saħħa tat-Trattati UE u FUE, l-Unjoni assumiet il-kompetenzi eżerċitati preċedentement mill-Istati Membri tal-Unjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni internazzjonali, hekk kif indikat fil-punti 57 sa 59 ta’ din is-sentenza, li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni jkollhom bħala effett dak li jorbtu lill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi International Fruit Company et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18; tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta, C‑379/92, Ġabra p. I-3453, punt 16, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2009, Bogiatzi, C-301/08, Ġabra p. I-10185, punt 25).
63 Fil-fatt, sabiex tkun tista’ torbot lill-Unjoni, din tal-aħħar għandha wkoll tkun assumiet li jkunu ġew ittrasferiti lilha l-kompetenzi kollha li kienu eżerċitati preċedentement mill-Istati Membri u li jaqgħu taħt il-konvenzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Intertanko et, punt 49, kif ukoll Bogiatzi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). Għaldaqstant, il-fatt li wieħed jew iktar atti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jkollhom bħala suġġett jew bħala effett li jinkorporaw fid-dritt tal-Unjoni ċerti dispożizzjonijiet li jidhru fi ftehim internazzjonali li l-Unjoni ma tkunx hija stess approvat ma huwiex suffiċjenti sabiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha tistħarreġ il-legalità ta’ dan l-att jew ta’ dawn l-atti tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intertanko et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).
64 Hekk kif irrileva sostanzjalment il-gvern Svediż fin-nota tal-osservazzjonijiet tiegħu, kemm l-Artikolu 80(2) KE kif ukoll l-Artikolu 100(2) TFUE jipprevedi li l-Unjoni għandha l-possibbiltà li tadotta dispożizzjonijiet adegwati fil-qasam tan-navigazzjoni tal-ajru.
65 F’dan ir-rigward, ċerti aspetti li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago kienu s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni adottata fuq livell tal-Unjoni, b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 80(2) KE. Fir-rigward tan-navigazzjoni tal-ajru, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tirrileva fil-punt 23 tas-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger (C‑382/08, Ġabra p. I‑0139), dan jista’ jintqal, pereżempju, għar-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2002, dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 30), kif ukoll għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 348), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1900/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 377, p. 176).
66 Il-leġiżlatur tal-Unjoni bl-istess mod adotta d-Direttiva 2006/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-regolament tal-operazzjoni tal-ajruplani koperta mill-Parti II, il-Kapitolu 3, il-Volum 1 tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tieni edizzjoni (1988) (ĠU L 374, p. 1).
67 Fir-rigward tal-problemi marbuta mat-taxxa fuq il-karburant imbarkat, il-Kunsill adotta wkoll id-Direttiva 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405), li tipprevedi, fl-Artikolu 14(1)(b) tagħha, eżenzjoni fiskali ta’ enerġija pprovduta għall-użu bħala karburant jew kombustibbli għan-navigazzjoni tal-ajru minbarra dak privat, u dan sabiex, hekk kif jirriżulta mill-premessa 23 ta’ din id-direttiva, l-Unjoni tosserva b’mod partikolari ċerti obbligi internazzjonali, inklużi dawk marbuta mal-eżenzjonijiet fiskali fuq il-prodotti ta’ enerġija intiżi għall-avjazzjoni ċivili li minnhom jibbenefikaw il-kumpanniji tal-ajru bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u ta’ ftehim bilaterali internazzjonali tat-trasport bl-ajru konklużi mill-Unjoni u/jew mill-Istati Membri ma ċerti Stati terzi (ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Systeme Helmholz, C-79/10, Ġabra P. 1‑0000, punti 24 u 25).
68 Għandu għaldaqstant jiġi rrilevat li, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/530/KE, tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja ta’ Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (ĠU L 232, p. 1), l-Unjoni riedet tiżviluppa kuntest ta’ kooperazzjoni f’dak li jirrigwarda l-kontrolli u l-ispezzjonijiet tas-sigurtà fir-rigward tar-regoli li jidhru fl-Anness 17 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
69 Madankollu, għalkemm l-Unjoni ċertament kisbet ċerti kompetenzi esklużivi sabiex tikkuntratta mal-Istati terzi impenji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru internazzjonali u, konsegwentement, fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-476/98, Ġabra p. I‑9855, punt 124), dan ma jfissirx li issa għandha kompetenza esklużiva fil-qasam kollu tal-avjazzjoni ċivili internazzjonali kif kopert minn din il-konvenzjoni.
70 Fil-fatt, hekk kif qalu l-gvernijiet Franċiżi u Svediżi, l-Istati Membri żammew kompetenzi li jaqgħu fil-qasam tal-imsemmija konvenzjoni, bħal dawk li jirrigwardaw l-attribuzzjoni tad-dazji tat-traffiku, l-iffissar ta’ ħlasijiet ajruportwali jew id-determinazzjoni taż-żoni ta’ projbizzjoni ta’ titjir fuq it-territorju tagħhom.
71 Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, sa fejn il-kompetenzi preċedentement eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ma għaddewx kollha kemm huma għand l-Unjoni, din tal-aħħar ma hijiex marbuta minn din il-konvenzjoni.
72 Isegwi li, fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina l-validità tad-Direttiva 2008/101 fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Chicago fiha nfisha.
b) Fuq il-Protokoll ta’ Kyoto
73 Mid-Deċiżjonijiet 94/69 u 2002/358 jirriżulta li l-Unjoni approvat il-Protokoll ta’ Kyoto. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim huma parti integrali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, Ġabra p. 449, punt 5).
74 B’hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jistax tevalwa l-validità tad-Direttiva 2008/101 fid-dawl ta’ dan il-protokoll, għandu jiġi ddeterminat jekk in-natura u l-istruttura ta’ dan tal-aħħar jipprekludux eżami bħal dan u jekk, barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tiegħu, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu, jidhrux, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi b’mod li jagħtu, għall-partijiet fil-kawża tal-Unjoni, id-dritt li jinvokawhom fil-kawża sabiex jikkontestaw il-legalità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni bħalma hija din id-direttiva.
75 F’dan ir-rigward, bl-adozzjoni tal-Protokoll ta’ Kyoto, il-partijiet kontraenti riedu jiffissaw l-għanijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u impenjaw ruħhom li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jilħqu dawn l-għanijiet. Fir-rigward ta’ ċerti partijiet kontraenti għal dan il-protokoll, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq, dan tal-aħħar jagħti ċertu marġni ta’ manuvra fl-implementazzjoni tal-impenji tagħhom. Barra minn hekk, minn naħa, l-imsemmi protokoll jippermetti li ċerti partijiet jissodisfaw kollettivament l-impenji tagħhom ta’ tnaqqis. Min-naħa l-oħra, il-konferenza tal-Partijiet, imwaqqfa mill-konvenzjoni qafas, hija inkarigata li tapprova l-proċeduri u l-mekkaniżmi adegwati u effikaċji sabiex jiġu ddeterminati u studjati l-każijiet ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi protokoll.
76 Għandu jiġi b’hekk irrilevat li, anki jekk il-Protokoll ta’ Kyoto jipprevedi impenji f’ċifri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-perijodu ta’ impenn li jikkorrispondi għas-snin 2008 sa 2012, il-partijiet għal dan il-protokoll jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-modalitajiet u l-ħeffa li jaqbel l-iktar lilhom.
77 B’mod partikolari, l-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, jipprevedi li l-partijiet kontraenti jippruvaw jillimitaw jew inaqqsu l-emissjonijiet ta’ ċerti gassijiet serra li joriġinaw mil-kombustibbli tal-istiva użat fit-trasport bl-ajru permezz tal-ICAO. B’hekk, din id-dispożizzjoni, fir-rigward tal-kontenut tagħha, ma għandhiex titqies f’kull każ li għandha natura inkundizzjonali u suffiċjentement preċiża b’mod li tagħti lil parti fil-kawża d-dritt li tinvokaha fil-kawża sabiex tikkontesta l-validità tad-Direttiva 2008/101.
78 Konsegwentement, il-Protokoll ta’ Kyoto ma jistax jiġi invokat fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju preliminari sabiex tiġi evalwata l-validità tad-Direttiva 2008/101.
c) Fuq il-Ftehim “Sema Miftuħ”
79 Il-Ftehim “Sema Miftuħ” ġie approvat f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjonijiet Nri 2007/339 u 2010/465. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim huma parti integrali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza Haegeman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 5).
80 B’hekk, tqum il-kwistjoni l-ewwel nett li jsir magħruf jekk in-natura u l-istruttura tal-Ftehim “Sema Miftuħ” jippermettux eżami tal-validità tad-Direttiva 2008/101 fid-dawl ta’ dan il-ftehim.
81 F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-imsemmi ftehim, kif jirriżulta mill-premessi 13 u 14 tal-preambolu tiegħu, għandu bħala għan li jippermetti lil-linji tal-ajru tal-partijiet kontraenti joffru lill-passiġġieri u lill-merkanzija prezzijiet u trasport kompetittiv fis-swieq miftuħa. Dan il-ftehim ifittex ukoll jagħti lis-settur kollu tat-trasport bl-ajru, inklużi l-persunal tal-linji tal-ajru, vantaġġi li jirriżultaw minn ftehim ta’ liberalizzazzjoni bħal dan. Il-partijiet kontraenti indikaw, billi għamlu hekk, l-intenzjoni tagħhom li joħolqu preċedent ta’ daqs dinji sabiex jisfruttaw kompletament il-vantaġġi tal-liberalizzazzjoni f’dan is-settur ekonomikament essenzjali.
82 Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tagħha, il-linji tal-ajru stabbiliti fir-territorju tal-partijiet tal-Ftehim “Sema Miftuħ” huma speċifikament kooperti minn dan il-ftehim. Dan jidher b’mod partikolari f’dan ir-rigward mill-Artikoli 3(2) u 5, kif ukoll 10 tiegħu, dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet direttament lit-trasportaturi filwaqt li dispożizzjonijiet oħra ta’ dan il-ftehim jimponu obbligi fuqhom.
83 Fir-rigward tal-fatt li l-partijiet ftehmu, bis-saħħa tal-Artikolu 19 tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, li kull kontroversja dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-ftehim tista’ tiġi sottomessa għal proċedura li tista’ twassal għal tribunal ta’ arbitraġġ, hemm lok li jitfakkar li l-fatt li l-partijiet kontraenti ħolqu qafas istituzzjonali partikolari għall-konsultazzjonijiet bejniethom dwar l-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi kull applikazzjoni ġudizzjarja tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kupferberg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).
84 Peress li l-Ftehim “Sema Miftuħ” jistabbilixxi ċerti regoli intiżi li jkunu applikabbli direttament u immedjatament għal-linji tal-ajru u li jagħtihom b’hekk drittijiet jew libertajiet li jistgħu jiġu invokati fil-konfront tal-partijiet għal dan il-ftehim, u li n-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux dan, jista’ jiġi konkluż li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tevalwa l-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, bħalma hija d-Direttiva 2008/101, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bħal dan.
85 Għandu konsegwentement jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim indikati mill-qorti tar-rinviju jidhrux, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi, sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità tad-Direttiva 2008/101 fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi.
i) Fuq l-Artikolu 7 tal-Ftehim “Sema Miftuħ”
86 Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 7 tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, intitolat “Applikazzjoni tal-liġijiet”, jipprevedi obbligu preċiż u inkundizzjonali applikabbli għall-inġenji tal-ajru użati mil-linji tal-ajru tal-partijiet għal dan il-ftehim. Fil-fatt, skont l-imsemmi artikolu, meta dawn l-inġenji tal-ajru li jagħtu s-servizz ta’ navigazzjoni tal-ajru internazzjonali jidħlu, joqgħodu jew jitilqu mit-territorju ta’ wieħed mill-partijiet kontraenti, japplikaw għalihom, u jkunu marbuta josservaw, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari ta’ din il-parti, kemm jekk ikunu dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul u l-ħruġ tal-inġenji tal-ajru fit-territorju ta’ din tal-aħħar, u kemm ikunu dawk li jirregolaw l-operat u n-navigazzjoni tal-imsemmija inġenji tal-ajru.
87 Konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 7 jista’ jiġi invokat mil-linji tal-ajru fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju preliminari għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2008/101.
ii) Fuq l-Artikolu 11 tal-Ftehim “Sema Miftuħ”
88 Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jidher li, fost il-prodotti msemmija fl-Artikolu 11(1) u (2) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, huwa biss il-karburant, fih innisfu, li huwa rilevanti, u li, barra minn hekk, id-distribuzzjoni ta’ dan il-prodott fis-sens tal-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu ma hijiex qed tiġi kkontestata.
89 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 11(1) u (2)(c) tal-Ftehim “Sema Miftuħ” jipprevedi li, fuq bażi ta’ reċiproċità, huwa eżentat b’mod partikolari mid-dazji, mit-taxxi u mill-ħlasijiet, il-karburant introdott jew ipprovdut fit-territorju tal-Unjoni intiż li jiġi użat abbord inġenju tal-ajru ta’ trasportatur stabbilit fl-Istati Uniti li joffri trasport bl-ajru internazzjonali, anki jekk inkun intiż li jiġi użat fuq il-parti tat-titjira ’l barra mit-territorju tal-Unjoni.
90 F’dak li jirrigwarda l-karburant imbarkat għat-titjiriet internazzjonali, għandu jiġi rrilevat li l-Unjoni espressament ipprevediet eżenzjoni mit-taxxa għall-prodotti ta’ enerġija pprovduti għal użu bħala karburant jew kombustibbli għan-navigazzjoni tal-ajru, u dan b’mod partikolari għall-konformità mal-obbligi internazzjonali eżistenti li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Chicago kif ukoll minn dawk li jaqgħu fuqha bis-saħħa tal-ftehim bilaterali internazzjonali ta’ trasport bl-ajru li tkun ikkonkludiet ma’ ċerti Stati terzi u li jkunu, minn dan l-aspett, tal-istess natura bħal dak tal-ftehim “Sema Miftuħ” (ara s-sentenza Systeme Helmholz, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 u 25).
91 Huwa barra minn hekk stabbilit li, f’dak li jirrigwarda t-titjiriet kummerċjali internazzjonali, din l-eżenzjoni kienet teżisti qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96 (ara, dwar dan l-aspett, is-sentenza Systeme Helmholz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22), u li, billi tipprevedi fl-Artikolu 11(1) u (2)(c) tal-ftehim “Sema Miftuħ”, obbligu ta’ eżenzjoni mit-taxxa għall-karburant imbarkat, il-partijiet għal dan il-ftehim, kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri u l-Istati Uniti, ma għamlu xejn ħlief ikkonfermaw, fir-rigward tal-karburant imbarkat, obbligu taħt il-konvenzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Chicago.
92 Fl-aħħar nett, ma ġie bl-ebda mod invokat, la mill-Istati Membri u lanqas mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li ssottomettew osservazzjonijiet, li, fil-kuntest tal-ftehim “Sema Miftuħ”, is-sieħeb kummerċjali tal-Unjoni ma kienx qed jeżenta l-karburant imbarkat mill-inġenji tal-ajru tal-linji tal-ajru stabbiliti fi Stat Membru.
93 Isegwi li, fir-rigward speċifikament tal-karburant, ir-rekwiżit ta’ reċiproċità li jidher fl-Artikolu 11(1) u (2)(c) tal-Ftehim “Sema Miftuħ” ma jikkostitwixxix, b’mod partikolari f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, li fiha l-partijiet kontraenti implementaw reċiprokament l-obbligu inkwistjoni, ostakolu għall-fatt li l-obbligu ta’ eżenzjoni mid-dazji, mit-taxxi u mill-ħlasijiet għal dak li jirrigwarda l-karburant imbarkat, previst fl-imsemmija dispożizzjoni, jiġi invokat direttament għall-finijiet tal-istħarriġ tal-validità tad-Direttiva 2008/101.
94 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi ammess li l-Artikolu 11(1) u (2)(c) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ eżenzjoni mid-dazji, mit-taxxi u mill-ħlasijiet, bl-eċċezzjoni tal-ħlasijiet ikkalkolati għall-provvisti mogħtija, għall-karburant imbarkat mill-inġenji tal-ajru li jwettqu trasport bl-ajru internazzjonali bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti, jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju preliminari għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2008/101 fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.
iii) Fuq l-Artikolu 15(3) tal-ftehim “Sema Miftuħ”, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3(4) tiegħu
95 Fir-rigward tal-ewwel frażi tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 15 tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, hija timponi fuq il-partijiet kontraenti l-obbligu li josservaw ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-ambjent li jidhru fl-annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, ħlief f’dawk il-każijiet fejn id-differenzi fil-konfront ta’ dawn ir-regoli jkunu ġew ikkomunikati. Dan l-aħħar aspett ma jikkostitwixxix element li jikkundizzjona l-obbligu għall-Unjoni li tosserva l-imsemmija regoli, imma jikkostitwixxi possibbiltà ta’ deroga minn dan l-obbligu.
96 L-imsemmija frażi tidher b’hekk inkundizzjonali u suffiċjentement preċiża b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tevalwa l-validità tad-Direttiva 2008/101 fir-rigward ta’ dispożizzjoni bħal din (ara, fir-rigward tal-osservanza tar-regoli ambjentali li jirriżultaw minn konvenzjoni, is-sentenza Pêcheurs de l’Étang de Berre, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).
97 F’dak li jirrigwarda t-tieni frażi tal-imsemmi paragrafu 3, hija tipprevedi li kull miżura ta’ protezzjoni tal-ambjent li jkollha effett fuq it-trasport bl-ajru rregolat mill-ftehim “Sema Miftuħ” għandha tiġi applikata mill-partijiet skont l-Artikoli 2 u 3(4) ta’ dan il-ftehim.
98 B’hekk, għalkemm fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-miżuri tagħha ta’ protezzjoni tal-ambjent, l-Unjoni tista’ tadotta ċerti miżuri li jkollhom bħala effett li jillimitaw unilateralment il-volum tat-traffiku jew ukoll il-frekwenza jew ir-regolarità tat-trasport fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, hija għandha madankollu tapplika dawn il-miżuri f’kundizzjonijiet uniformi li jkunu konformi mal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, liema konvenzjoni, sostanzjalment, tipprevedi li l-ħlasijiet ajruportwali imposti jew li jistgħu jiġu imposti fuq l-inġenji tal-ajru li jwettqu trasport bl-ajru internazzjonali regolari ma għandhomx ikunu iktar minn dawk li jitħallsu mill-inġenji tal-ajru nazzjonali li jwettqu trasport internazzjonali simili.
99 Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-Artikolu 2 tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, li jipprevedi li kull parti toffri lil-linji tal-ajru taż-żewġ partijiet il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni leali u ekwa għall-provvista tat-trasport bl-ajru internazzjonali, l-Artikolu 15(3) ta’ dan il-ftehim, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3(4) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk l-Unjoni tadotta miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent taħt il-forma ta’ ħlasijiet ajruportwali li jkollhom bħala effett li jillimitaw il-volum tat-traffiku jew ukoll il-frekwenza jew ir-regolarità tat-trasport bl-ajru trans-Atlantiku, dawn il-ħlasijiet imposti fuq il-linji tal-ajru stabbiliti fl-Istati Uniti ma għandhomx ikunu iktar minn dawk imposti fuq il-linji tal-ajru tal-Unjoni u, meta tagħmel hekk, mil-lat tas-sottomissjoni eventwali għal dawn il-ħlasijiet, għandha tiġi offruta mill-Unjoni lil dawn iż-żewġ kategoriji ta’ linji tal-ajru l-possibbiltà ta’ kompetizzjoni leali u ekwa.
100 L-Artikolu 15(3) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3(4) tiegħu, għandu b’hekk obbligu inkundizzjonali u suffiċjentement preċiż li jista’ jiġi invokat għall-finijiet tal-validità tad-Direttiva 2008/101 fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.
2. Fuq id-dritt internazzjonali konswetudinarju
101 Hemm lok li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5) TUE, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-osservanza stretta tal-iżvilupp tad-dritt internazzjonali. Konsegwentement, meta hija tadotta att, hija marbuta li tosserva d-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C-286/90, Ġabra p. I-6019, punti 9 u 10, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C-162/96, Ġabra p. I-3655, punti 45 u 46).
102 B’hekk, hemm lok li jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk il-prinċipji li għalihom qed tirreferi l-qorti tar-rinviju humiex irrikonoxxuti bħala li huma parti mid-dritt internazzjonali konswetudinarju. Fil-każ affermattiv, ikun hemm bżonn, it-tieni nett, li jiġi ddeterminat jekk u sa fejn l-imsemmija prinċipji jistgħu jiġu invokati mill-partijiet fil-kawża sabiex jikkontestaw il-validità ta’ att tal-Unjoni, bħalma hija d-Direttiva 2008/101, f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali.
a) Fuq ir-rikonoxximent tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju invokati
103 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal prinċipju li jgħid li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu kif ukoll għall-prinċipju ieħor li jgħid li l-ebda Stat ma jista’ leġittimament jippretendi li jissottometti xi parti tal-ibħra internazzjonali għas-sovranità tiegħu. Hija ssemmi wkoll il-prinċipju ta’ titjir liberu fuq l-ibħra internazzjonali.
104 Dawn it-tliet prinċipji jitqiesu li huma l-espressjoni tal-istat attwali tad-dritt internazzjonali marittimu u tal-ajru konswetudinarju u, barra minn hekk, l-imsemmija prinċipji kienu ġew ikkodifikati rispettivament fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago [ara, dwar ir-rikonoxximent ta’ dan il-prinċipju, is-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 1986, Attivitajiet militari u paramilitari fin-Nikaragwa (In‑Nikaragwa vs L-Istati Uniti tal-Amerika), Ġabra tas-sentenzi, opinjonijiet konsultattivi u digrieti 1986, p. 392, punt 212], fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Genève tad-29 ta’ April 1958 dwar l-ibħra internazzjonali (Ġabra tat-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 450, p. 11) (ara, ukoll, dwar ir-rikonoxximent ta’ dan il-prinċipju, is-sentenza tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali tas-7 ta’ Settembru 1927, kawża “Lotus”, Ġabra CPJI 1927, serje A, Nru 10, p. 25), kif ukoll fit-tielet frażi tal-Artikolu 87(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-dritt tal-baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982, li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994, u konkluża u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 98/392/KE tal-Kunsill, tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU L 179, p. 1).
105 L-eżistenza ta’ dawn il-prinċipji tad-dritt internazzjonali ma ġietx ikkontestata, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u matul is-seduta, la mill-Istati Membri, la mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lanqas mir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja.
106 Fir-rigward tar-raba’ prinċipju indikat mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri dak li jgħid li l-inġenji tal-ajru li jtiru fuq l-ibħra internazzjonali huma suġġetti għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Stat li fih huma rreġistrati, għandu min-naħa l-oħra jiġi kkonstatat li, barra mill-fatt li l-gvern tar-Renju Unit u, sa ċertu punt, il-gvern Ġermaniż, jikkontestaw l-eżistenza ta’ dan il-prinċipju, ma hemmx elementi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, irrikonoxxut bħala tali, li jgħid li vapur li jinsab fl-ibħra internazzjonali huma bħala prinċipju suġġett esklużivament għal-liġi tar-reġistru tiegħu (ara s-sentenza Poulsen u Diva Navigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22) jista’ jiġi applikat b’analoġija għall-inġenji tal-ajru li jtiru fuq l-ibħra internazzjonali.
b) Fuq il-possibbiltà u l-kundizzjonijiet li fihom il-prinċipji inkwistjoni jistgħu jiġu invokati
107 Għandu jiġi rrilevat li l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju msemmija fil-punt 103 ta’ din is-sentenza jistgħu jiġu invokati minn parti fil-kawża għall-finijiet tal-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-validità ta’ att tal-Unjoni sa fejn, minn naħa, dawn il-prinċipji jistgħu jqegħdu inkwistjoni l-kompetenza tal-Unjoni li tadotta l-imsemmi att (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra p. 5193, punti 14 sa 18; kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 1993, Mondiet, C-405/92, Ġabra p I-6133, punti 11 sa 16) u, min-naħa l-oħra, l-att inkwistjoni jkun jista’ jaffettwa d-drittijiet li l-parti fil-kawża tinvoka mid-dritt tal-Unjoni jew li joħloq għaliha obbligi fid-dawl ta’ dan id-dritt.
108 Issa, fil-kawża prinċipali, l-imsemmija prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju qed jiġu invokati, sostanzjalment, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa jekk l-Unjoni kellhiex il-kompetenza, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, li tadotta d-Direttiva 2008/101 sa fejn hija testendi applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru tal-Istati terzi li t-titjiriet tagħhom lejn u minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni jitwettqu parzjalment barra mill-ibħra internazzjonali u barra mit-territorju ta’ dawn tal-aħħar.
109 Għaldaqstant, anki jekk il-prinċipji inkwistjoni jidhru li għandhom bħala portata tagħhom dik li joħolqu biss obbligi bejn Stati, ma jistax jiġi eskluż, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża li tagħha ntalbet tieħu konjizzjoni l-qorti tar-rinviju, li fiha d-Direttiva 2008/101 tista’ toħloq xi obbligi fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni fir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li dawn tal-aħħar jistgħu jinvokaw l-imsemmija prinċipji u li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina b’hekk il-validità ta’ din id-direttiva fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji.
110 Madankollu, peress li prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ma għandux l-istess grad ta’ preċiżjoni li jkollha dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament jasal biss sal-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta adottaw l-att inkwistjoni, wettqux żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Racke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).
111 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ntqalu hawn fuq, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li, fost il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali msemmija mill-qorti tar-rinviju, jistgħu jiġu invokati biss, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali u għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2008/101:
minn naħa, u biss għal stħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni imputabbli lill-Unjoni fir-riward tal-kompetenza tagħha, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, sabiex tadotta din id-direttiva:
– il-prinċipju li jgħid li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu;
– il-prinċipju li jgħid li l-ebda Stat ma jista’ leġittimament jippretendi li jissottometti xi parti tal-ibħra internazzjonali għas-sovranità tiegħu, u
– il-prinċipju li jiggarantixxi t-titjir liberu fuq l-ibħra internazzjonali.
min-naħa l-oħra,
– l-Artikoli 7 u 11(1) u (2)(c) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, kif ukoll;
– l-Artikolu 15(3) tal-imsemmi ftehim, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3(4) tiegħu.
B – Fuq it-tieni sar-raba’ domandi
112 Bit-tieni sar-raba’ domandi tagħha u fid-dawl tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sostanzjalment, fl-ipoteżi u sa fejn id-Direttiva 2008/101 tapplika l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti lill-partijiet tat-titjiriet li jseħħu barra mill-ispazju tal-ajru tal-Istati Membri, inklużi t-titjiriet imwettqa minn inġenji tal-ajru rreġistrati fl-Istati terzi, jekk din id-direttiva hijiex valida fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju msemmija fir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel domanda, kif ukoll fid-dawl tal-Artikoli 7 u 11(1) u (2)(c) tal-Ftehim “Sema Miftuħ” u 15(3) tiegħu, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3(4) tal-imsemmi ftehim.
113 Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-imsemmija domandi u taċ-ċirkustanza li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kumpanniji tal-ajru rreġistrati fi Stat terz, għandu, l-ewwel nett, jiġi ddeterminat jekk u sa fejn id-Direttiva 2008/101 tapplikax għall-partijiet tat-titjiriet internazzjonali mwettqa barra mill-ispazju tal-ajru tal-Istati Membri minn dawn il-kumpanniji. It-tieni nett, għandha tiġi eżaminata l-validità ta’ din id-direttiva f’dan il-kuntest.
1. Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione loci tad-Direttiva 2008/101
114 Id-Direttiva 2003/87 tapplika, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tagħha, għall-emissjonijiet ikkawżati mill-attivitajiet indikati mill-Anness I tagħha u għas-sitt gassijiet serra enumerati fl-Anness II tagħha, fosthom is-CO2.
115 F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2008/101 emendat l-Anness I tad-Direttiva 2003/87 billi daħħlet kategorija ta’ attività intitolata “Avjazzjoni” u billi żiedet fil-punt 2 tal-introduzzjoni ta’ dan l-anness paragrafu ieħor li jgħid, “[m]ill-1 ta’ Jannar 2012, għandhom jiġu inklużi t-titjiriet kollha li jaslu jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat.”
116 Dwar dan l-aspett, għandu jiġi rrilevat li, fost l-esklużjonijiet enumerati fl-imsemmi Anness I, ma jidhrux il-kriterji relatati, għall-inġenji tal-ajru li jitilqu minn ajrudrom tal-Unjoni, mal-ajrudrom ta’ destinazzjoni, u, għall-inġenji tal-ajru li jaslu f’ajrudrom tal-Unjoni, mal-ajrudrom ta’ tluq. Konsegwentement, id-Direttiva 2008/101 hija applikabbli bl-istess mod għat-titjiriet li għandhom destinazzjoni jew li joriġinaw mit-territorju tal-Unjoni, inklużi dawk li joriġinaw jew li jkollhom destinazzjoni f’ajrudromi barra minn dan it-territorju. Dan jirriżulta barra minn hekk mill-premessa 16 tad-Direttiva 2008/101.
117 B’hekk, l-imsemmija direttiva ma hijiex intiża tkun aplikabbli fiha nnifisha għal titjiriet internazzjonali li jolqtu, huma u jtiru, it-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni jew dak ta’ stati terz, meta dawn it-titjiriet ma jkollhomx l-inżul jew it-tluq minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.
118 Min-naħa l-oħra, meta titjira li toriġina minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat terz jinżel f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni, jew meta titjira li titlaq minn dan l-ajrudrom tinżel f’ajrudrom li jinsab fi Stat terz, mill-parti B tal-Anness IV tad-Direttiva 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2008/101, jirriżulta li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jwettqu dawn it-titjiriet għandhom jddikjaraw l-emissjonijiet tagħhom, sabiex jiġi ddeterminat, skont l-Artikolu 12(2a) tad-Direttiva 2003/87, kif emendat bid-Direttiva 2008/101, in-numru ta’ kwoti li huma jkollhom jirrestitwixxu għas-sena kalendarja preċedenti u li tikkorrispondi għall-emissjonijiet ivverifikati, liema emissjonijiet jiġu kkalkolati mid-data ta’ dawn it-titjiriet kollha kemm huma.
119 B’mod partikolari, għall-finijiet tal-kalkolu tat-“tunnellati-kilometru”, jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsum tal-karburant, li jiġi ddeterminat permezz ta’ formula ta’ kalkolu li biha jiġi stabbilit, sa fejn huwa possibbli, il-konsum reali ta’ karburant għat-titjiriet koperti mid-Direttiva 2008/101.
120 Huwa fir-rigward ta’ dan l-aspett marbut mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-konsum tal-karburant għat-titjiriet internazzjonali kollha li jinżlu jew li jitilqu minn ajrudromi li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri li għandha tiġi eżaminata l-validità tad-Direttiva 2008/101 fil-kuntest tal-kawża prinċipali.
2. Fuq il-kompetenza tal-Unjoni, fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jistgħu jiġu invokati fil-kuntest tal-kawża prinċipali, sabiex tadotta d-Direttiva 2008/101
121 Hekk kif jirriżulta mill-punt 108 ta’ din is-sentenza, it-tliet prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jistgħu jiġu invokati f’din il-kawża għall-finijiet tal-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-validità tad-Direttiva 2008/101 huma, prevalentement, marbuta mal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2008/101.
122 L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-Direttiva 2008/101, ma rrendietx id-Direttiva 2003/87 applikabbli fiha nfisha għall-inġenji tal-ajru rreġistrati fl-Istati terzi u li jkunu qed itiru fuq dawn tal-aħħar jew fuq l-ibħra internazzjonali.
123 Fil-fatt, il-kompetenzi tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati b’osservanza tad-dritt internazzjonali, b’mod li d-Direttiva 2008/101 għandha tiġi interpretata, u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha llimitat, fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali tal-baħar u tad-dritt internazzjonali tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Poulsen u Diva Navigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).
124 Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tista’ tiġi applikata għal operatur ta’ inġenju tal-ajru meta l-inġenju tal-ajru tiegħu jkun jinsab fuq it-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri u, iktar preċiżament, f’ajrudrom li jinsab f’dan it-territorju, peress li, f’dan il-każ, l-imsemmi inġenju tal-ajru huwa suġġett għall-ġurisdizzjoni sħiħa ta’ dan l-Istat Membru u tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Poulsen u Diva Navigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).
125 F’dan ir-rigward, billi tipprevedi kriterju ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2008/101 għall-operaturi ta’ inġenji tal-ajru rreġistrati fi Stat Membru jew fi Stat terz, ibbażat fuq il-fatt li dawn l-inġenji tal-ajru jwettqu titjira li titlaq jew li tinżel f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, id-Direttiva 2008/101, meta tinkludi għall-avjazzjoni l-applikazzjoni tal-iskema prevista fid-Direttiva 2003/87, ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ territorjalità u lanqas ta’ sovranità tal-Istati terzi, li minnhom joriġinaw jew li jitilqu lejnhom dawn it-titjiriet imwettqa, fuq l-ispazju tal-ajru li jinsab fuq it-territorju tagħhom, peress li l-imsemmija inġenji tal-ajru jinsabu fiżikament fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni u huma b’hekk suġġetti, bis-saħħa ta’ dan, għall-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Unjoni.
126 Din l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tnaqqasx mill-prinċipju ta’ titjir liberu fuq l-ibħra internazzjonali għaliex inġenju tal-ajru li jtir fuqhom ma huwiex suġġett, inkwantu jwettaq dan il-passaġġ, għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. Min-naħa l-oħra, dan l-inġenju tal-ajru jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jgħaddi mill-ispazju tal-ajru ta’ wieħed mill-Istati Membri mingħajr ma dan l-operatur tal-inġenju tal-ajru jkun suġġett għal din l-iskema.
127 Fil-fatt, huwa biss jekk l-operatur ta’ dan l-inġenju tal-ajru jagħżel li jopera linja tal-ajru kummerċjali fl-inżul jew fit-tluq f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li dan l-operatur, minħabba li l-inġenju tal-ajru jkun jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, ikun suġġett għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti.
128 Fir-rigward tal-fatt li l-operatur ta’ inġenju tal-ajru li jinsab f’din is-sitwazzjoni jkun marbut li jirrestitwixxi l-kwoti kkalkolati fid-dawl tat-titjira internazzjonali kollha li l-inġenju tal-ajru jkun wettaq jew li jkun ser iwettaq fit-tluq jew fl-inżul minn dan l-ajrudrom, hemm lok li jitfakkar li peress li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent tfittex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 191(2) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ fil-prinċipju jagħżel li jawtorizza l-eżerċizzju fit-territorju tiegħu ta’ attività kummerċjali, f’dan il-każ it-trasport bl-ajru, biss taħt il-kundizzjoni li l-operaturi josservaw il-kriterji ddefiniti mill-Unjoni u intiżi li jilħqu l-għanijiet mogħtija lilha nnifisha fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari meta dawn l-għanijiet jaqgħu taħt l-estensjoni ta’ ftehim internazzjonali li l-Unjoni tkun daħlet għalih, bħalma huma l-konvenzjoni-qafas u l-Protokoll ta’ Kyoto.
129 Barra minn hekk, il-fatt li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, ċerti elementi li jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja, tal-baħar jew tal-art tal-Istati Membri joriġinaw minn avveniment li jiżvolġi parzjalment barra mit-territorju ma huwiex tali li, fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jistgħu jiġu invokati fil-kawża prinċipali, iwaqqgħu l-applikabbiltà sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-imsemmi territorju (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, is-sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 15 sa 18, kif ukoll, fir-rigward tal-idrokarburi mitfugħa aċċidentalment barra mill-ibħra territorjali ta’ Stat Membru, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, Ġabra p. I-4501, punti 60 sa 62).
130 Isegwi li l-Unjoni kienet kompetenti, fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jistgħu jiġu invokati fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li tadotta d-Direttiva 2008/101, sa fejn hija testendi għat-titjiriet kollha li jinżlu jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti prevista fid-Direttiva 2003/87.
3. Fuq il-validità tad-Direttiva 2008/101 fid-dawl tal-Ftehim “Sema Miftuħ”
a) Fuq il-validità tad-Direttiva 2008/101 fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Ftehim “Sema Miftuħ”
131 ATA et issostni, sostanzjalment, li d-Direttiva 2008/101 tmur kontra l-Artikolu 7 tal-Ftehim “Sema Miftuħ” sa fejn, f’dak li jirrigwardaha, dan l-artikolu ma jipprevedix l-osservanza mill-inġenji tal-ajru li jwettqu n-navigazzjoni internazzjonali tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari tal-Unjoni meta jidħlu jew jitilqu mit-territorju tal-Istati Membri jew, fir-rigward ta’ dawk li jirregolaw it-tħaddim u n-navigazzjoni tal-imsemmija inġenji tal-ajru, meta l-inġenji tal-ajru tagħhom jinsabu f’dan it-territorju. Issa, din id-direttiva hija applikabbli għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti previsti mid-Direttiva 2003/87 mhux biss fid-dħul tal-inġenji tal-ajru fit-territorju tal-Istati Membri jew fil-ħruġ tagħhom minnu, imma wkoll għal dawk il-partijiet tat-titjiriet imwettqa barra mill-ibħra internazzjonali u mit-territorju ta’ Stati terzi.
132 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-Direttiva 2008/101 ma tirrendix id-Direttiva 2003/87 applikabbli fiha nfisha għall-inġenji tal-ajru rreġistrati f’Istati terzi u li jtiru fuq dawn tal-aħħar jew fuq l-ibħra internazzjonali.
133 Fil-fatt, huwa biss jekk l-operaturi ta’ dawn l-inġenji tal-ajru jagħżlu li joperaw linja tal-ajru kummerċjali fil-wasla minn jew fit-tluq minn ajrudromi li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri li, għaliex l-inġenji tal-ajru tagħhom jużaw dawn l-ajrudromi, l-imsemmija operaturi jkunu suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti.
134 Id-Direttiva 2008/101 tipprevedi li d-Direttiva 2003/87 tkun applikabbli għat-titjiriet li jinżlu jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. B’hekk, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tirregola fit-territorju tal-Istati Membri d-dħul u l-ħruġ tal-inġenji tal-ajru li jwettqu n-navigazzjoni tal-ajru internazzjonali, kemm Ewropea u kemm trans-Atlantika, mill-Artikolu 7(1) tal-Ftehim “Sema Miftuħ” jirriżulta espressament li din il-leġiżlazzjoni tapplika għall-inġenji tal-ajru kollha użati mil-linji tal-ajru tal-parti l-oħra għal dan il-ftehim u li dan l-inġenju tal-ajru huwa marbut li josserva din il-leġiżlazzjoni.
135 Isegwi li l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim “Sema Miftuħ” ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti stabbilita bid-Direttiva 2003/87 għall-operaturi ta’ inġenji tal-ajru, bħalma huma l-linji tal-ajru stabbiliti fl-Istati Uniti, meta l-inġenji tal-ajru tagħhom iwettqu titjiriet li jaslu jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.
b) Fuq il-validità tad-Direttiva 2008/101 fid-dawl tal-Artikolu 11(1) u (2)(c) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”
136 ATA et u IATA jsostnu, essenzjalment, li d-Direttiva 2008/101, sa fejn hija tinkludi l-avjazzjoni internazzjonali fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti prevista mid-Direttiva 2003/87, tmur kontra l-obbligu, indikat fl-Artikolu 11(1) u (2)(c) tal-Ftehim “Sema Miftuħ” u li jaqa’ fuq l-Unjoni, ta’ eżenzjoni mid-dazji, mit-taxxi u mill-ħlasijiet għall-karburant imbarkat. B’mod partikolari, dawn il-partijiet fil-kawża prinċipali jsostnu li huma biss il-ħlasijiet ikkalkolati abbażi tas-servizz ipprovdut li jistgħu jiġu applikati mill-Unjoni, imma li l-iskema prevista mid-Direttiva 2003/87 ma taqax taħt din id-deroga.
137 F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Ftehim “Sema Miftuħ” indikati iktar ’il fuq huma intiżi li jirregolaw ċerti aspetti li jirrigwardaw l-ispejjeż ekonomiċi tat-trasport bl-ajru, filwaqt li jiġu ggarantiti l-kundizzjonijiet ta’ ekwità għal-linji tal-ajru. Bla ħsara għar-reċiproċità, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, b’mod partikolari, ċerti forom ta’ dazji tat-dwana fuq l-importazzjoni, ta’ taxxi u ta’ ħlasijiet fuq il-karburant.
138 Ir-regoli li jinsabu fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/101 għandhom, fihom infushom, l-għan li jestendu għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti stabbilita bid-Direttiva 2003/87. B’hekk, huma jfittxu b’mod partikolari l-għan ta’ protezzjoni mtejba tal-ambjent.
139 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li għalkemm l-għan aħħari tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti huwa l-protezzjoni tal-ambjent permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, din l-iskema ma tnaqqasx minnha nfisha dawn l-emissjonijiet, iżda tħeġġeġ u tiffavorixxi t-twettiq tal-inqas spejjeż sabiex jinkiseb tnaqqis fl-imsemmija emissjonijiet fuq livell speċifiku. Il-vantaġġ għall-ambjent jiddependi minn kemm hija stretta l-kwantità totali li tiġi stabbilita għall-kwoti mogħtija, li tikkostitwixxi l-limitu globali tal-emissjonijiet awtorizzati mill-imsemmija skema (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, Ġabra p. I-9895, punt 31).
140 Minn dan jirriżulta wkoll li l-loġika ekonomika tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti hija li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġ sabiex jinkiseb riżultat ambjentali stabbilit minn qabel isir bl-inqas spejjeż. B’mod partikolari, billi tippermetti l-bejgħ tal-kwoti allokati, din l-iskema hija intiża li tħeġġeġ lil kull parteċipant fl-imsemmija skema jemetti kwantità ta’ gassijiet serra li hija inqas mill-kwoti li ġew inizjalment mogħtija lilu, sabiex iċedi l-bqija tagħhom lil parteċipant ieħor li pproduċa kwantità ta’ emissjonijiet li taqbeż il-kwoti allokati (sentenza Arcelor Atlantique et Lorraine et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).
141 Ċertament, fir-rigward tal-qasam tal-avjazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni, hekk kif jirriżulta mill-Anness IV, parti B, tad-Direttiva 2003/87 kif emendata bid-Direttiva 2008/101, għamel l-għażla li jibbaża ruħu fuq il-konsum tal-karburant tal-inġenji tal-ajru tal-operaturi sabiex jiddefinixxi formula li tippermetti li jiġu kkalkolati l-emissjonijiet tal-imsemmija operaturi b’rabta mat-titjiriet, li jaqgħu taħt dan l-anness, imwettqa mill-inġenji tal-ajru tagħhom. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom b’hekk jirrestitwixxu numru ta’ kwoti li tikkorrispondi għan-numru totali tal-emissjonijiet tagħhom fis-sena kalendarja preċedenti, liema emissjonijiet jiġu kkalkolati skont il-konsum ta’ karburant għat-titjiriet tagħhom kollha li jaqgħu taħt din id-direttiva, kif ukoll fattur ta’ emissjoni.
142 Madankollu, bil-kontra ta’ dak li jikkaratterizza ħlas obbligatorju fuq id-detenzjoni u l-konsum tal-karburant, ma hemmx, għalissa, rabta diretta u indissolubbli bejn il-kwantità ta’ karburant miżmuma jew ikkunsmata minn inġenju tal-ajru u l-piż pekunjarju fuq l-operatur ta’ inġenju tal-ajru bħal dan fil-kuntest tal-funzjonament tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. L-ispiża konkreta li taqa’ fuq dan l-operatur u li tirriżulta mill-kwantità ta’ kwoti li għandha tiġi rrestitwita, liema kwantità tiġi kkalkolata b’mod partikolari skont il-konsum tal-karburant, tiddependi, peress li din hija miżura bbażata fuq is-suq, mhux direttament min-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu rrestitwiti, imma min-numru ta’ kwoti allokati inizjalment lil dan l-operatur kif ukoll mill-prezz tagħhom fis-suq fil-mument tal-akkwiżizzjoni ta’ kwoti supplimentari kif jirriżulta neċessarju sabiex ikopri l-emissjonijiet tal-imsemmi operatur. Barra minn hekk, l-ipoteżi li biha operatur tal-inġenji tal-ajru, kemm jekk ikun żamm jew ikkonsma l-karburant, ma jbati l-ebda piż pekunjarju bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tiegħu f’din l-iskema, anki jekk huwa jiġġenera dħul meta jittrasferixxi taħt ħlas il-kwoti żejda li jkollu, ma tistax tiġi skartata.
143 Isegwi li, b’differenza minn dritt, taxxa jew ħlas fuq il-konsum tal-karburant, l-iskema implementata mid-Direttiva 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2008/101, barra mill-fatt li ma hijiex intiża li toħloq dejn favur l-awtoritajiet pubbliċi, bl-ebda mod ma tħalli wieħed jikkonkludi, fuq il-bażi ta’ pjattaforma u ta’ rata ddefinita a priori, ammont li jsir dovut għal kull tunnellata ta’ karburant ikkunsmat għat-titjiriet kollha mwettqa f’sena kalendarja.
144 B’hekk, skema bħal din tiddistingwi ruħha fundamentalment mill-iskema Svediża inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 1999, Braathens (C-346/97, Ġabra p. I-3419), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 23, qieset li, peress li din kienet taxxa ta’ protezzjoni tal-ambjent imħallsa kollha kemm hi lill-Istat, hija kienet ukoll taffettwa l-konsum ta’ karburant, b’mod partikolari għaliex kien hemm rabta diretta u indissolubbli bejn il-konsum ta’ karburant u s-sustanzi li jniġġsu msemmija minn din it-taxxa, u li l-imsemmija taxxa kienet tikkostitwixxi għaldaqstant dritt tas-sisa fuq in-navigazzjoni tal-ajru interna ta’ natura kummerċjali bi ksur tal-eżenzjoni prevista mid-direttivi applikabbli f’dan il-qasam.
145 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ma jistax jintqal li d-Direttiva 2008/101 tikkostitwixxi forma ta’ imposta obbligatorja favur l-awtoritajiet pubbliċi li tista’ titqies li hija dritt tad-dwana, taxxa jew ħlas fuq il-karburant miżmum jew ikkunsmat mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru.
146 Il-fatt li xi operaturi tal-inġenji tal-ajru jistgħu jiksbu kwoti supplimentari sabiex ikopru l-emissjonijiet effettivi tagħhom mhux biss minn operaturi oħra, imma wkoll mill-awtoritajiet pubbliċi fil-kuntest tal-irkant ta’ 15 % tal-kwoti totali bl-ebda mod ma jneħħi s-saħħa ta’ din il-konstatazzjoni.
147 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi estendiet l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 għall-avjazzjoni, id-Direttiva 2008/101 ma kisret bl-ebda mod l-obbligu ta’ eżenzjoni applikabbli għall-karburant imbarkat, kif previst fl-Artikolu 11(1) u (2)(c) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, peress li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, minħabba l-karatteristiċi tagħha nfusha, tikkostitwixxi miżura bbażata fuq is-suq u mhux dritt, taxxa jew ħlas fuq il-karburant imbarkat.
c) Fuq il-validità tad-Direttiva 2008/101 fid-dawl tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3(4) tiegħu.
148 ATA et issostni sostanzjalment li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 għal-linji tal-ajru stabbiliti fl-Istati Uniti tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, peress li miżura bħal din fil-qasam tal-ambjent hija inkompatibbli mar-regoli previsti mill-ICAO f’dan il-qasam. Barra minn hekk, id-Direttiva 2008/101, sa fejn tirrendi applikabbli għall-avjazzjoni l-iskema prevista mid-Direttiva 2003/87, tikkostitwixxi miżura li tillimita b’mod partikolari l-volum tat-traffiku u l-frekwenza tat-trasport, bi ksur tal-Artikolu 3(4) ta’ dan il-ftehim. Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni ta’ skema bħal din tikkostitwixxi ħlas li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dispożizzjoni li l-partijiet għall-Ftehim “Sema Miftuħ” impenjaw ruħhom li josservaw b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(4) ta’ dan il-ftehim.
149 L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, f’kull każ, la l-qorti tar-rinviju u lanqas ATA et ma pprovdew elementi li jindikaw li l-Unjoni, billi adottat id-Direttiva 2008/101, li tirrendi applikabbli d-Direttiva 2003/87 għall-avjazzjoni, kisret regola dwar il-protezzjoni tal-ambjent adottata mill-ICAO fis-sens tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”. Anzi, ir-riżoluzzjoni A/37-19 tal-ICAO, sa fejn hija tipprevedi fl-anness tagħha prinċipji gwida dwar l-elaborazzjoni u l-implementazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq is-suq (“Market-Based Measures”, iktar ’il quddiem il-“MBM”), ma tindikax li l-MBM, bħalma hija l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-Unjoni, imorru kontra r-regoli fil-qasam tal-ambjent adottati mill-ICAO.
150 L-imsemmi anness, rispettivament fil-punti b) u f), jindika, minn naħa, li dawn il-MBM għandhom jiffavorixxu l-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-avjazzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, li ma għandux ikun hemm użu doppju bejn il-MBM li jiġu implementati, b’mod li l-emissjonijiet ta’ CO2 tal-avjazzjoni internazzjonali jittieħdu inkunsiderazzjoni darba biss fil-kuntest ta’ dawn l-iskemi.
151 Issa, dan jikkorrispondi preċiżament għall-għan indikat fl-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2008/101, li timmira li tiżgura l-aqwa interazzjoni possibbli bejn l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-Unjoni u l-MBM li jiġu adottati mill-Istati terzi, b’mod li ma jkunx hemm applikazzjoni doppja ta’ dawn l-iskemi fuq l-inġenji tal-ajru li jwettqu rotot internazzjonali, kemm jekk ikunu rreġistrati fi Stat Membru u kemm jekk fi Stat terz. Dan il-għan jikkorrispondi barra minn hekk għal dak indikat fl-Artikolu 15(7) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”.
152 Fir-rigward tal-validità tad-Direttiva 2008/101 fid-dawl tat-tieni frażi tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(4) ta’ dan il-ftehim, ma tipprekludix lill-partijiet għalih milli jadottaw miżuri li jillimitaw il-volum tat-traffiku, il-frekwenza jew ir-regolarità tat-trasport jew ukoll it-tip tal-inġenji tal-ajru operati mil-linji tal-ajru stabbiliti fit-territorju ta’ dawn il-partijiet, meta dawn il-miżuri jkunu marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent.
153 Fil-fatt, l-Artikolu 3(4) tal-Ftehim “Sema Miftuħ” jipprevedi espliċitament li l-ebda waħda miż-żewġ partijiet għalih ma għandha twettaq dawn il-limitazzjonijiet “ħlief kif jista’ jkun meħtieġ għal raġunijiet […] ambjentali”. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’kull każ, l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ma tiffissa l-ebda limitu għall-emissjonijiet tal-inġenji tal-ajru li jitilqu jew jinżlu f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u ma tillimitax il-frekwenza u lanqas ir-regolarità tat-trasport, peress li l-obbligu essenzjali li jaqa’ fuq l-operaturi tal-inġenji tal-ajru huwa dak biss li jiġu rrestitwiti kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet reali tagħhom. Barra minn hekk, obbligu bħal dan ma għandux, għar-raġunijiet esposti fil-punti 141 sa 147 ta’ din is-sentanza, jitqies li huwa ħlas ajruportwali.
154 L-Artikolu 15(3) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3(4) ta’ dan il-ftehim, jipprevedi min-naħa l-oħra li, meta l-partijiet għall-Ftehim “Sema Miftuħ” jadottaw miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent bħal dawn, huma għandhom, hekk kif jirriżulta mill-punt 99 ta’ din is-sentenza, jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju għal-linji tal-ajru kkonċernati.
155 Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif barra minn hekk jirriżulta espressament mill-premessa 21 tad-Direttiva 2008/101, l-Unjoni pprevediet espressament applikazzjoni uniformi tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti lil kull operatur tal-inġenji tal-ajru li jwettaq rotot tal-ajru li jitilqu jew li jinżlu f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u, b’mod partikolari, hija intiża li jiġu osservati strettament id-dispożizzjonijiet antidiskriminatorji li jidhru fil-ftehim bilaterali ta’ trasport bl-ajru konklużi mal-Istati terzi, kif inhu previst fl-Artikoli 2 u 3(4) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”.
156 Għaldaqstant, id-Direttiva 2008/101, sa fejn tipprevedi b’mod partikolari l-applikazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti b’mod mhux diskriminatorju kemm għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru stabbiliti fl-Unjoni kif ukoll fl-Istati terzi, ma hijiex invalida fid-dawl tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim “Sema Miftuħ”, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3(4) tiegħu.
157 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-eżami tad-Direttiva 2008/101 ma wera l-ebda elementi tali li jaffettwaw il-validità tiegħu.
IV – Fuq l-ispejjeż
158 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Fost il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali msemmija mill-qorti tar-rinviju, jistgħu jiġu invokati biss, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali u għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE:
– minn naħa, għal stħarriġ biss tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni imputabbli lill-Unjoni fir-riward tal-kompetenza tagħha, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, sabiex tadotta din id-direttiva:
– il-prinċipju li jgħid li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu;
– il-prinċipju li jgħid li l-ebda Stat ma jista’ leġittimament jippretendi li jissottometti xi parti tal-ibħra internazzjonali għas-sovranità tiegħu, u
– il-prinċipju li jiggarantixxi t-titjir liberu fuq l-ibħra internazzjonali,
– min-naħa l-oħra,
– l-Artikoli 7 u 11(1) u (2)(c) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, konkluż fil-25 u fit-30 ta’ April 2007, bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tiegħu, min-naħa l-oħra, kif emendat bil-Protokoll, kif ukoll
– l-Artikolu 15(3) tal-imsemmi ftehim, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3(4) tiegħu.
2) L-eżami tad-Direttiva 2008/101 ma wera l-ebda elementi tali li jaffettwaw il-validità tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.