KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-12 ta’ Jannar 2012 ( 1 )

Kawża C-620/10

Migrationsverket

vs

Nurije Kastrati

Valdrina Kastrati

Valdrin Kastrati

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammarrätten i Stokkolma (l-Isvezja)]

“Dritt għal ażil — Regolament (KE) Nru 343/2003 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil — Dħul permezz ta’ viża Schengen — Preżentazzjoni ta’ applikazzjoni fi Stat Membru li ma ħariġx il-viża Schengen — Applikazzjoni għal ħruġ ta’ permess ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ residenza — Irtirar tal-applikazzjoni għall-ażil — Teħid ta’ responsabbiltà tal-applikant għall-ażil mill-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-qorti Svediża, il-Kammarrätten i Stockholm, Migrationsöverdomstolen Svediż (qorti tal-appell fil-qasam tal-immigrazzjoni fi ħdan il-Qorti tal-Appell Amministrattiva ta’ Stokkolma) għandha bħala għan l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz ( 2 ). Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf b’liema mod l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil minn applikant għall-ażil, li ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru wieħed biss, jista’ jkollu konsegwenzi fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 343/2003.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Ir-Regolament Nru 343/2003

2.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 343/2003 huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz.”

3.

L-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 343/2003 jiddefinixxi l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil bħala azzjonijiet li bihom l-applikant għall-ażil itemm il-proċeduri mibdijin bil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, skont il-liġi nazzjonali, jew b’mod espliċitu jew taċitu.

4.

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 343/2003:

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III juru li huwa responsabbli.”

5.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 343/2003 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-ażil tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

[…]

5.   Persuna tfittex l-ażil li hija preżenti fi Stat Membru ieħor u hemm tiddepożita applikazzjoni għall-ażil wara li tirtira l-applikazzjoni tagħha matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandha tittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil.

Dan l-obbligu għandu jieqaf, jekk il-persuna tfittex l-ażil tkun sadattant telqet mit-territorji ta’ l-Istat Membru għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur jew tkun kisbet dokument ta’ residenza mill-Istat Membru”.

6.

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi:

“1.   Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.

2.   L-Istat Membru responsabbli skond il-kriterji għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-persuna li tfittex l-ażil iddepożitat għall-ewwel darba l-applikazzjoni tagħha għand Stat Membru”.

7.

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 343/2003:

“1.   Fejn il-persuna li tfittex l-ażil tkun fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu, l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil.

2.   Meta l-persuna li tfittex l-ażil tkun fil-pussess ta’ viża valida, l-Istat Membru li ħareġ il-viża għandu jkun responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil. […]

[…]”

8.

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“1.   L-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

(a)

jieħu inkarigu, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 17 sa 19, ta’ persuna tfittex l-ażil li tkun iddepożitat applikazzjoni fi Stat Membru differenti,

(b)

itemmu l-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-ażil,

(c)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr permess,

(d)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, applikant li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor,

(e)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda u li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr permess.

2.   Fejn Stat Membru joħroġ dokument ta’ residenza lill-applikant, l-obbligi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ttrasferiti lil dak l-Istat Membru.

3.   L-obbligi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom jieqfu fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ħalla t-territorju tal-Istati Membri għall-inqas għal tliet xhur, sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu maħruġ mill-Istat Membru responsabbli.

4.   L-obbligi speċifikati fil-paragrafu 1(d) u (e) għandhom bl-istess mod jieqfu ladarba l-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni ikun adotta u attwalment implimenta, wara l-irtirar jew ċaħda ta’ l-applikazzjoni, id-disposizzjonijiet li huma meħtieġa qabel iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jmur lejn pajjiżu ta’ oriġini jew lejn pajjiż ieħor li lejh jista’ jivvjaġġa legalment”.

B – Id-Direttiva 2005/85

9.

L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat ( 3 ) fl-Istati Membri jipprovdi d-dispożizzjonijiet li ġejjin taħt it-titolu “Proċedura f’każ ta’ rtirar ta’ l-applikazzjoni”:

“1.

Safejn l-Istati Membri jipprovdu għall-possibbiltà ta’ l-irtirar espliċitu ta’ l-applikazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, meta applikant għall-ażil b’mod espliċitu jirtira l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni li jew twaqqaf l-eżami jew tiċħad l-applikazzjoni.

2.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jiddeċiedu li l-awtorità determinanti tista’ tiddeċiedi li twaqqaf l-eżami mingħajr ma tadotta deċiżjoni. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti għandha tinserixxi nota fil-file ta’ l-applikant.”

10.

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2005/85 jipprovdi dan li ġej taħt it-titolu “Proċedura f’każ ta’ rtirar impliċitu jew ta’ abbandun ta’ l-applikazzjoni”:

“1.   Meta jkun raġonevolment ġustifikabbli li jiġi kunsidrat li applikant għall-ażil b’mod impliċitu rtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni li jew twaqqaf l-eżami jew tiċħad l-applikazzjoni fuq il-bażi li l-applikant ma jkunx stabbilixxa dritt għall-istatus ta’ rifuġjat skond id-Direttiva 2004/83/KE.

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant li jerġa’ jirrapporta lill-awtorità kompetenti wara li tittieħed deċiżjoni ta’ twaqqif kif imsemmi fil-paragrafu 1, ikollu d-dritt li jitlob li jerġa’ jinfetaħ il-każ tiegħu, sakemm it-talba ma tkunx eżaminata skont l-Artikoli 32 u 34.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal limitu ta’ żmien li warajh ma jkunx jista’ jerġa’ jinfetaħ il-każ ta’ l-applikant.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali persuna ma tiġix espulsa kuntrarjament għall-prinċipju tan-non-refoulement.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-awtorità determinanti terġa’ taqbad u tkompli l-eżami mill-istadju fejn kien twaqqaf”.

III – Il-fatti tal-kawża, il-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali u d-domandi preliminari

11.

L-applikanti fil-kawża prinċipali, N. Kastrati u ż-żewġ uliedha minuri, huma ċittadini ta’ pajjiż terz, li daħlu fiż-żona Schengen b’viża Schengen maħruġa mill-awtoritajiet Franċiżi. Wara li ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil fl-Isvezja fit-30 ta’April 2009, il-Migrationsverket (Uffiċċju Svediż tal-Migrazzjoni) talab fl-4 ta’ Ġunju 2009 lil Franza, skont ir-Regolament Nru 343/2003, li tieħu l-inkarigu tal-familja sabiex twettaq eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tagħhom. Fis-16 ta’ Ġunju 2009, l-applikanti fil-kawża prinċipali talbu lill-Isvezja għal permess ta’ residenza abbażi ta’ rabtiet personali ma’ persuna residenti fl-Isvezja u rtiraw l-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom fit-22 ta’ Ġunju 2009. Wara li l-awtoritajiet Franċiżi kienu aċċettaw li jieħdu l-inkarigu tal-applikanti fil-kawża prinċipali, il-Migrationsverket b’deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2009 ċaħad l-applikazzjonijiet għall-ażil u l-applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza, billi sostna li Franza kienet l-Istat Membru responsabbli, u ordna t-trasferiment tal-applikanti fil-kawża prinċipali lejn Franza skont l-Artikolu 19(1) u (3) tar-Regolament Nru 343/2003.

12.

Ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Migrationsverk quddiem il-Länsrätten i Skåne län, Migrationsdomstolen (Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Skåne, li tagħti deċiżjonijiet dwar l-immigrazzjoni) kellu bħala konsegwenza l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, u r-riferiment tal-kawża quddiem il-Migrationsverket għall-finijiet tal-eżami tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, peress li r-Regolament Nru 343/2003 ma kienx iktar applikabbli wara l-irtirar tal-applikazzjonijiet għall-ażil. Il-Migrationsverket appella din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju u sostna li r-Regolament Nru 343/2003 kompla jibqa’ applikabbli anki wara li l-applikazzjonijiet għal ażil ġew irtirati.

13.

Peress li l-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 343/2003 f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 5(2) tiegħu, u/jew tan-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tmiem tar-responsabbilità sabiex tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil minbarra t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(5), u l-Artikolu 16(3) u (4), ir-Regolament Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil jaffettwa l-possibbiltà tal-applikazzjoni tiegħu?

(2)

L-istadju ta’ trattament tal-applikazzjoni għall-ażil li fih isir l-irtirar ta’ dik it-talba jaffettwa r-risposta għall-ewwel domanda?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.

Id-digriet tar-rinviju tas-16 ta’ Diċembru 2010 wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2010. L-applikanti fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-applikanti fil-kawża prinċipali, il-Migrationsverket, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Novembru 2011.

V – L-argumenti tal-partijiet

15.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Gvern Brittanniku u l-Gvern Ġermaniż huma tal-fehma li r-Regolament Nru 343/2003 japplika wkoll fil-każijiet ta’ rtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil waħda li ma humiex imsemmija b’mod ċar f’dak ir-regolament. Għalkemm ir-Regolament Nru 343/2003 jikkunsidra l-irtirar ta’ waħda minn diversi applikazzjonijiet għall-ażil, jirriżulta minn dan li rtirar ma għandu l-ebda effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru wara li dan ikun seħħ. Barra minn hekk, wieħed mill-għanijiet tar-regolament hu li jċaħħad lill-persuna li tfittex l-ażil mill-opportunità li tiddetermina l-Istat Membru responsabbli permezz tal-irtirar ta’ applikazzjonijiet li kontinwament jinbidlu u biex tinżamm ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru ladarba tkun ġiet stabbilita. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li applikazzjoni tiġi ppreżentata għandu bħala konsegwenza li jwassal għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 għall-proċedura.

16.

B’kuntrast, il-Gvern Grieg u l-Gvern Taljan, kif ukoll il-Kummissjoni, huma tal-fehma li l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil waħda tagħmel ir-Regolament Nru 343/2003 mhux applikabbli. Huma jargumentaw li l-każijiet li fihom ir-regolament jibqa’ applikabbli minkejja l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil huma rregolati b’mod eżawrjenti f’dan ir-regolament. Permezz tal-irtirar ta’ applikazzjoni waħda għall-ażil li kienet ġiet ippreżentata fl-Unjoni Ewropea, l-applikant qed jagħmilha ċara li ma jixtieqx ikun jista’ iktar jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali. Bħala tali, ma għadx hemm iżjed il-bażi għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, li l-iskop tiegħu hu li, l-ewwel nett, jiżgura proċedura bil-ħeffa għall-persuni li japplikaw għall-ażil u, it-tieni nett, li jipprevjeni abbuż potenzjali fil-forma ta’ diversi applikazzjonijiet għall-ażil fl-istess żmien jew konsekuttivi.

17.

L-applikanti fil-kawża prinċipali jindikaw li fl-ebda mument ma kellhom l-intenzjoni li japplikaw għall-ażil; huma riedu biss il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza. Applikazzjoni għall-ażil ġiet ippreżentata biss fuq il-parir ta’ Migrationsverket.

VI – Id-dritt

A – Fuq l-ewwel domanda preliminari

18.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed titlob jekk applikant għall-ażil li ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru jistax jevita l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 billi jirtira dik l-applikazzjoni għall-ażil, jekk ma jkunx ippreżenta applikazzjoni oħra għall-ażil fi Stat Membru ieħor.

19.

Bħala tweġiba għall-allegazzjoni tal-applikanti fil-kawża prinċipali li qatt ma kellhom l-intenzjoni li jfittxu l-ażil, bil-konsegwenza li l-applikazzjoni tagħhom ma għandhiex, bħala prinċipju, tiġi evalwata bħala applikazzjoni għall-ażil fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003, iżda minflok bħala applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina s-suġġett tad-domandi preliminari li għandha l-intenzjoni li tagħmel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom tressqu l-kawżi u li għandhom jieħdu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni, li għandom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 4 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-fatti tal-kawża prinċipali.

20.

Konsegwentement hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkunsidra, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti tal-applikanti fil-kawża prinċipali, jekk l-applikazzjoni inkwistjoni magħmula mill-applikanti fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi evalwata bħala applikazzjoni għall-ażil fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003. Abbażi tad-definizzjoni tal-“applikazzjoni għall-ażil” li tinsab fl-Artikolu 2(ċ) tar-Regolament Nru 343/2003, il-qorti tar-rinviju għandha għaldaqstant tistabbilixxi jekk l-applikazzjoni ppreżentata mill-applikanti fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix applikazzjoni li għandha tiġi kklassifikata bħala talba għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Sa fejn il-qorti tar-rinviju jista’ jkollha dubji fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dik id-definizzjoni fil-kuntest speċifiku tal-kawża prinċipali, hija għandha titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod sostanzjat, permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ġdida li tipprovdilha spejgazzjonijiet supplimentari fuq l-applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni għal każ bħal dawk tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

21.

Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-applikazzjoni magħmula mill-applikanti fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata bħala applikazzjoni għall-ażil fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003, minn dan tqum id-domanda li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, liema huma l-konsegwenzi legali tal-irtirar ta’ tali applikazzjoni mill-applikanti fil-kawża prinċipali.

22.

Minkejja li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali tal-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil waħda biss u l-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan l-irtirar ma humiex imsemmija b’mod ċar fir-Regolament Nru 343/2003, interpretazzjoni sistematika tar-regolament skont il-kliem u l-għanijiet tiegħu twassal, fil-fehma tiegħi, għall-konklużjoni li persuna li qed tfittex l-ażil li ppreżentat applikazzjoni għall-ażil waħda ma tistax teskludi l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 343/2003 għal dik l-applikazzjoni għall-ażil billi unilateralment tirtira l-applikazzjoni.

23.

Għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għal interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 5 ).

24.

Il-Kummissjoni stabbilixxiet l-għanijiet essenzjali tar-Regolament Nru 343/2003 fil-Proposta għal Regolament tagħha tas-26 ta’ Lulju 2001 ( 6 ). Il-punt 2.1. ta’ dik il-proposta, taħt it-titolu ‘Għanijiet’, jiffoka l-ewwel fuq li jiġi garantit id-dritt għall-ażil permezz ta’ proċedura bil-ħeffa, ibbażata fuq kriterji oġġettivi u ġusti għal dawk kollha involuti, iżda wkoll, it-tieni nett, fuq il-prevenzjoni tal-abbuż fil-forma ta’ ħafna applikazzjonijiet f’diversi Stati Membri billi rapidament jiġi stabbilit Stat Membru wieħed responsabbli. Il-prinċipju ġenerali hu li l-Istat Membru responsabbli għandu jkun dak li kellu l-ikbar sehem fid-dħul jew residenza tal-persuna li qed tfittex l-ażil fit-territorji tal-Istati Membri ( 7 ) billi meta ħarġilha viża jew dokument ta’ residenza, kien negliġenti fil-kontroll tal-fruntieri jew daħħalha mingħajr viża ( 8 ).

25.

Dawk l-għanijiet essenzjali, li ġew espressi mill-Kummissjoni, ġew sussegwentement riflessi fir-Regolament Nru 343/2003. Il-premessi 3 u 4 fil-preambolu jirreferu għad-determinazzjoni bil-ħeffa tal-Istat Membru responsabbli abbażi ta’ formula ċara u prattikabbli għall-iskop li jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri bħala għan kruċjali. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi l-prinċipju bażiku li kull applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed biss. B’konsegwenza, min-naħa l-oħra, jiġi evitat il-ħolqien ta’ refuġjati fl-orbita, jiġifieri, id-deportazzjoni ta’ persuni li jfittxu l-ażil minn Stat Membru għal ieħor u fil-prattika d-devalwazzjoni korrispondenti tad-dritt għall-ażil tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-hekk imsejħa prattika ta’ asylum shopping tiġi fi tmiemha billi tiġi eskluża iżjed migrazzjoni mhux ikkontrollata f’segwitu ta’ proċeduri ta’ ażil paralleli jew suċċessivi fi ħdan l-UE ( 9 ).

26.

F’termini tal-aħħar għan, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000, tal-11 ta’ Diċembru 2000, dwar l-istabbiliment ta’ “Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin ( 10 ) kien diġà fis-seħħ matul il-perijodu meta l-Konvenzjoni, iffirmata f’Dublin fil-15 ta’ Ġunju 1990, li tiddetermina l-Istat responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej ( 11 ) kienet fis-seħħ ( 12 ). Għall-bidu, dan ir-regolament kien serva għall-applikazzjoni u l-implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Dublin, li ġiet sostitwita bir-Regolament Nru 343/2003. F’dan ir-rigward, teżisti konnessjoni bejn iż-żewġ regolamenti ( 13 ), li tagħmilha ċara li d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għandha tiġi żgurata permezz ta’ kontroverifika tad-data ( 14 ).

27.

B’konsegwenza, il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 fih kriterji, imniżżla fl-ordni ta’ importanza, għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ( 15 ), li għandu jippermetti li jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biss abbażi ta’ kriterji oġġettivi li għandhom jiġu infurzati u li jiġi sodisfatt l-għan ta’ prevenzjoni tal-abbuż permezz ta’ ħafna applikazzjonijiet għall-ażil fl-istess ħin jew suċċessivi permezz tad-determinazzjoni ta’ Stat Membru wieħed responsabbli.

28.

Preċiżament dan, jiġifieri d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, huwa l-għan primarju tar-Regolament Nru 343/2003. Fir-rigward tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 343/2003, l-Artikolu 4(1) tiegħu jipprovdi li l-proċess sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif l-applikazzjoni għall-ażil tiġi ppreżentata għall-ewwel darba fi Stat Membru. Bil-kontra, l-eżami attwali tal-applikazzjoni għall-ażil titwettaq skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru, fl-osservanza tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ( 16 ).

29.

Il-Kummissjoni korrettament tindika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li, meta jiġi kkunsidrat il-korp sħiħ ta’ regoli, il-proċedura għall-ażil tikkonsisti f’żewġ fażijiet, jiġifieri, id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli wara li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-ażil għall-ewwel darba skont ir-Regolament Nru 343/2003 u sussegwentement, l-eżami stess, li huwa responsabbiltà f’kull każ tal-Istat Membru kompetenti u li fil-kuntest tiegħu għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istandards minimi skont id-Direttiva 2005/85. Għaldaqstant hemm involuti żewġ fażijiet tal-proċedura għall-ażil, li huma differenti minn xulxin. Dawn il-kunsiderazzjonijiet diġà kienu l-punt ta’ tluq tal-ewwel riflessjonijiet fid-dawl tal-iżvilupp tad-Direttiva 2005/85 ( 17 ) u ġew inklużi speċifikament fil-premessa 29 fil-preambolu ta’ din id-direttiva, li tipprovdi speċifikament li d-Direttiva 2005/85 ma titrattax proċeduri rregolati mir-Regolament Nru 343/2003. Għaldaqstant, l-għan tar-Regolament Nru 343/2003 ma huwiex li joħloq garanziji proċedurali għall-persuni li qed ifittxu l-ażil f’termini tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet sabiex l-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom jintlaqgħu jew jiġu miċħuda. ( 18 ) Minflok, dan ir-regolament primarjament jirregola l-allokazzjoni tal-obbligi u l-kompiti tal-Istati Membri bejniethom. Fuq dan l-isfond, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 343/2003, li jikkonċernaw l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ dawk li jfittxu l-ażil suġġetti għall-proċedura ta’ Dublin, huma marbuta bħala prinċipju biss mat-twettiq tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-relazzjoni tal-Istati Membri bejniethom jew huma intiżi biex jiggarantixxu konformità ma’ strumenti oħra tal-leġiżazzjoni dwar l-ażil ( 19 ).

30.

Mill-aspett tar-responsabbiltà, ir-Regolament Nru 343/2003 fih ukoll regoli li jikkonċernaw l-effetti li l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil ikollu fuq il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil. Jeżistu biss dispożizzjonijiet speċifiċi, madankollu, fil-każ tal-irtirar ta’ waħda minn diversi applikazzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 4(5) jew fl-Artikolu 16(1)(d) u 16(4), pereżempju. Dawk id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw, b’mod partikolari, każijiet li fihom min ifittex l-ażil ikun irtira l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu waqt il-proċess għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil (Artikolu 4(5)) jew ikun irtira dik l-applikazzjoni biss meta tkun diġà qed tiġi eżaminata (Artikolu 16(1)(d)) u jkun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil ġdida fi Stat Membru ieħor.

31.

Ir-Regolament Nru 343/2003 madankollu, ma fih l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-konsegwenzi legali tal-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru wieħed li ma tkunx marbuta mal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil ġdida fi Stat Membru ieħor.

32.

Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-konsegwenzi tal-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil waħda ma humiex ikkunsidrati speċifikament fir-Regolament Nru 343/2003 huwa attribwibbli għall-fatt li f’dak il-każ ma jistax ikun hemm kunflitt ta’ kompetenza. Minn dan, madankollu, ma jistax jiġi dedott li l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil minn persuna li qed tfittex l-ażil, li ma ppreżentat l-ebda applikazzjoni għall-ażil addizzjonali, jista’ fih innifsu jrriżulta biex ir-Regolament Nru 343/2003 ikun mhux applikabbli.

33.

Huwa minnu li l-ipotesi li r-Regolament japplika biss fil-każ tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil u li l-ħtieġa korrispondenti għall-protezzjoni min-naħa tal-applikant tgħib meta jagħmilha ċara, permezz tal-irtirar tal-applikazzjoni tiegħu, li ma għadux ifittex protezzjoni inizjalment tidher plawsibbli. Dan hu iżjed minnu peress li l-fatt li tali sensiela ta’ ċirkustanzi ma tissemmiex jista’ jwassal għall-konklużjoni li, mill-perspettiva ta’ loġika, ir-regolament iċċitat iktar ’il fuq ma huwiex applikabbli f’każ bħal dan.

34.

Madankollu, jirriżulta mill-kuntest ġenerali tar-regoli dwar il-proċeduri għall-ażil, li, bħala prinċipju, il-konklużjoni definittiva ta’ proċedura għall-ażil biss tista’ twassal biex titneħħa r-responsabbiltà mogħtija darba lil Stat Membru. Barra minn hekk, tali konklużjoni definittiva ma tistax tiġi preżunta li diġà seħħet ladarba ċittadin ta’ pajjiż terż ma jkomplix bl-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, iżda biss meta l-awtorità responsabbli fi Stat Membru tkun waslet għal deċiżjoni finali.

35.

Il-kliem tar-Regolament Nru 343/2003 innifsu huwa favur din l-intepretazzjoni.

36.

Id-definizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 343/2003, tat-terminu “irtirar tal-applikazzjoni għall-ażil” tfisser l-azzjonijiet li bihom l-applikant għall-ażil jittermina l-proċeduri mibdija permezz tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, “skond il-liġi nazzjonali”, jew b’mod espress jew taċitu, turi li dikjarazzjoni ta’ rtirar tista’ ġġib fi tmiemha l-proċedura biss jekk tikkonforma mad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti. Peress li dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/85, ir-risposta għad-domanda dwar l-effetti tal-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil dwar l-applikabbiltà u l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 tirriżulta biss minn evalwazzjoni generali ta’ dak ir-regolament b’rabta mad-Direttiva 2005/85.

37.

Skont id-Direttiva tal-Kunsill 2005/20/KE, ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għall-ażil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li jinsab illegalment fit-territorju tal-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva li fir-rigward tal-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt li tibqa’ fil-pajjiż bħala persuna li tfittex l-ażil, tkun daħlet fis-seħħ ( 20 ).

38.

Hemm bżonn ta’ deċiżjoni mill-awtoritajiet responsabbli fi Stat Membru sabiex ikun hemm tali deċiżjoni definittiva. Fil-każ ta’ rtirar espliċitu tal-applikazzjoni għall-ażil, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2005/85 jipprovdi li, sa fejn l-Istati Membri jipprovdu għall-possibbiltà ta’ rtirar espliċitu tal-applikazzjoni taħt id-dritt nazzjonali, għandu jiġi żgurat li l-awtorità determinanti, f’każ fejn applikant għall-ażil b’mod espliċitu jirtira l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-ażil, tieħu deċiżjoni li jew twaqqaf l-eżami jew li tiċħad l-applikazzjoni. Bl-istess mod, deċiżjoni meħuda mill-awtorità determinanti li jew tiċħad l-applikazzjoni jew li formalment ma tkomplix l-eżami hija meħtieġa fil-każ fejn l-applikazzjoni għall-ażil hija impliċitament irtirata skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2005/85.

39.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-dikjarazzjoni ta’ rtirar minn min ifittex l-ażil fiha nnifisha ma twassalx għal terminazzjoni tal-proċedura għall-ażil. Biex isir dan, huwa meħtieġ bil-kontra, li l-awtorità determinanti tal-Istat Membru responsabbli f’kull każ tieħu deċiżjoni korrispondenti. Dan loġikament jirrikjedi, madankollu, li l-awtorità determinanti responsabbli xorta tista’ tiġi ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 343/2003, minkejja d-dikjarazzjoni ta’ rtirar.

40.

Fir-rigward tar-rilevanza tal-għeluq tal-proċedura għall-ażil, minn aspett amministrattiv u legali, fil-każ ta’ rtirar volontarju ta’ applikazzjoni għall-ażil, il-Kummissjoni diġà indikat fl-ewwel proposta tagħha għad-Direttiva 2005/85 li dan l-għeluq biss jista’ jippermetti lil Istati Membri biex isibu l-informazzjoni meħtieġa f’sitwazzjonijiet fejn l-applikant jerġa’ jitfaċċa fl-istess Stat Membru jew fi Stat Membru ieħor u tqum il-kwistjoni tar-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni ġdida ( 21 ).

41.

Anki wara konsultazzjoni bir-reqqa u wara li jkunu nstemgħu l-Istati Membri kollha, dik il-kunsiderazzjoni baqgħet sinjifikattiva mhux biss fil-proposta sostanzjalment emendata tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002 għal direttiva, iżda ġiet ukoll enfasizzata fin-noti ta’ spjegazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet proposti tad-direttiva fejn ġie meqjus imperattiv għal raġunijiet ta’ effiċjenza li jiġu stabbiliti standards ċari u preċiżi dwar x’għandu jsir meta l-proċeduri jiġu interrotti jew maqtugħa — kemm b’konsegwenza ta’ rtirar espliċitu (Artikolu 19) jew minħabba raġunijiet oħra (Artikolu 20) — u li dawn l-istandards għaldaqstant, b’mod eżawrjenti jiddeskrivu l-possibbiltajiet proċedurali miftuħa għall-Istati Membri. Id-Direttiva għaldaqstant toffri għażla lill-Istati Membri dwar jekk jagħżlu li ma jkomplux l-eżami jew jiċħdu l-applikazzjoni fil-każ fejn l-applikant ikun jixtieq jirtira l-applikazzjoni tiegħu ( 22 ).

42.

Dik il-kunsiderazzjoni ġiet inkluża fl-Artikoli 19 u 20 tad-Direttiva 2005/85, li, barra minn hekk, tipprovdi għall-possibbiltà ta’ proċeduri speċifiċi għal applikazzjonijiet sussegwenti wara rtirar li inizjalment kien sar skont l-Artikolu 24(1)(a), moqri flimkien mal-Artikolu 32 et seq. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 34, jobbligaw lil persuna li tfittex l-ażil li tippreżenta applikazzjoni sussegwenti sabiex tindika l-fatti u tissostanzja l-provi li jiġġustifikaw proċedura ġdida, u anki wkoll — b’deroga mill-Artikolu 12 — jaslu għal deċiżjoni mingħajr ma jisimgħu l-applikant.

43.

Jekk il-persuna li tfittex l-ażil tingħata l-possibbiltà li tirtira l-applikazzjoni tagħha mingħajr ebda konsegwenzi fil-kuntest tar-Regolament Nru 343/3003, dan ikun inkompatibbli mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2005/85 dwar il-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil suċċessivi u l-konsegwenzi legali, li jirriżultaw minn dawn ir-regoli, għal applikazzjonijiet sussegwenti possibbli.

44.

Din l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, li l-persuna li tfittex l-ażil ma tistax unilateralment tinfluwenza r-regoli għall-għoti ta’ responsabbiltà stabbiliti f’dak ir-regolament billi tirtira l-applikazzjoni tagħha, tikkorrispondi wkoll mal-istruttura u l-għan tar-Regolament li jiġu stabbiliti l-oqsma ta’ kompetenza ta’ Stat Membru mill-iktar fis possibbli abbażi biss tal-kriterji oġġettivi u għaldaqstant titneħħa kwalunkwe influwenza li l-persuna li tfittex l-ażil jista’ jkollha, f’dak ir-rigward, permezz tal-preżentazzjoni ta’ iżjed minn applikazzjoni waħda.

45.

Ikun kontra l-għanijiet tar-regolament iċċitatat iktar ’il fuq li applikant għall-ażil jista’ jkollu influwenza fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu billi jippreżenta kontinwament applikazzjonijiet ġodda filwaqt li jirtira l-applikazzjonijiet preċedenti tiegħu minkejja li r-Regolament Nru 343/2003 kellu preċiżament bħala għan li jipprevjeni din is-sitwazzjoni. F’dan il-kuntest, nagħmel riferiment għar-regola fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 343/2003, li tipprovdi li, meta r-responsabbiltà ma tistax tiġi ddeterminata abbażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-regolament, l-Istat Membru li fih ġiet ippreżentata l-ewwel applikazzjoni għall-ażil għandu jkun responsabbli mill-eżami tagħha. Il-leġiżlatur konsegwentement, ippreveda l-possibbiltà li l-Istat Membru responsabbli ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat minkejja l-kriterji ta’ eżami kollha li jinsabu f’dan ir-regolament u ppreveda f’dan il-każ regola ta’ kompetenza sussidjarja. Kieku l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 343/2003 kellha tispiċċa kull meta applikazzjoni tiġi rtirata, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-persuna li tfittex l-ażil tkun kapaċi tiddetermina l-Istat Membru responsabbli permezz tal-għażla tal-post ta’ residenza tagħha. Barra minn hekk, l-għan ta’ proċessar bil-ħeffa permezz ta’ determinazzjoni malajr tal-Istat Membru responsabbli ma jkunx jista’ jintlaħaq.

46.

F’dan il-kuntest, riferiment għandu jsir ukoll għall-problemi marbuta mar-responsabbiltà għar-ritorn ta’ persuna li qabel kienet qed tfittex l-ażil. Mir-Regolament Nru 343/2003 jirriżulta li l-Istat Membru responsabbli għall-eżemi ta’ applikazzjoni għall-ażil, jibqa’, bħala prinċipju, responsabbli għar-ritorn tal-persuna li qabel kienet qed tfittex l-ażil wara — kemm jekk espliċita jew taċita — dikjarazzjoni ta’ rtirar tal-applikazzjoni għall-ażil mill-persuna li tfittex l-ażil u l-azzjoni konklużiva korrispondenti min-naħa tal-awtorità responsabbli fl-Istat Membru kkonċernat.

47.

Ir-regola fl-Artikolu 16(1)(e) tar-Regolament Nru 343/2003 għaldaqstant tagħmilha ċara li, minkejja l-konklużjoni tal-applikazzjoni għall-ażil permezz ta’ deċiżjoni negattiva finali, l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil huwa obbligat li jieħu lura persuna li qabel kienet qed tfittex l-ażil jekk din tkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr permess. Dak l-obbligu jieqaf biss, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 343/2003, jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun irċieva dokument ta’ residenza minn Stat Membru ieħor (Artikolu 16(2)), jekk ikun ħalla t-territorju tal-Istati Membri għall-inqas għal tliet xhur mingħajr pussess ta’ dokument ta’ residenza validu (Artikolu 16(3)) jew meta l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni jkun adotta u attwalment implementa, wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni, id-dispożizzjonijiet li huma meħtieġa sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jista’ jmur fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu jew f’pajjiż ieħor li lejh jista’ jivvjaġġa legalment (Artikolu 16(4)).

48.

F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 343/2003 essenzjalment adotta l-kunċett tal-Konvenzjoni ta’ Dublin tal-15 ta’ Ġunju 1990, fejn, f’qasam li fih il-moviment liberu tal-persuni huwa ggarantit skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, kull Stat Membru huwa responsabbli fir-rigward tal-Istati Membri l-oħra għall-azzjonijiet tiegħu fil-qasam tad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għandu jġorr il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu fl-ispirtu ta’ solidarjetà u l-kooperazzjoni b’bona fide. Il-kriterji ewlenin għall-allokazzjoni tar-responsabbiltà, u l-ordni ġerarkika li fiha huma ppreżentati, jirriflettu dan l-approċċ ġenerali billi jqiegħdu l-oneru tar-responsabbiltà fuq l-Istat Membru li, billi jkun ħariġlu viża jew dokument ta’ residenza, peress li kien negliġenti fil-kontroll tal-fruntieri jew peress li jkun daħħlu mingħajr viża, kellu l-ikbar sehem biex l-applikant daħal jew beda jirrisjedi fit-territorji tal-Istati Membri. Qed jiġi ddisinjat it-tieni grupp ta’ kriterji li jiżguraw li jiġu mfassla l-konsegwenzi dwar in-nuqqas ta’ Stat Membru li jonora l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ( 23 ).

49.

Minn dan, huwa ċar li l-istabbiliment ta’ responsabbiltà ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ Stati Membri oħra b’rabta ma’ persuna li tfittex l-ażil huwa fattur ta’ konnessjoni kruċjali għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 fid-dawl tal-prinċipju inizjatur (Veranlasserprinzip). Dan jippermetti l-prinċipju fejn l-Istat Membru individwali jaċċetta r-responsabbiltà fir-rigward tal-Istati Membri l-oħra għall-azzjonijiet tiegħu b’rabta mad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ( 24 ).

50.

Ir-responsabbiltà taħt il-prinċipju inizjatur hija supplimentata bid-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, ( 25 ) fejn ir-regoli għar-ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab illegalment fil-pajjiż huma stabbiliti flimkien mar-regoli li jkopru l-każ li fih dan ir-ritorn ma huwiex possibbli għal xi raġuni partikolari. Il-fatt li regoli speċifiċi għat-teħid ta’ responsabbiltà ma għadhomx ipprovduti f’dan il-kuntest jagħmel dejjem iżjed ċar li r-Regolament Nru 343/2003 għadu wkoll applikabbli f’dak l-istadju tal-proċedura.

51.

Bħala konklużjoni, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil minn persuna li qed tfittex l-ażil li ppreżentat applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru wieħed biss, fih innifsu, ma jaffettwax la l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 343/2003 u lanqas id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ dik l-applikazzjoni skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament.

B – It-tieni domanda preliminari

52.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tfittex kjarifika dwar jekk iż-żmien li fih l-applikazzjoni għall-ażil ġiet irtirata minn persuna li tfittex l-ażil huwiex rilevanti, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-konsegwenzi legali ta’ dak l-irtirar fid-dawl tar-Regolament Nru 343/2003.

53.

Dik id-domanda preliminari tista’ minnufih tiġi risposta fin-negattiv. Mill-osservazzjonijiet tiegħi jirriżulta li l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil minn persuna li tfittex l-ażil li tkun ippreżentat applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru wieħed biss ma jaffettwax, fih innifsu, la l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 u lanqas id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ dik l-applikazzjoni skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament. Dan huwa hekk irrispettivament mill-istadju tal-proċedura li fih jitħabbar l-irtirar.

VII – Konklużjoni

54.

Skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari b’dan il-mod:

L-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil minn persuna li qed tfittex l-ażil li ppreżentat applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru wieħed biss, fih innifsu, ma jaffettwax la l-applikabbiltà tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, lanqas id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ dik l-applikazzjoni skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament. Dan huwa hekk irrispettivament mill-istadju tal-proċedura li fih jitħabbar l-irtirar.


( 1 ) Lingwa Oriġinali: l-Isvediż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109.

( 3 ) ĠU L 175M, p. 168

( 4 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, MSD Sharp & Dohme (C-316/09, Ġabra p. I-3249, punt 21), u tat-30 ta’ Novembru 2006, Brünsteiner u Autohaus Hilgert (C-376/05 u C-377/05, Ġabra p. 11383, punt 26)

( 5 ) Sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2000, KVS International (C-301/98, Ġabra p. I-3583, punt 21), tat-23 ta’ Novembru 2006, ZVK, C-300/05, Ġabra p. I-11169, punt 15), u tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian et (C-19/08, Ġabra p. I-495, punt 34).

( 6 ) Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, COM (2001) 447 finali.

( 7 ) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka inizjalment ma ħaditx sehem fir-Regolament Nru 343/2003 (ara l-premessa 18), madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ġie estiż għad-Danimarka permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil iddepożitata fid-Danimarka jew f’xi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u “Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU L 135M, p. 75). Xi terzi pajjiżi pparteċipaw ukoll taħt ftehim internazzjonali fis-sistema tal-UE għad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għall-applikazzjonijiet għall-ażil, b’eżempju wieħed ikun il-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU 2008 L 53, p. 5).

( 8 ) Ara l-punt 3.1. tal-proposta għal Regolament, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

( 9 ) Ara, f’dan ir-rigward, M. Hermann f’K. Hailbronner, (ed.), EU Immigration and Asylum Law, München 2010, Kummentarju dwar ir-Regolament Nru 343/2003, Artikolu 1, punt 20 et seq, C. Filzwieser u A. Sprung, Dublin II-Verordnung, Das Europäische Asylzuständigkeitssystem, it-Tielet Edizzjoni 2010, Artikolu 3, punt K6, B. Huber u R. Göbel-Zimmermann, , Ausländer- und Asylrecht, it-Tieni Edizzjoni, München 2008, punt 1885.

( 10 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 26.

( 11 ) ĠU C 254, p. 1.

( 12 ) Għal analiżi ġenerali ta’ kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data u tal-kuntest tal-ġbir ta’ data personali fid-databases Eurodac, ara H. Hofmann, G. Rowe u A. Türk, Administrative Law and Policy of the European Union, Oxford 2011, p. 480 et seq.

( 13 ) Ara r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tas-Sistema ta’ Dublin, COM(2007) 299 finali, punt 2.1, M. Hermann, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, Artikolu 1, punt 46.

( 14 ) B. Huber u R. Göbel-Zimmermann, , iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 1904, K. Hailbronner., Asyl- und Ausländerrecht, it-Tieni Edizzjoni, Stuttgart 2008, punt 46, u C. Filzwieser u A. Sprung, , iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, Artikolu 9, punt K2.

( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima“Asile” (punt 46) f’D. Alland u C. Chassin, Répertoire de droit international.

( 16 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96.

( 17 ) Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar standards minimi fuq proċeduri fi Stati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ status ta’ refuġjat, COM(2000) 578 final, punt 2 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni.

( 18 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, B. Huber u R. Göbel-Zimmermann, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 1885, u J. Bergmann, f’Renner, Ausländerrecht, id-Disa’ Edizzjoni, 2011, punt 130.

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat, COM(2008) 820 finali, b’mod partikolari l-punt 3 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni.

( 20 ) Ara l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll il-premessa 3 ta’ din id-direttiva. Ara wkoll il-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).

( 21 ) Ara l-proposta għal direttiva, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 (noti ta’ spjegazzjoni dwar l-ex Artikolu 16 tal-proposta).

( 22 ) Proposta emendata tad-Direttiva tal-Kunsill dwar standards minimi li jikkonċernaw il-proċedura ta’ għoti u ta’ rtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri (COM(2002) 326 finali, noti ta’ spjegazzjoni fuq l-Artikolu 19).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 3.1. tal-memorandum ta’ spjegazzjoni).

( 24 ) Ara n-noti ta’ spjegazzjoni dwar l-Artikolu 9. Ara wkoll il-Proposta għal Regolament iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 (punt 3 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni).

( 25 ) ĠU L 348, p. 98.