Kawża C-177/10

Francisco Javier Rosado Santana

vs

Consejería de Justicia y Administración Pública de la Junta de Andalucía

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 12 de Sevilla)

“Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP — Klawżola 4 — Applikazzjoni tal-ftehim qafas fil-qasam tas-servizz pubbliku — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Politika soċjali — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP — Direttiva 1999/70 — Kundizzjonijiet ta’ impjieg — Kunċett

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 4(1))

2.        Politika soċjali — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP — Direttiva 1999/70 — Kamp ta’ applikazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 4(1))

3.        Politika soċjali — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP — Direttiva 1999/70 — Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament — Kunċett

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 4(1))

4.        Politika soċjali — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP — Direttiva 1999/70 — Proċeduri intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva — Terminu sabiex titressaq kawża

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness)

1.        Il-kunċett ta’ kundizzjonijiet tal-impjieg imsemmija fil-Klawżola 4(1) tal-ftehim Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, jinkludi kundizzjoni dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għażla permezz ta’ promozzjoni interna, intiża għan-nomina bħala impjegat permanenti taċ-ċivil, tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel bħala impjegat temporanju taċ-ċivil.

(ara l-punt 47)

2.        Id-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, u l- Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] li jinsab fl-Anness tad-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, japplikaw għall-kuntratti u għar-relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u l-entitajiet l-oħra tas-settur pubbliku u, min-naħa l-oħra, jeżiġu li jiġi eskluż kull trattament differenti bejn l-impjegati permanenti taċ-ċivil u l-impjegati temporanji taċ-ċivil paragunabbli ta’ Stat Membru biss għar-raġuni li dawn tal-aħħar jaħdmu għal żmien determinat, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-imsemmi ftehim qafas.

(ara l-punt 62, d-dispożittiv 1)

3.        Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-perijodi ta’ servizz imwettqa minn impjegat temporanju taċ-ċivil ta’ amministrazzjoni pubblika ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-aċċess ta’ dan tal-aħħar, li fil-frattemp ikun sar impjegat permanenti taċ-ċivil, għal promozzjoni interna li huma eliġibbli għaliha biss l-impjegati permanenti taċ-ċivil, sakemm li l-impjegat temporanju taċ-ċivil ma jinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-imsemmija impjegati permanenti taċ-ċivil u/jew li din l-esklużjoni ma tkunx iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-punt 1 ta’ din il-klawżola.

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ raġunijiet oġġettivi jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tax-xogħol ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li taqa’ fih u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan imħaddan u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom l-kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tħaddin ta’ għan leġittimu tal-politika soċjali ta’ Stat Membru.

L-użu tan-natura temporanja tax-xogħol tal-persunal tal-amministrazzjoni pubblika ma jistax, waħdu, jammonta għal raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas. Fil-fatt, jekk jiġi aċċettat li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija biżżejjed, waħedha, sabiex tiġġustifika differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat, dan ifisser li tkun qed titneħħa kull sustanza mill-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas u li jiġi pperpetwat il-manteniment ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat.

(ara l-punti 73, 74, 84 u d-dispożittiv 2)

4.        Id-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea, id-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, u l-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] li jinsab fl-Anness tad-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala regola, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-azzjoni mwettqa minn impjegat permanenti taċ-ċivil kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-kandidatura tiegħu f’kompetizzjoni u bbażata fuq il-fatt li din il-proċedura kisret il-Klawżola 4 tal-imsemmi ftehim qafas għandha ssir f’terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni. Madankollu, dan it-terminu ma jistax jiġi invokat kontra impjegat permanenti taċ-ċivil, kandidat f’din il-kompetizzjoni, li ġie ammess għall-eżamijiet u li ismu kien inkluż fil-lista definittiva tal-kandidati li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni jekk ikun tali li jrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ftehim qafas. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ta’ xahrejn jista’ jibda jiddekorri biss mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li tannulla l-ammissjoni tiegħu għall-imsemmija kompetizzjoni u n-nomina tiegħu bħala impjegat permanenti taċ-ċivil tal-grupp superjuri.

Fil-fatt, il-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi li huma intiżi li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rimedji simili previsti mil-leġiżlazzjoni interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, din tal-aħħar tippresupponi li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika bl-istess mod għal azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali li jkollhom suġġett u kawża simili. Sabiex tivverifika jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex osservat, il-qorti nazzjonali għandha teżamina s-similarità bejn l-azzjonijiet ikkonċernati mill-angolu tal-għan tagħhom, il-kawża tagħhom u l-elementi essenzjali tagħhom. Hija għandha, sabiex jiġi ddeterminat jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali hijiex inqas favorevoli, tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol tagħha fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u l-karatteristiċi partikolari ta’ dawn ir-regoli.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, id-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali kkonċernati għandhom, fihom infushom, jiġu analizzati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura.

(ara l-punti 89, 90, 92, 100 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Settembru 2011 (*)

“Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE − Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP – Klawżola 4 – Applikazzjoni tal-ftehim qafas fil-qasam tas-servizz pubbliku – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Fil-Kawża C‑177/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº12 de Sevilla (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2010, fil-proċedura

Francisco Javier Rosado Santana

vs

Consejería de Justicia y Administración Pública de la Junta de Andalucía, 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Consejería de Justicia y Administración Pública de la Junta de Andalucía, minn A. Cornejo Pineda, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżola 4 tal- Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn F. J. Rosado Santana, bħalissa impjegat permanenti taċ-ċivil tal-Junta de Andalucía, u l-Consejería de Justicia y Administración Pública de la Junta de Andalucía (il-Ministeru tal-Ġustizzja u tal-Amministrazzjoni Pubblika tal-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía, iktar ’il quddiem il-“Consejería”) fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tannulla atti dwar in-nomina tiegħu bħala impjegat permanenti taċ-ċivil fil-kategorija ġenerali tal-assistenti permezz ta’ promozzjoni interna.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Mill-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70, ibbażata fuq l-Artikolu 139(2) KE, jirriżulta li l-firmatarji tal-ftehim qafas urew ix-xewqa tagħhom li jtejbu l-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u li jistabbilixxu qafas biex jipprevjenu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet tax-xogħol jew ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat.

4        Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, l-iskop tagħha huwa li “jġib fis-seħħ il-ftehim qafas […] konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP)”.

5        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-10 ta’ Lulju 2001, jew għandhom jiżguraw li, sa dik id-data mill-inqas, l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji skond il-ftehim, u l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bihom”.

6        Skont il-Klawżola 1 tal-ftehim qafas, dan għandu l-iskop:

“a)      li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

b)      li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss [żmien determinat]”.

7        Il-Klawżola 2(1) tal-ftehim qafas tipprovdi li:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”.

8        Il-Klawżola 3 tal-ftehim qafas tipprovdi li:

“1.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku;

2.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika”.

9        Il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi li:

“1.      Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss [żmien determinat] sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva [minn raġunijiet oġġettivi].

[…]

4.      Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10      L-Artikolu 1(2) tal-Liġi 70/1978 dwar ir-rikonoxximent ta’ servizz preċedenti fl-amministrazzjoni pubblika (Ley 70/1978 de reconocimiento de servicios previos en la Administración Pública), tas-26 ta’ Diċembru 1978 (BOE, Nru 9 tal-10 ta’ Jannar 1979, p. 464, iktar ’il quddiem il-“liġi 70/1978”), jipprovdi:

“Il-perijodi kollha ta’ servizz, mingħajr eċċezzjoni, fis-setturi tal-amministrazzjoni pubblika msemmija fil-punt preċedenti, kemm jekk magħmulha bħala impjegat temporanju taċ-ċivil (għal żmien determinat jew provviżorju) jew jekk skont kuntratt irregolat minn liġi amministrattiva jew tal-impjieg, irrispettivament minn jekk dak il-kuntratt sarx bil-miktub jew le, għandhom jitqiesu bħala perijodi ta’ servizz effettiv”.

11      It-22 dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 30/1984 dwar ir-riforma tas-servizz pubbliku Spanjol (Ley 30/1984 de reforma de la Función Pública), tat-2 ta’ Awissu 1984, (BOE Nru 185, tat-3 ta’ Awwissu 1984, p. 22629), kif emendata bil-Liġi 42/1994 li tipprovdi miżuri fiskali, amministrattivi u soċjali (Ley 42/1994 de medidas fiscales, administrativas y de orden social), tat-30 ta’ Diċembru 1994 (BOE tal-31 ta’ Diċembru 1994, Nru 313, p. 39457), tipprovdi li:

“L-aċċess għall-kategoriji jew l-iskali tal-grupp C jista’ jsir permezz ta’ promozzjoni interna mill-kategoriji jew skali tal-grupp D fil-qasam tal-attivitajiet jew funzjonijiet korrispondenti, jekk ikun il-każ, u jiġi implementat skont is-sistema tal-kompetizzjoni, u fil-fażi tal-kompetizzjoni, jiġu evalwati l-kwalifiki b’rabta mal-karriera u l-pożizzjonijiet okkupati, il-livell ta’ taħriġ u l-anzjanità.

Għal dawn il-finijiet, huma meħtieġa l-kwalifiki msemmija fl-Artikolu 25 ta’ din il-liġi jew għaxar snin servizz f’kategorija jew skala tal-grupp D, jew ħames snin jekk il-persuna kkonċernata tkun għamlet kors ta’ taħriġ speċifiku aċċessibbli skont kriterji oġġettivi.

Din id-dispożizzjoni hija regola bażika tas-sistema statutorja li tirregola l-impjegati taċ-ċivil, adottata skont il-punt 18 tal-Artikolu 149(1) tal-Kostituzzjoni”.

12      L-Artikolu 32 tad-digriet 2/2002 li jadotta r-regolament ġenerali għar-reklutaġġ, il-promozzjoni interna, il-mili tal-postijiet vakanti u l-promozzjoni professjonali tal-impjegati taċ-ċivil tal-amministrazzjoni ġenerali tal-Junta de Andalucía (Decreto 2/2002 por el que se aprueba el Reglamento General de Ingreso, promoción interna, provisión de puestos de trabajo y promoción profesional de los funcionarios de la Administración General de la Junta de Andalucía), tad-9 ta’ Jannar 2002 (BOJA Nru 8, tad-19 ta’ Jannar 2002, p. 913), huwa redatt f’termini simili għal dawk tal-imsemmija dispożizzjoni addizzjonali.

13      Il-Liġi 7/2007, dwar ir-regolamenti bażiċi li jirrigwardaw l-uffiċjali pubbliċi (Ley 7/2007 del Estatuto básico del empleado público), tat‑12 ta’ April 2007 (BOE Nru 89, tat-13 ta’April 2007, p. 16270, iktar ’il quddiem il-“LEBEP”) tapplika, b’mod konformi mal-Artikolu 2(1) tagħha għall-persunal permanenti u, skont il-każ, għall-persunal kuntrattwali li jaħdmu, b’mod partikolari, fl‑amministrazzjonijiet tal-komunitajiet awtonomi.

14      L-Artikolu 8(2) tal-LEBEP jipprovdi li l-uffiċjali pubbliċi huma kklassifikati f’impjegati permanenti taċ-ċivil (“funcionarios de carrera”), u impjegati temporanji taċ-ċivil (“funcionarios interinos”), membri tal-persunal kuntrattwali u persunal awżiljarju.

15      L-Artikolu 9(1) tal-LEBEP jipprovdi:

“L-impjegati permanenti taċ-ċivil huma l-persuni indikati mil-liġi li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni pubblika bis-saħħa ta’ relazzjoni statutoja rregolata mid-dritt amministrattiv, sabiex iwettqu servizzi professjonali permanenti mħallsin”.

16      L-Artikolu 10(1) tal-LEBEP jipprovdi:

“Impjegati temporanji taċ-ċivil huma l-persuni li, għal raġunijiet ta’ neċessità u urġenza ġġustifikati espressament, jinħatru f’din il-kwalità sabiex jeżerċitaw funzjonijiet li suppost iwettquhom l-impjegati permanenti taċ-ċivil, f’każ li jseħħu s-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)      L-eżistenza ta’ pożizzjonijit vakanti li ma jistgħux jiġu okkupati minn impjegati permanenti taċ-ċivil.

b)      Is-sostituzzjoni temporanja tal-impjegati permanenti taċ-ċivil.

c)      It-twettiq ta’ programmi ta’ natura temporanja.

d)      L-eċċess jew il-kumulu ta’ xogħol, matul perijodu massimu ta’ sitt xhur, fuq perijodu ta’ tnax-il xahar”.

17      L-Artikolu 18 tal-LEBEP, intitolat “Promozzjoni interna tal-impjegati permanenti taċ-ċivil”, jgħid kif ġej:

“1.      Il-promozzjoni interna sseħħ fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ għażla li jiggarantixxu li jiġu osservati l-prinċipji kostituzzjonali ta’ ugwaljanza, mertu u kapaċità […]

2.      L-impjegati taċ-ċivil għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-aċċess tagħhom, għandhom ikunu taw mill-inqas sentejn servizz attiv fi ħdan sub-group inferjuri jew grupp ta’ klassifikazzjoni professjonali, jekk dan tal-aħħar ma jinkludix sub-group, u għandhom jgħaddu mill-eżamijiet korrispondenti”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Mill-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bejn l-1989 u l-2005, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ħadem bħala impjegat temporanju taċ-ċivil fis-servizzi tal-Junta de Andalucía. Sar impjegat permanenti taċ-ċivil ta’ din l-amministrazzjoni pubblika fl-2005.

19      Fis-17 ta’ Diċembru 2007, ġie ppubblikat avviż ta’ kompetizzjoni fil-Boletín Oficial de la Junta de Andalucía mill-Consejería, fejn ġie ddikjarat li kienu qed jiġu organizzati eżamijiet sabiex l-impjegati taċ-ċivil ikunu jistgħu jaċċedu, permezz tal-promozzjoni interna, għall-kategorija ġenerali tal-assistenti ta’ din l-amministrazzjoni pubblika.

20      L-imsemmi avviż stabbilixxa diversi kundizzjonijiet li kellhom jissodisfaw il-kandidati għall-eżamijiet. Fl-ewwel lok, kellhom jagħmlu parti mill-impjegati taċ-ċivil tal-korp ġenerali tal-Junta de Andalucía. Fit-tieni lok, kellhom ikunu jew f’pożizzjoni li jiksbu l-kwalifika ta’ Bachiller Superior jew kwalifika ekwivalenti jew, inkella, kellhom ikollhom mill-anqas 10 snin servizz bħala impjegat permanenti taċ-ċivil f’kariga li taqa’ taħt il-grupp D, jew ikollhom ħames snin servizz u jkunu għaddew minn kors speċifiku tal-Istitut ta’ Andalucía tal-Amministrazzjoni Pubblika. Fl-aħħar lok, il-kandidati kellhom jaċċedu għall-promozzjoni interna minn kategoriji li jappartjenu għall-grupp ta’ livell direttament inferjuri għal dak tal-kategorija li kienet is-suġġett tal-kompetizzjoni u kellhom ikunu ilhom jaħdmu bħala impjegati permanenti taċ-ċivil fi ħdan dak il-grupp għall-inqas għal sentejn.

21      Fl-avviż ta’ kompetizzjoni, ġie speċifikat ukoll li “ma għandhomx jitqiesu l-perijodi preċedenti ta’ servizz magħmulha bħala impjegat temporanju jew provviżorju f’qasam ieħor tal-amministrazzjoni pubblika, jew perijodi oħra preċedenti ta’ servizz simili”.

22      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li ħa sehem fl-eżamijiet tal-proċedura ta’ għażla fil-kwalità tiegħu ta’ impjegat permanenti taċ-ċivil tal-grupp D tal-impjegati tal-Junta de Andalucía li kienu ilhom jaħdmu għal iktar minn sentejn, għall-ewwel kien inkluż fil-lista definittiva tal-persuni li għaddew mill-kompetizzjoni ppubblikata fit-12 ta’ Novembru 2008.

23      Wara l-pubblikazzjoni, fit-2 ta’ Frar 2009, tal-lista tal-pożizzjonijiet vakanti offerti u wara li F. J. Rosado Santana pprovda d-dokumenti mitluba, is-segretarju ġenerali tal-Consejería, permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), annulla d-deċiżjoni li aċċettat u ħatret lill-persuna kkonċernata bħala impjegat permanenti taċ-ċivil tal-grupp C għar-raġuni li la kellu l-kwalifiki meħtieġa u lanqas, fin-nuqqas ta’ pussess ta’ kwalifiki, l-anzjanità ta’ għaxar snin bħala impjegat permanenti taċ-ċivil.

24      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, fit-8 ta’ Ġunju 2009, appella mid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Spanjola, li jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi, u fuq l-Artikolu 1 tal-liġi 70/1978. Barra minn hekk, sostna li peress li ħadet inkunsiderazzjoni biss l-anzjanità miksuba bħala impjegat permanenti taċ-ċivil mill-2005, u mhux il-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel bħala impjegat temporanju taċ-ċivil, id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni msemmi fil-Klawżola 4 tal-ftehim qafas.

25      Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Consejería sostna li l-liġi 70/1978 ma tistax tapplika għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kwalifiki meħtieġa għal kompetizzjoni, peress li l-kalkolu tal-perijodi ta’ servizz preċedenti, fir-rigward tal-impjegati temporanji taċ-ċivil, jista’ jsir biss għal finijiet ekonomiċi. Jekk dan ma jkunx il-każ, impjegat taċ-ċivil li qabel ikun wettaq perijodi ta’ servizz bħala temporanju jiġi ttrattat aħjar minn dawk li ma jkunux għamlu hekk. Din l-attitudni hija diskriminatorja billi, fid-dawl tan-natura stess tax-xogħol li jitwettaq minn impjegat temporanju taċ-ċivil, li ma għandux il-karatteristiċi ta’ permanenza u stabbiltà normalment assoċjati mas-servizz pubbliku, l-anzjanità miksuba bħala impjegat permanenti taċ-ċivil dejjem għandha tieħu preċedenza fuq kull mertu bbażat fuq il-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala impjegat temporanju taċ-ċivil.

26      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 12 de Sevilla tistaqsi dwar il-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet tat-Tribunal Constitucional (Qorti Kostituzzjonali) li skonthom trattament differenti tal-impjegati permanenti taċ-ċivil mill-impjegati temporanji taċ-ċivil li jwettqu l-istess funzjonijiet huwa permissibbli. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, madankollu, li dawn id-deċiżjonijiet huma parzjalment kontradetti minn sentenzi oħrajn tal-istess Tribunal Constitucional.

27      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata wkoll li numru kbir tal-qrati Spanjoli jsegwu ċerta duttrina li tgħid li, fil-każ ta’ avviżi ta’ kompetizzjonijiet pubbliċi li fihom jiġu ppubblikati l-klawżoli li jindikaw il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni u l-evalwazzjoni tal-kandidati, dawn jikkostitwixxu l-“liġi” tal-kompetizzjoni u, jekk dawn il-klawżoli ma jkunux ġew ikkontestati mill-persuna kkonċernata fit-terminu mogħti għal dan il-għan, l-illegalità tagħhom ma tistax tiġi invokata iktar tard sabiex jiġi kkontestat ir-riżultat tal-kompetizzjoni skont kif jaffettwa lill-persuna kkonċernata.

28      Skont l-imsemmija qorti, il-kwistjoni essenzjali fil-kawża prinċipali hija jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tieħu bħala elementi ta’ paragun żewġ impjegati permanenti taċ-ċivil, teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz li wieħed minnhom ikun wettaq biss minħabba li kien impjegat temporanju taċ-ċivil meta wettaqhom, tmurx kontra l-Klawżola 4 tal-ftehim qafas.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 12 de Sevilla, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-Direttiva [1990/70] għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ fejn il-qorti kostituzzjonali ta’ pajjiż membru tal-Unjoni [Ewropea] tiddeċiedi li l-fatt li jiġu stabbiliti drittijiet differenti bejn il-membri tal-persunal impjegati [impjegati temporanji taċ-ċivil] u l-uffiċjali titolari [impjegati permanenti taċ-ċivil] ta’ dak il-pajjiż jista’ ma jkunx antikostituzzjonali, dan neċessarjament jimplika li jiġi eskluż li d-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju msemmija iktar ’il fuq tkun tista’ tiġi applikata fil-kuntest tas-servizz pubbliku?

2)      Din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li qorti nazzjonali tinterpreta l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni b’tali mod li […] teskludi ġeneralment mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom l-ugwaljanza bejn membri tal-persunal impjegati [impjegati temporanji taċ-ċivil] u uffiċjali titolari [impjegati permanenti taċ-ċivil]?

3)      Il-klawżola 4 tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li perijodi ta’ servizz mogħtija taħt sistema temporanja ma jittiħdux inkunsiderazzjoni bħala anzjanità miksuba meta jintlaħaq l-istatus ta’ persunal fiss, u b’mod konkret għal finijiet ta’ rimunerazzjoni, ta’ klassifikazzjoni u ta’ avvanz fil-karriera ta’ uffiċjal?

4)      Il-klawżola [4 tal-ftehim qafas] timponi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tingħata interpretazzjoni li ma teskludix il-perijodi ta’ servizz mogħtija abbażi ta’ kuntratt temporanju mill-ammont ta’ perijodi ta’ servizz mogħtija mill-persunal uffiċjali?

5)      Il-klawżola [4 tal-ftehim qafas] għandha tiġi interpretata fis-sens li, minkejja li kien ġie ppubblikat avviż ta’ pożizzjoni vakanti li ma kienx ġie kkontestat mill-persuna kkonċernata, il-qorti nazzjonali xorta għandha l-obbligu li teżamina jekk dan imurx kontra l-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni] u, f’dan il-każ, għandha din il-qorti tastjeni milli tapplika dan l-avviż jew id-dispożizzjoni nazzjonali li fuqha huwa bbażat, peress li tikser l-imsemmija klawżola?”

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

30      Il-Consejería jqis li d-deċiżjoni tar-rinviju b’mod ġenerali u l-ewwel, it-tieni u l-ħames domandi b’mod partikolari ma humiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ammissibbiltà tad-domandi għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, ma hemmx riferiment għar-regoli nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali jew għas-sistema legali nazzjonali li taqa’ taħtha. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma esponiet ir-raġunijiet li wassluha tagħżel id-Direttiva 1999/70 u ma stabbilixxietx r-rabta bejnha u l-imsemmija regoli nazzjonali.

31      Barra minn hekk, huwa jsostni li d-domandi preliminari jidentifikaw b’mod żbaljat il-kamp tal-applikazzjoni tal-Klawżola 4 tal-ftehim qafas u, għal din ir-raġuni wkoll, huma inammissibbli.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali istitwita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà li tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59, u tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32).

33      Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali għandhom jipprovdu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li huma meħtieġa sabiex tingħata risposta utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Gruber, C‑249/97, Ġabra p. I‑5295, punt 19).

34      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ddeskriviet b’mod ċar biżżejjed kemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol applikabbli għall-kawża prinċipali kif ukoll il-qafas legali nazzjonali li taqa’ taħtu. Barra minn hekk, ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel xi domandi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/70 joħorġu b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju.

35      Fir-rigward tal-argumenti tal-Consejería dwar l-identifikazzjoni żbaljata mill-qorti tar-rinviju tal-kamp tal-applikazzjoni tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, biżżejjed jiġi kkonstatat li din il-kwistjoni ma taqax taħt l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda tidħol fil-mertu tagħha.

36      Fid-dawl tas-suespost, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli kollha kemm hi.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas

37      Skont il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea, id-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas li jinsab fl-anness tagħha ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

38      Il-Gvern Spanjol jikkonstata li, meta pparteċipa fil-proċedura ta’ promozzjoni interna li jistgħu jaċċedu għaliha biss, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, l-impjegati permanenti taċ-ċivil, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ilu impjegat permanenti taċ-ċivil mill-2005. It-trattament differenti invokat minnu b’hekk seħħ meta mqabbel ma’ impjegati permanenti taċ-ċivil oħrajn, li wkoll ipparteċipaw f’din il-proċedura u jew kellhom il-kwalifiki meħtieġa, jew kienu ilhom impjegat permanenti taċ-ċivil għal għaxar snin. Kemm il-Gvern Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-ftehim qafas ma jirrigwardax it-trattament ugwali bejn ħaddiema għal żmien indeterminat li uħud minnhom, fil-passat, kienu ħadmu bħala ħaddiema għal żmien determinat.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-Klawżola 2(1) tal-ftehim qafas, dan japplika għall-ħaddiema għal żmien determinat li għandhom kuntratt jew relazzjoni tax-xogħol iddefiniti mil-leġiżlazzjoni, ftehim kollettivi jew il-prattiċi fis-seħħ f’kull Stat Membru.

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 1999/70 u l-fethim qafas japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li jorbtuhom ma’ min jimpjegahom (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, Ġabra p. I-7109, punt 28).

41      Is-sempliċi fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kiseb il-kwalità ta’ impjegat permanenti taċ-ċivil u li l-aċċess tiegħu għal proċedura interna ta’ għażla huwa suġġett għall-pussess ta’ din il-kawlità ma jeskludix il-possibbiltà li jista’ jinvoka, f’ċerti ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stipulat fil-Klawżola 4 tal-ftehim qafas.

42      Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent għandu essenzjalment bħala għan, fil-kwalità tiegħu ta’ impjegat permanenti taċ-ċivil, li jqajjem kwistjoni dwar it-trattament differenti li jingħata meta titteħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità u l-esperjenza professjonali miksuba għall-finijiet ta’ proċedura ta’ għażla interna. Filwaqt li l-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala impjegat permanenti taċ-ċivil jittieħdu inkunsiderazzjoni, dawk imwettqa bħala impjegat temporanju taċ-ċivil ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, mingħajr ma, fil-fehma tiegħu, in-natura tax-xogħol imwettaq u l-karatteristiċi inerenti għalih ma jiġu eżaminati. Peress li d-diskriminazzjoni li tmur kontra l-Klawżola 4 tal-ftehim qafas li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jallega li huwa l-vittma tagħha tikkonċerna l-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala impjegat temporanju taċ-ċivil, il-fatt li, fil-frattemp, dan sar impjegat permanenti taċ-ċivil huwa irrilevanti.

43      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Klawżola 4 tal-ftehim qafas tipprovdi, fil-punt 4 tagħha, li l-kriterji dwar perijodi ta’ anzjanità fir-rigward ta’ kundizzjonijiet partikolari ta’ impjieg għandhom ikunu l-istess għall-ħaddiema għal żmien determinat bħalma huma għall-ħaddiema għal żmien indeterminat, ħlief meta kriterji differenti huma ġġustifikati minn raġunijiet oġġettivi. Ma jirriżulta la mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas mill-kuntest tagħha li din ma tibqax applikabbli ladarba l-ħaddiem ikkonċernat jikseb l-istatus ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat. Fil-fatt, l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas, li jimmiraw kemm sabiex jipprojbixxu d-diskriminazzjoni kif ukoll sabiex jipprevjenu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat, jimmilitaw favur interpretazzjoni kuntrarja.

44      Jekk l-applikazzjoni tal-ftehim qafas tiġi eskluża mill-bidu f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, hekk kif jissuġġerixxu l-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, dan inaqqas, bi ħsara għall-għan tal-imsemmija Klawżola 4, il-portata tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati kontra d-diskriminazzjoni u jwassal għal interpretazzjoni indebitament restrittiva ta’ din il-klawżola li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38, kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra I‑2483, punti 114 u 115).

45      Min-naħa tiegħu, il-Consejería jsostni li l-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas ma hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali peress li l-kundizzjoni tal-anzjanità fil-kwalità ta’ impjegat permanenti taċ-ċivil tikkostitwixxi kundizzjoni għall-aċċess għall-impjieg meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ jieħu sehem fi proċedura ta’ għażla u mhux kundizzjoni tal-impjieg fis-sens tal-imsemmija klawżola.

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li r-regoli nazzjonali dwar perijodi ta’ servizz li għandhom jitwettqu sabiex wieħed ikun jista’ jiġi kklassifikat f’kategorija ta’ remunerazzjoni ogħla jew il-kalkolu tal-perijodi ta’ servizz meħtieġa minn persuna biex isir rapport ta’ evalwazzjoni dwarha kull sena u, konsegwentement, sabiex wieħed ikun jista’ jgawdi minn promozzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkorrispondu għal kundizzjonijiet tax-xogħol (ara, b’analoġija, fil-qasam tat-trattament ugwali bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1998, Thibault, C‑136/95, Ġabra p. I-2011, punt 27, u tat-18 ta’ Novembru 2004, Sass, C‑284/02, Ġabra p. I-11143, punti 31 u 34).

47      Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet tal-impjieg imsemmija fil-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas jinkludu kundizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għażla għal promozzjoni interna, tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel bħala impjegat temporanju taċ-ċivil.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju tal-interpretazzjoni sostnuta mill-Consejería, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, xejn ma jipprekludi l-applikabbiltà tad-Direttiva 1999/70 u tal-Klawżola 4 tal-ftehim qafas għall-kawża prinċipali.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari

49      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-qrati ta’ Stat Membru, inkluża l-Qorti Kostituzzjonali, jistgħux jinterpretaw id-Direttiva 1999/70 u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-Klawżola 4 tal-ftehim qafas b’mod li jeskludu l-applikabbiltà ta’ dawn l-atti tad-dritt tal-Unjoni għas-servizz pubbliku ta’ dan l-Istat u għal kwalunkwe differenza fit-trattament bejn l-impjegati temporanji taċ-ċivil u l-impjegati permanenti taċ-ċivil ta’ dan tal-aħħar.

50      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li direttiva timponi l-obbligu, fuq kull wieħed mill-Istati Membri destinatarji, li jadottaw kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw l-effett sħiħ tad-direttiva kkonċernata, b’mod konformi mal-għan tad-direttiva (ara s-sentenza ta’ l-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann, 14/83, Ġabra p. 1891, punt 15, kif ukoll Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

51      L-obbligu li jirriżulta minn direttiva, u li l-Istati Membri għandhom, li jilħqu r-riżultat previst minn din id-direttiva, kif ukoll id-dmir tagħhom, skont l-Artikolu 10 KE, li jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, adattati sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan l-obbligu, huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha ta’ dawn l-Istati Membri, inkluż, fil-qafas tal-kompetenzi tagħhom, fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

52      Fil-fatt, huma b’mod partikolari l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġuridika li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li għandhom jiggarantixxu l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

53      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas li jkunu jistgħu jinterpretaw u jimplementaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali skont ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali u l-korpi amministrattivi huma obbligati japplikaw id-dritt tal-Unjoni b’mod sħiħ u jipproteġu d-drittijiet li dan jikkonferixxi fuq l-individwi, billi ma japplikawx jekk hemm bżonn id-dispożizzjonijiet kunfliġġenti kollha tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, Ġabra p. 1839, punt 33; tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, Ġabra p. I‑181, punti 68 u 69, kif ukoll tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C-429/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).

54      Il-ftehim qafas, li tfassal permezz ta’ djalogu li sar, abbażi tal-Artikolu 139(1) KE, bejn imsieħba soċjali fuq il-livell tal-Unjoni, ġie implementat, b’mod konformi mal-paragrafu (2) ta’ dan l-istess Artikolu, minn Direttiva tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jifforma parti sħiħa minnha (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

55      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli stabbiliti fil-ftehim qafas huma applikabbli għall-kuntratti u relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u l-entitajiet l-oħra tas-settur pubbliku (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 54, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

56      Il-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, li għandha effett dirett, tistabbilixxi projbizzjoni milli, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg u l-kriterji tal-perijodi ta’ anzjanità fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli għall-unika raġuni li dawn jaħdmu għal żmien determinat (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 68).

57      Ċertament, l-imsemmija dispożizzjoni tinkludi, fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li hija tistabbilixxi, riżerva relattiva għal ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi.

58      Madankollu, il-fatt li huwa possibbli, f’ċirkustanzi preċiżi u jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi, li l-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod differenti mill-ħaddiema għal żmien indeterminat, b’ebda mod ma jimplika li tista’ tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas għall-ħaddiema impjegati fis-servizz pubbliku ta’ Stat Membru.

59      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Spanjol isostni li l-premessa li fuqha hija bbażata l-ewwel domanda hija żbaljata, peress li t-Tribunal Constitucional ma rrifjutax li japplika d-Direttiva 1999/70 fil-konfront tal-impjegati temporanji taċ-ċivil Spanjoli u lanqas ma aċċetta, b’mod ġenerali, it-trattament differenti mhux iġġustifikat bejn dawn tal-aħħar u l-impjegati permanenti taċ-ċivil.

60      F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, inkwantu interpretazzjoni tali taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-qrati nazzjonali (sentenza tat-8 ta’ Settemrbu 2010, Winner Wetten, C‑409/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35), u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju b’dik tagħha fir-rigward tal-iżvilupp tal-ġurisprudenza quddiem l-imsemmija qrati.

61      F’każ li qorti nazzjonali, inkluża qorti kostituzzjonali, teskludi l-applikabbiltà tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas għall-persunal tas-servizz pubbliku ta’ Stat Membru u/jew tippermetti trattament differenti bejn l-impjegati temporanji taċ-ċivil u l-impjegati permanenti taċ-ċivil fin-nuqqas ta’ raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-Klawżola 4(1) ta’ dan il-ftehim qafas, għandu jiġi konkluż li tali ġurisprudenza tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti tad-dritt tal-Unjoni u ma tosservax l-obbligi imposti, fi ħdan il-kompetenzi tagħhom, fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni legali li tinsilet mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt tal-Unjoni favur il-partijiet u li jiggarantixxu l-effett sħiħ tagħha.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u t-tieni domandi hija li d-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas li jinsab fl-anness tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, japplikaw għall-kuntratti u r-relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u l-entitajiet l-oħra tas-settur pubbliku u, min-naħa l-oħra, jeżiġu li jiġi eskluż kull trattament differenti bejn l-impjegati permanenti taċ-ċivil u l-impjegati temporanji taċ-ċivil kumparabbli ta’ Stat Membru biss għar-raġuni li dawn tal-aħħar jaħdmu għal żmien determinat, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-imsemmi ftehim qafas.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi preliminari

63      Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-perijodi ta’ servizz imwettqa minn impjegat temporanju taċ-ċivil ta’ amministrazzjoni pubblika ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-aċċess ta’ dan tal-aħħar, li fil-frattemp ikun sar impjegat permanenti taċ-ċivil, għal promozzjoni interna li huma eliġibbli għaliha biss l-impjegati permanenti taċ-ċivil.

64      Hekk kif jirriżulta mir-risposti għall-ewwel żewġ domandi, il-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tistipula projbizzjoni milli l-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat kumparabbli biss għar-raġuni li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. Il-punt 4 ta’ din il-klawżola jistipula l-istess projbizzjoni fir-rigward tal-kriterji ta’ perijodi ta’ anzjanità relattivi għal kundizzjonijiet partikolari tax-xogħol.

65      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan it-trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Franz Egenberger, C-313/04, Ġabra p. I-6331, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jagħmlux xogħol identiku jew simili fis-sens tal-ftehim qafas, b’mod konformi mal-klawżoli 3(2) u 4(1) tiegħu, għandu jsir magħruf jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (digriet tat-18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, punt 37).

67      Bħala regola, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, meta kien jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu bħala impjegat temporanju taċ-ċivil, kienx f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-impjegati permanenti taċ-ċivil li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għażla inkwistjoni, stabbilixxew li kellhom għaxar snin anzjanità fil-kategoriji ta’ impjegati taċ-ċivil li jappartjenu għall-grupp D.

68      Jekk jirriżulta li l-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali bħala impjegat temporanju taċ-ċivil ma jikkorrispondux ma’ dawk eżerċitati minn impjegat permanenti taċ-ċivil li jaqa’ taħt il-kategoriji li jappartjenu għall-grupp D meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni, dan ikun ifisser li l-persuna kkonċernata ma tinsabx, fi kwalunkwe każ, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ impjegat permanenti taċ-ċivil li huwa kandidat għall-promozzjoni interna li wettaq il-perijodi ta’ servizz meħtieġa fil-kuntest tal-imsemmija kategoriji.

69      Fil-fatt, in-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fis-snin li matulhom ħadem fis-servizzi tal-Junta de Andalucía bħala impjegat temporanju taċ-ċivil u l-kwalità tal-esperjenza li kiseb ma jikkostitwixxux biss wieħed mill-fatturi li jistgħu jiġġustifikaw oġġettivament trattament differenti fir-rigward tal-impjegati permanenti taċ-ċivil. Huma jinsabu wkoll fost il-kriterji li jippermettu li jiġi vverifikat jekk il-persuna kkonċernata tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ dawn tal-aħħar.

70      Jekk, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali wettaq, bħala impjegat temporanju taċ-ċivil, perijodu ta’ għaxar snin servizz fil-kategoriji ta’ impjegati taċ-ċivil li jappartjenu għal-grupp D, jew f’kategorija oħra li l-funzjonijiet tagħha jikkorrispondu għal dawk eżerċitati minn impjegat permanenti taċ-ċivil li jaqa’ taħt il-kategoriji li jappartjenu għall-imsemmi grupp, jidher li l-uniku element li jista’ jiddistingwi s-sitwazzjoni tiegħu minn dik ta’ impjegat permanenti taċ-ċivil kandidat għall-proċedura ta’ għażla inkwistjoni huwa n-natura temporanja tar-relazzjoni ta’ xogħol li kienet torbtu ma’ min jimpjegah meta wettaq il-perijodi ta’ servizz bħala membru tal-persunal temporanju.

71      F’każ bħal dan, allura jkun irid jiġi vverifikat jekk hemmx raġuni oġġettiva li tiġġustifika n-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għażla inkwistjoni, l-imsemmija perijodi ta’ servizz.

72      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “[raġunijiet oġġettivi]” fis-sens tal-Klawżola 4(1) għandu jiġi interpretat bħala li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat minħabba l-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Del Cerro Alonso, punt 57; Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, punt 54, kif ukoll id-digriet Montoya Medina, iċċitat iktar ’il fuq, punt 40).

73      L-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tax-xogħol ikkonċernat, fil-kuntest partikolari taqa’ fih u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan imħaddan u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom l-kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tħaddin ta’ għan leġittimu tal-politika soċjali ta’ Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Del Cerro Alonso, punti 53 u 58, kif ukoll Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, punt 55).

74      L-użu tan-natura temporanja tax-xogħol tal-persunal tal-amministrazzjoni pubblika biss ma huwiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u b’hekk ma jistax, waħdu, jammonta għal raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas. Fil-fatt, jekk jiġi aċċettat li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija biżżejjed, waħedha, sabiex tiġġustifika differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat, dan ifisser li tkun qed titneħħa kull sustanza mill-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas u li jiġi pperpetwat il-manteniment ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 u 57, kif ukoll id-digriet Montoya Medina, iċċitat iktar ’il fuq, punti 42 u 43).

75      Il-Gvern Spanjol jinvoka l-eżistenza ta’ diversi differenzi bejn l-impjegati permanenti taċ-ċivil u l-impjegati temporanji taċ-ċivil li jistgħu jiġġustifikaw it-trattament differenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, huwa jenfasizza, fl-ewwel lok, li huma imposti fuqhom inqas rekwiżiti fir-rigward tad-dħul fis-servizz u l-ġustifikazzjoni tal-merti u l-kapaċitajiet. Fit-tieni lok, jirrileva n-nuqqas ta’ mobbiltà tal-impjegati temporanji taċ-ċivil, peress li huma marbutin mal-pożizzjonijiet li ntalbu jokkupaw b’mod temporanju, ħaġa li tirrendi l-attività tagħhom differenti u ta’ valur differenti minn dak ta’ impjegat permanenti taċ-ċivil. Fit-tielet lok, ifakkar li ċerti funzjonijiet huma rriżervati esklużivament għall-impjegati permanenti taċ-ċivil, ħaġa timplika li teżisti differenza kwalitattiva f’termini ta’ esperjenza u taħriġ. Fl-aħħar lok, dan il-Gvern jenfasizza l-fatt li t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-impjegati temporanji taċ-ċivil tista’ ssir meta r-raġuni għalfejn ġew maħtura tispiċċa.

76      Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istat Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, jistgħu, bħala regola ġenerali, mingħajr ma jiksru d-Diretettiva 1999/70 jew il-ftehim qafas, jipprovdu għal ċerti kundizzjonijiet ta’ anzjanità sabiex jingħata aċċess għal ċerti impjiegi, jirrestrinġu l-aċċess għal promozzjoni interna biss għall-impjegati permanenti taċ-ċivil u jeżiġu mill-imsemmija impjegati taċ-ċivil li jagħtu prova ta’ esperjenza professjonali li tikkorrispondi għall-grad direttament inferjuri għal dak involut fil-proċedura ta’ għażla.

77      Madankollu, minkejja din il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji li l-Istati Membri jistabbilixxu għandha ssir b’mod trasparenti u għandha tkun tista’ tiġi kkontrollata sabiex tkun tista’ tiġi evitata kull esklużjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat biss abbażi tal-perijodu tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jiġġustifikaw l-anzjanità tagħhom u l-esperjenza professjonali tagħhom.

78      Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 sa 65 tal-konklużjonijiet tagħha, ċerti differenzi invokati mill-Gvern Spanjol fir-rigward tar-reklutaġġ tal-impjegati temporanji u permanenti taċ-ċivil, tal-kwalifiki meħtieġa u tan-natura tal-funzjonijiet li għandhom jassumu r-responsabbiltà tagħhom jistgħu, bħala regola, jiġġustifikaw trattament differenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom.

79      Meta, fir-rigward tal-proċedura ta’ għażla, tali trattament differenti jirriżulta mill-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni ħtiġijiet oġġettivi fir-rigward tal-impjieg li ser jimtela permezz ta’ din il-proċedura u li ma għandhomx x’jaqsmu maż-żmien determinat tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lil impjegat temporanju taċ-ċivil ma’ min jimpjegah, dan it-trattament jista’ jiġi ġġustifikat fis-sens tal-Klawżola 4(1) u/jew (4) tal-ftehim qafas.

80      Min-naħa l-oħra, kundizzjoni ġenerali u astratta li skontha l-perijodu ta’ servizz meħtieġ għandu jkun twettaq kompletament bħala impjegat permanenti taċ-ċivil, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura partikolari tal-funzjonijiet li ser jitwettqu jew il-karatteristiċi inerenti għalihom, ma tikkorrispondix għall-ħtiġijiet tal-ġurisprudenza dwar il-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas kif imfakkar fil-punti 72 sa 74 ta’ din is-sentenza.

81      Anki jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jissodisfa kjarament il-kundizzjoni dwar it-twettiq ta’ għall-inqas sentejn servizz bħala impjegat permanenti taċ-ċivil li jaqa’ taħt il-grupp f’livell direttament inferjuri għal dak tal-kategorija li taħtha jaqa’ l-impjieg li għalih qed issir il-kompetizzjoni, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja la jirriżulta liema kienu l-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrent fis-snin li matulhom ħadem bħala impjegat temporanju taċ-ċivil u lanqas f’liema grad eżerċita l-funzjonijiet tiegħu, jew x’kienet ir-relazzjoni bejnhom u l-funzjonijiet tal-impjegati taċ-ċivil fil-kategoriji tal-impjegati li jappartjenu għall-grupp D.

82      Għaldaqsant, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax jekk l-esklużjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa mill-impjegati temporanji taċ-ċivil hijiex iġġustifikata biss miż-żmien tal-kuntratti tax-xogħol tagħhom jew jekk jeżistux ġustifikazzjonijiet oħra marbutin mal-ħtiġijiet oġġettivi tal-impjiegi li huma s-suġġett tal-proċedura ta’ għażla li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “[raġunijiet oġġettivi]” fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas.

83      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li, minn naħa, għandha tivverifika jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kinitx, fir-rigward tal-perijodi ta’ servizz li wettaq bħala impjegat temporanju taċ-ċivil, kumparabbli ma’ dik ta’ impjegat ieħor tal-Junta de Andalucía li wettaq il-perijodi ta’ servizz tiegħu bħala impjegat permanenti taċ-ċivil u, min-naħa l-oħra, għandha tevalwa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 72 sa 74 ta’ din is-sentenza, jekk l-argumenti ppreżentati quddiemha mill-Consejería jikkostitwixxux raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda hija li l-Klawżola 4 tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-perijodi ta’ servizz imwettqa minn impjegat temporanju taċ-ċivil ta’ amministrazzjoni pubblika ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-aċċess ta’ dan tal-aħħar, li fil-frattemp ikun sar impjegat permanenti taċ-ċivil, għal promozzjoni interna li huma eliġibbli għaliha biss l-impjegati permanenti taċ-ċivil, sakemm din l-esklużjoni ma tkunx iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-punt 1 ta’ din il-klawżola. Il-fatt, waħdu, li l-impjegat temporanju taċ-ċivil wettaq l-imsemmija perijodi ta’ servizz abbażi ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ma jikkostitwixxix tali raġuni oġġettiva.

 Fuq il-ħames domanda preliminari

85      Fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Gvern Spanjol, il-ħames domanda għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt primarju tal-Unjoni, id-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-azzjoni miġjuba minn impjegat permanenti taċ-ċivil kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-kandidatura tiegħu f’kompetizzjoni u bbażata fuq il-fatt li l-proċedura ta’ promozzjoni kisret il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas għandha ssir f’terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni.

86      Il-Gvern Spanjol jikkonstata li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46(1) tal-Liġi 29/1998, dwar it-tilwim fi proċeduri amministrattivi, (Ley 29/1998 reguladora de la Jurisdicción Contencioso-administrativa), tat-13 ta’ Lulju 1998 (BOE Nru 167, tal-14 ta’ Lulju 1998, p. 23516), setgħet ġiet ippreżentata azzjoni f’terminu ta’ xahrejn mill-ġurnata wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni, jiġifieri s-17 ta’ Diċembru 2007. B’mod konformi mad-dritt Spanjol, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jew imissu ppreżenta azzjoni diretta kontra l-kundizzjonijiet stipulati fl-avviż tal-kompetizzjoni fit-terminu previst, jew imissu kkontesta r-riżultat tal-kompetizzjoni jekk l-irregolarità li kkawżat in-nullità allegata kienet riżultat tal-aġir tal-awtorità kompetenti meta applikat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni, li, per se, ma kinux ivvizzjati b’nullità. Min-naħa l-oħra, ma jistax jikkontesta l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li tagħti aċċess għas-servizz pubbliku indirettament, wara li jiskadi t-terminu previst, permezz ta’ azzjoni diretta kontra r-riżultat tiegħu.

87      B’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, hija s-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, li għandha tindika l-qrati kompetenti u li għandha tirregola l-metodi proċedurali ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jiksbu mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44, u tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, Ġabra p. I‑3071, punt 173).

88      Madankollu, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza ferm stabbilita, il-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi li huma intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rimedji simili previsti mil-leġiżlazzjoni interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      L-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tippresupponi li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika bl-istess mod għal azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali li jkollhom suġġett u kawża simili. Sabiex tivverifika jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex osservat, il-qorti nazzjonali, li hija biss għandha għarfien dirett tar-regoli proċedurali applikabbli għal rikorsi fil-qasam tad-dritt nazzjonali, għandha teżamina jekk ir-regoli proċedurali intiżi sabiex jiżguraw, fid-dritt nazzjonali, l-osservanza tad-drittijiet li l-partijiet jisiltu mid-dritt tal-Unjoni humiex konformi ma’ dan il-prinċipju u għandha teżamina kemm l-għan kif ukoll l-elementi essenzjali tal-azzjonijiet allegatament simili ta’ natura interna. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti għandha tevalwa s-similaritajiet bejn l-azzjonijiet ikkonċernati mill-angolu tal-għan tagħhom, il-kawża tagħhom u l-elementi essenzjali tagħhom. Hija għandha, sabiex jiġi ddeterminat jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali hijiex inqas favorevoli, tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol tagħha fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u l-karatteristiċi partikolari ta’ dawn ir-regoli (s-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 26 sa 29, kif ukoll id-digriet tat-18 ta’ Jannar 2011, Berkizi-Nikolakaki, C‑272/10, punti 40 u 41).

91      F’dan il-każ, mill-provi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li t-terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn inkwisjtoni fil-kawża prinċipali jmur kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza. Hekk kif sostna l-Gvern Spanjol, dan it-terminu jikkostitwixxi t-terminu skont id-dritt komuni previst għall-azzjonijiet kollha kontra l-atti amministrattivi jew id-dispożizzjonijiet tagħhom. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

92      F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li f’kull każ li tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, din għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza Bulicke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, u d-digriet Berkizi-Nikolakaki, iċċitat iktar ’il fuq, punt 48).

93      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġonevoli ta’ dekadenza għall-azzjonijiet, fl-interess taċ-ċertezza legali, peress li tali termini ma humiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fir-rigward ta’ termini ta’ dekadenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fir-rigward tal-liġijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jistabbilixxu termini li jkollhom rabta, b’mod partikolari, mal-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, mal-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, man-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u mal-interessi l-oħra pubbliċi jew privati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza Bulicke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, u d-digriet Berkizi-Nikolakaki, iċċitat iktar ’il fuq, punt 49).

94      F’dan il-każ, il-Gvern Spanjol isostni li t-terminu ta’ xahrejn huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali u, essenzjalment, huwa intiż li jipproteġi lill-kandidati l-oħra fi proċeduri ta’ għażla, li fi ħdanhom, minn naħa, in-numru ta’ pożizzjonijiet li jridu jimtlew huwa limitat u, min-naħa l-oħra, l-annullament tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-kompetizzjoni jkun ifisser li l-proċedura jkollha tinbeda mill-ġdid u l-kandidati li jkunu għaddew jiċċaħdu mid-drittijiet li ħasbu li kisbu.

95      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma jidhirx li l-iffissar ta’ terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn, fil-kuntest tal-kawżi miġjuba quddiemha, irendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Bulicke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u d-digriet Berkizi-Nikolakaki, iċċitat iktar ’il fuq, punt 58). B’mod partikolari, hija kkonstatat il-validità ta’ tali terminu fir-rigward ta’ azzjoni kontra att ta’ portata ġenerali li kien jipprovdi għal proċedura kkumplikata u l-involviment ta’ numru kbir ta’ persuni (ara, f’dan is-sens, id-digriet Berkizi-Nikolakaki, iċċitat iktar ’il fuq, punti 56 sa 58).

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx li terminu ta’ dekadenza bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa ta’ tali natura li jrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ftehim qafas.

97      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie aċċettat għall-eżamijiet tal-kompetizzjoni organizzata mill-Consejería, ipparteċipa fihom u għadda minnhom, u kien inkluż, sakemm is-Segretarju Ġenerali tal-Consejería adotta d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-lista definittiva tal-kandidati li għaddew minn din il-kompetizzjoni ppubblikata fit-12 ta’ Novembru 2008. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li jekk it-terminu ta’ xahrejn previst mid-dritt Spanjol jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni, li saret fis-17 ta’ Diċembru 2007, dan jista’ jrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ftehim qafas.

98      Fil-fatt, fid-dawl tal-ammissjoni tiegħu għall-eżamijiet tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari tal-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ġie inluż fil-lista definittiva tal-kandidati li għaddew minn din il-kompetizzjoni, kien biss meta s-Segretarju Ġenerali tal-Consejería, permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri fil-25 ta’ Marzu 2009, annulla l-ammissjoni u n-nomina tal-persuna kkonċernata bħala impjegat permanenti taċ-ċivil tal-Grupp C li sar magħruf li l-avviż tal-kompetizzjoni ġie applikat b’tali mod li seta’ jikser id-drittijiet mogħtija mill-ftehim qafas.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatturi ta’ inċertezza fil-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività u tistabbilixxi jekk, f’każ li t-terminu ta’ xahrejn għandu, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jibda jiddekorri biss min-notifika tal-imsemmija deċiżjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali madankollu ppreżentax ir-rikors tiegħu fil-ħin.

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li d-dritt primarju tal-Unjoni, id-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala regola, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-azzjoni miġjuba minn impjegat permanenti taċ-ċivil kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-kandidatura tiegħu f’kompetizzjoni u bbażata fuq il-fatt li din il-proċedura kisret il-Klawżola 4 tal-imsemmi ftehim qafas għandha ssir f’terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni. Madankollu, dan it-terminu ma jistax jiġi invokat kontra impjegat permanenti taċ-ċivil, kandidat f’din il-kompetizzjoni, li ġie ammess għall-eżamijiet u li ismu kien inkluż fil-lista definittiva tal-kandidati li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni jekk ikun tali li jrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ftehim qafas. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ta’ xahrejn jista’ jibda jiddekorri biss mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li tannulla l-ammissjoni tiegħu għall-imsemmija kompetizzjoni u n-nomina tiegħu bħala impjegat permanenti taċ-ċivil tal-grupp superjuri.

 Fuq l-ispejjeż

101    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP u l-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] li jinsab fl-Anness tad-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, japplikaw għall-kuntratti u għar-relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u l-entitajiet l-oħra tas-settur pubbliku u, min-naħa l-oħra, jeżiġu li jiġi eskluż kull trattament differenti bejn l-impjegati permanenti taċ-ċivil u l-impjegati temporanji taċ-ċivil paragunabbli ta’ Stat Membru biss għar-raġuni li dawn tal-aħħar jaħdmu għal żmien determinat, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-imsemmi ftehim qafas.

2)      Il-Klawżola 4 tal-imsemmi Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-perijodi ta’ servizz imwettqa minn impjegat temporanju taċ-ċivil ta’ amministrazzjoni pubblika ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-aċċess ta’ dan tal-aħħar, li fil-frattemp ikun sar impjegat permanenti taċ-ċivil, għal promozzjoni interna li huma eliġibbli għaliha biss l-impjegati permanenti taċ-ċivil, sakemm din l-esklużjoni ma tkunx iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-punt 1 ta’ din il-klawżola. Il-fatt, waħdu, li l-impjegat temporanju taċ-ċivil wettaq l-imsemmija perijodi ta’ servizz abbażi ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ma jikkostitwixxix tali raġuni oġġettiva.

3)      Id-dritt primarju tal-Unjoni, id-Direttiva 1999/70 u l-imsemmi Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala regola, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-azzjoni miġjuba minn impjegat permanenti taċ-ċivil kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-kandidatura tiegħu f’kompetizzjoni u bbażata fuq il-fatt li din il-proċedura kisret il-Klawżola 4 tal-imsemmi ftehim qafas għandha ssir f’terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni. Madankollu, dan it-terminu ma jistax jiġi invokat kontra impjegat permanenti taċ-ċivil, kandidat f’din il-kompetizzjoni, li ġie ammess għall-eżamijiet u li ismu kien inkluż fil-lista definittiva tal-kandidati li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni jekk ikun tali li jrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ftehim qafas. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ta’ xahrejn jista’ jibda jiddekorri biss mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li tannulla l-ammissjoni tiegħu għall-imsemmija kompetizzjoni u n-nomina tiegħu bħala impjegat permanenti taċ-ċivil tal-grupp superjuri.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.