Kawża C-242/10

Enel Produzione SpA

vs

Autorità per l’energia elettrica e il gas

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia)

“Direttiva 2003/54/KE — Suq intern tal-elettriku — Stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku essenzjali għat-tħaddim tan-netwerk tal-elettriku — Obbligu li jiġu ppreżentati offerti fis-swieq tal-borża nazzjonali tal-elettriku b’mod konformi mal-limiti u mal-kriterji stabbiliti mill-operatur tan-netwerk tat-trasport u tad-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika — Servizz ta’ dispaċċ u ta’ bbilanċjar — Obbligi ta’ servizz pubbliku”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku — Direttiva 2003/54

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/54, Artikoli 3(2) u 11(2) u (6))

Id-Direttiva 2003/54 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92, u b’mod partikolari l-Artikoli 3(2) u 11(2) u (6) ta’ din tal-aħħar, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tat-tnaqqis tal-prezz tal-elettriku fl-interess tal-konsumatur finali u tas-sigurtà tan-netwerk tal-elettriku, timponi fuq l-operaturi li jkollhom stallazzjonijiet jew gruppi ta’ stallazzjonijiet ikkunsidrati, skont kriterji definiti mill-awtorità regolatorja nazzjonali, bħala essenzjali sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tat-talba tal-elettriku tas-servizzi tad-dispaċċ, l-obbligu li jippreżentaw offerti fuq is-swieq nazzjonali tal-elettriku skont kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel minn dik l-awtorità, sakemm tali leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-obbjettiv segwit minnha. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta.

(ara l-punt 89 u d-dispożittiv)








SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Direttiva 2003/54/KE – Suq intern tal-elettriku – Stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku essenzjali għat-tħaddim tan-netwerk tal-elettriku – Obbligu li jiġu ppreżentati offerti fis-swieq tal-borża nazzjonali tal-elettriku b’mod konformi mal-limiti u mal-kriterji stabbiliti mill-operatur tan-netwerk tat-trasport u tad-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika – Servizz ta’ dispaċċ u ta’ bbilanċjar – Obbligi ta’ servizz pubbliku”

Fil-Kawża C‑242/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura

Enel Produzione SpA

vs

Autorità per l’energia elettrica e il gas,

fil-preżenza ta’:

Terna rete elettrica nazionale SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Impellizzeri, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Enel Produzione SpA, minn G. Greco u M. Muscardini, avukati,

–        għal Terna rete elettrica nazionale SpA, minn A. Clarizia, P. Ziotti, P. Clarizia u G. Guida, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Zadra u O. Beynet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Lulju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 23 KE, 43 KE, 49 KE u 56 KE kif ukoll l-Artikoli 11(2) u (6), u 24, tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211).

2        Dik it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Enel Produzione SpA (iktar ’il quddiem “Enel”) u l’Autorità per l’energia elettrica e il gas (iktar ’il quddiem l-“AEEG”) dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-produtturi tal-enerġija elettrika li għandhom stallazzjonijiet essenzjali għat-tħaddim tan-netwerk tal-elettriku li josservaw, fil-formulazzjoni tal-offerti ta’ provvista ta’ elettriku, regoli stabbiliti mill-kumpannija li tiġġestixxi n-netwerk tat-trasport u ta’ distribuzzjoni tal-enerġija elettrika (iktar ’il quddiem “operatur tan-netwerk”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2003/54 tifforma parti mit-“tieni pakkett dwar l-enerġija” adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-dawl tal-liberalizzazzjoni progressiva ta’ suq intern tal-elettriku u tal-gass. Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2003/54 “tistabbilixxi r-regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni [trasport], id-distribuzzjoni u l-provvista ta’ l-elettriku. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur ta’ l-elettriku, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi”.

4        Taħt il-Kapitolu II, intitolat “Regoli Ġenerali għall-Organizzazzjoni tas-Settur”, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/54, intitolat “L-Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijent”, fil-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi:

“F’kunsiderazzjoni sħiħa lejn id-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 miġjub fih, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur ta’ l-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ta’ l-ambjent, inklużi l-effiċjenza ta’ l-enerġija u l-protezzjoni tal-klima. Obbligi bħal dawn għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, non-diskriminatorji, li jistgħu jiġu verifikati, u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza ta’ l-aċċess li l-kumpaniji ta’ l-elettriku ta’ l-UE ikollhom għall-klijenti nazzjonali. [...]”

5        L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, li jirrigwarda l-kompiti tal-operaturi ta’ netwerk tat-trasport, jipprovdi li:

“Kull operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni [netwerk tat-trasport] għandu jkun responsabbli biex:

a)      jiżgura l-abilità, għal perjodu twil ta’ żmien, tas-sistema [netwerk] li din tkun tista’ tilħaq domandi raġonevoli għat-trasmissjoni ta’ l-elettriku [ta’ trasport tal-elettriku];

b)      jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista permezz ta’ kapaċità ta’ trasmissjoni [trasport] adegwata u sistema ta’ min jafdaha [netwerk affidabbli];

[…]”

6        L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolata “Id-dispaċċ u l-ibbilanċjar”, fil-paragrafi 2 u 6 tiegħu jipprovdi:

“2.      Id-dispaċċ ta’ stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni u l-użu ta’ interkonnetturi għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta’ kriterji li jistgħu jiġu approvati mill-Istat Membru u li dawn iridu jkunu oġġettivi, ippubblikati u applikati f’manjiera li ma tkunx diskriminatorja u li tkun tiżgura it-tħaddim proprju tas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku. Dawn għandhom jikkunsidraw il-preċedenza ekonomika ta’ l-elettriku minn stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni disponibbli jew trasferimenti ta’ interkonnetturi kif ukoll ir-restrizzjonijiet tekniċi fuq is-sistema [in-netwerk].

[...]

6.      L-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni [tan-netwerk tat-trasport] għandhom jiksbu l-enerġija li jużaw biex ikopru t-telf fl-enerġija u jirriżervaw il-kapaċità fis-sistema [fin-netwerk] tagħhom skond proċeduri trasparenti, mhux diskriminatorji u li jkunu bbażati fuq is-suq, kulmeta dawn ikollhom dik il-funzjoni.”

7        Taħt il-Kapitolu V, intitolat “It-Tħaddim tas-Sistema tad-Distribuzzjoni”, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/54, li jirrigwarda l-kompiti tal-operaturi tan-netwerk tad-distribuzzjoni, jipprovdi:

“1.      L-operatur tas-sistema [tan-netwerk] tad-distribuzzjoni għandu jżomm fiż-żona tiegħu [netwerk] ta’ distribuzzjoni ta’ l-elettriku li tkun tajba, ta’ min jafdaha u effiċjenti, partikolarment fejn għandu x’jaqsam l-ambjent.

2.      Fi kwalunkwe ħaġa li tiġri [każ], dan [l-operatur tan-netwerk tad-distribuzzjoni] m’għandux jiddiskrimina bejn l-utenti tas-sistema [tan-netwerk] jew inkella bejn klassijiet ta’ utenti tas-sistema [tan-netwerk], partikolarment favur l-impriżi relatati tiegħu.

[...]

6.      Fejn l-operaturi jkunu responsabbli biex jibbilanċjaw is-sistema [in-netwerk] tad-distribuzzjoni tal-elettriku, ir-regoli li dawn jadottaw għal dak il-għan għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, inklużi regoli biex l-utenti tas-sistema tan-netwerks tagħhom jkunu jistgħu jiġu ċċarġjati għal skwilibrju fl-enerġija. It-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi r-regoli u t-tariffi, għad-disposizzjoni ta’ servizzi bħal dawn mill-operaturi tas-sistema [tan-netwerk] tad-distribuzzjoni għandhom ikunu stabbiliti f’konformità ma’ l-Artikolu 23(2) f’manjiera li ma tkunx diskriminatorja u li tkun tirrifletti tabilħaqq in-nefqa, filwaqt li għandhom jiġu wkoll pubblikati.

[...]”

8        Taħt il-Kapitolu VII, intitolat “L-Organizzazzjoni ta’ l-Aċċess għas-Sistema [Netwerk]”, l-Artikolu 23 ta’ dik id-direttiva, li jikkonċerna l-awtoritajiet regolatorji, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw entità jew entitajiet kompetenti bħala awtoritajiet regolatorji. Dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu indipendenti b’mod sħiħ mill-interessi ta’ l-industrija ta’ l-elettriku. Dawn għandhom, permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, ikunu minn ta’ l-anqas responsabbli biex jiżguraw in-non-diskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva u t-tħaddim effiċjenti tas-suq, waqt li tissorvelja [jissorveljaw] b’mod partikolari:

[...]

b)      kwalunkwe mekkaniżmi li jkollhom x’jaqsmu mal-konġestjoni fil-kapaċità fi ħdan is-sistema nazzjonali ta’ l-elettriku;

[…]

g)      il-limitu li għalih l-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni [tan-netwerk tat-trasport] u d-distribuzzjoni jaderixxu l-kompiti tagħhom f’konformità ma’ l-Artikoli 9 u 14;

[...]”

9        L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/54, intitolat “Miżuri ta’ salvagwardja” jipprovdi li fil-każ li jkun hemm kriżi f’daqqa waħda fis-suq tal-enerġija u fejn is-sigurtà fiżika jew is-sigurtà tal-persuni, tat-tagħmir jew tal-istallazzjonijiet jew inkella tal-integrità tan-netwerk tkun mhedda, Stat Membru jista’ jieħu temporanjament il-miżuri meħtieġa ta’ salvagwardja li għandhom jiġu nnotfikati lill-Kummissjoni Ewropea b’mod immedjat.

 Id-dritt nazzjonali

10      Id-digriet leġiżlattiv Nru 79, tas-16 ta’ Marzu 1999 (GURI Nru 75, tal-31 ta’ Marzu 1999, iktar ’il quddiem id-“digriet Bersani”), implementa d-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3).

11      L-Artikolu 2(10) ta’ dak id-digriet jiddefinixxi d-dispaċċ bħala “l-attività maħsuba sabiex tistabbilixxi ordnijiet dwar l-użu u t-tħaddim ikkoordinati tal-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, tan-netwerk tat-trasport u tas-servizzi awżiljarji”. Kif jirriżulta mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispaċċ hija l-operazzjoni li permezz tagħha l-operatur tan-netwerk “jwettaq dispaċċ” tal-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jkollhom riżerva ta’ kapaċità adegwata u li jinsabu fiż-żona tiegħu, skont il-bżonnijiet tat-talba, bil-għan li jiġi żgurat, f’kull mument, il-bilanċ bejn l-offerta u t-talba ta’ elettriku fuq in-netwerk, kif ukoll li tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista tal-elettriku.

12      Skont l-Artikoli 3(3) u (5) tad-digriet Bersani, l-AEEG adottat, fit-30 ta’ Diċembru 2003, id-Deċiżjoni Nru 168/03 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 24, tat-30 ta’ Jannar 2004) sabiex taffaċċja s-saħħa tas-suq lokali ta’ ċerti stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni indispensabbli sabiex tiġi sodisfatta t-talba għall-elettriku f’kundizzjonijiet suffiċjenti ta’ sigurtà. Dik id-deċiżjoni tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tat-tħaddim tas-servizz ta’ dispaċċ tal-elettriku u tal-provvista tar-riżorsi korrispondenti tal-enerġija.

13      Kif jipprevedi d-digriet tal-ministru tal-attivitajiet produttivi tad-19 ta’ Diċembru 2003 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 301, tat-30 ta’ Diċembru 2003), is-suq Taljan tal-elettriku huwa organizzat fi tliet swieq differenti, jiġifieri, fl-ewwel lok, is-suq tal-jum ta’ qabel (iktar ’il quddiem is-“SJQ”), fejn jiġu nnegozzjati l-offerti ta’ xiri u ta’ bejgħ tal-elettriku għal kull perijodu rilevanti tal-jum ta’ qabel, fit-tieni lok, is-suq tal-istess jum (iktar ’il quddiem is-“SIJ”), fejn jiġu nnegozzjati l-offerti ta’ xiri u ta’ bejgħ tal-elettriku għall-aġġustament ta’ programmi ta’ dħul u ta’ teħid definiti fuq is-SJQ u, fit-tielet lok, is-suq tas-servizzi ta’ dispaċċ (iktar ’il quddiem “STD”), li huwa maqsum f’suq ta’ servizzi ta’ dispaċċ ex ante u suq ta’ bbilanċjar.

14      Id-Deċiżjoni Nru 111/06, adottata fid-9 ta’ Ġunju 2006 mill-AEEG (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 153, fl-4 ta’ Lulju 2006, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 111/06”), emendat id-Deċiżjoni Nru 168/03 ċċitata fil-punt 12 ta’ din is-sentenza billi tat lill-operatur prinċipali tan-netwerk, jiġifieri Terna rete elettrica nazionale SpA (iktar ’il quddiem “Terna”), strument li jippermetti li jiġu individwati r-riżorsi neċessarji għall-finijiet ta’ servizz ta’ dispaċċ. Din kienet sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali għat-tħaddim u għas-sigurtà tan-netwerk tal-elettriku (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali”). Id-dispożizzjonijiet relattivi tas-sistema ta’ istallazzjonijiet essenzjali ġew inklużi fit-Taqsima 3, Titolu 2, tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06 u, b’mod partikolari, fl-Artikoli 63, 64 u 65 ta’ dak l-Anness.

15      Id-Digriet-Liġi Nru 185, tad-29 ta’ Novembru 2008, kif ikkonvertita fl-liġi u emendat bil-Liġi Nru 2, tat-28 ta’ Jannar 2009 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 22, tat-28 ta’ Jannar 2009), li tikkonċerna miżuri urġenti għas-sostenn tal-familji, tax-xogħol, tal-impjieg u tan-negozji u intiża sabiex temenda l-qafas strateġiku nazzjonali permezz ta’ miżuri ta’ kontra l-kriżi (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 280, tad-29 ta’ Novembru 2009, iktar ’il quddiem id-“Digriet-liġi Nru 185”), tirriproduċi s-sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali. L-Artikolu 3(10) tagħha jipprovdi l-prinċipji li għandha tikkonforma ruħha magħhom il-leġiżlazzjoni dwar is-suq tal-elettriku “b’kunsiderazzjoni tal-kriżi ekonomika internazzjonali eċċezzjonali u tal-effetti tagħha fuq is-suq tal-prezzijiet tal-materja prima, bil-għan li jiġi żgurat tnaqqis tal-piżijiet għall-familji u n-negozji u li jitnaqqas il-prezz tal-elettriku”.

16      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-STD, l-Artikolu 3(10)(d) tad-Digriet-Liġi Nru 185 jipprevedi li “il-ġestjoni tagħha hija fdata lill-konċessjonarju tas-servizz ta’ trasport u ta’ dispaċċ sabiex tkun tista’ ssir l-għażla tal-bżonnijiet tar-riżorsi neċessarji sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tan-netwerk tal-elettriku abbażi tal-prestazzjonijiet differenti li kull riżors jagħti lin-netwerk, permezz ta’ evalwazzjoni trasparenti u effikaċi mill-perspettiva ekonomika. Is-servizzi ta’ dispaċċ huma żgurati mix-xiri tar-riżorsi neċessarji mill-operaturi approvati. Fuq is-[STD], il-prezz tal-enerġija jiġi ddeterminat abbażi ta’ prezzijiet differenti offruti b’mod obbligatorju minn kull utent approvat u aċċettati mill-konċessjonarju tas-servizzi ta’ dispaċċ, fejn tingħata preċedenza lill-offerti bi prezz l-iktar baxx sakemm ikunu jissodisfaw kompletament il-bżonnijiet [...]”

17      L-Artikolu 3(11) tad-Digriet-Liġi Nru 185 jipprovdi, essenzjalment li, bil-għan li jiġi żgurat tnaqqis tal-piżijiet sostnuti mill-familji u min-negozji u li jitnaqqas il-prezz tal-enerġija elettrika:

“l-[AEEG] għandha tadatta d-deċiżjonijiet tagħha, inkluż fir-rigward tad-dispaċċ tal-enerġija elettrika, billi tikkonforma ruħha mal-prinċipji u mal-kriterji bażilari li ġejjin:

a)      l-entitajiet li individwalment għandhom stallazzjonijiet jew gruppi ta’ stallazzjonijiet essenzjali sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tas-servizzi ta’ dispaċċ, bħal dawk identifikati abbażi ta’ kriterji stabbiliti mill-[AEEG] b’mod konformi mal-prinċipji msemmija f’dan il-punt, huma obbligati li jippreżentaw offerti fuq is-swieq bil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-[AEEG], li timplementa mekkaniżmi tempestivi intiżi sabiex jnaqqsu l-ispejjeż tas-sistema u sabiex jiżguraw remunerazzjoni ġusta lill-fornituri: b’mod partikolari huma indispensabbli sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tas-servizzi ta’ dispaċċ, limitatament matul perijodi fejn javveraw ruħhom il-kundizzjonijiet deskritti iktar ’il fuq, l-istallazzjonijiet li, minn perspettiva teknika u strutturali, jirriżultaw indispensabbli sabiex jiġu riżolti konġestjonijiet tan-netwerk jew sabiex jinżammu l-livelli suffiċjenti ta’ sigurtà tas-sistema elettrika nazzjonali matul perijodu sinjifikattiv;

b)      għandhom jiġu adottati miżuri sabiex jittejbu l-effiċjenza tal-[STD], l-inċentiv għat-tnaqqis tal-prezz tal-provvista tal-imsemmija servizzi, l-użu ta’ miżuri kuntrattwali eventwali fir-rigward tar-riżorsi u l-istabbilizzazzjoni tal-kontroparti dovuta mill-klijenti finali.”

18      B’applikazzjoni tad-Digriet-Liġi Nru 185, l-AEEG adottat, fid-29 ta’ April 2009, id-Deċiżjoni Nru ARG/elt 52/09 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 133, tal-11 ta’ Ġunju 2009, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 52/09”), li l-Artikolu 1 tagħha jemenda l-Artikoli 63, 64 u 65 tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 52/09, l-AEEG introduċiet leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam tad-dispaċċ applikabbli għall-istallazzjonijiet essenzjali għat-tħaddim u s-sigurtà tan-netwerk tal-elettriku.

19      Fis-sens tal-Artikolu 63(9) tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, l-operatur tan-netwerk għandu kull sena jipprevedi u jippubblika lista li telenka l-istallazzjonijiet u l-gruppi tal-istallazzjonijiet kkunsidrati bħala indispensabbli għat-tħaddim u għas-sigurtà tan-netwerk tal-elettriku. Dawk l-istallazzjonijiet huma suġġetti għall-obbligi ta’ offerta u għas-sistema ta’ remunerazzjoni deskritta fl-Artikoli 63 sa 65 tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09.

20      Is-sistema prevista mill-Artikolu 64 tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09 (iktar ’il quddiem is-“sistema ordinarja”) tipprevedi li l-proprejtarju ta’ stallazzjoni essenzjali huwa obbligat jippreżenta, skont il-kwantità u waqt il-perijodu li matulu l-istallazzjoni tiegħu tkun ikkunsidrata bħala essenzjali, offerti suġġetti għall-eżiġenzi li ġejjin:

–        fuq is-SJQ u fuq is-SIJ, l-offerti ta’ bejgħ għandhom isiru bi prezz ekwivalenti għal żero u l-offerti ta’ xiri mingħajr indikazzjoni ta’ prezz, u

–        fuq is-STD, l-offerti għandhom ikunu ekwivalenti għall-prezz tal-elettriku mibjugħ fuq is-SJQ.

21      Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-produttur jista’ joffri prezz iddeterminat b’mod liberu fir-rigward tal-kwantitajiet u s-sigħat li ma humiex ikkunsidrati bħala essenzjali.

22      Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Nru 52/09 introduċiet fl-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06 l-Artikolu 65a li jipprevedi l-possibbiltà li l-proprjetarju tal-istallazzjonijiet essenzjali jagħżel għall-istallazzjonijiet tiegħu, fuq bażi kuntrattwali, modalità ta’ offerta differenti minn dik prevista fl-Artikoli 63 sa 65 tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, b’tali mod li ebda waħda mill-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li huwa jkollu ma tkun inkluża fil-lista tal-istallazzjonijiet essenzjali għas-sena li għaliha jirreferi l-kuntratt.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23      Enel, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija li tiġġenera l-enerġija elettrika li għandha istallazzjonijiet kkunsidrati bħala essenzjali, ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni Nru 52/09 fejn sostniet li din kienet tikser id-Direttiva 2003/54 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 11(2) u (6) ta’ din tal-aħħar.

24      Enel issostni li, fis-sistema introdotta mil-leġiżlazzjoni kkontestata, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kwantità ta’ enerġija neċessarja għat-tħaddim tas-servizzi ta’ dispaċċ mill-operatur tan-netwerk jevita l-mekkaniżmu tal-offerta u tat-talba u ssir abbażi ta’ ordnijiet, imposti fuq impriżi li għandhom stallazzjonijiet jew gruppi ta’ stallazzjonijiet essenzjali, sabiex ipoġġu għad-dispożizzjoni kwantitajiet determinati ta’ enerġija fuq is-swieq kollha li jikkostitwixxu l-borża tal-elettriku, jiġifieri, is-SJQ, is-SIJ u s-STD, bi prezz li ma jkunx iddeterminat mill-produttur fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali tiegħu, iżda impost mill-AEEG, f’ċerti każijiet skont il-prezz medju fil-borża ddeterminat fuq is-SJQ u s-SIJ, abbażi ta’ tariffi estranji għall-valuri tas-suq tal-borża speċifiku ta’ referenza, li huwa s-SJQ.

25      Dan imur kontra l-obbjettivi u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54 li bil-għan li jirrendu uniformi l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri differenti, jipprevedu li l-ġenerazzjoni u l-offerta tal-enerġija elettrika għandhom isiru f’kuntest ta’ kompetizzjoni libera u mhux skont mudell diriġista. Il-leġiżlazzjoni prevista mid-Deċiżjoni Nru 52/09 tmur ukoll kontra l-Artikolu 11(2) u (6) ta’ dik id-Direttiva, li jipprevedu, rispettivament, li s-servizzi ta’ dispaċċ għandhom josservaw il-prijorità ekonomika tal-elettriku li jkun ġej minn stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, billi jagħżlu l-offerti disponibbli abbażi tal-kriterju ekonomiku, u li l-operaturi tan-netwerk huma obbligati jakkwistaw l-enerġija li huma jużaw sabiex ikopru t-telf ta’ enerġija u jżommu kapaċità ta’ riżerva fin-netwerk tagħhom skont proċeduri trasparenti, mhux diskriminatorji u li jkunu bbażati fuq ir-regoli tas-suq.

26      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex kompatibbli mar-regoli tat-Trattat li jirrigwardaw il-libertà tal-istabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-libertà tal-moviment tal-merkanzija u tal-kapital. L-impożizzjoni tal-obbligu tal-użu ta’ kuntratti fil-fatt jikkostitwixxi interferenza sostanzjali fil-konfront tal-libertà kuntrattwali li, fil-prinċipju, igawdu minnha l-operaturi ekonomiċi u hija ta’ natura li toħloqilhom piżijiet addizzjonali u tibdila fl-istrateġija kummċerjali. Il-libertà ta’ stabbiliment ukoll tiġi mxekkla permezz tad-determinazzjoni minn qabel tal-prezz tal-bejgħ tal-enerġija.

27      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk il-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jistgħux jiġu ġġustifikati abbażi ta’ derogi mogħtija mill-Artikolu 86(2) KE u mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54, peress li ma hijiex ċerta li dawn jistgħu jikkostitwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku.

28      Dik il-qorti għandha dubju wkoll dwar in-natura proporzjonata tal-imsemmija miżuri. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ma humiex intiżi sabiex jimplementaw il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fuq is-STD bil-għan li jnaqqsu s-saħħa tal-operaturi li għandhom pożizzjonijiet ċentrali, iżda jillimitaw, bil-għan li jnaqqsu dik is-saħħa, ir-rwol tas-STD għall-benefiċċju ta’ sistema amministrattiva ta’ provvista tal-enerġija mill-operatur tan-netwerk. Barra minn hekk, ma ġiex muri li s-saħħa tas-suq tal-imsemmija operaturi ma jistgħux jitnaqqsu permezz ta’ miżuri konċiljabbli mal-għażla tal-liberalizzazzjoni tas-suq.

29      Il-qorti tar-rinviju finalment tirrileva li l-miżuri inkwistjoni huma ta’ natura li jikkostitwixxu deroga permanenti għas-sistema ta’ suq intern tal-enerġija. Tali miżuri ma jistgħux, barra minn hekk, jikkostitwixxu “miżuri ta’ salvagwardja” fis-sens tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/54.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 23, 43, 49 u 56 [KE], kif ukoll [l-Artikoli] 11(2) u (6) u 24 tad-Direttiva 2003/54 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fin-nuqqas ta’ notifika lill-Kummissjoni Ewropea, timponi fuq bażi permanenti lil produtturi speċifiċi tal-elettriku li huma, f’ċerti ċirkustanzi, essenzjali sabiex tiġi sodisfatta l-ħtieġa tat-talba għas-servizzi ta’ dispaċċ, li jissottomettu offerti fuq is-swieq tal-iskambju tal-elettriku skont programmi determinati skont regoli esterni mill-operatur tan-netwerk, u li tipprevjeni lill-produttur milli jiddetermina b’mod ħieles ir-remunerazzjoni għal tali offerti billi torbot ir-remunerazzjoni ma’ parametri li ma ġewx determinati minn qabel skont ‘proċeduri trasparenti, mhux diskriminatorji u bbażati fuq is-suq’?”

Fuq id-domanda preliminari

 Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

31      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 KE, li jirrigwarda l-libertà tal-moviment tal-kapital.

32      F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta hija ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tingħata risposta effettiva għad-domandi magħmula lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 25, kif ukoll tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punt 53). Id-deċiżjoni ta’ rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex titlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tqis li huwa neċessarju li tagħmel id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-kuntest, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti spjegazzjonijiet minimi fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawk id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali (sentenza Centro Europa 7, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Issa, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni dwar ir-rabta li hija stabbilixxiet bejn, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital u, min-naħa l-oħra, il-kawża prinċipali jew is-suġġett ta’ dik il-kawża. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sa fejn din tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-moviment liberu tal-kapital, id-domanda hija inammissibbli.

34      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-libertà tal-istabbiliment li ġew invokati mill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi rrimarkat, minn naħa, li d-Direttiva 2003/54 ġiet adottata abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikoli 47(2) KE u 55 KE li jirrigwardaw l-imsemmija libertajiet. Min-naħa l-oħra, il-kawża prinċipali toriġina minn azzjoni kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda s-servizz ta’ dispaċċ. Issa, dak l-aħħar fatt huwa preċiżament is-suġġett tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/54. Għall-finijiet tal-kawża prinċipali, dik id-direttiva tiżgura l-implementazzjoni fis-settur tal-elettriku tal-libertajiet fundamentali sanċiti fit-Trattat, fosthom il-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-istabbiliment, u għalhekk tikkontribwixxi sabiex dawn ikunu żgurati. Għaldaqstant huwa b’riferiment għall-imsemmija direttiva li għandha tiġi eżaminata l-eżistenza eventwali ta’ tfixkil ta’ dawk il-libertajiet.

35      Fir-rigward tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/54 imsemmi mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi rrilevat li dak l-artikolu għandu bħala suġġett il-miżuri ta’ salvagwardja li Stat Membru huwa awtorizzat li jieħu sabiex jaffaċċja riskji eċċezzjonali li jiggravaw in-netwerk. Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, għalkemm id-Digriet-Liġi Nru 185 ġie adottat “b’kunsiderazzjoni tal-kriżi ekonomika internazzjonali eċċezzjonali u tal-effetti tagħha fuq is-suq tal-prezzijiet tal-materja prima”, ma jirriżultax mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-adozzjoni ta’ dik il-leġiżlazzjoni taqa’ taħt każ ta’ kriżi immedjat fuq is-suq tal-enerġija jew ta’ theddida għas-sigurtà fiżika jew is-sigurezza tal-persuni, tal-apparat jew tal-istallazzjonijiet, jew anki tal-integrità tan-netwerk, kif jipprevedi dak l-Artikolu 24. F’dawk il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-imsemmi artikolu ma huwiex rilevanti għall-finijiet tar-risposta għat-talba ta’ deċiżjoni preliminari.

36      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, sa fejn il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk il-miżuri inkwistjoni jistgħux jikkostitwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, hemm lok ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54, li bis-saħħa tiegħu l-Istati Membri jistgħu jimponu tali obbligi fuq impriżi tas-settur tal-elettriku.

37      B’kunsiderazzjoni ta’ dawk l-elementi u sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli għall-finijet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, id-domanda magħmula għandha tinftiehem bħala diretta sabiex jiġi evalwat jekk id-Direttiva 2003/54, u b’mod partikoalri l-Artikoli 3(2) u 11(2) u (6) ta’ din tal-aħħar, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-operaturi li jkollhom stallazzjonijiet jew gruppi ta’ stallazzjonijiet kkunsidrati, skont il-kriterji definiti mill-awtorità regolatorja nazzjonali, bħala essenzjali sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tat-talba tas-servizzi ta’ dispaċċ tal-elettriku, l-obbligu li jippreżentaw offerti fuq is-swieq nazzjonali tal-elettriku bil-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel minn dik l-awtorità.

Il-kundizzjonijiet għall-intervent tal-Istati Membri

–        Obbligi ta’ servizz pubbliku

38      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54 jipprovdi li, b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-Artikolu 86 KE, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi tas-settur tal-elettriku, fl-importanza ekonomika ġenerali, obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu jirrigwardaw is-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvista.

39      Għandu jiġi rrilevat li l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2003/54, jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha adottati sabiex jissodisfaw l-obbligi ta’ servizz pubbliku, inkluża l-protezzjoni tal-konsumaturi, u l-effetti possibbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni nazzjonali u internazzjonali, kemm jekk dawn il-miżuri jeħtieġu deroga minn dik id-direttiva jew le, u għandhom javżawha, kull sentejn, dwar kwalunkwe tibdil f’dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, Ġabra p. I‑3377, punt 23) u li n-notifika ta’ dawk il-miżuri tkun tippermetti li jiġi vverifikat jekk Stat Membru riedx jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku. Madankollu, in-nuqqas ta’ notifika ma tistax per se tkun suffiċjenti, sabiex turi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix obbligu ta’ servizz pubbliku.

40      L-Artikolu 86(2) KE jipprevedi, minn naħa, li l-impriżi responsabbli mill-ġestjoni tas-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali għandhom ikunu suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lilhom u, min-naħa l-oħra, li l-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni.

41      Kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tirrikonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali mal-interess tal-Unjoni għall-osservanza tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u għall-ħarsien tal-unità tas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, Ġabra p. I‑5751, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Mill-kliem stess tal-Artikolu 86 KE jirriżulta li l-obbligi ta’ servizz pubbliku li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54 jippermetti li jiġu imposti fuq l-impriżi għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li, għaldaqstant, dawn l-obbligi jistgħu jippreġudikaw il-libertà li jiġi ffissat il-prezz tal-provvista tal-elettriku biss sa fejn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ importanza ekonomika ġenerali li huma jsegwu (sentenza Federutility et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

–        Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fuq is-suq tal-elettriku u s-servizzi ta’ dispaċċ

43      Fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni progressiva tas-suq tal-elettriku, l-awtoritajiet regolatorji, indikati mill-Istati Membri, ingħataw responsabbiltajiet partikolari. Fil-fatt, b’mod konformi mal-Artikolu 23(1)(b) u (g) tad-Direttiva 2003/54, l-awtoritajiet regolatorji, bħall-AEEG, huma responsabbli sabiex jiżguraw in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u t-tħaddim effikaċi tas-suq b’mod partikolari fir-rigward tal-istrumenti intiżi sabiex isolvu l-konġestjonijiet tan-netwerk nazzjonali tal-elettriku u l-limitu li fih l-operaturi tan-netwerk tat-trasport u tad-distribuzzjoni jwettqu l-kompiti tagħhom skont l-Artikoli 9 u 14 ta’ dik id-direttiva.

44      L-Artikolu 9(a) u (b) tad-Direttiva 2003/54 jipprevedi li l-operatur tan-netwerk huwa obbligat li jiżgura l-kapaċità fuq terminu twil ta’ żmien tan-netwerk li jirrispondi għal talbiet raġjonevoli ta’ trasport ta’ elettriku u li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista permezz ta’ kapaċità ta’ trasport u affidabbiltà adegwati tan-netwerk. L-Artikolu 14(1), (2), u (6), ta’ dik id-direttiva jipprevedu li dak l-operatur għandu jiżgura s-sigurtà tan-netwerk, l-affidabbiltà tagħha u l-effiċjenza tagħha fiż-żona li huwa jkopri, filwaqt li ma jwettaq l-ebda diskriminazzjoni bejn l-utenti tan-netwerk.

45      Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-servizzi ta’ dispaċċ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, b’mod konformi mal-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2003/54, l-operatur tan-netwerk huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-fluss tal-elettriku fuq in-netwerk bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà, l-affidabbiltà u l-effiċjenza tagħha. Dik id-direttiva timponi wkoll fuq l-operatur tan-netwerk ir-responsabbiltà tad-dispaċċ tal-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jinsabu fiż-żona tiegħu.

46      Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/54, id-dispaċċ tal-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni għandu jsir abbażi ta’ kriterji li jistgħu jiġu approvati mill-Istat Membru kkonċernat, u li għandhom ikunu oġġettivi, pubbliċi u applikati b’mod mhux diskriminatorju. Dawk il-kriterji għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prijorità ekonomika tal-elettriku li jkun ġej minn stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni disponibbli kif ukoll il-limitazzjonijiet tekniċi li jiggravaw in-netwerk. Il-paragrafu 6 ta’ dak l-artikolu jipprevedi, essenzjalment, li l-operatur tan-netwerk għandu jakkwista l-enerġija li huwa juża skont proċeduri trasparenti, mhux diskriminatorji u li jkunu bbażati fuq ir-regoli tas-suq.

47      L-Artikoli 3(2) u 11(2) u (6) tad-Direttiva 2003/54 jippermettu lill-Istat Membru kkonċernat li jimponi, permezz tal-awtoritajiet regolatorji u tal-operaturi tan-netwerk, obbligi ta’ servizz pubbliku fuq impriżi li jkollhom stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni neċessarji sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tas-servizz ta’ dispaċċ, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet.

48      Leġiżlazzjoni li tipprevedi tali intervent għandha ssegwi objettiv ta’ importanza ekonomika ġenerali u tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, l-imsemmija obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji u verifikabbli u għandhom jiżguraw lill-imsemmija impriżi aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, id-dispaċċ ta’ dawk l-istallazzjonijiet għandu jsir skont kriterji oġġettivi, ippubblikati u applikati b’mod mhux diskriminatorju, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-prijorità ekonomika tal-elettriku li jkun ġej mill-imsemmija stallazzjonijiet kif ukoll il-limitazzjonijiet tekniċi tan-netwerk.

49      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jekk dawk ir-rekwiżiti ta’ proporzjonalità ġewx sodisfatti. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħtiha l-indikazzjonijiet kollha neċessarji għal dan il-għan fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

Importanza ekonomika ġenerali

50      Għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma intitolati, filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom ta’ importanza ekonomika ġenerali. B’mod partikolari huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni għanijiet attribwibbli għall-politika nazzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Albany, punt 104, kif ukoll Federutility et, punt 29).

51      Kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tad-digriet Bersani, is-servizz ta’ dispaċċ tal-elettriku huwa servizz pubbliku maħsub sabiex jiżgura l-bilanċ bejn l-offerta u t-talba tal-elettriku fin-netwerk ta’ trasport nazzjonali, li jiżgura għalhekk is-sigurtà u l-kontinwità tal-provvista tal-enerġija.

52      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk impriża, bħal Terna, ġietx inkarigata bil-ġestjoni ta’ servizz ta’ interess ġenerali, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dik l-impriża, permezz ta’ konċessjoni tad-dritt pubbliku, ingħatat ir-responsabbiltà ta’ servizz ta’ dispaċċ.

53      Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali, din ġiet adottata, kif ifakkar l-Artikolu 3(10)(b) tad-Digriet-Liġi Nru 185, bil-għan li jiġi żgurat tnaqqis tal-piżijiet sostnuti mill-familji u n-negozji kif ukoll li jitnaqqas il-prezz tal-enerġija elettrika.

54      L-obbligi previsti fil-punt preċedenti jirrispondu għal tħassib dwar is-sigurtà tan-netwerk u dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, rikonoxxut mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54. Għaldaqstant, fil-prinċipju, għandu jiġi rikonoxxut li s-sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali ssegwi obbjettiv ta’ importanza ekonomika ġenerali.

 L-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

55      Għalkemm, kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54, moqri flimkien mal-Artikolu 86 KE, jippremetti li jiġu imposti fuq impriżi responsabbli mill-ġestjoni ta’ servizz pubbliku, obbligi li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-iffissar tal-prezz tal-provvista tal-elettriku, leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi tali obbligi għandha tkun tista’ tiżgura li jintlaħaq l-objettiv tagħha, u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak il-għan, sabiex jiġi sodisfatt il-kriterju ta’ proporzonalità.

56      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex adatta sabiex tiżgura li jintlaħqu l-objettivi invokati, jiġifieri s-sigurtà tan-netwerk u l-protezzjoni tal-konsumatur.

57      Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika unikament għal operaturi li jkollhom stallazzjonijiet essenzjali, jiġifieri fil-każ fejn tkun teżisti biss unità ta’ ġenerazzjoni waħda li, minħabba l-karatteristiċi tekniċi tagħha u l-varjazzjoni mgħaġġla tal-qawwa tagħha, hija fi stat li toffri r-riżorsi neċessarji għall-eżiġenzi tad-dispaċċ. F’suq bħalma huwa dak tal-elettriku, fejn id-domanda hija kkaratterizzata min-nuqqas ta’ elastiċità, u fejn il-beni inkwistjoni ma jistgħux jiġu maħżuna, tali stallazzjoni tkun indispensabbli sabiex jiġu solvuti konġestjonijiet u/jew sabiex jinżammu l-livelli ta’ sigurtà tas-sistema. Dik in-natura indispensabbli, jew essenzjali, tagħti lill-operatur li jkollu tali stallazzjoni l-istatus ta’ operatur f’pożizzjoni strateġika u inkontestabbli.

58      Ir-Repubblika Taljana enfasizzat f’dan ir-rigward, mingħajr ma ġiet kontradetta, li dik is-sitwazzjoni kkawżat żieda mhux ġustifikata tal-ispejjeż u tal-prezz finali tal-elettriku, żieda li ma tikkorrispondix għal tkabbir reali tal-ispejjeż u li tirriskja li taffettwa s-sigurtà tal-provvisti.

59      F’dak ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż a priori li żieda eċċessiva fil-prezz tal-offerti tal-bejgħ, minħabba li jeżistu tali pożizzjonijiet strateġiċi u inkontestabbli, tiġi riflessa fil-prezz tal-elettriku mħallas mill-konsumaturi finali u mill-impriżi.

60      F’dawk il-kundizzjonijiet, jista’ jiġi rikonoxxut li l-applikazzjoni tas-sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali fir-rigward ta’ produtturi li huma kkunsidrati li għandhom pożizzjoni strateġika u inkontestabbli fuq is-suq hija idonea sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tan-netwerk u l-protezzjoni tal-konsumatur.

61      Fir-rigward tas-sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Nru 52/09, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Digriet-Liġi Nru 185 u d-Deċiżjoni Nru 52/09 ġew adottati wara li ġie kkonstatat nuqqas ta’ effiċjenza fis-sistema li kienet fis-seħħ dakinhar, minħabba n-numru żgħir ta’ ċentrali kkunsidrati bħala essenzjali, iżda wkoll minħabba l-fatt li n-natura “essenzjali” tapplika biss għal stallazzjonijiet individwali u mhux għall-impriżi li jipposseduhom, b’tali mod li “seta’ jiġri li l-issuġġettament ta’ stallazzjoni individwali għas-sistema vinkolanti ma jkunx suffiċjenti sabiex jiġu eliminati sitwazzjonijiet ta’ pożizzjoni dominanti fuq is-suq ta’ ċerti operaturi li, bħala proprjetarji ta’ stallazzjonijiet oħra, komplessivament indispensabbli sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tad-dispaċċ, setgħu fi kwalunkwe każ jiddeterminaw b’mod unilaterali l-prezz tal-bejgħ tal-kwantità marġinali ta’ enerġija neċessarja f’ċerti kundizzjonijiet tat-tħaddim tan-netwerk”.

62      Għaldaqstant, sa fejn, skont l-Artikolu 63(2)(a) tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 52/09, Terna tikkunsidra bħala essenzjali kull stallazzjoni li mingħajrha jkun impossibli li tiġi żgurata s-sigurtà tan-netwerk u sa fejn, skont il-paragrafu 3(a) u (b) ta’ dak l-artikolu, dawn huma stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li huma strettament neċessarji u indispensabbli sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tas-servizz ta’ dispaċċ, leġiżlazzjoni bħas-sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali hija adatta sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tan-netwerk u l-protezzjoni tal-konsumatur.

63      Madankollu jeħtieġ li jiġi evalwat jekk dak il-metodu ta’ intervent imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ importanza ekonomika ġenerali segwita.

64      F’dak ir-rigward, Enel sostniet, mingħajr ma ġiet kontradetta, li d-Deċiżjoni Nru 52/09 kellha bħala effett li tissuġġetta għas-sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali parti kunsiderevoli mill-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tagħha, fejn din tal-aħħar żdiedet minn 500 MW għal iktar minn 10 000 MW. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-fondatezza ta’ dik id-dikjarazzjoni.

65      F’dan il-kuntest jeħtieġ li jiġu eżaminati l-karatteristiċi prinċipali tas-sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09.

66      L-Artikolu 63(9)(b) tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, jipprevedi li Terna hija kompetenti sabiex tiddetermina n-numru ta’ sigħat u l-qawwa tal-istallazzjonijiet u/jew gruppi ta’ stallazzjonijiet ikkwalifikati bħala essenzjali. Terna għalhekk tinkludi l-unitajiet u l-istallazzjonijiet unikament matul faxex ta’ sigħat u għall-kwantitajiet li għalihom l-istallazzjoni ta’ ġenerazzjoni tkun kkunsidrata bħala essenzjali għas-sigurtà tan-netwerk. Fir-rigward tal-kwantitajiet li ma jkunux ikkunsidrati bħala essenzjali, is-sistema ordinarja tipprevedi li l-produttur għandu l-fakultà li joffri fuq is-suq il-kwantità li huwa jrid bi prezz li huwa jixtieq.

67      Barra minn hekk, l-Artikolu 64(3) u (4) tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, jipprevedi li, fid-determinazzjoni tal-limiti u tal-kriterji li jikkonċernaw is-STD, Terna għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati miksuba fuq is-SJQ u fuq is-SIJ. Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-prezz tal-offerti tal-bejgħ jew ta’ xiri aċċettati fuq is-STD, l-Artikolu 64(7) tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, jipprevedi li dan huwa ekwivalenti għall-prezz tal-bejgħ tal-elettriku fuq is-SJQ fiż-żona fejn tinsab l-istallazzjoni ta’ ġenerazzjoni. Għaldaqstant, għalkemm huwa veru li dik l-enerġija ma tinbiegħx bil-prezz li l-utent tad-dispaċċ seta’ jipproponi u jikseb fuq dawk is-swieq, ġaladarba li l-offerta fuq is-SJQ u fuq is-SIJ għandha tkun ekwivalenti għal żero, hemm lok li jiġi kkonstatat li din tinbiegħ bil-prezz medju tas-suq li jikkorrispondi għall-istess żona.

68      F’dawk il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni Enel, l-enerġija li titqiegħed għad-dispożizzjoni fuq is-STD ma tidhirx li tiġi mħallsa abbażi ta’ tariffi totalment estranji għall-valuri tas-suq tal-borża speċifiku ta’ riferiment. Peress li l-Artikolu 64(7) tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, jipprevedi li dik l-enerġija għandha tiġi mħallsa bil-prezz medju tas-suq li jikkorrispondi għaż-żona li tinsab fiha l-istallazzjoni ta’ ġenerazzjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif barra minn hekk jipprevedi l-Artikolu 3(11) tad-Digriet-Liġi Nru 185, dik is-sistema tidher li hija ta’ natura idonea sabiex tiżgura remunerazzjoni ġusta lill-operaturi li għandhom tali stallazzjonijiet.

69      Addizzjonalment, l-Artikolu 64(8) tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, jipprevedi li, f’każ li dak il-prezz ikun inqas mill-ispejjeż varjabbli tal-istallazzjoni, Terna għandha tagħti lill-operatur li jkollu l-istallazzjoni essenzjali kumpens li jikkorrispondi għad-differenza, jekk din tkun waħda pożittiva, bejn l-ispiża varjabbli mogħtija lill-unitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-imsemmija stallazzjoni u l-prezz tal-bejgħ tal-elettriku fuq is-SJQ. Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali mekkaniżmu huwa intiż sabiex jiżgura fir-rigward tal-utent tad-dispaċċ li r-remunerazzjoni tal-istallazzjonijiet essenzjali disponibbli fuq is-swieq ma tkunx inferjuri għall-ispejjeż varjabbli tal-istallazzjoni stess.

70      Barra minn hekk, is-sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali tippreżenta ċerta flessibbiltà u tidher li tipproponi lill-operaturi li għandhom istallazzjonijiet essenzjali alternattivi maħsuba sabiex inaqqsu l-impatt tal-applikazzjoni tagħha fir-rigward tagħhom.

71      Fil-fatt, l-Artikolu 63(5) tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, tippermetti l-utent tad-dispaċċ li jagħżel liema grupp minimu ta’ stallazzjoni ta’ ġenerazzjoni, fost dawk magħżula minn qabel minn Terna, ser jiġi ssuġġettat għas-sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali.

72      L-Artikolu 63(11) tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, jippermetti lill-utent tad-dispaċċ jitlob lill-AEEG l-applikazzjoni tas-“sistema ta’ rimbors tal-ispejjeż”, li tippermetti li jirċievi ammont speċifiku, iddeterminat mill-AEEG, huwa ekwivalenti għad-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni rikonoxxuti tal-istallazzjoni essenzjali u d-dħul miksub minn din tal-aħħar waqt il-perijodu li matulu hija kienet inkluża fil-lista ta’ stallazzjonijiet essenzjali. Bi skambju, huwa previst li l-istallazzjoni inkwistjoni tkun suġġetta għas-sistema ordinarja għall-perijodi u l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni iddikjarati bħala essenzjali, iżda wkoll għal restrizzjonijiet addizzjonali fuq il-kwantitajiet u l-perijodi mhux essenzjali jew “liberi”, iffissati fl-Artikolu 65 tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09.

73      Fir-rigward tal-istallazzjonijiet li jinsabu fil-lista msemmija fl-Artikolu 63(1) tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, li ma jkunux ġew issuġġettati għall-imsemmija sistema ta’ rimbors tal-ispejjeż, l-Artikolu 64(9) ta’ dik id-deċiżjoni, kif emendata, jipprevedi li l-utent tad-dispaċċ jista’ jipproponi lil Terna, fit-termini u skont il-modalitajiet miftiehma bejniethom minn qabel, li tiġi sostitwita unità ta’ ġenerazzjoni waħda jew iktar b’unitajiet oħra ta’ ġenerazzjoni li jkunu fil-pussess tiegħu.

74      Barra minn hekk, il-proprjetarji tal-istallazzjonijiet essenzjali għandhom il-possibbiltà li jidderogaw mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-istallazzjonijiet essenzjali billi jagħmlu użu mill-istrument kuntrattwali previst fl-Artikolu 65a tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, li jippermettilhom li jikkonkludu ma’ Terna wieħed minn żewġ tipi ta’ kuntratti previsti f’dak l-artikolu. Dawk il-kuntratti għandhom jiġu approvati mill-AEEG qabel il-konklużjoni tagħhom mal-imsemmija proprjetarji. Skont l-istipulazzjonijiet ta’ dawk il-kuntratti, l-utent tad-dispaċċ proprjetarju ta’ stallazzjonijiet essenzjali għandu jobbliga ruħu li jirrendi disponibbli għal Terna fuq is-STD kwantitajiet definiti ta’ kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni, billi joffrihom għax-xiri u għall-bejgħ bi prezzijiet iddeterminati bil-quddiem mill-AEEG, apparti l-ħlas separat minn Terna. Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi rrilevat li Enel għażlet tali mekkaniżmu alternattiv.

75      Fir-rigward tat-tul tal-intervent previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan għandu jkun limitat għal żmien li jkun strettament neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi segwiti. F’dak ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fejn il-lista tal-istallazzjonijiet essenzjali tkun suġġetta għal proċedura annwali ta’ reviżjoni u ta’ evalwazzjoni mill-ġdid, l-istallazzjonijiet jidhru li jkunu inklużi biss għal żmien limitat. Fi kwalunkwe każ, l-inklużjoni ta’ stallazzjoni f’dik il-lista għandha tinżamm biss jekk din tal-aħħar tkun ikkwalifikata bħala essenzjali, jiġifieri sakemm ma tkunx teżisti stallazzjoni oħra li tkun kapaċi toffri, b’mod kompetittiv, ir-riżorsi neċessarji għall-bżonnijiet tad-dispaċċ f’żona determinata.

76      F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-Digriet-Liġi Nru 185 għandu bħala objettiv, b’mod partikolari, it-titjib tan-netwerk tat-trasport u li l-Artikolu 3(11)(b) tiegħu jipprevdi li l-AEEG għandha tadotta wkoll tipi oħra ta’ miżuri sabiex ittejjeb l-effiċjenza tas-suq tas-servizzi ta’ dispaċċ, tixpruna t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-provvista tal-imsemmija servizzi, tirrendi r-riżorsi eventwali bħala suġġetti għal kuntratti u tistabbilizza l-kontroparti dovuta mill-klijenti finali.

77      Jeħtieġ li jiżdied li r-Repubblika Taljana enfasizzat li s-sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali ma hijiex intiża li jkollha natura permanenti u li din kellha tiġi abbandunata hekk kif l-interventi strutturali fuq tul ta’ żmien medju u twil fuq in-netwerk, li diġà saru fiż-żoni l-iktar kritiċi, bħal Sqallija u Sardinja, jew li huma previsti mil-leġiżlatur nazzjonali, ikunu tejjbu l-effikaċja tal-ġestjoni tas-servizzi ta’ dispaċċ billi jnaqqsu l-konċentrazzjoni tas-saħħa tas-suq lokali ta’ dawk l-istallazzjonijiet.

78      Finalment, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-Artikolu 63(2)(b) tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, li s-sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali ppermettiet li jiġu inklużi, minbarra l-istallazzjonijiet speċifikament indispensabbli sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ta’ wieħed mis-servizzi ta’ dispaċċ, ċerti stallazzjonijiet li huma globalment indispensabbli sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tas-servizzi ta’ dispaċċ.

79      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawk l-istallazzjonijiet tal-aħħar jistgħu jkunu neċessarji minn perspettiva ekonomika, sa fejn dawn ipoġġu lill-proprjetarji tagħhom f’pożizzjoni dominanti tas-suq li tippermettilhom li jikkontrollaw il-prezzijiet tal-elettriku, inklużi l-prezzijiet imħallsa għas-servizzi ta’ dispaċċ.

80      F’dawk il-kundizzjonijiet, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-objettivi li hija ssegwi. Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

 L-osservanza ta’ kundizzjonijiet oħra previsti fl-Artikoli 3(2) u 11(2) u (6) tad-Direttiva 2003/54

81      Kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, jonqos li jiġi vverifikat jekk l-obbligi ta’ servizz pubbliku relatati mad-dispaċċ li huma imposti fuq Terna u fuq l-operaturi li għandhom stallazzjonijiet essenzjali humiex oġġettivi, iddefinti b’mod ċar, trasparenti, ippubblikati u verifikabbli.

82      F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, kif ukoll l-Artikolu 3(11) tad-Digriet-Liġi Nru 185 u l-Kodiċi ta’ trasport, ta’ dispaċċ, ta’ żvilupp u ta’ sigurtà tan-netwerk (Codice di trasmissione, dispacciamento, sviluppo e sicurezza della rete), jippreċiżaw il-kundizzjonijiet u l-kriterji li abbażi tagħhom Terna tikkwalifika bħala essenzjali stallazzjoni jew grupp ta’ stallazzjonijiet. L-Artikolu 63 tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, jipprevedi wkoll li Terna tistabbilixxi u tippubblika kull sena lista li telenka l-imsemmija stallazzjonijiet. Kif jirriżulta mill-proċess, dawk il-kriterji huma diskussi fir-rapport tekniku li jispjega l-kontenut tad-Deċiżjoni Nru 52/09 u ddettalljati fil-Kaptilu 4 tal-imsemmi kodiċi.

83      B’mod partikolari, il-paragrafu 9 ta’ dak l-Artikolu 63 jipprevedi li Terna hija obbligata li tittrażmetti lill-AEEG u lill-utenti tad-dispaċċ, fir-rigward tal-istallazzjonijiet essenzjali li huma jkollhom, fl-ewwel lok, rapport li jindika r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni ta’ dak il-grupp fil-lista, fit-tieni lok, il-perijodi tas-sena u ċ-ċirkustanzi li fihom Terna tipprevedi li kull waħda minn dawk l-istallazzjonijiet ser tkun indispensabbli għas-sigurtà tan-netwerk, billi tippreċiża liema huma dawk l-istallazzjonijiet, fit-tielet lok, il-parametri prinċipali ta’ funzjonament previsti u l-perijodi kkonċernati tas-sena ta’ wara li matulhom għandhom jitwettqu l-imsemmija parametri skont il-previżjonijiet mwettqa minn Terna u, fir-raba’ lok, stima tal-użu probabbli tal-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni u tal-istallazzjonijiet l-oħra kollha li jifformaw parti minn grupp f’perijodi li matulhom dawn tal-aħħar jistgħu jkunu indispensabbli sabiex jiżguraw il-ġestjoni sigura tan-netwerk tal-elettriku, ikkalkolata kemm jista’ jkun b’mod separat għal kull wieħed mill-parametri previsti.

84      Abbażi ta’ dik id-data, l-utent tad-dispaċċ għandu jikkomunika lil Terna, mill-inqas tnax-il siegħa qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti fuq is-SJQ, liema minn dawk l-unitajiet li jappartjenu għall-istallazzjonijiet essenzjali sabiex jissolvew konġestjonijiet ser jiffunzjonaw sabiex jiġu eżegwiti l-obbligi tal-offerta.

85      Barra minn hekk, l-obbligi li huma suġġetti għalihom l-utenti tad-dispaċċ huma stabbiliti fl-Artikoli 63(7) u 64(1) sa (10) tal-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 111/06, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 52/09, li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom l-offerti jistgħu jiġu ppreżentati.

86      Is-sistema ta’ stallazzjonijiet essenzjali ma għandhiex in-natura diskriminatorja li tallega Enel. Fil-fatt dik is-sistema tapplika mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-operaturi li, matul perijodu stabbilit, ikollhom stallazzjoni waħda jew iktar li, skont kriterji tekniċi oġġettivi, jistgħu jkunu essenzjali sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tal-elettriku tas-servizzi ta’ dispaċċ.

87      Fir-rigward tal-eżiġenza li d-dispaċċ għandu jsir billi jittieħed kont tal-prijorità ekonomika tal-elettriku, mill-proċess ma jirriżultax li l-offerti tal-bejgħ ippreżentati fuq is-SJQ u fuq is-SIJ ma humiex magħżula minn qabel minn Terna abbażi ta’ kriterju msejjaħ “ta’ mertu ekonomiku”, billi tibda mill-offerta l-iktar baxxa u tipproċedi b’ordni li jikber.

88      Finalment, fir-rigward tal-eżiġenza li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tkun verifikabbli, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni Nru 52/09 hija deċiżjoni amminstrattiva li, bħala tali, tidher li tista’ tiġi kkontestata permezz tal-qrati, u dan kif indikat Terna fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija li saritilha waqt is-seduta. F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi rrilevat li huwa rikors kontra dik id-deċiżjoni li wassal għall-kawża prinċipali.

89      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposa li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li d-Direttiva 2003/54, u b’mod partikolari l-Artikoli 3(2) u u 11(2) u (6) ta’ din tal-aħħar, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tat-tnaqqis tal-prezz tal-elettriku fl-interess tal-konsumatur finali u tas-sigurtà tan-netwerk tal-elettriku, timponi fuq l-operaturi li jkollhom stallazzjonijiet jew gruppi ta’ stallazzjonijiet ikkunsidrati, skont kriterji ddefiniti mill-awtorità regolatorja nazzjonali, bħala essenzjali sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tat-talba tal-elettriku tas-servizzi tad-dispaċċ, l-obbligu li jippreżentaw offerti fuq is-swieq nazzjonali tal-elettriku skont kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel minn dik l-awtorità, sakemm tali leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-obbjettiv segwit minnha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, ġietx sodisfatta dik il-kundizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

90      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE, u b’mod partikolari l-Artikoli 3(2) u 11(2) u (6) ta’ din tal-aħħar, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tat-tnaqqis tal-prezz tal-elettriku fl-interess tal-konsumatur finali u tas-sigurtà tan-netwerk tal-elettriku, timponi fuq l-operaturi li jkollhom stallazzjonijiet jew gruppi ta’ stallazzjonijiet ikkunsidrati, skont kriterji definiti mill-awtorità regolatorja nazzjonali, bħala essenzjali sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tat-talba tal-elettriku tas-servizzi tad-dispaċċ, l-obbligu li jippreżentaw offerti fuq is-swieq nazzjonali tal-elettriku skont kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel minn dik l-awtorità, sakemm tali leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-obbjettiv segwit minnha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, ġietx sodisfatta dik il-kundizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.