Keywords
Summary

Keywords

1. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/10 dwar il-ħtiġiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss)

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/10, Artikoli 3 u 5 sa 7)

2. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/10 dwar il-ħtiġiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss)

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/10, Artikolu 5)

Summary

1. Id-Direttiva 2003/10/KE, dwar il-ħtiġiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss) kif emendata bid-Direttiva 2007/30/KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li min iħaddem fl-intrapriża li fiha l-livell ta’ espożizzjoni ta’ kuljum tal-ħaddiema għall-ħoss jaqbeż il-85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-użu tal-protetturi individwali tas-smigħ, ma jissodisfax l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva billi sempliċement iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema tali protetturi tas-smigħ li jippermettu li titnaqqas l-espożizzjoni ta’ kuljum għall-ħoss ta’ inqas minn 80 dB(A), peress li min iħaddem huwa obbligat li jimplimenta programm ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi biex titnaqqas espożizzjoni għall-ħoss bħal dan f’livell taħt il-85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-użu ta’ protetturi individwali tas-smigħ.

(ara l-punt 34 u dispożittiv 1)

2. Id-Direttiva 2003/10/KE dwar il-ħtiġiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss), kif emendata bid-Direttiva 2007/30, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma teżiġix li min iħaddem iħallas suppliment fil-paga lill-ħaddiema li huma esposti għal livell ta’ ħoss ta’ aktar minn 85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-użu ta’ protetturi individwali tas-smigħ sempliċement minħabba li ma jkunx implimenta programm ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi biex jitnaqqas il-livell ta’ espożizzjoni ta’ kuljum għall-ħoss. Madankollu, id-dritt nazzjonali għandu jipprovdi mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw li ħaddiem espost għal livell ta’ ħoss ’il fuq minn 85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-użu ta’ protetturi individwali tas-smigħ, jistgħu jobbligaw u jġiegħlu lil min iħaddem, jikkonforma ruħu mal-obbligi ta’ prevenzjoni skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva.

(ara l-punt 43, dispożittiv 2)