SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
9 ta’ Frar 2012 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proprjetà intellettwali — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttivi 93/83/KEE, 2001/29/KE, 2006/115/KE u 2006/116/KE — Taqsim tad-drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol ċinematografiku, permezz ta’ kuntratt, bejn id-direttur prinċipali u l-produttur tax-xogħol — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti dawn id-drittijiet, esklużivament u ipso iure, lill-produttur tal-film — Possibbiltà ta’ deroga minn din ir-regola permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet — Drittijiet sussegwenti għal remunerazzjoni”
Fil-Kawża C-277/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ġunju 2010, fil-proċedura
Martin Luksan
vs
Petrus van der Let,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Mejju 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal M. Luksan, minn M. Walter, avukat, |
— |
għal P. van der Let, minn Z. van der Let-Vangelatou, avukat, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u F. W. Bulst, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni:
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn id-direttur prinċipali ta’ film dokumentarju, M. Luksan, u l-produttur ta’ dan il-film, P. van der Let, dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt li permezz tiegħu M. Luksan ċeda lil P. van der Let id-drittijiet tal-awtur tiegħu u ċerti drittijiet ta’ sfruttament fuq dan il-film. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
Il-Konvenzjoni ta’ Berna
3 |
L-Artikolu 14a tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta Lulju 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”), jipprovdi li: “(1) Bla ħsara għad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol li jkun ġie adattat jew riprodott, ix-xogħol ċinematografiku għandu jiġi protett bħala xogħol oriġinali. Id-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dak ix-xogħol ċinematografiku jgawdi l-istess drittijiet li għandu l-awtur ta’ xogħol oriġinali, inklużi d-drittijiet previsti mill-artikolu preċedenti.
(3) Sakemm il-liġi nazzjonali ma tistabbilixxix mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (2)(b) iktar ’il fuq ma huma applikabbli la għall-awturi tax-xeneġġjaturi, tad-djalogi u tax-xogħlijiet mużikali li jinħolqu sabiex jiġi prodott xogħol ċinematografiku u lanqas għad-direttur prinċipali ta’ tali xogħol. Madankollu, il-pajjiżi tal-Unjoni li l-leġiżlazzjoni tagħhom ma tinkludix dispożizzjonijiet li jipprovdu għall-applikazzjoni tal-paragrafu (2)(b) iċċitat iktar ’il fuq fir-rigward tal-imsemmi direttur għandhom jinnotifikaw lid-Direttur Ġenerali dwar dan permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tiġi kkomunikata minnufih mid-Direttur Ġenerali lill-pajjiżi l-oħra kollha tal-Unjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
It-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur
4 |
L-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur. Dan it-trattat kien ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208). |
5 |
It-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur jipprovdi fl-Artikolu 1(4) tiegħu li l-partijiet kontraenti għandhom ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berna. |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 93/83
6 |
L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 93/83 jipprovdi li: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-direttur prinċipali ta’ xi xogħol ċinematografiku jew awdjo-viżiva għandu jkun kunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew wieħed mill-awturi. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li oħrajn ikunu kunsidrati bħala ko-awturi.” |
7 |
Il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Xandir ta’ programmi bis-satellita”, jinkludi l-Artikolu 2 li, bit-titolu “Dritt għax-xandir” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprovdi li: “Stati Membri li jkollhom jedd li jxandru għandhom jipprovdu jedd esklussiv għall-awtur li jawtorizza l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ta’ xogħlijiet li jkollhom id-drittijiet ta’ l-awtur, bla ħsara għad-disposizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kapitolu.” |
Id-Direttiva 2001/29
8 |
Il-premessi 5, 9 sa 11, 20, 31 u 35 tad-Direttiva 2001/29 jgħidu dan li ġej:
[...]
[...]
[...]
[…]
|
9 |
L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi li: “Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar: [...]
[...]” |
10 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:
|
11 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi li: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom. 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:
3. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.” |
12 |
Bit-titolu “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, l-Artikolu 5(2)(b) u (5) ta’ din l-istess direttiva jipprovdi li: “2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin: [...]
[...] 5. L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.” |
Id-Direttiva 2006/115/KE
13 |
Id-Direttiva 92/100 tħassret mid-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, p. 28). Din tal-aħħar tikkodifika u tirriproduċi, f’termini analogi, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/100. Fid-dawl ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (Marzu 2008), id-Direttiva 2006/115 hija applikabbli ratione temporis, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju b’riferiment għal din l-istess direttiva. |
14 |
Il-premessi 5 u 12 tad-Direttiva 2006/115 jgħidu dan li ġej:
[...]
|
15 |
L-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li: “Id-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv għandu jkun kunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew wieħed mill-awturi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal oħrajn biex ikunu kkunsidrati bħala l-ko-awturi tiegħu.” |
16 |
Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-detenturi tad-drittijiet u l-materja tad-dritt tal-kiri u self”: “1. Id-dritt esklussiv ta’ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni tal-kiri jew tas-self għandu jkun ta’ dawn li ġejjin:
[...] 4. Bla ħsara għall-paragrafu 6, meta kuntratt relatat mal-produzzjoni ta’ film ikun konkluż, individwalment jew kollettivament, minn artisti ma’ produttur tal-films, l-artist kopert b’dan il-kuntratt għandu jkun meqjus, suġġett għall-klawsoli kuntrattwali kuntrarji, li jkun ittrasferixxa d-dritt tal-kiri tiegħu, suġġett għall-Artikolu 5. 5. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal prezunżjoni simili kif stipulata fil-paragrafu 4 dwar l-awturi. [...]” |
17 |
L-Artikolu 5(1) u (2) ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Dritt mhux rinunzjabbli għal ħlas ekwu”, jipprovdi li: “1. Fejn awtur jew artist ikun ittrasferixxa jew assenja d-dritt tal-kiri tiegħu dwar fonogramm jew oriġinal jew kopja ta’ film lil produttur ta’ fonogramm jew film, dak l-awtur jew artist għandu jżomm id-dritt li jikseb ħlas ekwu għall-kirja. 2. Id-dritt li jikseb ħlas ekwu għall-kirja ma jistax jiġi rinunzjat minn awturi jew artisti.” |
Id-Direttiva 2006/116/KE
18 |
Id-Direttiva 93/98 tħassret mid-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (ĠU L 372, p. 12). Din tal-aħħar tikkodifika u tirriproduċi, f’termini analogi, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/98. Fid-dawl ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (Marzu 2008), id-Direttiva 2006/115 hija applikabbli ratione temporis, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju b’riferiment għal din l-istess direttiva. |
19 |
Il-premessa 5 tad-Direttiva 2006/116 tgħid li ġej: “Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14 bis (2) (b), (ċ) u (d) u (3), tal-Konvenzjoni ta’ Berna.” |
20 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi”, jipprovdi li: “1. Id-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv għandu jkun ikkunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew bħala wieħed mill-awturi. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jindikaw ko-awturi oħrajn. 2. Il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi għandu jiskadi 70 sena wara l-mewt ta’ l-aħħar mill-persuni li ġejjin li jkunu baqgħu ħajjin, sew jekk dawn il-persuni jiġux indikati jew le bħala ko-awturi: id-direttur prinċipali, l-awtur ta’ l-iscreenplay, l-awtur tad-djalogu u l-kompożitur tal-mużika maħluqa speċifikament biex tintuża fix-xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv.” |
Id-dritt nazzjonali
21 |
L-Artikolu 38(1) tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur (Urheberrechtsgesetz, BGBl. 111/1936), kif emendata bil-liġi federali ppubblikata fil-Bundesgesetzblatt für die Republik Österreich I, 58/2010 (iktar ’il quddiem l-“UrhG”) jipprovdi li: “Id-drittijiet ta’ sfruttament ta’ films prodotti għal skopijiet kummerċjali huma ta’ sid l-impriża (il-produttur tal-film), bħala ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39(4). Il-produttur u l-awtur tal-film huma intitolati rispettivament għal nofs id-drittijiet legali tal-awtur għal remunerazzjoni, bil-kundizzjoni li jkun hemm il-possibbiltà ta’ rinunzja u sakemm il-produttur u l-awtur ma jilħqux ftehim mod ieħor. […]” |
22 |
L-Artikolu 42b(1) tal-UrhG jipprovdi li: “Jekk, minħabba n-natura stess tax-xogħol, ikun hemm il-possibbiltà li xogħol imxandar, imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew xogħol irrekordjat fuq vidjogrammi jew fonogrammi prodotti għal skopijiet kummerċjali jiġi rriprodott, permezz tal-iffissar fuq vidjogrammi jew fonogrammi, b’konformità mal-Artikolu 42(2) sa (7) għal użu personali jew privat, l-awtur għandu dritt għal remunerazzjoni ġusta (remunerazzjoni ta’ riproduzzjonijiet magħmula fuq mezzi ta’ reġistrazzjoni), sakemm dan il-mezz jiġi kkummerċjalizzat fil-livell nazzjonali għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas; il-vidjogrammi jew il-fonogrammi vojta adattati għal dawn ir-riproduzzjonijiet, jew vidjogrammi jew fonogrammi oħra intiżi għal dan l-għan, huma kkunsidrati bħala mezzi ta’ reġistrazzjoni.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
23 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, M. Luksan, huwa x-xeneġġjatur u d-direttur prinċipali tal-film dokumentarju bl-isem “Fotos von der Front” (Ritratti tal-kumbattimenti tal-gwerra), liema film jitkellem dwar ir-ritratti tal-gwerra fil-Ġermanja matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Ma huwiex ikkontestat li dan il-film dokumentarju, li jagħmel preżentazzjoni kritika tal-ambivalenza tar-ritratti tal-gwerra, jikkostitwixxi xogħol ċinematografiku, u li bħala tali huwa protett bħala xogħol oriġinali. |
24 |
Il-konvenut fil-kawża prinċipali, P. van der Let, jipproduċi għal skopijiet kummerċjali xogħlijiet ċinematografiċi u xogħlijiet awdjoviżivi oħra. |
25 |
F’Marzu 2008, il-partijiet ikkonkludew “kuntratt ta’ direttur u awtur” (kuntratt ta’ produzzjoni awdjoviżiva) fejn ġie stipulat li M. Luksan kien ix-xeneġġjatur u d-direttur prinċipali tal-film inkwistjoni u li P. van der Let kien ser jipproduċi u jisfrutta l-imsemmi film. Skont dan il-kuntratt, M. Luksan ċeda lil P. van der Let id-drittijiet tal-awtur u/jew id-drittijiet relatati kollha fuq dan il-film. Madankollu, din iċ-ċessjoni kienet teskludi espressament ċerti metodi ta’ sfruttament, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq netwerks diġitali kif ukoll ix-xandir permezz ta’ “closed-circuit televisions” u ta’ “pay TV”, jiġifieri x-xandir (encrypted) fi ħdan ċirku ristrett ta’ utenti, inkambju għal ħlas separat. |
26 |
Barra minn hekk, il-kuntratt ma fih ebda dispożizzjoni espliċita li tirrigwarda d-drittijiet legali għal remunerazzjoni, bħar-remunerazzjoni ta’ riproduzzjonijiet magħmula fuq mezzi ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 42b tal-UrhG (“Leerkassettenvergütung”, li litteralment tfisser “remunerazzjoni għal kasetts vojta”). |
27 |
Il-kawża prinċipali tirriżulta mill-fatt li l-produttur, P. van der Let, għamel il-film inkwistjoni aċċessibbli fuq l-internet u għal dan il-għan huwa ċeda d-drittijiet lil Movieeurope.com. Għaldaqstant, il-film seta’ jitniżżel minn dan is-sit tal-internet bħala “video on demand”. Il-produttur għamel ukoll il-vidjo promozzjonali tal-film aċċessibbli fuq l-internet, permezz tal-intermedjarju ta’ YouTube, u ċeda d-drittijiet ta’ “pay TV” lil Scandinavia TV. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-direttur, M. Luksan, fittex lill-produttur, P. van der Let, quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni li, fid-dawl tal-metodi ta’ sfruttament mogħtija lilu mill-kuntratt (id-dritt ta’ xandir fi ħdan ċirku ristrett ta’ utenti permezz ta’ “video on demand” u ta’ “pay TV”), l-isfruttament mill-produttur tal-film inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi ksur tal-imsemmi kuntratt u tad-drittijiet tal-awtur tiegħu. |
29 |
Kontra dawn l-argumenti, P. van der Let isostni li, minħabba ċ-“ċessjoni legali” prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG, id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament kollha fuq il-film inkwistjoni jappartjenu lilu billi huwa l-produttur tal-film u li l-ftehim li jidderogaw minn din ir-regola jew riżerva li għandha l-istess effett huma invalidi. |
30 |
Barra minn hekk, P. van der Let isostni li, bħad-drittijiet ta’ sfruttament, l-istess japplika għad-drittijiet legali għal remunerazzjoni previsti fl-UrhG, b’mod partikolari r-“remunerazzjoni ta’ riproduzzjonijiet magħmula fuq mezzi ta’ reġistrazzjoni”. Konsegwentement, minħabba l-fatt li l-kuntratt jagħtih id-drittijiet ta’ sfruttament kollha tal-film, id-drittijiet legali kollha għal remunerazzjoni jappartjenu lilu wkoll. P. van der Let isostni fil-fatt li huwa għandu d-dritt mhux biss li jirċievi nofs id-drittijiet legali għal remunerazzjoni skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG, fil-kwalità tiegħu ta’ produttur, iżda wkoll in-nofs l-ieħor li jirċievi, bħala prinċipju, l-awtur tal-film (M. Luksan, bħala direttur), skont l-istess artikolu. Fil-fatt, ftehim li jidderoga minn din id-dispożizzjoni legali huwa permess. |
31 |
M. Luksan jikkontesta dan l-argument u jitlob lill-qorti tar-rinviju tikkonstata li nofs id-drittijiet legali għal remunerazzjoni jappartjenu lilu. |
32 |
Skont l-indikazzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ rinviju, id-duttrina u l-ġurisprudenza Awstrijaċi jikkunsidraw li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG tipprovdi li dawn id-drittijiet ta’ sfruttament jingħataw primarjament u direttament lill-produttur tal-film u ma humiex is-suġġett ta’ “ċessjoni legali” jew ta’ preżunzjoni ta’ trasferiment. Abbażi ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG, ftehim li jidderogaw minn dan il-prinċipju li dawn id-drittijiet jingħataw primarjament u direttament huma invalidi. |
33 |
Għal dak li jirrigwarda d-drittijiet legali għal remunerazzjoni, b’mod partikolari r-“remunerazzjoni ta’ riproduzzjonijiet magħmula fuq mezzi ta’ reġistrazzjoni”, it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG tipprovdi li nofshom jappartjenu lill-produttur u li n-nofs l-ieħor jappartjeni lill-awtur tal-film, filwaqt li tippermetti ftehim espliċiti li jidderogaw minn dan il-prinċipju, anki fir-rigward tan-nofs li jappartjeni lill-awtur tal-film. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tidher li hija tal-parir li l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG, kif interpretati sa issa mid-duttrina u l-qrati Awstrijaċi, imorru kontra d-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont din il-qorti, sabiex tingħata interpretazzjoni li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG tistabbilixxi preżunzjoni konfutabbli ta’ ċessjoni. Barra minn hekk, id-direttur prinċipali għandu d-dritt għal remunerazzjoni ġusta li ma jistax jirrinunzja għaliha. Għal dak li jirrigwarda d-drittijiet legali għal remunerazzjoni, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li għalkemm it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tagħti nofs dawn id-drittijiet lill-awtur tal-film, liema remunerazzjoni hija tqis ġusta, ma għandux ikun possibbli li ssir deroga minn din ir-regola ta’ tqassim. |
35 |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun tista’ tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UrhG, li jagħtu ċerti drittijiet lill-produttur irrispettivament mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali, humiex applikabbli bl-istess mod li ġew interpretati sa issa mill-qrati Awstrijaċi, jew jekk hijiex neċessarja interpretazzjoni kuntrarja u konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
36 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Handelsgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
37 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 93/83, minn naħa, u tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29, flimkien mal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2006/115 u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/116, min-naħa l-oħra, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol ċinematografiku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (dritt ta’ xandir permezz tas-satellita, dritt ta’ riproduzzjoni u kull dritt ieħor ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni) jappartjenu ipso iure, direttament u primarjament, lid-direttur prinċipali, fil-kwalità tiegħu ta’ awtur tal-imsemmi xogħol. Hija tistaqsi, konsegwentement, jekk id-dispożizzjonijiet msemmija iktar ’il fuq jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti, ipso iure u esklużivament, id-drittijiet inkwistjoni lill-produttur tal-imsemmi xogħol. |
38 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li d-diversi drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv kienu s-suġġett ta’ diversi direttivi. L-ewwel nett, il-Kapitolu II tad-Direttiva 93/83 jirregola d-dritt ta’ xandir permezz tas-satellita. Sussegwentement, id-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni huma rregolati, rispettivament, mill-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29. Fl-aħħar nett, id-dritt ta’ kiri u ta’ self jaqa’ taħt l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2006/115. |
39 |
Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 93/83, l-Artikolu 1(5) tagħha jipprovdi li d-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv għandu jkun ikkunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew wieħed mill-awturi. |
40 |
Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2006/115, l-Artikolu 2(2) tagħha jipprovdi li d-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv għandu jkun ikkunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew wieħed mill-awturi. |
41 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi kkonstatat li din ma tagħti l-ebda indikazzjoni espliċita għal dak li jirrigwarda l-istatus tad-direttur prinċipali tax-xogħol ċinematografiku. |
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi stabbilit, l-ewwel nett, x’inhija s-sitwazzjoni tad-direttur prinċipali tax-xogħol ċinematografiku fir-rigward tad-drittijiet ta’ sfruttament irregolati mid-Direttiva 2001/29. |
43 |
F’dan ir-rigward, mill-premessa 20 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li din hija bbażata fuq il-prinċipji u r-regoli stabbiliti diġà mid-direttivi fis-seħħ f’dan il-qasam, b’mod partikolari d-Direttiva 92/100, dwar id-dritt ta’ kiri u ta’ self (li saret id-Direttiva 2006/115), u d-Direttiva 93/98, dwar l-armonizzazzjoni tat-tul ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur (li saret id-Direttiva 2006/116). Huwa stabbilit li d-Direttiva 2001/29 għandha tiżviluppa dawn il-prinċipji u dawn ir-regoli u tapplikahom fil-kuntest tas-soċjetà tal-informazzjoni. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ direttivi, ħlief meta d-Direttiva 2001/29 ma tipprovdix mod ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C-403/08 u C-429/08, Ġabra p. I-9083, punti 187 u 188). |
44 |
Issa, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116 jistabbilixxi, taħt it-titolu “Xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi”, ir-regola ġenerali skont liema d-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku huwa kkunsidrat bħala l-awtur jew wieħed mill-awturi, billi l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jindikaw koawturi oħrajn. |
45 |
Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li, indipendentement minn kull għażla tad-dritt nazzjonali, id-direttur prinċipali tax-xogħol ċinematografiku jibbenefika f’kull każ, kuntrarjament għall-awturi l-oħra ta’ tali xogħol, mill-istatus ta’ awtur taħt id-Direttiva 2006/116. |
46 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/116 jistabbilixxi t-tul ta’ protezzjoni tax-xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv. Din id-dispożizzjoni timplika neċessarjament li tali xogħol, b’mod partikolari id-drittijiet tal-awtur jew tal-koawturi tiegħu u, partikolarment dawk tad-direttur prinċipali, huwa effettivament protett fid-dritt. |
47 |
Peress li d-Direttiva 2001/29 ma tipprovdix mod ieħor u li d-dispożizzjonijiet tagħha għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/116, kif ukoll għal dawk tad-Direttiva 2006/115, b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tagħha, l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati b’tali mod li għandhom jiġu żgurati d-drittijiet tal-awtur tad-direttur prinċipali tax-xogħol ċinematografiku stabbiliti minn dawn l-artikoli. |
48 |
Minn dan kollu li ntqal jirriżulta li, fir-rigward tad-drittijiet kollha ta’ sfruttament inkwistjoni, inklużi dawk irregolati mid-Direttiva 2001/29, id-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku huwa kkunsidrat bħala l-awtur jew wieħed mill-awturi tiegħu. |
49 |
It-tieni nett, għandu jiġi ddeterminat jekk id-drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol ċinematografiku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (dritt ta’ xandir permezz tas-satellita, dritt ta’ riproduzzjoni u kull dritt ieħor ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni) jappartjenux ipso iure, direttament u primarjament, lid-direttur prinċipali tiegħu, bħala awtur tal-imsemmi xogħol, jew jekk, skont il-każ, dawn id-drittijiet jistgħux jappartjenu direttament, primarjament u esklużivament lill-produttur tal-imsemmi xogħol. |
50 |
Għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ xandir permezz ta’ satellita, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 jagħti d-dritt esklużiv lill-awtur li jawtorizza l-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur. |
51 |
Għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ riproduzzjoni, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 jirrikonoxxi bħala d-detenturi ta’ dan id-dritt l-awturi, għal dak li jikkonċerna x-xogħlijiet tagħhom, u l-produtturi tal-ewwel iffissar tal-films, għal dak li jikkonċerna l-oriġinal u l-kopji tal-film tagħhom. |
52 |
Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 jistabbilixxi dan id-dritt favur l-awturi, għal dak li jikkonċerna x-xogħlijiet tagħhom, u l-produtturi tal-ewwel iffissar tal-films, għal dak li jikkonċerna l-oriġinal u l-kopji tal-film tagħhom. |
53 |
Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet invokati fit-tliet punti preċedenti jagħtu primarjament lid-direttur prinċipali, fil-kwalità tiegħu bħala awtur, id-drittijiet ta’ sfruttament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tax-xogħol ċinematografiku. |
54 |
Madankollu, minkejja dawn id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni sussidjarja, il-Gvern Awstrijak, fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jinvoka l-Artikolu 14a(2)(b) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna dwar xogħlijiet ċinematografiċi, li jawtorizzah jagħti dawn l-istess drittijiet lill-produttur tax-xogħol biss. |
55 |
Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien jirriżulta li, b’mod derogatorju, leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tirrifjuta lid-direttur pinċipali ċerti drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol ċinematografiku, bħal, b’mod partikolari, id-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. |
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni aderixxew mal-Konvenzjoni ta’ Berna, xi wħud qabel l-1 ta’ Jannar 1958 u l-oħrajn qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni. |
57 |
Għal dak li jirrigwarda iktar preċiżament l-Artikolu 14a tal-Konvenzjoni ta’ Berna dwar ix-xogħlijiet ċinematografiċi, għandu jiġi osservat li dan l-artikolu ddaħħal wara reviżjonijiet għall-konvenzjoni li ġew adottati fi Brussell fl-1948, u sussegwentement fi Stokkolma fl-1967. |
58 |
Għaldaqstant, il-Konvenzjoni ta’ Berna għandha l-karatteristiċi ta’ ftehim internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 307 KE, li jipprovdi, b’mod partikolari, li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għall-Istati li jingħaqdu, qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom, bejn, minn naħa, Stat Membru wieħed jew iktar u, min-naħa l-oħra, Stat terz wieħed jew iktar, ma għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati. |
59 |
Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-Unjoni, għalkemm ma hijiex parti kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Berna, għandha madankollu l-obbligu, skont l-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, li għalih hija parti, li jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tagħha u li d-Direttiva 2001/29 għandha l-għan li timplementa, li tikkonforma ruħha mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 189, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, l-Unjoni għandha l-obbligu li tikkonforma ruħha, b’mod partikolari, mal-Artikolu 14a tal-Konvenzjoni ta’ Berna. |
60 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 93/83 u 2001/29 imsemmija fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza għandhomx jiġi interpretati, fid-dawl tal-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, fis-sens li Stat Membru jista’, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, abbażi tal-Artikolu 14a tal-Konvenzjoni ta’ Berna billi juża l-possibbiltà mogħtija lilu minn dan l-artikolu tal-ftehim, jirrifjuta lid-direttur prinċipali d-drittijiet ta’ sfruttament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tax-xogħol ċinematografiku. |
61 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li d-dispożizzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE għandha l-għan li tippreċiża, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, li l-applikazzjoni tat-Trattat ma taffettwax l-impenn tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet ta’ Stati terzi li jirriżultaw minn ftehim preċedenti u li josserva l-obbligi tiegħu (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1995, Evans Medical u Macfarlan Smith, C-324/93, Ġabra p. I-563, punt 27, kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com, C-124/95, Ġabra p. I-81, punt 56). |
62 |
Madankollu, meta tali ftehim jippermetti Stat Membru li jieħu miżura li tidher li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, mingħajr madankollu ma jobbligah jagħmel dan, l-Istat Membru għandu jastjeni milli jadotta tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Evans Medical u Macfarlan Smith, punt 32, kif ukoll Centro-Com, punt 60). |
63 |
Din il-ġurisprudenza għandha tapplika mutatis mutandis meta, minħabba żviluppi fid-dritt tal-Unjoni, miżura leġiżlattiva meħuda minn Stat Membru fid-dawl tal-possibbiltà mogħtija lilu minn ftehim internazzjonali preċedenti tidher li tmur kontra dan id-dritt. F’sitwazzjoni bħal din, l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jibbaża ruħu fuq dan il-ftehim sabiex ma josservax l-obbligi tad-dritt tal-Unjoni li jkunu ġew stabbiliti sussegwentement. |
64 |
Issa, billi d-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku huwa kkunsidrat bħala l-awtur jew wieħed mill-awturi tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni eżerċita l-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri ma għandhomx iktar is-setgħa li jadottaw dispożizzjonijiet li jmorru kontra din il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jieħdu vantaġġ tal-possibbiltà mogħtija lilhom mill-Artikolu 14a tal-Konvenzjoni ta’ Berna. |
65 |
Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li miżura leġiżlattiva kif deskritta fil-punt 60 ta’ din is-sentenza ma hijiex kompatibbli mal-għan li tipprova tilħaq id-Direttiva 2001/29. |
66 |
Fil-fatt, mill-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29, li tittratta b’mod partikolari dwar id-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi jqis li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur hija essenzjali għall-kreazzjoni intellettwali, xtaq jiżgura lill-awturi livell għoli ta’ protezzjoni. Il-proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali tal-proprjetà. |
67 |
Issa, peress li d-direttur prinċipali tax-xogħol ċinematografiku ġie rikonoxxut bħala awtur, ikun inkompatibbli mal-għan li tipprova tilħaq id-Direttiva 2001/29 li kieku jiġi permess li l-persuna li ħolqot ix-xogħol tiġi rrifjutata d-drittijiet ta’ sfruttament inkwistjoni. |
68 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti fil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-isfruttament tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku. It-tieni paragrafu ta’ dan l-istess artikolu jipprovdi li l-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta. |
69 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, id-direttur prinċipali tax-xogħol ċinematografiku għandu jitqies li akkwista legalment, skont id-dritt tal-Unjoni, id-dritt li jgawdi mill-proprjetà intellettwali ta’ dan ix-xogħol. |
70 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tirrifjuta li tagħtih id-drittijiet ta’ sfruttament inkwistjoni jekwivali għal ċaħda tad-dritt tiegħu ta’ proprjetà intellettwali akkwistat legalment. |
71 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 93/83 u 2001/29 imsemmija fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza ma jistgħux jiġu interpretati, fid-dawl tal-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, fis-sens li Stat Membru jista’, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, abbażi tal-Artikolu 14a tal-Konvenzjoni ta’ Berna billi juża l-possibbiltà mogħtija lilu minn dan l-artikolu tal-ftehim, jirrifjuta lid-direttur prinċipali d-drittijiet ta’ sfruttament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tax-xogħol ċinematografiku, għaliex tali interpretazzjoni, qabelxejn, ma tosservax il-kompetenzi tal-Unjoni f’dan il-qasam, sussegwentement, ma tkunx kompatibbli mal-għan li tipprova tilħaq id-Direttiva 2001/29 u, fl-aħħar nett, ma tkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tal-imsemmija Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jiżgura l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali. |
72 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 93/83, minn naħa, u tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29, flimkien mal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2006/115 u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/116, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol ċinematografiku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (dritt ta’ riproduzzjoni, dritt ta’ xandir permezz tas-satellita u kull dritt ieħor ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni) jappartjenu ipso iure, direttament u primarjament, lid-direttur prinċipali. Konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti, ipso iure u esklużivament, l-imsemmija drittijiet ta’ sfruttament lill-produttur tax-xogħol inkwistjoni. |
Fuq il-parti (a) tat-tieni domanda
73 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien stabbilixxa, fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 92/100, preżunzjoni ta’ ċessjoni tad-dritt ta’ kiri favur il-produttur tax-xogħol ċinematografiku. |
74 |
Fil-fatt, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2006/115, li jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 92/100, issa jipprevedi li, meta kuntratt dwar il-produzzjoni ta’ film jiġi konkluż bejn artisti interpreti jew eżekuturi u l-produttur tal-imsemmi film, huwa preżunt li l-artist kopert minn dan il-kuntratt, bla ħsara għall-klawżoli kuntrattwali li jgħidu xort’oħra, ikun ċeda lill-produttur id-dritt tiegħu ta’ kiri. |
75 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2006/115, li jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 92/100, jawtorizza lill-Istati Membri li jipprevedu preżunzjoni bħal din f’dak li jirrigwarda l-awturi. |
76 |
Fid-dawl ta’ din il-preċiżazzjoni preliminari, id-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem li tirrigwarda, sostanzjalment, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk id-dritt tal-Unjoni jistax jiġi interpretat fis-sens li jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri jistabbilixxu preżunzjoni ta’ ċessjoni bħal din ukoll għal dak li jirrigwarda d-drittijiet ta’ sfruttament tax-xogħol ċinematografiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali (dritt ta’ xandir permezz tas-satellita, dritt ta’ riproduzzjoni u kull dritt ieħor ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni), u, fil-każ affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet. |
77 |
Fir-rigward tal-għan wara d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/115 invokati fid-domanda preliminari, għandu jsir riferiment għall-premessa 5 ta’ din id-direttiva, li tfakkar, minn naħa, li l-kontinwità tax-xogħol kreattiv u artistiku tal-awturi u tal-artisti jew eżekuturi jeżiġi li huma jirċievu ħlas xieraq u, min-naħa l-oħra, li l-investimenti, b’mod partikolari dawk li jeżiġu l-produzzjoni ta’ fonogrammi u ta’ films, huma estremament għolja u riskjużi. Hija biss protezzjoni legali xierqa tad-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati li tippermetti li jiġi żgurat dan id-dħul u li jiġu rkuprati l-investimenti. |
78 |
B’mod partikolari, mill-premessa 5 tad-Direttiva 2006/115 jirriżulta li għandu jinstab bilanċ bejn, minn naħa, ir-rispett tad-drittijiet u tal-interessi tal-varji persuni fiżiċi li jkunu kkontribwixxew għall-kreazzjoni intellettwali tal-film, jiġifieri l-awtur jew il-koawturi tax-xogħol ċinematografiku u, min-naħa l-oħra, dik tal-produttur tal-film, li jkun ħa l-inizjattiva u r-responsabbiltà tat-twettiq tax-xogħol ċinematografiku u li assuma r-riskji marbuta ma’ dan l-investiment. |
79 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa possibbli li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tad-Direttiva 2006/115, id-dispożittiv ta’ preżunzjoni ta’ ċessjoni tad-dritt ta’ kiri favur il-produttur tal-film ġie maħsub sabiex jissodisfa waħda mill-finalitajiet li għaliha tirreferi l-premessa 5 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri li jippermetti lill-produttur jirkupra l-investimenti li jkun wettaq sabiex iwettaq ix-xogħol ċinematografiku. |
80 |
Minn dan isegwi li d-dispożittiv ta’ preżunzjoni ta’ ċessjoni jrid jissodisfa wkoll l-interessi tad-direttur prinċipali tax-xogħol ċinematografiku. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li huwa ma jqiegħed bl-ebda mod inkwistjoni r-regola li tgħid li l-awtur għandu ipso iure, direttament u primarjament, id-dritt ta’ kiri u ta’ self fir-rigward tax-xogħol tiegħu. Fil-fatt, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni espressament irriżerva l-ipoteżi ta’ “klawżoli kuntrattwali kuntrarji”, huwa ried b’din li d-direttur prinċipali jżomm il-possibbiltà, permezz ta’ kuntratt, li jasal għal ftehim differenti. |
81 |
B’hekk, dispożittiv ta’ preżunzjoni bħal dan huwa maħsub, skont l-eżiġenza ta’ bilanċ imsemmija fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, li jiggarantixxi li l-produttur tal-film jikseb id-dritt ta’ kiri tax-xogħol ċinematografiku, filwaqt li jipprevedi li d-direttur prinċipali jkun jista’ jiddisponi liberament mid-drittijiet li jkollu bħala awtur sabiex jissalvagwardja l-interessi tiegħu. |
82 |
Issa, l-għan intiż li jiggarantixxi rkupru sodisfaċenti tal-investiment ċinematografiku jmur lil hinn mis-sempliċi protezzjoni tad-dritt ta’ kiri u ta’ self irregolat mid-Direttiva 2006/115, għaliex huwa jidher ukoll f’direttivi oħra rilevanti fil-qasam. |
83 |
B’hekk, il-premessa 10 tad-Direttiva 2001/29 tikkonferma li l-investiment neċessarju sabiex jiġu kkreati prodotti, bħal ma huma films jew prodotti multimedjatiċi, huwa kbir. Huwa għaldaqstant neċessarju li jkun hemm protezzjoni legali xierqa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex tippermetti rkupru sodisfaċenti tal-investiment (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-61/05, Ġabra p. I-6779, punt 27). |
84 |
Issa, għandu wkoll jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni espliċitament ippreċiża, fil-premessa 5 tad-Direttiva 2001/29, li, jekk ir-regoli eżistenti fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kellhom jiġu adattati u kkompletati sabiex jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni r-realtajiet ekonomiċi bħall-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ sfruttament, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali ma kellha bżonn, min-naħa l-oħra, l-ebda kunċett ġdid. |
85 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li, minn naħa, fl-2001, fl-okkażjoni tal-adozzjoni tad-Direttiva 2001/29, huwa mifhum li l-leġiżlatur tal-Unjoni żamm il-kunċetti differenti tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali elaborati fil-kuntest tad-direttivi preċedenti, u li, min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, ma ddisponiex mod ieħor, hemm lok li jitqies li ma kienx bi ħsiebu jiskarta l-applikazzjoni ta’ kunċett bħal dak tal-preżunzjoni ta’ ċessjoni, fir-rigward tad-drittijiet ta’ sfruttament irregolati mill-imsemmija direttiva. |
86 |
Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li dispożittiv ta’ preżunzjoni ta’ ċessjoni, hekk kif previst oriġinarjament, f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ kiri u ta’ self, fl-Artikolu 2(5) u (6) tad-Direttiva 92/100, u li ġie rriprodott, sostanzjalment, fl-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2006/115, għandu wkoll ikun applikabbli f’dak li jirrigwarda d-drittijiet ta’ sfruttament tax-xogħol ċinematografiku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (dritt ta’ xandir permezz tas-satellita, dritt ta’ riproduzzjoni u kull dritt ieħor ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni). |
87 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru qabel, ir-risposta li għandha tingħata għall-parti (a) tat-tieni domanda hija li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jistabbilixxu preżunzjoni ta’ ċessjoni, favur il-produttur tax-xogħol ċinematografiku, tad-drittijiet ta’ sfruttament tax-xogħol ċinematografiku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (dritt ta’ xandir permezz tas-satellita, dritt ta’ riproduzzjoni u kull dritt ieħor ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni), sakemm din il-preżunzjoni ma jkollhiex natura inkontestabbli li teskludi l-possibbiltà għad-direttur prinċipali tal-imsemmi xogħol li jasal għal ftehim differenti. |
Fuq il-parti (b) tat-tieni domanda
88 |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt għal remunerazzjoni ġusta, bħall-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 bis-saħħa tal-eċċezzjoni magħrufa bħala “ta’ kopja privata”, huwiex ipso iure, direttament u primarjament tad-direttur prinċipali, bħala awtur jew koawtur tax-xogħol ċinematografiku. |
89 |
Preliminarjament, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, peress li d-domanda magħmula tirreferi biss għar-remunerazzjoni ġusta prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 bis-saħħa tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata, ser tingħata risposta fil-perspettiva biss tad-dritt ta’ riproduzzjoni u tad-dritt għal remunerazzjoni ġusta relatat miegħu. |
90 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, bħala prinċipju, lill-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parzjali, tax-xogħlijiet tagħhom. |
91 |
L-Artikolu 2(d) ta’ din l-istess direttiva jagħti dritt identiku lill-produtturi tal-ewwel iffissar tal-films, fir-rigward tal-oriġinal u tal-kopji tal-films tagħhom. |
92 |
Isegwi li kemm id-direttur prinċipali, bħala awtur tax-xogħol ċinematografiku, kif ukoll il-produttur, bħala responsabbli għall-investimenti neċessarji għall-produzzjoni tal-imsemmi xogħol, għandhom jitqiesu li huma d-detenturi, ipso iure, tad-dritt ta’ riproduzzjoni. |
93 |
Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 5(2)(b) ta’ din l-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprevedu eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni esklużiv tad-detentur tad-dritt ta’ riproduzzjoni, fil-każ ta’ riproduzzjonijiet imwettqa fuq kull mezz minn persuna fiżika għal użu privat u għal skopijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali (eċċezzjoni ta’ kopja privata), bil-kundizzjoni, madankollu, li jiggarantixxu li, bħala korrispettiv, id-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati jirċievu remunerazzjoni ġusta. |
94 |
Peress li d-direttur prinċipali tax-xogħol ċinematografiku huwa wieħed minn dawn id-detenturi, huwa għandu, konsegwentement, jitqies li huwa benefiċjarju, ipso iure, direttament u primarjament tar-remunerazzjoni ġusta dovuta bis-saħħa tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata. |
95 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu, ir-risposta li għandha tingħata għall-parti (b) tat-tieni domanda hija li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala awtur tax-xogħol ċinematografiku, id-direttur prinċipali tiegħu għandu jibbenefika, ipso iure, direttament u primarjament mid-dritt għar-remunerazzjoni ġusta prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 bis-saħħa tal-eċċezzjoni magħrufa bħala “ta’ kopja privata”. |
Fuq it-tielet u r-raba’ domandi
96 |
B’dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat li jippermetti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jistabbilixxu preżunzjoni ta’ ċessjoni, favur il-produttur tax-xogħol ċinematografiku, tad-drittijiet għal remunerazzjoni tad-direttur prinċipali tal-imsemmi xogħol. |
97 |
F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tistabbilixxi l-imsemmija preżunzjoni tippermetti lid-direttur prinċipali tax-xogħol ċinematografiku li jirrinunzja għad-drittijiet tiegħu għal remunerazzjoni ġusta. |
98 |
Għaldaqstant, għandu jiġi preliminarjament eżaminat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tippermetti lid-direttur prinċipali tal-xogħol ċinematografiku jirrinunzja għad-drittijiet tiegħu għal remunerazzjoni ġusta. |
99 |
Preliminarjament, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, peress li d-domandi magħmula jirreferu għad-drittijiet għal remunerazzjoni fis-sens tad-domanda preċedenti, ser tingħata risposta biss fil-perspettiva tad-dritt ta’ riproduzzjoni u tad-dritt għar-remunerazzjoni ġusta prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 bis-saħħa tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata. |
100 |
Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li, fl-Istati Membri li ddeċidew li jistabbilixxu l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, id-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati għandhom, bħala korrispettiv, jirċievu remunerazzjoni ġusta. Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jinkludi biss dawk il-persuni interessati li jistgħu jirrinunzjaw li jirċievu l-imsemmi ħlas. |
101 |
Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni esklużiva tal-awtur tax-xogħol tiegħu, din id-dispożizzjoni trid tiġi interpretata b’mod restrittiv, li jfisser li eċċezzjoni bħal din ma għandhiex tiġi estiża lil hinn minn dak li timponi espliċitament id-dispożizzjoni inkwistjoni. Issa, hija tawtorizza eċċezzjoni biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni u ma għandhiex tiġi estiża għad-drittijiet għal remunerazzjoni. |
102 |
Din il-konklużjoni hija kkorroborata, f’dan il-livell kuntestwali, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2006/115, moqrija fid-dawl tal-premessa 15 tad-din l-istess direttiva, u li tirriproduċi l-kliem, rispettivament, tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/100 u tal-premessa 15 ta’ din l-aħħar direttiva li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju. Dawn id-dispożizzjonijiet jippreċiżaw li d-dritt li tinkiseb remunerazzjoni ġusta bis-saħħa tal-kiri ma jistax ikun is-suġġett ta’ rinunzja min-naħa tal-awturi. |
103 |
Ċertament, fil-kuntest tad-Direttivi 92/100 u 2006/115, il-leġiżlatur tal-Unjoni uża l-kelma “remunerazzjoni” minflok il-kelma “kumpens” li hija użata mid-Direttiva 2001/29. Madankollu, dan il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” għandu wkoll bħala għan li jistabbilixxi kumpens għall-awturi, meta huma jaġixxu sabiex ipattu għal preġudizzju kkawżat għal dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, VEWA, C-271/10, Ġabra p. I-5815, punt 29). |
104 |
Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 84 u 85 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa mifhum, fl-adozzjoni tad-Direttiva 2001/29, li żamm il-kunċetti tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fformulati fil-kuntest tad-direttivi preċedenti, bla ħsara għal dak li bih espressament jiddisponi mod ieħor. |
105 |
F’dan il-każ, fir-rigward tad-dritt għal kumpens ġust dovut lill-awturi bis-saħħa tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata, ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ippreveda l-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ dan id-dritt, li jirrinunzja għalih. |
106 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li, ħlief jekk wieħed ikun irid ineħħi kull effett tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jimponu fuq l-Istat Membru li jkun stabbilixxa l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt nazzjonali tiegħu obbligu ta’ riżultat, fis-sens li dan l-Istat huwa marbut li jiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, ħlas effettiv tal-kumpens ġust intiż li jikkumpensa lid-detenturi tad-drittijiet ippreġudikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie, C-462/09, Ġabra p. I-4331, punt 34). Issa, li wieħed jimponi obbligu ta’ riżultat ta’ ħlas ta’ kumpens ġust bħal dan favur id-detenturi tad-drittijiet jirriżulta kunċettwalment irrikonċiljabbli mal-possibbiltà għal dan id-detentur li jirrinunzja għal kumpens ġust. |
107 |
Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tippermetti lid-direttur prinċipali tax-xogħol ċinematografiku li jirrinunzja għad-dritt tiegħu għal kumpens ġust. |
108 |
Iktar u iktar, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat li ma jagħtix il-possibbiltà għall-Istati membri li jistabbilixxu preżunzjoni ta’ ċessjoni li ma tistax tiġi kkontestata, favur il-produttur tax-xogħol ċinematografiku, tad-drittijiet għal remunerazzjoni tad-direttur prinċipali tal-imsemmi xogħol, meta preżunzjoni bħal din twassal li dan tal-aħħar jiġi mċaħħad mill-ħlas tal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Issa, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, id-direttur prinċipali, bħala detentur tad-dritt ta’ riproduzzjoni, għandu neċessarjament jirċievi l-ħlas tal-imsemmi kumpens. |
109 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u r-raba’ domandi magħmula hija li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jagħtix il-possibbiltà lill-Istati Membri li jistabbilixxu preżunzjoni ta’ ċessjoni, favur il-produttur tax-xogħol ċinematografiku, tad-dritt għal kumpens ġust tad-direttur prinċipali tal-imsemmi xogħol, kemm jekk tali preżunzjoni tiġi fformulata b’mod li ma tistax tiġi kkontestata, u kemm jekk ikun hemm eċċezzjonijiet għaliha. |
Fuq l-ispejjeż
110 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.