Kawża C-69/10

Brahim Samba Diouf

vs

Ministre du Travail, de l’Emploi et de l’Immigration

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mit-Tribunal administratif (il-Lussemburgu))

“Direttiva 2005/85/KE — Standards minimi li jikkonċernaw il-proċedura ta’ għoti u ta’ irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Kunċett ta’ ‘deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni [...] għall-ażil’ fis-sens tal-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva — Applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz intiża sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat — Assenza ta’ raġunijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali — Ċaħda tal-applikazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa — Assenza ta’ rimedju kontra d-deċiżjoni li l-applikazzjoni tkun suġġetta għal proċedura mħaffa — Dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Proċedura ta’ ħruġ u ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Direttiva 2005/85 — Dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva

(Direttiva tal-Kunsill 2005/85, Artikolu 39(1))

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Proċedura ta’ ħruġ u ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Direttiva 2005/85 — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

(Direttiva tal-Kunsill 2005/85, Artikoli 23 u 39)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Proċedura ta’ ħruġ u ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Direttiva 2005/85 — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

(Direttiva tal-Kunsill 2005/85, Artikolu 39)

4.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Proċedura ta’ ħruġ u ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Direttiva 2005/85 — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

(Direttiva tal-Kunsill 2005/85, Artikolu 39)

1.        Mill-kliem tal-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat fl-Istati Membri, u b’mod partikolari, tal-atti elenkati fih b’mod mhux eżawrjenti jirriżulta li l-kunċett ta’ “deċiżjoni meħuda dwar [l]-applikazzjoni” jinkludi serje ta’ deċiżjonijiet li, peress li jwasslu għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-ażil jew meħuda fil-fruntiera, huma ekwivalenti għal deċiżjoni definittiva jew negattiva fil-mertu. Dan japplika wkoll għal deċiżjonijiet oħrajn li l-Artikolu 39(1)(b) u (e) tad-Direttiva 2005/85 jissuġġetta espressament għad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet li kontrihom l-applikant għall-ażil għandu jkollu rimedju skont l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2005/85 huma dawk li jinvolvu ċaħda tal-applikazzjoni għall-ażil għal raġunijet ta’ mertu, jew, skont il-każ, għal raġunijiet ta’ forma jew ta’ proċedura li jeskludu deċiżjoni dwar il-mertu. Minn dan isegwi li d-deċiżjonijiet preparatorji għad-deċiżjoni dwar il-mertu jew id-deċiżjonijiet ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ma humiex imsemmija minn din id-dispożizzjoni.

Barra minn hekk, jekk il-kliem tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 jiġi interpretat fis-sens li “deċiżjoni meħuda dwar [l]-applikazzjoni” kienet tirreferi għal kull deċiżjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni għall-ażil u bħala li kienet tirreferi wkoll għad-deċiżjonijiet preparatorji għad-deċiżjoni finali li tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni għall-ażil, jew id-deċiżjonijiet ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ma jkunx konformi mal-interess għar-rapidità tal-proċeduri fil-qasam ta’ applikazzjonijiet għall-ażil. Dan l-interess sabiex proċedura f’dan il-qasam tiġi, skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2005/85, konkluża kemm jista’ jkun malajr, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet huwa, kif ukoll jirriżulta mill-premessa 11 ta’ din id-direttiva, maqsum kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-applikanti għall-ażil.

(ara l-punti 41-44)

2.        L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat fl-Istati Membri, u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħala dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li ebda rikors awtonomu ma jista’ jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni, tal-awtorità kompetenti, li tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, peress li r-raġunijiet li wasslu din l-awtorità li teżamina l-fondatezza tal-imsemmija applikazzjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tar-rikors li d-deċiżjoni finali ta’ ċaħda tista’ tkun is-suġġett tiegħu, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali.

Fil-fatt, id-deċiżjoni li tikkonċerna l-proċedura li għandha tiġi applikata għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, adottata b’mod awtonomu u irrispettivament mid-deċiżjoni finali li tilqa’ din l-applikazzjoni jew li tiċħadha, tikkostitwixxi att preparatorju għad-deċiżjoni finali li tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ rikors f’dan l-istadju tal-proċedura ma jikkostitwixxix ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-legalità tad-deċiżjoni adottata fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, u b’mod partikolari r-raġunijiet li wasslu lill-awtorità kompetenti li tiċħad l-applikazzjoni għall-ażil bħala infondata, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami fil-fond mill-qorti nazzjonali, fil-kuntest tar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-imsemmija applikazzjoni.

L-effettività ta’ tali rikors ma huwiex żgurat jekk, minħabba l-impossibbiltà li jiġi eżerċitat rikors kontra d-deċiżjoni, tal-awtorità kompetenti, li tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, li r-raġunijiet li wasslu lil din l-awtorità li teżamina l-fondatezza tal-applikazzjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ tali stħarriġ, peress li dawn ir-raġunijiet huma l-istess bħala dawk li wasslu għaċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni. Tali sitwazzjoni tirrendi impossibbli l-istħarriġ ta’ legalità tad-deċiżjoni, fil-fatt u fid-dritt. Konsegwentement, jeħtieġ li tali raġunijiet ikunu jistgħu jiġu effettivament ikkontestati ulterjorment quddiem qorti nazzjonali u eżaminati minnha fil-kuntest tar-rikors li d-deċiżjoni finali li tikkonkludi l-proċedura dwar l-applikazzjoni għall-ażil tista’ tkun is-suġġett tiegħu. Fil-fatt, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tiġi interpretata fis-sens li r-raġunijiet li wasslu lill-awtorità amministrattiva kompetenti sabiex teżamina l-applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa ma tistax tkun is-suġġett ta’ ebda stħarriġ ġudizzjarju.

Rigward l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qorti nazzjonali, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jirrikjedi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-Direttiva 2005/85 u sabiex jaslu għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha. L-għan tad-Direttiva 2005/85 jikkonsisti f’li jiġi stabbilit qafas komuni tal-garanziji li jippermetti li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tad-drittijiet fundamentali. Id-dritt għal rimedju effettiv jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Sabiex l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun effettiv, jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tivverifika l-fondatezza tar-raġunijiet li wasslu lill-awtorità amministrattiva kompetenti li tqis l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala infondata jew abbużiva, mingħajr ma dawn ir-raġunijiet ma jibbenefikaw minn preżunzjoni inkonfutabbli ta’ legalità. Dan japplika wkoll fil-kuntest ta’ dan ir-rikors li l-qorti nazzjonali adita bil-kawża għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni li tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa ġietx adottata fl-osservanza tal-proċeduri u tal-garanziji fundamentali previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85, kif ukoll jipprovdi l-Artikolu 23(4) tagħha.

(ara l-punti 55-58, 60, 61, 70 u d-dispożittiv)

3.        Fejn, skont liġi nazzjonali dwar l-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, it-terminu ta’ rikors kontra d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għall-ażil huwa ta’ ħmistax-il ġurnata fl-ipoteżi ta’ proċedura mħaffa, filwaqt li huwa ta’ xahar fil-każ ta’ deċiżjoni adottata skont il-proċedura ordinarja, jekk, it-terminu stabbilit ikun materjalment suffiċjenti għall-preparazzjoni u l-preżentata ta’ rikors effettiv Rigward il-proċeduri mqassra, terminu ta’ ħmistax-il ġurnata ma jidhirx, fil-prinċipju, materjalment insuffiċjenti għall-preparazzjoni u l-preżentata ta’ rikors effettiv, u jidher raġonevoli u proporzjonat fir-rigward tad-drittijiet u tal-interessi inkwistjoni. Madankollu hija l-qorti nazzjonali, fl-ipoteżi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ sitwazzjoni partikolari, dan it-terminu kellu jirriżulta insuffiċjenti, li għandha tiddermina jekk dan l-element huwiex ta’ natura li jiġġustifika, fih innifsu, li jintlaqa’ rikors ippreżentat indirettament kontra d-deċiżjoni li tiġi eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, b’tali mod, billi jintlaqa’ r-rikors, l-imsemmija qorti tordna li l-applikazzjoni tiġi eżaminata skont il-proċedura ordinarja.

(ara l-punti 66-68)

4.        Id-Direttiva 2005/85, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat fl-Istati Membri, ma timponix l-eżistenza ta’ żewġ istanzi tal-kawża. L-uniku fatt rilevanti huwa l-eżistenza ta’ rikors quddiem istanza ġudizzjarja, iggarantit bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva joffri lill-individwi dritt għal aċċess għal qorti u mhux għal diversi livelli ta’ ġurisdizzjoni.

(ara l-punt 69)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Lulju 2011 (*)

“Direttiva 2005/85/KE – Standards minimi li jikkonċernaw il-proċedura ta’ għoti u ta’ irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri – Kunċett ta’ ‘deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni [...] għall-ażil’ fis-sens tal-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva – Applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz intiża sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat – Assenza ta’ raġunijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali –Ċaħda tal-applikazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa – Assenza ta’ rimedju kontra d-deċiżjoni li l-applikazzjoni tkun suġġetta għal proċedura mħaffa – Dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv”

Fil-Kawża C‑69/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal administratif (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2010, fil-proċedura

Brahim Samba Diouf

vs

Ministre du Travail, de l’Emploi et de l’Immigration,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Samba Diouf, minn O. Lang u G. Gros, avukati,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, minn C. Schiltz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, 29. 6. 2006, p. 168, u – rettifika – ĠU 2006, L 236, p. 36).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn B. Samba Diouf, ċittadin Mawrizjan li jinsab f’sitwazzjoni illegali u l-Ministru Lussemburgiż tax-Xogħol, tal-Impjieg u tal-Imigrazzjoni, dwar iċ-ċaħda, fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, tal-applikazzjoni ppreżentata mill-persuna kkonċernata bil-għan li tikseb l-istatus ta’ refjuġat, fl-assenza ta’ raġunijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

3        L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bit-titolu “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” jipprovdi li:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

[...]”.

 Id-Direttiva 2005/85

4        Il-premessa 11 tad-Direttiva 2005/85 tipprovdi li:

“Huwa fl-interess kemm ta’ l-Istati Membri kif ukoll ta’ l-applikanti għall-ażil li jiġu deċiżi kemm jista’ jkun malajr l-applikazzjonijiet għall-ażil. L-organizzazzjoni ta’ l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-ażil għandha titħalla għad-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri, sabiex, skond il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, ikunu jistgħu jipprijoritizzaw jew jaċċeleraw il-proċessar ta’ kull applikazzjoni, b’kont meħud ta’ l-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva.”

5        L-ewwel sentenza tal-premessa 13 ta’ din id-direttiva hija fformulata b’dan il-mod:

“Fl-interess li jiġu rikonoxxuti korrettament dawk il-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni bħala rifuġjati fis-sens ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève [iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève], kull applikant, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, għandu jkollu aċċess effettiv għall-proċeduri, għall-opportunità li jikkopera u jikkomunika sewwa ma’ l-awtoritajiet kompetenti sabiex jippreżenta l-fatti relevanti tal-każ tiegħu u għal garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex isegwi l-każ tiegħu matul l-istadji kollha tal-proċedura.”

6        Il-premessa 27 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li:

“Ikun jirrifletti prinċipju bażiku tal-liġi Komunitarja li d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-ażil u fir-rigward ta’ l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat ikunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu [267 TFUE]. L-effikaċja tar-rimedju, ukoll fir-rigward ta’ l-eżami tal-fatti relevanti, tiddependi fuq is-sistema amministrattiva u ġudizzjarja ta’ kull Stat Membru fit-totalità tagħha.”

7        L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85, bit-titolu “Proċedura ta’ eżami”, jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-ażil permezz ta’ proċedura ta’ eżami skond il-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali proċedura tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ma tistax tittieħed deċiżjoni fi żmien sitt xhur, l-applikant konċernat għandu jew:

a)      jiġi informat bid-dewmien; jew

b)      jirċievi, fuq talba tiegħu, informazzjoni dwar il-medda ta’ żmien li fih tkun mistennija li tingħata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu. Tali informazzjoni ma għandhiex tikkostitwixxi xi obbligu għall-Istat Membru, fir-rigward ta’ l-applikant konċernat, li jieħu deċiżjoni fil-limiti ta’ dik il-medda ta’ żmien

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprijoritizzaw jew jaċċeleraw kull eżami skond il-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II anke fejn l-applikazzjoni x’aktarx li jkollha bażi suffiċjenti jew fejn l-applikant ikollu bżonnijiet speċjali.

4.      L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu li tiġi prijoritizzata jew aċċelerata proċedura ta’ eżami konformement mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II jekk:

[...] 

b)      l-applikant ma jikkwalifikax, b’mod ċar, bħala rifuġjat jew għall-istatus ta’ rifuġjat fi Stat Membru taħt id-Direttiva [tal-Kunsill] 2004/83/KE [tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96)]; jew

ċ)      l-applikazzjoni għall-ażil tkun kunsidrata bħala mingħajr bażi:

i)      minħabba li l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini bla periklu fis-sens ta’ l-Artikoli 29, 30 u 31, jew

ii)      minħabba li l-pajjiż, li ma jkunx Stat Membru, ikun kunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28(1); jew

d)      l-applikant inganna lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm għalih informazzjoni jew dokumenti relevanti fir-rigward ta’ l-identità u/jew tan-nazzjonalità tiegħu li setgħu kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni [...]

[...]”

8        L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2005/85, bit-titolu “Applikazzjonijiet bla bażi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 19 u 20, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-ażil bħala bla bażi biss jekk l-awtorità determinanti tkun stabbilixxiet li l-applikant ma jikkwalifikax għall-istatus ta’ rifuġjat skond id-Direttiva 2004/83/KE.

2.      Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 23(4)(b) u f’każijiet ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi li fihom tapplika kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi elenkati fl-Artikolu 23(4)(a) u (ċ) sa (o), l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw applikazzjoni bħala manifestament bla bażi jekk tkun definita hekk fil-liġi nazzjonali.”

9        L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, bit-titolu “Id-dritt għal rimedju effettiv”, hija fformulata b’dan il-mod:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)      deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil, inkluża deċiżjoni:

i)      li permezz tagħha applikazzjoni tiġi kunsidrata bħala inammissibbli skond l-Artikolu 25(2);

ii)      meħuda fuq il-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu ta’ Stat Membru kif deskritt fl-Artikolu 35(1);

iii)      li ma jsirx eżami skond l-Artikolu 36;

b)      rifjut li jinfetaħ mill-ġdid l-eżami ta’ applikazzjoni wara li tkun ġiet rinunzjata skond l-Artikoli 19 u 20;

ċ)      deċiżjoni li ma jitkompliex l-eżami ta’ l-applikazzjoni sussegwenti skond l-Artikoli 32 u 34;

d)      deċiżjoni li tiċħad id-dħul fil-kuntest ta’ proċeduri previsti fl-Artikolu 35(2);

e)      deċiżjoni li tirtira l-istatus ta’ rifuġjat skond l-Artikolu 38.

2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu termini ta’ żmien u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skond il-paragrafu 1.

3.      L-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ, jistabbilixxu regoli konformement ma’ l-obbligi internazzjonali tagħhom relatati ma’ dawn li ġejjin:

a)      il-kwistjoni jekk ir-rimedju skond il-paragrafu 1 għandux ikollu l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu;

b)      il-possibbiltà ta’ rimedju legali jew ta’ miżuri protettivi fejn ir-rimedju skond il-paragrafu 1 ma jkollux l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll għal rimedju ex officio; u

(ċ)      ir-raġunijiet ta’ appell minn deċiżjoni taħt l-Artikolu 25(2)(ċ) konformement mal-metodoloġija applikata taħt l-Artikolu 27(2)(b) u (ċ).

4.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu termini ta’ żmien għall-qorti jew tribunal skond il-paragrafu 1 sabiex tiġi eżaminata d-deċiżjoni ta’ l-awtorità determinanti.

5.      Fejn applikant ikun ġie mogħti status li joffri l-istess drittijiet u benefiċċji taħt il-liġijiet nazzjonali u Komunitarja bħall-istatus ta’ rifuġjat taħt id-Direttiva 2004/83/KE, l-applikant jista’ jkun kunsidrat li jkollu rimedju effettiv fejn qorti jew tribunal jiddeċiedi li r-rimedju skond il-paragrafu 1 ikun inammissibbli jew mingħajr il-probabbiltà li jirnexxi minħabba n-nuqqas ta’ interess min-naħa ta’ l-applikant li jkomplew l-proċedimenti.

6.      L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali l-kondizzjonijiet li taħthom jista’ jiġi assunt li l-applikant impliċitament irrinunzja jew abbanduna r-rimedju tiegħu skond il-paragrafu 1, flimkien mar-regoli dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10      Il-leġiżlazzjoni rilevanti hija kkostitwita bil-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006 dwar id-dritt għal ażil u forom addizzjonali ta’ protezzjoni (Mémorial A 2006, p. 1402), kif emendata bil-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 2008 (Mémorial A 2008, p. 2024, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006”).

11      L-Artikolu 19 tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006 jipprovdi li:

“(1)      Il-Ministru jiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali b’deċiżjoni motivata li tiġi kkomunikata bil-miktub lill-applikant. Fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rimedju għandha tkun espressament imsemmija fid-deċiżjoni. Il-Ministru għandu jiżgura li l-proċedura tinbeda mill-istess fiss possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami xieraq u eżawrjenti. Meta deċiżjoni ma tistax tittieħed f’terminu ta’ sitt xhur, l-applikant ikkonċernat jirċievi, fuq talba tiegħu, l-informazzjoni li tikkonċerna t-terminu li fih id-deċiżjoni ser tingħata fuq l-applikazzjoni. Din l-informazzjoni ma timponi fuq il-Ministru ebda obbligu lejn l-applikant, li jiddeċiedi fit-terminu indikat. Deċizjoni negattiva tal-Ministru tikkostitwixxi ordni ta’ espulsjoni mit-territorju.

(2)      L-appelli amministrattiv ma jinterropux it-termini għal rikorsti previsti f’dan l-artikolu.

(3)      Deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jisgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għal tibdil quddiem it-Tribunal administratif. Deċiżjoni li tordna l-espulsjoni mit-territorju tista’ tiġi impunjata b’rikors għal annullament quddiem it-Tribunal administratif. Iż-żewġ rikorsi għandhom ikunu s-suġġett ta’ rikors promotorju wieħed, taħt piena ta’ inammissibbilità ta’ rikorsi separati. Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika. It-terminu għar-rikors u r-rikors ippreżentat fit-terminu għandhom effett sospensiv. […]

(4)      Jista’ jsir appell mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal administratif quddiem il-Qorti Amministrattiva bħala qorti kompetenti f’materja ta’ annullament. L-appell irid isir f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mill-mument tan-notifika tar-reġistratur. It-terminu ta’ appell u appell ippreżentat fit-terminu impost għandhom effett sospensiv […]”.

12      L-Artikolu 20 tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006 jipprovdi li:

“(1)      Il-Ministru jista’ jiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa fil-każijiet li ġejjin:

[...]

b)      jidher b’mod ċar li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-istatus mogħti mill-protezzjoni internazzjonali;

[...]

d)      l-applikant inganna lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazzjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm għalih informazzjoni jew dokumenti rilevanti dwar l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu li setgħu kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni;

[...]

(2)      Il-Ministru għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu mhux iktar tard minn xahrejn mill-ġurnata li fiha jidher li l-applikant jaqa’ taħt wieħed mil-każijiet previsti mis-subparagrafu (1). Il-Ministru jiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni motivata li tiġi kkomunikata bil-miktub lill-applikant. Fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, l-informazzjoni dwar id-dritt għal rimedju għandha tkun imsemmija espressament fid-deċiżjoni. Deċiżjoni negattiva tal-Ministru tikkostitwixxi ordni ta’ espulsjoni mit-territorju, konformament mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tat-28 ta’ Marzu 1972 [...].

(3)      L-appelli amministrattiv ma jinterropux it-termini għal rikorsi previsti f’dan l-artikolu.

(4)      Deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meħuda fil-kuntest tal-proċedura mħaffa jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ talba għal tibdil quddiem it-Tribunal administratif. Deċiżjoni li tordna l-espulsjoni mit-territorju tista’ tiġi impunjata b’rikors għal annullament quddiem it-Tribunal administratif. Iż-żewġ rikorsi għandhom ikunu s-suġġett ta’ rikors promotorju wieħed, taħt piena ta’ inammissibbilità ta’ rikorsi separati. Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ ħmistax–il ġurnata li jibda jiddekorri min-notifika. It-Tribunal administratif għandu jiddeċiedi fi żmien xahrejn mill-preżentata tar-rikors. […] It-terminu għar-rikors u r-rikors ippreżentat fit-terminu għandhom effett sospensiv. Ma jistax isir appell mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal administratif.

(5)      Id-deċiżjoni tal-Ministru li jiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-proċedura mħaffa ma tistax tiġi kkontestata”.

13      Il-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006 ġiet emendata bil-Liġi tad-19 ta’ Mejju 2011 (Mémorial A 2011, p. 1618). L-Artikolu 20(5) tal-ewwel waħda minn dawn il-liġijiet tħassar u l-paragrafu 4 ta’ dan l-artikou ġie emendat kif ġej:

“Id-deċiżjoni tal-Ministru li jiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-proċedura mħaffa ma tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ rikors għal annullament. Deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meħuda fil-kuntest tal-proċedura mħaffa jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ talba għal tibdil quddiem it-Tribunal administratif. Deċiżjoni li tordna l-espulsjoni mit-territorju tista’ tiġi impunjata b’rikors għal annullament quddiem it-Tribunal administratif. It-tliet rikorsi għandhom ikunu s-suġġett ta’ rikors promotorju wieħed, taħt piena ta’ inammissibbiltà ta’ rikorsi separati. Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ ħmistax–il ġurnata li jibda jiddekorri min-notifika. It-Tribunal administratif għandu jiddeċiedi fi żmien xahrejn mill-preżentata tar-rikors. […] It-terminu għar-rikors u r-rikors ippreżentat fit-terminu għandhom effett sospensiv. Ma jistax isir appell mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal administratif.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Fid-19 ta’ Awwissu 2009, B. Samba Diouf, ċittadin Mawrizjan, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem id-dipartiment kompetenti tal-Ministeru Lussemburgiż tal-Affarijiet Barranin u tal-Imigrazzjoni. Fit-22 ta’ Settembru 2009, huwa nstema’ dwar is-sitwazzjoni u r-raġunijiet tiegħu għal din l-applikazzjoni.

15      B. Samba Diouf sostna li telaq mill-Mawrizju sabiex jaħrab minn sitwazzjoni ta’ jasar u li xtaq jistabbilixxi ruħu fl-Ewropa sabiex jgħix f’kundizzjonijiet aħjar u sabiex jibda familja. Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata esprimiet il-biża’ li min kien iħaddmu qabel, li huwa kien seraqlu EUR 3 000 sabiex ikun jista’ jitlaq lejn l-Ewropa, qiegħed ifittxu sabiex joqtlu.

16      L-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn B. Samba Diouf ġiet eżaminata fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa u miċħuda bħala infondata, b’deċiżjoni tal-Ministru Lussemburgiż tax-Xogħol, tal-Impjieg u tal-Imigrazzjoni fit-18 ta’ Novembru 2009, mibgħuta b’ittra reġistrata lill-persuna kkonċernata fl-20 ta’ Novembru 2009.

17      B’din id-deċiżjoni, fl-ewwel lok, B. Samba Diouf ġie informat bil-fatt li ġie deċiż fuq il-fondezza tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mħaffa peress li jirriżultaw rilevanti tnejn mill-każijiet previsti fl-Artikolu 20(1) tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006, fis-sens li huwa ċar li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb l-istatus mogħti mill-protezzjoni internazzjonali ma humiex sodisfatti [Artikolu 20(1)(b)] u li l-applikant pprova jqarraq bl-awtoritajiet billi ppreżenta indikazzjonijiet foloz jew dokumenti foloz [Artikolu 20(1)(d)].

18      Fit-tieni lok, bl-imsemmija deċiżjoni, il-Ministru tax-Xogħol, tal-Impjieg u tal-Imigrazzjoni rrifjuta l-protezzjoni internazzjonali mitluba minn B. Samba Diouf fid-deċiżjoni fuq il-mertu. Fit-tielet lok, l-imsemmi Ministru ordna lill-persuna kkonċernata sabiex titlaq mit-territorju Lussemburgiż.

19      Iċ-ċaħda tal-applikazzjoni ppreżentata minn B. Samba Diouf kienet immotivata mill-fatt li, minn naħa, dan tal-aħħar kien ipprovda passaport iffalsifikat, fatt li kien qarraq lill-awtoritajiet, u, min-naħa l-oħra, li r-raġunijiet invokati kienu ta’ natura ekonomika u ma kienu jissodisfaw ebda wieħed mill-kriterji ta’ mertu li jiġġustifikaw protezzjoni internazzjonali.

20      Iktar preċiżament, tqis li l-biża’ ta’ reazzjonijiet min-naħa tal-persuna li preċedentement kienet tħaddem lil B. Samba Diouf ma setgħetx tiġi kkwalifikata bħala biża’ ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève, fin-nuqqas ta’ sfond politiku, etniku jew reliġjuż. Barra minn hekk, tqis li din il-biża’ ta’ reazzjonijiet, li tibqa’ ipotetika, ma kinitx stabbilita. Il-kunsiderazzjonijiet l-oħra fformulati minn B. Samba Diouf, jiġifieri li l-wasla tiegħu fl-Ewropa kienet immotivata wkoll mix-xewqa li jiżżewweġ u li jibda familja, kif ukoll mill-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol kienu iebsin ħafna fil-Mawrizju, kienu meqjusa bħala manifestament estranji għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Barra minn hekk, kien iddikjarat ukoll li l-Gvern il-ġdid Mawrizjan kien adotta liġi kontra l-iskjavitu, li daħlet fis-seħħ fix-xahar ta’ Frar 2008, li kienet tipprovdi li l-iskjavitu kienet punibbli b’multa u b’piena ta’ priġuniera għal għaxar snin.

21      Fl-aħħar nett, tqis ukoll li lanqas jeżistu raġunijiet serji u ċerti li jippermettu li jitqies li B. Samba Diouf kien f’riskju serju li jsofri l-perikli gravi ddefiniti fl-Artikolu 37 tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006 u li jiġġustifikaw l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja.

22      Quddiem it-Tribunal administratif, B. Samba Diouf ippreżenta, kontra d-deċiżjoni tal-Ministru tax-Xogħol, tal-Impjieg u tal-Imigrazzjoni tat-18 ta’ Novembru 2009, rikors intiż, l-ewwel nett, għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni inkwantu, biha, l-imsemmi Ministru ddeċieda li jagħti deċiżjoni fuq il-fondatezza tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-proċedura mħaffa, fit-tieni lok, għat-tibdil, jekk mhux għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni inkwantu, biha, huwa ġie rrifjutat l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali ġie rrifjutat lilu u, fit-tielet lok, għall-annullament tal-istess deċiżjoni inkwantu, biha, ordnalu li jitlaq mit-terrritorju Lussemburgiż.

23      Kien waqt l-eżami tal-amminissibbiltà tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ministru tax-Xogħol, tal-Impjieg u tal-Imigrazzjoni sabiex jiġi deċiż fuq il-fondatezza tal-applikazzjoni ta’ B. Samba Diouf fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, li t-Tribunal administratif qies li l-applikazzjoni tal-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006, li jipprovdi li tali deċiżjoni ma tistax tiġi kkontestata, qajjem id-domandi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt għal rimedju effettiv.

24      F’dan ir-rigward, it-Tribunal administratif jirrileva li d-deċiżjoni li jiġi deċiż fuq il-fondatezza ta’ applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa ma hijiex eżenti minn konsegwenzi għall-applikant għall-ażil. Minn naħa, skont din il-qorti, l-għażla ta’ din il-proċedura mħaffa li, kuntrarjament għad-deċiżjonijiet materjali li jirrigwardaw ir-rifjut tal-protezzjoni internazzjonali u t-tkeċċija mit-territorju, ma tistax tiġi kkontestata skont id-dritt Lussemburgiż, għandha bħala effett li tnaqqas it-terminu ta’ rikors ta’ xahar għal 15-il ġurnata. Min-naħa l-oħra, il-mezzi ta’ rimedji ġudizzjarji, li normalment jinkludu żewġ istanzi tal-kawża, ma humiex aċċessibbli għall-applikant fil-kuntest ta’ din il-proċedura, peress li l-proċedura ġudizzjarja hija, skont l-imsemmija qorti, limitata għal istanza waħda.

25      Barra minn it-Tribunal administratif jieħu pożizzjoni fuq l-argument imressaq quddiemu mid-delegat tal-Gvern Lussemburgiż li jgħid li l-legalità tad-deċiżjoni li jiġi deċiż fuq il-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa hija kkontrollata mit-Tribunal adminstratif – permezz ta’ rikors indirett – waqt l-eżami tar-rikors għal tibdil kontra d-deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda. Dan l-argument huwa bbażat fuq is-sentenza tal-Qorti Amministrattiva tas-16 ta’ Jannar 2007 (Nru 22095 C).

26      It-Tribunal administratif isostni li rigward dan il-punt ma jistax isewgi s-sentenza ċċitata tal-Qorti amministrattiva, sa fejn l-istħarriġ tad-deċiżjoni li jiġi deċiż fuq il-fondatezza ta’ applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa “permezz tal-possibbiltà ta’ kawża kontra d-deċiżjoni definittiva”, kif propost mill-Qorti amministrattiva, jidhirlu li huwa kuntrarju għall-intenzjoni tal-leġiżlatura li jeskludi, permezz tal-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006, kull stħarriġ ta’ legalità ta’ din id-deċiżjoni.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal administratif iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali bħal dik stabbilita fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu mill-Artikolu 20(5) tal-Liġi [tal-5 ta’ Mejju 2006], dwar id-dritt għal ażil u forom addizzjonali ta’ protezzjoni, li tipprovdi li applikant għall-ażil ma għandux dritt għal rimedju ġuridiku kontra d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva li tiddeċiedi fuq il-fondatezza tat-talba [applikazzjoni] għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-proċedura mħaffa?

2)      F’każ ta’ risposta negattiva [għall-ewwel domanda], il-prinċipju ġenerali ta’ rimedju effettiv fir-rigward tad-dritt Komunitarju ispirat mill-Artikoli 6 u 13 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, tal-4 ta’ Novembru 1950], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali bħal dik stabbilita fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu mill-Artikolu 20(5) tal-Liġi [tal-5 ta’ Mejju 2006], dwar id-dritt għal ażil u forom addizzjonali ta’ protezzjoni, li tipprovdi li applikant għall-ażil ma għandux dritt għal rimedju ġuridiku kontra d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva li tiddeċiedi fuq il-fondatezza tat-talba [applikazzjoni] għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-proċedura mħaffa?”

 Fuq id-domandi preliminari

28      B’dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85, li jipprovdi li l-applikanti għandhom ikollhom dritt għal rimedju effettiv kontra deċiżjonijiet “meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil” u, b’mod iktar ġenerali, il-prinċipju ġenerali tad-dritt għal rimedju effettiv għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li ebda rikors ġudizzjarju awtonomu ma jista’ jiġi eżerċitat kontra d-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa.

 Osservazzjonijiet preliminari

29      Sabiex tiġi eżaminata din id-domanda, hemm lok, preliminarjament, li jiġi enfasizzat li l-proċeduri stabbiliti bid-Direttiva 2005/85 jikkostitwixxu standards minimi u li l-Istati Membri għandhom f’diversi aspetti marġni ta’ diskrezzjoni għall-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi jieħdu inkunsiderazzjoni speċifikazzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

30      B’hekk, skont il-premessa 11 tad-Direttiva 2005/85, l-organizzazzjoni tal-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-ażil għandha titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, sabiex, skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, ikunu jistgħu jipprijoritizzaw jew jaċċeleraw l-ipproċessar ta’ kull applikazzjoni, fid-dawl tal-istandards stabbiliti fl-imsemmija direttiva, mingħajr preġudizzju, skont l-Artiklu 23(2) ta’ din tal-aħħar, għal eżami adegwat u komplet. Fl-istess premessa, huwa enfasizzat li huwa kemm fl-interess tal-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-ażil li l-applikazzjonijiet jiġu deċiżi kemm jista’ jkun malajr.

31      L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85 jagħti, b’mod partikolari, lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw proċedura mħaffa fil-każijiet previsti fil-paragrafi 4 u 5 tagħha, jiġifieri meta l-applikazzjoni tista’ tkun fondata jew li l-applikant għandu bżonnijiet speċifiċi jew ukoll abbażi ta’ sittax-il motiv speċifiċi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ tali proċedura. Dawn tal-aħħar jikkonċernaw b’mod partikolari l-applikazzjonijiet li dwarhom kollox jindika li huma infondati, għaliex elementi ċari u evidenti jippermettu lill-awtoritajiet li jqisu li l-applikant ma jistax jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali, kif ukoll li l-applikazzjonijiet frawdolenti jew abbużivi.

32      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 23(4)(b) u (d) tad-Direttiva 2005/85 isemmi, fost oħrjan, is-sitwazzjonijiet li fihom l-applikant ma jistax manifestament jitqies bħala refuġjat jew ma ssodisfax il-kundizzjonijiet mitluba sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru skont id-Direttiva 2004/83/KE, jew qarraq bl-awtoritajiet għal dak li jikkonċerna l-identità tiegħu u/jew iċ-ċittadinanza tiegħu u/jew l-awtentiċità tad-dokumenti tiegħu, billi ppreżenta informazzjoni falza jew dokumenti foloz jew billi ħeba informazzjoni jew dokumenti rilevanti li setgħu influwenzaw id-deċiżjoni f’sens sfavorevoli.

33      Id-Direttiva 2005/85 ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ proċedura mħaffa. Madankollu, fl-Artikolu 23(4) tagħha, hija tissuġġetta l-ipproċessar imħaffef ta’ ċerti applikazzjonijiet għall-ażil għall-osservanza ta’ prinċipji bażiċi u ta’ garanziji fundamentali msemmija fil-Kapitolu II tagħha. Dan il-kapitolu jinkludi numru ta’ dispożizzjonijiet intiża sabiex jiżguraw aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ ażil billi jimponu fuq l-Istati Membri sabiex jagħtu lill-applikanti garanziji suffiċjenti sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jsostnu l-applikazzjoni tagħhom fl-istadji kollha tal-proċedura.

34      Skont il-premessa 8 tagħha, id-Direttiva 2005/85 tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet meħuda għal dak li jikkonċerna applikazzjoni għall-ażil u l-irtirar tal-istatut ta’ refuġjat għandhom, skont il-premessa 27 ta’ din id-direttiva, ikunu s-suġġett ta’ rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

35      Il-prinċipju fundamentali tad-dritt għal rimedju effettiv huwa s-suġġett tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85. Dan l-artikolu jimponi lill-Istati Membri li jiżguraw, lill-applikanti għall-ażil, dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra l-atti li huma elenkati fil-paragrafu 1 tiegħu.

36      Skont l-imsemmi Artikolu 39(1)(a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv kontra “deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil’, inklużi d-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni, id-deċiżjonijiet meħuda fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ tranżitu, kif ukoll id-deċiżjonijiet li ma jsirx eżami tal-applikazzjoni, minħabba l-fatt li l-awtorità kompetenti stabbiliet li l-applikant ipprova jidħol, jew daħal, illegalment fit-territorju minn pajjiż terz bla periklu.

 Fuq il-kunċett ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni għall-ażil, fis-sens tal-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85

37      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85 għandux jiġi interpretat bħala li jirreferi għad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li teżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa.

38      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-kliem intenzjonalment impreċiż tal-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85 jippermetti li jiġi sostnut li din id-dispożizzjoni tirreferi għal kull deċiżjoni li tirrigwarda applikazzjoni għall-ażil u li l-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt għal rikors kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li teżamina applikazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa.

39      Il-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kummisjsoni jsostnu, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda biss id-deċiżjonijiet finali li jwasslu għar-rifjut jew għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat. L-għan tar-rikors effettiv previst fl-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85 jista’ jkun biss id-deċiżjoni finali li tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni għal protezzjoni, u mhux id-deċiżjoni li tipprovdi li l-awtorità nazzjonali tiddeċiedi li teżamina din l-applikazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, li tkun deċiżjoni preparatorja għad-deċizjoni finali jew deċiżjoni ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

40      Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni li tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa tikkostitwixxix deċiżjoni “meħuda dwar l-applikazzjoni [...] għall-ażil”, li kontriha l-applikant għandu dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont l-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tal-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85, u b’mod partikolari, tal-atti elenkati fih b’mod mhux eżawrjenti jirriżulta li l-kunċett ta’ “deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni [...] għall-ażil” jinkludi serje ta’ deċiżjonijiet li, peress li jwasslu għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-ażil jew meħuda fil-fruntiera, huma ekwivalenti għal deċiżjoni definittiva jew negattiva fil-mertu. Dan japplika wkoll għal deċiżjonijiet oħrajn li l-Artikolu 39(1)(b) u (e) tad-Direttiva 2005/85 jissuġġetta espressament għad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva.

42      Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet li kontrihom l-applikant għall-ażil għandu jkollu rimedju skont l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2005/85 huma dawk li jinvolvu ċaħda tal-applikazzjoni għall-ażil għal raġunijet ta’ mertu, jew, skont il-każ, għal raġunijiet ta’ forma jew ta’ proċedura li jeskludu deċiżjoni dwar il-mertu.

43      Minn dan isegwi li d-deċiżjonijiet preparatorji għad-deċiżjoni dwar il-mertu jew id-deċiżjonijiet ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ma humiex imsemmija minn din id-dispożizzjoni.

44      Barra minn hekk, kif ukoll irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk il-kliem tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 jiġi interpretat fis-sens li “deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni” kienet tirreferi għal kull deċiżjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni għall-ażil u bħala li kienet tirreferi wkoll għad-deċiżjonijiet preparatorji għad-deċiżjoni finali li tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni għall-ażil, jew id-deċiżjonijiet ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ma jkunx konformi mal-interess għar-rapidità tal-proċeduri fil-qasam ta’ applikazzjonijiet għall-ażil. Dan l-interess sabiex proċedura f’dan il-qasam tiġi, skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2005/85, konkluża kemm jista’ jkun malajr, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet huwa, kif ukoll jirriżulta mill-premessa 11 ta’ din id-direttiva, maqsum kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-applikanti għall-ażil.

45      Konsegwentement, l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2005/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponiex li d-dritt nazzjonali jipprovdi rimedju speċifiku jew awtonomu kontra d-deċiżjoni li tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil fil-proċedura mħaffa. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fl-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006.

 Fuq il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva

46      L-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2005/85 jippermetti lill-Istati Membri li jiddeċiedu t-termini u r-regoli neċessarji l-oħrajn għall-implementazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv, previst fl-imsemmi Artikolu 39(1). Kif inhu mfakkar fil-premessa 27 ta’ din id-direttiva, l-effettività tar-rimedju, għal dak li jirrigwarda wkoll l-eżami tal-fatti rilevanti, tiddependi mis-sistema amministrattiva u ġudizzjarja ta’ kull Stat Membru meqjus kull kemm hu.

47      Sa fejn, fil-kawża prinċipali, ir-raġunijiet adottati mill-awtorità kompetenti sabiex tirrikorri għall-applikazzjoni ta’ proċedura mħaffa jikkoinċidu jew jikkoinċidu b’mod sinjifikattiv ma’ dawk li waslu għad-deċiżjoni ta’ mertu li tirrifjuta l-istatus ta’ refuġjat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk il-fatt, għal applikant għall-ażil, li ma jistax jibbenefika minn dritt għal rimedju kontra d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti li teżamina l-applikazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa jiksirx id-dritt għal rimedju effettiv fis-sens li dan l-applikant ma jkunx f’pożizzjoni li jikkontesta fil-mertu d-deċiżjoni li tirrifjutalu l-istatus ta’ refuġjat.

48      Il-domanda magħmula tikkonċerna b’hekk id-dritt ta’ applikant għall-ażil għal rimedju effettiv quddiem qorti skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, għall-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

49      Dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum huwa espress permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 30 u 31, kif ukoll id-digriet tal-1 ta’ Marzu 2010, Chartry, C‑457/09, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 25).

50      Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk is-sistema implementata bil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża priniċipali tosservax il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, b’mod partikolari, jekk in-nuqqas ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li tiġi eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa ċċaħħadx lill-applikant għall-ażil mid-dritt tiegħu għal rimedju effettiv.

51      Il-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006 tipprovdi, fl-Artikolu 20(4) tagħha, id-dritt li titressaq talba għal tibdil quddiem it-Tribunal administratif kontra d-deċiżjoni adottata mill-Ministru tax-Xogħol, tal-Impjieg u tal-Imigrazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa u li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, kif ukoll rikors għal annullament kontra l-ordni ta’ tluq mit-territorju.

52      Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006, li jipprovdi li d-deċiżjoni tal-Ministru li jiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa ma tistax tiġi kkontestata, jipprekludi kull stħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmija deċiżjoni, kemm permezz ta’ rikors awtonomu kif ukoll fil-kuntest tar-rikors dwar il-mertu kontra d-deċiżjoni definittiva dwar l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali. Tali impossibbiltà li jiġi eżerċitat rikors timpedixxi lill-applikant li jkollu aċċess għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni definittiva fuq il-mertu tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, peress li r-rikors dwar il-mertu ma għandu ebda possibbiltà ta’ suċċess f’dawn iċ-ċirkustanzi.

53      Il-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kummissjoni jqisu li d-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik inkwisjtoni fil-kawża prinċipali, billi jenfasizzaw li, waqt l-eżami tad-deċiżjoni finali, il-bażi ġuridika ta’ kull deċiżjoni preparatorja għandha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. F’dan ir-rigward, il-Gvern Lussemburgiż isostni li mezz ta’ rikors jeżisti permezz tal-possibbiltà ta’ azzjoni kontra d-deċiżjoni definittiva, kif ukoll irrikonoxxiet il-qorti amministrattiva, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Jannar 2007 (Nru 22095C), u kif turi dan il-ġurisprudenza s’issa kkonstatata mit-Tribunal administratif.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, C‑13/01, Safalero (Ġabra p. I‑8679, punti 54 sa 56), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jikkonferixxi lill-individwi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li individwu ma għandux il-possibbiltà li jippreżenta rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni pubblika, peress li huwa għandu rimedju ġudizzjarju ta’ natura li jiżgura r-rispett tad-drittijiet tiegħu, bħala dawk ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni, u li jippermettulu li jikseb deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata l-inkompatibbiltà bejn l-imsemmija dispożizzjoni u d-dritt tal-Unjoni.

55      Id-deċiżjoni li tikkonċerna l-proċedura li għandha tiġi applikata għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, adottata b’mod awtonomu u irrispettivament mid-deċiżjoni finali li tilqa’ din l-applikazzjoni jew li tiċħadha, tikkostitwixxi att preparatorju għad-deċiżjoni finali li tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ rikors f’dan l-istadju tal-proċedura ma jikkostitwixxix ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-legalità tad-deċiżjoni adottata fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, u b’mod partikolari r-raġunijiet li wasslu lill-awtorità kompetenti li tiċħad l-applikazzjoni għall-ażil bħala infondata, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami fil-fond mill-qorti nazzjonali, fil-kuntest tar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-imsemmija applikazzjoni.

57      Għal dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq fil-kuntest tar-rikors dwar il-mertu kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi rrilevat li l-effettività tar-rikors ma huwiex żgurat jekk, minħabba l-impossibbiltà li jiġi eżerċitat rikors li jinsab fl-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2006, ir-raġunijiet li wasslu lill-Ministru tax-Xogħol, tal-Impjieg u tal-Imigrazzjoni li jeżamina l-fondatezza tal-applikazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa ma jistgħux ikunu is-suġġett ta’ tali stħarriġ. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-raġunijiet invokati mill-imsemmi Ministru sabiex tiġi applikata l-proċedura mħaffa huma l-istess bħala dawk li wasslu għaċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni. Tali sitwazzjoni tirrendi impossibbli l-istħarriġ ta’ legalità tad-deċiżjoni, fil-fatt u fid-dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, Ġabra p. I‑8613, punti 60 sa 62).

58      Konsegwentement, jeħtieġ li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ proċedura mħaffa jkunu jistgħu jiġu effettivament ikkontestati ulterjorment quddiem qorti nazzjonali u eżaminati minnha fil-kuntest tar-rikors li d-deċiżjoni finali li tikkonkludi l-proċedura dwar l-applikazzjoni għall-ażil tista’ tkun is-suġġett tiegħu. Fil-fatt, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 20(5) tal-Liġi tal-2006 tista’ tiġi interpretata fis-sens li r-raġunijiet li wasslu lill-awtorità amministrattiva kompetenti sabiex teżamina l-applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa ma tistax tkun is-suġġett ta’ ebda stħarriġ ġudizzjarju.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex responsabbli, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tiddeċiedi fuq l-interpretazzoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta. Fil-fatt, huma l-qrati nazzjonali biss li huma kompetenti li jiddeċiedu fuq l-intepretazzjoni tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, Ġabra p. I‑3071, punt 48).

60      Madankollu, għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li l-eżiġenza ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, li tippermetti lill-qrati nazzjonali li jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tal-liġi Komunitarja meta huma jiddeċiedu l-kawżi li jitressqu quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 99). Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jirrikjedi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-liġi interna kollha u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnha, sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-direttiva in kwistjoni u sabiex jaslu għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (ara s-sentenza Impact, iċċitati iktar ‘il fuq, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      L-għan tad-Direttiva 2005/85 jikkonsisti f’li jiġi stabbilit qafas komuni tal-garanziji li jippermetti li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tad-drittijiet fundamentali. Id-dritt għal rimedju effettiv jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Sabiex l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun effettiv, jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tivverifika l-fondatezza tar-raġunijiet li wasslu lill-awtorità kompetenti li tqis l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala infondata jew abbużiva, mingħajr ma dawn ir-raġunijiet ma jibbenefikaw minn preżunzjoni inkonfutabbli ta’ legalità. Dan japplika wkoll fil-kuntest ta’ dan ir-rikors li l-qorti nazzjonali adita bil-kawża għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni li tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa ġietx adottata fl-osservanza tal-proċeduri u tal-garanziji fundamentali previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85, kif ukoll jipprovdi l-Artikolu 23(4) tagħha.

62      Għal dak li jikkonċerna t-termini għall-preżentata ta’ rikors u l-possibbiltà ta’ żewġ istanzi tal-kawża, il-qorti tar-rinviju tosserva d-differenzi li jeżistu bejn il-proċedura mħaffa u l-proċedura ordinarja tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil. B’mod partikolari hija tenfasizza li r-rikors kontra d-deċiżjoni finali għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata min-notifika ta’ din tal-aħħar, minflok terminu ta’ xahar previst fil-kuntest ta’ proċedura ordinarja, u li d-deċiżjonijiet tat-Tribunal administratif meħuda fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa ma jistgħux jiġu kkontestati.

63      Il-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kummissjoni jsostnu li l-minimu rikjest mill-prinċipju tal-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa sodisfatt mill-eżistenza ta’ rikors ġudizzjarju wieħed, mingħajr ma terminu ta’ ħmistax-il ġurnata, f’dan il-każ, ma jikkostitwixxi ksur ta’ dan il-prinċipju, kemm fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll dik tal-Qorti tal-Ġustizzja.

64      Għandu jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu l-għażla ta’ proċedura mħaffa minflok il-proċedura ordinarja timplika differenzi li jirriżultaw, essenzjalment, mill-fatt li trattament inqas favorevoli huwa rriżervat għall-applikant għall-ażil mill-perspettiva tad-dritt għal rimedju effettiva, peress li l-imsemmi applikant jista’ jeżerċita rikors biss f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata u li huwa ma jibbenefikax miż-żewġ istanzi tal-kawża.

65      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li d-differenzi li jeżistu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bejn il-proċedura mħaffa u l-proċedura ordinarja, li jirriżultaw minn tnaqqis tat-terminu u min-nuqqas ta’ żewġ istanzi tal-kawża, huma marbuta man-natura tal-proċedura implementata. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali intiżi sabiex jiżguraw ipproċessar iktar rapidu tal-applikazzjonijiet għall-ażil infondati jew inammissibbli, biex għan li jippermettu proċessar iktar effikaċji tal-applikazzjonijet ippreżentati mill-persuni li huma adatti li jibbenefikaw mill-istatus ta’ refugjat.

66      Għal dak li jikkonċerna l-fatt li t-terminu ta’ rikors huwa ta’ ħmistax-il ġurnata fl-ipoteżi ta’ proċedura mħaffa, filwaqt li huwa ta’ xahar fil-każ ta’ deċiżjoni adottata skont il-proċedura ordinarja, jekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, li t-terminu stabbilit ikun materjalment suffiċjenti għall-preparazzjoni u l-preżentata ta’ rikors effettiv.

67      Rigward il-proċeduri mqassra, terminu ta’ ħmistax-il ġurnata ma jidhirx, fil-prinċipju, materjalment insuffiċjenti għall-preparazzjoni u l-preżentata ta’ rikors effettiv, u jidher raġonevoli u proporzjonat fir-rigward tad-drittijiet u tal-interessi inkwistjoni.

68      Madankollu hija l-qorti nazzjonali, fl-ipoteżi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ sitwazzjoni partikolari, dan it-terminu kellu jirriżulta insuffiċjenti, li għandha tiddermina jekk dan l-element huwiex ta’ natura li jiġġustifika, fih innifsu, li jintlaqa’ rikors ippreżentat indirettament kontra d-deċiżjoni li tiġi eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, b’tali mod, billi jintlaqa’ r-rikors, l-imsemmija qorti tordna li l-applikazzjoni tiġi eżaminata skont il-proċedura ordinarja.

69      Għal dak li jirrigwarda l-fatt li jipprovdi li l-applikant għall-ażil ma jibbenefikax miż-żewġ istanzi tal-kawża għal dak li jikkonċerna deċiżjoni adottata fil-kuntest ta’ proċedura ordinarja, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2005/85 ma timponix l-eżistenza ta’ żewġ istanzi tal-kawża. L-uniku fatt rilevanti huwa l-eżistenza ta’ rikors quddiem istanza ġudizzjarja, iggarantit bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva joffri lill-individwi dritt għal aċċess għal qorti u mhux għal diversi livelli ta’ ġurisdizzjoni.

70      Konsegwentement ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/95 u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħala dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li ebda rikors awtonomu ma jista’ jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni, tal-awtorità kompetenti, li tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, peress li r-raġunijiet li wasslu din l-awtorità li teżamina l-fondatezza tal-imsemmija applikazzjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tar-rikors li d-deċiżjoni finali ta’ ċaħda tista’ tkun is-suġġett tiegħu, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

71      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat fl-Istati Membri, u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħala dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li ebda rikors awtonomu ma jista’ jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni, tal-awtorità kompetenti, li tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, peress li r-raġunijiet li wasslu din l-awtorità li teżamina l-fondatezza tal-imsemmija applikazzjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tar-rikors li d-deċiżjoni finali ta’ ċaħda tista’ tkun is-suġġett tiegħu, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.