Keywords
Summary

Keywords

1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament Nru 1346/2000 — Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jinfetħu proċeduri ta’ insolvenza — Qrati tal-Istat Membru taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur

(Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000)

2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament Nru 1346/2000 — Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jinfetħu proċeduri ta’ insolvenza — Qrati tal-Istat Membru taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur — Kriterji ta’ determinazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000)

Summary

1. Ir-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li tkun fetħet proċeduri prinċipali ta’ insolvenza kontra kumpannija, billi tiddikjara li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha jkun jinsab fit-territorju ta’ dak l-Istat, tista’ biss, b’applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali tagħha, testendi din il-proċedura għal kumpannija oħra li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, bil-kundizzjoni li jiġi pprovat li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din tal-aħħar jinsab fl-ewwel Stat Membru.

Fil-fatt, fis-sistema għall-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, li hija bbażata fuq iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, teżisti ġurisdizzjoni proprja għal kull debitur li jikkostitwixxi entità ġuridikament distinta.

Il-possibbiltà għal qorti, magħżula skont l-Artikolu 3(1), tar-Regolament Nru 1346/2000, bħala li għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ debitur li tissuġġetta, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, lil entità ġuridika oħra għal proċeduri ta’ insolvenza għas-sempliċi raġuni ta’ konfużjoni tal-patrimonji, mingħajr ma tikkunsidra fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din l-entità, tkun tikkostitwixxi evitar tas-sistema stabbilita mir-regolament. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, riskju ta’ kunflitti pożittivi ta’ ġurisdizzjoni bejn qrati ta’ Stati Membri differenti, kunflitti li r-regolament ried speċifikament jevita sabiex jiżgura ugwaljanza fit-trattament tal-proċeduri ta’ insolvenza fi ħdan l-Unjoni.

(ara l-punti 25, 28, 29 u d-dispożittiv 1)

2. Ir-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li fejn kumpannija, li s-sede tagħha tinsab fuq it-territorju ta’ Stat Membru, tkun suġġetta għal azzjoni intiża sabiex testendi fuqha l-effetti ta’ proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor kontra kumpannija oħra li hija stabbilita fuq it-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, is-sempliċi konstatazzjoni tal-konfużjoni tal-patrimonji ta’ dawn il-kumpanniji ma hijiex suffiċjenti sabiex tipprova li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tal-kumpannija kkonċernata minn din l-azzjoni jinsab ukoll f’dan l-aħħar Stat. Sabiex tinqaleb il-preżunzjoni li tgħid li dan iċ-ċentru jinsab fil-post tas-sede, huwa meħtieġ li evalwazzjoni globali tat-totalità tal-elementi rilevanti tippermetti li jiġi stabbilit li, b’mod verifikabbli minn terzi, iċ-ċentru effettiv ta’ tmexxija u ta’ kontroll tal-kumpannija suġġetta għall-azzjoni għall-finijiet tal-estensjoni jinsab fl-Istat Membru fejn infetħet il-proċedura ta’ insolvenza inizjali.

(ara l-punt 39 u d-dispożittiv 2)