Kawża C-81/10 P

France Télécom SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Sistema ta’ impożizzjoni tat-taxxa professjonali fuq France Télécom — Kunċett ta’ ‘għajnuna’ — Aspettattivi leġittimi — Terminu ta’ preskrizzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Prinċipju ta’ ċertezza legali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Sistema speċifika ta’ tassazzjoni li tagħti vantaġġ lil impriża

(Artikolu 87(1) KE)

2.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Sistema partikolari ta’ tassazzjoni ta’ impriża — Kumpens ta’ differenza ta’ tassazzjoni favorevoli fuq ċertu perijodu minn tassazzjoni żejda mħallsa fuq perijodu ieħor minħabba l-ġbir ta’ ammont fiss

(Artikolu 87(1) KE)

3.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 88 KE — Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji — Protezzjoni — Kundizzjonijiet u limiti

(Artikolu 88(3) KE)

4.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Preskrizzjoni deċennali tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni — Data tal-għoti tal-għajnuna lill-benefiċjarju

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 15)

5.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-ħlas lura tagħha – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali l-inkarigu li jikkalkolaw l-ammont preċiż li għandu jitħallas lura — Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali — Assenza

1.        Sistema speċifika ta’ tassazzjoni tista’ tagħti vantaġġ lil impriża, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, anki jekk l-ammont eżatt tal-għajnuna mogħtija abbażi tal-imsemmija sistema għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ ċerti fatturi esterni għall-imsemmija sistema.

Meta l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna tiddependi minn ċertu numru ta’ ċirkustanzi esterni għas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, bħall-annwalità tat-taxxa fuq in-negozju u l-livell tar-rati imposti vvutati kull sena mill-awtoritajiet lokali, tali ċirkustanzi ma jfixklu bl-ebda mod li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni tkun tista’, diġà fil-mument tal-adozzjoni tagħha, tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-adozzjoni tas-sistema ta’ għajnuna, u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ għajnuna annwali lill-impriża abbażi tal-imsemmija sistema li l-ammont eżatt tagħha jiddependi minn ċerti fatturi esterni.

F’tali każ, l-eżistenza ta’ vantaġġ tista’ tirriżulta, minn naħa, minn element fiss marbut mas-sistema fiskali speċifika applikata għall-impriża meta mqabbla mas-sistema ta’ dritt komuni u, min-naħa l-oħra, minn element varjabbli, skont iċ-ċirkustanzi fattwali, jiġifieri l-post tal-artijiet fid-diversi awtoritajiet lokali kif ukoll ir-rata ta’ tassazzjoni applikabbli fl-imsemmija awtoritajiet lokali.

(ara l-punti 21-23, 27)

2.        F’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, miżura ma tistax taħrab mill-kwalifika ta’ għajnuna meta l-benefiċjarju tagħha jkun suġġett għal piż speċifiku li jkun differenti u mingħajr ebda relazzjoni mal-għajnuna inkwistjoni.

Id-determinazzjoni ta’ jekk tassazzjoni żejda mħallsa minn impriża f’ċertu perijodu, minħabba l-ġbir ta’ ammont fiss li kienet suġġetta għalih, jikkumpensa d-differenza ta’ tassazzjoni li din il-kumpannija kienet ibbenefikat minnha fuq perijodu ieħor tiddependi fuq l-analiżi tal-karatteristiċi oġġettivi tal-ġbir ta’ ammont fiss applikabbli u fuq il-kwistjoni dwar jekk jistax jitqies bħala spiża inerenti għall-vantaġġ li jirriżulta għall impriża, jekk ikun il-każ, mill-issuġġettar tagħha għas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni. Is-sempliċi fatt li l-ġbir ta’ ammont fiss u s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni t-tnejn li huma ġew stabbiliti bl-istess Liġi ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-issuġġettar tal-impriża’ għall-ġbir ta’ ammont fiss kien inerenti fl-istabbiliment tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni.

(ara l-punti 43, 44, 48)

3.        Fid-dawl tan-natura imperattiva tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat magħmul mill-Kummissjoni, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna biss jekk din tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun kapaċi jiżgura li din il-proċedura tiġi osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi implementata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li hija illegali skont l-Artikolu 88(3) KE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dak il-waqt, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti ta’ din l-għajnuna.


Barra minn hekk, meta għajnuna ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ din fir-rigward ta’ din il-miżura ma għandux effett.

(ara l-punti 59, 60)

4.        Is-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna għandhom ikunu suġġetti, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, għal perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin. Mill-paragrafu (2) tal-istess artikolu jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata meta l-għajnuna illegali tingħata lill-benefiċjarju. Konsegwentement, l-element deċiżiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni msemmi fl-Artikolu 15 huwa dak tal-għoti effettiv tal-għajnuna.

Mill-imsemmi Artikolu 15(2) jirriżulta li din id-dispożizzjoni, sabiex tiffissa d-data meta t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri, tirreferi għall-għoti tal-għajnuna lill-benefiċjarju u mhux għad-data ta’ adozzjoni tas-sistema ta’ għajnuna.

F’dan ir-rigward, id-determinazzjoni tad-data tal-għoti tista’ tvarja skont in-natura tal-għajnuna inkwistjoni. Fl-ipoteżi ta’ sistema pluriannwali fil-forma ta’ ħlas jew l-għoti perijodiku ta’ vantaġġi, id-data tal-adozzjoni ta’ att li jikkostitwixxi l-bażi legali tal-għajnuna u dik meta l-impriżi effettivament ingħataw il-benefiċċju tagħha jistgħu jkunu separati minn tul ta’ żmien sostanzjali. F’tali każ, għall-finijet tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata li ngħatat lill-benefiċjarju unikament fid-data meta din tingħata effettivament lil dan tal-aħħar.

(ara l-punti 80-82)

5.        Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex il-persuni interessati jkunu jistgħu jidderieġu ruħhom f’sitwazzjonijiet u relazzjonijiet legali li huma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna li tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, tistabbilixxi l-ammont eżatt li għandu jitħallas lura. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu li d-destinatarju tagħha jkun jista’ jiddetermina huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont.

(ara l-punti 100, 102)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

8 ta’ Diċembru 2011 (1)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Sistema ta’ impożizzjoni tat-taxxa professjonali fuq France Télécom – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Aspettattivi leġittimi – Terminu ta’ preskrizzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ ċertezza legali”

Fil-Kawża C‑81/10 P,/

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-10 ta’ Frar 2010,

Franza Télécom SA, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn S. Hautbourg, L. Olza Moreno u L. Godfroid, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Gippini Fournier u D. Grespan, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u J. Gstalter, bħala aġenti,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász, u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Marzu 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha France Télécom SA (iktar ’il quddiem “France Télécom”), titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li saret il-Qorti Ġenerali), tat-30 ta’ Novembru 2009, France u France Télécom vs Il-Kummissjoni (T‑427/04 u T‑17/05, Ġabra p. II‑4315, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/709/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lil France Télécom (ĠU 2005, L 269, p. 30, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat il-kuntest ġuridiku u l-fatti tal-kawża mressqa quddiemha fil-kliem li ġej:

“[…]

2. L-issuġġettar ta’ France Télécom għat-taxxa fuq in-negozju

Sistema ġenerali tat-taxxa fuq in-negozju

16      It-taxxa fuq in-negozju hija taxxa lokali li r-regoli tagħha huma stabbiliti mil-liġi u kkodifikati fil-code général des impôts (Kodiċi Ġenerali tat‑Taxxa).

17      […] it-taxxa fuq in-negozju hija dovuta kull sena mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw regolarment attività ta’ negozju għal rashom fl-1 ta’ Jannar.

18      […] it-taxxa fuq in-negozju hija stabbilita skont il-kapaċità kontributtiva tal-persuni taxxabbli, evalwata abbażi ta’ kriterji ekonomiċi skont l-importanza tal-attivitajiet eżerċitati minnhom fit-territorju tal-awtoritità lokali benefiċjarja.

19      Minn dan isegwi li t-taxxa fuq in-negozju hija taxxa li l-bażijiet tagħha ma jikkonsistux fil-qligħ li jsir mill-attività tal-impriża, iżda, sad-data tal-fatti li wasslu għal din il-kawża, f’parti mill-valur tal-fatturi tal‑produzzjoni - il-kapital u x-xogħol - użati mill-persuna taxxabbli f’kull komun fejn it-taxxa hija stabbilita.

20      […] għat-taxxi stabbiliti għas-snin 1994 sal-2002, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq in-negozju kienet tinkludi, minn naħa, il-valur tal-kiri tal-proprjetà immobbli korporali li l-persuna taxxabbli kellha għall-ħtiġiet tal-attività professjonali tagħha matul il-perijodu ta’ referenza u, min-naħa l-oħra, parti mill-pagi mħallsa matul il-perijodu ta’ referenza.

21      […] il‑perijodu ta’ referenza […] huwa s-sena ta’ qabel tal-aħħar preċedenti għal dik tat-tassazzjoni, meta s-sena finanzjarja tikkoinċidi mas-sena kalendarja, jew, fejn dan ma huwiex il-każ, is-sena finanzjarja magħluqa fis-sena ta’ qabel tal-aħħar preċedenti għal dik tat-tassazzjoni.

22      […] t-taxxa fuq in-negozju hija stabbilita f’kull komun fejn il-persuna taxxabbli għandha bini jew artijiet, skont il-valur tal-kiri tal-beni li jinsabu fuq din il-proprjetà jew li huma marbuta magħha u skont il-pagi mħallsa lill-persunal.

[…]

Regoli applikabbli għal France [Télécom]

Prinċipju ta’ ssuġġettar għat-taxxi fid-dritt komuni

25      Il-Liġi 90‑568 [, tat-2 ta’ Lulju 1990, relative à l’organisation du service public de la poste et des télécommunications (dwar l-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet) (JORF tat-8 ta’ Lulju 1990, p. 8069, iktar ’il quddiem il-“liġi Nru 90-568”)], li permezz tagħha ġiet imwaqqfa France Télécom […], tipprovdi, […], dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tassazzjoni.

26      […] mingħajr preġudizzju [għal ċerti] eċċezzjonijiet […] France Télécom [fil-prinċipju] suġġetta għat-taxxi u għall-ħlasijiet […] li huma suġġetti għalihom impriżi privati li jwettqu l-istess operazzjonijiet.

Ġbir ta’ ammont globali

27      […] sal-1 ta’ Jannar 1994, France Télécom kellha tkun suġġetta biss għat-taxxi u l-ħlasijiet effettivament sostnuti mill-Istat. Għaldaqstant, France Télécom ma kinitx responsabbli, b’mod partikolari, la għat-taxxa fuq il-kumpanniji u lanqas għat-taxxi lokali, fosthom it-taxxa fuq in-negozju. Bħala korrispettiv, għas-snin 1991 sal-1993, France Télécom kellha tħallas kontribuzzjoni stabbilita kull sena mil-liġi finanzjarja, limitata għal ammont li l-bażi tiegħu, qabel aġġustament għall-għoli tal-ħajja, kien dak tal-bilanċ milħuq mill-baġit anness tat-telekomunikazzjoni għas-sena 1989 […]

Sistema speċifika ta’ tassazzjoni

[…]

30      It-taxxa, [dovuta bħala taxxa fuq in-negozju] li l-bażi taxxabbli tagħha kienet issegwi, għall-kalkolu tal-bażijiet taxxabbli, ir-regoli ġenerali previsti fil-code général des impôts […] ġiet stabbilita bl-applikazzjoni ta’ rata medja bbilanċjata nazzjonali li tirriżulta mir-rati li ġew stabbiliti fis-sena preċedenti mill-awtoritajiet lokali kollha […].

31      Għal France Télécom kienet tiġi applikata, barra minn hekk, rata ta’ 1.9 % minflok rata ta’ 8 % għall-ispejjeż ta’ amministrazzjoni, jiġifieri ammont addizzjonali miġbur mill-Istat sabiex isir tajjeb għall-ispejjeż sostnuti mid-dipartimenti tat-taxxa għall-attivitajiet ta’ stabbiliment tar-rwoli u tal-irkupru tat-taxxa fuq in-negozju għall-benefiċċju tal-awtoritajiet lokali.

32      Il-dħul mit-taxxa kellu jitħallas lill-Istat, jew, għal dik il-parti li taqbeż il-kontribuzzjoni mħallsa għas-sena 1994, aġġustata kull sena għat-tibdil fl-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut, lill-Fond Nazzjonali ta’ ridistribuzzjoni tat-taxxa fuq in-negozju […]

[...]

3. Proċedura amministrattiva

35      Fit-13 ta’ Marzu 2001, l-Assoċjazzjoni tal-awtoritajiet lokali għall-introduzzjoni mill-ġdid tat-taxxa fuq in-negozju ta’ France Télécom u ta’ La Poste fid-dritt komuni ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni, fejn qalet li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. L-imsemmija assoċjazzjoni rreferiet, b’mod partikolari, għat‑telf ta’ dħul ikkawżat, għal ċerti komuni, mill-applikazzjoni ta’ rata medja bbilanċjata nazzjonali.

36      Wara dan l-ilment, fit-28 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ eżami preliminari tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni u bagħtet lir-Repubblika Franċiża talba għal informazzjoni f’dan ir-rigward.

37      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Settembru 2001, ir-Repubblika Franċiża rrispondiet għal din it-talba għal informazzjoni, fejn indikat li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat peress li ma kienet toħloq l-ebda vantaġġ għal France Télécom u ma wasslet għal ebda telf ta’ riżorsi għall-Istat.

38      Fit-30 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiftaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista taħt l-Artikolu 88(2) KE fir‑rigward, b’mod partikolari, tal-eżenzjoni tat-taxxa fuq in-negozju li France Télécom kienet ibbenefikat minnha mill-1991 sal-1993 u tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Id‑deċiżjoni ta’ ftuħ ġiet innotifikata lir-Repubblika Franċiża permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2003. Fuq talba tal-awtoritajiet Franċiżi, fis-7 ta’ Marzu 2003 il‑Kummissjoni nnotifikat il-verżjoni kkoreġuta ta’ din id-deċiżjoni. Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni stmat il‑vantaġġ mogħti lil France Télécom għal, bejn wieħed u ieħor, biljun Frank Franċiż (FRF) kull sena mill-1994 (paragrafi 73 u 74). Id-deċiżjoni ta’ ftuħ ġiet ippubblikata fit-12 ta’ Marzu 2003 (ĠU C 57, p. 5).

[…]

4. Deċiżjoni kkontestata

53      Fid-19 u l-20 ta’ Lulju 2004, waqt l-1667 laqgħa tiegħu, il-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni approva abbozz ta’ deċiżjoni li tikkonstata li France Télécom kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat minħabba s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, matul il‑perijodu 1994-2002 (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”), u ta s-setgħa lill-membru inkarigat mill-kompetizzjoni sabiex jadotta, bil-kunsens tal-President, il-verżjoni finali tad-deċiżjoni bil-Franċiż, il‑lingwa awtentika, wara “reviżjoni ġuridiko-lingwistika”.

54      Fit-2 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni adottat id-[deċiżjoni kkontestata]. Din ġiet innotifikata lir-Repubblika Franċiża fit-3 ta’ Awwissu 2004. […]

61      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabel kollox ikkunsidrat li l-ġbir ta’ ammont globali, previst […] għall‑perijodu mill-1991 sal-1993, seta’ jitqies li jissostitwixxi t‑taxxa fuq in-negozju normalment dovuta għall-istess snin. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq in-negozju matul dan il-perijodu ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat (premessi 22 sa 33 u 53 [tad-deċiżjoni kkontestata]).

62      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni applikabbli għas-snin 1994 sal-2002 kienet tistabbilixxi għajnuna mill-Istat rappreżentata mid-differenza bejn it-taxxa li France Télécom kellha ssostni fil-kundizzjonijiet ta’ dritt komuni u l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet ta’ taxxa fuq in-negozju li effettivament ġew addebitati lil din tal-aħħar (iktar ’il quddiem id-“differenza fit-tassazzjoni”). Din l‑għajnuna ġdida, implementata illegalment bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE hija, barra minn hekk, inkompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, hija għandha tiġi rkuprata (premessi 34 sa 53 tad‑deċiżjoni kkontestata).

63      Sabiex is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1), il-Kummissjoni argumentat kif ġej.

64      L-ewwel nett, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tal-fehma li għandu jiġi miċħud l-argument tal-awtoritajiet Franċiżi li l-vantaġġ ikkonstatat matul il-perijodu 1994-2002 kien iktar milli kkumpensat bl-ammont tal-ġbir tal-ammont globali li France Télécom kienet suġġetta għalih matul il‑perijodu 1991-1993 (premessi 35 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata).

65      Qabel kollox, il-Kummissjoni sostniet li l-Liġi 90‑568 kienet stabbiliet żewġ sistemi ta’ tassazzjoni suċċessivi u distinti: sistema ta’ eżenzjoni, applikabbli mill-1991 sal-1993, bis-sostituzzjoni ta’ ġbir ta’ ammont globali flok it-taxxi tad-dritt komuni, fosthom it-taxxa fuq in-negozju, minn naħa; sistema speċjali u ta’ deroga, li twassal għal tassazzjoni mhux suffiċjenti fil-qasam tat-taxxa fuq in-negozju, applikabbli, oriġinarjament, mill-1994 u li ntemmet bit-tassazzjoni stabbilita għas-sena 2003, min-naħa l‑oħra (premessi 36 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata).

[…]

67      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma setgħetx taċċetta l‑kumpens bejn id-differenza fit-tassazzjoni li France Télécom kienet ibbenefikat minnha mill-1994 sal-2002 u l-ġbir ta’ ammont globali mħallas mill-1991 sal-1993, li ma kien marbut mat-taxxa fuq in-negozju la speċifikament mil-Liġi 90‑568 u lanqas mill-metodi ta’ kalkolu tagħha (premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ġbir ta’ ammont globali inkwistjoni kien iktar simili għall-ħlas ta’ sehem fuq il-qligħ tas-sid mill-kapital milli għal taxxa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien ikun biss eċċezzjonalment li l-Kummissjoni setgħet taċċetta li dan il-ħlas jikkumpensa għall‑eżenzjoni totali mit-taxxa fuq in-negozju li France Télécom kienet ibbenefikat minnha mill-1991 sal-1993. Applikazzjoni normali tal-liġi setgħet, min-naħa l-oħra, twassal għal kunsiderazzjoni li din l‑eżenzjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, li l-ammont tagħha kellu jiżdied ma’ dak tad-differenza fit-tassazzjoni li France Télécom ibbenefikat minnha mis-sena 1994 taħt is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni (premessi 38 u 39 tad‑deċiżjoni kkontestata).

69      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-raġunament li jipprovdi li kien hemm lok li jsir kumpens bejn il-ħlasijiet li saru minn France Télécom favur l-Istat mill-1991 sal-1993 u kull taxxa li France Télécom kienet ibbenefikat mill-1994 jippresupponi li l-eċċess, meta mqabbel mad-dritt komuni, tat-tassazzjoni imposta fuq France Télécom mill-1991 sal-1993 kellu jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala kreditu ta’ taxxa, u dan ma jirriżultax mill‑Liġi 90‑568. Din il-ġustifikazzjoni teoretika a posteriori lanqas ma tikkorrispondi għall-applikazzjoni normali tal-liġi tat-taxxa Franċiża, iżda għandha l-għan waħdieni li jiġi evitat l-irkupru tal-għajnuna mill‑Istat mogħtija lil France Télécom (premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

70      It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-differenza fit-tassazzjoni kienet ta’ vantaġġ għal France Télécom, mogħti permezz ta’ riżorsi li kellhom ikunu parti mill-baġit tal-Istat, u kienet tikkostitwixxi, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat (premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

71      It-tielet nett, fil-premessi 43 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni indikat li hija ma setgħetx, fl-istadju tad-deċiżjoni [kkontestata] li tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, tieħu inkunsiderazzjoni l-argument tar-Repubblika Franċiża li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-bażijiet tat-taxxa tal-kumpanniji li kien ġie kkawżat mill‑ħlas ta’ somom ogħla bħala taxxa fuq in-negozju sabiex jiġi ddeterminat il-vantaġġ nett li France Télécom tibbenefika minnu […]

72      Ir-raba’ nett, peress li ċaħdet l-argumenti ppreżentati mir‑Repubblika Franċiża li l-għajnuna inkwistjoni ma setgħetx tiġi rkuprata minħabba l-applikazzjoni tar-regoli tal-prekrizzjoni previsti mill‑Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill [KE] Nru 659/1999 [tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339)] il-Kummissjoni, kkunsidrat li l-għajnuna kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti (premessa 45 [tad-deċiżjoni kkontestata]).

73      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni indikat li l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 ma kellhiex l-effett li tittrasforma għajnuna ġdida f’għajnuna eżistenti, iżda biss li tipprevjeni lill-Kummissjoni milli tordna l-ikupru tal-għajnuna mogħtija iktar minn għaxar snin qabel id-data li fih il‑preskrizzjoni ssir effettiva (premessi 46 sa 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

74      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni sostniet li l-Liġi 90‑568 kienet stabbiliet sistema ta’ għajnuna u li l-preskrizzjoni eventwali tikkonċerna biss l‑għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ din is-sistema u mhux is-sistema fiha nfisha. Il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għaldaqstant huwa l-jum li fih kull għajnuna kienet effettivament ingħatat lil France Télécom, jiġifieri, kull sena, id-data li fiha t-taxxa fuq in-negozju kienet dovuta (premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

75      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni żiedet li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien ġie interrott permezz tat-talba għal informazzjoni indirizzata lir‑Repubblika Franċiża fit-28 ta’ Ġunju 2001 (premessa 50 tad‑deċiżjoni kkontestata).

76      Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li, peress li l-ewwel għajnuna identifikata kienet ingħatat għas-sena 1994, jiġifieri inqas minn għaxar snin qabel it-28 ta’ Ġunju 2001, l-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi rkuprata fl-intier tagħha (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

77      Il-ħames nett, il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Franċiżi ma kienu ressqu ebda argument speċifiku sabiex tiġi stabbilita l‑kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni u li ma kienet tara l-ebda bażi legali sabiex din l-għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni (premessa 52 [tad-deċiżjoni kkontestata]).

78      Għalhekk, fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li, l-ewwel nett, is-sistema ta’ taxxa fuq in-negozju applikabbli għal France Télécom matul il-perjodu 1991-1993 ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, li, it-tieni nett, id-differenza fit-tassazzjoni li minnha bbenefikat France Télécom matul il-perijodu 1994‑2002, minħabba s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u implementata illegalment, li għaldaqstant kellha tiġi rkuprata.

79      Madankollu, l-ammont eżatt li kellu jiġi rkuprat ma setax jiġi ddeterminat minħabba informazzjoni diverġenti mogħtija mill‑awtoritajiet Franċiżi fil-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna li kellha tiġi rkuprata kienet somma – mingħajr interessi − ta’ bejn EUR 798 miljun u EUR 1.14 biljun (premessi 54 sa 59 [tad-deċiżjoni kkontestata]).

80      Fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għal rapport li ntbagħat lill-Parlament Franċiż mid-Direttorat Ġenerali tat‑Taxxa f’Novembru 2001 li jgħid li ‘n-normalizzazzjoni immedjata tal-kundizzjonijiet ta’ tassazzjoni ta’ France Télécom rigward it-taxxa fuq in-negozju twassal, b’rati mhux mibdula, għal tassazzjoni żejda ta’ madwar EUR 198 miljun għall‑impriża’.

81      Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-istima tal-15 ta’ Mejju 2003, li r-riżultati tagħha huma ppreżentati bħala tabella fil‑premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont iċ-ċifri mogħtija mir‑Repubblika Franċiża, it-tassazzjoni teoretika kumulattiva ta’ France Télécom skont id-dritt komuni, għas-snin 1994 sa 2002, kienet ta’ EUR 8.362 biljun. It-tassazzjoni effettiva kumulattiva fuq l-impriża għal dawn l-istess snin inkonformità mas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni kienet ta’ EUR 7.222 biljun. Id-differenza fit-tassazzjoni li France Télécom ibbenefikat minnha matul il-perijodu 1994-2002 għalhekk hija ta’ EUR 1.14 biljun.

82      Il-Kummissjoni osservat, barra minn hekk, li, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Jannar 2004, l-awtoritajiet Franċiżi kienu informawha bl-ammont ta’ tassazzjoni li kellha titħallas minn France Télécom, skont id-dritt komuni, għas-sena 2003 (EUR 773 miljun) u kkonfermaw il-validità tal‑istima tal-15 ta’ Mejju 2003 (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata). Kien biss fil-laqgħat miżmuma fis-16 u fit-23 ta’ Ġunju 2003 li l‑awtoritajiet Franċiżi qajmu dubji dwar kemm wieħed seta’ joqgħod fuq dawn l-ammonti (premessi 56 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

83      Fil-5 ta’ Lulju 2004, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw stima ġdida. Din twassal għal riżultati differenti, riprodotti bħala tabella fil-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata. It-tassazzjoni teoretika kumulattiva ta’ France Télécom skont id-dritt komuni, għas-snin 1994 sa 2002, tnaqqset għal EUR 8.02 biljun. Għalhekk id-differenza fit-tassazzjoni li France Télécom ibbenefikat minnha matul il-perijodu 1994-2002 hija ta’ EUR 798 miljun.

84      Minħabba indikjazzjonijiet kontradittorji mibgħuta mir-Repubblika Franċiża matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kkonkludiet li hija ma setgħetx tistabbilixxi l-ammont li għandu jiġi rkuprat, li kien ta’ bejn EUR 798 miljun u EUR 1.14 biljun, miżjud bl-interessi. Skont il-Kummissjoni, l-ammont eżatt li kellu jiġi rkuprat kellu jiġi ddefinit mill-awtoritajiet Franċiżi, inkonformità mad-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni leali fil-fażi ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 59 u 60 tad‑deċiżjoni kkontestata).

85      Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad qabel, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jgħid li ġej:

‘Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat, mogħtija illegalment mir-[Repubblika Franċiża], bi ksur tal-Artikolu 88(3) […] KE, favur France Télécom permezz tas-sistema ta’ taxxa fuq in-negozju applikabbli għal din l-impriża bejn l-1 ta’ Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 2002 […] hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.      [Ir-Repubblika Franċiża] għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand France Télécom l-għajnuna mogħtija ddefinita fl‑Artikolu 1.

2.      L-irkupru jseħħ mingħajr dewmien skont il-proċeduri tal-liġi nazzjonali, sakemm dawn jippermettu l-implementazzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni.

3.      L-għajnuna mogħtija li għandha tiġi rkuprata tinkludi l-interessi b’effett mid-data li fiha l-għajnuna inkwistjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarja, sad-data ta’ meta tiġi rkuprata.

[...]

Artikolu 3

[Ir-Repubblika Franċiża] għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri li hija għandha l-ħsieb tadotta u dawk li diġà adottat sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-deciżjoni. Sabiex tagħmel dan, [ir-Repubblika Franċiża] għandha tuża l-kwestjonarju anness ma’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża [traduzzjoni mhux ufiċjali]’.

86      Fil-25 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni ressqet rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli teżegwixxi, fit-terminu previst, id-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Franċiża kienet naqset mill-obbligi li hija kellha skont l‑Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE u l-Artikolu 10 KE.

87      Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑441/06, Ġabra p. I‑8887), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

3        Fil-kuntest tar-rikorsi għal annullament ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kkontestata rispettivament fit-13 ta’ Ottubru 2004 u l-10 ta’ Jannar 2005, ir-Repubblika Franċiża u France Télécom isostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li, minn naħa, France Télécom kienet ibbenefikat minn għajnuna illegali u, min-naħa l-oħra, li din kellha tiġi rrimborsata.

4        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mressqa mir-Repubblika Franċiża u minn France Télécom.

 It-talbiet tal-partijiet

5        France Télécom titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi definittivament dwar il-mertu, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u tilqa’ t-talbiet tagħha ppreżentati fl-ewwel istanza;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

6        Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi definittivament dwar il-mertu, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja;

–        tilqa’ t-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

7        Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li France Télécom tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

8        Insostenn tal-appell tagħha, France Télécom tqajjem ħames aggravji, ibbażati, l-ewwel nett, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkwalifikat is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni bħala għajnuna mill-Istat meta l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-profitt ta’ France Télécom kien jiddependi minn fatturi esterni għall-imsemmija sistema, it-tieni nett, fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-sistema fiskali globali applikabbli għal France Télécom matul is-snin 1991 sa l-2002, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-raba’ nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tal-prinċipju ta’ preskrizzjoni u, il-ħames nett, fuq żball ta’ liġi kif ukoll in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-imsemmija sentenza fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

 Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkwalifikat is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni bħala għajnuna mill-Istat meta l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-profitt ta’ France Télécom kien jiddependi minn fatturi esterni għall-imsemmija sistema

 L-argumenti tal-partijiet

9        France Télécom issostni li l-eżistenza ta’ eventwali vantaġġ finanzjarju favur tagħha meta mqabbla mas-sitwazzjoni tad-dritt komuni tiddependi minn serje ta’ fatturi varjabbli, bħar-rati differenti ta’ impożizzjoni tat-taxxa fuq in-negozju fl-awtoritajiet lokali Franċiżi, fejn jinsabu l-assi suġġetti għat-taxxa, kif ukoll il-lokalità ġeografika tagħhom. Konsegwentement, is-sistema ta’ deroga applikabbli għal France Télécom mill-1994 ma kinitx vantaġġuża minnha nfisha, b’mod li dan l-element kellu jwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex twarrab il-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lis-sistema fiskali inkwistjoni.

10      France Télécom tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, billi ddeċidiet, fil-punt 323 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ eventwali vantaġġ ma kienx jiddependi mill-karatteristiċi proprja tas-sistema fiskali inkwistjoni, iżda minn fatturi esterni għal din is-sistema, li l-effetti tagħha setgħu jiġu kkonstatati biss a posteriori. Il-konsegwenzi vantaġġużi jew żvantaġġużi li jirriżultaw minn tali fatturi ma jistgħux jikkonferixxu natura ta’ għajnuna lil miżura li, fid-data tal-adozzjoni tagħha, ma kellhiex din in-natura.

11      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li sistema ta’ tassazzjoni derogatorja ma hijiex minnha nfisha tali li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, tali sistema ma tipprovdix neċessarjament vantaġġ selettiv lill-impriżi kkonċernati.

12      Il-Kummissjoni tqis li l-aggravju huwa inammissibbli, peress li ma tqajjimx fl-ewwel istanza.

13      Hija ssostni wkoll li l-aggravju huwa infondat. Fil-fatt, il-livell preċiż ta’ tassazzjoni li jirriżulta mis-sistema ta’ deroga ma setax jiġi ddeterminat minn qabel għal kull sena. Madankollu, din is-sistema setgħet twassal għal tassazzjoni inqas meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt komuni fil-qasam tat-taxxa fuq in-negozju.

14      Il-Kummissjoni żżid li huwa frekwenti li l-eżami ta’ għajnuna mill-Istat ikun jeħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ avvenimenti posterjuri għall-miżura inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk din tal-aħħar ġietx ikkonkretizzata u sabiex tiġi kkwantifikata sabiex jiġi rkuprat il-vantaġġ miksub.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

15      Fir-rigward tal-inammissibbiltà tal-ewwel aggravju invokata mill-Kummissjoni għandu jiġi osservat li dan l-aggravju, li jaqa’ taħt l-argument dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, ġie ppreżentat fl-ewwel istanza, jiġifieri fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motivi mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali.

16      F’dak li jikkonċerna l-fondatezza ta’ dan l-aggravju, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju. Dan jinkludi mhux biss prestazzjonijiet pożittivi, iżda wkoll interventi li, f’forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens ristrett tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, Ġabra p. I‑0000, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Għandu jitfakkar ukoll li l-kunċett ta’ vantaġġ inerenti għall-kwalifika ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat huwa ta’ natura oġġettiva, indipendentement mill-motivi tal-awturi tal-miżura inkwistjoni. Għalhekk, in-natura tal-għanijiet segwiti mill-miżuri tal-Istat u l‑ġustifikazzjoni tagħhom huma nieqsa minn kull impatt fuq il-kwalifika tagħhom bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 87(1) KE ma jagħmilx distinzjoni bejn l-interventi mill-Istati iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑409/00, Ġabra p. I‑1487, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Fil-każ inkwistjoni, huwa importanti li jiġi kkonstatat li s-sistema fiskali li kienet suġġetta għaliha France Télécom matul it-tieni perijodu kkunsidrat, jiġifieri matul is-snin 1994 sa 2002, kienet tirrappreżenta eċċezzjoni meta mqabbla mas-sistema tad-dritt komuni. B’mod partikolari, din il-kumpannija bbenefikat minn trattament fiskali speċifiku fuq il-livell nazzjonali, ikkaratterizzat mill-fatt li t-taxxa fuq in-negozju kienet ikkalkolata abbażi ta’ rata medja kkalkolata skont id-diversi rati applikabbli fid-diversi awtoritajiet lokali filwaqt li r-rati li kienu suġġetti għalihom l-impriżi l-oħra kienu dawk ivvutati annwalment mill-imsemmija awtoritajiet. Barra minn hekk, France Télécom kienet suġġetta għal rata unika tat-taxxa fuq in-negozju fil-post tal-istabbiliment prinċipali tagħha filwaqt li l-impriżi l-oħra kienu suġġetti għal diversi rati vvutati mill-awtoritajiet lokali fuq it-territorju fejn dawn kellhom l-istabbilimenti tagħhom. Għal France Télécom kienet tiġi applikata wkoll rata ta’ 1.9 % minflok ta’ 8 % applikabbli għall-impriżi l-oħra bħala spejjeż ta’ ġestjoni.

19      F’dak li jikkonċerna l-argument invokat fil-kuntest ta’ dan l-appell, li jgħid li l-eżami tas-sistema fiskali inkwistjoni mill-Qorti Ġenerali kellu jieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ elementi varjabbli u ta’ fatturi esterni, għandu jiġi rrelevat li, anki jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-imsemmija sistema, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina, minn qabel u għal kull sena fiskali, il-livell preċiż ta’ tassazzjoni relatata magħha, madankollu huwa paċifiku li din is-sistema kienet suxxettibbli li twassal, u effettivament wasslet, kif jirriżulta mill-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punt 225 tas-sentenza appellata, f’tassazzjoni inqas għal France Télécom fir-rigward tat-taxxa fuq in-negozju meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tas-sistema tad-dritt komuni dwar l-imsemmija taxxa.

20      Barra minn hekk, jaqbel li jiġi enfasizzat li, indipendentement mir-rati ta’ tassazzjoni tat-taxxa fuq in-negozju ddeterminati mill-awtoritajiet lokali, France Télécom kienet tibbenefika dejjem minn rata mnaqqsa skont l-ispejjeż ta’ ġestjoni.

21      F’dawn il-kundizzjonijiet il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament fil-punt 323 tas-sentenza appellata, li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna tiddependi minn ċertu numru ta’ “ċirkustanzi esterni” għas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, bħall-annwalità tat-taxxa fuq in-negozju u l-livell tar-rati imposti vvutati kull sena mill-awtoritajiet fuq it-territorju fejn France Télécom għandha l-istabbilimenti tagħha.

22      Kuntrarjament għal dak li jsostnu France Télécom u r-Repubblika ta’ Franza, tali ċirkustanzi ma jfixklu bl-ebda mod lis-sistema speċifika ta’ tassazzjoni tkun tista’, diġà fil-mument tal-adozzjoni tagħha, tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-adozzjoni tas-sistema ta’ għajnuna, f’dan il-każ is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ għajnuna annwali lil France Télécom abbażi tal-imsemmija sistema li l-ammont eżatt tagħha jiddependi minn ċerti fatturi esterni.

23      Kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, din hija f’dan il-każ konfigurazzjoni mħallta fejn l-eżistenza ta’ vantaġġ tirriżulta, minn naħa, minn element fiss marbut mas-sistema fiskali speċifika applikata għal France Télécom meta mqabbla mas-sistema ta’ dritt komuni u, min-naħa l-oħra, minn element varjabbli, skont iċ-ċirkustanzi fattwali, jiġifieri l-post tal-artijiet fid-diversi awtoritajiet lokali kif ukoll ir-rata ta’ tassazzjoni applikabbli fl-imsemmija awtoritajiet lokali.

24      Din is-sistema partikolari ta’ tassazzjoni, minħabba l-karatteristiċi tagħha kif deskritti fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, setgħet twassal għal tassazzjoni inqas fil-konfronti ta’ France Télécom minn dik li din il-kumpannija kienet tkun suġġetta għaliha kieku kienet suġġetta għat-taxxa fuq in-negozjoni skont is-sistema tad-dritt komuni.

25      Il-fatt li l-imsemmija kumpannija effettivament ibbenefikat minn tassazzjoni inferjuri bħala taxxa fuq in-negozju mill-1994 huwa direttament marbut mal-karatteristiċi proprja tas-sistema fiskali ta’ deroga li kienet applikata għaliha, anki jekk l-ammont eżatt tal-għajnuna annwali li rċeviet abbażi tal-imsemmija sistema kienet tiddependi minn ċerti fatturi esterni għal din is-sistema.

26      Barra minn hekk mill-istruttura tas-sentenza appellata jirriżulta li l-punt 323 tagħha, li jirreferi għaċ-ċirkustanzi esterni għas-sistema partikolari ta’ tassazzjoni, hija relatata biss mal-għajnuna annwali mogħtija lil France Télécom abbażi tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni. L-imsemmi punt jaqa’, fil-fatt, fl-analiżi tal-motiv dwar il-preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna illegali. Issa, l-evalwazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ tali motiv tista’ tiġi marbuta biss mal-għajnuna effettivament mogħtija u, għaldaqstant, tista’ tikkonċerna biss l-għajnuna li France Télécom ibbenefikat minnha abbażi tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni.

27      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni tagħti vantaġġ lil France Télécom, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, anki jekk l-ammont eżatt tal-għajnuna mogħtija abbażi tal-imsemmija sistema kellu jiġi ddeterminat abbażi ta’ ċerti fatturi esterni għall-imsemmija sistema.

28      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju huwa infondat.

 Fuq it-tieni aggravju bbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-sistema fiskali globali applikabbli għal France Télécom matul l-1991 sal-2002.

29      It-tieni aggravju invokat minn France Télécom insostenn tal-appell tagħha huma magħmul minn tliet partijiet. Fl-ewwel lok għandha tiġi eżaminata t-tieni parti relatata ma’ allegata interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata. Fit-tieni lok, ser jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u t-tieni parti peress li huma marbuta b’mod strett.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi dwar l-interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni inkwistjoni u fuq sostituzzjoni tal-motivi li saret mill-Qorti Ġenerali

–       L-argumenti tal-partijiet 

30      France Télécom issostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kkontestata, billi qieset li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx ikkostitwita mid-dispożizzjonijiet fiskali speċifiċi applikabbli għall-imsemmija kumpannija iżda mid-differenza fit-tassazzjoni kkonstatata annwalment bejn l-ammonti imposti fuq din tal-aħħar u t-taxxa fuq in-negozju applikabbli għal din il-kumpannija matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1994 sal-31 ta’ Diċembru 2002. Għalhekk il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq l-annwalità tad-differenza fit-tassazzjoni kkonstatata mill-1994, iżda fuq raġunijiet oħra ta’ natura differenti.

31      Il-Kummissjoni tirrispondi li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata fis-sentenza appellata hija konformi mat-termini tagħha. Hija tippreċiża li ma kienx neċessarju li jiġi rrepetut fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata li d-differenza fit-tassazzjoni kienet tikkostitwixxi vantaġġ. Fil-fatt, l-għajnuna li bbenefikat minnha France Télécom, li kkonsistiet f’tassazzjoni inqas ta’ din tal-aħħar fir-rigward tat-taxxa fuq in-negozju bejn l-1994 u l-2002, ingħatat mis-sistema ta’ taxxa fuq in-negozju applikabbli għal din il-kumpannija matul dan il-perijodu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32      Għandu jiġi rrelevat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, eżaminat il-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-għajnuna tirriżulta mid-differenza fit-tassazzjoni, li tirrappreżenta d-differenza bejn l-ammont tal-ħlas tat-taxxa fuq in-negozju li France Télécom kellha tħallas kieku kienet suġġetta għat-taxxa tad-dritt komuni u dik li effettivament kienet mitluba tħallas skont is-sistema fiskali inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali vverifikat ir-realtà ta’ din id-differenza fit-tassazzjoni fil-punti 219 sa 225 tal-imsemmija sentenza, mingħjar ma l-konstatazzjonijiet li għamlet ġew ikkontestati minn France Télécom.

33      Fir-rigward tal-allegata sostituzzjoni tal-motivi mill-Qorti Ġenerali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma marritx lil hinn mil-livell ta’ stħarriġ ġuridiku meħtieġ billi ssostitwiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, peress li din id-differenza ta’ tassazzjoni inkwistjoni u l-annwalità tat-taxxa fuq in-negozju, kif previst mid-dispożizzjonijiet tal-code général des impôts jagħmlu parti integranti mir-raġunament tal-Kummissjoni żviluppat fid-deċiżjoni kkontestata.

34      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata tgħid li “id-differenza bejn it-taxxa professjonali effettivament imħallsa minn [France Télécom] u dik li kellha tkun dovuta skont id-dritt komuni mill-1 ta’ Jannar 1994 sal-1 ta’ Jannar 2003 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat peress li tirrappreżenta vantaġġ għal [France Télécom] mogħti permezz ta’ riżorsi li kieku kienu jiġu integrati fil-baġit tal-Istat”. Il-premessa 49 tal-istess deċiżjoni tippreċiża li l-fatt li din it-taxxa fuq in-negozju kienet dovuta annwalment. Barra minn hekk, l-annwalità tat-taxxa fuq in-negozju hija wkoll imsemmija fil-premessa 25 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura li jsir rinviju għaliha permezz tal-premessa 15 tal-imsemmija deċiżjoni.

35      Konsegwentement, l-intepretazzjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali, fejn l-għajnuna inkwistjoni kienet ikkostitwita mid-differenza fit-tassazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu sistema ta’ deroga, hija konformi mad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkwalifika s-sistema applikabbli għal France Télécom bejn l-1994 sal-2002 bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, huwa minħabba din is-sistema ta’ deroga li l-imsemmija kumpannija ma kinitx ħallset l-ammonti tat-taxxa fuq in-negozju li kellha normalment tħallas skont is-sistema fiskali tad-dritt komuni.

36      Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ewwel u t-tielet partijiet, ibbażati fuq l-interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat peress li din tal-aħħar ma għamlitx analiżi globali tas-sistema fiskali applikabbli għal France Télécom

–       L-argumenti tal-partijiet

37      France Télécom issostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-obbligu li tagħmel eżami globali tad-dispożizzjonijiet kollha previsti mis-sistema ta’ deroga fid-dritt komuni. Sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Qorti Ġenerali pparagunat it-taxxi imposti mis-sistema ta’ deroga mal-livell ta’ tassazzjoni li kien jiġi applikat għaliha kieku din il-kumpannija kienet suġġetta għas-sistema fiskali tad-dritt komuni. Madankollu hija llimitat dan il-paragun għall-perijodu li jmur mill-1994 sal-2002, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-oneru fiskali li France Télécom kellha tbati matul l-1991 sal-1993.

38      France Télécom ikkunsidrat li la l-annwalità tat-taxxa u lanqas id-differenzi li jeżistu bejn iż-żewġ perijodi ta’ tassazzjoni kkunsidrati ma jistgħu jiġġustifikaw analiżi parzjali limitata għas-sistema fiskali applikabbli mill-1994. Il-Qorti Ġenerali għalhekk irrifjutat żbaljatament li tieħu inkunsiderazzjoni t-tassazzjoni ikbar li l-ġbir ta’ ammont fiss rrappreżenta għal din il-kumpannija matul l-1991 sal-1993 meta mqabbla mal-livell ta’ tassazzjoni li kien ikollha tbati kieku kienet suġġetta għad-dritt komuni tat-taxxa fuq in-negozju matul dawn l-istess snin. Anki fl-ipoteżi fejn l-annwalità tat-taxxa fuq in-negozju tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi, il-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi li, għall-ewwel snin li jaqgħu taħt is-sistema fiskali ta’ deroga globali, jiġifieri s-snin 1991 sal-1993, din il-kumpannija kienet batiet tassazzjoni ogħla.

39      France Télécom tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, (C‑66/02, Ġabra p. I‑10901). Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat, abbażi tal-imsemmija sentenza, li kien hemm tnaqqis fil-piż għall-benefiċċju ta’ France Télécom għall-1994 sal-2002, li ma setax jiġi kkompensat bl-eżistenza ta’ oneru speċifiku impost fuq din l-istess kumpannija mill-1991 sal-1993.

40      Bl-istess mod, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ vantaġġ meta adottat approċċ restrittiv tar-rabta li għandha teżisti bejn eżoneru u taxxa stabbilita mis-sistema fiskali inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali kellha tanalizza, fl-intier tagħha, is-sistema ta’ deroga prevista mil-Liġi Nru 90-568, b’mod partikolari l-vantaġġi eventwali mogħtija lil France Télécom minn din is-sistema ta’ deroga u l-piżijiet eżorbitanti tad-dritt komuni fuq din tal-aħħar.

41      Il-Kummissjoni ssostni li ma huwiex possibbli li għajnuna “tiġi kkumpensata” billi jiġu invokati piżijiet ta’ natura differenti u mingħajr ebda relazzjoni ma’ din l-għajnuna. Din l-impossibbiltà ma tikkonċernax biss il-kwistjoni tar-riżorsi tal-Istat, iżda wkoll dik tal-vantaġġ mogħti. Fil-fatt, telf ta’ riżorsi għall-Istat ma jistax jaħrab għall-kwalifika ta’ għajnuna minħabba “kumpens” mas-somom l-oħra mogħtija lill-Istat abbażi ta’ obbligi oħra. Minħabba n-nuqqas ta’ rabta biżżejjed bejn is-sistema ta’ tassazzjoni applikabbli bejn l-1991 u l-1993, minn naħa, u mill-1994, min-naħa l-oħra, it-teorija tal-kumpens li huwa bbażat fuqha l-argument ta’ France Télécom hija infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42      Fid-dawl tal-argument invokat mill-partijiet, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 218 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, kienet ġustament irrifjutat li tagħmel, fid-deċiżjoni kkontestata, kumpens bejn l-ammonti fissi mħallsa minn France Télécom mill-1991 sal-1993, minn naħa, u d-differenza fit-tassazzjoni li tirriżulta mis-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, għas-snin 1994 sal-2002, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi evalwat jekk din il-kumpannija bbenefikatx minn għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

43      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rrikonoxxiet li l-Kummissjoni, waqt l-eżami ta’ miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, tista’ tieħu inkunsiderazzjonijiet piżijiet speċifiċi fuq vantaġġ, madankollu rrikonoxxiet, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, li miżura ma tistax taħrab mill-kwalifika ta’ għajnuna meta l-benefiċjarju tagħha jkun suġġett għal piż speċifiku li jkun differenti u mingħajr ebda relazzjoni mal-għajnuna inkwistjoni. Din l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali sserraħ fuq interpretazzjoni tajba tal-Artikolu 87(1) KE (ara s-sentenza tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 34), minkejja l-fatt li din tirreferi f’dan ir-rigward, bi żball, għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

44      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat fil-punt 208 tas-sentenza appellata, li l-fondatezza tal-argument tar-Repubblika Franċiża u ta’ France Télécom li t-tassazzjoni żejda mħallsa minn din tal-aħħar mill-1991 sal-1993, minħabba l-ġbir ta’ ammont fiss li kienet suġġetta għalih, jikkumpensa d-differenza ta’ tassazzjoni li din il-kumpannija kienet ibbenefikat minnha mill-1994 sal-2002 tiddependi għalhekk fuq l-analiżi tal-karatteristiċi oġġettivi tal-ġbir ta’ ammont fiss applikabbli bejn l-1991 u l-1993 u fuq il-kwistjoni dwar jekk jistax jitqies bħala spiża inerenti għall‑vantaġġ li jirriżulta għal France Télécom, jekk ikun il-każ, mill-issuġġettar tagħha għas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni mill-1994.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ġbir applikabbli għal France Télécom bejn l-1991 u l-1993 kien iddefinit minn parametri distinti minn dawk applikati mill-1994 fil-kuntest tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni. Fil-fatt, iż-żewġ sistemi fiskali huma bbażati fuq mudelli ġuridiċi u parametri operattivi differenti.

46      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punt 209 tas-sentenza appellata, France Télécom, skont is-sistema fiskali li kienet applikabbli għaliha bejn l-1991 u l-1993, ma kienet suġġetta għall-ebda taxxa jew ġbir ieħor minbarra l-ġbir ta’ ammonti fiss. L-ammont tiegħu kien iddefinit mhux skont il-parametri li jiddeterminaw l-ammont tat-taxxa fuq in-negozju, iżda b’riferiment għall-benefiċċju mħallas lill-Istat mill-entità fl-1989 u fl-1990. Barra minn hekk, il-ġbir ta’ ammont fiss kien ta’ natura temporanja.

47      Min-naħa l-oħra, skont is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni applikabbli mill-1994 għal żmien indeterminat, France Télécom kienet bħala prinċipju suġġetta għat-taxxi kollha tad-dritt komuni. L-imsemmija kumpannija kienet għaldaqstant suġġetta għat-taxxa fuq in-negozju skont il-mod li jidderoga mid-dritt komuni, li jikkostitwixxi s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni.

48      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata ġustament, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, li l-ġbir ta’ ammont fiss ma jistax jiġi kkunsidrat bħala spiża inerenti għall-implementazzjoni tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, iżda pjuttost bħala modalità ta’ tassazzjoni speċifika għal France Télécom stabbilita għas-snin qabel l-1994. Fi kwalunkwe każ, kif irrelevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 215 tas-sentenza appellata, is-sempliċi fatt li l-ġbir ta’ ammont fiss u s‑sistema speċifika ta’ tassazzjoni t-tnejn li huma ġew stabbiliti bil‑Liġi 90‑568 ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-issuġġettar ta’ France Télécom għall-ġbir ta’ ammont fiss kien inerenti fl-istabbiliment tas‑sistema speċifika ta’ tassazzjoni għas-snin wara l-1994.

49      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 218 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni rrifjutat ġustament li tagħmel kumpens bejn l-ammonti fiss mħallsa minn France Télécom mill-1991 sal-1993, minn naħa, u d-differenza fit-tassazzjoni li tirriżulta, possibbilment, mis-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, għas-snin 1994 sal-2002, min-naħa l-oħra.

50      Fl-aħħar nett, anki fl-ipoteżi li t-teżi li tgħid li s-sistema fiskali applikabbli għal France Télécom kienet tikkonsisti f’żewġ perijodi indistinti, fejn l-ewwel waħda kienet wasslet għal sovratassazzjoni, u t-tieni waħda għal tassazzjoni inqas kienet tajba, huwa paċifiku li l-Liġi Nru 90-568 kienet tipprovdi, mill-1994, sistema speċifika ta’ tassazzjoni intiża għal tul indeterminat. Issa, din il-liġi ma kienet tinkludi l-ebda mekkaniżmu li jippermetti li jsir kalkolu ta’ kumpens bejn l-ammonti dovuti minħabba l-ġbir ta’ ammonti fiss għall-perijodu mill-1991 sal-1993 u dawk dovuti, mill-1994, skont is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni. Għalhekk din ma tippermettix li jiġi ddeterminat il-mument minn meta is-sovratassazzjoni skont l-ewwel sistema kellha tiġi kkumpensata fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-tieni sistema. Kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija sovratassazzjoni kellha teżawrixxi l-effetti tagħha f’mument partikolari, li jimplika neċessarjament l-għoti ta’ vantaġġ lil France Télécom fil-kuntest tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni.

51      L-ewwel u t-tielet partijiet tat-tieni aggravju ma jistgħux jintlaqgħu. Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur ta’ prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

52      It-tielet aggravju invokat minn France Télécom insostenn tal-appell tagħha huwa magħmul minn żewġ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju bbażata fuq żball ta’ liġi li jikkonċerna ċ-ċirkustanzi li jippermettu li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni taċ-ċertezza legali

–       L-argumenti tal-partijiet

53      France Télécom issostni li huwa b’mod żbaljat li, f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni taċ-ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali llimitat il-possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali biss għal dawk il-każijiet fejn tkun ġiet innotifikata għajnuna mill-Istat. Issa, il-fatt li, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ vantaġġ setgħet tiġi identifikata biss a posteriori, skont l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi esterni mis-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, jikkostitwixxi tali ċirkustanza eċċezzjonali.

54      France Télécom tenfasizza li l-Qorti Ġenerali ma ddeterminat la l-att ġuridiku li kellu jkun is-suġġett ta’ notifika u lanqas id-data meta din kellha ssir. Fil-fatt, kieku l-vantaġġ kien jikkorrispondi għal differenza fit-tassazzjoni kkonstatata kull sena fl-aħħar tas-sena finanzjarja, kien ikun possibbli li jiġi identifikat l-obbligu ta’ notifika preliminari tas-sistema fiskali inkwistjoni.

55      France Télécom iżżid li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur nazzjonali kienu jagħmlu parti mill-elementi li għandhom jiġu eżaminati sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kumpannija setax ikollha aspettattivi leġittimi fil-konformità tal-miżura fiskali inkwistjoni fir-rigward tar-regoli applikabbli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

56      Il-Kummissjoni tfakkar li l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi dwar il-legalità ta’ għajnuna biss jekk din tkun mogħtija fl-osservanza tal-proċedura prevista mit-Trattat KE.

57      Hija ssostni li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni applikabbli għal France Télécom matul l-1994 sal-2002 kienet sistema ta’ deroga, selettiva, imputabbli għall-Istat u li tapplika għal impriżi attivi fis-swieq miftuħa għall-kompetizzjoni u għall-iskambji bejn Stati Membri. Konsegwentement, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jinnotifikaw is-sistema speċifika tat-taxxa fuq in-negozju applikabbli għal din il-kumpannija fid-data meta din it-taxxa kienet issir dovuta.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58      Għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ stħarriġ stabbilita mit-trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, li jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull miżura intiża sabiex tistabbilixxi jew timmodifika għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u, min-naħa l-oħra, li ma timplementax tali miżura, skont l-Artikolu 88(3) KE, sakemm l-imsemmija istituzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar l-imsemmija miżura.

59      Konsegwentement, fid-dawl tan-natura imperattiva tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat magħmul mill-Kummissjoni, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna biss jekk din tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun kapaċi jiżgura li din il-proċedura ġiet osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi implementata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li hija illegali skont l‑Artikolu 88(3) KE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dak il-waqt, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti ta’ din l-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, C‑183/02 P u C‑187/02 P, Ġabra p. I‑10609, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta għajnuna ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ din fir-rigward ta’ din il-miżura ma għandux effett (ara s-sentenza Demesa u Territorio Histόrico de Álava vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

61      Fir-rigward ta’ din il-kawża, huwa paċifiku li s-sistema fiskali inkwistjoni, stabbilita mil-Liġi Nru 90-568, ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni.

62      Sa fejn France Télécom issostni li ma kienx jeżisti obbligu ta’ notifika, peress li ma kinitx ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ, għandu jiġi osservat li la l-allegata kumplessità tas-sistema fiskali inkwistjoni u lanqas in-natura perjodika tal-miżura ta’ għajnuna ma huma suxxettibbli li jeħilsu lill-Istat Membru mill-obbligu ta’ notifika tiegħu jew li tinħoloq ebda aspettattiva leġittima favur il-kumpannija benefiċjarja tal-għajnuna.

63      Rigward l-eventwali relevanza taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jistabbilixxu, minkejja l-kunsiderazzjonijiet invokati fil-punt preċedenti, aspettattivi leġittimi dwar in-natura regolari ta’ għajnuna, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi dwar l-evalwazzjoni ta’ tali ċirkustanzi fl-eżami fil-fond li għamlet, fil-punti 263 sa 269 tas-sentenza appellata, tal-argumenti kollha invokati quddiemha f’dan ir-rigward.

64      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet, fil-punt 270 tas-sentenza appellata, li r-Repubblika Franċiża u France Télécom ma kinux urew l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jippermettulhom li jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

65      Għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija infondata.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju ibbażata fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw minn deċiżjoni oħra tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

–       L-argumenti tal-partijiet

66      France Télécom tqis li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Frar 1995, dwar La Poste (ĠU C 262, p. 11, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar La Poste”).

67      France Télécom issostni li l-imsemmija deċiżjoni tikkostitwixxi att pożittiv suxxettibbli li jipproduċi effetti ġuridiċi u li jiġġenera aspettattivi leġittimi dwar il-konformità tas-sistema fiskali inkwistjoni mar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

68      Il-Kummissjoni tenfasizza li, peress li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni tikkostitwixxi mod ta’ suġġettar għat-taxxa fuq in-negozju li tidderoga mid-dritt komuni, din hija suxxettibbli li tagħti vantaġġ finanzjarju lil France Télécom. Fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ din is-sistema, in-notifika kellha ssir mhux aktar tard mid-data meta l-ħlas tat-taxxa fuq in-negozju li kellha tħallas din il-kumpannija għall-2004 tkun saret dovuta.

69      Il-Kummissjoni tikkunsidra li proċedura ta’ eżami oħra fil-qasam tal-għajnuna ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi favur France Télécom fir-rigward tas-sistema ta’ tassazzjoni speċifika li din tal-aħħar kienet tibbenefika minnha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70      Kif ġie rrelevat fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza, il-benefiċjarju ta’ għajnuna ma jistax, bħala regola, jibbaża ruħu fuq kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi meta l-għajnuna inkwistjoni ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni.

71      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq id-deċiżjoni dwar La Poste, għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni ma tinkludi l-ebda analiżi dwar is-sistema ta’ deroga għat-taxxa professjonali applikabbli għal France Télécom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kellha bilfors tikkonstata, fil-punt 266 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni mkien ma kienet ħadet pożizzjoni dwar din is-sistema partikolari ta’ tassazzjoni u, għaldaqstant, ma kinitx iddeċidiet dwar il-punt jekk din kinitx tikkostitwixxi għajnuna jew le.

72      F’dak li jikkonċerna l-argument li jgħid li France Télécom setgħet tinterpreta l-kuntest fejn id-deċiżjoni dwar La Poste kienet ġiet adottata bħala teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sistema fiskali inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, ċaħdet dan l-argument fil-punti 265 sa 269 tas-sentenza appellata.

73      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddeċiedi li d-deċiżjoni dwar La Poste ma kienet tinkludi l-ebda element relevanti ta’ natura li jqajjem eventwali aspettattivi leġittimi fi France Télécom f’dak li jikkonċerna l-legalità tas-sistema fiskali inkwistjoni fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet aggravju hija infondata.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq ir-raba’ aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata f’dak li jikkonċerna r-risposta għall-argumenti dwar il-prinċipju ta’ preskrizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

75      France Télécom tfakkar li l-awtoritajiet Franċiżi spjegaw, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li l-eventwali tassazzjoni inqas matul l-1994 sal-2002 ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tkun is-suġġett ta’ rkupru, peress li s-sistema fiskali inkwistjoni kienet ġiet stabbilita iktar minn għaxar snin qabel. Issa, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li s-setgħa tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru ta’ għajnuna hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin.

76      France Télécom tqis li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar il-prinċipju ta’ preskrizzjoni hekk invokat quddiemha. Min-naħa l-oħra, hija ssostitwiet f’dan ir-rigward, il-motivazzjoni tagħha għal dik tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, is-sentenza appellata ma tippreċiżax liema huwa l-att vinkolanti li jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tal-preskrizzjoni. L-att li beda jiddekorri l-preskrizzjoni kien il-Liġi Nru 90-568.

77      Ir-Repubblika Franċiża tosserva li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-għajnuna inkwistjoni ma setax jibda jiddekorri qabel l-1994. Billi ammettiet li s-sistema ta’ tassazzjoni ta’ deroga tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, l-uniku att ġuridiku vinkolanti li jista’ jiġi identifikat sabiex jiġi ddeterminat il-punt ta’ tluq tal-preskrizzjoni li jikkonċerna l-miżura inkwistjoni huwa l-Liġi Nru 90-568, li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Lulju 1990. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura ta’ eżami preliminari tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni ta’ France Télécom billi bagħtet lill-awtoritajiet Franċiżi talba għal informazzjoni fit-28 ta’ Ġunju 2001. Issa, f’din id-data, it-terminu ta’ preskrizzjoni relatat mal-obbligu ta’ rkupru kien skada.

78      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Qorti Ġenerali kellha biss tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna mogħtija lil France Télécom mis-sistema speċifika tat-taxxa fuq in-negozju fis-seħħ mill-1994 kienet preskritta. Konsegwentement, l-ilment li l-Qorti Ġenerali ssostitwiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jintlaqa’.

79      Il-Kummissjoni tippreċiża li r-regoli ta’ preskrizzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tikkonċerna l-irkupru ta’ dawn tal-aħħar. Issa, huwa possibbli li tiġi rkuprata għajnuna biss meta l-ammont tagħha jkun jista’ jiġi ddeterminat. F’dak li jikkonċerna s-sistema fiskali inkwistjoni, il-vantaġġ seta’ jiġi stabbilit biss abbażi ta’ bażi annwali u a posteriori.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ preskrizzjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999, is-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna għandhom ikunu suġġett għal perijodu ta’ preksrizzjoni ta’ għaxar snin. Mill-paragrafu (2) tal-istess artikolu jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata meta l-għajnuna illegali tingħata lill-benefiċjarju. Konsegwentement, l-element deċiżiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni msemmi fl-Artikolu 15 huwa dak tal-għoti effettiv tal-għajnuna.

81      Mill-imsemmi Artikolu 15(2) jirriżulta li din id-dispożizzjoni, sabiex tiffissa d-data meta t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri, tirreferi għall-għoti tal-għajnuna lill-benefiċjarju u mhux għad-data ta’ adozzjoni tas-sistema ta’ għajnuna.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-determinazzjoni tad-data tal-għoti tista’ tvarja skont in-natura tal-għajnuna inkwistjoni. Għalhekk, fl-ipoteżi ta’ sistema pluriannwali fil-forma ta’ ħlas jew l-għoti perjodiku ta’ vantaġġi, id-data tal-adozzjoni ta’ att li jikkostitwixxi l-bażi legali tal-għajnuna u dik meta l-impriżi effettivament ingħataw il-benefiċċju tagħha jistgħu jkunu separati minn tul ta’ żmien sostanzjali. F’tali każ, għall-finijet tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata li ngħatat lill-benefiċjarju unikament fid-data meta din tingħata effettivament lil dan tal-aħħar.

83      Huwa importanti li jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni fil-premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata, ippreċiżat li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien jibda jiddekorri kull sena mid-data meta l-ħlas tat-taxxa fuq in-negozju kien dovut minn France Télécom.

84      Fil-fatt, u kif jirriżulta mill-punt 320 tas-sentenza appellata, it-terminu ta’ preskrizzjoni jerġa’ jibda jiddekorri ma’ kull għoti effettiv, jekk ikun il-każ annwali, tal-vantaġġ, b’mod li d-dekorriment tat-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jiddependi mill-mod kif jiġi identifikat il-vantaġġ.

85      F’dan il-każ, peress li l-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-għajnuna kellha ssir skont id-diversi rati applikabbli f’kull awtorità lokali fuq it-territorju fejn kienu jinsabu l-istabbilimenti ta’ France Télécom, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 323 tas-sentenza appellata, għamlet analiżi tal-annwalità tat-taxxa fuq in-negozju u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnha.

86      Konsegwentement, kellha raġun il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, fil-punt 324 tas-sentenza appellata, li, minħabba l-annullament tat-taxxa fuq in-negozju, l-għajnuna inkwistjoni ma setgħetx tiġi kkunsidrata li kienet ingħatat qabel l-1994, peress li huwa f’dan iż-żmien li ġew adottati atti legali vinkolanti li ppermettew, għall-ewwel darba, li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ differenza ta’ tassazzjoni.

87      Barra minn hekk, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali huwa kkonfermat mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999, minn fejn jirriżulta li huma s-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna li huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni.

88      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argument li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni relatat mal-prinċipju ta’ preskrizzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din tal-aħħar ma hijiex obbligata tagħmel preżentazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 72, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 46).

89      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 323 u 324 tas-sentenza appellata, spjegat l-evalwazzjoni tagħha tal-karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa fuq in-negozju sabiex tikkonkludi, fil-punt 325 tal-imsemmija sentenza, li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, ma kienx skada fid-data tat-28 ta’ Ġunju 2001, meta ntbagħtet talba għal informazzjoni lir-Repubblika Franċiża.

90      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali rrispondiet b’mod suffiċjenti skont il-liġi għall-argumenti dwar il-prinċipju ta’ preskrizzjoni invokati minn France Télécom u ma marritx kontra l-eżiġenzi ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt [88] ta’ din is-sentenza.

91      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-raba’ motiv ma jistax jintlaqa’.

 Fuq il-ħames aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata f’dak li jikkonċerna l-argumenti dwar ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

92      Il-ħames aggravju invokat minn France Télécom insostenn tal-appell tagħha huwa magħmul minn żewġ partijiet.

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq l-ewwel parti tal-ħames aggravju, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żball ta’ liġi minħabba l-impossibbiltà li jiġi stabbilit l-ammont tal-għajnuna qabel ma tiġi rkuprata

93      France Télécom tqis li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għall-argument li, meta l-Kummissjoni teżamina vantaġġ li l-ammont reali tiegħu huwa impossibbli li jiġi stabbilit, din ma tistax tordna li dan l-ammont jiġi rkuprat.

94      Minn dan hija tiddeduċi li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li l-eventwali ammont li għandu jiġi rkuprat baqa’ ipotetiku u li l-kwantifikazzjoni tal-għajnuna li tista’ tiġi rkuprata ma tistax tibqa’ bbażata fuq stimi approssimattivi.

–       Fuq it-tieni parti tal-ħames aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-metodi ta’ approssimazzjoni tal-ammont tal-għajnuna.

95      France Télécom tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 297 u 305 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha raġun tistabbilixxi limitu massimu u minimu għall-ammont ta’ għajnuna li għandu jiġi rkuprat abbażi tal-approssimazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Franċiżi u li, għalhekk ma setax jiġi stabbilit ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

96      France Télécom tispjega li l-istimi inkwistjoni ma ġewx trażmessi mill-awtoritajiet Franċiżi bl-intenzjoni li tiġi ddeterminata l-portata reali tad-differenza fit-tassazzjoni matul il-perijodu bejn l-1994 u l-2002. L-imsemmija kalkoli ġew ippreżentati sabiex jintwera’ li l-eventwali tassazzjoni inqas tal-kumpannija matul dan il-perijodu kienet ikkumpensata bis-sovratassazzjoni tagħha matul l-ewwel snin tas-sistema fiskali ta’ deroga, jiġifieri l-1991 sal-1993.

97      Fir-risposta tagħha għaż-żewġ partijiet tal-ħames motiv, il-Kummissjoni ssostni li, fl-evalwazzjonijiet tagħha dwar il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali sempliċement ġibdet il-konsegwenzi li jirriżultaw minn ċertu numru ta’ elementi li jinsabu fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2007 Il-Kummissjoni vs Franza (C‑441/06, Ġabra p. I‑8887).

98      Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod xieraq il-konklużjoni li France Télécom ma kellhiex raġun issostni li, minħabba s-sempliċi fatt li l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni kellu jiġi ppreċiżat għall-finijiet tar-restituzzjoni tagħha, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma kienx ġie osservat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

99      Fid-dawl tal-fatt li huma relatati, iż-żewġ partijiet tal-ħames aggravju għandhom jiġu eżaminati flimkien.

100    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex il-persuni interessati jkunu jistgħu jidderieġu ruħhom f’sitwazzjonijiet u relazzjonijiet legali li huma parti mis-sistema ġuridika tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, Ġabra p. I‑569, punt 20; tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra I‑4405, punt 79, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster, C‑158/07, Ġabra p. I‑8507, punt 67).

101    Rigward l-argument ippreżentat insostenn tal-ħames aggravju, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 301 tas-sentenza appellata, fakkret li, abbażi tal-istimi li saru mill-Kummissjoni, l-ammont tal-għajnuna kellu jkun bejn EUR 798 miljun u EUR 1.14 biljun. Peress li dawn l-ammonti jikkostitwixxu l-limitu massimu u l-limitu minimu fejn għandu jiġi stabbilit l-ammont definittiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’riferiment b’mod partikolari għall-punti 31 sa 40 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-indikazzjonijiet xierqa li jippermettu d-determinazzjoni, mingħajr ħafna diffikultajiet, tal-imsemmi ammont.

102    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 29 tas-sentenza tagħha, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, ddeċidiet li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna li tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, tistabbilixxi l-ammont eżatt li għandu jitħallas lura. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu lid-destinatarju tagħha li jkun jista’ jiddetermina huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑480/98, Ġabra p. I‑8717, punt 25, u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Franza, C-441/06, Ġabra p. I‑887, punt 29 (ara, wkoll, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑480/98, Ġabra p. I‑8717, punt 25, u tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑415/03, Ġabra p. I‑3875, punt 39).

103    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 302 u 303 tas-sentenza appellata, ippreċiżat li l-imsemmi livell massimu u livell minimu kienu ġew stabbiliti abbażi ta’ stimi pprovduti mill-awtoritajiet Franċiżi matul il-proċedura amministrattiva u li, fin-nuqqas tal-Istat Membru li jagħti kalkolu eżatt tal-vantaġġ li France Télécom kienet ibbenefikat minnu taħt is-sistema fiskali inkwistjoni, il-Kummissjoni kellha raġun tibbaża ruħha fuq id-data hekk ikkomunikata.

104    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament, fil-punt 305 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

105    Minn dawn l-elementi jirriżulta li la r-Repubblika Franċiża u lanqas France Télécom ma jistgħu jinvokaw l-imsemmi prinċipju sabiex jipprekludu r-restituzzjoni ta’ għajnuna illegali (ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 104).

106    Għaldaqstant, kellha raġun il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata minn illegalità minħabba li sempliċement tindika limitu massimu u limitu minimu indikattivi f’dak li jikkonċerna l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

107    Barra minn hekk, mill-punti 301 sa 305 tas-sentenza appellata jirriżulta li din lanqas ma hi vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali mqajjem minn France Télécom u mir-Repubblika Franċiża.

108    Il-ħames aggravju invokat minn France Télécom insostenn tal-appell tagħha ma jistax jintlaqa’ u, għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

109    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li France Télécom tilfet hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż proprji tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      France Télécom SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż proprji tagħha.

Firem


1 Lingwa tal-kawża: il-Franċiż