KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-8 ta’ Diċembru 2011 ( 1 )

Kawża C-533/10

CIVAD SA

vs

Receveur des douanes de Roubaix,

Directeur régional des douanes et droits indirects de Lille,

Administration des douanes

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’instance de Roubaix (Franza)]

“Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament li jistabbilixxi dazji antidumping — Rimbors tad-dazji mħallsa abbażi ta’ regolament sussegwententement iddikjarat invalidu — Illegalità li tikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri — Mument tat-tnissil tal-obbligu tal-maħfra tad-dazji — Effetti retroattivi tal-illegalità ddikjarata b’deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali”

1. 

Wara l-ewwel domanda mit-tnejn li jikkostitwixxu dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari [li, fl-aħħar mill-aħħar, hija talba għal interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “forza maġġuri” fis-sens tal-Artikolu 236(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 2 )] nikkunsidra, għar-raġunijiet li se nispjega iktar ’il quddiem, li saret domanda iktar ġenerali, li għandha l-għan li tiddetermina l-portata eventwali tat-terminu ta’ tliet snin previst f’dan l-artikolu tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità għal finijiet ta’ rimbors jew ta’ ħlas lura tad-dazji antidumping li jirriżulta li ma kinux legalment dovuti, f’każ bħal dak li ta lok għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Kien x’kien il-każ, il-mertu tal-proċess jinkludi l-kwistjoni tal-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2398/97, tat-28 ta’ Novembru 1997, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan ( 3 ) kif ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale ( 4 ).

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt internazzjonali

2.

Fil-15 ta’ April 1994, il-Komunità Ewropea ffirmat l-att finali li kien jikkonkludi n-negozjati kummerċjali multilaterali tal-Uruguay Round, il-Ftehim li jistabbilixxi l-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (iktar ’il quddiem id-“WTO”) kif ukoll il-ftehim u l-protokolli tal-ftehim miġbura fl-Annessi 1 sa 4. Fosthom, wieħed jsta’ jsib il-Ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tas-sena 1994 (iktar ’il quddiem il-“GATT tal-1994”) u l-Protokoll tal-Ftehim dwar regoli u proċeduri li jirregolaw konkluzjonijiet ta’ tilwim (iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal-Ftehim”) ( 5 ).

3.

Kif jirriżulta mill-preambolu tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO, il-partijiet kontraenti kkonkludew ftehim bil-għan li “jikkontribwixxu għal dawn il-għanijiet billi jidħlu f’arranġamenti reċiproċi u vantaġġużi reċiprokament diretti lejn tnaqqis sostanzjali tat-tariffi u ostakoli oħra għall-kummerċ u għal biex jeliminaw it-trattament diskriminatorju fir-relazzjonijiet tal-kummerċ internazzjonali”.

4.

Skont id-diċitura tal-Artikolu III(2) tal-ftehim iċċitat iktar ’il fuq, id-WTO tikkostitwixxi “forum għan-negozjati fost il-Membri tagħha li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet kummerċjali multilaterali tagħhom […]”.

5.

L-Artikolu II(2) tal-ftehim iċċitat iktar ’il fuq jipprevedi li “[i]l-ftehim u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 […] huma partijiet integrali ta’ dan il-Ftehim, li jorbtu lill-Membri kollha”.

6.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu XVI(4) tal-Ftehim jipprovdi li “[k]ull Membru għandu jiżgura l-konformità mal-liġijiet, mar-regolamenti u mal-proċeduri amminisrattivi tiegħu rigward l-obbligi tiegħu kif ipprovdut fil-Ftehim annessi”.

7.

Il-GATT tal-1994 jiddikjara, fl-Artikolu IV(1), li d-dumping “li jippermetti l-introduzzjoni ta’ prodotti ta’ xi pajjiż fuq is-suq ta’ pajjiż ieħor bi prezz orħos mill-valur normali tagħhom, huwa kkundannabbli jekk dan jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu materjali sinjifikattiv għal xi fergħa mill-produzzjoni stabbilita ta’ parti kontraenti jew jekk tittardja b’mod sostanzjali l-ħolqien ta’ fergħa mill-produzzjoni nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8.

F’dan il-kuntest, jistgħu jiġu adottati xi miżuri antidumping skont il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi previsti fil-Ftehim antidumping, li l-Artikolu 18(4) tiegħu jobbliga lill-partijiet kontraenti jadottaw “[i]l-passi kollha meħtieġa, ta’ karattru ġenerali jew partikolari, sabiex jassigura[w] [i]l-konformità tal-liġijiet tiegħu, ir-regoli u l-proċeduri amministrattivi mad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim […]”.

9.

Il-Protokoll tal-Ftehim għandu l-għan, abbażi tal-Artikolu 3(2), li “[j]ippreserva d-drittijiet u l-obbligi tal-Membri taħt il-ftehim koperti, u biex [j]iċċara d-dispożizzjonijiet ta’ dawk il-ftehim skond ir-regoli tas-soltu ta’ l-interpretazzjoni tal-liġi pubblika internazzjonali”.

10.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(7) ta’ dan il-protokoll tal-ftehim, jekk il-partijiet ma jirnexxielhomx jilħqu soluzzjoni miftiehma reċiprokament, l-għan tal-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim għandu jkun dak tal-“irtirar tal-miżuri kkonċernati jekk dawn jinstabu li huma inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim koperti”.

11.

Jekk il-miżura inkompatibbli ma tkunx tista’ titneħħa b’mod immedjat, l-Artikolu 21(3) tal-Protokoll tal-Ftehim jipprevedi li l-membru kkonċernat ikollu terminu raġonevoli sabiex jagħmel dan. Jekk ma jneħħix il-miżura inkwistjoni, l-Artikolu 22(2) tal-Protokoll tal-Ftehim jagħtih il-possibbiltà li jidħol għal negozjati ma’ kwalunkwe parti li tkun invokat il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, bl-intenzjoni li jiżviluppaw kumpens reċiprokament aċċettabbli. Fin-nuqqas ta’ dan, kwalunkwe parti tkun tista’ titlob awtorizzazzjoni mill-Korp tar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim (iktar ’il quddiem id-“DSB”) biex tissospendi temporanjament, fir-rigward tal-membru kkonċernat, l-applikazzjoni ta’ konċessjonijiet jew ta’ obbligi oħrajn.

B – Id-dritt Komunitarju

1. Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità

12.

L-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi:

“1.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta’ l-Artikolu 220(2).

Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jintbagħtu [jinħafru] sakemm jiġi stabbilit li meta kienu ddaħħlu fil-kontijiet l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2).

Ebda ħlas lura jew maħfra m’għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas jew daħla fil-kontijiet ta’ ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta’ azzjoni maħsuba mill-persuna involuta.

2.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu [jinħafru] malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta’ dawk id-dazji kien ġie kkomunikat lid-debitur.

Dak il-perjodu għandu jiġi estiż jekk il-persuna interessata tipprovdi evidenza li ma kenitx tħalliet tippreżenta l-applikazzjoni tagħha fil-perjodu msemmi b’riżultat ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri.

Fejn l-awtoritajiet doganali stess jiskopru matul dan il-perjodu li sitwazzjoni jew oħra deskritta fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 jeżistu, għandhom iħallsu lura jew jibagħtu [jaħfru] l-flus fuq inizjattiva tagħhom stess”.

2. Ir-Regolament Nru 2398/97 u l-konsegwenzi tiegħu

13.

Ir-Regolament Nru 2398/97 stabbilixxa dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan.

14.

Ftit xhur wara, abbażi ta’ azzjoni mressqa mill-Indja fit-3 ta’ Awwissu 1998 quddiem id-DSB, inbdew sensiela ta’ konsultazzjonijiet mal-Komunità dwar ir-Regolament Nru 2398/97.

15.

Billi ma nstabet l-ebda soluzzjoni li kienet tissodisfa liż-żewġ partijiet, fis-7 ta’ Settembru 1999 l-Indja talbet lid-DSB sabiex joħloq grupp soċjali ħalli jeżamina l-kompatibbiltà tar-Regolament Nru 2398/97 mad-dispożizzjonijiet tad-WTO.

16.

Dan il-grupp speċjali, imwaqqaf fis-27 ta’ Ottubru 1999, ħareġ rapport fit-30 ta’ Ottubru 2000 ( 6 ), fejn ikkonkluda, dwar is-suġġett li jikkonċernana, li l-Komunità kienet aġixxiet b’mod li ma huwiex kompatibbli mal-obbligi tagħha abbażi tal-Ftehim antidumping. Fir-rapport ingħad ukoll, b’mod partikolari, li minn naħa, il-Komunità kienet kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tal-Ftehim antidumping, billi applikat il-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattivi biex tiddetermina l-marġni medja tad-dumping piżanti u, min-naħa l-oħra, li l-Komunità kienet aġixxiet b’mod li ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 3(4) tal-istess ftehim, sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja, billi ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar produtturi li ma kinux jagħmlu parti mill-fergħa tal-produzzjoni nazzjonali, kif kienet iddefinita mill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni, u billi ma evalwatx il-fatturi kollha rilevanti li kienu jaffettwaw l-istat ta’ din il-fergħa.

17.

Il-konklużjoni tal-grupp speċjali kienet ikkonfermata mill-Korp tal-Appell tad-WTO permezz ta’ rapport li ġie ddistribwit fl-1 ta’ Marzu 2001 ( 7 ). Dan ir-rapport ġie adottat mid-DSB fit-12 ta’ Marzu 2001.

18.

Skont l-Artikolu 19(1) tal-Protokoll tal-Ftehim, id-DSB talbet lill-Komunità sabiex tadatta l-miżuri tagħha skont il-Ftehim antidumping.

19.

Skont l-Artikolu 21(3)(b) tal-Protokoll tal-Ftehim, fis-26 ta’ April 2001, il-Komunitajiet u l-Indja ddeċidew li jagħtu lilhom infushom terminu ta’ ħames xhur u jumejn sabiex jimplementaw ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB. Dan it-terminu skada fl-14 ta’ Awwissu 2001.

3. Il-miżuri adottati mill-Komunitajiet wara r-rapport tad-DSB

20.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001, fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim [Korp ta’ Riżoluzzjoni tat-Tilwim] tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq antidumping u anti-sussidji ( 8 ), ġie adottat fit-23 ta’ Lulju 2001. Dawn il-miżuri, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, jistgħu jkunu li “tħassar jew temmenda il-miżura kontestata” [Artikolu 1(1)(a)] jew li “tadotta kwalunkwe miżura speċjali oħra meqjusa xierqa fiż-ċirkostanzi” [Artikolu 1(1)(b)]; kienet aċċettata wkoll il-possibbiltà li dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri jiġu adottati fl-istess ħin.

21.

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1515/2001, “[k]walunkwe miżura adottata skond dan ir-Regolament, kemm-il darba ma jiġix indikat mod ieħor, jibda jkolla effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u ma tipprovdix l-ebda bażi għar-rimborż tad-dazju li inġabar qabel dik id-data”.

22.

Fir-rigward tal-importazzjonijiet provenjenti mill-Indja, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1644/2001, tas-7 ta’ Awwissu 2001, li jemenda r-Regolament Nru 2398/97 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u tal-imħaded tal-qoton li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja ( 9 ).

23.

Abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 160/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002 ( 10 ), il-proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Pakistan kienet ikkunsidrata bħala magħluqa sa fejn il-kalkolu vverifikat stabbilixxa li l-ebda kumpannija Pakistana ma kienet ipprattikat id-dumping fuq l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

24.

Ħames snin wara, meta ngħatat is-sentenza Ikea tas-27 ta’ Settembru 2007, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, minn naħa li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2398/97 kien illegali sa fejn il-Kunsill applika l-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” u min-naħa l-oħra, li importatur li appella kontra d-deċiżjonijiet li abbażi tagħhom huwa ntalab iħallas dazji antidumping skont ir-Regolament Nru 2398/97 jista’, fil-prinċipju, jinvoka d-dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ dan ir-regolament sabiex jikseb ir-rimbors ta’ dawn id-dazji skont l-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

II – Il-fatti. Il-kawża ta’ CIVAD

25.

Il-kumpannija b’responsabbiltà limitata CIVAD, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha huwa stabbilit fi Franza u li l-għan prinċipali tagħha huwa l-bejgħ tal-merkanzija bil-korrispondenza, tikkummerċjalizza friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan. Mill-15 ta’ Diċembru 1997, hija ħallset id-dazji antidumping iffissati skont ir-Regolament Nru 2398/97.

26.

Abbażi tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 160/2002, permezz ta’ ittri tas-26 ta’ Lulju 2002 u tat-28 ta’ Ottubru 2002, CIVAD talbet ir-rimbors tad-dazji antidumping li hija kienet ħallset fuq l-importazzjonijiet tagħha ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan bejn il-15 ta’ Diċembru 1997 u t-23 ta’ Lulju 1999.

27.

Sitt snin wara, u wara s-sentenza Ikea, id-Direction Régionale des Douanes et Droits Indirects de Lille ċaħdet, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2008, l-applikazzjonijiet għal rimbors ta’ CIVAD relatati mad-dazji antidumping imħallsa għad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjonijiet imwettqa bejn Diċembru 1997 u Jannar 1999 u, sussegwentement, bejn Frar 1999 u Jannar 2002. Għad-Direction Régionale, it-terminu ta’ tliet snin għar-rimbors iffissat mill-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jista’ jiġi estiż biss jekk il-parti kkonċernata tipprovdi evidenza li ma setgħetx tippreżenta l-applikazzjoni tagħha f’dan it-terminu b’riżultat ta’ ċirkustanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri, u l-annullament tar-regolament Komunitarju li jagħmilha ta’ bażi għall-ġbir tad-dazju ma jaqa’ taħt l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet.

28.

It-talba għal eżami mill-ġdid imressqa minn CIVAD fl-24 ta’ April 2008, minħabba li ma kienx possibbli għaliha li tressaq applikazzjonijiet għal rimbors qabel il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-konklużjoni tal-proċedura antidumping, inċaħad mill-amministrazzjoni doganali permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Awwissu 2008.

29.

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Lulju 2009, CIVAD fetħet kawża quddiem it-Tribunal d’instance de Roubaix kontra r-Receveur des douanes de Roubaix C.R.D., id-Directeur Régional de Douanes et Droits Indirects de Lille u l-Administration des Douanes, biex titlob ir-rimbors tad-dazji antidumping skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

III – Id-domanda preliminari

30.

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

L-ewwel domanda:

 

“L-illegalità ta’ regolament Komunitarju li la abbażi tal-fatti u lanqas abbażi tal-liġi ma jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors individwali għal annullament ippreżentat minn operatur, tikkostitwixxi fil-konfront tiegħu każ ta’ forza maġġuri li jawtorizza li jinqabeż it-terminu previst [fit-tieni subparagrafu tal-] Artikolu 236[(2)] tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità?”

It-tieni domanda:

 

“F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet [tat-tielet subparagrafu] tal-Artikolu 236[(2)] tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jimponu fuq l-awtoritajiet doganali l-obbligu li jagħtu rimbors ex officio tad-dażji antidumping meta l-illegalità tar-regolament tiġi kkonstatata wara li l-legalità tiegħu ġiet ikkontestata minn Stat Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO):

(1)

mid-data tal-ewwel komunikazzjoni tal-pajjiż ikkonċernat li tikkontesta l-legalità tar-regolament antidumping;

(2)

mid-data tar-rapport tal-grupp speċjali li jikkonstata l-illegalità tar-regolament antidumping;

(3)

mid-data tar-rapport tal-korp tal-appell tad-WTO li wassal lill-Komunità Ewropea sabiex tirrikonoxxi l-illegalità tar-regolament antidumping?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Novembru 2010.

32.

CIVAD, il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Ċek u dak Franċiż ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

33.

Fis-seduta, li saret fis-6 ta’ Ottubru 2011, ir-rappreżentanti ta’ CIVAD, tar-Repubblika Franċiża u tal-Kummissjoni kienu preżenti sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom. Fis-seduta, ir-rappreżentant ta’ CIVAD ipproduċa dokument tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar ir-rimbors tad-dazji mħallsa abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 261/2008, tas-17 Marzu 2008, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti kompressuri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 11 ). Il-partijiet l-oħra għall-proċedura ma opponewx l-inkorporazzjoni ta’ dan id-dokument fil-proċess.

V – L-argumenti tal-partijiet

34.

Il-kumpannija CIVAD essenzjalment issostni li d-dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ regolament tikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, minħabba li hija ċirkustanza anormali, imprevedibbli u barranija għall-isfera ta’ responsabbiltà tal-operaturi milquta. Din l-illegalità, minbarra li tirriżulta minn proċedura li fiha l-individwi ma jistgħux jipparteċipaw, setgħet tingħaraf minn dawn tal-aħħar biss meta ġie ppubblikat r-regolament sussegwenti (ir-Regolament Nru 160/2002), u huwa biss minn dan il-mument li huma setgħu jressqu applikazzjoni għal rimbors. Kien x’kien il-każ, CIVAD tikkunsidra li, l-istess bħal f’każijiet oħrajn, il-Kummissjoni missha pprevediet terminu biex jitressqu applikazzjonijiet għal rimbors wara li l-illegalità tar-Regolament Nru 2398/97 issir pubblika. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jimponi fuq l-Istati l-obbligu li jirrimborsaw ex officio d-dazji antidumping mid-data tal-ewwel rapport tal-grupp speċjali tad-WTO (it-30 ta’ Ottubru 2000).

35.

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni jaqblu li l-illegalità tar-Regolament Nru 2398/97 ma tikkostitwixxix każ ta’ forza maġġuri, għaliex il-fatt li, f’komunità ġuridika bħall-Unjoni, regolament jista’ jiġi ddikjarat invalidu ma huwiex anormali. Fir-rigward tal-aġir ta’ CIVAD, din ma adottatx il-miżuri xierqa fid-dawl tal-illegalità eventwali tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq, għaliex dak iż-żmien hija setgħet titlob ir-rimbors tad-dazji billi quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tinvoka din l-illegalità u, jekk kien il-każ, billi titlob lill-qrati Franċiżi sabiex iressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

36.

Fir-rigward tat-tieni domanda, iż-żewġ gvernijiet u l-Kummissjoni jallegaw li r-rapport tad-DSB ma jagħtix il-possibbiltà lill-awtoritajiet nazzjonali li jieqfu jimplementaw regolament u li ma kienx possibbli li jsir rimbors ex officio, billi r-Regolament Nru 160/2002 ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar ir-rimbors tad-dazji diġà mħallsa.

VI – Evalwazzjoni tal-argumenti

37.

Il-qorti tar-rinviju, bl-ewwel domanda tagħha, tippreżenta każ kumpless fejn individwu, iffaċċjat b’regolament Komunitarju li jikkonċernah direttament (1) f’dak iż-żmien ma setax jirreaġixxi għalih permezz ta’ rikors għal annullament, u (2) seta’ jibbenefika biss parzjalment mid-dikjarazzjoni ta’ illegalità tar-regolament mogħtija snin wara b’konsegwenza ta’ applikazzjoni f’dan il-każ, mill-amministrazzjoni, tat-terminu previst fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Huwa f’dawn it-termini li l-qorti tar-rinviju tistaqsi speċifikatament lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dan il-każ jistax jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri fis-sens tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 236(2) għall-applikazzjoni tat-terminu ċċitat iktar ’il fuq.

38.

Billi s-sens tal-ewwel miż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ġie spjegat b’dan il-mod, nikkunsidra li din id-domanda tista’ biss tingħata risposta fin-negattiv. Madankollu, il-konsegwenzi ta’ din ir-risposta jkunu ferm differenti, jekk mhux ukoll kuntrarji skont il-bażi li se tiġi aċċettata għal dik ir-risposta. B’hekk, iktar ’il quddiem biħsiebni nesponi l-bażijiet differenti li jista’ jkollha din ir-risposta.

A – It-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità ma jipprevedix il-każ tad-dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ regolament

39.

Fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju qed tibbaża ruħha fuq premessa żbaljata, jiġifieri li l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jinkludi l-każ li fih ir-Regolament Nru 2398/97 ikun iddikjarat illegali, għaldaqstant fil-konfront tiegħu jkun applikabbli t-terminu ta’ tliet snin previst fl-artikolu kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-eċċezzjoni ta’ forza maġġuri. Madankollu, nikkunsidra li din hija premessa żbaljata u għaldaqstant ma hemmx lok għall-eċċezzjoni ta’ forza maġġuri.

40.

F’dan is-sens, nixtieq nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex terġa’ tikkunsidra l-interpretazzjoni tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità abbażi ta’ żewġ tipi ta’ raġunijiet li, minn naħa, jirrigwardaw l-eżerċizzju xieraq tas-setgħa ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, jirrigwardaw l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 12 ).

41.

Fir-rigward tal-ewwel grupp ta’ raġunijiet, għandu jitfakkar, bħala prinċipju, li d-dikjarazzjonijiet ta’ invalidità tal-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhomx fihom infushom valur kostituttiv, b’tali mod li l-effetti tagħhom imorru lura, fil-prinċipju, għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert, C-89/10 u C-96/10) ( 13 ).

42.

Madankollu, tista’ ssir eċċezzjoni għal din ir-regola meta l-applikazzjoni tagħha f’ċirkustanzi preċiżi ħafna tista’ twassal għal riperkussjonijiet ekonomiċi gravi ( 14 ).

43.

Madankollu, il-qorti li tkun tat id-deċiżjoni li tiddikjara l-invalidità ta’ regolament biss tista’ tiddeċieda li tagħmel eċċezzjoni għar-retroattività ta’ dik id-deċiżjoni. Bla ebda dubju dawn huwa l-każ għar-rikorsi diretti għal invalidità u huwa wkoll il-każ, skont il-ġurisprudenza u abbażi ta’ applikazzjoni simili tal-Artikolu 264 TFUE, fir-rigward ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ( 15 ). Dan jimplika setgħa esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex taġġusta l-portata ġenerali tal-effetti ta’ deċiżjoni li tilqa’ rikors, jiġifieri ta’ deċiżjoni li tiddikjara l-att ikkontestat bħala li huwa att “null u bla valur”.

44.

Issa, fir-rigward tal-eżami tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, huwa assolutament evidenti li fl-Artikolu 236(1) qed jiġi ordnat r-rimbors u l-maħfra tal-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni jekk jiġi stabbilit li l-ammont tagħhom “ma kienx legalment dovut”.

45.

Dan in-“nuqqas ta’ bażi legali” jinkludi, fil-fehma tiegħi, bla ebda dubju, il-każijiet fejn, ladarba ġiet preżunta l-validità tar-regola li abbażi tagħha ntalab il-ħlas ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, l-applikazzjoni tagħha ma kinitx korretta; jiġifieri, “illegali” fid-dawl tar-regola applikata. Madankollu, il-konklużjoni dwar l-istess illegalità tar-regola li ġiet applikata għandha tkun differenti.

46.

Jidher ċar li d-dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-Regolament Nru 2398/97 timplika li d-dazji li abbażi tagħhom intalab il-ħlas ma kinux “legalment dovuti”. Imma din ma hijiex illegalità kwalunkwe, paragunabbli għall-illegalità preċedenti, għaliex hija tirriżulta eżattament mill-invalidità tar-Regolament Nru 2398/97 li għandha bħala oriġini r-regoli li huwa suġġett għalihom u li jistgħu jiddeterminaw l-invalidità tiegħu, kemm jekk ikunu ttrattati kif ukoll jekk ikunu regoli oħrajn tal-leġiżlazzjoni sekondarja. Barra minn hekk, kif diġà ngħad iktar ’il fuq, l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ regola tal-leġiżlazzjoni sekondarja huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 264 TFUE u mill-ġurisprudenza li testendi dawn id-dispożizzjonijiet għall-invalidità ddikjarata fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari.

47.

Konsegwentement, il-każijiet tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u b’mod partikolari tal-Artikolu 236(2) għandhom sens, fil-fehma tiegħi, jekk ikunu ristretti biss għall-każijiet fejn in-nuqqas ta’ bażi legali għal dazji li għandhom jitħallsu tirriżulta mill-applikazzjoni mhux korretta tar-regola ġuridika li fuqha huwa bbażat il-ksur. Konsegwentement, wieħed dejjem jitlaq mill-premessa li r-regola applikata tkun valida dment il-legalità tal-applikazzjoni tagħha biss tkun ikkontestata.

48.

Din l-interpretazzjoni tal-artikolu tapplika wkoll mil-lat tad-drittijiet tal-individwi, li jwassalni għat-tieni grupp ta’ raġunijiet imsemmija fil-punt 40.

49.

Jekk l-“illegalità” li għaliha jirreferi l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità hija biss dik li tirriżulta mill-inkompatibbiltà tar-regola ġuridika applikata u mill-att konkret li jikkonsisti fit-talba għall-ħlas ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, allura din tkun illegalità sinjifikattiva mill-bidu nett u konsegwentement tista’ tiġi invokata billi jiġi kkontestat immedjatament l-att ta’ applikazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 236(3) jieħu dimensjoni għalkollox differenti, għaliex allura jinftiehem bħala limitu, għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-aspettattivi fiskali tal-amministrazzjoni, għal dritt li “seta’ jiġi eżerċitat” mill-bidu nett.

50.

Fil-każ kuntrarju, jiġifieri jekk wieħed jinterpreta l-artikolu bħala li jkopri l-każ tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-regola ġuridika li sservi bħala bażi għall-ksur, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin iwassal għal effetti li jmorru kontra s-sigurtà u d-drittijiet taċ-ċittadini, għaliex ir-rimbors eventwali ta’ dazju mhux dovut jiddependi fuq li sseħħ ċirkustanza imprevedibbli li tkun fuq kollox barranija għall-kapaċitajiet tal-persuni affettwati.

51.

Fil-fatt, l-interpretazzjoni ċċitata iktar ’il fuq tbiddel l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità f’regola li tistabbilixxi d-dritt għal rimbors a priori f’terminu massimu ta’ tliet snin, indipendentement mill-mument meta tnissel dan id-dritt. F’kuntest fejn il-kisba tad-dikjarazzjoni ta’ illegalità tista’ tkun ferm itwal, b’konsegwenza, fost l-oħrajn, tad-diffikultajiet marbuta, kif inhu magħruf, mal-kriterju ta’ interess individwali, kif il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din il-kundizzjoni ( 16 ), jidher evidenti li jekk wieħed jibbaża l-effetti fiż-żmien ta’ dikjarazzjoni ġudizzjarja ta’ invalidità ta’ regolament fuq l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, dan jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jagħti lok għal sitwazzjonijiet inkompatibbli mal-prinċipji bażiċi tal-istat tad-dritt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi spjegat ir-rikors għal soluzzjonijiet daqstant estremi bħal dak deskritt bħala forza maġġuri daqs dak li l-fatt li qorti tiddikjara regola ġuridika invalida.

52.

Mill-bqija, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni stess donnha qed tibbaża ruħha fuq l-istess interpretazzjoni għaliex, kif diġà ngħad fil-punt 33, il-Kummissjoni, għall-inqas ċerti drabi, tistieden lill-persuni affettwati sabiex iressqu applikazzjoni, mingħajr limitu ta’ żmien, għar-rimborsi tad-dazji li huma ntalbu jħallsu abbażi tar-regolamenti ddikjarati illegali ( 17 ) mill-qrati.

53.

Bħala konklużjoni għal dak li ngħad iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-possibbiltà li tiddikjara li t-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità ma jkoprix il-każijiet fejn in-nuqqas ta’ bażi legali sabiex jintalab il-ħlas tad-dazju fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni jirriżulta mill-istess illegalità tar-regola li abbażi tagħha qed jintalab il-ħlas tad-dazju inkwistjoni.

54.

Madankollu, il-konsegwenza inevitabbli hija li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jikkostitwixxux każ ta’ forza maġġuri fis-sens tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Għaldaqstant, il-premessa li fuqha bbażat ruħha l-qorti tar-rinviju (jiġifieri li l-każ ta’ invalidità tar-Regolament Nru 2398/97 huwa inkluż f’dan l-artikolu) għandha tiġi kkwalifikata bħala premessa żbaljata. Issa, jekk din il-premessa ma hijiex korretta, il-portata tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, f’dan il-każ il-forza maġġuri, ma għandha l-ebda rilevanza għal dan il-każ.

B – Sussidjarjament: id-dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ regolament ma tikkostitwixxix każ ta’ forza maġġuri fis-sens tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità

55.

Anki jekk wieħed jikkunsidra li l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jkopri l-każijiet li fihom regolament jiġi ddikjarat illegali u li, konsegwentement, it-terminu ta’ tliet snin ikun applikabbli għalihom, nikkunsidra li, kien x’kien il-każ, l-eċċezzjoni tal-każ ta’ forza maġġuri previst fl-Artikolu 236(2) ma hijiex applikabbli, għal raġuni relattivament sempliċi biex tispjegaha.

56.

Jidher evidenti, fil-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni, li l-eventwalità ta’ invalidità ddikjarata mill-Qorti tal-Ġustizzja, indipendentement mid-diffikultà ftit jew wisq sinjifikattiva biex jiġi ppreżentat rikors ġudizzjarju li jista’ jwassal għal dik id-dikjarazzjoni, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza anormali, eċċezzjonali jew mhux mistennija fil-kuntest ta’ ordinament ġuridiku li, bħal dak tal-Unjoni, huwa kkostitwit fuq l-istat tad-dritt u li, konsegwentement, huwa ispirat mill-prinċipju tal-legalità u tal-garanzija tal-kontroll tiegħu mill-korpi ġudizzjarji. Għaldaqstant, hija fin-natura tal-affarijiet tad-dritt tal-Unjoni li r-regoli li jikkostitwixxuh jistgħu jiġu ddikjarati invalidi.

57.

Il-qorti tar-rinviju, mingħajr ma kienet partikolarment espliċita, donnha qed tifhem li l-“forza maġġuri” tirriżulta mil-limiti li bihom huma ffaċċjati l-individwi meta jiġu biex jirreaġixxu kontra regolament li jaffettwahom direttament. Madankollu, anki jekk dan huwa fatt innegabbli, jidher ukoll ċar li l-konfigurazzjoni tal-ordinament ġuridiku, u b’mod partikolari tas-sistema proċedurali, minħabba n-natura prevedibbli inerenti tagħha, ma tistax tiġi inkluża fil-kunċett ta’ “forza maġġuri”. Jekk dan l-ordinament ġuridiku jkollu konsegwenzi problematiċi f’ċerti aspetti, dan jista’ jkun partikolarment diffiċli biex jiġi rrimedjat bil-kunċett ta’ forza maġġuri ċċitat iktar ’il fuq. Għaldaqstant, ma jistax jiġi aċċettat li dan huwa każ ta’ forza maġġuri.

58.

Madankollu, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ din l-espożizzjoni, nikkunsidra li hija ma għandhiex tieqaf hemmhekk. Fil-fatt, niddubita kemm din ir-risposta eventwali tista’ torjenta suffiċjentement u fuq kollox korrettement id-deċiżjoni li għandu jieħu t-Tribunal d’instance. Fi kliem ieħor, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevita li, b’ċertu mod, minħabba nuqqas min-naħa tagħha, jista’ jkun hemm konferma tal-interpretazzjoni tal-artikolu inkwistjoni li abbażi tagħha, f’każ fejn ma jkunx hemm forza maġġuri, ikollu jiġi irrimedjabbilment applikat it-terminu previst fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Fil-fatt, l-iżvolġiment tas-seduta wera l-mod li bih id-domanda magħmula fil-kawża prinċipali tmur lil hinn mis-sempliċi determinazzjoni ta’ jekk jeżistix jew le każ ta’ forza maġġuri.

C – Dejjem sussidjarjament: interpretazzjoni possibbli tal-effetti tas-sentenza Ikea

59.

F’dan is-sens, huwa inevitabbli li wieħed jibda bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li annullat ir-Regolament Nru 2398/97, jiġifieri s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, u, f’termini iktar speċifiċi, bil-mod li bih il-Qorti tal-Ġustizzja indikat l-effetti tagħha.

60.

F’din is-sentenza, kif fakkart fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, minn naħa, li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2398/97 kien illegali sa fejn il-Kunsill applika l-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” u min-naħa l-oħra, hija stabbiliet l-effetti tad-dikjarazzjoni tagħha, sa fejn importatur li appella mid-deċiżjonijiet li abbażi tagħhom qed jintalab iħallas dazji antidumping skont ir-Regolament Nru 2398/97 jista’, fil-prinċipju, jinvoka d-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dan ir-regolament sabiex jikseb ir-rimbors ta’ dawn id-dazji skont l-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

61.

Qabel kollox, f’approċċ inizjali, kif il-Kummissjoni qalet fil-punt 36 tal-osservazzjonijiet tagħha, mis-sentenza Ikea jirriżulta li l-konsegwenzi tal-invalidità tar-Regolament Nru 2398/97 ma jimplikawx, bħala tali, eċċezzjoni għall-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità għar-rimbors tas-somom li ma kinux legalment dovuti fil-mument li tħallsu.

62.

Fil-fatt, fil-punt 67 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “[h]uma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jistabbilixxu l-konsegwenzi, fl-ordinament ġuridiku tagħhom, ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li tkun saret fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda evalwazzjoni tal-validità (sentenza tat-30 ta’ Ottubru 1975, Rey Soda, 23/75, Ġabra p. 1279, punt 15), li jkollha bħala konsegwenza li d-dazji antidumping, imħallsa abbażi tar-Regolament Nru 2398/97, ma jkunux legalment dovuti fis-sens ta’ l-Artikolu 236(1) tar-Regolament Nru 2913/92 u għandhom, bħala prinċipju, jkunu rrimborsati mill-awtoritajiet doganali, skont din id-dispożizzjoni, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet, fosthom dawk previsti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu [ ( 18 ) ], li għalihom huwa suġġett dan ir-rimbors, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti ta’ rinviju”.

63.

Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-Artikolu 236(2) tar-Regolament Nru 2913/92 ma ssemmiex fid-dispożittiv tas-sentenza, bil-kontra tal-Artikolu 236(1). Is-sentenza ssemmi, fil-punt 2 tad-dispożittiv tagħha, li “[i]mportatur, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li quddiem qorti nazzjonali jkun ressaq rikors kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom huwa ġie ordnat iħallas dazji antidumping abbażi tar-Regolament Nru 2397/97, li ġie ddikjarat invalidu f’din is-sentenza, għandu, bħala prinċipju, id-dritt li jagħmel użu minn din l-invalidità fil-kuntest tal-kawża prinċipali [ ( 19 ) ]sabiex jikseb ir-rifużjoni ta’ dawn id-dazji skond l-Artikolu 236(1) tar-Regolament […] (KE) Nru 2913/92 […]”.

64.

Enfasizzajt l-espressjoni “fil-kuntest tal-kawża prinċipali” għaliex, fil-fehma tiegħi, permezz ta’ dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tagħmel distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet ukoll differenti biex tiddetermina l-portata tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità b’rabta mal-imgħoddi. Minn naħa, is-sitwazzjoni ta’ dawk li, billi ħallsu d-dazji li ntalbu jħallsu abbażi tar-regolament iddikjarat illegali, kienu konformi miegħu u ma appellawx mill-atti ta’ applikazzjoni tiegħu quddiem l-awtoritajiet nazzjonali. U min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ta’ dawk li, bħal Ikea u bħal CIVAD, kif se jingħad iktar ’il quddiem, irreaġixxew kontra l-applikazzjoni tar-regolament u kkontribwew fl-aħħar mill-aħħar għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk għal tal-ewwel, għandu jiġi applikat il-limitu previst fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, min-naħa l-oħra, ma hemm l-ebda limitu għal tat-tieni abbażi tar-retroattività inerenti fid-dikjarazzjonijiet ġudizzjarji ta’ invalidità.

65.

It-terminu previst fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jeskludi b’mod ċar il-possibbiltà ta’ kwalunkwe talba għal rimbors tas-somom mhux dovuti lil hinn mit-terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data meta dawn jingħataw, bl-unika eċċezzjoni tkun dik tal-każijiet ta’ forza maġġuri.

66.

Madankollu, din il-pożizzjoni tista’ tkun ammissibbli biss għal dawk li ma rreaġixxewx, bil-mezzi legali għad-dispożizzjoni tagħhom, kontra r-regolament li finalment ġie ddikjarat illegali. Din il-pożizzjoni ma tistax tapplika fir-rigward ta’ dawk li, ġustament, għamlu possibbli dik id-dikjarazzjoni, jiġifieri dawk li, meta kkontestaw l-atti ta’ applikazzjoni tar-regolament, għamlu possibbli l-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dawn tal-aħħar, anzi, għandu japplika l-prinċipju ta’ retroattività tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jiddikjaraw l-invalidità, ħlief għal deċiżjoni eċċezzjonali u debitament motivata tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 20 ).

67.

Il-każ kuntrarju, jiġifieri r-restrizzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ dik id-dikjarazzjoni minħabba l-applikazzjoni ta’ terminu li d-dies a quo tiegħu jixbah lil dak stabbilit fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, iwassal f’dan il-każ għal riżultat li jkun diffiċilment kompatibbli mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 47 KDFUE). Fil-fatt, mad-diffikultajiet li bihom ikun iffaċċjat individwu, bħall-importatriċi inkwistjoni, sabiex jikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ regolament bħar-Regolament Nru 2398/97 ( 21 ), għandha tiżdied, b’loġika perversa, il-frustrazzjoni li l-individwu ma jkunx jista’ jibbenefika mir-riżultati materjali u prattiċi ta’ dik id-dikjarazzjoni ta’ invalidità.

68.

Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dispożittiv tas-sentenza Ikea, naqset milli tagħmel kwalunkwe referenza għall-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Dognali tal-Komunità bil-ħsieb li “fil-kuntest tal-kawża prinċipali” Ikea setgħet tinvoka l-estensjoni ratione temporis ordinarja tal-effetti ta’ invalidità ddikjarata fil-proċedura inċidentali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

69.

Madankollu, mhux l-istess jista’ jingħad għal dawk li ma ppreżentaw l-ebda appell mill-atti ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2398/97, li fir-rigward tagħhom, skont il-punt 67 tas-sentenza Ikea, jiġi applikat b’mod sħiħ il-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 236(2).

70.

X’inhija l-pożizzjoni ta’ CIVAD? Fil-fehma tiegħi, jekk jiġi stabbilit fil-proċedura prinċipali li l-azzjoni proċedurali ta’ CIVAD tista’ tiġi pparagunata ma’ dik ta’ IKEA fir-rigward tad-diliġenza tagħha li tieħu azzjoni kontra r-Regolament Nru 2398/97, allura l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dan ir-regolament ma għandhomx ikunu differenti għal dawn iż-żewġ kumpanniji ( 22 ). F’każ li, jekk ikun il-każ, il-qorti nazzjonali ma taġixxix b’tali mod li tippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni inċidentali dwar il-validità tar-regolament applikat ( 23 ), dan ma għandux ikun ta’ dannu għal CIVAD sakemm is-sitwazzjoni tagħha tkun paragunabbli, għal finijiet prattiċi, ma’ dik ta’ dawk li ma rreaġixxewx kontra l-applikazzjoni ta’ regola li hija rrapportat in-natura illegali tagħha minn meta kellha l-okkażjoni tagħmel dan billi invokat l-argumenti li hija setgħet tressaq legalment.

71.

Fl-aħħar nett, nikkunsidra li għandha tingħata risposta, b’mod sussidjarju, għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju fis-sens li dan il-każ ma jikkostitwixxix każ ta’ forza maġġuri; madankollu d-dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ regolament bħal dik li tirriżulta mis-sentenza Ikea fir-rigward tar-Regolament Nru 2398/97 ma tagħtix lok għal dritt għal rimbors jew għal ħlas lura suġġett għal-limitu ta’ żmien previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, fil-każ preċiż li importatur, bħall-kumpannija msemmija fil-kawża prinċipali, irreaġixxa billi invoka l-illegalità ta’ dan ir-regolament, b’dan il-punt tal-aħħar għandu jkun iddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

D – It-tieni domanda magħmula sussidjarjament mit-Tribunal d’instance

72.

Issa biħsiebni niddiskuti t-tieni domanda magħmula sussidjarjament f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel li tillimita ruħha sabiex tirrispondi għall-ewwel domanda billi tiddikjara li s-sitwazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix każ ta’ forza maġġuri: l-amministrazzjoni doganali kienet obbligata li tirreaġixxi hekk kif id-WTO ddikjarat l-inkompatibbiltà tar-Regolament Nru 2398/97 mal-Ftehim antidumping ( 24 )?

73.

Fil-fehma tiegħi, l-amministrazzjoni Franċiża ma setgħetx tirreaġixxi billi tirrimborsa d-dazji diġà mħallsa biss abbażi ta’ din ir-raġuni, sempliċement għaliex ir-Regolament Nru 1515/2001 jagħti lill-Komunità l-inkarigu li tadotta l-miżuri li għandhom jittieħdu abbażi tar-rapport dwar il-miżuri antidumping u antisussidji adottat mid-DSB. Dawn il-miżuri, skont l-Artikolu 1(1), jistgħu jkunu li “tħassar jew temmenda il-miżura kontestata” [Artikolu 1(1)(a)] jew li “tadotta kwalunkwe miżura speċjali oħra meqjusa xierqa fiż-ċirkostanzi” [Artikolu 1(1)(b)], fejn hija aċċettata l-possibbiltà li dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri jkunu adottati fl-istess ħin.

74.

Ir-reazzjoni eventwali b’rabta mad-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ regolament tal-Unjoni mal-Ftehim antidumping konsegwentement għandha tiġi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’tali mod li l-awtorità nazzjonali li tiddeċiedi li tadotta miżura f’dan ir-rigward tkun qed tindaħal f’kompetenza Komunitarja. Għandu jitfakkar li rimbors mogħti motu proprio mill-amministrazzjoni nazzjonali jmur kontra regolament li, minħabba n-natura tiegħu, lil hinn mill-inkompatibbiltà tiegħu mal-Ftehim antidumping, huwa għalkollox validu għall-finijiet tal-Unjoni.

75.

Għandu jingħad ukoll li r-reazzjoni mistennija tal-Unjoni mhux neċessarjament għandha twassal għal rimbors tad-dazji mħallsa. L-ewwel nett, għaliex l-inkompatibbiltà mal-Ftehim antidumping, kif diġà ġie osservat, tissarraf biss, fil-kuntest tad-WTO, f’obbligu ta’ konsultazzjoni u ta’ negozjar, li jippermetti li tiġi aċċettata l-ipoteżi li din il-proċedura ta’ negozjar twassal għal soluzzjonijiet li mhux neċessarjament jinvolvu r-rimbors ta’ dawn id-dazji. It-tieni nett, sa fejn il-possibbiltajiet miftuħa fir-Regolament Nru 1515/2001 issarrfu konkretament fir-rimbors jew fl-emenda tar-regolament jew fl-adozzjoni ta’ kwalunkwe “miżura speċjali oħra meqjusa xierqa fiż-ċirkostanzi”, lanqas ma huwa eskluż li, meta s-sitwazzjoni terġa’ tiġi kkunsidrata fid-dawl tar-rapport tad-DSB, id-dazji li forsi ma humiex dovuti għar-raġunijiet imsemmija f’dan ir-rapport jista’ minkejja kollox, jintalab il-ħlas tagħhom skont bażi differenti minn dik iċċensurata mid-WTO.

VII – Konklużjoni

76.

Nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula bil-mod kif ġej:

“1)

a)

It-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità ma jikkonċernax il-każijiet fejn in-nuqqas ta’ bażi legali biex jintalab il-ħlas tad-dazju fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni jirriżulta mill-istess illegalità tar-regola li abbażi tagħha ntalab il-ħlas tad-dazju inkwistjoni.

b)

Billi dan it-terminu ma huwiex applikabbli, l-eċċezzjoni tiegħu, il-forza maġġuri lanqas ma tista’ tkun applikabbli.

2)

Sussidjarjament: Id-dritt għal rimbors jew għal maħfra li jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ regolament, l-istess bħal dik mogħtija fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C-351/04, fir-rigward tar-Regolament Nru 2398/97, ma huwiex suġġett għal-limitu ta’ żmien previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità fil-każ preċiż ta’ importatur li jkun aġixxa b’diliġenza raġonevoli. Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk CIVAD ipproċedietx, f’dan is-sens, bid-diliġenza mistennija.

3)

Ukoll sussidjarjament:

a)

Id-dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ regolament Komunitarju ma tikkostitwixxix każ ta’ “forza maġġuri” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

b)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità ma jobbligax lill-awtoritajiet doganali sabiex jagħtu rimbors ex officio tad-dazji antidumping abbażi biss ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà mar-regoli tad-WTO”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307; iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”.

( 3 ) ĠU L 332, p. 1.

( 4 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C-351/04, Ġabra p. I-7723).

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 325.

( 6 ) WT/DS 141/R Communautés européennes — Droit antidumping sur les importations de linge de lit en coton en provenance d’Inde, rapport du Groupe spécial du 30 octobre 2000.

( 7 ) WT/DS 141/AB/R Communautés européennes — Droit antidumping sur les importations de linge de lit en coton en provenance d’Inde, rapport de l’Organe d’appel du 1er mars 2001.

( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 50.

( 9 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1644/2001, tas-7 ta’ Awwissu 2001, li jemenda r-Regolament Nru 2398/97 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 219, p. 1).

( 10 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 160/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jemenda r-Regolament Nru 2398/97 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan u li jagħlaq il-proċedura fir-rigward tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Pakistan (ĠU L 26, p. 1).

( 11 ) ĠU L 81, p. 1.

( 12 ) Din hija eżattament l-interpretazzjoni li ġiet aċċettata fil-kawża Ikea u anki, pereżempju, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2001, Cabletron (C-463/98, Ġabra p. I-3495, punt 26).

( 13 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert (C-89/10 u C-96/10, punt 48).

( 14 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2010, Albron Catering (C-242/09, Ġabra p. I-309, punti 35 sa 37).

( 15 ) F’dan is-sens, ara għal kollha, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 1985, Société des produits de maïs (112/83, Ġabra p. 719, punti 16 sa 18); u tas-26 ta’ April 1994, Roquette Frères (C-228/92, Ġabra p. I-1445, punti 17 sa 20 u 25 sa 30). F’dan ir-rigward, ara W. Cremer, “Art. 231, Rn. 6”, f’Callies/Ruffert, EUV.EGV Kommentar, C.H. Beck, München, it-tielet edizzjoni, 2007; u W.B. Wegener, “Art. 234, Rn. 39-42”, f’Callies/Ruffert, EUV.EGV Kommentar, C.H. Beck, München, it-tielet edizzjoni, 2007.

( 16 ) F’dan ir-rigward, ara għal kollha, U. Haltern, Europarecht. Dogmatik im Kontext, it-tieni edizzjoni, Mohr Siebeck, 2007, noti 509 sa 543.

( 17 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Novembru 2009, MTZ Polyfilms vs Il-Kunsill (T-143/06, Ġabra p. II-4133), li abbażi tagħha r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 366/2006, tas-27 ta’ Frar 2006, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1676/2001 u jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ film tal-polyethylene terephthalate (PET) li joriġina, inter alia, fl-Indja (ĠU L 68, p. 6) ġie ddikjarat illegali. Fil-fatt, f’dak il-każ, fost miżuri oħrajn, il-Kummissjoni ddeċidiet, bl-Avviż Nru 2010/C 131/03 (ĠU C 131, p. 3), li tistieden lill-persuni affettwati sabiex jitolbu, fl-iqsar termini possibbli, ir-rimborsi korrispondenti, billi indikat espressament li t-terminu ffissat fil-leġiżlazzjoni doganali applikabbli ma kienx se jiġi applikat. F’termini simili, fir-rigward tar-Regolament Nru 261/2008, fid-dokument prodott minn CIVAD fis-seduta u li ssemma fil-punt 33, il-Kummissjoni tat ir-rimbors mingħajr ma kienet obbligata b’deċiżjoni ġudizzjarja li ddikjarat invalidità.

( 18 ) Enfasi miżjuda minni.

( 19 ) Enfasi miżjuda minni.

( 20 ) Għal finijiet ta’ kompletezza, madankollu għandu jingħad, kif indikat il-Kummissjoni f’sentenza preċedenti (Cabletron, iċċitata iktar ’il fuq), li l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet espressament is-soluzzjoni proposta mill-Avukat Ġenerali Jacobs li, fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tiegħu qal “għaldaqstant, ma hemmx raġuni biex jiġi limitat l-effett ex tunc tal-konstatazzjoni ta’ invalidità li qed tiġi proposta. Għandu jiġi nnotat li, kien x’kien il-każ, l-effetti prattiċi tad-deċiżjoni jirrigwardaw biss il-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2000 u li l-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jagħlaq f’limitu ta’ tliet snin ir-rimbors jew il-maħfra tad-dazji doganali li ma kinux legalment dovuti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 21 ) Fil-fatt, ma jidhirx li huwa seta’ juri faċilment li r-regolament inkwistjoni kien jaffettwah “individwalment” fis-sens tal-ġurisprudenza. F’dan ir-rigward, ara għal kollha, K. Lenaerts, “Le traité de Lisbonne et la protection juridictionnelle des particuliers en droit de l’Union”, Cahiers de droit européen, 2009, Nri 5-6, p. 711 sa 745.

( 22 ) Ċerti elementi tas-sentenza dwar dan il-punt setgħu ġew ipprovduti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fil-fatt, CIVAD, flimkien ma’ kumpanniji oħrajn, irreaġixxiet mit-2 ta’ Marzu 1998 kontra r-Regolament Nru 2398/97 billi ppreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali. Dan ir-rikors inċaħad, minħabba irregolaritajiet dwar ir-rappreżentanti ġuridiċi, b’digriet tal-24 ta’ Frar 2000 (T-37/98, FTA et vs Il-Kunsill, Ġabra p. II-373). Kien x’kien il-każ, dan ir-rikors ma kienx ibbażat fuq il-motivi li sussegwentement taw lok għas-sentenza Ikea, għaliex fil-mument li ġie ppreżentat (Marzu 1998), il-konsultazzjonijiet mibdija fid-WTO b’konsegwenza tal-ilment imressaq mill-Indja (Awwissu 1998) lanqas biss kienu bdew. Indipendentement mill-falliment ta’ dan l-ewwel tentattiv sabiex ikun ikkontestat ir-regolament (li l-Kunsill, l-istess bħall-Kummissjoni, kien invoka kontrih eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba nuqqas ta’ locus standi), jidhirli li għandu jissemma bħala element li jiżvela l-interess u d-diliġenza ta’ CIVAD biex tieħu azzjoni legali kontra r-Regolament Nru 2398/97.

( 23 ) Għandu jiġi enfasizzat li CIVAD avżat lill-awtoritajiet nazzjonali li kien jixraq li jistennew deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni.

( 24 ) Il-qorti tar-rinviju tidentifika fid-domanda tagħha tliet mumenti rilevanti fil-proċedura segwita mid-WTO biex tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tar-Regolament Nru 2398/97 mal-Ftehim antidumping. Kif se nispjega iktar ’il quddiem, la l-eżistenza tal-proċedura u lanqas il-konklużjonijiet tagħha ma setgħu jikkostitwixxu bażi suffiċjenti fid-dritt tal-Unjoni sabiex seta’ jkun hemm ir-reazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali mitluba minn CIVAD. Din hija r-raġuni għaliex nikkunsidra li d-distinzjoni bejn it-tliet mumenti proċedurali indikati mill-qorti tar-rinviju ma hijiex rilevanti.