KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2012 ( 1 )

Kawża C-627/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tas-Slovenja

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Direttiva 91/440/KEE — Żvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità — Direttiva 2001/14/KE — Allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji — Artikolu 6(3) u Anness II tad-Direttiva 91/440 — Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 — Amministratur tal-infrastruttura — Parteċipazzjoni ta’ amministratur tal-infrastruttura meta huwa stess ikun impriża tal-ferroviji fl-eżerċizzju tal-iffissar ta’ skeda ta’ xogħol — Amministrazzjoni tat-traffiku — Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2001/14 — Nuqqas ta’ miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-amministraturi tal-infrastruttura biex inaqqsu l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi għall-aċċesss — Artikoli 7(3) u 8(1) tad-Direttiva 2001/14 — Spejjeż sosnuti direttament bħala riżultat tal-operat tas-servizz tal-ferrrovija — Tariffi għall-pakkett minimu u għall-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi ta’ servizzi kollha — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ tariffi f’sistemi tat-traffiku oħra — Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14 — Nuqqas ta’ sistema ta’ titjib fil-ħidma intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-impriżi tal-ferroviji u lill-amministratur tal-infrastruttura biex inaqqsu t-telf u jtejbu l-operat tal-infrastruttura”

I – Introduzzjoni

1.

Permezz ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li r-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440/KEE ( 2 ), kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”), l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE ( 4 ), kif ukoll l-Artikoli 6(2) sa (5), 7(3), u 11 tal-istess direttiva 2001/14 ( 5 ). Ir-Repubblika tas-Slovenja titlob li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jinċaħad.

2.

Din il-kawża hija waħda minn għadd ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 6 ), li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fl-2010 u fl-2011, u li jirrigwardaw l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttivi 91/440 u 2001/14, li s-suġġett prinċipali tagħhom huwa li jiżguraw l-aċċess ġust u nondiskriminatorju ta’ impriżi ferrovjarji għall-infrastruttura, jiġifieri għan-netwerk ferrovjarju. Dawn ir-rikorsi huma mingħajr preċedent, u joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità li teżamina għall-ewwel darba l-liberalizzazzjoni tal-linji tal-ferrovija fl-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, li tinterpreta l-hekk imsejjaħ “l-ewwel pakkett ferrovjarju”.

3.

Jiena diġà ppreżentajt, fis-6 ta’ Settembru 2012, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar’il fuq, kif ukoll fil-kawżi Il-Kummissjoni vs l-Ungerija; Il-Kummissjoni vs Spanja; Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja. Flimkien ma’ dawn il-konklużjonijiet, ser nippreżenta llum il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja; Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka; Il-Kummissjoni vs Franza, u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu. Sa fejn din il-kawża tirrigwarda l-ilmenti analogi għal dawk li jiena diġà kelli l-okkażjoni li nevalwa fil-konklużjonijiet fuq imsemmija, jiena nillimita ruħi li nagħmel riferiment għall-punti rilevanti tagħhom, mingħajr, madanakollu, ma nirrepeti l-argumentazzjoni kollha li tinsab fihom.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 91/440

4.

Skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li l-funzjonijiet li jiddeterminaw aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura, elenkati fl-Anness II, jkunu fdati lill-korpi jew lid-ditti li ma jipprovdux huma stess xi servizzi ta’ trasport tal-ferrovija. Irrispettivament mill-istrutturi organizzattivi, irid jintwera li dan l-oġġettiv jkun inkiseb.

L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jassenjaw lill-impriżi ferrovjarji jew lil kwalunkwe korp ieħor il-ġbir tal-ħlasijiet [ta’ tariffi] u r-responsabbiltà ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja, bħall-investiment, il-manutenzjoni u l-iffinanzjar.”

5.

L-Anness II tad-Direttiva 91/440 jelenka l-“funzjonijiet essenzjali” msemmija fl-Artikolu 6(3) tagħha:

“[...]

it-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ l-allokazzjoni ta’ passaġġi [linji] inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ passaġġi [linji] tal-ferrovija individwali,

it-teħid ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ l-iċċarġjar [impożizzjoni ta’ tariffi] ta’ l-infrastruttura,

– [...]”

2. Id-Direttiva 2001/14

6.

L-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2001/14 jistipula:

“2.   Amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom, b’konsiderazzjoni xierqa għas-sigurtà u għall-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-servizz ta’ l-infrastruttura, jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura [provvista] ta’ l-infrastruttura u l-livell ta’ piżijiet [tariffi] ta’ l-aċċess.

3.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-disposizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 tiġi implimentata, jew permezz ta’ ftehim kontrattwali bejn l-awtorità kompetenti u l-amministraturtitur ta’ l-infrastruttura li jkopri terminu ta’ mhux inqas minn tliet snin li jipprovdi għal fondi mill-Istat jew permezz ta’ l-istabbiliment ta’ miżuri regolatorji xierqa b’ poteri adegwata.

4.   Fejn jeżisti ftehim kontrattwali, it-termini tal-kuntratt u l-istruttura tal-pagamenti miftiehma biex jiġu provduti l-fondi lill-ġestitur ta’ l-infrastruttura għandhom jiġu miftiehma minn quddiem biex ikopru t-terminu sħiħ tal-kuntratt.

5.   Metodu għall-apporzjonament ta’ l-ispejjeż għandu jiġi stabbilit. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu approvazzjoni minn qabel. Dan il-metodu għandu jiġi aġġornat minn żmien għal żmien għall-aħjar prattika internazzjonali.”

7.

Skont l-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva:

“Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet [it-tariffi] għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi [min-netwerk għall-infrastruttura ta’ servizzi] għandhom jiġu stabbiliti a bażi ta’ l-ispiża direttament involuta [sostnuta] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni [operat] tas-servizz tal-ferrovija.”

8.

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14 jistipula:

“Sabiex ikun hemm rkupru sħiħ ta’ l-ispejjeż magħmula mill-amministratur ta’ l-infrastruttura, Stat Membru jista’, jekk is-suq jiflaħ dan, jimponi mark-ups fuq bażi ta’ prinċipji effiċjenti, trasparenti u non-diskriminatorji, waqt li jiggarantixxu kompetitività ottima partikolarment ta’ merkanzija internazzjonali bil-ferrovija. Is-sistema tal-piżijiet [tat-tariffi] [għandha] tirrispetta ż-żidiet akkwistati minn impriżi tal-ferroviji.

Iżda l-livell tal-piżijiet [tat-tariffi] m’għandux jeskludi l-użu ta’ infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu iħallsu għall-inqas l-ispejjeż magħmula direttament b’riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija, u rata tar-ritorn li jiflaħ għaliha s-suq.”

9.

Skont l-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva:

“Skemi tal-piżijiet infrastrutturali għandhom permezz ta’ skema tal-ħidma jinkoraġġixxu l-impriżi tal-ferroviji u lill-amministratur ta’ l-infrastruttura biex jimminimizzaw it-telf u jtejbu l-ħidma tan-netwerk tal-ferrovija. Dan jista’ jinkludi penali għal azzjonijiet li jtellfu l-operazzjoni tan-netwerk, il-kumpens għall-impriżi li jbatu minn telf u bonuses li jippremjaw ħidma aħjar minn dak li ġie ppjanat.”

10.

L-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet tiegħu ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u deskritti f’dan il-Kapitolu għandhom jitwettqu minn korp ta’ allokazzjoni li huwa indipendenti fil-forma legali, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji.”

B – Il-leġiżlazzjoni Slovena

1. Il-Liġi dwar it-trasport tal-ferrovija

11.

L-Artikolu 21 tal-Liġi dwar it-trasport tal-ferrovija (Zakon o železniškem prometu), kif emendata ( 7 ), jistipula:

“1.   Għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu, il-Gvern ħoloq aġenzija pubblika għat-trasport tal-ferrovija.

[...]

3.   L-aġenzija teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’tali mod li tiggarantixxi aċċess nondiskriminatorju għall-infrastruttura tal-ferroviji, inkluż:

l-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji;

[...]

l-iffissar ta’ skeda ta’ xogħol għan-netwerk.”

12.

Skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija liġi:

“1.   Il-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-ferroviji pubblika u l-amministrazzjoni tat-trasport tal-ferrovija fuq din l-infrastruttura jikkostitwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku.

2.   L-amministratur jaqdi l-obbligi ta’ servizz pubbliku imsemmija fil-paragrafu preċedenti skont il-kuntratt tas-servizz pubbliku.

[...]

4.   Ir-regolamentazzjoni tat-trasport tal-ferrovija fuq l-infrastruttura tal-ferroviji pubblika tinkludi prinċiparjament:

l-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ferroviji;

l-iffissar u l-applikazzjoni tal-iskeda ta’ xogħol;

– [...]”

2. Id-Digriet dwar l-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji u t-tariffi tal-użu tal-infrastruttura tal-ferroviji pubblika

13.

Skont l-Artikolu 9 tad-Digriet tat-18 ta’ April 2008 dwar l-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji u t-tariffi tal-użu tal-infrastruttura tal-ferroviji pubblika (Uredba o dodeljevanju vlakovnih poti in uporabnini na javni železniški infrastrukturi) ( 8 ):

“1.   L-aġenzija, l-amministratur u l-kandidat għandhom josservaw, fil-kuntest tal-kostruzzjoni u l-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji, it-termini u prinċipji segwenti:

[...]

l-amministratur jistabbilixxi abbozz ta’ skeda ta’ xogħol ġdida u ta’ ħinijiet ġodda tal-ferrovija mhux iktar tard minn ħames xhur qabel ma tidħol fis-seħħ l-iskeda ta’ xogħol ġdida u jikkomunikahom lill-aġenzija;

waqt it-tħejjija tal-imsemmi abbozz, l-amministratur għandu jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u dawk kollha li jixtiequ jifformulaw il-kummenti tagħhom dwar l-effetti li l-iskeda ta’ xogħol jista’ jkollha fuq il-kapaċità tagħhom li jipprovdu s-servizzi ferrovjarji matul il-perijodu tal-validità tal-iskeda ta’ xogħol;

l-aġenzija tibgħat l-abbozz tal-iskeda ta’ xogħol ġdida lill-kandidati li jkunu talbu li jingħataw linja u lill-partijiet oħra kkonċernati li jixtiequ jifformulaw il-kummenti tagħhom dwar l-effetti li l-iskeda ta’ xogħol jista’ jkollha fuq il-kapaċità tagħhom li jipprovdu s-servizzi ferrovjarji matul il-perijodu tal-validità tal-iskeda ta’ xogħol, u timponilhom terminu ta’ mhux inqas minn xahar sabiex jikkomunikaw l-eventwali kummenti tagħhom.”

14.

L-Artikolu 20(2) u (5) tal-imsemmi digriet jistipula:

“2.   L-amministratur għandu, b’kunsiderazzjoni xierqa għas-sigurtà u għall-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-servizz tal-infrastruttura, jingħata inċentivi biex inaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi għall-aċċess. Għal dan il-għan, il-kuntratt ta’ tliet snin konkluż bejn l-aġenzija u l-amministratur jipprevedi li parti miż-żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn tal-amministratur fis-sens tal-paragrafu preċedenti, ma hijiex ikkunsidrata fil-kalkolu tat-tariffi, iżda titħalla lill-amministratur bħala miżura ta’ inċentiv.

[...]

5.   Il-metodu tal-kalkolu tat-tariffi jikkunsidra wkoll l-informazzjoni kollha li tirrigwarda s-sistema tat-tariffi kif ukoll informazzjoni biżżejjed dwar il-prezzijiet tas-servizzi previsti mill-Artikoli 23 u 24 meta dawn ikunu proposti minn fornitur wieħed biss. Il-metodu ma jikkunsidrax biss l-informazzjoni dwar is-sistema tat-tariffi fis-seħħ, iżda wkoll indikazzjonijiet li jirrigwardaw emendi probabbli tat-tariffi għat-tliet snin sussegwenti. Jikkunsidra wkoll il-miżuri previsti sabiex jinċentivaw lill-impriżi tal-ferroviji u l-amministratur biex jimminimizza t-telf u jtejjeb l-operat tal-infrastruttura.

Dan jista’ jinkludi sanżjonijiet għal azzjonijiet li jtellfu l-operat tan-netwerk, il-kumpens għall-impriżi li jbatu minn telf u bonuses li jippremjaw ħidma aħjar minn dik li ġiet ippjanata.”

15.

Skont l-Artikolu 21 tal-istess digriet:

“1.   L-aġenzija għandha tosserva l-kriterji previsti mil-Liġi sabiex tiffissa l-ammont ta’ tariffi.

2.   Sabiex tevalwa l-kriterji previsti mill-paragrafu preċedenti, l-aġenzija għandha tosserva l-ispejjeż tal-operat tat-tip partikolari tal-ferrovija, li jirriżultaw b’mod partikolari mill-ispejjeż tal-manutenzjoni tal-vjaġġi, tal-infrastrutturi marbuta mal-moviment tal-ferrovija u l-amministrazzjoni tat-trasport tal-ferrovija.

3.   L-aġenzija għandha tiżgura li l-impriżi tal-ferroviji kollha li jipprovdu servizzi ta’ natura ekwivalenti fuq l-istess parti tas-suq ikunu suġġetti għal tariffi oġġettivament ekwivalenti u nondiskriminatorji.”

III – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

Fl-10 ta’ Mejju 2007, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu kwestjonarju lill-awtoritajiet Sloveni sabiex jivverifikaw it-traspożizzjoni mir-Repubblika tas-Slovenja tad-Direttivi dwar l-ewwel pakkett ferrovjarju. Dawn irrispondewha fil-11 ta’ Lulju 2007. Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali lir-Repubblika tas-Slovenja, li rrispondiet permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Jannar 2008.

17.

Fis-26 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tas-Slovenja li tindika li, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni, l-ewwel pakkett ferrovjarju ma ġiex debitament traspost fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħha f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura, it-tariffa tal-aċċess għall-infrastruttura tal-ferroviji u l-korp li jikkontrolla l-ferroviji.

18.

Ir-Repubblika tas-Slovenja wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni fit-22 ta’ Awwissu 2008. Iktar tard hija kkomunikat lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri tagħha tas-16 ta’ Marzu u t-8 ta’ Lulju 2009.

19.

Peress li kkunsidrat li r-Repubblika tas-Slovenja ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex debitament tittrasponi d-direttivi relattivi għall-ewwel pakkett ferrovjarju, fid-9 ta’ Ottubru 2009 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru.

20.

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika tas-Slovenja indikat li issa kienet konxja tal-ksur allegat kontra tagħha fl-opinjoni motivata u wriet il-volontà tagħha li tirrimedjah. Fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata ddatata t-8 ta’ Marzu 2010, ir-Repubblika tas-Slovenja kkonfermat, mill-perspettivi kollha, il-kunsiderazzjonijiet li hija kienet ressqet fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2009.

21.

Fil-29 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

22.

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2011, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju ta’ Spanja tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tas-Slovenja.

23.

Il-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju ta’ Spanja kienu rrappreżentati matul is-seduta li saret fl-20 ta’ Settembru 2012.

IV – Analiżi tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

A – Dwar l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali

1. 1. Argumenti tal-partijiet

24.

Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440, kif ukoll l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, sa fejn l-amministratur tal-infrastruttura, li jipprovdi huwa stess servizzi tat-trasport tal-ferrovija, minn naħa, jikkontribwixxi fl-iffissar tal-iskeda ta’ xogħol u min-naħa l-oħra, jirregola t-traffiku tal-ferroviji u, għalhekk, jipparteċipa fil-funzjoni tat-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mal-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji jew mat-tqassim tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura.

25.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, jekk l-Artikolu 21 tal-Liġi dwar it-trasport bil-ferroviji jafda d-dmirijiet tal-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji lill-aġenzija għat-trasport bil-ferroviji, l-amministratur tal-infrastruttura, jiġifieri l-Linji tal-ferroviji Sloveni, huwa assoċjat mat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji jew it-tqassim tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura skont l-Artikolu 11(4) ta’ din il-liġi.

26.

Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-Linji tal-ferrovija Sloveni jkomplu jipparteċipaw fl-iffissar ta’ skeda ta’ xogħol peress li l-Artikolu 9 tad-Digriet tat-18 ta’ April 2008 jipprovdi li l-amministratur tal-infrastruttua jistabbilixxi abbozz ta’ skeda ta’ xogħol u jikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati f’dan is-suġġett, qabel ma jittrażmettih lill-imsemmija aġenzija li tibgħat l-abbozz tal-iskeda ta’ xogħol ġdida lill-kandidati u tieħu mbagħad id-deċiżjoni definittiva ta’ allokazzjoni tagħha.

27.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-amministratur tal-infrastruttura huwa responsabbli wkoll li jirregola t-traffiku tal-ferroviji, sa fejn l-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar it-trasport bil-ferroviji jistipula li l-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ferroviji taqa’ taħt l-amministrazzjoni tat-trasport bil-ferroviji fuq l-infrastruttura tal-ferroviji pubblika.

28.

Min-naħa tagħha r-Repubblika tas-Slovenja ssostni li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni huma infondati. Hija targumenta b’mod partikolari li l-Artikolu 3 tal-Liġi li emendat il-Liġi dwar it-trasport tal-ferroviji (zakon o spremembah in dopolnitvah Zakona o železniškem prometu) ( 9 ) (iktar ’il quddiem “il-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2010”), neħħiet il-kompetenza kollha tal-amministratur tal-infrastruttura għall-iffissar tal-iskeda tan-netwerk u li din il-kompetenza ġiet kompletament ittrasferita lill-aġenzija għat-trasport bil-ferroviji.

29.

Barra minn hekk, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li l-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ferroviji ma hijiex fost il-“funzjonijiet essenzjali” elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 91/440. L-Istat Membru jsostni li peress li l-iskedi huma ffissati mill-aġenzija għat-trasport tal-ferroviji, l-amministratur tal-infrastruttura għandu aċċess biss, bħala l-amministratur tat-traffiku, għall-kontroll effettiv tar-rotta u, b’dan il-mod, huwa jottjeni biss data li l-impriżi tal-ferroviji l-oħra jistgħu jottjenu wkoll billi jikkonsultaw l-iskeda tan-netwerk.

2. 2. Analiżi tal-ewwel ilment

30.

Ir-Repubblika tas-Slovenja tikkontesta l-ewwel parti tal-ewwel ilment tal-Kummissjoni billi tinvoka liġijiet u regolamenti adottati wara l-iskadenza tat-terminu impost fl-opinjoni motivata, jiġifieri l-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2010 u l-Liġi dwar il-kumpannija tal-linji tal-ferrovija Sloveni ( 10 ). L-Istat Membru inkwistjoni speċifika fis-seduta li, waqt l-emenda tal-liġi fuq it-trasport tal-ferroviji li saret fl-2007, il-funzjoni tal-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji kienet diġà ġiet ittrasferita lil aġenzija indipendenti, iżda l-iffissar tal-iskeda tan-netwerk kien, fl-opinjoni tiegħu, ġie ttrasferit lill-aġenzija inkwistjoni biss bl-adozzjoni ta’ digriet komplementari fl-2011.

31.

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetittivament li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif tkun fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u li l-bidliet li jseħħu wara ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ). Hija għalhekk il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fit-tmiem tat-terminu impost mill-opinjoni motivata tad-9 ta’ Ottubru 2009 li hija determinanti għall-finijiet tal-analiżi tal-ewwel parti tal-ewwel ilment.

32.

Fis-Slovenja, l-operatur preċedenti kien fdat, taħt il-kontroll tal-korp indipendenti responsabbli mill-funzjonijiet essenzjali, bit-tqassim tal-kapaċitajiet u l-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji individwali ( 12 ), li jikkonsistu fl-iżvilupp ta’ “abbozz ta’ skeda ta’ xogħol ġdida u skedi tal-ferrovija ġodda” għar-Repubblika tas-Slovenja ( 13 ).

33.

Skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, il-funzjonijiet elenkati fl-Anness II tagħha jistgħu biss “[i]kunu fdati lill-korpi jew lid-ditti li ma jipprovdux huma stess xi servizzi ta’ trasport tal-ferrovija”. Dan l-Anness II jagħmel riferiment għal “deċiżjonijiet relatati ma’ l-allokazzjoni ta’ passaġġi [linji] inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ passaġġi [linji] tal-ferrovija individwali”. Mit-test tad-direttiva jirriżulta b’hekk li “id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà” jagħmlu parti mill-attribuzzjoni tal-korp responsabbli mill-funzjoni essenzjali tat-tqassim tal-kapaċitajiet u l-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji.

34.

Għal din ir-raġuni, naħseb li ma huwiex possibbli li l-amministratur tal-infrastruttura indipendenti mill-impriżi tal-ferroviji, jew saħansitra korp ta’ allokazzjoni, jafda lil tali impriża x-xogħol ta’ preparazzjoni kollu, qabel it-teħid ta’ deċiżjoni. B’hekk, il-fatt li l-Linji tal-ferroviji Sloveni jaġixxu għan-nom tal-aġenzija għat-trasport bil-ferroviji, li għandha l-kompetenza li twaqqaf il-pjan tal-iskeda u l-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji individwali, ma huwiex biżżejjed sabiex jiżgura l-konformità ta’ din is-sistema mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

35.

Fil-fatt, huwa l-operatur preċedenti, jiġifieri l-Linji tal-ferroviji Sloveni, li jamministra l-infrastruttura tal-ferroviji. Ċertament, entità ġdida nħolqot, jiġifieri l-aġenzija għat-trasport bil-ferroviji, u ngħatat ir-responsabbiltà tat-tqassim tal-kapaċitajiet u tal-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji individwali. Madanakollu, jirriżulta mill-Artikolu 9 tad-Digriet tat-18 ta’ April 2008, li huwa l-amministratur tal-infrastruttura, fi kliem ieħor, il-Linji tal-ferroviji Sloveni, li jistabbilixxi abbozz ta’ skeda ta’ xogħol ġdida u skedi tal-ferrovija ġodda u jittrażmettihom lill-imsemmija aġenzija. Fl-istabbiliment tal-imsemmi abbozz, l-amministratur tal-infrastruttura huwa responsabbli li jagħmel konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u dawk kollha li jixtiequ jifformulaw kummenti.

36.

Infakkar ukoll li, skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, meta l-amministratur tal-infrastruttura mhux indipendenti minn impriża tal-ferroviji, kif inhu l-każ fis-Slovenja, il-funzjoni tat-tqassim tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura huwa fdat lill-korp ta’ allokazzjoni, li huwa indipendenti fuq il-livell legali, organizzattiv u deċiżjonali minn kull impriża ta’ trasport. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-Linji ta’ ferroviji Sloveni jkomplu jipparteċipaw fl-iffissar tal-iskeda ta’ xogħol, u għalhekk fil-funzjoni tal-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji jew fit-tqassim tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura.

37.

Fl-opinjoni tiegħi, il-korp responsabbli mill-funzjoni essenzjali tat-tqassim tal-kapaċitajiet u tal-linji ferrovjarji għandu jamministra l-proċess tat-tqassim kollu. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Istat Membru huwa għalhekk ikkostitwit, meta l-amministratur tal-infrastruttura, li huwa impriża tat-trasport bil-ferroviji, huwa assoċjat mal-eżerċizzju ta’ funzjoni essenzjali.

38.

It-tieni parti tal-ewwel ilment tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-fatt li, fis-Slovenja, l-amministratur tal-infrastruttura, li jipprovdi huwa stess servizzi ta’ trasport bil-ferroviji, jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ferroviji.

39.

Nirrileva mill-bidu li din il-parti hija essenzjalment identika għall-ewwel ilment fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, iċċitata iktar’il fuq, (ara l-punti 49 sa 70 tal-konklużjonijiet tiegħi). Għal din ir-raġuni, għandu jsir riferiment għar-raġunament ġuridiku żviluppat fil-konklużjonijiet mogħtija fl-imsemmija kawża. L-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni Slovena tippreżenta madanakollu xi differenzi minħabba s-sitwazzjoni prevalenti fl-Ungerija. Għaldaqstant, l-analiżi tal-punt dwar jekk l-ilment huwiex fondat, għandha tikkunsidra s-sitwazzjoni speċifika li tipprevali fis-Slovenja.

40.

Ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li l-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ferroviji ma tinsabx fost il-“funzjonijiet essenzjali” elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 91/440. Din hija wkoll il-konklużjoni li għaliha wasalt jien fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, iċċitata iktar ’il fuq.

41.

Fis-seduta, jidhirli li l-Kummissjoni aċċettat din l-analiżi. Din tal-aħħar tiddikjara madanakollu li, fis-Slovenja, l-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji ssir fil-kuntest tal-amministrazzjoni tat-traffiku. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal programm ta’ netwerk tar-Repubblika tas-Slovenja insostenn tal-pożizzjoni tagħha li, f’każ ta’ tfixkil fit-traffiku, huwa biss l-amministratur li jista’ jalloka l-linja neċessarja. Skont l-imsemmi programm ta’ netwerk, fil-każ ta’ bżonn jew meta l-infrastrutturi ma jkunux qegħdin jintużaw temporanjament, l-amministratur jista’ provviżorjament jirrifjuta l-applikazzjoni tal-linji allokati sakemm ikun neċessarju sabiex jistabbilixxi s-sistema mill-ġdid. Barra minn hekk, fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jirriżultaw fid-devjazzjoni tal-linji allokati, l-amministratur għandu d-dritt, wara konsultazzjoni minn qabel mat-trasportatur, li jaddatta l-linji bl-aħjar mod possibbli li jiggarantixxi l-vjaġġi oriġinarjament stabbiliti. Ir-Repubblika tas-Slovenja ma ċaħditx dawn l-affermazzjonijiet.

42.

Madankollu, fir-rikors il-Kummissjoni affermat li l-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ferroviji għandha tkun fdata lil korp li ma jipprovdix huwa stess servizzi ta’ trasport bil-ferroviji, mingħajr ebda riferiment għat-tħassir jew għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-linji fil-każ ta’ tfixkil fit-traffiku.

43.

Jien nikkonkludi li, fir-replika, il-Kummissjoni estendiet l-għan tar-rikors jew tal-inqas, ressqet punt ta’ motivazzjoni ġdid ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, sa fejn hija tirreferi għall-amministrazzjoni tat-traffiku fil-każ ta’ tfixkil fit-traffiku. Sa fejn ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq dan ir-raġunament, għandu għalhekk ikun iddikjarat inammissibbli. Min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni tal-ilment dwar il modalitajiet tal-amministrazzjoni tat-traffiku esposti fir-rikors għandha tkun ikkunsidrata bħala infondata għar-raġunijiet esposti fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, iċċitata iktar ’il fuq.

44.

Madanakollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra bħala ammissibbli l-punti ta’ motivazzjoni bbażati fuq il-kompetenzi tal-amministratur tal-infrastruttura fil-każ ta’ tfixkil fit-traffiku, infakkar li fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, iċċitata iktar ’il fuq, jiena wasalt għall-konklużjoni li amministratur li mhux indipendenti responsabbli mill-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ferroviji jista’ jkollu s-setgħa li jikkanċella linji fil-każ ta’ tfixkil fit-traffiku, iżda li l-allokazzjoni mill-ġdid tagħhom għandha tkun ikkunsidrata bħala parti mill-funzjonijiet essenzjali riżervati li ma jistgħux ikunu eżerċitati ħlief minn amministratur indipendenti jew minn korp ta’ allokazzjoni.

45.

Fis-Slovenja, bid-differenza mill-Ungerija, l-amministratur mhux indipendenti jista’ jiddeċiedi li jaddatta l-linji ddevjati. It-tieni parti tal-ilment, jekk inhi ammissibbli, għandha għalhekk tkun ikkunsidrata fondata, sa fejn hija tipprevedi l-possibbiltà miftuħa għall-amministratur mhux indipendenti li jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni mill-ġdid tal-linji fil-każ ta’ tfixkil fit-traffiku.

46.

Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nipproponi li l-ewwel parti tal-ewwel ilment tal-Kummissjoni għandha tkun iddikjarata fondata, sa fejn hija bbażata fuq il-parteċipazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura mhux indipendenti fl-allokazzjoni tal-linji tal-ferroviji. It-tieni parti tal-ewwel ilment għandha tkun iddikjarata parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli, sa fejn hija tikkonċerna l-amministrazzjoni tat-traffiku mill-amministratur. Madanakollu, jekk din l-aħħar parti tkun ikkunsidrata bħala ammissibbli fl-integrità tagħha, hija għandha tkun fondata sa fejn hija tipprevedi l-possibbiltà miftuħa tal-amministratur li jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni mill-ġdid tal-linji fil-każ ta’ tfixkil fit-traffiku.

B – Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ sistema ta’ inċentivi

1. L-argumenti tal-partijiet

47.

Il-Kummissjoni ssostni li, billi ma tipprovdix mekkaniżmu intiż sabiex jinkoraġġixxi l-amministratur tal-infrastruttura biex inaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi għall-aċċess, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2001/14.

2. Eżami tat-tieni lment

48.

Ir-Repubblika tas-Slovenja targumenta li l-Artikolu 10 tal-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2010, jipprovdi li l-amministratur tal-infrastruttura huwa inkoraġġut permezz ta’ miżuri li jinċentivaw it-tnaqqis tal-ispejjeż għall-garanzija tal-infrastruttura kif ukoll il-livell tat-tariffa.

a) Analiżi

49.

Nikkonstata mill-bidu li, għar-raġunijiet esposti hawn fuq, id-difiża tar-Repubblika tas-Slovenja ma hijiex effettiva sa fejn hija bbażata fuq l-emendi leġiżlattivi magħmula bil-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2010. Madanakollu, il-fondatezza tal-ilment għandha tkun analizzata abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2) tad-Digriet tat-18 ta’ April 2008.

50.

Nosserva, ukoll, li t-tieni lment tal-Kummissjoni bbażat fuq in-nuqqas ta’ inċentivi fid-dawl li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi għall-aċċess, huwa essenzjalment identiku għat-tielet ilment fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, (ara l-punti 74 sa 84 tal-konklużjonijiet tiegħi), għat-tieni lment fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, (ara l-punti 47 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħi), għat-tielet ilment fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (ara l-punti 93 sa 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet) kif ukoll għat-tieni parti tat-tieni lment fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (C-625/10), iċċitata iktar ’il fuq, (ara l-punti 63 sa 69 tal-konklużjonijiet tiegħi).

51.

Għal din ir-raġuni, għandu jsir riferiment għar-raġunament ġuridiku żviluppat fil-konklużjonijiet mogħtija fil-kawżi msemmija. Il-leġiżlazzjoni Slovena u l-implementazzjoni tagħha jippreżentaw madanakollu partikolarijiet meta mqabbla mas-sitwazzjoni prevalenti fl-imsemmija Stati Membri. Għaldaqstant, l-analiżi tal-punt dwar jekk l-ilment huwiex fondat, għandha tikkunsidra s-sitwazzjoni speċifika li tipprevali fis-Slovenja.

52.

Il-Kummissjoni ġustament irrilevat li l-Artikolu 20(2) tad-Digriet tat-18 ta’ April 2008 jirriproduċi biss il-kliem tal-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14. Madanakollu, għalkemm il-leġiżlazzjoni Slovena tawtorizza lill-awtoritajiet jieħdu l-miżuri previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jinċentivaw lill-amministratur tal-infrastruttura jnaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi għall-aċċess, xorta jibqa’ l-fatt li, fit-tmiem tat-terminu previst fl-opinjoni motivata, l-ebda kuntratt multiannwali, u l-ebda miżuri leġiżlattivi tat-tip previst fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva ma kienu ġew adottati. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ inċentivi previsti fl-Artikolu 6(2) u (3) tal-imsemmija direttiva, ma jeżistu ebda dispożizzjoni jew miżuri li jiżguraw it-traspożizzjoni tal-paragrafi 4 u 5 tal-imsemmi artikolu.

53.

Għal dawn ir-raġunijiet, it-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jitqies bħala fondat.

C – Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ sistema ta’ titjib tal-ħidma

1. L-argumenti tal-partijiet

54.

Il-Kummissjoni ssostni li, billi ma adottatx sistema ta’ titjib tal-ħidma sabiex tinkoraġixxi l-impriżi tal-ferroviji u l-amministraturi tal-infrastruttura jnaqqsu t-telf u jtejbu l-operat tal-infrastruttura, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

55.

Ir-Repubblika tas-Slovenja tirribatti li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14 ġie traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali bil-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2010 li introduċiet żewġ paragrafi ġodda fl-Artikolu 15d tal-Liġi dwar it-trasport bil-ferroviji, li pprovda bażi legali għall-adozzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva li tippermetti l-iffissar ta’ skema ulterjuri ta’ titjib tal-ħidma.

2. Eżami tat-tielet ilment

56.

Għal darb’oħra, għandu jiġi kkonstatat li, għar-ragunijiet esposti fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-difiża tar-Repubblika tas-Slovenja ma hijiex effettiva, sa fejn hija tipprevedi l-emendi leġiżlattivi introdotti bil-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2010. L-ilment għandu għalhekk jiġi analizzat esklużivament fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(5) tad-Digriet tat-18 ta’ April 2008.

57.

Għandu jitfakkar li t-tielet ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ miżuri li jinkoraġixxu l-impriżi tal-ferroviji u l-amministratur tal-infrastruttura li jimminimizzaw it-telf u jtejbu l-ħidma tan-netwerk tal-ferroviji permezz tal-iffissar ta’ “sistema ta’ titjib tal-ħidma”, huwa essenzjalment identiku għat-tieni lment fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, (ara l-punti 67 sa 72 tal-konklużjonijiet tiegħi), ir-raba’ lment fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, (ara l-punti 90 sa 93 tal-konklużjonijiet tiegħi), kif ukoll l-ewwel parti tat-tieni lment fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (C-625/10), iċċitata iktar ’il fuq (ara l-punti 61 u 62 tal-konklużjonijiet tiegħi).

58.

Għal din ir-raġuni, għandu jsir riferiment għar-raġunament ġuridiku żviluppat fil-konklużjonijiet mogħtija fl-imsemmija kawżi. Il-leġiżlazzjoni Slovena u l-implementazzjoni tagħha jippreżentaw madanakollu differenzi meta mqabbla mas-sitwazzjoni fl-imsemmija Stati Membri. Għaldaqstant, l-analiżi dwar jekk l-ilment huwiex fondat għandha tikkunsidra s-sitwazzjoni speċifika li tipprevali fis-Slovenja.

59.

Il-Kummissjoni ġustament irrilevat li l-Artikolu 20(5) tad-Digriet tat-18 ta’ April 2008 jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14. Madanakollu, għalkemm minn Diċembru 2009 ’l quddiem il-leġiżlazzjoni Slovena awtorizzat l-awtoritajiet jieħdu l-miżuri previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-dawl li jiddefinixxu u jistabbilixxu skema tal-ħidma fis-sens tal-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li fit-tmiem tat-terminu previst fl-opinjoni motivata, ebda miżura jew dispożizzjoni konkreta li timplementa din l-awtorizzazzjoni ma ttieħdet.

60.

Għal dawn ir-raġunijiet, it-tielet ilment tal-Kummissjoni għandu jitqies bħala fondat.

D – Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq il-fatt li l-metodu ta’ kalkolu tat-tariffi għall-pakkett minimu u għall-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi ta’ servizzi kollha ma jikkunsidrax b’mod esklużiv l-ispiża direttament sostnuta bħala riżultat tal-operat tas-servizz tal-ferrovija

1. L-argumenti tal-partijiet

61.

Il-Kummissjoni ssostni li billi ma pprovdietx metodu sabiex tikkalkula l-piżijiet għall-pakkett minimu tal-aċċess min-netwerk għal faċilitajiet tas-servizzi li huma esklużivament ibbażati fuq l-ispiża direttament sostnuta bħala riżultat tal-operat tas-servizz tal-ferrovija, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14.

62.

Il-Kummissjoni toġġezzjona wkoll li r-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14 billi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha ma pprovdietx regoli li abbażi tagħhom huwa possibbli li ssir verifika li kull qasam tas-suq effettivament jiflaħ għall-mark-ups għall-finijiet tal-irkupru sħiħ tal-ispejjeż sostnuti mill-amministratur tal-infrastruttura.

63.

Ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni, min-naħa tagħha, li l-Artikolu 15d(3) tal-Liġi dwar it-trasport tal-ferroviji tkompla bil-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2010 permezz ta’ dispożizzjoni li permezz tagħha l-ammont tat-tariffa għall-pakkett minimu u għall-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi ta’ servizzi kollha jammonta għall-ispejjeż direttament sostnuti bħala riżultat tal-operat tas-servizz tal-ferrovija. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni dwar l-allokazzjoni tal-linji u t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura tal-ferroviji pubblika ser tinbidel u huwa previst li ser tiżdied dispożizzjoni dwar il-mod li jippermetti verifika jekk qasam tas-suq jiflaħx effettivament għall-mark-ups għall-finijiet tal-irkupru sħiħ tal-ispejjeż sostnuti mill-amministratur tal-infrastruttura.

2. Eżami tar-raba’ ilment

64.

L-ewwel nett, nikkonstata li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-difiża tar-Repubblika tas-Slovenja ma hijiex effettiva, sa fejn hija ssemmi l-emendi leġiżlattivi introdotti bil-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2010. L-istess jgħodd għat-tieni att invokat mill-awtoritajiet Sloveni, dwar il-leġiżlazzjoni dwar l-allokazzjoni tal-linji u t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura tal-ferroviji pubblika ( 14 ). Għalhekk, l-ilment għandu jkun analizzat esklużivament fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(2) tad-Digriet tat-18 ta’ April 2008.

65.

Infakkar, qabel xejn, li jiena analizzajt l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “spiża direttament [sostnuta] bħala riżultat tal-[operat] tas-servizz tal-ferrovija” fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq (ara l-punt 66 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet), li ser jiġu ppreżentati fl-istess ħin ma’ dawn il-konklużjonijiet. Sabiex jiġu evitati repetizzjonijiet, jiena għalhekk nagħmel riferiment għall-analiżi li tinsab fl-imsemmija konklużjonijiet ( 15 ).

66.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “spiża direttament [sostnuta] bħala riżultat tal-[operat] tas-servizz tal-ferrovija”, fl-imsemmija konklużjonijiet jiena pproponejt lill-Qorti tal-Ġustizzja, tqis li, fid-dawl, minn naħa, tal-impreċizzjoni tad-Direttiva 2011/14, u min-naħa l-oħra, tan-nuqqas ta’ definizzjoni preċiża ta’ dan il-kunċett, fejn minflok ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li telenka preċiżament l-ispejjeż li ma humiex rilevanti għal dan il-kunċett, l-Istati Membri jgawdu minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni ekonomika għall-finijiet tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-kunċett inkwistjoni. Madanakollu, anki jekk jidhirli li mhux possibbli li jkun iddefinit, permezz ta’ elenku limitattiv, previst jew mhux, il-kunċett ta’ “spiża direttament [sostnuta] bħala riżultat tal-[operat] tas-servizz tal-ferrovija”, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri jistgħu tal-inqas, f’ċerti każi, jinkludu spejjeż li jaqbżu b’mod manifest il-limiti tal-kunċett użat mid-Direttiva 2001/14. Fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu għalhekk jiġi mfittex jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tippermettix li fil-kalkolu tat-tariffi għall-pakkett minimu u għall-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi ta’ servizzi kollha jiġu inklużi elementi li ma humiex b’mod manifest direttament riżultat tal-operat tas-servizz tal-ferrovija.

67.

Jien nikkunsidra li l-Artikolu 21(2) tad-Digrie tat-18 ta’ April 2008, jippermetti, huwa waħdu, lill-awtoritajiet Sloveni li jistabbilixxu qafas ta’ tariffi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 7(3) u 8(1) tad-Direttiva 2001/14.

68.

Madanakollu, mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2010, l-Artikolu 15d tal-Liġi dwar it-trasport bil-ferroviji jippermetti l-kalkolu tat-tariffi għall-aċċess għall-infrastruttura abbażi ta’ kriterju intitolat “tariffa tal-infrastruttura tat-trasport f’sistema oħrajn, b’mod partikolari fit-trasport tat-triq” ( 16 ). Għalkemm l-Istat Membru jikkontesta li għamel użu mill-imsemmi kriterju, xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlazzjoni tiegħu tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali spejjeż bi ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2001/14.

69.

Dan jidhirli li huwa biżżejjed sabiex ikun jista’ jintlaqa’ r-raba’ lment tal-Kummissjoni, minkejja l-konfużjoni li tikkaratterizza l-iskambji tal-partijiet fil-kuntest ta’ dan l-ilment.

V – Fuq l-ispejjeż

70.

Skont l-Artikolu 138(2) tar-Regoli tal-Proċedura ( 17 ), jekk il-partijiet it-tnejn jitilfu kap wieħed jew iktar, kull parti tbati l-ispejjeż tagħhom. Peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika tas-Slovenja tilfu kap wieħed jew iktar, jien nipproponi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħhom.

71.

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju ta’ Spanja, li ġew awtorizzati biex jintervjenu f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

VI – Konklużjoni

72.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

1)

Ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont:

l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2001/12, u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà, peress li l-amministratur tal-infrastruttura, li jipprovdi huwa stess servizzi ta’ trasport tal-ferroviji jikkontribwixxi għall-iffissar ta’ skeda ta’ xogħol, u għalhekk, jipparteċipa fil-funzjoni tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-allokazzjoni tal-linji jew it-tqassim tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura;

l-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2001/14, peress li ma jipprovdix miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-amministratur tal-infrastruttura biex inaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi għall-aċċess;

l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, peress li ma adottatx sistema ta’ titjib tal-ħidma intiża sabiex tinċentiva l-impriżi tal-ferroviji u l-amministratur tal-infrastruttura biex inaqqsu t-telf u jtejbu l-operat tal-infrastruttura;

l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, sa fejn il-leġiżlazzjoni Slovena ppermettiet li jiġi kkunsidrat, fil-kalkolu tat-tariffi għall-pakkett minimu u għall-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi ta’ servizzi kollha, it-tariffi tal-infrastruttura tat-trasport f’sistemi oħrajn, b’mod partikolari tat-trasport bit-triq.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376).

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).

( 5 ) Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija rrinunzjat għal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14.

( 6 ) Fir-rigward tas-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, (C-557/10, u tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-528/10), kif ukoll il-kawżi Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-473/10); Il-Kummissjoni vs Spanja (C-483/10); Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-512/10); Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C-545/10); Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-555/10); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-556/10); Il-Kummissjoni vs Franza (C-625/10); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-369/11), u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-412/11), pendenti

( 7 ) Uradni list RS, Nru 44/2007, liġi kif emendata (Uradni list RS, Nru 58/2009, iktar’il quddiem il-“Liġi fuq it-trasport tal-ferroviji”. Fir-rigward tal-emenda magħmula fl-2010, jew wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) Uradni list RS, Nru 38/08, iktar ’il quddiem id-“Digriet tat-18 ta’ April 2008”.

( 9 ) Uradni list RS, Nru 106/2010; ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-319/06, Ġabra. p. I-4323, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-241/08, Ġabra p. I-1697, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-50/09 (Ġabra p. I-873, punt 102).

( 12 ) Eżempju analogu kien preżenti wkoll fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (C-625/10), iċċitata iktar ’il fuq (ara l-punti 22 sa 47 tal-konklużjonijiet tiegħi).

( 13 ) Artikolu 9 tad-Digriet tat-18 ta’ April 2008.

( 14 ) Uredba o dodeljevanju vlakovnih poti in uporabnini na javni železniški infrastrukturi, Uradni list RS Nru 113/2009 tal-31 ta’ Diċembru 2009.

( 15 ) Ara, barra minn hekk, il-punti 92 sa 102 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar’il fuq, kif ukoll il-punti 73 sa 86 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq.

( 16 ) L-Artikolu 10 tal-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2010 ħassar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 15d tal-Liġi dwar it-trasport bil-ferroviji u żied frażi fl-aħħar tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu.

( 17 ) Daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012.