KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fl-20 ta’ Ottubru 2011 (1)

Kawża C-507/10

X

vs

Y

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice per le Indagini Preliminari presso il Tribunale di Firenze [l-Italja])

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA – Pożizzjoni legali tal-vittmi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Smigħ ta’ minuri fil-kwalità tiegħu ta’ xhud – Incidente probatorio – Rifjut tal-prosekutur pubbliku li jressaq talba quddiem il-Giudice per le Indagini Preliminari sabiex jordna li jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja – Dritt għal rimedju kontra d-deċiżjonijiet tal-prosekutur pubbliku”





1.        Id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2001/220/JHA dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (2) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”) għadha tqajjem dubji interpretattivi dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha fir-rigward tal-vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli, f’dan il-każ il-minuri. Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Pupino (3), il-qorti li dak iż-żmien ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari qed terġa’ tistaqsi dwar il-portata tal-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas u dwar ir-relazzjoni tagħhom mal-“incidente probatorio”, jiġifieri l-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, previst fil-proċeduri kriminali Taljani, li jagħmilha possibbli li l-provi jiġu prodotti b’mod antiċipat fil-fażi tal-istruttorja fil-każijiet fejn il-vittma tar-reat tkun minuri.

2.        B’mod iktar speċifiku, il-Giudice per le Indagini Preliminari (iktar ’il quddiem il-“GIP”) ta’ Firenze jagħmel żewġ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-imsemmi ġbir tal-provi waqt l-istruttorja. Bl-ewwel domanda huwa jistaqsi jekk leġiżlazzjoni bħal dik Taljana, meta tagħti esklużivament lill-prosekutur pubbliku u lill-persuna suġġetta għall-indaġini l-inizjattiva sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, hijiex kompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas, sa fejn il-prosekutur pubbiku ma huwiex obbligat iressaq it-talba għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja wara talba għal dan min-naħa tal-vittma minuri. Bit-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-Deċiżjoni Qafas tagħtix lill-vittma minuri dritt għal rimedju kontra d-deċiżjoni motivata tal-prosekutur pubbliku li tiċħad it-talba ta’ din tal-aħħar sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        Id-Deċiżjoni Qafas dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali tistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni bil-għan li jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw dawn il-proċeduri. Għal dan il-għan, l-Artikolu 1(a) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “vittma” kif ġej:

“(a) ‘vittma’ għandha tfisser persuna fiżika li tkun sofriet danni, inkluż ħsara fiżika jew mentali, tbatija emozzjonali jew telf ekonomiku, kawżati direttament minn atti jew ommissjonijiet li bi ksur tal-liġi kriminali ta’ Stat Membru”.

4.        L-Artikolu 2, intitolat “Rispett u rikonoxximent”, jenfasizza n-neċessità li jkun rikonoxxut trattament speċifiku lill-vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli u jipprovdi dan li ġej:

“1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi jkollhom rwol sinifikanti u xieraq fis-sistema legali kriminali tieghu. Dan għandu jkompli jagħmel kull sforz sabiex jiżgura li l-vittmi jkunu trattati bir-rispett dovut għad-dinjità ta’ l-individwu matul il-proċeduri u għandu jirrikonoxxi d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittmi b’referenza partikolari għall-proċeduri kriminali.

2. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli jkunu jistgħu jibbenefikaw minn trattament speċifiku li l’aktar ikun addattat għaċ-ċirkostanzi tagħhom.”

5.        Id-dritt għal smigħ tal-vittma huwa wieħed mill-karatteristiċi prinċipali tal-istatus previst fid-Deċiżjoni Qafas, sabiex barra minn hekk ikun żgurat trattament proporzjonat u konformi mal-għanijiet tal-proċeduri li jevita proċeduri kkumplikati. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 jipprovdi dan li ġej:

Artikolu 3

Seduti, u l-provvista ta’ provi

Kull Stat Membru għandhu jissalvagwardja l-possibbiltà għall-vittmi li jinstemgħhu matul il-proċeduri u li jkunu fornuti provi.

Kull Stat Membru għandhu jieħu miżuri xierqa sabiex jiżgura li l-awtoritajiet tiegħu isaqsu lill-vittma biss safejn ikun neċessarju għall-finijiet tal-proċeduri kriminali”.

6.        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8 jipprevedi diversi drittijiet ikkonferiti lill-vittma għall-protezzjoni tagħha, inkluż dak tal-vittmi vulnerabbli li jixhdu f’kundizzjonijiet li jkunu kompatibbli mad-dinjità u mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom:

Artikolu 8

Id-dritt għall-protezzjoni

1. Kull Stat Membru għandu jiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni għall-vittmi u, fejn ikun xieraq, lill-familji tagħhom jew persuni f’posizzjoni simili, partikolarment rigward is-sigurtà tagħhom u l-protezzjoni tal-privatezza tagħhom, fejn l-awtoritajiet kompetenti jikkonsidraw li jkun hemm riskju serju ta’ tpattija jew evidenza serja ta’ l-intenzjoni li ssir intrużjoni fil-privatezza tagħhom.

2. Għal dak il-għan, u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 4, kull Stat Membru għandu jiggarantixxi li jkun possibli li jadotta, jekk ikun hemm bżonn, bħala parti mill-proċeduri fil-qrati, miżuri appropjati sabiex jitħarsu l-privatezza u l-immaġni fotografika tal-vittmi u l-familji tagħhom jew perdsuni f-posizzjoni simili.

3. Kull Stat Membri għandhu barra minn hekk jiżgura li jiġi evitat kull kuntatt bejn il-vittmi u l-ħatja fil-bini tal-qrati, sakemm il-proċeduri kriminali ma jkunux jitolbu dan il-kuntatt. Fejn ikun xieraq għal dak il-għan, kull Stat Membru għandu progressivament jipprovdi li l-bini tal-qrati jkollhom żoni ta’ stennija apposta għall-vittmi

4. Kull Stat Membru għandu jiżgura li, fejn ikun hemm bżonn li jiġu protetti l-vittmi - partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli - mill-effetti tax-xhieda fil-qorti miftuħa [f’qorti bil-miftuħ], il-vittmi jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni meħuda mill-qorti, ikunu intitolati jixhdu b’mod li jippermetti li jintlaħaq dan il-għan, b’kull mezz xieraq kompatibbli mal-prinċipji legali bażiċi.”

B –    Id-dritt nazzjonali

7.        L-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana jsemmi l-garanziji tal-proċeduri kriminali u jiġbed l-attenzjoni, fost l-oħrajn, għall-importanza tal-prinċipju ta’ kontradditorju, kif ukoll tal-eċċezzjonijiet tiegħu, fil-proċeduri tal-produzzjoni tal-provi:

Artikolu 111

Il-ġurisdizzjoni tiġi eżerċitata permezz ta’ proċeduri xierqa rregolati mil-liġi.

Kull proċedura tiżvolġi abbażi ta’ kontradittorju bejn il-partijiet, f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza, quddiem qorti terza u imparzjali. Il-liġi tiggarantixxi t-tul raġonevoli tagħha.

[…]

Il-proċeduri kriminali huma rregolati mill-prinċipju ta’ kontradittorju fil-produzzjoni tal-provi. Il-ħtija tal-imputat ma tistax tiġi pprovata abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ min għażel li qatt ma jiġi interrogat mill-imputat jew mill-avukat difensur tiegħu.

Il-liġi tirregola l-każijiet fejn il-produzzjoni tal-provi ma ssirx waqt il-kontradittorju bil-kunsens tal-imputat jew minħabba impossibbiltà oġġettiva aċċertata jew minħabba aġir illegali pprovat.

[…]”.

8.        L-Artikolu 112 tal-Kostituzzjoni Taljana jsemmi r-rwol tal-prosekutur pubbliku fil-proċeduri kriminali u jenfasizza li dan “għandu l-obbligu li jeżerċita l-azzjoni kriminali”.

9.        L-Artikolu 392(1a) tal-Codice di Procedura Penale Italiano (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Taljan, iktar ’il quddiem iċ-“CPP”) (4) jipprevdi l-possibbiltà li jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, intiż għall-kumpilazzjoni jew għall-ġbir antiċipat tal-provi fil-fażi tal-istruttorja:

“Fil-proċeduri għar-reati stabbiliti fl-Artikoli 572, 609a, 609b, 609c, 609d, 609g, 612a, 600, 600a u 600b, anki jekk relatati mal-materjal pornografiku msemmi fl-Artikoli 600c(1), 600d, 601 u 602 tal-Codice Penale (il-Kodiċi Kriminali), il-prosekutur pubbliku, inkluż fuq it-talba tal-persuna leża jew tal-persuna investigata, jista’ jressaq talba sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja bil-produzzjoni tat-testimonjanza tal-minuri jew tal-persuna leża maġġorenni, anki f’każijiet li ma humiex previsti fil-paragrafu 1.”

10.      Il-fakultà tal-persuna leża li tressaq talba sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja hija stabbilita fl-Artikolu 394 CPP kif ġej:

“1.      Il-persuna leża tista’ titlob lill-prosekutur pubbliku sabiex iressaq talba għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja.

2.      Jekk il-prosekutur pubbliku ma jilqax din it-talba, huwa għandu joħroġ digriet motivat u jinnotifikah lill-persuna leża.”

11.      Il-mod kif jitwettaq il-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja huwa deskritt fid-dettall fl-Artikolu 398(5a) CPP, li jistabbilixxi dan li ġej:

“Fil-każ ta’ indaġini li jirrigwardaw ir-reati previsti mill-Artikoli 600, 600a u 600b, anki jekk relatati mal-materjal pornografiku msemmi fl-Artikoli 600c, 600d, 601, 602, 609a, 609b, 609c 609g u 612a tal-Kodiċi Kriminali, il-qorti, fejn fost il-persuni kkonċernati mill-produzzjoni tal-provi jkun hemm minuri, bid-digriet stabbilit fil-paragrafu 2, għandha tistabbilixxi l-post, iż-żmien u l-modalitajiet partikolari li permezz tagħhom għandu jitwettaq il-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, meta r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-persuni jagħmlu dan neċessarju jew xieraq. Għal dan il-għan, is-seduta tista’ wkoll tinżamm f’post differenti mill-qorti, fejn jeżistu, fi strutturi speċjalizzati ta’ assistenza, jew, fin-nuqqas tagħhom, fir-residenza tal-persuna kkonċernata mill-produzzjoni tal-provi. Ix-xhieda għandha tkun kollha kemm hi ddokumentata b’mezzi ta’ reġistrazzjoni fonografika jew awdjoviżiva. Fin-nuqqas ta’ apparat ta’ reġistrazzjoni jew ta’ persunal tekniku, il-qorti għandha tirrikorri għal perizja jew konsulenza teknika. L-interrogatorju għandu jiġi redatt fil-qosor fi proċess verbali. It-traskrizzjoni tar-reġistrazzjoni għandha tkun disponibbli biss fuq talba tal-partijiet.”

II – Il-fatti

12.      X u Y, il-ġenituri tal-minuri Z, ġabu fi tmiemha koabitazzjoni stabbli f’Ġunju 2007. Minn dak iż-żmien, bejn it-tnejn nibet l-inkwiet li ta lok għal diversi rapporti miż-żewġ naħat. F’waħda minnhom, Y informat lill-awtoritajiet bis-suspett tagħha li X kien wettaq atti sesswali ma’ binthom f’Ġunju 2007, jiġifieri meta t-tifla kienet għadha minuri. Il-gravità tal-akkużi kienet tiġġustifika li jingħata bidu għall-fażi tal-istruttorja tal-proċeduri kriminali quddiem il-Giudice per le Indagini Preliminari.

13.      Skont dak li jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, kif ukoll mill-proċess nazzjonali mressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2008, il-prosekutur pubbliku ressaq talba għall-waqfien tal-kawża quddiem il-GIP, għaliex kien jikkunsidra li r-rapport ma kinx fondat (5).

14.      Fis-27 ta’ Mejju 2008, ir-rappreżentanta tal-persuna leża ressqet oppożizzjoni formali għat-talba għal waqfien tal-prosekutur pubbliku. Il-GIP innotifika din it-talba lill-partijiet u lill-parti leża, u din tal-aħħar ressqet talba biex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja. Minkejja li l-prosekutur pubbliku reġa’ ressaq talba oħra għal waqfien, il-GIP ċaħadha u sussegwentement ordna li jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, li effettivament sar fid-9 ta’ Novembru 2009.

15.      L-avukat difensur ta’ X ippreżenta rikors quddiem il-Corte di Cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) kontra d-deċiżjoni tal-GIP li jordna li jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, u dan intlaqa’ b’deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2010. Id-deċiżjoni kkontestata ġiet annullata u magħha l-atti kollha li kellhom l-għan li jagħtu bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja.

16.      Fl-14 ta’ Lulju 2010, il-prosekutur pubbliku reġa’ ressaq talba għall-waqfien tal-kawża, fejn invoka l-argumenti esposti fl-ewwel talba tiegħu u l-elementi prodotti sussegwentement li, fil-fehma tiegħu, ma kinux jimmodifikaw l-evalwazzjoni inizjali tal-fatti tiegħu. Ir-rappreżentanta tal-vittma ressqet oppożizzjoni għat-talba tal-prosekutur pubbliku u għaldaqstant saret seduta oħra, li warajha l-GIP iddeċieda li jressaq it-talba għal deċiżjoni preliminari.

III – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2010. Fil-kuntest ta’ espożizzjoni dettaljata, il-qorti tar-rinviju ma tagħmilx domandi speċifiċi, imma jiġi dedott b’mod biżżejjed ċar li l-kwistjonijiet imqajma huma tnejn, li jistgħu jiġu fformulati kif ġej:

“1.       L-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-15 ta’ Marzu 2001, 2001/220/JHA dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 392(1a) tal-Codice di Procedura Penale Italiano [il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Taljan], sa fejn ma jimponix obbligu fuq il-Prosekutur Pubbliku li jitlob is-smigħ u l-eżami tal-vittma minuri permezz tal-forom proċedurali antiċipati ta’ ġbir tal-provi [tal-ġbir ta’ provi waqt l-istruttorja], qabel il-proċeduri prinċipali [minkejja li din tal-aħħar tkun għamlet talba espliċita għal dan]?

2.       L-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 394 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li ma jipprovdix għall-possibbiltà għall-vittma minuri stess li tappella quddiem qorti mid-deċiżjoni negattiva tal-Prosekutur Pubbliku fir-rigward tat-talba tagħha li tinstema’ skont il-forom proċedurali adegwati ta’ ġbir tal-provi [waqt l-istruttorja]?”

18.      L-avukat difensur ta’ X, ir-rappreżentanta tal-vittma fil-proċedura prinċipali, il-Gvernijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika Taljana, tal-Irlanda u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-ebda wieħed mill-intervenjenti ma talab li jsir smigħ.

IV – Osservazzjonijiet preliminari

19.      Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jitolbu ċerti kjarifiki dwar il-proċeduri kriminali Taljani. Dawn jirrigwardaw l-hekk imsejjaħ “incidente probatorio” – il-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja – proċedura li tista’ titwettaq waqt il-fażi tal-istruttorja kif ukoll qabel ma jingħata bidu għall-fażi orali. Kif inhuwa magħruf, din ma hijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja qed taffronta l-problemi kkawżati mill-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja Taljana b’relazzjoni għad-dritt tal-Unjoni, imma huwa ġdid l-aspett li, f’dan il-każ, iqajmu d-domandi, jiġifieri r-rwol tal-prosekutur pubbliku u l-istħarriġ ġudizzjarju li huwa suġġett għalih dan il-korp minħabba r-rabta tiegħu mal-legalità.

20.      Minkejja l-modifikazzjonijiet introdotti mill-Kostituzzjoni Taljana fil-liġi proċedurali kriminali, il-leġiżlatur ma wettaqx riforma sħiħa f’dan il-qasam sad-dħul fis-seħħ, fl-1998, taċ-CPP il-ġdid, li l-kontribut prinċipali tiegħu kien li introduċa proċeduri kriminali bbażati fuq il-kontradittorju. Sa dak iż-żmien, il-proċeduri kriminali Taljani kienu ispirati minn mudell inkwiżittiv, irrappreżentat essenzjalment mill-“Codice Rocco”(Kodiċi Rocco) tal-1930 (6).

21.      Iċ-CPP tal-1988 introduċa skema ta’ proċeduri kriminali bbażata fuq separazzjoni ċara bejn il-fażi tal-istruttorja u l-fażi orali, fejn l-atti tal-indaġini, imwettqa waqt l-istruttorja, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-pulizija u tal-prosekutur pubbliku (7). Waqt il-fażi tal-istruttorja, jinġabru l-elementi neċessarji sabiex ikunu sostnuti l-akkuża u d-difiża, li mbagħad jiġu inklużi fl-atti. Meta jingħata bidu għall-fażi orali, il-partijiet jesponu quddiem il-qorti l-fatti insostenn tal-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom li għandhom jirriżultaw mill-atti mwettqa waqt il-fażi tal-istruttorja (8). Fil-prinċipju, il-qorti li tiddeċiedi l-kawża ma jkollhiex aċċess għall-istruttorja kollha, imma biss għal elementi magħżula mill-partijiet u li jiġu ammessi bħala provi matul il-fażi orali.

22.      L-għan tar-riġidità ta’ din l-iskema jinsab fil-mudell akkużatorju li jispira l-proċeduri kriminali Taljani, ibbażat fuq il-kontradittorju u fuq l-ugwaljanza fit-trattament tal-akkuża u tad-difiża. Mit-trattazzjoni tirriżulta verità materjali li permezz tagħha l-qorti tkun tista’ tikkwalifika aġir partikolari u tiddeċiedi l-kawża. Fl-aħħar mill-aħħar, għandha tiġi żgurata konklużjoni bbażata strettament fuq il-fatti u, fl-istess ħin, fuq id-drittijiet tal-persuna suġġetta għall-indaġini (9).

23.      Madankollu, il-proċeduri kriminali Taljani ma jissodisfawx il-karatteristiċi ta’ mudell kontradittorju pur. Ftit wara d-dħul fis-seħħ taċ-CPP, kemm il-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) kif ukoll il-qrati ordinarji imponew jew żammew, rispettivament, prattiki iktar relatati mal-mudell inkwiżittiv preċedenti. Id-differenzi fl-evalwazzjoni bejn il-leġiżlatur u l-qrati wasslu għal riforma tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana, li d-diċitura tiegħu, fost l-oħrajn, tistabbilixxi l-prinċipji bażiċi ta’ proċedura kontradittorja u, fl-istess ħin, tagħti ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lil-leġiżlatur (10). Din id-diskrezzjonalità ppermettiet li tiġi stabbilita struttura proċedurali li kkonvertiet il-proċeduri kriminali Taljani f’mudell intermedju, fejn in-natura kontradittorja hija tabilħaqq prevalenti imma li għadhom juru karatteristiċi tipiċi tal-mudell inkwiżittiv (11).

24.      Tnejn mill-aspetti li huma eċċezzjonijiet għall-mudell kontradittorju huma partikolarment importanti sabiex tinstab soluzzjoni għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li jirrigwardaw ir-rwol tal-prosekutur pubbliku u l-produzzjoni tal-provi f’mument preċedenti għall-bidu tal-fażi orali.

25.      Waqt il-fażi tal-istruttorja, ir-rwol tal-Giudice per le Indagini Preliminari huwa iktar passiv milli attiv, peress li l-kompitu tiegħu huwa limitat li jiżgura ruħu li l-proċeduri jiżvolġu b’mod korrett u li jiggarantixxi d-drittijiet tal-persuna suġġetta għall-indaġini u dawk tal-persuna leża (12). Il-GIP ma jmexxix id-diversi atti tal-indaġini u lanqas ma jintervjeni fihom, peress li l-provi jiġu prodotti formalment fil-proċedura waqt il-fażi orali. Dan ir-rwol passiv tal-GIP jikkonverti lill-prosekutur pubbliku fil-korp bl-ikbar impetu proċedurali waqt il-fażi tal-istruttorja, peress li huwa l-prosekutur pubbliku biss li għandu jmexxi l-indaġini (13) u jeżerċita l-azzjoni kriminali (14). Issa, bl-introduzzjoni ta’ eċċezzjoni għall-mudell kontradittorju pur, l-Artikolu 409(5) CPP jistabbilixxi li l-GIP ikun jista’ jordna li l-prosekutur pubbliku “jippreżenta l-att ta’ akkuża”, biex b’hekk jabbanduna l-pożizzjoni passiva tiegħu fl-interess tal-prinċipju tal-legalità (15).

26.      Bl-istess mod, waqt l-istruttorja jiġu indagati l-fatti li sussegwentement għandhom jikkostitwixxu l-provi, imma r-responsabbiltà sabiex dawn jiġu sottomessi waqt il-proċedura hija biss tal-pulizija, tal-prosekutur pubbliku u tal-persuna suġġetta għall-indaġini. B’deroga minn din ir-regola, meta jkunu preżenti ċ-ċirkustanti stabbiliti fl-Artikolu 392 CPP, il-GIP jista’ jirrikorri għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja. Fil-fatt, b’dan il-mezz hija ammessa l-kumpilazzjoni jew il-ġbir antiċipat tal-provi fil-fażi tal-istruttorja, sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu evalwati fil-kuntest tal-fażi orali. Il-bażi ta’ dan l-artikolu huwa wieħed ċar: meta jkun hemm riskju aċċertatat li l-provi ma jkunux jistgħu jiġu prodotti fil-fażi orali jew jeħtieġ li t-tfittxija għall-verità materjali tiġi rrikonċiljata ma’ valuri oħrajn partikolarment importanti, jista’ jkun hemm deroga mill-prinċipju ta’ kontradittorju u b’hekk tiġi antiċipata għall-fażi tal-istruttorja proċedura li fil-prinċipju titwettaq fil-fażi orali (16).

27.      Fl-Artikolu 392(1a) CPP hija ammessa l-kumpilazzjoni tal-provi jekk il-vittma ta’ wieħed mir-reati elenkati fih ikun minuri. Din il-miżura hija intiża sabiex jiġi evitat, min-naħa l-waħda, li ż-żmien li jgħaddi bejn il-fatti u l-fażi orali jiżnatura t-testimonjanza tal-vittma u, min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata proċedura ta’ produzzjoni tat-testimonjanza li tkun konformi maċ-ċirkustanzi ta’ vulnerabbiltà partikolari li jinsab fihom il-minuri.

28.      Huwa biss il-GIP fuq it-talba esklużiva tal-prosekutur pubbliku jew tal-persuna suġġetta għall-indaġini li jista’ jawtorizza li jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja (17). Fil-każ ta’ vittmi minuri, iċ-CPP jirrikonoxxi li huma għandhom il-possibbiltà li jirrikorru għand il-prosekutur pubbliku ħalli dan tal-aħħar jressaq talba quddiem il-GIP sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja. Id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku, li tiġi adottata abbażi ta’ setgħa diskrezzjonali, li jressaq talba sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja madankollu għandha dejjem tkun motivata (18), għalkemm, jekk din tkun deċiżjoni negattiva, il-vittma ma tkun tista’ tikkontestaha quddiem l-ebda qorti.

29.      Huwa eżattament fuq dan il-punt li jiffokaw id-domandi magħmula mill-GIP f’din il-proċedura, li biħsiebni neżamina fil-punti li ġejjin.

V –    L-ewwel domanda preliminari

30.      Bl-ewwel domanda tiegħu, il-GIP qed jistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 392(1a) CPP mal-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas. Fil-fatt, u skont il-qorti tar-rinviju, huwa dubjuż kemm leġiżlazzjoni li ma tobbligax lill-prosekutur pubbliku jressaq talba formali sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja wara li jkun irċieva talba f’dan is-sens mingħand il-vittma minuri hija kompatibbli mal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

31.      X u l-Istati li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura jikkunsidraw li ma hemm l-ebda inkoerenza fid-dritt Taljan mal-imsemmija deċiżjoni qafas. Huma lkoll jaqblu li l-Artikoli 2, 3 u 8, imsemmija iktar ’il fuq, minkejja li ċertament jimponu fuq l-Istati Membri l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni għall-vittmi vulnerabbli li jintalbu jixhdu fi proċeduri kriminali, madankollu ma jiddeterminawx il-modalitajiet konkreti li għandhom jintużaw.

32.      Il-Kummissjoni ssostni pożizzjoni intermedja: fil-prinċipju, hija taqbel mal-argument preċedenti, ħlief fil-każ fejn il-GIP ikun ċert mill-iżvolġiment tal-fażi orali, f’liema każ il-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja għandu jinbeda bilfors, b’mod jew b’ieħor, skont id-Deċiżjoni Qafas. Kienet biss ir-rappreżentanta tal-vittma fil-kawża prinċipali li sostniet l-illegalità tal-leġiżlazzjoni Taljana.

33.      Beħsiebni nindirizza r-risposta għal din id-domanda fi tliet partijiet suċċessivi, fejn beħsiebni niffoka, l-ewwel nett, fuq l-istatus partikolari li, abbażi tad-Deċiżjoni Qafas, jiġi rrikonoxxut lill-vittma minuri bħala vittma li tkun partikolarment vulnerabbli u fuq l-effetti li jirriżultaw minn dan. Ladarba jiġi kkonfermat li din il-kundizzjoni hija preżenti f’dan il-każ, beħsiebni nesponi l-portata li jista’ jkollha d-Deċiżjoni Qafas b’riferiment għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja tal-proċeduri kriminali li jinvolvu lil vittmi minuri. Fl-aħħar nett, beħsiebni neżamina r-regoli speċifiċi tal-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja Taljana, u b’mod partikolari, is-setgħat mogħtija lill-prosekutur pubbliku matul din il-proċedura, fid-dawl tal-imsemmi kuntest ġuridiku.

34.      Għandu jiġi enfasizzat hawnhekk li d-dubji mqajma mill-qorti tar-rinviju jirreferu biss għall-fażi tal-istruttorja tal-proċeduri kriminali. Għaldaqstant, tibqa’ barra mill-kuntest tad-domandi magħmula kwalunkwe kunsiderazzjoni bbażata fuq it-trattament irriżervat għall-vittmi, b’mod partikolari dawk minuri, f’fażi oħra tal-proċeduri kriminali.

A –    Id-Deċiżjoni Qafas 2001/220 u l-vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli

35.      Minkejja li d-Deċiżjoni Qafas tipprevedi sistema ġenerali li tkun applikabbli għall-vittmi kollha fil-proċeduri kriminali, l-Artikolu 2(1) tagħha jinkludi riferiment partikolari għall-“vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli”, fejn l-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li dawn jibbenefikaw “minn trattament speċifiku li l-aktar ikun addattat għaċ-ċirkostanzi tagħhom”. Din id-dispożizzjoni, li tinsab fil-parti inizjali tal-imsemmija deċiżjoni qafas, tesprimi kunċett bażiku li jinħass fil-partijiet kollha tad-deċiżjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu trattament differenzjat favur il-vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli, fejn jevitaw kwalunkwe miżura li tintroduċi ekwiparazzjoni arbitrarja mingħajr ma tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari li jkunu suġġetti għaliha. Mil-lat tal-effetti ta’ dan il-prinċipju, jista’ jiġi sostnut li d-Deċiżjoni Qafas tintroduċi livell ta’ protezzjoni ogħla meta att nazzjonali jirrigwarda vittma li tkun partikolarment vulnerabbli (19).

36.      Kif inhuwa magħruf, id-dritt tal-Unjoni ma jgħid xejn dwar id-definizzjoni tal-“vittma li tkun partikolarment vulnerabbli”. Din hija deċiżjoni konxja tal-leġiżlatur Ewropew bil-għan li tingħata ċerta flessibbiltà lill-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas (20). Madankollu, fil-każ ta’ vittmi minuri ma hemmx dubji dwar il-kwalifika tagħhom bħala “vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli”, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pupino (21), fejn għamlet tagħha l-argument dettaljat li l-Avukat Ġenerali Kokott esponiet fil-konklużjonijiet li ppreżentat fl-imsemmija kawża (22). L-istess kif affermat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza, il-fatt “li l-vittma ta’ reat kriminali hija minuri huw[a] biżżejjed, bħala regola ġenerali, sabiex tali vittma tiġi kkwalifikata bħala partikolarment vulnerabbli skond id-deċiżjoni-qafas” (23).

37.      Għaldaqstant, f’din il-kawża d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-livell għoli ta’ protezzjoni rikonoxxut lill-vittma li tkun partikolarment vulnerabbli, li jikkostitwixxi, eżattament, il-kundizzjoni li fiha jidher li tinsab il-vittma fil-kawża prinċipali, li ġiet abbużata sesswalment, skont dak li ġie sostnut, minn missierha meta kellha ħames snin. Din il-karatteristika partikolari għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fir-raġunament li sre jiġi segwit f’dawn il-konklużjonijiet, peress li tirrappreżenta wieħed mid-diversi valuri li għandhom jiġu evalwati sabiex tingħata risposta konklużiva.

B –    L-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220 u l-mezzi ta’ kumpilazzjoni tal-provi fil-fażi tal-istruttorja tal-proċeduri kriminali

38.      Għaldaqstant, qabel ma jiġu indirizzati fid-dettall il-karatteristiċi tal-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja Taljana, għandu jiġi ċċarat b’liema mod id-Deċiżjoni Qafas taffettwa l-miżuri nazzjonali ta’ kumpilazzjoni jew ta’ ġbir antiċipat tal-provi fil-fażi tal-istruttorja tal-proċeduri kriminali. Kif se jintwera iktar ’il quddiem, l-imsemmi test jipprevedi obbligu ġenerali li abbażi tiegħu l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari li jinsabu fihom il-vittmi vulnerabbli meta jkun neċessarju li dawn jintalbu jixhdu f’qorti bil-miftuħ. Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni, inkluż id-dritt primarju u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkonferma li dan huwa obbligu biex ikunu ggarantiti dawn il-miżuri li fl-istess ħin jagħti lill-Istati Membri setgħa ta’ konfigurazzjoni leġiżlattiva estiża.

39.      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu “miżuri xierqa” sabiex l-awtoritajiet jinterrogaw lill-vittmi “biss safejn ikun neċessarju għall-finijiet tal-proċeduri kriminali”. Meta jiġi kkunsidrat l-użu ripetut tat-termini “xierqa” u “neċessarju”, jidher ċar li l-imsemmi Artikolu 3 huwa l-espressjoni ta’ mandat ta’ proporzjonalità li d-destinatarji tiegħu huma l-Istati Membri, li huma responsabbli mill-adozzjoni ta’ miżuri adegwati u neċessarji li jirriżultaw minn proċedura ta’ evalwazzjoni tal-valuri kollha involuti. Fl-istess ħin, id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma ssemmi l-fażijiet differenti tal-proċeduri kriminali; u tillimita ruħha li tifformula preskrizzjoni ġenerika u applikabbli għall-proċeduri fl-intier tagħhom.

40.      L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas jagħmilha ta’ lex specialis tal-imsemmi Artikolu 3 ċċitat iktar ’il fuq. Filwaqt li jistabbilixxi livell ta’ protezzjoni għall-vittma mil-lat tas-sigurtà u tal-privatezza tagħha, fl-Artikolu 8(4) jispeċifika b’mod dettaljat l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw irwieħhom li l-vittmi l-iktar vulnerabbli jkollhom protezzjoni “mill-effetti tax-xhieda fil-qorti miftuħa [qorti bil-miftuħ]”. Sabiex tkun żgurata l-imsemmija protezzjoni, id-dispożizzjoni tagħti d-dritt li “jixhdu b’mod li jippermetti li [tinkiseb l-imsemmija protezzjoni] b’kull mezz xieraq kompatibbli mal-prinċipji legali bażiċi”. Għaldaqstant, u fil-każ li l-vittma tipparteċipa fil-kwalità tagħha ta’ xhud f’seduta tal-qorti bil-miftuħ, id-Deċiżjoni Qafas tintensifika t-ton u kważi tesprimi ruħha bħallikieku qed tiddeskrivi dritt tal-vittma. Madankollu, għandu jiġi osservat li hija tagħmel dan filwaqt li terġa’ tagħti marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni (issemmi “kull mezz xieraq”) u filwaqt li tintroduċi salvagwardja: “[il]-prinċipji legali bażiċi”.

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha biss okkażjoni waħda, għalkemm importanti, biex tinterpreta l-portata tal-Artikoli 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas f’każijiet li kienu jirrigwardaw vittmi minuri, li tat lok għas-sentenza magħrufa Pupino (24). Fil-punt 56 tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tkellmet dwar l-obbligu li għandhom l-Istati Membri abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet, fejn qalet li “sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddikjarati fid-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni-qafas iċċitati aktar ’il fuq, jeħtieġ li qorti nazzjonali jkollha l-possibbiltà, għall-vittmi partikolarment vulnerabbli, li tuża proċedura speċjali, bħall-proċedura interlokutorja għas-smigħ antiċipat tal-provi [bħall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja bil-għan li l-provi jiġu prodotti b’mod antiċipat]” (25). Il-Qorti żiedet tgħid li dan il-mezz ikun xieraq “jekk din il-proċedura tikkorrispondi l-aħjar għas-sitwazzjoni ta’ dawn il-vittmi u tevita li jintilfu xi provi, tnaqqas għall-minimu l-ammont ta’ drabi li l-interrogatorji jiġu ripetuti u timpedixxi l-konsegwenzi preġudizzjali, għall-imsemmija vittmi, tax-xhieda tagħhom f’seduta pubblika”.

42.      Għandu jiġi enfasizzat li “[il-ħtieġa]” imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi biss għall-“possibbiltà” li l-qorti tuża proċedura speċjali ta’ kumpilazzjoni jew ta’ ġbir antiċipat tal-provi. L-Istati Membri qatt ma jiġu obbligati jipprevedu ġbir tal-provi waqt l-istruttorja bħal dak stabbilit fid-dritt Taljan. Permezz ta’ din it-terminoloġija, is-sentenza tisħaq fuq l-importanza li għandu, fid-Deċiżjoni Qafas, il-fatt li l-Istati Membri jipprevedu trattament speċifiku għall-vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli, kemm permezz ta’ dispożizzjonijiet bil-miktub kif ukoll, b’mod ġenerali, fil-prassi ġudizzjarja. Madankollu, qatt ma jiġi ddikjarat li l-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja huwa l-unika mezz sabiex jintlaħaq dan il-għan.

43.      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mis-soluzzjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Pupino. Kif inhuwa magħruf, fid-dispożittiv tas-sentenza jiġi ddikjarat li leġiżlazzjoni bħal dik Taljana, li tillimita r-rikors għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja għal numru ridott ta’ reati, ma hijiex kompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas.

44.      Meta ddikjarat l-illegalità tal-leġiżlazzjoni Taljana, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx qed tagħti interpretazzjoni wiesa’ tad-Deċiżjoni Qafas li tirriżulta f’estensjoni tal-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja għall-Unjoni kollha. Nifhem li l-motivazzjoni sottostanti u determinanti tas-sentenza Pupino tinsab fl-impossibbiltà prattika li tiġi identifikata loġika fid-deċiżjoni tal-leġiżlatur nazzjonali li jillimita l-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja biss għall-każijiet ta’ reati sesswali, b’vittmi minuri. Il-leġiżlazzjoni Taljana ma tagħtix lok għal dubji minħabba l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ proċedura partikolari, imma minħabba li din il-proċedura kienet stabbilita fil-proċeduri li jirrigwardaw ċerti reati, bħal dawk ta’ vjolenza sesswali, imma mhux oħrajn, bħal dawk ta’ offiżi fuq il-persuna. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali konfigurazzjoni kienet tiċħad, bla ebda ġustifikazzjoni, għadd sinjifikattiv ta’ vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli milli jibbenefikaw minn modalitajiet proċedurali adattati għall-istatus partikolari tagħhom (26).

45.      Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri huwa saħansitra ikbar meta dawn ikollhom interessi li jixirqilhom livell daqstant għoli ta’ protezzjoni, bħal fil-każ ta’ politiki intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuni oħrajn għajr il-vittma. Dan huwa dak li ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Gueye, filwaqt li rrikonoxxiet il-possibbiltà li d-dritt għal smigħ tal-vittma vulnerabbli jiġi limitat meta dan ikun iġġustifikat minn motivi ta’ interess ġenerali, bħall-ġlieda kontra l-vjolenza domestika (27).

46.      Fl-aħħar nett, għandu jsir paragun mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fejn preċiżament fl-Artikolu 24(1) jiġi stabbilit li l-opinjonijiet tat-tfal “għandhom jitqiesu f’materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom”. Id-diċitura tad-dispożizzjoni hija ispirata, skont kif ġie speċifikat fl-iSpjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mill-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ New York dwar id-Drittijiet tat-Tfal (28), li ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha u li d-diċitura tagħha hija prattikament l-istess bħal dik tan-norma tal-Unjoni li tistabbilixxi l-imsemmi dritt (29). Id-differenza prinċipali bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet (li madankollu fl-ebda każ ma hija kontradizzjoni) tinsab fl-Artikolu 12(2) tal-Konvenzjoni li, wara li jistabbilixxi d-dritt tat-tfal li jesprimu l-opinjoni tagħhom u li jinstemgħu, iżżid li “il-minuri għandu jingħata, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jinstema’ f’kull proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva li tikkonċernah, jew direttament jew permezz ta’ rappreżentant jew organizzazzjoni adegwata, b’mod li jkun kompatibbli mar-regoli proċedurali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

47.      Konsegwentement, l-Artikolu 24(1) tal-Karta jinkludi dimensjoni proċedurali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt sabiex l-opinjoni tat-tfal tittieħed inkunsiderazzjoni f’konformità maċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom. Mill-interpretazzjoni tiegħu fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ New York jiġi dedott li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet tal-vittmi minuri meta dawn jintalbu jidhru quddiem qorti. Madankollu, la l-Karta u lanqas il-Konvenzjoni ma jimponu modalitajiet preċiżi ta’ intervent fuq l-Istati Membri. L-imsemmi Artikolu 24 jillimita ruħu li jippreskrivi l-eżistenza tal-miżuri ta’ protezzjoni, imma l-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

48.      Dan l-approċċ ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza rara li sa issa kienet ibbażata fuq l-Artikolu 24 tal-Karta. Dan kien il-każ fis-sentenza Aguirre Zarraga (30), f’kawża dwar d-dritt għal smigħ ta’ minuri fil-kuntest ta’ proċedura ċivili li kienet tirrigwarda l-kustodja ta’ minuri. Bħal fil-kawża Pupino, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li jkun hemm proċeduri ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-minuri fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji, imma mhux proċedura speċifika. B’dan il-mod, is-sentenza tikkonstata kif l-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ta’ konfigurazzjoni leġiżlattiva biex jevalwaw il-miżuri xierqa f’kull każ konkret (31). B’mod koerenti ma’ din l-affermazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi billi żżid li, minkejja l-kontenut tal-Artikolu 24 tal-Karta, “is-smigħ [tal-minuri] ma jistax jikkostitwixxi dritt assolut, iżda għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni skont l-eżiġenzi marbutin mal-aħjar interess tal-minuri f’kull każ partikolari” (32).

49.      Id-Deċiżjoni Qafas, minkejja li ġiet approvata qabel ma daħlet fis-seħħ il-Karta, għandha tiġi interpretata skont id-drittijiet fundamentali li tipprevedi din tal-aħħar (33). Issa, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, id-diċituri ċċitati, interpretati flimkien, huma dejjem ibbażati fuq l-istess premessa: l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu miżuri speċifiċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet partikolari tal-vittmi minuri fil-proċeduri ġudizzjarji. Madankollu, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet eżaminati ma timponi modalitajiet konkreti u speċifiċi, u tħalli lill-Istati Membri marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni, li jiggwida l-azzjoni meħuda mil-leġiżlatur kif ukoll mill-qrati.

50.      Abbażi ta’ dan il-kuntest ġuridiku issa tista’ tiġi affrontata l-problema speċifika ta’ dan il-każ. Id-domanda magħmula mill-GIP ma tirreferix għall-eżistenza tal-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, li huwa previst f’każ bħal dak inkwistjoni, imma kif dan jiġi stabbilit fil-proċeduri u, b’mod partikolari, l-effett kbir jew żgħir li jista’ jkollhom fuq l-iżvolġiment tiegħu kemm il-vittma kif ukoll il-qorti istruttorja. Fi kliem ieħor, għandu jiġi evalwat jekk dawn humiex miżuri li jostakolaw wisq l-aċċess tal-vittma għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja. Huwa evidenti li jista’ jirriżulta li kien hemm ksur tad-Deċiżjoni Qafas jekk Stat Membru jistabbilixxi rekwiżiti li huwa tant diffiċli li jiġu sodisfatti li jammontaw għal esklużjoni ta’ kwalunkwe forma speċifika ta’ produzzjoni ta’ testimonjanza għall-vittma vulnerabbli. Għaldaqstant, issa għandu jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni Taljana kkontestata jkollhiex tali riżultat.

C –    L-obbligu tal-prosekutur pubbliku li jressaq talba quddiem il-GIP sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja

51.      Fi ftit kliem, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-liġi proċedurali Taljana mal-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas, peress li, minkejja li hemm rieda espressa tal-vittma minuri li jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, dan jista’ jitwettaq biss fuq l-inizjattiva tal-prosekutur pubbliku. Il-GIP ma għandux setgħa ex officio li permezz tagħha jista’ jordna li jitwettaq il-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, u din il-proċedura lanqas ma tista’ tintalab direttament mill-vittma, li trid bilfors tirrikorri għall-prosekutur pubbliku sabiex dan iressaq talba xieraq quddiem il-qorti. Dan ir-riżultat jikkostitwixxi, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, “problema [ta’] irraġonevolezza intrinsika tal-Artikoli 392(1a) u […] 398 CPP”, peress li min-naħa l-waħda, il-prosekutur pubbliku jiġi obbligat jippreżenta l-att ta’ akkuża (u anki l-qorti tista’ tobbligah jagħmel dan), imma, mill-oħra, ma jiġix obbligat iressaq talba sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja.

52.      Ir-risposta għal din id-domanda teżiġi interpretazzjoni dettaljata tal-Artikolu 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi, fil-każijiet li jirrigwardaw testimonjanza ta’ minuri f’qorti bil-miftuħ, li kull Stat Membru “jiżgura [ruħu], fejn ikun hemm bżonn li jiġu protetti l-vittmi […] vulnerabbli” minn miżuri sabiex il-vittma tkun tista’ tixhed “b’mod li jippermetti li jintlaħaq dan il-għan”. Id-dispożizzjoni żżid ukoll, żewġ preċiżazzjonijiet importanti. L-ewwel waħda tirrigwarda l-awtorità u l-forma li għandu jkollha d-deċiżjoni rilevanti, peress li n-norma tistabbilixxi li l-miżura proċedurali tingħata “permezz ta’ deċiżjoni meħuda mill-qorti” (34). It-tieni waħda tinkludi limitu, inkwantu l-imsemmija miżura tkun żgurata sakemm tikkonsisti f’“kull mezz xieraq kompatibbli mal-prinċipji legali bażiċi”, jiġifieri d-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Qafas tobbliga lill-Istati Membri sabiex jagħtu l-kompetenza dwar il-mezzi ta’ produzzjoni antiċipata tat-testimonjanza lil awtorità pubblika, li tkun “ġudizzjarja”, imma titlob ukoll salvagwardji partikolari għal kull sistema legali. Il-protezzjoni tal-vittma vulnerabbli għandha prijorità, imma l-għażla tal-miżuri xierqa għall-protezzjoni tagħha tammetti marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jieħdu l-awtoritajiet nazzjonali.

53.      Fl-istess ħin, fil-premessa 9, fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi li d-disposizzjonijiet tagħha “madankollu ma’ jimponux obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-vittma tkun trattata b’mod ekwivalenti għal dak ta’ parti mill-proċeduri”. Din il-preċiżazzjoni hija koerenti ma’ dak li jipprovdi l-imsemmi Artikolu 8, peress li tfakkar lil min qed jinterpreta li l-pożizzjoni tal-vittma jixirqilha protezzjoni partikolari, imma mhux minħabba f’hekk id-Deċiżjoni Qafas tordna li l-istatus tagħha jiġi assimilat għal dak tal-prosekutur pubbliku. F’sistema kontradittorju bħal dak Taljan, id-deċiżjoni li l-kompiti tal-akkuża jingħataw esklużivament lil korp indipendenti u suġġett għall-prinċipju tal-legalità tiġi żnaturata jekk permezz tal-istrument leġiżlattiv tad-dritt tal-Unjoni jiġi rrikonoxxut li l-vittma għandha pożizzjoni ekwivalenti għal dik tal-prosekutur pubbliku. Id-Deċiżjoni Qafas ma tadottax mudell retributtiv ta’ ġustizzja kriminali, u lanqas ma jiġi dedott il-kuntrarju mill-ħidma preparatorja għaliha: ir-Repubblika Portugiża, meta pproponiet lill-Kunsill l-abbozz li wassal għat-test attwali, qatt ma rreferiet għan-neċessità li l-vittma tingħata funzjoni ta’ xprun fil-kuntest tas-sistemi proċedurali kollha li jeżistu fl-Istati Membri (35). Għaldaqstant, l-Artikolu 8, meta jeżiġi li d-deċiżjoni li jiġi stabbilit mezz proċedurali speċifiku tkun “deċiżjoni meħuda mill-qorti”, u dejjem fil-kuntest tal-ispazju ddefinit mill-prinċipji fundamentali tad-dritt intern, ifakkar li l-vittma hija suġġetta għal protezzjoni, imma ma hijiex detentriċi ta’ setgħat intiżi sabiex jipproteġuha. Dawn is-setgħat jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji, u fosthom, bħal fid-dritt Taljan, hemm il-prosekutur pubbliku (36).

54.      Fid-dawl tal-kuntest ġuridiku applikabbli, issa biħsiebni neżamina jekk id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja humiex aċċettabbli skont id-Deċiżjoni Qafas.

55.      Skont l-Artikolu 394 CPP, il-persuna leża tista’ tirrikorri għand il-prosekutur pubbliku u titolbu biex huwa, min-naħa tiegħu, iressaq talba quddiem il-GIP sabiex jiġi awtorizzat il-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja. Id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku għandha dejjem tkun motivata, b’tali mod li jekk it-talba tal-persuna leża tiġi miċħuda, il-motivi taċ-ċaħda jkunu spjegati. Fl-istess ħin, il-prosekutur pubbliku huwa suġġett esklużivament għall-prinċipju tal-legalità u għandu saħanistra obbligu kostituzzjonali li jeżerċita l-azzjoni kriminali (37). Il-kompitu tal-prosekutur pubbliku huwa esklużivament dak li jiddefendi l-legalità, missjoni li huwa jwettaq b’mod għalkollox indipendenti u li għaliha għandu status kostituzzjonali u huwa protett mil-liġi (38). Fil-kuntest ta’ din id-difiża tal-liġi, il-prosekutur pubbliku loġikament jieħu inkunsidrazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tal-vittmi li jkunu l-iktar vulnerabbli. Bħala awtorità ġudizzjarja indipendenti u suġġetta għall-prinċipju tal-legalità, il-prosekutur pubbliku għandu l-obbligu li jipproteġi l-aħjar interess tal-minuri. Minn din il-perspettiva, huwa korp li jipproteġi, fil-kwalità tiegħu ta’ garanti tal-legalità, il-vittma minuri matul il-proċeduri kriminali (39).

56.      Il-fatt li l-prosekutur pubbliku huwa l-uniku destinatarju tat-talba tal-vittma minuri sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja jikkonferma l-evalwazzjoni li saret iktar ’il fuq. Jekk id-dritt Taljan jagħti lill-prosekutur pubbliku l-kompitu li jirrappreżenta l-aħjar interess tal-minuri, dan il-korp għandu jiddeċiedi dwar kemm ikun xieraq li titressaq talba formali sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja fid-dawl ta’ dan l-interess. F’dan is-sens, id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku tikkostitwixxi d-“deċiżjoni meħuda mill-qorti” imsemmija fl-Artikolu 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas, kunċett li għandu jiġi interpretat, kif diġà ġie enfasizzat iktar ’il fuq, b’mod wiesa’ u fid-dawl tal-prinċipji li jispiraw kull dritt nazzjonali (40). Għaldaqstant, id-dritt Taljan ta lill-prosekutur pubbliku, fost l-oħrajn, il-kompitu li jagħmilha ta’ garanti tal-persuna leża fil-każ ta’ testimonjanza f’qorti bil-miftuħ. Meta għażel li jagħti dan il-kompitu lill-prosekutur pubbliku, li jaġixxi bħala korp indipendenti u suġġett biss għal-liġi, fejn jirrispetta d-dritt għal smigħ tal-persuna leża dwar kemm huwa xieraq li titressaq talba sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja u joħroġ deċiżjoni motivata dwar dan, il-leġiżlatur nazzjonali wettaq evalwazzjoni ekwilibrata li, fil-prinċipju, tissalvagwardja l-għanijiet u l-preskrizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas.

57.      L-imsemmija kunsiderazzjonijiet jiksbu iktar importanza jekk jitqiesu l-karatteristiċi partikolari tal-mudell ta’ proċedura kriminali Taljan, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fis-sens tal-imsemmi Artikolu 8(4). Billi jeżiġi li l-vittmi jkollhom il-possibbiltà li jixhdu skont forom proċedurali speċifiċi, sakemm dawn tal-aħħar ikunu kompatibbli “mal-prinċipji legali bażiċi [interni]”, l-Artikolu 8(4) jenfasizza l-importanza miksuba mid-drittijiet fundamentali, imma anki minn kull tradizzjoni ġuridika proċedurali nazzjonali, b’mod partikolari dik proċedurali kriminali. L-imsemmi limitu jidher attwalment rifless – b’mod ġenerali u għall-ispazju kollu ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – fl-Artikolu 67(1) TFUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha tikkonsisti fl-imsemmi spazju “b’rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti ta’ l-Istati Membri”. Id-Deċiżjoni Qafas, adottata fuq il-bażi legali tal-imsemmija politika, twettaq dan il-mandat u tarmonizza l-karatteristiċi partikolari ta’ kull dritt.

58.      Fil-każ tal-ordinament ġuridiku Taljan, għandu jitfakkar li l-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja huwa eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ kontradittorju, u bħala tali ġie ttrattat b’mod speċifiku fl-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni (41). Il-possibbiltà ta’ kumpilazzjoni jew ta’ ġbir antiċipat tal-provi fil-proċeduri kriminali tikkostitwixxi miżura prevista fil-parti l-kbira tad-drittijiet nazzjonali, imma t-twettiq tagħha għandu jkun akkumpanjat minn diversi salvagwardji intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-persuna suġġetta għall-indaġini. Din it-tensjoni, li tirriżulta minn mudell ta’ ġustizzja kriminali li ma huwiex imqiegħed f’dubju mid-dritt tal-Unjoni, tipprova tilħaq bilanċ bejn l-effettività tat-tfittxija għall-verità materjali, il-protezzjoni tal-aħjar interess tal-vittma vulnerabbli u d-drittijiet fundamentali tal-persuna suġġetta għall-indaġini. Dawn il-valuri kollha ġew ikkunsidrati mid-dritt Taljan fir-regoli dwar il-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja u għaldaqstant, nikkunsidra li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni la jmorru kontra l-kontenut u lanqas l-għanijiet tal-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas.

59.      Qabel ma tiġi konkluża din il-parti, għandu jiġi enfasizzat l-argument tal-Kummissjoni, li jekk il-GIP ikun ċert mill-iżvolġiment tal-fażi orali, ikun hemm ksur tad-Deċiżjoni Qafas. It-teżi difiża mill-Kummissjoni tipprevedi żewġ xenarji. L-ewwel wieħed jirriżulta ladarba tkun intemmet il-fażi orali, fejn, skont il-Kummissjoni, il-vittma minuri tkun esposta għal konsegwenzi dannużi li ma humiex kompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas. It-tieni xenarju jirriżulta qabel ma tibda l-fażi orali, jekk il-GIP ikun ċert mill-iżvolġiment ta’ din tal-aħħar.

60.      Fl-ewwel każ, il-Kummissjoni ma hijiex korretta meta tafferma mingħajr iktar preċiżazzjonijiet li l-fażi orali jkollha effetti dannużi għall-vittma minuri, peress li d-dritt Taljan, kif osserva l-Gvern tar-Repubblika Taljana fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jipprevedi miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni tal-vittmi vulnerabbli f’din il-fażi tal-proċeduri. Ma jistax jiġi affermat b’mod kategoriku li d-dikjarazzjoni tal-vittma minuri waqt il-fażi orali tinvolvi ksur tad-Deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, din il-proċedura ma tirrigwardax il-pożizzjoni tal-vittma fil-fażi orali, imma l-pożizzjoni tagħha fil-fażi preċedenti. Għaldaqstant, din il-parti tal-argument tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

61.      It-tieni xenarju previst mill-Kummissjoni jixraqlu iktar attenzjoni. Fil-fatt, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ u fil-kuntest tal-fażi preċedenti għall-fażi orali, jista’ jiġri li r-rifjut tal-prosekutur pubbliku li jressaq talba sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja jidħol f’kunflitt mad-deċiżjoni li jingħata bidu għall-fażi tat-trattazzjoni jew ma’ deċiżjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti li permezz tagħha jista’ jiġi dedott li l-proċedura se titkompla. F’dan il-kuntest, ir-rifjut sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja jista’, f’dak il-każ, jinvolvi ksur tad-Deċiżjoni Qafas. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi evalwat b’mod partikolari jekk matul il-fażi preċedenti għall-fażi orali tal-proċeduri kriminali Taljani jseħħux ċirkustanzi ta’ din ix-xorta.

62.      Fid-dritt Taljan, l-eżerċizzju tal-azzjoni kriminali ma jimplikax awtomatikament il-bidu tal-fażi orali. Dan jirriżulta biss meta l-Giudice dell’Udienza Preliminare, korp magħmula minn persuna waħda u distint mill-Giudice per le Indagini Preliminari (42), ikun sema’ lill-partijiet f’qorti bil-miftuħ, ikun ikkwalifika l-akkużi u ddikjara l-bidu tal-fażi orali (43). Għaldaqstant, bejn il-mument tal-eżerċizzju tal-azzjoni kriminali u l-bidu tal-fażi orali jgħaddi perijodu ta’ żmien li matulu għad tista’ titressaq talba sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja (44). F’każ li l-GIP jitlob lill-prosekutur pubbliku biex jippreżenta l-att ta’ akkuża, jingħata bidu għall-proċedura sabiex issir seduta preliminari li tintemm b’deċiżjoni dwar il-bidu tal-fażi orali (45). F’dan il-perijodu ta’ żmien, il-probabbiltajiet li fl-aħħar mill-aħħar il-proċeduri quddiem il-qorti se jsiru jkunu żdiedu. Barra minn hekk, jekk ikun hemm dubji dwar il-konsistenza tal-fatti li fuqhom tkun imsejsa l-akkuża, il-kuntest xieraq għal kwalunkwe kjarifika tkun il-fażi orali. F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-obbligi pożittivi tal-Istat, b’mod partikolari tal-prosekutur pubbliku, meta jkunu involuti vittmi vulnerabbli u d-dubji dwar il-fatti jġibu fi tmiemhom indaġini li, strettament, għandhom jiġu solvuti f’sede ġudizzjarja (46). Għaldaqstant, ladarba jiġi obbligat jippreżenta l-att ta’ akkuża, u fid-dawl tal-eventwalità li l-Giudice dell’Udienza Preliminare jordna li jingħata bidu għall-fażi orali, huwa prevedibbli u loġiku li l-prosekutur pubbliku jaċċetta l-proposta tal-vittma minuri u jressaq talba sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja.

63.      Dan huwa r-riżultat li l-Kummissjoni jidher li ħadet inkunsiderazzjoni meta affermat li l-leġiżlazzjoni Taljana ma hijiex kompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas fil-każ li l-GIP ikun ċert li se tiżvolġi l-fażi orali. Issa, la l-GIP u lanqas il-prosekutur pubbliku ma jista’ jkollhom ċertezza assoluta f’dan ir-rigward, peress li d-deċiżjoni taqa’ esklużivament taħt il-kompetenza tal-Giudice dell’Udienza Preliminare. Madankollu, huwa evidenti li l-prosekutur pubbliku, bħala garanti tal-legalità u difensur tal-aħjar interess tal-minuri, ladarba jintalab jippreżenta l-att ta’ akkuża, ikun obbligat, fil-parti l-kbira tal-każijiet, li jressaq talba sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja.

64.      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ madankollu ma huwiex neċessarju, kif diġà ngħad fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonjiet, li jiġi eżaminat l-effett tad-Deċiżjoni Qafas fuq il-fażijiet sussegwenti tal-proċedura li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-GIP. Għaldaqstant, minkejja li l-każ imsemmi mill-Kummissjoni seta’ leġittimament ta lok għal dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mad-Deċiżjoni Qafas, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssolvi l-kwistjoni mqajma speċifikatament f’din il-proċedura u li tirrigwarda esklużivament il-fażi tal-istruttorja.

65.      Konsegwentement, abbażi tal-argumenti esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda billi tiddikjara li l-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 394 CPP, li ma timponix obbligu fuq il-prosekutur pubbliku li jitlob is-smigħ u l-eżami tal-vittma minuri permezz tal-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, meta din tal-aħħar tkun għamlet talba espliċita f’dan ir-rigward.

VI – It-tieni domanda preliminari

66.      Il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-imsemmija Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas jipprekludux li regola bħal dik prevista fl-Artikolu 394 CPP, li ma tipprevedix il-possibbiltà li l-vittma minuri tista’ tippreżenta appell quddiem il-GIP mid-deċiżjoni negattiva tal-prosekutur pubbliku fir-rigward tat-talba tagħha li tinstema’ skont il-forom proċedurali tal-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja. Kif jiġi spjegat iktar ’l isfel, ir-risposta għal din id-domanda tista’ tiġi dedotta indirettament mir-risposta li qed tiġi proposta għall-ewwel domanda preliminari.

67.      Fil-fatt, kif ġie osservat iktar ’il fuq, il-leġiżlazzjoni Taljana tagħti lill-prosekutur pubbliku rwol importanti fir-rigward tat-talba biex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja. B’differenza għall-persuna suġġetta għall-indaġini, li għandha wkoll il-possibbiltà li tressaq talba sabiex jingħata bidu għal din il-proċedura, il-vittma minuri tista’ tħeġġeġ lill-prosekutur pubbliku sabiex iressaq din it-talba quddiem il-GIP. Diġà ngħad iktar ’il fuq li l-prosekutur pubbliku bħal donnu jassumi r-rwol ta’ protettur tal-vittma fil-mument li jieħu deċiżjoni dwar kemm talba hija xierqa. Dawn is-setgħat huma neċessarjament diskrezzjonali, peress li kull każ jeħtieġ analiżi dettaljata, b’mod partikolari meta jkunu involuti interessi u valuri partikolarment importanti, kif jiġri meta l-vittma tkun minuri. F’każijiet bħal dawn, il-kompitu tal-prosekutur pubbliku jista’ jkun saħansitra iktar importanti, peress li ġeneralment il-vittma minuri tieħu azzjoni permezz ta’ rappreżentant legali, kif fil-fatt ġara f’dan il-każ. F’ċirkustanzi bħal dawn, il-prosekutur pubbliku jiżgura ruħu minn u jagħti segwitu għall-inizjattivi leġittimi tal-vittma minuri, fejn jivverifika kull talba sabiex jevita r-riskju li l-proċedura tiġi sfruttata ħalli jintlaħqu għanijiet li ma għandhomx x’jaqsmu magħha (47).

68.      F’ċirkustanzi bħal dan, jidher raġonevoli li l-leġiżlatur Taljan jimponi fuq il-prosekutur pubbliku, minkejja li d-deċiżjoni tiegħu dwar it-talba biex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja ma tistax tiġi appellata, għall-inqas l-oneru tal-motivazzjoni. Din il-kundizzjoni tagħti trasparenza lill-proċeduri, hija koerenti mad-drittijiet tal-persuna suġġetta għall-indaġini, u fl-istess ħin tiżgura d-dritt tal-vittma li tkun informata bl-atti kollha li jirrigwardawha. Barra minn hekk, il-fatt li l-vittma tista’ tinstema’ mill-GIP fil-każ ta’ talba għall-waqfien tal-kawża jiggarantilha l-possibbiltà li tirribatti l-argumenti tal-prosekutur pubbliku. Għaldaqstant, teżisti l-possibbiltà, kif diġà ġie enfasizzat iktar ’il fuq, li l-GIP jobbliga lill-prosekutur pubbliku jippreżenta l-att ta’ akkuża u, f’dak il-każ, terġa’ titfaċċa l-possibbiltà li titressaq talba sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja. B’dan il-mod, il-fatt li d-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku ma tkunx tista’ tiġi appellata ma jeskludix kull possibbiltà li jingħata segwitu għat-talba tal-vittma.

69.      Barra minn hekk, jekk id-Deċiżjoni Qafas teżiġi li jkun previst rimedju kontra d-deċiżjonijiet tal-prosekutur pubbliku, dan iwassal sabiex l-istruttura u l-bilanċ milħuqa mil-leġiżlatur Taljan jkunu kompromessi tassew. Diġà ngħad iktar ’il fuq li, meta l-vittma tkun minuri, il-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja jaqa’ prinċipalment taħt il-kompetenza tal-prosekutur pubbliku, fejn tiġi attribwita lil din l-“awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas, id-deċiżjoni dwar kemm ikun xieraq li titressaq talba quddiem il-GIP sabiex jingħata bidu għall-proċedura inkwistjoni. Jekk il-persuna leża jkollha dritt għal rimedju kontra tali deċiżjoni u quddiem il-GIP, is-sistema tiġi kompromessa, peress li d-deċiżjoni fl-aħħar mill-aħħar ma għandhiex tittieħed mill-prosekutur pubbliku imma mill-qorti.

70.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-argumenti esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari billi tiddikjara li l-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 394 CPP, li ma tipprovdix għall-possibbiltà li l-persuna leża u vittma minuri stess tappella quddiem qorti, fil-fażi tal-istruttorja, mid-deċiżjoni negattiva tal-prosekutur pubbliku fir-rigward tat-talba tagħha ħalli dan tal-aħħar iressaq talba quddiem il-GIP sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja.

VII – Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Giudice per le Indagini Preliminari ta’ Firenze:

“1)       L-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 394 CPP, li ma timponix obbligu fuq il-prosekutur pubbliku li jitlob is-smigħ u l-eżami tal-vittma minuri permezz tal-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, meta din tal-aħħar tkun għamlet talba espliċita f’dan ir-rigward.

2)       l-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 394 CPP, li ma tipprovdix għall-possibbiltà li l-persuna leża u vittma minuri stess tappella quddiem qorti, fil-fażi tal-istruttorja, mid-deċiżjoni negattiva tal-prosekutur pubbliku fir-rigward tat-talba tagħha ħalli dan tal-aħħar iressaq talba quddiem il-GIP sabiex jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 72).


3 – Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, Ġabra p. I‑5285).


4 – Id-diċitura tikkorrispondi għall-verżjoni emendata bil-liġi tas-6 ta’ Frar 2006, (G.U. Nru 38, tal-15 ta’ Frar 2006), li permezz tagħha ġew adottati dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija anki permezz tal-internet, u bid-Digriet Liġi Nru 11, tat-23 ta’ Frar 2009.


5 – Skont il-prosekutur pubbliku, minbarra n-nuqqas ta’ provi għandha tiġi kkunsidrata wkoll ir-relazzjoni ferm kunfliġġenti bejn il-ġenituri tal-minuri minn meta sseparaw u, iktar minn hekk, minn meta Y saret taf li X kellu relazzjoni sentimentali stabbli ma’ mara oħra.


6 – Dwar l-evoluzzjoni storika tal-liġi proċedurali kriminali fl-Italja, ara F. Cordero, Procedura Penale, it-tmien edizzjoni, Ed. Giuffrè, Milano, 2006, p. XX.


7 – Artikolu 326 CPP.


8 – Artikolu 493 CPP.


9 – Ara, b’mod ġenerali: G. Giostra, “Contraddittorio”, fl-Enciclopedia Giuridica Treccani, 2001, Vol. II, p. 1 et seq; G. Ubertis, “La ricerca della verità giudiziale”, f’G. Ubertis, (ed.), La conoscenza del fatto nel processo penale, Ed. Giuffrè, Milano, 1992, p. 2 et seq; P. Ferrua, “La regola d’oro del processo accusatorio”, f’R. Kostoris, (ed.), Il giusto processo tra contraddittorio e diritto al silenzio, Ed. Giappichelli, Torino, 2002, p. 11 et seq; u G. Illuminati, “Giudizio”, f’G. Conso, u V. Grevi, (ed.), Compendio di procedura penale, Ed. Cedam, Padova, 2003, p. 644 et seq.


10 – Dwar ir-riforma u l-preċedenti tagħha, ara W. T. Pizzi, u M. Montagna, “The Battle to Establish an Adversarial Trial System in Italy”, Michigan Journal of International Law, 2004 u M. Panzavolta, “Reforms and Counter-Reforms in the Italian Struggle for an Accusatorial Criminal Law System”, North Carolina Journal of International and Commercial Regulation, 2005.


11 – F’dan ir-rigward, L. Busetto, Il contraddittorio inquinato, Ed. Cedam, 2009, Padova, 2009, p. 8 et seq.


12 – Artikolu 328 CPP. 


13 – Artikolu 327 CPP.


14 – Artikolu 50 CPP.


15 – “[…] il giudice, quando non accoglie la richiesta di archiviazione, dispone con ordinanza che, entro dieci giorni, il pubblico ministero formuli l’imputazione. Entro due giorni dalla formulazione dell’imputazione, il giudice fissa con decreto l’udienza preliminare [(…) il-qorti, meta ma tilqax it-talba għal waqfien, tordna permezz ta’ digriet li, fi żmien għaxart ijiem, il-prosekutur pubbliku għandu jippreżenta l-att ta’ akkuża. Fi żmien jumejn mill-preżentata tal-att ta’ akkuża, il-qorti tiffissa b’digret is-seduta preliminari]” (enfasi miżjuda). Id-duttrina Taljana hija maqsuma fl-evalwazzjoni ta’ din is-setgħa tal-qorti, li għal uħud hija konsegwenza loġika tal-fatt li l-prosekutur pubbliku huwa suġġett għal-liġi, stabbilita espressament fl-Artikolu 112 tal-Kostituzzjoni Taljana, filwaqt li għal oħrajn tirrappreżenta nuqqas ta’ bilanċ dubjuż li jippreġudika l-prinċipju ta’ kontradittorju. Ara d-differenza bejn il-pożizzjonijiet fix-xogħlijiet ta’ V. Zagrebelsky, “Le soluzioni peggiori del male (a proposito del pubblico ministerio)”, Cassazione Penale, 1991, p. 313 u ta’ L. Ferraioli, Il ruolo di garante del giudice per le indagini preliminari, Ed. Cedam, Padova, 2006, p. 105 sa 106.


16 – Dwar ir-regoli, il-bażi u l-għanijiet tal-“incidente probatorio” Taljan, jiġifieri l-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja, ara, b’mod ġenerali, G. Esposito, Contributo allo studio dell’incidente probatorio, Ed. Novene, Napoli, 1989; P. Di Geronimo, L’incidente probatorio, Ed. Cedam, 2000; Morselli, L’incidente probatorio, Ed. Utet, Torino, 2000; P. Renon, L’incidente probatorio nel processo penale, tra riforme ordinarie e riforme costituzionali, Ed. Cedam, Padova, 2000; C. Di Martino, u T. Procaccianti, La prova testimoniale […] op. cit., p. 167 sa 174, u C. Di Martino, u T. Procaccianti, La prova testimoniale nel processo penale, it-tieni edizzjoni, Ed. Cedam, 2010, p. 163 et seq.


17 – Artikolu 394 CPP.


18 – Ibidem.


19 – Ara l-analiżi dettaljata ta’ L. Fayolle, Naissance et influence de la notion d’exploitation sexuelle enfantine. Étude des incriminations et sanctions pertinentes et de la participation de l’enfant victime au cours de la phase préparatoire en droit comparé, en droit international, en droit du Conseil de l’Europe et en droit de l’Union Européenne, Teżi ta’ dottorat, IUE, Firenze, 2008, p. 347 et seq.


20 – Il-prova ta’ dan tinsab fl-inizjattiva għal deċiżjoni qafas ippreżentata mir-Repubblika Portugiża, li t-test tagħha huwa l-bażi tal-leġiżlazzjoni attwali, li però fl-Artikolu 2(2) tagħha kienet tispeċifika ċerti kriterji ta’ kwalifikazzjoni tal-vittmi vulnerabbli, fost l-oħrajn l-età [Inizjattiva tar-Repubblika Portugiża għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni qafas dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU C 243, p. 4)].


21 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq.


22 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-11 ta’ Novembru 2004, punti 53 sa 58.


23 – Sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53.


24 – Fis-sentenza Gueye, iċċitata iktar ’il fuq, tiġi ttratta wkoll l-applikazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet fir-rigward tal-vittmi vulnerabbli, imma fil-kuntest tal-vjolenza mwettqa fuq in-nisa fi ħdan il-familja u mhux b’relazzjoni għall-minuri, kif inhuwa l-każ hawnhekk u fil-kawża Pupino.


25 – Enfasi miżjuda minni.


26 – Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Katz (C‑404/07, Ġabra p. I‑7607), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-Deċiżjoni Qafas ma tobbligax lil qorti nazzjonali tawtorizza s-smigħ tal-vittma ta’ reat bħala xhud fi proċedura ta’ prosekuzzjoni privata sussidjarja, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ. Madankollu, “fin-nuqqas ta’ tali possibbiltà, il-vittma għandha titħalla tagħti xhieda li tista’ tiġi kkunsidrata bħala prova” (punt 50). Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Qafas ma tirrigwardax il-modalitajiet imma l-eżistenza tal-possibbiltà nfisha.


27 – Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Gueye u Salmerón Sánchez (Kawżi Magħquda C‑483/09 u C‑1/10, Ġabra p. 1‑0000, punt 62). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2011 f’din il-kawża, b’mod partikolari l-punt 63, fejn isir riferiment għall-“funzjoni anċillari” attribwita lill-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas, li “ma jikkonċernax l-interessi kollha prevedibbli tal-vittma”.


28 – Konvenzjoni adottata u miftuħa għall-firem u għar-ratifika fl-20 ta’ Novembru 1989 (UN Treaty Series, Vol. 1577, p. 43).


29 – L-ispjegazzjoni tal-Artikolu 24 tipprovdi eżattament: “L-Artikolu hu bbażat fuq il-Konvenzjoni ta’ New York dwar id-Drittijiet tat-Tfal, iffirmata fl-20 ta’ Novembru 1989 u ratifikata mill-Istati Membri kollha, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 9, 12 u 13 tagħha”.


30 – Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga (C‑491/10 PPU, Ġabra p. I‑14247).


31 – Ibidem, punt 67.


32 – Ibidem, punt 66.


33 – Sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59; Katz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, u s-sentenza Gueye, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64.


34 – Il-preċiżazzjoni hija importanti peress li l-proposta inizjali Portugiża kienet tirreferi b’mod ġeneriku għall-“Istati Membri”. Għaldaqstant, din hija attribuzzjoni ta’ kompetenza indirizzata esklużivament lill-qrati fis-sens wiesa’ tat-terminu.


35 – Ara l-premessi 8, 9 u 10 tal-proposta inzijali Portugiża, fejn jiġi enfasizzat espressament li l-inizjattiva għandha l-għan li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-proċeduri kriminali, sabiex il-ħtiġijiet tal-vittma jiġu ttrattati skont approċċ integrat. Fl-ebda silta ma hemm il-pretensjoni li r-rwol tal-vittma fil-proċeduri kriminali ta’ kull Stat Membru jiġi invertit. Ċertament hemm diskussjoni intensa dwar ir-rwol xieraq li għandu jkollha l-vittma f’tali proċeduri (ara, f’dan ir-rigward, A. Ashworth, “Victims’ rights, defendants’ rights and criminal procedure”, f’A. Crawford, u J. Goodey, (ed.), Integrating a victim perspective within criminal justice: international debates, Ed. Aldershot, Ashgate-Dartmouth, 2000), imma mid-Deċiżjoni Qafas ma jiġi dedott l-ebda ħiseb li jkun hemm intervent favur pożizzjoni jew l-oħra.


36 – Ara l-Artikoli 50 sa 54c CPP.


37 – Ara l-Artikolu 112 tal-Kostituzzjoni Taljana.


38 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, N. Zanon, Pubblico Ministero e Costituzione, Ed. Cedam, Padova, 1996.


39 – Ara G. Spangher, Trattato di procedura penale, Vol. 3, Indagini preliminari e udienza preliminare, Ed. Utet, Torino, 2009, p. 608 u 609 u L. Bresciani, “Persona offesa dal reato”, f’Digesto penale, IX, Ed. Utet, Torino, 1995, p. 527. Dan ir-rwol ma jidhirx li huwa paċifiku fl-Italja u hemm min jakkuża lis-sostenituri ta’ dan ir-rwol b’“paternaliżmu ġudizzjarju”; madankollu l-akkuża tirreferi għal-limitazzjoni ġenerali fir-rigward tal-vittmi kollha u mhux speċifikatament tal-vittmi minuri, kif jiġri f’dan il-każ. Dwar din id-diskussjoni, ara G. Errico, “Rilettura dell’incidente probatorio per l’attuazione di un processo giusto”, f’G. Cerquetti, u F. Florio, Dal principio dal giusto processo alla celebrazione di un processo giusto, Padova, 2002.


40 – Għandu jiġi nnotat li l-istatus kostituzzjonali tal-prosekutur pubbliku jinsab fit-Titolu IV tal-Parti II tal-Kostituzzjoni Taljani, intitolata “La Magistratura [il-Maġistratura]”. Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 107 u 112, li jinkludu b’mod ċar lill-prosekutur pubbliku fil-kuntest tal-awtorità ġudizzjarja, fis-sens wiesa’ tat-terminu.


41 – Ara r-referenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 – Ara l-Artikolu 34(2a) CPP.


43 – Ara l-Artikoli 418 sa 426 CPP.


44 – Fil-fatt, il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat, bis-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1994 Nru 77, l-inkostituzzjonalità tan-norma li kienet timpedixxi li jingħata bidu għall-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja fil-fażi tas-seduta preliminari.


45 – Artikoli 415 u 416 CPP.


46 – B’mod partikolari, b’riferiment għall-każ ta’ vittmi minuri u għall-obbligu li jitkomplew l-indaġini fil-kuntest tal-fażi orali, ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-4 ta’ Marzu 2004, M.C. vs Il-Bulgarija (39272/98, punti 148 et seq). F’dan ir-rigward, u b’mod ferm dettaljat, ara L. Fayolle, Naissance et influence de la notion […],op. cit., p. 315 et seq.


47 – Ara J. Spencer, “The victim and the prosecutor”, f’A. Bottoms, u J. V. Roberts, (ed.), Hearing the Victim. Adversarial justice, crime victims and the State, Ed. Willan, Devon-Portland, 2010, p. 141 sa 144.