SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Frar 2011 (*)

“Approssimazzjoni tal-liġijiet – Telekomunikazzjonijiet – Netwerks u servizzi – Direttiva 2002/22/KE – Ħatra ta’ impriżi għall-provvista tas-servizz universali – Impożizzjoni ta’ obbligi speċifiċi lill-impriża maħtura – Servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji”

Fil-Kawża C‑16/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Jannar 2010, fil-proċedura

The Number (UK) Ltd,

Conduit Enterprises Ltd

vs

Office of Communications,

British Telecommunications plc,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, D. Šváby, E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal The Number (UK) Limited u Conduit Enterprises Limited, minn D. Rose, QC, u B. Kennelly, barrister,

–        għal British Telecommunications plc, minn R. Thomson, QC, J. O’ Flaherty, barrister u S. Murray, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Penlington, bħala aġent, assistita minn C. Vajda, QC,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u A. Nijenhuis, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru [Qafas]”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva Qafas”), u 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367) fil‑verżjonijiet tagħhom fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn The Number (UK) Ltd (iktar ’il quddiem “The Number”) u Conduit Enterprises Ltd (iktar ’il quddiem “Conduit Enterprises”), żewġ fornituri ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji fir-Renju Unit, u British Telecommunications plc (iktar ’il quddiem “BT”) dwar l-ammonti ffatturati minn BT għall-provvista ta’ informazzjoni li toriġina minn databases li fihom id-dettalji tal-abbonati għas-servizz ta’ telekomunikazzjoni li BT għandha tamministra fil-kwalità tagħha ta’ fornitur tas‑servizz universali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 7 tad-direttiva “Servizz Universali” tistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom ikomplu jassiguraw li s-servizzi stipulati fil‑Kapitolu II jintgħamlu disponibbli bil-kwalità speċifikata għall-utenti finali kollha fit-territorju tagħhom irrespettivament mil-lok ġeografiku, u, fid-dawl ta’ kondizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, bi prezz li jista’ jintlaħaq. […]”

4        Il-premessa 11 tad-Direttiva “Servizz Universali” hija fformulata kif ġej:

“Is-servizzi ta’ informazzjoni tad-direttorju u ta’ konsultazzjoni tad-direttorju jikkostitwixxu għodda essenzjali għall-aċċess għal servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament u jiffurmaw parti mill-obbligu ta’ servizz universali. L-utenti u l‑konsumaturi jixtiequ direttorji komprensivi u servizz ta’ konsultazzjoni tad‑direttorju li jkopru l-abbonati kollha elenkati tat-telefon u n-numri tagħhom (inklużi numri fissi u mobbli) u jridu li din l-informazzjoni tiġi presentata b’mod mhux preferenzjali. […]”

5        Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva “Servizz Universali”:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-aproċċ l-aktar effiċjenti u adattat biex jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ servizz universali, waqt li jirrispettaw il‑prinċipji ta’ l-oġġettività, it-trasparenza, in‑non‑diskriminazzjoni u l‑proporzjonalità. Għandhom ifittxu li jimminimizzaw id-distorsjonijiet fis-suq, b’mod partikolari l-forniment ta’ servizzi bi prezzijiet jew suġġetti għal termini u kondizzjonijiet oħra li jitilqu mill-kondizzjonijiet normali tal-kummerċ, waqt li jissalvagwardaw l-interess pubbliku.”

6        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Servizz Universali” jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-talbiet kollha raġonevoli għal konnessjoni f’lok fiss għal network pubbliku tat-telefon u għall-aċċess għal servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon f’lok fiss jkunu sodisfatti minn ta’ l‑anqas impriża waħda”.

7        L-Artikolu 5 tad-Direttiva “Servizz Universali” intitolat “Servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u direttorji”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:

a)      ta’ l-anqas direttorju wieħed komprensiv ikunu disponibbli għall-utenti finali f’forma approvata mill-awtorità relevanti, sew jekk stampat jew elettroniku, jew it-tnejn, u jiġi aġġornat fuq bażi regolari, ta’ lanqas darba fis-sena;

b)      ta’ l-anqas direttorju komprensiv tat-telefon tas-servizzi ta’ konsultazzjoni jkun disponibbli għall-utenti finali kollha, inklużi l-utenti ta’ telefons pubbliċi bi ħlas.

2.      Id-direttorji fil-paragrafu 1 għandhom jikkomprendu, bla ħsara għad‑dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/66/KE, l-abbonati kollha ta’ servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon.

3.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-impriża/i li jfornu s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 japplikaw il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni għat‑trattament ta’ l-informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta lilhom minn impriżi oħra.”

8        L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva “Servizz Universali” huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jaħtru impriża waħda jew aktar biex tiggarantixxi l‑forniment ta’ servizz universali kif identifikat fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 u, fejn japplika, l-Artikolu 9(2) sabiex ikun jista’ jiġi kopert it-territorju kollu nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jaħtru mpriżi differenti jew settijiet ta’ impriżi biex jipprovdu elementi differenti ta’ servizz universali u/jew biex ikopru partijiet differenti tat-territorju nazzjonali.”

9        L-Artikolu 9 tad-Direttiva “Servizz Universali”, intitolat “Tariffi bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu”, jipprovdi li:

“1.      L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw l-evoluzzjoni u l‑livell tat-tariffi bl-imnut tas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 bħala li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali u provduti mill-impriżi maħtura, b’mod partikolari b’relazzjoni mal-prezzijiet u d-dħul tal-konsumaturi nazzjonali.

2.      L-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, jeħtieġu li l‑impriżi maħtura jfornu għażliet ta’ tariffi jew pakketti lill-konsumaturi li jitilqu [huma differenti] minn dawk provduti taħt kondizzjonijiet normali kummerċjali, b’mod partikolari biex jiġi assigurat li dak [l-persuni] bi dħul baxx jew bi ħtiġiet soċjali speċjali ma jiġux prevenuti milli jaċċessaw jew jużaw is-servizz pubblikament disponibbli tat-telefon.

[…]

4.      L-istati Membri jistgħu jeħtieġu li mpriżi b’obbligi taħt l-Artikoli 4, 5, 6, u 7 japplikaw tariffi komuni, inkluż medjar ġeografiku mat-territorju kollu, fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali jew li jikkonformaw ma’ limiti ta’ prezzijiet.

[…]”

10      L-Artikolu 11 tad-Direttiva “Servizz Universali”, intitolat “Kwalità tas-servizz ta’ impriżi maħtura”, jipprovdi:

“1.      L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-impriżi kollha maħtura b’obbligi taħt l-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 9(2) jippublikaw informazzjoni adegwata u aġġornata li tikkonċerna l-prestazzjoni tagħhom fil-forniment ta’ servizz universali, bbażata fuq parametri ta’ kwalità ta’ servizz, tifsiriet u metodi ta’ kejl stipulati fl-Anness III. L-informazzjoni ppublikata għandha wkoll tiġi provduta lill-awtorità regolatorja nazzjonali.

[...]

4.      L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jiffissaw miri ta’ prestazzjoni għal dawk l-impriżi b’obbligi ta’ servizz universali ta’ l-anqas taħt l-Artikolu 4. Waqt li jagħmlu dan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont ta’ l-opinjoni tal-partijiet interessati, b’mod partikolari kif imsemmija fl-Artikolu 33.

5.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet i regolatorji nazzjonaljkunu jistgħu jissorveljaw il-konformità ma’ dawn il-miri ta’ prestazzjoni mill-impriżi maħtura.

[...]”

11      L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassigiraw li l-impriżi kollha li jassenjaw numri tat‑telefon lill-abbonati jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha li jagħmlu disponibbli għall-iskopijiet tal-forniment ta’ konsultazzjoni tad — direttorji pubblikament disponibbli u direttorji, l-informazzjoni kollha relevanti f’format miftiehem fuq termini li jkunu ġusti, oġġettivi, orjentati ma’ l-ispejjeż u mhux diskriminatorji.”

12      L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, intitolata “Miri politiċi u prinċipji regolatorji”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri.

L-Istati Membri għandhom jassiġuarw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji stipulati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jagħtu l-aktar kont tax-xewqa li jingħamlu regolamenti teknikament newtrali.

L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji [jistgħu jikkontribwixxu] skond il-kompetenzi tagħhom biex jassigura l-implimentazzjoni tal-politika mmirata lejn il‑promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, kif ukoll tal-pluraliżmu fil‑midja.

2.      L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l‑kompetizzjoni fil-provista tan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

a)      jiżguraw li l-utenti […] jieħu l-benefiċċju massimu f’termini ta’ għażla, prezz, u kwalità;

[…]

3.      L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jikkontribwixxu għall‑iżvilupp tas-suq intern billi fost ħwejjeġ oħra, [...]

4.      L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-interessi taċ‑ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea billi fost ħwejjeġ oħra:

a)      jassiguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għas-servizzi universali speċifikati fid-[Direttiva ‘Servizz Universali’];

[...]”

13      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni” huwa fformulat kif ġej:

“Il-forniment ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’, mingħajr preġudizzju għall‑obbligi speċifiċi msemmija f’Artikolu 6(2) jew għad-drittijiet ta’ użu msemmija f’Artikolu 5, biss ikun suġġett għal awtorizzazzjoni ġenerali. L-impriża konċernata tista’ tkun meħtieġa li tissottometti notifikazzjoni iżda m’għandhiex tkun meħtieġa li tikseb deċiżjoni espliċita jew xi att amministrattiv ieħor mill‑awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma teżerċita d-drittijiet li joħorġu mill‑awtorizzazzjoni. Man-notifikazzjoni, fejn meħtieġa, impriża tista’ tibda l‑attività, fejn meħtieġ suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ użu f’Artikoli 5, 6 u 7.”

14      L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni” jipprovdi:

“L-obbligi speċifiċi li jistgħu jiġu mposti fuq fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi taħt Artikoli 5(1), 5(2), 6 u 8 tad‑Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta’ l-Aċċess) u Artikoli 16, 17, 18 u 19 tad‑Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ta’ Servizz Universali) jew fuq dawk nominati biex ifornu servizz universali taħt l-imsemmija Direttiva għandhom ikunu legalment separati mid-drittijiet u l-obbligi ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali. Sabiex tinkiseb it-trasparenza għall-impriżi, il-kriterji u l-proċeduri għall‑imposizzjoni ta’ dawk l-obbligi speċifiċi fuq impriżi ndividwali għandhom ikunu msemmija fl-awtorizzazzjoni ġenerali.”

 Id-dritt nazzjonali

15      Il-kundizzjoni Nru 7 stabbilita għall-provvista tas-servizz universali (Universal Service Condition 7, iktar ’il quddiem il-“USC 7”), imponiet fuq BT fil-kuntest tal-ħatra tagħha bħala fornitur tas-servizz universali skont dipożizzjonijiet tar‑Regolament tal-2003 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi [Electronic Communications (Universal Service) Regulations 2003] hija fformulata kif ġej:

“7.1      BT tamministra database li fiha l-informazzjoni tad-direttorju tal-abbonati kollha li ngħataw numru tat-telefon mingħand kwalunkwe fornitur ta’ [netwerks jew ta’ servizzi ta’] komunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem id-‘database’). BT għandha tiżgura li d-database tiġi aġġornata regolarment.

7.2      Fuq talba u skont il-punti 7.3 u 7.4 iktar ’il quddiem, BT għandha tqiegħed għad‑dispożizzjoni:

a)      ta’ kull fornitur ta’ [netwerks jew ta’ servizzi ta’] komunikazzjonijiet suġġetti għall-punt 8.2 tal-kundizzjoni ġenerali Nru 8, id-direttorji kkumpilati minn BT li jissodisfaw l-eżiġenzi ta’ din il-kundizzjoni ġenerali, sabiex tippermetti lil dan il-fornitur ta’ [netwerks jew servizzi ta’] komunikazzjonijiet jikkonforma ruħu ma’ dan il-punt 8.2;

b)      ta’ kull persuna li tixtieq tforni servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju aċċessibbli għall-pubbliku u/jew ta’ direttorji, il-kontenut tad-database, f’forma li tista’ tinqara minn magna.

7.3      BT għandha tipprovdi l-elementi li jsir riferiment għalihom iktar ’il fuq fil‑punt 7.2(a) u (b), fuq talba ta’ kwalunkwe persuna li tkun tixtieq tiksibhom sakemm din it-talba tkun raġonevoli. Bla ħsara għan-natura ġenerali ta’ dak li jippreċedi, BT tista’ tirrifjuta li tipprovdi dawn l-elementi jekk:

a)      il-persuna li titlob dawn l-elementi ma tintrabatx li tiżgura l-ipproċessar tad‑data jew tal-informazzjoni inkluża fihom skont kull kodiċi ta’ prattika tajba applikabbli, u/jew

b)      BT għandha raġunijiet biżżejjed sabiex temmen li l-persuna li titlob li tikseb dawn l-elementi mhux se tikkonforma ruħha mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il‑protezzjoni tad-data.

7.4      BT għandha tipprovdi l-elementi li jsir riferiment għalihom iktar ’il fuq fil‑punt 7.2(a) u (b), fuq kundizzjonijiet ġusti, oġġettivi, ifformulati skont l‑ispejjeż u mhux indebitament diskriminatorji, u taħt forma miftiehma bejn BT u l-persuna li titlob l-informazzjoni. Fin-nuqqas ta’ ftehim fuq dan il-punt, id‑direttur jista’ jiddetermina l-forma li taħtha tiġi pprovduta l-informazzjoni, skont ir-rwol tiegħu li jsib soluzzjoni għat-tilwim.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Fir-Renju Unit, il-fornitur ta’ servizz universali fil-qasam tat‑telekomunikazzjonijiet huwa BT, ħlief sa fejn jikkonċerna r-reġjun madwar il‑belt ta’ Hull.

17      The Office of communications (l-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem l-“OFCOM”) huwa l-awtorità regolatorja nazzjonali tar-Renju Unit fil‑qasam ta’ telekomunikazzjonijiet. Matul l-2003, l-OFCOM ħa post l-Oftel, l-uffiċċju tat-telekomunikazzjonijiet.

18      L-USC 7, adottata mill-Oftel, tobbliga lil BT tqiegħed għad-dispożizzjoni tal‑fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji, li ma nħatrux bħala fornituri tas-servizz universali, fuq kundizzjonijiet li jkunu ġusti, oġġettivi, u fformulati skont l-ispejjeż u mhux diskriminatorji, u taħt forma miftiehma, id-database kompleta tagħha dwar l-abbonati telefoniċi, li jisimha “OSIS”, li hija tistabbilixxi billi tiġbor data mingħand l-operaturi kollha ta’ servizz tat-telefonija fissa.

19      Għalhekk, minflok timponi obbligu ta’ servizz universali ffokat fuq l-utent, l‑USC 7 timponi fuq BT obbligu fil-livell tal-kummerċ bl-ingrossa, li, fil-prattika, irriżulta fil-preżenza fis-suq tar-Renju Unit ta’ diversi fornituri kompetituri ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji li joperaw permezz tad-database OSIS.

20      Permezz tas-sentenza tagħha tal-25 ta’ Novembru 2004, KPN Telecom, (C‑109/03, Ġabra p. I-11273), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-ammonti ffatturati mill-operaturi ta’ servizzi ta’ telefonija fissa, għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-“informazzjoni relevanti” rigward l-abbonati, ma kellhomx jinkludu l-ispejjeż interni marbuta mal-ġbir, il-kumpilazzjoni u l-aġġornament tad‑data dwar l-abbonati tal-operatur. The Number u Conduit Enterprises ikkontestaw l-ammonti li BT kienet tiffatturalhom għall-użu tad-database tagħha OSIS billi invokaw din is-sentenza insostenn tar-rikorsi tagħhom.

21      L-OFCOM, li quddiemu tressqu dawn il-kawżi fl-2005, ta d-deċiżjonijiet tiegħu fl-10 ta’ Marzu 2008. F’dawn id-deċiżjonijiet, l-OFCOM iddikkjara b’mod partikolari li l-USC 7 kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, peress li ma kinitx tittrasponi b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva “Servizz Universali”. Għalhekk, skont l-OFCOM, BT kienet obbligata li tagħti aċċess għad-database OSIS b’kundizzjonijiet regolamentati biss f’dak li jikkonċerna d-data dwar l-abbonati tagħha. Fil-fatt hija għandha l-obbligu li tipprovdi din id-data skont obbligu ieħor, differenti mill-USC 7 u li ma huwiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li japplika għall-impriżi kollha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li jittrasponi l-Artikolu 25 tad-Direttiva “Servizz Universali”.

22      Permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fl-24 ta’ Novembru 2008, il-Competition Appeal Tribunal laqa’ ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-OFCOM. Huwa kkunsidra li l‑USC 7 kienet timplementa b’mod korrett id-dispożizzjonijiet rilevanti tad‑Direttiva “Servizz Universali”.

23      BT, sostnuta mill-OFCOM, appellat din id-deċiżjoni tal-Competition Appeal Tribunal quddiem il-qorti tar-rinviju. Minkejja li din waslet għall-konklużjoni provviżorja li tgħid li l-USC 7 kienet kuntrarja għad-Direttiva “Servizz Pubbliku”, hija qieset neċessarju, qabel ma tiddeċiedi, li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja, billi “eżami tal-prinċipji inkwistjoni, fid-dawl tad‑differenzi li jeżistu bejn it-testi awtentiċi u l-argumenti ppreżentati”, juri “li l‑kwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala waħda li ma tqajjimx l-iċken dubju”.

24      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Għandha s-setgħa mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 8(1) tad-[...] (Direttiva ‘Servizz Universali’), moqri flimkien mal-Artikolu 8 tad-[...] (Direttiva ‘Kwadru [Qafas]’), mal-Artikoli 3(2) u 6(2) tad-[...] (Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’) u mal-Artikolu 3(2) tad-[Direttiva ‘Servizz Universali’] u dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt Komunitarju, li jaħtru impriża waħda jew iktar sabiex jiggarantixxu l-provvista ta’ servizz universali, jew elementi differenti ta’ servizz universali, kif identifikati fl-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 9(2) tad-[Direttiva ‘Servizz Universali’], tiġi interpetata fis-sens li:

a)      tippermetti lill-Istat Membru, fejn jiddeċiedi li jaħtar impriża skont din id-dispożizzjoni, li jimponi biss obbligi speċifiċi fuq din l-impriża li jeħtieġu li l-impriża stess tipprovdi lill-utenti finali s-servizz universali jew element minnu li għalih hija ġiet maħtura, jew fis-sens li

b)      tippermetti lill-Istat Membru, meta jiddeċiedi li jaħtar impriża taħt din id-dispożizzjoni, li jissuġġetta lill-impriża maħtura għall-obbligi speċifiċi li l-Istat Membru jikkunsidra bħala l-iktar effiċjenti, xierqa u proporzjonati sabiex jiggarantixxu l-provvista tas-servizz universali jew element minnu lill-utenti finali, kemm jekk dawn l-obbligi jeħtieġu li l-impriża stess tipprovdi s-servizz universali jew element minnu lill‑utenti finali kif ukoll jekk le?

2)      Id-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, meta dawn jinqraw ukoll fid-dawl tal-Artikolu 3(2) tad-[Direttiva ‘Servizz Universali’], jippermettu lill-Istati Membri li, f’ċirkustanzi fejn impriża tinħatar taħt l-Artikolu 8(1) tad‑[Direttiva ‘Servizz Universali’] għall-finijiet tal-obbligu previst fl‑Artikolu 5(1)(b) tal-istess direttiva (direttorju komprensiv tat-telefon tas‑servizzi ta’ konsultazzjoni) mingħajr ma tkun meħtieġa li tipprovdi dan is-servizz direttament lill-utenti finali, jimponu obbligi speċifiċi fuq l‑impriża maħtura sabiex din:

a)      iżżomm u taġġorna bażi ta’ data komprensiva tal-informazzjoni dwar l‑abbonati;

b)      tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kull persuna li tkun tixtieq tipprovdi servizzi ta’ konsultazzjoni ta’ direttorju aċċessibbli għall-pubbliku jew direttorji, il-kontenut ta’ bażi ta’ data komprensiva tal-informazzjoni dwar l-abbonati, kif aġġornata regolarment, f’forma li tinqara’ b’mod mekkaniku (kemm jekk tali persuna jkollha l-ħsieb li tipprovdi direttorju komprensiv tas-servizzi ta’ konsultazzjoni lill-utenti finali kif ukoll jekk le); u

c)      tipprovdi lil din il-persuna l-kontenut tal-bażi ta’ data taħt kundizzjonijiet li jkunu ġusti, oġġettivi, li jieħdu inkunsiderazzjoni l‑ispejjeż involuti u li ma jkunux diskriminatorji?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l‑Artikolu 8(1) tad-Direttiva “Servizz Universali” jawtorizzax lill-Istati Membri, meta jiddeċiedu li jaħtru impriża jew impriżi skont din id-dispożizzjoni sabiex jiggarantixxu l-provvista tas-servizz universali, jew tal-elementi diversi tas-servizz universali hekk kif definit fl-Artikoli 4 sa 7 u 9(2) ta’ din l-istess direttiva, li jimponu biss fuq dawn tal-aħħar obbligi speċifiċi dwar il-mod kif dawn l-impriżi għandhom jipprovdu s-servizz universali li għalih ġew maħtura lill-utenti finali jew, min-naħa l-oħra, jekk dawn l-Istati għandhomx id-dritt li jimponu fuq l-impriżi maħtura l-obbligi li jikkunsidraw li huma l-aktar adatti sabiex jiggarantixxu l‑provvista tal-imsemmi servizz, kemm jekk dawn l-impriżi jipprovdu dan is‑servizz huma stess jew le.

26      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li din id-domanda qed issir fil-kuntest ta’ kawża prinċipali li tikkonċerna, b’mod partikolari, il-kompatibbiltà mad-dritt tal‑Unjoni ta’ obbligu, li jaqa’ taħt is-sistema nazzjonali ta’ servizz universali, applikabbli, fost l-oħrajn, għas-servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji, u impost fuq operatur wieħed, jiġifieri BT, fil-livell tas-suq bl-ingrossa. Skont l-imsemmi obbligu, dan l-operatur għandu jżomm u jqiegħed għad‑dispożizzjoni tal-fornituri l-oħra ta’ tali servizzi ta’ konsultazzjoni tad‑direttorju u ta’ direttorji, fuq kundizzjonijiet li jkunu ġusti, oġġettivi, ifformulati skont l-ispejjeż u mhux diskriminatorji, u taħt forma miftiehma, id‑database OSIS, li hija tistabbilixxi billi tiġbor data mingħand l-operaturi kollha ta’ servizz tat-telefonija fissa.

27      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk id-dispożizzjonijiet tad-direttiva “Awtorizzazzjoni”, tad-direttiva “Qafas” u tad-direttiva “Servizz Universali”, u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) ta’ din l-aħħar direttiva, jippermettux lill-Istati Membri jimponu tali obbligu fuq operatur speċifiku, fil‑livell tas-suq bl-ingrossa, fil-kuntest tal-għażla ta’ dan l-operatur skont din id‑dispożizzjoni, bil-mira li jintlaħaq indirettament, bil-ħolqien ta’ ambjent kompetittiv propizju għal dan l-iskop, l-għan ta’ servizz universali stabbilit fil‑premessa 11 tad-direttiva “Servizz Universali” u msemmi fl-Artikolu 5 ta’ din tal-aħħar u li jikkonsisti f’li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti finali kollha servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji kompleti.

28      Sabiex jiġu stabbiliti s-sens u l-portata tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva “Servizz Universali”, jaqbel, qabel xejn, li din id-dispożizzjoni titqiegħed fil-kuntest leġiżlattiv li taqa’ taħtu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Banca popolare di Cremona, C‑475/03, Ġabra p. I‑9373, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sussegwentement, hemm lok li tiġi interpretata fid-dawl tal‑formulazzjoni tagħha kif ukoll tal-istruttura ġenerali tal-imsemmija direttiva u tal‑għanijiet intiżi mil-leġiżlatur.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni”, il-provvista ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ tkun biss is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, bla ħsara għall-obbligi speċifiċi msemmija fl‑Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jew tad-drittijiet ta’ użu ta’ radjufrekwenzi u ta’ numri msemmija fl-Artikolu 5 tagħha. Dawn l-aħħar drittijiet ma humiex ikkontestati fil-kawża prinċipali.

30      Għalhekk, l-Istati Membri għandhom dritt jimponu obbligi speċifiċi fuq impriża jew impriżi partikolari biss sa fejn dawn l-obbligi jaqgħu taħt il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni”. Din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi, b’mod partikolari, għall-obbligi imposti fuq l-impriżi maħtura sabiex jipprovdu servizz universali skont id-Direttiva “Servizz Universali”. Fost dawn l-obbligi hemm il-provvista ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni ta’ direttorju u ta’ direttorji kompleti msemmija fl-Artikolu 5 tagħha. Huwa l‑Artikolu 8(1) ta’ din l-aħħar direttiva stess li jipprovdi l-ħatra tal-operaturi responsabbli sabiex jipprovdu s-servizz universali jew diversi elementi tiegħu.

31      Inkwantu eċċezzjoni għall-projbizzjoni li jiġu imposti obbligi speċifiċi fuq l‑operaturi b’mod individwali, l-obbligi li jistgħu jiġu imposti, skont dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Servizz Universali”, fuq impriżi maħtura skont l‑Artikolu 8(1) tagħha sabiex jipprovdu servizz universali għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

32      Rigward il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva “Servizz Universali”, għalkemm din tipprovdi, fl-ewwel sentenza tagħha, il-ħatra ta’ impriża sabiex “tiggarantixxi l-forniment” tas-servizzi universali, din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll, fit-tieni sentenza tagħha, li l-“Istati Membri jistgħu jaħtru mpriżi differenti jew settijiet ta’ impriżi biex ifornu elementi differenti ta’ servizz universali”. Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija kollha kemm hi, jirriżulta li Stat Membru jista’ biss jimponi fuq impriża maħtura obbligi speċifikament previsti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Servizz Universali” dwar il-forniment lill-utenti finali minn din l-impriża stess ta’ wieħed mill‑elementi speċifiċi tas-servizz universali ddefinit fl-Artikoli 4 sa 7 u 9(2) tal‑imsemmija direttiva.

33      Għandu jingħad ukoll li l-provvista lill-utenti tas-servizz universali mill-impriża stess ma teskludix il-possibbiltà għal din tal-aħħar li tissubappalta din il-provvista lil terzi, bil-kundizzjoni li tibqa’ responsabbli, fil-konfronti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, għall-mod kif jiġi pprovdut is-servizz.

34      Barra minn hekk, kunsiderazzjonijiet dwar l-istruttura ġenerali tad-Direttiva “Servizz Universali” u dwar l-għanijiet tagħha jikkorraboraw din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 u 11 ta’ din l-istess direttiva, dwar, rispettivament, it-tariffi applikati u l-istħarriġ mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tar-rendiment tal-impriżi maħtura għall-provvista tas-servizz universali jimplikaw li huma neċessarjament dawk li jipprovdu dan is-servizz huma stess.

35      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 9 tad-Direttiva “Servizz Universali”, mill‑premessa 7 tagħha jirriżulta li wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-imsemmija direttiva huwa li tiġi żgurata l-provvista lill-utenti finali ta’ sett minimu ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bi prezz li jista’ jintlaħaq. Għal dan il-għan, l-Artikolu 9 tad-Direttiva “Servizz Universali”, u b’mod partikolari l‑paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu, jipprovdi mekkaniżmu ta’ stħarriġ u ta’ regolamentazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tal-istruttura u tal‑livell tat-tariffi applikati mill-impriża maħtura sabiex tipprovdi elementi tas‑servizz universali.

36      Min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 9 jipprovdi biss mekkaniżmu ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet applikati minn impriżi differenti mill-impriża maħtura. Għalhekk, anki li kieku dawn l-impriżi l-oħra jista’ jkollhom aċċess, b’tariffi stabbiliti mir-regolatur nazzjonali, għal database kompleta dwar l-abbonati telefoniċi kollha, bħad-database OSIS ta’ BT, grazzi għal obbligu nazzjonali speċifiku bħall-USC 7, huma ma humiex obbligati jipprovdu, bi prezz li jista’ jintlaħaq, l-element tas-servizz universali msemmi fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji kompleti fir-rigward tal-utenti finali. Għalhekk, obbligu bħal dak stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali jiggarantixxi biss bħala tali li l-element tas-servizz universali inkwistjoni jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti finali kollha bi prezz li jista’ jintlaħaq.

37      Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva “Servizz Universali”, huma l‑awtoritajiet regolatorji nazzjonali li għandhom jikkontrollaw il-prestazzjoni tas‑servizz universali mill-impriżi maħtura u jimponulhom, jekk ikun hemm bżonn, l-osservanza ta’ ċerti eżiġenzi speċifiċi dwar il-kwalità tiegħu. Għalhekk, din id-dipożizzjoni titlaq mill-premessa li tgħid li l-impriżi maħtura għandhom data operattiva dwar il-provvista tas-servizz universali u jinsabu f’pożizzjoni li jinfluwenzaw direttament il-mod kif dan jiġi pprovdut, li jippresupponi li jipprovdu s-servizz huma stess.

38      Għalkemm huwa ċertament minnu li huma l-Istati Membri, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva “Servizz Universali”, li għandhom jiddeċiedu “l-aproċċ l-aktar effiċjenti u adattat biex jassiguraw l‑implimentazzjoni ta’ servizz universali”. Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni li jirriżulta għall-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni ma jistax jippermetti lil dawn li jimponu, fuq ċerti impriżi, obbligi speċifiċi differenti minn dawk li jaqgħu taħt l-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni”. Għalhekk, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” ma jistax jiġi interpretat b’mod li jkabbar il-portata tal-ħatra permessa skont l-Artikolu 8(1) tagħha, b’mod li Stat Membru jista’ jimponi, fuq impriża hekk maħtura, obbligi differenti minn dawk previsti mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

39      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eventwali rilevanza tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” f’dan il-kuntest, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id‑dispożizzjoni sempliċement tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw “li l-impriżi kollha li jassenjaw numri tat-telefon lill-abbonati” jirrispondu għat-talbiet raġonevoli kollha ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data dwar l-abbonati tagħhom għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni ta’ direttorju u ta’ direttorji. Għalhekk, din id-dispożizzjoni, li tikkonċerna obbligu ġeneralment applikabbli għall-operaturi kollha, ma għandu l-ebda influwenza fuq il-portata tal‑obbligi speċifiċi li Stat Membru għandu dritt jimponi fuq impriża jew impriżi partikolari li jaħtar għall-finijiet tal-provvista tas-servizz universali, skont l‑Artikolu 8(1) tad-Direttiva “Servizz Universali”.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva “Servizz Universali” jawtorizza lill-Istati Membri, meta jiddeċiedu li jaħtru impriża jew impriżi skont din id-dispożizzjoni sabiex jiggarantixxu l-provvista tas-servizz universali, jew ta’ diversi elementi tas-servizz universali, hekk kif iddefinit fl-Artikoli 4 sa 7 u 9(2) ta’ din l-istess direttiva, li jimponu fuq dawn biss l-obbligi speċifiċi, previsti mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, li huma marbuta mal‑provvista tal-imsemmi servizz jew tal-imsemmija elementi tiegħu lill-utenti finali mill-impriżi maħtura stess.

 Fuq it-tieni domanda

41      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda. Fil-fatt, din tal-aħħar titlaq mill‑premessa li Stat Membru jkun leġittimament impona obbligu speċifiku fuq impriża maħtura skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva “Servizz Universali”, mingħajr ma din tkun obbligata tipprovdi dan is-servizz direttament lill-utenti finali, u tfittex li tistabbilixxi, essenzjalment, jekk tali obbligu jistax jinkludi eżiġenzi dwar iż-żamma ta’ database u t-tqegħid tagħha għad-dispożizzjoni ta’ operaturi oħra fil-livell tas-suq bl-ingrossa. Issa, mir-risposta għall-ewwel domanda li saret jirriżulta li tali obbligu ma jistax jiġi impost skont l-imsemmija dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal‑utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) jawtorizza lill-Istati Membri, meta jiddeċiedu li jaħtru impriża jew impriżi skont din id-dispożizzjoni sabiex jiggarantixxu l-provvista tas-servizz universali, jew ta’ diversi elementi tas‑servizz universali, hekk kif iddefinit fl-Artikoli 4 sa 7 u 9(2) ta’ din l-istess direttiva, li jimponu fuq dawn biss l-obbligi speċifiċi, previsti mid‑dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, li huma marbuta mal‑provvista tal-imsemmi servizz jew tal-imsemmija elementi tiegħu lill‑utenti finali mill-impriżi maħtura stess.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.