KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fil-5 ta’ Lulju 2012 ( 1 )

Kawża C-300/10

Vítor Hugo Marques Almeida

vs

Companhia de Seguros Fidelidade-Mundial SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação de Guimarães (il-Portugall)]

“Direttivi 72/166/KEE, 84/5/KEE u 90/232/KEE — Assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur — Ħabta bejn żewġ vetturi fejn il-ħtija ma tistax tiġi attribwita lis-sewwieqa — Passiġġier li kkontribwixxa għall-produzzjoni tad-danni tiegħu — Responsabbiltà għar-riskju — Rifjut jew limitazzjoni tad-dritt għal kumpens”

I – Introduzzjoni

1.

L-idea ta’ kumpens hija parti mill-aspirazzjoni tal-ideal ta’ ġustizzja, kif kien diġà maħsub fil-filosofija Griega antika. Għalhekk insibu fi Plato ( 2 ) l-idea ta’ kumpens għal kull dannu kkawżat, li tmur lil hinn mid-dritt kriminali. Minbarra gradi differenti ta’ responsabbiltà, il-filosofija antika kienet tagħraf ukoll il-possibbiltà ta’ ħelsien minn din ir-responsabbiltà meta jidher li dannu ma setax jiġi attribwit lill-awtur uniku tiegħu, pereżempju għaliex il-vittma tkun ikkontribwixxiet għalih. Dan il-kunċett, iffurmat b’mod partikolari minn Antiphon ( 3 ), ġie żviluppat matul l-istorja tad-dritt, Ruman u modern, sabiex sar dak li l-ordinament ġuridiku ta’ ħafna mill-Istati Membri issa ġeneralment jifhmu bit-terminu “koresponsabbiltà” ( 4 ). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tagħti risposta dwar jekk dan il-kunċett, magħruf ukoll fid-dritt Portugiż, huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur.

2.

Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari li huwa ressaq skont l-Artikolu 267 TFUE, it-Tribunal da Relação de Guimarães (iktar ’il quddiem, il-“qorti tar-rinviju”) jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar l-interpretazzjoni tad-Direttivi 72/166/KEE ( 5 ), 84/5/KEE ( 6 ) u 90/232/KEE ( 7 ), adottati bl-iskop tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur. Il-qorti tar-rinviju tfittex essenzjalment li tikseb xi kjarifiki fuq il-kwistjoni jekk dawn id-Direttivi jipprekludux sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili li tippermetti lil qorti, adita sabiex tiddeċiedi fuq id-danni wara inċident tat-traffiku, tillimita jew anki teskludi, skont iċ-ċirkustanzi, id-dritt għal kumpens tal-parti leża meta aġir żbaljat min-naħa tagħha jkun ikkontribwixxa għall-inċident jew għall-aggravament tad-danni tagħha.

3.

Din id-domanda tqum fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda d-dritt għal kumpens ta’ parti leża wara inċident tat-traffiku li, fil-mument li seħħ l-inċident, kienet passiġġiera f’waħda miż-żewġ vetturi involuti. Il-parti leża, li bi ksur tal-liġi applikabbli ma kinitx liebsa ċ-ċintorin ta’ sigurtà tagħha ( 8 ), kienet feruta gravement f’dik l-okkażjoni. Il-kawża għad-danni li hija kienet ippreżentat kontra s-sewwieqa taż-żewġ vetturi, kontra l-assigurazzjoni tal-vettura li fuqha hija kienet tivvjaġġa bħala passiġġiera kif ukoll kontra l-fondi ta’ garanzija kienet ġiet miċħuda fl-ewwel istanza abbażi tas-sistema ta’ responsabbiltà ċivili msemmija iktar ’il fuq, għar-raġuni li d-dannu kien dovut għan-nuqqas tagħha stess, billi hija kienet naqset milli tirrispetta l-obbligu legali li tilbes iċ-ċintorin ta’ sigurtà.

4.

Din il-kawża tagħmel parti minn serje twila ta’ rinviji għal domanda preliminari mressqa mill-qrati Portugiżi, li essenzjalment iqajmu l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tas-sistemi nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili f’każ ta’ inċidenti tat-traffiku mad-dritt tal-Unjoni, speċifikament mad-direttivi intiżi għall-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur. Billi huwa magħruf li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement tat diversi sentenzi li jirrispondu fl-affermattiv għal dik id-domanda, b’mod partikolari s-sentenzi ta’ riferiment, tas-17 ta’ Marzu 2011, Carvalho Ferreira Santos ( 9 ), u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio ( 10 ), din il-kawża toffri l-opportunità li tiġi kkonfermata dik il-ġurisprudenza b’deċiżjoni tal-Awla Manja — u, għalhekk, din titpoġġa fuq bażi ġurisprudenzjali iktar solida — jew, jekk ikun il-każ, tiġi ċċarata.

II – Il-kuntest leġiżlattiv

A – Id-dritt tal-Unjoni

5.

Kien fl-1972 li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta bidu, permezz ta’ direttivi, għall-proċess ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur ( 11 ).

6.

L-Ewwel Direttiva tistipula l-abolizzjoni tal-kontrolli tal-karta l-ħadra fil-fruntieri u l-introduzzjoni, fl-Istati Membri kollha, ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili li tkopri d-danni li jkunu seħħew fit-territorju Komunitarju.

7.

Billi jibbaża ruħu fuq il-prinċipju li l-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku, ladarba tiġi stabbilita r-responsabbiltà, għandhom id-dritt li jiġu kkumpensati minn debitur li jkun f’pożizzjoni li jħallas, l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jistipula kif ġej:

“Kull Stat Membru għandu […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu [t]kun kopert[a] minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

8.

Barra dan, l-Artikolu 3(2) ta’ din l-Ewwel Direttiva jistipula, inter alia, dan li ġej:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li l-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni jkopri wkoll: — skond il-liġi fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, kull telf jew inġurja kkawżata fit-territorju ta’ dawk l-Istati, […]”.

9.

It-Tieni Direttiva kellha l-ħsieb li tarmonizza diversi elementi materjali ta’ din l-assigurazzjoni obbligatorja bl-iskop li tiggarantixxi livell minimu ta’ protezzjoni lill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku u li tnaqqas id-diskrepanzi eżistenti fl-Unjoni fil-portata ta’ protezzjoni mogħtija minn din l-assigurazzjoni.

10.

L-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva jistipula kif ġej:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li kull dispożizzjoni statutorja jew kull klawżola kontrattwali li tkun tinstab fil-polza ta’ l-assigurazzjoni maħruġa skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE, li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew implikata għal dan;

jew

persuni li ma jkollhomx liċenzja li tippermettilhom isuqu l-vettura kkonċernata

jew

persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura kkonċernata, għandha,

għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE, titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident.

Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fl-ewwel inċiż tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom daħlu fil-vettura li kkaġunat id-danni jew il-korriment, meta l-assiguratur jista’ jipprova li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa […]”

11.

It-Tielet Direttiva ġiet adottata bl-iskop li jiġu ċċarati wħud mid-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili, peress li kienu għadhom jeżistu diskrepanzi sostanzjali fil-portata tal-kopertura pprovduta minn dan it-tip ta’ assigurazzjoni.

12.

L-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 84/5/KEE, l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura […]”

13.

L-Artikolu 1a ta’ din l-istess direttiva jipprovdi kif ġej:

“L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandha tkopri danni personali u ħsara lill-proprjetà mġarrba minn dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr mutur li, bħala konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skond il-liġi ċivili nazzjonali. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ danni”

14.

Id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, li daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Ottubru 2009 ( 12 ), tikkodifika d-direttivi msemmija iktar ’il fuq, li għalhekk ġew imħassra. Peress li l-fatti li huma l-bażi tal-kawża prinċipali seħħew ħafna qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2009/103/KE, huma biss l-imsemmija direttivi li japplikaw għall-każ inkwistjoni.

15.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/103 jipprovdi dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1), l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3 għandha tkopri r-responsabbiltà għal danni personali tal-passiġġieri kollha, minbarra x-xufier, ikkawżati mill-użu ta’ vettura.

[…]

3.   L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tkopri danni personali u ħsara lill-proprjetà li jsofru dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr vettura bil-mutur li, b’konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skond il-liġi ċivili nazzjonali”

B – Id-dritt nazzjonali

16.

Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili Portugiż li huma applikabbli għall-kawża prinċipali jipprovdu kif ġej:

17.

L-Artikolu 503(1): “Kull persuna li effettivament issuq vettura bil-mutur u li tużaha għall-ħtiġijiet tagħha, anki jekk permezz ta’ persuna inkarigata minnha, hija responsabbli għad-danni li jirriżultaw mir-riskji konnessi mal-vettura nnifisha, kemm jekk tintuża u kemm jekk ma tkunx qed tintuża”.

18.

L-Artikolu 504(1): “Ir-responsabbiltà għad-danni kkawżati minn vetturi topera favur terzi, kif ukoll il-persuni passiġġieri”.

19.

L-Artikolu 505 jipprovdi, taħt it-titolu “Esklużjoni tar-responsabbiltà” li “[b]la ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 570, ir-responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 503(1) ma hijiex eskluża ħlief meta l-inċident ikun seħħ ħtija tal-vittma nnifisha jew ta’ terz, jew meta jkun seħħ minħabba forza maġġuri esterna għall-funzjonament tal-vettura”.

20.

Taħt it-titolu “Ħtija tal-parti leża”, l-Artikolu 570 jipprovdi dan li ġej:

“1.   Meta l-vittma tkun, bi ħtija tagħha, ikkontribwixxiet għall-okkorrenza jew għall-aggravament tad-danni, il-qorti kompetenti għandha, fid-dawl tal-gravità tal-ħtija ta’ parti waħda jew l-oħra, u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnha, tiddetermina jekk il-kumpens għandux jingħata kollu, jekk għandux jitnaqqas jew jekk għandux jiġi eskluż għal kollox.

2.   Jekk ir-responsabbiltà tkun ibbażata fuq sempliċi preżunzjoni ta’ ħtija, il-ħtija tal-vittma, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, teskludi l-obbligu li jingħata kumpens.”

III – Il-fatti, il-proċedura prinċipali u d-domanda preliminari

21.

Fit-12 ta’ Ġunju 2004, seħħet ħabta frontali bejn żewġ vetturi fuq triq reġjonali. Waħda minn dawn iż-żewġ vetturi ma kinitx koperta b’polza ta’ assigurazzjoni valida u effettiva. V. Marques Almeida kien qiegħed jivvjaġġa bħala passiġġier f’waħda miż-żewġ vetturi. Waqt il-ħabta, huwa ntefa’ kontra l-windskrin ta’ dik il-vettura. Din inkisret, u dan ikkaġunalu qtugħ fondi f’rasu u f’wiċċu.

22.

V. Marques Almeida ppreżenta rikors quddiem il-qorti ċivili kompetenti fl-ewwel istanza sabiex jitlob li jiġu kkundannati in solidum għad-danni l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vettura bil-mutur tad-detentur ta’ waħda mill-vetturi, is-sewwieq u s-sid tal-vettura li ma kinitx assigurata, kif ukoll il-Fundo de Garantia Automovel (iktar ’il quddiem, il-“fond ta’ garanzija”). Dan ir-rikors kien ġie miċħud għaliex l-ebda wieħed mis-sewwieq ma seta’ jinstab ħati tal-inċident. Il-qorti adita kienet iddeċidiet favur il-konvenuti, billi qieset li effettivament il-feriti kkonstatati fuq il-persuna ta’ V. Marques Almeida kienu ħtija tiegħu, billi huwa ma kienx qafel iċ-ċintorin ta’ sigurtà tiegħu, bi ksur tal-Artikolu 82(1) tal-Kodiċi tat-Traffiku Portugiż. Għaldaqstant, hija kkunsidrat li obbligu li jitħallas kumpens kellu jiġi eskluż skont l-Artikolu 505 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż.

23.

V. Marques Almeida appella minn din is-sentenza. Il-qorti tar-rinviju, li kienet qed tisma’ dan l-appell, kellha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Portugiżi fil-qasam ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-kawża prinċipali, billi dawn jipprovdu tnaqqis, jew anki telf tad-dritt għal kumpens tal-parti leża meta din tkun ikkontribwixxiet għall-okkorrenza tad-danni. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza Farrell ( 13 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li, abbażi ta’ evalwazzjoni individwali u fir-rispett tad-dritt komunitarju, l-estensjoni ta’ tali kumpens ikun jista’ jitnaqqas” ( 14 ).

24.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hija neċessarja interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-direttivi dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja, bl-għan li tingħata deċiżjoni preliminari:

“1.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3(1) tal-[Ewwel Direttiva], 2(1) tat-[Tieni Direttiva] u 1 u 1a tat-[Tielet Direttiva] għandhom jiġi interpretati fis-sens li jipprekludu lid-dritt ċivili nazzjonali, b’mod partikolari permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 503(1), 504, 505 u 570 tal-Código Civil (Kodiċi Ċivili) milli jimponi li f’każ ta’ ħabta bejn żewġ vetturi, fejn il-fatt mhuwa imputabbli fuq l-ebda wieħed mis-sewwieqa minħabba tort, li tagħat lok għal danni fiżiċi lill-passiġġier ta’ waħda minn dawn il-karozzi (il-persuna ddanneġġjata li qed titlob kumpens), il-kumpens li dan il-passiġier jitlob jiġi rrifjutata jew limitat minħabba li l-imsemmi passiġġier kien ikkontribwixxa għall-ħolqien tad-danni, sa fejn fil-karozza kien bil-qegħda ħdejn ix-xufier, mingħajr ma libes iċ-ċinturin tas-sigurtà, kif rikjest mil-leġiżlazzjoni nazzjonali?

2.

Filwaqt li ntwera li meta ġrat il-ħabta bejn iż-żewġ vetturi involuti, il-passiġġier ħabat rasu bil-qawwa mal-windskrin, tant li kissirha, u b’hekk kellu diversi qtugħ fondi f’rasu u f’wiċċu.

3.

U fid-dawl tal-fatt li, peress li waħda mill-vetturi involuti ma kinitx koperta b’assigurazzjoni valida u effettiva ma’ xi assiguratur meta seħħ l-inċident, huma konvenuti fl-azzjoni, minbarra l-assiguratur tal-vettura l-oħra involuta, is-sid tal-vettura mingħajr assigurazzjoni, ix-xufier tagħha u l-Fundo de Garantia Automóvel [il-Fond ta’ Garanzija tal-Karozzi] li, sa fejn hija involuta responsabbiltà oġġettiva, jistgħu jkunu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-imsemmi kumpens?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, tat-22 ta’ April 2010, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2010.

26.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn V. Marques Almeida, mill-Gvern Portugiż u l-Gvern Ġermaniż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27.

Waqt is-seduta tat-22 ta’ Mejju 2012, ir-rappreżentanti tal-Gvern Portugiż u Ġermaniż, kif ukoll tal-Kummissjoni, dehru sabiex jagħmlu l-osservazzjonijiet orali.

V – Argumenti prinċipali tal-partijiet

28.

V. Marques Almeida jqis li d-direttivi ċċitati iktar ’il fuq jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt intern li tippermetti li jiġi miċħud jew limitat id-dritt għal kumpens tal-parti leża. Huwa jirreferi f’dan ir-rigward għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li huwa jqis li hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni effettiva lill-passiġġieri ta’ vettura involuta f’inċident. Barra minn hekk, huwa jinvoka l-għan tal-imsemmija direttivi li huwa jqis li jikkonsisti fl-armonizzazzjoni tad-dritt tal-Istati Membri u fil-protezzjoni tad-drittijiet għal kumpens ta’ vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku. Huwa jargumenta li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni billi din tillimita dan id-dritt għal kumpens.

29.

Barra minn hekk V. Marques Almeida jargumenta li huwa ma kkontribwixxiex għall-inċident tat-traffiku. Irrispettivament minn dan, lanqas ma ntwera li l-feriti tiegħu setgħu jiġu evitati li kieku huwa libes iċ-ċintorin ta’ sigurtà tiegħu. Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sewwieq tal-vettura l-oħra ma kienx ferut, minkejja li lanqas huwa ma kien liebes iċ-ċintorin ta’ sigurtà tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ma setax jinżamm responsabbli għall-feriti li huwa sofra u għaldaqstant ma teżisti l-ebda raġuni sabiex jiġi miċħud lilu d-dritt għal kumpens.

30.

Il-Gvern Portugiż, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, għall-kuntrarju jargumentaw fis-sens li d-direttivi ċċitati iktar ’il fuq ma jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ. Bħala motivazzjoni, huma jargumentaw li la l-kliem u lanqas l-għan tad-direttivi inkwistjoni ma jissuġġerixxu li huma intiżi għal armonizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili, iżda li huma għandhom verament il-ħsieb, minn naħa, li jinkoraġġixxu l-moviment ħieles tal-vetturi normalment ibbażati fuq it-territorju tal-Unjoni, kif ukoll tal-persuni li jivvjaġġaw fihom u, min-naħa l-oħra, li jiggarantixxu l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni leżi ġewwa l-Unjoni. Għal dan l-għan, id-direttivi jeżiġu li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fuq it-territorju nazzjonali tkun koperta b’assigurazzjoni. Huma jippreskrivu wkoll it-tip ta’ danni u l-grupp ta’ persuni leżi li dik l-assigurazzjoni hija msejħa tkopri.

31.

Fil-fehma tagħhom, din il-liġi li tirrigwarda l-portata tal-kopertura, hija madankollu distinta mill-obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens tal-assigurat lejn il-parti leża skont id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili. Dan jaqa’ fil-kompetenza leġiżlattiva tal-Istati Membri. Għaldaqstant, huwa esklużivament abbażi tas-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli skont id-dritt nazzjonali li għandha tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk id-dritt għal kumpens tal-parti leża jistax jiġi eskluż jew limitat minħabba li hija tkun ikkontribwixxiet għall-okkorenza tad-dannu lilha nfisha. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà kkonfermat dan fis-sentenzi Carvalho Ferreira Santos ( 15 ) kif ukoll Ambrosió Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio ( 16 ). Is-sitwazzjoni li wasslet għal din il-kawża tiddeskrivi ruħha b’mod kważi identiku għal dawk li wasslu għal dawk iż-żewġ sentenzi. Madankollu, id-dettalji tal-problema ma humiex l-istess bħal dawk fil-kawżi Farrell ( 17 ) u Candolin et  ( 18 ) billi l-limitazzjoni tal-obbligu tal-ħlas ta’ kumpens mill-assigurazzjoni hija, f’dan il-każ, konsegwenza tad-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili u mhux tad-dritt dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili, bħal ma kien il-każ f’dawn iż-żewġ kawżi. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern Portugiż u l-Gvern Ġermaniż, l-istess bħall-Kummissjoni, ma jarawx raġuni sabiex jiġu skartati l-prinċipji ta’ ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fis-sentenzi Carvalho Ferreira Santos kif ukoll Ambrosió Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio.

VI – Evalwazzjoni ġuridika

A – Kummenti introduttivi

32.

Kif iddikjarajt fl-introduzzjoni, din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tadotta mill-ġdid pożizzjoni fuq il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn iż-żewġ oqsma tal-liġi applikabbli għall-implementazzjoni tad-dritt għal kumpens tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku — id-dritt dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur u d-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili f’każ ta’ inċidenti tat-traffiku. Jidher essenzjali li jiġu analizzati l-punti ta’ konnessjoni bejn dawn iż-żewġ oqsma, peress li ma huwiex eskluż li r-rekwiżiti maħluqa mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam armonizzat tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur jistgħu jaffettwaw id-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili fl-Istati Membri. Ir-rilevanza ta’ din il-kwistjoni tidher preċiżament meta, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, teżisti probabbiltà li l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tad-direttivi dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur jitwarrbu, punt li għandu jiġi eżaminat separatament. Il-kwistjoni ċentrali li tqum f’dan il-każ hija jekk dawn ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà, f’każ ta’ ħabta bejn żewġ vetturi fejn il-ħtija ma hija imputabbli lil ebda wieħed mis-sewwieqa involuti, li jiġi miċħud jew limitat id-dritt għal kumpens ta’ passiġġier ferut meta jiġi stabbilit li dan ikkontribwixxa għall-okkorrenza tad-dannu lilu nnifsu.

33.

Waqt l-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni tad-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha teżamina jekk il-linja ġurisprudenzjali li hija adottat sa issa f’dan il-qasam hijiex trasponibbli għall-kawża prinċipali jew jekk din għandhiex possibbilment tiġi ċċarata. Sabiex noffri lill-Qorti tal-Ġustizzja bażi effettiva għad-deċiżjoni tagħha, ser nipproċedi għal analiżi fi tliet stadji: fl-ewwel lok, sejjer nagħti ħarsa ġenerali fil-qosor lejn il-ġurisprudenza, u fil-kuntest ta’ dan sejjer nippreżenta fil-qosor id-dettalji tal-problema. Imbagħad, sejjer neżamina l-kwistjoni tal-applikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza għal din il-kawża, filwaqt li nqis il-fatti partikolari tagħha. Fl-aħħar lok, ser nistaqsi jekk, fid-dawl tal-konklużjonijiet li nasal għalihom, jidhirx meħtieġ li tiġi ċċarata jew anki immodifikata din il-ġurisprudenza.

34.

Qabel ma nkompli, mhux ser naħbi li miniex konvint li din il-kawża tiġġustifika evalwazzjoni differenti, fid-dritt, minn dik li saret fis-sentenzi Carvalho Ferreira Santos ( 19 ) kif ukoll Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio ( 20 ). Fil-fehma tiegħi, għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ separazzjoni netta bejn iż-żewġ oqsma ta’ dritt imsemmija iktar ’il fuq ( 21 ). Peress li huwa unikament id-dritt dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur li kienet is-suġġett ta’ armonizzazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni, id-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili f’każ ta’ inċidenti tat-traffiku għandu fil-prinċipju jibqa’ intatt. Kull konklużjoni oħra bilkemm tista’ tiġi rrikkonċiljata mar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni. L-abbandun tad-dritt nazzjonali permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur jista’ jiġi kkunsidrat biss jekk jidher li l-għanijiet li l-leġiżlatur ried jilħaq meta adotta dawn id-direttivi huma mhedda minn dispożizzjonijiet u prattiki kuntrarji. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, kif juru l-paralleli mal-kawża Ambrosió Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili Portugiż inkwistjoni hawnhekk kienu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

B – Ħarsa ġenerali lejn il-ġurisprudenza

1. Is-sentenza Carvalho Ferreira Santos

a) Preżentazzjoni fil-qosor tad-dettalji tal-problema

35.

Il-kawża Carvalho Ferreira Santos ( 22 ) kellha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação do Porto li kienet essenzjalment tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk id-direttivi dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur jipprekludux liġi nazzjonali tad-dritt ċivili li tippermetti, fil-każ fejn il-parti leża tkun ikkontribwixxiet għall-okkorrenza tad-danni, tqassim tar-responsabbiltà proporzjonalment mal-grad ta’ kontribut ta’ kull waħda mill-vetturi għall-okkorrenza tiegħu, skont ir-riskju inerenti għas-sewqan ta’ vettura, bil-konsegwenza li dan it-tqassim jirriduċi l-kumpens li l-parti leża bl-inċident setgħet titlob kontra l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vettura.

36.

Din it-talba kienet saret fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Carvalho kontra kumpannija ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur, dwar il-kumpens totali tad-danni materjali u dawk mhux materjali li huwa sofra wara inċident tat-traffiku. M. Carvalho, li kien qed isuq mutur fil-mument tal-inċident kien sofra trawma fil-moħħ wara ħabta ma’ vettura żgħira. Il-qorti ċivili li quddiemha tressqet il-kawża kienet iddeċidiet li ebda ħtija ma setgħet tiġi imputata lil xi wieħed fost is-sewwieqa u, billi qieset li kien fadal dubju dwar il-grad ta’ kontribut tal-vetturi involuti fl-inċident fl-okkorrenza tad-danni, hija kienet applikat l-Artikolu 506(2) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż, billi stabbilixxiet għal 50 % r-responsabbiltà ċivili ta’ kull wieħed mis-sewwieqa. Din il-qorti kienet ikkunsidrat li r-responsabbiltà tas-sewwieq tal-vettura li kkaġunat id-danni kienet limitata proporzjonalment għall-kontribut tal-vettura tal-vittma fl-okkorrenza tad-danni msemmija u li l-limitazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà kienet iġġib magħha limitazzjoni proporzjonali tal-kumpens dovut lill-vittma mill-kumpannija ta’ assigurazzjoni bħala assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur ( 23 ).

b) L-argumentazzjoni adottata fil-konklużjonijiet

37.

Fil-konklużjonijiet tiegħi tas-7 ta’ Diċembru 2010 — li hawnhekk nagħmel riferiment għalihom — jiena kont irrispondejt fl-affermattiv għad-domanda dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-liġi ta’ dritt ċivili mad-dritt tal-Unjoni, essenzjalment għar-raġuni li din ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi rilevanti ( 24 ). Sabiex nasal għal din il-konklużjoni, jiena kont fittixt liema kien il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi billi bbażajt ruħi fuq interpretazzjoni litterali u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi kkonċernati. F’din l-okkażjoni, jiena kkonludejt li, ċertament, id-direttivi jirregolaw diversi aspetti tad-dritt dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur, iżda li huma ma kellhomx l-għan li jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri ( 25 ). Jiena kont ikkonkludejt li la l-kriterji materjali għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà għad-danni riżultanti minn inċident tat-traffiku u lanqas l-estensjoni tar-responsabbiltà ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi ( 26 ). Fid-dawl tal-fatt li, fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ oqsma tad-dritt, id-dispożizzjoni Portugiża inkwistjoni kellha taqa’ fid-dritt nazzjonali tal-kumpens għad-danni taħt id-dritt ċivili, hija ma setgħetx tiġi kkunsidrata li hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi ( 27 ).

38.

Barra minn hekk, esprimejt ruħi fit-tul ( 28 ), f’dawn il-konklużjonijiet, fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Candolin et  ( 29 ) u Farrell ( 30 ), u semmejt id-differenzi innegabbli li dawn kellhom mill-kawża Carvalho Ferreira Santos. Kif urejt fid-dettall, is-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt, fil-kawża Carvalho Ferreira Santos, kienet tiddevja f’punti essenzjali minn dawk li taw lok għall-kawżi Candolin et u Farrell, billi hemmhekk kienet kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili — u mhux, bħal fil-kawżi Candolin et kif ukoll Farrell, ta’ dispożizzjoni tad-dritt dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur — mad-dritt tal-Unjoni ( 31 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, traspożizzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għall-kawża Carvalho Ferreira Santos kienet, fil-fehma tiegħi, eskluża ( 32 ).

39.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li rreferejt għalihom fil-qosor hawnhekk, ipproponejt lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domanda preliminari fis-sens li d-Direttivi 72/166, 84/5 u 90/232 ma jipprekludux liġi nazzjonali tad-dritt ċivili li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn seħħet ħabta bejn diversi vetturi fejn il-ħtija ma kinitx imputabbli lil xi wieħed fost is-sewwieqa u li kienet wasslet għal danni personali u materjali fuq wieħed minnhom, kellha l-effett li tirriduċi bin-nofs id-dritt tal-parti leża bbażat fuq ir-responsabbiltà għar-riskju.

c) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

40.

Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat din il-proposta fis-sentenza Carvalho Ferreira Santos ( 33 ), kif ukoll fir-raġunament ġuridiku tagħha li, kif sejjer nuri hawnhekk, taqbel ħafna ma’ dak żviluppat fil-konklużjonijiet ċċitati iktar ’il fuq.

41.

Il-punt tat-tluq ta’ dan ir-raġunament huwa l-konstatazzjoni li l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili għal danni kkaġunati lil terzi minn vetturi bil-mutur hija distinta mill-estensjoni tal-kumpens tagħhom taħt ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel waħda hija ddefinita u ggarantita bil-liġi tal-Unjoni, it-tieni waħda hija rregolata, essenzjalment, mil-liġi nazzjonali ( 34 ). Filwaqt li rreferiet għas-sentenzi Candolin et  ( 35 ) u Farrell ( 36 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-direttivi dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur ma kinux intiżi sabiex jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn jibqgħu liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu tal-vetturi ( 37 ) u, b’mod partikolari, li jippreċiżaw it-tip ta’ responsabbiltà ċivili, għal ħtija jew għal riskju, fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, li għandha tkun koperta bl-assigurazzjoni obbligatorja ( 38 ). Madankollu jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, irrispettivament minn din id-distinzjoni bejn l-aspetti differenti tal-liġi, dawn huma xorta waħda marbuta sal-punt fejn l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li r-responsabbiltà ċivili applikabbli skont id-dritt nazzjonali tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tliet direttivi hawn fuq imsemmija ( 39 ).

42.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kriterji ċċitati iktar ’il fuq tal-ġurisprudenza Candolin et u l-applikabbiltà tagħhom possibbli għall-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefendiet analiżi simili għal dik li jiena żviluppajt fil-konklużjonijiet tiegħi. Fil-fatt hija kkunsidrat li l-fatt li dispożizzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ responsabbiltà ċivili, bħal ma hija dik tal-Artikolu 506 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż, jipproċedi għat-tqassim tar-responsabbiltà ċivili tad-danni kkaġunati wara ħabta bejn żewġ vetturi bil-mutur fin-nuqqas ta’ ħtija imputabbli lis-sewwieqa, ma jċaħħadx fih innifsu lid-direttivi mill-effettività tagħhom, għaliex din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-garanzija, prevista mid-dritt tal-Unjoni, li s-sistema ta’ responsabbiltà ċivili, applikabbli skont id-dritt nazzjonali, għandha tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tliet direttivi msemmija hawn fuq ( 40 ).

43.

Sabiex issostni r-raġunament tagħha fuq interpretazzjoni bbażata fuq l-istruttura tat-testi, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat ukoll id-direttivi reċenti dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur, billi sostniet li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tagħhom li, irrispettivament mill-prinċipju tal-kopertura tad-danni personali u materjali mill-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur, ir-responsabbiltà u l-ammont tal-kumpens f’każ ta’ inċidenti tat-traffiku, fihom infushom, kienu bbażati fuq is-sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili ( 41 ). Hija tiċċita bħala eżempju l-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva, inserit fiha bid-Direttiva 2005/14/KE ( 42 ), li jipprovdi li l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE tkopri d-danni personali u materjali subiti minn dawk li jkunu mexjin, iċ-ċiklisti u dawk kollha li jużaw it-triq mingħajr vettura bil-mutur li, wara inċident li jinvolvi vettura bil-mutur, għandhom id-dritt għal kumpens skont id-dritt ċivili nazzjonali. Din l-istess dispożizzjoni tippreċiża espressament ukoll li hija mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ danni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ukoll irreferiet għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/103, minn fejn jirriżulta li l-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja tad-danni kkaġunati lill-kategoriji speċifiċi ta’ vittmi, b’mod partikolari dawk li jużaw it-triq mingħajr vettura bil-mutur u l-passiġġieri, la tippreġudika r-responsabbiltà u lanqas l-ammont tal-kumpens għal dawn id-danni.

44.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva u l-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva kellhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi nazzjonali li, meta ħabta bejn żewġ vetturi tikkaġuna danni mingħajr ma jkun jista’ jiġi imputat xi tort lis-sewwieqa, taqsam ir-responsabbiltà fir-rigward tad-danni msemmija proporzjonalment skont il-grad ta’ kontribut ta’ kull waħda mill-vetturi għat-twettiq ta’ dawn id-danni u, f’każ ta’ dubju dwar dan il-punt, tiffissa l-imsemmi grad ta’ kontribut b’mod ugwali ( 43 ).

2. Il-kawża Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio

a) Preżentazzjoni fil-qosor tad-dettalji tal-problema

45.

Il-kawża Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio kellha bħala suġġett domanda għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça li kienet essenzjalment tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu liġi nazzjonali li tillimita jew teskludi d-dritt għal kumpens tal-vittma ta’ inċident li jinvolvi vettura bil-mutur minħabba l-kontribut, parzjali jew esklużiv, tagħha għall-okkorrenza tad-danni ( 44 ).

46.

Dik it-talba kienet saret fil-kuntest ta’ kawża bejn J. M. Ambrósio Lavrador u M. C. Olival Ferreira Bonifácio u kumpannija ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur dwar il-ħlas ta’ kumpens minn din tal-aħħar tad-danni subiti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wara inċident tat-traffiku li seħħ bejn it-tifel minorenni tagħhom, li kien qed isuq rota, u vettura li kellha r-responsabbiltà ċivili tagħha koperta minn din il-kumpannija ( 45 ). Mid-deċiżjoni tar-rinviju kien jirriżulta li l-kawża għall-ħlas tad-danni mill-ġenituri kienet ġiet miċħuda kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell għar-raġuni li l-inċident, li kien wassal għall-mewt tal-iben, kien ġie kkawżat minnu, għaliex kien qed isuq kontra d-direzzjoni tat-traffiku u naqas milli jirrispetta r-regoli ta’ preċedenza.

47.

Peress li kellu dubji dwar il-kompatibbiltà tas-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikata mal-ġurisprudenza Candolin et, is-Supremo Tribunal de Justiça kien iddeċieda li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja xi kjarifiki fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva kienx jipprekludi li d-dritt ċivili Portugiż, b’mod partikolari permezz tal-Artikoli 503(1), 504, 505 u 570 tal-Kodiċi Ċivili, fil-każ ta’ inċident tat-traffiku, jiċħad jew jillimita d-dritt għal kumpens ta’ minorenni, hija nfisha vittma tal-inċident, unikament għar-raġuni li huwa jitqies li kien parzjalment, jew anki esklużivament, ikkontribwixxa għall-okkorrenza tad-danni.

b) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

48.

Peress li l-konklużjonijiet kienu diġà inqraw fil-kawża Carvalho Ferreira Santos u li l-kawża Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio ma kienet tqajjem l-ebda kwistjoni ġdida ta’ dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jiġu ppreżentati konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 20 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

49.

Bis-sentenza Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio ( 46 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-direttivi dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw id-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili, li jippermettu li jiġi eskluż jew limitat id-dritt tal-vittma ta’ inċident li titlob il-ħlas tal-kumpens taħt l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-vettura bil-mutur involuta fl-inċident, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni individwali tal-kontribut esklużiv jew parzjali ta’ din il-vittma għad-danni tagħha stess.

50.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal raġunament legali simili għal dak tas-sentenza Carvalho Ferreira Santos. Hija bdiet biex tenfasizza l-ħtieġa ta’ distinzjoni bejn l-obbligu ta’ kopertura minn assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tad-danni kkaġunati lil terzi bil-vetturi bil-mutur, minn naħa, u l-estensjoni tal-kumpens lil dawn tal-aħħar minħabba r-responsabbiltà ċivili tal-assigurat, min-naħa l-oħra ( 47 ). Fl-istess waqt, hija fakkret li fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni imposta mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur ( 48 ).

51.

Bħal fis-sentenza Carvalho Ferreira Santos, il-Qorti tal-Ġustizzja ġibdet l-attenzjoni fuq id-differenza bejn il-kawża prinċipali u ċ-ċirkustanzi li kienu taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Candolin et kif ukoll Farrell. Bil-kontra ta’ dak li kien il-każ f’dawn iż-żewġ kawżi, id-dritt għal kumpens tal-vittma tal-inċident ma kienx affettwat minn limitazzjoni tal-kopertura tar-responsabbiltà ċivili minn dispożizzjonijiet fil-qasam tal-assigurazzjoni, imma minn limitazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tas-sewwieq assigurat, bis-saħħa tas-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli ( 49 ).

52.

Din il-konstatazzjoni kienet tistrieħ fuq analiżi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li kien jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Artikoli 503 u 504 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż kienu jistabbilixxu, ċertament, responsabbiltà oġġettiva f’każ ta’ inċident tat-traffiku. Madankollu, skont l-Artikolu 505 ta’ dan il-Kodiċi, ir-responsabbiltà għar-riskju stabbilita bl-Artikolu 503(1) ta’ dak il-Kodiċi hija eskluża jekk l-inċident kien imputabbli lill-vittma. Barra minn hekk, meta l-ħtija tal-vittma tkun ikkontribwixxiet għall-okkorrenza jew għall-aggravament tad-danni, l-Artikolu 570 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż jistipula li, fid-dawl tal-grad tal-gravità ta’ din il-ħtija, l-imsemmija persuna tiġi mċaħħda mill-kumpens kollu jew minn parti minnu ( 50 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja fehmet din il-leġiżlazzjoni fis-sens li hija kienet intiża sabiex teskludi r-responsabbiltà għal riskju tas-sewwieq tal-vettura involuta fl-inċident biss meta l-inċident kien esklużivament imputabbli lill-vittma. Fil-każ ta’ ħtija tal-vittma li kkontribwixxiet għall-okkorrenza jew għall-aggravament tad-dannu li sostniet, il-kumpens tagħha huwa affettwat b’mod proporzjonali għall-grad ta’ gravità ta’ din il-ħtija ( 51 ).

53.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefendiet l-argument li, bil-kontra tal-kuntesti ġuridiċi rispettivi tas-sentenzi Candolin et kif ukoll Farrell, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma kellhiex l-effett, f’każ li l-vittma tikkontribwixxi għad-dannu sostnut minnha, li teskludi awtomatikament jew li tillimita b’mod sproporzjonat id-dritt tal-vittma, f’dan il-każ dak tal-ġenituri ta’ tifel minuri li miet meta kien għaddej bir-rota tiegħu u kien involut f’inċident ma’ vettura bil-mutur, għal kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għal responsabbiltà ċivili tas-sewwieq tal-vettura involuta fl-inċident. Għalhekk hija ma kinitx taffettwa l-garanzija, stabbilita mid-dritt tal-Unjoni, li r-responsabbiltà ċivili, iddeterminata skont id-dritt nazzjonali applikabbli, tkun koperta b’assigurazzjoni konformi mat-tliet direttivi msemmija iktar ’il fuq ( 52 ).

54.

Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-fatt li sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili tirrifjuta lill-persuna leża l-ħlas ta’ kumpens għar-raġuni li hija tkun ikkontribwixxiet għall-okkorrenza tad-dannu, fih innifsu ma jċaħħadx lid-direttivi mill-effettività tagħhom, għaliex dan ma jaffettwax il-prinċipju tal-garanzija mill-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur — mixtieqa mid-dritt tal-Unjoni — tad-dritt għal kumpens taħt id-dritt ċivili.

C – Analiżi ta’ din il-kawża

55.

Wara din il-preżentazzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tal-ġurisprudenza attwali, għandu jiġi eżaminat jekk jistgħux jinġibdu xi konklużjonijiet minnhom sabiex tiġi deċiża din il-kawża.

1. Determinazzjoni tas-suġġett tal-interpretazzjoni

56.

Xi kummenti preliminari huma madankollu neċessarji fir-rigward tal-portata tas-suġġett tal-interpretazzjoni. Huwa rikonoxxut li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti wkoll, jekk hemm bżonn, sabiex tippreċiża jew anki tifformula mill-ġdid domanda preliminari, bl-għan li tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta kemm jista’ jkun sħiħa u utli, li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha ( 53 ). Jidhirli neċessarju li d-domanda preliminari tiġi ppreċiżata sal-punt fejn hija intiża parzjalment għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni — jiġifieri dik tal-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva — li ma hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali, għal raġunijiet relatati kemm mal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha kif ukoll mal-applikazzjoni tagħha ratione temporis.

57.

Din id-dispożizzjoni ma hijiex materjalment applikabbli għaliex il-parti leża fil-kawża prinċipali ma tappartjenix għall-grupp ta’ persuni li hija tipproteġi. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, fil-fatt, li l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur għandha tkopri danni personali u ħsara lill-proprjetà mġarrba minn dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq b’vettura mingħajr mutur li, bħala konsegwenza ta’ inċident fejn vettura bil-mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skont il-liġi ċivili nazzjonali. Madankollu, il-kawża prinċipali tirrigwarda d-dritt għal kumpens ta’ passiġġier f’vettura li sofra danni f’inċident.

58.

Din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli ratione temporis għaliex id-Direttiva 2005/14, li kellha l-effett li tinkludiha fit-Tielet Direttiva, kienet adottata biss fil-11 ta’ Mejju 2005. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/14 kien stabbilixxa l-iskadenza tat-terminu għal traspożizzjoni fil-11 ta’ Ġunju 2007. L-individwi jistgħu, bħala regola ġenerali, jinvokaw id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva quddiem il-qrati nazzjonali biss wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu għal traspożizzjoni. Jirriżulta fil-fatt mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li qabel ma jkun skada t-terminu għal traspożizzjoni ta’ direttiva, Stat Membru ma jistax jiġi kkritikat talli jkun għadu ma adottax il-miżuri neċessarji sabiex jittrasponiha fil-liġi nazzjonali ( 54 ). Peress li l-inċident tat-traffiku li wassal għall-kawża prinċipali seħħ fit-12 ta’ Ġunju 2004, il-possibbiltà li tiġi invokata din id-dispożizzjoni tad-direttiva hija eskluża.

59.

Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva tirriżulta inutli għall-finijiet tad-deċiżjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tikkunsidraha li hija parti mis-suġġett li għandu jiġi interpretat. Id-domanda preliminari għandha għalhekk tiġi ppreċiżata fis-sens li t-talba ta’ interpretazzjoni ma testendix għal din id-dispożizzjoni tad-direttiva.

2. Applikabbiltà tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq għall-kawża prinċipali

60.

Issa ser niddiskuti serje ta’ argumenti li, fil-fehma tiegħi, jargumentaw favur l-applikabbiltà għall-kawża prinċipali tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, dwar ir-relazzjoni bejn id-dritt ċivili nazzjonali u d-dritt dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi, influwenzat, min-naħa tiegħu, mid-dritt tal-Unjoni.

61.

Qabelxejn, għandha tinġibed l-attenzjoni fuq il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, kif ġustament isostnu l-Gvern Portugiż ( 55 ) u l-Kummissjoni ( 56 ), diġà rrispondiet għal domanda preliminari kważi identika fis-sentenza Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio. Għal dik ir-raġuni fost oħrajn, din is-sentenza għandha importanza partikolari għall-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet tad-dritt li tqajjem din il-kawża. Bħal dik il-kawża, din finalment tistaqsi dwar il-konformità mad-direttivi tad-dispożizzjonijiet Portugiżi li jeskludu r-responsabbiltà għar-riskju tal-pussessur tal-vettura wara ħtija mill-parti leża. Jirriżulta kemm mid-domanda preliminari kif ukoll mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Ċivili Portugiż li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili jagħtu lill-qorti, li quddiemha tinġab kawża għad-danni wara inċident tat-traffiku, il-fakultà li tillimita jew anki tiċħad il-kumpens tad-danni meta l-imġiba żbaljata tal-parti leża tkun ikkontribwixxiet għall-okkorrenza jew għall-aggravament tad-danni. Dik il-fakultà hija l-konsegwenza ta’ prinċipju tad-dritt ċivili Portugiż li bis-saħħa tiegħu l-ħtija tal-parti leża jista’ jkollha effett fuq l-ammont tal-kumpens. Skont il-gravità ta’ dik il-ħtija, dan jista’ wkoll iwassal għat-telf sħiħ tad-dritt għal kumpens.

62.

Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-istat attwali, li dan il-prinċipju tad-dritt ċivili nazzjonali huwa, bħala regola ġenerali, konformi mad-dritt tal-Unjoni, peress li ż-żewġ sentenzi ċċitati iktar ’il fuq kienu fil-fatt irrikonoxxew li l-Istati Membri huma awtorizzati sabiex jipprovdu kemm għar-riduzzjoni bin-nofs tad-dritt għal kumpens ( 57 ) kif ukoll għat-telf totali tagħhom ( 58 ) meta dan jidher iġġustifikat. L-ewwel raġuni għal din il-ġurisprudenza tinsab fis-separazzjoni, rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-dritt dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur, li huwa suġġett għal ċertu numru ta’ rekwiżiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, u tad-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili f’każ ta’ inċidenti tat-traffiku li, min-naħa tiegħu, huwa rregolat mill-prinċipji tad-dritt intern. Sal-punt fejn l-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jippreċiżaw it-tip ta’ responsabbiltà ċivili rigward l-użu tal-vetturi ( 59 ), huma liberi li jiddeċiedu, fid-definizzjoni tat-termini tad-dritt nazzjonali tagħhom, li l-ħtija tal-parti leża tista’ jekk ikun il-każ twassal għat-telf tad-dritt għall-kumpens.

63.

Il-fatt li l-kawża prinċipali tippreżenta ċerti partikolaritajiet ma għandux, kif josserva korrettament il-Gvern Ġermaniż ( 60 ), rilevanza ġuridika fuq ir-risposta għall-ewwel domanda. Dawn il-partikolaritajiet lanqas ma jikkostitwixxu argument favur analiżi differenti. Huma jistgħu l-iktar ikollhom rilevanza għall-evalwazzjoni ġuridika tal-fatti fid-dawl tad-dritt ċivili nazzjonali. Jissemma, b’mod speċifiku, il-fatt li l-passiġġier ferut kien kiser l-obbligu li jilbes iċ-ċintorin ta’ sigurtà; mid-deċiżjoni tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-mod li bih hija fformulata d-domanda preliminari jirriżulta li din iċ-ċirkustanza tista’ tikkostitwixxi, skont id-dritt Portugiż, fattur ġuridiku rilevanti li jippermetti li jkun hemm koresponsabbiltà tal-parti leża.

64.

F’dan ir-rigward, għandha tinġibed l-attenzjoni fuq il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja hija finalment marbuta bl-interpretazzjoni tad-dritt ċivili nazzjonali mogħtija mill-qrati Portugiżi, speċjalment peress li ma hijiex kompetenti la biex tinterpreta d-dritt nazzjonali ( 61 ), u lanqas biex tevalwa l-fatti ( 62 ). Fil-kuntest tal-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali u tevalwa l-effetti tiegħu ( 63 ). Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, evalwazzjoni ġuridika tal-fatti fis-sens iċċitat iktar ’il fuq ma hijiex fi kwalunkwe każ attakkabbli, għaliex id-direttivi dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur ma humiex intiżi preċiżament għall-armonizzazzjoni tas-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija, f’dan ir-rigward, marbuta bl-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, għall-finijiet ta’ din il-proċedura preliminari, hija rilevanti biss il-klassifikazzjoni minn dik il-qorti ta’ fatt — att jew omissjoni — ta’ ħtija tal-parti leża li jkun ikkontribwixxa għad-dannu tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex bżonn tindirizza l-argument ta’ V. Marques Almeida li l-okkorrenza tad-dannu ma kienx imputabbli lill-ksur tal-obbligu li jintlibes iċ-ċintorin ta’ sigurtà ( 64 ).

65.

Il-fatt li V. Marques Almeida kien ferut gravi lanqas ma jista’ jitqies bħala argument li jiġġustifika li s-sitwazzjoni legali tiġi evalwata mod ieħor. Infakkar hawnhekk li fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, l-aġir meqjus żbaljat kien saħansitra wassal għall-mewt tal-parti leża. Minkejja l-gravità tad-danni subiti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatatx raġuni sabiex tiskarta l-ġurisprudenza preċedenti tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud ir-raġunament f’dan is-sens ta’ V. Marques Almeida bħala wieħed mhux rilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

66.

Partikolarità oħra li ġiet irrilevata hija ċ-ċirkustanza li waħda mill-vetturi involuti ma kinitx assigurata fil-mument tal-inċident. Madankollu, hawnhekk ukoll, ma narax kif dan il-fatt jista’ jkollu xi effett fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali, speċjalment għaliex V. Marques Almeida għandu l-possibbiltà li jipproċedi kontra, mhux biss l-assigurazzjoni tal-vettura l-oħra involuta, imma wkoll il-proprjetarju tal-vettura mhux assigurata, is-sewwieq tagħha u l-fond ta’ garanzija, u dawn jistgħu, sal-punt fejn ir-responsabbiltà oġġettiva tkun inkwistjoni, jwieġbu in solidum għall-ħlas ta’ dak il-kumpens. Il-qorti tar-rinviju nfisha tiġbed l-attenzjoni għal dan il-punt fid-digriet tar-rinviju tagħha.

67.

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-fatt li l-kawża prinċipali — b’differenza mill-kawżi Carvalho Ferreira Santos kif ukoll Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio — ma tirrigwardax il-kumpens lis-sewwieq tal-vettura, imma lil passiġġier, ma huwiex ta’ ostakolu għall-applikabbiltà ta’ dik il-ġurisprudenza għal din il-kawża. L-ewwel nett, għandha tinġibed l-attenzjoni fuq il-fatt li mill-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva jirriżulta li l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur tkopri, bħala regola ġenerali, id-danni tal-“passiġġieri kollha”. Il-kopertura ta’ passiġġier taħt l-assigurazzjoni hija għalhekk paragunabbli ma’ dik ta’ kwalunkwe persuna oħra fit-triq li tkun qed issuq vettura. Madankollu, dik id-dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni, li għandha l-għan li tiggarantixxi l-iktar kopertura kompleta possibbli minn assigurazzjoni għal kull min juża t-triq, ma tippreġudikax, finalment, il-kwistjoni ta’ possibbli riduzzjoni, jew anki telf sħiħ, tad-dritt tal-passiġġieri għal kumpens bis-saħħa tad-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili. Għaldaqstant, dik iċ-ċirkustanza ma twassal għal ebda konsegwenza partikolari f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens. Din hija wkoll il-konklużjoni li wasal għaliha, kif korrettament irrimarkat il-Kummissjoni ( 65 ), ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Carvalho Ferreira Santos rigward l-Artikolu 1a tad-Direttiva 2005/14 u tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/103 — dwar, madankollu, is-suġġett tal-kopertura ta’ kategoriji oħra ta’ min juża t-triq. Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kwalità ta’ passiġġier tal-parti leża fiha nfisha ma għandhiex impatt fuq l-evalwazzjoni ta’ din il-kawża.

68.

Ladarba jkun stabbilit, kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali, li t-telf tad-dritt għal kumpens tal-parti leża huwa, finalment, dovut għal raġuni ta’ esklużjoni tar-responsabbiltà ċivili, isir impossibbli li jinġibdu xi paralleli mas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Candolin et kif ukoll Farrell, li għalihom il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll sabiex timmotiva d-domanda preliminari tagħha. Fil-fatt, b’differenza miċ-ċirkustanzi li kienu wasslu għal dawk is-sentenzi, id-dritt għal kumpens ta’ V. Marques Almeida bħala vittma tal-inċident ma huwiex affettwat minn limitazzjoni tal-kopertura tar-responsabbiltà ċivili minn dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ assigurazzjoni.

69.

Bil-kontra tar-regoli tad-dritt rispettivament applikabbli fil-kawżi prinċipali fil-kawżi Candolin et kif ukoll Farrell, id-dispożizzjonijiet legali tad-dritt Portugiż involuti hawnhekk ma jwasslux għall-konsegwenza li jeskludu awtomatikament — jew li jirriduċu b’mod sproporzjonat — id-dritt tal-parti leża li tkun ikkumpensata mill-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili obbligatorja tas-sewwieq tal-vettura involuta fl-inċident meta din tkun ikkontribwixxiet għad-danni tagħha stess. Dawk id-dispożizzjonijiet legali ma jaffettwawx il-garanzija, stabbilita bid-dritt tal-Unjoni, li r-responsabbiltà ċivili stabbilita bid-dritt nazzjonali applikabbli tkun koperta minn assigurazzjoni kompatibbli mad-direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur.

70.

Peress li dan il-każ għandu punti paralleli ovvji mas-sentenzi Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio kif ukoll Carvalho Ferreira Santos dwar il-problema ġuridika li qamet, l-applikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza hija meħtieġa fil-prinċipju. Loġikament, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonkludi għalhekk li d-direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur ma jipprekludux sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili li, f’każ ta’ ħabta bejn żewġ vetturi fejn il-ħtija ma hija imputabbli lil ebda wieħed mis-sewwieqa, teskludi jew tillimita d-dritt għal kumpens tal-passiġġier ferut ta’ waħda mill-vetturi minħabba li huwa jkun ikkontribwixxa għall-okkorrenza tad-dannu tiegħu.

D – Nuqqas ta’ neċessità li tiġi mmodifikata l-ġurisprudenza

71.

L-analiżi preċedenti wriet li d-direttivi dwar l-armonizzazzjoni tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur jissodisfaw l-għan leġiżlattiv tagħhom, li huwa dak li jiġi żgurat li r-responsabbiltà ċivili minħabba l-vetturi tkun koperta minn assigurazzjoni. Madankollu, huma ma jaffettwawx l-estensjoni ta’ din ir-responsabbiltà, peress li huma ma jaħsbux għal armonizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok għal soluzzjoni oħra, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ħlief li jiġi aċċettat li l-liġi ċivili tal-Istati Membri rispettivi ( 66 ) jwasslu għal risposti differenti fir-rigward tal-estensjoni tad-dritt għal kumpens ta’ vittmi ta’ inċidenti bħal ma huwa V. Marques Almeida. Jidher li huwa impossibbli li sseħħ armonizzazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet b’mod indirett, permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-direttivi, mingħajr ma jsir indħil fil-kompetenzi tal-leġiżlatur tal-Unjoni li sa issa deliberatament irrinunzja għal tali armonizzazzjoni. Anki fl-ipoteżi fejn armonizzazzjoni tas-sistemi legali ta’ responsabbiltà ċivili tkun meqjusa neċessarja, tali proċedura ma tkunx mixtieqa, speċjalment peress li armonizzazzjoni ppjanata tad-dritt ċivili ( 67 ) mwettqa mil-leġiżlatur innifsu tal-Unjoni hija essenzjali, kif juru ċertu numru ta’ eżempji reċenti ( 68 ).

VII – Konklużjoni

72.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari li saru mit-Tribunal da Relação de Guimarães kif ġej:

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili li, f’każ ta’ ħabta bejn żewġ vetturi fejn il-ħtija ma hija imputabbli lil ebda wieħed mis-sewwieqa, teskludi jew tillimita d-dritt għal kumpens tal-passiġġier ferut ta’ waħda mill-vetturi minħabba li huwa jkun ikkontribwixxa għall-okkorrenza tad-dannu tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: is-Sloven.

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

( 2 ) Plato (Πλάτων bil-Grieg antik, madwar 427/428 sa 347/348 qabel Kristu) irreġistra l-ħsibijiet tiegħu fuq il-kumpens fix-xogħol tiegħu “Νόμοι” (Il-Liġijiet).

( 3 ) Antiphon ta’ Rhamnos (“Άντιφών” bil-Grieg antik, madwar 480 sa 410 qabel Kristu), ħalla ħafna sottomissjonijiet orali, li kienu maħsuba għal proċessi ġudizzjarji. Huwa kien ukoll l-awtur ta’ tliet Tetroloġiji, jiġifieri eżerċizzji retoriċi li jipparagunaw żewġ diskorsi tal-attur u żewġ diskorsi tal-konvenut u li fihom huwa żviluppa wkoll it-tema tal-ħtija tal-vittma.

( 4 ) Ara, fuq din il-kwistjoni, H. Barta, “Die Entstehung der Rechtskategorie ‘Zufall’ – Zur Entwicklung des haftungsrechtlichen Zurechnungsinstrumentariums im antiken Griechenland und dessen Bedeutung für die europäische Rechtsentwicklung”, Lebend(ig)e Rechtsgeschichte (editjat minn H. Barta/T. Mayer-Maly/F. Raber) u Plato, Werke – Übersetzung und Kommentar (editjat minn E. Heitsch/C. Werner Müller/K. Sier), Göttingen 2011.

( 5 ) Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10, iktar ’il quddiem, l-“Ewwel Direttiva”).

( 6 ) Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3, iktar ’il quddiem, it-“Tieni Direttiva”).

( 7 ) Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249, iktar ’il quddiem, it-“Tielet Direttiva”).

( 8 ) Jirriżulta minn studju kkummissjonat mill-Kummissjoni li n-nuqqas li jintlibes iċ-ċintorin ta’ sigurtà huwa, wara l-eċċess ta’ veloċità u l-alkoħol fis-sewwieq, il-kawża l-iktar frekwenti ta’ mwiet fl-inċidenti tas-sewqan. Hija waslet għall-konklużjoni li miżuri maħsuba sabiex isaħħu l-obbligu li jintlibes iċ-ċintorin tas-sigurtà jistgħu jsalvaw sa 7 300 ħajja fis-sena fl-Unjoni Ewropea [Commission Staff Working Document - Respecting the rules, better road safety enforcement in the European Union, COM(2008) 151]. Fil-White Paper tagħha tat-12 ta’ Settembru 2001 dwar il-politika Ewropea fuq it-trasport [COM(2001) 370 finali], il-Kummissjoni kienet ipproponiet li l-Unjoni Ewropea tistabbilixxi l-għan li tnaqqas bin-nofs in-numru ta’ mwiet fit-toroq sal-2010. Diversi inizjattivi leġiżlattivi kienu ġew imnedija fil-kuntest ta’ dan il-programm ta’ azzjoni, fosthom direttivi li jaħsbu sabiex il-vetturi bil-mutur kollha jkunu mgħammra b’ċintorini ta’ sigurtà u sabiex jestendu l-obbligu li jintlibes taċ-ċintorin ta’ sigurtà, għas-sedili kollha f’dawn il-vetturi bil-mutur. L-ilbies obbligatorju taċ-ċintorin ta’ sigurtà kien ġie inizjalment introdott bid-Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 353), emendata bid-Direttiva 2003/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ April 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 277). Fil-bidu, din kienet tapplika biss għal vetturi ta’ inqas minn 3.5 tunellati mgħammra b’sistema tat-trażżin u, għal ċerti vetturi oħra (karozzi tal-passiġġieri, vetturi kummerċjali ħfief), ma kinitx timponi l-obbligu li jintlibes iċ-ċintorin fis-sedili ta’ wara. Wara l-2006, l-ilbies taċ-ċintorin ta’ sigurtà sar obbligatorju fil-vetturi kollha.

( 9 ) C-484/09, Ġabra p. I-1821.

( 10 ) C-409/09, Ġabra p. I-4955.

( 11 ) Ara, għal ħarsa ġenerali storika tal-armonizzazzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur, il-punti 45 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi tas-7 ta’ Diċembru 2010 fis-sentenza Carvalho Ferreira Santos (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9), kif ukoll F. Reichert-Facilidades, “Europäisches Versicherungsvertragsrecht?”, Festschrift für Ulrich Drobnig zum siebzigsten Geburtstag (editjat minn J. Basedow/K. J. Hopt/H. Kötz), Tübingen 1998, p. 127 u U. Lemor, Kommentar zur Kraftfahrtversicherung (editjat minn H. Feyock/Peter. Jacobsen/Ulf. Lemor), Tielet Edizzjoni, Munich 2009, Parti 1, punt 5.

( 12 ) ĠU L 263, p. 11.

( 13 ) Sentenza tad-19 ta’ April 2007, Farrell (C-356/05, Ġabra p. I-3067).

( 14 ) Ibidem, punt 35.

( 15 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

( 16 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

( 17 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.

( 18 ) Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2005 (C-537/03, Ġabra p. I-5745).

( 19 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

( 20 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

( 21 ) Ara G. Caradonna, “Responsabilità civile da circolazione dei veicoli”, Giurisprudenza italiana – Recentissime dalle Corti europee, 2011, p. 761; V. Michel, “Assurance automobile obligatoire et responsabilité civile”, Europe, Mejju 2011 punt 5, p. 44 u, tal-istes awtur, “Indemnisation de la victime fautive”, Europe, Awwissu 2011, punt 8, p. 43, li jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligu ta’ kopertura tad-danni lit-terzi riżultanti minn inċidenti fit-triq, minn naħa, u l-qsim tar-responsabbiltà ċivili bejn is-sewwieqa involuti, min-naħa l-oħra, billi dan it-tieni aspett jirrigwarda esklużivament il-kompetenza leġiżlattiva tal-Istati Membri. Ara, fuq il-prinċipju msejjaħ tas-separazzjoni tas-sistema tar-responsabbiltà ċivili u tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili, H. Baumann, “Zur Überwindung des Trennungsprinzips im System von Haftpflicht und Haftpflichversicherung”, Festgabe Zivilrechtslehrer 1934/1935 (editjat minn W. Hadding), Berlin 1999, p. 13, kif ukoll C. Von Bar, “Das Trennungsprinzip und die Geschichte des Wandels der Haftpflichtversicherung”, Archiv für die civilistische Praxis, 1981, Nru 181, p. 289, li jitkellem kontra l-importazzjoni tal-partikolaritajiet tad-dritt dwar l-assigurazzjonijiet fid-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili, u dan jidher li jissuġġerixxi li fid-dritt nazzjonali teżisti separazzjoni netta bejn dawn iż-żewġ oqsma ġuridiċi. N. Jansen, Die Struktur des Haftungsrechts, Tübingen 2003, p. 115, ċertament jinnota n-natura aċċessorja tad-dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-kumpannija ta’ assigurazzjoni fil-konfront tar-responsabbiltà nfisha imma, fl-istess ħin, jinsisti fuq id-differenzi li jikkaratterizzaw id-dritt dwar ir-responsabbiltà u d-dritt dwar l-assigurazzjoni. Jekk id-dritt dwar ir-responsabbiltà jservi sabiex jikkumpensa d-danni, id-dritt dwar l-assigurazzjoni, min-naħa tiegħu, jaħseb għat-tqassim tal-ispejjeż li jitnisslu mir-responsabbiltà bejn korpi kollettivi.

( 22 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

( 23 ) Sentenza Carvalho Ferreira Santos (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 11 sa 14.

( 24 ) Ara l-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża.

( 25 ) Ara, diġà, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2000, Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira (C-348/98, Ġabra p. I-6711, punti 23 u 29). Dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel, it-tieni u t-tielet Direttiva applikabbli għall-Istati EFTA/ŻEE, ara l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-EFTA (skont il-prinċipju ta’ omoġeneità previst mid-dritt ŻEE), b’mod partikolari s-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2001, Helgadóttir (E-700, punt 30), u tal-20 ta’ Ġunju 2008, Nguyen (E-8/07, punt 24). Id-Direttivi huma applikabbli wkoll għall-Istati EFTA/ŻEE bis-saħħa tal-punti 8, 9 u 10 tal-Anness IX tal-Ftehim ŻEE. Il-ġurisprudenza fil-qasam tad-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur fiż-Żona Ekonomika Ewropea kienet ġiet influwenzata minn dan l-iskambju bejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti tal-EFTA, li infirex fuq ħafna snin. Ara, dwar il-karatteristiċi prinċipali ta’ dan id-djalogu ta’ natura unika, C. Baudenbacher, “Some thoughts on the EFTA Court’s phases of life”, Judicial Protection in the European Economic Area, Stuttgart 2012, p. 11 et seq, kif ukoll “The EFTA Court, the ECJ, and the Latter’s Advocates General – a Tale of Judicial Dialogue”, Continuity and Change in EU Law – Essays in Honour of Sir Francis Jacobs (editjat minn A. Arnull/T. Tridimas), Oxford 2008, p. 90 et seq.

( 26 ) Ibidem, punt 59.

( 27 ) Ibidem, punt 60.

( 28 ) Ibidem, punti 50 sa 53, 61 u 70 et seq.

( 29 ) Iċċitata iktar ’il fuq, punt 18.

( 30 ) Iċċitata iktar ’il fuq, punt 13.

( 31 ) Konklużjonijiet fil-kawża Carvalho Ferreira Santos, punti 61 u 70. Ara M. Micha, Der Direktanspruch im europäischen Internationalen Privatrecht, Tübingen 2010, p. 72 et seq, li janalizza s-sentenza Farrell esklużivament mill-perspettiva tad-dritt dwar l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili.

( 32 ) Ibidem, punt 74.

( 33 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

( 34 ) Ibidem, punt 31.

( 35 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.

( 36 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.

( 37 ) Ibidem, punt 32.

( 38 ) Ibidem, punt 33.

( 39 ) Ibidem, punt 34.

( 40 ) Ibidem, punt 44.

( 41 ) Ibidem, punt 45.

( 42 ) Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 149, p. 14).

( 43 ) Sentenza Carvalho Ferreira Santos, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 46.

( 44 ) Sentenza Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 22.

( 45 ) Ibid., punt 2.

( 46 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

( 47 ) Ibidem, punt 25.

( 48 ) Ibidem, punt 26.

( 49 ) Ibidem, punt 31.

( 50 ) Ibidem, punt 32.

( 51 ) Ibidem, punt 33.

( 52 ) Ibidem, punt 34.

( 53 ) Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 32), u tat-28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères (C-88/99, Ġabra p. I-10465, punti 18 u 19). Ara K. Lenaerts, D. Arts, I. Maselis, Procedural Law of the European Union, Tieni Edizzjoni, Londra 2006, p. 48 et seq, punt 2-021.

( 54 ) Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 114).

( 55 ) Ara l-punt 35 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Portugiż.

( 56 ) Ara l-punt 41 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

( 57 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ara l-punt 4 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż.

( 61 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 1964, Unger (75/63, Ġabra p. 347), u tat-18 ta’ Diċembru 1997, Annibaldi (C-309/96, Ġabra p. I-7493, punt 13).

( 62 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C-323/09, Ġabra p. I-8625, punt 46), u tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger (C-523/10, punti 26 u 28).

( 63 ) Sentenzi tat-3 ta’ Frar 1977, Benedetti (52/76, Ġabra p. 163, punt 25); tal-21 ta’ Settembru 1999, Kordel et (C-397/96, Ġabra p. I-5959, punt 25), tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética, (C-500/06, Ġabra p. I-5785, punt 21), kif ukoll tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans (C-442/10, Ġabra p. I-12639, punt 22).

( 64 ) Ara l-punt 23 tal-osservazzjonijiet ta’ V. Marques Almeida.

( 65 ) Ara l-punti 47 sa 51 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

( 66 ) Il-maġġoranza tal-Istati Membri (pereżempju l-Ġermanja, Spanja, l-Estonja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, is-Slovenja, l-Isvezja) jirrikonoxxu dritt għal kumpens tal-vittma tal-inċident anki fejn ma jintwera l-ebda tort fis-sewwieqa nvoluti. Dan jistrieħ, bħala regola ġenerali, fuq l-idea tar-responsabbiltà bħala riskju inerenti għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur. Dawn is-sistemi legali jagħtu wkoll lill-vittmi l-possibbiltà li jeżegwixxu d-dritt tagħhom għal kumpens direttament kontra l-kumpanniji ta’ assigurazzjoni. Madankollu, Stati Membri oħra ma jirrikonoxxux tali prinċipju ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija, imma jeżiġu mingħand il-persuna kkonċernata li hija tinvoka nuqqas tal-obbligu ta’ viġilanza min-naħa tas-sewwieq (pereżempju l-Irlanda u l-Pajjiżi Baxxi). F’dak li jikkonċerna l-portata tad-dritt għal kumpens fih innifsu, ċerti Stati Membri (pereżempju l-Polonja u s-Slovenja) jipprovdu l-possibbiltà ta’ tnaqqis jew anki telf ta’ dak id-dritt meta l-persuna kkonċernata ma kinitx liebsa ċ-ċintorin ta’ sigurtà tagħha fil-mument tal-inċident. Stati Membri oħra (pereżempju Franza u l-Isvezja) min-naħa tagħhom jirrikonoxxu li eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ dritt għal kumpens sħiħ jistgħu jiġu previsti biss f’każijiet speċifiċi. Bil-kontra, Stati Membri oħra (pereżempju il-Ġermanja, Spanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja) jipprovdu fil-prinċipju għal tnaqqis jew telf tad-dritt għal kumpens meta l-persuna kkonċernata ma tkunx issodisfat l-obbligu tagħha li tevita d-dannu. Madankollu, dan it-tnaqqis jew telf ma huwiex awtomatiku imma jiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kontroparti setgħetx turi li l-vittma ma kinitx ser tiġi feruta kif fil-fatt kienet li kieku osservat l-obbligu tagħha li tilbes iċ-ċintorin ta’ sigurtà.

( 67 ) Fost l-eżempji ta’ armonizzazzjoni gradwali tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tad-dritt ċivili, jista’ jiġi ċċitat il-Qafas komuni ta’ riferiment (“Common Frame of Reference”), li fih ukoll dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà fil-qasam ta’ delitti. Dan jipprovdi fl-Artikolu VI-1:101 (“Basic Rule”) l-prinċipju fundamentali li kull persuna li ssofri dannu minħabba att imputabbli lil terz għandha d-dritt għal kumpens. Il-punt VI-3:205 (“Accountability for damage caused by motor vehicles”) jipprovdi għar-responsabbiltà tad-detentur ta’ vettura bil-mutur minħabba d-dannu kkaġunat lil persuna oħra wara inċident tat-traffiku. Min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu tal-punt VI-5:102(1) (“Contributory fault and accountability”) jipprovdi għal tnaqqis tad-dritt għal kumpens proporzjonatament għall-grad ta’ kontribut tal-parti leża għad-danni tagħha stess. Madankollu skont il-paragrafu 2(c), ma hemmx tnaqqis tad-dritt għal kumpens meta d-danni jkunu saru fil-kuntest ta’ inċident tat-traffiku, ħlief fil-każ ta’ negliġenza kbira tal-vittima, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ. Dik id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni partikolari lill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.

( 68 ) Hija nnotata armonizzazzjoni parzjali tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tad-dritt ċivili, b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. Dan għaddej minn serje ta’ aġġustamenti leġiżlattivi li juru l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tikkonsolida u timmodernizza l-kisbiet li saru f’dan il-qasam. Minbarra l-emendi speċifiċi li saru lid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur (ĠU L 304, p. 64), li għandhom l-approċċ ta’ armonizzazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-Kummissjoni, bil-proposta tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2011 ta’ regolament tal-Parlament u tal-Kunsill fuq Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ (COM(2011) 635 finali), nediet proġett leġiżlattiv li fil-futur ser jippermettilha li tapplika b’mod fakultattiv id-dispożittiv li ġie introdott b’dan il-mod għal kuntratti ta’ bejgħ transkonfinali jekk il-partijiet kontraenti jkunu pprovdew dan espressament.