KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fid-29 ta’ Marzu 2012 ( 1 )

Kawża C-544/10

Deutsches Weintor eG

vs

Land Rheinland-Pfalz

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (Il-Ġermanja))

“Interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel — Deskrizzjoni ta’ inbid bħala diġestibbli b’riferiment għal aċidità mnaqqsa — Projbizzjoni ta’ stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa fir-rigward ta’ xarbiet li jkun fihom iktar minn 1.2 % tal-alkoħol fil-volum — Tifsira ta’ ‘stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa’”

I – Introduzzjoni

1.

B’digriet tat-23 ta’ Settembru 2010, li l-Qorti tal-Ġustizzja reċviet fit-23 ta’ Novembru 2010, il-Bundesverwaltungsgericht (Il-Qorti Federali Amministrattiva, il-Ġermanja) bagħtet talba lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(5), l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel ( 2 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010, tad-9 ta’ Frar 2010 ( 3 ) (‘Ir-Regolament Nru 1924/2006’ jew ‘ir-Regolament’).

2.

It-talba għal deċiżjoni preliminari saret fil-kuntest ta’ proċedura bejn Deutsches Weintor, koperattiva tal-produtturi tal-inbid, u l-Land Rheinland-Pfalz (Land tar-Rhineland-Palatinate) rigward riklamar fejn id-deskrizzjoni ta’ inbid bħala bekömmlich (diġestibbli, sustanzjuż, nutrittiv) hija abbinata b’riferiment għal aċidità ħafifa.

3.

Bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk din id-deskrizzjoni tammontax għal “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” — li, fir-rigward ta’ xarbiet alkoħoliċi bħall-inbid inkwistjoni, hija ġeneralment ipprojbita taħt l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 — il-qorti ta’ rinviju qegħdha titlob kjarifika dwar dan il-kunċett.

4.

Barra minn hekk, fl-eventwalità li deskrizzjoni ta’ din ix-xorta tabilħaqq għandha tiġi kklassifikata bħala indikazzjoni dwar is-saħħa li, abbażi tar-Regolament Nru 1924/2006, il-produttur jew id-distributur ta’ inbid huwa għalhekk ipprojbit milli juża fil-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ inbid, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk din il-projbizzjoni hijiex kompatibbli mal-libertà professjonali u mal-libertà tal-intrapriża, kif previst fl-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (’il-Karta’).

II – Il-kuntest legali

5.

Sa fejn huwa rilevanti għall-iskopijiet preżenti, is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006 huwa deskritt fl-Artikolu 1 tiegħu kif ġej:

“1.   Dan ir-Regolament jarmonizza d-disposizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-istqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun provdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa magħmula f’komunikazzjonijiet kummerċjali, kemm fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar ta’ ikel li għandu jkun imwassal bħala tali lill-konsumatur aħħari.

…”

6.

Fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1924/2006, intitolat “Definizzjonijiet”, il-paragrafu 2 jistipula dan li ġej:

“Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(1)

‘stqarrija’ tfisser kull messaġġ jew rappreżentazzjoni, li mhix obbligatorja skond il-leġislazzjoni Komunitarja jew nazzjonali, inklużi rappreżentazzjonijiet bi stampi, grafiċi jew simboliċi, f’kull forma, li jiddikjaraw, jissuġġerixxu jew jimplikaw li xi ikel għandu karatteristiċi partikolari;

(5)

‘stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa’ tfisser kull stqarrija li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa;

(6)

“stqarrija ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard” tfisser stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li l-konsum ta’ kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu jnaqqsu b’mod sinifikanti fattur ta’ riskju fl-iżvilupp ta’ xi marda tal-bniedem’.

…”

7.

Fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1924/2006, li hu ntitolat “Kondizzjonijiet għall-użu ta’ stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa”, il-paragrafu 3 jistipula:

“Ix-xorb li jkun fih iktar minn 1.2 % fil-volum ta’ alkoħol ma għandux juri stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa”.

8.

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1924/2006, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali”, jistipula, sa fejn huwa rilevanti, kif ġej:

“1.   L-użu ta’ stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa għandhom ikunu permessi biss jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

 

ikun muri li l-preżenza, in-nuqqas jew il-kontenut imnaqqas f’ikel jew f’kategorija ta’ ikel ta’nutrijent jew sustanza oħra li fir-rigward tagħhom tkun saret l-istqarrija għandhom effett nutrittiv jew fiżjoloġiku ta’ benefiċċju, kif stabbilit minn data xjentifika aċċettata b’mod ġenerali;

…”

9.

Fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1924/2006, intitolat “Prova xjentifika għall-istqarrijiet”, il-paragrafu 1 jistipula:

“Stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa għandhom ikunu bbażati u ssostanzjati minn data xjentifika aċċettata b’mod ġenerali.”

10.

L-iktar dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw stqarrijiet dwar vantaġġi għas-saħħa jinsabu fil-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1924/2006. F’dan il-kapitolu, l-Artikolu 10, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi”, jistipula:

“1.   Stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa għandhom ikunu projbiti sakemm ma jkunux konformi mal-ħtiġijiet ġenerali tal-Kapitolu II u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan il-Kapitolu u jkunu awtorizzati skont dan ir-Regolament u inklużi fil-listi ta’ stqarrijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14.

3.   Referenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tan-nutrijent jew ikel għal saħħa tajba globali jew benesseri relatat mas-saħħa tista’ ssir biss jekk tkun akkumpanjata minn stqarrija speċifika dwar vantaġġ għas-saħħa mniżżla fil-listi previsti fl-Artikolu 13 jew 14.

…”

III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

11.

Deutsches Weintor hija koperattiva ta’ produtturi tal-inbid stabbilita f’Ibesheim in Rheinland-Pfalz. Hija tbiegħ inbejjed tal-varjetajiet tal-għenba Dornfelder u tal-għenba griża/bajda Burgundy bid-deskrizzjoni “Edition Mild”, li hija segwita b’riferiment għal “sanfte Säure” (aċidità ħafifa).

12.

It-tikketta tgħid, b’mod partikolari, dan li ġej: “Il-morbidezza tiegħu hija dovuta għall-applikazzjoni tal-proċess protettiv tagħna tal-LO3 għat-tnaqqis bioloġiku tal-aċidità”. It-tikketta fuq l-għonq tal-fliexken tal-inbid fiha l-iskrizzjoni: “Edition Mild bekömmlich” (Edizzjoni Ħafifa sustanzjuż /faċilment diġestibbli). Fil-lista tal-prezzijiet, l-inbid huwa deskritt bħala “Edition Mild — sanfte Säure/bekömmlich” (Edizzjoni Mild — aċidità ħafifa/diġestibbli).

13.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk reklamar fejn id-deskrizzjoni ta’ inbid bħala bekömmlich (sustanzjuż, faċilment diġestibbli) flimkien ma’ riferiment għal aċidità ħafifa tammontax għal stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 u għalhekk, skont l-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, ma hijiex permissibbli fir-rigward ta’ xarbiet alkoħoliċi.

14.

L-awtorità inkarigata mis-superviżjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ xarbiet alkoħoliċi fir-Rheinland-Pfalz oġġezzjonat għall-użu tad-deskrizzjoni ‘bekömmlich’ fuq il-bażi li din kienet tammonta għal stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa fis-sens tar-Regolament Nru 1924/2006, u għalhekk Deutsches Weintor ippreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) għal dikjarazzjoni li t-tikkettar u r-reklamar deskritt hawn fuq huwa permissibbli.

15.

Deutsches Weintor argumentat essenzjalment, li d-deskrizzjoni ma kinitx tirreferi għas-saħħa, imma biss għall-benesseru ġenerali. Ir-Regolamet ma kienx maħsub biex jirregola stqarrijiet ta’ dik ix-xorta u għalhekk il-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” għandu jiġi interpretata f’sens strett.

16.

B’sentenza tal-23 ta’ April 2009, il-Verwaltungsgericht ċaħdet l-imsemmi rikors.

17.

Permezz ta’ sentenza tal-19 ta’ Awwissu 2009, l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri) ċaħdet l-appell minn din id-deċiżjoni. Din ipproċediet fuq il-bażi li l-kunċett ta’ saħħa kien ikopri tal-inqas l-effetti assoċjati ma’ ikel fuq il-ġisem tal-konsumatur u l-funzjonijiet tiegħu. Madankollu, b’kuntrast ma’ prodotti mediċinali, il-fattur determinanti ma kienx li l-funzjonijiet tal-ġisem jiġu affettwati b’mod deliberat.

18.

L-Oberverwaltungsgericht ħadet il-pożizzjoni li d-deskrizzjoni ta’ inbid bħala bekömmlich kienet tistabbilixxi rabta ma’ proċessi fil-ġisem u ma kinitx biss riferiment għall-benesseru ġenerali. Għalkemm it-terminu seta’ jinfthiem ukoll sempliċiment f’sens ġenerali, it-tifsira tiegħu kienet tmur lil hinn minn hekk: kienet ikkunsidrata li hija sinonima ma’ “sustanzjuż”, “faċilment diġestibbli” u “ħafifa fuq l-istonku”.

19.

L-Oberverwaltungsgericht iddeċidiet li dan kien importanti fil-każ ta’ konsum tal-inbid, peress li dan kien ta’ spiss assoċjat ma’ uġigħ ta’ ras u fl-istonku; f’ċerti ċirkostanzi, l-inbid jista’ jkollu wkoll effett ħażin fuq l-organiżmu uman u jwassal għal dipendenza. L-abbinament tat-terminu bekömmlich mar-riferiment għal proċess speċjali tat-tnaqqis tal-aċidu u għal aċidità ħafifa stabbilixxa rabta f’moħħ il-konsumatur bejn l-inbid u n-nuqqas ta’ effetti li jagħmlu l-ħsara lid-diġestjoni assoċjati mal-konsum tiegħu.

20.

Quddiem il-Bundesverwaltungsgericht, li ġiet mitluba tiddeċidi l-appell fuq punt ta’ liġi mressaq minn Deutsches Weintor, din tal-aħħar issostni li r-regolament ġie applikat b’mod żbaljat.

21.

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-fatti rilevanti, il-Bundes-verwaltungsgericht tistqarr fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li l-Oberverwaltungsgericht assumiet li konsumatur medju infurmat tajjeb u prudenti kien jifforma l-fehma li d-deskrizzjoni użata minn Deutsches Weintor fil-preżentazzjoni u r-reklamar tagħha kienet b’riferiment għall-aċidità tal-inbejjed. Dawn jingħad li huma partikolarment bekömmlich (sustanzjużi) għaliex, b’riżultat ta’ proċess speċjali għat-tnaqqis tal-aċidità, l-aċidità tagħhom hija “ħafifa”. Għalhekk għall-konsumaturi, l-enfażi tqiegħdet fuq l-effett partikolarment ħafif tal-inbejjed fuq l-istonku.

22.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, bħala l-qorti tal-appell fuq punt ta’ liġi, hija marbuta bil-konstatazzjonijiet ta’ fatt li saru fil-prim istanza fir-rigward tad-deskrizzjoni ‘bekömmlich’. Barra minn hekk, din tikkunsidra li l-ilmenti ta’ Deutsches Weintor f’dan ir-rigward ma humiex konvinċenti.

23.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji, dwar it-tifsira wiegħsa attribwita lit-terminu “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” mill-qrati inferjuri u, għalhekk, dwar jekk is-suppożizzjoni li dan il-każ kien jikkonċerna “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” hijiex sostnuta bil-konstatazzjonijiet ta’ fatt.

24.

F’dan ir-rigward, il-Bundesverwaltungsgericht tieħu l-pożizzjoni li, biex ikun hemm stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa skont it-tifsira tar-Regolament Nru 1924/2006, ma huwiex biżżejjed li wieħed isostni li l-funzjonijiet tal-ġisem se jinżammu, jew li b’xi mod ieħor se jkunu affettwati, temporanjament biss. Pjuttost, wieħed għandu jassumi li r-riferiment ikun għas-saħħa biss meta jsir riferiment għal effetti fuq perijodu fit-tul u sostnuti fuq il-kundizzjoni fiżika jew il-benesseru, u mhux biss għall-effetti trasmessi fuq il-proċessi metaboliċi li jħallu l-kostituzzjoni — u għalhekk l-istat attwali ta’ saħħa — mhux affettwat.

25.

Skont il-Bundesverwaltungsgericht, ir-riferiment għall-inbejjed imqegħdin fis-suq minn Deutsches Weintor bħala li huma bekömmlich minħabba l-aċidità ħafifa tagħhom għandha x’taqsam mad-diġestibbiltà tal-prodotti u tammonta għal xejn iktar minn asserzjoni li, fil-kors tad-diġestjoni, l-inbid ma jikkawża ebda problemi għall-istonku, jew inqas problemi milli wieħed normalment jistenna minn inbid ta’ dak it-tip u kwalità. Jidher li huwa pjuttost esaġerat li dan jitqies bħala riferiment konkret għas-saħħa jew anki sempliċement bħala stqarrija mhux speċifika fis-sens li l-konsum tal-inbid ġeneralment jikkontribwixxi għal dieta “b’saħħitha”.

26.

Għalhekk permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju qed tipprova tistabbilixxi jekk benefiċċji temporanji, limitati għaż-żmien meħtieġ għall-konsum u għad-diġestjoni ta’ ikel, jistgħu minnhom infushom jammontaw għal stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa skont it-tifsira tar-Regolament Nru 1924/2006.

27.

Sa fejn hija kkonċernata t-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tirrileva, li fil-fehma tagħha, l-għan tar-Regolament huwa li tkopri biss dawk l-istqarrijiet dwar vantaġġi għas-saħħa li jattribwixxu effett li jkun ta’ benefiċċju lil xi ikel jew kostitwent tiegħu u li, għalhekk, l-uniċi stqarrijiet li għandhom ikunu kkunsidrati huma dawk li jissuġġerixxu lill-konsumatur li l-konsum tal-ikel se jtejjeb is-saħħa tiegħu.

28.

Il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk tali titjib fis-saħħa jista’ jkun dedott biss mill-fatt li ikel ikun inqas ta’ ħsara għas-saħħa minn prodotti simili fl-istess kategorija u, fi kliem ieħor, jipprovdi benefiċċju li ma huwa xejn iktar minn relattiv. Jekk ikel partikolari jinkludi sustanzi li jista’ jkollu effetti li huma ġeneralment meqjusa bħala negattivi (f’dan il-każ, l-aċidu fl-inbid) il-lingwa ordinarja waħedha tkun tissuġġerixxi li ftit jagħmel sens li tikklassifika l-konsum ta’ dak il-prodott bħala tajjeb għas-saħħa sempliċiment minħabba li l-effetti negattivi tiegħu huma ftit inqas evidenti minn ta’ prodotti simili.

29.

Fl-aħħar nett, skont il-Bundesverwaltungsgericht, huwa neċessarju wkoll li jiġi kkunsidrat jekk projbizzjoni hijiex kompatibbli mad-drittijiet fundamentali u speċjalment mal-libertà professjonali u l-libertà, tal-intrapiża kif inhuwa stipulat rispettivament fl-Artikolu 15(1) u 16 tal-Karta. Jekk deskrizzjoni tradizzjonali ta’ xarba bħala “bekömmlich” kellha titqies bħala stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa għall-finijiet tar-Regolament Nru 1924/2006 u għalhekk tkun dikjarata li ma hijiex permessibbli fir-rigward ta’ inbid, — fil-fehma tal-Bundesverwaltungsgericht — dan ikun imur lil hinn mill-għan tar-Regolament u jista’ jammonta għal restrizzjoni sproporzjonata ta’ dawk id-drittijiet fundamentali.

30.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Il-klassifikazzjoni ta’ stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 4(3), moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(5) jew mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 […], kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010, teħtieġ effett ta’ benefiċċju nutrittiv jew fiżjoloġiku għal titjib sostenibbli tal-kundizzjoni fiżika jew huwa wkoll biżżejjed effett temporanju, b’mod partikolari limitat għat-tul tal-assorbiment u tad-diġestjoni tal-prodott tal-ikel ?

2.

Fil-każ li l-affermazzjoni ta’ effett ta’ benefiċċju temporanju tista’ diġà kklassifikata bħala stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa:

Huwa biżżejjed, sabiex jiġi kkunsidrat li tali effett huwa ġġustifikat min-nuqqas jew il-kontenut imnaqqas ta’ sustanza fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, li l-affermazzjoni sempliċement tindika li effett ġeneralment prodott minn prodotti tal-ikel ta’ dan it-tip, u kkunsidrat minn ħafna nies bħala negattiv, huwa f’każ partikolari limitat ?

3.

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

Huwa kompatibbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa, fil-verżjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2007, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) (il-libertà professjonali), u mal-Artikolu 16 (il-libertà tal-intrapriża) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2007 li tipprojbixxi, mingħajr eċċezzjoni, produttur jew distributur ta’ nbejjed milli jirreklama permezz ta’ stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa tat-tip inkwistjoni fil-kawża, anki jekk din l-istqarrija hija korretta ?”

IV – Analiżi legali

A – Domandi preliminari 1 u 2: it-tifsira tal-kunċett ta ’“stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” kif użat fir-Regolament Nru 1924/2006

31.

Bid-domandi prelimanari 1 u 2, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk il-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa”, kif imfisser fl-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jkun interpretat bħala li jkopri wkoll stqarrija li timplika biss effett ta’ benefiċċju temporanju fuq il-kundizzjoni fiżika, limitata b’mod partikolari għaż-żmien meħtieġ għall-konsum u d-diġestjoni tal-ikel, u li jimplika biss li l-effetti negattivi tal-ikel ikkonċernat fuq il-kundizzjoni fiżika huma iktar limitati minn dak li huwa normalment il-każ b’ikel ta’ dak it-tip.

1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet

32.

Fir-rigward tal-proċeduri preżenti għal deċiżjoni preliminari, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Deutsches Weintor, il-Land Rheinland-Pfalz, il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, l-Ungerija u l-Finlandja u mill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni. L-istess partijiet, ħlief għall-Gvernijiet tal-Estonja, l-Ungerija, u l-Finlandja, kellhom ukoll ir-rappreżentanti tagħhom waqt is-seduta li nżammet fit-19 ta’ Jannar 2012.

33.

Deutsches Weintor u l-Gvern Ċek isostnu li l-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” kif użat fir-Regolament Nru 1024/2006 għandu jiġi interpretat b’mod strett. Huma jipproponu, essenzjalment, li d-domandi preliminari 1 u 2 għandhom jiġu mwieġba fis-sens li l-kunċett jippresupponi effett ta’ benefiċċju nutrizzjonali jew fiżjoloġiku intiż li jikseb titjib sostnut tal-kundizzjoni fiżika, pjuttost milli titjib li huwa biss temporanju. Barra minn hekk, skont Deutsches Weintor, ma huwiex biżżejjed li wieħed jiddikkjara li kwalunkwe effetti negattivi tal-ikel ikkonċernat huma iktar limitati milli huwa normalment il-każ b’ikel ta’ dak it-tip.

34.

Min-naħa l-oħra, il-partijiet l-oħra kollha li sottomettew osservazzjonijiet dwar id-domanda preliminari 1 — b’mod partikolari, il-Land Rheinland-Pfalz, il-Gvernijiet ta’ Franza, l-Estonja, il-Finlandja u l-Ungerija — jargumentaw favur interpretazzjoni iktar wiegħsa u jsostnu li effett temporanju fuq il-kundizzjoni fiżika, limitat b’mod partikolari għaż-żmien meħtieġ għall-konsum u d-diġestjoni tal-ikel, jista’ jkun suffiċjenti biex ifisser li deskrizzjoni bħal dik inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa għall-finijiet tar-Regolament Nru 1924/2006.

35.

Fir-rigward tad-domanda preliminari 2, li tikkonċerna s-suffiċjenza ta’ stqarrija li xi prodott tal-ikel huwa ta’ inqas ħsara għas-saħħa minn prodotti simili, dawk il-partijiet jew jipproponu tweġibiet fis-sens kuntrarju ta’ dak li ġie propost minn Deutsches Weintor jew isostnu li tweġiba — separata — ma hijiex neċessarja jew hija irrelevanti.

2. Kunsiderazzjonijiet

36.

Għandu jiġi enfasizzat mill-bidu li, fil-qafas ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi x’inhuwa attwalment imfisser jew implikat bid-deskrizzjoni ta’ inbid bħala ‘bekömmlich’, flimkien mar-riferiment għal aċidità ħafifa — jew informazzjoni addiżżjonali fuq it-tikketta li tikkonċerna l-proċessi speċjali għat-tnaqqis ta’ aċidità — mill-perspettiva ta’ konsumatur tipiku, kif hemm stabbilit u mfisser fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 1924/2006; il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma hija msejħa biex tistabbilixxi b’mod finali fuq dik il-bażi dwar jekk id-deskrizzjoni inkwistjoni tammontax għal “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” għall-finijiet tar-Regolament.

37.

Pjuttost, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tagħmel dawk l-evalwazzjonijiet fid-dawl tar-regoli rilevanti tar-Regolament Nru 1924/2006, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

38.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju diġà indikat fid-digriet tar-rinviju li, skont il-konstatazzjonijiet tal-Verwaltungsgericht — li abbażi tagħhom din għandha, fil-prinċipju, tipproċedi — id-deskrizzjoni inkwistjoni ma hijiex se, (kuntrarju għall-pożizzjoni meħuda minn Deutsches Weintor) tinfthiem minn konsumatur medju infurmat tajjeb u prudenti bħala riferiment għall-benesseru ġenerali biss jew għal karatteristiċi ġenerali tal-inbid deskritt, bħal pereżempju t-togħma tiegħu, imma bħala riferiment għall-aċidità ħafifa tiegħu, li tenfasizza l-effett partikolarment ħafif tal-imbejjed fuq l-istonku u, għalhekk, id-diġestibbiltà tagħhom.

39.

Dan huwa l-qafas li fih il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindirizza l-kwistjonijiet speċifiċi ta’ interpretazzjoni li bihom hija ġiet adita fejn l-ewwel minnhom essenzjalment tirrigwarda jekk il-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” kif imfisser fl-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 jkoprix ukoll deskrizzjonijiet jew stqarrijiet li jimplikaw jew jissuġġerixxu biss effett ta’ benefiċċju temporanju fuq il-kundizzjoni fiżika, bħal pereżempju, effett fuq l-istonku li jdum biss saż-żmien meħtieġ għall-konsum u d-diġestjoni tal-inbid.

40.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi l-ewwel nett osservat li d-definizzjoni ta’ stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa fl-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 hija fformulata f’termini pjuttost ġenerali bħala li tfisser kwalunkwe stqarrija li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti “relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa’.

41.

Huwa minnu, kif ġie osservat minn diversi partijiet, li r-Regolament huwa altrimenti sieket fir-rigward ta’ x’inhu mfisser b’“saħħa”; madankollu, huwa paċifiku li t-terminu ġeneralment jirreferi għall-kundizzjoni fiżika u mentali ta’ persuna, it-tnejn li huma — u, bla dubju, b’ċertu ammont ta’ ambigwita — fis-sens ta’ ċertu livell ta’ funzjonament jew benesseru tal-ġisem u l-moħħ tal-bniedem (bil-konsegwenza, persuna tista’ tkun ‘fi stat tajjeb ta’ saħħa’ jew ‘fi stat ħażin ta’ saħħa’) u fis-sens tal-istat ideali ta’ benesseri fiżiku u mentali komplut ( 4 ). B’mod partikolari, jidher mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1924/2006 li l-kunċett ta’ saħħa fuq ir-Regolament huwa mfassal ikopri mhux biss il-funzjonijiet tal-ġisem imma anki l-funzjonijiet psikoloġiċi u komportamentali ta’ persuna.

42.

It-tieni nett, fir-rigward tat-tifsira tal-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa”, wieħed jista’ jara minn diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006 li tali stqarrija hija affermata fuq il-premessa li l-prodott se jkollu effett ta’ benefiċċju fuq il-kundizzjoni fiżika ta’ persuna (jew, imma dan huwa irrilevanti hawnhekk, il-kundizzjoni mentali tiegħu).

43.

F’dan ir-rigward, il-premessa 6 għar-Regolament Nru 1924/2006 issemmi espressament fir-rigward biss ta’ stqarrijiet dwar nutrizzjoni, li stqarrijiet li ma jkunux dwar benefiċċji ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Madankollu, fil-fehma tiegħi, jirriżulta b’mod ċar, mhux biss mill-għan ġenerali tal-protezzjoni tal-konsumatur imfittex mir-Regolament (ara, b’mod partikolari, il-premessa 1) imma anki minn dispożizzjonijiet oħra — b’mod partikolari mill-premessa 10, li tirreferi għal “vantaġġ nutrittiv, fiżjoloġiku jew vantaġġ ieħor ta’ saħħa” li jirrigwarda biss sustanzi li għalihom jiġi allegat effett ta’ benefiċċju, u l-Artikolu 5(1)(a) u 5(2), li bl-istess mod iduru fuq l-effett ta’ benefiċċju allegat — li “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” għall-finijiet tar-Regolament jippresupponi effett pożittiv u ta’ benefiċċju għall-funzjonijiet tal-ġisem.

44.

It-tielet nett, huwa importanti li wieħed josserva li mid-definizzjoni ta’ “stqarrija” fl-Artikolu 2(2)(1) tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżulta li, biex ikun hemm stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa skont it-tifsira f’dan ir-regolament, id-deskrizzjoni għandha timplika li l-ikel ikkonċernat għandu “karatteristiċi partikolari”, jiġifieri, li dan għandu benefiċċju speċifiku għas-saħħa jew effett ta’ benefiċċju fiżjoloġiku. Għalhekk, kif osservat b’mod korrett il-Kummissjoni, effetti fiżjoloġiċi jew metaboliċi mhux speċifiċi (kif isir riferiment għalihom fit-talba ta’ rinviju) li huma biss konnessi b’mod ġenerali mal-konsum ta’ ikel, jew mat-tip ta’ ikel — bħan-nutriment tal-organiżmu uman, li naturalment huwa vitali għall-manutenzjoni tal-funzjonijiet tal-ġisem — huma esklużi a priori mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-terminu “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa”.

45.

Madankollu, dan premess, jien ma nara l-ebda bażi fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006, jew xi raġuni konvinċenti oħra, biex wieħed jassumi li, minbarra l-elementi hawn fuq imsemmija tal-kunċett, it-tul jew is-sostenibbiltà tal-effett (ta’ benefiċċju) fuq il-kundizzjoni fiżika jew funzjonijiet tal-ġisem se jkun, jew għandu jkun, element kostituttiv tal-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” għall-finijiet tar-Regolament.

46.

L-ewwel nett, jidher li fuq il-livell kunċettwali huwa artifiċjali li jkunu esklużi effetti temporanji fuq il-benesseru fiżiku mill-kunċett ta’ “saħħa”. Minn naħa, l-istat ġenerali tas-saħħa, u stati ċirkustanzjali ta’ benesseru iktar temporanji — jew mard — ta’ persuna, min-naħa l-oħra, huma fil-fatt strettament marbuta. Kif ġie wkoll osservat b’mod korrett mill-Kummissjoni, ħafna prodotti mediċinali jipprovdu biss serħan temporanju fuq il-ġisem tal-bniedem, imma xorta b’mod ġenerali ma huwiex ikkontestat li dawk il-mediċini huma relatati mas-saħħa.

47.

It-tieni, kif diġà semmejt aktar ’il fuq, il-leġiżlatura ovvjament għażlet li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” f’termini wiegħsa, b’mod konformi mal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur li, kif dikjarat fil-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1924/2006 ifittex li jiżgura.

48.

B’mod partikolari, peress li stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa huma intiżi li jagħtu lill-ikel ikkonċernat stampa pożittiva u dawn l-istqarrijiet jistgħu għalhekk ikollhom effett inkoraġġanti fuq il-konsumatur, ir-Regolament ifittex li jipproteġi lill-konsumatur minn stqarrijiet qarrieqa u/jew inveritieri primarjament billi jirrikjedi li dawn ikunu issostanzjati xjentifikament ( 5 ).

49.

Fir-rigward ta’ xarbiet alkoħoliċi li jkun fihom aktar minn 1.2 % volum ta’ alkoħol, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 jipprojbixxi b’mod ġenerali — jiġifieri, irrispettivament minn jekk l-effett ta’ benefiċċju huwiex veritier u sostnut minn evidenza xjentifika — l-użu ta’ stqarrijiet dwar vantaġġi għas-saħħa, kif ukoll (peress li dawn jippresupponu stqarrija speċifika dwar vantaġġ għas-saħħa) riferimenti għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tan-nutrijent jew ikel għal saħħa tajba globali jew benesseri relatat mas-saħħa skont it-tifsira tal-Artikolu 10(3) ta’ dak ir-regolament. Minħabba r-riskju ta’ dipendenza u abbuż konness mal-konsum tal-alkoħol, l-għan iktar wiegħsa hawnhekk jidher li huwa li tkun evitata kull konnotazzjoni pożittiva relatata mas-saħħa li tista’ b’mod ġenerali tinkoraġġixxi l-konsum ta’ xarbiet alkoħoliċi.

50.

Fil-fehma tiegħi, ikun f’kunflitt ma’ dawn l-għanijiet tar-Regolament Nru 1924/2006 li l-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” jiġi interpretat b’mod daqshekk strett bħala li jeskludi stqarrijiet li jimplikaw effett ta’ benefiċċju temporanju fuq il-kundizzjoni fiżika. Kif enfasizzaw diversi partijiet din tista’ tneħħi mill-kamp ta’ applikazzjoni protettiv tar-Regolament għadd kunsiderevoli ta’ prodotti u stqarrijiet relatati, li għalkemm jimplikaw effett fiżjoloġiku pożittiv — anki jekk temporanju — madankollu probabbilment jinkoraġġixxu l-konsum tal-ikel jew tas-sustanza li għandhom x’jaqsmu magħha.

51.

Fl-aħħar nett, anki minn perspettiva prattika, id-distinzjoni ssuġġerita bid-domanda preliminari 1 tkun toħloq problemi addizzjonali ta’ delimitazzjoni — għar-rigward ta’ meta l-effett allegat fuq il-funzjonijiet tal-ġisem ma jibqax ikun temporanju u jibda jkun aktar fit-tul jew sostnut — u għalhekk jagħmilha iktar diffiċli li jiġi applikat ir-Regolament Nru 1924/2006 b’mod konsistenti u prevedibbli.

52.

Sussegwentement, sa fejn jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” għall-finijiet tar-Regolament Nru 1924/2006 ikoprix stqarrija li sempliċement timplika li, minħabba l-kontenut imnaqqas ta’ sustanza, l-effetti negattivi ta’ ikel partikolari fuq il-benesseru fiżiku huma iktar limitati minn dak li huwa normalment il-każ b’ikel ta’ dak it-tip, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li — kif iddikjarat il-qorti tar-rinviju — jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 1924/2006 u l-Artikolu 5(1)(a) tiegħu, b’mod partikolari, li dak il-kunċett ikopri wkoll stqarrijiet li jimplikaw impatt fuq is-saħħa li huwa attribwibbli għan-nuqqas jew il-kontenut imnaqqas ta’ sustanza fl-ikel, bħal pereżempju l-kontenut imnaqqas ta’ aċidità tal-inbid inkwistjoni.

53.

Fit-tieni lok, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-kwistjoni ta’ jekk tali stqarrija tistax tikkonsisti fis-suġġeriment jew implikazzjoni li ikel partikolari huwa biss ta’ inqas ħsara minn prodotti simili tal-istess kategorija jew tip — fil-każ preżenti, inbejjed — ġie osservat iktar ’il fuq li dak it-terminu huwa affermat fuq is-suppożizzjoni li se jkun hemm impatt partikolarment pożittiv jew ta’ benefiċċju fuq is-saħħa jew fuq il-funzjonijiet tal-ġisem. L-ispeċifiċità tal-benefiċċju relatat mas-saħħa allegat għalhekk timplika komparatur jew punt ta’ riferiment, jiġifieri, prodott komparabbli.

54.

Fil-fehma tiegħi, għalhekk huwa perfettament possibbli li jkun argumentat li l-effett ta’ benefiċċju fiżjoloġiku jikkonsisti biss f’vantaġġ relattiv ta’ saħħa, inkluż vantaġġ attribwibbli għall-fatt li ikel partikolari huwa biss inqas noċiv jew inqas ta’ ħsara għall-funjonijiet tal-ġisem minn dak li huwa normalment il-każ b’ikel ta’ dak it-tip.

55.

Huwa importanti li jitfakkar f’dan il-kuntest li, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” għandha tkun interpretata b’mod wiegħsa; madankollu, il-fatt li l-kunċett jirrikjedi l-implikazzjoni jew suġġeriment ta’ effett pożittiv jew ta’ benefiċċju rigward is-saħħa ma jfissirx li hemm xi bżonn li wieħed isostni li jkun hemm titjib attwali fil-kundizzjoni ġenerali tas-saħħa jew effetti kurattivi attwali simili għal dawk ta’ prodotti mediċinali.

56.

Din l-interpretazzjoni fil-fehma tiegħi hija konformi wkoll mal-għan tar-Regolament Nru 1924/2006, kif imsemmi iktar ’il fuq, li huwa li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

57.

F’dan ir-rigward, huwa minnu wkoll li l-istqarrija biss dwar vantaġġ relatat mas-saħħa, li jikkonsisti fil-wegħda ta’ effett inqas negattiv fuq ċerti funzjonijiet tal-ġisem bħad-diġestjoni, jistgħu jaffettwaw id-drawwiet tal-konsumatur u jinkoraġġixxu l-konsum tal-ikel ikkonċernat. Għalhekk, fil-każ tal-inbejjed inkwistjoni, mhux biss is-suġġeriment ta’ diġestibbiltà mtejba jista’ forsi jbiddel l-għażliet tal-konsumatur lil hinn minn xarbiet ta’ dak it-tip li huma altrimenti komparabbli, imma huwa konċepibbli wkoll li tali stqarrija, f’termini assoluti, tista’ tinkoraġġixxi l-konsum tax-xarba kkonċernata u anki tattira konsumaturi ġodda, speċjalment dawk bi stonku sensittiv.

58.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien nipproponi li d-domandi preliminari 1 u 2 għandhom jitwieġbu fis-sens li l-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” skont l-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat bħala li jkopri wkoll stqarrijiet li jimplikaw effett ta’ benefiċċju temporanju fuq il-kundizzjoni fiżika, bħalma huma effett limitat għaż-żmien meħtieġ biex jiġi kkunsmat u diġerit l-ikel, inklużi stqarrijiet li jimplikaw li, minħabba l-kontenut imnaqqas ta’ sustanza, l-effetti negattivi ta’ ikel partikolari fuq il-benesseri fiżiku huma iktar limitati minn kemm huwa normalment il-każ b’ikel ta’ dak it-tip.

B – Id-domanda preliminari 3: kompatibbiltà mal-Karta

59.

F’każ ta’ tweġiba fl-affermattiv għad-domandi preliminari 1 u 2, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-projbizzjoni ġenerali taħt l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 tal-użu ta’ stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa tat-tip inkwistjoni fir-rigward ta’ xarbiet alkoħoliċi bħal inbid hijiex kompatibbli mal-libertà professjonali u l-libertà tal-intrapriża, kif previst taħt l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 16 tal-Karta.

1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet

60.

Skont Deutsches Weintor, id-domanda preliminari 3 għandha titwieġeb fin-negattiv. Fil-fehma tagħha, il-projbizzjoni tal-użu ta’ stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa bħal dik inkwistjoni tammonta għal indħil sproporzjonat fil-libertà tal-produtturi u tad-distributuri ta’ inbejjed li jagħżlu impjieg u li jmexxu negozju.

61.

Min-naħa l-oħra, il-partijiet l-oħra li kkummentaw dwar id-domanda preliminari 3 jipproponu tweġiba fis-sens li l-projbizzjoni ġenerali taħt l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 tal-użu ta’ stqarrijiet dwar vantaġġi għas-saħħa fir-rigward ta’ xarbiet alkoħoliċi hija — meta jitqiesu, b’mod partikolari, il-perikli relatati mal-konsum ta’ xarbiet alkoħoliċi — ġustifikata u proporzjonali u għalhekk tissodisfa r-rekwiżiti tal-Karta. Bl-istess mod, il-Parlament Ewropew, li ffoka s-sottomissjonijiet tiegħu fuq id-domanda preliminari 3, jikkonkludi li l-evalwazzjoni ta’ din id-domanda ma tiżvela ebda fattur li se jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 1924/2006.

2. Kunsiderazzjonijiet

62.

L-ewwel nett għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, “li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati”.

63.

Għalhekk irid ikun ikkunsidrat jekk — sa fejn l-Artikolu 4(3) tar-Regolament ġeneralment jipprojbixxi xarbiet li jkun fihom iktar minn 1.2 % volum ta’ alkoħol milli jinkludu “stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa” skont it-tifsira stabbilita iktar ’il fuq — ir-Regolament Nru 1924/2006 huwiex kompatibbli mad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta u, b’mod partikolari, mal-Artikoli 15(1) u 16 tagħha.

64.

L-Artikoli 15(1) u 16 tal-Karta jistabbilixxu l-libertà professjonali u l-libertà tal-intrapriża, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ( 6 ). Skont din il-ġurisprudenza, il-libertà tal-intrapriża fil-fatt tikkoinċidi mal-libertà professjonali ( 7 ).

65.

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, sa fejn il-projbizzjoni ta’ stqarrijiet ta’ vantaġġ għas-saħħa inkwistjoni għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettar, reklamar u informazzjoni li tikkonċerna xarbiet alkoħoliċi u għalhekk tqiegħed ċerti restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet professjonali ta’ produtturi u distributuri ta’ dawn il-prodotti, din għandha titqies li x’aktarx ikollha impatt fuq il-libertà tal-intrapriża u l-libertà professjonali. ( 8 )

66.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali bħal dawn ma humiex drittijiet assoluti imma għandhom ikunu kkunsidrati fir-rigward tal-funzjoni soċjali tagħhom. Għaldaqstant, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet għad-dritt li jiġu eżerċitati dawk id-drittijiet, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ organizzazzjoni komuni tas-swiq, kemm-il darba dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li għandha l-Unjoni Ewropea u, fid-dawl tal-għan tagħhom, ma jammontawx għal intervent sproporzjonat jew intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti ( 9 ).

67.

Barra minn hekk, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta illi jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 15 u 16 tagħha, sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma meħtieġa u jissodisfaw effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

68.

Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, għandu jiġi osservat fil-każ preżenti li l-għan tar-Regolament Nru 1924/2006 — skont il-premessa 1 tiegħu u kif ġie spjegat iktar ’il fuq — huwa li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur; b’mod iktar speċifiku, sa fejn hija kkonċernata l-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 4(3), ir-Regolament ifittex — kif jirriżulta wkoll mill-premessi 10 u 18 — li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, peress li huwa mfassal biex jeskludi, tenut kont tal-possibbiltà ta’ effetti u perikli tal-abbuż konness mal-konsum ta’ alkoħol, kwalunkwe assoċjazzjoni pożittiva bejn is-saħħa u l-konsum ta’ xarbiet alkoħoliċi, irrispettivament minn jekk l-istqarrijiet dwar vantaġġi għas-saħħa kkonċernati humiex xjentifikament korretti jew le.

69.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet rrikonoxxiet li miżuri li jillimitaw ir-reklamar ta’ xarbiet alkoħoliċi sabiex jissieltu kontra l-abbuż tal-alkoħol jirriflettu tħassib dwar is-saħħa pubblika u li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tikkonstitwixxi, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 9 TFUE, għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni Ewropea ( 10 ).

70.

Għandu jiġi osservat ukoll, li għalkemm dawn id-drittijiet jistgħu jkunu affettwati bil-projbizzjoni inkwistjoni, ma jistax jiġi argumentat li l-essenza u s-sustanza attwali tal-libertà tal-intrapriża jew professjoni huma pperikolati, għaliex il-projbizzjoni tal-użu ta’ stqarrijiet dwar vantaġġi għas-saħħa, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, fir-rigward ta’ xarbiet alkoħoliċi bħal inbejjed tqiegħed biss restrizzjonijiet fi ħdan sfera definita b’mod ċar fuq l-attivitajiet ta’ negozju tal-produtturi jew distributuri ta’ dawk ix-xarbiet ( 11 ).

71.

Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi l-projbizzjoni taħt l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 hija xierqa fir-rigward tal-għan li tkun protetta s-saħħa pubblika, kif imsemmi iktar ’il fuq, u, fid-dawl tal-perikli ta’ dipendenza u abbuż u l-effetti possibbilment ta’ ħsara konnessi mal-konsum tal-alkoħol, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan għan.

72.

F’dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-gravità tal-għanijiet segwiti fil-qasam tas-saħħa pubbliku tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet li għandhom konsegwenzi negattivi, u anki konsegwenzi sostanzjalment negattivi, għal ċerti operaturi ( 12 ).

73.

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-projbizzjoni inkwistjoni hija, wara kollox, limitata għall-użu ta’ stqarrijiet dwar vantaġġi għas-saħħa skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, jiġifieri, deskrizzjonijiet jew tagħrif li jissuġġerixxi b’mod partikolari impatt pożittiv fuq is-saħħa, kif deskritt iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, xorta għadu possibbli li jintwerew stqarrijiet oħra u tagħrif ta’ ttikettar li ma jkollhomx tali implikazzjoni speċifika — pereżempju, tagħrif dwar il-karatteristiċi oġġettivi tal-prodott jew stqarrijiet dwar nutrizzjoni — anki fir-rigward ta’ xarbiet alkoħoliċi.

74.

Għalhekk, għalkemm fil-fehma tal-qorti tar-rinviju d-deskrizzjoni tal-inbejjed inkwistjoni — jiġifieri, l-abbinament tat-terminu “bekömmlich” ma’ referenza għal aċidità ħafifa u proċess ta’ produzzjoni partikolari — x’aktarx jista’ jimplika, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, tali effetti pożittivi fuq il-funzjonijiet tal-ġisem li jammontaw għal “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” għall-finijiet tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, dan jista’ ma jkunx il-każ, pereżempju, jekk fuq it-tikketta jsir riferiment biss għall-aċidità baxxa.

75.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, it-tweġiba għad-domanda preliminari 3 għandha tkun li l-projbizzjoni ġenerali stipulata fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 dwar l-użu ta’ stqarrijiet dwar vantaġġi għas-saħħa tat-tip inkwistjoni fir-rigward ta’ xarbiet alkoħoliċi bħal inbid hija kompatibbli mal-Artikolu 6(1) TUE, moqri flimkien mal-libertà professjonali u mal-libertà tal-intrapriża kif previst rispettivament taħt l-Artikoli 15(1) u 16 tal-Karta.

V – Konklużjoni

76.

Għal dawn il-motivi, nipproponi li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht bil-mod kif ġej:

Il-kunċett ta’ “stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” taħt l-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010, tad-9 ta’ Frar 2010, għandu jkun interpretat bħala li jkopri wkoll stqarrijiet li jimplikaw effett ta’ benefiċċju temporanju fuq il-kundizzjoni fiżika, bħal pereżempju effett limitat għaż-żmien meħtieġ biex ikun ikkunsmat u diġerit l-ikel, inkluż stqarrijiet li jimplikaw li, minħabba l-kontenut imnaqqas ta’ sustanza, l-effetti negattivi ta’ ikel partikolari fuq il-benesseru fiżiku huma iktar limitati minn dak li huwa normalment il-każ b’ikel ta’ dak it-tip;

il-projbizzjoni ġenerali stabbilita bl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 fuq l-użu ta’ stqarrijiet tat-tip inkwistjoni fir-rigward ta’ xarbiet alkoħoliċi bħall-inbid hija kompatibbli mal-Artikolu 6(1) TUE, moqri flimkien mal-libertà professjonali u mal-libertà tal-intrapriża kif previst rispettivament taħt l-Artikoli 15(1) u 16 tal-Karta.


( 1 ) Lingwa oriġinali:l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2006 L 404, p. 9.

( 3 ) ĠU 2010 L 37, p. 16.

( 4 ) Fir-rigward ta’ dan is-sens tal-aħħar, ara d-definizzjoni wiesgħa ta’ saħħa mogħtija mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) — li tkopri, wkoll, il-benesseru soċjali — bħala: “stat ta’ benesseru fiżiku, mentali u soċjali komplut u mhux biss in-nuqqas ta’ mard jew infirmità”.

( 5 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-premessi 10, 14, 16 u 17 għar-Regolament Nru 1924/2006 u l-Artikoli 5 u 6 tiegħu.

( 6 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja u Il-Finlandja vs Il-Parlament u l-Kunsill (C-184/02 u C-223/02, Ġabra I-7789, punt 51; kif ukoll l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta dwar l-Artikoli 15 u 16).

( 7 ) Ara Spanja u Il-Finlandja vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, u s-sentenza tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (C-143/88 u C-92/89, Ġabra I-415, punti 72 sa 77).

( 8 ) Ara, speċifikament fir-rigward tal-ittikettar ta’ nbejjed, is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Keller (Kawża 234/85, Ġabra 2897, punt 9).

( 9 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood (C-20/00 u C-64/00, Ġabra I-7411, punt 68); is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004 Di Lenardo u Dilexport (C-37/02 u C-38/02, Ġabra I-6911, punt 82); u s-sentenza tal-15 ta’ April 1997, The Irish Farmers Association et (C-22/94, Ġabra I-1809, punt 27).

( 10 ) Ara, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2004, Bacardi France (Kawża C-429/02, Ġabra I-6613, punt 37), u s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 1998, Gourmet International Products (Kawża C-405/98, Ġabra I-1795, punt 27).

( 11 ) Ara, is-sentenza Keller (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 9).

( 12 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010, Pérez u Gómez (C-570/07 u C-571/07 (Ġabra I-4629, punt 90); u s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish (Kawża C-183/95, Ġabra I-4315, punti 42 u 43).