Kawża C-124/10 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Électricité de France (EDF)

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Rinunzja għal kreditu fiskali — Eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji — Żieda fil-kapital azzjonarju — Aġir tal-Istat bħala investitur privat diliġenti f’ekonomija tas-suq — Kriterji li jippermettu li ssir distinzjoni bejn l-Istat li jaġixxi bħala azzjonist u l-Istat li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika — Definizzjoni tal-investitur privat ta’ riferiment — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Oneru tal-prova”

Sommarju tas-sentenza

  1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat – Stat azzjonist ta’ impriża – Stat li jaġixxi bħala awtorità pubblika – Distinzjoni fid-dawl tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat

    (Artikolu 87(1) KE)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat – Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-operazzjoni inkwistjoni u tal-kuntest tagħha – Obbligu tal-Istat Membru li jipprovdi elementi oġġettivi u verifikabbli li juru n-natura ekonomika tal-attività tiegħu

    (Artikolu 87(1) KE)

  3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Stat Membru li jagħti li għandu l-kwalitajiet ta’ kreditur fiskali u ta’ azzjonist uniku ta’ impriża pubblika li tibbenefika minn żieda fil-kapital azzjonarju permezz ta’ rinunzja għal kreditu fiskali – Applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat

    (Artikolu 87(1) KE)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat – Applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat għal miżuri ta’ natura fiskali

    (Artikolu 87(1) KE)

  1.  Il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE ma humiex sodisfatti jekk l-impriża pubblika benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dawk disponibbli għaliha permezz tar-riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal ċirkustanzi normali tas-suq, evalwazzjoni li għall-impriżi pubbliċi ssir billi jiġi applikat, bħala prinċipju, il-kriterju ta’ investitur privat.

    Għal dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha l-Istat, minn naħa, huwa azzjonist ta’ impriża u, min-naħa l-oħra, jaġixxi bħala awtorità pubblika, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-istess miżura kinitx tiġi adottata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn investitur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat, huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar meta jaġixxi bħala azzjonist, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn ir-rwoli tal-Istat azzjonist ta’ impriża, minn naħa, u dawk tal-Istat li jaġixxi bħala awtorità pubblika, min-naħa l-oħra. Konsegwentement, sabiex il-kriterju ta’ investitur privat japplika, hemm bżonn li l-Istat Membru kkonċernat jagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża proprjetà tiegħu fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika.

    F’dan il-kuntest, il-kriterju ta’ investitur privat ma huwiex eċċezzjoni li ma tapplikax ħlief fuq talba ta’ Stat Membru, meta l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, li jinsab fl-Artikolu 87(1) KE, ikunu sodisfatti. Fil-fatt, dan il-kriterju, meta jkun applikabbli, jinsab fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali għajnuna. Konsegwentement, meta jidher li l-kriterju tal-investitur privat jista’ japplika, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà u għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex sodisfatti u hija tista’ tirrifjuta li teżamina tali informazzjoni biss jekk il-provi prodotti jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li twettaq l-investiment inkwistjoni.

    (ara l-punti 78-81, 103, 104)

  2.  F’sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru huwa azzjonist ta’ impriża u jinvoka, matul il-proċedura amministrattiva, il-kriterju ta’ investitur privat, huwa għandu l-obbligu, fil-każ ta’ dubju, li jistabbilixxi mingħajr dubju u abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implementata tirriżulta mill-kwalità tiegħu ta’ azzjonist. Dawn l-elementi għandhom juru b’mod ċar li, qabel jew fl-istess waqt tal-għoti tal-vantaġġ ekonomiku, l-Istat Membru kkonċernat ħa d-deċiżjoni li jwettaq, permezz tal-miżura effettivament implementata, investiment fl-impriża pubblika kkontrollata. F’dan ir-rigward jistgħu jkunu meħtieġa, b’mod partikolari, provi li juru li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, investitur privat razzjonali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-imsemmi Stat Membru kien jagħmel, qabel ma jwettaq l-imsemmi investiment, sabiex jiddetermina l-profittabbiltà futura ta’ tali investiment.

    Min-naħa l-oħra, evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara l-għoti tal-imsemmi vantaġġ, il-konstatazzjoni retrospettiva tal-profittabbiltà effettiva tal-investiment imwettqa mill-Istat Membru kkonċernat jew ġustifikazzjonijiet ulterjuri tal-għażla tal-proċess effettivament użat ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan l-Istat Membru ħa, qabel jew fl-istess waqt ta’ dan l-għoti, tali deċiżjoni fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist. Jekk l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi lill-Kummissjoni provi tan-natura meħtieġa, huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li twettaq evalwazzjoni globali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat, kwalunkwe prova oħra rilevanti f’dan il-każ li tippermettilha tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni tirriżultax mill-kwalità tal-imsemmi Stat Membru ta’ azzjonist jew minn dik ta’ awtorità pubblika. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward jistgħu jkunu rilevanti n-natura u l-iskop ta’ din il-miżura, il-kuntest li din tiġi adottata fih kif ukoll l-għan imfittex u r-regoli li għalihom hija suġġetta l-imsemmija miżura.

    (ara l-punti 82-86)

  3.  L-Artikolu 87(1) KE jipprovdi li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li minħabba l-effetti tagħha twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, hija inkompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat hija intiża sabiex tiddetermina jekk il-vantaġġ ekonomiku mogħti, taħt kwalunkwe forma, permezz ta’ riżorsi tal-Istat lil impriża pubblika huwiex, minħabba l-effetti tiegħu, tali li jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, u jaffettwax il-kummerċ bejn Stati Membri.

    Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni u dan il-kriterju huma intiżi sabiex jevitaw li, permezz ta’ riżorsi tal-Istat, l-impriża pubblika benefiċjarja jkollha sitwazzjoni finanzjarja iktar vantaġġuża minn dik tal-kompetituri tagħha. Issa, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża pubblika benefiċjarja ma tiddependix fuq il-forma disponibbli għal dan il-vantaġġ, tkun xi tkun in-natura, iżda fuq l-ammont li hija finalment tibbenefika minnu.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonċentra l-analiżi tagħha tal-applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat fuq it-titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża u fuq l-effetti tal-miżura inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u mhux fuq in-natura fiskali tal-mezzi użati mill-Istat Membru kkonċernat.

    Fil-fatt, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 87(1) KE kif ukoll mill-kriterju ta’ investitur privat, vantaġġ ekonomiku, anki jekk mogħti permezz ta’ mezzi ta’ natura fiskali, għandu jiġi evalwat, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kriterju ta’ investitur privat jekk wara l-evalwazzjoni globali, fil-każ li tkun meħtieġa, jidher li minkejja l-użu ta’ tali mezzi li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika l-Istat Membru kkonċernat ta l-imsemmi vantaġġ fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist tal-impriża li hija l-proprjetà tiegħu.

    (ara l-punti 88-92)

  4.  Il-kriterju ta’ investitur privat jista’ jkun applikabbli wkoll fil-każ li fih ikunu ntużaw mezzi ta’ natura fiskali. F’dan ir-rigward, fil-każ li investitur privat ma kienx ikun jista’ jwettaq investiment, bħal dak li għamel l-Istat, f’kundizzjonijiet paragunabbli, peress li kien ikollu jħallas it-taxxa u li l-imsemmi Stat biss, bħala awtorità fiskali, seta’ jkollu s-somom korrispondenti għal din it-taxxa għandu, minn naħa, jiġi rrilevat li fir-rigward tal-operazzjoni ta’ kontabbiltà inkwistjoni, hija l-impriża privata li tinsab fis-sitwazzjoni tal-impriża u mhux l-azzjonist tagħha, li kien ikollha tħallas l-imsemmija taxxa.

    F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat kien għaldaqstant jippermetti li jiġi ddeterminat jekk azzjonist privat kienx jittrasferixxi, taħt kundizzjonijiet simili, ammont ugwali għat-taxxa dovuta, f’impriża li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-impriża.

    Min-naħa l-oħra, differenza possibbli bejn l-ispiża sostnuta minn investitur privat u dik sostnuta mill-Istat investitur ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat. Fil-fatt, dan il-kriterju jippermetti preċiżament li tiġi stabbilita, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ tali differenza u li matul l-evalwazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi kriterju humiex sodisfatti.

    (ara l-punti 94-96, 98)