Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-8 ta’ Settembru 2011 – Il-Kummissjoni vs Il-Portugall

(Kawża C-220/10)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 91/271/KEE – Tniġġis u inkonvenjenzi – Trattament tal-ilma urban mormi – Artikoli 3, 5 u 6 – Nuqqas ta’ identifikazzjoni taż-żoni sensittivi – Nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ trattament iktar strett ta’ skariki f’żoni sensittivi”

1.                     Ambjent - Trattament tal-ilma urban mormi - Direttiva 91/271 - Derogi - Trattament inqas strett taż-żoni inqas sensittivi - Kundizzjonijiet - Twettiq ta’ studji li juru l-assenza ta’ bidla fl-ambjent - Komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-informazzjoni kollha rilevanti dwarha (Direttiva tal-Kunsill 91/271, Artikoli 2, 6(1), u t-tieni inċiż tal-Artikolu 6(2)) (ara l-punti 43, 44)

2.                     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja - Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni - Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata (Artikolu 258 TFUE) (ara l-punt 45)

3.                     Ambjent - Trattament tal-ilma urban mormi - Direttiva 91/271 - Trattament inqas strett tal-iskariki tal-ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom popolazzjoni ekwivalenti ta’ iktar minn 10 000 - Assenza - Ġbir u trattament parzjali - Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (Direttiva tal-Kunsill 91/271, Artikoli 3(2), 4 u 5(2)) (ara l-punti 49, 50, 52)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ksur tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26)

Dispożittiv

1)

Billi r-Repubblika Portugiża,

–        identifikat bħala żoni inqas sensittivi l-ibħra kostali kollha tal-gżira ta’ Madeira u l-ibħra kostali kollha tal-gżira ta’ Porto Santo;

–        issuġġettat għal trattament inqas strett minn dak previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, l-ilma urban mormi mill-agglomerazzjonijiet b’popolazzjoni ekwivalenti ta’ iktar minn 10 000 persuna bħal ma huma l-agglomerazzjonijiet ta’ Funchal u ta’ Câmara de Lobos, li jiġu skarikati fl-ibħra kostali tal-gżira ta’ Madeira;

–        ma ggarantietx, fir-rigward tal-agglomerazzjoni tal-estwarju tax-xmara Tejo, jiġifieri Quinta do Conde, l-eżistenza ta’ sistemi għall-ġbir ta’ ilma urban mormi skont kif inhu pprovdut fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva;

–        u billi ma ggarantietx, fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet ta’ Albufeira/Armação de Pêra, ta’ Beja, ta’ Chaves u ta’ Viseu u fir-rigward tal-erba’ agglomerazzjonijiet li wettqu skariki fuq il-kosta xellugija tal-estwarju tax-xmara Tejo, jiġifieri Barreiro/Moita, Corroios/Quinta da Bomba, Quinta do Conde u Seixal, trattament iktar strett minn dak previst fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3, 5, u 6 tad-Direttiva 91/271.

2)

Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.