KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-17 ta’ Novembru 2011 ( 1 )

Kawża C-393/10

Dermod Patrick O’Brien

vs

Ministry of Justice (li kien id-Department for Constitutional Affairs)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (ir-Renju Unit)]

“Direttiva 97/81/KE — Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time — Kunċett ta’ ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ xogħol — Imħallfin part-time”

I – Introduzzjoni

1.

Huwa biss id-dritt nazzjonali li jiddetermina jekk l-imħallfin jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC ( 2 )? Din hija essenzjalment id-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tikkjarifika f’din il-kawża. Din id-domanda qed issir fil-kuntest ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tgħid li l-imħallfin part-time li jitħallsu onorarju ma humiex intitolati għal pensjoni.

II – Il-Kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

2.

F’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni hija d-Direttiva 97/81/KE ( 3 ). Din id-direttiva timplementa l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), li ġie konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 bejn l-imsieħba soċjali ġenerali Ewropej (UNICE, CEEP u ETUC) u li jinsab anness mad-Direttiva.

3.

Inizjalment, id-Direttiva 97/81 ma kinitx tapplika għar-Renju Unit. L-applikazzjoni tagħha ġiet estiża għar-Renju Unit permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE tas-7 ta’ April 1998 ( 4 ).

4.

Il-Klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu skont kif ġej:

“1.

Dal-ftehim japplika għal ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.”

B – Id-dritt nazzjonali

5.

Ir-Renju Unit ittraspona d-Direttiva 97/81 permezz tal-Part-time Workers (Prevention of Less Favourable Treatment) Regulations 2000 (SI 2000 No 1551), li ġew adottati fit-8 ta’ Ġunju 2000 u li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2000 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”).

6.

L-Artikolu 17, intitolat “Persuni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji”, jipprovdi:

“Dawn ir-Regolamenti ma japplikawx għal individwi fil-kapaċità tagħhom ta’ persuni li jeżerċitaw funzjoni ġudizzjarja u li jitħallsu onorarji għal kull ġurnata xogħol.”

III – Il-fatti u l-proċeduri fil-kawża prinċipali

7.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, sas-snin 70 fir-Renju Unit kien hemm biss ftit imħallfin li kienu jaħdmu part-time. Dawn l-imħallfin part-time kienu jitħallsu onorarji kkalkolati abbażi ta’ kull ġurnata xogħol. Wara li daħlet fis-seħħ il-liġi dwar il-qrati (il-Courts Act 1971), in-numru ta’ mħallfin li jaħdmu part-time żdied b’mod kunsiderevoli. Illum il-ġurnata hawn kważi d-doppju ta’ mħallfin part-time (“recorders” u “deputy judges”) ta’ kemm hawn imħallfin full-time. Anki f’dak li jirrigwarda l-imħallfin tal-immigrazzjoni (“immigration judges”), in-numru ta’ mħallfin part-time huwa ħafna ogħla min-numru ta’ mħallfin full-time. Oriġinarjament, l-imħallfin part-time kollha kienu jitħallsu onorarju għal kull seduta jew għal kull ġurnata xogħol (iktar ’il quddiem “imħallfin li jitħallsu onorarju”), iżda mis-sena 2000 ’il quddiem beda jkun hemm imħallfin part-time li jitħallsu salarju, speċjalment fost l-imħallfin tal-immigrazzjoni.

8.

D. P. O’Brien huwa avukat (barrister) u avukat tal-kuruna (Queen’s Counsel). Fl-1978 inħatar ukoll bħala recorder. Fir-Renju Unit, ir-recorders huma mħallfin part-time li jaħdmu fil-Crown Court. D. P. O’Brien eżerċita l-funzjoni ta’ recorder, wara li kompla jiġġedded il-mandat tiegħu, sal-31 ta’ Marzu 2005. Bħala recorder hu kien jitħallas onorarju għal kull seduta jew għal kull ġurnata xogħol. Is-salarju ta’ recorder huwa ekwivalenti, fuq bażi pro-rata, għas-salarju ta’ mħallef full-time.

9.

Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli, D. P. O’Brien kien intitolat, bħala recorder, li jippresjedi għal minimu ta’ 15-il ġurnata fis-sena filwaqt li seta’ jinħtieġ jippresjedi sa massimu ta’ 30 ġurnata.

10.

L-imħallfin part-time kollha huma intitolati (fejn jixraq) li jitħallsu fil-każ ta’ mard, jitħallsu allowance ta’ maternità jew paternità, u jitħallsu benefiċċji simili tul is-servizz tagħhom. L-imħallfin full-time u l-imħallfin part-time li jitħallsu salarju huma intitolati għal pensjoni meta huma jirtiraw. Għall-kuntrarju ta’ dan, l-imħallfin li jitħallsu onorarju ma humiex intitolati għal pensjoni meta huma jirtiraw.

11.

D. P. O’Brien talab li jingħata pensjoni ekwivalenti pro rata temporis għal dik ta’ mħallef full-time li jkun essenzjalment wettaq l-istess xogħol. Din it-talba nċaħdet mill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Renju Unit. Fil-kawża prinċipali D. P. O’Brien qed jikkontesta din iċ-ċaħda abbażi tad-Direttiva 97/81. Il-kawża prinċipali qiegħda bħalissa tiġi appellata quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom.

IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.

B’deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2010, is-Supreme Court of the United Kingdom issospendiet il-proċeduri quddiemha u ressqet id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet ta’ deċiżjoni preliminari:

“1)

Hija l-liġi nazzjonali li għandha tiddetermina jekk imħallfin, b’mod ġenerali, humiex jew le ‘ħaddiema li għandhom kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg’ fis-sens tal-klawsola 2.1 tal-ftehim qafas, jew teżisti regola Komunitarja li taħtha [biha] għandha tiġi deċiża din il-kwistjoni?

2)

Jekk l-imħallfin, b’mod ġenerali, huma ħaddiema li għandhom kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg fis-sens tal-klawsola 2.1 tal-ftehim qafas, il-liġi nazzjonali tista’ tiddistingwi (a) bejn imħallfin full-time u imħallfin part-time, jew (b) bejn imħallfin part-time taħt sistemi differenti għad-definizzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni?”

13.

Matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, flimkien ma’ dawk tal-appellant fil-kawża prinċipali, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Irlanda, mill-Gvernijiet tal-Latvja, tal-Portugall u tar-Renju Unit, u mill-Kummissjoni Ewropea. L-appellant fil-kawża prinċipali, il-Kunsill tal-Imħallfin tal-Immigrazzjoni, l-Irlanda u l-Gvernijiet tal-Latvja u tar-Renju Unit u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta.

V – L-evalwazzjoni ġuridika

A – L-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva

14.

Il-Gvern Latvjan għandu d-dubji dwar jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli, minħabba li l-biċċa l-kbira tax-xogħol ta’ D. P. O’Brien bħala recorder, u li fir-rigward tiegħu issa qed jitlob pensjoni, twettaq qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva 98/23, liema Direttiva estendiet l-applikabbiltà tad-Direttiva dwar ix-xogħol part-time għar-Renju Unit. Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ April 1998 u tat lir-Renju Unit sas-7 ta’ April 2000 biex jittrasponiha. D.P. O’Brien kien ilu jaħdem bħala recorder mill-1 ta’ Marzu 1978. L-aħħar ħatra tiegħu saret fl-1999 u kompla jaħdem bħala recorder sal-31 ta’ Marzu 2005.

15.

Il-Gvern Latvjan jidhirlu li d-Direttiva 98/23 u allura d-Direttiva 97/81, tista’ tiġi applikata biss għal ġrajjiet li jseħħu wara li jkun skada l-perijodu tat-traspożizzjoni jew, għall-inqas, minn meta d-Direttiva 97/81 tkun daħlet fis-seħħ fir-Renju Unit.

16.

Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-applikabilità ratione temporis tad-Direttiva 97/81, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet riferiment għall-prinċipju li regoli ġodda għandhom, sakemm ma jkunx hemm provvediment għall-kuntrarju ta’ dan, japplikaw b’effett immedjat għall-konsegwenzi futuri ta’ sitwazzjoni li tinħoloq bir-regola l-antika. Hija għalhekk ikkonkludiet li l-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex wieħed jikkwalifika għal pensjoni huwa rregolat mid-Direttiva 97/81, u dan anki fir-rigward ta’ perijodi ta’ attività preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva ( 5 ).

17.

Id-domandi mressqa huma għalhekk ammissibbli.

B – Id-domandi preliminari

1. L-ewwel domanda

18.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk huwiex id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni li jiddetermina l-kunċett ta’ ħaddiem għall-iskopijiet tal-Ftehim Qafas.

19.

Il-qorti tar-rinviju qed tressaq din id-domanda minħabba li D. P. O’Brien, li kien jaħdem bħala mħallef (recorder) part-time u li kien jitħallas onorarju, qed jibbaża l-pretensjoni tiegħu għal pensjoni fir-rigward ta’ xogħlu fuq id-Direttiva 97/81. Huwa jsostni li l-fatt li ma ngħatax pensjoni jikkostitwixxi diskriminazzjoni meta mqabbel mal-imħallfin full-time. Biex taċċerta jekk ir-relazzjoni bejn imħallfin full-time u dawk part-time li jitħallsu onorarju hijiex irregolata mill-Ftehim Qafas, il-qorti tar-rinviju għandha tikkjarifika, permezz ta’ domanda preliminari, jekk l-imħallfin professjonali jaqgħux, bħala kategorija, fil-portata tad-Direttiva 97/81. Il-qorti tar-rinviju għadha ma ddeċidietx b’mod definittiv jekk recorder għandux jitqies bħala ħaddiem skont id-dritt nazzjonali ( 6 ).

20.

Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Ftehim Qafas jinsab iddefinit fil-klawżola 2.1. Skont dik id-dispożizzjoni, dan il-ftehim japplika għal “ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru”.

21.

Fid-dawl tal-fatt li f’ċerti każijiet ir-recorders jaħdmu ftit ġranet biss fis-sena ( 7 ), wieħed għandu l-ewwel nett josserva li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-Ministeru tal-Ġustizzja, bħala intimat fil-kawża prinċipali, ma invokax, lanqas bħala alternattiva, il-klawżola 2.2 tal-Ftehim Qafas. Dik id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħżlu, wara li jkunu kkonsultaw mal-imsieħba soċjali, li għal raġunijiet oġġettivi, jeskludu totalment jew parzjalment mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas lill-ħaddiema li jaħdmu part-time u fuq bażi okkażjonali.

a) Wippel

22.

Fil-Konklużjonijiet tiegħi f’Wippel, jien kont iddeduċejt mill-kliem stess tal-klawżola 2.1, li l-kelma “ħaddiem” ma hijiex kunċett tad-dritt tal-Unjoni għall-iskopijiet tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, iżda għandha tiġi ddefinita skont il-liġi, il-ftehim kollettivi u l-prattiki fis-seħħ f’kull Stat Membru. F’dan ir-rigward l-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni. Il-limiti l-iżjed wiesgħa biss jistgħu jiġu ddeterminati f’dan ir-rigward billi jsir riferiment għad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, Stat Membru jista’ jkun qed imur kontra l-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni (Artikolu 4 TUE) jekk fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu jiddefinixxi l-kelma “ħaddiem” b’mod tant ristrett li l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time ma jibqax effettiv fil-prattika, u b’hekk it-twettiq tal-għan tiegħu jkun qed jitfixkel b’mod serju ( 8 ).

23.

Fis-sentenza tagħha f’Wippel, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet sempliċement li l-ħaddiema jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81 meta huma jkollhom kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg iddefiniti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew mill-prattiki fis-seħħ fl-Istat Membru, iżda mingħajr ma tat iżjed dettalji dwar it-tifsira ta’ din il-kelma ( 9 ).

24.

Madankollu, il-kawża f’Wippel kienet partikolari minħabba li d-dritt nazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża kien jagħti interpretazzjoni wiesgħa ħafna tal-kelma “ħaddiem”, tant li tqajmet il-kwistjoni dwar jekk din l-interpretazzjoni setgħetx xorta waħda taqa’ fil-Ftehim Qafas ( 10 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet biss tgħid li anki interpretazzjoni wiesgħa ħafna tal-kelma “ħaddiem” fil-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ f’din id-direttiva. Għall-kuntrarju, fil-kawża preżenti tqajmet il-kwistjoni dwar jekk liġi nazzjonali li teskludi l-imħallfin professjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas tkunx qed tmur kontra l-Ftehim Qafas. Għalhekk, dak li qalet il-Qorti tal-Ġustizzja f’Wippel ma joffri ebda għajnuna oħra fil-kuntest ta’ din id-domanda.

25.

Il-partijiet kollha ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li fid-dritt tal-Unjoni ma hemm ebda definizzjoni unika tal-kelma “ħaddiem” ( 11 ). Per eżempju, fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-ħaddiema rġiel u nisa, il-kelma “ħaddiem” hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa. F’dan ir-rigward l-impjegati tal-gvern jistgħu wkoll jitqiesu bħala ħaddiema ( 12 ). Fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet tal-impjegati, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fir-rigward tad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol, il-bżonn ta’ tifsira awtonoma u uniformi ta’ ħinijiet tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea, minkejja li anki f’dan il-każ il-kliem tad-Direttiva rrefera għal-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 13 ). Madankollu, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva dwar it-trasferimenti tal-impriżi hija ddeċidiet li meta jkun qed jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha wieħed għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss it-tifsira ta’ ħaddiem kif stabbilita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 14 ).

26.

Wieħed għandu jinnota li, sa fejn uħud mill-partijiet jinvokaw l-Artikolu 51 TFUE, li tipprovdi għal eċċezzjoni f’dak li jikkonċerna l-libertà ta’ stabbiliment fir-rigward ta’ attivitajiet konnessi mal-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali, ma huwiex possibbli li minn dan wieħed jasal għal konklużjonijiet fir-rigward tat-tifsira tal-kelma “ħaddiem” fil-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time. Il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time ma jirrigwardax il-moviment liberu tal-ħaddiema, iżda jagħti, lill-ħaddiema kollha fl-Istati Membri, drittijiet relatati max-xogħol part-time.

b) Del Cerro Alonso

27.

Is-sentenza Del Cerro Alonso hija ta’ interess partikolari fil-kawża preżenti ( 15 ). Dan il-każ kien jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva u tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat]. Fil-klawżola 2 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien determinat hemm definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim li hi identika għal dik li tinsab fil-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time ( 16 ).

28.

Wara li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat li l-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien iddeterminat jista’ japplika wkoll għal kuntratti ta’ impjieg konklużi ma’ awtoritajiet pubbliċi u korpi oħra tas-settur pubbliku ( 17 ), kellha mbagħad tiddetermina jekk il-Ftehim Qafas kienx ikopri wkoll lill-impjegati tal-gvern. Bħalma hu l-każ fil-kawża preżenti — u għall-kuntrarju tal-kawża Wippel — din ma kinitx tirrigwarda l-limiti li setgħu jiġu imposti fuq tifsira wiesgħa ta’ ħaddiem fl-Istati Membri, iżda għall-kuntrarju, kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 99/70 tobbligax lil Stat Membru jagħti wkoll, permezz tal-Ftehim Qafas, drittijiet lill-impjegati tal-gvern.

29.

Fis-sentenza tagħha f’Del Cerro Alonso, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li s-sempliċi fatt li kariga tista’ tiġi kklassifikata bħala “statutarja” skont id-dritt nazzjonali, u li għandha ċerti karatteristiċi li huma tipiċi tas-servizz pubbliku fl-Istat Membru inkwistjoni, ma huwiex biżżejjed biex tinċaħad l-applikabbiltà tad-Direttiva 1999/70.

30.

Li kieku l-Istati Membri kellha tingħatalhom il-possibbiltà li meta jidhrilhom jeliminaw ċerti kategoriji ta’ persuni mill-protezzjoni pprovduta mid-Direttiva 1999/70 u mill-Ftehim Qafas, l-effettività ta’ dawn l-istrumenti tal-UE u l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri, tithedded. Fil-fatt, l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu r-riżultat impost mid-dritt tal-Unjoni ( 18 ).

31.

Il-Qorti tal-Ġustizzja immotivat id-deċiżjoni tagħha bl-importanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni, li huma prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u tal-Ftehim Qafas li l-iskop tagħhom hu li jiżguraw li l-ħaddiema impjegati għal żmien iddeterminat igawdu mill-istess benefiċċji bħal dawk imgawda minn ħaddiema oħra paragunabbli magħhom li huma impjegati għal żmien indefinit, għandhom jitqiesu bħala dispożizzjonijiet applikabbli b’mod ġenerali peress li huma regoli tad-dritt soċjali tal-UE ta’ importanza partikolari, u li minnhom kull impjegat għandu jibbenifika bħala rekwiżit protettiv minimu ( 19 ).

32.

Għalhekk, fattur kruċjali li wassal biex il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-applikabbiltà tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim Qafas f’dak il-każ kien il-fatt li l-persuna inkwistjoni kienet ħadmet bħala membru tal-persunal temporanju għal iżjed minn 12-il sena f’diversi sptarijiet fis-sistema tas-saħħa pubblika fil-Pajjiż Bask, u li barra dan, it-tilwima fil-kawża prinċipali kienet tikkonċerna l-paragun bejn membru tal-persunal statutarju temporanju u membru tal-persunal statutarju permanenti.

33.

Mad-daqqa ta’ għajn din is-silta mis-sentenza ta’ Del Cerro Alonso tidher li hi ċirkolari: minħabba li l-kawża prinċipali kienet tirrigwarda persuna impjegata fuq bażi temporanja, u li l-kwistjoni li kellha tittieħed deċiżjoni dwarha kienet tikkonċerna r-relazzjoni bejn il-membru tal-persunal statutarju temporanju u l-membru tal-persunal statutarju permanenti, is-sitwazzjoni kellha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. F’dak ir-rigward kien neċessarju li wieħed l-ewwelnett jikkjarifika d-domanda preliminari dwar jekk il-persunal statutarju fil-fatt jaqax fil-portata tal-Ftehim Qafas, u mbagħad minn dan jiddeduċi l-kriterji li bihom ikun jista’ jsir il-paragun bejn l-impjegati temporanji u dawk permanenti. Altrimenti, id-direttiva tkun dejjem tapplika b’mod awtomatiku kull fejn ikun hemm inkwistjoni l-possibilità ta’ diskriminazzjoni kontra l-impjieg temporanju; u għalhekk, ir-riferiment għal-liġi tal-Istati Membri fil-klawżola 2 tal-Ftehim Qafas ma jibqax ikollu skop.

34.

Madankollu, jien nifhem is-sentenza f’Del Cerro Alonso fis-sens illi l-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment tħalliha f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-kelma “ħaddiem” għall-iskopijiet tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien determinat, u li ma tqisx li dan hu kunċett awtonomu tal-UE. Madankollu, l-effikaċja tal-Ftehim Qafas, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, tillimita d-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri. Fil-Konklużjonijiet tiegħu f’Del Cerro Alonso, l-Avukat Ġenerali Maduro kellu raġun meta qal li jeżisti “rinviju kkundizzjonat” fid-dritt nazzjonali ( 20 ).

35.

Din ir-raġunament jista’ jiġi applikat fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time. L-ewwelnett, il-kliem użat fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan il-Ftehim huwa identiku għal dak tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat ( 21 ). It-tieni nett, bħalma ġustament tgħid il-Kummissjoni, iż-żewġ ftehim saru fl-istess kuntest regolatorju, peress illi t-tnejn li huma jippreċiżaw il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali fir-rigward ta’ ċertu mod ta’ organizzazzjoni tax-xogħol. Barra dan, kemm il-Ftehim Qafas kif ukoll id-direttivi relatati magħhom ġew adottati bl-istess proċedura u mqassma b’mod identiku ( 22 ).

36.

Barra dan, il-premessa 16 fil-preambolu tad-Direttiva 97/81 b’mod partikolari dwar ix-xogħol part-time, tindika wkoll li l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu dawk il-kliem li ma humiex speċifikament iddefiniti fil-Ftehim Qafas skont il-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali, iżda biss “kemm-il darba d-definizzjonijiet imsemmija jirrispettaw il-kontenut tal-Ftehim Qafas”.

37.

Għalhekk, anki f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, Stat Membru ma jistax imur kontra l-prinċipji u d-drittijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas ma jista’ jelimina, meta jidhirlu hu, ċerti kategoriji ta’ persuni mill-protezzjoni pprovduta minn dawk l-istrumenti u b’hekk inaqqas l-effett prattiku tad-Direttiva ( 23 ).

ċ) L-applikazzjoni tal-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza sal-kawża preżenti

38.

L-ewwelnett, kif jien diġà indikajt, il-prinċipji ġenerali u d-drittijiet fundamentali skont id-dritt tal-Unjoni jillimitaw id-diskrezzjoni tal-Istati Membri meta huma jkunu qed jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas.

39.

F’dan ir-rigward, l-appellant fil-kawża prinċipali jirreferi għar-Regolament 17 fil-liġi nazzjonali, li b’mod espliċitu jeskludi biss mill-miżuri li jimplementaw id-direttiva lill-imħallfin part-time li jitħallsu onorarju, u mhux lill-imħallfin kollha. Li kieku fil-fatt kienu biss l-imħallfin li jitħallsu onorarju li ġew esklużi b’mod arbitrarju mill-miżuri li ttrasponew il-Ftehim Qafas, dan seta’ jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza skont id-dritt tal-Unjoni ( 24 ). Madankollu, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern tar-Renju Unit sostna li r-Regolament 17 qiegħed hemm biss biex iservi ta’ kjarifika u li ġeneralment l-imħallfin ma jitqisux bħala ħaddiema skont id-dritt nazzjonali. Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi dwar dan il-punt tal-aħħar.

40.

Iżda wieħed jistaqsi f’liema punt Stat Membru jkun qed jaqbeż il-limiti ta’ diskrezzjoni mogħtija lilu biex jiddefinixxi l-kelma “ħaddiem” u b’mod arbitrarju jelimina kategorija professjonali mill-protezzjoni pprovduta?

41.

Biex wieħed ikun jista’ jagħti tweġiba għal din il-mistoqsija wieħed għandu l-ewwelnett jeżamina xi protezzjoni qed tiġi offruta mill-Ftehim Qafas. Id-Direttiva 97/81 u l-Ftehim Qafas anness magħha saru sabiex itejbu l-kwalità tax-xogħol part-time u biex jeliminaw id-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema part-time ( 25 ). Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni li tinsab stipulata fihom hi sempliċement espressjoni iżjed speċifika tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza ( 26 ), li hu wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u li jinsab issalvagwardjat mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 27 ).

42.

Għalhekk, l-għan tal-Ftehim Qafas hu fil-fatt wieħed mill-għanijiet fundamentali msemmija fl-Artikolu 1 tal-Ftehim Dwar il-Politika Soċjali, u liema għanijiet huma inkorporati fl-Artikolu 151 TFUE u fit-tielet premessa tal-preambolu tat-TFUE. Dawn l-għanijiet fundamentali huma marbuta mat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ għixien u ta’ xogħol kif ukoll mal-eżistenza ta’ protezzjoni soċjali xierqa tal-ħaddiema.

43.

Sabiex il-ksib ta’ dawk l-għanijiet tal-Ftehim Qafas ma jitheddidx, l-esklużjoni ta’ kategorija ta’ persuni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva — bħalma l-Avukat Ġenerali Maduro kkontenda b’mod konvinċenti fil-Konklużjonijiet tiegħu f’Del Cerro Alonso — ma tistax tiġi aċċettata ħlief meta n-natura tar-relazzjoni ta’ impjieg tkun sostanzjalment differenti minn dik li teżisti bejn l-impjegati, li skont id-dritt nazzjonali jaqgħu fil-kategorija ta’ “ħaddiema”, u min jimpjegahom ( 28 ).

44.

Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li twettaq eżami deċiżiv tad-differenza fin-natura tar-relazzjoni ta’ impjieg. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindika lill-qorti nazzjonali l-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati fl-eżami ( 29 ).

45.

Mill-kriterju tad-differenza fin-natura tar-relazzjoni ta’ impjieg jirriżulta, l-ewwelnett, li raġunijiet purament formali ma jistgħux jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ kategorija ta’ persuni.

46.

Il-Kummissjoni għalhekk għandha raġun meta ssostni li l-fatt purament formali ( 30 ) li l-imħallfin huma kklassifikati bħala “persuni li jżommu kariga” ma huwiex biżżejjed fih innifisu biex l-imħallfin ma jitħallewx igawdu d-drittijiet li ġejjin mill-Ftehim Qafas. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk in-numru ta’ persuni affettwati jistax ikun ta’ rilevanza biex jiġi rrikonoxxut l-istatus bħala ħaddiem. Madankollu, dan ikun kriterju wisq formali li ma għandu ebda konnessjoni man-natura tar-relazzjoni ta’ impjieg.

47.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, is-Supreme Court stqarret li l-biċċa l-kbira tal-karatteristiċi ta’ relazzjoni ta’ impjieg tal-kariga ta’ mħallef ġejjin mid-dritt nazzjonali. Skont is-Supreme Court, l-uniku kriterju li joħloq problema hu dak tas-subordinazzjoni, li skont id-dritt nazzjonali, hi tipika ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Il-Gvern tar-Renju Unit enfasizza wkoll li t-tneħħija tal-imħallfin mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas jista’ jkun riżultat tal-indipendenza tal-ġudikatura.

48.

Meta wieħed ikun qed jeżamina r-relazzjoni ta’ impjieg, għandu jżomm f’moħħu l-fatt li l-kelma “ħaddiem” użata fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Ftehim Qafas isservi b’mod partikolari biex issir distinzjoni fil-konfront ta’ persuna li taħdem għal rasha. Għalhekk meta wieħed ikun qed jeżamina jekk in-natura tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ mħallef hijiex sostanzjalment differenti minn dik ta’ bejn l-impjegati, li skont id-dritt nazzjonali jaqgħu fil-kategorija ta’ “ħaddiema”, u min jimpjegahom, il-qorti tar-rinviju għandha żżomm f’moħħha, sabiex tkun konformi mal-ispirtu u l-iskop tal-Ftehim Qafas, li għandha ssir distinzjoni b’mod partikolari fid-dawl tad-differenzi fil-konfront ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

49.

L-appellant fil-kawża prinċipali jsostni li l-indipendenza tal-imħallfin timmanifesta ruħha fin-natura intrinsika tal-attività tagħhom, u għaldaqstant, fl-indipendenza tal-attivitajiet ġudizzjarji tagħhom. F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet esterni tal-attività ta’ mħallef, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal sentenza tal-House of Lords ( 31 ) li tgħid li l-imħallfin xorta waħda huma suġġetti għal ċertu ammont ta’ organizzazzjoni ta’ xogħlhom. Fil-fatt, l-imħallfin huma mistennija li jaħdmu matul ħinijiet u perijodi ddefiniti, anki jekk dan jistgħu jorganizzawh l-imħallfin infushom b’ċertu flessibilità ikbar. L-imħallfin ma għandhomx il-libertà li jaħdmu kif u meta jagħżlu huma, bħalma huma dawk il-persuni li jaħdmu għal rashom.

50.

F’dan ir-rigward, nixtieq ukoll niġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa diffiċli li wieħed jiddetermina kif id-drittijiet mogħtija mill-Ftehim Qafas in ġenerali, u l-jedd għal pensjoni b’mod partikolari, jistgħu jheddu l-indipendenza ta’ mħallef; għall-kuntrarju ta’ dan, il-jedd għal pensjoni ssaħħaħ l-indipendenza ekonomika tal-imħallfin, u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar anki n-natura intrinsika tal-indipendenza tagħhom.

51.

Għalhekk, l-indipendenza f’dak li jirrigwarda n-natura intrinsika ta’ attività ma tikkostitwixxix kriterju adegwat biex wieħed jiġġustifika l-esklużjoni ta’ kategorija professjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas.

52.

Biex tiddetermina jekk in-natura ta’ kariga ġudizzjarja hijiex sostanzjalment differenti minn dik ta’ impjegat skont id-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju għandha żżomm ukoll f’moħħha li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-imħallfin — inklużi dawk li jitħallsu onorarju — għandhom jedd li jitħallsu fil-każ ta’ mard, jitħallsu allowance ta’ maternità jew paternità, u benefiċċji simili. Għalhekk jidher li dawn qed igawdu minn drittijiet soċjali ġeneralment assoċjati mal-ħaddiema. Il-fatt li, f’dan ir-rigward, l-imħallfin qed jiġu ttrattati bħall-ħaddiema minkejja li formalment huma ma jistgħux jitqiesu bħala ħaddiema, jista’ jindika li n-natura tal-kariga tagħhom ma hijiex differenti ħafna minn dak li jitqies bħala relazzjoni ta’ impjieg skont id-dritt nazzjonali. L-imħallfin għalhekk għandhom jiġu għall-inqas ittrattati bl-istess mod bħall-ħaddiema anki fir-rigward tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time.

53.

Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda hi li l-kwistjoni dwar jekk l-imħallfin għandhomx jitqiesu bħala ħaddiema part-time fis-sens tal-klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, għandha tiġi ddeterminata mid-dritt nazzjonali, iżda l-effett prattiku tal-Ftehim Qafas u tal-prinċipji ġenerali u d-drittijiet fundamentali skont id-dritt tal-Unjoni xorta waħda jillimitaw id-diskrezzjoni tal-Istati Membri meta dawn ikunu qed jiddefinixxu l-kunċett ta’ “ħaddiem”. L-indipendenza f’dak li jirrigwarda n-natura intrinsika ta’ attività ma hijiex, fiha nfisha, kriterju xieraq li abbażi tiegħu wieħed jista’ jeskludi kategorija professjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas.

2. It-tieni domanda

54.

It-tieni domanda qiegħda ssir fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-imħallfin jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda tipprova tiddetermina jekk huwiex permissibbli li l-miżuri nazzjonali jiddiskriminaw bejn l-imħallfin full-time u dawk part-time, jew bejn kategoriji diversi ta’ mħallfin part-time, f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ pensjonijiet.

55.

Sabiex telimina d-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema part-time u dawk full-time, il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas tistabilixxi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Il-klawżola 4.1 tipprojbixxi, f’dak li jirrigwarda kundizzjonijiet ta’ impjieg, li l-ħaddiema part-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema full-time tal-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm il-darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament iġġustifikat. Il-klawżola 4.2 tipprovdi li, fejn xieraq, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.

56.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-UE li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv ( 32 ). Meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 157 TFUE, il-frażi “kondizzjonijiet tax-xogħol” skont il-Klawżola 4.1 tal-Ftehim Qafas tkopri wkoll il-pensjonijiet li jiddependu fuq ir-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjegah, bl-esklużjoni tal-pensjonijiet statutorji ta’ sigurtà soċjali, li jkunu iktar jiddependu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali milli fuq tali relazzjoni ta’ impjieg ( 33 ).

57.

Il-pensjoni ta’ rtirar taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas meta jiġu sodisfatti t-tliet kundizzjonijiet segwenti: il-pensjoni tikkonċerna biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, il-pensjoni tkun direttament relatata mal-perijodu ta’ servizz moqdi u l-ammont tagħha jiġi kkalkolat abbażi tal-aħħar salarju ( 34 ).

58.

Jien diġà semmejt, waqt l-eżami dwar l-ammissibbiltà, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/81 japplikaw fir-rigward tal-kalkolu tal-perijodu ta’ servizz moqdi meħtieġ biex tkun tista’ tingħata pensjoni, inklużi dawk il-perijodi ta’ impjieg ta’ qabel ma daħlet fis-seħħ id-direttiva ( 35 ).

59.

Għalhekk wieħed għandu jeżamina jekk il-fatt li ma tingħatax pensjoni lir-recorders ifissirx li dawn qed jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema full-time f’sitwazzjoni paragunabbli sempliċement minħabba l-fatt li dawn jaħdmu part-time.

60.

Il-klawżola 3 tistipula l-kriterji li fuqhom jiġi ddeterminat jekk jeżistix “ħaddiem full-time tal-istess tip [f’sitwazzjoni paragunabbli]”. Din tirrigwarda n-natura intrinsika tal-attività tal-persuni inkwistjoni. Għalhekk l-argument ippreżentat mill-Gvern tar-Renju Unit li l-imħallfin full-time u r-recorders ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli minħabba li dawn għandhom “karrieri differenti” ma jistax ikun ta’ rilevanza. Il-fattur kruċjali hawnhekk huwa pjuttost jekk dawn jeżerċitawx, essenzjalment, l-istess attività. Waqt is-seduta l-partijiet issottomettew li r-recorders u l-imħallfin full-time jaqdu l-istess dmirijiet. Għalhekk il-kwistjoni ta’ “karrieri differenti” tista’, l-iktar l-iktar, tkun rilevanti għall-ġustifikazzjoni oġġettiva tat-trattament differenti. Minkejja dan, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina b’mod definittiv il-kwistjoni dwar jekk ir-recorders u l-imħallfin full-time humiex paragunabbli.

61.

Madankollu, mill-klawżola 4.1 tal-Ftehim Qafas jirriżulta li tali trattament differenti jista’ jitqies li huwa konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jekk dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

62.

L-inugwaljanza fit-trattament inkwistjoni għandha għalhekk tiġi iġġustifikata bl-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tax-xogħol ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li hija taqa’ fih u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn ġenwin u jekk hijiex adattata u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imfittex ( 36 ).

63.

Il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” għandu jinftiehem fis-sens li ma jippermettix li differenza fit-trattament bejn ħaddiema part-time u dawk full-time tiġi ġġustifikata abbażi ta’ regola ġenerali u astratta. Għall-kuntrarju, l-inugwaljanza fit-trattament għandha tissodisfa bżonn ġenwin, għandha tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u li tinħtieġ għal dan l-iskop ( 37 ).

64.

F’dak li jirrigwarda s-sottomissjoni tar-Renju Unit li differenza fit-trattament bejn ir-recorders u l-imħallfin full-time tista’ tiġi spjegata mill-fatt li dawk l-imħallfin li jitħallsu onorarju jistgħu jkomplu jaħdmu f’karrieri oħra fil-professjoni legali jew bħala akkademiċi, filwaqt li l-imħallfin part-time li jitħallsu salarju ma jistgħux jagħmlu dan, u li kull imħallef li jitħallas onorarju jista’ japplika għall-kariga ta’ mħallef part-time li jitħallas salarju, għandu jingħad li dan l-argument formali ma huwiex suffiċjenti fih innifsu bħala ġustifikazzjoni.

65.

Id-differenza fit-trattament tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk din tkun taqdi skop leġittimu li jservi ta’ bażi għall-argument formali dwar id-differenza fil-karrieri. Madankollu, ebda skop bħal dan ma ġie invokat fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. U lanqas ma ġew invokati xi ġustifikazzjonijiet oħra. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li sa issa, il-ġustifikazzjoni ta’ differenza potenzjali fit-trattament għadha ma kinitx is-suġġett tal-kawża prinċipali. Sa issa, il-qorti tar-rinviju ttrattat biss id-domanda preliminari dwar jekk il-Ftehim Qafas huwiex fil-fatt applikabbli. Għalhekk hi l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina b’mod definittiv jekk tistax tkun iġġustifikata d-differenza fit-trattament bejn l-imħallfin part-time u dawk full-time.

66.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk id-direttiva tipprekludix ukoll id-diskriminazzjoni bejn id-diversi tipi ta’ impjieg part-time.

67.

Skont kliemhom u l-kuntest regolatorju ġenerali, id-Direttiva 97/81 u l-Ftehim Qafas jirrigwardaw biss l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema part-time meta mqabbla ma’ ħaddiema full-time. Għalhekk, skont id-direttiva l-Istati Membri huma teoretikament fil-libertà li jadottaw regoli differenti għal tipi differenti ta’ xogħol part-time.

68.

Madankollu, fil-Konklużjonijiet tagħha fi Bruno u Pettini, l-Avukat Ġenerali Sharpston ikkontendiet b’mod konvinċenti li minkejja li l-Ftehim Qafas jipprojbixxi biss id-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema part-time meta mqabbla ma’ ħaddiema full-time, il-miżuri implementattivi trasposti mill-Istati Membri għandhom ikunu koerenti u konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Minn dan isegwi li l-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu distinzjonijiet bejn tipi diversi ta’ xogħol part-time li jmorru kontra l-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni fid-dritt Komunitarju ( 38 ).

69.

Il-Gvern tar-Renju Unit jopponi dan l-argument f’din il-kawża billi jgħid li t-trattament differenti ta’ ħaddiema part-time bejniethom ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas u allura l-anqas f’dak tad-dritt tal-Unjoni, bir-riżultat li l-prinċipju ta’ trattament ugwali skont id-dritt tal-Unjoni ma japplikax ( 39 ). Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Bħalma, pereżempju, meta jkunu qed jimplementaw il-Ftehim Qafas permezz tad-dritt nazzjonali l-Istati Membri ma jistgħux imorru kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, dawn lanqas ma jistgħu joħolqu distinzjonijiet arbitrarji bejn tipi diversi ta’ xogħol part-time li jmorru kontra l-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni, u liema projbizzjoni tifforma parti mid-dritt tal-Unjoni. Id-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli minħabba li l-miżuri nazzjonali qiegħdin jimplementaw il-Ftehim Qafas.

70.

Għalhekk ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time jipprekludi li jkun hemm dispożizzjoni nazzjonali li tiddiskrimina, f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ pensjonijiet, bejn l-imħallfin full-time u dawk part-time, u bejn l-imħallfin part-time nfushom, meta din id-differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata b’mod oġġettiv.

VI – Konklużjoni

71.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom:

“1)

Il-kwistjoni dwar jekk l-imħallfin għandhomx jitqiesu bħala ħaddiema part-time fis-sens tal-klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, u li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill- UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, għandha tiġi ddeterminata mid-dritt nazzjonali, iżda l-effett prattiku tal-Ftehim Qafas u tal-prinċipji ġenerali u d-drittijiet fundamentali skont id-dritt tal-Unjoni xorta waħda jillimitaw id-diskrezzjoni tal-Istati Membri meta dawn ikunu qed jiddefinixxu l-kunċett ta’ “ħaddiem”. L-indipendenza f’dak li jirrigwarda n-natura intrinsika ta’ attività ma hijiex, fiha nfisha, kriterju xieraq li abbażi tiegħu wieħed jista’ jeskludi kategorija professjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas.

2)

Il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time jipprekludi li jkun hemm dispożizzjoni nazzjonali li tiddiskrimina, f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ pensjonijiet, bejn l-imħallfin full-time u dawk part-time, u bejn l-imħallfin part-time nfushom, meta din id-differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata b’mod oġġettiv.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 3 p. 267, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/81”.

( 3 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

( 4 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE tas-7 ta’ April 1998 li testendi d-Direttiva 97/81/KE dwar il-ftehim strutturali fuq ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, CEEP u L-ETUC lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3 p. 278).

( 5 ) Sentenzi tal-10 ta’ Ġunju, Bruno u Pettini (C-395/08 u C-396/08, Ġabra p. I-5119, punti 53 sa 55).

( 6 ) Għandu jiġi ppreċiżat li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss il-klassifikazzjoni tal-imħallfin professjonali, u mhux ta’ mħallfin mhux professjonali.

( 7 ) Skont is-sottomissjonijiet magħmula mill-Kunsill tal-Imħallfin tal-Immigrazzjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-punt ma jikkonċernax lill-imħallfin tal-immigrazzjoni.

( 8 ) Ara l-Konklużjonijiet tiegħi tat-18 ta’ Mejju 2004 fil-kawża Wippel (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, C-313/02, Ġabra p. I-9483, punt 45).

( 9 ) Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wippel (C-313/02, Ġabra p. I-9483, punt 40).

( 10 ) Sentenza Wippel, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, u s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi (C-149/10, Ġabra p. I-8489).

( 11 ) Ara wkoll, inter alia, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martinez Sala (C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 31); is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C-116/06, Ġabra p. I-7643, punti 62 sa 67); u s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Allonby (C-256/01, Ġabra p. I-873, punti 25 u 26).

( 12 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar (C-366/99, Ġabra p. I-9383, punt 31); is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2002, Niemi (C-351/00, Ġabra p. I-7007, punt 48); is-sentenzi magħquda tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (C-4/02 u C-5/02, Ġabra p. I-12575, punt 60); is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2004, Briheche (C-319/03, Ġabra p. I-8807, punt 18); u Chatzi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 30).

( 13 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C-151/02, Ġabra p. I-8389, punti 58 u 59), u s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C-14/04, Ġabra I-10253, punti 44 u 45).

( 14 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Foreningen af Arbejdsledere i Danmark (C-105/84, Ġabra p. 2639, punti 26 sa 28), u s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero (C-343/98, Ġabra p. I-6659, punti 36 sa 39).

( 15 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C-307/05, Ġabra p. I-7109).

( 16 ) Il-klawżola 2 tal-Ftehim Qafas, li hi stipulata fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 1999 L 175, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3 p. 368), tipprovdi: “Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru”. Fil-verżjoni l-Ġermaniża hemm differenzi żgħar u insinifikanti bejn iż-żewġ direttivi, filwaqt li l-verżjoni Franċiża u dik Ingliża jużaw kliem identiku f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni.

( 17 ) Sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, (C-212/04, Ġabra p. I-6057, punti 54 sa 57); tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C-53/04, Ġabra p. I-7213, punti 39 u 40), u tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo (C-180/04, Ġabra p. I-7251, punt 32).

( 18 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et u Del Cerro Alonso (punti 69 u 29 rispettivament).

( 19 ) Sentenza Del Cerro Alonso (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 27).

( 20 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Maduro tal-10 ta’ Jannar 2007 fil-Kawża Del Cerro Alonso (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, C-307/05, Ġabra p. I-7109, punt 15).

( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.

( 22 ) Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fis-sentenzi magħquda tal-21 ta’ Jannar 2010 fil-Kawża Bruno u Pettini (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, C-395/08 u C-396/08, Ġabra p. I-5119, punti 70 sa 72).

( 23 ) Sentenza Del Cerro Alonso (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 29).

( 24 ) F’dak li jirrigwarda t-trattament mhux ugwali ta’ diversi tipi ta’ mħallfin part-time ara wkoll ir-risposta għat-tieni domanda preliminari (punti 66 et seq. iktar ’l isfel).

( 25 ) Ara l-klawżola 1(a) tal-Ftehim Qafas, it-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas, u l-premessa 3, 11 u 23 tad-Direttiva 97/81.

( 26 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wippel, u Bruno u Pettini (punti 56 u 58 rispettivament).

( 27 ) Sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C-550/07 P, Ġabra p. I-8301, punt 54), u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C-127/07, Ġabra p. I-9895, punt 23).

( 28 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Maduro, op. cit., punt 15.

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, l-iżjed reċenti, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C-163/10, Ġabra p. I-7565, punt 21).

( 30 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Maduro fil-Kawża Del Cerro Alonso, op. cit., punt 15.

( 31 ) Lady Hale f’Percy vs Board of National Mission of the Church of Scotland, 2005, UKHL 73, (2006) 2 AC 28, punt 145, li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Appell fl-Irlanda ta’ Fuq f’Perceval-Price vs Department of Economic Development, 2000, IRLR 380.

( 32 ) Sentenza Bruno u Pettini (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 32), b’riferiment għas-sentenza Del Cerro Alonso (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 38), u s-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 114).

( 33 ) Sentenza Bruno u Pettini (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 42), b’riferiment għas-sentenza Impact, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 132).

( 34 ) Sentenza Bruno u Pettini (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 47).

( 35 ) Sentenza Bruno u Pettini (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 55).

( 36 ) Sentenza Del Cerro Alonso (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 58), u s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Angé Serrano et vs Il-Parlament Ewropew (C-496/08 P, Ġabra p. I-1793, punt 44).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Del Cerro Alonso (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 57 u 58), u s-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols (C-486/08, Ġabra p. I-3527, punt 44).

( 38 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Bruno u Pettini (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 120 u 121).

( 39 ) Għal diskussjoni dwar il-kunċett tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot tal-5 ta’ April 2011, fil-Kawża Scattolon (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, C-108/10, Ġabra p. I-7491, punti 110 sa 121).