KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2011 (1)
Kawża C-81/10 P
France Télécom SA
“Appell – Għajnuna mill-Istat favur France Télécom – Kunċetti ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ u ta’ ‘vantaġġi’ marbutin mas-sistema ta’ tassazzjoni ta’ France Télécom għat-taxxa fuq in-negozju għas-snin 1994 sal-2002 – Kumpens – Prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi – Terminu ta’ preskrizzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni u prinċipju ta’ ċertezza legali”
I – Introduzzjoni
1. Permezz tal-appell tagħha (2), il-kumpannija France Télécom SA (iktar ’il quddiem “France Télécom”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), tat-30 ta’ Novembru 2009, France u France Télécom vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda T-427/04 u T-17/05, Ġabra p. I‑4315, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li fiha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-Repubblika Franċiża (Kawża T‑427/04) u minn France Télécom (Kawża T‑17/05) kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/709/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mir-Repubblika Franċiża favur France Télécom [innotifikata taħt in-numru C(2004) 3061] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”)(3).
2. Din il-kawża hija marbuta mal-iżvilupp tal-istatus ta’ France Télécom fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet u tqajjem kwistjonijiet dwar l-identifikazzjoni ta’ vantaġġ fil-kuntest ta’ miżuri fiskali kif ukoll dwar il-protezzjoni ġuridika mogħtija lill-benefiċjarji ta’ miżura fiskali li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali.
3. Sal-1990, l-attivitajiet eżerċitati minn France Télécom kienu jaqgħu taħt it-tmexxija tal-ministère des Postes et Télécommunications (PTT) (Ministeru tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet) Franċiż. France Télécom twaqqfet, fil-forma ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku sui generis, mill-1 ta’ Jannar 1991, permezz tal-Liġi Nru 90‑568, tat-2 ta’ Lulju 1990, dwar l-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet (4). Skont il-Liġi Nru 96‑660, tas-26 ta’ Lulju 1996, dwar l-impriża nazzjonali France Télécom (5), mill-31 ta’ Diċembru 1998, France Télécom ġiet ittrasformata f’impriża nazzjonali, li l-Istat, fid-data tal-fatti li wasslu għal din il-kawża, kien iżomm, fiha direttament jew indirettament, iktar minn nofs il‑kapital azzjonarju tagħha. Għalhekk France Télécom kienet irregolata mil-Liġi Nru 90‑568 u, barra minn hekk, kienet suġġetta, sa fejn din ma kinitx tmur kontra l-imsemmija liġi, għal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata.
II – Il-kuntest ġuridiku
4. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (6) ġie adottat biex jikkodifika l-prattika stabbilita żviluppata u mwaqqfa mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, sabiex tikber it-trasparenza u ċ-ċertezza legali. Dan daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1999.
5. Il-premessa 14 tar-Regolament Nru 659/1999 tgħid li “għal raġunijiet ta’ ċertezza legali huwa xieraq li jitwaqqaf perjodu ta’ limitazzjoni ta’ għaxar snin dwar l-għajnuna llegali, li wara li jiskadi ma jista’ jkun ordnat l-ebda radd lura”.
6. Skond l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999:
“1. Il-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna għandhom ikunu suġġett għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ għaxar snin.
2. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna llegali tingħata lill-benefiċarju jew bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna taħt skema ta’ għajnuna. Kull azzjoni meħudha mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, b’rigward għall-għajnuna llegali għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni. Kull interuzzjoni għandha tibda l-ħin mill-ġdid. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
3. Kull għajnuna li għaliha jkun skada l-perjodu ta’ limitu, għandha tinftiehem li hi għajnuna eżistenti”.
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża
A – Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddeterminaw is-sistema fiskali applikabbli għal France Télécom
1. L-issuġġettar ta’ France Télécom għat-taxxa fuq in-negozju
a) Sistema ġenerali tat-taxxa fuq in-negozju (7)
7. Kif ingħad fil-qosor fil-punti 16 sa 24 tas-sentenza appellata, it-taxxa fuq in-negozju hija taxxa lokali li r-regoli tagħha huma stabbiliti mil-liġi u kkodifikati fil-code général des impôts (Kodiċi ġenerali tat‑taxxa). It-taxxa fuq in-negozju hija dovuta kull sena mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw regolarment attività ta’ negozju għal rashom fl-1 ta’ Jannar. It-taxxa fuq in-negozju hija stabbilita skont il-kapaċità kontributtiva tal-persuni taxxabbli, evalwata abbażi ta’ kriterji ekonomiċi skont l-importanza tal-attivitajiet eżerċitati minnhom fit-territorju tal-awtoritità lokali benefiċjarja.
8. Minn dan isegwi li t-taxxa fuq in-negozju hija taxxa li l-bażijiet tagħha ma jikkonsistux fil-qligħ li jsir mill-attività tal-impriża, iżda, sad-data tal-fatti li wasslu għal din il-kawża, f’parti mill-valur tal-fatturi tal‑produzzjoni – il-kapital u x-xogħol – użati mill-persuna taxxabbli f’kull komun fejn it-taxxa hija stabbilita.
9. Għat-taxxi stabbiliti għas-snin 1994 sal-2002, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq in-negozju kienet tinkludi, minn naħa, il-valur tal-kiri tal-proprjetà immobbli korporali li l-persuna taxxabbli kellha għall-ħtiġiet tal-attività professjonali tagħha matul il-perijodu ta’ riferiment u, min-naħa l-oħra, parti mill-pagi mħallsa matul il-perijodu ta’ riferiment. Il‑perijodu ta’ riferiment imsemmi iktar ’il fuq kien jikkorrispondi mas-sena ta’ qabel tal-aħħar preċedenti għal dik tat-tassazzjoni, meta s-sena finanzjarja kienet tikkoinċidi mas-sena kalendarja, jew, fejn dan ma kienx il-każ, is-sena finanzjarja magħluqa fis-sena ta’ qabel tal-aħħar preċedenti għal dik tat-tassazzjoni.
10. It-taxxa fuq in-negozju hija stabbilita f’kull komun fejn il-persuna taxxabbli għandha bini jew artijiet, skont il-valur tal-kiri tal-beni li jinsabu fuq din il-proprjetà jew li huma marbuta magħha u skont il-pagi mħallsa lill-persunal.
2. Regoli applikabbli għal France Télécom
a) Prinċipju tal-issuġġettar għat-taxxi ta’ dritt komuni
11. Il-Liġi Nru 90‑568, li permezz tagħha twaqqfet France Télécom tipprovdi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tassazzjoni. Ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet, France Télécom hija fil-prinċipju suġġetta għat-taxxi u l-ħlasijiet li huma suġġetti għalihom impriżi privati li jwettqu l-istess operazzjonijiet.
b) Ġbir ta’ ammont fiss
12. Sal-1 ta’ Jannar 1994, France Télécom kellha tkun suġġetta biss għat-taxxi u l-ħlasijiet effettivament sostnuti mill-Istat. Għaldaqstant, France Télécom ma kinitx responsabbli, b’mod partikolari, la għat-taxxa fuq il-kumpanniji u lanqas għat-taxxi lokali, fosthom it-taxxa fuq in-negozju. Bħala korrispettiv, għas-snin 1991 sal-1993, France Télécom kellha tħallas kontribuzzjoni stabbilita kull sena mil-liġi finanzjarja, limitata għal ammont li l-bażi tiegħu, qabel aġġustament għall-għoli tal-ħajja, kien dak tal-bilanċ milħuq mill-baġit anness tat-telekomunikazzjonijiet għas-sena 1989.
c) Sistema speċifika ta’ tassazzjoni mis-sena 1994
13. It-taxxa, li l-bażi taxxabbli tagħha kienet issegwi, għall-kalkolu tal-bażijiet taxxabbli, ir-regoli ġenerali previsti fil-code général des impôts, ġiet stabbilita bl-applikazzjoni ta’ rata medja bbilanċjata nazzjonali li tirriżulta mir-rati li ġew stabbiliti fis-sena preċedenti mill-awtoritajiet lokali kollha. Għal France Télécom kienet tiġi applikata, barra minn hekk, rata ta’ 1.9 % minflok rata ta’ 8 % għall-ispejjeż ta’ amministrazzjoni.
14. L-ewwel nett ninnota f’dan ir-rigward li t-taxxa fuq in-negozju tinġabar, għalhekk, mill-awtoritajiet fiskali tal-Istat, u mhux mill-awtoritajiet territorjali kkonċernati. Is-somom miġburin mill-Istat għall-ispejjeż ta’ amministrazzjoni msemmijin iktar ’il fuq kienu intiżi biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet fiskali għall-attivitajiet ta’ stabbiliment tar-rwoli u tal-irkupru tat-taxxa fuq in-negozju għall-benefiċċju tal-awtoritajiet lokali.
15. Il-dħul mit-taxxa kellu jitħallas lill-Istat, jew, għal dik il-parti li taqbeż il-kontribuzzjoni mħallsa għas-sena 1994, aġġustata kull sena għat-tibdil fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur, lill-Fond Nazzjonali ta’ ekwalizzazzjoni tat-taxxa fuq in-negozju.
16. Is-sistema partikolari ta’ tassazzjoni fit-taxxa fuq in-negozju, li kienet stabbilita mingħajr limitu ta’ żmien, kienet tneħħiet bil-liġi finanzjarja għas-sena 2003 (8).
B – Il-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata
17. Fit-13 ta’ Marzu 2001, l-Assoċjazzjoni tal-awtoritajiet lokali għall-introduzzjoni mill-ġdid tat-taxxa fuq in-negozju ta’ France Télécom u ta’ La Poste fid-dritt komuni ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni, fejn qalet li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. L-imsemmija assoċjazzjoni rreferiet, b’mod partikolari, għat‑telf ta’ dħul ikkawżat, għal ċerti komuni, mill-applikazzjoni ta’ rata medja bbilanċjata nazzjonali.
18. Wara dan l-ilment, fit-28 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ eżami preliminari tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni u bagħtet lir-Repubblika Franċiża talba għal informazzjoni f’dan ir-rigward.
19. Fit-30 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiftaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista taħt l-Artikolu 88(2) KE fir‑rigward, b’mod partikolari, tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq in-negozju li France Télécom kienet ibbenefikat minnha mis-sena 1991 sas-sena 1993 u tas-sistema speċifika ta’ intaxxar. Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni stmat il‑vantaġġ mogħti lil France Télécom għal madwar biljun Frank Franċiż (FRF) kull sena mis-sena 1994 (paragrafi 73 u 74). Id-deċiżjoni ta’ ftuħ ġiet ippubblikata fit-12 ta’ Marzu 2003 (9).
20. Fil-kuntest tal-iskambji bejn l-awtoritajiet Franċiżi u l-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, filwaqt li insistiet fuq in-natura approssimattiva tal-evalwazzjonijiet tagħha, permezz ta’ faks tal-5 ta’ Lulju 2004, ressqet simulazzjoni ġdida tal-konsegwenzi finanzjarji tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ tassazzjoni ta’ France Télécom għat-taxxa fuq in-negozju mill‑1991 sal-2002. Din l-evalwazzjoni ġdida, ikkalkulata abbażi tal-kontribuzzjoni tat-taxxa fuq in-negozju li France Télécom kienet effettivament ġiet suġġetta għaliha għas-sena 2003, uriet li France Télécom kienet, matul dan il-perijodu, suġġetta għal sovratassazzjoni ta’ iktar minn EUR 1.7 biljun barra mill-aġġustament.
C – Id-deċiżjoni kkontestata
21. Fid-19 u l-20 ta’ Lulju 2004, waqt l-1667 laqgħa tiegħu, il-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni approva abbozz ta’ deċiżjoni li tikkonstata li France Télécom kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat minħabba s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, matul il‑perijodu bejn is-sena 1994 sas-sena 2002, u ta s-setgħa lill-membru inkarigat mill-kompetizzjoni sabiex jadotta, bil-kunsens tal-President, il-verżjoni finali tad-deċiżjoni bil-Franċiż, il‑lingwa awtentika.
22. Fit-2 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li ġiet innotifikata lir-Repubblika Franċiża fit-3 ta’ Awwissu 2004.
23. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabel kollox ikkunsidrat li l-ġbir ta’ ammont fiss għall‑perijodu mis-sena 1991 sas-sena 1993, seta’ jitqies li jissostitwixxi t‑taxxa fuq in-negozju normalment dovuta għall-istess snin. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq in-negozju matul dan il-perijodu ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat (premessi 22 sa 33 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata).
24. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni applikabbli mis-sena 1994 sas-sena 2002 kienet tistabbilixxi għajnuna mill-Istat irrappreżentata mid-differenza bejn it-taxxa li France Télécom kellha tħallas fil-kundizzjonijiet ta’ dritt komuni u l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet ta’ taxxa fuq in-negozju li effettivament ġew addebitati lil din tal-aħħar (iktar ’il quddiem id-“differenza fl-intaxxar”). Din l‑għajnuna ġdida, implementata illegalment hija, barra minn hekk, inkompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, hija għandha tiġi rkuprata (premessi 34 sa 53 tad‑deċiżjoni kkontestata).
25. Biex tikklassifika s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għamet dan ir-raġunament li ġej:
26. L-ewwel nett, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tal-fehma li għandu jiġi miċħud l-argument tal-awtoritajiet Franċiżi li l-vantaġġ ikkonstatat matul il-perijodu mis-sena 1994 sas-sena 2002 kien iktar milli kkumpensat bl-ammont tal-ġbir ta’ ammont fiss li France Télécom kienet suġġetta għalih matul il‑perijodu mis-sena 1991 sas-sena 1993 (premessi 35 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata).
27. It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-differenza fl-intaxxar kienet ta’ vantaġġ għal France Télécom, mogħti permezz ta’ riżorsi li kellhom ikunu parti mill-baġit tal-Istat, u kienet tikkostitwixxi, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat (premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata).
28. It-tielet nett, fil-premessi 43 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni indikat li hija ma setgħetx, fl-istadju tad-deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, tieħu inkunsiderazzjoni l-argument tar-Repubblika Franċiża li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-bażijiet tat-taxxa tal-kumpanniji li kien ġie kkawżat mill‑ħlas ta’ somom ogħla bħala taxxa fuq in-negozju sabiex jiġi ddeterminat il-vantaġġ nett li France Télécom bbenefikat minnu.
29. Ir-raba’ nett, peress li ċaħdet l-argumenti ppreżentati mir‑Repubblika Franċiża li l-għajnuna inkwistjoni ma setgħetx tiġi rkuprata minħabba l-applikazzjoni tar-regoli tal-preskrizzjoni previsti mill‑Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 il-Kummissjoni, kkunsidrat li l-għajnuna inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti (premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li, peress li l-ewwel għajnuna identifikata kienet ingħatat għas-sena 1994, jiġifieri inqas minn għaxar snin qabel it-28 ta’ Ġunju 2001, l-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi rkuprata fl-intier tagħha (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).
30. Il-ħames nett, il-Kummissjoni rrilevat li l-awtoritajiet Franċiżi ma kienu ressqu ebda argument speċifiku sabiex tiġi stabbilita l‑kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni u li ma kienet tara l-ebda bażi legali sabiex din l-għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata).
31. Għalhekk, fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li, minn naħa, is-sistema ta’ taxxa fuq in-negozju applikabbli għal France Télécom matul il-perjodu mis-sena 1991 sas-sena 1993 ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, li, min-naħa l-oħra, id-differenza fl‑intaxxar li minnha bbenefikat France Télécom, matul il-perijodu mis-sena 1994 sas-sena 2002, minħabba s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u implementata illegalment, li għaldaqstant kellha tiġi rkuprata.
32. Fir-rigward tal-ammont li għandu jiġi rkuprat, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna kienet tirrappreżenta somma – minbarra l-interessi – ta’ bejn EUR 798 miljun u EUR 1.14 biljun (premessi 54 sa 59 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, l-ammont eżatt li kellu jiġi rkuprat kellu jiġi ddefinit mill-awtoritajiet Franċiżi, inkonformità mad-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni leali, fil-fażi ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 59 u 60 tad‑deċiżjoni kkontestata).
33. L-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jgħid hekk: “L-għajnuna mill-Istat, mogħtija illegalment mir-[Repubblika Franċiża], bi ksur tal-Artikolu 88(3) [...] KE, favur France Télécom permezz tas-sistema ta’ taxxa fuq in-negozju applikabbli għal din l-impriża bejn l-1 ta’ Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 2002 [...] hija inkompatibbli mas-suq komuni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
34. Fil-25 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu intiż sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli timplementa, fit-terminu previst, id-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Franċiża kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l‑Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni kkontestata, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE kif ukoll l-Artikolu 10 KE. Permezz tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Franza (10), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet bħala fondat ir-rikors tal-Kummissjoni.
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
35. Fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Franċiża u France Télécom sostnew, sostanzjalment, li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta kkonkludiet, minn naħa, li France Télécom kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat illegali u, min-naħa l-oħra, li din l-għajnuna kellha tkun suġġetta għal rimbors (11).
36. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha invokati mir-Repubblika Franċiża u France Télécom u, għaldaqstant, ikkonfermat il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.
V – Fuq l-appell u l-kunsiderazzjoni tal-aggravji
37. Fl-appell tagħha, France Télécom tinvoka ħames aggravji, fejn it-tieni wieħed huwa maqsum fit-tliet partijiet, u t-tielet wieħed f’żewġ partijiet. France Télécom tilmenta, sostanzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret il-kunċetti ta’ għajnuna mill-Istat u ta’ vantaġġ, kif ukoll kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi. Hija tqajjem ukoll in-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata bħala tweġiba għall-argumenti rigward il-prinċipju ta’ preskrizzjoni. Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-aggravju fuq il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, hija tgħid li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi u minn nuqqas ta’ motivazzjoni.
38. Mill-bidu nett huwa ċar li, indipendentement min-numru ta’ aggravji invokati minn France Télécom fil-kuntest tal-appell tagħha, din tindirizza prinċipalment tliet aspetti.
39. L-ewwel aspett, li huwa s-suġġett tal-ewwel u t-tieni aggravji, jirrigwarda l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll il-kunċett ta’ vantaġġ li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi tagħha. Fit-tieni aggravju tagħha, France Télécom tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-kunċett ta’ vantaġġ meta rrifjutat li teżamina s-sistema ta’ derogi fl-intier tagħha. Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, dwar ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, France Télécom fil-fatt tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta l-Qorti Ġenerali ammettiet li l-identifikazzjoni ta’ vantaġġ ma kinitx tddependi minn karatteristiċi tas-sistema stess iżda minn fatturi esterni li ma setgħux jiġu kkonstatati ħlief a posteriori. Peress illi l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ aggravji huma intimament konnessi, nipproponi li neżaminahom konġuntament taħt titolu komuni dwar il-problema tal-eżistenza ta’ vantaġġ.
40. It-tieni aspett jikkonċerna l-għadd tat-terminu ta’ preskrizzjoni, li huwa ttrattat, fir-raba’ aggravju invokat minn France Télécom, partikolarment mill-aspett ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata.
41. It-tielet aspett, ittrattat ft-tielet u l-ħames aggravji tal-appell, jikkonċerna l-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll dak taċ-ċertezza legali.
42. Għaldaqstant, nipproponi li nanalizza l-appell billi niġbor flimkien l-aggravji invokati minn France Télécom skont l-aspetti msemmijin iktar ’il fuq.
VI – Fuq il-kunċetti ta’ għajnuna mill-Istat u ta’ vantaġġ (12)
A – Fuq l-identifikazzjoni ta’ vantaġġ
43. Il-kwistjoni tal-identifikazzjoni ta’ vantaġġ, kemm fuq il-pjan materjali kif ukoll fuq il-pjan temporali, tikkostitwixxi element prinċipali ta’ dan l-appell.
44. F’dan ir-rigward jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat tippresupponi li kull wieħed mill-erba’ kriterji kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 87(1) KE jkunu sodisfatti (13). Għalhekk hemm inkluża kull għajnuna, mogħtija minn Stati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat taħt kwalunkwe forma, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-kunċett ta’ għajnuna, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju, għaliex jinkludi mhux biss servizzi pożittivi bħas-sussidji nnifishom, imma anki interventi li, taħt forom diversi, itaffu l-ispejjeż li normalment huma inklużi fil-baġit ta’ impriża meta pparagunata ma’ impriża li tkun f’sitwazzjoni paragunabbli (14).
45. Minn dan jirriżulta li miżura li biha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal‑Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dawk li jħallsu t-taxxi, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal‑Artikolu 87(1) KE (15). Bl-istess mod, miżura li tagħti lil ċerti impriżi tnaqqis mit-taxxa jew ħlas differit ta’ taxxa normalment dovuta tista’ wkoll tikkostiwixxi għajnuna.
46. Sabiex jiġi ddeterminat jekk vantaġġ bħal dan huwiex ikkunsidrat bħala għajnuna għall-finijiet tal-Artikolu 87, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma setgħetx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (16).
47. Kif ippreċiżajt diġà fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibralter u r-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 O) (17), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, miżura li tista’ tiġi kkunsidrata bħala għajnuna fiskali għandha tikkorrispondi ma’ ċerta spiża fiskali. Il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tidentifika l-valur tat-telf attwali jew futur ta’ dħul fiskali li jirrappreżenta l-ammont tal-għajnuna allegata. L-uniku metodu li għandha l-Kummissjoni sabiex tagħmel stima tal-valur ta’ dan it-telf huwa li tirreferi għal sistema ġenerali applikabbli fil-kuntest ta’ riferiment li huwa s-suġġett tal-eżami.
48. Issa, fl-appell tagħha, France Télécom tenfasizza l-impossibbiltà li jiġi ddeterminat, fid-data meta s-sistema ta’ deroga kienet stabbilita, jekk is-sistema kkontestata kinitx ser tagħti vantaġġ li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
49. L-ewwel nett, għandu jiftakkar li dan l-argument għandu natura ipotetika, peress illi l-awtoritajiet nazzjonali ma għamlux in-notifika tas-sistema stabbilita skont il-Liġi Nru 90‑568. Għalhekk, f’dan l-istadju ma huwiex possibbli li jkun magħruf għal liema riżultat setgħet wasslet għalih l-investigazzjoni tal-Kummissjoni f’dak iż-żmien.
50. Barra minn dan, minn aspett ġenerali, għandu jiġi osservat li d-determinazzjoni tal-valur preċiż tal-għajnuna mogħtija, fil-każ ta’ miżuri mifruxin fuq diversi snin, tista’ tkun eċċessivament diffiċli għall-Kummissjoni.
51. F’dan ir-rigward, mingħajr ma jiġu mminimizzati d-diffikultajiet f’evalwazzjonijiet ex ante, u fi kwalunkwe każ, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-miżuri, għandha ssir distinzjoni bejn il-possibbilità li jiġi kkwantifikat l-ammont preċiż tal-għajnuna u l-possibbiltà li jiġi eżaminat l-abbozz tal-miżuri inkwistjoni mil-lat tal-Artikolu 87 KE.
52. Huwa ovvju li, b’differenza mill-għajnuna individwali mogħtija lil impriża partikolari, fil-każ ta’ sistema fiskali li jkollha forma ta’ regolamentazzjoni dwar ċertu tip ta’ taxxa applikabbli għal numru indeterminat ta’ benefiċjarji, ma huwiex possibbli għall-Kummissjoni jew għall-Istat Membru li jaslu għal kwantifikazzjoni preċiża tal-għajnuna ex ante.
53. Madankollu, fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni tal-effetti, anki jekk potenzjali, tas-sistema inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni, ċirkustanza bħal din ma tistax teżenta lil Stat Membru mill-obbligu tiegħu ta’ notifika, kif ukoll, sussegwentement, lanqas iċċaħħad lill-Kummissjoni mill-possibbiltà li teżaminaha u tikklassifikaha fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat.
54. Għaldaqstant, peress illi, b’riferiment għal sistema ġenerali applikabbli fil-kuntest ta’ riferiment suġġett tal-eżami, il-Kummissjoni qiegħda f’pożizzjoni li tipprova l-eżistenza ta’ telf attwali jew potenzjali ta’ dħul fiskali li jirrappreżenta l-ammont tal-għajnuna li allegatament ingħatat lill-allegati impriżi benefiċjarji, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżistenza tal-vantaġġ seħħet. Għalhekk, id-determinazzjoni eżatta tal-valur tagħha għandha biss, inizjalment, importanza sekondarja li tidher fil-mument tal-irkupru eventwali jekk il-miżuri kkunsidrati jirriżultaw illegali.
55. F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-mudell fiskali li France Télécom kienet suġġetta għalih matul il-perijodu kkunsidrat, jirrappreżenta eċċezzjoni fir-rigward tas-sistema ta’ dritt komuni.
56. Għalhekk, France Télécom kienet ġiet suġġetta għal sistema fiskali speċifika li ggarantiet li r-riżorsi ġejjin mit-taxxa fuq in-negozju (fil-prinċipju rċevuta fil-livell lokali, abbażi ta’ rata ddefinita minn kull komun) baqgħu jipprovdu dħul għall-baġit ġenerali tal-Istat. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-Liġi Nru 90‑568 kienet ħolqot taxxa fuq in-negozju “nazzjonali”, applikabbli għal France Télécom, ikkalkulata abbażi ta’ rata medja bbilanċjata b’rati applikabbli fil-komuni, u mħallsa fil-post ta’ stabbiliment prinċipali ta’ dik il-kumpannija.
57. Matul il-perijodu bejn is-sena 1991 u s-sena 1993, skont sistema tranżitorja, France Télécom kienet ġiet eżentata mit-taxxa fuq il-kumpanniji u tassazzjonijiet lokali, permezz ta’ ġbir ta’ ammont stabbilit leġiżlattivament. Skont sistema definittiva applikabbli mis-sena 1994 sas-sena2002, ġiet applikata fil-konfront ta’ France Télécom is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji kif ukoll sistema speċifika għat-taxxi lokali fosthom it-taxxa fuq in-negozju. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li t-taxxa fuq in-negozju tat lok għall-applikazzjoni ta’ eżenzjoni supplimentari li kienet tikkonsisti fi tnaqqis tal-ispejjeż ta’ amministrazzjoni miġbura mill-Istat sa tliet kwarti tal-ispejjeż normalment applikabbli.
58. Kif jirriżulta mill-proċess, dawn ma humiex l-uniċi dispożizzjonijiet fiskali partikolari applikabbli għal France Télécom li kkostitwixxew il-vantaġġ. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna kienet ikkostitwita mid-differenza fl-intaxxar li kienet tirrappreżenta d-differenza bejn l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ taxxa fuq in-negozju li l-impriża kellha tħallas jekk hija kienet tkun suġġetta għat-taxxa ta’ dritt komuni u dik li effettivament kienet imposta fuqha skont dispożizzjonijiet fiskali partikolari. Għalhekk, hija din il-konfigurazzjoni li wasslet għal mudell ta’ tassazzjoni li jippermetti tassazzjoni inqas minn dik normalment dovuta.
59. Għaldaqstant, teżisti konfigurazzjoni mħallta li fiha l-eżistenza ta’ vantaġġ jirriżulta minn naħa, minn element fiss marbut mas-sistema fiskali speċifika applikabbli għal France Télécom fir-rigward tas-sistema ta’ dritt komuni, u, min-naħa l-oħra, minn element varjabbli, skont ċirkustanzi fattwali, jiġifieri fejn jinsabu l-bini jew artijiet fil-komuni differenti kif ukoll ir-rati ta’ tassazzjoni applikabbli fost l-awtoritajiet lokali inkwistjoni.
60. Dan il-metodu partikolari ta’ identifikazzjoni tal-vantaġġ applikat f’dan il-każ iġib konsegwenzi deċiżivi mill-aspett tan-natura annwali tal-vantaġġ, tal-possibbilità li jiġu ddisassoċjati ż-żewġ sistemi ta’ tassazzjoni li kienet ġiet suġġetta għalihom France Télécom kif ukoll tal-għadd tat-terminu ta’ preskrizzjoni.
61. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-ispeċifiċità tas-sistema applikabbli għal France Télécom bejn is-sena 1994 u s-sena 2003 ma tistax teskludi minn qabel il-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE.
62. F’dan ir-rigward irrid nenfasizza li r-raġunijiet li kellhom iwasslu lill-awtoritajiet Franċiżi biex jinnotifikaw is-sistema ta’ tassazzjoni applikabbli għal France Télécom jinstabu, l-ewwel nett, fil-livell tat-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ amministrazzjoni minn 8 % sa 1.9 %. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat in-nuqqas, fil-Liġi Nru 90‑568, ta’ mekkaniżmu korrettiv li kien jippermetti li jsir eżami annwali tal-effetti tas-sistema speċifika fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ France Télécom, peress illi l-leġiżlatur seta’ jikkuntenta b’sempliċi trasferiment lill-Istat tad-dritt għad-dħul li jirriżulta mit-taxxa fuq in-negozju ta’ France Télécom, mingħajr ma jiġu introdotti modifiki oħrajn fir-rigward tas-sistema ta’ dritt komuni (18).
B – Fuq il-ksur tal-kunċett ta’ vantaġġ imqajjem fit-tieni aggravju ta’ France Télécom – osservazzjonijiet preliminari
63. Fit-tieni aggravju tagħha, France Télécom tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat ħażin il-kunċett ta’ vantaġġ billi ddeċidiet li l-vantaġġ huwa kkostitwit mid-differenza fl-intaxxar, li wassalha sabiex tiċħad il-kumpens bejn iż-żewġ perijodi ta’ tassazzjoni. Skont France Télécom, il-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha li tagħmel eżami fiss tad-dispożizzjonijiet kollha previsti minn sistema ta’ deroga u meta għamlet dan, kisret il-kunċett imsemmi ta’ vantaġġ.
64. Biex tiġi ffaċilitata l-analiżi tal-elementi legali differenti li tressqu minn France Télécom biex issostni l-appell tagħha, ser neżamina l-partijiet ta’ dan l-aggravju fl-ordni inversa minn dak tal-appell, billi nibda bl-allegat żball ta’ liġi li jaffettwa l-interpretazzjoni tal-vantaġġ iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata, biex imbagħad nanalizza l-kwistjonijiet li jirriżultaw dwar l-eżami globali tas-sistema u l-kwistjoni tal-kumpens.
C – Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju dwar l-iżball ta’ dritt li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tagħha tad-deċiżjoni kkontestata u sostituzzjoni ta’ motivi
1. Allegazzjonijiet tal-partijiet
65. France Télécom issostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kkontestata, billi qieset li l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat li l-għajnuna inkwistjoni kienet ikkostitwita minn dispożizzjonijiet fiskali partikolari applikabbli għal France Télécom, iżda minn differenza fl-intaxxar kkonstatata kull sena, billi ssostitwiet il-motivazzjoni tagħha ma’ dik tal-imsemmija deċiżjoni.
66. France Télécom targumenta li l-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata hija limitata sabiex tikkonkludi li kumpens bejn iż-żewġ perijodi ta’ tassazzjoni ma huwiex possibbli. Din il-premessa ma kinitx tippermetti li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-għajnuna inkwistjoni kienet ikkostitwita mhux mid-dispożizzjonijiet fiskali partikolari applikabbli għal France Télécom, iżda mid-differenza fl-intaxxar kkonstatata kull sena li għalih kienet dovuta t-taxxa fuq in-negozju.
67. France Télécom tgħid ukoll li interpretazzjoni bħal din barra minn hekk tmur manifestament kontra d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li jistabbilixxi li l-għajnuna inkwistjoni hija kkostitwita mis-sistema ta’ taxxa fuq in-negozju applikabbli għal din l-impriża matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 2002.
68. Il-Kummissjoni ssostni li l-aggravju huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat. Fil-fatt il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali ma jiddipendux min-natura annwali tat-taxxa fuq in-negozju u lanqas mill-konstatazzjoni li l-għajnuna tikkonsisti mid-differenza fl-intaxxar ikkonstatata sena b’sena. Il-Kummissjoni tenfasizza li n-natura annwali tat-taxxa fuq in-negozju ma tistax tiġi invokata, meta jidher li elementi oħrajn fil-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-kumpens bejn is-sistema tal-ġbir ta’ ammont fiss u l-allegata tassazzjoni inqas minn dik normalment dovuta fir-rigward tat-taxxa fuq in-negozju bejn is-sena 1994 u s-sena 2002.
2. Kunsiderazzjonijiet
69. L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-argument imqajjem mill-Kummissjoni dwar in-natura allegatament ineffettiva tat-tieni aggravju, biżżejjed li jiġi kkonstatat, peress li b’dan l-aggravju France Télécom tikkritika element li jikkostitwixxi r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali, li din l-allegazzjoni mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.
70. Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, France Télécom tikkritika l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jidhru, b’mod partikolari, fil-punti 201 sa 202 tas-sentenza appellata.
71. Fil-punt 201, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-analiżi tas-sistema fis-snin 1994-2003, fejn jirriżulta li “[…] d‑differenza bejn it-taxxa fuq in-negozju effettivament imħallsa minn France Télécom u dik li kienet tkun dovuta taħt id-dritt komuni mill-1 ta’ Jannar 1994 sal-1 ta’ Jannar 2003 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat għaliex tirrappreżenta vantaġġ għal France Télécom mogħti permezz tar-riżorsi li kienu altrimenti jidħlu fil-baġit tal-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
72. Għalhekk, wara li ċaħdet fiż-żewġ punti preċedenti tad-deċiżjoni kkontestata kull kumpens bejn iż-żewġ sistemi ta’ tassazzjoni inkwistjoni, kif ġie difiż mill-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li d-differenza fl-intaxxar li hija kienet ikkonstatat kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
73. F’dan ir-rigward, biżżejjed jingħad, mingħajr ma jsir żball ta’ liġi, li fil-punt 201 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat it-test tad-deċiżjoni kkontestata fejn l-għajnuna mill-Istat kienet tirriżulta minn differenza fl-intaxxar. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali vverifikat ir-realtà ta’ din id-differenza fl-intaxxar fil-punti 219 sa 225 tas-sentenza appellata u dan ir-raġunament ma ġie ikkritikat bl-ebda mod minn France Télécom f’dan il-kuntest.
74. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ France Télécom, l-intepretazzjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali, jiġifieri li l-għajnuna hija kkostitwita mid-differenza fl-intaxxar li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jistabbilixxu sistema ta’ derogi, tibqa’ konformi mad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata fejn jirriżulta li s-sistema applikabbli għal France Télécom bejn is-sena 1994 sas-sena 2002 biss tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u illegali. Fil-fatt, huwa bis-saħħa ta’ din is-sistema ta’ deroga li France Télécom ma ħallsitx fil-baġit tal-Istat l-ammonti tat-taxxa li kellha tħallas skont is-sistema ta’ dritt komuni.
75. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi stabbilit li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 201 tas-sentenza appellata tirrifletti fedelment il-loġika li hija l-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87 KE billi għandha ssir distinzjoni, fil-kuntest tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, minn naħa, bejn il-forma li tieħu għajnuna mill-Istat, li timmaterjalizza f’att kostituttiv li huwa s-suġġett tal-obbligu ta’ notifika, u min-naħa l-oħra, l-effetti oġġettivi tal-miżura li l-analiżi tagħha tippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ vantaġġ.
76. Għalhekk, fil-kuntest tal-kunċett ta’ għajnuna, huwa essenzjali li, minn naħa, jiġi identifikat il-livell li jikkorrispondi ma’ att normattiv li huwa l-bażi tal-miżura inkwistjoni bħal att leġiżlattiv, deċiżjoni amministrattiva jew kull att jew prattika oħra imputabbli lill-Istat Membru, u, min-naħa l-oħra, il-livell ekonomiku li fid-dawl tiegħu jkunu eżaminati l-effetti ta’ dak l-att sabiex jiġi stabbilit jekk dan ikunx vantaġġ selettiv.
77. Għaldaqstant, ma jkunx preċiż li jingħad li d-dispożizzjonijiet fiskali jikkostitwixxu fihom innifishom għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-vantaġġ selettiv jikkorrispondi biss mal-effetti tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għall-impriżi interessati. Issa, fil-każ fejn il-miżura inkwistjoni tikkonsisti f’fattur speċifiku applikabbli għall-kalkolu tat-taxxa, mingħajr ma tikkostitwixxi tnaqqis fiskali dirett (miftuħ/trasparenti), dawn l-effetti ma jistgħux jiġu stabbiliti ħlief fuq bażi annwali sa fejn l-eżerċizzju fiskali jikkorrispondi ma’ dan iż-żmien.
78. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata fil-kumpless tagħha tistrieħ fuq premessa fejn hija s-sistema ta’ taxxa fuq in-negozju stabbilita bil-Liġi Nru 90‑568, li wasslet, bl-applikazzjoni ta’ rata medja bbilanċjata nazzjonali li tirriżulta minn rati vvutati s-sena ta’ qabel mill-awtoritajiet lokali kkonċernati kollha, għal nuqqas fit-tassazzjoni ta’ France Télécom b’paragun mal-ammont li kien ikun dovut kieku din tal-aħħar kienet ġiet suġġetta għas-sistema ta’ dritt komuni. Dan l-aspett huwa kkorroborat ukoll mill-kliem tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.
79. Fir-rigward tal-punt 202 tas-sentenza appellata u tas-sostituzzjoni allegata tal-motivi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma marritx lil hinn mil-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju meħtieġ billi ssostitwiet l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni, peress li l-problema tan-natura annwali tad-dispożittiv inkwistjoni hija parti integrali mir-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, ma jistax jiġi lmentat li l-Qorti Ġenerali kellha xi kontradizzjonijiet fil-motivi meta rreferiet fil-punt 202 għan-natura annwali tat-taxxa fuq in-negozju kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-code général des impôts. Għalhekk, huwa ċar li l-aspett rigward id-dispożizzjonijiet fiskali jikkostitwixxi element inerenti fl-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ.
80. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni parti tat-tieni aggravju ta’ France Télécom għandha tiġi miċħuda.
D – Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ analiżi globali tas-sistema fiskali derogatorja
1. It-talbiet tal-partijiet
81. France Télécom tikkunsidra li la n-natura annwali tat-taxxa u lanqas id-differenzi bejn iż-żewġ perijodi ta’ tassazzjoni ma jistgħu jiġġustifikaw analiżi parzjali tas-sistema fiskali derogatorja kkontestata. Hija tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta rrifjutat li tikkunsidra, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effetti tas-sistema fiskali derogatorja, it-tassazzjoni żejda li dan il-ġbir ta’ ammont fiss kien jirrappreżenta għall-impriża relatat mal-livell ta’ tassazzjoni li kellha ssofri li kieku kienet ġiet suġġetta għad-dritt komuni mis-sena 1991 sas-sena 1993.
82. Skont France Télécom, anki jekk wieħed jassumi li n-natura annwali tat-taxxa setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi, il-Qorti Ġenerali jmissha rrikonoxxiet li, għall-ewwel eżerċizzji rilevanti tas-sistema fiskali derogatorja, hija kienet sofriet tassazzjoni żejda meta pparagunata mal-kompetituri tagħha.
83. France Télécom tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali kellha tirrikjedi li l-paragun mad-dritt komuni tas-sistema fiskali derogatorja applikabbli għall-parti interessata jinkludi l-effetti kollha tas-sistema derogatorja, jiġifieri mhux biss il-vantaġġi eventwali rċevuti mill-impriża matul il-perijodu mis-sena 1994 sas-sena 2002, iżda wkoll is-sovrataxxa eċċezzjonali li France Télécom kellha tħallas bejn is-sena 1991 u s-sena 1993.
2. Kunsiderazzjonijiet
84. Wara li fakkret b’mod rilevanti l-ġurisprudenza li biha l-Kummissjoni hija marbuta li tikkunsidra globalment il-miżuri kumplessi, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 200 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-Liġi Nru 90‑568 stabbilixxiet sistema fiskali derogatorja, applikabbli b’mod partikolari għal France Télécom, ikkaratterizzata minn tqassim f’żewġ fażijiet.
85. Fil-punt 203 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret ġustament li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ttrattat d-differenzi li jeżistu bejn iż-żewġ perijodi ta’ tassazzjoni, fejn qalet b’mod partikolari li l-ġbir ta’ ammont fiss bejn is-sena 1991 u s-sena 1993 kien issostitwixxa għal kollox il-kontribuzzjoni tat-taxxa fuq in-negozju, filwaqt li l-issuġġettar għas-sistema partikolari bejn is-sena 1994 sas-sena 2002 wassal kull sena għal differenza fl-intaxxar. Għalhekk il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet ċertament analizzat globalment id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha, imma li, minħabba d-differenzi kkonstatati bejn iż-żewġ perijodi ta’ tassazzjoni, hija kienet irrifjutat li tagħti kumpens.
86. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ħtieġa ta’ analiżi globali li l-Kummissjoni ċertament għamlet, ma tistax tkun ekwivalenti għal obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi fiskali kollha għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-vantaġġ. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi li kien fl-analiżi tas-sistema kollha li l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li kienet biss is-sistema fiskali applikabbli matul it-tieni perijodu li kienet timplika l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil France Télécom.
87. Konsegwentement, it-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħdua bħala infondata.
E – Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju – dwar il-kumpens
1. It-talbiet tal-partijiet
88. France Télécom ssostni li meta ma għamlitx paragun mas-sistema ta’ dritt komuni u tad-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti mil-Liġi Nru 90‑568, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Qorti Ġenerali kienet ipparagunat l-ispejjeż fiskali imposti fuq France Télécom mis-sistema derogatorja mal-livell ta’ tassazzjoni li kien jiġi applikat fil-konfront tagħha kieku din il-kumpannija kienet ġiet suġġetta għas-sistema fiskali ta’ dritt komuni. Issa, hija limitat dan il-paragun għall-perijodu mis-sena 1994 sas-sena 2002, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-ispiża fiskali li France Télécom kellha tħallas mill-1991 sal-1993.
89. France Télécom tikkunsidra li, meta bbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (19), il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet kumpens bejn il-perijodi differenti ta’ tassazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet b’mod żbaljat mis-sentenza msemmija li eżenzjoni ma setgħetx tiġi kkumpensata minn spiża fiskali speċifika ta’ natura differenti u nieqsa minn rabta inerenti mal-vantaġġ.
2. Kunsiderazzjonijiet
90. B’din il-parti tat-tieni aggravju, France Télécom tikkritika l-punti 207 u 214 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, wara li vvalidat ir-raġunament tal-Kummissjoni li kienet iddistingwiet bejn il-ġbir ta’ ammont fiss fis-seħħ mis-sena 1991 sas-sena 1993 u s-sistema derogatorja ta’ tassazzjoni fis-seħħ bejn is-sena 1994 u s-sena 2002, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull obbligu li, f’dan il-każ, ikun hemm kumpens bejn iż-żewġ perijodi ta’ tassazzjoni.
91. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, meta teżamina miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tagħha kollha għall-benefiċjarju potenzjali u, b’mod partikolari, tiddeduċi, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż speċifiċi li jaffettwaw il-vantaġġ (20).
92. L-ewwel nett, huwa veru li r-riferiment tal-Qorti Ġenerali għall-punt 34 tas-sentenza, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma huwiex korrett. Fil-fatt, il-prinċipju stabbilit mill-Qorti Ġenerali fil-punt 207 tas-sentenza appellata ma jistax jiġi dedott mill-punt 34.
93. Kif sostniet il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali probabbilment riedet tirreferi għall-punt 34 ta’ sentenza oħra L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (21). F’dan il-punt tas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tal-awtoritajiet Taljani li l-eżenzjoni mit-taxxa akkużata ma kinitx “għajnuna mill-Istat”, għaliex it-telf tad-dħul li rriżulta jiġi kkumpensat mill-għajnuna tar-riżorsi ġejjin minn kontribuzzjonijiet imħallsin fl-assigurazzjoni għall-qgħad.
94. Iżda l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindika dan l-iżball ta’ riferiment li, madankollu, ma jikkostitwixix żball ta’ liġi, li jista’ jinvalida d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.
95. Minkejja dan l-iżball ta’ riferiment għall-ġurisprudenza, huwa ċar li l-Qorti Ġenerali ġġustifikat b’mod dettaljat u eżawrjenti r-raġunijiet għaliex ikkunsidrat li, filwaqt li ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ analiżi globali tas-sistema li tirriżulta mil-Liġi Nru 90-658 il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tiċħad il-kumpens difiż minn France Télécom.
96. Fil-fatt, fid-dawl tas-sentenza Enirisorse (22), għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu tal-analiżi globali, li tippermetti li tiġi identifikata korrettament l-eżistenza ta’ vantaġġ fil-kuntest ta’ miżuri fiskali derogatorji, għandu jistrieħ fuq il-pjan materjali.
97. Jidhirli li huwa evidenti li l-uniku fatt li ż-żewġ perijodi ta’ tassazzjoni huma stabbiliti fl-istess liġi ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika obbligu ta’ kumpens fost il-miżuri applikabbi għall-istess uniku benefiċjarju. Fil-fatt, dawn il-miżuri jistrieħu fuq mudelli ġuridiċi differenti, b’mod li hemm lok li ssir distinzjoni bejn miżura li tikkostitwixxi għajnuna u dik li ma tissodisfax il-kriterji tal-Artikolu 87 KE.
98. F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-proċess, li l-ġbir applikabbli bejn is-sena 1991 u s-sena 1993 kien ġie ddefinit minn parametri distinti minn dawk applikabbli mis-sena 1994 fil-kuntest tas-sistema speċifika ta’ taxxa fuq in-negozju.
99. Nosserva li jirriżulta b’mod ċar mid-dibattiti fl-Assemblée nationale (Assemblea Nazzjonali) Franċiża li d-data tal-1994 kienet ġiet stabbilita sabiex ikun hemm terminu biżżejjed għall-kalkolu tal-valuri taxxabbli tat-taxxa fuq in-negozju, peress illi l-Gvern ma kellux għad-dispożizzjoni tiegħu l-evalwazzjoni ddettaljata tal-immobbli jew tal-valuri taxxabbli (23).
100. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li jekk wieħed jissupponi li kien eżatt l-argument li s-sistema applikabbli għal France Télécom kienet tikkonsisti f’żewġ perijodi inseparabbli, fejn l-ewwel wieħed kien ifisser sovratassazzjoni tal-impriża, u t-tieni wieħed tassazzjoni inqas minn dik normalment dovuta, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma kien fiha l-ebda mekkaniżmu li kien jippermetti minn naħa, li jsir kalkolu kumpensatorju bejn l-ammonti tat-taxxa fuq in-negozju, u min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat il-mument meta s-sovratassazzjoni żejda allegata bejn l-1990 u l-1993 kienet ġiet ikkumpensata. Fil-fatt, anki jekk wieħed isegwi l-argument difiż minn France Télécom f’dan ir-rigward, is-sovratassazzjoni żejda inkwistjoni kienet teżawrixxi l-effetti tagħha f’mument partikolari li jfisser, għall-ġejjieni, matul il-perijodu li jibda għaddej mis-sena 1994, l-għoti ta’ vantaġġ lil France Télécom. Madankollu, fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu bħal dan, l-allegazzjoni dwar in-neċessità tal-kumpens ma hijiex plawsibbli.
101. Fl-aħħar nett, għandha tiġi eskluża r-rilevanza tal-ġurisprudenza dwar il-klassifikazzjoni tal-kumpens tal-iżvantaġġi strutturali fir-rigward tal-Artikolu 87 KE, li tippermetti li titwarrab il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat fil-każijiet speċifiċi intiżi biex jikkoreġu sitwazzjoni kompetittiva sfavorevoli ta’ impriża (24). Fil-fatt f’dan il-każ partikolari, ma jistax jiġi validament sostnut li l-mudell ta’ tassazzjoni applikabbli mis-sena 1994 serva sabiex jirrimedja l-fatt li France Télécom kienet ġiet esposta għal spejjeż supplimentari li jirriżultaw minn sistema speċifika li jevitaw l-impriżi kompetituri suġġetti għad-dritt komuni fil-kundizzjonijiet normali tas-suq. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mid-dibattiti li seħħew fis-Sénat (Senat) u fl-Assemblea nazzjonali Franċiża, l-għan tas-sistema derogatorja applikabbli mis-sena 1994 kien li jippermetti lill-Istat, u mhux lill-awtoritajiet lokali, li jirċievi t-taxxa fuq in-negozju mħallsa minn France Télécom (25). Fi kwalunkwe każ, irrid nenfasizza li ftit huwa rilevanti, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-vantaġġ, li jkun magħruf jekk id-dħul mit-taxxa fuq in-negozju kienx intiż għall-Istat jew għall-baġit tal-awtoritajiet lokali.
102. Fi kwalunkwe każ, nosserva li mill-proċess jirriżulta li France Télécom kienet marbuta li tħallas lill-Fond nazzjonali ta’ ekwalizzazzjoni tat-taxxa fuq in-negozju ammont ekwivalenti għal dak miġbur mill-Istat mill-ex administration des postes et télécommunications (PTT) (amministrazzjoni tal-posta u t-telekomunikazzjonijiet) bħala li jaqbeż l-operat, qabel id-data tat-twaqqif ta’ France Télécom. Fuq kollox dan huwa għaliex il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ġbir għall-benefiċċju tal-baġit ġenerali li France Télécom kienet suġġetta għalih mis-sena 1991 sas-sena 1993 kellu natura mħallta, parzjalment fiskali u parzjalment ekwivalenti għal sehem tal-Istat proprjetarju fil-qligħ tal-amministrazzjoni (26).
103. Għalhekk, wara li eżaminat il-karatteristiċi, l-għanijiet u n-natura temporanja tas-sistema applikabbli għal France Télécom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 231 tas-sentenza appellata, li l-ġbir ta’ ammont fiss kien jikkostitwixxi metodu ta’ tassazzjoni partikolari ta’ France Télécom li ma setax jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-kumpens tal-konsegwenzi tas-sistema ta’ tassazzjoni applikabbli mis-sena 1994.
104. Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda wkoll l-ewwel parti tat-tieni aggravju.
F – Fuq l-ewwel aggravju ta’ France Télécom, ibbażat fuq il-ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat
1. It-talbiet tal-partijiet
105. Wara li ssottomettiet li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li kien ikun “impossibbli” li jiġi ddeterminat, fid-data meta s-sistema derogatorja kienet ġiet stabbilita, jekk kienx ser ikun hemm għajnuna mill-Istat, France Télécom tgħid li l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat ukoll li l-eżistenza ta’ vantaġġ kellha tiġi kkonstatata kull sena u kienet tiddependi minn parametri esterni.
106. Madankollu France Télécom tilmenta li l-Qorti Ġenerali kienet kisret il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, meta ddeċidiet tali klassifikazzjoni u meta rrikonoxxiet li l-eżistenza (jew mhux) ta’ vantaġġ eventwali ma kinitx tiddependi minn karatteristiċi tas-sistema applikabbli għal France Télécom, iżda minn parametri esterni li l-effetti tagħhom setgħu jiġu kkonstatati biss a posteriori. Skont France Télécom, l-effetti vantaġġużi jew żvantaġġużi li jirriżultaw minn fatturi esterni u imprevedibbli jistgħu jagħtu natura ta’ għajnuna lil miżura li ma kinitx hekk fil-mument tal-adozzjoni tagħha.
107. Barra minn hekk, b’riferiment għall-ġurisprudenza France vs Il‑Kummissjoni, li timplika l-kumpannija Stardust Marine (27), France Télécom tikkritika l-imputabbiltà stess tal-miżura inkwistjoni lill-Istat Membru, peress illi l-eżistenza tal-vantaġġ kellha tkun ikkundizzjonata “biss” mill-kundizzjonijiet esterni għas-sistema partikolari ta’ tassazzjoni, kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali.
108. Mill-parti tiegħu, il-Gvern Franċiż jenfasizza li s-sistema ta’ tassazzjoni derogatorja ma tistax fiha nnifisha tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, sistema bħal din ma tiksibx neċessarjament vantaġġ selettiv għall-impriżi interessati.
109. Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju huwa inammisibbli għaliex ma tqajjimx fl-ewwel istanza. Hija żżid li ma hemmx dubju li l-elementi kkritikati minn France Télécom kienu preżenti fid-deċiżjoni kkontestata.
110. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-aggravju ma huwiex fondat. Fil-fatt, il-livell preċiż ta’ tassazzjoni li jirriżulta mis-sistema derogatorja inkwistjoni ma jistax jiġi ddeterminat bil-quddiem għal kull sena. Madankollu, din is-sistema setgħet twassal għal tassazzjoni iktar baxxa meta pparagunata ma’ dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tas-sistema normali tat-taxxa fuq in-negozju.
2. Kunsiderazzjoni tal-ammissibbiltà tal-aggravju
111. F’dak li jikkonċerna l-ilment ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni u bbażat fuq in-natura ġdida tal-aggravju invokat, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta ċar li jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, dik il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fejn jidħol appell hija limitata, kawża iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-prim’istanza (28).
112. F’dan ir-rigward, hemm lok, madankollu, li jiġi kkostatat li l-appellanti, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, tinvoka mhux aggravju ġdid quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda argument li jidħol fl-aggravju bbażat fuq l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, li kien diskuss diġà quddiem il-Qorti Ġenerali, partikolarment fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motivi invokati quddiemha. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tintlaqa’.
3. Kunsiderazzjoni fuq il-mertu
113. Permezz ta’ dan l-aggravju, France Télécom tikkritika r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, speċjalment fil-punti 323 u 324 tas-sentenza appellata. Sabiex tingħata tweġiba kompleta għal dan l-aggravju, hemm lok li jiġi ppreżentat ir-raġunament żviluppat minn qabel mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 199 sa 241 tas-sentenza appellata, bi tweġiba għall-ewwel u t-tieni motivi mqajma fl-ewwel istanza.
114. L-ewwel nett, nikkonstata li r-riferiment fil-punt 324 tas-sentenza appellata li tagħmel France Télécom insostenn tal-affermazzjoni tagħha li l-Qorti Ġenerali kienet aċċettat l-impossibbiltà li jiġi ddeterminat il-vantaġġ fid-data tat-twaqqif tas-sistema derogatorja, jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata.
115. Fil-fatt, fil-punt 324 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-argumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza f’materja ta’ preskrizzjoni, sempliċiment ċaħdet argument ġuridiku fuq dan is-suġġett. Għalhekk ma tistax tiġi dedotta minn parti tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali maħruġa mill-kuntest tagħha affermazzjoni legali li tista’ tkun rilevanti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell u li tirrigwarda problema differenti minn dik li kienet is-suġġett tat-tweġiba tal-Qorti Ġenerali.
116. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżami tal-ispeċifiċità tas-sistema applikabbli għal France Télécom, kif ukoll in-natura annwali tat-taxxa fuq in-negozju, flimkien mal-eżistenza tal-vantaġġ marbut ma’ ċirkustanzi esterni għas-sistema partikolari ta’ tassazzjoni, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li, mhux talli ma kisritx il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat iżda talli l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87 KE. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ħadet ħsieb, ġustament, li tasal għall-konklużjonijiet ġuridiċi kollha tal-mudell fiskali speċifiku applikabbli għal France Télécom, inkluża n-natura annwali tal-vantaġġ ikkonstatat.
117. Wara li għamlet preżentazzjoni eżatta tal-ġurisprudenza rilevanti għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lil France Télécom, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-Kummissjoni setgħetx tanalizza s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni indipendentement mill-ġbir ta’ ammont fiss, u fit-tieni lok, jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tirrifjuta li tagħti kumpens biex, fl-aħħar nett, tanalizza l-fondatezza tal-eżistenza ta’ differenza fl-intaxxar.
118. Għalhekk, huwa fil-punti 199 sa 241 tas-sentenza appellata li hija wieġbet b’mod iddettaljat u eżawrjenti għall-ilmenti dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’dan il-każ. Is-siltiet ta’ din is-sentenza li France Télécom ikkritikat fl-ewwel motiv tagħha jikkostitwixxu biss it-tkomplija tar-raġunament enfasizzat fil-parti msemmija iktar ’il fuq tas-sentenza appellata.
119. Flimkien ma’ dan ir-raġunament, mill-punt 323 tas-sentenza appellata jirriżulta li “min-natura annwali tat-taxxa fuq in-negozju [...] jirriżulta li l-eżistenza ta’ vantaġġ favur France Télécom kien jiddependi kull sena fuq il-kwistjoni dwar jekk is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni kinitx twassal sabiex France Télécom tkun suġġetta għal ammont ta’ taxxa fuq in-negozju inqas minn dak li kienet suġġetta għalih taħt id-dritt komuni. Għandu jiġi kkonstatat li din il-kwistjoni tiddependi minnha nfisha fuq ċirkustanzi esterni għas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni u, b’mod partikolari, fuq il-livell tar-rati ta’ tassazzjoni stabbiliti kull sena mill-awtoritajiet lokali li fit-territorju tagħhom France Télécom kellha stabbilimenti”.
120. Għalhekk, il-kritika magħmula minn France Télécom tistrieħ fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata peress illi, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ammettiet li l-eżistenza tal-vantaġġ ma kinitx tiddependi mill-karatteristiċi stess tas-sistema inkwistjoni.
121. Għall-kuntrarju, fl-analiżi tan-natura kumplessa tas-sistema fiskali applikabbli għal France Télécom, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna f’dan il-każ kienet tistrieħ fuq iċ-“ċirkustanzi esterni” li l-Qorti Ġenerali tiddefinixxi b’mod ċar fil-punt 323 tas-sentenza appellata bħala li relatati mal-livell tar-rati ta’ tassazzjoni stabbiliti kull sena mill-awtoritajiet territorjali fit-territorju fejn France Télécom kellha stabbilimenti.
122. F’dan ir-rigward, ebda element fis-siltiet tas-sentenza appellata li France Télécom tikkritika ma jippermetti li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ppreżumiet l-eżistenza tal-vantaġġ selettiv fir-rigward ta’ France Télécom u, meta ġara hekk, ikkommettiet żball ta’ liġi.
123. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-imputabbiltà tal-miżura, biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sabiex il-vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna skont l-Artikolu 107(1) TFUE għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (29). Barra minn hekk, intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat ma għandux ikunu neċessarjament miżura stabbilita mill-awtorità ċentrali tal-Istat ikkonċernat. Dan jista’ jiġi wkoll minn awtorità infra-Statali (30). Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, inkunsiderazzjoni tal-karatterizzazzjoni ċċitata iktar ’il fuq taċ-“ċirkustanzi esterni” li għamlet il-Qorti Ġenerali, dan l-element bl-ebda mod ma jċaħħad lin-natura fiskali applikabbli għal France Télécom minn natura statali tagħha.
124. Billi France Télécom ma ppruvatx li l-Qorti Ġenerali wettqet xi żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
VII – Fuq il-prinċipju ta’ preskrizzjoni (31)
A – It-talbiet tal-partijiet
125. Fir-raba’ aggravju tagħha, France Télécom tfakkar li l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jistabbilixxi li s-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin. Hija ssostni li l-awtoritajiet Franċiżi kienu spjegaw, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li t-tassazzjoni inqas minn dik normalment dovuta tal-impriża matul is-snin 1994 sal-2002 ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tkun irkuprata, għaliex is-sistema kienet ġiet implementata iktar minn għaxar snin qabel. Issa, France Télécom tqis li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt ma huwiex immotivat biżżejjed peress illi s-sentenza ma tispeċifikax liema kien l-att ġuridiku vinkolanti li kien jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq għall-preskrizzjoni. Issa, skont France Télécom, dan l-att bilfors huwa l-Liġi Nru 90‑568.
126. Il-Kummissjoni tfakkar li r-regoli ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat jikkonċernaw l-irkupru tagħha. Ma huwiex possibbli li għajnuna tiġi rkuprata ħlief meta l-ammont tagħha huwa determinabbli. Għal dak li jirrigwarda s-sistemi fiskali kkontestati, il-vantaġġ jista’ jiġi stabbilit biss fuq bażi annwali. Il-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni tas-setgħa li jiġi ordnat l-irkupru tal-għajnuna ma jistax, għalhekk, ikun fil-mument meta dan l-irkupru ma jkunx jista’ jiġi iktar ordnat.
127. Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Franċiża tindika, fir-risposta tagħha, li tappoġġa erba’ mill-ħames aggravji invokati minn France Télécom fl-appell tagħha. Fir-rigward tal-preskrizzjoni, il-Gvern Franċiż isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn kontradizzjoni fil-motivi. Fil-fatt, minn naħa, fil-punt 324 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 beda jiddekorri fl-1994. Min-naħa l-oħra, fil-punt 276 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-obbligu ta’ notifika kellu jiġi stabbilit fil-mument tal-adozzjoni tal-Liġi Nru 90‑568.
B – Fuq l-applikazzjoni tal-preskrizzjoni
128. Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, is-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin. Mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda’ jiddekorri mill-jum meta l-għajnuna illegali tingħata lill-benefiċjarju.
129. L-ewwel nett nenfasizza li s-suġġett tal-preskrizzjoni huwa limitat għall-għajnuna illegali, jiġifieri għall-għajnuna mhux notifikata. Għaldaqstant, bl-applikazzjoni tal-preskrizzjoni, għajnuna illegali ssir għajnuna eżistenti.
130. Għalhekk, l-element deċiżiv għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 569/1999 qiegħed fil-kunċett ta’ għoti ta’ għajnuna.
131. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li d-determinazzjoni tad-data tal-għoti tista’ tvarja skont in-natura tal-għajnuna inkwistjoni.
132. Fil-fatt, fil-każ ta’ sistema ta’ għajnuna, meta l-għoti tal-għajnuna jiddependi mill-adozzjoni ta’ atti ġuridiċi vinkolanti, għandu jiġi kkunsidrat li fil-prinċipju l-għajnuna tingħata fid-data tal-adozzjoni ta’ att bħal dak.
133. Madankollu, fir-rigward tad-diversità u l-kumplessità ta’ mudelli tal-miżuri li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, il-konstatazzjoni preċedenti ma teżawrix il-medda ta’ possibbiltajiet li l-Kummissjoni tista’ tiltaqa’ magħhom fl-eżami tad-dispożittivi notifikati jew mhux notifikati.
134. Għalhekk, fil-każ ta’ sistema ta’ diversi snin li tirriżulta fi ħlasijiet jew fl-għoti perjodiku ta’ vantaġġi, id-data ta’ adozzjoni ta’ att ġuridiku li tikkostitwixxi l-bażi tal-għoti tal-għajnuna u d-data meta l-benefiċjarji jkunu effettivament ngħataw il-benefiċċju tal-vantaġġ (jiġifieri jiġu affettwati mill-konsegwenzi tiegħu, bħal fil-każ ta’ eżenzjoni fiskali), jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv fiż-żmien.
135. F’każ bħal dan, jiena tal-fehma li l-għajnuna fiskali għandha tiġi kkunsidrata bħala li kienet ingħatat lill-benefiċjarju biss fil-mument meta jkun ibbenefika minnha b’mod legalment definittiv fis-sens materjali. Fil-fatt, huwa biss il-benefiċċju definittiv tal-miżura, ekwivalenti għall-ħolqien ta’ vantaġġ f’sens strett, li huwa determinanti għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni.
136. F’dan ir-rigward, nikkunsidra li t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward ta’ vantaġġi fiskali jerġa’ jibda għaddej ma’ kull għotja effettiva, jekk ikun il-każ kull sena, tal-vantaġġ li jikkoinċidi mad-data ta’ konsolidazzjoni tas-sitwazzjonijiet li abbażi tagħhom hija determinata l-portata tal-ispiża fiskali. Għal dak li jirrigwarda t-taxxa fuq id-dħul, din tikkorrispondi mat-tmiem is-sena fiskali li matulha jkun ġie rċevut id-dħul li jidħol f’dik il-bażi taxxabbli (32).
137. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-għadd tat-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jiddependi mill-mod kif jiġi identifikat il-vantaġġ, u konsegwentement, l-għajnuna stess tal-Istat. Il-kalkolu ta’ dan it-terminu għandu għalhekk jikkostitwixxi derivat tal-konstatazzjoni tal-vantaġġ.
138. Jidhirli li dan huwa l-każ hawnhekk peress illi l-konstatazzjoni tal-eżistenza stess tal-għajnuna għandha ssir mhux biss abbażi tal-liġi nazzjonali, iżda wkoll skont ir-rati applikabbli f’kull komun fejn jinsabu l-beni ta’ France Télécom.
139. Għalhekk kif għedt diġà, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali għamlet analiżi eżatta tan-natura annwali tat-taxxa fuq in-negozju u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnha.
140. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 324 tas-sentenza appellata, li minħabba n-natura annwali tat-taxxa fuq in-negozju, l-għajnuna inkwistjoni ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li kienet “ingħatat” qabel l-1994, billi kien dakinhar li ġew adottati l-atti ġuridiċi vinkolanti li ppermettew, għall-ewwel darba, li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ differenza fl-intaxxar.
141. Għalhekk, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ identifikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-atti inkwistjoni, jiena tal-fehma li din hija problema ġuridika ppreżentata ħażin. Fil-fatt, mill-analiżi tas-sistema derogatorja kollha jirriżulta li din tistabbilixxi t-taxxa fuq in-negozju fil-livell nazzjonali, fejn l-ammont huwa determinat permezz ta’ rata medja bbilanċjata nazzjonali li tirriżulta mir-rati stabbiliti s-sena ta’ qabel mill-awtoritajiet lokali kollha.
142. Kif jirriżulta mill-punt 24 tas-sentenza appellata, ir-rati applikabbli għal valuri taxxabbli huma stabbiliti kull sena mill-assemblej ta’ deliberazzjoni tal-awtoritajiet li jibbenefikaw mit-taxxa. Sabiex tiġi kkalkulata t-taxxa fuq in-negozju dovuta, għandha tiġi stabbilita rata individwali fil-livell nazzjonali għal France Télécom. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet lokali kkonċernati li jistabbilixxu rata individwali għandhom jiġu kkunsidrati bħala elementi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-“fatti ġuridiċi” msemmija fil-Liġi Nru 90‑568, fatti ġuridiċi indispensabbli għall-evalwazzjoni tal-ispiża fiskali effettiva ta’ France Télécom, kif ukoll dik li tirriżulta mis-sistema tad-dritt komuni u, għaldaqstant, għall-materjalizzazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ.
143. Barra minn hekk, ninnota li hemm lok li s-silta kkritikata tas-sentenza appellata tinqara flimkien mal-punt 323 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment doppju għall-punt 202 imbagħad għall-punt 17 tas-sentenza appellata li jesponi d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-code général des impôts. Fil-fatt, għandha titqies id-differenza kunċettwali bejn, minn naħa, ir-regola ġuridika, jiġifieri l-Liġi Nru 90‑568, u min-naħa l-oħra, il-fatt ġuridiku, jiġifieri r-rata medja bbilanċjata nazzjonali li tirriżulta mir-rati stabbiliti s-sena preċedenti mill-awtoritajiet lokali kollha. Dawn id-deċiżjonijiet ma jirrigwardawx il-prinċipju tat-twaqqif tat-taxxa fuq in-negozju dovuta mingħand France Télécom, iżda jikkontribwixxu għad-determinazzjoni tal-medja nazzjonali fit-twaqqif ta’ rati individwali li minnhom ser tiġi kkalkulata dik il-medja.
144. Barra minn hekk, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa kkonfermat mill-kliem tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, minn fejn jirriżulta li huma s-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna li huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni. Issa, jekk l-għajnuna fil-verità ma ngħatatx fis-sens ta’ għotja reali u effettiva, il-Kummissjoni ma tkun tista’ titlob l-ebda rkupru. Barra minn hekk, ma tista’ titlob l-ebda rkupru peress illi lanqas ma huwa ċert li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
145. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-Gvern Franċiż ibbażat fuq kontradizzjoni tal-motivi li allegatament taffettwa l-punti 276, minn naħa, u 323 sa 324, min-naħa l-oħra, tas-sentenza appellata, biżżejjed jingħad li l-Qorti Ġenerali analizzat is-sistema derogatorja minn aspett, minn naħa, tal-obbligu ta’ notifika, u min-naħa l-oħra, tal-effetti tar-regola bażika għall-konstatazzjoni tal-vantaġġ għall-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni.
146. Għalhekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li hemm fil-punt 276 jagħmel parti mit-tweġiba għall-argumenti dwar il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi li ġie dibattut fil-kuntest tat-tielet motiv ippreżentat fl-ewwel istanza. Il-Qorti Ġenerali fakkret b’mod korrett dwar l-obbligu ta’ notifika li, skont l-Artikolu 87 KE, jorbot lill-Istat Membru li jkun jixtieq jistabbilixxi sistema fiskali derogatorja, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq l-effetti ta’ din ir-regola partikolarment fil-punti 323 u 324 tas-sentenza appellata dwar in-natura annwali tat-taxxa fuq in-negozju. Peress illi dawn iż-żewġ aspetti jikkostitwixxu ż-żewġ naħat tal-analiżi indispensabbli tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, ma tista’ tiġi kkonstatata l-ebda kontradizzjoni tal-motivi.
147. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.
VIII – Fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt (33)
A – Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi
1. It-talbiet tal-partijiet
148. Għalkemm France Télécom taqsam it-tielet aggravju tagħha dwar il-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi fi tliet partijiet, nipproponi li neżaminahom flimkien inkunsiderazzjoni tal-għan komuni tagħhom.
149. L-ewwel parti tat-tielet aggravju hija dwar żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet fir-rigward taċ-ċirkustanzi li jippermettu l-invokazzjoni tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi
150. L-ewwel nett, France Télécom allegat li l-Qorti Ġenerali kienet limitat il-posibbilità li tinvoka l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi fil-każijiet biss li għajnuna tkun ġiet innotifikata. Madankollu tat x’tifhem li jista’ jkun mod ieħor jekk ikun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali sabiex jiġġustifikaw dan. Issa, dwn iċ-ċirkustanzi kienu preżenti f’dan il-każ.
151. It-tieni nett, France Télécom issostni li s-sentenza appellata fiha kontradizzjoni fil-motivi u hija bbażata fuq preżunzjoni żbaljata li kull deroga fiskali tikkostitwixxi vantaġġ. F’dan il-każ, iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali invokati mill-impriża sabiex jiġi sostnut il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi kienu jikkonċernaw il-fatt li l-eżistenza ta’ vantaġġ ma setgħetx tiġi identifikata ex ante iżda ex post biss, skont l-iżvilupp taċ-ċirkustanzi esterni għas-sistema partikolari ta’ tassazzjoni.
152. It-tielet nett, France Télécom tgħid li l-Qorti Ġenerali la ddeterminat l-att ġuridiku li kellu jkun is-suġġett ta’ notifika u lanqas il-mument meta din kellha sseħħ. Fil-fatt, jekk il-vantaġġ jikkorrispondi għal differenza fl-intaxxar ikkonstatata kull sena fl-aħħar tas-sena finanzjarja, kien ikun impossibbli li jiġi identifikat obbligu ta’ notifika minn qabel tas-sistema kkontestata.
153. Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet aggravju, France Télécom tilmenta li l-Qorti Ġenerali kienet interpretat b’mod żbaljat il-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw mid-deċiżjoni ta’ La Poste (34). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali warrbet l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet pożizzjoni fuq is-sistema derogatorja applikabbli mis-sena 1994. Issa, skont France Télécom, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar La Poste kienet tikkostitwixxi att pożittiv li jista’ jipproduċi effetti ġuridiċi u joħloq aspettattivi leġittimi dwar il-konformità tas-sistema inkwistjoni fir-rigward tar-regoli fuq l-għajnuna mill-Istat.
2. Evalwazzjoni
a) Osservazzjonijiet ġenerali
154. Għandu jitfakkar li l-eżami mill-Kummissjoni tas-sistema inkwistjoni joriġina mill-ilment ta’ terzi, jiġifieri l-Assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet territorjali għall-introduzzjoni mill-ġdid tat-taxxa fuq in-negozju ta’ France Télécom u ta’ La Poste fid-dritt komuni.
155. Issa l-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi l-pedament tal-mudell ta’ kontroll ex ante tal-għajnuna mill-Istat stabbilit fit-Trattat. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Istat Membri għandhom fuqhom, minn naħa, obbligu ta’ notifika ta’ kull miżura li tista’ tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE, peress illi tista’ tikkostitwixxi għajnuna ġdida, u min-naħa l-oħra, obbligu msejjaħ “standstill”, li jidher fl-Artikolu 88(3) KE. Din is-sistema tipprovdi garanziji proċedurali u garanziji sostantivi kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-benefiċjarji ipotetiċi (35).
156. Fil-każ ta’ ksur ta’ regola ta’ notifika minn qabel, l-Istati Membri huma obbligati li jassumu l-konsegwenzi kemm fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna illegali tal-miżura inkwistjoni, kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-invokabbiltà tal-prinċipji ġenerali tad-dritt.
157. Barra minn hekk, sa fejn France Télécom issostni l-impossibbiltà li jiġi ddeterminat, fid-data tad-dħul fis-seħħ tas-sistema derogatorja jekk din kinitx ser toħloq vantaġġ li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, għandu jiġi enfasizzat li la l-kumplessità partikolari tas-sistema inkwistjoni u lanqas in-natura perjodika tal-miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ma jistgħu jneħħu minn fuq l-Istat Membru l-obbligu tiegħu ta’ notifika. Għall-kuntrarju, huwa fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami miftuħa mill-Kummissjoni li l-isforzi magħmulin fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali mill-Istat Membru u l-Kummissjoni jistgħu jwasslu għal soluzzjonijiet adattati għall-karatteristiċi tad-dispożittiv inkwistjoni.
158. Fil-fatt, Stat Membru li jitlob li jkun jista’ jagħti għajnuna li tidderoga mir-regoli tat-Trattat huwa marbut bi dmir ta’ kollaborazzjoni lejn il-Kummissjoni. Dan jgħodd iktar u iktar għal Stat Membru li jkun naqas milli jinnotifika sistema ta’ għajnuna lill-Kummissjoni bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE (36).
159. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jinsab fost il-prinċipji fundamentali tal-Unjoni (37).
160. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt li wieħed jibbaża fuq aspettattivi leġittimi jippresupponi li l-amministrazzjoni tal-Unjoni tkun tat assigurazzjonijiet preċiżi ta’ natura li tinħoloq stennija leġittima min-naħa ta’ dak li jkunu ġew indirizzati lilu u li dawn l-assigurazzjonijiet jikkonformaw mar-regoli applikabbli (38).
161. Stat Membru, li l-awtoritajiet tiegħu jkunu taw għajnuna bi ksur tar-regoli ta’ proċedura stabbiliti fl-Artikolu 88 KE, ma jistax jinvoka l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji sabiex jevita l-obbligu li jieħu miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalu jirkupra l-għajnuna (39).
162. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istess japplika, terġa’ iktar u iktar, għal Stat Membru li jinvoka aspettattivi leġittimi għalih stess meta ma jkunx osserva l-obbligu ta’ notifika (40).
163. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali, li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali li abbażi tagħhom seta’ leġittimament ikollu aspettattivi dwar il-legalità ta’ tali għajnuna, u sabiex, għalhekk, jopponi talba għal rimbors ċertament ma tistax tiġi eskluża. F’każ bħal dan, hija l-qorti nazzjonali li tiġi eventwalment adita li għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi inkwistjoni (41).
164. Fl-aħħar nett, nosserva li r-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat ta’ natura fiskali jista’ jwassal, fil-konfront ta’ individwu, għal ħlas lill-Istat ta’ somom li jikkorrispondu ma’ tassazzjoni li ma kinitx dovuta minnu. Għalhekk dan huwa ħlas lura li jpoġġi fid-dubju dritt fundamentali rikonoxxut fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”) (42) dwar id-dritt tal-proprjetà, kif ukoll l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (43), dwar id-dritt tar-rispett ta’ beni.
b) Fuq is-sentenza appellata
165. Fil-punti 259 u 262 tas-sentenza appellata, wara li fakkret korrettament ir-regoli dwar il-possibbiltà li wieħed juża l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (44), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/199, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-għajnuna setgħet tiġi invokata (45) bil-kundizzjoni li dan ikollu assigurazzjonijiet biżżejjed preċiżi, ġejjin minn azzjoni pożittiva tal-Kummissjoni li tippermettilu jqis li miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.
166. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li fin-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni espressa tal-Kummissjoni fuq miżura li tkun ġiet innotifikata lilha, għall-kuntrarju, is-silenzju li żżomm l-istituzzjoni, abbażi tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-impriża benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat, ma jmurx kontra l-irkupru tagħha (46). Madankollu hija ammettiet, korrettament, il-possibbiltà tal-kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.
167. F’dan ir-rigward, biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma jista’ jiġi lmentat l-ebda żball dwar l-identifikazzjoni ta’ dawn iċ-ċirkustanzi mill-Qorti Ġenerali, peress illi din tal-aħħar eżaminat b’mod eżawrjenti fil-punti 263 sa 268 tas-sentenza appellata l-argumenti kollha mressqa quddiemha u li jistgħu jikkostitwixxu dawn iċ-ċirkustanzi.
168. Fost iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali invokati hemm l-eżami li għamlet il-Kummissjoni tal-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 90‑568 fejn fi tmiemu l-Kummissjoni kkonkludiet fid-deċiżjoni La Poste li t-tnaqqis tal-valuri taxxabbli applikabbli għal La Poste ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
169. Fir-rigward tas-silenzju tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar La Poste, u l-konsegwenzi ġuridiċi li jsegwu għall-eżami tas-sistema applikabbli għall-France Télécom, biżżejjed li jitfakkar li jirriżulta mis-sistema ta’ kontroll preventiv fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat eżerċitat mill-Kummissjoni, u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni tal-implementazzjoni ta’ għajnuna ġdida qabel ma deċiżjoni finali tkun ġiet adottata, li l-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ għajnuna bħal din ma toħloq l-ebda dubju. Dan jgħodd iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, l-għajnuna ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) KE għaliex dan jipperikola ċ-ċertezza legali li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi.
170. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali aġixxiet korrettament meta ddeċidiet li ebda argument imressaq minn France Télécom ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. A fortiori, l-awtorizzazzjoni ta’ sistema fiskali inkwistjoni ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi silenzju tal-Kummissjoni.
171. Fir-rigward tal-argument żviluppat minn France Télécom fil-punt 99 tal-appell fejn il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li kien impossibbli fid-data li tiġi stabbilita s-sistema inkwistjoni li jiġi ddeterminat jekk din tal-aħħar kinitx ser tistabbilixxi għajnuna mill-Istat, biżżejjed jingħadd li dan l-argument kien ġie ttrattat diġà fil-kuntest tal-iżviluppi dwar l-ewwel aggravju ta’ dan l-appell.
172. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
B – Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali
1. It-talbiet tal-partijiet
173. L-ewwel parti tal-ħames aggravju hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata u ta’ żball ta’ liġi minħabba l-impossibbiltà li jiġi stabbilit l-ammont li għandu jiġi rkuprat.
174. France Télécom issostni li, il-Qorti Ġenerali ma rrispondietx l-argument li, inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, l-obbligu ta’ rkupru kien jikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali.
175. It-tieni parti hija bbażata fuq allegat żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-metodi ta’ stima tal-ammont tal-għajnuna. Fil-fatt, France Télécom issostni li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ġustament stabbilixxiet limitu massimu u minimu abbażi ta’ approssimazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Franċiżi fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li, għalhekk, ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali ma setax jiġi stabbilit, wettqet żball ta’ liġi. Skont France Télécom, is-sentenza ma hijiex motivata f’dan ir-rigward.
176. France Télécom issostni li l-istimi inkwistjoni ma kinux ġew trażmessi mill-awtoritajiet Franċiżi bil-għan li tiġi ddeterminata l-portata reali ta’ differenza fl-intaxxar matul il-perijodu mis-sena 1994 sas-sena 2002. Dawn l-istimi kienu ġew ippreżentati sabiex jintwera li t-tassazzjoni inqas minn dik normalment dovuta eventwali tal-impriża kienet giet ikkumpensata fil-wisgħa bis-sovratassazzjoni matul l-ewwel snin tas-sistema fiskali derogatorja prevista bil-Liġi Nru 90-568. F’dawn il-kundizzjonijiet, France Télécom tikkunsidra li dawn l-istimi approssimattivi ma setgħux jirrikostitwixxu l-livell ta’ tassazzjoni tal-impriża li kieku kienet ġiet suġġetta għad-dritt komuni u li, fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kien ikollha tirrinunzja milli tordna l-irkupru tal-għajnuna.
177. Għaldaqstant, skont France Télécom, il-Qorti Ġenerali ammettiet, b’mod żbaljat u mingħajr ma mmotivat is-sentenza appellata fuq dan il-punt, li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq approssimazzjonijiet inċerti u ipotetiċi sabiex tikkwantifika l-vantaġġ li setgħet tibbenefika minnu l-impriża.
2. Evalwazzjoni
178. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni mitlub mill-Artikolu 253 KE għandu jiġi adattat għan-natura tal-att inkwistjoni u għandu juri b’mod ċar u mingħajr ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun ħejjiet l-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, peress illi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (47).
179. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li fil-punti 296 sa 300 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li rreferiet b’mod korrett għall-ġurisprudenza applikabbli fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat, ippruvat, fil-punti 301 sa 305 ta’ din is-sentenza, tapplika dik il-ġurisprudenza f’dan il-każ mingħajr ma naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha.
180. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li s-sitwazzjoni ta’ France Télécom diġà tat lok għal sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (48) li kkundannat ir-Repubblika Franċiża mhux biss għaliex ma rkupratx għajnuna kkunsidrata illegali, iżda wkoll għaliex naqset mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali tagħha skont l-Artikolu 10 KE.
181. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma kienet teżiġi li, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna li ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha titħallas lura. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu lid-destinatarju tad-deċiżjoni stess li jkun jista’ jiddetermina dan l-ammont, mingħajr diffikultajiet eċċessivi (49).
182. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonfermat ġustament il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata billi limitat ruħha sabiex tindika limitu massimu u minimu tal-ammont tal-għajnuna li trid tiġi rkuprata, b’osservanza tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.
183. Għalhekk, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
IX – Osservazzjonijiet addizzjonali dwar l-istatus tal-benefiċjarji fil-kuntest tal-irkupru tal-għajnuna illegali fid-dritt tal-Unjoni
184. Qabel ma nikkonkludi, nixtieq nenfasizza li l-argumenti li ġejjin ma jpoġġux fid-dubju l-preċiżjoni tal-analiżi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, billi qed nipproponi li nikkonferma l-legalità tal-interpretazzjoni tagħha.
185. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha (50). Għaldaqstant l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra għajnuna illegali huwa marbut, skont l-Artikolu 249 KE, li jadotta l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni imsemmija (51). Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-obbligu fuq Stat Membru li jirrevoka għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni huwa mfassal sabiex jirrestawra s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel fis-suq tal-Unjoni (52).
186. Peress illi f’din il-kawża d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna mill-Istat illegali u li tordna l-irkupru tagħha hija kkonfermata minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, wieħed għandu jistaqsi fuq il-mezzi tad-dritt li jistgħu jkunu miftuħin għall-benefiċjarji eventwali tal-għajnuna inkwistjoni f’dan l-istadju.
187. Jidhirli li d-diffikultà prinċipali għal France Télécom tikkonsisti fl-obbligu tagħha ta’ rimbors ta’ natura potenzjali, wara li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq stimi varjabbli ħafna u mhux fuq tassazzjoni simulata bbażata fuq l-applikazzjoni retroattiva tat-taxxa fuq in-negozju skont valuri taxxabbli applikabbli realment għal France Télécom (53).
188. Fil-fatt, Stat Membru li jsib ruħu obbligat li jirkupra għajnuna illegali huwa liberu li jagħżel il-mezzi li permezz tagħhom huwa jwettaq dan l-obbligu, sakemm il-miżuri magħżula ma jippreġudikawx il-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (54).
189. Huwa paċifiku li l-kunċett tad-dritt tal-Unjoni jinkludi d-drittijiet fundamentali mogħtija lill-individwi mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Isegwi li l-eżistenza ta’ obbligu assolut ta’ rkupru fil-konfront tal-Istati Membri ma jistax jippreġudika d-drittijiet fundamentali tal-persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali bi ksur tat-Trattat.
190. F’dan ir-rigward, ninnota li l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat jeħtieġ li l-benefiċjarju jirrimborsa l-vantaġġ li bbenefika minnu bis-saħħa tal-għajnuna mogħtija. Għalhekk dan huwa trasferiment ta’ beni mill-benefiċjarju lill-Istat Membru (55). Att bħal dan, jekk il-benefiċjarju ma jaċċettahx volontarjament, ma jistax iwassal ħlief għal kontestazzjoni quddiem qorti, li tiddeċiedi wara smigħ xieraq kontra l-benefiċjarju kkonċernat.
191. Għaldaqstant, billi huma involuti drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bħall-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà (56), l-obbligu inkundizzjonat tal-irkupru fuq l-Istat Membru ma jirriżultax awtomatikament f’obbligu korrispondenti ta’ rimbors fil-konfront tal-individwi.
192. Għall-kuntrarju, jidhirli li huwa inkontestabbli li obbligu ta’ rimbors jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ smigħ xieraq għall-benefiċjarju, li għandu jkollu l-possibbiltà li jibbenefika mill-garanziji kollha proċedurali u materjali kollha li jirriżultaw mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-KEDB (57).
193. Ċertament, il-benefiċjarju ma għadx għandu bażi sabiex jikkontesta l-eżistenza stess ta’ għajnuna mill-Istat jew l-illegalità tagħha. Madankollu, għalkemm il-validità tad-deċiżjoni kkontestata tkun ġiet ikkonfermata wkoll mill-Qorti Ġenerali, il-benefiċjarju jista’, fil-fehma tiegħi, jikkontesta l-obbligu tiegħu ta’ rimbors kif ukoll il-portata ta’ dan l-obbligu (58).
194. Għandha ssir distinzjoni bejn dawn il-kunsiderazzjonijiet u l-ġurisprudenza li tat lill-benefiċjarji l-possibbiltà li jinvokaw quddiem qorti nazzjonali ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li toħloq aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għajnuna mogħtija, fejn dawn l-aspettattivi jipprekludu lill-Kummissjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna kkonċernata skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (59).
195. Fil-fatt, il-proċedura amministrattiva prevista fl-Artikolu 88 KE twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat. L-impriża benefiċjarja la hija parti f’din il-proċedura u lanqas id-destinatarja tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, anki jekk tista’ tippreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni (60). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll li l-partijiet interessati (61), bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna, ma jiddisponux, fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istati, minn dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni (62).
196. Għaldaqstant, is-sentenza appellata ma tipprojbixxix lill-benefiċjarju milli jikkontesta quddiem il-qrati nazzjonali s-somom tar-rimbors jew ukoll l-eżistenza tal-obbligu tiegħu ta’ rimbors. F’dak il-każ, hija l-qorti nazzjonali li tiġi eventwalment adita li għandha tagħmel l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, jekk ikun il-każ wara li tkun ressqet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni.
X – Konklużjoni
197. Bħala konklużjoni, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li:
– tiċħad l-appell ta’ France Télécom
– tikkundanna lil France Télécom għall-ispejjeż;
– tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż tagħha.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Billi s-sentenza appellata ngħatat fit-30 ta’ Novembru 2009, ir-riferimenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat isegwu l-enumerazzjoni applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
3 – ĠU L 269, p. 30
4 – JORF tat-8 ta’ Lulju 1990, p. 8069.
5 – JORF tas-27 ta’ Lulju 1996, p. 11398.
6 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
7 – It-taxxa fuq in-negozju kienet ġiet stabbilita bil-Liġi Nru 75‑678 tad-29 ta’ Lulju 1975, li neħħiet it-taxxa msejħa “patente” u stabbilixxiet taxxa fuq in-negozju (JORF tal-31 ta’ Lulju 1975, p. 7763).
8 – Ara l-Artikolu 29 tal-Liġi Nru 2002-1575, tat-30 ta’ Diċembru 2002, rigward il-liġi finanzjarja għall-2003 (JORF tal-31 ta’ Diċembru 2002).
9 – ĠU C 57, p. 5.
10 – C‑441/06, Ġabra p. I‑8887.
11 – Ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali ġew ippreżentati mir-Repubblika Franċiża u minn France Télécom. Ir-Repubblika Franċiża invokat erba’ motivi insostenn tat-talbiet tagħha li ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali bħala infondati. L-erba’ motivi kienu, rispettivament ibbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi li l-Kummissjoni kienet wettqet meta kkunsidrat li s-sistema derogatorja fis-seħħ bejn is-sena 1994 u s-sena 2002 kienet tat vantaġġ (ara l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 191 sa 241 tas-sentenza appellata), ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża (ara l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 136 sa 142 tas-sentenza appellata), ta’ ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni (ara l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 318 sa 327 tas-sentenza appellata), u fl-aħħar nett ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 259 sa 279 tas-sentenza appellata). Min-naħa tagħha, France Télécom invokat ħames motivi quddiem il-Qorti Ġenerali, li kienu ġew miċħuda wkoll u kienu, rispettivament, ibbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża (ara l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 146 sa 153 tas-sentenza appellata), ta’ tliet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ żball ta’ liġi meta l-Kummissjoni kkunsidrat li France Télécom kienet ibbenefikat minn vantaġġ (ara l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 191 sa 241 tas-sentenza appellata), tal-ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni (ara l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 318 sa 327 tas-sentenza appellata), ta’ ksur ta’ aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali (ara l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 259 sa 305 tas-sentenza appellata), u fl-aħħar nett ta’ ksur tar-regoli dwar l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 114 sa 130 tas-sentenza appellata).
12 – L-ewwel u t-tieni aggravji ta’ France Télécom.
13 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, Ġabra p. I‑2843, punti 38 u 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C‑169/08, Ġabra p. I‑10821, punt 52).
14 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, Ġabra p. I‑8365, punt 38); tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, (C‑501/00, Ġabra p. I‑6717, punt 90), u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C‑393/04 u C‑41/05, Ġabra p. I‑5293, punt 29).
15 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España (C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 14).
16 – Fuq l-effett tal-konstatazzjoni tal-vantaġġ fuq l-eżami tas-selettività, ara s-sentenzi Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41); tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑409/00, Ġabra p. I‑1487, punt 47); tal-11 ta’ Settembru 2008, UGT‑Rioja et (C‑428/06 sa C‑434/06, Ġabra p. I‑6747, punt 46), kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, Ġabra p I‑10515, punt 82).
17 – Punti 160 et seq tal-konklużjonijiet.
18 – F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li l-leġiżlatur ma kienx ikkunsidra t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ amministrazzjoni bħala ġġustifikat, fin-nuqqas ta’ kull simplifikazzjoni amministrattiva fil-livell tal-ġbir tat-taxxa fuq in-negozju kif ipparagunata mas-sistema tad-dritt komuni.
19 – C‑66/02, Ġabra p. I‑10901.
20 – Sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1970, Franza vs Il‑Kummissjoni (47/69, Ġabra p 487, punt 7).
21 – Sentenza tat-2 ta’ Lulju 1974 (173/73, Ġabra p. 709).
22 – Iċċitata iktar ’il fuq (punt 43), u punt 32 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fl-istess kawża.
23 – Ara Assemblée nationale, Compte rendu intégral (Rapport integrali), it-Tielet seduta tal-11 ta’ Mejju 1990, aċċessibbli fl-indirizz tal-internet: http://archives.assemblee-nationale.fr/9/cri/1989-1990-ordinaire2/042.pdf
24 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 30), kif ukoll Enirisorse, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).
25 – Ara r-rapporti tas-seduta tas-7 ta’ Ġunju 1990 fis-Sénat (JORF tat-8 ta’ Ġunju 1990, p. 1361) u tas-seduta tad-19 Ġunju 1990 fl-Assemblée nationale (JORF tal-20 ta’ Ġunju 1990, p. 2604).
26 – Ara l-punti 25 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata.
27 – Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002 (C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punti 71, 77 u 81).
28 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2004, Ramondín et vs Il‑Kummissjoni, (C‑186/02 P u C‑188/02 P, Ġabra p. I‑10653, punt 60), u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il‑Kummissjoni, (C‑68/05 P, Ġabra p. I‑10367, punt 96).
29 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C‑345/02, Ġabra p. I‑7139, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 – Ara, ex multis, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (248/84, Ġabra p. 4013, punt 17), u tas-6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑88/03, Ġabra p. I‑7115, punt 55).
31 – Ir-raba’ aggravju tal-appell ta’ France Télécom.
32 – Huwa ovvju li l-kundizzjonijiet ta’ konstatazzjoni tan-natura definittiva tal-benefiċċju li jirriżulta minn għajnuna mill-Istat jistgħu jvarjaw skont is-soluzzjonijiet adottati fid-diversi ordinamenti ġuridiċi. Jidhirli li dawn id-dettalji tekniċi ta’ natura fiskali ma jistgħux ikollhom effett fuq l-għadd tat-terminu ta’ preskrizzjoni.
33 – It-tielet u l-ħames aggravji tal-appell ta’ France Télécom.
34 – Deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 1995 (ĠU C 262, p. 11).
35 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni (C‑465/09 P sa C‑470/09 P, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 – Sentenza Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni (punt 152).
37 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1981, Dürbeck (112/80, Ġabra p. 1095, punt 48).
38 – Sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2010, Sviluppo Italia Basilicata vs Il-Kummissjoni (C‑414/08 P, punt 107), kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il‑Kummissjoni (C‑369/09 P, Ġabra p. 1‑2011, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 – Sentenza Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 150).
40 – Sentenza Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 151).
41 – Sentenza tad-29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑372/97, Ġabra p. I‑3679, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 – ĠU 2010, C 83, p 389.
43 – Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).
44 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE (265/85, Ġabra p. 1155, punt 44), kif ukoll tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Lulju 1998, Mellett vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (T‑66/96 u T‑221/97, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1305, punt 104, u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 – Sentenza tal-20 ta’ Settembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C-5/89, Ġabra p. I-3437 punt 16).
46 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni (C‑183/02 P u C‑187/02 P, Ġabra p. I‑10609, punt 44).
47 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq.
49 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑480/98, Ġabra p. I‑8717, punt 25), u tat-12 ta’ Mejju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑415/03, Ġabra p. I‑3875, punt 39).
50 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 1993, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑183/91, Ġabra p. I‑3131, punt 16); tas-27 ta’ Ġunju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑404/97, Ġabra p. I‑4897, punt 38), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja, (C‑507/08, Ġabra I‑13489, punt 42).
51 – Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑209/00, Ġabra p. I‑11695, punt 31); tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑404/00, Ġabra p. I‑6695, punt 21), u Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42). L-Istat Membru għandu jagħmel irkupru effettiv tas-somom dovuti (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).
52 – Sentenzi tal-4 ta’ April 1995, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑350/93, Ġabra p. I‑699, punt 21), kif ukoll tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑75/97, Ġabra p. I‑3671, punt 64).
53 – Għandu jingħad ukoll li l-problema tal-kalkolu tal-portata tal-obbligu ta’ rkupru jikkostitwixxi element ta’ fatt, li ma jirrigwardax il-kamp ta’ kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.
54 – Sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2010, Scott u Kimberly Clark (C‑210/09, Ġabra p. 1‑4613, punt 21), kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 51).
55 – Dan l-aspett huwa partikolarment viżibbli fil-każ tal-irkupru tal-għajnuna fiskali meta l-benefiċjarju jiġi impost fuqu trasferiment ta’ beni li jikkorrispondi mal-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu meta t-tassazzjoni kienet iktar baxxa.
56 – Ara l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Dirittijiet Fundamentali, kif ukoll l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-KEDB.
57 – L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Dirittijiet Fundamentali, bit-titlu “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” huwa ispirat mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB li jistabbilixxi li “[f]id-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi”.
58 – Infakkar li, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, l-irkupru ta’ għajnuna illegali impost minn deċiżjoni tal-Kummissjoni għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm dawn tal-aħħar jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ dik id-deċiżjoni.
59 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, wkoll, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C-310/99, Ġabra p. I‑2289, punt 103).
60 – Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-partijiet interessati li ma jkunux l-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna ma jistgħux jitolbu huma stess dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, kif inhu disponibbli għall-benefiċċju ta’ dak l-Istat. Ara, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 59); tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 82), u tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il‑Kummissjoni (T‑62/08, Ġabra p. I‑3229, punt 162). Inżid ngħid li l-kapaċità li jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li tista’ tiġi rrikonoxxuta lil benefiċjarju, ma jfissirx li dan il-benefiċjarju huwa d-destinatarju ta’ deċiżjoni bħal din.
61 – Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999, il-benefiċjarju tal-għajnuna qiegħed fil-kategorija ta’ “parti interessata” li, skont l-Artikoli 6(1) ta’ dan ir-regolament, tista’ tippreżenta osservazzjonijiet, wara deċiżjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, f’terminu determinat, li normalment ma għandux ikun iktar minn xahar.
62 – Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, Ġabra p. I‑5885).