Kawża C-12/10
Lecson Elektromobile GmbH
vs
Hauptzollamt Dortmund
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf)
“Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Sezzjoni XVII — Mezz ta’ trasport — Kapitolu 87 — Vetturi bil-mutur, tratturi, roti u vetturi oħra li jintużaw fuq l-art, partijiet u aċċessorji tagħhom — Intestaturi 8703 u 8713 — Vetturi elettriċi bi tliet jew erba’ roti intiżi għat-trasport ta’ persuna u li jilħqu veloċità massima ta’ bejn 6 sa 15 km fis-siegħa, mgħammra b’lieva ta’ direzzjoni distinta u aġġustabbli, imsejħa ‘vetturi elettriċi’”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1810/2004)
L-intestatura 8703 tan-Nomenklatura Magħquda inkluża fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendat bir-Regolament Nru 1810/2004, għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri vetturi bi tliet jew erba’ roti, intiżi għat-trasport ta’ persuna, li ma hijiex neċessarjament persuna b’diżabbiltà, li jaħdmu b’mutur elettriku bil-batterija u li jilħqu veloċità massima ta’ bejn 6 sa 15 km fis-siegħa, mgħammra b’lieva ta’ direzzjoni distinta u aġġustabbli, imsejħa “vetturi elettriċi”.
Is-sempliċi fatt li dawn il-vetturi elettriċi jistgħu jintużaw, skont il-każ, minn persuni b’diżabbiltà, jew anki jistgħu jiġu adattati għall-użu minn dawn tal-aħħar, ma huwiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tali vetturi, fid-dawl tal-fatt li huma adatti għall-eżerċizzju ta’ diversi attivitajiet oħra mwettqa minn persuni li ma jbatu minn ebda diżabbiltà, iżda li, għal xi raġuni jew oħra, jippreferu trasport ieħor għajr il-mixi għal distanzi qosra, bħall-persuni li jilagħbu l-golf, jew persuni li jagħmlu x-xirja.
(ara l-punti 25, 26 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
22 ta’ Diċembru 2010 (*)
“Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura magħquda – Sezzjoni XVII – Mezz ta’ trasport – Kapitolu 87 – Vetturi bil-mutur, tratturi, roti u vetturi oħra li jintużaw fuq l-art, partijiet u aċċessorji tagħhom – Intestaturi 8703 u 8713 – Vetturi elettriċi bi tliet jew erba’ roti intiżi għat-trasport ta’ persuna u li jilħqu veloċità massima ta’ bejn 6 sa 15 km fis-siegħa, mgħammra b’lieva ta’ direzzjoni distinta u aġġustabbli, imsejħa ‘vetturi elettriċi’”
Fil-Kawża C‑12/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Jannar 2010, fil-proċedura
Lecson Elektromobile GmbH
vs
Hauptzollamt Dortmund,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn D. Šváby, President tal-Awla, E. Juhász u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi 8703 u 8713 tan-Nomenklatura Magħquda tat-Tariffa Doganali Komuni (iktar ’il quddiem in-“NM”) inkluża fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 286, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004 (ĠU L 327, p. 1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Lecson Elektromobile GmbH (iktar ’il quddiem “Lecson”) u l-Hauptzollamt Dortmund (Uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ Dortmund, iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ vetturi bi tliet jew erba’ roti, intiżi għat-trasport ta’ persuna, mgħammra b’mutur elettriku li jaħdem bil-batterija u li jilħqu veloċità massima ta’ bejn 6 sa 15 km fis-siegħa, imsejħa “vetturi elettriċi”.
Il-kuntest ġuridiku
3 In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata tad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti, imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u mwaqqaf bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Volum 2, p. 288). In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi tas-sistema armonizzata b’sitt numri, filwaqt li huma biss dawk b’s-seba’ jew tmien numri li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għan-nomenklatura.
4 L-ewwel parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li tikkonċerna r-regoli ġenerali, is-Sezzjoni A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.
“1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
[…]”
5 It-tieni parti tal-NM tinkludi t-Taqsima XVII, intitolata “Vetturi, biċċiet ta’ l-ajru, bastimenti u tagħmir tat-trasport”, li tinkludi l-Artikolu 87, intitolat “Vetturi ħlief magni u vaguni (rolling-stock) ta’ ferroviji jew linji tat-tramm; u bċejjeċ u aċċessorji tagħhom” [Vetturi bil-mutur, tratturi, roti u vetturi oħra li jintużaw fuq l-art, partijiet u aċċessorji tagħhom], li jinkludi b’mod partikolari l-intestaturi tariffarji segwenti:
“8703 Karozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni (ħlief dawk ta’ titlu 8702), inklużi station wagons u karozzi tat-tlielaq:,
8703 10 − Vetturi speċjalment maħsuba għat-trasport fil-borra; vetturi speċjali għat-trasport ta’ persuni fuq l-artijiet fejn jintlagħab il-golf u vetturi simili:
8703 10 11 − − Vetturi speċjalment maħsuba għat-trasport fil-borra, b’mutur b’pistuni li jitqabbdu b’kombustjoni (diesel jew semi-diesel) jew mutur b’pistuni li jitqabbdu bi spark-ignition:
8703 10 18 − − oħrajn
[…]
8713 Vetturi għall-ġarr ta’ persuni b’diżabbilta’, immotorizzati jew le jew immexxijin b’mod ieħor mekkaniku:
8713 10 00 − mingħajr mekkaniżmu ta’ propulsjoni:
8713 90 00 − oħrajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
6 Skont it-tieni inċiż tal-Artikoli 9(1)(a) u 10 tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta Noti ta’ Spjega tan-NM, li huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
7 Fl-4 ta’ Jannar 2005, it-test segwenti ġie inkluż fin-Noti ta’ Spjega tan-NM bil-għan ta’ applikazzjoni uniformi tagħha (ĠU C 1, p. 3):
“8713 Vetturi għall-ġarr ta’ persuni b’diżabbilta’, immotorizzati jew le jew immexxijin b’mod ieħor mekkaniku
8713 90 00 oħrajn
Vetturi motorizzati ddisinjati għal persuni b’diżabbilta’ jintgħarfu minn vetturi ta’ titlu 8703 prinċipalment minħabba li huma għandhom:
– veloċità massima ta’ 10 km fis-siegħa, jiġifieri pass tal-mixi mgħaġġel;
– wisa’ massima ta’ 80 ċm;
– 2 settijiet ta’ roti li jmissu l-art;
– fatturi speċjali biex itaffu d-diżabbiltà (pereżempju, support għas-sieq biex jistabbilizzaw is-saqajn).
Vetturi bħal dawn jistgħu jkollhom:
– sett addizzjonali ta’ roti (anti-tips);
– stering u kontrolli oħrajn (pereżempju, joystick) li huma faċli biex timmanipulahom; kontrolli bħal dawn is-soltu jkunu mwaħħlin ma’ waħda mis-supporti ta’ l-idejn; huma qatt ma jkunu fil-forma ta’ kolonna ta’ l-istering aġġustabbli, separata
Dan is-subtitlu jinkludi vetturi misjuqin b’mod elettriku simili għal siġġijiet bir-roti (wheelchairs) li huma biss għat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà. Dawn jistgħu jkollhom id-dehra li ġejja:
Madanakollu, skuters misjuqin b’mutur (skuters għal mobilità) mgħammrin b’kolonna ta’ l-istering aġġustabbli huma esklużi minn dan is-subtitlu. Huma jistgħu jkollhom id-dehra li ġejja u huma klassifikati f’titlu 8703:
”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 Bejn Lulju u Ottubru 2005, Lecson ippreżentat seba’ dikjarazzjonijiet doganali dwar diversi vetturi elettriċi mmanifatturati fiċ-Ċina u t-Tajwan. Dawn id-dikjarazzjonijiet doganali jiddeskrivu l-merkanzija bħala “siġġijiet bir-roti (wheelchairs) u vetturi oħra għall-persuni b’diżabbiltà, vetturi elettriċi” u jikklassifikawhom taħt l-intestatura 8713 90 00 tan-NM. Il-merkanzija ġiet rilaxxata kif intalab, mingħajr intaxxar ta’ dazji doganali u bi ħlas ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fuq l-importazzjoni b’rata mnaqqsa.
9 Wara li saret verifika fiskali ta’ Lecson, fl-2008, il-Hauptzollamt ikklassifika l-merkanzija taħt il-kodiċi 8703 10 18 tan-NM bħala “vetturi bil-mutur oħra” u impona fuq it-tali kumpannija, permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2008, l-irkupru ekwiparabbli għad-dazju doganali u għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ relatata ma’ tali merkanzija.
10 Lecson ressqet ilment kontra l-imsemmija deċiżjoni, li ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2009 tal-Hauptzollamt. Għalhekk, din il-kumpannija ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf.
11 L-ilment u r-rikors jirreferu t-tnejn li huma għad-deċiżjonijiet mogħtija mill-Bord Doganali tal-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam tat-8 ta’ April 2008, li skonthom il-vetturi elettriċi għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi 8713 90 00 tan-NM. Kuntrarjament, il-Hauptzollamt ikkunsidra li l-vetturi elettriċi ma humiex speċjalment intiżi għat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà u konsegwentement, jaqgħu taħt is-subintestatura 8703 10 18 tan-NM.
12 Skont it-termini tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-imsemmija vetturi elettriċi huma vetturi bi tliet jew erba’ roti intiżi għat-trasport ta’ persuna. Dawn il-vetturi jilħqu, skont it-tip, veloċità massima ta’ bejn 6 sa 15 km fis-siegħa. Huma għandhom tul ta’ bejn 100 sa 152 cm u għoli ta’ bejn 47 sa 67 cm. Dawn huma mmanifatturati b’mod li huma dejjem mgħammra bi pjattaforma li fuqha s-sewwieq jista’ jserraħ saqajh. Barra minn hekk, uħud minn dawn il-vetturi għandhom fus żgħir addizzjonali intiż li jservi sabiex il-vettura ma tingħelibx faċilment. Il-vetturi jinstaqu permezz ta’ lieva ta’ direzzjoni aġġustabbli, li fuqha hemm imwaħħlin it-tmun, l-elementi ta’ kontroll għas-sewqan u għall-brejk, kif ukoll, ta’ sikwit, kannestru tal-metall.
13 Il-premessa tal-Finanzgericht Düsseldorf hija li hemm elementi sostanzjali li jindikaw li l-vetturi elettriċi inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi 8703 10 18 tan-NM. Hija għandha wkoll dubji rigward il-pożizzjoni kuntrarja adottata mill-Qorti tal-Appell ta’ Amesterdam fid-deċiżjonijiet tagħha msemmija fil-punt 11 tas-sentenza preżenti.
14 Madankollu, sabiex tiżgura applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Il-vetturi elettriċi deskritti f’iktar dettall fid-digriet [tar-rinviju] jaqgħu taħt l-intestatura 8713 jew taħt l-intestatura 8703 tan-[NM], kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1810/2004 [...]?
Fuq id-domanda preliminari
15 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha hu li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli tikklassifikhom hi stess, u dan iktar u iktar peress li hija mhux neċessarjament tiddisponi mill-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, jidher li l-qorti nazzjonali tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex twettaq dan (sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C‑263/00, Ġabra p. I‑10045, punt 26, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2006, Proxxon, C‑500/04, Ġabra p. I‑1545, punt 23). Madankollu, sabiex din tal-aħħar tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, Ġabra p. I‑4863, punt 30).
16 Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħhom, hekk kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C-396/02, Ġabra p. I-8439, punt 27; tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, Ġabra p. I-8151, punt 47, u tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C-183/06, Ġabra p. I-1559, punt 27).
17 Fl-aħħar nett, in-noti ta’ spjega mfassla mill-Kummissjoni jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr madankollu ma huma legalment vinkolanti (sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Turbon International, C‑250/05, Ġabra p. I-10531, punt 16, u tal-20 ta’ Mejju 2010, Data I/O, C‑370/08, Ġabra p. I-4401, punt 30).
18 Fil-każ inkwistjoni, mit-titolu stess tal-intestaturi 8703 u 8713 tan-NM jirriżulta li d-differenza bejniethom tinsab fil-fatt li l-ewwel waħda tkopri l-mezzi ta’ trasport għall-persuni inġenerali, filwaqt li t-tieni waħda tapplika speċifikament għall-mezzi tat-trasport għall-persuni b’diżabbiltà.
19 Barra minn hekk, min-nota ta’ spjega tan-NM dwar l-intestatura 8713 jirriżulta li l-kriterju determinanti tal-klassifikazzjoni taħt l-imsemmija intestatura huwa t-tagħmir speċjali tal-vetturi li jgħin lil persuni b’diżabbiltà. Għalhekk jaqgħu taħt din l-intestatura l-vetturi b’mutur elettriku simili għal “siġġijiet bir-roti (wheelchairs) elettriċi” (“Elektrorollstühle”), speċifikament intiżi għat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà u li għandhom karatteristiċi bħal, b’mod partikolari, veloċità massima ta’ 10 km fis-siegħa (li tista’ tikkorrispondi mar-ritmu ta’ mixi mgħaġġel), tagħmir speċjali sabiex jgħin lill-persuni b’diżabbiltà (pereżempju filsa li sservi ta’ sostenn għas-saqajn), it-tmun u elementi oħra ta’ kontroll (pereżempju joystick) li jistgħu faċilment jintfew u jiġu mmanuvrati u, għalhekk, b’mod ġenerali, jitwaħħlu ma’ waħda mid-dirgħajn tas-siġġu.
20 Din l-istess nota ta’ spjega tippreċiża, fit-tieni paragrafu tagħha, li, kuntrarjament, il-vetturi b’mutur mgħammra lieva ta’ direzzjoni distinta u aġġustabbli huma esklużi mill-imsemmija intestatura u jaqgħu taħt l-intestatura 8703 tan-NM.
21 Għalhekk, il-vetturi elettriċi li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni tagħhom, kollha għandhom lieva ta’ direzzjoni distinta u aġġustabbli, li fuqha hemm imwaħħla t-tmun u l-elementi ta’ kontroll għas-sewqan u għall-brejk, kif ukoll, skont il-każ, kannestru tal-metall.
22 Barra minn hekk, l-imsemmija vetturi elettriċi huma mgħammra bi pjattaforma li jista’ jserraħ saqajh fuqha s-sewwieq, iżda din ma tikkostitwixxix sostenn li jippermetti li jiġu stabbilizzati s-saqajn. Is-sistema li għandhom dawn il-vetturi elettriċi sabiex ma ma jingħelbux faċilment tikkontribwixxi wkoll għall-kumdità tal-użu, iżda ma tinkludi ebda funzjoni speċifika intiża li tiffaċilita l-użu tagħhom mis-sewwieqa b’diżabbiltà.
23 Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-vetturi elettriċi inkwistjoni jistgħu jeċċedu veloċità massima ta’ 10 km fis-siegħa, li tista’ tilħaq il-15 km fis-siegħa.
24 Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi kollha, il-vetturi elettriċi inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala mezzi ta’ trasport ta’ persuni li jaqgħu taħt l-intestatura 8703 tan-NM, u mhux bħala vetturi għall-persuni b’diżabbiltà fis-sens tal-intestatura 8713 tan-NM.
25 Fl-aħħar nett, hemm lok li jingħad ukoll li s-sempliċi fatt li dawn il-vetturi elettriċi jistgħu jintużaw, skont il-każ, minn persuni b’diżabbiltà, jew anki jistgħu jiġu adattati għall-użu minn dawn tal-aħħar, ma huwiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tali vetturi, fid-dawl tal-fatt li huma adatti għall-eżerċizzju ta’ diversi attivitajiet oħra mwettqa minn persuni li ma jbatu minn ebda diżabbiltà, iżda li, għal xi raġuni jew oħra, jippreferu trasport ieħor għajr il-mixi għal distanzi qosra, bħal kif tindika l-qorti tar-rinviju, il-persuni li jilgħabu l-golf, jew persuni li jagħmlu x-xirja.
26 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-intestatura 8703 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri vetturi bi tliet jew erba’ roti, intiżi għat-trasport ta’ persuna, li ma hijiex neċessarjament persuna b’diżabbiltà, li jaħdmu b’mutur elettriku bil-batterija u li jilħqu veloċità massima ta’ bejn 6 sa 15 km fis-siegħa, mgħammra b’lieva ta’ direzzjoni distinta u aġġustabbli, imsejħa “vetturi elettriċi”, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
Fuq l-ispejjeż
27 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-intestatura 8703 tan-Nomenklatura Magħquda inkluża fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004, għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri vetturi bi tliet jew erba’ roti, intiżi għat-trasport ta’ persuna, li ma hijiex neċessarjament persuna b’diżabbiltà, li jaħdmu b’mutur elettriku bil-batterija u li jilħqu veloċità massima ta’ bejn 6 sa 15 km fis-siegħa, mgħammra b’lieva ta’ direzzjoni distinta u aġġustabbli, imsejħa “vetturi elettriċi”, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.