Keywords
Summary

Keywords

1. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Sistema speċifika ta’ tassazzjoni li tagħti vantaġġ lil impriża

(Artikolu 87(1) KE)

2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Sistema partikolari ta’ tassazzjoni ta’ impriża — Kumpens ta’ differenza ta’ tassazzjoni favorevoli fuq ċertu perijodu minn tassazzjoni żejda mħallsa fuq perijodu ieħor minħabba l-ġbir ta’ ammont fiss

(Artikolu 87(1) KE)

3. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 88 KE — Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji — Protezzjoni — Kundizzjonijiet u limiti

(Artikolu 88(3) KE)

4. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Preskrizzjoni deċennali tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni — Data tal-għoti tal-għajnuna lill-benefiċjarju

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 15)

5. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-ħlas lura tagħha – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali l-inkarigu li jikkalkolaw l-ammont preċiż li għandu jitħallas lura — Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali — Assenza

Summary

1. Sistema speċifika ta’ tassazzjoni tista’ tagħti vantaġġ lil impriża, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, anki jekk l-ammont eżatt tal-għajnuna mogħtija abbażi tal-imsemmija sistema għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ ċerti fatturi esterni għall-imsemmija sistema.

Meta l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna tiddependi minn ċertu numru ta’ ċirkustanzi esterni għas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, bħall-annwalità tat-taxxa fuq in-negozju u l-livell tar-rati imposti vvutati kull sena mill-awtoritajiet lokali, tali ċirkustanzi ma jfixklu bl-ebda mod li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni tkun tista’, diġà fil-mument tal-adozzjoni tagħha, tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-adozzjoni tas-sistema ta’ għajnuna, u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ għajnuna annwali lill-impriża abbażi tal-imsemmija sistema li l-ammont eżatt tagħha jiddependi minn ċerti fatturi esterni.

F’tali każ, l-eżistenza ta’ vantaġġ tista’ tirriżulta, minn naħa, minn element fiss marbut mas-sistema fiskali speċifika applikata għall-impriża meta mqabbla mas-sistema ta’ dritt komuni u, min-naħa l-oħra, minn element varjabbli, skont iċ-ċirkustanzi fattwali, jiġifieri l-post tal-artijiet fid-diversi awtoritajiet lokali kif ukoll ir-rata ta’ tassazzjoni applikabbli fl-imsemmija awtoritajiet lokali.

(ara l-punti 21-23, 27)

2. F’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, miżura ma tistax taħrab mill-kwalifika ta’ għajnuna meta l-benefiċjarju tagħha jkun suġġett għal piż speċifiku li jkun differenti u mingħajr ebda relazzjoni mal-għajnuna inkwistjoni.

Id-determinazzjoni ta’ jekk tassazzjoni żejda mħallsa minn impriża f’ċertu perijodu, minħabba l-ġbir ta’ ammont fiss li kienet suġġetta għalih, jikkumpensa d-differenza ta’ tassazzjoni li din il-kumpannija kienet ibbenefikat minnha fuq perijodu ieħor tiddependi fuq l-analiżi tal-karatteristiċi oġġettivi tal-ġbir ta’ ammont fiss applikabbli u fuq il-kwistjoni dwar jekk jistax jitqies bħala spiża inerenti għall-vantaġġ li jirriżulta għall impriża, jekk ikun il-każ, mill-issuġġettar tagħha għas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni. Is-sempliċi fatt li l-ġbir ta’ ammont fiss u s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni t-tnejn li huma ġew stabbiliti bl-istess Liġi ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-issuġġettar tal-impriża’ għall-ġbir ta’ ammont fiss kien inerenti fl-istabbiliment tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni.

(ara l-punti 43, 44, 48)

3. Fid-dawl tan-natura imperattiva tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat magħmul mill-Kummissjoni, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna biss jekk din tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun kapaċi jiżgura li din il-proċedura tiġi osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi implementata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li hija illegali skont l-Artikolu 88(3) KE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dak il-waqt, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti ta’ din l-għajnuna.

Barra minn hekk, meta għajnuna ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ din fir-rigward ta’ din il-miżura ma għandux effett.

(ara l-punti 59, 60)

4. Is-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna għandhom ikunu suġġetti, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, għal perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin. Mill-paragrafu (2) tal-istess artikolu jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata meta l-għajnuna illegali tingħata lill-benefiċjarju. Konsegwentement, l-element deċiżiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni msemmi fl-Artikolu 15 huwa dak tal-għoti effettiv tal-għajnuna.

Mill-imsemmi Artikolu 15(2) jirriżulta li din id-dispożizzjoni, sabiex tiffissa d-data meta t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri, tirreferi għall-għoti tal-għajnuna lill-benefiċjarju u mhux għad-data ta’ adozzjoni tas-sistema ta’ għajnuna.

F’dan ir-rigward, id-determinazzjoni tad-data tal-għoti tista’ tvarja skont in-natura tal-għajnuna inkwistjoni. Fl-ipoteżi ta’ sistema pluriannwali fil-forma ta’ ħlas jew l-għoti perijodiku ta’ vantaġġi, id-data tal-adozzjoni ta’ att li jikkostitwixxi l-bażi legali tal-għajnuna u dik meta l-impriżi effettivament ingħataw il-benefiċċju tagħha jistgħu jkunu separati minn tul ta’ żmien sostanzjali. F’tali każ, għall-finijet tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata li ngħatat lill-benefiċjarju unikament fid-data meta din tingħata effettivament lil dan tal-aħħar.

(ara l-punti 80-82)

5. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex il-persuni interessati jkunu jistgħu jidderieġu ruħhom f’sitwazzjonijiet u relazzjonijiet legali li huma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna li tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, tistabbilixxi l-ammont eżatt li għandu jitħallas lura. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu li d-destinatarju tagħha jkun jista’ jiddetermina huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont.

(ara l-punti 100, 102)