Kawża C-225/10
Juan Pérez García et
vs
Familienkasse Nürnberg
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sozialgericht Nürnberg)
“Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 77 u 78 — Persuni li jirċievu pensjoni skont il-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri — Ulied b’diżabbiltà — Benefiċċji tal-familja għal wild dipendenti — Dritt għall-benefiċċji fl-Istat Membru fejn twettqet attività professjonali — Eżistenza ta’ dritt għall-benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza — Assenza ta’ talba — Għażla ta’ ħlas ta’ benefiċċju għal invalidità inkompatibbli mal-benefiċċji għal wild dipendenti — Kunċett ta’ ‘benefiċċju għal wild dipendenti’ — Żamma tad-drittijiet miksuba fl-Istat Membru fejn twettqet attività professjonali”
Sommarju tas-sentenza
Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Benefiċċji tal-familja — Persuni li jirċievu pensjoni skont il-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri — Benefiċċji għall-ulied dipendenti u benefiċċji tal-orfni ta’ persuni li jirċievu pensjoni — Ulied b’diżabbiltà
(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, Artikoli 77(2)(b)(i) u 78(2)(b)(i))
L-Artikoli 77(2)(b)(i) u 78(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat u aġġornat bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir‑Regolament Nru 1992/2006, għandhom jiġu interpretati fis‑sens li l-persuni intitolati għal pensjoni tax-xjuħija u/jew ta’ invalidità, jew l-orfni ta’ ħaddiem li miet, li kienu suġġetti għal‑leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri, iżda li d-drittijiet għal pensjoni kif ukoll tal-orfni tagħhom huma bbażati biss fuq il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn twettqet attività professjonali, għandhom id-dritt li jitolbu lill‑awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat l-ammont sħiħ tal-allowances tal-familja previsti minn din il-leġiżlazzjoni għall-ulied b’diżabbiltà, anki jekk dawn ma jkunux talbu fl-Istat Membru ta’ residenza sabiex jibbenefikaw minn allowances simili ta’ ammont ogħla previsti mil‑leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat, minħabba li huma għażlu l-għoti ta’ benefiċċju ieħor għall-persuni b’diżabbiltà li huwa inkompatibbli ma’ dawn, billi d-dritt għall-allowances tal-familja fl-Istat Membru fejn twettqet attività professjonali kien miksub biss taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan tal‑aħħar. Dan huwa wkoll il-każ fejn, taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, il-persuni kkonċernati ma jistgħux jagħżlu l-ħlas tal‑allowances tal-familja f’dan l-Istat.
(ara l-punti 57, 59 u d-dispożittiv 1, 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
20 ta’ Ottubru 2011 (*)
“Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikoli 77 u 78 – Persuni li jirċievu pensjoni skont il-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri – Ulied b’diżabbiltà – Benefiċċji tal-familja għal wild dipendenti – Dritt għall-benefiċċji fl-Istat Membru fejn twettqet attività professjonali – Eżistenza ta’ dritt għall-benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza – Assenza ta’ talba – Għażla ta’ ħlas ta’ benefiċċju għal invalidità inkompatibbli mal-benefiċċji għal wild dipendenti – Kunċett ta’ ‘benefiċċju għal wild dipendenti’ – Żamma tad-drittijiet miksuba fl-Istat Membru fejn twettqet attività professjonali”
Fil-Kawża C-225/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sozialgericht Nürnberg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura
Juan Pérez García,
José Arias Neira,
Fernando Barrera Castro,
Dolores Verdún Espinosa, bħala s-suċċessur ta’ José Bernal Fernández,
vs
Familienkasse Nürnberg,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ April 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal F. Barrera Castro, minn A. González Maeztu, kap ta’ taqsima fil‑konsulat ta’ Spanja fi Frankfurt am Main,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn N. Graf Vitzthum, bħala aġent,
– għall-Gvern Spanjol, minn B. Plaza Cruz u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Ġunju 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 77 u 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l‑applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 392, p. 1, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1408/71”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ erba’ kawżi bejn J. Pérez García, J. Arias Neira u F. Barrera Castro kif ukoll D. Verdún Espinosa, bħala s-suċċessur ta’ J. Bernal Fernández, u l-Familienkasse Nürnberg (fond tal-benefiċċji tal-familja ta’ Nuremberg) minħabba li dan tal-aħħar irrifjuta li jagħtihom il-benefiċċju tal-allowance għal wild dipendenti għall-ulied adulti tagħhom li għandhom diżabbiltà.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 L-Artikolu 1(u) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar:
“i) it-terminu benefiċċju tal-familja jfisser il-benefiċċji kollha in natura u fi flus intenzjonati li jlaħħqu ma’ l-ispejjeż tal-familja taħt il-leġislazzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 4(1)(h), li teskludi l-kumpensi [allowances] speċjali tat-twelid jew adozzjoni tat-tfal irreferuti fl-Anness II;
ii) kumpensi [allowances] tal-familja jfissru l-benefiċċji perjodiċi fi flus mogħtija esklussivament b’riferenza għan-numru u, fejn meħtieġ, bl-età tal-membri tal-familja”.
4 Taħt l-Artikolu 4(1)(h) ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar japplika “għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali […] benefiċċji tal-familja”.
5 Skont l-Artikolu 10a(1) tar-Regolament Nru 1408/71, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III ta’ dan ma japplikax għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji, il-persuni li għalihom japplika dan ir-regolament jibbenefikaw minn dawn il-benefiċċji esklużivament fit-territorju tal-Istat Membru li fih huma residenti u taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, sakemm dawn il-benefiċċji jkunu mniżżla fl-Anness IIa.
6 L-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Benefiċċji speċjali mhux kontributorji fi flus” jinkludi fit-Taqsima “H. Spanja”, l-informazzjoni li ġejja:
“a) Qligħ minimu garantit [Liġi 13/1982 dwar l-integrazzjoni soċjali tal-persuni b’diżabbiltà (Ley 13/1982 de Integración Social de los Minusválidos), tas-7 ta’ April 1982 (BOE Nru 103, tat-30 ta’ April 1982, p. 11106)];
[…]
c) Pensjoni ta’ invalidità jew tax-xjuħija, tat-tip mhux kontributorja, imsemmija fl-Artikolu 38(1) tad-[Digriet Leġiżlattiv 1/1994 dwar leġiżlazzjoni ġenerali tas-sigurtà soċjali (Real Decreto Legislativo 1/1994 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General de Seguridad Social), tal-20 ta’ Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad-29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658)].
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 Hekk kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, it-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71 jirrigwarda dispożizzjonijiet partikolari għal diversi kategoriji ta’ benefiċċji.
8 Fil-Kapitolu 7, intitolat “Benefiċċji tal-familja”, ta’ dan it-Titolu III, jinsab l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, li huwa stess huwa intitolat “Regoli jew prijorità fil-każijiet ta’ intitolamenti sovrapposti (overlapping) għall-benefiċċji tal-familja taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti u taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja”, li huwa fformulat kif ġej:
“1. 1. Fejn, matul l-istess perjodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t-twettiq ta' okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-familja tabita, l-intitolament tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l-ammont ipprovdut fil-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.
2. Jekk applikazzjoni għall-benefiċċji ma ssirx fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabitaw il-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru l-ieħor tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 bħallikieku l-benefiċċji jkunu ngħataw fl-ewwel Stat Membru.”
9 Taħt l-istess Titolu III, il-Kapitolu 8 ta’ dan, intitolat “Benefiċċji għall-ulied dipendenti ta’ pensjonanti u għall-iltiema”, jinkludi l-Artikolu 77 li huwa fformulat kif ġej:
“1. It-terminu “benefiċċji”, għall-iskopijiet ta’ dan L-Artikolu, ikun ifisser l-allowances tal-familja għall-persuni li jirċievu pensjonijiet tax-xjuħija, invalidità jew inċident fuq ix-xogħol inkella mard okkupazzjonali, u żidiet jew supplimenti għal tali pensjonijiet fejn jidħlu l-ulied ta’ tali pensjonanti, bl-eċċezzjoni tas-supplimenti mogħtija taħt skemi ta’ assigurazzjoni għal inċidenti fuq ix-xogħol jew mard okkupazzjonali.
2. Benefiċċji jingħataw skond ir-regoli segwenti, irrispettivament mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-pensjonant jew uliedu qegħdin jabitaw:
a) għall-pensjonant li jiġbed pensjoni taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss, skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru responsabbli għall-pensjoni;
b) għall-pensjonant li jiġbed pensjoni taħt leġislazzjoni ta’ iktar minn Stat Membru wieħed:
i) skond il-leġislazzjoni ta’ liema jkun minn dawn l-Istati li fihom jabita basta, li jittieħdu inkonsiderazzjoni, fejn suppost, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 79(1)(a), jinkiseb dritt ta’ wieħed mill-benefiċċji li għalihom hemm riferenza fil-paragrafu 1 ikun taħt il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat;
[…]”
10 F’dan il-Kapitolu 8 jinsab ukoll l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “L-iltiema”, li jiddisponi:
“1. It-terminu “benefiċċji”, għall-iskopijiet ta’ dan l-Artiklu, jfisser l-allowances tal-familja u, fejn xieraq, l-allowances supplimentari jew speċjali għall-iltiema u l‑pensjonijiet ta’ l-iltiema għajr dawk mogħtija taħt l-iskemi ta’ assigurazzjoni għall-inċidenti fuq ix-xogħol u l-mard okkupazzjonali.
2. Il-benefiċċji ta’ l-iltiema jingħataw skond ir-regoli segwenti, irrispettivament mill-Istat Membru fit-territorju ta’ liema l-iltim, jew il-persuna naturali jew legali li attwalment tmantnih tabita:
a) għall-iltim ta’ persuna mejta li kienet impjegata jew taħdem għal rasha li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss skond il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat;
b) għall-iltim ta’ persuna mejta li kienet impjegata jew taħdem għal rasha li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ diversi Stati Membri:
i) skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-iltim jabita basta li, waqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni, fejn meħtieġ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 79(1)(a), ikun akkwistat dritt għal wieħed mill-benefiċċji li għalihom hemm riferenza fil-paragrafu 1 taħt il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat;
[…]”
11 Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 “[l]-Istati Membri jispeċifikaw […] l-benefiċċji li għalihom hemm riferenza fl-Artikoli 77 u 78 fid-dikjarazzjonijiet li għandhom ikunu notifikati u ppubblikati […]”.
12 Fid-dikjarazzjoni tagħha magħmula skont l-Artikolu 5 (ĠU 2003, C 210, p. 1), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat li l-allowances għall-ulied imħallsa għall-ulied ta’ persuni intitolati għal pensjoni taħt il-liġi fuq l-allowances għall-ulied dipendenti (Bundeskindergeldgesetz, iktar ’il quddiem il-“BKGG”), jikkostitwixxu allowances tal-familja msemmija mill-Artikoli 77 u 78 tar-Regolament Nru 1408/71.
13 Fid-dikjarazzjoni tiegħu magħmula bl-istess mod (ĠU 2005, C 79, p. 9), ir-Renju ta’ Spanja indika li jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet il-benefiċċji tal-familja u benefiċċji għall-orfni previsti taħt id-Digriet Leġiżlattiv 1/1994.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża
14 Il-BKGG, fil-verżjoni tiegħu ppubblikat fit-28 ta’ Jannar 2009 (BGBl. 2009 I, p. 142), jagħti lill-persuni intitolati biex jieħdu pensjoni dritt għall-allowances għal wild dipendenti sakemm jilħqu l-età ta’ 18-il sena jew, taħt ċerti kundizzjonijiet, ta’ 25 sena (iktar ’il quddiem il-“benefiċċju Ġermaniż għall-ulied dipendenti”). Għall-ulied b’diżabbiltà li ma jkunux jistgħu jagħqdu l-bżonnijiet tagħhom stess, il-BKGG jipprovdi li din l-allowance titħallas mingħajr ebda limitu ta’ età jekk id-diżabbiltà tinstab qabel l-età ta’ 25 sena. L-ammont tal-allowance jiddependi min-numru ta’ wlied dipendenti.
Il-leġiżlazzjoni Spanjola
15 Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ulied b’diżabbiltà ta’ 18-il sena jistgħu jitolbu l-benefiċċju ta’ pensjoni ta’ invalidità mhux kontributorja fil-forma ta’ għajnuna speċjali taħt il-Liġi 13/1982 (iktar ’il quddiem il-“benefiċċju Spanjol mhux kontributorju għall-persuni b’diżabbiltà”).
16 Barra minn hekk, id-Digriet Leġiżlattiv 1/1994 jipprovdi għall-ħlas lill-persuni intitolati biex jieħdu pensjoni li jgħixu fit-territorju nazzjonali ta’ allowance għal kull wild dipendenti residenti f’dak l-istess territorju li ma jkunx laħaq l-età ta’ 18-il sena meta d-dħul tal-familja ma jaqbiżx ċertu limitu u l-ebda ġenitur ma huwa intitolat għal benefiċċji simili taħt xi sistema pubblika ta’ protezzjoni soċjali (iktar ’il quddiem il-“benefiċċju Spanjol għall-ulied dipendenti”). Dan il-benefiċċju jitħallas sal-mewt għal kull wild b’diżabbiltà li jkollu rata ta’ invalidità ta’ 65 % jew iktar, irrispettivament mill-età u mingħajr limitu fuq id-dħul. Rata ta’ invalidità ugwali jew ogħla, rispettivament, 33 % sa 65 % u sa 75 %, jirriżultaw f’żieda korrispondenti għall-ammont bażiku tal-benefiċċju. Madankollu, fil-każ ta’ wild b’diżabbiltà, dan il-benefiċċju ma jingħatax jekk dan jibbenefika minn benefiċċju simili taħt xi skema pubblika oħra ta’ sigurtà soċjali, ta’ “għajnuna speċjali” mogħtija taħt il-Liġi 13/1982 jew “pensjoni ta’ invalidità li ma hijiex kontributorja”, f’dan ir-rigward il-persuna kkonċernata jkollha tagħżel waħda minn fost dawn il-benefiċċji ddikjarati inkompatibbli.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
17 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li J. Pérez García, J. Arias Neira, F. Barrera Castro u J. Bernal Fernández, b’dan tal-aħħar li madankollu miet matul il-proċeduri fil-kawża prinċipali, huma ċittadini Spanjoli residenti fi Spanja li ħadmu fil-Ġermanja bħala ħaddiema migranti. Bħala tali, kull wieħed minnhom huwa jew kien intitolat għal pensjoni u/jew pensjoni ta’ diżabbiltà kemm fi Spanja u fil-Ġermanja, b’dan l-aħħar Stat Membru jagħtihom dritt għal pensjoni “interna” biss fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż. Barra minn hekk, billi kull wieħed minnhom huwa jew kien missier wild b’diżabbiltà ta’ iktar minn 18-il sena. Minħabba fid-diżabbiltà ta’ wliedhom, huwa mħallas fi Spanja, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, benefiċċju Spanjol għal diżabbiltà mhux kontributorju previst bil-Liġi 13/1982, iżda mhux il-benefiċċju Spanjol għall-ulied dipendenti taħt id-Digriet Leġiżlattiv 1/1994.
18 Bid-deċiżjonijiet adottati bejn ix-xahar ta’ Novembru 2007 u Ġunju 2008, il-Familienkasse Nürnberg, skont il-każ, irrifjutat jew irrevokat il-ħlas lill J. Pérez García, J. Arias Neira, F. Barrera Castro u J. Fernández Bernal tal-benefiċċju Ġermaniż għall-ulied dipendenti, essenzjalment fuq il-bażi li huma intitolati għall-benefiċċji tal-familja fi Spanja ta’ ammont ogħla mill-benefiċċju li jikkorrispondi magħhom fil-Ġermanja u għalhekk fi kwalunkwe ħin setgħu jitolbu għal dan il-benefiċċju. Il-fattur determinanti f’dan ir-rigward kien li l-benefiċċji tal-familja Spanjoli huma dovuti anki jekk il-wild b’diżabbiltà ma jistax, f’dan il-każ, jirċievi l-benefiċċju Spanjol mhux kontributorju għall-persuni b’diżabbiltà.
19 Billi l-ilment tagħhom kontra dawn id-deċiżjonijiet ġie miċħud fl-20 ta’ Novembru 2008, J. Pérez García, J. Arias Neira, F. Barrera Castro u J. Bernal Fernández, kull wieħed minnhom, għal dak li jirrigwarda lilu nnsiffsu, ippreżenta rikors quddiem is-Sozialgericht Nürnberg sabiex jikseb il-ħlas tal-benefiċċju Ġermaniż għall-ulied dipendenti. Billi J. Bernal Fernández miet fl-20 ta’ April 2009, l-armla tiegħu, D. Verdun Espinosa, kompliet il-kawża fil-kapaċità tagħha bħala s-suċċessur ta’ dan.
20 Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, din il-qorti kkunsidrat li fil-kawżi kollha inkwistjoni quddiemha, id-dritt għall-benefiċċji Spanjoli għall-ulied dipendenti kien “miksub” fis-sens tal-Artikoli 77(2)(b)(i) u 78(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, billi l-kundizzjonijiet legali għall-għoti ta’ tali benefiċċji huma sodisfatti. Għaldaqstant, billi d-dritt għal dawn il-benefiċċji kien biss eskluż minħabba li l-ġenituri tal-ulied b’diżabbiltà għamlu użu minn possibbiltà ta’ għażla miftuħa bil-liġi Spanjola, dik il-qorti aktarx taħseb li l-ħlas tal-benefiċċju Spanjol mhux kontributorju għall-persuni b’diżabbiltà jipprojbixxi lill-persuni kkonċernati li jitolbu l-benefiċċju Ġermaniż għall-ulied dipendenti mingħand l-Istat Membru li, billi ma huwiex dak tar-residenza, jintervjeni biss sussidjarjament b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fuq imsemmija.
21 Skont il-qorti tar-rinviju, ma hemm l-ebda ksur tal-moviment liberu tal-ħaddiema migranti. Fil-fatt, meta persuna intitolata għal pensjoni Spanjola u għal pensjoni Ġermaniża tibdel ir-residenza tagħha mill-Ġermanja lejn Spanja, ċertament din titlef il-prijorità għall-benefiċċju Ġermaniż għall-ulied dipendenti li l-Artikolu 77(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 jagħtiha taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dak li kien l-Istat Membru ta’ residenza, iżda permezz ta’ din l-istess dispożizzjoni tikseb, prijorità għall-benefiċċji għall-ulied dipendenti, li huma ogħla, fl-Istat Membru ta’ residenza l-ġdid. Ikun l-istess fil-kuntest tal-Artikolu 78(2)(b)(i) tal-imsemmi regolament.
22 Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, madankollu, li dritt għall-benefiċċju Ġermaniż għall-ulied dipendenti jista’ jiġi rikonoxxut fl-ammont ugwali għad-differenza bejn il-benefiċċji kkonċernati meta l-wild b’diżabbiltà li jirċievi benefiċċju Spanjol mhux kontributorju għall-persuni b’diżabbiltà ma jkunx jew ma jkunx iktar ikkunsidrat bħala dipendenti fi Spanja. Dan, pereżempju, huwa l-każ fejn il-wild b’diżabbiltà jirrinunzja b’mod permanenti li jgħix flimkien mal-ġenituri tiegħu sabiex jgħix fid-dar tiegħu stess jew fi komunità għal skopijiet terapewtiċi. Fil-fatt, f’dan il-każ, kull possibbiltà ta’ għażla bejn il-benefiċċju Spanjol għall-ulied dipendenti u l-benefiċċju Spanjol mhux kontributorju għall-persuni b’diżabbiltà jiġi eskluż.
23 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sozialgericht Nürnberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 77(2)(b)(i) tar-Regolament […] Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fis-sitwazzjonijiet fejn l-Istat ta’ residenza jipprovdi benefiċċju ogħla paragunabbli li, iżda, jiddikjarah inkompatibbli ma’ benefiċċju ieħor li ntgħażel mill-persuna kkonċernata, abbażi tal-għażla offruta lilha, l-Istat ta’ impjieg preċedenti mhuwiex marbut li jagħti benefiċċji tal-familja lill-benefiċjarji ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija, ta’ pensjoni ta’ invalidità, ta’ pensjoni ta’ aċċident fuq il-post tax-xogħol jew ta’ pensjoni għal mard ikkaġunat mix-xogħol, fil-każ fejn dawn jirċievu tali benefiċċji abbażi tal-leġiżlazzjonijiet ta’ diversi Stati Membri (benefiċjarji ta’ żewġ benefiċċji jew iktar) u li d-dritt għal pensjoni tagħhom huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Istat ta’ impjieg preċedenti (dritt għal pensjoni nazzjonali)?
2) L-Artikolu 78(2)(b)(i) tar-Regolament […] Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat ta’ impjieg preċedenti mhuwiex marbut jagħti benefiċċji tal-familja lill-orfni ta’ impjegat jew ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu li miet u li kien suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stat Membri u li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet tal-Istat ta’ impjieg preċedenti jagħtu dritt għal benefiċċju ta’ orfni fittizju (dritt għal benefiċċju nazzjonali potenzjali), fis-sitwazzjonijiet fejn l-Istat ta’ residenza jipprovdi benefiċċju ogħla paragunabbli, iżda li jiddikjarah inkompatibbli ma’ benefiċċju ieħor li ntagħżel mill-persuna kkonċernata abbażi tal-għażla offruta lilha?
3) Dan japplika wkoll għall-benefiċċju li jirriżulta mill-Artikolu 77 jew mill-Artikolu 78 tar-Regolament […] Nru 1408/71, liema benefiċċju huwa fil-prinċipju previst fl-Istat ta’ residenza tal-ulied, iżda li ma hemmx il-possibbiltà ta’ għażla fir-rigward tiegħu?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel żewġ domandi
24 Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 77(2)(b)(i) u 78(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuni intitolati għal pensjoni tax-xjuħija u/jew ta’ invalidità, jew l-orfni ta’ ħaddiem li miet, li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri, iżda li d-drittijiet għal pensjoni kif ukoll ta’ orfni huma bbażati biss fuq il-leġiżlazzjoni ta’ dak li kien l-Istat Membru ta’ impjieg, huma intitolati li jitolbu mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat l-allowances tal-familja pprovduti minn din il-leġiżlazzjoni għat-tfal b’diżabbiltà, anki jekk dawn ma jkunux talbu, fl-Istat Membru ta’ residenza, sabiex jirċievu benefiċċji komparabbli ta’ ammont ogħla taħt il-liġi ta’ dan l-aħħar Stat, minħabba l-fatt li huma għażlu l-għoti ta’ benefiċċju ieħor għall-persuni b’diżabbiltà li huwa inkompatibbli magħhom.
25 Dawn id-domandi ġew magħmula fil-kuntest tal-kawżi fejn, hekk kif intqal fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, il-persuni intitolati għal pensjonijiet inkwistjoni kif ukoll l-orfni ikkonċernati (iktar ’il quddiem il-“persuni kkonċernati”) għażlu li jingħataw mingħand l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istat Membru tagħhom ta’ residenza, benefiċċju mhux kontributorju għall-persuni b’diżabbiltà, li l-ħlas tiegħu jeskludi, skont ir-regoli tal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat, il-benefiċċji pprovduti għall-ulied dipendenti, inklużi dawk meta dawn għandhom diżabbiltà.
26 F’ċirkustanzi bħal dawn, l-istituzzjonijiet kompetenti ta’ dak li kien l-Istat Membru ta’ impjieg jikkunsidraw li jirriżulta mill-Artikoli 77(2)(b)(i) u 78(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 li biss l-Istat Membru ta’ residenza huwa obbligat li jagħti allowances tal-familja lil dawk ikkonċernati, sa fejn, skont dawn id-dispożizzjonijiet, dritt għal tali allowances huwa “miksub” skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, il-kundizzjonijiet kollha legali għall-għoti ta’ dawn il-allowances jiġu sodisfatti, anki jekk il-partijiet ikkonċernati jkunu għażlu li ma jibbenefikawx minnhom.
27 Fil-waqt li l-Gvern Spanjol jippreċiża, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-benefiċċju Spanjol mhux kontributorju għall-persuni b’diżabbiltà msemmi mid-deċiżjoni tar-rinviju ma huwiex previst mil-Liġi 13/1982, iżda mid-Digriet Leġiżlattiv 1/1994, dan il-gvern jammetti li din il-kjarifika ma taffettwax ir-rilevanza tad-domandi magħmula peress li, f’kull każ, tkun xi tkun in-natura tal-benefiċċju magħżul mill-partijiet ikkonċernati fi Spanja, kull wieħed minnhom huwa, kif indikat fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, inkompatibbli mal-benefiċċju Spanjol għall-ulied dipendenti previst permezz tad-digriet leġiżlattiv għall-ulied b’diżabbilità.
28 L-ewwel nett, f’dan il-każ għandu jiġi vverifikat jekk, hekk kif misjub mill-qorti tar-rinviju, mill-inqas wieħed mill-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta mill-Artikoli 77 u 78 tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, jekk dan ma kienx il-każ, id-domandi preliminari magħmula minn din il-qorti dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikunu nieqsa minn kull rilevanza.
Dwar il-benefiċċji taħt l-Artikoli 77 u 78 tar-Regolament Nru 1408/71
29 Skont l-Artikoli 77(1) u 78(1) tar-Regolament Nru 1408/71, il-“benefiċċji” msemmija fih huma l-“allowances tal-familja” u, fejn xieraq, fir-rigward tal-orfni, allowances addizzjonali jew speċjali previsti minnhom.
30 Madankollu, skont l-Artikolu 1(u)(ii) ta’ dan ir-regolament, il-kliem “kumpensi [allowances] tal-familja” ifissru, għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, il-benefiċċji perjodiċi fi flus mogħtija esklużivament b’referenza għan-numru u, fejn meħtieġ, l-età tal-membri tal-familja.
31 Minn dan jirriżulta li l-“kumpensi [allowances] tal-familja” li l-imsemmija Artikoli 77 u 78 jipprovdu għall-ħlas huma l-uniċi benefiċċji li jissodisfaw din id-definizzjoni, bl-esklużjoni ta’ kull benefiċċju tal-familja ieħor għall-ulied dipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Lenoir, 313/86, Ġabra p. 5391, punti 10 u 11; tal-20 ta’ Marzu 2001, Fahmi u Esmoris Cerdeiro‑Pinedo Amado, C‑33/99, Ġabra p. I‑2415, punti 33 sa 35, kif ukoll tal-31 ta’ Mejju 2001, Leclere u Deaconescu, C‑43/99, Ġabra p. I‑4265, punti 41 u 42).
32 F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jingħad li l-benefiċċju Spanjol mhux kontributorju għall-persuni b’diżabbiltà li għażlu l-persuni kkonċernati fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, li jikkonsisti fi “pensjoni ta’ invalidità mhux kontributorja” skont id-Digriet Leġiżlattiv 1/1994 jew “għajnuna speċjali” skont il-Liġi 13/1982, fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, li jistabbilixxi, fit-Taqsima H, il-benefiċċji speċjali mhux kontributorji Spanjoli li huma esklużi, taħt l-Artikolu 10a ta’ dan l-istess regolament, tat-Titolu III tiegħu. Ma huwiex ikkontestat li dan il-benefiċċju jikkostitwixxi benefiċċju speċjali mhux kontributorju. Konsegwentement, dan il-benefiċċju ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “allowances tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 1(u)(ii) ta’ dan ir-regolament u ma jikkostitwixxix “benefiċċju” skont l-Artikoli 77 u 78 ta’ dan tal-aħħar.
33 Barra minn hekk, lanqas ma huwa kkontestat li l-benefiċċju Ġermaniż għall-ulied dipendenti previst f’dak li kien l-Istat Membri ta’ impjieg tal-ħaddiema kkonċernati favur ulied b’diżabbilità, li huwa msemmi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fid-dikjarazzjoni tiegħu magħmula taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 bħala wieħed mill-benefiċċji taħt l-Artikoli 77 u 78 ta’ dan ir-regolament, jikkostitwixxi, min-naħa tiegħu, benefiċċju taħt il-“kumpensi [allowances] tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 1(u)(ii).
34 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea, essenzjalment bħal F. Barrera Castro, issostni li, kuntrarjament għal dak li tindika l-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, il-benefiċċju Spanjol għall-ulied dipendenti mħallsa lill-ġenituri ta’ ulied b’diżabbiltà taħt id-Digriet Leġiżlattiv 1/1994 ma jaqax taħt l-Artikoli 77 u 78. Fil-fatt, dan il-benefiċċju ma jistax jiġi kkunsidrat li għandu jingħata biss skont in-numru u, fejn applikabbli, l-età tal-membri tal-familja, billi kriterji addizzjonali jew ta’ natura differenti huma wkoll determinanti, jiġifieri d-diżabbiltà u l-grad jew is-severità ta’ dan. Din l-analiżi hija kkonfermata mill-inkompatibbiltà ta’ dan il-benefiċċju ma’ dak ipprovdut mil-Liġi 13/1982. Fil-fatt, tali inkompatibbiltà interna ma tistax tiġi spjegata ħlief jekk il-leġiżlatur Spanjol jikkunsidra li dawn iż-żewġ benefiċċji huma simili jew għall-inqas għandhom l-istess għan.
35 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li fid-dikjarazzjoni tiegħu magħmula skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71, ir-Renju ta’ Spanja indika espliċitament li l-benefiċċju Spanjol għall-ulied dipendenti kif ukoll il-benefiċċji għall-orfni taħt id-Digriet Leġiżlattiv 1/1994 jikkostitwixxu benefiċċji rispettivament inklużi mill-Artikoli 77 u 78 ta’ dan ir-regolament.
36 Madankollu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, jekk il-fatt li ċerti benefiċċji għall-ulied dipendenti ta’ persuni intitolati għal pensjoni mogħtija taħt liġi jew leġiżlazzjoni nazzjonali ma ġewx imsemmija fid-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71, din minnha nfisha, ma tistabbilixxix li dawn il-benefiċċji ma jkunux benefiċċji taħt l-Artikoli 77 u 78 ta’ dan ir-regolament, madankollu, huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat li meta dawn il-benefiċċji kienu msemmija f’din id-dikjarazzjoni, kienu jikkostitwixxu benefiċċji msemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, Athanasopoulos et, C‑251/89, Ġabra p. I‑2797, punt 28).
37 Minn dan jirriżulta li, bħal fil-każ tal-benefiċċju Ġermaniż għall-ulied dipendenti previst f’dak li kien l-Istat Membri ta’ impjieg tal-persuni kkonċernati, il-benefiċċju Spanjol għall-ulied dipendenti previst taħt id-Digriet Leġiżlattiv 1/1994 fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jikkostitwixxi benefiċċju taħt il-“kumpensi [allowances] tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 1(u)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 u, għalhekk, benefiċċju taħt l-Artikoli 77 u 78 ta’ dan ir-regolament.
38 F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa xieraq, hekk kif meħtieġ mill-qorti tar-rinviju, li teżamina jekk l-istituzzjonijiet kompetenti ta’ dak li kien l-Istat Membru ta’ impjieg humiex intitolati li jirrifjutaw il-ħlas ta’ allowances tal-familja lil dawn li huma intitolati taħt biss il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, billi, taħt l-Artikoli 77(2)(b)(i) u 78(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa l-Istat Membru ta’ residenza l-ġdid tagħhom li issa huwa unikament responsabbli għall-ħlas ta’ dawn l-allowances, sakemm dawk involuti jkunu ħallew dak li kien l-Istat Membru ta’ impjieg sabiex jirritornaw fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.
Fuq l-Istat Membru responsabbli għall-ħlas ta’ allowances tal-familja
39 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikoli 77(2)(b)(i) u 78(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, meta l-persuna intitolata għal pensjonijiet jew il-ħaddiem li miet kien suġġett għall-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri, l-allowances tal-familja jingħataw skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jirrisjedi l-pensjonant jew l-orfni tal-ħaddiem mejjet. L-Istat Membru tar-residenza huwa għalhekk magħżul permezz tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 bħala l-uniku kompetenti sabiex jagħti l-allowances tal-familja inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 1997, Bastos Moriana et, C‑59/95, Ġabra p. I‑1071, punti 15 u 18).
40 Madankollu, skont l-istess kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, huwa biss meta dritt għall-allowances tal-familja jkun “miksub” skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza li dan huwa kkunsidrat mir-Regolament Nru 1408/71 bħala l-Istat kompetenti.
41 L-evalwazzjoni ta’ din l-aħħar kundizzjoni, li hija kwistjoni ta’ dritt intern, tirriżulta mill-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (ara s-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Martínez Domínguez et, C‑471/99, Ġabra p. I‑7835, punt‑25).
42 Madankollu, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għandha l-għan li jiġi stabbilit eżatt l-iskop tat-terminu “miksub” fis-sens tal-Artikoli 77(2)(b)(i) u 78(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71. Hija tfittex, fil-fatt, jekk id-dritt għall-allowances tal-familja pprovduti fl-Istat Membru ta’ residenza jistgħu jiġu kkunsidrati “miksuba” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta dan id-dritt huwa biss eskluż minħabba l-għażla tal-persuni kkonċernati li jingħataw benefiċċju ieħor li huwa inkompatibbli ma’ dawk tal-allowances tal-familja, b’dawn ikunu għamlu għażla f’dan ir-rigward skont id-dritt nazzjonali. Tali kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ regola ta’ dritt tal-Unjoni hija b’mod ċar il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.
43 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex l-allowances tal-familja jistgħu jitqiesu bħala li huma “miksuba” skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, il-liġi ta’ dan l-Istat Membru trid tirrikonoxxi d-dritt għall-ħlas ta’ benefiċċji favur membru tal-familja li jaħdem f’dan l-Istat, għalhekk dawn il-benefiċċji huma dovuti skont din il-leġiżlazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-20 ta’ April 1978, Ragazzoni, 134/77, Ġabra p. 963, punt 8, u tat-13 ta’ Novembru 1984, Salzano, 191/83, Ġabra p. 3741, punt 7).
44 Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali dritt jirrikjedi li l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha, kemm ta’ forma kif ukoll ta’ sustanza, imposti mil-leġiżlazzjoni interna ta’ dan l-Istat sabiex tkun tista’ teżerċita dan id-dritt, li fosthom tista’ tkun inkluża, skont il-każ, il‑kundizzjoni li applikazzjoni preċedenti kellha tkun ġiet ippreżentata għall-ħlas ta’ tali benefiċċji (ara, b’analoġija, is-sentenzi Ragazzoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 8 u 9; Salzano, iċċitata iktar ’il fuq, punti 7 u 10; tat-23 ta’ April 1986, Ferraioli, 153/84, Ġabra p. 1401, punt 14; tal-4 ta’ Lulju 1990, Kracht, C‑117/89, Ġabra p. I‑2781, punt 11, u tad-9 ta’ Diċembru 1992, McMenamin, C‑119/91, Ġabra p. I‑6393, punt 26).
45 Minn dan jirriżulta li meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-allowances tal-familja pprovduti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza ma tistax tiġi mitluba mill-persuni kkonċernati minħabba li għażlu benefiċċju ieħor li jeskludi l-ħlas ta’ dawn l-allowances, id-dritt lil dawn tal-aħħar, hekk kif sostnut mill-Gvern Spanjol u kif rikonoxxut wkoll mill-Gvern Ġermaniż, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “miksub” kif definit fl-Artikoli 77(2)(b)(i) u 78(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, dawk ikkonċernati ma jissodisfawx il-ħtiġijiet ta’ forma u ta’ sustanza għall-għoti ta’ dawn l-allowances.
46 F’ċirkustanzi bħal dawn, ir-regola stabbilita minn dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, li l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuni kkonċernati hija esklużivament kompetenti li tagħti l-allowances tal-familja lill-persuni intitolati għall-pensjoni jew lill-orfni ta’ ħaddiem mejjet, li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri, għalhekk ma hijiex applikabbli.
47 Il-Gvern Ġermaniż, madankollu jsostni li meta, bħal fil-kawża prinċipali, id-dritt għall-allowances tal-familja fl-Istat Membru ta’ residenza hija eskluża sempliċement minħabba li l-partijiet ikkonċernati għażlu benefiċċju ieħor f’dak l-istess Stat, hemm lok li jiġi applikat b’analoġija l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Trasposta għall-kawża inkwistjoni, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tfisser li l-istituzzjonijiet kompetenti Ġermaniżi rilevanti jistgħu jaġixxu bħallikieku l-persuni kkonċernati kienu għażlu li jirċievu allowances tal-familja skont ir-regolament Spanjol, u b’hekk eskludew id-dritt għall-allowances tal-familja taħt il-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Din l-analoġija hija meħtieġa, minn naħa, minħabba fin-natura komparabbli tal-interessi fil-każ, l-ulied dipendenti ta’ persuni intitolati għall-pensjoni għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħat-tfal dipendenti ta’ ħaddiema. Min-naħa l-oħra, ikun xieraq ukoll li jkunu sostnuti mit-tifsira u mill-iskop tal-Artikolu 76(2). Fil-fatt, din id-dispożizzjoni mhux biss tevita l-kumulu tal-benefiċċji, iżda wkoll tiżgura tqassim ġust tal-oneru bejn l-Istati Membri. In-nuqqas intenzjonat ta’ talba għall-ħlas tal-benefiċċji tal-familja ma għandhiex twassal għal trasferiment tal-obbligu li dawn jingħataw mill-Istat Membru li għandu prijorità jagħmel dan lejn dak li huwa biss kompetenti sussidjarjament.
48 Dan l‑argument madankollu ma jistax jiġi aċċettat.
49 Huwa minnu li, wara l-perijodu li matulu seħħew il‑fatti rilevanti fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ dak iż-żmien, li fuqu dawn is-sentenzi jirrigwardaw, kien ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3427/89, tat-30 ta’ Ottubru 1989 (ĠU L 331, p. 1), sabiex jinkludi l-paragrafu 2 intiż biex jippermetti lill-Istat Membru ta’ impjieg li jissospendi d-dritt għall-benefiċċji tal-familja jekk talba intiża biex jingħataw dawn il-benefiċċju ma kinitx ġiet mressqa fl-Istat Membru ta’ residenza u li, konsegwentement, dan tal-aħħar ma għamel ebda ħlas.
50 Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tneħħix mill-utilità ta’ din il-ġurisprudenza għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 77 u 78 tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, b’differenza mill-verżjoni ta’ qabel tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, li tkopri l-każ ta’ kumulu ta’ drittijiet għall-benefiċċji tal-familja fejn tali benefiċċji huma dovuti minħabba fl-eżerċizzju tal-attività professjonali fl-Istat Membru ta’ residenza tal-membri tal-familja u taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, dawn l-Artikoli 77 u 78 dwar id-dritt għall-allowances tal-familja għall-persuni intitolati għal pensjonijiet kif ukoll għall-orfni ta’ ħaddiema mejta ma kinux issupplimentati bir-Regolament Nru 3427/89, li għaldaqstant biddel f’numru ta’ ċirkustanzi l-verżjoni fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 dwar l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Schwemmer, C‑16/09, Ġabra p. I‑9717, punt 57).
51 Barra minn hekk u fuq kollox, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ koordinazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali, fid-dawl partikolarment tal-għanijiet li fuqhom hija bbażata, ma tistax, ħlief f’każ ta’ eċċezzjoni espliċita skont dawn l-għanijiet, tiġi applikata b’mod li ċċaħħad il-ħaddiem emigrant jew lis-suċċessuri tiegħu mill-benefiċċji mogħtija skont il-leġiżlazzjoni biss ta’ Stat Membru, fuq il-bażi biss tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa skont din il-leġiżlazzjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 1967, Colditz 9/67, Ġabra p. 297, 304; tas-6 ta’ Marzu 1979, Rossi, 100/78, Ġabra p. 831, punt 14; Schwemmer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins, C‑388/09, Ġabra p. I‑0000, punt 75).
52 Għalhekk, fir-rigward tal-Artikoli 77(2)(b)(i) u 78(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet ma jiġux interpretati b’tali mod li jċaħħdu lill-ħaddiem, jew lill-orfni ta’ ħaddiem mejjet, bis-sostituzzjoni ta’ benefiċċji miftuħa fl-Istat Membru tar-residenza l-ġdid għall-benefiċċji miksuba preċedentement permezz biss tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, milli jirċievu benefiċċji iktar favorevoli (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1980, Laterza, 733/79, Ġabra p. 1915, punti 9 u 10; tad-9 ta’ Lulju 1980, Gravina, 807/79, Ġabra p. 2205, punt 8; tal-24 ta’ Novembru 1983, D’Amario, 320/82, Ġabra p. 3811, punt 5; tal-14 ta’ Diċembru 1988, Ventura, 269/87, Ġabra p. 6411, punt 14, u Bastos Moriana et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).
53 Madankollu, fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li, hekk kif jirriżulta mill-kliem tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, kull persuna kkonċernata tiddisponi fil-Ġermanja minn dritt għal pensjoni miksub biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża skont il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa f’dan l-Istat Membru.
54 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikoli 77 u 78 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li dak li kien l-Istat Membru ta’ impjieg jista’ jirrifjuta li jħallas lill-persuni kkonċernati l-allowances tal-familja miftuħa biss taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, għas-sempliċi raġuni li dawn il-persuni kkonċernati setgħu jitolbu l-benefiċċju ta’ allowances tal-familja ta’ ammont ogħla fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.
55 Konsegwentement, billi fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit, hekk kif jirriżulta mill-punti 39 sa 46 ta’ din is-sentenza, li d-dritt għall-allowances tal-familja ma huwiex “miksub” għall-persuni kkonċernati taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, huwa għall-istituzzjonijiet kompetenti ta’ dak li kien l-Istat Membru ta’ impjieg, fejn inkiseb tali dritt għall-allowances tal-familja biss fuq il-bażi tal‑leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, li jitħallas l-ammont sħiħ ta’ dawn l-allowances skont il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1998, Gómez Rodríguez, C‑113/96, Ġabra p. I‑2461, punt 32, u Martínez Domínguez et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 u 22).
56 Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikoli 77(2)(b)(i) u 78(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persuni intitolati għal pensjoni tax-xjuħija u/jew ta’ invalidità, jew l-orfni ta’ ħaddiem li miet, li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri, iżda li d-drittijiet għal pensjoni kif ukoll tal-orfni huma bbażati biss fuq il-leġiżlazzjoni ta’ dak li kien l-Istat Membru ta’ impjieg, għandhom id-dritt li jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat l-ammont sħiħ tal-allowances tal-familja previsti minn din il-leġiżlazzjoni għall-ulied b’diżabbiltà, anki jekk dawn ma jkunux talbu fl-Istat Membru ta’ residenza sabiex jibbenefikaw minn allowances simili ta’ ammont ogħla previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat, minħabba li huma għażlu l-għoti ta’ benefiċċju ieħor għall‑persuni b’diżabbiltà li huwa inkompatibbli ma’ dawn, billi d-dritt għall‑allowances tal-familja f’dak li kien l-Istat Membru ta’ impjieg kien miksub biss taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar.
Fuq it-tielet domanda
57 Fid-dawl ta’ dak li jingħad fil-punti 39 sa 46 ta’ din is-sentenza, f’sitwazzjoni fejn il-persuni kkonċernati ma humiex f’pożizzjoni, taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, li jagħżlu għall-ħlas ta’ allowances tal-familja f’dan l-Istat, minħabba, pereżempju, li l-ulied ikkonċernati ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala dipendenti tal-ġenituri tagħhom, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑punt preċedenti għandha tapplika mutatis mutandis għal tali sitwazzjoni.
58 Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, id-dritt għall-allowances tal-familja ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “miksub” fis-sens tal-Artikoli 77(2)(a) u 78(2)(a) tar‑Regolament Nru 1408/71 fl-Istat Membru ta’ residenza, sakemm il-qorti tar‑rinviju tikkonstata hija stess li f’din is-sitwazzjoni, il-kundizzjonijiet għall‑għoti ta’ dawn l-allowances previsti mid-dritt nazzjonali ma humiex sodisfatti, b’mod li dawn il-benefiċċji ma humiex dovuti.
59 Għalhekk, huwa meħtieġ li r-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda magħmula għandha tkun identika għal dik mogħtija lill-ewwel żewġ domandi fejn, taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, il-persuni kkonċernati ma jistgħux jagħżlu l-ħlas tal-allowances tal-familja f’dan l-Istat.
Fuq l-ispejjeż
60 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikoli 77(2)(b)(i) u 78(2)(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas‑siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir‑Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, għandhom jiġu interpretati fis‑sens li l-persuni intitolati għal pensjoni tax-xjuħija u/jew ta’ invalidità, jew l-orfni ta’ ħaddiem li miet, li kienu suġġetti għal‑leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri, iżda li d-drittijiet għal pensjoni kif ukoll tal-orfni huma bbażati biss fuq il-leġiżlazzjoni ta’ dak li kien l-Istat Membru ta’ impjieg, għandhom id-dritt li jitolbu lill‑awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat l-ammont sħiħ tal-allowances tal-familja previsti minn din il-leġiżlazzjoni għall-ulied b’diżabbiltà, anki jekk dawn ma jkunux talbu fl-Istat Membru ta’ residenza sabiex jibbenefikaw minn allowances simili ta’ ammont ogħla previsti mil‑leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat, minħabba li huma għażlu l-għoti ta’ benefiċċju ieħor għall-persuni b’diżabbiltà li huwa inkompatibbli ma’ dawn, billi d-dritt għall-allowances tal-familja f’dak li kien l-Istat Membru ta’ impjieg kien miksub biss taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan tal‑aħħar.
2) Ir-risposta għat-tielet domanda hija identika għal dik mogħtija lill‑ewwel żewġ domandi billi, taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, il-persuni kkonċernati ma jistgħux jagħżlu l-ħlas tal‑allowances tal-familja f’dan l-Istat.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.