KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fis-16 ta’ Novembru 2011 ( 1 )

Kawża C-357/10

Duomo Gpa Srl

vs

Comune di Baranzate

Kawża C-358/10

Gestione Servizi Pubblici Srl

vs

Comune di Baranzate

Kawża C-359/10

Irtel Srl

vs

Comune di Venegono Inferiore

[talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia (l-Italja)]

“Servizzi fis-suq intern — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Konċessjoni ta’ servizzi ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ taxxi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi kapital azzjonarju minimu mill-kumpannija konċessjonarja — Applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 — Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2006/123 — Proporzjonalità”

I – Introduzzjoni

1.

It-tliet kawżi magħquda f’dan il-każ jirrigwardaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-impriżi li jixtiequ li jingħataw servizz ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali għandu jkollhom kapital azzjonarju minimu kompletament imħallas ta’ EUR 10 miljun, li, fin-nuqqas tiegħu, fi kliem sempliċi, ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-proċedura korrispondenti jew, jekk ikun il-każ, l-għoti jiġi ddikjarat null.

2.

Il-qorti tar-rinviju qed tagħmel domanda b’mod partikolari fuq il-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali, minn naħa, mal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern ( 2 ) u, min-naħa l-oħra, mad-dritt primarju.

3.

Id-dħul ta’ din id-Direttiva fid-dritt tal-Unjoni qajjem diversi kwistjonijiet: fl-ewwel lok fir-rigward tan-natura ta’ armonizzazzjoni ( 3 ) tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-applikabbiltà tagħha għal affarijiet purament interni ( 4 ) flimkien mal-portata u mal-validità tal-Artikolu 16 ( 5 ), fost oħrajn. Madankollu, din il-kawża ma teħtieġx li jiġu eżaminati dawn il-problemi kollha, u lanqas il-maġġoranza tagħhom. B’mod partikolari, fl-ipoteżi ta’ provvista ta’ servizzi mingħajr rikors għal-libertà ta’ stabbiliment, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma jkun hemm bżonn li “nsemmi” f’din l-okkażjoni l-punti kollha indikati, li tiġi ttrattata direttament il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni mil-lat tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni: id-Direttiva 2006/123

4.

Id-Direttiva 2006/123, magħrufa bħala d-Direttiva fuq is-servizzi, tistabbilixxi “dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi” [Artikolu 1(1)].

5.

Il-Kapitolu III tagħha jirrigwarda l-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri. L-Artikolu 15(2) tagħha jgħid li “[l]-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità” ta’ sensiela ta’ rekwiżiti, fosthom ir-“rekwiżiti li huma relatati mal-proprjetà f’ishma ta’ kumpannija” [subparagrafu (ċ)].

6.

L-Artikolu 15(3) jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

(b)

bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat”.

7.

Il-Kapitolu IV tad-Direttiva huwa ddedikat għall-moviment liberu tas-servizzi. L-Artikolu 16, li jifforma parti minnu u intitolat “Libertà tal-provvista ta’ servizzi”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

(a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti,

(b)

bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent,

(ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv”.

B – Il-leġiżlazzjoni Taljana

8.

L-Artikolu 32(7a) tad-Digriet-Liġi Nru 185, tad-29 ta’ Novembru 2008 ( 6 ), ikkonvalidat bil-Liġi Nru 2, tat-28 ta’ Jannar 2009 ( 7 ), kien jgħid li:

“[l]-ammont minimu tal-kapital meħtieġ mill-kumpanniji, skont l-Artikolu 53(3) tad-Diġriet Leġiżlattiv Nru 446, tal-15 ta’ Diċembru 1997, kif emendat, għad-dħul fir-reġistru tal-persuni privati li jistgħu jwettqu attivitajiet ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ taxxi mill-provinċji u mill-komuni, hu mill-inqas ta’ EUR 10 miljun, imħallsin kollha. Dan il-limitu ma japplikax għall-kumpanniji li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tagħhom huma pubbliċi. L-għoti ta’ servizzi ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali lil persuni li ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit finanzjarju huwa null. Il-persuni mniżżlin fir-reġistru hawn fuq imsemmi għandhom jadattaw il-kapital azzjonarju minimu tagħhom għal-limitu minimu msemmi iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, sakemm isir dan l-adattament, huma ma jistgħux jiksbu għoti ta’ kuntratti ġodda jew jieħdu sehem f’sejħiet għal offerti magħmulin għal dan il-għan”.

9.

Din id-dispożizzjoni tħassret bl-Artikolu 3a(3) tad-Digriet-Liġi Nru 40, tal-25 ta’ Marzu 2010 ( 8 ), ikkonvalidat bil-Liġi Nru 73, tat-22 ta’ Mejju 2010 ( 9 ). Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tirrikjedi livelli differenti ta’ kapital azzjonarju minimu skont in-numru ta’ abitanti tal-entità lokali kkonċernata.

III – Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

10.

Il-Kawżi C-357/10 u C-358/10 joriġinaw mill-ftuħ, mill-komun ta’ Baranzate (l-Italja), ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ konċessjoni għas-servizz ta’ ġestjoni, ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ ċerti taxxi u ta’ dħul lokali ieħor matul perijodu ta’ ħames snin bejn l-1 ta’ Mejju 2009 sat-30 ta’ April 2014. Il-valur tas-servizzi għall-perijodu kollu ġie stmat għal EUR 57 000. Sitt impriżi privati, kollha kemm huma stabbiliti fl-Italja, għamlu offerti. Fosthom kien hemm l-impriżi Duomo Gpa Srl (iktar ’il quddiem “Duomo”), Gestione Servizi Pubblici Srl (iktar ’il qudiem “GSP”) u Agenzia Italiana per le Pubbliche Amministrazioni SpA (iktar ’il quddiem “AIPA”). Fl-1 u fit-3 ta’ April 2009, il-komun ta’ Baranzate informa lil Duomo u lil GSP li huma kienu ġew esklużi mill-proċedura minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 32(7a) tad-Digriet-Liġi Nru 185/08.

11.

Il-Kawża C-359/10 toriġina mill-ftuħ ta’ proċedura simili mill-komun ta’ Venegono Inferiore, għall-konċessjoni ta’ servizz ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ordinarju u forzat tat-taxxa komunali fuq ir-reklamar u d-drittijiet fuq it-twaħħil pubbliku ta’ kartelluni, għal perijodu ta’ erba’ snin mit-23 ta’ Frar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2012, għal total previst ta’ EUR 48 765. Fost l-impriżi li ppreżentaw offerti kien hemm Irtel SpA (iktar ’il quddiem “Irtel”) u AIPA. Fid-9 ta’ Marzu 2009, l-awtorità kontraenti ddeċidiet li teskludi lil Irtel mill-proċedura minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 32(7a) tad-Digriet-Liġi Nru 185/08.

12.

Duomo, GSP u Irtel ippreżentaw rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-offerti ċċitati iktar ’il fuq.

13.

It-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia ssospenda l-għoti tad-deċiżjoni fil-proċeduri inkwistjoni, u fir-rigward ta’ kull waħda minnhom, għamel dawn id-domandi preliminari:

“A)

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Artikolu 32(7)bis [32(7a)] tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 185, tad-29 ta’ Novembru 2008, miżjud mil-liġi ta’ konverżjoni Nru 2 tat-28 ta’ Jannar 2009 u sussegwentement emendat bil-Liġi Nru 14 tas-27 ta’ Frar 2009, li jipprovdu, barra għall-kumpanniji b’kapital, fil-parti l-kbira, pubbliku:

li l-għoti ta’ servizzi li jirrigwardaw il-likwidazzjoni, l-istima u l-ġbir [il-likwidazzjoni, l-istabbiliment u l-irkupru] ta’ taxxi u dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali lil persuni li ma jissodisfawx ir-rekwiżit finanzjarju minimu ta’ kapital azzjonarju kompletament imħallas fl-ammont ta’ EUR 10 miljun huwa invalidu;

li persuni mniżżla fir-reġistru rilevanti ta’ persuni awtorizzati sabiex iwettqu attivitajiet li jirrigwardaw l-istima u l-ġbir [l-istabbiliment u l-irkupru]ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-provinċji u tal-muniċipalitajiet [tal-komuni] huma meħtieġa jgħollu l-kapital azzjonarju tagħhom għall-ammont minimu msemmi skont l-Artikolu 53(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 446 tal-15 ta’ Diċembru 1997, kif sussegwentement emendat;

li huwa pprojbit li jinkisbu kuntratti ġodda jew li ssir parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti għall-għoti ta’ servizzi li jirrigwardaw il-likwidazzjoni, l-istima u l-ġbir [il-likwidazzjoni, l-istabbiliment u l-irkupru] ta’ taxxi u dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali sakemm ir-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq li jiżdied il-kapital azzjonarju ma jkunx ġie sodisfatt, jipprekludi l-applikazzjoni korretta tal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2006/123/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern]?

B)

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Artikolu 32(7)bis [32(7a)] tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 185 tad-29 ta’ Novembru 2008, miżjud mil-liġi ta’ konverżjoni Nru 2 tat-28 ta’ Jannar 2009 u sussegwentement emendat bil-Liġi Nru 14 tas-27 ta’ Frar 2009, li jipprovdu, barra għall-kumpanniji b’kapital, fil-parti l-kbira, pubbliku:

li l-għoti ta’ servizzi li jirrigwardaw il-likwidazzjoni, l-istima u l-ġbir [il-likwidazzjoni, l-istabbiliment u l-irkupru] ta’ taxxi u dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali lil persuni li ma jissodisfawx ir-rekwiżit finanzjarju minimu ta’ kapital azzjonarju kompletament imħallas fl-ammont ta’ EUR 10 miljun huwa invalidu;

li persuni mniżżla fir-reġistru rilevanti ta’ persuni awtorizzati sabiex iwettqu attivitajiet li jirrigwardaw l-istima u l-ġbir [l-istabbiliment u l-irkupru] ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-provinċji u tal-muniċipalitajiet [tal-komuni] huma meħtieġa jgħollu l-kapital azzjonarju tagħhom għall-ammont minimu msemmi skont l-Artikolu 53(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 446 tal-15 ta’ Diċembru 1997, kif sussegwentement emendat;

li huwa pprojbit li jinkisbu kuntratti ġodda jew li ssir parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti għall-għoti ta’ servizzi li jirrigwardaw il-likwidazzjoni, l-istima u l-ġbir [il-likwidazzjoni, l-istabbiliment u l-irkupru] ta’ taxxi u dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali sakemm ir-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq li jiżdied il-kapital azzjonarju ma jkunx ġie sodisfatt, jipprekludu l-applikazzjoni korretta tal-Artikoli 3, 10, 43, 49 u 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-19 ta’ Lulju 2010.

15.

Il-komun ta’ Baranzate, il-Gvern Taljan u Olandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

V – L-analiżi tad-domandi preliminari

16.

Iż-żewġ domandi magħmula f’dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, jirrigwardaw, kif indikajt, il-kompatibbiltà tal-istess dispożizzjoni nazzjonali mal-libertajiet rispettivament ta’ stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi kif irregolati mid-Direttiva fuq is-servizzi, fl-ewwel lok, u, fit-tieni lok, kif jirriżultaw direttament mit-Trattat.

17.

Għalkemm it-tieni domanda ma ġietx formalment magħmula bħala sussidjarja għall-ewwel waħda, ma jkunx irraġonevoli li jingħad li huma l-problemi eventwali ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għall-kawżi preżenti li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex fit-tieni lok titlob l-eżami tad-dispożizzjoni nazzjonali kkonċernata fir-rigward tal-libertajiet iċċitati iktar ’il fuq kif jirriżultaw direttament mit-Trattat.

A – L-ewwel domanda preliminari

18.

L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-kompatibbiltà mal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva fuq is-servizzi, tar-regola Taljana ċċitata diversi drabi, li bis-saħħa tagħha l-impriżi li jixtiequ jingħataw servizz ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor mill-awtoritajiet lokali għandu jkollhom kapital azzjonarju kompletament imħallas ta’ mill-inqas EUR 10 miljun, u f’każ li dan ma jseħħx ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-proċedura korrispondenti jew, jekk ikun il-każ, l-għoti jiġi ddikjarat null.

19.

Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva jagħmlu parti mil-leġiżlazzjoni, li tvarja skont il-każ, taż-żewġ “sitwazzjonijiet” fejn il-fornitur tas-servizzi jista’ jkun fihom: is-sitwazzjoni “libertà ta’ stabbiliment” u s-sitwazzjoni “libertà li jiġu pprovduti servizzi”, li huma suġġetti għal sistemi legali kemmxejn differenti ( 10 ). Imma qabel ma neżamina l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni jew l-oħra, jew inkella t-tnejn li huma, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala rilevanti għall-finijiet tagħna, għandha tiġi eżaminata l-applikabbiltà tad-Direttiva bħala tali.

1. Il-kwistjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva fuq is-servizzi

20.

L-applikabbiltà tad-Direttiva fuq is-servizzi ġiet ikkontestata essenzjalment minn żewġ angoli differenti: waħda temporali u l-oħra li tirrigwarda l-mertu.

a) L-oġġezzjonijiet temporali: dispożizzjoni nazzjonali adottata matul it-terminu ta’ traspożizzjoni

21.

L-adozzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata, kif ukoll il-ftuħ tal-proċeduri ta’ għoti u d-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni tal-impriżi rikorrenti kollha seħħew qabel it-28 ta’ Diċembru 2009, data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fuq is-servizzi [Artikolu 44(1)].

22.

Madankollu, dan kollu ma huwiex rilevanti mil-lat tal-libertà ta’ stabbiliment, għaliex l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva jistabbilixxi li, mit-“28 ta’ Diċembru 2006, l-Istati Membri m’għandhom jintroduċu l-ebda rekwiżit ġdid tat-tip elenkat fil-paragrafu 2, sakemm dan ir-rekwiżit ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3”. Għaldaqstant, il-kundizzjoni kkontestata, li daħlet wara din id-data, għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-Artikolu 15 tad-Direttiva.

23.

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, id-Direttiva ma fihiex klawżola “standstill” simili għal dik iċċitata iktar ’il fuq; madankollu, hawnhekk wieħed jista’ jasal għall-istess konklużjoni bħal dik ta’ qabilha. Skont is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie ( 11 ), u tal-5 ta’ April 2011, Société fiduciaire nationale d’expertise comptable ( 12 ), l-Istati Membri ma għandhomx jieħdu miżuri, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni, “li jistgħu jikkompromettu serjament ir-riżultat previst” minn Direttiva.

24.

Barra minn hekk, wieħed għandu jikkunsidra l-fatt li, f’dan il-każ, ma jidhirx li d-dispożizzjoni nazzjonali kienet ġiet adottata b’natura provviżorja (fil-fatt, din ġiet adottata biss sena qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva) ( 13 ). It-tul taż-żmien qasir tal-validità tar-regola kkontestata ma huwiex, għaldaqstant, biżżejjed biex jiġi kkunsidrat li dan huwa “stadju” sempliċi fit-traspożizzjoni tad-Direttiva ( 14 ) u lanqas biex jiġi sostnut li ma setgħetx “[t]ikkompromett[i] serjament ir-riżultat previst” mid-Direttiva: jekk neżaminaw il-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ sentenzi ċċitati, il-punt determinanti ma huwiex li l-miżura finalment ikkompromettiet ir-riżultat tad-Direttiva imma li din setgħet tikkompromettih (kieku baqgħet fis-seħħ).

b) L-oġġezzjonijiet fil-mertu: il-każijiet “esklużi” mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fuq is-servizzi

25.

Kif tfakkar ġustament il-Kummissjoni, l-attività ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali tikkostitwixxi, fl-Italja, “servizz” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, u għalhekk tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar [Artikolu 2(1)].

26.

L-applikabbiltà tad-Direttiva fuq is-servizzi hija, madankollu, is-suġġett ta’ diversi oġġezzjonijiet fil-mertu, marbuta mal-invokazzjoni ta’ esklużjonijiet differenti tal-qasam ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Bħala klawżoli eċċezzjonali, dawn id-derogi għandhom jiġu interpretati b’mod strett u, fi kwalunkwe każ, mingħajr ma wieħed jirrikorri għall-analoġija. L-ebda waħda minn dawk li ġew invokati f’dan il-każ ma hija, fil-fehma tiegħi, rilevanti f’dan il-każ.

27.

Fl-ewwel lok, għandu jingħad li, minkejja r-rabta evidenti tagħha mal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tassazzjoni, l-attività ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ taxxi inkwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala attività eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għax taqa’ “fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” fis-sens tal-Artikolu 51 TFUE [Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva fuq is-servizzi]. Skont ġurisprudenza abbundanti, id-deroga stabbilita f’dan l-artikolu tat-Trattat ma tistax tiġi estiża għal funzjonijiet sempliċement awżiljarji u preparatorji fir-rigward ta’ entità li effettivament teżerċita l-awtorità pubblika meta tadotta d-deċiżjoni finali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-possibbiltà li jiġi invokat l-Artikolu 51 TFUE hija eskluża meta l-korpi privati kkonċernati jeżerċitaw prerogattivi tas-setgħa pubblika “taħt is-superviżjoni attiva tal-awtorità pubblika kompetenti” ( 15 ). Huwa ċar li l-ordinament ġuridiku Taljan jirriżerva l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ tassazzjoni nfushom lill-entitajiet pubbliċi, billi l-irkupru ta’ ċerti taxxi jiġi kkunsidrat bħala attività awżiljarja li tista’ tiġi eżerċitata f’sistema ta’ ġestjoni indiretta, bis-superviżjoni ta’ dawn l-entitajiet u li, għalhekk, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

28.

Il-każ eżaminat tal-lum lanqas ma jista’ jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fuq is-servizzi fir-rigward tal-Artikolu 2(3) ta’ din tal-aħħar, li fit-termini tiegħu d-Direttiva ma tapplikax għall-“qasam ta’ tassazzjoni”. Kif jirriżulta mid-disgħa u għoxrin premessa, din id-deroga hija intiża li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva l-miżuri fiskali adottati mill-Istati Membri, li huma rregolati mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Għall-kuntrarju, l-attivitajiet amministrattivi li jiġu eżerċitati, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, fil-qasam tat-“tassazzjoni” jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u bl-istess mod huma l-attivitajiet ta’ konsulenza fiskali, imsemmija speċifikament fit-tlieta u tletin premessa tad-Direttiva.

29.

Fl-aħħar nett, id-deroga stabbilita fl-Artikolu 17(5) tad-Direttiva, fejn l-Artikolu 16 ma japplikax għall-“attività ta’ rkupru ġudizzjarju ta’ djun” lanqas ma tidher li hija rilevanti f’dan il-każ, għaliex l-attività hija eżerċitata mingħajr il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji.

30.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż, għalhekk, li d-Direttiva fuq is-servizzi tapplika f’din il-kawża.

2. Il-libertajiet ikkonċernati: iż-żewġ sitwazzjonijiet li fihom jista’ jinstab il-fornitur tas-servizz

31.

Id-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata tikkostitwixxi b’mod ċar “rekwiżit”, fis-sens tad-Direttiva fuq is-servizzi, li jirrigwarda l-fornituri tas-servizz inkwistjoni. Fi kliem ieħor, ir-regolamentazzjoni tagħha tal-kundizzjonijiet tal-għoti tas-servizz tinkludi kundizzjoni imperattiva, li għandha tgħaddi b’suċċess stħarriġ ta’ konformità mad-Direttiva bħala “rekwiżit”. Madankollu, id-Direttiva tittratta dawn ir-“rekwiżiti” separatament għaż-żewġ sitwazzjonijiet ta’ “libertà ta’ stabbiliment” u ta’ “libertà li jiġu provduti servizzi”. Dan jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-ewwel waħda mid-domandi tal-qorti tar-rinviju, li ssemmi kemm l-Artikolu 15 kif ukoll l-Artikolu 16 tad-Direttiva. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjoni kkontestata għandhiex tiġi eżaminata jew le esklużivament fil-konfront ta’ libertà waħda jew l-oħra.

32.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, din il-kawża tgħaqqad fiha l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza għall-applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment ( 16 ). Fil-fatt, il-konċessjonijiet ikkontestati, minn naħa, kellhom tul ta’ żmien mhux ħażin (erba’ u ħames snin rispettivament); min-naħa l-oħra, jidher diffiċli li attività bħal dik li tikkonsisti fl-irkupru ta’ taxxi tkun tista’ titwettaq tajjeb mingħajr stabbiliment jew “stabbiliment fiss” fil-komun inkwistjoni, tal-inqas, fit-territorju nazzjonali.

33.

Għal dak li jirrigwarda t-tul taż-żmien tal-attività, għandu jiġi kkunsidrat li l-idea ta’ servizz fis-sens tat-Trattat jista’ jinkludi s-“servizzi li jiġu pprovduti fuq perijodu twil” ( 17 ). Hija biss “attività eżerċitata b’mod permanenti jew, f’kull każ, mingħajr limitu prevedibbli fir-rigward tad-dewmien tagħha, [li] ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-prestazzjoni ta’ servizzi” ( 18 ). Għalhekk, il-previżjoni li l-attività tiġi eżerċitata matul erba’ jew ħames snin ma hijiex biżżejjed.

34.

Lanqas ma huwa determinanti b’mod assolut il-fatt li jkun hemm ċerta bażi fiżika fl-Istat fejn tiġi eżerċitata l-attività. Skont is-sentenza Gebhard, ma tistax tiġi eskluża l-“possibbiltà għall-fornitur ta’ servizzi, fis-sens tat-Trattat, li fl-Istat Membru ospitanti, ikollu ċerta infrastruttura (inkluż uffiċċju, uffiċini jew studju) sa fejn din l-infrastruttura hija meħtieġa għall-finijiet li jiġi pprovdut is-servizz inkwistjoni” ( 19 ).

35.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u sa fejn wieħed ma jistax jeskludi, f’dan il-każ, li l-għoti tas-servizz jista’ jseħħ fiż-żewġ sitwazzjonijiet, nikkunsidra li d-dispożizzjoni kkontestata għandha tiġi eżaminata, kif titlob il-qorti Taljana, fir-rigward kemm tal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva fuq is-servizzi) ( 20 ).

3. L-eżami tad-dispożizzjoni kkontestata fir-rigward tal-Artikolu 15 tad-Direttiva fuq is-servizzi (libertà ta’ stabbiliment)

36.

Id-Direttiva fuq is-servizzi għażlet li tenumera r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment li, biex tintuża t-terminoloġija klassika tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jiġu ġġustifikati, u dawk li jistgħu jiġu ġġustifikati bil-kundizzjoni li tiġi sodisfatta sensiela ta’ kundizzjonijiet. Għalhekk, l-Artikolu 14 jenumera l-eżiġenzi msejħin “ipprojbiti”, li fosthom hemm, pereżempju, ir-rekwiżiti diskriminatorji, ta’ nazzjonalità jew ta’ residenza. L-Istati Membri ma jistgħux jissubordinaw l-aċċess għal attività ta’ servizzi jew l-eżerċizzju tagħha fir-rigward ta’ waħda minn dawn ir-rekwiżiti. L-Artikolu 15(2) għall-kuntrarju jenumera sensiela ta’ rekwiżiti li l-Istati Membri jistgħu jżommu bil-kundizzjoni li dawn jirrispettaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

37.

Fost ir-rekwiżiti suġġetti għal din l-“evalwazzjoni” jew kontroll, l-Artikolu 15(2)(ċ) jiċċita dawk li jirrigwardaw il-“proprjetà f’ishma ta’ kumpannija”. Ir-rekwiżit li d-dispożizzjoni kontenzjuża timponi fuq il-kandidati għall-għoti ta’ konċessjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża (li jkun hemm kapital azzjonarju minimu kompletament imħallas ta’ EUR 10 miljun) jista’ faċilment jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk dan josservax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva: nondiskriminazzjoni, bżonn u proporzjonalità.

a) Nondiskriminazzjoni

38.

Kif diġà indikajt, ir-regola kkontestata tapplika għal ċittadini u għal dawk li ma humiex. Għalhekk, ir-rekwiżit ma huwiex direttament jew indirettament diskriminatorju skont in-nazzjonalità (jew is-sede statutorja) ( 21 ).

b) Il-kundizzjoni ta’ “bżonn” jew l-għan invokat

39.

Taħt l-intestatura “bżonn”, id-Direttiva fuq is-servizzi tirreferi għall-kundizzjoni tradizzjonali li r-rekwiżit jista’ jiġi ġġustifikat minn għan leġittimu ( 22 ). Fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment, b’mod partikolari, din il-kundizzjoni ta’ “bżonn” tikkonsisti f’li r-“rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku” [Artikolu 15(3)(b)]. Skont l-Artikolu 4(8) tad-Direttiva, “raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku” tfisser“ir-raġunijiet [kollha] rikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja”, inkluż dawk enumerati iktar ’l isfel ( 23 ). Madankollu, din il-lista hija sempliċement illustrattiva: jidher ċar li r-rieda tad-Direttiva ma kinitx li tiġi limitata l-lista tar-raġunijiet importanti ta’ interess ġenerali għal dawk iċċitati espressament fl-Artikolu 4 tagħha, imma li ssir referenza għal kategorija ġenerali li l-ġurisprudenza dejjem ikkunsidrat miftuħa.

40.

F’din il-kawża, l-awtoritajiet Taljani jsostnu li r-rekwiżit tal-kapital azzjonarju minimu inkwistjoni f’din il-kawża huwa meħtieġ biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-komuni li jesternalizzaw is-servizz ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru tar-riskju li, meta jiġi l-mument li jkunu ttrasferiti l-ammonti mħallsin fil-fondi pubbliċi, il-kumpanniji konċessjonarji ma jkunux jistgħu jagħmlu hekk minħabba li jkunu f’sitwazzjoni ta’ insolvenza.

41.

Għaldaqstant, din il-ġustifikazzjoni invokata mill-awtoritajiet Taljani tista’ tiġi kkunsidrata bħala “raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku” fir-rigward tal-Artikolu 15 tad-Direttiva fuq is-servizzi, raġuni li fil-prinċipju, kapaċi tilleġittimizza r-rekwiżit ikkontestat mil-lat tal-libertà ta’ stabbiliment.

c) ċ) L-istħarriġ tal-proporzjonalità

42.

Kwistjoni differenti hija dik li tirrigwarda l-kundizzjoni ta’ proporzjonalità.

43.

Skont il-ġurisprudenza dwar il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tat-Trattat, l-Artikolu 15(3)(ċ) tad-Direttiva jimponi li r-rekwiżiti jkunu jistgħu jiggarantixxu t-twettiq tal-għan segwit, u li ma jmorrux lil hinn minn dak li jeħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan u li miżuri oħrajn inqas vinkolanti ma jippermettux li jintlaħaq l-istess riżultat.

44.

Ma hemm xejn x’jiġi oġġezzjonat dwar in-natura xierqa tar-rekwiżit inkwistjoni f’din il-kawża fir-rigward tal-għan invokat mill-awtoritajiet Taljani, jiġifieri l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-komuni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-ammonti miġburin ma jitħallsux minnufih lill-komuni, billi jgħaddi perijodu ta’ żmien ( 24 ) bejn l-irkupru u dan il-ħlas, li matulu l-konċessjonarju jista’ juża l-fondi biex iwettaq operazzjonijiet finanzjarji li jagħtuh benefiċċju u li eventwalment ikun fihom riskju. F’każijiet bħal dawn, il-kapital azzjonarju tal-konċessjonarja jikkostitwixxi garanzija xierqa għall-komun kreditur.

45.

Minkejja din l-“adegwatezza” mal-għan, il-miżura kkontestata għandha nuqqas ta’ proporzjonalità fuq żewġ livelli differenti.

46.

L-ewwel nett, ir-rekwiżit ta’ kapital minimu mħallas kollu ta’ EUR 10 miljun imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fil-każ ta’ nuqqas eventwali tal-kumpannija konċessjonarja tas-servizz. Fil-fehma tiegħi, il-problema mhux tant l-ammont għoli tas-somma ffissata iżda n-natura assolutament mhux differenzjata tal-miżura, li timponi l-istess rekwiżit kwantitattiv indipendentement mill-ammonti li għandhom jinġabru u, effettivament, mill-kwantifikazzjoni ekonomika tar-riskju li l-komun, li huwa kreditur, ikun espost għalih.

47.

Fil-fatt, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat in abstracto jekk is-somma ta’ EUR 10 miljun tikkostitwixxix kwantifikazzjoni xierqa tal-“garanzija” finanzjarja li l-konċessjonarju privat għandu joffri lill-komun, imma fi kwalunkwe każ, jidher evidenti li, jekk l-għan stabbilit huwa li l-amministrazzjoni pubblika tiġi offruta speċi ta’ “avall” fir-rigward tar-riskju li l-ammonti effettivament imħallsin mill-konċessjonarju ma jitħallsux fil-fondi pubbliċi fit-termini, l-ammont tal-avall jew tal-garanzija msemmija għandu jvarja skont l-importanza ta’ dan ir-riskju. Billi l-evalwazzjoni tar-riskju suġġettiv li l-konċessjonarju jonqos mill-obbligi tiegħu ma tidhirx li hija varjabbli valutabbli jew prevedibbli ( 25 ), l-iktar ħaġa xierqa hija li l-ewwel issir evalwazzjoni tar-riskju oġġettiv, jiġifieri tal-kapaċità ta’ rkupru tal-komun ikkonċernat, għaliex iktar ma l-ammont li l-konċessjonarju jista’ jiġbor ikun kbir, iktar jista’ jkun kbir id-dannu kkawżat lill-amministrazzjoni lokali fil-każ li ma jsirx ħlas jew jekk ikun hemm dewmien.

48.

Minn dan il-punt ta’ tluq, il-kwantifikazzjoni ta’ din il-kapaċità ta’ rkupru (u fil-fatt tar-riskju oġġettiv li jieħu l-komun) tista’ ssir b’mod pjuttost eżatt, billi jittieħed inkunsiderazzjoni biss in-numru ta’ kontribwenti tal-komun inkwistjoni jew billi jiżdiedu wkoll fatturi oħrajn (pereżempju stimi tal-irkupru matul eżerċizzji preċedenti), u ssir determinazzjoni ad casum tar-rekwiżit jew billi jittieħed grupp jew settur, imma huwa evidenti li, b’mod jew ieħor, garanzija waħda li l-ammont huwa fiss skont ir-riskju eventwali li wieħed biħsiebu jkopri tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala li hija proporzjonata.

49.

B’soluzzjoni ta’ dan it-tip, huwa probabbli ħafna li wieħed jasal għall-konklużjoni li ma jeħtieġx garanzija ta’ EUR 10 miljun fil-każijiet kollha ( 26 ). Għalhekk ir-rekwiżit ikkontestat ikun sproporzjonat sa fejn dan jeskludi l-impriżi ta’ daqs żgħir minn kull possibbiltà ta’ aċċess għal din l-attività.

50.

Fit-tieni lok, nikkunsidra li l-għan li jiġu ggarantiti l-interessi ekonomiċi tal-komuni kkonċernati jista’ jintlaħaq b’mezzi oħrajn inqas restrittivi, li jidher, fuq kollox, li diġà jeżistu fil-leġiżlazzjoni Taljana fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi. Il-qorti tar-rinviju fil-fatt semmiet id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 tat-12 ta’ April 2006 ( 27 ), li jistabbilixxi kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jistgħu jservu wkoll ta’ garanzija, bħalma huma d-depożitu ta’ garanzija, il-prova tal-kapaċità teknika u finanzjarja, tal-affidabbiltà u tas-solvenza, eċċ.

51.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 15 tad-Direttiva fuq is-servizzi tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ.

4. L-eżami tad-dispożizzjoni kkontestata fir-rigward tal-Artikolu 16 tad-Direttiva fuq is-servizzi (libertà li jiġu pprovduti servizzi)

52.

L-eżami tad-dispożizzjoni kkontestata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jidhru fl-Artikolu 16 tad-Direttiva huwa, f’ċertu mod, parallel ma’ dak li għadu kif sar fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, u jwassal għall-istess konklużjoni ta’ inkompatibbiltà mad-Direttiva minħabba nuqqas ta’ proporzjonalità. Madankollu, is-sistema tal-libertà ta’ stabbiliment u dik tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jippreżentaw ċerti differenzi li għandhom jissemmew.

53.

L-ewwel differenza tikkonsisti fil-fatt li, kuntrarjament għall-Artikolu 15 tad-Direttiva fuq is-servizzi, l-Artikolu 16 fih biss, fil-paragrafu 2 tiegħu, lista ta’ sitt tipi ta’ rekwiżiti ( 28 ), fejn fosthom ma hemmx dak dwar il-kapital azzjonarju. Madankollu, ma hemm xejn li jipprekludi milli wieħed jikkunsidra li dan huwa inkluż fir-rekwiżiti stabbiliti, b’mod ġenerali, fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, fejn it-tielet paragrafu jistipula li “[l]-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji” ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ bżonn u ta’ proporzjonalità. Għalhekk, l-analiżi tikkonsisti mill-ġdid fl-eżami ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet.

54.

It-tieni differenza tikkonċerna d-definizzjoni tal-kundizzjoni “bżonn”, li hija ferm iktar stretta fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi milli dak tal-libertà ta’ stabbiliment. Kuntrarjament għall-Artikolu 15(3), l-Artikolu 16(1)(b) ma jagħmilx riferiment ġenerali għar-“raġunijiet aktar importanti li għandhom x’jaqsmu mal-interess pubbliku” ddefiniti mill-ġurisprudenza, u minflok iddaħħal lista apparentement limitata ta’ għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw ir-rekwiżit inkwistjoni: “raġunijiet tal-politika pubblika, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent” ( 29 ).

55.

Dan il-kliem iwassal biex tqum il-problema jekk għan bħal dak allegat fir-rigward tar-rekwiżit ikkontestat jistax jirrigwarda waħda mill-erba’ kategoriji msemmijin. Bl-istess mod, xejn ma jipprekludi li titpoġġa fid-dubju n-natura limitattiva ta’ din il-lista tal-Artikolu 16(1)(b), anki l-kompatibbiltà tagħha mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u, fil-fatt, il-validità stess tad-Direttiva fuq dan il-punt ( 30 ).

56.

Jiġri li l-applikazzjoni tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità fil-każ tal-“libertà li jiġu pprovduti servizzi” ma tvarjax fir-rigward tal-każ tal-“libertà ta’ stabbiliment”, bid-dispożizzjoni kkontestata ma tgħaddix b’suċċess it-test ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika direttament, fil-każ tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-istħarriġ ta’ proporzjonalità fit-termini esposti fil-punti 45 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mingħajr il-ħtieġa li qabel tiġi ttratata l-kwistjoni tal-leġittimità tal-għan invokat.

57.

Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 16 tad-Direttiva fuq is-servizzi jipprekludi wkoll, għalhekk, dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ.

5. Konklużjoni għall-ewwel domanda preliminari

58.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva fuq is-servizzi jipprekludu li dispożizzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-impriżi li jixtiequ jingħataw servizz ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali għandu jkollhom kapital azzjonarju minimu kompletament imħallas ta’ EUR 10 miljun.

B – It-tieni domanda preliminari

59.

Fit-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tirrikorri għad-dritt primarju bħala parametru ta’ legalità u tagħmel id-domanda jekk ir-regola kkontestata hijiex konformi mal-Artikoli 3 KE, 10 KE, 43 KE, 49 KE u 81 KE.

60.

Fil-fehma tiegħi, il-parti ta’ din it-tieni domanda preliminari li tirreferi għall-Artikoli 3 KE ( 31 ), 10 KE ( 32 ) u 81 KE (Artikolu 101 TFUE) għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet suffiċjenti fuq il-kuntest fattwali u s-sistema regolatorja li jippermettu li d-dispożizzjoni kkontestata tintrabat mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni. Fil-fatt, dawn ir-rekwiżiti, li huma stabbiliti fil-ġurisprudenza “japplika[w] b’mod partikolari fis-settur tal-kompetizzjoni li huwa kkaratterizzat minn ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt kumpless[i]” ( 33 ). Esklużi dawn id-dispożizzjonijiet, it-tieni domanda preliminari hija limitata għall-Artikoli 43 KE u 49 KE (Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE), jiġifieri għall-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni kkontestata mal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

61.

Ladarba miġjuba f’dawn it-termini stretti, u sa fejn ikkonkludejt li d-Direttiva fuq is-servizzi tapplika f’dan il-każ, ma jeħtieġx li t-tieni domanda preliminari tingħata risposta. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza abbundanti ( 34 ), ir-regoli fuq il-libertajiet li hemm fit-Trattat ma għadhomx japplikaw iżjed għall-oqsma li kienu suġġetti għall-armonizzazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 35 ).

62.

Fi kwalunkwe każ, jekk id-Direttiva fuq is-servizzi kienet ikkunsidrata bħala li ma tapplikax, eżami tad-dispożizzjoni kkontestata fid-dawl tat-Trattat essenzjalment ma huwiex differenti minn dak li diġà ġie indikat fil-punt preċedenti: il-problema tibqa’ l-proporzjonalità tal-miżura adottata.

63.

Naturalment, wieħed ma jistax jikkuntrasta n-natura purament interna tal-kawżi prinċipali ma’ applikazzjoni “diretta” tat-Trattat. Huwa veru li regola nazzjonali ma tistax “taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti mit-Trattat ħlief fil-każ fejn dawn japplikaw għal sitwazzjonijiet konnessi mal-kummerċ intrakomunitarju”. Madankollu, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi wkoll li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal domanda fuq il-kompatibbiltà ta’ dan it-tip ta’ regoli mat-Trattat tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju meta r-regola inkwistjoni tiġi applikata mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini u għal dawk li ma humiex ċittadini ( 36 ).

64.

Barra minn hekk, il-fatt li d-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata kienet diġà tħassret, fil-fehma tiegħi ma jeliminax il-konklużjoni preċedenti, u dan għaliex ma jistax jiġi eskluż li matul il-perijodu meta din id-dispożizzjoni kienet fis-seħħ din setgħet taffettwa persuni stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Biex tingħata tweġiba hawnhekk għall-allegazzjonijiet ta’ inammissibbiltà tad-domanda preliminari magħmula mill-Gvern Taljan, hija meħtieġa r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja biex issolvi l-kawżi nazzjonali pendenti, fosthom dawk mibdijin minn Duomo, GSP u Irtel.

65.

Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, sussidjarjament, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, li fiha nuqqas ta’ proporzjonalità fit-termini esposti fil-punti 45 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

VI – Konklużjoni

66.

Bħala konklużjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi magħmulin mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia kif ġej:

“1)

Dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi, ħlief għal kumpanniji li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tagħhom huma pubbliċi,

in-nullità tal-għoti tas-servizz ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali lil persuni li ma jissodisfawx ir-rekwiżit finanzjarju ta’ kapital azzjonarju minimu kompletament imħallas ta’ EUR 10 miljun;

l-obbligu, għall-persuni mniżżlin fir-reġistru ta’ persuni privati li jistgħu jeżerċitaw attivitajiet ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-provinċji u l-komuni, li jadattaw il-kapital azzjonarju tagħhom mal-limitu minimu ċċitat iktar ’il fuq;

il-projbizzjoni li jinkisbu kuntratti ġodda jew li jkun hemm parteċipazzjoni f’sejħiet għal offerti għal għoti ta’ servizzi ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali sakemm l-obbligu ta’ adattament tal-kapital azzjonarju ma jiġix sodisfatt,

tikser l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2006/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern.

2)

Sussidjarjament, dispożizzjoni nazzjonali kif definita fil-punt 1 tikser l-Artikoli 49 TFUE u 50 TFUE”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) ĠU L 376, p. 36; iktar ’il quddiem id-“Direttiva fuq is-servizzi” jew id-“Direttiva”.

( 3 ) Fir-rigward ta’ dan il-punt, ara C. Barnard, “Unravelling the Services Directive”, Common Market Law Review, 2008, p. 382 u 383; J. van de Gronden u H. de Waele, “All’s well that bends well: the constitutional dimension to the Services Directive”, European Constitutional Law Review, 2010, p. 404; M. Klamert, “Of empty glasses and double burdens: approaches to regulating the Services Market à propos the implementation of the Services Directive”, Legal Issues of Economic Integration 37, Nru 2 (2010), p. 129; u K. Mortelmans, “The relationship between the Treaty rules and Community measures for the establishment and functioning of the internal market — Towards a concordance rule”, Common Market Law Review, 2002, p. 1324 et seq.

( 4 ) Ara C. Barnard, iċċitat iktar ’il fuq, p. 351; u T. De la Quadra-Salcedo Janini, “Mercado interior y Directiva de servicios”, Revista catalana de dret públic, Nru 42, 2011, p. 257 sa 293.

( 5 ) Ara J. van de Gronden u H. de Waele, iċċitat iktar ’il fuq, p. 41 et seq; u K. Peglow, “La libre prestation de services dans la directive no 2006/123/CE. Réflexion sur l’insertion dans le droit communautaire existant”, Revue trimestrielle de droit européen, 2008, punti 62 et seq.

( 6 ) Digriet-Liġi dwar miżuri urġenti għas-sostenn lill-familji, lix-xogħol, lill-impjiegi u lill-impriżi kif ukoll għar-ridefinizzjoni tal-qafas strateġiku nazzjonali fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriżi.

( 7 ) GURI [Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Taljana] Nru 22, tat-28 ta’ Jannar 2009, suppliment ordinarju Nru 14.

( 8 ) GURI Nru 71, tas-26 ta’ Marzu 2010.

( 9 ) GURI Nru 120, tal-25 ta’ Mejju 2010.

( 10 ) Ser nuża din it-terminoloġija li, fil-fehma tiegħi, tikkonforma mal-ispirazzjoni bażika ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fejn l-għan essenzjali huwa l-provvista ta’ servizzi, kemm jekk dan ikun f’kuntest ta’ stabbiliment jew f’qafas barra stabbiliment.

( 11 ) Kawża C-129/96, Ġabra p. I-7411, punti 45 u 46.

( 12 ) Kawża C-119/09, Ġabra p. I-2551, punti 19 u 20.

( 13 ) Ara, fuq dan il-punt, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-422/05, Ġabra p. I-4749, punti 64 sa 68), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li r-regola nazzjonali inkompatibbli ma’ direttiva daħlet fis-seħħ inqas minn tliet xhur qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ dik id-direttiva.

( 14 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49.

( 15 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-438/08, Ġabra p. I-10219, punti 36 u 37, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

( 16 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et (C-221/89, Ġabra p. I-3905, punt 20).

( 17 ) Sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Schnitzer (C-215/01, Ġabra p. I-14847, punti 30 u 31); tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-171/02, Ġabra p. I-5645, punt 26); tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski (C-208/07, Ġabra p. I-6095, punt 74); tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz (C-97/09, Ġabra p. I-10465, punt 42), u tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-458/08, Ġabra p. I-11599, punt 85).

( 18 ) Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1988, Steymann (196/87, Ġabra p. 6159, punt 16); Schnitzer (iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 sa 29), u tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C-456/02, Ġabra p. I-7573, punt 28).

( 19 ) Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995 (C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 27). Ara wkoll is-sebgħa u sebgħin premessa tad-Direttiva.

( 20 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina biss id-dispożizzjoni inkwistjoni b’referenza għal waħda miż-żewġ libertajiet meta jirriżulta li, fil-każ partikolari, waħda mit-tnejn hija kompletament sekondarja għall-oħra u tista’ tintrabat magħha. Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C-275/92, Ġabra p. I-1039, punt 22); tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 31), u tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz (C-452/04, Ġabra p. I-9521, punt 34).

( 21 ) Id-diskriminazzjoni eventwali tal-impriżi privati meta mqabbla ma’ dawk bil-maġġoranza tal-ishma tagħhom pubbliċi (fejn dan ir-rekwiżit ma huwiex impost fuqhom) tispiċċa mingħajr rilevanza fir-rigward ta’ din l-ewwel kundizzjoni, għaliex id-Direttiva tirreferi esklużivament għal diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità jew minħabba s-sede statutorja. Barra minn hekk, id-differenza fit-trattament tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-għan u, fi kwalunkwe każ, din ma hijiex problema mqajma direttament f’din il-kawża.

( 22 ) Dan jista’ jwassal għal ċerta konfużjoni, inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-istħarriġ tal-“bżonn” tradizzjonalment ġie kkunsidrat bħala wieħed mill-fażijiet jew partijiet tal-eżami ta’ proporzjonalità.

( 23 ) Dawn huma l-“politika pubblika, [is-]sigurtà pubblika; [is-]saħħa pubblika; il-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal-konsumatur; [ir-]riċevituri ta’ servizzi u [l-]ħaddiema; l-ekwità fi transazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi; il-protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent urban; is-saħħa ta’ l-annimali; il-proprjetà intellettwali; il-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi tal-politika soċjali u l-objettivi tal-politika kulturali”.

( 24 ) Il-ħlasijiet isiru fl-aħħar ta’ kull trimestru.

( 25 ) Il-leġiżlatur Taljan diġà ħa inkunsiderazzjoni b’ċertu mod, din iċ-ċirkustanza, billi eskluda l-applikazzjoni ta’ dak ir-rekwiżit fil-każ ta’ impriżi li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tagħhom huma pubbliċi, sostnuti mill-fondi pubbliċi.

( 26 ) Il-leġiżlatur Taljan irrikonoxxa impliċitament dan in-nuqqas ta’ proporzjonalità meta fl-2010 emenda d-dispożizzjoni kkontestata. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida, li tinsab fil-Liġi Nru 73 tal-2010 ċċitata iktar ’il fuq, tqassam il-kapital minimu skont in-numru ta’ abitanti tal-komun ikkonċernat, b’mod li, attwalment, ma jeħtieġx kapital ta’ EUR 10 miljun ħlief jekk l-attività tirrigwarda provinċji jew komuni ta’ iktar minn 200000 abitant (jekk hemm ġbir għal komun ta’ inqas minn 100000 abitant jew għal diversi komuni li ma jaqbżux flimkien 100000 abitant, l-ammont meħtieġ huwa ta’ EUR 1 miljun; fil-każ ta’ komuni ta’ inqas minn 200000 abitant, ta’ EUR 5 miljun).

( 27 ) Codice dei contratti pubblici relativi ai lavori, servizi, forniture in attuazione delle Direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006).

( 28 ) Mid-dehra, dawn huma raġunijiet li jistgħu jiġu ġġustifikati, għaliex l-Artikolu 16(3) jiddisponi li “[l]-Istat Membru fejn il-fornitur imur m’għandux ikun imxekkel milli jimponi rekwiżiti fir-rigward tal-provvista ta’ attività ta’ servizz, fejn ikunu ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent u skond il-paragrafu 1. […]”.

( 29 ) Ħlief għall-protezzjoni tal-ambjent, li n-natura oġġettiva tagħha ta’ interess ġenerali ġiet stabbilita mill-ġurisprudenza, it-tliet raġunijiet l-oħrajn jikkoinċidu ma’ dawk previsti fl-Artikolu 52 TFUE (applikabbli wkoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 62 TFUE).

( 30 ) —Fil-konklużjonijiet tiegħu għall-kawża Société fiduciaire nationale d’expertise comptable, iċċitata iktar ’il fuq, ippreżentati fit-18 ta’ Mejju 2010, l-Avukat Ġenerali Mazák diġà enfasizza li n-natura eventwali limitattiva tal-lista tal-Artikolu 16(1)(b) tista’ tkun inkoerenti ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva fuq is-servizzi stess, b’mod partikolari l-Artikolu 24(2) tagħha: “[m]al-ewwel daqqa t’għajn donnu li r-regoli professjonali li jirrappreżentaw ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jistgħu jiġu ġġustifikati biss bl-erba’ raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2006/123. Issa, kieku tali intepretazzjoni jkollha bħala konsegwenza l-impossibbiltà li tiġi implemenata l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/123 li tistabbilixxi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżistenza tar-regoli deontoloġiċi bħal, f’dan il-każ, il-projbizzjoni tal-bejgħ bieb bieb, jiġifieri l-protezzjoni tal-indipendenza, tad-dinjità u tal-integrità tal-professjoni rregolata kif ukoll tas-sigriet professjonali. Huwa impossibbli li teżiġi li l-istess regoli deontoloġiċi jsegwu, fl-istess ħin, ir-raġunijiet l-oħra” (punt 62).

( 31 ) Attwalment imħassar. Il-kontenut tiegħu ġie inkluż fl-Artikoli 3 TFUE sa 6 TFUE.

( 32 ) Attwalment imħassar. Il-kontenut tiegħu ġie inkluż fl-Artikolu 4(3) TUE, dwar il-kooperazzjoni leali.

( 33 ) Sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et (C-320/90 sa C-322/90, Ġabra p. I-393, punt 7); tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C-176/96, Ġabra p. I-2681, punt 22); tas-17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor (C-134/03, Ġabra p. I-1167, punt 23); tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C-238/05, Ġabra p. I-11125, punt 23); tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et (C-250/06, Ġabra p. I-11135, punt 20), u tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C-384/08, Ġabra p. I-2055, punt 32).

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1977, Tedeschi (5/77, Ġabra p. 1555, punt 35); tat-23 ta’ Novembru 1989, Eau de Cologne & Parfümerie-Fabrik 4711 (C-150/88, Ġabra p. 3891, punt 28); tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage (C-37/92; Ġabra p. I-4947, punt 9); tat-23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas (C-5/94, Ġabra p. I-2553, punt 18); tad-19 ta’ Marzu 1998, Compassion in World Farming (C-1/96, Ġabra p. I-1251, punt 47); tal-25 ta’ Marzu 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-112/97, Ġabra p. I-1821, punt 54); tal-11 ta’ Mejju 1999, Monsees (C-350/97, Ġabra p. I-2921, punt 24); tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler (C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 32); tat-22 ta’ Ottubru 2002, National Farmers’ Union (C-241/01, Ġabra p. I-9079, punt 48); tal-24 ta’ Ottubru 2002, Linhart u Biffl (C-99/01, Ġabra p. I-9375, punt 18); tal-24 ta’ Jannar 2008, Roby Profumi (C-257/06, Ġabra p. I-189, punt 14), u tat-30 ta’ April 2009, Lidl Magyarország (C-132/08, Ġabra p. I-3841, punt 42). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed, ippreżentati fl-4 ta’ Lulju 2002 (konklużjonijiet komuni għall-kawżi Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2003, C-221/00, Ġabra p. I-1007), u Sterbenz u Haug (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2003, C-421/00, C-426/00 u C-16/01, Ġabra p. I-1065, punt 45). L-Avukat Ġenerali jenfasizza wkoll li hemm ċertu nuqqas ta’ koerenza fil-ġurisprudenza dwar dan il-punt (punt 44).

( 35 ) Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza tapplika f’dan il-każ u dan minkejja li d-Direttiva fuq is-servizzi ma tikkorrispondix mal-mudell “klassiku” tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni.

( 36 ) Sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (C-448/98, Ġabra p. I-10663, punt 21); tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et (C-6/01, Ġabra p. I-8621, punt 39); tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 29); tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (iċċitata iktar ’il fuq, C-384/08, Ġabra p. I-2055, punti 23 u 24), u tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629, punti 39 u 40).