KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012 ( 1 )

Kawża C-556/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Direttiva 91/440/KEE — Żvilupp ta’ linji tal-ferrovija Komunitarji — Direttiva 2001/14/KE — Allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja — Artikolu 6(3) u Anness II tad-Direttiva 91/440 — Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14 — Amministratur tal-infrastruttura — Indipendenza fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali — Struttura ta’ holding — Artikoli 7(3) u 8(1) tad-Direttiva 2001/14 — Iffissar ta’ tariffi fuq il-bażi ta’ spejjeż diretti — Impożizzjoni ta’ tariffi — Spejjeż diretti — Spejjeż totali — Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 — Nuqqas ta’ mekkaniżmu li jagħti inċentiv għat-tnaqqis tal-ispejjeż — Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2001/14 u l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 — Korp regolatorju — Kompetenzi”

I – Introduzzjoni

1.

Permezz ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440/KEE ( 2 ), kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”), l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE ( 4 ), kif emendata bid-Direttiva 2004/49/KE ( 5 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”), l-Artikoli 6(2), 7(3), 8(1) tad-Direttiva 2001/14 kif ukoll l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2001/14, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jiġi miċħud.

2.

Din il-kawża hija waħda minn għadd ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 6 ) li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fl-2010 u fl-2011, u li jirrigwardaw l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttivi 91/440 u 2001/14, li s-suġġett prinċipali tagħhom huwa l-aċċess ġust u nondiskriminatorju ta’ impriżi ferrovjarji għall-infrastruttura, jiġifieri għan-netwerk ferrovjarju. Dawn ir-rikorsi huma mingħajr preċedent, u joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità għall-ewwel darba li tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar il-liberalizzazzjoni tal-linji tal-ferrovija fl-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari li tinterpreta l-hekk imsejjaħ “l-ewwel pakkett ferrovjarju”.

3.

Fir-rigward tal-ewwel ilment dwar l-indipendenza meħtieġa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali, jidhirli li l-kwistjonijiet ġuridiċi relatati mad-dritt tal-Unjoni f’din il-kawża huma mutatis mutandis l-istess bħal dawk fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-555/10), peress li ż-żewġ Stati Membri adottaw il-mudell tal-kumpannija holding, fejn il-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura huma ddelegati lil kumpannija separata fi ħdan grupp ta’ kumpanniji li jinkludi wkoll l-impriżi ferrovjarji. Għal din ir-raġuni, l-argumentazzjoni ġuridika ppreżentata fil-konklużjonijiet tiegħi f’din l-imsemmija kawża, li ġew ippreżentati llum, hija applikabbli wkoll fil-kuntest ta’ din il-kawża, minkejja ċerti differenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-gruppi ta’ kumpanniji.

4.

Min-naħa l-oħra, l-ilmenti l-oħrajn imressqa mill-Kummissjoni ma jinstabux fir-rikorsi l-oħrajn dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu msemmija hawn fuq.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

5.

Ir-raba’ premessa tad-Direttiva 91/440 tipprovdi:

“[...] l-iżvilupp fil-ġejjieni u t-tħaddim effiċjenti tas-sistema tal-ferrovija tista’ teħfief jekk issir kull distinzjoni bejn il-ħolqien tas-servizzi tat-trasport u t-tħaddim ta’ l-infrastruttura; [...] minħabba din is-sitwazzjoni, jeħtieġ li dawn iż-żewġ attivitajiet ikunu mmexxija b’mod separat u jkollhom żewġ kontijiet separati”.

6.

L-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 91/440 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jassiguraw li accounts ta’ profitt u telf u paġni tal-bilanċ jinżammu u jkunu ppubblikati, minn naħa għall-kummerż relatat mal-provediment ta’ servizzi ta’ trasport minn impriżi ferrovjarji u, minn naħa l-oħra, għall-kummerċ relatat ma’ l-immaniġġjar ta’ l-infrastruttura ferrovjarja. Fondi pubbliċi mħallsa lil waħda minn dawn iż-żewġ oqsma ta’ attività ma jistgħux jiġu trasferiti lill-oħra.

Ir-rendikonti għaż-żewġ oqsma ta’ attività jridu jinżammu b’tali mod li jirriflettu din il-projbizzjoni.

2.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu lok li din il-firda titlob ukoll l-organizzazzjoni ta’ firdiet distinti bejn kull impriża jew li l-infrastruttura tkun immexxija minn kull entità separata.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li l-funzjonijiet li jiddeterminaw aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura, elenkati fl-Anness II, jkunu fdati lill-korpi jew lid-ditti li ma jipprovdux huma stess xi servizzi ta’ trasport ferrovjarju. Irrispettivament mill-istrutturi organizzattivi, irid jinwera li dan l-oġġettiv jkun inkiseb.

L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jassennjaw lill-impriżi ferrovjarji jew lil kwalunkwe korp ieħor il-ġbir tal-ħlasijiet [tariffi] u r-responsabbiltà ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja, bħall-investiment, il-manutenzjoni u l-iffinanzjar.”

7.

L-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għar-regolamenti Komunitarji u nazzjonali li jirrigwardaw il-politika ta’ kompetizzjoni u l-istituzzjonijiet b’responsabbiltà f’dak il-qasam, il-korp regolatorju stabbilit taħt l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2000/14/KE, jew kwalunkwe korp ieħor li jgawdi l-istess grad ta’ indipendenza għandu jissorvellja l-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, inkluż is-suq tat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija.

Dak il-korp għandu jkun stabbilit skont ir-regoli tal-Artikolu 30 (1) tal-imsemmija Direttiva. Kull applikant jew parti interessata tista’ tippresenta lment ma’ dan il-korp jekk iħoss li jkun ġie trattat inġustament, kien soġġett għal diskriminazzjoni jew ġie b’xi mod inġurjat. Fuq il-bażi ta’ l-ilment u, fejn xieraq, fuq l-inizzjattiva tiegħu stess, il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi kemm jista’ jkun malajr dwar miżuri xierqa biex jiġu ikkoreġuti xi żviluppi mhux mixtieqa f’dawn is-swieq. Sabiex jassigura l-possibbiltà meħtieġa ta’ kontroll ġudizzjarju u l-kooperazzjoni rekwiżita bejn il-korpi regolatorji nazzjonali, l-Artikolu 30 (6) u l-Artikolu 31 ta’ l-imsemmija Direttiva għandhom japplikaw f’dan il-kuntest.”

8.

L-Anness II tad-Direttiva 91/440 jelenka l-funzjonijiet essenzjali msemmija fl-Artikolu 6(3):

preparazzjoni u teħid tad-deċiżjonjiet relatati ma’ l-illiċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji inklużi l-għoti ta’ liċenzi individwali,

it-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ l-allokazzjoni ta’ passaġġi [mogħdijiet] inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ passaġġi [mogħdijiet] tal-ferrovija individwali,

it-teħid ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ l-iċċarġjar [impożizzjoni ta’ tariffi] ta’ l-infrastruttura,

l-osservanza tas-sorveljanza ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku meħtieġa fil-provvista ta’ċerti servizzi”.

9.

Il-premessi 7, 11, 16, 20, 21, 25, 32 sa 40, 42 u 44 tad-Direttiva 2001/14 jiddikjaraw l-għanijiet tad-direttiva kif ġej:

“(7)

L-inkoraġġiment ta’ l-użu ottimu ta’ l-infrastruttura tal-ferroviji jwassal għal tnaqqis fl-ispiża tat-trasport għas-soċjetà.

[...]

(11)

Il-piżijiet [Is-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] u skemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw sa fejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju.

[...]

(16)

Piżijiet [Is-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] u skemi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità għandhom jippermettu kompetizzjoni ġusta fid-disposizzjoni ta’ servizzi tal-ferroviji.

[...]

(20)

Huwa xieraq li jingħata grad ta’ flessibbiltà lil amministraturi tal-infrastruttura sabiex ikun possibbli użu iktar effiċjenti tan-network ta’ l-infrastruttura.

(21)

L-iskemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità u l-piżijiet [Is-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] jista’ jkollhom jieħdu kont tal-fatt li komponenti differenti tan-network ta’ l-infrastruttura tal-binarji setgħu kienu ddiżinjati b’fi ħsiebhom utenti prinċipali differenti.

[...]

(25)

Il-piżijiet [Is-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] u l-iskemi ta’ l-allokazzjoni tal-kapaċità għandhom jieħdu kont ta’ l-effetti ta’ saturazzjoni dejjem tiżdied tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura u fl-aħħar, is-skarsezza tal-kapaċità.

[...]

(32)

Huwa importanti li jiġu minimiżżati d-distorzjonijiet li jistgħu tal-kompetizzjoni li jistgħu iqumu jew bejn infrastrutturi tal-binarji jew bejn modi tat-trasport, minn differenzi sinifikanti fil-prinċipji tat-tqegħid tal-piżijiet [sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi]

(33)

Huwa xieraq li jiġu definiti dawk il-komponenti tas-servizz ta’ l-infrastruttura li huma essenzjali biex jippermettu lil operatur li jipprovdi servizz u li għandhom jingħataw għal piżijiet [tariffi] ta’ aċċess minimi.

(34)

Investiment fl-infrastruttura tal-ferroviji huwa xieraq u l-iskemi għat-tqegħid tal-piżijiet [sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] għandhom jipprovdu inċentivi għal amministraturi ta’ l-infrastruttura meta jkunu ekonomikament ta’ attrazzjoni.

(35)

Kull skema għat-tqegħid tal-piżijiet [sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] tibgħat sinjali ekonomiċi lil utenti. Huwa importanti li dawk is-sinjali għal impriżi ferrovjarji huma konsistenti u jwassluhom biex jagħmlu deċiżjonijiet razjonali.

(36)

Sabiex ikun possibbli l-istabbiliment ta’ livelli approprjati u ġusti ta’ piżijiet [tariffi] ta’ l-infrastruttura, amministraturi ta’ l-infrastruttra jeħtieġu jirreġgistraw u jistabilixxu l-valutazzjoni ta’ l-assi tagħhom u jiżviluppaw fehma ċara tal-fatturi tal-prezz fl-operazzjoni ta’ l-infrastruttura.

(37)

Huwa mixtieq li jiġi assigurat li jittieħed kont ta’ spejjeż esterni fid-deċiżjonijiet tat-trasport.

(38)

Huwa importanti li jiġi assigurat li piżijiet [tariffi] għat-traffiku internazzjonali huma tali li jippermettu lill-ferroviji jissodisfaw il-bżonnijiet tas-suq. Konsegwentement il-piżijiet [tariffi] ta’ l-infrastruttura għandhom jiġu stabbiliti bil-prezz li hu direttament akkumulat bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija.

(39)

Il-livell globali ta’ rkupru tal-prezz permezz ta’ piżijiet [impożizzjoni ta’ tariffi] tal-infrastruttura jaffettwa l-livell neċessarju ta’ kontribuzzjoni tal-gvern. [L-Istati] Membri jistgħu jeħtieġu livelli differenti ta’ rkupru globali tal-prezz permezz ta’ piżijiet [impożizzjoni ta’ tariffi] li jinkludu mark-ups jew rata ta’ ritorn li s-suq jiflaħ għalihom waqt li jibbilanċja l-irkupru tal-prezz ma’ kompetittivitàa intermodali ta’ merkanzija tal-ferrovija. Madanakollu huwa mixtieq għal kull skema ta’ piżijiet [sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] ta’ l-inrastruttura biex tippermetti lit-traffiku juża n-network tal-ferrovija li jista’ ta’ l-inqas iħallas għall-prezz addizzjon[a]li li jimponi.

(40)

[L-i]nfrastruttura tal-ferroviji hija monopolju naturali. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu provduti amministraturi ta’ l-infrastruttura b’inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż u jamministraw l-infrastruttura tagħhom b’mod effiċjenti.

[...]

(42)

[It-tnaqqis awtorizzat] għal impriżi ferrovjarji għandhom jirrelataw għal tfaddil amministrattiv tal-prezz esperjenzat. Jistgħu ukoll jintużaw [tnaqqis] biex jippromwovu l-użu effiċjenti ta’ l-infrastruttura.

[...]

(44)

L-allokazzjoni tal-kapaċità hija assoċjata ma’ spiża għall-amministratur, li għandu jkun meħtieġ ħlas għaliha.”

10.

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet, deskritti f’ dan il-Kapitolu, ta’ xort’ oħra mill-ġbir tal-piżijiet [tariffi] għandhom jitwettqu minn korp tal-piżijiet [impożizzjoni ta’ tariffi] li hu indipendenti fil-forma legali, fl-organizzazzjoni u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji.”

11.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu kundizzjonijiet, inlużi meta approprjat ħlasijiet bil-quddiem, biex jaċċertaw li, taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’terminu raġonevoli, il-kontijiet ta’ amministratur ta’ l-infrastruttura għandhom għall-inqas jibbilanċjaw dħul minn piżijiet [tariffi] ta’ l-infrastruttura, iż-żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn u fondi mill-Istat fuq naħa waħda, u spejjeż tal-infrastruttura oħrajn fuq l-oħra.

Bla ħsara għall-iskop possibbli fit-tul ta’ koperta ta’ l-utent ta’ l-ispejjeż tal-infrastruttura għall-modi kollha tat-trasport abbażi ta’ kompetizzjoni ġusta, kompetizzjoni non-diskriminatorja bejn il-modi varji, meta t-trasport bil-ferrovija jista’ jikkompeti ma’ modi oħrajn tat-trasport, fil-qafas tat-tarifffi ta’ l-Artikoli 7 u 8, Stat Membru jista’ jeħtieġ lill-amministratur ta’ l-infrastruttura jibbilanċja l-kontijiet tiegħu mingħa[j]r fondi ta’ l-Istat.

2.   Amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom, b’konsiderazzjoni xierqa għas-sigurtà u għall-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-servizz ta’ l-infrastruttura, jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura ta’ l-infrastruttura u l-livell ta’ piżijiet [tariffi] ta’ l-aċċess.

3.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-disposizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 tiġi implimentata, jew permezz ta’ ftehim kontrattwali bejn l-awtorità kompetenti u l-amministraturtitur ta’ l-infrastruttura li jkopri terminu ta’ mhux inqas minn tliet snin li jipprovdi għal fondi mill-Istat jew permezz ta’ l-istabbiliment ta’ miżuri regolatorji xierqa b’ poteri adegwata.

[…]

5.   Metodu għall-apporzjonament ta’ l-ispejjeż għandu jiġi stabbilit. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu approvazzjoni minn qabel. Dan il-metodu għandu jiġi aġġornat minn żmien għal żmien għall-aħjar prattika internazzjonali.”

12.

L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet [tariffi] għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi għandhom jiġu stabbiliti a bażi ta’ l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija.”

13.

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi skont kif ġej:

“Sabiex ikun hemm rkupru sħiħ ta’ l-ispejjeż magmula mill-amministratur ta’ l-infrastruttura, Stat Membru jista’, jekk is-suq jiflaħ dan, jimponi mark-ups fuq bażi ta’ prinċcipji effiċjenti, trasparenti u non-diskriminatorji, waqt li jiggarantixxu kompetitività ottima partikolarment ta’ merkanzija internazzjonali bil-ferrovija. Is-sistema tal-piżijiet [tat-tariffi] [għandha] tirrispetta ż-żidiet akkwistati minn impriżi tal-ferroviji.

Iżda l-livell tal-piżijiet [tat-tariffi] m’għandux jeskludi l-użu ta’ infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu iħallsu għall-inqas l-ispejjeż magħmula direttament b’riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija, u rata tar-ritorn li jiflaħ għaliha s-suq.”

14.

Skont l-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2001/14:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu qafas għall-allokazzjoni ta’ kapaċità tal-infrastruttura filwaqt li jirrispettaw l-indipendenza amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE. Regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jiġu stabbiliti. L-amministratur tal-infrastruttura għandu jwettaq il-proċessi ta’ l-allokazzjoni tal-kapaċità. Partikolarment, l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jassigura li l-kapaċità tal-infrastruttura tiġi allokata fuq bażi ġusta u non-diskriminatorja u skond il-liġi Komunitarja.

2.   Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet tiegħu ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u deskritti f’dan il-Kapitolu għandhom jitwettqu minn korp ta’ allokazzjoni li huwa indipendenti fil-forma legali, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji.”

15.

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“Korp regolatorju

1.   […] l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp regolatorju. […] Il-korp għandu jiffunzjona skond il-prinċipji delinjati f’dan l-Artikolu meta l-appell u l-funzjonijiet regolatorji jistgħu jiġu attribwiti għal korpi separati.

2.   Applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’ mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew ġie aggravat b’ kwalunkwe mod ieħor, u partikolarment kontra deċiżjonijiet addottati mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jew meta approprjat, l-impriża tal-ferroviji li tikkonċerna:

[…]

3.   Il-korp regulatorju għandu jassigura li l-piżijiet [t-tariffi] stabbiliti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jikkonformaw mal-Kapitolu II u mhumiex diskriminatorji. […]

4.   Il-korp regolatorju għandu l-awtorità jitlob informazzjoni relevanti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura, applikanti u kull parti terza fl-Istat Membru kkonċernat, li għandha tiġi fornita mingħajr dewmien.

5.   Il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien massimu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha.

Minkejja l-paragrafu 6, deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tkun torbot lill-partijiet kollha koperti minn dik id-deċiżjoni.

[….]”

B – Id-dritt nazzjonali

16.

L-Artikolu 5a(2) tal-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija (Allgemeines Eisenbahngesetz) tas-27 ta’ Diċembru 1993 ( 7 ), emendata bil-liġi tad-29 ta’ Lulju 2009 ( 8 ), jipprovdi:

“Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-mogħdijiet tal-ferrovija jistgħu jieħdu, fir-rigward ta’ dawk li huma marbuta bid-dispożizzjonijiet iċċitati fl-Artikolu 5(1), il-miżuri meħtieġa biex jirrimedjaw il-ksur ikkonstatati u sabiex jipprevjenu ksur fil-futur tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 5(1).”

17.

L-Artikolu 9a(1) tal-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija jipprovdi:

“1)   L-amministraturi pubbliċi tal-linji tal-ferrovija għandhom ikunu indipendenti mill-impriżi tat-trasport ferrovjarju mill-aspett ġuridiku, organizzattiv u deċiżjonali, inkwantu d-deċiżjonijiet inkwistjoni jkunu jirrigwardaw l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija u l-impożizzjoni ta’ tariffi. Sabiex jinkisbu l-għanijiet msemmija fl-ewwel sentenza, hemm lok:

1.

li jiġu sseparati, fi ħdan il-kumpanniji tal-linji tal-ferrovija li huma kemm impriżi tat-trasport ferrovjarju kif ukoll amministraturi tal-linji tal-ferrovija, dawn iż-żewġ attivitajiet b’mod li kull waħda minn dawn l-attivitajiet tiġi fdata lil kumpannija jew kumpanniji separati;

2.

li l-kuntratti konklużi bejn l-amministratur tal-linji tal-ferroviji u terzi jingħataw forma li tiggarantixxi lil dan tal-ewwel l-awtonomija organizzattiva tiegħu;

3.

li d-deċiżjonijiet dwar l-iskeda tas-servizz, l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferroviji u l-impożizzjoni ta’ tariffi jkunu jistgħu jittieħdu biss mill-persunal tal-amministratur tal-linji tal-ferroviji li ma jeżerċitawx funzjonijiet fi ħdan l-impriżi tat-trasport ferrovjarju;

4.

li jitqiesu bħala mhux awtorizzati l-istruzzjonijiet mogħtija minn terzi lill-amministratur tal-linji tal-ferrovija jew lill-persunal tiegħu fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar l-iskeda tas-servizz, l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija u l-impożizzjoni ta’ tariffi;

5.

li jiġu fformulati, miżmuma u ppubblikati, fl-impriżi fis-sens tal-punti 2 u 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(1), regolamenti li jipprekludu lil terzi esterni għall-amministratur tal-linji tal-ferrovija milli jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-iskeda tas-servizz, l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija u l-impożizzjoni ta’ tariffi; dawn ir-regolamenti għandhom b’mod partikolari jelenkaw l-obbligi speċifiċi imposti fuq l-impjegati sabiex jipprekludu l-eżerċizzju ta’ tali influwenza; barra minn hekk, l-amministraturi tal-linji tal-ferrovija huma obbligati, jekk l-awtorità ta’ sorveljanza hekk titlob, li jikkomunikaw lil din tal-aħħar l-isem ta’ rappreżentant li jiżgura l-ħarsien ta’ dawk ir-regolamenti; dan tal-aħħar huwa obbligat li jikkomunika kull sena lill-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti rapport dwar il-problemi li jkunu nqalgħu u l-miżuri meħuda biex dawn jissolvew;

6.

li jiġu nnominati persuni differenti għall-pożizzjonijiet tal-kunsilli ta’ sorveljanza fl-impriżi fis-sens tal-punti 2 u 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(1); b’hekk, il-kunsill ta’ sorveljanza tal-amministratur tal-linji tal-ferrovija la jista’ jinkludi membri tal-kunsilli ta’ sorveljanza tal-impriżi fis-sens tal-punti 2 u 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(1), , u lanqas membri tal-persunal ta’ dawn tal-aħħar; din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għas-sussidjarji l-oħrajn tal-kumpannija parent.”

18.

L-Artikolu 14(4) tal-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija jipprovdi:

“L-amministraturi tal-linji tal-ferrovija għandhom jiffissaw it-tariffi tagħhom b’mod konformi ma’ digriet adottat skont il-punti 6 u 7 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1), b’mod li jpaċu l-ispejjeż imġarrba minnhom għall-provvista ta’ servizzi regolatorji fis-sens tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, flimkien ma’ rata fuq il-qligħ jekk is-suq ikun jiflaħ. B’dan il-mod, huma jistgħu jirċievu mark-ups fuq l-ispiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, waqt li tista’ ssir ukoll distinzjoni skont is-servizzi ta’ trasport għall-passiġġieri fuq distanza twila, trasport għall-passiġġieri fuq distanza qasira jew trasport ta’ merkanzija bil-ferrovija kif ukoll skont is-setturi tas-suq fi ħdan dawk is-servizzi tat-trasport, waqt li tiġi ggarantita l-kompetittività, b’mod partikolari għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bil-ferrovija. Madankollu, il-livell ta’ ħlasijiet [tariffi] ma jistax jeċċedi, fir-rigward tat-tieni fażi, għal settur tas-suq, l-ispiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, flimkien ma’ rata fuq il-qligħ jekk is-suq ikun jiflaħ. Fid-digriet adottat skont il-punti 6 u 7 tal-Artikolu 26(1):

1.   derogi mid-determinazzjoni tal-ammont tal-ħlas[tat-tariffa] skont l-ewwel frażi jistgħu jiġu awtorizzati jekk l-ispejjeż ikunu koperti b’mod ieħor, jew

2.   l-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti tista’ tiġi awtorizzata biex teżenta, permezz ta’ deċiżjoni ġenerali, b’konsultazzjoni mal-Aġenzija Federali tal-Elettriku, tal-Gass, tat-Telekomunikazzjonijiet, tal-Posta u tal-Linji tal-Ferrovija (korp regolatorju), lill-amministraturi kollha tal-linji tal-ferrovija mill-osservanza tar-rekwiżiti ffissati fl-ewwel sentenza.”

19.

L-Artikolu 14c tal-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija jipprovdi:

“(1)   Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, il-korp regolatorju jista’ jieħu, fir-rigward tal-impriżi pubbliċi tal-infrastruttura ferrovjarja, il-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedja għall-ksur ikkonstatat u jipprevjeni ksur fil-futur tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar il-linji tal-ferrovija relatati mal-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja.

(2)   L-entitajiet awtorizzati biex ikollhom aċċess għall-infrastruttura, l-impriżi pubbliċi tal-infrastruttura ferrovjarja u l-persunal tagħhom għandhom jippermettu lill-korp regolatorju u lir-rappreżentanti tiegħu, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom,

1.

li jidħlu fil-postijiet kummerċjali u l-installazzjonijiet fil-ħinijiet ta’ ftuħ normali u

2.

li jikkonsultaw kotba, dokumenti kummerċjali, folji u dokumenti oħrajn u li jżommu kopja tagħhom fuq mezzi tal-informatika adatti.

(3)   L-entitajiet awtorizzati biex ikollhom aċċess għall-infrastruttura, l-impriżi pubbliċi tal-infrastruttura ferrovjarja u l-persunal tagħhom għandhom jipprovdu lill-korp regolatorju u lir-rappreżentanti tiegħu,

1.

kull informazzjoni,

2.

kull prova,

3.

kull mezz u servizz awżiljari meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għan-negozjati, pendenti jew magħluqa, dwar l-ammont ta’ ħlasijiet [tariffi] għall-użu tal-infrastruttura u oħrajn. L-informazzjoni mogħtija għandha tkun preċiża u mogħtija in bona fede. Kull persuna li tkun obbligata li tipprovdi informazzjoni tista’ tirrifjuta li tirrispondi għal domandi meta r-risposta għal dawk id-domandi tesponi lilha jew lil xi wieħed mill-membri nnominati fil-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 383(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, għal riskji ta’ proċeduri penali jew għal proċedura għal ksur amministrattiv.

(4)   Skont din il-liġi, il-korp regolatorju jista’ japplika l-ordnijiet tiegħu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-eżekuzzjoni ta’ miżuri amministrattivi. L-ammont tal-multa jista’ jammonta għal EUR 500 000.”

20.

L-Artikolu 1 tal-kuntratt ta’ teħid ta’ kontroll u ta’ trasferiment ta’ profitti konkluż fl-1 ta’ Ġunju 1999 bejn Deutsche Bahn AG (iktar ’il quddiem “DB”) u Deutsche Bahn Netz AG (iktar ’il quddiem “DB Netz”), jipprovdi, fil-verżjoni tal-ftehim li jemenda tat-2 ta’ Mejju 2005:

“Artikolu 1 Ġestjoni ta’ DB Netz [...]

Ma hemmx deroga mill-prinċipju ta’ indipendenza ġuridika u organizzattiva ta’ DB Netz [...] f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet dwar l-iskeda tas-servizz, għall-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija u l-impożizzjoni ta’ tariffi. DB [...] ma hija ser tagħti ebda struzzjoni li tmur kontra dan il-prinċipju.”

21.

Skont l-Artikolu 4 tar-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Diretturi ta’ DB Netz, emendati b’effett mid-9 ta’ Mejju 2005:

“Artikolu 4 Teħid ta’ deċiżjoni

[...]

3.   Il-membri tal-Bord tad-Diretturi li jeżerċitaw funzjonijiet f’impriżi tat-trasport ferrovjarju b’konnessjoni ma’ DB Netz [...] jew f’impriżi marbuta ma’ dawn tal-aħħar ma għandhomx jieħdu sehem fil-vot meta jadottaw deċiżjonijiet dwar l-iskeda tas-servizz, l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija u l-impożizzjoni ta’ tariffi. Lanqas ma jistgħu jipparteċipaw fit-tħejjija ta’ dawn id-deċiżjonijiet.”

III – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

F’Mejju 2007, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex tivverifika t-traspożizzjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tad-Direttivi dwar l-ewwel pakkett ferrovjarju. L-imsemmi Stat Membru rrisponda b’ittra tal-25 ta’ Settembru 2007, kif ukoll, fuq bażi komplimentari, b’ittra tal-14 ta’ Diċembru 2007.

23.

B’ittra tas-26 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni rrilevat diskrepanzi bejn il-leġiżlazzjoni ferrovjarja Ġermaniża u d-Direttivi 91/440, 95/18/KE ( 9 ), u 2001/14 u intimat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tikkonforma ruħha. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ottubru 2008, dan l-Istat Membru rrisponda għal din l-ittra ta’ intimazzjoni.

24.

B’ittra tal-24 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni oħra lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li permezz tagħha hija akkużatha bi ksur ġdid, ibbażati fuq qari flimkien tad-Direttivi 2001/14 u 91/440 fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura u l-kompetenzi tal-organu regolatorju Ġermaniż. B’ittra tas-17 ta’ April 2009, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrispondiet għal din l-intimazzjoni supplimentari.

25.

B’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fejn hija stiednet lil dan l-Istat Membru biex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ma’ din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika. B’ittra tat-3 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrispondiet għall-opinjoni motivata u kkontestat l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Kummissjoni.

26.

Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors, li wasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Novembru 2010.

27.

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 2011, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Taljana ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

28.

Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Taljana kienu rrappreżentati matul is-seduta li saret fit-23 ta’ Mejju 2012.

IV – Il-motivi u l-argumenti tal-partijiet

A – Fuq l-ewwel ilment dwar l-indipendenza fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali

1. Argumenti tal-partijiet

29.

Il-Kummissjoni ssostni li l-entità li lilha ġie fdat l-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 91/440 għandha tkun indipendenti mhux biss fuq livell ġuridiku, iżda wkoll fuq livell ekonomiku mill-impriża li tipprovdi servizzi ta’ trasport ferrovjarju.

30.

F’dan ir-rigward, hija ssostni li, għalkemm l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 ma jeħtiġx espliċitament li l-entità li lilha ġie fdat l-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali tkun “indipendenti” mill-kumpanniji li jipprovdu s-servizzi ta’ traspost ferrovjarju, it-terminu “impriża” użat f’din id-dispożizzjoni għandu madankollu jiġi interpretat, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala li jkopri l-entitajiet kollha li, għalkemm ma jkunux ġuridikament separati, jaġixxu bħala “unità ekonomika” ( 10 ).

31.

Il-Kummissjoni ssostni sussegwentement li, meta l-funzjonijiet essenzjali jiġu eżerċitati minn kumpannija li tiddependi fuq kumpannija holding ferrovjarja bħal ma huwa l-każ ta’ DB Netz, ikollu jiġi evalwat sa liema grad u taħt liema kundizzjonijiet il-kumpannija sussidjarja, li tkun barra minn hekk l-amministratriċi tal-infrastruttura inkarigata biex teżerċita dawn il-funzjonijiet essenzjali, tista’ titqies bħala “indipendenti” mill-impriża li tipprovdi s-servizzi tat-trasport ferrovjarju (jiġifieri l-kumpannija holding u l-kumpanniji sussidjarji tagħha li jipprovdu s-servizzi ta’ trasport ta’ persuni u merkanzija), minkejja l-appartenenza tagħhom għall-istess grupp.

32.

Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma pprovditx mekkaniżmi effikaċi biex tiggarantixxi l-indipendenza organizzattiva u deċiżjonali tal-amministratur tal-infrastruttura DB Netz u l-eżerċizzju indipendenti minn din tal-aħħar tal-funzjonijiet essenzjali. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-imsemmi Stat Membru b’hekk naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440, kif ukoll taħt l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14.

33.

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-osservanza tal-obbligi ta’ indipendenza għandha tkun suġġetta għal kontroll min-naħa ta’ awtorità indipendenti, bħall-awtorità regolatorja għall-ferroviji, jew minn terz. Il-kompetituri kellu jkollhom il-possibbiltà li jilmentaw fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ indipendenza. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma ġiet osservata mill-Ġermanja.

34.

Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, mill-Artikolu 5a tal-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija jirriżulta li l-Eisenbahn-Bundesamt (Uffiċċju Federali tal-linji tal-ferrovija, iktar ’il quddiem l-“EBA”) huwa awtorizzat biss biex jimplementa dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza li jkunu diġà jinsabu fid-dritt Ġermaniż, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 9a tal-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija. L-EBA ma għandu ebda kompetenza f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ miżuri strutturali, bħall-modifika tal-istruttura organizzattiva tal-kumpannija holding jew deċiżjonijiet dwar l-istruttura organizzattiva tal-amministratur tal-infrastruttura fir-rigward tal-kumpannija holding, jew fir-rigward tas-sostituzzjoni ta’ diriġenti li ma jissodisfawx il-kriterju ta’ indipendenza jew il-bidla ta’ proċessi organizzattivi ta’ amministrazzjoni tal-funzjonijiet essenzjali.

35.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni hija tal-fehma li għandu jkun hemm dispożizzjonijiet legali jew tal-inqas kuntrattwali dwar l-indipendenza fir-relazzjoni bejn il-kumpannija holding u l-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali, bejn din tal-aħħar u impriżi oħrajn tal-grupp li jipprovdu servizzi ferrovjarji, u l-awtoritajiet l-oħrajn li huma kkontrollati mill-imsemmija kumpannija holding, b’mod partikolari l-laqgħa tal-azzjonisti tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali.

36.

Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 9a tal-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija, li fih jinsabu dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-regoli ta’ proċedura tal-kumpannija holding ferrovjarja, bħall-Artikolu 1(3) tal-kuntratt ta’ teħid ta’ kontroll u ta’ trasferiment tal-profitti, li jipprojbixxu lil DB milli tagħti struzzjonijiet li jippreġudikaw l-indipendenza ġuridika u organizzattiva ta’ DB Netz f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet dwar l-iskeda tas-servizz, l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija u l-impożizzjoni ta’ tariffi, huma miżuri ta’ salvagwardja li madankollu ma humiex suffiċjenti fihom infushom biex jiggarantixxu l-indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali, biex jevitaw il-konflitti ta’ interess u biex jilliberaw lill-awtorità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali ta’ kontroll tal-kumpannija holding.

37.

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpannija holding u ta’ impriżi oħrajn ta’ din il-kumpannija holding ma għandhomx jifformaw parti mill-Bord tad-Diretturi tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali.

38.

Fil-fatt, fil-fehma tagħha, huwa diffiċli li jiġi sostnut li l-Bord tad-Diretturi tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali huwa indipendenti mill-aspett deċiżjonali mill-Bord tad-Diretturi tal-kumpannija holding meta ż-żewġ bordijiet huma komposti mill-istess persuni. Il-Kummissjoni tosserva li ebda dispożizzjoni legali ma tipprekludi li tinħoloq sitwazzjoni bħal din.

39.

Fir-raba’ lok, ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi lill-amministraturi tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali u lill-uffiċjali superjuri inkarigati mill-funzjonijiet essenzjali milli jaċċettaw, għal numru raġonevoli ta’ snin wara li jkunu telqu mill-entità kkonċernata, kull impjieg ta’ livell superjuri fi ħdan il-kumpannija holding jew ma’ korpi oħrajn taħt il-kontroll tagħha.

40.

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ma jeżistux fil-Ġermanja u, fil-prattika, għadd kbir ta’ diretturi ta’ DB Netz marru jaħdmu mal-kumpannija holding jew ma’ sussidjarji oħrajn.

41.

Fil-ħames lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Bord tad-Diretturi inkarigat mill-funzjonijiet essenzjali għandu jinħatar skont kundizzjonijiet iddefiniti b’mod ċar u b’impenji ġuridiċi li jiggarantixxu l-indipendenza totali tad-deċiżjonijiet meħuda minnu. Dan għandu jinħatar u jitneħħa taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti.

42.

Fis-sitt lok, il-Kummissjoni ssostni li l-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali għandu jkollha l-persunal tagħha stess u tkun tinsab f’bini separat jew b’aċċess protett. Ir-regoli ta’ proċedura jew il-kuntratti ta’ xogħol għandhom jindikaw b’mod ċar li l-kuntatti mal-kumpannija holding u l-kumpanniji l-oħrajn taħt il-kontroll tagħha huma limitati għall-komunikazzjonijiet uffiċjali marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali. L-aċċess għas-sistemi ta’ informazzjoni għandu jiġi protett b’mod li jiżgura l-indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali.

43.

Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14 ma jeżiġux indipendenza ekonomika kompleta iżda sempliċement indipendenza tal-amministratur mill-infrastruttura fuq livell ġuridiku, organizzattiv jew deċiżjonali, u dan fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet iddefiniti b’mod ċar bħall-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija u l-impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, moqri flimkien mal-Anness II ta’ din id-direttiva.

44.

Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-kriterji ta’ eżami dwar il-prova tal-indipendenza previsti fl-Anness 5 tad-dokument ta’ ħidma SEC(2006) 530 tas-servizzi tal-Kummissjoni ( 11 ) ma jaqblux mad-dispożizzjonijiet vinkolanti rilevanti f’dan il-każ, li jinsabu fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, fl-Anness II tad-Direttiva 91/440 kif ukoll fl-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14. Barra minn hekk, dan id-dokument ma ġiex ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ma jikkostitwixxix att ġuridiku vinkolanti. B’hekk, ma jistax jintuża fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

45.

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kontroll minn awtorità indipendenti, il-Gvern Ġermaniż huwa tal-fehma li, skont il-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija, l-EBA għandha, b’mod partikolari, il-possibbiltà li tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirrimedja l-ksur ikkonstatat u biex tipprevjeni ksur fil-futur ta’ din il-liġi u tad-dispożizzjonijiet li japplikawha. L-EBA jista’ wkoll jordna emendi fir-rigward tar-relazzjoni ġuridika bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-kumpannija holding, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet marbuta mal-organizzazzjoni tal-grupp, meta jkun stabbilit li dawn l-emendi jservu biex jiggarantixxu l-indipendenza tal-funzjonijiet elenkati mil-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija.

46.

Il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll li l-EBA hija obbligata li teżamina l-ilmenti fil-kuntest tal-eżerċizzju normali tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ kompetitur li jikkontesta ġudizzjalment intervent tal-EBA abbażi ta’ allegat ksur ta’ dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni ġuridika huwa, fil-prinċipju, estraneju għas-sistema Ġermaniża tal-protezzjoni amministrattiva tad-drittijiet individwali, li fil-kuntest tagħha jista’ jiġi invokat biss il-ksur ta’ drittijiet pubbliċi suġġettivi, waqt li ċittadin ma għandux il-possibbiltà li jiftaħ proċedura sabiex jikseb applikazzjoni oġġettiva tad-dritt.

47.

Il-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija madankollu tagħti lill-kompetitur mezzi effikaċi biex jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet individwali tiegħu. Il-kompetituri jistgħu jeżiġu wkoll l-intervent tal-Bundesnetzagentur (Aġenzija Federali tan-Netwerks) meta huma jħossuhom leżi fid-dritt tagħhom għal aċċess nondiskriminatorju għall-infrastruttura minn deċiżjonijiet ta’ impriża tal-infrastruttura ferrovjarja. L-interessi tal-kompetituri u, indirettament, dawk tal-kompetizzjoni b’hekk jittieħdu f’kunsiderazzjoni.

48.

Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż isostni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9a tal-liġi ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija jissodisfaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti stipulati mid-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-indipendenza bejn il-kumpannija holding u l-entità inkarigata mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali. Huwa jargumenta li teżisti separazzjoni fuq il-livell tal-kontabbiltà, dak operattiv, u finalment, mil-liġi dwar il-kumpanniji, li twassal biex tiggarantixxi l-indipendenza meħtieġa.

49.

Fit-tielet lok, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Kummissjoni ma tibbaża fuq ebda dispożizzjoni tad-direttivi inkwistjoni biex tikkonkludi li l-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpannija holding u impriżi oħrajn tal-imsemmija kumpannija holding ma għandhomx jiffurmaw parti mill-bord tad-diretturi tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali.

50.

Huwa tal-fehma li l-kuntratt ta’ teħid ta’ kontroll u ta’ trasferiment ta’ profitti u r-regoli ta’ proċedura tal-Bord tad-Diretturi ta’ DB Netz jiggarantixxu kompletament l-indipendenza deċiżjonali ġuridika u organizzattiva ta’ DB Netz f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferroviji u l-impożizzjoni ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura. Barra minn hekk, il-mandati doppji ma jipprekludux l-indipendenza, peress li, skont il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpanniji, kull membru tal-Bord tad-Diretturi huwa obbligat, anki fil-każ ta’ mandat doppju, li jiddefendi l-interessi tal-kumpannija li minnha huwa inkarigat konkretament.

51.

Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ perijodi tranżitorji invokat mill-Kummissjoni, il-Gvern Ġermaniż jirrimarka li la l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, u lanqas l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14 ma jagħtu raġuni ġuridika għal dawk il-perijodi tranżitorji, li lanqas ma huma ġġustifikati mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-linji tal-ferrovija. Il-paragun bejn id-dispożizzjonijiet applikabbli għas-setturi tal-elettriku u tal-gass lanqas ma huwa rilevanti, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati biss riċentement, mingħajr ma ġew adottati għas-settur tal-linji tal-ferrovija.

52.

Fil-ħames lok, il-Gvern Ġermaniż huwa tal-fehma li mid-direttivi tal-ewwel pakkett ferrovjarju ma jirriżultax li l-ħatra u r-revoka tal-membri tal-Bord tad-Diretturi kellhom isiru taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti, li l-Kummissjoni tipprova timponi permezz ta’ applikazzjoni b’analoġija ta’ dispożizzjonijiet ta’ oqsma oħrajn fejn, għall-kuntrarju tas-settur tal-linji tal-ferrovija, jeżistu dispożizzjonijiet espliċiti dwar il-ħatriet.

53.

Fis-sitt lok, il-Gvern Ġermaniż jargumenta li l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-informatika ta’ DB Netz tissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżit ta’ indipendenza ġuridika u organizzattiva f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet determinanti għall-aċċess għal mogħdijiet tal-ferrovija u l-impożizzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura. L-aċċess għal informazzjoni utli hija kkundizzjonata mill-għoti ta’ drittijiet ta’ aċċess minn DB Netz.

54.

Il-Gvern Taljan jintervjeni fil-proċedura biss insostenn tal-argumenti ppreżentati mill-Gvern Ġermaniż fir-rigward tal-kwistjonijiet imqajma mill-ewwel ilment tar-rikors.

55.

Il-Gvern Taljan ifakkar li l-obbligu ta’ separazzjoni previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-funzjonijiet ta’ trasport ferrovjarju u ta’ amministrazzjoni tal-infrastruttura, huwa relatat mal-kontabbiltà.

56.

Huwa jenfasizza li l-Kummissjoni, fir-rigward tal-mudell ta’ kumpannija holding, tiddefendi approċċ kontradittorju peress li dan iwassal għal preżunzjoni ta’ inkompatibbiltà, inkwantu għalkemm huwa rikonoxxut legalment, dan il-mudell ma huwiex kompatibbli mad-direttiva ħlief fil-każ fejn il-kumpannija holding ma jkollhix u ma teżerċitax prerogattivi li normalment ikollha kumpannija holding.

57.

L-intenzjoni tal-leġiżlazzjoni ma kinitx li tintroduċi obbligu li jiġu sseparati l-istrutturi ta’ proprjetà jew ir-reġimi organizzattivi li għandhom effetti ekwivalenti fuq il-livell tal-awtonomija tal-amministrazzjoni, iżda l-intenzjoni kienet li tiġi osservata u ggarantita s-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri u tal-impriżi li jixtiequ jadottaw mudelli ta’ organizzazzjoni ta’ tipi differenti.

58.

Il-Gvern Taljan, kemm fid-dawl tat-test kif ukoll tal-għan tal-leġiżlazzjoni, jikkontesta l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni fejn hija tikkunsidra li l-funzjonijiet essenzjali kellhom jiġu attribwiti lil entitajiet esterni tal-grupp li għalih tappartjeni impriża ferrovjarja.

2. Eżami tal-ewwel ilment

59.

Kif diġà rrilevajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-555/10), ma huwiex possibbli li jiġi dedott mill-obbligu ta’ indipendenza tal-korp inkarigat minn funzjonijiet essenzjali, previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 kif ukoll fl-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14, li jeżisti obbligu għall-Istati Membri li adottaw il-mudell ta’ kumpannija holding, li l-kompatibbiltà tiegħu ma’ dawk ir-rekwiżiti ma hijiex ikkontestata per se mill-Kummissjoni, li jadottaw miżuri leġiżlattivi, regolamentari jew kuntrattwali li jikkorrispondu għall-interpretazzjoni li tinsab fl-Anness 5 tad-dokument ta’ ħidma SEC(2006) 530 tas-servizzi tal-Kummissjoni hawn fuq imsemmi.

60.

Dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni ma jistax jissostitwixxi jew jissumplimenta direttiva u d-dispożizzjonijiet tagħha. Tali dokument jista’ ċertament jesprimi l-opinjoni tal-Kummissjoni jew, b’mod iktar preċiż, dik tas-“servizzi tal-Kummissjoni”, iżda l-valur legali tiegħu, jekk jeżisti, lanqas ma hu komparabbli ma’ dak tal-“komunikazzjonijiet” tal-Kummissjoni, previsti mit-Trattat FUE u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwi kollha. L-obbligi tal-Istati Membri għandhom jirriżultaw mit-test ta’ direttiva, interpretata b’mod konformi mal-għanijiet tagħha ( 12 ).

61.

B’hekk, fil-kuntest ta’ rikors dwar it-traspożizzjoni żbaljata jew inkompleta tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2001/14, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tiġi akkużata li ma adottatx regoli speċifiċi:

intiżi li jippermettu lill-korp regolatorju biex jikkontrolla l-osservanza tal-obbligi ta’ indipendenza tal-korp tal-impożizzjoni ta’ tariffi, jew l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet;

li jipprojbixxu lill-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpannija holding u lil impriżi oħrajn tal-istess kumpannija holding milli jagħmlu parti mill-Bord tad-Diretturi tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali;

li jistabbilixxu perijodi ta’ inkapaċità li jipprojbixxu lill-amministraturi tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali u lill-uffiċjali superjuri inkarigati mill-funzjonijiet essenzjali milli jaċċettaw, għal numru raġonevoli ta’ snin wara li jkunu telqu mill-entità kkonċernata, kull impjieg ta’ livell superjuri fi ħdan il-kumpannija holding jew ta’ korpi oħrajn taħt il-kontroll tagħha;

li jiddefinixxu kundizzjonijiet ċari applikabbli għall-ħatra tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali u li jissuġġettaw il-ħatra u t-tneħħija tagħhom għall-kontroll ta’ awtorità indipendenti, u

li jeżiġu li l-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali jkollha l-persunal tagħha stess u tkun tinsab f’bini separat, u li jistabbilixxu restrizzjonijiet applikabbli għall-komunikazzjonijiet bejn il-persunal tagħha u l-entitajiet l-oħrajn li jkunu taħt il-kontroll tal-kumpannija holding.

62.

Nenfasizza li r-rikors ma jirrigwardax l-applikazzjoni ħażina tad-Direttivi 91/440 u 2001/14. Il-Kummissjoni ma pprovditx provi konkreti li juru li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali ma huwiex segwit fil-prattika.

63.

Jidhirli li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tippermetti kontroll iktar estiż fi ħdan grupp ta’ kumpannija minn dak li japplika fl-Awstrija. Il-gruppi b’hekk jistgħu jkunu ġuridikament iktar integrati milli fl-Awstrija. B’hekk, id-diversi projbizzjonijiet saru permezz ta’ atti taħt id-dritt ċivili sabiex jiġi prekluż l-użu tal-possibbiltajiet previsti mil-leġiżlazzjoni ( 13 ).

64.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħad l-ewwel ilment tal-Kummissjoni.

B – Fuq it-tieni lment dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi

1. Argumenti tal-partijiet

65.

Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 7(3) u 8(1) tad-Direttiva 2001/14.

66.

Hija ssostni li l-Artikolu 14(4) tal-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija, li permezz tiegħu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ttrasponiet dawn id-dispożizzjonijiet, għandu xi lakuni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni mhux dejjem tippermetti li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk u meta jkun hemm lok li jiġi applikat il-prinċipju ta’ spejjeż diretti previst fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14 jew il-prinċipju ta’ spejjeż totali previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14.

67.

Barra minn hekk, hija tirrileva li għalkemm jidher li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet il-prinċipju ta’ spejjeż totali, hija madankollu naqset milli tissodisfa kompletament il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14, u b’mod partikolari naqset milli tippreċiża f’liema ċirkustanzi għandu jsir test tal-kapaċità tas-suq li jiflaħ għall-ispejjeż, li huwa neċessarju sabiex jiġi vverifikat jekk is-setturi kollha tas-suq jistgħux jifilħu għal dawn l-ispejjeż.

68.

Il-Gvern Ġermaniż iqis li, fir-rigward tat-teħid f’kunsiderazzjoni tal-kompetittività, id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi jissodisfaw b’mod sħiħ ir-rekwiżiti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, id-Direttiva 2001/14 ma teżiġix, f’dak li jirrigwarda t-test tal-kapaċità tas-suq li jiflaħ l-ispejjeż, li l-evalwazzjoni tal-kompetittività ssir għal kull settur tas-suq. L-Artikolu 14(4) tal-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija, li ttraspona dan l-artikolu tad-Direttiva 2001/14, jobbliga lid-destinatarji ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod konformi mad-diċitura u l-għan ta’ din id-direttiva, biss li jiggarantixxu l-kompetittività, b’mod partikolari għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bil-ferrovija. B’hekk, id-dritt nazzjonali josserva r-rekwiżiti u l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

69.

Il-Gvern Ġermaniż jinnota wkoll li l-ispejjeż jistgħu jiġu imputati totalment meta jiġi ddeterminat l-ammont tat-tariffa. DB Netz b’hekk għandha s-setgħa li tiffissa t-tariffi tagħha b’mod li tikkumpensa għall-ispejjeż tal-infrastruttura li ma humiex koperti minn sussidji statali.

70.

Il-Gvern Ġermaniż jirribatti l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma tipprovdix definizzjoni tas-setturi tas-suq imsemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14. Huwa jsostni li din tiggarantixxi bis-sħiħ l-effettività ta’ dan l-għan regolatorju fit-tielet sentenza tal-Artikolu 14(4) tal-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija. Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza fil-qafas tal-iffissar tal-prezzijiet jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tħalli f’idejn l-impriżi attivi fis-suq ir-responsabbiltà li jevalwaw il-kapaċità kontributtiva tat-talba. Finalment, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14 ma jipprovdi ebda rekwiżit iktar wiesa’ espressament, b’mod partikolari li tingħata informazzjoni lill-impriżi tat-trasport, fir-rigward tal-proċedura u l-kontroll.

71.

Il-Gvern Ċek jaqbel mal-argumenti tal-Gvern Ġermaniż favur l-implementazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet iċċitati mill-Kummissjoni, u dan kemm fir-rigward tal-ilmenti kollha dwar traspożizzjoni allegatament skorretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni kif ukoll fir-rigward tal-ilment dwar allegat ksur tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14.

72.

B’mod iktar partikolari fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, il-Gvern Ċek jidhirlu li l-kunċett ta’ spejjeż direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju għandu jiġi kkjarifikat sabiex jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq inkisrux jew le.

2. Eżami tat-tieni ilment

73.

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-tariffi li l-amministratur tal-infrastruttura jirċievi hija pjuttost kumplessa. Fil-fatt, skont id-Direttiva 2001/14, huwa jista’ jitlob tariffi skont kif ġej:

skont l-Artikolu 7(3) huwa jirċievi, għas-servizzi minimi kollha u għall-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi ta’ servizz, tariffi li huma ugwali għall-ispiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju;

skont l-Artikolu 7(4), it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura tista’ tinkludi tariffa li tirrifletti l-iskarsezza tal-kapaċitajiet tat-taqsima identifikabbli tal-infrastruttura matul il-perijodi ta’ saturazzjoni;

skont l-Artikolu 7(5), it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura tista’ tiġi emendata sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ambjentali;

skont l-Artikolu 8(1), jistgħu jiġu imposti żidiet sabiex jiġu rkuprati l-ispejjeż kollha mġarrba mill-amministratur tal-infrastruttura;

skont l-Artikolu 8(2), l-amministratur tal-infrastruttura jista’ jżid it-tariffi fuq il-bażi tal-ispiża fuq medda ta’ żmien twil ta’ proġetti ta’ investiment speċifiċi, u

skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12, l-amministratur tal-infrastruttura jista’ jimponi tariffi xierqa abbażi tal-kapaċitajiet mitluba iżda mhux użati.

74.

Id-determinazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, fil-qafas tas-sistema ta’ tariffi stabbilita mill-Istat Membru, tappartjeni lill-amministratur tal-infrastruttura, li għandu jiżgura li din is-sistema ta’ tariffi tkun ibbażata fuq l-istess prinċipji għan-netwerk kollu tiegħu (Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva 2001/14). Skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/14, sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni, it-tariffi medji u marġinali ta’ amministratur tal-infrastruttura partikolari għandhom ikunu komparabbli għal użu ekwivalenti tal-infrastruttura tiegħu u servizzi komparabbli pprovduti fl-istess settur tas-suq għandhom ikunu suġġetti għall-istess tariffi. Fid-dokument ta’ referenza tan-netwerk, l-amministratur tal-infrastruttura juri li s-sistema ta’ tariffi tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

75.

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri jiddefinixxu l-kundizzjonijiet xierqa sabiex il-kontijiet tal-amministratur tal-infrastruttura jippreżentaw għall-inqas bilanċ bejn, minn naħa waħda, id-dħul minn tariffi għall-użu tal-infrastruttura, il-bilanċi pożittivi minn attivitajiet oħrajn u l-finanzjament mill-Istat u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-infrastruttura ( 14 ). Skont l-Artikolu 6(5), huwa stabbilit metodu ta’ imputazzjoni tal-ispejjeż. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu l-approvazzjoni minn qabel ta’ dan il-metodu.

76.

Jidhirli li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14 jippreżentaw sistema kumplessa li tiddefinixxi fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġu ddeterminati t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura, l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mis-sistema ( 15 ) kif ukoll il-kompetenzi rispettivi tal-Istat Membru, tal-amministratur tal-infrastruttura u tal-korp regolatorju previst fl-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva.

77.

Fir-rigward tal-livell ammissibbli tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, id-Direttiva 2001/14 tiddefinixxi minimu, li jikkorrispondi għall-ispiża direttament imputabbli għall-operat tal-infrastruttura [Artikolu 7(3)] ( 16 ), u massimu, li jirriżulta mill-ispejjeż totali mġarrba mill-amministratur tal-infrastruttura [Artikolu 8(1)]. Fi ħdan din il-medda, it-tariffa tista’ tinkludi l-kriterju tal-iskarsezza tal-kapaċitajiet f’perijodu ta’ saturazzjoni [Artikolu 7(4)], l-ispejjeż ambjentali esterni [Artikolu 7(5)] kif ukoll l-investimenti speċifiċi approvati għat-titjib tal-infrastruttura [Artikolu 8(2)]. Barra minn hekk, huwa possibbli li jiġi applikat tnaqqis (Artikolu 9).

78.

Fir-rigward tal-irwoli rispettivi tal-Istat u tal-amministratur tal-infrastruttura, għandu jiġi rrilevat li huwa l-Istat li jiffissa l-qafas tat-tariffi u li huwa responsabbli li jipprovdi finanzjament sabiex jiżgura l-bilanċ tal-kontijiet tal-amministratur tal-infrastruttura. Madankollu, l-Istat jista’ jipproċedi għall-irkupru totali tal-ispejjeż tal-infrastruttura permezz ta’ żidiet, jekk is-suq ikun jiflaħ dan u jekk dan ma jkunx jeskludi l-użu ta’ infrastrutturi minn setturi tas-suq li jistgħu ta’ mill-inqas iħallsu l-ispiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, flimkien ma’ rata ta’ profitt.

79.

Min-naħa l-oħra, huwa l-amministratur tal-infrastruttura li jiddetermina l-tariffa għall-użu tal-infrastruttura. Mill-premessa 12 tad-Direttiva 2001/14 jirriżulta li s-sistemi ta’ tariffi u ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet għandhom l-għan li jħeġġu lill-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja biex jottimizzaw l-użu tal-infrastruttura tagħhom fil-qafas iddefinit mill-Istati Membri. Tali ottimizzazzjoni permezz tas-sistema tat-tariffi ma jidhirlix li hija possibbli, ħlief jekk, fil-kuntest ta’ sistema ta’ tariffi, ma jitħallix ċertu marġni ta’ mmanuvrar lill-amministratur tal-infrastruttura, kif huwa msemmi fil-premessa 20. L-istess japplika għall-kompetenzi tal-amministratur tal-infrastruttura previsti fl-Artikoli 8(2) u 9 tad-Direttiva 2001/14, għall-finijiet taż-żieda jew tat-tnaqqis tat-tariffi.

80.

Fil-fatt, il-qari tat-testi rilevanti juri li d-Direttiva 2001/14 tistabbilixxi, fir-rigward tat-tariffi, qasam irriżervat għall-amministratur tal-infrastruttura. Fir-rigward tal-Istat, il-limitu superjuri ta’ dan il-qasam huwa ddefinit mir-rekwiżit ta’ marġni ta’ mmanuvrar fil-kuntest tat-tariffa, li jippermetti li dan jintuża bħala strument ta’ amministrazzjoni ( 17 ). Fir-rigward tal-operaturi mhux indipendenti, il-limitu inferjuri ta’ dan il-qasam huwa l-punt fejn jibda l-“irkupru” ( 18 ).

81.

Mill-istruttura ġenerali tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din tistabbilixxi, għall-amministratur tal-infrastruttura, fir-rigward tat-tariffi, rwol li jinvolvi għażliet li jeħtieġu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-metodoloġija li għandha tiġi applikata u l-kooperazzjoni ta’ għanijiet regolatorji differenti, li xi kultant jistgħu jkunu kontradittorji. Dawn l-għażliet bilfors iridu jiddependu fuq studju tas-suq f’dak li jirrigwarda, pereżempju, id-definizzjoni tas-setturi tas-suq, sabiex jiġi stabbilit jekk “is-suq jiflaħx”.

82.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni tan-nuqqasijiet fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/14 fil-kuntest ta’ dan l-ilment ( 19 ) għandha tkun ibbażata fuq analiżi globali tal-leġiżlazzjoni tal-imsemmija direttiva fir-rigward tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura.

83.

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-Artikolu 14(4) tal-Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija fih xi lakuni peress li din id-dispożizzjoni mhux dejjem tippermetti li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk u meta jkun hemm lok li jiġi applikat il-prinċipju ta’ spejjeż diretti previst fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14 jew il-prinċipju ta’ spejjeż totali previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14, jidhirli li dan l-argument huwa bbażat fuq dikotomija falza. Kif diġà rrilevajt, fil-fehma tiegħi, din id-direttiva ma tipprovdix żewġ metodi alternattivi, iżda medda li tikkonsisti f’minimu, jiġifieri l-ispiża imputabbli direttament, u massimu, li jikkorrispondi għall-ammont totali tal-ispejjeż imġarrba mill-amministratur tal-infrastruttura. Bejn dawn l-estremi, l-amministratur jista’ japplika kriterji ta’ tariffi supplimentari previsti mill-imsemmija direttiva kif ukoll tnaqqis skont il-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14 u, eventwalment, qafas ta’ tariffi adottat mill-Istat Membru.

84.

Ma jidhirlix li, sabiex tiġi evitata konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-Istati Membri għandhom, biex inaqqsu d-diskrezzjoni li għandu l-amministratur tal-infrastruttura fid-determinazzjoni tat-tariffi, jiffissaw regoli dwar it-tariffi iktar dettaljati, jew iktar konkreti, minn dawk li jirriproduċu fid-dritt nazzjonali r-rekwiżiti regolatorji li jikkorrispondu għal dawk previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. L-użu tal-kunċett ta’ qafas ta’ tariffi juri, fil-fehma tiegħi, li dawn jistgħu jagħmlu hekk sa ċertu limitu, iżda biss jekk jiġi osservat il-prinċipju ta’ indipendenza tal-amministrazzjoni previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440 ( 20 ).

85.

Jidhirli li l-Artikolu 14(4) tal-Liġi ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija, li jadotta bħala punt ta’ tluq, iżda mingħajr ma jagħmel regola ġenerali, l-irkupru totali tal-ispejjeż tal-infrastruttura waqt li jippermetti aċċess għas-suq, b’oppożizzjoni għall-kumpens tal-ispejjeż direttment imputabbli għall-operat, jiddefinixxi l-marġni ta’ mmanuvrar tal-amministratur tal-infrastruttura fil-qasam tat-tariffi b’osservanza leali lejn ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/14. B’mod iktar speċifiku, id-dispożizzjoni nazzjonali tippermetti lill-amministratur tal-infrastruttura li jagħmel ukoll distinzjoni bejn is-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri fuq distanza twila jew fuq distanza qasira, jew servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bil-ferrovija kif ukoll skont is-setturi tas-suq fi ħdan dawn is-servizzi tat-trasport. Ma jidhirlix li t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2001/14 tobbliga lill-Istat Membru li jipprovdi regoli iktar dettaljati f’dan ir-rigward, iżda dan jista’ jinkariga lill-amministratur tal-infrastruttura biex jittrasponihom b’mod iktar konkret, jew li japplikahom, b’mod speċjali fir-rigward tal-eżami tal-kapaċità ekonomika ta’ settur tas-suq.

86.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħad it-tieni ilment tal-Kummissjoni.

C – Fuq it-tielet ilment dwar mekkaniżmu ta’ inċentiv

1. Argumenti tal-partijiet

87.

Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 ma ġiex traspost fid-dritt Ġermaniż. Fil-fehma tagħha, ebda wieħed mill-mekkaniżmi ċċitati mill-Gvern Ġermaniż ma jagħti inċentiv lill-amministratur tal-infrastruttura biex jillimita l-ispejjeż marbuta mas-servizz ta’ infrastruttura jew il-livell tat-tariffi għall-aċċess. Barra minn hekk, il-kuntratti dwar provvista ta’ servizzi u dwar finanzjament ma fihom ebda dispożizzjoni li tipprovdi għal tnaqqis tal-ispejjeż tal-infrastruttura u tat-tariffi.

88.

Il-Gvern Ġermaniż jargumenta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 jitlaq mill-prinċipju li għandu jintlaħaq bilanċ bejn, minn naħa, id-dħul miksub mit-tariffi għall-użu tal-infrastruttura u l-finanzjament mill-Istat u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-infrastruttura. Huwa tal-fehma li l-importanza tal-ispejjeż marbuta mas-servizz tal-infrastruttura, l-ammont tat-tariffi għall-aċċess u dak tal-finanzjament statali jifformaw relazzjoni ekonomika li teskludi rekwiżiti ġuridiċi unilaterali. B’hekk, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva ma jippermettux li jiġi konkluż li hemm obbligu unilaterali ta’ tnaqqis tal-ispejjeż jew tat-tariffi. L-għan tat-tnaqqis tal-ispejjeż u tat-tariffi għall-aċċess previsti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 huwa suġġett għar-riżerva li jiġu osservati r-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà u t-titjib tal-kwalità tas-servizz tal-infrastruttura.

89.

L-istess gvern jissottometti wkoll li d-Direttiva 2001/14 ma teħtiġx tnaqqis effettiv tal-ispejjeż jew tat-tariffi għall-aċċess. Dan l-obbligu għandu, għall-kuntrarju, ikun ekwilibrat mar-rekwiżiti l-oħrajn relatati mal-istuttura tat-tariffi. Il-bilanċ globali b’hekk għandu jiġi rregolat b’mod li jiżgura l-kisba tal-għan fuq medda ta’ żmien twil, li huwa li jintlaħaq bilanċ bejn id-dħul u l-ispejjeż tal-infrastruttura.

90.

Il-Gvern Ġermaniż isostni li huwa ttraspona kompletament il-mekkaniżmu ta’ inċentiv meħtieġ mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14. Il-ftehim dwar il-provvista ta’ servizzi u finanzjament (Leistungs- und Finanzierungsvereinbarung, iktar ’il quddiem l-“LuFV”) jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kuntratt fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14 u minħabba dan il-fatt jikkostitwixxi sistema effikaċi ta’ inċentiv għat-tnaqqis tal-ispejjeż u tat-tariffi għall-aċċess b’mod konformi mal-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva.

91.

Fil-fatt, il-LuFV jimponi b’mod partikolari għadd kbir ta’ obbligi fuq l-amministraturi tal-infrastruttura dwar il-garanzija tal-kwalità u l-informazzjoni li għandha tingħata, u r-rekwiżiti kwalitattivi tagħha huma strutturati b’tali mod li jiżguraw titjib tal-kwalità tal-infrastruttura ferrovjarja matul is-snin, tillimita s-sussidji tal-Istat Federali għall-investimenti ta’ sostituzzjoni għal ammont annwali ta’ EUR 2,5 biljun u tobbliga lill-amministraturi tal-infrastruttura biex jipprovdu l-mezzi finanzjarji tagħhom stess għall-finijiet tal-manutenzjoni tal-linji tal-ferrovija.

92.

Finalment, fis-settur tal-linji tal-ferrovija, hemm għadd kbir ta’ elementi sistemiċi li jagħtu inċentiv għat-tnaqqis tal-ispejjeż, b’kumpanniji amministraturi tal-infrastruttura li għandhom jitmexxew bħal impriżi kummerċjali li huma meħtieġa li josservaw il-prinċipji tal-ekonomija privata, b’mod partikolarim, amministrazzjoni tal-impriża orjentata lejn il-kompetizzjoni bil-għan li jiġi mmassimizzat il-qligħ, li dan jipprovdi lil DB Netz b’inċentivi sabiex tnaqqas biex tnaqqas l-ispejjeż tagħha.

2. Eżami tat-tielet ilment

93.

Id-dibattitu bejn il-partijiet dwar it-tielet ilment jidhirli li huwa kumpless u l-kwistjonijiet relattivi ma jinftiehmux faċilment.

94.

Dan premess, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tista’, fil-fehma tiegħi, tiġi sinteżizzata fis-sens li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja la tagħti inċentiv lill-amministratur tal-infrastruttura biex jillimita l-ispejjeż marbuta mas-servizz ta’ infrastruttura u lanqas biex inaqqas il-livell tat-tariffi għall-aċċess.

95.

Jiena ninterpreta l-pożizzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fis-sens li l-LuFV jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, sistema effikaċi ta’ inċentiv għat-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ forniment tal-infrastruttura. Fir-rigward tat-tariffi għall-aċċess, dan l-Istat Membru jidhirli li qed isostni, essenzjalment, li d-Direttiva 2001/14 ma timponix obbligu fuq l-Istati Membri li jieħdu miżuri ta’ inċentiv distinti bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ aċċess, iżda teżiġi li dan l-għan ikun immirat indirettament permezz ta’ miżuri ta’ inċentiv sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura.

96.

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv dwar l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura, nirrileva fl-ewwel lok li, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14, id-dispożizzjoni prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu tista’ tiġi implementata fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż, għal perijodu minimu ta’ tliet snin, bejn l-awtorità kompetenti u l-amministratur tal-infrastruttura u li jipprevedi finanzjament mill-Istat. Jidhirli li l-LuFV huwa konformi ma’ din il-kundizzjoni formali.

97.

Nosserva li l-LuFV jillimita s-sussidji tal-Istat Federali għal somma annwali fissa, minkejja l-inflazzjoni, u b’hekk jobbliga lill-amministratur tal-infrastruttura biex itejjeb l-effikaċja, għalkemm jibqa’ suġġett għal standards dwar il-kwalità, li jistgħu jibqgħu stabbli jew jiġu msaħħa. Barra minn hekk, l-amministratur huwa obbligat li jipprovdi annwalment ammont minimu għall-investimenti ta’ sostituzzjoni. Barra minn hekk, l-amministratur huwa obbligat li juża l-mezzi tiegħu stess għall-manutenzjoni tan-netwerk, u dan b’mod li jippermetti li tiġi ggarantita kwalità analoga għall-ispejjeż imnaqqsa.

98.

Jidhirli li l-miżuri li jinsabu fl-LuFV huma adatti biex jagħtu inċentiv lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex inaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura. It-tielet ilment tal-Kummissjoni jista’ jiġi aċċettat biss jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 jeħtieġ li l-Istati Membri dejjem jieħdu miżuri separati ta’ inċentiv sabiex jitnaqqas il-livell tat-tariffi għall-aċċess.

99.

Skont il-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom tali obbligu rrispettivament minn kemm l-amministrazzjoni tal-infrastruttura tħalli qligħ. Fi kliem ieħor, anki jekk l-amministratur tal-infrastruttura ma jkunx f’pożizzjoni li jirkupra l-ispejjeż kollha tal-provvista tal-infrastruttura, l-Istat Membru jkun obbligat li jagħtih inċentiv biex jgħaddi parti mill-bilanċ pożittiv miksub permezz taż-żieda tal-effikaċja lill-utenti tan-netwerk.

100.

Ċertament, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija sostnuta mid-diċitura tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, li ssemmi kemm l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura kif ukoll il-livell tat-tariffi għall-aċċess. Madankollu, skont il-premessa 40, “huwa neċessarju li jiġu provduti amministraturi ta’ l-infrastruttura b’inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż u jamministraw l-infrastruttura tagħhom b’mod effiċjenti”. Huma invokati biss l-ispejjeż.

101.

Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex raġonevoli fid-dawl tal-istruttura ġenerali tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, “[b]la ħsara għall-iskop possibbli fit-tul ta’ koperta ta’ l-utent ta’ l-ispejjeż tal-infrastruttura għall-modi kollha tat-trasport abbażi ta’ kompetizzjoni ġusta, kompetizzjoni nondiskriminatorja bejn il-modi varji, meta t-trasport bil-ferrovija jista’ jikkompeti ma’ modi oħrajn tat-trasport, fil-qafas tat-tarifffi ta’ l-Artikoli 7 u 8, Stat Membru jista’ jeħtieġ lill-amministratur ta’ l-infrastruttura jibbilanċja l-kontijiet tiegħu mingħa[j]r fondi ta’ l-Istat” ( 21 ).

102.

L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tobbliga lill-Istat li jiffinanzja l-infrastruttura, anki jekk, bis-saħħa tat-titjib tal-effikaċja mħeġġa mill-Istat Membru, l-amministratur tal-infrastruttura jikseb bilanċi pożittivi li huwa jista’ juża sabiex jibbilanċja l-kontijiet tiegħu minflok ma jallokahom għat-tnaqqis tat-tariffi għall-aċċess.

103.

Barra minn hekk, jekk nassumu li l-kontijiet tal-amministratur huma bbilanċjati, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2001/14 dwar it-tariffi, msejsa fuq il-prinċipju ta’ tariffi bbażati fuq l-ispejjeż, jista’ jkollhom l-effett li, fuq medda ta’ żmien twil, it-tnaqqis fil-livell tal-ispejjeż ta’ aċċess jirriżultaw awtomatikament mit-tnaqqis fl-ispejjeż tal-forniment tal-infrastruttura.

104.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħad it-tielet ilment tal-Kummissjoni.

D – Fuq ir-raba’ lment dwar il-kompetenzi tal-korp regolatorju

1. Argumenti tal-partijiet

105.

Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2001/14 flimkien mal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440.

106.

Skont il-Kummissjoni, il-korp regolatorju ma jistax jissodisfa l-obbligu impost fuqu mill-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 li jissorvelja regolarment il-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ferrovjarji u li jikkoreġi l-iżviluppi negattivi f’dawk is-swieq ħlief jekk, indipendentement minn ilmenti konkreti jew suspett konkret ta’ ksur tad-direttivi, ikun awtorizzat li jistaqsi lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministraturi tal-infrastruttura, u jekk ikollu d-dritt li jġiegħelhom jirrispondu permezz ta’ theddid ta’ sanzjonijiet adatti. Jekk ma jkollux informazzjoni miksuba permezz ta’ talbiet għal informazzjoni ta’ dan it-tip, il-korp regolatorju ma jkunx f’pożizzjoni li jiftaħ proċedura fuq l-inizjattiva tiegħu stess, u jkollu jiddependi dejjem fuq informazzjoni kkomunikata mil-lanjanti.

107.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2001/14 hija inkompleta peress li dan l-artikolu ma jagħmilx distinzjoni bejn l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi tat-trasport.

108.

Finalment, jekk il-korp regolatorju ma jkollux il-possibbiltà li jeżegwixxi talba għall-informazzjoni, huwa jkollu jiddependi fuq l-informazzjoni li l-impriżi ferrovjarji jogħġobhom li jipprovdulu, li ma jikkorrispondix mal-għan tad-Direttiva 2001/14.

109.

Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2001/14 ma jeżiġix li l-korp regolatorju jkollu l-kompetenza li jikseb informazzjoni fin-nuqqas ta’ xi raġuni speċifika jew kwalunkwe suspett ta’ ksur. Din id-dispożizzjoni għandha, għall-kuntrarju, tiġi interpretata fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-għan leġiżlattiv ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja u l-impożizzjoni ta’ tariffi ta’ din tal-aħħar. F’dan il-kuntest, il-korp regolatorju pjuttost jissodisfa l-funzjoni ta’ korp ta’ appell li jissorvelja u jiggarantixxi l-aċċess nondiskriminatorju għall-infrastruttura ferrovjarja fil-kuntest tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u tal-impożizzjoni ta’ tariffi. Din id-dispożizzjoni tipprovdi biss dritt materjali li tinkiseb informazzjoni u obbligu korrispondenti biex din l-informazzjoni tingħata, mingħajr ma hija indirizzata l-kwistjoni ta’ sanzjoni ta’ dawn id-drittijiet fl-imsemmija direttiva.

110.

Bl-istess mod, l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 ma jagħtix lill-korp regolatorju drittijiet li tinkiseb informazzjoni jew li jiġu imposti sanzjonijiet fil-qasam tas-sorveljanza tal-kompetizzjoni.

2. Eżami tar-raba’ lment

111.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu korp regolatorju b’mod konformi mal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 biex jikkontrollaw il-kompetizzjoni fis-swieq ferrovjarji, ħlief jekk korp ieħor li jkollu l-istess grad ta’ indipendenza jkun inkarigat minn din il-missjoni.

112.

Skont il-Kummissjoni, fid-dawl ta’ din il-missjoni, jirriżulta li l-korp, irrispettivament mill-ilmenti konkreti jew minn suspett konkret ta’ ksur tad-direttivi, għandu jkun awtorizzat li jinterroga lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministraturi tal-infrastruttura u jkollu d-dritt li jġiegħlhom jirrispondu permezz ta’ theddid ta’ sanzjonijiet adattati.

113.

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-Istati Membri huma obbligati li joħolqu l-istrutturi amministrattivi meħtieġa għall-applikazzjoni tad-direttivi u li jipprovdu sanzjonijiet adegwati għall-obbligi previsti minnhom, anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan is-sens. Din il-ġurisprudenza tidher li tappoġġja l-ilment tal-Kummissjoni ( 22 ).

114.

Madankollu, l-obbligu tal-Istat Membru li l-Kummissjoni tipprova tiddeduċi mill-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 fil-qasam tal-kontroll tal-kompetizzjoni, iwassal fil-fatt biex il-korp regolatorju jingħata setgħat li jawtorizzawh imexxi inkjesti settorjali. Fil-fehma tiegħi, it-tradizzjoni leġiżlattiva tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-kompetizzjoni dejjem segwiet il-prinċipju li dawk il-poteri jkunu ddefiniti b’mod espress u preċiż mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 23 ).

115.

Għal din ir-raġuni, u peress li l-imsemmi Artikolu 10(7) ma jagħmel ebda riferiment għal inkjesti mwettqa mill-korp regolatorju, jidhirli li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tiġi akkużata li ma pprovditx fil-leġiżlazzjoni tagħha tali poteri ta’ inkjesta u ta’ sanzjoni għall-korp regolatorju rrispettivament minn ilmenti konkreti jew suspett konkret ta’ ksur tad-direttivi.

116.

Fir-rigward tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, l-Artikolu 30(4) jipprovdi li l-korp regolatorju huwa awtorizzat li jitlob informazzjoni utli mingħand l-amministratur tal-infrastruttura, l-applikanti u kull parti kkonċernata oħra fl-Istat Membru kkonċernat; din l-informazzjoni għandha tingħata mingħajr dewmien. Skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, id-deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju huma vinkolanti għall-partijiet kollha kkonċernati.

117.

Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2001/14 jobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu għal setgħat ta’ inkjesta u ta’ sanzjoni, li jistgħu jiġu invokati wkoll kontra kull impriża ferrovjarja, fil-kuntest ta’ kontroll tal-kompetizzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440. Ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni.

118.

Kif diġà rrilevajt, l-ebda obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu għal poteri ta’ inkjesta u sanzjoni fil-kuntest tal-kontroll tal-kompetizzjoni ma jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, moqri b’mod iżolat. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li t-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 10(7) ma fih ebda riferiment, la espliċitu, u lanqas impliċitu, għall-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2001/14. Fil-kuntest tal-kontroll tal-kompetizzjoni previst fl-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2001/14 ma jidhirlix li huwa applikabbli.

119.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 ma jeħtiġx li l-korp ta’ kontroll ikollu setgħat ta’ inkjesta u ta’ sanzjoni fil-kuntest tas-sorveljanza tal-kompetizzjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ aċċess ekwu u nondiskriminatorju, iktar preċiżament għat-trattament tal-kandidati u għall-kontroll tat-tariffi, skont l-Artikolu 30(2) u (3). Din il-materja tkopri, fiha nnfisha, l-għan li huwa intiż biex jippermetti kompetizzjoni ekwa fil-provvista tas-servizzi ferrovjarji, imsemmi fil-premessa 16 ta’ din l-istess direttiva. L-awtorizzazzjoni tal-korp regolatorju biex jitlob l-informazzjoni utli pprovduta fl-Artikolu 30(4) hija suġġetta għall-istess limiti.

120.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħad ir-raba’ ilment tal-Kummissjoni.

V – Fuq l-ispejjeż

121.

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

122.

Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li l-Kummissjoni tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż, din it-talba għandha tintlaqa’ jekk, kif nipproponi jien, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi miċħud kollu kemm hu.

123.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Taljana li talbu l-awtorizzazzjoni biex jintervjenu f’din il-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

VI – Konklużjoni

124.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)

Ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001 ff

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227). Għandu jiġi osservat li t-titolu tad-Direttiva 2001/14 ġie emendat bl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/49/KE. Din issa jisimha “Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija”.

( 6 ) Dawn huma l-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-473/10); Il-Kummissjoni vs Spanja (C-483/10); Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-512/10); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-528/10); Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C-545/10); Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-555/10); Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-557/10); Il-Kummissjoni vs Franza (C-625/10); Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (C-627/10); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-369/11), u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-412/11), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 7 ) BGBl. I, p. 2378, 2396.

( 8 ) BGBl. I, p. 2542, iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali dwar il-linji tal-ferrovija”.

( 9 ) Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Ġunju 1995, dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 258).

( 10 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau (170/83, Ġabra p. 2999, punt 11), u tal-24 ta’ Ottubru 1996, Viho vs Il-Kummissjoni (C-73/95 P, Ġabra p. I-5457, punt 50).

( 11 ) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u illl-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implementazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju [COM(2006) 189 finali].

( 12 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891).

( 13 ) Ara l-kuntratt iċċitatat fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet u r-regoli ta’ proċedura iċċitati fil-punt 21 iktar ’il fuq.

( 14 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 36 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

( 15 ) Il-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14 dwar it-tariffi jifformaw ġabra partikolarment kumplessa ta’ objettivi differenti ta’ natura ekonomika u soċjali huwa kkorroborat mill-qari tal-premessi 7, 11, 16, 20, 21, 25, 32, 34 sa 42 kif ukoll 44 tal-imsemmija direttiva. Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) L-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett hija wkoll is-suġġett tal-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-512/10), u Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C-545/10).

( 17 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

( 18 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, iċċitata iktar ’il fuq.

( 19 ) L-istess analiżi tgħodd ukoll għat-tielet ilment.

( 20 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-Kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C-545/10).

( 21 ) Ara wkoll il-premessa 39 tad-Direttiva 2001/14 (iċċitata fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 22 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann, iċċitata iktar ’il fuq; tas-26 ta’ Settembru 1996, Allain (C-341/94, Ġabra p. I-4631); tat-23 ta’ Jannar 1997, Pastoors u Trans-Cap (C-29/95, Ġabra p. I-285), kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 1999, Nunes u de Matos (C-186/98, Ġabra p. I-4883).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1).