KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-31 ta’ Jannar 2012 ( 1 )

Kawża C-130/10

Il-Parlament Ewropew

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Regolament (UE) Nru 1286/2009 — Miżuri restrittivi kontra persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama Bin Laden, man-netwerk Al-Qaida u mat-Taliban — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Għażla tal-bażi legali — Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE — Dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Pożizzjonijiet komuni u deċiżjonijiet PESK — Proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni”

I – Introduzzjoni

1.

Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1286/2009, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban ( 2 ), għar-raġuni prinċipali li ma ġiex adottat fuq bażi legali xierqa.

2.

Ir-regolament ikkontestat kien ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 215(2) TFUE. Il-Parlament isostni li kellu jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 75 TFUE.

3.

L-Artikolu 215 TFUE jidher fit-Titolu IV (“Il-miżuri restrittivi”) tal-ħames parti tat-Trattat FUE, dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea.

4.

Dan l-artikolu jgħid hekk:

“1.

Meta deċiżjoni, li tiġi adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli ta’ l-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà [ ( 3 )] u tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa. Għandu jinforma b’dan lill-Parlament Ewropew.

2.

Meta deċiżjoni li tkun adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tipprevedi hekk, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri restrittivi taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 1 kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali.

3.

L-atti previsti f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali.”

5.

Il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE li jirreferi għalih l-Artikolu 215 TFUE fih “dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni”.

6.

L-Artikolu 75 TFUE, min-naħa tiegħu, jagħmel parti mill-Kapitolu 1 (“Dispożizzjonijiet ġenerali”) tat-Titolu V (“L-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”) tat-Tielet Parti (“Politika u azzjonijiet interni ta’ l-Unjoni”) tat-Trattat FUE. Skont dan l-Artikolu:

“Fejn meħtieġ biex jitwettqu l-objettivi previsti fl-Artikolu 67, fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u attivitajiet marbuta ma’ dan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jiddefinixxu qafas għal miżuri amministrattivi fir-rigward tal-movimenti tal-kapital u tal-pagamenti, bħall-iffriżar ta’ fondi, assi finanzjarji jew benefiċċji ekonomiċi li jappartjenu lil, jew li jkunu proprjetà ta’, jew miżmuma minn, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux statali.

Il-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni għandu jadotta miżuri sabiex jimplimenta l-qafas imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

L-atti previsti f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali.”

7.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-Artikolu 215(2) TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa tar-regolament ikkontestat, il-Parlament isostni, b’mod sussidjarju, li l-kundizzjonijiet dwar l-użu ta’ din id-dispożizzjoni ma ġewx irrispettati.

8.

Il-motiv prinċipali imqajjem mill-Parlament joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tippreċiża l-metodu u l-kriterji li jippermettu li ssir distinzjoni, fir-rigward ta’ miżuri restrittivi, bejn dawk li jaqgħu taħt l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ( 4 ) u dawk li għandhom jiġu adottati fil-qafas tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK).

9.

Għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm it-Trattat ta’ Lisbona neħħa l-istruttura ta’ pilastri li kienet teżisti qabel, l-eżerċizzju tad-delimitazzjoni bejn il-politiki tal-Unjoni xorta tibqa’ meħtieġa. Xhieda ta’ dan, l-Artikolu 40 TUE jgħid li:

“L-implimentazzjoni tal-[PESK] m’għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa rispettiva tal-kompetenzi ta’ l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 E tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.

Bl-istess mod, l-implimentazzjoni tal-politika prevista f’dawk l-Artikoli m’għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa rispettiva tal-kompetenzi ta’ l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni taħt dan il-Kapitolu (fuq id-“dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-[PESK]’)” ( 5 ).

10.

Qabel ma jiġi eżaminat dan ir-rikors, ser nindika fil-qosor il-ġrajjiet li ppreċedew l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

11.

Fis-16 ta’ Jannar 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ( 6 ) adotta r-Riżoluzzjoni 1390 (2002) li tistabbilixxi l-miżuri li għandhom jiġu imposti fir-rigward ta’ Usama bin Laden, tal-Membri ta’ l-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u ta’ persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati oħra. Din ir-riżoluzzjoni, essenzjalment tipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tagħha, iż-żamma ta’ miżuri tal-iffriżar ta’ fondi, imposti fil-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) u 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000). Skont il-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002), dawn il-miżuri għandhom jerġgħu jiġu eżaminati mill-Kunsill tas-Sigurtà tnax-il xahar wara li jiġu adottati, u fit-tmiem ta’ dan il-perijodu l-Kunsill kellu jiddeċiedi jew li jippermetti li jinżammu jew jiddeċiedi li jtejjibhom.

12.

Peress li azzjoni tal-Komunità Ewropea kienet neċessarja sabiex tiġi implementata din l-aħħar riżoluzzjoni, il-Kunsill, fis-27 ta’ Mejju 2002 adotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 15 UE, il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Usama bin Laden, il-membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u ta’ persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati oħra, u ħassret il-Pożizzjonijiet Komuni 96/746/PESK, 1999/727/PESK, 2001/154/PESK u 2001/771/PESK ( 7 ). L-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402 jipprevedi, b’mod partikolari, il-proroga tal-iffriżar tal-fondi u l-assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra tal-individwi, gruppi impriżi u entitajiet imsemmijin fil-lista stabbilità skont ir-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999) u 1333 (2000).

13.

Fl-istess jum, ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan ( 8 ). L-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 jinkludi lista ta’ persuni, entitatjiet u gruppi li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar tal-fondi impost permezz tal-Artikolu 2 (iktar ’il quddiem il-“lista”).

14.

Ir-regolament ikkontestat ġie adottat mill-Kunsill fit-22 ta’ Diċembru 2009. Dan ir-regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 215(2) TFUE u jirreferi għal proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni. Dan jemenda r-Regolament Nru 881/2002 wara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni ( 9 ), billi introduċa proċedura ta’ elenkar li tiżgura li d-drittijiet fundamentali tad-difiża u, b’mod partikolari, dak għal smigħ xieraq, jiġu rrispettati. Il-proċedura riveduta tistabbilixxi li l-persuna, l-entità, l-organu jew il-grupp li jidhru fil-lista għandhom jiġu informati bir-raġunijiet għall-elenkar fuqha skont l-istruzzjonijiet tal-kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà maħluq bir-Riżoluzzjoni 1267 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar l-Al-Qaida u t-Taliban ( 10 ), biex jingħataw il-possibbiltà li jesprimu l-veduti tagħhom fuq dawn ir-raġunijiet.

II – It-talbiet tal-partijiet

15.

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla r-regolament ikkontestat;

tordna li jinżammu l-effetti tar-regolament ikkontestat sakemm dan jiġi ssostitwit, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

16.

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad it-talba bħala mhux fondata, u

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

17.

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Awwissu 2010, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tad-Danimarka ġew ammessi bħala intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

18.

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Diċembru 2010, ir-Renju tad-Danimarka tneħħa minn parti intervenjenti billi kien talab li jirtira l-intervent tiegħu.

19.

It-trattazzjonijiet tal-partijiet instemgħu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta tat-7 ta’ Diċembru 2011.

20.

Fl-ewwel lok, ser neżamina l-motiv imqajjem b’mod prinċipali mill-Parlament, ibbażat fuq għażla allegatament ħażina tal-bażi legali tar-regolament ikkontestat, imbagħad, jekk ikun il-każ, fit-tieni lok, il-motiv sussidjarju, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet dwar l-użu tal-Artikolu 215 TFUE.

III – Fuq il-motiv prinċipali bbażat fuq l-għażla allegatament żbaljata tal-bażi legali

A – L-argumenti tal-partijiet

21.

Bl-ewwel motiv tiegħu, il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-regolament ikkontestat ma setax ikun validament ibbażat fuq l-Artikolu 215 TFUE. Dan il-motiv huwa suddiviż f’żewġ partijiet fejn l-ewwel parti tirrigwarda l-iskop u l-kontenut ta’ dan ir-regolament u t-tieni parti s-sinjifikat ġenerali tat-Trattati.

1. Fuq l-iskop u l-kontenut tar-regolament ikkontestat

22.

Skont il-Parlament, hija ġurisprudenza stabbilita, li l-għażla ta’ bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-iskop u l-kontenut tal-att. Il-bażi ġuridika tar-regolament ikkontestat għandha tkun, fid-dawl tal-kontenut u tal-għan tagħha, l-istess bħal dik tar-Regolament Nru 881/2002, adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE. Madankollu, billi dawn l-artikoli kienu tħassru jew saru inapplikabbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-bażi legali xierqa għandha tkun l-Artikolu 75 TFUE li jirrigwarda l-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-attivitajiet konnessi.

23.

Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tiegħu, fil-parti l-kbira r-regolament ikkontestat sempliċement jifformula mill-ġdid jew jikkjarifika dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 881/2002 jew biex jiffaċilita l-applikazzjoni tiegħu, mingħajr ma jibdel bl-ebda mod in-natura tal-kontenut ta’ dan tal-aħħar. L-uniċi dispożizzjonijiet sostantivi verament ġodda huma dawk li jirrigwardaw il-proċedura tal-elenkar. Ir-regolament ikkontestat għandu min-natura ta’ “qafas għal miżuri amministrattivi” fis-sens tal-Artikolu 75 TFUE sa fejn dan jemenda jew jikkompleta l-qafas leġiżlattiv għall-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ miżuri amministrattivi intiżi għall-iffriżar tal-fondi tal-partijiet ikkonċernati.

24.

Fir-rigward tal-għan tar-regolament ikkontestat, dan huwa mmirat, l-istess bħar-Regolament Nru 881/2002, biex jiġġieled kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, li jikkorrispondi mal-għanijiet tal-Artikolu 75 TFUE. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-punt 169 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li jgħid li l-iskop essenzjali u l-għan tar-Regolament ikkontestat huwa li jiġi miġġieled it-terroriżmu internazzjonali, b’mod partikolari li jinqatgħu ir-riżorsi finanzjarji tiegħu billi jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-persuni jew entitajiet issuspettati li huma involuti f’attivitajiet li huma marbuta miegħu. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll, fil-punt 199 ta’ din is-sentenza, li l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li saret il-Qorti Ġenerali), li r-Regolament Nru 881/2002 fih wieħed mill-għanijiet tat-Trattat UE fir-rigward ta’ relazzjonijiet esterni, fosthom il-PESK, tmur kontra l-kliem stess tal-Artikolu 308 KE.

25.

Billi dan ir-regolament ma huwiex intiż biex jitwettqu l-għanijiet tal-PESK, huwa diffiċli li wieħed jifhem kif jista’ jagħmel hekk ir-regolament ikkontestat, adottat biex jiżgura l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Il-Parlament jenfasizza li l-Kunsill jista’ jirrikorri għall-Artikolu 215 TFUE biss għal miżuri li jwettqu l-għanijiet tal-PESK u, b’mod iktar preċiż, meta deċiżjoni intiża biex tilħaq l-għanijiet ta’ din il-politika tkun tipprevedih.

26.

Skont il-Parlament, il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tikkorrispondix mal-fatti jew mar-realtà tal-affarijiet sa fejn din tibbaża fuq distinzjoni bejn, minn naħa, it-terroriżmu internazzjonali jew “estern” u, min-naħa l-oħra, it-terroriżmu “intern”. Biex tkun effettiva, il-ġlieda kontra t-terrożimu għandu jkollha natura internazzjonali. L-unika distinzjoni li hija possibbli li ssir f’dan il-kuntest hija dik bejn, minn naħa, il-miżuri nazzjonali kontra t-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, il-miżuri internazzjonali kontra dan il-fenomenu. Ma huwiex dejjem possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk l-attivitajiet terroristiċi u konnesi magħmulin fi ħdan l-Unjoni joħolqux theddida ġewwa jew ’il barra minnha.

27.

Il-Kunsill isostni li, fir-rigward tal-għanijiet u l-kontenut tiegħu, ir-regolament ikkontestat jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati fuq l-azzjoni esterna tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari, il-qasam tal-PESK. L-Artikolu 215 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għal din il-miżura.

28.

Dan ir-regolament, bħar-Regolament Nru 881/2022, huwa intiż biex jiġġieled kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-finanzjament tiegħu sabiex jiġu pperservati l-paċi u s-sigurtà fil-livell internazzjonali. Il-Kunsill ifakkar, f’dan ir-rigward, il-kliem tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) tal-Kunsill tas-Sigurtà u tar-Regolament Nru 881/2002 li jimplementaha, kif ukoll is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

29.

Il-kontenut tar-regolament ikkontestat jikkorrispondi ma’ dan l-għan. L-Artikoli 7a u 7c li dan jintroduċi fir-Regolament Nru 881/2002 jikkonfermaw li dawn ir-regolamenti jimplementaw direttament id-deċiżjonijiet ta’ elenkar adottati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u li jistabbilixxu sistema ta’ interazzjoni bejn dan il-kumitat, l-Unjoni u l-persuni u entitajiet elenkati.

30.

Ir-Regolament Nru 881/2002 u r-regolament ikkontestat bl-ebda mod ma jidħlu fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet intiżi biex jinħoloq SLSĠ fi ħdan l-Unjoni. Ma jirregolawx kwistjonijiet dwar il-kontrolli tal-fruntieri, u lanqas dwar is-sigurtà interna u lanqas l-għarfien tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jew extraġudizzjarji.

31.

Il-Kunsill, kif ukoll ir-Repubblika Franċiża, isostnu li t-Trattati, fil-verżjoni tagħhom ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ma kienu jiprevedu l-ebda bażi legali speċifika li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ terroristi li jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà pubblika fl-Istati Membri, jiġifieri terroristi “interni”. L-uniċi bażijiet legali għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri restrittivi setgħu kienu l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE li applikaw biss għal terroristi “esterni” fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

32.

Mill-istruttura tal-formulazzjoni tat-Trattati, kif emendati mit-Trattat ta’ Lisbona jirriżulta, li l-post fejn tinstab theddida possibbli kif ukoll l-għanijiet politiċi ta’ persuna jew ta’ grupp elenkat għandhom jiġu kkunsidrati biex tiġi deċiża l-bażi legali ta’ miżura restrittiva. L-Artikolu 75 TFUE diġà pprovda bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ terroristi “interni”, bħal dawk il-persuni u l-gruppi li l-ismijiet tagħhom, immarkat b’asterisk, huwa elenkat fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu ( 11 ). Iżda, jekk it-theddida tirrigwarda prinċipalment Stat terz wieħed jew diversi jew lill-komunità internazzjonali inġenerali, l-Artikolu 215 TFUE huwa l-bażi legali xierqa. Ikun illegali għall-Unjoni li tadotta, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE, li tirregola l-SLSĠ, l-iffriżar ta’ assi li kkontribwew għas-sigurtà ta’ Stat terz iżda li ma kienx intiż biex jiżgura s-sigurtà interna.

33.

Barra minn hekk, skont il-Kunsill, sostnut sostanzjalment mir-Renju tal-Isvezja, l-argument tal-Parlament ma jikkunsidrax il-każijiet fejn l-Unjoni tfittex li tadotta jew timponi, fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, miżuri restrittivi minbarra l-iffriżar tal-assi, bħal projbizzjoni tal-ivvjaġġar, kontra persuni jew entitajiet assoċjati mat-terroriżmu “estern”.

34.

Ir-Renju tal-Isvezja jippreċiża li l-pożizzjoni tal-Parlament għandha l-effett li l-implementazzjoni tas-sanzjonijiet meħudin fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-terroristi tibbaża fuq bażijiet legali differenti li jikkonċernaw diversi miżuri ta’ sanzjonijiet fi ħdan l-istess sistema waħda ta’ sanzjonijiet. Din ma setgħetx kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod partikolari minħabba l-fatt li sistema bħal din tfisser l-applikazzjoni ta’ proċeduri deċiżjonali differenti fil-kuntest rispettivament tal-qasam tal-PESK u tal-politika interna tal-Unjoni.

35.

Il-Kummissjoni tispjega li meta tipproponi att li jagħmel emenda, hija tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet li servew ta’ bażi għall-adozzjoni tal-att inizjali. Għalhekk, il-proposta ta’ regolament tal-Kunsill li l-Kummissjoni ppreżentat fit-22 ta’ April 2009 ( 12 ), semmiet l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE bħala bażijiet legali. Billi dik il-proposta kienet pendenti quddiem il-Kunsill fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni tindika li kellha teżamina l-konsegwenzi purament legali u tekniċi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward ta’ dan l-att. Hija waslet għall-konklużjoni, approvata mir-Rappreżentant Għoli, li l-Artikolu 215(2) TFUE jkopri l-aspetti kollha kkonċernati tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE. Dan l-approċċ jaqbel mal-konstatazzjonijiet magħmulin mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

36.

Fir-rigward tal-effett ta’ din is-sentenza fuq il-kwistjoni tal-bażi legali, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni tal-Parlament li, fid-dawl ta’ din is-sentenza, att ibbażat fuq l-Artikolu 308 KE ma jistax ikollu bħala għan il-PESK. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestatx li l-Artikoli 60 KE u 301 KE kienu jikkostitwixxu l-bażijiet legali li kienu jippermettu l-adozzjoni tal-miżuri Komunitarji li għandhom l-għan tal-PESK. Għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 881/2002, hija identifikat it-tieni għan Komunitarju sottostanti, marbut mal-funzjonament tas-suq komuni, biex tiġġustifika l-inklużjoni tal-Artikolu 308 KE bħala t-tielet bażi legali. Barra minn hekk, ikkonfermat li t-Trattat KE kien jeħtieġ li din id-dispożizzjoni tintuża biex jiġu imposti miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-każ ta’ nuqqas ta’ rabta mas-sistema regolatorja ta’ Stat terz.

37.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikoli 215 TFUE u 75 TFUE ma jistgħux jintużaw flimkien bħala bażijiet legali għar-regolament ikkontestat. Huwa impossibbli li att jiġi bbażat fl-istess ħin fuq dawn iż-żewġ artikoli meta jistabbilixxu kundizzjonijiet differenti fir-rigward tal-proċedura t-teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluża l-applikazzjoni tal-Protokoll (Nru 21) fuq il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, kif ukoll il-Protokoll (Nru 22) fuq il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mal-istess Trattati. Hija ssostni li waħda mid-differenzi kruċjali bejn l-Artikoli 215 TFUE u 75 TFUE hija n-neċessità ta’ rabta mad-deċiżjonijiet adottati skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE ( 13 ) meħudin fl-interess tal-paċi u tas-sigurtà fil-livell internazzjonali, ikun xi jkun il-post ġeografiku preċiż u tkun xi tkun il-portata tat-theddida terroristika inkwistjoni. Meta miżuri restrittivi dwar it-terroriżmu jkollhom jittieħdu skont it-Trattat FUE fit-teħid ta’ deċiżjoni PESK li ssegwi riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, l-Artikolu 215 TFUE huwa l-unika bażi legali possibbli.

2. Fuq is-sinjifikat ġenerali tat-Trattati

38.

Skont il-Parlament, is-sinjifikat ġenerali u l-ispirtu tat-Trattati jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom. F’dan il-każ, jiġġustifikaw l-għażla tal-Artikolu 75 TFUE bħala bażi legali tar-regolament ikkontestat.

39.

L-ewwel nett, ir-regolament ikkontestat huwa marbut mal-protezzjoni ta’ persuni u ta’ gruppi. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri dwar id-drittijiet fundamentali fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew bl-approvazzjoni tal-Parlament biss. L-Artikolu 215(2) TFUE japplika biss għal dak li jirrigwarda miżuri li ma jqajmux, bl-istess intensità, kwistjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali.

40.

It-tieni nett, l-Artikolu 75 TFUE jawtorizza lill-Unjoni tadotta miżuri li jirrigwardaw il-movimenti ta’ kapitali u ta’ ħlasijet, b’għarfien tal-fatt li dawn il-miżuri jistgħu jkollhom effett fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-kapitali u tal-provvista tas-servizzi finanzjarji. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fil-punt 229 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-“[miżuri restrittivi ta’ natura ekonomika] min-natura tagħhom, jippreżentaw […] konnessjoni mal-funzjonament tas-suq komuni”. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 881/2002 jirreferi huwa stess, fir-raba’ premessa tiegħu, għall-ħtieġa li tiġi evitata b’mod partikolari distorsjoni tal-kompetizzjoni.

41.

It-tielet nett, ir-regolament ikkontestat jirrigwarda t-twaqqif ta’ SLSĠ. Jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kriminalità, b’mod partikolari t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, li jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet ta’ dan l-ispazju, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 3(2) TUE.

42.

Fl-aħħar nett, il-Parlament isemmi n-nuqqas ta’ konnessjoni bejn ir-regolament ikkontestat u l-PESK. Skont l-Artikolu 24(1) TUE, il-PESK hija suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi. L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli u dawn il-proċeduri ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom tmur kontra l-għanijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE u għandha l-effett li ċċaħħad lill-parlamenti nazzjonali mill-applikazzjoni tal-protokolli fuq ir-rwol tagħhom u fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità kif ukoll iċċaħħad lill-Parlament mill-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

43.

Insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, il-Parlament jirreferi wkoll għall-punt 235 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ż-żieda tal-Artikolu 308 KE mal-bażi legali tar-Regolament Nru 881/2002 kienet iġġustifikata għaliex “ippermettiet lill-Parlament [...] jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali dwar il-miżuri inkwistjoni li kienu jikkonċernaw speċifikament lil individwi filwaqt li, fil-kuntest tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, ebda rwol mhuwa previst għal din l-istituzzjoni”.

44.

Il-Parlament jikkonkludi li huwa kontra d-dritt tal-Unjoni li wieħed ikun jista’ jadotta miżuri li jkollhom effett dirett fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi u tal-gruppi, fuq is-suq intern u fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità, permezz ta’ proċedura li teskludi l-parteċipazzjoni tal-Parlament, meta l-proċedura leġiżlattiva ordinarja tapplika għall-adozzjoni tal-miżuri f’ċerti oqsma. It-Trattat ta’ Lisbona jirrifletti r-rieda tal-Istati Membri li tiġi rrinforzata n-natura demokratika tal-Unjoni. Huwa risposta għal bżonn urġenti li jiġi stabbilit kontroll Parlamentari dwar il-prattiċi ta’ elenkar. Ir-rikonoxximent tal-Artikolu 215(2) TFUE bħala bażi legali xierqa għall-miżuri bħar-regolament ikkontestat fil-prattika jispiċċa biex iċaħħad lill-Artikolu 75 TFUE minn parti kbira mill-effettività tiegħu. Il-Parlament jirrimarka wkoll li dan l-aħħar artikolu jikkostitwixxi bażi legali iktar speċifika milli l-Artikolu 215 TFUE.

45.

Il-Kunsill isostni li l-argumenti ppreżentati mill-Parlament dwar is-sinjifikat ġenerali tat-Trattati ma jikkostitwixxux kriterji rilevanti għad-determinazzjoni tal-bażi legali xierqa tar-regolament ikkontestat.

46.

Il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet huma stabbiliti mit-Trattati u jvarjaw skont l-oqsma differenti ta’ azzjoni tal-Unjoni. L-argument sostnut mill-Parlament ifisser li huma l-proċeduri li jiddeterminaw l-għażla tal-bażi legali u mhux bil-maqlub. L-element varjabbli marbut mar-rwol tal-Parlament fil-proċedura huwa rilevanti biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Huwa hekk fil-każ ta’ miżura li fl-istess ħin ikollha numru ta’ għanijiet jew ikollha diversi komponenti li huma marbutin flimkien, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju għall-ieħor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa possibbli li jinstabu bażijiet legali differenti korrispondenti sakemm dawn ma jkunux inkompatibbli. Biex tiġi ddeterminata l-kompatibbiltà tagħhom, irid jiġi kkunsidrat jekk meta jittieħdu flimkien dawn il-bażijiet legali jkunux ta’ natura li jippreġudikaw id-drittijiet tal-Parlament. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Parlament vs Il-Kunsill ( 14 ).

47.

Il-Kunsill jenfasizza li l-għażla tal-bażi legali għandha tibbaża fuq elementi oġġettivi, b’mod partikolari l-iskop u l-kontenut tal-att. Dan il-prinċipju kien ġie kkonfermat fis-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kienet semmiet, fil-punt 235 ta’ din is-sentenza, li l-użu tal-Artikolu 308 KE kien jippermetti lill-Parlament li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali, xorta jibqa’ l-fatt li din l-osservazzjoni kienet ġiet ippreżentata biss biex tikkompleta l-argumenti prinċipali tal-Qorti tal-Ġustizzja bbażati fuq l-għanijiet tat-Trattat KE.

48.

Barra minn hekk, l-argument tal-Parlament li l-Unjoni setgħet tadotta miżuri li jirrigwardaw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem bl-involviment tiegħu biss jidher kontradett mill-Artikolu 215(3) TFUE, li jgħid li l-“atti previsti f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali”. Din id-dispożizzjoni tagħmilha ċara li att adottat skont l-artikolu msemmi jista’ jaffettwa d-drittijiet fundamentali.

49.

Il-Kunsill isostni wkoll li l-Artikolu 215 TFUE għandu l-għan li jippermetti lill-Kunsill li jadotta miżuri direttament applikabbli għall-operaturi ekonomiċi. Din id-dispożizzjoni tikkontribwixxi biex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq komuni.

50.

Fir-rigward tar-relazzjoni bejn ir-regolament ikkontestat u l-PESK, il-Kunsill isemmi t-theddida partikolari li tirrappreżenta Al-Qaida. Dan ir-regolament jikkostitwixxi l-qafas li fih l-Unjoni timplementa l-obbligi li għandha skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Ma jkunx irraġonevoli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tar-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà sabiex tiġi stabbilita l-bażi legali xierqa.

51.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill jenfasizza li t-Trattat ta’ Lisbona ma affettwax id-delimitazzjoni bejn il-PESK u l-SLSĠ. Għall-kuntrarju, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 TUE kienet ġiet enfasizzata l-importanza ta’ linja li tiddelimita b’mod ċar iż-żewġ oqsma. Għaldaqstant, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li r-regolament ikkontestat kellu għan li jirrigwarda l-PESK, l-Artikolu 215(2) TFUE kien jikkostitwixxi l-unika bażi possibbli għall-adozzjoni tiegħu.

B – Il-kunsiderazzjoni tiegħi

52.

Waħda mill-kontribuzzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona kienet li kkompleta l-istrumenti legali li jippermettu lill-Unjoni tadotta miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux statali. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 75 TFUE u l-Artikolu 215(2) TFUE issa espressament ikopru dawn l-indirizzati b’mod li jkun inutli li wieħed jirrikorri għal dak li jikkostitwixxi l-ekwivalenti tal-Artikolu 308 KE, jiġifieri l-Artikolu 352 TFUE ( 15 ).

53.

Il-kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata hawnhekk hija l-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 75 TFUE u l-Artikolu 215 TFUE. Il-fehmiet espressi, minn naħa, mill-Parlament u min-naħa l-oħra, mill-partijiet l-oħrajn fuq dan is-suġġett huma radikalment opposti.

54.

L-argument prinċipali tal-Parlament jikkonsisti, biex ngħidu f’sentenza, fil-kunsiderazzjoni li l-Artikolu 75TFUE biss jista’ jintuża bħala bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

55.

Ngħid mall-ewwel li dan l-argument xejn ma jikkonvinċini.

56.

Infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tibbaża fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-iskop u l-kontenut tal-att ( 16 ).

57.

L-eżami tal-għan li jrid jintlaħaq mir-regolament ikkontestat ma jistax isir b’mod iżolat imma għandu jikkunsidra l-atti li dan tal-aħħar jirreferi għalihom u li magħhom jistabbilixxi konnessjoni ( 17 ), jiġifieri, b’ordni kronoloġiku, ir-Riżoluzzjoni 1390 (2002) tal-Kunsil tas-Sigurtà, il-Pożizzjoni Komuni 2002/402 kif ukoll ir-Regolament Nru 881/2002 li r-regolament ikkontestat jimmodifika f’diversi punti.

58.

Fir-realtà, dawn l-atti legali kollha għandhom skop wieħed, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali. Wieħed mill-mezzi essenzjali biex jintlaħaq dan l-għan jikkonsisti f’li jinqatgħu r-riżorsi finanzjarji mill-organizzazzjonijiet terroristiċi billi jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-persuni jew tal-entitajiet issuspettati li huma implikati fl-attivitajiet li huma marbutin mat-terroriżmu.

59.

Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-iskop essenzjali u l-għan tar-Regolament Nru 881/2002 huma li jiġi miġġieled it-terroriżmu internazzjonali ( 18 ). Fil-ħdax-il premessa tiegħu, ir-regolament ikkontestat jippreċiża li l-“iskop tar-Regolament […] Nru 881/2002 huwa li jipprevjeni r-reati terroristiċi, inkluż l-iffinanzjar tat-terroriżmu, sabiex jinżammu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali”. Fil-fehma tiegħi dan huwa l-għan aħħari segwit kemm mil-leġiżlazzjoni internazzjonali kif ukoll mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq.

60.

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tar-regolament ikkontestat, nikkunsidra li kemm fl-għan kif ukoll fil-kontenut tiegħu, huwa għal kollox konformi ma’ dak l-approċċ u, fid-dawl partikolari tal-lezzjonijiet li jistgħu jittieħdu mis-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, jiżviluppah b’mod li tiġi rrikonċiljata l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Ir-regolament ikkontestat jikkostitwixxi għalhekk, fl-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, proċedura ta’ elenkar li għandha bħala għan li jkun iggarantit li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tad-difiża, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ.

61.

Issa għandu jiġi ddeterminat ma’ liema politika tal-Unjoni jista’ jintrabat, wara t-Trattat ta’ Lisbona, l-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu internazzjonali sabiex jinżammu l-paċi u s-sigurtà fil-livell internazzjonali.

62.

Fil-fehma tiegħi, għan bħal dan jikkorrispondi mal-finijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif inhuma enumerati b’mod partikolari fl-Artikolu 21(2)(a) u (c) TUE. Skont din id-dispożizzjoni:

“L-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem sabiex tassigura grad għoli ta’ koperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex:

a)

tissalvagwardja l-valuri, l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tagħha;

b)

tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

ċ)

tippreserva l-paċi, tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll skond il-prinċipji ta’ l-Att Finali ta’ Helsinki u skond l-objettivi tal-Karta ta’ Pariġi, inklużi dawk dwar il-fruntieri esterni”.

63.

Għalkemm l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 21(2) TUE huma komuni għall-azzjoni esterna tal-Unjoni, mingħajr ma wħud jkunu irriżervati espressament għall-PESK, nikkunsidra li l-għanijiet li hemm fis-subparagrafi (a) sa (c) huma fost dawk li tradizzjonalment huma assenjati għal din il-politika. F’dan ir-rigward nirrileva li l-għanijiet li jidhru fl-Artikolu 21(2)(a) sa (c) TUE essenzjalment jikkorrispondu għal dawk li kienu assenjati lill-PESK skont l-Artikolu 11(1) UE ( 19 ). Barra minn hekk, dawn l-għanijiet jikkoinċidu mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24(1) TUE li jgħid l-“kompetenza ta’ l-Unjoni f’materji ta’ politika estera u ta’ sigurtà komuni għandha tkopri l-oqsma kollha tal-politika estera u l-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà ta’ l-Unjoni, inkluż it-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni, li tista’ twassal għal difiża komuni”.

64.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali li ssegwi għan wieħed jew iżjed imsemmijin fl-Artikolu 21(2)(a) sa (c) TUE u b’mod partikolari dak intiż għall-preservazzjoni tal-paċi u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, għandha tiġi kkunsidrata li taqa’ fil-qasam tal-PESK, b’mod li azzjoni bħal din għandha titmexxa skont ir-regoli u l-proċeduri speċifiċi li jidhru fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE.

65.

Inżid ngħid li, kuntrarjament għal dak li ċerti argumenti mressqin mill-Parlament iġiegħluk taħseb, il-ġlieda kontra t-terroriżmu tista’ ċertament titmexxa mill-Unjoni fil-qafas tal-azzjonijiet tagħha fil-qasam tal-PESK. Għalkemm ir-rwol tal-PESK kien diġà ġie affermat f’diversi dokumenti politiċi adottati fil-livell tal-Unjoni ( 20 ), issa dan huwa stabbilit fi ħdan it-Trattati. Minbarra l-Artikolu 215 TFUE li, fil-fehma tiegħi, jixhed l-affermazzjoni tar-rwol tal-PESK fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, niċċita l-Artikolu 43(1) TUE minn fejn jirriżulta li l-missjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni ( 21 )“jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż bl-appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorji tagħhom”. Barra minn hekk, mill-kliem tal-klawżola tas-solidarjetà li hemm fl-Artikolu 222 TFUE, li jista’ jiskatta jekk Stat Membru jkun suġġett għal attakk terroristiku, jirriżulta li din hija marbuta mal-PESK, partikolament fejn huwa kkonċernat il-PSDK.

66.

Fil-każ inkwistjoni, il-fatt li r-regolament ikkontestat jikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti li permezz tiegħu l-Unjoni implementat azzjoni ta’ natura internazzjonali deċiża fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà u intiża bla dubju biex tippreserva l-paċi u s-sigurtà internazzjonali ( 22 ) huwa element importanti għall-kunsiderazzjoni li dan ir-regolament jista’ jintrabat mal-qasam tal-PESK. Huwa preċiżament fil-kuntest ta’ din il-politika li hija implementata s-sistema li tippermetti interazzjoni bejn id-deċiżjonijiet meħudin fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti u dawk meħudin fil-livell tal-Unjoni sabiex jiċċaħħdu mir-riżorsi l-persuni u l-entitajiet marbutin mal-movimenti terroristiċi. F’dan il-qafas għandha tiġi kkunsidrata, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, iċ-ċirkustanza li l-persuni u l-entitajiet koperti b’dawn il-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi huma indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u li l-Unjoni sempliċement tirriproduċi l-lista deċiża fi ħdan il-kumitat.

67.

Ladarba dan jiġi stabbilit, huwa ċar, fl-opinjoni tiegħi, li l-Artikolu 215(2) TFUE huwa l-unika dispożizzjoni li tippermetti lill-Unjoni tadotta miżuri restrittivi bħal dawk relatati mar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, b’differenza mal-Artikolu 75 TFUE, l-Artikolu 215(2) TFUE ma jistax jintuża ħlief meta deċiżjoni rilevanti tal-PESK tistabbilixxi azzjoni ta’ dan it-tip. Meta l-Unjoni tieħu deċiżjoni li tmexxi azzjoni fix-xena internazzjonali, bħal dik li hemm fiċ-ċentru ta’ din il-kawża, fil-qafas tal-PESK, hija naturalment il-bażi legali li tistabbilixxi pont ma’ din il-politika li għandha tintuża. L-għażla ta’ bażi legali oħra tmur kontra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 TUE li, infakkar, jafferma l-prinċipju li l-implementazzjoni tal-politiki imsemmijin fl-Artikoli 3 TFUE sa 6 TFUE ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-portata rispettiva tal-poteri tal-istituzzjonijiet previsti mit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni skont il-PESK.

68.

Ngħid ukoll li, b’differenza mal-Artikolu 75 TFUE, l-Artikolu 215(2) TFUE jipprevedi l-adozzjoni ta’ “miżuri restrittivi” b’mod ġenerali, mingħajr ma jillimitahom għal dawk il-miżuri li jikkonċernaw il-moviment ta’ kapital u ta’ ħlasijiet. Għalhekk, l-Artikolu 215(2) TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali li tippermetti lill-Unjoni li tadotta miżuri bħal dawk li jirrestrinġu l-moviment tal-persuni milquta jew li jipprojbixxu l-bejgħ ta’ armi lil dawk il-persuni ( 23 ). Għaldaqstant din id-dispożizzjoni tidher adatta aħjar għall-varjetà ta’ azzjonijiet li jistgħu jitmexxew mill-Unjoni fil-qafas tal-PESK fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali.

69.

Barra minn hekk ngħid ukoll li, sa fejn l-Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE jaqgħu taħt politiki differenti tal-Unjoni Ewropea, li jsegwu għanijiet ċertament kumplimentari, imma mhux neċessarjament għandhom l-istess dimensjoni, u li jobdu regoli u proċeduri li huma differenti ( 24 ), ma jidhirlix li huwa opportun li wieħed jara r-relazzjoni bejn dawk iż-żewġ bażijiet legali billi waħda titqies lex generalis u l-oħra lex specialis. Ir-relazzjoni bejn l-Artikoli 75 u 215 TFUE għandha pjuttost titqies f’termini kumplimentari. Barra minn hekk, id-differenzi fil-proċeduri li bihom jistgħu jiġu implimentati l-Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE, li jirriflettu d-diverġenza ta’ natura tal-politiki li huma marbutin magħhom, fil-fehma tiegħi, jipprekludu li dawn iż-żewġ bażijiet legali jintużaw fl-istess ħin.

70.

Huwa veru li fil-kuntest tal-Artikolu 215 TFUE, il-Parlament ma għandux poteri daqstant wesgħin bħal fil-kuntest tal-Artikolu 75 TFUE, li jistabbilixxi l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Dan il-fatt, madankollu, ma huwiex determinanti fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali tar-regolament ikkontestat. Kif jgħid ġustament il-Kunsill, ma humiex il-proċeduri li jiddefinixxu l-bażi ġuridika, imma bil-maqlub. Barra minn hekk, id-dimensjoni “PESK” li tikkaratterizza l-Artikolu 215 TFUE ċertament tispjega l-għażla magħmula mill-awturi tat-Trattat FUE dwar il-pożizzjoni tal-Parlament.

71.

Billi dan huwa l-każ, il-pożizzjoni li jokkupa l-Parlament fil-qasam tal-PESK ċertament ma hijiex negliġibbli. B’mod partikolari, l-obbligi li għandu, f’dan il-kuntest, ir-Rappreżentant Għoli f’termini ta’ relazzjonijiet mal-Parlament jippermettu, b’ċertu mod, li tiġi kkumpensata n-nuqqas ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja. Għalhekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36 TUE jistabbilixxi li r-Rappreżentant Għoli “għandu jikkonsulta regolarment mal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali tal-[PESK] u tal-[PSDK] u jinformah bl-evoluzzjoni ta’ din il-politika. Hu għandu jiżgura li l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew jiġu kkunsidrati kif dovut. Ir-rappreżentanti speċjali jistgħu jkunu involuti fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew”. Għalhekk ir-Rappreżentant Għoli għandu l-obbligu li jinvolvi lill-Parlament fid-deċiżjonijiet meħudin f’materja tal-PESK, sa fejn jippermettu l-eżiġenzi ta’ kunfidenzjalità u ta’ għaġla li jikkaratterizzaw din il-politika tal-Unjoni. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 36 TUE jkompli jgħid li l-Parlament “jista’ jagħmel mistoqsijiet jew rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill jew lir-Rappreżentant Għoli. Għandu jkollu dibattitu darbtejn fis-sena dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-[PESK], inkluża l-[PSDK]”

72.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nista’ nfisser fil-qosor il-ħsieb tiegħi kif ġej. Nikkunsidra li r-regolament ikkontestat ġie adottat b’mod korrett fuq il-bażi tal-Artikolu 215(2) TFUE minħabba d-dimensjoni “PESK” tiegħu. Din id-dimensjoni qiegħda fil-fatt li, minn naħa, meta jissupplimenta l-qafas leġiżlattiv għall-miżuri restrittivi adottati fir-rigward ta’ persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk Al-Qaida u t-Talibani, dan ir-regolament għandu bħala għan prinċipali l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali sabiex jinżammu l-paċi u s-sigurtà fil-livell internazzjonali. Min-naħa l-oħra, ir-regolament ikkontestat jagħmel parti mis-sistema implementata mill-Unjoni sabiex tmexxi ’l quddiem azzjoni internazzjonali deċiża fil-Kunsill tas-Sigurtà u, b’mod iktar speċifiku, għall-implementazzjoni ta’ miżuri għall-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi fir-rigward ta’ persuni u entitajiet indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

73.

L-analiżi li wasslitni għall-konferma tal-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-użu tal-Artikolu 215(2) TFUE bħala bażi legali għar-regolament ikkontestat teħtieġ ftit iktar rimarki.

74.

L-ewwel nett nixtieq nenfasizza li l-każ imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ma huwiex l-uniku wieħed fejn l-Artikolu 215(2) TFUE jista’ jikkostitwixxi bażi legali xierqa. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tista’ tippermetti lill-Unjoni li tadotta miżuri restrittivi kontra persuni u entitajiet marbutin ma’ organizzazzjonijiet terroristiċi biex tiġi ssuplimentata l-azzjoni deċiża mill-Unjoni fil-qafas tal-PESK intiża għal Stati terzi biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jiġġieldu t-terroriżmu. Fl-ispirtu ta’ dak stabbilit fl-Artikolu 43(1) TUE, miżuri restrittivi bħal dawn jippermettu lill-Unjoni, flimkien mad-diversi missjonijiet ta’ natura ċivili u militari li hija tista’ twettaq skont il-PSDK, li tappoġġa azzjoni meħuda minn Stati terzi biex jiġġieldu t-terroriżmu fit-territorju tagħhom. Billi dawn il-miżuri jikkostitwixxu azzjoni mill-Unjoni fil-kuntest tal-PESK, għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 215(2) TFUE.

75.

Barra minn hekk, ma nistax naċċetta l-argument tal-Kunsill li d-delimitazzjoni bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikoli 75 TFUE u 215(2) TFUE għandha tibbaża fuq distinzjoni bejn terroristi msejħin “interni”, it-terroristi msejħin “esterni” u t-terroristi msejħin “internazzjonali”. Fil-fatt kategorizzazzjoni bħal din tmur kontra n-natura stess tat-terroriżmu li, bl-attakk fuq il-valuri komuni u l-pedamenti stess tal-Istat tad-dritt, jirrigwarda lill-komunità internazzjonali kollha, tkun xi tkun il-portata ġeografika tat-theddida. Barra minn hekk, billi tiġġenera inċertezza legali, id-distinzjoni li jiddefendi l-Kunsill tmur kontra l-ħtieġa ta’ ġlieda effikaċi kontra t-terroriżmu.

76.

It-terroriżmu jinjora l-fruntieri. Anki jekk il-mira ewlenija ta’ organizzazzjoni terroristika tista’, għall-ewwel, tidher li hija limitata għal żona ġeografika partikolari, din l-organizzazzjoni spiss ikollha friegħi internazzjonali, b’mod partikolari għall-finanzjament tal-azzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, jekk grupp terroristiku li jaġixxi ġeneralment ġewwa l-Unjoni jiddeċiedi f’mument partikolari li jikkollabora ma’ gruppi oħrajn terroristiċi li b’għanijiet simili u li jinsabu barra mill-Unjoni, il-persuni u l-entitajiet marbutin mal-ewwel grupp jitilfu b’hekk l-istatus ta’ terroristi “interni” biex isiru terroristi “esterni”, jekk mhux terroristi “internazzjonali”? Dawn l-elementi huma biżżejjed, fil-fehma tiegħi, biex juru l-impossibbiltà prattika li tiġi implementata distinzjoni bħal din.

77.

L-importanza tal-ġlieda kontra t-terroriżmu timponi, barra minn hekk, li jiġu mmobilizzati l-istrumenti legali kollha li joffru t-Trattati lill-Unjoni. F’din il-perspettiva, qed ninsisti fuq il-fatt li l-analiżi li wasslitni, f’din il-kawża, li norbot ir-regolament ikkontestat mal-qasam tal-PESK bl-ebda mod ma jfisser li kull azzjoni esterna tal-Unjoni bl-għan li tiġġieled it-terroriżmu għandha tittieħed sistematikament fil-kuntest tal-PESK.

78.

B’mod partikolari, ma għandhiex tiġi injorata d-dimensjoni esterna li jista’ jkollha l-azzjoni tal-Unjoni fil-qafas tal-politika tagħha tat-twaqqif ta’ SLSĠ. Bħala eżempju, insemmi li l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea fuq l-użu u t-trasferiment ta’ Rekords ta’ Ismijiet ta’ Passiġġieri (data PNR) lejn id-Dipartiment tal-Istati Uniti għas-Sigurtà Interna, li l-Kummissjoni ppreżentat fit-23 ta’ Novembru 2011 ( 25 ), hija bbażata fuq l-Artikoli 82(1)(d) TFUE u 87(2)(a) TFUE li jirrigwardaw rispettivament il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) TFUE li tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni.

79.

Fl-aħħar nett, infakkar li, fil-fehma tiegħi, l-Artikoli 75 TFUE u 215(2) TFUE għandhom jiġu analiżżati mhux bħala li jmorru kontra xulxin imma bħala li jikkompletaw lil xulxin. F’dan id-dawl inqis li l-fatt li r-regolament ikkontestat jiġi kkunsidrat li huwa bbażat kif xieraq fuq l-Artikolu 215(2) TFUE ma jfissirx li l-Artikolu 75 TFUE jitneħħielu s-sens tiegħu. Fil-fatt, jidhirli li dan l-aħħar artikolu jikkostitwixxi l-bażi legali opportuna għall-adozzjoni mill-Unjoni, b’mod awtonomu u indipendenti minn kull inizjattiva fil-qasam tal-PESK, ta’ miżuri ta’ ffriżar tal-fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi kontra persuni u entitajiet mhux statali li jwettqu attivitajiet terroristiċi jew relatati, mingħajr ma jkun hemm bżonn li d-destinatarji ta’ dawn il-miżuri jiġu kklassifikati bħala terroristi “interni”, “esterni” jew “internazzjonali”.

80.

In-natura tal-Artikoli 215(2) TFUE u 75 TFUE bħala dispożizzjonijiet reċiprokament kumplimentari għandha sservi biex tneħħi t-tħassib, li huwa fundamentali fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, li s-sistema ma għandu jkollha l-ebda difett ta’ natura li tikkomprometti l-għan mixtieq, li huwa li jiġu ppreservati d-demokraziji kontra azzjonijiet li fil-verità huma intiżi biex itemmu l-eżistenza tagħhom.

81.

F’dan id-dawl, l-Artikolu 215(2) TFUE għandu jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni, kontra persuni u entitajiet mhux statali, tal-miżuri restrittivi li ġejjin:

il-miżuri intiżi biex isostnu l-azzjoni ta’ Stati terzi biex jiġġieldu t-terroriżmu fit-territorju tagħhom ( 26 ) jew, iktar fil-wisa’, biex jieqaf il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f’dawn l-Istati, billi dawn il-miżuri, bħal dawk imsemmijin fl-Artikolu 215(1) TFUE min-natura tagħhom jaqgħu fil-qafas tal-PESK.

il-miżuri meħudin kontra l-persuni u l-entitajiet indikati espressament mill-Kunsill tas-Sigurtà jew minn Kumitat tas-Sanzjonijiet maħluq minnu, li jikkorrispondu ma’ dawk inkwistjoni f’din il-kawża, u

l-implementazzjoni mill-Unjoni ta’ miżuri deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà u li fihom l-indikazzjoni tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati titħalla għall-evalwazzjoni tal-Istati Membri. F’każ bħal dan, l-għażla tal-Artikolu 215(2) TFUE, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi l-ewwel sa fejn azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa fl-applikazzjoni ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, li jikkontribwixxi biex din l-azzjoni tidħol fil-qasam tal-PESK.

82.

Iżda, fl-oqsma ’l barra mill-PESK fejn l-Unjoni hija għal kollox libera, kemm biex tibni l-SLSĠ, li tiżviluppa l-kooperazzjoni tal-pulizija jew ġudizzjarja mal-Istati terzi, jew li żżid, fuq inizjattiva tagħha, mal-listi stabbiliti mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li hija tqis li ma humiex kompleti, l-Unjoni għandha mbagħad taġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 75 TFUE.

83.

Fi tmiem ta’ dawn l-argumenti qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra li l-ewwel motiv imqajjem mill-Parlament għandu jiġi miċħud bħala infondat.

IV – Fuq il-motiv sussidjarju bbażat fuq in-nuqqas ta” osservanza tal-kundizzjonijiet dwar l-użu tal-Artikolu 215 TFUE

A – L-argumenti tal-partijiet

84.

Il-motiv sussidjarju, imqajjem mill-Parlament fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, kif jiena qed nipproponilha, li l-Artikolu 215(2) TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għar-regolament ikkontestat, huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni dwar proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni u t-tieni, fuq in-nuqqas allegat ta’ deċiżjoni PESK meħuda qabel ir-regolament ikkontestat.

1. Fuq l-allegat nuqqas ta’ proposta li tikkonforma mat-Trattati

85.

Skont il-Parlament, meta ġie adottat ir-regolament ikkontestat, fit-22 ta’ Diċembru 2009, ma kienx hemm Kummissjoni li setgħet leġittimament tippreżenta proposta konġunta flimkien mar-Rappreżentant Għoli billi l-mandat tal-Kummissjoni maħtura fit-22 ta’ Novembru 2004 skada fil-31 ta’ Ottubru 2009 u l-Kummissjoni l-ġdida bdiet taħdem biss fl-10 ta’ Frar 2010. Anki jekk kien aċċettabbli, fl-interess tal-kontinwità tax-xogħol ta’ din l-istituzzjoni li l-Kummissjoni maħtura fix-xahar ta’ Novembru 2004 tkompli tagħmel ċerti ħidmiet, l-awtorità tagħha kienet tkun limitata għall-ġestjoni ta’ kwistjonijiet kurrenti, jiġifieri deċiżjonijiet ta’ rutina. Hija ma kinitx awtorizzata li tieħu inizjattiva politika ewlenija li temenda l-bażi legali ta’ att li kien ifisser it-telf min-naħa tiegħu tan-natura leġiżlattiva tiegħu u ta’ kull influwenza mill-Parlament u l-parlamenti nazzjonali.

86.

Il-Parlament jikkunsidra li ma jistax jiġi sostnut li l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli kienet tikkostitwixxi sempliċi kontinwazzjoni tal-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni li aġixxiet weħedha fit-22 ta’ April 2009. Barra minn hekk, il-mod kif ġiet ippreżentata l-proposta ma kienx jikkonforma mar-rwol u r-responsabbiltajiet tar-Rappreżentant Għoli, kif stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona. Ma huwiex konċepibbli li proposta konġunta meħtieġa skont l-Artikolu 215(2) TFUE tista’ tinbidel b’sempliċi approvazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, bi proposta tal-Kummissjoni diġà eżistenti, adottata minn din tal-aħħar qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli, bħala responsabbli tal-PESK, huwa obbligat li jimmotiva b’mod adegwat l-proposta konġunta ppreżentata.

87.

Il-Kunsill isostni li meta l-mandat tal-Kummissjoni, mogħti fix-xahar ta’ Novembru 2004, skada fil-31 ta’ Ottubru 2009, din baqgħet tiffunzjona fl-istennija tal-ħatra ta’ Kummissjoni ġdida biex tiġi żgurata l-kontinwità meħtieġa tax-xogħol tal-istituzzjoni, kif inhu stabbilit fl-ewwel premessa tad-Deċiżjoni 2010/80/UE tal-Kunsill Ewropew, tad-9 ta’ Frar 2010, dwar il-ħatra tal-Kummissjoni Ewropea ( 27 ). Il-Parlament baqa’, matul il-perijodu tranżitorju mill-1 ta’ Novembru 2009 sal-10 ta’ Frar 2010, jittratta mal-Kummissjoni daqs li kieku kienet kompliet teżisti validament.

88.

Il-Kunsill jenfasizza li r-regolament ikkontestat ġie adottat fuq il-bażi ta’ proposta ta’ regolament tat-22 ta’ April 2009 approvata mir-Rappreżentant Għoli fl-14 ta’ Diċembru 2009. Din il-proposta baqgħet valida wara l-iskadenza tal-mandat tal-Kummissjoni fil-31 ta’ Ottubru 2009. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona kellu bħala l-uniku effett li jemenda l-proċedura li tirregola l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

89.

Il-Kunsill ifakkar li l-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill, fit-2 ta’ Diċembru 2009, Komunikazzjoni fuq il-Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa ( 28 ) li kienet tinkludi lista indikattiva ta’ proposti pendenti li hija kienet ippreżentat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u indikat, għal kull proposta minn dawn, il-konsegwenzi marbutin ma’ dan id-dħul fis-seħħ. Il-proposta tar-Regolament tat-22 ta’ April 2009 kienet inkluża f’din il-lista akkumpanjata b’riferiment li jindika li l-bażi legali tagħha kienet inbidlet, mill-artikoli ta’ qabel 60 KE, 301 KE u 308 KE għall-Artikolu 215 TFUE.

90.

Anki jekk wieħed jammetti li s-sitwazzjoni li fiha kienet il-Kummissjoni hija analoga għal dik prevista fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 246 TFUE (riżenja volontarja tal-membri kollha tal-Kummissjoni) il-ġurisprudenza ma tippermettix li jiġi konkluż li l-Kummissjoni qabżet il-qafas tal-ġestjoni tal-kwistjonijiet kurrenti. Fil-punt 96 tas-sentenza tagħha tas-6 ta’ Marzu 2003 Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni ( 29 ), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li deċiżjoni dwar l-għajnuna tal-Istat adottata mill-Kummissjoni wara r-riżenja kollettiva tal-membri tagħha “ma kinitx tikkostitwixxi inizjattiva politika ġdida, u b’hekk tmur lil hinn mis-setgħat ta’ Kummissjoni limitata għall-ġestjoni ta’ kwistjonijiet kurrenti”. Jekk din il-konklużjoni tgħodd għal deċiżjoni ġdida adottata mill-Kummissjoni matul il-perijodu kkunsidrat, hija a fortiori għandha tapplika fiċ-ċirkustanzi fejn proposta preeżistenti baqgħet pendenti. Barra minn dan, tqum il-kwistjoni jekk il-limitazzjoni għall-ġestjoni ta’ kwistjonijiet kurrenti prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 201 KE kinitx tapplika peress li l-Parlament ma kienx adotta l-mozzjoni ta’ ċensura fuq il-ġestjoni tal-Kummissjoni.

91.

Skont il-Kunsill, il-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni kienet ġiet debitament ippreżentata. Ir-Rappreżentant Għoli approvat, fl-14 ta’ Diċembru 2009, il-proposta tar-Regolament tat-22 ta’ April 2009. Ma kien la neċessarju u lanqas possibbli li tippreżenta stqarrija tar-raġunijiet separata. Lanqas ma kien ikun possibbli li tagħmel żidiet b’mod unilaterali lill-istqarrija tar-raġunijiet li hemm fil-premessi ta’ din il-proposta.

92.

L-argumenti mressqin mill-Kummissjoni inġenerali jaqblu ma dawk tal-Kunsill. Hija tippreċiża li l-komunikazzjoni tat-2 ta’ Diċembru 2009, imsemmija iktar ’il fuq, kienet inizjattiva purament legali u teknika li ma kienet tinvolvi l-ebda diskrezzjoni politika min-naħa tagħha. Barra minn hekk, din l-inizjattiva kienet indispensabbli biex tippermetti lill-leġiżlatur tal-Unjoni li jsegwi l-proċeduri leġiżlattivi pendenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-ebda emenda ma saret lit-test tal-proposta ta’ Regolament tat-22 ta’ April 2009 u li r-Rappreżentant Għoli approvat din il-proposta fl-14 ta’ Diċembru 2009, kif jistabbilixxi l-Artikolu 215 TFUE.

2. Fuq l-allegat nuqqas ta’ deċiżjoni PESK

93.

Skont il-Parlament, ir-regolament ikkontestat ma fih l-ebda riferiment għal deċiżjoni PESK, minkejja li l-Artikolu 215 TFUE jipprovdi għal dan. Il-preambolu ta’ dan ir-regolament jirreferi għall-Pożizzjoni Komuni 2002/402, imma din ma tikkostitiwixxix deċiżjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Pożizzjoni komuni adottata qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ma tistax tiġi kkunsidrata bl-istess mod bħal tali deċiżjoni.

94.

L-argumenti tal-Kunsill dwar iż-żamma tal-effetti legali ta’ dik il-pożizzjoni komuni skont il-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE ( 30 ), u skont dak li din l-istituzzjoni sejjaħ il-“prinċipju ta’ kontinwità tal-atti” ma humiex rilevanti. Ma jeżisti l-ebda element f’dan il-Protokoll, u lanqas ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxi li pożizzjoni komuni tista’ tieħu post id-deċiżjoni PESK. Il-Kunsill jinjora wkoll il-fatt li tali deċiżjoni nnifisha hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju minn parti li għandha locus standi u li l-Qorti tal-Ġustizzja stess tista’ anki tipprojbixxi lill-Kunsill milli jadotta miżuri skont l-Artikolu 215 TFUE.

95.

Fi kwalunkwe każ, ir-regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’irregolarità sa fejn ma huwiex immotivat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

96.

Il-Kunsill jenfasizza li r-Regolament Nru 881/2002, preċedut mill-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, jiddefinixxi d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri speċifiċi meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-iffriżar tal-fondi. Anki kieku ġie deċiż li dan ir-regolament jiġi emendat wara s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, billi jiżdiedu dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-garanziji proċedurali, ma kienx meħtieġ li tiġi emendata l-Pożizzjoni Komuni 2002/402 u lanqas li tiġi adottata deċiżjoni ġdida PESK għal dan l-iskop. Fil-fatt, meta att li jaqa’ taħt il-PESK li jkun jeħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi jeżisti diġà (billi dan l-att ma jkunx tħassar, annullat jew emendat), ma jistax ikun meħtieġ li deċiżjoni ġdida PESK tiġi adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE. Approċċ bħal dan jinjora l-prinċipju ta’ kontinwità tal-atti sanċit fl-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36).

97.

Il-Kunsill isostni wkoll li ma jfissirx li peress li issa l-persuni u l-entitajiet elenkati jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet PESK li jimponu miżuri restrittivi kontrihom, kwalunkwe emenda ta’ regolament eżistenti għandha neċessarjament tiġi ppreċeduta mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni PESK ġdida.

B – Il-kunsiderazzjoni tiegħi

98.

Nikkunsidra li l-kundizzjonijiet li bihom ġie adottat ir-regolament ikkontestat ma jmorrux kontra l-proċedura prevista fl-Artikolu 215(2) TFUE. L-elementi differenti li l-Parlament iressaq biex jikkontesta l-legalità ta’ dan ir-regolament ma jidhirlix li huma biżżejjed, fir-rigward tal-kuntest speċifiku li jikkostitwixxi d-dħul fis-seħħ ta’ Trattat ġdid, biex jiġi kkonstatat li hemm ksur tal-Artikolu 215(2) TFUE.

99.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ proposta konformi mat-Trattati, inqis li anki kieku l-kompiti tal-Kummissjoni wara l-iskadenza tal-mandat tagħha fil-31 ta’ Ottubru 2009 kellhom jitqiesu bħala ġestjoni ta’ kwistjonijiet kurrenti, dan bl-ebda mod ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli, minn naħa, issostni l-proposta ta’ regolament tagħha tat-22 ta’ April 2009 jew, min-naħa l-oħra, temendaha formalment billi tibdel ir-riferiment fih għall-bażi legali preċedenti b’riferiment għal wieħed ġdid. F’dan ir-rigward nosserva li, dwar il-proposti fejn ma kienx possibbli għalihom, minħabba n-natura u l-portata ta’ dawn l-atti, li ssir sempliċi sostituzzjoni tal-bażi legali preċedenti b’waħda ġdida, dawn ġew irtirati ( 31 ).

100.

Għar-rigward tal-ħtieġa ta’ proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-Rappreżentant Għoli uffiċjalment approvat, fl-14 ta’ Diċembru 2009, il-proposta għal regolament tat-22 ta’ April 2009. L-Artikolu 215 TFUE ma jeħtieġx li dan ir-Rappreżentant Għoli, li, infakkar, jagħmel parti mill-kulleġġ tal-Kummissjoni bħala viċi president u membru responsabbli mir-relazzjonijiet esterni ( 32 ), jagħmel stqarrija tar-raġunijiet separata jew jissupplimenta dik fil-proposta tal-Kummissjoni.

101.

Fit-tieni lok, dwar in-nuqqas allegat ta’ deċiżjoni PESK, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, l-effetti legali tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, adottati abbażi tat-Trattat UE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona huma ppreservati sakemm dawk l-atti jiġu revokati, annullati jew emendati fl-implementazzjoni tat-Trattati.

102.

Il-fatt li t-Trattat UE ma għadux jistabbilixxi pożizzjonijiet komuni imma deċiżjonijiet f’materja li tirrigwarda l-PESK ma għandux l-effett li jirrendi ineżistenti l-pożizzjonijiet komuni adottati taħt it-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel it-Trattat ta’ Lisbona, għaliex kieku dan kien il-każ, l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) jitneħħielu ħafna mill-effettività tiegħu. Għall-istess raġuni, il-fatt li l-kuntest ġuridiku li fih isiru d-deċiżjonijiet PESK ma huwiex eżattament l-istess bħal dak li qabel kien jirregola l-pożizzjonijiet komuni ma jmurx kontra li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ atti legali jistgħu jiġu assimilati għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 215 TFUE. Ir-riferiment li jagħmel dan l-artikolu għal deċiżjoni adottata b’mod konformi mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE għandha neċessarjament, għalhekk, jekk naqrawha flimkien mal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36), testendi għall-pożizzjonijiet komuni adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

103.

Minn dan isegwi li t-tieni motiv tal-Parlament għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

V – Konklużjoni

104.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ssemmew iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors, u

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 346, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”.

( 3 ) Iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant Għoli”.

( 4 ) Iktar ’il quddiem l-“SLSĠ”.

( 5 ) Ara A. Dashwood, “Article 47 TEU and the relationship between first and second pillar competences”, Law and Practice of EU External Relations, Cambridge University Press, 2008, p. 70, li għalih “Article 40 TEU […] makes clear that [Common Foreign and Security Policy] competences and the Union’s other competences are to be equally protected against each other” (p. 100).

( 6 ) Iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”.

( 7 ) ĠU L 139, p. 4.

( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 292.

( 9 ) C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351.

( 10 ) Iktar ’il quddiem il-“Kumitat tas-Sanzjonijiet”.

( 11 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217.

( 12 ) Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2002 [COM(2009) 187 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ regolament tat-22 ta’ April 2009”].

( 13 ) Iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet PESK”.

( 14 ) C-155/07, Ġabra p. I-8103.

( 15 ) L-awturi tat-Trattat FUE ħadu wkoll ħsieb li jippreċiżaw, fl-Artikolu 352(4) TFUE li dan l-artikolu “ma jistax iservi bħala bażi sabiex jintlaħaq objettiv tal-[PESK] u kull att adottat skond dan l-Artikolu għandu jirrispetta l-limiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta’ Artikolu 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (C-548/09 P, Ġabra p. I-11381, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F (C-550/09, Ġabra p. I-6213), li “l-interpretazzjoni tar-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar [l-adozzjoni ta’] miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu] timplika, […], li għandhom jiġu kkunsidrati l-kliem u l-għan tar-Riżoluzzjoni 1373(2001), li għaliha tirreferri t-tielet premessa ta’ dan ir-regolament” (punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Punti 169 u 184.

( 19 ) Ara, fuq dan il-punt, A. Dashwood, op. cit., p. 101 u 103; P. Van Elsuwege, “EU external action after the collapse of the pillar structure: in search of a new balance between delimitation and consistency”, Common Market Law Review, 2010, Nru 47, p. 987, speċjalment p. 1006, kif ukoll S. Becker-Alon, “The Communitarian Dimension of the European Union’s Common Foreign and Security Policy”, Nomos, Baden-Baden, 2011, p. 250.

( 20 ) Ara, għal lista tad-dokumenti l-iktar importanti f’din il-kategorija, J. Auvret-Finck, “Politique étrangère et de sécurité commune — Lutte contre le terrorisme”, Jurisclasseur Europe, 2009, Taqsima 2612. Ara wkoll, F. Terpan, “La PESC et le terrorisme international”, La sécurité internationale entre rupture et continuité — Mélanges en l’honneur du professeur Jean-François Guilhaudis, Bruylant, Brussell, 2007, p. 581.

( 21 ) Iktar ’il quddiem il-“PSDK”.

( 22 ) Ara s-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tal-preambolu tar-Riżouzzjoni 1390 (2002).

( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 2(1) u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402.

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24(1) TUE li jippreċiża li l-“[PESK] hija suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi”.

( 25 ) KUMM(2011) 807 finali.

( 26 ) Ara l-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) ĠU L 38, p. 7.

( 28 ) KUMM(2009) 665 finali.

( 29 ) T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435.

( 30 ) Iktar ’il quddiem il-“Protokoll (Nru 36)”.

( 31 ) Ara l-Anness 2 tal-Komunikazzjoni tat-2 ta’ Diċembru 2009, imsemmi iktar ’il fuq.

( 32 ) Ara l-Artikolu 18(4) TUE.