Keywords
Summary

Keywords

1. Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Dritt ta’ negozjati kollettivi — Drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 21 u 28; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2 u 6(1))

2. Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Dritt ta’ negozjati kollettivi — Drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 21 u 28; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2 u 6(1))

Summary

1. Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilit fl‑Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kkonkretizzat bid-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl‑impjieg u fix-xogħol u, b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 2 u 6(1) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura prevista fi ftehim kollettiv, li tipprovdi li, f’kull grad, l-iskala ta’ remunerazzjoni bażi ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku hija ddeterminata, meta dan jiġi impjegat, skont l-età tiegħu. F’dan ir-rigward, il-fatt li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-imsemmija miżura u li din tinsab fi ftehim kollettiv ma jippreġudikax id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi ftehim kollettivi rrikonoxxut fl-Artikolu 28 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Għalkemm il-kriterju bbażat fuq l-anzjanità huwa, bħala regola ġenerali, xieraq sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti f’li tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali miksuba mill-membru tal-persunal qabel ma jiġi impjegat, id-determinazzjoni skont l-età tal-iskala ta’ remunerazzjoni bażi ta’ membru tal-persunal fis-settur pubbliku meta jiġi impjegat tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju u xieraq għal dan il-għan. Kriterju li jserraħ ukoll fuq l-anzjanità jew l-esperjenza professjonali miksuba, mingħajr referenza għall-età, jidher, fid-dawl tad-Direttiva 2000/78, aħjar għat-twettiq tal-għan leġittimu msemmi iktar ’il fuq. Il-fatt li, għal numru ta’ membri tal-persunal impjegati żgħażagħ, l-iskala ta’ klassifikazzjoni tikkorrispondi għall-esperjenza professjonali miksuba u li l-kriterju bbażat fuq l-età jitħallat fil-biċċa ’l kbira tal-każijiet mal-anzjanità tagħhom ma jibdilx din l-evalwazzjoni.

(ara l-punti 74, 77-78 u d-dispożittiv 1)

2. L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl‑impjieg u fix-xogħol kif ukoll l-Artikolu 28 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura prevista minn ftehim kollettiv, milli tissostitwixxi sistema ta’ remunerazzjoni ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku li toħloq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età b’sistema ta’ remunerazzjoni bbażata fuq kriterji oġġettivi, filwaqt li żżomm, għal perijodu tranżitorju u limitat fiż-żmien, uħud mill-effetti diskriminatorji tal-ewwel minn dawn is-sistemi sabiex tiżgura lill-membri tal-persunal it-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida mingħajr ma jsofru telf fid-dħul.

Fil-fatt, sistema tranżitorja għall-protezzjoni tal-vantaġġi miksuba għandha tiġi kkunsidrata li tfittex għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Barra minn hekk, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxuta lill-imsieħba soċjali fil-qasam tal-iffissar tar-remunerazzjonijiet, ma huwiex raġonevoli, għall-imsieħba soċjali, li jiġu adottati miżuri tranżitorji xierqa u neċessarji sabiex jiġi evitat telf ta’ qligħ għall-membri tal-persunal bil-kuntratt inkwistjoni.

(ara l-punti 91, 92, 98, 99 u d-dispożittiv 2)