KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-15 ta’ Diċembru 2011 ( 1 )

Kawża C-489/10

Łukasz Marcin Bonda

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (Il-Polonja)]

“Agrikoltura — Regolament (KE) Nru 1973/2004 — Esklużjoni mill-benefiċċju tal-għajnuna fil-każ ta’ ineżattezza tal-erja ddikjarata — Natura kriminali ta’ sanzjoni amministrattiva — Regola li tipprojbixxi l-kumulu ta’ sanzjonijiet kriminali — Prinċipju ta’ ne bis in idem”

I – Introduzzjoni

1.

Minħabba l-ineżattezza tad-dikjarazzjonijiet magħmula f’talba għal għajnuna mill-Unjoni għas-settur agrikolu, l-amministrazzjoni nazzjonali applikat fil-konfront ta’ bidwi tnaqqis tal-għajnuna mitluba kif previst b’regolament tal-Unjoni. Sussegwentement, il-bidwi tressaq quddiem qorti kriminali akkużat bi frodi ta’ sussidji b’rabta ma’ dawn l-istess dikjarazzjonijiet ineżatti. Għaldaqstant, il-kwistjoni prinċipali fil-kawża inkwistjoni hija dwar jekk il-proċedura amministrattiva hijiex ta’ natura kriminali, bil-konsegwenza li, abbażi tar-regola li tipprojbixxi l-kumulu ta’ sanzjonijiet kriminali (il-prinċipju ta’ ne bis in idem), ma jistgħux jinbdew ukoll proċeduri kriminali kontra l-benefiċjarju tal-għajnuna.

II – Il-kuntest ġuridiku

2.

Skont l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 2 ):

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”

3.

L-Artikolu 138(1) tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004 ( 3 ), fil-verżjoni li kienet fis-seħħ ( 4 ) meta tressqet it-talba għal għajnuna inkwistjoni (is-16 ta’ Mejju 2005) u meta ttieħdet id-deċiżjoni amministrattiva (il-25 ta’ Ġunju 2006), kien jistipula li:

“1.

Minbarra f’każijiet ta’ xi forza maġġuri jew ċirkostanzi eċċezzjonali kif iddefiniti mill-Artikolu 72 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, fejn, b’riżultat ta’ kontroll amministrattiv jew fuq il-post, jinstab li d-differenza stabbilita bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata, skond it-tifsira tal-punt (22) ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, tkun aktar minn 3 % imma mhux aktar minn 30 % ta’ l-erja ddeterminata, l-ammont li jrid jingħata taħt l-iskema ta’ pagament wieħed skond l-erja għandu jitnaqqas, għas-sena kkonċernata, bid-differenza li tinstab għal darbtejn.

Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 30 % ta’ l-erja ddeterminata, ma tingħata ebda għajnuna għas-sena kkonċernata.

Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 50 %, il-bidwi għandu jiġi eskluż għal darb’oħra milli jirċievi l-għajnuna sa ammont li jkun jikkorrispondi għad-differenza ta’ bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata. Dak l-ammont għandu jinqata’ kontra pagamenti għall-għajnuna li jkun intitolat għalihom il-bidwi fil-kuntest ta’ l-applikazzjonijiet li jiddepożita fil-perkors tat-tliet snin kalendarji wara s-sena kalendarja ta’ din il-konstatazzjoni.”

III – Il-fatti u l-kawża prinċipali

4.

F’konformità mat-talba għal deċiżjoni preliminari, fis-16 ta’ Mejju 2005, Łukasz Marcin Bonda ressaq talba quddiem l-uffiċċju reġjonali tal-aġenzija għar-ristrutturazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-agrikoltura (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju reġjonali”) sabiex jikseb għajnuna tal-Unjoni għas-settur agrikolu ( 5 ) għas-sena 2005. F’din it-talba, L. M. Bonda għamel dikjarazzjonijiet ineżatti fir-rigward tad-daqs tal-erjas agrikoli użati minnu u l-erja kkultivata ( 6 ).

5.

Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, minħabba dawn id-dikjarazzjonijiet ineżatti, l-uffiċċju reġjonali rrifjuta li jagħti l-għajnuna għas-sena 2005 abbażi tal-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 1973/2004 u barra minn hekk, iddikjara t-telf tad-dritt għall-kisba ta’ għajnuna għat-tliet snin suċċessivi.

6.

Fl-14 ta’ Lulju 2009, minħabba dawn id-dikjarazzjonijiet ineżatti fit-talba għal għajnuna tiegħu, L. M. Bonda nstab ħati ta’ frodi ta’ sussidji mis-Sąd Rejonowy w Goleniowie ( 7 ) fuq il-bażi tal-Artikolu 297(1) tal-Kodiċi Kriminali Pollakka, u ġie kkundannat għal tmien xhur priġunerija sospiżi għal sentejn u għal multa ta’ PLN 20 kuljum għal 80 jum.

7.

L. M. Bonda ppreżenta appell minn din il-kundanna quddiem is-Sąd Okręgowy w Szczecinie ( 8 ). Din il-qorti laqgħet dan l-appell u temmet il-proċeduri kriminali kontra L. M. Bonda, billi qieset li, minħabba li kienet diġà ġiet imposta sanzjoni fuqu abbażi tal-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 1973/2004 għall-istess fatti, il-proċeduri kriminali kontrih kienu inammissibbli. Fuq appell fil-kassazzjoni tal-Prokurator Generalny ( 9 ), il-proċeduri issa huma pendenti quddiem is-Sąd Najwyższy ( 10 ), li hija l-qorti tar-rinviju.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.

B’deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2010, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ottubru 2010, is-Sąd Najwyższy għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“X’inhi n-natura legali tas-sanzjoni li jipprevedi l-Artikolu 138 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1973/2004, tad-29 ta’ Ottubru 2004, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 għal dak li għandu x’jaqsam mal-iskemi ta’ appoġġ li hemm provvediment għalihom fit-Titoli IV u IVa ta’ dak ir-regolament u l-użu ta’ art imwarrba [art imserrħa] għall-produzzjoni ta’ materja prima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, L 330M, p. 58), u li tikkonsisti f’li ċċaħħad lill-bidwi mill-pagamenti diretti relatati mas-snin kalendarji sussegwenti għal dik li matulha huwa ppreżenta dikjarazzjoni falza dwar id-daqs tal-erja li fir-rigward tagħha ntalbu l-pagamenti diretti?”

9.

Matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, L. M. Bonda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal-4 ta’ Ottubru 2011, intervenew ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea.

V – Kunsiderazzjonijiet

A – Osservazzjonijiet preliminari

10.

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, id-domanda magħmula għandha tiġi kkompletata u ppreċiżata ( 11 ).

1. Il-portata tal-kontroll: il-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni

11.

Il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda tagħha fid-dawl tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt Pollakk. Waqt is-seduta, kemm il-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea sostnew li l-kriterju ta’ kontroll kien il-prinċipju ta’ ne bis in idem previst fid-dritt Pollakk. Madankollu, jiena se nuri li huwa l-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni li japplika fil-kawża inkwistjoni ( 12 ).

12.

Barra minn hekk, fil-każ li kien japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt nazzjonali, niddubita kemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar in-natura kriminali tas-sanzjonijiet amministrattivi inkwistjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, anki n-natura kriminali għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, huwa konċepibbli — għalkemm dan ma huwiex il-każ hawnhekk — li l-qorti nazzjonali tesponi l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom japplika, skont il-kriterji ta’ evalwazzjoni tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem f’dak li jirrigwarda s-sanzjonijiet, u li sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk sanzjoni amministrattiva tad-dritt tal-Unjoni tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Għaldaqstant, il-kwistjoni tista’ tkun, pereżempju, dwar jekk sanzjoni amministrattiva tad-dritt tal-Unjoni għandhiex għan repressiv, f’każijiet fejn dan l-għan ikun jikkostitwixxi, skont id-dritt nazzjonali, element kostituttiv tan-natura kriminali ta’ regola.

a) L-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni

13.

Ir-regola li tipprojbixxi l-kumulu ta’ sanzjonijiet jew proċeduri kriminali (il-prinċipju ta’ ne bis in idem) hija rikonoxxuta fil-livell tal-Unjoni bħala prinċipju ġenerali tad-dritt ( 13 ) u fil-frattemp ġiet ukoll, abbażi tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ikklassifikata bħala dritt fundamentali tal-Unjoni.

14.

Skont l-Artikolu 51(1), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija intiża “għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni” ( 14 ). Hemm kontroversja dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandux jiġi ddefinit b’mod differenti minn dak tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kif żviluppat mill-ġurisprudenza ( 15 ). Skont din il-ġurisprudenza, il-prinċipji ġenerali tad-dritt japplikaw meta miżura nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dawk li huma favur interpretazzjoni iktar stretta tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jargumentaw fuq kollox dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni għal miżuri meħuda mill-Istati Membri li jillimitaw il-libertajiet fundamentali, u għal miżuri li ma għandhomx direttament l-għan li jimplementaw dispożizzjoni ta’ direttiva, iżda li huma biss relatati ma’ qasam irregolat minn direttiva.

15.

Sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx deċiżjoni netta dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Karta ( 16 ). F’żewġ digrieti, hija interpretat l-Artikolu 51(1) fis-sens li l-Karta tapplika meta l-fatti jippreżentaw rabta mad-dritt tal-Unjoni ( 17 ). Fis-sentenza mogħtija fil-Kawża Dereci, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Karta għandha tiġi applikata meta l-fatti jkunu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u b’hekk hija reġgħet adottat il-formulazzjoni tagħha rigward l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt ( 18 ).

16.

Ċertament, dan xorta ma jweġibx għall-kwistjonijiet kollha, iżda, fl-opinjoni tiegħi, anki b’interpretazzjoni iktar stretta tal-Artikolu 51(1), il-kawża inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta.

17.

Fir-rigward tas-sanzjoni amministrattiva imposta fuq L. M. Bonda, din ġiet imposta abbażi ta’ applikazzjoni diretta tal-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004. It-tieni sanzjoni imposta mill-qorti nazzjonali minħabba r-reat ta’ frodi ta’ sussidji hija ċertament ibbażata fuq liġi kriminali nazzjonali, iżda anki din toriġina mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fil-każ ineżami, il-liġi kriminali Pollakka għandha l-għan li tissanzjona ksur tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni agrikola tal-Unjoni. Għaldaqstant, hija maħsuba sabiex timplementa l-obbligu tal-Istati Membri, previst mit-Trattat, li jissanzjonaw b’mod effettiv u adegwat id-dannu kkawżat lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

18.

L-Artikolu 325(1) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jikkumbattu l-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi. Jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, dawn il-miżuri jistgħu jinkludu wkoll sanzjonijiet kriminali ( 19 ). L-Artikolu 325(2) TFUE jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom stess. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jaġixxu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligu tagħhom li jissanzjonaw l-irregolaritajiet, l-Istati Membri huma obbligati josservaw id-dritt Komunitarju u l-prinċipji ġenerali tiegħu, u dan jinkludi d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 20 ).

19.

Għaldaqstant, bħalma mid-dritt tal-Unjoni jista’ jirriżulta l-obbligu li jiġu previsti sanzjonijiet kriminali jekk jiġu ppreġudikati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta mal-għajnuna għas-settur agrikolu, min-naħa l-oħra anki l-limiti eventwali ta’ dan l-obbligu għandhom jitnisslu mid-dritt tal-Unjoni u, speċifikament, mid-drittijiet fundamentali tal-Unjoni. L-obbligu tal-partijiet ikkonċernati skont id-dritt tal-Unjoni li jissanzjonaw kriminalment il-ksur ta’ dan id-dritt jista’ jeżisti biss sa fejn dan ma jqegħidx inkwistjoni d-drittijiet fundamentali li huma żgurati fil-livell tal-Unjoni. Fuq kollox, dan huwa l-uniku mod kif jiġi żgurat li l-obbligi fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jiġu suġġetti għal limiti uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni.

20.

Fir-rigward tal-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni fil-kuntest ta’ sanzjoni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, fl-opinjoni tiegħi ma tantx tagħmel differenza jekk il-miżuri ta’ sanzjoni meħuda mill-Istati Membri kinux ittieħdu espressament sabiex jimplementaw id-dritt tal-Unjoni jew jekk kinux jeżistu diġà. Fiż-żewġ każijiet, dawn il-miżuri huma intiżi sabiex jiġi rrispettat id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma tistax tkun każwali, jiġifieri tkun tiddependi minn jekk liġi kriminali tkunx teżisti diġà jew tkunx ġiet adottata biss waqt l-implementazzjoni tal-obbligi mnissla mid-dritt tal-Unjoni.

b) Il-Protokoll Nru 30 tat-Trattat ta’ Lisbona

21.

L-applikabbiltà tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-kawża inkwistjoni lanqas ma hija kkontestata mill-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit ( 21 ). Dan il-Protokoll ġie inkluż fit-trattati permezz tat-Trattat ta’ Lisbona. Skont l-Artikolu 51 TUE, huwa jifforma parti integrali mit-trattati u jipproduċi l-istess effetti legali.

22.

L-Artikolu 1(1) ta’ dan il-Protokoll jistipula li l-Karta ma testendix il-fakultà tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew ta’ kwalunkwe qorti tal-Polonja jew tar-Renju Unit, li ssib li l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet, il-prassi jew l-azzjonijiet amministrattivi tal-Polonja jew tar-Renju Unit huma inkonsistenti mad-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji fundamentali li hija tafferma mill-ġdid.

23.

Din id-dispożizzjoni ma hijiex ċara ħafna. Fi kwalunkwe każ, il-Protokoll Nru 30 ma jimplikax in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-Renju Unit u tar-Repubblika tal-Polonja fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 22 ). It-tmien u d-disa’ premessa tal-Protokoll pjuttost isostnu li dan il-Protokoll ma fihx eċċezzjonijiet għall-Karta f’dak li jirrigwarda ż-żewġ pajjiżi ċċitati, iżda huwa biss protokoll ta’ natura spjegattiva u maħsub sabiex ikun ta’ għajnuna għall-interpretazzjoni ( 23 ). L-Artikolu 51(2) tal-Karta nnifsu jgħid li din ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni, u lanqas ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati. Dan ma jistax jinftiehem bħala żieda tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tal-Protokoll peress li l-prinċipju ta’ ne bis in idem previst fl-Artikolu 50 tal-Karta diġà kien irrikonoxxut preċedentement bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll peress li seta’ jiġi applikat fil-kawża inkwistjoni skont il-ġurisprudenza, u peress li, bħalma huwa indikat iktar ’il fuq, anki b’interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 51 tal-Karta, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju huwa applikabbli.

c) Konklużjoni intermedjarja

24.

Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk sanzjonijiet skont l-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 1973/2004 jipprekludux proċeduri kriminali posterjuri minħabba frodi ta’ sussidji, għandha tiġi deċiża b’riferiment għall-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, id-domanda preliminari għandha tiġi rriformulata f’dan is-sens.

2. Dettalji dwar id-domanda preliminari — Is-suġġett tal-eżami

25.

Fid-domanda tagħha, is-Sąd Najwyższy ma rreferietx għal paragrafu konkret tal-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 1973/2004. Għall-kuntrarju tal-paragrafu 1, il-paragrafu 2 jirregola l-każ partikolari tal-irregolaritajiet kommessi b’mod intenzjonat. Madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ppreċiżat, u dan ma ġiex ikkontestat, li d-direttur tal-uffiċċju reġjonali kien ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004. Għalhekk, is-suġġett tal-interpretazzjoni huwa l-Artikolu 138(1) tal-imsemmi regolament.

26.

Barra minn hekk, fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ma ssemmix il-fatt li L. M. Bonda, minbarra t-tnaqqis skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 138(1) għas-snin bejn l-2006 u l-2008, tilef ukoll id-dritt, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 138(1), għall-għajnuna għas-sena 2005 - is-sena li għaliha ressaq it-talba b’dikjarazzjoni ineżatta. Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, l-eżami tan-natura tas-sanzjoni prevista fl-Artikolu 138(1) għandu jinkludi l-miżuri kollha li jistgħu jittieħdu skont id-dispożizzjoni ċċitata. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss it-tnaqqis tal-għajnuna li pproduċa l-effetti tiegħu għas-snin bejn l-2006 u l-2008, iżda anki l-esklużjoni għas-sena tat-talba.

27.

Barra minn hekk, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun marbuta iktar mill-qrib mal-mod kif inhuma fformulati l-miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 138(1). Dan għandu jsir ukoll minħabba r-raġuni segwenti.

28.

Il-mod kif inhi fformulata attwalment id-domanda preliminari jqajjem domanda oħra. Fil-fatt, skont id-domanda preliminari u skont ma huwa indikat fid-digriet tar-rinviju, lil L. M. Bonda nċaħdulu l-pagamenti kollha għall-għajnuna għat-tliet snin wara s-sena meta saret id-dikjarazzjoni falza. Issa, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1793/2004 jistipula li, wara l-esklużjoni fis-sena tat-talba, il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu jiġi eskluż “għal darb’oħra” milli jirċievi l-għajnuna sa ammont li jkun jikkorrispondi għad-differenza ta’ bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata u li dan l-ammont għandu jinqata’ mill-pagamenti għall-għajnuna għat-tliet snin ta’ wara.

29.

Mit-test ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax b’mod ċar jekk, matul is-snin ta’ wara, id-differenza tiġix imnaqqsa darba mill-pagamenti għall-għajnuna jew jekk tiġix imnaqqsa darba f’sena matul il-perijodu tat-tliet snin ta’ wara (bħalma tagħti x’tifhem id-domanda preliminari). Naħseb li b’mod partikolari l-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż ta’ din id-dispożizzjoni ( 24 ) jiffavorixxu l-interpretazzjoni li d-differenza għandha tiġi mnaqqsa darba biss u mhux tliet darbiet, iżda li dan l-ammont uniku jista’ jinqata’ mill-pagamenti għall-għajnuna dovuti għat-tliet snin ( 25 ). Id-dettalji mitluba mingħand il-partijiet waqt is-seduta wasslu għal dikjarazzjonijiet kontradittorji. Ladarba fis-suġġett tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju ma daħħlitx din il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 138 tar-regolament, u ladarba l-partijiet fil-proċeduri lanqas ma ħadu pożizzjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ dan il-punt, din il-kawża ma għandhiex għalfejn tiċċara b’mod definittiv il-kwistjoni tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Il-metodi konkreti tat-tnaqqis ma humiex rilevanti għall-bqija tal-eżami ( 26 ).

30.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Polonja ssuġġerew li fir-risposta għad-domanda preliminari għandha tiġi inkluża l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51(2) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 ( 27 ) minħabba l-fatt li l-uffiċċju reġjonali impona wkoll sanzjoni amministrattiva fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju tikkonċerna biss l-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 1973/2004, jiena se nillimita ruħi li neżamina dan tal-aħħar.

3. Riformulazzjoni tad-domanda preliminari

31.

Konsegwentement, id-domanda għandha tiġi rriformulata kif ġej: L-impożizzjoni tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 1973/2004, li kienu jikkonsistu fin-nuqqas ta’ pagament, lill-bidwi, tal-għajnuna għas-sena li matulha għamel dikjarazzjoni falza dwar id-daqs tal-erjas li fuqhom hija bbażata t-talba tiegħu għal għajnuna, u fit-tnaqqis tal-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata mis-somma tal-pagamenti għall-għajnuna li l-bidwi għandu dritt għalihom matul it-tliet snin ta’ wara, tikkostitwixxi proċedura kriminali fis-sens tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni?

B – Il-prinċipju ta’ ne bis in idem fid-dritt tal-Unjoni: il-proċeduri meta jkunu ta’ natura kriminali jew kważi kriminali?

32.

Fil-verżjoni kkodifikata bl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jistipula li l-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà nstabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet inġudikat skont il-liġi.

33.

Sa issa, il-prinċipju ta’ ne bis in idem, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, essenzjalment ġie ttrattat fid-dritt tal-kompetizzjoni ( 28 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament analizzat l-interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju b’rabta mal-Ftehim ta’ Schengen ( 29 ). Madankollu, dawn il-kawżi kollha kienu jirrigwardaw essenzjalment l-aspett “idem”, jiġifieri jekk l-istess fatti kinux ġew issanzjonati diversi drabi ( 30 ). Għall-kuntrarju, il-qofol tal-kawża inkwistjoni huwa jekk id-dikjarazzjoni falza ta’ L. M. Bonda ġietx issanzjonata darbtejn fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali singolari, bi ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit l-element “bis”. Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma esprimietx ruħha fid-dettall dwar taħt liema kundizzjonijiet il-proċeduri jkunu ta’ natura kriminali jew kważi kriminali u b’hekk ikunu jitolbu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem  ( 31 ).

34.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx jekk proċeduri bħal dawk ibbażati fuq l-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 għandhomx jiġu kklassifikati bħala proċeduri kriminali jew kważi kriminali, fis-sens tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, hija xorta waħda ħadet pożizzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ prinċipji oħra ta’ materja kriminali fi proċeduri komparabbli.

1. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura kriminali tas-sanzjonijiet fil-qasam agrikolu

35.

Fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam agrikolu li kienet tipprevedi esklużjoni totali mill-benefiċċji għal sena fil-każ ta’ irregolaritajiet imwettqa minn applikant, fis-sentenza tagħha mogħtija fil-Kawża Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li l-esklużjoni temporanja ta’ operatur ekonomiku minn skema ta’ għajnuna ma tikkostitwixxix sanzjoni kriminali ( 32 ).

36.

Fil-Kawża Käserei Champignon Hofmeister ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet intalbet tiddeċiedi dwar jekk sanzjoni li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni fil-qasam agrikolu hijiex ta’ natura kriminali. Din il-kawża kienet tittratta dispożizzjoni li kienet tipprevedi l-pagament ta’ multa bħala sanzjoni fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet ineżatti f’talba għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni. F’din il-kawża kienet qamet id-domanda dwar jekk din is-sanzjoni kellhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipju ta’ nulla poena sine culpa. Il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta negattiva għal din id-domanda u sostniet li s-sanzjoni kkontestata kienet tifforma parti integrali mis-sistema tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni u ma kinitx ta’ natura kriminali ( 34 ).

37.

Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat in-natura kriminali tas-sanzjonijiet abbażi ta’ żewġ kriterji.

38.

Minn naħa, hija tirreferi għan-natura tal-ksur ikkontestat. Hija qieset li r-regoli li nkisru kienu jindirizzaw biss lill-operaturi ekonomiċi li bil-libertà kollha għażlu li jirrikorru għal sistema ta’ għajnuna fil-qasam agrikolu. F’dan il-każ, il-proċeduri ma jkunux ta’ natura kriminali ( 35 ).

39.

Min-naħa l-oħra, hija vverifikat l-għan tas-sanzjoni imposta. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hija enfasizzat li l-esklużjonijiet temporanji mill-benefiċċju ta’ skema ta’ għajnuna huma intiżi, l-istess bħaż-żidiet ikkalkulati fuq l-ammont ta’ għajnuna mħallsa indebitament, sabiex jiġġieldu d-diversi irregolaritajiet li jsiru fil-kuntest tal-għajnuniet għall-agrikoltura u li, minħabba li huma ta’ piż kbir fuq il-baġit tal-Unjoni, jistgħu jikkompromettu l-azzjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet f’dan il-qasam sabiex jistabbilizzaw is-swieq, isostnu l-livell ta’ għajxien tal-bdiewa u jiżguraw prezzijiet raġonevoli tal-provvisti lill-konsumaturi ( 36 ). Fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna Komunitarja, li fiha l-għoti tal-għajnuna huwa neċessarjament suġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jippreżenta l-garanziji kollha ta’ integrità u ta’ affidabbiltà, is-sanzjoni meħuda fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti tikkostitwixxi strument amministrattiv speċifiku li jifforma parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna u li huwa intiż sabiex jiżgura l-amministrazzjoni finanzjarja tajba tal-fondi pubbliċi tal-Unjoni.

40.

Dawn il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ukoll jiġu applikati sabiex tiġi evalwata n-natura kriminali tal-proċeduri fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Skont dawn il-kriterji, fil-kawża inkwistjoni, la l-esklużjoni għas-sena kurrenti, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004, u lanqas it-tnaqqis għat-tliet snin ta’ wara, f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 138(1) tal-imsemmi regolament, ma huma ta’ natura kriminali. Għaldaqstant, ma jistax jiġi applikat il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Fil-fatt, bl-istess mod bħas-sanzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata l-Kawża Käserei Champignon Hofmeister, id-dispożizzjonijiet tal-iskema ta’ għajnuna li nkisru fil-każ ineżami jindirizzaw biss lill-operaturi ekonomiċi li għażlu, bil-libertà kollha, li jirrikorru għal skema ta’ għajnuna. Barra minn hekk, anki s-sanzjonijiet inkwistjoni bbażati fuq l-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 jikkostitwixxu strument amministrattiv speċifiku li jifforma parti integrali minn skema ta’ għajnuna u li huwa intiż sabiex jiżgura l-amministrazzjoni finanzjarja tajba tal-fondi pubbliċi tal-Unjoni.

41.

Bħala konklużjoni intermedjarja, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata man-natura kriminali tas-sanzjonijiet amministrattivi komparabbli mal-leġiżlazzjoni agrikola tixhed kontra n-natura kriminali tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004.

2. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex tiġi stabbilita n-natura kriminali

42.

Iktar ’il quddiem se neżamina jekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dispożizzjoni parallela tal-KEDB ( 37 ) relatata mal-prinċipju ta’ ne bis in idem, jirriżultawx kriterji oħra li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex tiġi eżaminata n-natura kriminali, jew jekk dawn iwasslux għal klassifikazzjoni differenti tas-sanzjonijiet ikkontestati meta mqabbla ma’ dik li rriżultat sa issa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43.

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni ( 38 ), tajjeb li tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan jirriżulta mill-prinċipju ta’ omoġeneità ( 39 ) li jistabbilixxi li għandhom jiġu rrikonoxxuti lid-drittijiet tal-Karta l-istess sinjifikat u l-istess portata bħad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 40 ).

44.

Fid-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa bbażat fuq l-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, minkejja li dan il-protokoll għadu ma ġiex irratifikat mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni ( 41 ). Dan ix-xebh kbir mal-KEDB jirriżulta mhux biss mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, iżda anki mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ġenerali ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni ( 42 ).

a) Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

45.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tinterpreta l-kunċett ta’ proċeduri kriminali msemmija fl-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali li żviluppat fir-rigward tal-kunċetti korrispondenti ta’ “akkuża f’materji kriminali” u ta’ “piena” msemmija fl-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB ( 43 ).

46.

Fil-kuntest tal-Artikolu 6, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tibbaża ruħha fuq it-tliet “kriterji Engel”, imsejħa hekk b’riferiment għas-sentenza li fiha ssemmew għall-ewwel darba ( 44 ).

47.

L-ewwel kriterju Engel jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-ksur fid-dritt nazzjonali. Madankollu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma tikkunsidrax dan il-kriterju bħala wieħed deċiżiv, iżda sempliċement bħala punt ta’ tluq ( 45 ).

48.

Fil-kuntest tat-tieni kriterju Engel, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżamina qabel kollox lil min hija indirizzata regola li tissanzjona ksur partikolari. Jekk regola tindirizza liċ-ċittadini kollha u mhux — bħal fid-dritt dixxiplinari — lil grupp partikolari bi status partikolari, dan jiffavorixxi n-natura kriminali tas-sanzjoni ( 46 ). Fl-istess waqt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirreferi għall-għan tas-sanzjoni imposta bis-saħħa tad-dispożizzjoni kriminali. In-natura kriminali hija miċħuda meta s-sanzjoni tfittex biss li tikkumpensa dannu pekunjarju ( 47 ). Jekk għall-kuntrarju jkollha għan repressiv u preventiv, din tkun sanzjoni kriminali ( 48 ). Barra minn hekk, fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tanalizza l-kwistjoni dwar jekk ir-repressjoni tal-ksur hijiex maħsuba sabiex tipproteġi l-valuri u l-interessi li normalment jiġu protetti bid-dritt kriminali ( 49 ). Dawn l-elementi għandhom jiġu evalwati kollha kemm huma ( 50 ).

49.

It-tielet kriterju Engel jirrigwarda n-natura u l-gravità tal-piena imposta ( 51 ). Fil-każ ta’ priġunerija, ġeneralment tiġi preżunta n-natura kriminali tas-sanzjoni u din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata biss fuq bażi eċċezzjonali ( 52 ). Anki l-multi li għalihom tiġi imposta piena sussidjarja ta’ priġunerija fil-każ ta’ nuqqas ta’ pagament ( 53 ) jew li jwasslu sabiex il-każ jitniżżel fil-kondotta tal-pulizija jissuġġerixxu, bħala regola ġenerali, li teżisti proċedura kriminali ( 54 ).

50.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis it-tieni u t-tielet kriterji bħala alternattivi, iżda ma teskludix l-adozzjoni ta’ approċċ kumulattiv jekk l-analiżi separata ta’ dawn iż-żewġ kriterji ma twassalx għal konklużjoni ċara ( 55 ).

b) L-applikazzjoni tal-kriterji Engel fil-kawża inkwistjoni: teżisti kontradizzjoni fir-rigward tal-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-leġiżlazzjoni agrikola?

i) Fuq l-applikazzjoni tal-ewwel kriterju Engel

51.

L-ewwel kriterju Engel jirrigwarda fil-kawża inkwistjoni l-klassifikazzjoni, awtonoma skont id-dritt tal-Unjoni, tal-proċeduri taħt l-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 bħal dik li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Käserei Champignon Hofmeister mingħajr ma eżaminat espliċitament il-kriterji Engel.

ii) Fuq l-applikazzjoni tat-tieni kriterju Engel

52.

Fil-kuntest tal-eżami tat-tieni kriterju Engel, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem essenzjalment tivverifika l-istess elementi bħal dawk li kkunsidrat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Käserei Champignon Hofmeister.

– Id-destinatarji

53.

Is-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 ma jindirizzawx lil kulħadd, iżda għall-kuntrarju huma għandhom jiżguraw li l-membri ta’ grupp partikolari, jiġifieri l-benefiċjarji tas-sussidji agrikoli kkonċernati, josservaw ir-regoli li jindirizzawhom ( 56 ). Fis-sentenza tagħha Käserei Champignon Hofmeister, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza hija wkoll li r-regoli miksura kienu jindirizzaw biss lill-operaturi ekonomiċi li għażlu, bil-libertà kollha, li jirrikorru għal skema ta’ għajnuna fil-qasam agrikolu ( 57 ).

54.

Mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kawża Jussila ( 58 ) ma jirriżulta xejn differenti. Din kienet tittratta żidiet minħabba nuqqas ta’ pagament tal-VAT. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset il-fatt li l-parti kkonċernata “għażlet li tissuġġetta l-attivitajiet professjonali tagħha għall-VAT” bħala mhux rilevanti u ċaħdet l-argument li r-regola kienet tindirizza lil grupp ristrett ta’ destinatarji. Jidhirli li dan ma jistax jiġi traspost għal din il-kawża. Fil-fatt, kif diġà qieset il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju tal-VAT li kwalunkwe persuna hija potenzjalment suġġetta għaliha, l-iskema ta’ għajnuna agrikola tikkostitwixxi fiha nnifisha skema magħluqa li fiha l-benefiċjarju għandu jissodisfa sensiela ta’ kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jipparteċipa fiha.

55.

Minn dan isegwi li l-mod speċifiku kif huwa ddefinit il-grupp tad-destinatarji jixhed kontra n-natura kriminali tal-ksur issanzjonat bl-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004.

– L-interess ġuridiku normalment protett mis-sanzjonijiet kriminali

56.

Peress li l-interess ġuridiku protett, jiġifieri l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jista’ jiġi protett kemm bid-dritt kriminali kif ukoll bid-dritt amministrattiv, dan l-element tat-tieni kriterju Engel ma huwiex ta’ għajnuna sabiex tiġi kklassifikata s-sanzjoni.

– Il-finalità u l-għan tas-sanzjoni

57.

Ilu żmien twil jiġi diskuss x’inhuma l-għanijiet karatteristiċi tas-sanzjonijiet kriminali. Ma għandhiex issir tali diskussjoni fil-każ ineżami. Biżżejjed infakkar li d-duttrina kriminali moderna ġeneralment tenfasizza l-ilħuq ta’ għan doppju, jiġifieri r-repressjoni u l-prevenzjoni ( 59 ) u, fi wħud minn dawn it-teoriji konġunti, ir-repressjoni ma għandhiex sinjifikat awtonomu ( 60 ).

58.

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem niddeduċi li din tal-aħħar tqis li l-element kostituttiv tas-sanzjoni kriminali huwa l-għan repressiv tagħha. F’dan ir-rigward ukoll, għad hemm il-ħtieġa li jiġi ddeterminat x’għandu jinftiehem b’repressjoni. Bħala regola ġenerali, sabiex niddistingwuha mill-kumpens, li għandu l-għan li jerġa’ jġib lura s-sitwazzjoni kif kienet qabel ma ġie kkawżat id-dannu, ir-repressjoni għandha tinftiehem bħala penali imposta sabiex jiġi kkumpensat l-iżball li jkun sar inġustament ( 61 ). Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, l-Avukat Ġenerali Jacobs ukoll kien enfasizza li l-prevenzjoni ma hijiex l-għan waħdieni ta’ sanzjoni kriminali, iżda tali sanzjoni timplika wkoll kundanna morali ( 62 ).

59.

Is-sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża preżenti ma humiex maħsubin biss sabiex jikkumpensaw id-dannu kkawżat. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk għandhomx aspett preventiv u repressiv.

60.

Huwa paċifiku li regola li tiċħad biss lill-applikant l-ammont inkorrett li jkun talab iżda madankollu tagħtih l-għajnuna li tkun ġiet iġġustifikata b’dikjarazzjonijiet preċiżi ma għandhiex finalità kriminali.

61.

Għall-kuntrarju, huwa iktar diffiċli li jiġi stabbilit jekk is-sanzjoni hijiex ta’ natura repressiva fir-rigward tat-tnaqqis previst mill-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 għas-sena tat-talba (fil-każ ineżami, l-esklużjoni għas-sena tat-talba skont it-tieni subparagrafu) u għas-snin ta’ wara.

62.

Fis-sentenza tagħha Käserei Champignon Hofmeister, fil-kuntest tal-analiżi tal-għan imfittex minn sanzjoni amministrattiva fil-qasam agrikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ sanzjoni komparabbli, li din kienet maħsuba sabiex tiġġieled id-diversi irregolaritajiet li jitwettqu fil-kuntest tal-għajnuna għall-agrikoltura u li huma ta’ piż kbir fuq il-baġit tal-Unjoni ( 63 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha wkoll fuq id-disa’ premessa tar-regolament dwar l-interessi finanzjarji tal-Komunità ( 64 ) li tistipula li l-miżuri u s-sanzjonijiet Komunitarji meħuda fil-kuntest tal-ilħuq tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni jiffurmaw parti integrali mill-iskemi ta’ għajnuna u jsegwu l-finalità tagħhom. Bħalma rrilevat ukoll il-Kummissjoni Ewropea, dan jagħti ħjiel tan-natura purament preventiva ta’ din ir-regola.

63.

Fid-dawl ta’ kif inhuma l-affarijiet, minħabba l-mezzi limitati tal-amministrazzjoni, il-verifiki sabiex jiġu evitati l-irregolaritajiet huma limitati. Benefiċjarju ta’ għajnuna li darba jkun għamel dikjarazzjonijiet ineżatti fit-talba tiegħu joffri inqas garanziji ta’ integrità, affidabbiltà u diliġenza. Għaldaqstant, l-aqwa protezzjoni possibbli tal-baġit tkun li tali benefiċjarju jiġi eskluż kompletament mill-iskema ta’ għajnuna. Dan ma jitqiesx bħala penali, iżda jservi sabiex jipproteġi l-baġit minn talbiet irregolari potenzjali oħra. Jista’ jiġi argumentat li l-fatt li titressaq talba kif suppost, sakemm ikun fiha biss żbalji marġinali, jikkostitwixxi kundizzjoni għall-pagament tal-għajnuna bl-istess mod bħat-tressiq fil-ħin tat-talba jew kwalunkwe kundizzjoni oħra relatata mal-pagament tal-għajnuna.

64.

Madankollu, meta fil-kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-leġiżlatur jiddeċiedi, f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi għal applikant, li minflok ma jeskludih kompletament mill-għajnuna, jeskludih biss parzjalment taħt il-forma ta’ tnaqqis, dan bl-ebda mod ma jibdel in-natura tas-sanzjoni. F’dan il-każ, il-leġiżlatur ma jkunx qiegħed jesprimi a posteriori d-diżapprovazzjoni tiegħu għall-aġir tal-applikant. It-tnaqqis jimminimizza wkoll ir-riskju fuq il-baġit ikkawżat minn benefiċjarju mhux affidabbli, bil-konsegwenza li r-regoli inkwistjoni jkunu ta’ natura preventiva.

65.

Fattur ieħor li ma jiffavorixxix in-natura repressiva huwa l-fatt li t-tnaqqis japplika biss meta l-benefiċjarju tal-għajnuna jressaq talba fit-tliet snin ta’ wara. Jekk il-benefiċjarju ma jressaqx talbiet fis-snin ta’ wara — għaliex ikun waqaf mill-attività tiegħu jew ikun għaddieha f’idejn ħaddieħor, jew saħansitra għaliex ma jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra tal-għajnuna — is-sanzjoni tkun ineffettiva. Jekk il-benefiċjarju jkollu biss dritt għal għajnuna ta’ ammont iżgħar fis-snin ta’ wara u jekk din ma tkunx biżżejjed sabiex tikkumpensa l-ammont tat-tnaqqis, is-sanzjoni f’dan il-każ ukoll issir ineffettiva. Fil-każ ta’ repressjoni, jiġifieri fil-każ li tiġi imposta kundanna morali jew penali, is-sanzjoni tiġi imposta irrispettivament minn dak li jagħmel il-benefiċjarju tal-għajnuna, f’dan il-każ it-tressiq ta’ talba ġdida, u l-ammont relatat lanqas ma jista’ jiġi estint.

66.

B’dan l-aspett, is-sanzjoni inkwistjoni tiddistingwi ruħha wkoll miż-żidiet fiskali li titkellem dwarhom il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li rrikonoxxiet li huma ta’ natura kriminali, inkwantu dawn iż-żidiet ma humiex maħsuba għal kumpens pekunjarju, iżda tfasslu bħala pieni maħsuba sabiex jiġi evitat li jirrepetu ruħhom l-atti inkriminati ( 65 ).

– Konklużjoni intermedjarja

67.

L-applikazzjoni tat-tieni kriterju Engel għas-sanzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti turi li r-riżultat tal-interpretazzjoni jikkorrispondi essenzjalment għar-riżultat li waslet għalih il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar in-natura kriminali tas-sanzjonijiet fil-qasam agrikolu. Għaldaqstant, it-tieni kriterju ma jwassalx sabiex tiġi rrikonoxxuta n-natura kriminali fil-proċedura prevista fl-Artikolu 138(1) tar-regolament.

iii) Fuq l-applikazzjoni tat-tielet kriterju Engel

68.

Għall-kuntrarju, sa issa, fil-kuntest tal-eżami ta’ sanzjonijiet komparabbli fil-qasam agrikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx espressament il-gravità tas-sanzjoni ( 66 ). Fid-dawl tal-prinċipju ta’ omoġeneità mal-KEDB ( 67 ), il-kawża inkwistjoni tipprovdi l-opportunità sabiex dan l-element jiġi meħud inkunsiderazzjoni.

69.

Meta wieħed jeżamina n-natura u l-gravità tas-sanzjonijiet imposti fil-kawża inkwistjoni, l-ewwel ħaġa li tolqot l-għajn hija l-fatt li dawn ma humiex marbuta ma’ piena sussidjarja ta’ priġunerija. Fir-rigward tal-kriterju tal-gravità tal-piena, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra l-ammont tal-piena imposta in abstracto u mhux dik effettivament imposta. Jekk din il-premessa tiġi trasposta għall-kawża inkwistjoni, iqumu xi diffikultajiet prattiċi. Fil-fatt, meta tagħmel dan, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tieħu bħala l-punt ta’ tluq tagħha regoli li jistabbilixxu skala ta’ pieni u, għalhekk, piena massima. Madankollu, inkwantu s-sanzjoni ineżami fil-kawża inkwistjoni tiddependi minn kriterji varjabbli, jiġifieri d-differenza bejn l-erja mitluba u dik ikkonstatata, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit livell massimu astratt tal-piena. Fil-kawża inkwistjoni, l-iktar li wieħed jista’ jagħmel huwa li jirreferi għall-ammont tas-sanzjoni li jista’ jiġi kkalkulat b’mod konkret.

70.

Jekk wieħed jeżamina biss il-konsegwenzi ekonomiċi tal-esklużjoni mill-għajnuna jew tat-tnaqqis tagħha minn perspettiva purament finanzjarja, u jekk wieħed jieħu bħala l-punt ta’ tluq il-fatt li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis it-tieni u t-tielet kriterji bħala alternattivi, wieħed jista’ jasal sabiex jirrikonoxxi natura kriminali lit-tnaqqis tal-għajnuna skont l-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004. Fil-fatt, fil-każ tal-għoti tal-għajnuna, il-bidwi jsib ruħu f’sitwazzjoni ekonomika iktar vantaġġuża milli fil-każ ta’ ċaħda, fejn l-ammonti li minnhom tnaqqsu t-talbiet għal għajnuna fil-kawża inkwistjoni ma humiex insinjifikattivi.

71.

Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, meta tiġi eżaminata l-gravità tas-sanzjoni imposta, ma għandux jiġi kkunsidrat biss jekk, fl-aħħar mill-aħħar, miżura hijiex se jkollha effett ekonomikament żvantaġġuż. Għall-kuntrarju, għandha ssir evalwazzjoni li tkun tinkludi wkoll verifika jekk is-sanzjoni tippreġudikax xi interess tal-parti kkonċernata li għandu jiġi protett. Jekk dan ma huwiex il-każ, ma teżistix sanzjoni gravi fis-sens tat-tielet kriterju Engel. F’dan il-kuntest, minn dan l-eżami jirriżulta li s-sanzjoni ma tippreġudikax il-patrimonju attwali tal-parti kkonċernata bħalma kien ikun il-każ fil-każ ta’ multa. Lanqas ma jiġu ppreġudikati l-aspettattivi leġittimi. It-tnaqqis ifisser li l-parti kkonċernata tiġi mċaħħda biss mill-prospett li tikseb għajnuna. Issa, f’dak li jirrigwarda dan il-prospett ta’ ksib ta’ għajnuna, il-benefiċjarju ta’ għajnuna li konxjament ikun għamel dikjarazzjonijiet foloz ma għandux aspettattivi leġittimi sabiex jikseb din l-għajnuna. Fil-fatt, sa mill-bidu, huwa kien jaf li ma kienx se jikseb għajnuna mhux imnaqqsa jekk jagħmel dikjarazzjonijiet foloz ( 68 ).

3. Il-konsegwenzi li jitnisslu minn deċiżjoni differenti

72.

Fl-aħħar nett, ikun opportun li jerġgħu jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi prattiċi li jkun hemm jekk jiġi deċiż li japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża inkwistjoni. Nixtieq nippreċiża minn qabel li naturalment il-konsegwenzi konkreti ma għandhomx jistabbilixxu l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-eżami tagħhom huwa interessanti u jixħet dawl fuq kif għandha tinftiehem globalment l-iskema ta’ għajnuna fil-qasam agrikolu. Dawn juru li l-leġiżlatur ma assumiex mill-bidu li sanzjonijiet komparabbli fil-qasam agrikolu jikkostitwixxu l-“bis” fis-sens tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

73.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett huwa interessanti li jiġi kkonstatat li jeżistu regolamenti li jimponu espliċitament li s-sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni japplikaw bla ħsara għal sanzjonijiet addizzjonali stabbiliti fil-livell nazzjonali ( 69 ).

74.

Lanqas l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2988/95 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea ( 70 ) ma jindika li l-leġiżlatur ibbaża ruħu fuq il-prinċipju li l-kumulu ta’ sanzjonijiet amministrattivi u ta’ sanzjonijiet kriminali nazzjonali għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) jipprevedi biss li l-proċeduri relatati ma’ sanzjonijiet amministrattivi jistgħu jiġu sospiżi meta jinfetħu proċeduri kriminali kontra l-istess persuna fi Stat Membru u li, bħala regola prinċipali, jistgħu jitkomplew iktar tard ( 71 ). Huwa minnu li l-paragrafu 3 jipprevedi li l-proċeduri li jerġgħu jinbdew ikunu suġġetti għall-prinċipji ġenerali tad-dritt. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem jiġi applikat, il-proċedura amministrattiva qatt ma tkun tista’ terġa’ tinbeda.

75.

Skont l-għaxar premessa tar-Regolament Nru 2988/95, ċertament għandu jiġi evitat il-kumulu ta’ sanzjonijiet, iżda ma huwiex ipprojbit li tinbeda proċedura oħra. Fil-fatt, għalkemm il-prinċipju ta’ ne bis in idem jissemma wkoll fl-għaxar premessa, id-disa’ premessa tipprevedi fl-istess ħin li s-sanzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom finalità tagħhom li ma taffettwax l-evalwazzjoni tal-aġir tal-operaturi ekonomiċi involuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, fil-livell tad-dritt kriminali.

76.

Fl-aħħar nett, għandu jerġa’ jissemma l-obbligu tal-Istati Membri, iċċitat iktar ’il fuq, li jissanzjonaw l-aġir frawdolenti li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi li jistgħu jinkludu wkoll priġunerija, għall-inqas fil-każijiet ta’ frodi serja ( 72 ).

77.

Kieku jiġi applikat il-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-kawża inkwistjoni, tiġi eskluża b’mod ġenerali, anki f’każijiet ta’ frodi serji u ripetuti, is-sanzjoni ta’ priġunerija, skont ir-regolament għaliex is-sanzjoni amministrattiva għandha tiġi imposta b’mod obbligatorju u dan jimpedixxi l-proċeduri kriminali.

4. It-teħid inkunsiderazzjoni tas-sanzjoni

78.

Madankollu, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ma għandux iwassal sabiex il-parti kkonċernata tiġi ppenalizzata b’mod sproporzjonat fir-rigward tal-ammont tas-sanzjoni penali nazzjonali ( 73 ). Mill-prinċipju ta’ proporzjonalità jirriżulta li s-sanzjoni amministrattiva għandha tiġi kkunsidrata sabiex jiġi evalwat l-ammont tas-sanzjoni kriminali li għandha tiġi imposta ( 74 ). Dan jirriżulta wkoll mill-għaxar premessa tar-Regolament Nru 2988/95 ( 75 ), diġà ċċitata, li tipprovdi li għandu jiġi evitat il-kumulu ta’ sanzjonijiet pekunjarji Komunitarji u ta’ sanzjonijiet kriminali nazzjonali.

5. L-eżami ta’ kriterji oħra tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

79.

Fl-aħħar nett, nixtieq ukoll nikkunsidra l-kriterji l-oħra tal-prinċipju ta’ ne bis in idem li ġew iċċitati sussidjarjament mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn iż-żewġ partijiet enfasizzaw li, fil-kawża inkwistjoni, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tmur ukoll kontra l-assenza tal-kundizzjoni relatata mal-element “idem” minħabba l-fatt li s-sanzjoni amministrattiva prevista fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 u l-piena nazzjonali ma jipproteġux l-istess interess ġuridiku.

80.

Madankollu, fil-ġurisprudenza tagħha relatata mal-prinċipju ta’ ne bis in idem imsemmija fil-Protokoll addizzjonali Nru 7 tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-fatt tikkunsidra biss l-identiċità tal-fatti u mhux l-identiċità tal-interessi ġuridikament protetti ( 76 ). Bħalma indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Toshiba et, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni, il-kunċett ta’ idem għandu jkun ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li abbażi tagħha hija l-identiċità tal-fatti li hija deċiżiva ( 77 ). Skont din il-ġurisprudenza, l-interess ġuridikament protett mill-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-eżami tal-kunċett ta’ idem.

VI – Konklużjoni

81.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari:

Il-proċeduri li skont l-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 1973/2004 jwasslu għal sanzjoni li tikkonsisti fin-nuqqas ta’ pagament, lill-bidwi, tal-għajnuna għas-sena li matulha għamel dikjarazzjoni falza dwar id-daqs tal-erjas li fuqhom hija bbażata t-talba tiegħu għal għajnuna, u fit-tnaqqis tal-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata mis-somma tal-pagamenti għall-għajnuna li għalihom il-bidwi għandu dritt matul it-tliet snin ta’ wara, ma jikkostitwixxux proċeduri kriminali fis-sens tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġiet ipproklamata b’mod solenni għall-ewwel darba fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), imbagħad darba oħra fit-12 ta’ Diċembru 2007 fi Strasbourg (ĠU 2007 C 303, p. 1 u ĠU 2010 C 83, p. 389).

( 3 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1973/2004, tad-29 ta’ Ottubru 2004, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 għal dak li għandu x’jaqsam mal-iskemi ta’ appoġġ li hemm provvediment għalihom fit-Titoli IV u IVa ta’ dak ir-regolament u l-użu ta’ art imwarrba [art imserrħa] għall-produzzjoni ta’ materja prima, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, L 330M, p. 58 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1973/2004”).

( 4 ) Mill-bqija, emendi żgħar ulterjuri ta’ dan l-artikolu ma humiex rilevanti fil-kawża inkwistjoni. It-tħassir tal-Artikolu 138, permezz tar-Regolament (KE) Nru 316/2009 (ĠU L 100, p. 3), japplika biss għat-talbiet għal għajnuna mill-2009 ’l quddiem. Fil-frattemp, ir-Regolament Nru 1973/2004 tħassar fl-intier tiegħu bir-Regolament (KE) Nru 1121/2009 (ĠU L 316, p. 27). Madankollu, skont l-Artikolu 96(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 1973/2004 għadu japplika għat-talbiet għal għajnuna li għandhom x’jaqsmu mal-primjum għall-2009 u għas-snin preċedenti. Dispożizzjoni komparabbli mal-Artikolu 138(1) issa tinsab fl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 (ĠU L 316, p. 65).

( 5 ) It-talba għal deċiżjoni preliminari ssemmi talba għal “pagament dirett”, iżda, peress li d-domanda preliminari tittratta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 1973/2004, din x’aktarx kellha tkun talba għal “pagament wieħed skond l-erja”.

( 6 ) Matul kontroll li twettaq wara t-talba, ġie kkonstatat li l-erjas agrikoli realment użati kienu jammontaw għal 113.49-il ettaru biss minflok il-212.78-il ettaru ddikjarati.

( 7 ) Il-qorti distrettwali ta’ Goleniów.

( 8 ) Il-qorti reġjonali ta’ Szczecin.

( 9 ) Il-prokuratur ġenerali.

( 10 ) Il-qorti suprema tal-Polonja.

( 11 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, meta jkun hemm domandi fformulati b’mod ineżatt, hija r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li toħroġ l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu interpretazzjoni, fil-kunsiderazzjoni tas-suġġett tal-kawża (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1984, Haug-Adrion, 251/83, Ġabra p. 4277, punt 9) kif ukoll li tipprovdi l-elementi utli kollha li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għall-qorti nazzjonali sabiex issib soluzzjoni għall-kawża prinċipali (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, LECSON Elektromobile, C-12/10, Ġabra p. I-14173, punt 15).

( 12 ) Ara wkoll il-Kawża Åkerberg Fransson, C-617/10, ĠU C 72, p. 14, li għadha pendenti.

( 13 ) Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, minn C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 59) u tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni (C-289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 50).

( 14 ) F’dak li jirrigwarda verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni, ara Juliane Kokott, Christoph Sobotta, Die Charta der Grundrechte der Europäischen Union nach Inkrafttreten des Vertrags von Lissabon, Europäische Grundrechte Zeitschrift, 2010, p. 265.

( 15 ) Ara l-konklużjonijiet ippreżentati fil-5 ta’ April 2011 mill-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Scattolon (C-108/10, sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Ġabra p. I-7491, punti 116 sa 119) u l-konklużjonijiet ippreżentati fit-22 ta’ Settembru 2011 mill-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-Kawża M.E. et (C-411/10 u C-493/10, punti 71 sa 81).

( 16 ) Ara, għal indikazzjoni prima facie, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C-400/10 PPU, Ġabra p. I-8965, punt 52) u tal-15 ta’ Settembru 2011, Gueye (C-483/09 u C-1/10, Ġabra p. I-8263, punt 55).

( 17 ) Ara d-digrieti tat-12 ta’ Novembru 2010, Asparuhov Estov et (C-339/10, Ġabra p. I-11465, punt 14) u tal-1 ta’ Marzu 2011, Chartry (C-457/09, Ġabra p. I-819, punt 25).

( 18 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C-256/11, Ġabra p. I-11315, punt 72) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja għażlet il-formulazzjoni “taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”. Madankollu, b’sorpriża kbira l-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet f’idejn il-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi jekk il-fatti kkontestati jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

( 19 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (68/88, Ġabra p. 2965, punti 23 et seq).

( 20 ) F’dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza relatata mal-obbligu ta’ natura ġenerali, imnissel mill-Artikolu 4(2) TUE, li għandhom l-Istati Membri li jissanzjonaw il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Louloudakis (C-262/99, Ġabra p. I-5547, punt 67) u tal-5 ta’ Lulju 2007, Ntionik u Pikoulas (C-430/05, Ġabra p. I-5835, punt 53).

( 21 ) Protokoll tas-17 ta’ Diċembru 2007, ĠU C 306, p. 157.

( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-Kawża M.E. et (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 13, punt 167).

( 23 ) Il-fatt li l-Protokoll jikkostitwixxi biss għajnuna għall-interpetazzjoni u li huwa ta’ natura spjegattiva huwa enfasizzat ukoll mill-Gvern tar-Renju Unit. Ara House of Lords, “Tenth Report of the European Union Select Committee”, tas-26 ta’ Frar 2008, punt 5.86, disponibbli fis-sit http://www.publications.parliament.uk/pa/ld200708/ldeucom/62/6209/htm.

( 24 ) “[…] est exclu une nouvelle fois du bénéfice d’une aide à hauteur d’un montant correspondant à la différence entre la superficie déclarée et la superficie déterminée. Le montant correspondant est prélevé sur les paiements d’aides […]” u “[…] shall be excluded once again from receiving aid up to an amount which corresponds to the difference between the area declared and the area determined. That amount shall be off-set against aid payments to which the farmer is entitled in the context of applications […]”.

( 25 ) F’dan ir-rigward, jista’ biss ikun hemm esklużjoni totali mill-għajnuniet għal tliet snin f’każijiet li fihom id-differenza tant tkun għolja li teżawrixxi l-pagament għall-għajnuna fuq tliet snin. Fid-dawl tal-erjas u tal-ammonti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma nistax nifhem, skont l-interpretazzjoni tiegħi ta’ din id-dispożizzjoni, kif setgħet tiġi imposta esklużjoni totali għal tliet snin fuq L. M. Bonda.

( 26 ) Madankollu, huma jkunu rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni tal-proporzjonalità tas-sanzjoni.

( 27 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll, kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa. Dan ir-regolament fih dispożizzjoni komparabbli ma’ dik tal-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 1973/2004.

( 28 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, minn C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 59) u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punti 338 sa 340).

( 29 ) Il-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9).

( 30 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2011, fil-Kawża Toshiba et (C-17/10).

( 31 ) Ara madankollu l-konklużjonijiet ippreżentati fl-10 ta’ Frar 2011 mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża KME (C-272/09 P, Ġabra p. I-12789, punti 61 et seq) kif ukoll il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Bot fis-26 ta’ Ottubru 2011 fil-Kawża ThyssenKrupp Nirosta (li qabel kienet ThyssenKrupp Stainless) vs Il-Kummissjoni (C-352/09 P, sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta, Ġabra p. I-2359, punti 48 et seq) u fis-26 ta’ Ottubru 2010 fil-Kawża ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni (C-201/09 P u C-216/09 P, sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Ġabra p. I-2239, punti 40 et seq) li fihom l-Avukati Ġenerali jżommu mal-kriterji tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) sabiex juru n-natura kważi kriminali tal-proċeduri li jirrigwardaw id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Ara wkoll, rigward in-natura kriminali tal-proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Menari vs L-Italja, tas-27 ta’ Settembru 2011 (Nru 43509/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet).

( 32 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1992, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-240/90, Ġabra p. I-5383, punt 25).

( 33 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister (C-210/00, Ġabra p. I-6453).

( 34 ) Ara s-sentenza Käserei Champignon Hofmeister (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 44).

( 35 ) Ara s-sentenza Käserei Champignon Hofmeister (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 41), li tirreferi għas-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et (137/85, Ġabra p. 4587, punt 13) u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 26).

( 36 ) Ara s-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 19) u Käserei Champignon Hofmeister (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 38).

( 37 ) Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

( 38 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Toshiba et (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 120).

( 39 ) Ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

( 40 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 53) u tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 70) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Toshiba et (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 120). Ta’ min jinnota li t-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tippermetti li wieħed imur lil hinn mill-istandards tal-KEDB.

( 41 ) Erba’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit) sa issa għadhom ma rratifikawx il-Protokoll Nru 7 tal-KEDB.

( 42 ) Ara s-sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 59) u Showa Denko (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 50).

( 43 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Maresti vs Il-Kroazja, tal-25 ta’ Ġunju 2009 (Nru 55759/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Engel vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (Awla Manja) tat-8 ta’ Ġunju 1976 (Nri 5100/71, 5101/71, 5102/71, 5354/72, 5370/72, Serje A 22, punt 82).

( 45 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Engel vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 82).

( 46 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Öztürk vs Il-Ġermanja, tal-21 ta’ Frar 1984 (Nru 8544/79, Serje A 73, punt 53) u Lauko vs Is-Slovakkja, tat-2 ta’ Settembru 1998 (Nru 26138/95, Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet 1998-VI, punt 58).

( 47 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Jussila vs Il-Finlandja, tat-23 ta’ Novembru 2006 (Nru 73053/01, Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet 2006-XIII, punt 38).

( 48 ) Ara, fost l-oħrajn, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Zolotoukhine vs Ir-Russja (Awla Manja), tal-10 ta’ Frar 2009 [(Nru 14939/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet, punt 55 u li tirreferi għas-sentenza Ezeh u Connors vs Ir-Renju Unit, tad-9 ta’ Ottubru 2003 (Nri 39665/98 u 40086/98, Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet 2003-X, punti 102 u 105)] u Maresti vs Il-Kroazja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 59).

( 49 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 55) u Maresti vs Il-Kroazja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 59).

( 50 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Ezeh u Connors vs Ir-Renju Unit (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 103) u Bendenoun vs Franza, tal-24 ta’ Frar 1994 (Nru 12547/86, Serje A 284, punt 47).

( 51 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 56).

( 52 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 82) u Ezeh u Connors vs Ir-Renju Unit (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 126).

( 53 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Zugic vs Il-Kroazja, tal-31 ta’ Mejju 2011 (Nru 3699/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet, punt 68).

( 54 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Zugic vs Il-Kroazja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punt 68).

( 55 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 53).

( 56 ) Ara, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Weber vs L-Isvizzera, tat-22 ta’ Mejju 1990 (Nru 11034/84, Serje A 177, punt 33).

( 57 ) Ara s-sentenza Käserei Champignon Hofmeister (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 41).

( 58 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Jussila vs Il-Finlandja, tat-23 ta’ Novembru 2006 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 38).

( 59 ) Ara, b’mod partikolari, Bernard Bouloc, Droit pénal général, id-19-il edizzjoni, 2005, pp. 22 sa 23, u Andrew Ashworth, Principles of Criminal Law, is-sitt edizzjoni, 2009, pp. 16 sa 18.

( 60 ) Ara t-teorija konġunta preventiva sostnuta minn Claus Roxin li hija bbażata fuq il-premessa li “l-finalità tal-piena tista’ tkun biss ta’ natura preventiva”, ara Claus Roxin, Strafrecht Allgemeiner Teil, Volum I, ir-raba’ edizzjoni, 2006, pp. 85 sa 96.

( 61 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Jussila (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 38) li tikkunsidra jekk il-piż finanzjarju għandux l-għan li jikkumpensa dannu kkawżat jew jippenalizza sabiex jevita li jirrepetu ruħhom l-atti inkriminati.

( 62 ) Ara l-konklużjonijiet ippreżentati fit-3 ta’ Ġunju 1992 mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 11).

( 63 ) Ara s-sentenza Käserei Champignon Hofmeister (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 38).

( 64 ) Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

( 65 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Jussila vs Il-Finlandja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 38) li fiha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra wkoll id-diverġenzi eżistenti fil-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-klassifikazzjoni taż-żidiet fil-qasam fiskali. Ara wkoll, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Ruotsalainen vs Il-Finlandja, tas-16 ta’ Ġunju 2009 (Nru 13079/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet, punt 46, fir-rigward ta’ taxxa dovuta minħabba l-użu ta’ fjuwil ħażin).

( 66 ) Ara, madankollu, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni rigward l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni (C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 150).

( 67 ) Ara iktar ’il fuq, punt 41.

( 68 ) Huwa preċiżament fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fis-sentenza tagħha Käserei Champignon Hofmeister meta qieset bħala deċiżiv il-kriterju tal-libertà li wieħed jirrikorri għal skema ta’ għajnuna.

( 69 ) Ara l-Artikolu 48(9) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 612/2009, tas-7 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 186, p. 1) u l-premessa 98 tar-Regolament Nru 1122/2009 (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).

( 70 ) Iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64.

( 71 ) Ara wkoll id-disa’ premessa tar-regolament.

( 72 ) Ara l-punti 18 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet; ara wkoll l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1995 C 316, p. 49).

( 73 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Käserei Champignon Hofmeister (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 52) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, għalkemm il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege ma huwiex applikabbli, il-parti kkonċernata xorta waħda tgawdi minn protezzjoni ġuridika.

( 74 ) Rigward l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għas-sanzjoni kriminali nazzjonali, ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 75 ) Iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62.

( 76 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 82).

( 77 ) Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punti 111 sa 124.