KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2011(1)

Kawża C‑384/10

Jan Voogsgeerd

vs

Navimer SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (il-Belġju)]

“Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Artikolu 6(2)(b) – Għażla tal-partijiet – Dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla – Kuntratt ta’ xogħol – Ħaddiem li ma jwettaqx ix-xogħol tiegħu abitwalment fl-istess pajjiż”






I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-proċedura preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Hof van Cassatie tal-Belġju (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) ressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja numru ta’ domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”) (2). Skont il-preambolu tal-imsemmija konvenzjoni, din ġiet konkluża bl-għan li tilħaq, fil-kamp tad-dritt internazzjonali privat, unifikazzjoni ġuridika li kienet diġà nbdiet fl-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam ta’ kompetenza ġudizzjarja u ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi, kif ukoll bix-xewqa li jiġu stabbiliti regoli uniformi rigward il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali. L-armonizzazzjoni tar-regoli dwar kunflitt ta’ liġijiet kellha tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali fiż-żona tal-ġustizzja Ewropea. Dan huwa l-istess għan li jfittex li jilħaq ukoll ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 593/2008, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (3) (iktar ’il quddiem ukoll ir-“Regolament Ruma I”) li ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Ruma b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2009. Fid-dawl tal-fatt li dan ir-regolament japplika biss għall-kuntratti ta’ xogħol iffirmati wara dik id-data, u li l-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ġie ffirmat fis-7 ta’ Awwissu 2001, huma d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ruma biss li japplikaw għall-imsemmi kuntratt.

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Voogsgeerd, ċittadin Olandiż, u l-ex prinċipal tiegħu, il-kumpannija Navimer irreġistrata fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li huwa kien impjegat magħha bħala inġinier prinċipali, fir-rigward ta’ talba għad-danni minħabba xoljiment allegatament abbużiv ta’ kuntratt ta’ xogħol marittimu. F’dan ir-rigward, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq liema dritt nazzjonali għandu japplika b’mod finali għall-kawża prinċipali, iktar u iktar għaliex fil-każ li tiġi applikata l-liġi Lussemburgiża – li oriġinarjament kienet intgħażlet bħala lex contractus mill-partijiet – l-azzjoni għad-danni istitwita minn J. Voogsgeerd kienet ser titfixkel mit-terminu ta’ dekadenza ta’ tliet xhur li kien laħaq iddekorra fil-frattemp. J. Voogsgeerd jikkunsidra li dan it-terminu ma japplikax f’din il-kawża għaliex huwa kuntrarju għad-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi tal-Belġju li, fil-fehma tiegħu, huma applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħhlu. Insostenn tal-applikabbiltà tal-liġi Belġjana, huwa jsostni, fost l-oħrajn, li fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħlu, huwa kien sikwit jirċievi struzzjonijiet mingħand kumpannija oħra, li madankollu hija marbuta mill-qrib mal-prinċipal tiegħu, jiġifieri l-kumpannija Naviglobe rreġistrata f’Anvers. Huwa jikkonkludi li Naviglobe għandha tiġi kkunsidrata bħala post tan-negozju tal-prinċipal tiegħu fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, bil-konsegwenza li huwa permissibbli għalih li jirreferi għar-regoli partikolari li nsibu f’dik id-dispożizzjoni.

3.        Id-domandi preliminari jistaqsu, essenzjalment, xi jfisser il-kunċett ta’ “post tan-negozju” fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija jew x’inhuma r-rekwiżiti li dak il-post tan-negozju għandu jissodisfa sabiex tkun tista’ tiġi applikata r-regola ta’ kunflitt prevista f’dik id-dispożizzjoni. Minħabba l-paralleli li jeżistu bejn il-kawża Koelzsch (4), li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, u din il-kawża, jeħtieġ analiżi tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

4.        L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, imsejjaħ “Libertà ta’ l-għażla”, jipprovdi:

“1. Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha tkun espressa jew murija b’ċertezza raġjonevoli mill-klawsoli tal-kuntratt jew miċ-ċirkostanzi tal-każ. Permezz ta’ l-għażla tagħhom, il-partijiet jistgħu jiftiehmu fuq il-liġi applikabbli għall-kuntratt kollu jew għal parti minnu.

[…]”

5.        Skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, imsejjaħ “Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla”:

“1. Safejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma tkunx intgħażlet skond l-Artikolu 3, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu ikollu l-eqreb rabta. Madankollu parti separabbli tal-kuntratt li jkollha rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor tista’ eċċezzjonalment tkun regolata mil-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

[…]”

6.        Skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, imsejjaħ “Kuntratti individwali ta’ impjieg”, jipprovdi:

“1. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3, f’kuntratt ta’ impjieg, għażla ta’ liġi magħmula mill-partijiet m’għandhiex ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu mir-regoli mandatarji tal-liġi li tkun applikabbli, skond il-paragrafu 2 fin-nuqqas ta’ għażla.

2. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4, kuntratt ta’ impjieg għandu, fin-nuqqas ta’ għażla skond l-Artikolu 3, jkun regolat:

a)       bil-liġi tal-pajjiż li fih l-impjegat issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ukoll jekk ikun temporanjament impjegat f’pajjiż ieħor; jew

b)       jekk l-impjegat mhux soltu jagħmel ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, skond il-liġi tal-pajjiż fejn il-post tan-negozju li minnu jkun tqabbad ikun jinsab, [tal-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju li jkun impjega lill-ħaddiem]

sakemm ma jkunx jidher miċ-ċirkostanzi kollha li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor, f’liema każ il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi ta’ dak il-pajjiż”.

7.        L-Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħ għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (5) (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma”), jipprovdi fl-Artikolu 1 tiegħu:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha jkollha ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjonijiet fuq l-interpretazzjoni ta’:

a)       il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firem f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 […];

b)       il-Konvenzjoni dwar l-Adeżjoni għall-Konvenzjoni ta’ Ruma mill-Istati li saru membri tal-Komunitajiet Ewropej mid-data meta nfetħet għall-firem,

[…]”

8.        L-Artikolu 2 tal-Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi:

“Kull qorti msemmija hawn isfel tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti referenza preliminari fuq kwistjoni mqajma f’każ pendenti quddiemha u li tirrigwarda l-interpretazzjoni taddispożizzjonijiet li hemm fl-istrumenti msemmija fl-Artikolu 1 jekk dik il-Qorti tikkonsidra li tenħtieġ deċiżjoni fuq il-kwistjoni biex tkun tista’ tagħti s-sentenza:

[…]

(b)       il-qrati ta’ l-Istati Kontraenti meta jaġixxu bħala qrati ta’ appell”.

B –    Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

9.        Il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) (6) tipprovdi fl-Artikolu 5:

“Il-konvenut domiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti jista’ jitħarrek fi Stat kontraenti ieħor:

[…]

5) fir-rigward ta’ tilwima li tirriżulta mill-attività ta’ fergħa, aġenzija jew post tan-negozju ieħor, fil-qrati tal-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew post tan-negozju ieħor ikunu jinsabu

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

C –    Ċ -   Id-dritt nazzjonali

10.      Bis-saħħa tal-Artikolu 80 tal-Liġi tal-Lussemburgu tad-9 ta’ Novembru 1990 li għandha l-għan li toħloq reġistru marittimu fil-Lussemburgu (7), f’każ ta’ xoljiment inġustifikat ta’ kuntratt ta’ xogħol marittimu, il-baħħara għandhom dritt għad-danni; il-kawża għal kumpens minħabba x-xoljiment inġustifikat tal-kuntratt ta’ xogħol marittimu għandha titressaq quddiem it-tribunal industrijali, skont piena ta’ dekadenza, fi żmien tliet xhur min-notifika tat-tkeċċija jew tar-raġunijiet tat-tkeċċija.

III – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11.      Fis-7 ta’ Awwissu 2001, J. Voogsgeerd, ċittadin Olandiż, iffirma kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat mal-kumpannija Navimer irreġistrata fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Il-liġi tal-Lussemburgu ntgħażlet f’dak il-kuntratt bħala l-liġi applikabbli.

12.      J. Voogsgeerd kien jirċievi l-paga tiegħu mingħand is-segretarjat tal-kumpannija Navimer, li kien ukoll stabbilit fil-Lussemburgu, u kien ukoll imsieħeb f’kumpannija ta’ assigurazzjoni għall-mard fil-Lussemburgu.

13.      Matul il-perijodu bejn Awwissu 2001 u April 2002, J. Voogsgeerd ħadem bħala inġinier prinċipali fuq il-vapuri MS Regina u Prince Henri li kienu tal-kumpannija Navimer, fejn iż-żona indikata tal-operazzjonijiet kienet tkopri l-Baħar tat-Tramuntana.

14.      B’ittra tat-8 ta’ April 2002, Navimer innotifikat lil J. Voogsgeerd dwar it-tkeċċija tiegħu, u huwa kkontesta t-terminazzjoni unilaterali tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u, fl-4 ta’ April 2003, ippreżenta rikors għad-danni minħabba tkeċċija.

15.      Insostenn tar-rikors tiegħu, J. Voogsgeerd, filwaqt li rrefera għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, invoka d-dispożizzjonijiet tal-liġi mandatorja tad-dritt tal-Belġju li, fin-nuqqas ta’ għażla, kellhom ikunu applikabbli bejn il-partijiet kontraenti, skont l-Artikolu 6(2)(b) tal-imsemmija konvenzjoni.

16.      F’dan ir-rigward, J. Voogsgeerd sostna li huwa għandu jitqies li ntrabat b’kuntratt ta’ xogħol mal-kumpannija Belġjana Naviglobe u mhux mal-kumpannija tal-Lussemburgu Navimer, għaliex, sabiex jaqdi d-dmirijiet tiegħu, huwa dejjem kien ikollu jmur Antwerpen sabiex ikun preżenti għall-imbark u jirċievi l-istruzzjonijiet mingħand il-prinċipal tiegħu li kienu jitwasslulu mill-intermedjarju ta’ Naviglobe.

17.      It-Tribunal Industrijali ta’ Antwerpen iddeċieda li, meħuda inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tar-relazzjoni tal-impjieg, Navimer tqieset bħala l-kumpannija li kienet ingaġġat lil J. Voogsgeerd u li, għalhekk, id-dispożizzjonijiet mandatorji tad-dritt tal-Lussemburgu kienu applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol skont l-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

18.      Barra minn hekk, it-Tribunal Industrijali ta’ Antwerpen iddeċieda li l-azzjoni għad-danni minħabba x-xoljiment inġust tal-kuntratt ta’ xogħol kellha tinċaħad għaliex din ġiet introdotta wara li skada l-perijodu ta’ dekadenza ta’ tliet xhur stabbilit f’dan ir-rigward bl-Artikolu 80 tal-Liġi li għandha l-għan li toħloq reġistru marittimu fil-Lussemburgu.

19.      J. Voogsgeerd appella kontra din is-sentenza quddiem il-Qorti Industrijali ta’ Antwerpen. Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li minkejja li din il-qorti ċaħdet l-appell, madankollu hija ma eskludietx li l-fatti rrapportati minn J. Voogsgeerd fir-rigward tal-post tal-imbarkament u r-rabta ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ Naviglobe setgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni.

20.      Fir-rikors ta’ kassazzjoni tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju, J. Voogsgeerd isostni l-istess argumenti li tressqu minnu fl-appell. Il-qorti tar-rinviju tosserva li, sa fejn dawn il-provi huma korretti, il-kumpannija Naviglobe rreġistrata f’Antwerpen tista’ titqies bħala post tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li magħha J. Voogsgeerd intrabat minħabba x-xogħol effettiv tiegħu.

21.      Fid-dawl tad-dubji ta’ interpretazzjoni li qamu, il-Hof van Cassatie ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju li impjega lill-ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980, għandu jitqies li huwa l-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju ta’ min iħaddem li, skont il-kuntratt tal-impjieg, impjega lill-ħaddiem, jew inkella bħala l-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju ta’ min iħaddem, li huwa marbut miegħu l-ħaddiem minħabba l-impjieg attwali tiegħu, minkejja li abitwalment tali impjegat ma jwettaqx xogħlu f’pajjiż wieħed?

2)      Il-post fejn il-ħaddiem li abitwalment ma jwettaqx xogħlu fl-istess pajjiż għandu jirrapporta u fejn jirċievi istruzzjonijiet amministrattivi kif ukoll istruzzjonijiet relatati mat-twettiq ta’ xogħlu, għandu jiġi kkunsidrat bħala l-post tal-impjieg attwali tiegħu fis-sens tal-ewwel domanda?

3)      Il-post tan-negozju ta’ min iħaddem li huwa marbut miegħu l-ħaddiem minħabba l-impjieg attwali tiegħu fis-sens tal-ewwel domanda għandu jissodisfa ċerti rekwiżiti formali, bħal pereżempju l-pussess tal-personalità ġuridika, jew huwa biżżejjed li dan ikun de facto post tan-negozju?

4)      Il-post ta’ negozju ta’ kumpannija oħra, li hija marbuta miegħu l-kumpannija li tħaddem, jista’ jservi bħala post tan-negozju fis-sens tat-tielet domanda, anki jekk l-awtorità ta’ min iħaddem ma ġietx ittrasferita lil din il-kumpannija l-oħra?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      Id-digriet tar-rinviju tas-7 ta’ Ġunju 2010 wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-29 ta’ Lulju 2010.

23.      J. Voogsgeerd, il-Gvern Belġjan u l-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu previst mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24.      Fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja li stiednet lill-qorti tar-rinviju biex tiċċara jekk, fid-dawl tas-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10), li nnotifikawlha, hija kinitx ser tkompli bit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, dik il-qorti bagħtet risposta fl-affermattiv, bil-posta tal-4 ta’ April 2011, li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ April 2011.

25.      Fil-kuntest tas-setgħa tagħha li tiddeċiedi dwar miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsija lill-partijiet rigward l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għall-fatti fil-kawża prinċipali. Il-partijiet ippreżentaw risposta bil-miktub fit-terminu lilhom prefiss.

26.      Peress li ħadd mill-partijiet interessati ma talab il-ftuħ ta’ proċedura orali, il-konklużjonijiet f’din il-kawża setgħu jiġu redatti wara s-seduta ġenerali tal-Qorti ta’ Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2011.

V –    Argumenti prinċipali tal-partijiet

A –    Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari

27.      Il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jsostnu li t-terminu “pajjiż fejn il-post tan-negozju li minnu jkun tqabbad ikun jinsab [pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju li jkun impjega lill-ħaddiem]”, fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jinftiehem bħala li jfisser il-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju tal-kumpannija li jkun iffirma l-kuntratt ta’ xogħol mal-impjegat.

28.      Skont il-Gvern Olandiż, l-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jitlob interpretazzjoni litterali. Dan il-Gvern ifakkar li din id-dispożizzjoni, fil-fatt, timmira li tirrendi uniformi r-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet sabiex tipprevjeni forum shopping, tirrinforza ċ-ċertezza legali u tipprevedi b’mod iktar faċli d-dritt li sejjer jiġi applikat. Għal dan l-effett, ir-regoli ta’ kunflitt għandhom madankollu jkunu, sa ċertu punt, prevedibbli. Il-Gvern Olandiż jinnota madankollu li dak li għandu jinftiehem bil-“post tax-xogħol effettiv” ma huwiex ċar, speċjalment meta l-impjegat ma jkunx abitwalment jaħdem fl-istess pajjiż.

29.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandha titqies bħala regola prinċipali ta’ kunflitt ta’ liġijiet, b’mod li l-qorti adita għandha qabelxejn tivverifika jekk jeżistix ċentru ta’ gravità fl-attivitajiet tal-ħaddiem ikkonċernat. Skont dan ir-raġunament, din il-qorti għandha, sa fejn possibbli, tibbaża ruħu fuq il-post tax-xogħol li l-iktar jikkorrispondi għas-sitwazzjoni konkreta, anki meta l-ħaddiem iwettaq l-attivitajiet tiegħu f’diversi Stati Membri. Din ir-regola, interpretata b’mod wiesa’, tippermetti, skont il-Kummissjoni, li tiġi ggarantita l-iktar ċertezza legali possibbli, peress li hija l-iktar prevedibbli u wkoll tirrifletti r-realtà b’mod iktar preċiż. Il-Kummissjoni tikkunsidra għalhekk li, f’ħafna każijiet, din ir-regola tippermetti li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli. Huwa biss b’mod sussidjarju, meta ma jkunx possibbli li dan iċ-ċentru tal-attivitajiet jiġi ddeterminat, li tista’ tiġi applikata r-regola tal-kunflitt stabbilita fl-Artikolu 6(2)(b).

30.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, skont din ir-regola ta’ kunflitt, huma possibbli żewġ approċċi. Din ir-regola tista’ fil-fatt tinqara bħala li tirreferi kemm għall-post tan-negozju li miegħu l-ħaddiem intrabat minħabba l-attivitajiet tiegħu (kriterju bbażat fuq il-fatti), kemm għall-post tan-negozju li, skont il-kuntratt tax-xogħol, assuma lill-ħaddiem (kriterju formali). Il-Kummissjoni ddikjarat ruħha favur din it-tieni interpretazzjoni. Minn banda, il-kliem innifsu użat fil-punt b) jargumenta f’dan is-sens: il-kunċett ta’ “tqabbad [ingaġġat]” jinvoka l-mument tar-reklutaġġ pjuttost milli t-twettiq effettiv tal-attivitajiet, kuntrarjament għall-kriterju stabbilit fil-punt a), li jirreferi espressament għat-twettiq abitwali ta’ xogħol fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt. Mill-banda l-oħra, ma tantx huwa loġiku, minn perspettiva sistematika, li jiġi applikat kriterju minnu nnifsu bbażat fuq il-fatti meta mbagħad ma jkunx possibbli, anki jekk tintuża interpretazzjoni wiesgħa tal-kriterju stabbilit fil-punt a), li jiġi ddeterminat iċ-ċentru ta’ gravità tal-attivitajiet.

31.      J. Voogsgeerd u l-Gvern Belġjan iqisu, għall-kuntrarju, li l-frażi “pajjiż fejn il-post tan-negozju li minnu jkun tqabbad ikun jinsab [pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju li jkun impjega lill-ħaddiem]”, imsemmija fl-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, tirreferi għall-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju li miegħu l-ħaddiem intrabat sabiex effettivament iwettaq ix-xogħol tiegħu.

32.      J. Voogsgeerd isostni f’dan ir-rigward li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-relazzjoni tal-impjieg tippreżenta biss rabta dgħajfa ħafna mal-post tan-negozju tal-kumpannija li impjegat lill-ħaddiem. Li tiġi applikata l-liġi ta’ dan il-pajjiż ikun kuntrarju għall-approċċ li jservi bħala bażi għall-Konvenzjoni ta’ Ruma, li jipprovdi li hija l-liġi tal-pajjiż li hija marbuta l-iktar mill-qrib mar-relazzjoni tal-impjieg li hija msejħa biex tapplika għaliha. L-iffirmar ta’ kuntratt mal-post tan-negozju ta’ kumpannija parent għall-iskop uniku ta’ xogħol barra l-pajjiż mas-sussidjarji ta’ dik il-kumpannija ma għandu jkollu ebda influwenza fuq id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli.

33.      Fil-fatt, skont J. Voogsgeerd, ikun imur kontra l-iskop tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li l-prinċipal ikun jista’ jaħrab x’ħin irid mid-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt tax-xogħol għandu rabta reali u mill-qrib, billi sempliċement iġiegħel li l-kuntratt tax-xogħol jiġi ffirmat minn post tan-negozju ieħor. Permezz tal-applikazzjoni tal-liġi tal-pajjiż fejn jaħdem, il-ħaddiem jibbenefika mill-istess protezzjoni li l-ħaddiema li abitwalment iwettqu x-xogħol tagħhom fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt xogħlhom f’dak il-post tan-negozju. J. Voogsgeerd isostni fl-aħħar nett li l-verżjoni fil-lingwa Ingliża tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ma tagħti lok għal ebda dubju fuq il-fatt li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax il-kumpannija li magħha l-ħaddiem ikun iffirma l-kuntratt ta’ xoghlu.

34.      Il-Gvern Belġjan jargumenta li, il-frażi “pajjiż fejn il-post tan-negozju li minnu jkun tqabbad ikun jinsab [pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju li jkun impjega lill-ħaddiem]”, għandha tinftiehem bħala l-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju li miegħu l-ħaddiem intrabat minħabba t-twettiq effettiv ta’ xoghlu.

35.      Dan il-gvern isostni, fl-ewwel lok, li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni bħala li tirrigwarda l-pajjiż li huwa indikat fil-kuntratt tax-xogħol jista’ jkollha l-konsegwenza li d-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi ta’ dan il-pajjiż ma jkollhom ebda rabta mal-eżekuzzjoni effettiva tax-xogħol. Ir-rabta b’applikazzjoni ta’ dan il-kriterju tkun tiddependi minn ċirkustanza li ta’ spiss tkun maqtugħa għal kollox mill-okkupazzjoni effettiva. Fit-tieni lok, il-Gvern Belġjan iqis li b’din il-frażi wieħed ma jistax jifhem l-iffirmar ta’ kuntratt ta’ xogħol fl-uffiċċju prinċipali ta’ kumpannija, mingħajr ma jkun hemm okkupazzjoni effettiva fil-pajjiż fejn jinsab dak l-uffiċċju. Dan ikun jista’ faċilment iwassal għal abbuż jekk, pereżempju, il-prinċipal jittrasferixxi l-uffiċċju fi Stat fejn ikunu jeżistu ftit li xejn garanziji soċjali għall-ħaddiem. Fit-tielet lok, l-approċċ adottat mill-Gvern Belġjan huwa bbażat, skont dan il-gvern, fuq it-“teorija ta’ ‘rabta mill-iktar qrib’”, fis-sens li hija l-liġi tal-pajjiż li miegħu teżisti, meħud inkunsiderazzjoni l-kumpless taċ-ċirkustanzi, ir-rabtiet l-iktar mill-qrib, li għandha tiġi applikata. Numru kbir ta’ provi bħal ma huma l-lingwa tal-kuntratt, il-munita li biha jsir il-ħlas, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-persunal, in-nazzjonalità tal-partijiet u l-post fejn tiġi eżerċitata s-setgħa ta’ direzzjoni tal-prinċipal, jistgħu jagħtu indikazzjoni ta’ rabta iktar mill-qrib.

B –    Fuq it-tielet u r-raba’ domandi preliminari

36.      Skont J. Voogsgeerd, operatur ekonomiku jista’ jiġi kkunsidrat bħala post tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jekk għandu rappreżentazzjoni jew uffiċċju li jippreżenta ċertu livell ta’ permanenza, għandu l-personalità ġuridika jew jissodisfa rekwiżiti proċedurali oħra.

37.      J. Voogsgeerd iqis madankollu li r-rikonoxximent ta’ din il-kwalità ma jirrikjedix li l-korp inkwistjoni jkollu s-setgħa ta’ direzzjoni jew li din is-setgħa tkun ġiet ittrasferita lilha mill-kumpannija prinċipali. Dan il-korp jista’, fil-fehma tiegħu, ikun fergħa mingħajr personalità ġuridika jew kumpannija sussidjara li għandha personalità ġuridika.

38.      Il-Gvern Belġjan isostni li l-pussess ta’ personalità ġuridika ma jikkostitwixxix kundizzjoni formali sabiex jissussisti l-kunċett ta’ “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, u li kull fergħa jew aġenzija kkostitwita skont il-liġi tal-pajjiż tal-post tan-negozju tista’ tiġi kkunsidrata bħala tali “post tan-negozju”.

39.      Madankollu, skont dan il-gvern, kull post tan-negozju sekondarju jeħtieġ li jirċievi mingħand il-kumpannija parent is-setgħa ta’ direzzjoni f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet tar-remunerazzjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija.

40.      Il-Kummissjoni wkoll hija tal-parir li jeħtieġ minimu ta’ stabbiltà biex ikun hemm post tan-negozju. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza Somafer (8), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, meta interpretat l-punt 5 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, iddikjarat bħala punt ta’ liġi li l-kunċett ta’ fergħa, ta’ aġenzija jew ta’ post tan-negozju jimplika ċentru ta’ operazzjonijiet li jimmanifesta ruħu minn barra b’mod permanenti bħala estensjoni tal-kumpannija parent. Il-Kummissjoni tenfasizza li dan l-approċċ jippermetti li jiġi evitat li tinħoloq rabta ma’ pajjiż li joffri protezzjoni minima lill-ħaddiema.

VI – Kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

A –    Kummenti preliminari

41.      Il-kunflitti bejn ordinamenti ġuridiċi differenti fil-qasam tal-liġi industrijali jqajmu kwistjonijiet tad-dritt kumplessi preċiżament fil-każ ta’ relazzjonijiet tax-xogħol li jippreżentaw dimensjoni transkonfinali. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex ta’ spiss huma jqajmu problemi kunsiderevoli lill-qrati tal-Istati Membri li jissejħu sabiex jiddeterminaw il-liġi applikabbli għal kuntratt ta’ xogħol. Mad-diffikultajiet li s-soltu jqumu fl-interpretazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol tiżdied fil-fatt l-inċertezza dwar l-għażla tal-approċċ korrett sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli. Dawn id-diffikultajiet fil-prattika ġudizzjarja qed jiżdiedu gradwalment hekk kif il-kollokament ta’ ħaddiema qed isir iktar komuni, hekk kif iċ-ċittadini tal-Unjoni jeżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u kif il-kumpanniji jidħlu f’relazzjonijiet ta’ negozju mal-barranin jew ikollhom post tan-negozju f’pajjiżi oħra. Il-kollokament, temporanju jew għal żmien indeterminat, ta’ numru ta’ ħaddiema sar fattur importanti fir-relazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali, u dan mhux biss fis-suq intern Ewropew, imma wkoll f’livell dinji. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li jidhirli li huwa kruċjali li jkun hemm regoli ta’ kunflitt li joffru lill-partijiet kontraenti soluzzjonijiet prevedibbli għal ħafna problemi li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol, bħall-kwistjoni dwar liema huma d-dispożizzjonijiet applikabbli għal kwistjonijiet ta’ xoljiment, liema kumpens huwa dovut lill-ħaddiem jekk ikun il-każ, liema skema ta’ leave tapplika jew jekk klawżola ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim għandhiex tiġi kkunsidrata bħala valida (9).

42.      Il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk, fil-kawża prinċipali, għandhiex tapplika l-liġi tal-Lussemburgu jew il-liġi tal-Belġju hija ffaċċjata b’din il-problema. Il-ħafna rabtiet mad-dritt taż-żewġ Stati Membri ma jippermettux li tinstab soluzzjoni immedjatament ċara. Madankollu l-għażla tal-liġi applikabbli hija essenzjali għal J. Voogsgeerd, għaliex, fil-każ li tkun applikabbli l-liġi tal-Lussemburgu, il-kawża tiegħu għad-danni minħabba x-xoljiment inġust tal-kuntratt ta’ xogħol tiġi ffaċċjata bit-terminu ta’ dekadenza ta’ tliet xhur, li fil-frattemp laħaq skada, skont l-Artikolu 80 tal-liġi tal-Lussemburgu tad-9 ta’ Novembru 1990 li għandha l-għan li toħloq reġistru marittimu fil-Lussemburgu. F’dan il-każ, ir-rikors tiegħu għandu jinċaħad. Il-qorti nazzjonali kompetenti għandha, għalhekk, tibbaża d-deċiżjoni fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Ruma billi tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ punti ta’ dritt u ta’ fatt. L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet u tal-kunċetti rilevanti li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja ser tipproċedi fil-kuntest ta’ din il-proċedura preliminari għandhom jippermettu lill-qorti nazzjonali li tasal għal deċiżjoni ġuridikament fondata kemm jista’ jkun filwaqt li tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-iskop tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jiġifieri li tiġi żgurata protezzjoni adegwata lill-ħaddiem.

B –    Preżentazzjoni tal-iskema ta’ analiżi intiża sabiex tiddetermina l-liġi applikabbli

43.      Sabiex jiddaħħlu fil-kuntest tematiku u sistematiku korrett il-punti ta’ liġi li tqajmu, jien ser neżamina fil-qosor, qabel ma jiġu indirizzati d-domandi preliminari fihom infushom, l-iskema ta’ analiżi li l-qorti nazzjonali għandha ssegwi sabiex tkun tista’ tiddetermina l-liġi applikabbli. Sabiex din il-qorti tingħata soluzzjoni kemm jista’ jkun utli għall-kwistjonijiet ta’ dritt li tqajmu, din il-preżentazzjoni ser issir mhux billi tiġi injorata s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, iżda sa fejn possibbli billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti aspetti tagħha.

1.      Il-libertà ta’ għażla bħala regola bażika

44.      Il-Konvenzjoni ta’ Ruma hija kkaratterizzata mill-fatt li hija tagħti importanza kruċjali lill-awtonomija tal-volontà, billi tħalli bis-saħħa tar-regola bażika stabbilita fl-Artikolu 3(1) il-libertà ta’ għażla lill-partijiet (10). Għalhekk, l-evalwazzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni definittivament jikkorrispondu għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet fil-ġurisprudenza tagħha, jiġifieri li “[i]l-pattijiet kuntrattwali, li jesprimu l-volontà komuni tal-partijiet, għandhom jieħdu preċedenza fuq kull kriterju ieħor li jiġi użat biss f’każ li l-kuntratt ikun sieket” (11). Madankollu, fin-nuqqas ta’ għażla tal-partijiet, il-liġi applikabbli hija ddeterminata fuq il-bażi tal-Artikolu 4 ta’ dik il-konvenzjoni li jipprovdi bħala kriterju fundamentali l-applikazzjoni tal-liġi tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt jippreżenta l-eqreb konnessjoni.

45.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jinġabru fil-kawża prinċipali fejn il-kumpannija Navimer u J. Voogsgeerd espressament indikaw, meta ffirmaw il-kuntratt, il-liġi tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu bħala l-liġi applikabbli. Għalhekk tista’ tiġi konkluża l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-liġi industrijali tal-Lussemburgu, fil-każ li ebda dispożizzjoni speċjali tal-imsemmija Konvenzjoni ma tkun applikabbli.

2.      Dispożizzjonijiet speċjali ta’ protezzjoni tal-ħaddiem

46.      Fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 3 u 4 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jistgħu tabilħaqq jiġu esklużi minn dispożizzjonijiet oħra ta’ din il-Konvenzjoni minħabba relazzjoni ta’ speċjalità, skont il-prinċipju lex specialis derogat legi generali. F’dan il-każ, id-dispożizzjoni li tidħol inkunsiderazzjoni hija l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma li tirregola l-liġi applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol. Dan l-artikolu jikkostitwixxi regola speċjali fir-rigward tal-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmija konvenzjoni fis-sens li fih dispożizzjonijiet li jidderogaw minnhom bl-iskop tal-protezzjoni tal-parti kontraenti l-iktar dgħajfa, jiġifieri l-ħaddiem (12).

47.      Minn naħa, l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi li l-għażla mill-partijiet tal-liġi applikabbli ma għandux ikollha r-riżultat li ċċaħħad il-ħaddiem mill-protezzjoni li ngħatalu mir-regoli mandatorji tal-liġi li f’nuqqas ta’ għażla kienu jkunu applikabbli skont il-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi regoli speċjali li japplikaw fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet: f’dan il-każ, il-kuntratt ta’ xogħol huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-ħaddiem abitwalment iwettaq xogħlu, jew, fil-każ li l-pajjiż fejn abitwalment jitwettaq ix-xogħol ma jistax jiġi ddeterminat, mil-liġi tal-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju li impjega lill-ħaddiem. Dawn iż-żewġ annessi bażiċi huma kkaratterizzati mill-fatt li, fl-ewwel lok, intrabtu b’rapport ta’ alternattiva, jiġifieri li waħda teskludi lill-oħra, u li, fit-tieni lok, huma jkopru s-sitwazzjonijiet kollha li jistgħu jinqalgħu (13). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma fih, fl-aħħar paragrafu, klawżola ta’ eżenzjoni (14), li bis-saħħa tagħha ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tapplika jekk il-kuntratt ta’ xogħol jippreżenta rabtiet iktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor. F’dan il-każ, tkun tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. L-idea bażika li tnebbaħ dawn ir-regoli hija dik li tippermetti, fl-interess tal-ħaddiem li jistħoqqlu protezzjoni, l-applikazzjoni tal-liġi tal-post l-iktar qrib il-kuntratt ta’ xogħol.

48.      Sabiex ir-regola bażika stabbilita fl-Artikolu 3 tkun tista’ tiġi injorata, il-qorti nazzjonali għandha għalhekk tistabilixxi, konformement mal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-liġi li għandha tkun applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet u jekk il-ħaddiem huwiex sejjer, minħabba f’hekk, jiċċaħħad mill-protezzjoni ggarantita lilu mid-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi ta’ pajjiż ieħor. Dan id-dmir jinkombi fuq il-qorti nazzjonali li essenzjalment għandha tevalwa liema dritt – il-liġi magħżula mill-partijiet jew dik li, fin-nuqqas, tkun applikabbli – tiżgura lill-ħaddiem l-aħjar protezzjoni (skont il-prinċipju tal-liġi l-iktar favorevoli) u jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi l-iktar favorevoli għandhomx karattru mandatorju skont l-ordinament ġuridiku kkonċernat (15). Jekk il-liġi magħżula ma tipprovdix dispożizzjonijiet mandatorji ta’ protezzjoni tal-ħaddiem jew ma tissodisfax il-livell ta’ protezzjoni tal-liġi applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, huma d-dispożizzjonijiet mandatorji ta’ dan l-ordinament ġuridiku li jkunu applikabbli. Dan jista’ jwassal sabiex diversi sistemi ġuridiċi jirregolaw ir-relazzjoni ta’ impjieg (16). Għall-kuntrarju, jekk il-liġi magħżula mill-partijiet toffri lill-ħaddiem livell ogħla ta’ protezzjoni mil-liġi rilevanti bis-saħħa tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, hija dik tal-ewwel li tibqa’ applikabbli (17).

49.      Fil-kuntest fejn, minn naħa, ċerti dispożizzjonijiet fl-istess ordinament ġuridiku jistgħu jkunu iktar favorevoli minn oħrajn u fejn, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet fiż-żewġ ordinamenti ġuridiċi jistgħu jkunu diverġenti jew inkompatibbli bejniethom, l-evalwazzjoni tal-ewwel aspett – li jimmira biex jistaqsi liema dritt jinkludi d-dispożizzjonijiet l-iktar favorevoli – diffiċilment jista’ jgħin sabiex jiġu pparagunati ż-żewġ sistemi ta’ liġi industrijali b’mod globali u li dan isir mingħajr l-ebda riferiment għall-każ li għandu jiġi deċiż. Dan ser ipoġġi lill-qorti nazzjonali quddiem problemi ferm diffiċli, għaliex iktar minn dispożizzjoni partikolari tal-liġi industrijali tista’ twassal għal effetti differenti skont jekk hija applikabbli waħedha jew flimkien ma’ oħrajn (18). Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li għandha ssir, għandu fl-ewwel lok jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi li jikkonċernaw direttament l-oġġett tal-kawża (19).

50.      Il-kawża prinċipali tittratta dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ ħaddiema kontra tkeċċija inġusta kif ukoll ir-rikorsi ġudizzjarji relatati magħhom (20). L-evalwazzjoni tal-kawża prinċipali tista’ għalhekk tiġi influwenzata mill-kunsiderazzjoni li, skont il-liġi tal-Lussemburgu, id-dritt ta’ azzjoni għad-danni minħabba t-tmiem inġust ta’ kuntratt ta’ xogħol marittimu hija suġġetta għal perijodu ta’ dekadenza ta’ tliet xhur, filwaqt li skont il-liġi Belġjana, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni f’sens kuntrarju mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li hemm ipprovduta xi preskrizzjoni simili. L-applikabbiltà għall-każ inkwistjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ protezzjoni ta’ ħaddiem li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Ruma, fil-fehma tiegħi, fil-kawża prinċipali, hija loġika, speċjalment fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet li jinsabu fir-rapport Giuliano‑Lagarde fuq il-Konvenzjoni ta’ Ruma (21) dwar il-funzjonament tal-Artikolu 6, li jagħtu eżempju simili ta’ sistema iktar favorevoli għall-ħaddiem: “Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli bis-saħħa tal-paragrafu 2 jipproteġu aħjar lill-ħaddiema mil-liġi magħżula, pereżempju billi jagħtihom perijodu itwal ta’ avviż, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi magħżula, u japplikaw minflokom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Peress li dawn iż-żewġ każijiet jirrigwardaw perijodu li għandu l-iskop li jipproteġi lill-ħaddiema kontra preġudizzju li jirriżulta minn tkeċċija, jidher li l-ħsieb bażiku espress f’dan l-eżempju jista’ jiġi applikat għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ. Għalhekk, l-eżistenza fid-dritt Belġjan ta’ terminu itwal ta’ dekadenza li fih tista’ tiġi ppreżentata kawża għad-danni, jew l-assenza ta’ terminu simili, jiġġustifika li wieħed jinjora d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Lussemburgu li jkunu applikabbli bħala regola.

51.      Fil-każ li d-dispożizzjonijiet tal-liġi Belġjana li jiżguraw protezzjoni kontra t-tkeċċija għandhom bħala “mandatarju” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, l-għażla tal-liġi tal-Lussemburgu tista’ ċertament tiġi kkunsidrata bħala “ċaħda” tal-protezzjoni lill-ħaddiem.

3.      Ir-relazzjoni bejn il-punti a) u b) tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma

52.      Ir-ratio legis tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma li, kif rajna diġà, tinsab fil-protezzjoni tal-ħaddiem, hija ġġustifikata bil-fatt li l-ħaddiem huwa normalment ikkunsidrat, mill-perspettiva soċjo-ekonomika, bħala l-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni kuntrattwali. Din il-protezzjoni hija żgurata bl-applikazzjoni għall-kuntratt tal-liġi tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt tal-impjieg jippreżenta r-rabtiet l-iktar mill-qrib. Din il-liġi hija, kif anki stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Koelzsch, dik tal-Istat fejn il-ħaddiem iwettaq l-attivitajiet professjonali tiegħu pjuttost milli dik, pereżempju, tal-Istat fejn tinsab is-sede tal-persuna li timpjega. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa fl-ewwel Stat li l-ħaddiem jeżerċita l-funzjoni ekonomika u soċjali u li l-ambjent professjonali u politiku jinfluwenza l-attività tax-xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis għalhekk li, sa fejn possibbli, għandha tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiem previsti mil-liġi ta’ dan il-pajjiż (22).

53.      Sabiex jittieħed indebitament inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk iddikjarat fis-sentenza Koelzsch li l-kriterju tal-pajjiż fejn il-ħaddiem “abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, stabbilit fl-Artikolu 6(2)(a) tagħha, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, waqt li l-kriterju tas-sede “tan-negozju li minnu jkun tqabbad” previst fl-Artikolu 6(2)(b), għandu japplika meta l-qorti ma tkunx kapaċi tiddetermina l-pajjiż ta’ eżekuzzjoni abitwali tax-xogħol (23).

54.      Mir-ratio legis, mill-istruttura tal-Artikolu 6 kif ukoll mill-kliem tad-dispożizzjonijiet differenti (“jekk il-ħaddiem ma jwettaqx abitwalment ix-xogħol tiegħu fl-istess pajjiż”) jirriżulta li l-qorti nazzjonali, meta tiġi biex tiddetermina l-liġi applikabbli, għandha tirreferi għall-paragrafu 2(a), qabel ma tirrikorri għall-paragrafu 2(b). Hija għandha d-dmir, f’dan ir-rigward, li tiddetermina ċentru tal-attivitajiet tal-ħaddiem. Il-fatt li, fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu, il-ħaddiem kien possibbilment ġie ttrasferit temporanjament f’pajjiż ieħor ma jipprekludix għalhekk, bħala regola ġenerali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma (24).

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, li fil-Kawża Koelzsch intalbet tinterpreta l-kriterju tat-“twettiq abitwali tax-xogħol [issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu]” previst fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, fil-punt 44 tas-sentenza Koelzsch esprimiet ruħha fis-sens li din id-dispożizzjoni hija rilevanti “meta huwa possibbli għall-qorti li tiddetermina l-Istat li miegħu x-xogħol għandu rabta sinjifikattiva”. Din ir-rabta teżisti, kif il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid fil-punt 45 ta’ dik l-istess sentenza, fil-post “li fih jew li minnu l-ħaddiem effettivament iwettaq l-attivitajiet professjonali tiegħu u li, fin-nuqqas ta’ ċentru ta’ kummerċ, il-post fejn dan iwettaq il-biċċa l-kbira mill-attivitajiet tiegħu” (enfasi miżjud minni).

4.      Kriterji li jiddeterminaw iċ-ċentru tal-attivitajiet

56.      L-interpretazzjoni wiesgħa li ngħatat lill-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma fis-sentenza Koelzsch għandha numru ta’ konsegwenzi għall-evalwazzjoni ġuridika f’din il-kawża, prinċipalment rigward l-għażla tar-regola tajba ta’ kunflitt. Il-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat fil-kuntest tal-kawża Koelzsch sabiex tiddetermina ċ-ċentru tal-attivitajiet ta’ xogħol fil-fatt jidhru li jistgħu jiġu applikati fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Huwa dan li jien ser niddiskuti fid-dettall meta nirreferi għall-partijiet rilevanti tas-sentenza Koelzsch kif ukoll għall-punti ta’ fatt rilevanti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

57.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat korrettement fis-sentenza Koelzsch, il-post fejn abitwalment jitwettaq ix-xogħol ma jistax jinftiehem li huwa limitat għall-post biss li fih il-ħaddiem effettivament jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu. Għall-kuntrarju, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ħaddiem kif ukoll ta’ interpretazzjoni koerenti u konformi mad-dispożizzjonijiet differenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jew tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (25) (Regolament imsejjaħ “Brussell I”) (26), peress li dawn id-dispożizzjonijiet setgħu jkunu s-suġġett fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jimplikaw li din il-frażi għandha tinftiehem ukoll bħala l-post li minnu l-ħaddiem effettivament jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu. Wieħed sejjer jinnota, f’dan ir-rigward, li din l-interpretazzjoni hija kkoroborata mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni espressament inkluda dan it-tip ta’ każ fid-dispożizzjoni addizzjonali li tinsab fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 (Ruma I) (27), li tikkjarifika s-sitwazzjoni ġuridika eżistenti (28).

58.      Billi telqet minn din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fil-punti 48 et seq tas-sentenza Koelzsch, kriterji li għandhom jgħinu lill-qorti nazzjonali tiddetermina ċ-ċentru tal-attivitajiet professjonali tal-ħaddiem. Peress li dik il-kawża kellha l-iskop li tiddetermina l-post tax-xogħol abitwali ta’ xufier ta’ vetturi kbar, dawn il-kriterji kienu għalhekk jirrigwardaw il-qasam speċifiku li jikkostitwixxi s-settur tat-trasport internazzjonali. Dan il-fatt, waħdu ma għandux madankollu jkun ta’ natura tali li jipprevjeni l-applikabbiltà ta’ dawn il-kriterji għal din il-kawża prinċipali, speċjalment għaliex, kif indikat mill-qorti tar-rinviju, J. Voogsgeerd jidher li kien jaħdem ma’ kumpannija li topera fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar. Għalkemm huwa kien assuma l-funzjonijiet ta’ inġinier prinċipali u mhux dawk ta’ kmandant jew ta’ kaptan, mill-proċess jirriżulta li, milli jidher, bħall-kumplament tal-ekwipaġġ, J. Voogsgeerd ukoll kien serva fuq vapuri li kienu joperaw għal dik il-kumpannija fil-Baħar tat-Tramuntana. Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ provi għall-kuntrarju, il-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat fis-sentenza Koelzsch jistgħu jiġu direttament użati sabiex jiġi evalwat il-każ fil-kawża prinċipali.

59.      Skont dawn il-kriterji, il-qorti nazzjonali, meta tikkunsidra n-natura tax-xogħol fis-settur tat-trasport internazzjonali, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-attività tal-ħaddiem. B’mod partikolari, hija għandha tiddetermina f’liema Stat jinsab il-post minn fejn il-ħaddiem iwettaq it-trasport, jirċievi struzzjonijiet dwar il-missjoni tiegħu u jorganizza xogħlu, kif ukoll il-post fejn tinsab l-għodda tax-xogħol. Hija għandha wkoll tivverifika f’liema postijiet l-iktar li kien jitwettaq it-trasport, il-postijiet fejn kienet tiġi kkonsenjata l-merkanzija u f’liema post il-ħaddiem kien jirritorna wara li jwettaq xogħlu. Li huwa importanti, finalment, huwa li jingħaraf fejn il-ħaddiem iwettaq il-parti kbira mill-obbligi tiegħu lejn min iħaddmu (29).

60.      Jekk il-qorti nazzjonali tapplika dawn il-kriterji għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija tkun tista’ tikkonstata li jeżistu provi biżżejjed sabiex jiġi konkluż li ċ-ċentru tal-attivitajiet ta’ J. Voogsgeerd jinsab, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, f’Antwerpen. Fil-fatt mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li J. Voogsgeerd kien obbligat li jippreżenta ruħu f’Antwerpen qabel ma jimbarka u kien jirċievi d-direttivi u l-istruzzjonijiet tal-kumpannija Naviglobe li kienet ukoll stabbilita f’dik il-belt, u dan fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħlu mal-kumpannija Navimer. Antwerpen kienet, għalhekk, il-post fejn J. Voogsgeerd kien jaħdem u kellu l-bażi permanenti tiegħu li minnha kien jibda x-xogħol tiegħu. Peress li huwa kompletament possibbli li l-liġi applikabbli tiġi ddeterminata abbażi tal-Artikolu 6(2)(a) ta’ dik il-Konvenzjoni, jidher dubjuż li għad hemm lok fil-kawża prinċipali għal applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(b) (30).

61.      Iċ-ċirkustanza li diversi fatti jwasslu sabiex jiġi kkunsidrat l-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma bħala d-dispożizzjoni verament rilevanti fil-kawża prinċipali madankollu ma twassalx sabiex tammetti li terġa’ tiddaħħal inkunsiderazzjoni r-rilevanza nnifisha tad-domandi preliminari għad-deċiżjoni tal-kawża. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju biss li għandha tiddefinixxi l-oġġett tad-domandi li hija tixtieq tistaqsi. Hija biss il-qorti nazzjonali li tiġi adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja fil-futur, li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ kull każ partikolari, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’qagħda li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, meta d-domandi li saru jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, obbligata li tiddeċidihom (31).

62.      Barra mnn hekk, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju tassumi definittivament ir-responsabbiltà li l-fatti inkwistjoni jkunu kompletament iċċarati, sabiex il-punti ta’ fatt u ta’ dritt li eventwalment għandhom jipprovdu l-elementi li jorbtu ma’ sistema legali partikolari li jiġu identifikati u jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiffurmaw il-bażi għas-sentenza tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll titpoġġa f’qagħda li teżerċita kompletament il-ġurisdizzjoni tagħha ta’ interpretazzjoni fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ kooperazzjoni li tikkaratterizza l-proċedura preliminari u tforni lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni utli tad-dritt tal-Unjoni li tkun tista’, sa fejn possibbli, tikkontribwixxi għal soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Għalkemm għandu jiġi aċċettat li l-qorti tar-rinviju sodisfat dan l-obbligu tagħha billi ddeterminat il-kuntest fattwali u ġuridiku li hija ddefinit b’mod biżżejjed preċiż fid-digriet tar-rinviju, madankollu ma jistax jiġi eskluż li, bħala regola, hija għandha provi biżżejjed quddiemha li jissuġġerixxu l-applikazzjoni tar-regola ta’ rabta msemmija fis-subparagrafu (b) minflok, bħal ma naħseb jien, ir-regola ta’ rabta stabbilita fis-subparagrafu (a).

63.      Għall-finijiet ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi kkunsidrat, fi kwalunkwe każ, li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet korrettement li l-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ma kienx applikabbli. Fid-dawl tal-iżviluppi li jsegwu l-Artikolu 6(2)(b) għandu għalhekk jiġi interpretat fid-dawl tad-domandi preliminari.

C –    Analiżi tad-domandi preliminari

1.      Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

64.      Fl-ewwel u t-tieni domandi preliminari li jħarsu lejn id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “post tan-negozju tal-prinċipal” fil-kuntest tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk b’dan il-kunċett għandux jinftiehem il-post fejn, skont il-kuntratt ta’ xogħol, il-ħaddiem ġie ngaġġat, jew pjuttost il-post tax-xogħol effettiv tiegħu.

65.      Il-kliem innifsu tal-Artikolu 6(2)(b) diġà jimmilita favur interpretazzjoni fis-sens li, bil-kunċett ta’ “post tan-negozju tal-prinċipal” maħsub f’dik id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem il-post fejn, skont il-kuntratt ta’ xogħol, il-ħaddiem ġie ngaġġat. L-użu tat-terminu “ngaġġat” f’dan l-istess artikolu ovvjament iħares lejn il-mument li fih il-kuntratt ta’ xogħol ġie konkluż jew, f’każ ta’ relazzjoni ta’ impjieg de facto, il-bidu tax-xogħol u mhux l-okkupazzjoni effettiva tal-ħaddiem (32). Dan l-aħħar aspett huwa madankollu kapaċi li jkollu importanza għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2)(a), għaliex din id-dispożizzjoni tistrieħ fuq il-kriterju ta’ fatt li jikkostitwixxi l-eżekuzzjoni abitwali tax-xogħol.

66.      Provi addizzjonali dwar il-kunċett ta’ “post tan-negozju tal-prinċipal” fil-kuntest tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jirriżultaw minn interpretazzjoni teleoloġika u sistematika tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2) ta’ din il-konvenzjoni.

67.      Kif semmejt diġà, l-għan innifsu tad-dispożizzjonijiet partikolari fil-qasam tal-kuntratt individwali ta’ xogħol jinsab fil-protezzjoni tal-ħaddiem. Fid-dawl tal-fatt li l-post fejn il-ħaddiem iwettaq abitwalment ix-xogħol tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt jippreżenta finalment ir-rabtiet l-iktar mill-qrib mal-kuntratt ta’ xogħol u li rabta mad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat tipprovdi għalhekk l-aħjar protezzjoni tal-ħaddiem, l-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, bħala regola, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, kif il-Qorti tal-Ġustizzja korrettement ikkonstatat fis-sentenza Koelzsch. Il-ħtieġa ta’ applikabbiltà prioritarja għal din id-dispożizzjoni fl-interess tal-protezzjoni tal-ħaddiem għalhekk timmilita sabiex l-Artikolu 6(2)(b), b’mod korrelatat, jiġi interpretat restrittivament.

68.      Jekk l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ma għandhiex tidħol fil-kwistjoni f’din il-kawża, prinċiparjament huma r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali li jimmilitaw favur interpretazzjoni pjuttost formali tad-dispożizzjoni stabbilita fil-punt (b), jiġifieri fis-sens li din issemmi l-post fejn jinsab il-post tan-negozju li, skont il-kuntratt ta’ xogħol, fih ġie ngaġġat il-ħaddiem. F’dan ir-rigward, l-argument f’dan l-istess sens tal-Gvern Olandiż (33) u tal-Kummissjoni (34) għandu ċertament jiġi aċċettat. Fil-fatt, rabta mal-post tal-ingaġġ topera favur il-prevedibbiltà f’dak li jirrigwarda l-liġi applikabbli, b’differenza minn rabta bbażata fuq kriterju purament fattwali bħal ma huwa l-post fejn abitwalment jitwettaq ix-xogħol. Filwaqt li dan l-aħħar post jista’ jitbiddel ta’ sikwit fil-kors tal-ħajja professjonali, il-post tal-ingaġġ jibqa’ normalment l-istess, u dan indipendentement minn trasferimenti possibbli tal-kumpannija nnifisha jew possibbli trasferiment għal żmien twil tal-ħaddiem fl-f’pajjiż ieħor (35). Fl-aħħar mill-aħħar, il-post tal-ingaġġ jikkostitwixxi l-iktar prova ċara dwar il-punt fejn il-ħaddiem ġie integrat l-ewwel darba fl-istruttura tal-kumpannija. Issa, preċiżament fil-każ ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg li jeħtieġu mobbiltà kunsiderevoli tal-ħaddiem, dan il-kriterju jirriżulta li jkun dak li jiżgura bl-aħjar mod il-kontinwità tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fuq il-kuntratt (36).

69.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jifhem għaliex l-Istati firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jkunu jridu jirrinunzjaw għall-prevedibbiltà ta’ dan il-kriterju sabiex, minfloku, jadottaw kriterju iktar dgħajjef bħalma huwa l-post tal-okkupazzjoni effettiva. Qari f’dan is-sens tar-regola inkwistjoni fil-fatt iwassal sabiex jinftiehem ħażin, kif isostni J. Voogsgeerd fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu (37), li l-Artikolu 6(2)(a), li diġà jipprovdi kriterju fattwali li, fid-dawl tal-interpretazzjoni wiesgħa tiegħu, għandu jkun applikabbli fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Minn perspettiva sistematika, kien għalhekk ikun illoġiku li l-punt (b) ikun fih essenzjalment l-istess regola, għaliex dan kien ikun għal kollox superfluwu. L-eżistenza ta’ regola partikolari timmilita għall-kuntrarju għal kontenut speċifiku ta’ din id-dispożizzjoni li għandha tkun nettament distinta mir-regola li nsibu fil-punt (a). Fir-rigward preċiżament ta’ dan il-kontenut, il-partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Ruma ma jistgħux jitqiesu li injoraw il-vantaġġi hawn fuq imsemmija ta’ kriterju ta’ rabta formali. Għall-kuntrarju, għandu jiġi preżunt li huma riedu jintegraw dan il-kriterju fl-istruttura tal-konvenzjoni. Interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni twassalna pjuttost sabiex naħsbu li dan jirreferi għall-post fejn ġie ffirmat il-kuntratt.

70.      Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament li bil-“post tan-negozju” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, wieħed għandu jifhem biss is-sede prinċipali tal-kumpannija. Din l-interpretazzjoni tkun qed tinterpreta ħażin, minn naħa, li r-relazzjonijiet kummerċjali tal-kumpanniji llum il-ġurnata jippreżentaw numru ta’ rabtiet internazzjonali u li, min-naħa l-oħra, numru kbir ta’ kumpanniji għandhom sussidjarji u aġenziji f’diversi Stati Membri sabiex jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji ta’ suq intern. Uħud minn dawn is-sussidjarji u aġenziji jistgħu huma stess jingaġġaw ħaddiema kemm f’isimhom proprju kif ukoll f’isem il-kumpannija. Għalhekk, għandu jkun ukoll possibbli li dawn jiġu inklużi fil-kunċett ta’ “post tan-negozju”, jekk ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Din l-interpretazzjoni hija preċiżament ikkonfermata mill-verżjoni fil-lingwa Ingliża tal-Artikolu 6(2)(b) (“the place of business through which he was engaged”) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, fejn il-kliem jagħti lok għall-possibiltà ta’ ngaġġar fejn il-post tan-negozju għandu biss rwol ta’ intermedjarju bejn il-kumpannija u l-ħaddiem (38). Bil-għan li r-regola stabbilita fl-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ma titneżżax mill-funzjoni tagħha ta’ kriterju faċilment applikabbli u sabiex barra minn hekk jiġi ridott ir-riskju ta’ abbuż, għandu f’kull każ jintalab li s-sussidjarja jew l-aġenzija kkonċernata tkun attivament ipparteċipat fil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ negozjati minn qabel mal-ħaddiem (39).

71.      Is-soluzzjoni li wieħed jibbaża ruħu fuq il-post ta’ ngaġġar ċertament ma tippermettix li jiġi eskluż kompletament ir-riskju ta’ abbuż, speċjalment għaliex jidher konċepibbli li persuna li timpjega tista’ eventwalment tkun inklinata li tagħżel bħala post ta’ konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, Stat fejn il-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ drittijiet tax-xogħol tiżgura biss livell dgħajjef ta’ protezzjoni għall-ħaddiem (40). F’dan il-kuntest, ir-rabta mal-post tal-ingaġġar tista’ eventwalment tidher diskrezzjonali, jew arbitrarja, il-post fejn jiġi ngaġġat il-ħaddiem jista’, qabel xejn, ikun ukoll il-frott tal-koinċidenza. Sabiex jiġi evitat dan ir-riskju, għandu jeħtieġ rigorożament, bħala kundizzjoni sabiex post jikkwalifika bħala “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li l-ħaddiem ikun effettivament ħaddiem fuq il-post u mhux il-każ ta’ sempliċement il-post tal-konklużjoni ta’ kuntratt (41).

72.      Rigward il-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-ftit indikazzjonijiet ipprovduti fid-digriet tar-rinviju kif ukoll fin-noti ta’ J. Voogsgeerd, ma jippermettux li wieħed jislet konklużjonijiet dwar il-kors preċiż tal-proċess tal-konklużjoni tal-kuntratt u dwar l-eventwali parteċipazzjoni ta’ Naviglobe fil-proċess ta’ reklutaġġ. Fil-każ li J. Voogsgeerd, skont il-kuntratt, kien ġie ngaġġat f’isem il-kumpannija Navimer, dan ma jeskludix madankollu li l-kumpannija Naviglobe kienet possibilment ħadet parti fil-proċess ta’ ingaġġ, pereżempju billi żgurat il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ reklutaġġ, billi wettqet l-intervisti, billi ddefinixxiet il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol jew billi poġġiet l-uffiċċji tagħha għad-dispożizzjoni sabiex jiġi ffirmat l-imsemmi kuntratt. Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tenfasizza ċ-ċirkustanzi tal-ingaġġ ta’ J. Voogsgeerd kif ukoll ir-rwol preċiż tal-kumpannija Naviglobe f’dan il-kuntest.

73.      Jekk isir evidenti li teżisti separazzjoni netta bejn il-post tal-ingaġġ u l-post effettiv tax-xogħol, rabta iktar mill-qrib tal-kuntratt ta’ xogħol (jew tar-relazzjoni ta’ impjieg), li toffri protezzjoni aħjar lill-ħaddiem, tista’ tingħata lura mal-post tal-liġi applikabbli billi jsir riferiment għad-deroga prevista fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(2). Bis-saħħa ta’ din ir-regola, hija fil-fatt – b’deroga għad-dispożizzjonijiet li jippreċeduha – il-liġi tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt ta’ xogħol (jew ir-relazzjoni ta’ impjieg) jippreżenta r-rabtiet l-iktar mill-qrib li għandha tapplika. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tevita r-riskju li, intenzjonalment, il-prinċipal jittrasferixxi s-sede tal-kumpannija f’pajjiż fejn id-dritt tax-xogħol joffri protezzjoni inqas lill-ħaddiem, bil-għan li japplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż. Hija tikkumpensa ċerti żvantaġġi ta’ sistema pjuttost riġida ta’ rabtiet fil-prinċipju prevista fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, billi tirreferi, eċċezzjonalment, għas-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali sabiex tippermetti soluzzjoni flessibbli, li titfassal għaċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari (42). It-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-post tal-konklużjoni tal-kuntratt fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(b), tista’ fil-fatt tirriżulta barra minn lokha mhux biss f’każ ta’ separazzjoni bejn il-post tan-negozju kontraenti u l-post tax-xogħol, imma wkoll fil-każ ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien itwal u żvilupp ulterjuri taċ-ċirkustanzi ta’ fatt (43).

74.      Jeħtieġ li l-kuntratt ta’ xogħol jippreżenta rabta mill-qrib ma’ dan il-pajjiż l-ieħor. L-awtorità tad-dritt ta’ dan il-pajjiż tista’ tirriżulta minn totalità ta’ ċirkustanzi (44). Il-kriterji li ġejjin jistgħu jservu bħala prova tal-eżistenza ta’ rabta mill-qrib mal-pajjiż partikolari: il-lingwa tal-kuntratt, l-użu ta’ kunċetti ġuridiċi partikolari għal sistema ġuridika speċifika, il-munita użata, it-tul tal-kuntratt, ir-reġistrazzjoni fl-elenku tal-persunal, in-nazzjonalità tal-partijiet fuq il-kuntratt, il-post ta’ residenza abitwali, il-post fejn il-prinċipal jeżerċità l-kontroll effettiv fuq il-persunal kif ukoll il-post fejn ġie ffirmat il-kuntratt (45). Kull wieħed minn dawn il-kriterji jista’, waħdu, jagħti prova dwar l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib ma’ pajjiż ieħor barra dak fejn il-ħaddiem ġie ngaġġat jew dak li fih jinsab il-post tan-negozju li ngaġġah. F’dan ir-rigward, madankollu ma għandux jintesa li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma tipprovdi sempliċement deroga li tissupponi li tiġi preliminarjament eżaminata r-rilevanza tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2(a) u (b) ta’ dak l-istess artikolu (46).

75.      Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li l-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju li jkun ingaġġa lill-ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jinftiehem bħala l-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju tal-persuna li timpjega li, skont il-kuntratt ta’ xogħol, ikun ingaġġa lill-ħaddiem. Peress li t-tieni domanda preliminari, milli jidher, tressqet biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal konklużjoni oħra, jiġifieri jekk il-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju li ngaġġa lill-ħaddiem, ifisser il-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju tal-persuna li timpjega, li miegħu l-ħaddiem intrabat bix-xogħol effettiv tiegħu, ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din id-domanda.

 2.      Fuq it-tielet domanda preliminari

76.      It-tielet u r-raba’ domandi preliminari jikkonċernaw, essenzjalment, il-kundizzjonijiet ġuridiċi li “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jissodisfa sabiex jiġi rrikonoxxut bħala tali.

77.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari jekk il-post tan-negozju tal-persuna li timpjega li miegħu l-ħaddiem intrabat bix-xogħol effettiv tiegħu fis-sens tal-ewwel domanda għandux jissodisfa ċerti rekwiżiti proċedurali, bħal ma huwa l-pussess ta’ personalità ġuridika, jew jekk huwiex biżżejjed li jkun post tan-negozju de facto. Għalkemm jidher li din id-domanda saret fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għall-ewwel domanda differenti minn dak li qed nipproponi hawnhekk, inqis li xorta waħda jistgħu jingħataw lill-qorti tar-rinviju elementi ta’ interpretazzjoni utli sabiex hija tevalwa l-kawża prinċipali, speċjalment għaliex dawn għadhom rilevanti. Dawn l-elementi jistgħu fil-fatt jgħinu lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddetermina jekk, minn perspettiva funzjonali, il-kumpannija Naviglobe tistax jekk ikun il-każ, tiġi kkunsidrata bħala post tan-negozju tal-kumpannija Navimer fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

78.      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ma jeżiġix, almenu skont il-kliem tiegħu, li post tan-negozju fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu dejjem ikollu personalità ġuridika. Dan diġà jindika li hemm lok għal interpretazzjoni inqas formali tal-kunċett ta’ “post tan-negozju”. Fid-dawl tal-għan, diġà invokat iktar ’il fuq, li jitfittex minn din id-dispożizzjoni kif ukoll mal-Konvenzjoni ta’ Ruma meħuda fit-totalità tagħha (47), jiġifieri dak li jiżgura fl-interess tal-partijiet kontraenti ċ-ċertezza legali f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-liġi applikabbli, fil-probbabbiltà kollha, din id-dispożizzjoni tkun ser tonqos milli tilħaq dan l-għan jekk rabta mal-liġi tal-pajjiż partikolari tiddependi definittivament fuq il-kwistjoni jekk il-post tan-negozju inkwistjoni jissodisfax l-kundizzjonijiet ta’ akkwist tal-personalità ġuridika konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dak l-ordinament ġuridiku. Fid-dawl tad-differenzi bejn is-sistemi ġuridiċi u l-kundizzjonijiet minimali li jistgħu jkunu rikjesti f’dan il-qasam, mhux dejjem ser ikun faċli għall-qorti nazzjonali li tiġi kkonfrontata b’sistema ġuridika barranija li tiddetermina jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex soddisfatti f’dak li jirrigwarda sussidjarja jew aġenzija partikulari.

79.      Peress li waqt l-ingaġġar ta’ ħaddiem, post tan-negozju jista’ skont il-każ, kif diġà rajna, juża wkoll is-servizzi ta’ “intermedjarju”, mingħajr ma jkun ikkuntratta f’ismu proprju (48), ir-rekwiżit ta’ personalità ġuridika jidher definittivament strett iżżejjed sabiex iwieġeb, minn naħa, għall-prinċipju ta’ ċertezza legali, imma wkoll, min-naħa l-oħra, għar-rekwiżiti ta’ applikazzjoni sempliċi u flessibbli. Jidher li għalhekk għandu jiġi kkunsidrat bħala restrittiv iżżejjed li wieħed jeżiġi li l-“post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu dejjem jinftiehem bħala li jirrigwarda s-sede tal-kumpannija bħala tali. F’kull każ, ir-rekwiżiti ta’ ċertezza legali u ta’ flessibbiltà jkunu mingħajr dubju diġà sodisfatti jekk b’dan il-kunċett wieħed jifhem ukoll post tan-negozju de facto, bħalma huwa uffiċċju ta’ rappreżentant tal-prinċipal.

80.      F’kull eventwalità, hemm madankollu l-ħtieġa li l-prinċipal jeżerċita kontroll effettiv fuq dan il-post tan-negozju sabiex l-atti ta’ dak il-post tan-negozju jkunu jistgħu jiġu attribwiti lill-prinċipal bħallikieku kienu tiegħu stess. Dan għandu jkun il-każ meta post tan-negozju f’sens wiesa’, jiġifieri sussidarju mingħajr personalità ġuridika, jew aġenzija li tgawdi personalià ġuridika, jirċievu struzzjonijiet mingħand id-direzzjoni tal-kumpannija dominanti, imma wkoll fil-każ bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn żewġ kumpanniji jkollhom l-istess bord ta’ diretturi. F’dan il-kuntest, huwa importanti l-fatt, imsemmi minn J. Voogsgeerd, tal-eżistenza ta’ direttur komuni għaż-żewġ kumpanniji (49). Fil-fatt, b’din l-identità fil-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi, id-differenzi bejn dawn iż-żewġ kumpanniji jiġu eliminati kważi għalkollox, peress li kemm f’dak li jirrigwarda l-volontà tagħhom kif ukoll l-azzjoni tagħhom jikkorrispondu għal dik tal-istess entità.

81.      Jekk l-akkwist tal-personalità ġuridika ma jikkostitwixxix kundizzjoni indispensabbli sabiex jissussisti l-kunċett ta’ “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jeħtieġ tal-inqas li l-post tan-negozju tal-kumpannija kkonċernat jippreżenta – kif J. Voogsgeerd (50) u l-Kummissjoni (51) jinnotaw korrettement – ċertu livell ta’ permanenza lill-uffiċċju inkwistjoni. Dan ir-rekwiżit jaħseb sabiex jevita li l-persuna li timpjega tapprofitta minn preżenza purament tranżitorja sabiex tapplika d-dritt ta’ dan il-pajjiż li hija kkaratterizzata, possibbilment, minn livell baxx ta’ ħarsien tax-xogħol. Għalhekk għandu jiġi ddikjarat bħala li ma huwiex biżżejjed li aġent tal-persuna li timpjega barrani jidher perjodikament f’dan l-uffiċċju bil-ħsieb li hemmhekk jingaġġa ħaddiema għal xogħol barra mill-pajjiż (52). Għall-kuntrarju, jekk dan l-istess aġent jattendi f’pajjiż fejn il-persuna li timpjega iżżomm rappreżentenza permanenti tal-kumpannija tagħha, ikun kompletament possibbli li wieħed jammetti li dik ir-rappreżentanza tikkostitwixxi “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, fejn il-ħaddiem jiġi ngaġġat (53).

82.      Jekk nitlaq mill-konklużjonijiet li wasalt għalihom f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kriterju bbażat fuq il-post tal-ingaġġ (54), u skont ir-rekwiżiti minimi ta’ permanenza li għadni kif semmejt, il-kunċett ta’ “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jinftiehem fis-sens li huwa jinkludi, fl-ewwel lok, il-post tan-negozju li jorganizza b’mod ġenerali l-iskeda ta’ ħaddiem. Dan il-kunċett għandu madankollu jkun jista’ jiġi interpretat b’mod iktar wiesa’ u jkopri wkoll l-entitajiet l-oħra organizzattivi li jeżerċitaw attività għall-persuna li timpjega, pereżempju fil-forma ta’ unità ta’ produzzjoni jew ta’ unità ta’ sfruttar tal-kumpannija, madanakollu mingħajr ma jaslu sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kumpannija (55). Fil-fatt, il-post tan-negozju għandu bħala regola ġenerali jkun distint mill-uffiċċju tal-persuna li timpjega, jiġifieri ta’ sid il-kumpannija. Sabiex il-kwistjoni tiġi ssimplifikata, huwa biżżejjed sabiex post tan-negozju jiġi kklassifikat bħala tali li l-persuna li timpjega teżerċita minn dak il-post l-attivitajiet tan-negozju u għal dan il-għan tagħmel użu minn ħaddiema (56).

83.      L-elementi favur din l-interpretazzjoni jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt 5 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, fis-sens li l-kunċett ta’ fergħa, ta’ aġenzija jew ta’ post tan-negozju fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni “jimplika ċentru ta’ operazzjonijiet li jimmanifesta ruħu minn barra b’mod permanenti bħala estensjoni tal-kumpannija parent, ipprovdut b’direzzjoni u mgħammar materjalment b’mod li jkun jista’ jmexxi n-negozju ma’ terzi persuni, b’mod li dawn, waqt li jkun jafu li rabta ġuridika tista’ possibilment tiġi stabbilita mal-kumpannija parent li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha barra l-pajjiż, jinħelsu milli jindirizzaw direttament lil dik il-kumpannija, u jistgħu jikkonkludu n-negozju maċ-ċentru ta’ operazzjonijiet li jifforma estensjoni tagħha” (57). Kif spjegajt fid-dettall fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Koelzsch, ir-rabtiet bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Konvenzjoni ta’ Ruma huma ħafna (58). Din hija r-raġuni b’mod partikulari li għaliha, fil-ġurisprudenza tagħha dwar dawn iż-żewġ konvenzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li s-suġġett tar-regoli kkonċernati jagħti lok li jsir hekk, tat interpretazzjoni paralleli ta’ dispożizzjonijiet simili. Issa, f’dan il-każ, ma hemmx lok li wieħed jitbiegħed minn dan l-approċċ. Fl-interess ta’ interpretazzjoni kemm jista’ jkun uniformi tal-kunċetti ta’ dritt internazzjonali privat, jidher utli li għall-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma tiġi applikata din id-definizzjoni ta’ “post tan-negozju” li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat għall-punt 5 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

84.      Mill-iżviluppi ta’ hawn fuq jirriżulta li “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jista’ ċertament ikun f’relazzjoni ta’ dipendenza ġuridika fil-konfront tal-kumpannija parent. Għalhekk, jekk fl-analiżi tagħha tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-qorti tar-rinviju jkollha tasal għall-konklużjoni li Naviglobe għandha tiġi kkunsidrata bħala fergħa, jew bħala sussidjarja, ta’ Navimer, l-eventwali nuqqas ta’ personalità ġuridika ta’ Naviglobe ma jipprekludix il-klassifikazzjoni tagħha bħala “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nasal għall-konklużjoni li l-pussess tal-personalità ġuridika ma jikkostitwixxix rekwiżit li għandu jissodisfa l-post tan-negozju tal-persuna li timpjega, bil-kundizzjoni li dak il-post tan-negozju kien ġie kkostitwit konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istat li fih jinsab u jippreżenta ċerta permanenza (59) .

2.      3,     Fuq ir-raba’ domanda preliminari

86.      B’din l-aħħar domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-post tan-negozju ta’ kumpannija oħra, li magħha l-kumpannija li timpjega għandha rabtiet, jistax iservi bħala “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, anki jekk l-awtorità amministrattiva ma tkunx ġiet ittrasferita lil dik il-kumpannija l-oħra.

87.      Infakkar, preliminarjament, li din id-dispożizzjoni – kif diġà spjegajt fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari (60) – tirreferi għall-att formali tal-“ingaġġ” tal-ħaddiem u mhux l-aspett fattwali tal-eżekuzzjoni tax-xogħol. Għalhekk, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex importanti li jingħaraf min għandu l-awtorità amministrattiva fil-każ inkwistjoni. Peress li l-awtorità amministrattiva ma tikkostitwixxix kriterju determinanti għall-kwalifika ta’ “post tan-negozju”, għandha għalhekk tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda preliminari.

88.      Eżami, sussidjarjament, ta’ dak li jikkaratterizza ġuridikament relazzjoni ta’ impjieg ma jwassalx għal konklużjoni differenti. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kunċett ta’ ħaddiem fl-Artikolu 45 TFUE, li jitlob interpretazzjoni awtonoma fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, “il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ impjieg hija ċ-ċirkustanza li persuna twettaq, għal ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, prestazzjonijiet li għalihom hija tirċevi remunerazzjoni” (61). Minn dan isegwi li s-subordinazzjoni tal-ħaddiem tikkostitwixxi element karatteristiku ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg li tinvolvi, essenzjalment, li l-interessat jinsab taħt id-direzzjoni jew superviżjoni ta’ persuna oħra li timponi fuqu l-prestazzjonijiet li għandu jwettaq u/jew il-ħinijiet tax-xogħol, u għalhekk il-ħaddiem għandu jobdi dawk l-istruzzjonijiet u r-regolamenti (62). Din il-karatteristika hija użata fl-ewwel lok sabiex tistabilixxi distinzjoni minn impjiegi indipendenti li jgawdu kemm mil-libertà tal-post tan-negozju bis-saħħa tal-Artikoli 49 et seq TFUE, kif ukoll mil-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi skont l-Artikoli 56 et seq TFUE.

89.      Għalkemm fil-kuntest ta’ interpretazzjoni realistika, li jiġi preżunt li l-persuna li timpjega huwa, bħala regola ġenerali, dik il-persuna li għandha, fir-relazzjoni ta’ impjieg, is-setgħa ta’ direzzjoni esklużiva, din id-definizzjoni ma teskludix bħala regola li l-persuna li timpjega tittrasferixxi, jekk ikun il-każ, l-awtorità amministrattiva tiegħu, kollha jew parti minnha, lil terz. L-estensjoni ta’ dan it-trasferiment tal-awtorità amministrattiva taqa’ fl-awtonomija tal-partijiet li jistgħu jiftehmu liberament dwarha. Jekk huwa miftiehem kuntrattwalment li l-ħaddiem għandu jwettaq is-servizzi tiegħu fil-konfront ta’ kumpannija li magħha l-kumpannija li tħaddmu għandha rabtiet, wieħed jista’ raġjonevolment jistenna li din l-ewwel kumpannija tirċievi mingħand il-persuna li timpjega awtorità amministrattiva dwar kif għandu jitwettaq ix-xogħol.

90.      Issa, jekk it-terz jista’, bi ftehim mal-persuna li timpjega, imexxi l-attività tal-ħaddiem billi jagħtih struzzjonijiet u jeżerċita missjoni ta’ superviżjoni, il-fatt jibqa’ li mill-perspettiva legali, il-ħaddiem fl-aħħar mill-aħħar iwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjega tiegħu. Sa fejn J. Voogsgeerd kien normalment jirċievi l-istruzzjonijiet tiegħu direttament minn Naviglobe, huwa ċar li dan kien jagħmlu fl-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali tiegħu fil-konfront ta’ Navimer. Minn perspettiva legali, huwa wkoll possibbli li l-persuna li timpjega żżomm l-awtorità amministrattiva tagħha fil-konfront tal-ħaddiem jew li jieħu dik l-awtorità lura, jekk jidhirlha neċessarju. Fl-aħħar mill-aħħar, dan ma jbiddilx il-fatt li l-possibbli assenjazzjoni tal-awtorità amministrattiva lil kumpannija sussidjarja jikkostitwixxi biss mezz fost ħafna oħrajn li l-persuna li timpjega tgawdi minnu sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha. Madankollu dan waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex jinfluwenza l-evalwazzjoni dwar jekk it-terz għandux jiġi kklassifikat bħala “post tan-negozju” tal-persuna li timpjega fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

91.      Għalhekk, ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l-post tan-negozju ta’ kumpannija oħra, li magħha l-kumpannija li tħaddem għandha rabtiet, jista’ wkoll iservi ta’ post tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, anki jekk l-awtorità amministrattiva ma tiġix ittrasferita lil dik il-kumpannija l-oħra.

VII – Konklużjoni

92.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Hof van Cassatie bil-mod kif ġej:

“1.      Jekk, wara li teżamina ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali tikkonstata li l-ħaddiem, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħlu, iwettaq xogħlu abitwalment f’pajjiż partikolari, hija għandha tapplika l-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980, anki jekk il-ħaddiem ikun ġie ttrasferit temporanjament f’pajjiż ieħor. F’dan il-każ huwa eskluż li jsir riferiment għall-Artikolu 6(2)(b).

2.      Fil-każ li l-qorti nazzjonali tqis li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(2)(a) ta’ dik il-Konvenzjoni ma ġewx soddisfatti, hija għandha tinterpreta kif ġej:

a)      Bil-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju li jkun ingaġġa lill-ħaddiem, hija għandha tifhem il-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju tal-persuna li timpjega li tkun ikkonkludiet l-kuntratt ta’ xogħol mal-ħaddiem, peress li l-post effettiv tax-xogħol ma jkun ta’ ebda importanza f’dan ir-rigward.

b)      Il-pussess ta’ personalità ġuridika ma jikkostitwixxix rekwiżit li għandu jissodisfa l-post tan-negozju tal-persuna li timpjega, bil-kundizzjoni li dan il-post tan-negozju jinħoloq konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istat fejn jinsab u jippreżenta ċerta permanenza.

c)      Il-post tan-negozju ta’ kumpannija oħra, li magħha l-kumpannija li tħaddem għandha rabtiet, jista’ jservi ta’ post tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) ta’ dik il-Konvenzjoni, anki jekk is-setgħa ta’ direzzjoni ma tkunx ġiet ittrasferita lil dik il-kumpannija l-oħra”. 


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż


2 – ĠU 1980 L 266, p. 1.


3 – ĠU L 177, p. 6.


4 – Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2011 (C‑29/10, Ġabra p. I‑1595).


5 – ĠU 1998, C 27, p. 47.


6 – Il-Konvenzjoni ta’ Brussell dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali tas-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda, u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1 u – edizzjoni emendata – p. 77), mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Greċja (ĠU L 388, p. 1), mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika tal-Portugall (ĠU L 285, p. 1) u mill-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1).


7 – Mémorial A-Nru 58, Ġurnal Uffiċjali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, p. 807 et seq.


8 – Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978 (33/78, Ġabra. p. I‑2183).


9 – Ara J. Déprez, “La loi applicable au contrat de travail dans les relations internationales”, Revue de jurisprudence sociale, 4/1994, p. 237.


10 – Ara R. Plender, The European European Contracts Convention – The Rome Convention on the Choice of Law for Contracts, Sweet & Maxwell, Londra 1991, p. 87, punt 5.01, G. Schneider, “Einfluss der Rom‑I‑VO auf die Arbeitsvertragsgestaltung mit Auslandsbezug”, Neue Zeitschrift für Arbeitsrecht, 2010, p. 1380, u H. Ofner, “Neuregelung des Internationalen Vertragsrechts: Römisches Schuldvertragsübereinkommen”, Recht der Wirtschaft, nru 1/1999, p. 5, li jenfasizzaw l-importanza tal-libertà tal-għażla. Skont E. Lein, “The new Rome I/Rome II/Brussel I synergy”, Yearbook of Private International Law, Volume 10, 2008, p. 179, il-prinċipju ta’ għażla libera li jservi ta’ bażi għal-libertà ta’ għażla tal-liġi jikkostitwixxi fih innifsu prinċipju ġenerali rrikonoxxut mill-pajjiżi ċivilizzati fis-sens tal-Artikolu 38(1)(ċ) tal-Istatut tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja.


11 – Sentenza tas-26 ta’ Novembru 1985, Il-Kummissjoni vs CO.DE.MI (318/81, Ġabra p. 3693, punt 21).


12 – Ara W. Van Eeckhoutte, “The Rome Convention on the law applicable to contractual obligations and labour law”, Freedom of services in the European Union – Labour and Social Security Law: The Bolkestein Initiative (editur R. Blanpain), La Haye 2006, p. 168, M. Wojewoda, “Mandatory rules in private international law: with special reference to the mandatory system under the Rome Convention on the law applicable to contractual obligations”, Maastricht journal of European and comparative law, nru 2/2000, p. 197, speċjalment p. 201, O. Boskovic, “La protection de la partie faible dans le règlement Rome I”, Recueil Dalloz, 2008, p. 2175, T. Pfeiffer/J. Weller/F. Nordmeier, Recht der elektronischen Medien – Kommentar (editur Spindler u Schuster), it-Tieni edizzjoni, Münich 2011, Rom I Art. 8, punt 1, u E. Lein, op. cit. (nota 10), p. 187, li jarawha bħala regola speċjali stabbilita għall-benefiċċju tal-protezzjoni tal-impjegata sabiex tillimita l-libertà tal-għażla li teżisti bħala regola ġenerali wkoll fil-kuntratt ta’ xogħol.


13 – Ara A. Juncker, “Gewöhnlicher Arbeitsort im Internationalen Privatrecht”, Festschrift für Andreas Heldrich zum 70. Geburtstag, Munich 2005, p. 722.


14 – Ara H. Ofner, op. cit. (nota 10), p. 5, U. Magnus, Die Rom I‑Verordnung”, Praxis des internationalen Privat- und Verfahrensrechts, nru 1/2010, p. 41, u D. Martiny, Internationales Vertragsrecht – Das internationale Privatrecht der Schuldverträge (editur Reithmann et Martiny), Cologne 2010, p. 1431, li espressament jikkwalifikaw id-dispożizzjoni li tinsab fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(2) bħala klawżola ta’ eċċezzjoni (“Ausweichklausel”).


15 – Ara K. Schäfer, Application of mandatory rules in the private international law of contracts, Francfurt-am-Main 2010, p. 62 et seq, J. Wojewoda, op. cit. (nota 12), p. 197, speċjalment p. 201, u O. Boskovic, op. cit. (nota 12), p. 2175, li jissottolinjaw id-diffikultà li jiġi ddeterminat liema dispożizzjonijiet nazzjonali huma l-iktar favorevoli u jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhomx saħħa legali vinkolanti.


16 – Ara G. Schneider, op. cit. (nota 10), p. 1382.


17 – Ara D. Martiny, op. cit. (nota 14), p. 1431 et seq.


18 – Ara W. Van Eeckhoutte, op. cit. (nota 12), p. 173.


19 – Ara J. Déprez, “La loi applicable au contrat de travail dans les relations internationales”, Revue de jurisprudence sociale, 3/1999, p. 130, T. Pfeiffer/M. Weller/F. Nordmeier, op. cit. (nota 12), punt 7, li għalihom għandu jsir riferiment għall-oġġett konkret tal-kawża għal paragun li jaħseb biex jiddetermina l-liġi l-iktar favorevoli, K. Schäfer, op. cit. (nota 15), p. 62 et seq., kif ukoll D. Martiny, op. cit. (nota 14), p. 1361, punt 1883, skont liema huwa l-prinċipju tal-liġi l-iktar favorevoli li għandu japplika bħala regola ta’ kunflitt. Skont dawn l-awturi, għandu jiġi pparagunat il-kontenut tal-ordinamenti ġuridiċi li jidħlu inkunsiderazzjoni. Huwa r-reġim l-iktar favorevoli għall-ħaddiem li jirbaħ. L-evalwazzjoni ssir billi jiġu pparagunati r-riżultati li għalihom iwasslu l-ordinamenti ġuridiċi f’każ partikolari. Il-paragun ma għandux jiġi estiż għat-totalità ta’ sistema ġuridika, imma għandu jsir inrelazzjoni mal-kwistjoni fil-mertu li trid tiġi deċiża. Ma hemmx lok għal paragun globali sħiħ. Is-soluzzjoni l-iktar favorevoli hija dik li tirrispondi l-iktar, mill-perspettiva kwantitattiva u kwalitattiva, għad-drittijiet li l-impjegat jieħu mir-relazzjoni ta’ impjieg partikolari u tipproteġi l-aħjar lil dak il-ħaddiem, pereżempju dik li l-iktar tipproteġi ż-żamma tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu. Il-valur finanzjarju tad-drittijiet irrikonoxxut fis-sistemi ġuridiċi differenti jista’ wkoll jiġi pparagunat.


20 – Skont G. Schneider, op. cit. (nota 10), p. 1382, u M. Schlachter, “Grenzüberschreitende Arbeitsverhältnisse”, Neue Zeitschrift für Arbeitsrecht, 2/2000, p. 61, sabiex jiġi evalwat liema liġi tipprovdi d-dispożizzjonijiet l-iktar favorevoli, huwa possibbli li jiġu ffurmati kategoriji paragunabbli (pereżempju, dritt ta’ leave, dritt ta’ tkeċċija u/jew protezzjoni tad-drittijiet akkwiżiti). Il-limitazzjoni tal-oġġett tal-kawża li hija applikabbli hawnhekk (il-protezzjoni tal-impjegati li jirċievu paga kontra tkeċċija abbużiva u r-rikors lill-qrati lilhom kompetenti) hija mnebbħa mid-demarkazzjoni proposta minn dawn l-awturi.


21 – Rapport dwar il-Konvenzjoni fuq il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali, minn Mario Giuliano u Paul Lagarde (ĠU 1980, C 282, p. 1).


22 – Sentenza Koelzsch (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 42).


23 – Ibidem, punt 43.


24 – F’dan is-sens, W. Van Eeckhoutte, op. cit. (nota 12), p. 169, li jsostni li din ir-regola taħseb sabiex toħloq ċertezza legali u tipprevjeni manipulazzjonijiet f’każ ta’ kollokament temporanju f’pajjiż ieħor.


25 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 19, Vol. 4, p. 42


26 – Fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001, b’mod ġenerali, wieħed għandu jitlaq mill-idea ta’ kontinwità mal-Konvenzjoni ta’ Brussell (“prinċipju ta’ kontinwità”). L-importanza ta’ dan il-prinċipju fl-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 tirriżulta mill-premessa 19 ta’ dak ir-regolament, li tgħid li l-kontinwità neċessarja bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell u dan ir-regolament għandha tiġi żgurata u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, hija wkoll, tiżgura din il-kontinwità meta tinterpreta dan ir-regolament. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà wriet l-importanza ta’ interpretazzjoni uniformi taż-żewġ dokumenti legali [Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fis-27 ta’ Jannar 2009 fil-Kawża Falco Privatstiftung u Rabitsch (sentenza tat-23 ta’ April 2009, C‑533/07, Ġabra p. I‑3327)].


27 – Hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Ruma I jipprovdi: “Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt individwali ta’ l-impjieg ma ntgħażlitx mill-partijiet, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-impjegat abitwalment jeżerċita l-impjieg tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-pajjiż li fih ix-xogħol abitwalment jitwettaq m’għandux jitqies li nbidel jekk il-persuna tiġi impjegata temporanjament f’pajjiż ieħor” (enfasi miżjud).


28 – L-opinjoni adottata hawnhekk, fis-sens li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Ruma I qiegħed biss jiċċara s-sitwazzjoni legali diġà eżistenti, tikkorrispondi mal-fehma espressa minn diversi awturi, li jqisu li dan l-istrument legali ġdid ma għandux l-għan li jintroduċi regola ġdida, imma li jirriformula l-Konvenzjoni eżistenti f’regolament. L-emendi kienu intiżi sabiex jimmodernizzaw ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u sabiex jifformulawhom b’mod iktar ċar jew iktar preċiż u, finalment, sabiex hekk isaħħu ċ-ċertezza legali, mingħajr madankollu ma jintroduċu elementi ġodda li jimmodifikaw is-sitwazzjoni legali b’mod sinjifikattiv (Ara F. Ferrari, “From Rome to Rome via Brussels: remarks on the law applicable to contractual obligations absent of a choice by the parties”, Rabels Zeitschrift für ausländisches und internationales Privatrecht, nru 4/2009, p. 751 et seq.). Ara speċjalment f’dak li jirrigwarda l-kriterju tal-post abitwali tax-xogħol, U. Magnus, “Die Rom I‑Verordnung”, Praxis des internationalen Privat- und Verfahrensrechts, nru 1/2010, p. 27, u b’mod iktar speċifiku p. 41, li jikkunsidra l-modifika bħala sempliċi kjarifika. Dan l-awtur jikkunsidra li żieda ġdida “jew, li minnu” hija intiża sabiex tistabilixxi li huwa biżżejjed li l-impjegat ikollu ċentru tal-impjieg tiegħu li minnu x-xogħol huwa organizzat, li minnu jibda x-xogħol, u jew fejn jirritorna, jew, jekk ikun il-każ, ukoll fejn huwa jwettaq parti mix-xogħol tiegħu.


29 – Sentenza Koelzsch (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 48 sa 50).


30 – Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni rispettiva tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma meħud inkunsiderazzjoni l-kjarifika li saret bis-saħħa tar-Regolament Ruma I, ara O. Boskovic, op. cit. (nota 12), p. 2175, li, waqt li jinvoka l-preċiżazzjoni li saret mil-leġiżlatur, kif diġà rajna, bl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Ruma I (“li minnu”) jesponi, f’dan ir-rigward, li dik il-kjarifika ser tikkontribwixxi sabiex tirregola l-futur tal-baħrin marbuta ma’ bażi fissa. Skont dan l-awtur, dik il-preċiżazzjoni ser tkompli tnaqqas il-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament [dispożizzjoni li ssostitwixxiet l-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma]. D. Martiny, op. cit. (nota 14), p. 1434, jirrileva li dik il-preċiżazzjoni għandha l-effett li testendi l-konnessjoni mal-post tax-xogħol u tnaqqas l-importanza tal-kriterju tal-post tan-negozju li impjega lill-ħaddiem. Iż-żewġ awturi jaqblu meta jgħidu li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kriterju tal-post tal-attività abitwali ġie estiż iktar filwaqt li dak tal-kriterju tal-post tal-ingaġġ tnaqqas.


31 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, MSD Sharp & Dohme (C‑316/09, Ġabra p. I‑3249, punt 21); tat-30 ta’ Novembru 2006, Brünsteiner u Autohaus Hilgert (C‑376/05 u C‑377/05, Ġabra p. 11383, punt 26); tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et (C‑18/01, Ġabra p. I‑5321, punt 19); tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C‑373/00, Ġabra p. I‑1931, punt 21); tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C‑390/99, Ġabra p. I‑607, punt 18), u tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 38).


32 – Ara R. Plender, op. cit. (nota 10), punt 8.21, u D. Martiny, op. cit. (nota 14), p. 1369, punt 1891. F’dan is-sens, G. Schneider, op. cit. (nota 10), p. 1382, li jgħid li l-ordinament ġuridiku tal-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju tal-ingaġġ li jiġi applikat, li l-impjegat iwettaq jew le d-dmirijiet kuntrattwali tiegħu fil-post tan-negozju. Skont D. Martiny, op. cit. (nota 14), p. 1439, punt 4859, il-ħaddiem ma huwiex obbligat li jaħdem fil-post fejn jinsab il-post tan-negozju.


33 – Ara l-punt 14 tan-nota tal-Gvern Olandiż.


34 – Ara l-punt 20 tan-nota tal-Kummissjoni.


35 – Ara R. Plender, op. cit. (nota 10), p. 144, punt 8.21. F’dan is-sens ukoll, D. Martiny, op. cit. (nota 14), p. 1440, punt 4861, li josserva li trasferiment sussegwenti tal-post tal-ingaġġ ma jimmodifikax il-liġi tal-kuntratt ta’ xogħol.


36 – Ara D. Martiny, op. cit. (nota 14), p. 1438, punt 4857.


37 – Ara l-punt 5 tan-nota ppreżentata minn J. Voogsgeerd.


38 – Il-verżjonijiet fil-lingwi l-oħra bl-ebda mod ma jikkuntrastaw dan il-qari tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għaliex huma jħallu ż-żewġ alternattivi miftuħa jiġifieri li l-post tan-negozju jingaġġa lill-impjegat f’ismu proprju jew f’isem il-kumpannija prinċipali. Ara l-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża (“Niederlassung […], die den Arbeitnehmer eingestellt hat”), Franċiża (“établissement qui a embauché le travailleur”), Spanjola (“establecimiento que haya contratado al trabajador”), Olandiża “( vestiging […] die de werknemer in dienst heeft genomen”), Taljana (“sede che ha proceduto ad assumere il lavoratore”) u Portugiża (“estabelecimento que contratou o trabalhador”).


39 – Ara R. Plender, op. cit. (nota 10), p. 145, punt 22, li jqis li, bil-post tan-negozju li ingaġġa lill-impjegat, għandna nifhmu mhux biss il-post li serva bħala s-sede ta’ kumpannija b’kaxxa postali, imma wkoll il-post tan-negozju li attivament ipparteċipa fir-reklutaġġ tal-impjegat, pereżempju billi daħal f’negozjati kuntrattwali miegħu.


40 – Ara A. Juncker, op. cit. (nota 13), p. 731, li jirreferi għal prattika mifruxa fir-reklutaġġ ta’ baħħara. Huwa jargumenta li l-baħħara huma ta’ sikwit reklutati minn “hire agencies” jew “crewing companies” stabbiliti f’pajjiżi b’pagi baxxi li għandhom livell minimu dgħajjef fil-qasam tad-dritt tax-xogħol. Il-“post tan-negozju ta’ ingaġġ” f’dan il-każ ma huwiex il-kumpannija marittima tal-vapur, imma, pereżempju, l-aġenzija ta’ reklutaġġ fl-Istat tal-Gżejjer ta’ Antigua u Barbuda.


41 – F’dan is-sens, W. Van Eeckhoutte, op. cit. (nota 12), p. 171, li jinnota li jeħtieġ li effettivament ikun jeżisti post tan-negozju fil-postijiet u li l-ħaddiem għandu jkun effettivament impjegat minn fergħa tal-kumpannija. Il-fatt biss li l-kuntratt tal-impjieg jiġi konkluż mal-post tan-negozju ma huwiex biżżejjed. Fil-fehma ta’ J. Schlachter, op. cit. (nota 20), p. 60, il-post tal-ingaġġ għandu bħala regola ġenerali jinftiehem bħala l-post fejn jiġi konkluż il-kuntratt. Billi jintalbu rekwiżiti preċiżi fuq il-kunċett ta’ “post tan-negozju ”, ikun possibbli li jitwarrab it-tħassib li sistema ġuridika b’livell baxx kemm jista’ jkun ta’ protezzjoni tkun tista’ tiġi ddikjarata applikabbli wara l-ħolqien ta’ aġenzija li tkun inkarigata biss mir-reklutaġġ tal-impjegat. Dan l-awtur jargumenta li għandu għalhekk jitqies li jidħlu f’dan il-kunċett biss dawk l-istrutturi li jservu direttament l-iskop tal-kumpannija tal-inqas billi jiżguraw id-direzzjoni u l-organizzazzjoni tax-xogħol tal-ħaddiema ngaġġati, u ma humiex sempliċi aġenziji ta’ reklutaġġ.


42 – Ara J. Déprez, op. cit. (nota 19), p. 119. A. Juncker, op. cit. (nota 13), p. 720, jikkwalifika r-regola stabbilita fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(2) bħala klawżola ta’ eċċezzjoni, li timla l-vojt ta’ sistema riġida ta’ rabta fil-prinċipju. S. Corneloup, “La loi applicable aux obligations contractuelles – Transformation de la convention de Rome en règlement communautaire ‘Rome I’”, La semaine Juridique. Édition Générale, nru 44/2008, p. 26 et seq, punt 11, jenfasizza l-vantaġġi u żvantaġġi li jġibu magħhom ir-regoli stretti ta’ rabta. Minn naħa, il-fatt li jitħalla marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-qorti ma jwassalx dejjem għal soluzzjonijiet prevedibbli. Min-naħa l-oħra, regola ta’ kunflitt riġida żżejjed ma twassalx dejjem għall-applikazzjoni tal-liġi li tippreżenta l-iktar rabtiet mill-qrib mal-kuntratt ta’ impjieg.


43 – Ara D. Martiny, op. cit. (nota 14), p. 1369, punt 1891.


44 – Ibid., p. 1371, punt 1893, u G. Schneider, op. cit. (nota 10), p. 1383.


45 – Ara W. Van Eeckhoutte, op. cit. (nota 12), p. 171 et seq.


46 – Ara A. Juncker, op. cit. (nota 13), p. 720, li jenfasizza li użu dirett għal din il-klawżola qabel ma jiġu eżaminati ż-żewġ rabtiet bażiċi stabbiliti fl-Artikolu 6(2)(a) u (b) huwa loġikament eskluż.


47 – Ara l-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48 – Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49 – Ara l-punt I tan-nota ta’ J. Voogsgeerd.


50 – Ara l-punt IV.3 tan-nota ta’ J. Voogsgeerd.


51 – Ara l-punt 28 tan-nota tal-Kummissjoni.


52 – Ara D. Martiny, op. cit. (nota 14), p. 1439, punt 4859. G. Schneider, op. cit. (nota 10), p. 1382, ukoll jibbaża ruħu fuq il-kriterju tal-permanenza tal-post tan-negozju.


53 – F’dan is-sens, P. Lagarde, “Le nouveau droit international privé des contrats après l’entrée en vigueur de la convention de Rome du 19 juin 1980”, Revue critique de droit international privé, 1991, p. 318 et seq, li jispeċifika, bl-għajnuna taż-żewġ eżempji, il-karatteristiċi ta’ post tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.


54 – Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55 – G. Schneider, op. cit. (nota 10), p. 1382, iqis li l-post tan-negozju jagħmel riferiment għal entità organizzattiva tal-kumpannija billi jibqa’ jopera għal ċertu żmien bil-ħsieb li jwettaq attività kummerċjali, mingħajr b’daqshekk ma jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kumpannija.


56 – Ara D. Martiny, op. cit. (nota 14), p. 1369, punt 1891.


57 – Sentenza Somafer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 12.


58 – Ara l-punti 44 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi tas-16 ta’ Diċembru 2010 f’dik il-kawża (sentenza iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4). Ara, ukoll, E. Lein, op. cit. (nota 10) p. 178, li jinnota korrettement li r-Regolamenti Ruma I, Ruma II u Brussell I huma kkaratterizzati mill-fatt li għandhom l-għan li joħolqu dritt internazzjonali privat uniformi, billi jfittxu diversi għanijiet komuni, itejbu l-prevedibbiltà tad-dritt, isaħħu ċ-ċertezza legali fi fl-ispazju ġuridiku Ewropew u jiffavorixxu t-trasparenza. Dan l-awtur huwa tal-fehma li dawn ir-regolamenti, jiffurmaw regolamentazzjoni uniformi u awtonoma, u b’hekk joħolqu sinerġiji bejniethom.


59 – F’dan is-sens, D. Martiny, op. cit. (nota 14), p. 1369, punt 1891, u G. Schneider, op. cit. (nota 10), p. 1382.


60 – Ara l-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


61 – Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie‑Blum (66/85, Ġabra p. 2121, punti 16 u 17); tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini (C‑3/90, Ġabra p. I‑1071, punt 14); tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, Ġabra p. I‑2691, punt 32); tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C‑337/97, Ġabra p. I‑3289, punt 13); tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C‑138/02, Ġabra p. I‑2703, punt 26); tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C‑456/02, Ġabra p. I‑7573, punt 15); tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann (C‑109/04, Ġabra p. I‑2421, punt 12), u tat-30 ta’ Marzu 2006, Mattern u Cikotic (C‑10/05, Ġabra p. I‑3145, punt 18).


62 – Ara s-sentenza Lawrie‑Blum (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punt 18).