KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fil-5 ta’ April 2011 (1)
Kawża C‑108/10
Ivana Scattolon
vs
Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Ordinario di Venezia (l-Italja)]
“Politika soċjali – Direttiva 77/187/KEE – Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi – Trasferiment ta’ persunal ta’ entità pubblika għal entità pubblika oħra – Rikonoxximent mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti suprema tal-imsemmi Stat, tal-anzjanità fi grad miksuba qabel l-imsemmi trasferiment bħala dritt kweżit – Adozzjoni ta’ liġi retroattiva li teskludi din l-interpretazzjoni – Projbizzjoni lill-Istati Membri milli jinterferixxu, permezz tal-adozzjoni ta’ liġijiet retroattivi, f’kawżi pendenti quddiem il-qrati – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47”
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ negozji (2), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3).
2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn I. Scattolon u l-Ministero dell’Istruzione dell’Università e della Ricerca (Ministeru tal-Istruzzjoni, l-Università u r-Riċerka) dwar in-nuqqas ta’ rikonoxximent, meta seħħ it-trasferiment ta’ I. Scattolon mad-dipartiment tiegħu, tal-anzjanità fi grad kollha miksuba fis-servizz mal-muniċipalità ta’ Scorzè (l-Italja), il-persuna li oriġinarjament kienet timpjegaha.
3. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiċċara l-ġurisprudenza tagħha fir-rigward, minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187 f’każ ta’ trasferiment bejn impriżi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent miċ-ċessjonarju tal-anzjanità fi grad miksuba maċ-ċedent mill-persunal ittrasferit.
4. Din il-kawża toffri wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħti deċiżjoni fuq il-portata tad-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva li, filwaqt li tmur kontra ġurisprudenza nazzjonali favur it-teħid inkunsiderazzjoni miċ-ċessjonarju tal-anzjanità fi gradi kollha miksuba maċ-ċedent mill-persunal ittrasferit, tipproduċi effett immedjat fuq sensiela sħiħa ta’ kawżi pendenti, inkluża dik mibdija minn I. Scattolon, u dan favur il-pożizzjoni opposta, difiża mill-Istat Taljan.
5. F’dawn il-konklużjonijiet, sejjer nesponi r-raġunijiet għaliex nemmen li d-Direttiva 77/187 għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għal trasferiment bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri t-trasferiment ta’ persunal inkarigat mis-servizzi awżiljarji ta’ tindif, ta’ manutenzjoni u ta’ sorveljanza tal-bini fl-iskejjel tal-Istat ta’ korpi governattivi lokali (muniċipalitajiet u provinċji) lill-Istat.
6. Sussegwentement, sejjer nispjega kif, fl-opinjoni tiegħi, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni skont il-ftehim kollettiv applikabbli maċ-ċedent ma humiex prinċipalment ibbażati fuq il-kriterju ta’ anzjanità fi grad miksuba ma’ din il-persuna li timpjega u, min-naħa l-oħra, il-ftehim kollettiv applikabbli maċ-ċessjonarju jissostitwixxi dak li kien fis-seħħ maċ-ċedent, l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 77/187 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li ċ-ċessjonarju jieħu inkunsiderazzjoni l-anzjanità fi grad miksuba mill-persunal ittrasferit maċ-ċedent għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ dan il-persunal, u dan anki jekk il-ftehim kollettiv applikabbli maċ-ċessjonarju jipprovdi li l-kalkolu tar-remunerazzjoni huwa primarjament ibbażat fuq il-kriterju ta’ anzjanità fi grad.
7. Fl-aħħar nett, sejjer nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik ikkontestata fil-kawża prinċipali, sakemm jiġi pprovat, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ ċifri, li l-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienet intiża sabiex tiggarantixxi n-newtralità baġitarja tal-operazzjoni ta’ trasferiment tal-persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju (ATA) tal-awtoritajiet lokali għall-Istat, kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
8. Peress li t-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħ fl-1 ta’ Jannar 2000, jiġifieri qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998, li temenda d-Direttiva 77/187 (4), jiġifieri s-17 ta’ Lulju 2001, din il-kawża hija rregolata mill-verżjoni oriġinali tad-Direttiva 77/187 (5).
9. L-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva jipprovdi:
“Din id-Direttiva hija applikabbli għat-trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew parti minn negozji lil prinċipal ieħor bħala riżultat ta’ trasferiment bi ftehim jew għaqda legali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10. L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:
a) ċedent ifisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, minħabba trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1), ma tibqax il-prinċipal fir-rigward tal-impriża, tan-negozju jew ta’ parti minn negozju;
b) ċessjonarju jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, minħabba trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1), issir il-prinċipal fir-rigward tal-impriża, tan-negozju jew ta’ parti minn negozju;
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
11. Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/187:
“1. Id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċedent minn kuntratt ta’ impjieg jew minn relazzjoni ta’ impjieg, eżistenti fid-data tat-trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1), għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju.
[…]
2. Wara t-trasferiment skont l-Artikolu 1(1), iċ-ċessjonarju għandu jżomm il-kundizzjonijiet ta’ impjieg miftiehma fi ftehim kollettiv bl-istess mod kif dan il-ftehim kollettiv ikun stipulahom fis-servizz taċ-ċedent, sa meta l-ftehim kollettiv jiġi tterminat jew jiskadi jew sa meta jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat ftehim kollettiv ieħor.
L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perijodu għall-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ impjieg sakemm dan ma jkunx inqas minn sena.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
12. L-Artikolu 4 tal-istess Direttiva jipprovdi:
“1. It-trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn negozju ma jagħtix minnu nnifsu lok għal tkeċċija miċ-ċedent jew miċ-ċessjonarju. […]
2. Jekk il-kuntratt ta’ impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg jintemmu minħabba l-fatt li t-trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1) jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet ta’ impjieg għad-detriment tal-ħaddiem, il-persuna li timpjega għandha titqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt ta’ impjieg jew tar-relazzjoni ta’ impjieg.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
13. L-Artikolu 7 tal-imsemmija Direttiva jispeċifika li din “ma tippreġudikax l-għażla tal-Istati Membri li japplikaw jew idaħħlu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jiffavorixxu iktar lill-ħaddiema.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
B – Id-dritt nazzjonali
1. L-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili Taljan u l-Artikolu 32 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 29/93
14. Fl-Italja, l-implementazzjoni tad-Direttiva 77/187 u, sussegwentement, tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (6) hija żgurata, b’mod partikolari, bl-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili Taljan li jipprovdi li “fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża, ir-relazzjoni ta’ impjieg tkompli maċ-ċessjonarju u l-ħaddiem għandu jżomm id-drittijiet kollha li jirriżultaw minn dik ir-relazzjoni. [...] Iċ-ċessjonarju għandu japplika [...] il-ftehim kollettivi, li kienu fis-seħħ fid-data tat-trasferiment, u dan sakemm jiskadu, kemm-il darba dawn ma jiġux issostitwiti minn ftehim kollettivi oħra li japplikaw għan-negozju taċ-ċessjonarju”.
15. L-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 29/93, dwar ir-razzjonalizzazzjoni tal-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjieg pubbliku (decreto legislativo n. 29 – razionalizzazione della organizzazione delle Amministrazioni pubbliche e revisione della disciplina in materia di pubblico impiego) tat-3 ta’ Frar 1993 (7), fil-verżjoni fis-seħħ fiż-żmien il-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi li “f’każ ta’ trasferiment [...] ta’ attivitajiet ipprovduti mill-amministrazzjoni pubblika, entitajiet pubbliċi jew istituzzjonijiet jew strutturi tagħhom għal persuni ġuridiċi oħra, pubbliċi jew privati, l-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili japplika għall-persunal ittrasferit lil dawn tal-aħħar”.
2. L-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 124/99, id-digrieti ministerjali li jimplementawh u l-ġurisprudenza relatata
16. Sal-1999, is-servizzi anċillari tal-iskejjel pubbliċi Taljani, bħal dawk tat-tindif, ta’ manutenzjoni u ta’ sorveljanza ġew ipprovduti u ffinanzjati mill-Istat. Huwa ddelega, parzjalment, il-ġestjoni ta’ dawn is-servizzi lill-awtoritajiet lokali, bħall-muniċipalitajiet. Dawn is-servizzi kienu mwettqa parzjalment mill-persunal ATA tal-Istat u parzjalment mill-awtoritajiet lokali.
17. L-awtoritajiet lokali pprovdew is-servizzi kemm permezz tal-persunal ATA tagħhom (iktar ’il quddiem il-“persunal ATA tal-awtoritajiet lokali”) u kemm bil-konklużjoni ta’ kuntratti pubbliċi ma’ impriżi privati. Il-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali kien jitħallas minnhom, bir-rimbors sħiħ ta’ kull spiża mill-Istat.
18. Il-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali kien remunerat abbażi tal-ftehim kollettiv tas-settur tar-reġjuni u tal-awtonomiji lokali (Contratto Collettivo Nazionale di Lavoro – Regioni Autonomie Locali, iktar ’il quddiem il-“CCNL tal-persunal tal-awtoritijiet lokali”). Min-naħa l-oħra, il-persunal ATA tal-Istat impjegat fl-iskejjel pubbliċi kien remunerat abbażi tal-ftehim kollettiv tas-settur tal-iskola (Contratto Collettivo Nazionale di Lavoro della Scuola, iktar ’il quddiem il-“CCNL tal-iskola”). Skont id-dispożizzjonijiet tal-CCNL tal-iskola, ir-remunerazzjoni hija bbażata ħafna fuq l-anzjanità fi grad, filwaqt li l-CCNL tal-persunal tal-awtoritijiet lokali jipprovdi struttura ta’ remunerazzjoni differenti, marbuta mal-funzjonijiet eżerċitati u li jinkorpora elementi ta’ benefiċċji aċċessorji.
19. Il-Liġi Nru 124/99 li tadotta dispożizzjonijiet ta’ emerġenza għall-persunal fl-iskejjel (Legge n. 124/99, disposizioni urgenti in materia di personale scolastico), tat-3 ta’ Mejju 1999 (8), ipprovdiet għat-trasferiment, mill-1 ta’ Jannar 2000, fil-listi tal-persunal ATA tal-Istat, tal-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali.
20. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 124/99 jipprovdi:
“1. Il-persunal ATA tal-istituzzjonijiet u tal-iskejjel tal-Istat, ta’ kwalunkwe kwalifika u ta’ kwalunkwe grad, jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istat. Id-dispożizzjonijiet li jipprovdu li dan il-persunal jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-muniċipalitajiet u l-provinċji huma rrevokati.
2. Il-persunal imsemmi fis-subparagrafu 1, impjegat mill-awtoritajiet lokali u kkollokat mal-iskejjel tal-Istat fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi huwa ttrasferit fil-listi tal-persunal ATA tal-Istat, u huwa inkorporat fil-kwalifiki professjonali u l-profili professjonali korrispondenti għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet speċifiċi għal dawn il-profili. Il-membri tal-persunal li l-kwalifiki u l-profili tagħhom ma humiex korrisposti fil-qafas tal-persunal ATA tal-Istat jistgħu jagħżlu l-awtorità lokali ta’ oriġini tagħhom fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-Liġi. Tiġi rikonoxxuta l-anzjanità fi grad ta’ dan il-persunal mill-aspett ġuridiku u ekonomiku miksuba minnu mingħand l-awtorità lokali ta’ oriġini, kif ukoll id-dritt li jżomm il-post tal-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, bħala l-ewwel għażla, jekk il-pożizzjoni hija disponibbli.
[…]
4. It-trasferiment tal-persunal imsemmi fis-subparagrafi 2 u 3 għandu jsir gradwalment, fit-termini u skont il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika […].
5. B’effett mis-sena li fiha d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafi 2, 3 u 4 jkollhom effett, it-trasferimenti [finanzjarji] tal-Istat għall-awtoritajiet lokali għandhom progressivament jitnaqqsu b’mod ugwali għall-ispejjeż inkorsi minnhom matul is-sena fiskali li tippreċedi dik li fiha jsir it-trasferiment effettiv tal-persunal. […]”
21. Il-Liġi Nru 124/99 ġiet segwita bid-Digriet Ministerjali dwar it-trasferiment tal-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali lill-Istat fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 124/99, tat-3 ta’ Mejju 1999 (decreto – trasferimento del personale ATA dagli enti locali allo Stato, ai sensi dell’art. 8 della legge 3 maggio 1999, n. 124), tat-23 ta’ Lulju 1999 (9). Dan id-digriet kien jgħid kif ġej:
“Artikolu 1
Il-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali, li kienu fis-servizz fil-25 ta’ Mejju 1999 fl-iskejjel tal-istat għat-twettiq tal-funzjonijiet u tal-kompiti imposti mil-liġi fuq il-komunitajiet lokali, qed jiġi ttrasferit fil-listi tal-persunal ATA tal-Istat.
Artikolu 2
It-trasferiment tal-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali lill-Istat, imsemmi fl-Artikolu 1, għandu jseħħ fit-termini u skont il-proċeduri ipprovduti fl-artikoli li ġejjin.
Artikolu 3
L-awtoritajiet lokali għandhom jiżguraw li ir-remunerazzjoni u l-applikazzjoni tal-[CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali] sa tmiem is-sena finanzjarja 1999, lill-persunal li jiġi ttrasferit lill-Istat skont l-Artikolu 8 tal-[Liġi Nru 124/99]. [...] [I]l-persunal ittrasferit għandu jirċievi, fuq bażi provviżorja mill-1 ta’ Jannar 2000, ir-remunerazzjoni li kien jirċievi qabel it-trasferiment.
Digriet tal-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika [...] għandu jistabbilixxi l-kriterji għall-inklużjoni, fis-settur tal-iskola, maħsuba sabiex jikkonverġu t-trattament tal-persunal inkwistjoni ma’ dak ta’ dan is-settur, b’riferiment għar-remunerazzjoni, għall-elementi tal-benefiċċji sussidjarji u għar-rikonoxximent, mill-aspett ġuridiku u ekonomiku, kif ukoll l-effett fuq l-ippjanar, tal-anzjanità fi grad miksuba mingħand l-awtoritajiet lokali, wara l-konklużjoni ta’ ftehim kollettiv li għandu jiġi nnegozjat [...] bejn l-[Agenzia per la Rappresentanza negoziale delle pubbliche Amministrazione (Aġenzija li tirrapreżenta l-amministrazzjoni pubblika fin-negozjati), iktar ’il quddiem l-“ARAN”] u t-trade unions li jirrappreżentaw is-setturi tal-‘Iskola’ u tal-‘Awtoritajiet lokali’ fis-sens tal-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 29/93 […].
[…]
Artikolu 5
B’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, il-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali fis-servizz fil-25 ta’ Mejju 1999 fl-iskejjel tal-Istat u ttrasferit fil-listi tal-persunal tal-Istat huwa inkorporat fil-kwalifiki professjonali u l-profili professjonisti korrispondenti għall-qafas tal-persunal tal-Istat […].
[…]
Artikolu 7
Il-persunal li jiġi ttrasferit mill-awtoritajiet lokali għall-Istat bis-saħħa ta’ dan id-digriet għandu jibqa’ inkarigat mill-kompiti kollha allokati lilu, sakemm dawn ikunu koperti mill-profili tal-Istat.
Artikolu 8
Il-persunal preċedentement impjegat mal-awtoritajiet lokali li ġie ttrasferit lill-Istat għandu jkollu d-dritt li jibqa’ fil-post fejn huwa kien iwettaq id-dmirijiet tiegħu matul is-sena skolastika 1998/1999. Fil-każ li dan il-post ma huwiex disponibbli, għandu jsir proċess, għas-sena skolastika 2000-2001, ta’ kollokamenti skont kuntratti deċentralizzati fis-seħħ.
Artikolu 9
L-Istat għandu jissuċċedi, b’effett mill-24 ta’ Mejju 1999 lill-awtoritajiet lokali fil-kuntratti li jkunu kkonkludew, eventwalment estiżi sussegwentement, fir-rigward tal-parti li tiżgura l-funzjonijiet ATA għall-benefiċċju tal-iskejjel tal-Istat, minflok l-ingaġġ ta’ impjegati. [...] Bla ħsara għat-tkomplija tal-attivitajiet tat-terzi ngaġġati [...] skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli, l-Istat għandu jissuċċedi fil-kuntratti konklużi mill-awtoritajiet lokali mal-impriżi [...] għal dawk il-funzjonijiet ATA li l-liġi timponi li l-awtoritajiet lokali għandhom iwettqu minflok l-Istat. […]
[…]”
22. Il-ftehim bejn l-ARAN u t-trade unions previst fl-Artikolu 3 tad-Digriet Ministerjali tat-23 ta’ Lulju 1999 kien iffirmat fl-20 ta’ Lulju 2000 u approvat bid-Digriet Ministerjali li japprova l-ftehim tal-20 ta’ Lulju 2000 bejn l-ARAN u r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet u konfederazzjonijiet ta’ trade unions, li jikkonċerna l-kriterji għall-kollokament tal-persunal preċedentement impjegat mal-awtoritajiet lokali ttrasferit mas-settur tal-iskola (decreto interministeriale – recepimento dell’accordo ARAN – Rappresentanti delle organizzazioni e confederazioni sindacali in data 20 luglio 2000, sui criteri di inquadramento del personale già dipendente degli enti locali e transitato nel comparto scuola), tal-5 ta’ April 2001 (10).
23. L-imsemmi ftehim jipprovdi:
“Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni
Dan il-Ftehim għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2000 għall-persunal impjegat ma’ awtoritajiet lokali ttrasferit fis-settur ‘Skola’ skont l-Artikolu 8 tal-[Liġi Nru 124/99] u [...] tad-Digriet Ministerjali [...] tat-23 ta’ Lulju 1999 [...], bl-esklużjoni tal-persunal li l-funzjonijiet jew il-kompiti tiegħu jibqgħu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtorità lokali.
Artikolu 2 – L-arranġamenti kuntrattwali
1. Mill-1 ta’ Jannar 2000, il-[CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali] ma jibqax japplika għall-persunal kopert minn dan il-ftehim [...]; b’effett mill-istess data, dan il-persunal jaqa’ taħt il-[CCNL tal-iskola], inkluż fir-rigward tal-elementi kollha relatati mas-salarju sussidjarju, ħlief kif ipprovdut xort’oħra fl-artikoli li ġejjin.
[…]
Artikolu 3 – Klassifikazzjoni u remunerazzjoni
1. Il-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim huma kklassifikati, fuq l-iskala tar-remunerazzjoni, fil-livell tal-pagi li jikkorrispondi għall-kwalifiki professjonali tas-settur tal-iskola, [...] skont kif ġej. Dawn il-ħaddiema jingħataw [...] il-livell tas-salarju f’ammont ugwali għal, jew immedjatament inferjuri għas-salarju annwali li kien dovut lilhom fil-31 ta’ Diċembru 1999, li jikkonsisti fis-salarju u fir-remunerazzjoni individwali marbuta mal-anzjanità fi grad kif ukoll, għal dawk li jibbenefikaw minnhom, [l-allowances mill-CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali]. Kwalunkwe differenza bejn l-ammont ta’ remunerazzjoni dovuta skont il-klassifikazzjoni u s-salarju li l-ħaddiem kien qed jirċievi fil-31 ta’ Diċembru 1999, kif indikat iktar ’il fuq, jitħallas lilu individwalment u jipproduċi l-effetti tiegħu, biż-żmien, sabiex huwa jgħaddi għal-livell ta’ remunerazzjoni sussegwenti. Il-persunal kopert b’dan il-Ftehim għandu jirċievi l-allowance addizzjonali speċjali fl-ammont applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 1999 skont liema huwa l-ogħla minn fost dak mogħti lil kwalifika korrispondenti fis-settur tal-iskola. Il-klassifikazzjoni definittiva tal-persunal koperta b’dan il-ftehim fil-profili professjonali tal-iskola għandha tkun imsejsa fuq tabella komparattiva […].
[…]
Artikolu 9 – Remunerazzjoni bażika u salarju sussidjarju
1. Mill-1 ta’ Jannar 2000, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ natura pekunjarja tal-[CCNL tal-iskola] għandhom japplikaw għall-persunal kopert b’dan il-ftehim, kif previst mill-imsemmi CCNL.
2. Mill-1 ta’ Jannar 2000, il-persunal kopert b’dan il-ftehim għandu jingħata, fuq bażi provviżorja, ir-remunerazzjoni sussidjarja individwali skont l-ammont gross fit-tabella [...] annessa mal-[CCNL tal-iskola]. […]
[…]”
24. L-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli tat lok għal diversi azzjonijiet ġudizzjarji mressqa minn membri tal-persunal ATA ttrasferit, li talbu rikonoxximent sħiħ tal-anzjanità fi grad tagħhom miksuba mingħand awtoritajiet lokali, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji ta’ konverġenza adottati fil-kuntest tal-ftehim bejn l-ARAN u t-trade unions u approvati permezz tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ April 2001. Huma sostnew, f’dan ir-rigward, li l-kriterji adottati fil-kuntest tal-ftehim kellhom bħala effett li huma kienu, sa mill-kollokament tagħhom fil-persunal ATA tal-Istat, ikklassifikati u remunerati bl-istess mod bħall-membri tal-persunal ATA tal-Istat li kellhom inqas anzjanità fi grad. Skont l-argument tagħhom, l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 124/99 jimponi ż-żamma, għal kull membru tal-persunal ATA ttrasferit, tal-anzjanità fi grad miksuba mingħand l-awtoritajiet lokali, b’mod li kull membru għandu jirċievi, mill-1 ta’ Jannar 2000, ir-remunerazzjoni li jirċievi membru tal-persunal ATA tal-Istat li għandu l-istess anzjanità fi grad.
25. Dan il-kontenzjuż wassal għal diversi sentenzi mogħtija fl-2005 mill-Corte suprema di cassazione (Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni), li fihom, essenzjalment, jintlaqa’ l-imsemmi argument.
3. Il-Liġi Nru 266/2005 u l-ġurisprudenza relatata
26. Bl-approvazzjoni ta’ “superemenda” (emenda mressqa mill-Gvern u approvata permezz ta’ vot ta’ fiduċja), il-leġiżlatur Taljan inkluda fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 266/2005 li tipprovdi għal dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment tal-baġit annwali u pluriannwali tal-Istat, (liġi finanzjarja għall-2006) [legge n° 266 – disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge Finanziaria 2006)] tat-23 ta’ Diċembru 2005 (11), is-subparagrafu 218, li jimponi regola ta’ interpretazzjoni retroattiva tal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 124/99.
27. L-imsemmi Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 jipprovdi:
“L-Artikolu 8(2) tal-[Liġi Nru 124/99] għandu jinftiehem li jfisser li l-persunal tal-awtoritajiet lokali ttrasferit mal-[persunal ATA] tal-Istat huwa kkollokat fil-kwalifiki funzjonali u fil-profili professjonali korrispondenti tas-servizz tal-Istat, fuq il-bażi tal-qagħda ekonomika globali li minnha kien igawdi fil-mument tat-trasferiment, u għandu jingħata skala ta’ salarju ta’ ammont ugwali jew immedjatament inferjuri għas-salarju annwali li minnu kien jibbenefika fil-31 ta’ Diċembru 1999, li jikkonsisti fis-salarju, fl-allowance personali ta’ anzjanità fi grad u f’kull allowance eventwali, jekk ikun hemm lok għal dan, previsti mill-[CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali] fis-seħħ fid-data ta’ kollokament fl-amministrazzjoni tal-Istat. Id-differenza li jista’ jkun hemm bejn l-ammont tal-iskala ta’ salarju pagabbli wara t-trasferiment u s-salarju annwali li minnu kien jibbenefika l-impjegat fil-31 ta’ Diċembru 1999 [...] għandu jitħallas ad personam u jitqies li għandu jservi, suġġett għaż-żmien, sabiex tintlaħaq l-iskala ta’ salarju superjuri. Dan bla ħsara għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li jiffurmaw res judicata fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Liġi.”
28. Diversi qrati marru quddiem il-Corte costituzionale (Qorti Kostituzzjonali) b’domandi dwar il-konformità tal-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 mal-Kostituzzjoni Taljana. Skont dawn il-qrati, din id-dispożizzjoni leġiżlattiva interpretattiva kienet timponi fuqhom, fil-kuntest ta’ kawżi li kienu jinsabu diġà pendenti, li fihom l-Istat kien parti, interpretazzjoni favorevoli għal dan tal-aħħar, li barra minn hekk hija inkompatibbli mal-portata tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi Nru 124/99 u kuntrarja għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mogħtija mill-Corte suprema di cassazione. L-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 kien jerġa’ jintroduċi s-sistema inkluża fil-Ftehim tal-20 ta’ Lulju 2000 u d-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ April 2001, li l-Corte suprema di cassazione kienet iddeċidiet li huma kuntrarji għal-Liġi Nru 124/99. Il-leġiżlatur għalhekk daħal fil-funzjoni ta’ interpretazzjoni uniformi tal-liġi, li, fl-Italja, hija rriżervata għall-Corte suprema di cassazione, u għalhekk ippreġudika l-indipendenza tal-ġudikatura, kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
29. Permezz tas-sentenza Nru 234 tat-18 ta’ Ġunju 2007 (12) u permezz ta’ diversi digrieti sussegwenti, il-Corte costituzionale ddeċidiet li l-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 ma huwiex ivvizjat bl-allegat ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt.
30. Wara din l-evalwazzjoni tal-Corte costituzionale, permezz tas-sentenza Nru 677, tas-16 ta’ Jannar 2008, il-Corte suprema di cassazione kienet qalbet is-sentenzi preċedenti tagħha u ddikjarat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi Nru 124/99 mogħtija mil-leġiżlatur Taljan lill-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 kienet aċċettabbli.
31. Madankollu, permezz tad-digriet Nru 22260, tat-3 ta’ Ġunju 2008, il-Corte suprema di cassazione stiednet lill-Corte costituzionale sabiex teżamina mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).
32. Permezz tas-sentenza Nru 311, tas-26 ta’ Novembru 2009 (13), il-Corte costituzionale ddeċidiet li l-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 huwa konsistenti mad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-KEDB.
II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
33. I. Scattolon, impjegata mal-muniċipalità ta’ Scorzè sa mis-16 ta’ Mejju 1980 bħala purtinara fi skejjel tal-Istat, kienet, sal-31 ta’ Diċembru 1999, taħdem bħala membru tal-persunal ATA tal-awtoritaijiet lokali. Dan il-persunal iwettaq xogħol ta’ tindif, ta’ manutenzjoni u ta’ sorveljanza tal-iskejjel pubbliċi Taljani.
34. B’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 124/99 hija ġiet ittrasferita fil-lista tal-persunal ATA tal-Istat mill-1 ta’ Jannar 2000.
35. B’applikazzjoni tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ April 2001, I. Scattolon ġiet ikklassifikata fi skala ta’ salarju li tikkorrispondi, fl-imsemmija lista, għal disa’ snin ta’ anzjanità fi grad.
36. Peress li għalhekk ma kisbitx ir-rikonoxximent ta’ kważi 20 sena ta’ anzjanità fi grad miksuba mingħand il-muniċipalità ta’ Scorzè u peress li tilfet ukoll l-elementi ta’ benefiċċji aċċessorji previsti mill-CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali, hija tallega li ġarrbet tnaqqis ta’ EUR 790 fir-remunerazzjoni tagħha.
37. Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-27 ta’ April 2005, I. Scattolon marret quddiem it-Tribunale ordinario di Venezia sabiex tikseb rikonoxximent għall-anzjanità fi grad kollha tagħha miksuba mal-muniċipalità ta’ Scorzè u sabiex tiġi kklassifikata, għalhekk, fl-iskala li tikkorrispondi għal bejn ħmistax u għoxrin sena ta’ servizz. Hija talbet għalhekk id-dritt li tiġi integrata fl-istess klassijiet ta’ remunerazzjoni bħall-persunal ATA impjegat sa mill-bidu mill-Istat u li għandu l-istess anzjanità fi grad bħalha. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija invokat, b’mod partikolari, l-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili, l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 124/99 u s-sentenzi tal-Corte suprema di cassazione tal-2005 li jirrikonoxxu d-dritt tal-persunal ATA ttrasferit li jżomm l-anzjanità fi grad tiegħu.
38. Wara l-adozzjoni tal-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005, it-Tribunale ordinario di Venezia ssospenda l-kawża mressqa minn I. Scattolon u rrefera lill-Corte costituzionale l-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ opportunitajiet ugwali tal-partijiet fil-kawża kif ukoll tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għal tribunal indipendenti u għal smigħ xieraq. Meta adotta l-imsemmija dispożizzjoni għall-interpretazzjoni ta’ liġi adottata iktar minn ħames snin qabel u diġà interpretata mill-Corte suprema di cassazione, il-leġiżlatur Taljan ried li jikseb riżultat differenti, din id-darba favorevoli għall-Istat, fin-numru kbir ta’ kawżi li kienu għadhom pendenti.
39. Permezz tad-Digriet Nru 212, tad-9 ta’ Ġunju 2008 (14), il-Corte costituzionale, waqt li rreferiet għas-sentenza Nru 234, tat-18 ta’ Ġunju 2007, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li l-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 ma huwiex ivvizjat b’dawn l-allegati ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt.
40. Ladarba l-kawża tkompliet, I. Scattolon sostniet li l-Artikolu 8(2) tal-Liġi Nru 124/99, kif interpretat skont l-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005, huwa inkompatibbli mar-regola stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/187 kif ukoll mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
41. It-Tribunale ordinario di Venezia ddeċieda li, fir-rigward tad-Direttiva 77/187, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul kollu tal-anzjanità fi grad tal-persunal ittrasferit. L-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 imur kontra din ir-regola u jikkostitwixxi, barra minn hekk, dispożizzjoni retroattiva innovattiva u mhux interpretattiva, li tikser il-prinċipji ggarantiti bl-Artikolu 6 TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 6 KEDB u l-Artikoli 47 u 52(3) tal-Karta. L-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 huwa, fl-istess waqt, kuntrarju għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
42. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale ordinario di Venezia ddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s‑segwenti domandi preliminari:
“1) Id-Direttiva [...] 77/187[...] u/jew id-Direttiva 2001/23/KE [...] jew kull leġiżlazzjoni [...]oħra [tal-Unjoni] applikabbli għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jistgħu jiġu applikati għal każ ta’ trasferiment ta’ persunal responsabbli minn servizzi awżiljarji ta’ tindif u manutenzjoni tal-iskejjel tal-istat minn entitajiet pubbliċi lokali (komuni u provinċji) għall-impjieg mal-istat, fejn it-trasferiment wassal għall-assunzjoni mhux biss tal-attivitajiet inkwistjoni u ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol mal-persunal (purtinara) kollu impjegat, iżda anki għall-kuntratti ta’ appalt li saru ma’ impriżi privati sabiex jiġu ggarantiti dawn is-servizzi?
2) Il-kontinwità tar-relazzjoni ta’ xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187[..] (inkorporata, fid-Direttiva [...] 98/50[...], fid-Direttiva 2001/23 [...]) għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kwantifikazzjoni tal-ħlasijiet mill-entità ġdida li tħaddem marbuta mal-anzjanità fis-servizz għandha tikkunsidra s-snin kollha li l-persunal ittrasferit ħadem, inkluż fihom dawk maħduma fis-servizz ta’ min qed jittrasferixxi?
3) L-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/187[…] u/jew id-Direttivi […] 98/50[…] u 2001/23[…] għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-drittijiet tal-impjegati ttrasferiti għand l-entità ġdida li tħaddem jinkludu wkoll il-vantaġġi kweżiti mill-impjegat meta kien jaħdem għand minn qed jittrasferixxi, bħal dawk tal-anzjanità, jekk id-drittijiet ta’ natura ekonomika huma marbuta magħha skont il-ftehim kollettiv fis-seħħ fi ħdan l-entità ġdida li tħaddem?
4) Il-prinċipji ġenerali tad-dritt [tal-Unjoni] fis-seħħ li jirrigwardaw iċ-ċertezza legali, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-ekwità proċedurali, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, id-dritt għal qorti indipendenti, u b’mod iktar ġenerali is-smigħ xieraq, iggarantiti mill-Artikolu 6 [TUE], moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-[KEDB] u mal-Artikoli 46, 47 u 52(3) tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu l-adozzjoni [mir-Repubblika Taljana], wara perijodu kunsiderevoli (ħames snin) ta’ dispożizzjoni li għandha interpretazzjoni awtentika differenti tal-kliem li għandu jiġi interpretat u tmur kontra l-interpretazzjoni stabbilita tal-istituzzjoni responsabbli mill-funzjoni tal-garanzija ta’ interpretazzjoni uniformi tal-liġi, dispożizzjoni li barra minn hekk hija rilevanti sabiex jiġu deċiżi kwistjonijiet li fihom [hija involuta r-Repubblika Taljana]?”
III – L-analiżi tiegħi
A – Fuq l-ewwel domanda
43. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 77/187 hijiex applikabbli fil-każ ta’ trasferiment ta’ persunal inkarigat mis-servizzi awżiljarji ta’ tindif u ta’ manutenzjoni tal-bini tal-iskejjel tal-Istat mill-awtoritajiet pubbliċi lokali (muniċipalitajiet u provinċji) lill-Istat.
44. Fi kliem ieħor, il-fatt li trasferiment iseħħ bejn żewġ entitajiet li huma persuni ġuridiċi taħt id-dritt pubbliku huwa jew ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-esklużjoni ta’ tali trasferiment mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187?
45. Il-Gvern Taljan isostni li, f’sitwazzjoni tali ta’ trasferiment ta’ persunal fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni ta’ settur pubbliku, ma hemmx “trasferiment ta’ impriża” fis-sens ta’ din id-Direttiva. I. Scattolon u l-Kummissjoni Ewropea jiddefendu l-argument oppost.
46. Is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1996, Henke (15) isservi ta’ preċedent interessanti sabiex tingħata risposta għal din id-domanda.
47. Biex nifhmu l-portata ta’ din is-sentenza, għandhom jitfakkru l-fatti. Is-sinjura Henke kienet ġiet impjegata bħala skrivana tas-sindku fil-muniċipalità ta’ Schierke (il-Ġermanja). Din il-muniċipalità kienet sussegwentement iddeċidiet li toħloq, flimkien ma’ muniċipalitajiet oħra, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni muniċipali tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt, il-grupp intermuniċipali “Brocken” li lilu ġew ittrasferiti kompetenzi amministrattivi. Il-muniċipalità ta’ Schierke kellha, fil-proċess, ittemm il-kuntratt ta’ impjieg bejnha u A. Henke. Fil-kawża li segwiet bejn din il-muniċipalità u A. Henke, l-Arbeitsgericht Halberstadt iddeċieda li jmur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk id-Direttiva 77/187 kinitx applikabbli fil-każ ta’ trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi minn muniċipalità għal grupp intermuniċipali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
48. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretatat l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187 fis-sens li r-riorganizzazzjoni ta’ strutturi ta’ amministrazzjoni pubblika jew it-trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jikkostitwixxix “trasferiment ta’ impriża” fis-sens ta’ din id-Direttiva (16).
49. Minbarra t-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan u l-kliem tal-imsemmija direttiva (17), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li dan kien grupp li kien jikkonċerna diversi muniċipalitajiet fil-Land ta’ Sachsen-Anhalt, inkluża l-muniċipalità ta’ Schierke, u kien speċjalment maħsub sabiex itejjeb l-implementazzjoni tal-kompiti amministrattivi ta’ dawn il-muniċipalitajiet. Hija kkonstatat li dan il-grupp ta lok, b’mod partikolari, għar-riorganizzazzjoni tal-istrutturi amministrattivi u t-trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi mill-muniċipalità ta’ Schierke lil entità pubblika oħra maħluqa speċifikament għal dan il-għan, jiġifieri l-grupp inter-muniċipali “Brocken” (18).
50. Sussegwentement, hija osservat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, it-trasferiment li sar bejn il-muniċipalità u l-grupp intermuniċipali kien iffukat biss fuq attivitajiet li jinvolvu l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika u li, anki li kieku wieħed kellu jassumi li dawn l-attivitajiet kienu jinkludu elementi ta’ natura ekonomika, dan ma setax kien ħlief aspett sempliċement inċidentali (19).
51. Minn dawn l-elementi nikkonkludi li tali esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187 hija mmotivata mhux min-natura ġuridika ta’ dritt pubbliku tal-entitajiet inkwistjoni, iżda pjuttost, skont approċċ funzjonali, mill-fatt li trasferiment jinvolvi attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika. Min-naħa l-oħra, meta trasferiment jinvolvi attività ekonomika, huwa jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Ftit li xejn hija rilevanti, f’dan ir-rigward, in-natura ġuridika tad-dritt privat jew ta’ dritt pubbliku taċ-ċedent u taċ-ċessjonarju. Sentenzi sussegwenti juru li l-Qorti tal-Ġustizzja żammet dan l-approċċ funzjonali, li jiffoka fuq l-eżistenza jew le ta’ attività li tinvolvi l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (20).
52. Jekk wieħed ifittex, f’dan il-każ, li jikkwalifika l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-ġurisprudenza jirriżulta, hekk kif ġie kkonfermat reċentement, li s-servizzi anċillari mogħtija fi ħdan l-iskejjel tal-Istat, bħas-servizzi ta’ tindif u ta’ sorveljanza, ma jikkostitwixxux attivitajiet konnessi mal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.
53. F’żewġ kawżi reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tinterpreta d-Direttiva 2001/23 f’sitwazzjonijiet fejn il-muniċipalità ħadet lura taħt il-kompetenzi tagħha attivitajiet li qabel kienu jsiru minn impriżi privati. Fis-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP (21), il-kwistjoni kienet tirrigwarda attivitajiet ta’ sorveljanza u tindif tal-iskejjel pubbliċi, ta’ tindif tat-toroq u manutenzjoni ta’ parks u ġonna (22). Barra minn hekk, fis-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, CLECE (23), l-attività inkwistjoni kienet tikkonċerna t-tindif tal-iskejjel u tal-bini muniċipali (24).
54. F’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali attivitajiet għandhom karattru ekonomiku u jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferiment ta’ impriżi. Għal darba oħra, hija osservat li s-sempliċi fatt li ċ-ċessjonarju huwa persuna ġuridika tad-dritt pubbliku, f’dan il-każ muniċipalità, ma jippermettix li trasferiment li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jiġi eskluż (25).
55. Minn dawn l-elementi niddeduċi li d-Direttiva 77/187 hija, suġġett għall-verifika tal-kriterji l-oħra għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, applikabbli fil-każ ta’ trasferiment tal-persunal inkarigat mis-servizzi awżiljarji ta’ tindif, ta’ manutenzjoni u ta’ sorveljanza tal-bini tal-iskejjel tal-Istat mill-awtoritajiet pubbliċi lokali (muniċipalitajiet u provinċji) lill-Istat.
56. Issa, jeħtieg li jiġi vverifikat jekk il-kriterji l-oħra stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi evalwat jekk trasferiment jikkostitwixxix “trasferiment ta’ impriża” fis-sens tad-Direttiva 77/197 humiex sodisfatti f’dan il-każ.
57. Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187, din “hija applikabbli għat-trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew parti minn negozji lil prinċipal ieħor, bħala riżultat ta’ trasferiment bi ftehim jew għaqda legali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
58. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-kunċett ta’ trasferiment bi ftehim għandu jinftiehem b’mod flessibbli biżżejjed sabiex jilħaq l-għan tad-Direttiva 77/187 li, kif jirriżulta mit-tieni premessa tagħha, huwa dak li jipproteġi l-impjegati f’każ ta’ bidla tal-prinċipal (26). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li din id-direttiva kienet applikabbli f’kull ipoteżi ta’ tibdil, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbbli mill-operazzjoni tal-impriża, li tikkuntratta l-obbligi ta’ min jimpjega fil-konfront tal-impjegati tal-impriża (27).
59. Din il-ġurisprudenza hija applikabbli anki fil-każ ta’ trasferiment impost mil-liġi. I. Scattolon ġustament tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza li tgħid li d-Direttiva 77/187 tkopri wkoll it-trasferimenti li jirriżultaw minn deċiżjonijiet unilaterali ta’ awtoritajiet pubbliċi, għaliex il-kriterju deċiżiv ma huwiex l-eżistenza ta’ ftehim kuntrattwali bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju, iżda l-bidla tal-persuna responsabbli għall-operat tal-impriża (28).
60. Sabiex id-Direttiva 77/187 tkun applikabbli, jeħtieġ li jiġi vverifikat ukoll jekk it-trasferiment jirrigwardax entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha wara li jinbidel il-prinċipal.
61. Sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-entità żżommx l-identità tagħha, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew negozju kkonċernat, it-trasferiment jew le ta’ assi tanġibbli, bħal ma huma l-bini jew proprjetà, il-valur tal-assi inkorporali fil-mument tat-trasferiment, it-teħid lura jew le tal-biċċa l-kbira tal-impjegati mill-prinċipal il-ġdid, it-trasferiment jew le tal-klijentela, kif ukoll il-livell ta’ xebh tal-attivitajiet eżerċitati qabel u wara t-trasferiment u t-tul ta’ żmien ta’ eventwali sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi kollha huma sempliċement aspetti parzjali tal-evalwazzjoni globali li għandha ssir u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat (29).
62. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, f’okkażżjonijiet preċedenti, li entità ekonomika tista’, f’ċerti setturi, tiffunzjona mingħajr ebda assi, tanġibbli jew mhux tanġibbli, sinjifikattivi, b’mod li ż-żamma tal-identità tagħha wara t-tranżazzjoni li taffettwaha ma tistax, loġikament, tiddependi fuq it-trasferiment ta’ tali assi (30). Għalhekk hija ddeċidiet li, sa fejn, f’ċerti setturi fejn l-attività hija essenzjalment ibbażata fuq l-operat tal-ħaddiema, grupp ta’ ħaddiema li fit-tul iwettaq attività komuni jista’ jikkostitwixxi entità ekonomika, tali entità tista’ żżomm l-identità tagħha lil hinn mit-trasferiment tagħha meta l-prinċipal il-ġdid ma jillimitax ruħu li jkompli l-attività inkwistjoni iżda jieħu wkoll parti essenzjali, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenzi, mill-persunal li l-predeċessur tiegħu kien speċifikament jikkolloka għal din il-funzjoni. F’dan il-każ, il-prinċipal il-ġdid jakkwista fil-fatt l-elementi kollha organizzati li jippermettulu jkompli attivitajiet jew ċerti attivitajiet tal-impriża ċedenti b’mod stabbli (31).
63. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li attività ta’ tindif, ta’ manutenzjoni u ta’ sorveljanza tal-bini tal-iskejjel, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kkunsidrata bħala attività bbażata essenzjalment fuq l-operat tal-ħaddiema u, għalhekk, grupp ta’ ħaddiema li għal żmien twil kienu flimkien iwettqu tali attività komuni jistgħu, fin-nuqqas ta’ fatturi oħra ta’ produzzjoni, jiġu kkunsidrati bħala entità ekonomika (32).
64. Minn dawn l-elementi niddeduċi li, fil-kawża prinċipali, l-identità tal-entità ekonomika nżammet bil-fatt li l-Istat impjega ħaddiema li qabel kienu kkollokati għal dawn l-attivitajiet mal-awtoritajiet lokali (33).
65. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-persunal ATA kkonċernat mil-Liġi Nru 124/99 kien ġie ttrasferit en bloc, l-attivitajiet tiegħu ta’ tindif, ta’ manutenzjoni u ta’ sorveljanza baqgħu ġeneralment bla mittiefsa f’dak li jirrigwarda kemm l-għan tagħhom kif ukoll l-organizzazzjoni tagħhom, u huma komplew fl-istess post u mingħajr ebda interruzzjoni. L-uniku bidla kienet l-identità tal-persuna li timpjega.
66. Barra minn hekk il-kontinwità ta’ dan il-korp organizzat ta’ assi li jippermetti l-kontinwazzjoni tal-attività ta’ tindif, ta’ manutenzjoni u ta’ sorveljanza fi ħdan l-iskejjel hija riflessa wkoll permezz tal-assunzjoni mill-Istat tal-kuntratti li bihom l-awtoritajiet lokali kienu, f’ċerti każijiet, fdaw l-implementazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet lil impriżi privati.
67. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li d-Direttiva 77/187 ma tapplikax għall-persuni li ma humiex protetti bħala impjegati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-fatt, din id-direttiva hija intiża biss għal armonizzazzjoni parzjali tal-materja inkwistjoni, u ma hijiex maħsuba li toħloq livell uniformi ta’ protezzjoni għall-Komunità Ewropea kollha bbażat fuq kriterji komuni (34). Madankollu, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-persunal ATA inkwistjoni huwa suġġett għas-sistema ta’ dritt komuni dwar ir-relazzjonijiet tax-xogħol, kif previst mill-Kodiċi Ċivili Taljan (35).
68. Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li t-trasferiment tal-persunal ATA li jirriżulta mil-Liġi Nru 124/99 jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187.
B – Fuq it-tieni u t-tielet domandi
69. Permezz tat-tieni u t-tielet domandi, li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra flimkien, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187, li jipprovdi li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw fil-konfront taċ-ċedent minn kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment huma ttrasferiti liċ-ċessjonarju, ifissirx li ċ-ċessjonarju għandu jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-persunal ittrasferit, it-tul kollu tal-anzjanità fi grad miksub tul is-servizz tagħhom maċ-ċedent.
70. Infakkar li din id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirriżulta mid-diskrepanza apparenti bejn l-Liġi Nru 124/99, il-ftehim bejn l-ARAN u t-trade unions inklużi fid-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ April 2001, u finalment, il-Liġi Nru 266/2005. Fil-fatt, filwaqt li l-Liġi Nru 124/99 tidher li tipprovdi sabiex it-total tal-anzjanità fi grad miksub mill-persunal ATA mal-awtoritajiet lokali jittieħed inkunsiderazzjoni, il-ftehim sindakali u sussegwentement il-Liġi Nru 266/2005 jipprovdu, għall-kuntrarju, li l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-persunal wara t-trasferiment għandhom ikunu ddeterminati abbażi ta’ dak li l-imsemmi persunal kien jirċievi fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu maċ-ċedent. Żewġ metodi ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-persunal ittrasferit huma għalhekk kuntrarji għal xulxin, jiġifieri jew kalkolu mill-ġdid li jieħu inkunsiderazzjoni, fil-qafas tal-iskali ta’ remunerazzjoni taċ-ċessjonarju bbażati prinċipalment fuq l-anzjanità fi grad, fuq l-anzjanità fi grad kollha miksuba mill-persunal ittrasferit mingħand iċ-ċedent, jew il-kontinwità tar-remunerazzjoni li dak il-persunal kien jirċievi immedjatament qabel iċ-ċessjoni abbażi tal-“kisbiet ekonomiċi”.
71. Fid-dawl tal-kjarifika mogħtija mil-Liġi Nru 266/2005, li tindika li l-intenzjoni inizjali tal-leġiżlatur Taljan kienet dik li jiżgura l-kontinwità tar-remunerazzjoni u mhux it-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità fi grad kollha miksuba preċedentement mingħand iċ-ċedent, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 77/187 tirrikjedix, għall-kuntrarju, tali rikonoxximent ta’ anzjanità fi grad.
72. Infakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għaċ-ċedent minn kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data ta’ trasferiment ta’ impriża għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju.
73. Sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-persunal ATA huma stabbiliti minn ftehim kollettivi, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata b’mod iżolat, iżda b’rabta mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, li, bħal ma qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, “jillimita l-prinċipju ta’ l-applikabbiltà tal-ftehim kollettiv li jirreferi għalih il-kuntratt ta’ impjieg” (36).
74. Infakkar li, skont din l-aħħar dispożizzjoni: “[w]ara t-trasferiment skont l-Artikolu 1(1), iċ-ċessjonarju għandu jżomm il-kundizzjonijiet ta’ impjieg miftiehma fi ftehim kollettiv bl-istess mod kif dan il-ftehim kollettiv ikun stipulahom maċ-ċedent, sa meta l-ftehim kollettiv jiġi tterminat jew jiskadi jew sa meta jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat ftehim kollettiv ieħor”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
75. Il-kawża prinċipali tikkorrispondi għal dan l-aħħar każ imsemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 77/187, jiġifieri dak fejn it-trasferiment huwa segwit bl-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor. F’dan il-każ, fil-fatt, il-persunal ATA preċedentement impjegat mal-awtoritajiet lokali taħt il-ftehim kollettiv applikabbli għal dawn tal-aħħar sab ruħu, mat-trasferiment, irregolat bi ftehim kollettiv ġdid, dak li jirrigwarda l-impjegati tal-Istat (37).
76. Dawn iż-żewġ ftehim kollettivi jinkludu metodi ta’ kalkolu tar-remunerazzjonijiet tal-persunal irregolat minnhom li huma differenti ħafna. Skont id-dispożizzjonijiet tal-CCNL tal-iskola, ir-remunerazzjoni hija bbażata ħafna fuq l-anzjanità fi grad, filwaqt li l-CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali kien jipprovdi struttura ta’ remunerazzjoni differenti, marbuta mal-funzjonijiet imwettqa u li jinkorpora elementi ta’ benefiċċji anċillari.
77. Mill-kliem tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 77/187, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li peress li l-ħaddiema kienu suġġetti għal trasferiment, huma ma jistgħux jinvokaw il-kundizzjonijiet ta’ impjieg mogħtija minn ftehim kollettiv, bħall-ftehim li minnu jibbenefikaw fil-konfront taċ-ċedent u li seta’ jipprovdi kundizzjonijiet iktar favorevoli, sakemm, bis-saħħa tal-liġi nazzjonali, tali ftehim ikompli jipproduċi effetti legali fir-rigward tagħhom (38).
78. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fir-rigward ta’ data tat-tmiem ta’ ftehim kollettiv, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva “għandha bħala għan li tiżgura s-salvagwardja tal-kundizzjonijiet kollha ta’ impjieg b’mod konformi mar-rieda tal-partijiet kontraenti għall-ftehim kollettiv, u dan minkejja t-trasferiment ta’ impriża. Min-naħa l-oħra, din l-istess dispożizzjoni ma hijiex suxxettibbli għal deroga mir-rieda ta’ dawn il-partijiet, hekk kif espressa fil-ftehim kollettiv. Konsegwentement, jekk dawn il-partijiet kontraenti ddeċidew li ma jiggarantixxux ċerti kundizzjonijiet ta’ impjieg wara data stabilita, [l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 77/187] ma jimponix liċ-ċessjonarju l-obbligu li jirrispettahom wara d-data stabilita għall-iskadenza tal-ftehim kollettiv, billi, wara din id-data, dan il-ftehim inkwistjoni m’għadux fis-seħħ” (39). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja “jirriżulta li [din id-dispożizzjoni] ma [t]obbligax liċ-ċessjonarja li tiggarantixxi s-salvagwardja tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg miftiehma maċ-ċedenti wara d-data tal-iskadenza tal-ftehim kollettiv” (40).
79. Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza tapplika, b’analoġija, fil-każ fejn, bit-trasferiment, il-ftehim kollettiv fis-seħħ fil-konfront taċ-ċedent jiġi ssostitwit b’dak fis-seħħ fil-konfront taċ-ċessjonarju. F’ċirkustanzi bħal dawn, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 77/187 ma jobbligax liċ-ċessjonarju jżomm fis-seħħ il-kundizzjonijiet ta’ impjieg stipulati fil-ftehim kollettiv fis-seħħ fil-konfront taċ-ċedent.
80. Huwa għalhekk f’konformità sħiħa ma’ din id-dispożizzjoni li l-persunal ATA ttrasferit sab ruħu, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, data tat-trasferiment, irregolat bid-dispożizzjonijiet tal-CCNL tal-iskola u, għalhekk, suġġetti għall-kundizzjonijiet u għall-metodi tal-kalkolu ta’ remunerazzjoni applikabbli għall-persunal tal-Istat. Il-persunal ittrasferit għaldaqstant ma setax jibqa’ jitlob il-benefiċċji mogħtija lilu mill-CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali u, b’mod partikolari, id-drittijiet pekunjarji mogħtija minnu.
81. Pereżempju, fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ ftehim kollettiv, il-persunal ittrasferit ma jistax jinvoka iżjed fil-konfront taċ-ċessjonarju l-benefiċċju ta’ bonus li kien previst mill-ftehim kollettiv li preċedentement kien applikabbli fil-konfront taċ-ċedent. Il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ kalkolu tal-pagi huma, wara t-trasferiment, irregolati biss mill-ftehim kollettiv applikabbli fil-konfront taċ-ċessjonarju (41).
82. Il-problema prinċipali hija għalhekk dwar jekk, sabiex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni tal-persunal ittrasferit abbażi tal-kriterji previsti mill-ftehim kollettiv applikabbli fil-konfront taċ-ċessjonarju, li jagħti iktar importanza lill-kriterju ta’ anzjanità fi grad, id-Direttiva 77/187 timponix, anki fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ ftehim kollettivi, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità fi grad kollha miksuba minn dan il-persunal mingħand iċ-ċedent.
83. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi xi risposti fir-rigward tal-kwistjoni ġenerali tar-rikonoxximent tal-anzjanità fi grad.
84. B’hekk, fil-kawża Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“anzjanità fi grad miksuba mingħand il-persuna li timpjega preċedenti mill-impjegati ttrasferiti ma hijiex, bħala tali, dritt li dawn jistgħu jagħmlu użu minnu mal-persuna li timpjega ġdida tagħhom” (42) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tagħha, “l-anzjanità fi grad isservi sabiex tiddetermina ċerti drittijiet tal-ħaddiema ta’ natura pekunjarja u huma dawn id-drittijiet li għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu osservati miċ-ċessjonarju bl-istess mod li kienu osservati miċ-ċedent” (43).[traduzzjoni mhux uffiċjali]
85. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “fid-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ natura pekunjarja bħal kumpens għal terminazzjoni ta’ kuntratt, jew żidiet fis-salarju, iċ-ċessjonarju huwa marbut li jieħu inkunsiderazzjoni t-tul kollu tas-servizz imwettaq mill-persunal ittrasferit sa fejn dan l-obbligu kien jirriżulta mir-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-persunal u ċ-ċedent skont il-proċeduri miftiehma fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni” (44).[traduzzjoni mhux uffiċjali]
86. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza l-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità fi grad skont loġika li tenfasizza l-paralleliżmu tar-relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-ħtieġa għal ekwivalenza tal-protezzjoni tad-drittijiet rikonoxxuti lill-ħaddiema fil-kuntest ta’ dawn ir-relazzjonijiet.
87. Huwa barra minn hekk skont din l-istess loġika li l-Qorti tal-Ġustizzja immedjatament ikkwalifikat il-prinċipju ta’ rikonoxximent miċ-ċessjonarju tad-drittijiet pekunjarji li jirriżultaw mill-anzjanità fi grad li minnhom il-persunal ittrasferit kien jibbenifika mingħand iċ-ċedent billi ddikjarat li “sa fejn il-liġi nazzjonali tippermetti, minbarra fil-każ ta’ trasferiment tal-impriża, li r-relazzjoni ta’ impjieg tiġi mmodifikata b’mod mhux favorevoli għall-ħaddiema, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tagħhom kontra t-tkeċċija u l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tagħhom, din il-modifika ma hijiex eskluża għas-sempliċi fatt li l-impriża ġiet ittrasferita fil-frattemp, u li, għalhekk, il-ftehim ġie konkluż mal-prinċipal il-ġdid. Fil-fatt, peress li ċ-ċessjonarju, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [77/187], ħa post iċ-ċedent fejn jidħlu d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg, dan jista’ jinbidel fil-konfront taċ-ċessjonarju fl-istess limiti li fihom il-bidla kienet tkun possibbli fil-konfront taċ-ċedent; fid-dawl tal-fatt li, fl-ebda każ, it-trasferiment tal-impriża ma jista’ jikkostitwixxi fih innifsu r-raġuni għal din il-modifika” (45) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din hija konsegwenza tal-mekkaniżmu tas-surroga. Ir-relazzjoni ta’ impjieg tista’ tiġi mmodifikata fir-rigward taċ-ċessjonarju bl-istess mod kif tista’ tiġi mmodifikata fir-rigward taċ-ċedent.
88. Fil-qosor, mid-deċiżjoni Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-persunal ittrasferit jista’ jinvoka fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu maċ-ċessjonarju, l-istess drittijiet pekunjarji li jirriżultaw mill-anzjanità fi grad tiegħu bħal dawk li minnhom kien jibbenefika taħt ir-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu maċ-ċedent. Madankollu, iċ-ċessjonarju jibqagħlu dejjem il-possibbiltà li jimmodifika t-termini tar-relazzjoni ta’ impjieg, u b’mod partikolari l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni, bl-istess mod li bih iċ-ċedent seta’ jagħmel dan taħt il-liġi nazzjonali f’każ li ma jkunx hemm trasferiment.
89. Id-Direttiva 77/187 għandha l-għan li tevita li, minnu nnifsu, it-trasferiment ta’ impriża jservi ta’ opportunità sabiex is-sitwazzjoni tal-ħaddiem tmur għall-agħar, jiġifieri l-abolizzjoni jew ir-riduzzjoni ta’ drittijiet akkwiżiti. Huma biss id-drittijiet li jistgħu jiġu eżerċitati fil-konfront taċ-ċedent li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għaldaqstant ma jeżisti ebda dritt għal trattament ugwali fil-konfront tal-kollegi l-ġodda (li eventwalment ikollhom trattament aħjar), lanqas ma hemm dritt għal applikazzjoni retroattiva tar-regoli li eventwalment ikunu iktar favorevoli previsti miċ-ċessjonarju, skont it-tul tas-servizz maċ-ċedent (46).
90. Il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi li huma trażmessi tiddependi fuq il-liġi nazzjonali applikabbli u għalhekk tvarja skont din il-liġi. Hekk kif irrepetiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 77/187 ma hijiex intiża sabiex tistabbilixxi livell uniformi ta’ protezzjoni bbażata fuq kriterji komuni. Għalhekk, kif hija ddikjarat fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Frar 1988, Foreningen af Arbejdsledere i Danmark (47), din id-direttiva tista’ tiġi invokata biss sabiex tiżgura li l-ħaddiem involut huwa protett fir-relazzjonijiet tiegħu maċ-ċessjonarju bl-istess mod li kien protett fir-relazzjonijiet tiegħu maċ-ċedent, taħt ir-regoli tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat (48).
91. Minn dan jirriżulta li l-impjegati ttrasferiti jkunu intitolati għal kalkolu ta’ remunerazzjoni tagħhom li jieħu inkunsiderazzjoni l-anzjanità fi grad tagħhom miksuba mingħand iċ-ċedent biss jekk il-kuntratt ta’ impjieg konkluż miegħu kien jagħti t-tali dritt u li dan id-dritt ma ġiex validament emendat indipendentament mit-trasferiment tal-impriża.
92. Issa, rajna li taħt il-CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali, ir-remunerazzjoni kienet prinċipalment ikkalkolata abbażi tat-tip ta’ xogħol imwettaq u kienet tinkludi elementi ta’ benefiċċji anċillari, u għalhekk ma kinitx primarjament ibbażata fuq l-anzjanità fi grad. Bis-saħħa tal-loġika ta’ ekwivalenza, il-persunal ittrasferit ma setax, għaldaqstant, abbażi tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187, jinsisti li ċ-ċessjonarju jieħu inkunsiderazzjoni l-anzjanità fi grad kollha miksuba maċ-ċedent.
93. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kummenti preċedenti tiegħi fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandi dubju jekk, fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ ftehim kollettivi bħal dak fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni tippermettix lill-ħaddiema jieħdu vantaġġ mingħand iċ-ċessjonarju tad-drittijiet pekunjarji li jirriżultaw mill-anzjanità fi grad li huma setgħu rċevew skont il-ftehim kollettiv bejnhom u ċ-ċedent.
94. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-eżistenza ta’ inugwaljanzi fil-pagi meta mqabbla ma’ ħaddiema li kienu diġà impjegati mal-Istat ma hijiex, fiha nfisha, kuntrarja għad-Direttiva 77/187. Fil-fatt, din id-direttiva ma tasalx sabiex tirrikjedi li, permezz ta’ finzjoni, l-impjegati tal-ewwel persuna li timpjega jiġu retroattivament ittrattati bħall-impjegati tat-tieni persuna li timpjega, eżattament bl-istess drittijiet bħal dawn tal-aħħar. L-imsemmija direttiva tistabbilixxi l-prinċipju ta’ relazzjoni kontinwa ta’ impjieg maż-żamma tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg u mhux il-prinċipju ta’ tibdil ta’ dawn il-kundizzjonijiet bl-iskop li dawn jiġu allinjati mal-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ persuni li minn dejjem kienu impjegati mal-persuna l-ġdida li timpjega.
95. Is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Delahaye (49) madankollu tqajjem id-dubju fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187 fil-qasam tar-rikonoxximent tal-anzjanità fi grad tal-persunal ittrasferit sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li toqgħod attenta għat-trattament ugwali bejn il-persunal ittrasferit u dak diġà fis-servizz taċ-ċessjonarju.
96. Il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tat lok għal din is-sentenza huma kif ġej. J. M. Delahaye kienet impjegata ma’ assoċjazzjoni li l-attività tagħha ġiet ittrasferita lill-Istat Lussemburgiż. Sussegwentement, hija ġiet assunta bħala impjegata tal-Istat Lussemburgiż. Skont il-Liġi Gran Dukali dwar ir-remunerazzjoni tal-impjegati tal-Istat, J. M. Delahaye sabet ruħha minn dakinhar ’il quddiem b’remunerazzjoni inqas minn dik li kienet tirċievi bis-saħħa tal-kuntratt li hija kellha mal-persuna li kienet timpjegaha qabel (50).
97. F’din il-kawża, id-domanda li saret mill-Cour administrative (Luxembourg) (Qorti Amministrattiva tal-Lussemburgu) kienet, essenzjalement, sabiex ikun magħruf jekk id-Direttiva 77/197 kinitx tipprekludi, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża minn persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat lill-Istat, lil dan tal-aħħar, bħala persuna li timpjega ġdida, milli jnaqqas l-ammont ta’ remunerazzjoni tal-impjegati kkonċernati sabiex jikkonforma ruħu mar-regoli nazzjonali fis-seħħ dwar l-impjegati pubbliċi.
98. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tagħha, u b’mod partikolari fuq is-sentenza Mayeur, iċċitata iktar ’il fuq, “[p]eress li d-Direttiva 77/187 għandha l-għan li tikseb biss armonizzazzjoni parzjali fil-qasam ikkonċernat […], [din id-direttiva] ma tipprekludix, fil-każ ta’ trasferiment ta’ attività lil persuna ġuridika regolata mid-dritt pubbliku, l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li tipprovdi għat-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ impjieg rregolati mid-dritt privat” (51). Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, madankollu, li “skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 77/187, tali terminazzjoni tikkostitwixxi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet ta’ impjieg għad-detriment ta’ l-impjegat, li tirriżulta direttament mit-trasferiment, b’mod li t-terminazzjoni ta’ l-imsemmija kuntratti għandha, f’tali sitwazzjoni, tiġi kkunsidrata li seħħet minħabba l-prinċipal” (52).
99. Billi ttrasponiet dan ir-raġunament għall-kawża inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li “l-istess għandu jkun applikabbli fejn, […] l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar is-sitwazzjoni ta’ l-impjegati tal-Gvern iġġib magħha tnaqqis fir-remunerazzjoni tal-impjegati affettwati mit-trasferiment. Tali tnaqqis għandu, meta jkun sostanzjali, jiġi kkunsidrat bħala bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegati in kwistjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [77/187]” (53).
100. L-ammissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ tali possibbiltà fi ħdan l-awtoritajiet pubbliċi hija, madankollu sussegwentement sfumata, ladarba hija tindika li “l-awtoritajiet kompetenti li huma responsabbli li japplikaw u jinterpretaw il-liġi nazzjonali dwar l-impjegati pubbliċi għandhom jagħmlu dan, safejn huwa possibbli, fid-dawl ta’ l-għan tad-Direttiva 77/187”. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li “[s]afejn ir-regoli nazzjonali dwar is-sitwazzjoni ta’ l-impjegati tal-Gvern jikkunsidraw l-anzjanità ta’ l-impjegat tal-Gvern sabiex tiġi kkalkulata r-remunerazzjoni tiegħu, [i]kun kuntrarju għall-ispirtu ta’ din id-Direttiva li impjegat, li jgħaddi taħt iċ-ċessjonarju, jiġi ttrattat mingħajr kunsiderazzjoni ta’ l-anzjanità tiegħu.”
101. Is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Collino u Chiappero kif ukoll Delahaye jistgħu, għalhekk, jidhru diffiċli li jiġu kkonċiljati flimkien peress li huma jadottaw żewġ approċċi differenti. Filwaqt li l-ewwel sentenza hija bbażata fuq l-idea ta’ ekwivalenza tal-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża, it-tieni sentenza tenfasizza l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-persunal ittrasferit u l-persunal li kien diġà impjegat maċ-ċessjonarju.
102. Għalkemm trattament ugwali bejn il-persunal ittrasferit u l-persunal diġà fis-servizz taċ-ċessjonarju huwa mixtieq f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża, jiena ma naħsibx, madankollu, li d-Direttiva 77/187 timponi din l-ugwaljanza. Għalhekk jidher iktar konformi mal-ispirtu tad-Direttiva li jiġi segwit l-approċċ ibbażat fuq l-ekwivalenza ta’ protezzjoni inerenti fil-mekkaniżmu ta’ surroga li kien żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Collino u Chiappero ċċitata iktar ’il fuq.
103. Minn dawn l-elementi kollha niddeduċi li, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, fejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni previsti mill-ftehim kollettiv fis-seħħ maċ-ċedent ma kinux prinċipalment ibbażati fuq il-kriterju ta’ anzjanità fi grad miksuba mingħand din il-persuna li timpjega u, min-naħa l-oħra, il-ftehim kollettiv fis-seħħ maċ-ċessjonarju jissostitwixxi dak li kien fis-seħħ maċ-ċedent, l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 77/187 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li ċ-ċessjonarju jieħu inkunsiderazzjoni l-anzjanità fi grad miksuba mingħand iċ-ċedent mill-persunal ittrasferit għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ dan il-persunal, u dan anki jekk il-ftehim kollettiv fis-seħħ maċ-ċedent kien jipprovdi li l-kalkolu tar-remunerazzjoni huwa primarjament ibbażat fuq il-kriterju ta’ anzjanità fi grad.
C – Fuq ir-raba’ domanda
104. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tkun taf jekk diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jipprekludux l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005.
105. Għandu jitfakkar il-kuntest li fih saret din id-domanda. Billi adotta l-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005, il-leġiżlatur Taljan ried jiċċara l-portata li huwa kellu l-intenzjoni li jagħti lil-Liġi Nru 124/99 fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment tal-persunal ATA għandux jinkludi teħid inkunsiderazzjoni mill-Istat tal-anzjanità fi grad kollha li dak il-persunal ikun kiseb mal-awtoritajiet lokali. Sabiex jirribatti l-ġurisprudenza stabbilita mill-Corte suprema di cassazione, dan il-leġiżlatur ikkunsidra li r-remunerazzjoni tal-persunal ittrasferit għandha tkun stabbilita “abbażi tat-trattament ekonomiku ġenerali li minnha kien igawdi fil-mument tat-trasferiment, u għandu jirċevi remunerazzjoni f’ammont ugwali jew immedjatament inferjuri għar-remunerazzjoni annwali li huwa kien igawdi fil-31 ta’ Diċembru 1999, konsistenti mis-salarju, l-allowance personali ta’ anzjanità fi grad u kull benefiċċju, jekk ikun hemm, mogħtija mill-[CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali] fis-seħħ fid-data ta’ assunzjoni fl-amministrazzjoni tal-Istat.” Il-leġiżlatur Taljan b’hekk indika li minkejja l-interpretazzjoni prevalenti adottata mill-qrati nazzjonali, il-Liġi Nru 124/99 ma kellhiex tiġi interpretata bħala li tibbaża l-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-persunal ittrasferit fuq il-kriterju ta’ anzjanità fi grad miksuba mingħand awtoritajiet lokali.
106. Ġie espost li din il-pożizzjoni tal-leġiżlatur Taljan ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, titqies li tmur kontra d-Direttiva 77/187 peress li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ma tirrikjedix li tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità fi grad kollha miksuba preċedentement mill-persunal ittrasferit mingħand l-awtoritajiet lokali.
107. Sa fejn l-interpretazzjoni tal-Liġi Nru 124/99 li tinsab fl-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 tipproduċi effett immedjat fuq sensiela sħiħa ta’ kawżi pendenti, fosthom dik mibdija minn I. Scattolon, u dan favur il-pożizzjoni meħuda mill-Istat Taljan, il-qorti tar-rinviju ssaqsi wkoll jekk tali intervent mil-leġiżlatur Taljan huwiex konformi jew le mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Huwa ċar kemm mid-digriet tar-rinviju kif ukoll mill-osservażjonijiet li ġew sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja u mit-trattazzjoni orali li din id-domanda tikkonċerna primarjament l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, b’mod partikolari, id-dritt għal smigħ xieraq (54).
108. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB (55). Dan il-prinċipju ġie affermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta, li kisbet, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona “l-istess saħħa ġuridika bħat-Trattat” (56). Sa fejn fil-preżent, il-Karta tokkupa pożizzjoni ċentrali fis-sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni, hija għandha, fl-opinjoni tiegħi, tikkostitwixxi r-regola ta’ riferiment kull darba li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħti deċiżjoni dwar il-konformità ta’ att tal-Unjoni jew ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta (57).
109. Qabel jiġu pprovduti lill-qorti ta’ rinviju, jekk ikun il-każ, l-elementi ta’ interpretazzjoni li jippermettulha tevalwa l-konformità tal-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni biex tagħmel dan.
1. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għar-raba’ domanda
110. Skont it-tip ta’ sitwazzjoni sottomessa quddiemha (58), il-Qorti tal-Ġustizzja titlob lill-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet fundamentali protetti taħt is-sistema legali Komunitarja, minn naħa, meta l-Istati Membri jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra meta dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali taqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
111. B’hekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tal-prinċipji ġenerali rrikonoxxuti fis-sistema legali Komunitarja, li jinkludu d-drittijiet fundamentali, huma vinkolanti wkoll għall-Istati Membri meta jimplementaw regoli Komunitarji, u għaldaqstant huma marbuta, sa fejn ikun possibbli, japplikaw il-liġijiet taħt kundizzjonijiet li ma jmorrux kontra dawn ir-rekwiżiti (59).
112. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta domanda preliminari titressaq quddiemha, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni neċessarji għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ tali leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali li tagħhom hija tiggarantixxi r-rispett, hekk kif jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-KEDB (60). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex din il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li ma tagħmilx parti mill-qafas tad-dritt Komunitarju u meta s-suġġett tal-kawża ma jkollu ebda element ta’ rabta mad-dritt Komunitarju (61).
113. Fid-dawl tar-risposta li jiena qed nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għall-ewwel domanda, jiġifieri li t-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi trasferiment ta’ impriża fis-sens tad-Direttiva 77/187 u għandu għalhekk jiġi implementat skont ir-regoli stabbiliti f’din id-direttiva (kif trasposti bl-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili Taljan u bl-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 29/93), din il-kawża hija nettament differenti minn sitwazzjonijiet li taw lok għal deċiżjonijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha inkompetenti sabiex tinterpreta prinċipji ġenerali u drittijiet fundamentali minħabba li l-kawża ma kinitx tippreżenta rabta suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni (62).
114. Fil-fatt, il-Liġi Nru 124/99, kif spjegata fl-2005 mil-leġiżlatur Taljan, għandha l-għan li tiddefinixxi waħda mill-proċeduri tat-trasferiment tal-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali lill-Istat, jiġifieri l-metodu ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni tiegħu wara t-trasferiment. Sa fejn dan huwa trasferiment li jaqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 77/187, tali leġiżlazzjoni għandha tiġi kkunsidrata li għandha rabta suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni. Peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata tinsab ukoll fil-qafas tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi neċessarji sabiex din tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (63).
115. Fil-fehma tiegħi ma jistax ikun differenti fir-rigward l-Artikolu 47 tal-Karta.
116. Naf li, sabiex jiġi ddelimitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, l-awturi tagħha żammew mal-formula li tirriżula mis-sentenza Wachauf, iċċitata iktar ’il fuq (64). L-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-Istati Membri “biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”.
117. Fid-dawl ta’ dan il-kliem, il-kwistjoni dwar jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, kif iddefinit fl-Artikolu 51(1) jikkoinċidix mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni għadha qed tiġi diskussa u għad ma hemmx risposta definittiva fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (65). Filwaqt li proponenti ta’ kunċett restrittiv tad-dritt tal-Unjoni jargumentaw li dan l-artikolu jirreferi biss għal sitwazzjoni fejn Stat Membru jaġixxi bħala aġent tal-Unjoni, il-proponenti ta’ kunċett estensiv jikkunsidraw li dan il-kunċett jinkludi wkoll b’mod iktar wiesa’ s-sitwazzjoni fejn ir-regola nazzjonali taqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
118. Fil-fehma tiegħi, il-formula kkunsidrata mir-redatturi tal-Karta ma tfissirx li huma riedu jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal definizzjoni praetorjana tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. L-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 51(1) tal-Karta jixhdu dan, billi, skont l-aħhar subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tagħha.
119. F’dan ir-rigward ninnota li dawn l-ispjegazzjonijiet jissuġġerixxu li, f’dak li jikkonċerna l-Istati Membri, “jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-obbligu ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali ddefiniti fil-qafas tal-Unjoni jorbot lill-Istati Membri biss meta dawn jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”. Barra minn hekk, dawn l-istess spjegazzjonijiet jirriflettu l-ġurisprudenza dwar il-każijiet differenti fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tkun marbuta mad-dritt tal-Unjoni li għalih għamilt riferiment iktar ’il fuq. Fl-opinjoni tiegħi, dawn iż-żewġ elementi jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 51(1) tal-Karta mingħajr ma tiżnatura l-intenzjoni tar-redatturi tagħha (66). Jista’ wkoll ikun ammess li dan l-Artikolu, moqri fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet marbuta miegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jkunu qed jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, jekk wieħed jagħmel riferiment għall-każ partikolari tad-direttivi, ikun f’loku li l-kunċett tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jiġix ristrett biss għall-miżuri li jimplementawhom. Dan il-kunċett għandu, fil-fehma tiegħi, jinftiehem bħala li jirreferi għall-applikazzjonijiet ulterjuri u konkreti tar-regoli stabbiliti minn direttiva speċifika (67), kif ukoll, b’mod ġenerali, dawk is-sitwazzjonijiet kollha fejn leġiżlazzjoni nazzjonali “taqbad” jew “taffettwa” suġġett irregolat minn direttiva li l-perijodu għat-traspożizzjoni tagħha jkun skada (68).
120. Minbarra l-fatt li restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta fir-rigward ta’ dak tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fl-opinjoni tiegħi, ma kinitx l-intenzjoni tar-redatturi tal-Karta, interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 51(1) tagħha ma tidhirx li hija mixtieqa. Dan, fil-fatt, jagħti lok għall-ħolqien ta’ żewġ sistemi differenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni, skont jekk dawn jirriżultawx mill-Karta jew mill-prinċipji ġenerali tad-dritt. Dan idgħajjef il-livell ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, ċirkustanza li tidher antitetika għall-kliem tal-Artikolu 53 tal-Karta, li jipprovdi, b’mod partikolari li “Xejn f’din il-Karta m’għandu jiġi interpretat bħala li jillimita jew li jolqot b’mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, mil-liġi ta’ l-Unjoni”.
121. Peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għar-raba’ domanda tidher li ġiet stabbilita, imiss issa li l-qorti tar-rinviju tiġi pprovduta bl-elementi neċessarji sabiex tkun tista’ tevalwa l-konformità tal-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 mal-Artikolu 47 tal-Karta.
2. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta
122. Kif jikkonferma l-Artikolu 47 tal-Karta, id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jinkludi d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, li jiggarantixxi b’mod partikolari li r-rikorrent ikollu dritt għal smigħ xieraq. Sa fejn l-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 jinfluwixxi fuq il-proċedura ġudizzjarja istitwita minn I. Scattolon, u dan favur l-Istat Taljan, id-dritt tagħha għal rimedju ġudizzjarju effettiv jista’ jkun li jiġi affettwat.
123. Madankollu għandu jiġi speċifikat li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta, sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, fir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma meħtieġa u jissodisfaw effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad‑drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.
124. Barra minn hekk, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jippreċiża li, sa fejn din tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l‑portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni (69). Skont l-ispjegazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet iggarantiti huma ddeterminati mhux biss mit-test tal-KEDB, iżda wkoll, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
125. Sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi meħtieġa sabiex hija tkun tista tevalwa l-konformità tal-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 mal-Artikolu 47 tal-Karta, jiena għalhekk ser insegwi l-analiżi żviluppata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’każijiet simili ta’ allegat ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB minħabba l-impatt ta’ leġiżlazzjoni retroattiva fuq proċeduri ġudizzjarji pendenti.
126. Fl-ewwel lok, sejjer neżamina jekk hemmx indħil mill-awtorità leġiżlattiva fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Jekk dan ikun il-każ, fit-tieni lok, ikun meħtieġ li nivverifika jekk teżistix raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika ndħil bħal dan.
a) Fuq l-eżistenza ta’ ndħil mill-awtorità leġiżlattiva fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja
127. Kif il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat fis-sentenza tagħha Zielinski u Pradal & Gonzalez et vs Franza tat-28 Ottubru 1999 (70), “għalkemm, bħala prinċipju, l-awtorità leġiżlattiva ma hijiex prekluża milli tilleġiżla fi kwistjonijiet ċivili, permezz ta’ dispożizzjonijiet ġodda b’portata retroattiva, drittijiet li jirriżultaw mil-liġijiet fis-seħħ, il-prinċipju tas-superjorità tad-dritt u l-kunċett ta’ smigħ xieraq, stabbiliti bl-Artikolu 6 tal-[KEDB] jipprekludu, ħlief għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, l-indħil tal-awtorità leġiżlattiva fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja sabiex jinfluwenzaw l-eżitu ġudizzjarju tal-kawża” (71).
128. Minn din is-sentenza jirriżulta li l-ewwel pass fl-eżami tal-kompatibbiltà ta’ liġi retroattiva mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB huwa l-eżistenza ta’ influwenza fuq kawżi pendenti quddiem qorti.
129. Fis-sentenza Lilly France vs Franza tal-25 ta’ Novembru 2010, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tfakkar li hija tillimita ruħha sabiex tikkonstata jekk il-liġi kontenzjuża tostakolax lil qorti milli tiddeċiedi l-kwistjoni quddiemha (72). Fis-sentenza Zielinski u Pradal & Gonzalez et vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, hija tenfasizza li l-liġi kontenzjuża tistabbilixxi definittivament it-termini tal-kwistjoni quddiem il-qrati u dan b’mod retroattiv (73). Il-kompetenza tal-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni għalhekk tiġi miċħuda favur l-interpretazzjoni mogħtija mil-leġiżlatur nazzjonali. Minkejja li dan tal-aħħar ħa ħsieb jevita l-applikazzjoni tal-liġi retroattiva għad-deċiżjonijeit li saru definittivi, l-indħil tal-leġiżlatur fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja jseħħ meta l-qorti ssib lilha nnifisha marbuta bil-kliem tat-test leġiżlattiv.
130. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 jagħti interpretazzjoni lill-Artikolu 8(2) tal-Liġi Nru 124/99 li għandha effett retroattiv “bla ħsara għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li jiffurmaw res judicata fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Liġi”.
131. Il-kundizzjoni ta’ ndħil mill-awtorità leġiżlattiva fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja tidher li ġiet sodisfatta. Fil-fatt huwa paċifiku li din l-interpretazzjoni leġiżlattiva ġdida għandha impatt dirett fuq il-kawża bejn I. Scattolon u l-Istat u dan bi żvantaġġ għar-rikorrenti billi l-liġi interpretativa teskludi l-interpretazzjoni favorevoli għall-persunal ittrasferit li l-Corte suprema di cassazione u l-parti l-kbira tal-qrati kienu adottaw iktar qabel. Huwa ta’ ftit importanza f’dan ir-rigward jekk l-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/205 jiġix ikkunsidrat bħala regola ta’ interpretazzjoni awtentika jew regola b’kontenut innovattiv.
132. Huwa neċessarju, f’dan il-waqt, li jiġi vverifikat jekk dan l-indħil jistax jitqies bħala ġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.
b) Fuq l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali
133. B’mod ġenerali, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha tendenza li teskludi l-motiv finanzjarju bħala wieħed tali li jiġġustifika, waħdu, indħil tal-awtorità leġiżlattiva fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (74). Madankollu, fis-sentenza National & Provincial Building Society, the Leeds Permanent Building Society u the Yorkshire Building Society vs Ir-Renju Unit tat-23 ta’ Ottubru 1997 (75), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-interess tal-Istat li jinżamm il-livell tad-dħul fiskali jikkostitwixxi motiv ta’ interess ġenerali (76). Huwa interessanti li wieħed josserva li, f’din l-aħħar kawża, il-liġi retroattiva kienet intiża sabiex tistabbilixxi mill-ġdid l-intenzjoni oriġinali tal-leġiżlatur u biex tikkoreġi d-difetti tekniċi fl-abbozzar tar-regolament (77). Barra minn hekk, fis-sentenza OGIS-Institut Stanislas, OGEC St. Pie X u Blanche de Castille et vs Franza tas-27 ta’ Mejju 2004, il-kwistjoni kienet li timtela lakuna ġuridika (78).
134. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha t-tendenza li taċċetta l-eżistenza ta’ motiv ta’ interess ġenerali kemm-il darba jkun hemm intenzjoni li wieħed jasal għal leġiżlazzjoni tajba (li tinkludi, b’mod partikolari, korrezzjoni ta’ żball tekniku, u l-mili ta’ lakuna ġuridika) jew jikkontribwixxi għat-tmexxija ta’ proġett ta’ benefiċċju għal numru ikbar (79). Il-motiv finanzjarju ma jkunx biżżejjed fih innifsu, iżda jista’ jirnexxi meta miegħu ikun inkluż għan ieħor ta’ interess ġenerali.
135. Fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan jiġġustifika l-intervent tal-Liġi Nru 266/2005 bil-fatt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi Nru 124/99 kienet ambigwa u li kienet tat lok għal numru ta’ kawżi. Din il-ġustifikazzjoni tista’ titqabbel ma’ dik li intiża li tfittex tasal għal leġiżlazzjoni tajba, jiġifieri leġiżlazzjoni li l-portata tagħha hija ċċarata.
136. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument li jgħid li kien meħtieġ li tiġi evitata ġurisprudenza konfliġġenti, minbarra l-fatt li tali ġurisprudenza konfliġġenti għandha tiġi pprovata, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tidher riżervata meta tiġi biex tammetti dan l-argument. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha Zielinski u Pradal & Gonzalez et vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, din il-Qorti ddeċidiet li diverġenzi fil-ġurisprudenza huma inerenti fi kwalunkwe sistema legali. Dan l-argument huwa għalhekk, fih innifsu, irrilevanti fl-għajnejn tal-imsemmija Qorti tal-Ġustizzja.
137. Għalkemm huwa paċifiku li l-leġiżlatur Taljan ried, fl-1999, li jħalli f’idejn l-imsieħba soċjali kif ukoll lill-awtorità leġiżlattiva l-kompitu ta’ implementazzjoni tal-proċeduri speċifiċi tal-inklużjoni tal-persunal ittrasferit, b’mod partikolari fir-rigward tar-remunerazzjoni tiegħu wara t-trasferiment, jista’ jkun possibbli li jiġi aċċettat intervent ulterjuri ta’ dak il-leġiżlatur intiż sabiex iġib fi tmiemha ġurisprudenza li la kienet tikkorrispondi għall-intenzjoni oriġinali tal-imsemmi leġiżlatur u lanqas għall-proċeduri ta’ implementazzjoni stabbiliti mill-imsieħba soċjali, li sussegwentement ġew ivvalidati mill-awtorità leġiżlattiva. F’dan ir-rigward nosserva li l-kjarifiki pprovduti mil-leġiżlatur fl-2005 jikkonfermaw l-interpretazzjoni adottata mill-imsieħba soċjali bħala riżultat tal-Liġi Nru 124/99, li stabbilixxew, kif mitlub fid-Digriet Ministerjali tat-23 ta’ Lulju 1999, il-kriterji għall-inklużjoni tal-persunal ittrasferit. Għaldaqstant jista’ jiġi ammess, kif ammettiet il-Corte suprema di cassazione stess f’sentenza tas-16 ta’ Jannar 2008 (80), li l-kjarifiki pprovduti mil-leġiżlatur Taljan fl-2005 dwar il-bażi ta’ kalkolu tas-salarju annwali tal-persunal ittrasferit jikkorrispondu għal waħda mill-għażliet possibbli għar-rikonoxximent, mill-aspett ekonomiku u ġuridiku, tal-anzjanità fi grad miksuba. Il-leġiżlatur Taljan b’hekk għażel rikonoxximent parzjali tal-anzjanità fi grad billi bbaża lilu nnifsu, għall-klassifikazzjoni tal-persunal ittrasferit, fuq ir-remunerazzjoni rċevuta minnu fil-31 ta’ Diċembru 1999.
138. Il-Gvern Taljan iressaq il-motiv ibbażat fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita n-newtralità baġitarja tal-operazzjoni ta’ trasferiment sabiex jiġġustifika tali għażla.
139. Jista’ jidher raġonevoli li l-Istat Taljan ikun xtaq jgħaqqad lill-persunal ATA f’korp wieħed u uniku li jaħdem flimkien iżda li jkun suġġett għal żewġ sistemi differenti u, b’mod partikolari, li ried jarmonizza l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni ta’ dan il-persunal billi, fl-istess ħin, jiżgura li din l-operazzjoni tkun newtrali f’termini baġitarji, jiġifieri, fi kliem ieħor, li din tkun magħmula bi spiża kostanti.
140. Madankollu huwa importanti li l-gvern Taljan juri li l-ħtieġa ta’ newtralità baġitarja kienet tabilħaqq fil-qalba tar-riforma inizjali u li l-intervent leġiżlattiv fl-2005 kien tabilħaqq intiż sabiex jissalvagwardja tali għan. B’mod partikolari, huwa għandu jipprova li hija biss l-interpretazzjoni bbażata fuq teħid inkunsiderazzjoni parzjali biss tal-anzjanità fi grad li kienet adatta sabiex tiggarantixxi n-newtralità baġitarja tar-riforma.
141. Nosserva li, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-gvern Taljan sostna li r-riforma mibdija fl-1999, akkumpanjata mit-teħid inkunsiderazzjoni parzjali biss tal-anzjanità fi grad tal-persunal ittrasferit, ma ppreġudikatx il-qagħda finanzjarja ta’ dan il-persunal. Ikkonfrontata b’din l-affermazzjoni, fl-opinjoni tiegħi I. Scattolon ma rnexxilhiex turi b’mod rigoruż u ċert li s-sitwazzjoni pekunjarja tal-persunal ittrasferit iddeterjorat wara t-trasferiment (81). Il-provi disponibbli għalhekk ma jikkonvinċunix li l-intervent tal-leġiżlatur fl-2005 kien għal skop ieħor barra dak li jiżgura newtralità baġitarja tar-riforma.
142. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, b’mod definittiv, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ ċifri dwar l-ispejjeż komparattivi taż-żewġ interpretazzjonijiet sostnuti mill-partijiet (82), jekk l-interpretazzjoni adottata mil-leġiżatur Taljan fl-2005 hijiex adattata sabiex tissodisfa l-għan leġittimu ta’ newtralità baġitarja tar-riformi amministrattivi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li din ma tkunx ippreġudikat b’mod sproporzjonat id-dritt protett mill-Artikolu 47 tal-Karta.
143. Minn dawn l-elementi niddeduċi li l-Artikolu 27 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik li tinsab fl-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005, bil-kundizzjoni li jintwera, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ ċifri, li l-adozzjoni tagħha kienet intiża sabiex tiggarantixxi n-newtralità baġitarja tal-operazzjoni ta’ trasferiment tal-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali lill-Istat, liema verifika għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju.
IV – Konklużjoni
144. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi mressqa mit-Tribunale Ordinario di Venezia:
“1) Id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1997, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ negozji għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għal trasferiment bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri t-trasferiment ta’ persunal inkarigat minn servizzi awżiljarji ta’ tindif, ta’ manutenzjoni u ta’ sorveljanza tal-bini skolastiku tal-Istat ta’ awtoritajiet pubbliċi lokali (muniċipalitajiet u provinċji) lill-Istat.
2) F’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, fejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni pprovduti mill-ftehim kollettiv fis-seħħ maċ-ċedent ma humiex primarjament ibbażati fuq l-anzjanità fi grad akkwistata ma’ dik il-persuna li timpjega, u min-naħa oħra, il-ftehim kollettiv fis-seħħ maċ-ċessjonarju jissostitwixxi dak li kien fis-seħħ maċ-ċedent, l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 77/187 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrikjedix li ċ-ċessjonarju jieħu inkunsiderazzjoni l-anzjanità fi grad akkwistata mingħand iċ-ċedent mill-persunal ittrasferit għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ dan il-persunal, u dan anki jekk il-ftehim kollettiv fis-seħħ maċ-ċessjonarju jipprovdi li l-kalkolu tar-remunerazzjoni huwa primarjament ibbażat fuq il-kriterju tal-anzjanità fi grad.
3) L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik li tinsab fl-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 li tipprovdi dispożizzjonijiet għall-baġit annwali u pluriannwali tal-Istat (liġi finanzjarja 2006) [legge Nru 266/2005 – disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2006)], tat-23 ta’ Diċembru 2005, bil-kundizzjoni li jintwera, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ ċifri, li l-adozzjoni tagħha kienet intiża li tiggarantixxi n-newtralità baġitarja tal-operazzjoni ta’ trasferiment tal-persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju (ATA) tal-awtoritajiet lokali lill-Istat, liema verifika għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU L 61, p. 26.
3 – Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
4 – ĠU L 201, p. 88
5 – Ara b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2003, Abler et (C‑340/01, Ġabra. p. I‑14023, punt 5), kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2006, Werhof (C‑499/04, Ġabra. p. I‑2397, punti 15 u 16).
6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98
7 – Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 30, tas-6 ta’ Frar 1993, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 29/93”.
8 – GURI Nru 107, tal-10 ta’ Mejju 1999, iktar ’il quddiem l-“Liġi Nru 124/99”.
9 – GURI Nru 16, tal-21 ta’ Jannar 2000, iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali tat-23 ta’ Lulju 1999”.
10 – GURI Nru 162, tal-14 ta’ Lulju 2001, iktar ’il quddiem id-“digriet ministerjali tal-5 ta’ April 2001”.
11 – Suppliment normali tal-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 2005, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 266/2005”.
12 – GURI tal-4 ta’ Lulju 2007.
13 – GURI tat-2 ta’ Diċembru 2009.
14 – GURI tat-18 ta’ Ġunju 2008.
15 – C‑298/94, Ġabra, p. I‑4989.
16 – Punt 14.
17 – Punti 13 u 15 rispettivament
18 – Punt 16
19 – Punt 17. Kif osserva l-Avukat Ġenerali Alber fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero (C‑343/98, Ġabra p. I‑6659), “[f]ir-raġunament tagħa, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari l-fatt li r-ristrutturazzjoni ma kinitx tirrigwarda attivitajiet ekonomiċi. Minn dan jista’ jiġi dedott li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [77/187] ma jiddependix mill-persuna taċ-ċedent jew mill-appartenenza tiegħu għad-dritt pubbliku jew għad-dritt privat, meta huwa jeżerċita attività ekonomika. Dak li huwa deċiżiv għaldaqstant ma huwiex il-kwalità taċ-ċedent, iżda n-natura tal-attività eżerċitata. L-attivitajiet li jinvolvu l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika ma jistgħux ikunu oġġett ta’ trasferiment ta’ impriża fis-sens ta’ [din id-]Direttiva”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
20 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et (C‑173/96 u C‑247/96, Ġabra p. I‑8237, punt 24), għal attività biex tgħin lill-persuni żvantaġġjati fid-dar kif ukoll attività ta’ sorveljanza; Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq (punti 31 u 32), kif ukoll tas-26 ta’ Settembru 2000, Mayeur (C‑175/99, Ġabra p. I‑7755, punti 28 sa 40).
21 – C-151/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.
22 – Punt 12.
23 – C‑463/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.
24 – Punt 11.
25 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq UGT-FSP (punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll CLECE (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 – Sentenza CLECE, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 – Ibidem (punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 – Sentenza CLECE, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 – Ibidem (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 – Ibidem (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 – Ibidem (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 – Min-naħa l-oħra, l-identità ta’ entità ekonomika li hija bbażata essenzjalment fuq l-operat tal-ħaddiema tagħħa ma tistax tinżamm jekk il-ħaddiema essenzjali tagħha ma jiġux impjegati miċ-ċessjonarju (ara s-sentenza CLECE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).
34 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Foreningen af Arbejdsledere i Danmark (105/84, Ġabra p. 2639, punti 26 u 27).
35 – Ara p. 13 tal-verżjoni bil-Franċiż tad-digriet tar-rinviju.
36 – Sentenza Werhof, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).
37 – Ara, fuq dan is-suġġett, N. Moizard, “Droit social de l’Union européenne”, Jurisclasseur Europe, 2010, faxxiklu 607, li jgħid li l-fatt li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 77/187 isemmi li “jiġi applikat ftehim kollettiv ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ifisser li “meta ftehim kollettiv ieħor japplika għaċ-ċessjonarju, dan għandu jissostitwixxi immedjatament il-ftehim tal-istess livell inizjalment applikabbli għaċ-ċedent” (punt 33).
38 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Martin et (C‑4/01, Ġabra p. I‑12859, punt 47).
39 – Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Juuri (C‑396/07, Ġabra p. I‑8883, punt 33).
40 – Ibidem (punt 34).
41 – Għalkemm ċerti elementi tar-remunerazzjoni pprovduti mill-CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali kienu miżmuma mil-leġiżlatur Taljan, dan ma huwiex minħabba obbligu impost mid-Direttiva 77/187, iżda mis-sempliċi rieda tal-leġiżlatur (dan jirrigwarda l-allokazzjoni individwali ta’ anzjanità fi grad u tliet allowances oħra).
42 – Punt 50.
43 – Idem.
44 – Punt 51.
45 – Punt 52.
46 – Ara l-punt 94 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża li tat lok għas-sentenza Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq.
47 – 324/86, Ġabra p. 739.
48 – Punt 16.
49 – C‑425/02, Ġabra p. I‑10823.
50 – Hija indikat li kienet ġiet ikklassifikata, mingħajr ma ttieħdet inkunsiderazzjoni l-anzjanità fi grad tagħha, fl-ewwel grad tal-aħħar skala tal-livell tal-paga, u li dan kellu l-effett li jtellfilha 37 % tal-paga tagħha ta’ kull xahar (punt 17 tas-sentenza).
51 – Sentenza Delahaye, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).
52 – Idem.
53 – Ibidem (punt 33).
54 – Għandu jiġi indikat li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet adita b’mod parallel bi problema simili, abbażi tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, fi tlett kawżi. Dawn huma r-Rikorsi Nru 43549/08, Agrati et vs L-Italja; 5087/09, Carlucci vs L-Italja, u 6107/09, Cioffi et vs L-Italja. Fil-5 ta’ Novembru 2009, it-Tieni Awla tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għamlet id-domandi li ġejjin lill-partijiet:
“1. L-applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-[Liġi Nru 266/2005] għal proċedura diġà pendenti quddiem il-qrati ppreġudikat is-superjorità tad-dritt jew l-ekwità tal-proċedura kif iggarantiti bl-Artikolu 6 tal-[KEDB]?
2. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, din l-interferenza kienet iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali jew kienet proporzjonata b’mod suffiċjenti għall-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur?
3. Fid-dawl tal-adozzjoni tal-Artikolu 1 tal-[Liġi Nru 266/2005] u tal-applikazzjoni tiegħu mill-qrati nazzjonali f’kawża diġà pendenti, kien hemm preġudizzju għad-dritt tar-rikorrenti għar-rispett tal-proprjetà tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 [għall-KEDB]?”[traduzzjoni mhux uffiċjali]
55 – Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 – Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE.
57 – Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-validità ta’ att tal-Unjoni, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 45 u 46).
58 – Skont jekk Stat Membru jaġixxix bħala “aġent tal-Unjoni” billi jadotta dispożizzjoni nazzjonali imposta bil-leġiżlazzjoni Komunitarja, jew billi jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali li tidderoga minn libertà ta’ moviment irrikonoxxuta mit-Trattat, jew, b’mod iktar ġenerali, li jfittex li jilħaq l-għan ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja billi jadotta dispożizzjonijiet nazzjonali li jidhrulu neċessarji għal dan il-għan. Bħala eżempju ta’ kull wieħed minn dawn it-tliet każijiet inkwistjoni, ara, b’mod partikolari u rispettivament, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf (5/88, Ġabra p. 2609); tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. I‑2925), u tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood (C‑20/00 u C‑64/00, Ġabra p. I‑7411).
59 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1996, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Steffensen (C‑276/01, Ġabra p. I‑3735, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).
61 – Ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-27 ta’ Novembru 2009, Noël (C‑333/09, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).
62 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 1996, Maurin (C‑144/95, Ġabra p. I‑2909), u tat-18 ta’ Diċembru 1997, Annibaldi (C‑309/96, Ġabra p. I‑7493), kif ukoll id-digrieti tas-6 ta’ Ottubru 2005, Vajnai (C‑328/04, Ġabra p. I‑8577); tal-25 ta’ Jannar 2007, Koval’ský (C‑302/06), u tat-12 ta’ Novembru 2010, Asparuhov Estov et (C‑339/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).
63 – Naturalment, l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni għandha tirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni ta’ rinviju. Fin-nuqqas ta’ tali prova, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara ruħha manifestament inkompetenti, kif kien il-każ f’sitwazzjoni analoga għal din inkwistjoni, fid-digriet tat-3 ta’ Ottubru 2008, Savia et (C‑287/08).
64 – Punt 19 tas-sentenza.
65 – Ara, b’mod partikolari, fuq din il-kwistjoni, K. Lenaerts u J.A. Gutiérrez-Fons, “The constitutional allocation of powers and general principles of EU law”, Common Market Law Review, 2010, Nru 47, p. 1629, b’mod partikolari p. 1657 sa 1660; T. Tridimas, “The General Principles of EU Law”, it-Tieni Edizzjoni, Oxford University Press, 2006, p. 363; A. Egger, “EU-Fundamental Rights in the National Legal Order: The Obligations of Member States Revisited”, Yearbook of European Law, Vol. 25, 2006, p. 515, b’mod partikolari p. 547 sa 550, u J.P. Jacqué, “La Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne: aspects juridiques généraux”, REDP, Vol. 14, Nru 1, 2002, p. 107, b’mod partikolari p. 111.
66 – Ara A. Rosas, u H. Kaila, “L’application de la Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne par la Cour de justice – un premier bilan”, Il Diritto dell’Unione Europea, 1/2011. Dawn l-awturi jindikaw, meta jirreferu għall-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta u filwaqt li jispeċifikaw li kwistjoni hija diskussa fid-duttrina, li “jista’ jiġi argumentat li l-espressjoni ‘meta dawn jaġixxu fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni’ użata fl-Artikolu 51(1) tal-Karta jinvoka interpretazzjoni pjuttost wiesgħa”. Fil-fehma tagħhom, “[d]ak li huwa importanti b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-eżistenza ta’ element ta’ konnessjoni ma’ dan id-dritt”. Ninnota wkoll li fid-digriet tagħha Asparuhov Estov et, iċċitat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tinterpreta l-Karta ma ġietx stabbilita, sa fejn id-deċiżjoni ta’ rinviju ma jinkludi ebda prova li turi li d-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni “hija misura ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jew ma tippreżenta ebda prova oħra ta’ rabta ma’ dan id-dritt” (punt 14). Dan ir-riferiment għal “provi oħra ta’ rabta” mad-dritt tal-Unjoni għandha pjuttost it-tendenza li tiffavorixxi applikazzjoni wiesgħa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ġurisdizzjoni tagħha li tinterpreta l-Karta.
67 – Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 50 sa 52).
68 – Sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 22 sa 26).
69 – Din id-dispożizzjoni madankollu ma tipprekludix li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar estiża (ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta).
70 – Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1999‑VII.
71 – § 57.
72 – § 49.
73 – § 58.
74 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Lecarpentier et vs Franza tal-14 ta’ Frar 2006 (§ 47), kif ukoll Cabourdin vs Franza tal-11 ta’ April 2006 (§ 37).
75 – Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet, 1997‑VII.
76 – § 80 sa 83.
77 – § 81.
78 – § 71.
79 – Ara F. Sudre et, Les grands arrêts de la Cour européenne des droits de l’homme, Il-Ħames edizzjoni, PUF, Pariġi, 2009, p. 307.
80 – Sentenza Nru 677 tat-Tribunal tax-Xogħol.
81 – Mis-seduta tal-1 ta’ Frar 2011 li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ftit ċenteżmi ta’ Euro li I. Scattolon iddikjarat li hija tilfet bħala riżultat tat-trasferiment għandhom jitqiesu pjuttost bħala nuqqas ta’ gwadann meta mqabbla maż-żieda fil-paga li minnha hija setgħet tiggwadanja li kieku l-anzjanità fi grad kollha tagħha kellha tiġi rrikonoxxuta. Barra minn hekk, fir-rigward tat-telf potenzjali tal-benefiċċji previsti taħt il-CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali, minbarra dawk li l-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 jipprovdi għat-terminazzjoni, ma hemm xejn li jindika li dawn ma humiex globalment ekwivalenti għal dawk tal-CCNL tal-iskola.
82 – Il-bżonn ta’ dawn iċ-ċifri jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza Lilly France vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (§ 51).