KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Trstenjak

tas-16 ta’ Diċembru 2010 (1)

Kawża C‑78/10

Bérel et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Rouen (Franza)]

“Unjoni doganali – Remissjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Rappreżentazzjoni – Obbligu in solidum – Possibbiltà li tiġi invokata remissjoni ta’ dejn doganali mogħti lil kodebitur in solidum”






I –    Introduzzjoni

1.        Bil-proċedura preżenti għal deċiżjoni preliminari, imressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Cour d’appell de Rouen (iktar ’il quddiem: “il-qorti tar-rinviju”) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk operatur, li jkun kodebitur in solidum ta’ dejn doganali, jistax legalment jinvoka l-fatt li l-awtorità doganali tkun ikkonċediet remissjoni parzjali lill-kodebitur ieħor in solidum u għal din ir-raġuni anki d-dejn doganali tiegħu stess irid jitnaqqas bl-istess mod. 

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni (2)

2.        L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1031/1988 (KEE), tat-18 ta’ April 1988, li jistabbilixxi l-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ dejn doganali (3), jistipulaw kif ġej:

“Artikolu 3

Meta dejn doganali jiġi inkors taħt l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament […] Nru 2144/87, il-persuna li daħħlet illegalment il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità għandha tħallas dan id-dejn.

Huma wkoll responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ dan id-dejn, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri:

a)      il-persuni li ħadu sehem fl-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità kif ukoll dawk li akkwistaw jew żammu l-merkanzija inkwistjoni;

b)      il-persuni l-oħra kollha li huma responsabbli għall-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità.

Artikolu 4

1) Meta dejn doganali jiġi inkors taħt l-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament […] Nru 2144/87, il-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ dan id-dejn hija dik li neħħiet il-merkanzija mis-sorveljanza doganali.

Huma wkoll responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ dan id-dejn, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri:

a)      il-persuni li ħadu sehem fit-tneħħija tal-merkanzija mis-sorveljanza doganali kif ukoll dawk li akkwistaw jew żammu l-merkanzija inkwistjoni;

b)      il-persuni l-oħra kollha li huma responsabbli minħabba din it-tneħħija.

2).      Il-persuna li għandha tissodisfa l-obbligi involuti fil-ħażna temporanja ta’ merkanzija li hija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni jew fl-użu tal-proċedura doganali li taħtha tkun tqiegħdet din il-merkanzija hija wkoll responsabbli in solidum għall-ħlas tad-dejn doganali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3.        Dawn ir-regoli tħassru bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92 (KEE), tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (4) (iktar ’il quddiem: il-“KDK”).

4.        Taħt it-Titolu I tal-KDK hemm id-dispożizzjonijiet ġenerali; l-Ewwel Kapitolu tal-imsemmi titolu jispeċifika, b’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-KDK u jispeċifika t-tifsiriet bażiċi. L-Artikolu 4 tal-KDK, inkluż f’dak il-kapitolu, jagħti tifsira, fil-punti 9 u 12, tal-kunċetti li ġejjin:

“[…]

9. “dejn doganali” tfisser: l-obbligazzjoni fuq persuna li tħallas l-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni (dejn doganali fuq l-importazzjoni) jew dazji fuq l-esportazzjoni (dejn doganali fuq l-esportazzjoni) li japplika għall-merkanzija speċifika skond id-dispożizzjonijiet fil-Komunità li huma fis-seħħ.

[…]

12. “debitur” tfisser kull persuna responsabbli għall-ħlas ta’ dejn doganali;

[…]”

5.        It-tieni Kapitolu tat-Titolu 1 jirregola, b’mod partikolari, id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni fis-sens tar-regoli doganali. L-ewwel taqsima ta’ dan il-kapitolu, li hija magħmulha mill-Artikolu 5 tal-KDK, tirregola d-dritt ta’ rappreżentazzjoni, u tistipula kif ġej:

“(1) Taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 64(2) u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet adottati fi ħdan il-qafas ta’ l-Artikolu 243(2)(b), kull persuna tista’ taħtar rappreżentant fin-negozjati tagħha ma’ l-awtoritajiet doganali biex jesegwixxi l-atti u l-formalitajiet stipulati mir-regoli doganali.

(2) Din ir-rappreżentazzjoni tista’ tkun:

–        diretta, f’liema każ ir-rappreżentant għandu jaġixxi f’isem u għan-nom ta’ persuna oħra, jew;

–        indiretta, f’liema każ ir-rappreżentant għandu jaġixxi f’ismu proprju iżda għan-nom ta’ persuna oħra.

[…]

(4) Rappreżentant għandu jiddikjara li qed jaġixxi f’isem il-persuna li jirrappreżenta, jispeċifika jekk ir-rappreżentazzjoni hix diretta jew indiretta u jkollu l-poter li jaġixxi bħala rappreżentant.

Persuna li tonqos milli tiddikjara li qed taġixxi f’isem jew għan-nom ta’ persuna oħra jew li tiddikjara li qed taġixxi f’isem jew għan-nom ta’ persuna oħra mingħajr ma tkun awtorizzata li tagħmel dan għandha titqies li qed taġixxi f’ismha proprju u għan-nom tagħha stess.

(5) L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lil kull persuna li tiddikjara li qed taġixxi f’isem jew għan-nom ta’ persuna oħra biex tipproduċi prova tal-poteri tagħha biex taġixxi bħala rappreżentant.”

6.        It-Titolu VII tal-KDK jirregola d-dejn doganali: it-Tieni Kapitolu, b’mod partikolari, huwa dwar il-ħolqien tal-imsemmi dejn. L-Artikoli 202 u 203 tal-imsemmi kapitolu jistipula kif ġej:

“L-Artikolu 202

1. Id-dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta’:

a)      l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, jew

b)       l-introduzzjoni kontra l-liġi f’parti oħra ta’ dak it-territorju ta’ dawk il-merkanziji li jkunu jinsabu f’żona ħielsa jew maħżen ħieles.

Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177.

2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jiġu introdotti kontra l-liġi.

(3) Id-debituri għandhom ikunu:

–        il-persuna li tkun introduċiet dawk l-merkanziji kontra l-liġi,

–        kull persuna li tkun ipparteċipat fl-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanziji u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li tali introduzzjoni kienet kontra l-liġi, u

–        kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li dawn kienu ġew introdotti kontra l-liġi.

L-Artikolu 203

1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta’:

–        tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

(2) Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.

(3) Id-debituri għandhom ikunu:

–        il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali;

–        kull persuna li tkun ipparteċipat f’dik it-tneħħija u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-merkanziji kienu qed jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali,

–        kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li kienu tneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali, u

–        fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji.

[…]”

7.        L-Artikolu 213, li jifforma parti mill-istess kapitolu, jistipula kif ġej:

“Fejn diversi persuni jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dejn doganali wieħed, dawn għandhom ikunu responsabbli solidalment u separatament għal dak id-dejn.”

8.        L-Artikolu 233 tat-Titolu VII, Kapitolu 4 tal-KDK, li huwa dwar l-estinzjoni tad-dejn doganali, jistipula kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw il-preskrizzjoni ta’ dazju doganali u nuqqas ta’ rkupru ta’ dak id-dejn fil-każ tal-falliment legalment stabbilit tad-debitur, dejn doganali għandu jingħalaq:

a)      bil-ħlas ta’ l-ammont ta’ dazju;

b)      bir-remissjoni tal-ammont ta’ dazju;

[…]”

9.        Il-Kapitolu 5 tat-Titolu VII jirregola r-rifużjoni u r-remissjoni ta’ dazji. L-Artikolu 239 tal-KDK, b’mod partikolari jistipula li:

“(1) Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

–        li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat;

–        li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.

2.      Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-ammont tad-dazji kien ġie komunikat lid-debitu.

Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li dan il-perijodu jinqabeż f’każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif jixraq.”

10.      Fil-frattemp il-KDK ġie sostitwit bir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (il-Kodiċi Doganali Modernizzat) 5(5), li ma japplikax ratione temporis għal dan il-każ. L-Artikolu 86(4), tal-imsemmi regolament, jistipula kif ġej:

“(1) Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 68 u d-dispożizzjoni fis-seħħ dwar in-nuqqas ta’ rkupru ta’ l-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali fil-kaz ta’ l-insolvenza tad-debitur stabbilita b’mod ġudizzjarju, id-dejn doganali fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni għandu jispiċċa b’xi mod minn dawn li ġejjin:

[…]

b) soġġett għall-paragrafu 4, billi jitnaqqas l-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni;

[…]

(4) Fejn diversi persuni huma soġġetti għal ħlas ta’ l-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali u l-maħfra jingħata, id-dejn doganali għandu jispiċċa biss fir-rigward tal-persuna jew persuni li lilhom ingħatat il-maħfra.

[…]”

11.      L-Artikolu 878 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju 6(6), (iktar ’il quddiem: ir-“Regolament li jimplementa l-KDK”), jistipula kif ġej:

“(1) L-applikazzjoni għar-rimbors jew remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, iktar ’il quddiem imsemmija bħala “applikazzjoni għar-rimbors jew remissjoni”, għandha ssir mill-persuna li tkun ħallset jew li tkun suġġetta li tħallas dawk id-dazji, jew il-persuna li akkwistat dawk id-drittijiet u obbligazzjonijiet.

Applikazzjoni għar-rimbors jew remissjoni tista’ wkoll issir mir-rappreżentant tal-persuna jew persuni msemmija fl-ewwel paragrafu.

[…]”

12.      Skont l-Artikolu 899 tar-Regolament Nru 2454/93:

“Mingħajr preġudizzju għal sitwazjonijiet oħra li għandhom ikunu meqjusa każ b’kaz skond il-proċedura stabbilita mill-Artikoli 905 sa 909, meta l-awtorità doganali ta’ deċiżjoni tistabilixxi li xi applikazzjoni għar-rimbors jew għar-remissjoni sottomessa taħt l-Artikolu 239(2) tal-Kodiċi,

–        tkun ibbażata fuq bażi korrespondenti għal waħda jew l-oħra miċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikoli 900 sa 903, u li dawn ma jkunux ir-riżultat ta’ qerq jew negliġenza evidenti da parti tal-persuna interessata, għandha tawtorizza r-rimbors jew ir-remissjoni ta’ l-ammont ta’ dazju ta’ l-importazzjoni in kwestjoni; persuna interessata" għandha tfisser il-persuna jew persuni msemmija fl-Artikolu 878(1), jew ir-rappreżentanti tagħhom, u xi persuna oħra involuta mat-twettiq tal-formalitajiet doganali li għandhom x’jaqsmu mal-merkanzija in kwestjoni jew li tat l-istruzzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta’ l-istess formalitajiet

–        tkun ibbażata fuq bażi korrespondenti għal waħda jew l-oħra miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 904, m’għandiex tagħti r-rimbors jew ir-remissjoni ta’ l-ammont ta’ dazju ta’ l-importazzjoni in kwestjoni.”

13.      Fil-verżjoni emendata tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1355/2003, tal-25 ta’ Lulju 2003 7(7), din id-dispożizzjoni tipprovdi:

“(1) Meta l-awtorità doganali li tieħdu d-deċiżjoni tistabbilixxi li applikazzjoni għal rifużjoni jew remissjoni ippreżentata lilha permezz ta’ l-Artikolu 239(2) tal-Kodiċi:

–        tkun ibbażata fuq bażi li tikkorrespondi għal waħda miċ-ċirkostanzi referuti fl-Artikoli 900 sa 903, u li dawn ma jkunux jirriżultaw minn qerq jew negliġenza ovvja minn naħa tal-persuna kkonċernata, hi għandha tgħamel ir-rifużjoni jew ir-remissjoni ta’ l-ammont tad-dazji kkonċernati ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni;

–        tkun ibbażata fuq il-bażi li jikkorrespondu ma waħda miċ-ċirkostanzi referuti fl-Artikolu 904, hi m’għandhiex tagħmel ir-rifużjoni jew ir-remissjoni ta’ l-ammont ikkonċernat tad-dazji ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni.

[…]

(3) Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi u ta’ dan l-Artikolu, "il-persuna kkonċernata" għandha tifisser il-persuna jew persuni referuti fl-Artikolu 878(1) jew ir-rapreżentanti tagħhom, u xi persuna oħra li kienet involuta fit-twettiq tal-formalitajiet doganali li jirrigwardjaw l-oġġetti kkonċernati jew li jkun ta l-istruzzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta’ dawn il-formalitajiet.

[…]”.

14.      Bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3254/94, tad-19 ta’ Diċembru 1994, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-kodiċi doganali tal-Komunità 8(8), ġie miżjud is-subparagrafu (o) mal-Artikolu 900(1) tar-Regolament li jimplementa l-KDK, dan is-subparagrafu jipprovdi:

“1. Id-dazji tal-importazzjoni għandhom jiġu rimborsati jew remissi meta:

[…]

(o) id-debitu doganali jkun sar mod ieħor milli taħt l-Artikolu 201 tal-Kodiċi u l-persuna konċernata tkun kapaċi tipproduċi ċertifikat ta’ l-oriġini, ċertifikat ta’ moviment, dokument dwar transitu intern tal-Komunità jew dokument ieħor xieraq li juri li jekk il-merkanzija importata kellha tiddaħħal għal ċirkolazzjoni ħielsa dawn kienu jkunu eliġibbli għal trattament tal-Komunità jew trattament ta’ tariffi preferenzjali, sakemm il-kondizzjonijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 890 kienu ssodisfati.”

B –    Id-dritt nazzjonali

15.      L-Artikolu 1208 tal-Code civil (il-Kodiċi Ċivili Franċiż) jistipula li “meta l-kreditur jaġixxi kontra kodebitur in solidum, dan tal-aħħar jista’ jqajjem l-eċċezzjonijiet kollha li huma personali għalih, kif ukoll dawk applikabbli għall-kodebituri kollha. Il-kodebitur ma jistax iqajjem l-eċċezzjonijiet li jkunu għal kollox personali għal wieħed biss mill-kodebituri l-oħra”.

III – Il-kwistjoni li tat lok għat-talba għal deċiżjoni preliminari

A –    Il-fatti u l-proċedura quddiem l-awtoritajiet doganali

16.      Il-kumpannija Asia Pulp & Paper France (iktar ’il quddiem: “APP”) inkarigat lil Rijn Schelde Mondia France (iktar ’il quddiem: “Mondia”) bl-attività tat-trasport u tal-importazzjoni ta’ karta mill-Indoneżja. Mondia tispeċjalizza fit-tmexxija tat-tranżazzjonijiet għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti forestali (karta, karta riċiklata u ċelluloża) u hija l-proprjetarja ta’ permess biex tamministra depożiti doganali f’Rouen u f’Le Havre, li huma suġġetti għar-regoli applikabbli għall-imħażen u żoni ta’ ħażna temporanja (“magasins et aires de dépôt temporaires”). Dawn id-depożiti jiġu użati għall-ħażna temporanja tal-merkanziji li ma tingħatalhomx destinazzjoni doganali fi żmien 24 siegħa mid-dħul fit-territorju tal-Unjoni. Ir-regola inkwistjoni tistipula li l-merkanzija li toriġina minn dawn l-imħażen u żoni ta’ ħażna temporanja tista’ tiġi introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni f’każ biss li tiġi ddikjarata bil-quddiem li hija għall-importazzjoni.

17.      Min-naħa tagħha, Modia, kienet tinkariga lis-Société de manutention de produits chimiques et miniers (iktar ’il quddiem: “Maprochim”), li topera bħala aġent doganali, biex tagħmel, fuq istruzzjonijiet tagħha, id-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni u biex tħallas id-dazji previsti.

18.      Mal-wasla tagħhom fi Franza, il-merkanziji li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, għall-ewwel inħażnet temporanjament fl-imħażen u fiż-żoni ta’ ħażna temporanja ta’ Mondia. Matul is-sena 2000, l-awtoritajiet doganali Franċiżi għamlu verifika tal-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u tal-esportazzjoni magħmula minn Modia u minn Maprochim, f’Le Havre u f’Rouen, fl-1998 u fl-1999. F’dik l-okkażjoni rriżulta li Mondia, bi ksur tal-Artikoli 202 u 203 tal-KDK, kienet introduċiet parti mill-merkanzija inkwistjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma għamlet id-dikarazzjoni, filwaqt li l-parti l-oħra tal-merkanzija kienet ġiet iddikjarata għall-importazzjoni biss wara li kienet ġiet introdotta fl-Unjoni. L-awtoritajiet doganali Franċiżi, ikkwantifikaw, għalhekk, id-dazji dovuta minn Mondia u minn APP abbażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq u għaddew biex jikkomunikawhom lilhom 9(9).

19.      Fil-31 ta’ Ottubru 2000 Mondia ppreżentat lill-awtoritajiet doganali Franċiżi applikazzjoni għal remissjoni tad-djun doganali fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK, flimkien mal-Artikolu 900(1)(o) tar-regolament li jimplementa l-KDK, fejn sostniet li, f’każ ta’ dikjarazzjoni skont il-liġi, hija kellha tibbenefika minn trattament doganali preferenzjali u ddikjarat li aġixxiet mingħajr qerq jew negliġenza evidenti.

20.      L-awtoritajiet doganali Franċiżi, filwaqt li ma qisux li kien hemm xi negliġenza evidenti min-naħa ta’ Mondia, sostnew li ma kinux kompetenti biex jiddeċiedu fuq il-kwistjoni, li għalhekk kellha tiġi deċiża mill-Kummissjoni. Sussegwentement, dawn l-awtoritajiet iddeċidew, minflok, li din il-kwistjoni kienet taqa taħt il-kompetenza tagħhom u mhux taħt dik tal-Kummissjoni, imma talbu xorta waħda li din tal-aħħar tagħti parir f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni infurmathom li, fil-fehma tagħha, Mondia kienet aġixxiet b’negliġenza evidenti 1(10)0.

21.      L-awtoritajiet doganali Franċiżi ċaħdu għalhekk l-applikazzjonijiet għal remissjoni li saru minn Mondia fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK, flimkien mal-Artikolu 900(1)(o) tar-regolament li jimplementa l-KDK. Wara l-preżentazzjoni ta’ iktar informazzjoni min-naħa ta’ Mondia, l-amministrazzjoni parzjalment laqgħet, b’deċiżjonijiet tas-6 ta’ Frar u tat-3 ta’ Marzu 2006 l-applikazzjonijiet tagħha, u kkonċedewlha remissjoni parzjali. Għalhekk, l-awtoritajiet doganali Franċiżi talbu lil Mondia tħallas biss it-total tad-dazji li jirriżultaw wara r-remissjoni.

22.      Għal kuntrarju, l-awtoritajiet doganali Franċiżi komplew jinsistu ma’ APP li tħallas l-ammont tad-dazju kollu, u mhux l-ammont imnaqqas, peress li din ma kienet għamlet l-ebda applikazzjoni għal remissjoni.

23.      L-awtoritajiet doganali Franċiżi jsostnu li l-aġent doganali Maprochim ipparteċipa fil-ksur tal-Artikolu 203 tal-KDK li sar minn Mondia. Fil-fehma tagħhom, Maprochim għamel id-dikjarazzjoni doganali tard fir-rigward ta’ parti mill-merkanzija, avolja kienet taf, jew kella tkun taf li l-merkanzija kienet diġà tneħħiet mill-imħażen u miż-żoni ta’ ħażna temporanja u kienet ġiet ikkonsenjata. Għal din ir-raġuni l-awtorità doganali ppretendiet li Maprochim kellha tħallas id-dazji relatati ma din il-merkanzija.

24.      L-applikazzjoni għal remissjoni li ġiet ippreżentata sussegwentement minn Maprochim fis-sens tal-Artikolu 236 tal-KDK, flimkien mal-Artikolu 890 tar-Regolament ta’ applikazzjoni tal-KDK, ġiet miċħuda mill-awtoritajiet doganali Franċiżi, għar-raġuni li r-regoli ċċitati ma humiex applikabbli fil-każ ta’ dejn doganali li jkun dovut skont l-Artikolu 203 tal-KDK. Fil-fatt, l-Artikolu 236 tal-KDK jirreferi biss għad-dazji fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni li l-ammont tagħhom ma jkunx legalment dovut. Il-preżentazzjoni a posteriori taċ-ċertifikati tal-oriġini ma jwassalx biex mill-bidu nett ma jkunx hemm dejn doganali konformi mal-Artikolu 203 tal-KDK, imma jista’ jiġġustifika li jkun hemm remissjoni a posteriori fis-sens tal-Artikolu 239, flimkien mal-Artikolu 890 tar-regolament li jimplementa l-KDK.

B –    Il-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali u d-domanda preliminari

25.      Mondia, APP u Maprochim ressqu kawża quddiem it-Tribunal d’instance du Havre u t-Tribunal d’instance de Rouen; il-kawżi pendenti quddiem l-ewwel qorti ġew rinvjati quddiem it-Tribunal d’instance du Havre minħabba li l-kawżi huma konnessi. Fis-16 ta’ Novembru 2007, l-assi ta’ Maprochim ġew ittrasferiti b’titolu universali, bħala aventi kawża, lill-kumpannija Port Angot Développement (iktar ’il quddiem: “PAD”), li għalhekk daħlet fil-kawża fil-kwalità tagħha ta’ aventi kawża.

26.      Fis-sentenza tiegħu tal-11 ta’ April 2008, it-Tribunal d’instance de Rouen iddikjara, fost l-oħrajn, li:

–        l-awtoritajiet doganali Franċiżi kienu ddeċidew b’mod korrett li Mondia tingħata remissjoni parzjali tal-ammont ta’ dazju dovut abbażi tal-Artikolu 239 tal-KDK u 900(1)(a) tar-regolament li jimplementa l-KDK;

–        Mondia ma kinitx qed taġixxi, meta ppreżentat l-applikazzjoni għar-remissjoni, bħala rappreżentanta ta’ APP fis-sens tal-Artikolu 5 tal-KDK

–        Madankollu, Mondia kellha tkun ikkunsidrata bħala rappreżentanta ta’ APP, konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1208 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, peress li fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni l-kodebitur in solidum jirrappreżenta neċessarjament il-kodebituri in solidum l-oħra.

27.      It-Tribunal d’instance de Rouen sostna, għalhekk, li r-remissjoni mogħtija lil Mondia kellha topera wkoll favur APP, u naqqas, għalhekk, l-ammonti ta’ dazji li ġew ivverifikati fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

28.      L-awtoritajiet doganali Franċiżi, minn naħa, u Mondia, APP u PAD, min-naħa l-oħra, appellaw mis-sentenza tat-Tribunal d’instance de Rouen quddiem il-qorti tar-rinviju. Is-suġġett tal-kontestazzjoni huwa, b’mod partikolari, jekk ir-remissjoni mogħtija lil Mondia għandhiex tkun rikonoxxuta wkoll favur APP u PAD.

29.      Fis-17 ta’ Ottubru 2008 infetħet proċedura ta’ stralċ fir-rigward ta’ PAD u M. Bérel ġie nnominat bħala mandatarju.

30.      B’digriet tat-28 ta’ Jannar 2010, il-qorti tar-rinviju, wara li kienet ddeċidiet biss fuq uħud mill-aggravji tal-appell, issospendiet il-kawża u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

“L-Artikoli 213, 233 u 239 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju jipprekludu li l-kodebitur responsabbli in solidum tad-dejn doganali li ma bbenefikax minn deċiżjoni ta’ remissjoni tal-imsemmi dejn ikun jista’ jinvoka, kontra l-amministrazzjoni inkarigata mill-irkupru, id-deċiżjoni ta’ remissjoni bbażata fuq l-Artikolu 239 tal-KDK li din tal-aħħar innotifikat lil kodebitur ieħor responsabbli in solidum sabiex ikun eżenti mill-ħlas tad-dejn doganali?”

IV – Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31.      Id-digriet tar-rinviju ġie reġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-8 ta’ Frar 2010.

32.      Matul il-proċedura ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub APP, M. Bérel għal PAD, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni.

33.      Nżammet seduta fit-11 ta’ Novembru 2010, li fiha r-rappreżentanti ta’ APP, tal-Gvern Franċiż u tal-Kummissjoni, ippreċiżaw is-sottomissjonijiet tagħhom u wieġbu d-domandi.

V –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

34.      Il-kumpannija APP sostniet li hija kellha wkoll tibbenefika mir-remissjoni parzjali li ngħatat Mondia.

35.      Meta fformulat l-applikazzjoni għal remissjoni, Mondia, fil-fatt kienet qed taġixxi għan-nom ta’ APP, meta jitqies il-fatt li applikazzjoni bħal din tista’ titressaq anki minn rappreżentant. Huwa minnu li Mondia ma ddikjaratx espressament li riedet tagħmel l-applikazzjoni għal remissjoni anki f’isem APP, imma, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-prinċipju ta’ pubbliċità tar-rappreżentazzjoni, stabbilit bl-Artikolu 5(4) tal-KDK ma japplikax. Differenti minn dak li jseħħ fil-każ ta’ dikjarazzjoni tal-importazzjoni, ma teżistix, fir-rigward ta’ applikazzjoni għal remissjoni, xi inċertezza rigward l-identità tad-debitur prinċipali tad-dejn doganali, la jkunu diġà magħrufa d-debituri doganali in solidum. Barra minn hekk, il-kumpannija APP għandha interess qawwi li tikseb ir-remissjoni.

36.      Barra minn hekk, fl-eżami tal-applikazzjoni għal remissjoni ppreżentata mill-impriża inkarigata mill-operazzjonijiet tal-importazzjoni konformi mal-Artikoli 239(1) u (2) tal-KDK u 899 tar-regolament li jimplementa l-KDK, l-awtoritajiet doganali ma jivverifikawx biss, ir-rekwiżiti oġġettivi għar-remissjoni, imma anki r-rekwiżiti suġġettivi fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi interessati kollha. Skont APP, hija bla dubju tissodisfa r-rekwiżiti suġġettivi stipulati fl-Artikoli msemmija iktar ’il fuq. Il-ġurisprudenza tagħmilha ċara li impriża bħal Mondia ma tistax tinvoka n-nuqqas ta’ esperjenza tagħha f’dawk li huma formalitajiet doganali, imma minflok twieġeb għall-azzjonijiet magħmula mir-rappreżentant tagħha. Għal kuntrarju, f’din il-kawża wieħed jista’ jiddeduċi, li impriża bħal APP tista’ tinvoka l-fatt li r-rappreżentant tagħha ma aġixxiex b’negliġenza evidenti. Jekk Mondia ma aġixxietx b’negliġenza evidenti, dan hu iktar u iktar minnu għal APP li hija operatur b’inqas esperjenza fis-settur. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jkun ikkunsidrat li l-komunikazzjoni lill-awtoritajiet doganali saret minn Mondia abbażi tal-indikazzjonijiet irċevuti minn APP u li fir-rigward ta’ din tal-aħħar, ma ġiex ikkontestat matul il-proċediment, li din aġixxiet b’negliġenza evidenti.

37.      L-effetti tar-remissjoni parzjali mogħtija lil Mondia jestendu, wara kollox, anki favur APP. L-Artikolu 233 tal-KDK jipprovdi fil-fatt, għal erba’ każijiet ta’ estinzjoni tad-dejn doganali, u fosthom hemm fis-subparagrafu (b), ir-remissjoni. Din id-dispożizzjoni ma tistipulax li l-effetti tar-remissjoni huma applikabbli limitatament fir-rigward ta’ debitur doganali partikolari. Id-dejn in solidum huwa rregolat mir-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru; ir-regoli Franċiżi inkwistjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 1208 tal-Kodiċi Ċivili, huma favur li l-effetti tar-remissjoni parzjali mogħtija lil Mondia jiġu estiżi anki favur APP. L-awtoritajiet doganali fil-fatt, ma llimitawx irwieħhom għal li jeżentaw lil Mondia mid-dejn doganali. Ladarba r-regoli dwar id-dejn in solidum ma joriġinawx mid-dritt tal-Istati Membri, imma mid-dritt tal-Unjoni, madankollu xorta wieħed irid jasal għall-istess riżultat, skont il-prinċipji rikonoxxuti mill-Kodiċi Ċivili Franċiż.

38.      M. Bérel, għal PAD, josserva kif il-ħlas tad-dejn doganali minn wieħed mill-kodebituri in solidum iwassal, bis-saħħa tal-Artikolu 233(1)(a) tal-KDK għall-estinzjoni tad-dejn doganali u kif din topera anki favur il-kodebituri in solidum l-oħra. Din il-konklużjoni għandha tapplika wkoll fil-każ ta’ provvediment ta’ remissjoni mogħtija lil kodebitur in solidum abbażi tal-Artikolu 233(1)(b) tal-KDK.

39.      Fin-nuqqas ta’ regoli dwar dan il-qasam fid-dritt tal-Unjoni, l-effetti tar-remissjoni fir-rigward tal-kodebituri in solidum għandhom jiġu rregolati mid-dritt nazzjonali. Għalhekk, għall-kawża inkwistjoni għandu jiġi applikat il-Kodiċi Ċivili Franċiż, li abbażi tiegħu r-remissjoni mogħtija lil Mondia taħdem ukoll favur APP u PAD, kodebituri in solidum. Din is-soluzzjoni tippermetti li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni.

40.      Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet doganali Franċiżi attribwew lid-deċiżjoni dwar ir-remissjoni parzjali favur Mondia, effettività anki fir-rigward ta’ APP u PAD. Fil-fatt, dawn infurmaw lil APP u lil Maprochim li d-deċiżjoni dwar ir-rikorsi li ppreżentaw kellha ttieħed biss wara li jkunu ddeċidew fil-mertu dwar l-applikazzjoni għal remissjoni minn Mondia.

41.      Il-Gvern Franċiż ma jaqbilx li APP u PAD, jew Maprochim, jistgħu jgawdu mir-remissjoni mogħtija lil Mondia, u l-Artikolu 239 tal-KDK għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. L-Artikolu 239(2) tal-KDK jistipula li l-applikazzjoni għal remissjoni trid issir qabel ma jiskadi terminu partikolari. Effettivament Mondia ppreżentat fil-ħin l-applikazzjoni tagħha f’dan is-sens, mingħajr però ma ddikjarat li qed taġixxi anki għan-nom ta’ APP u Maprochim. Għalhekk, Mondia ma ppreżentatx l-applikazzjoni għal remissjoni fil-kwalità ta’ rappreżentanta ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji.

42.      L-Artikolu 239 tal-KDK jistipula li r-remissjoni tista’ tingħata biss f’każ li l-applikant ma jkunx aġixxa b’qerq jew negliġenza evidenti. L-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ negliġenza evidenti tiddependi, b’mod partikolari, fuq il-kumplessità tar-regoli li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ta lok għad-dejn doganali, kif ukoll fuq l-esperjenza professjonali u d-diliġenza tal-operatur ekonomiku. L-awtoritajiet doganali huma obbligati li jeżaminaw is-sitwazzjoni individwali u l-kondotta ta’ kull wieħed mill-operaturi ekonomiċi involuti. Deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 239 tal-KDK ma tistax, għalhekk, tiġi estiża awtomatikament anki għal debituri doganali oħra li jiġu mħarrka in solidum.

43.      L-estensjoni awtomatika tal-effetti ta’ remissjoni favur il-kodebituri l-oħra, ma tkunx, fl-aħħar mill-aħħar, kompatibbli mal-għan li jiġu ppreżervati r-riżorsi proprja tal-Unjoni.

44.      Il-Kummissjoni ssostni li remissjoni parzjali tad-dejn doganali mogħtija li kodebitur skont l-Artikolu 239 tal-KDK ma taħdimx favur il-kodebituri l-oħra.

45.      Mill-Artikolu 4(9) u (12) tal-KDK jirriżulta li d-dejn doganali jikkonsisti f’relazzjoni bejn awtorità doganali u persuna u mhux bejn awtorità doganali u tranżazzjoni.

46.      Fid-dawl tal-għan li r-riżorsi proprja tal-Unjoni jiġu protetti, il-kundizzjonijiet tar-remissjoni tad-dejn doganli għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Għalhekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li tiġi attribwita lir-remissjoni effettività assoluta fir-rigward tal-kodebituri in solidum kollha. Is-sens ġenerali tal-Artikolu 239 tal-KDK iwassal biex wieħed isostni, pjuttost, li r-remissjoni għandha biss effettività relattiva. Abbażi ta’ din ir-regola, fil-fatt, ir-remissjoni ma tippresupponix biss l-eżistenza ta’ sitwazzjoni oġġettiva speċifika, imma anki mill-perspettiva suġġettiva, in-nuqqas ta’ qerq jew negliġenza evidenti min-naħa tal-applikant partikolari. Konsegwentement remissjoni mogħtija abbażi tal-Artikolu 239 tal-KDK tapplika biss għal dak l-applikant. Din il-konklużjoni hija wkoll skont ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li, meta stipula r-responsabbiltà in solidum, ried inaqqas ir-riskji konnessi mal-ġbir tad-dejn doganali.

47.      Għalhekk, skont is-sistema introdotta mill-KDK kull wieħed mid-debituri għandu l-obbligu li jippreżenta applikazzjoni għal remissjoni abbażi tal-Artikolu 239 tal-KDK. Huwa minnu li kull wieħed mill-kodebituri jista’ jifformula din l-applikazzjoni bħala rappreżentant ta’ debitur ieħor; ir-regoli ta’ rappreżentazzjoni fil-qasam tad-dritt doganali jirriżultaw mhux mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali imma mill-Artikolu 5 tal-KDK. Fil-każ inkwistjoni, ma jirriżultawx però l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni, peress li Mondia, meta ppreżentat t-talba tagħha għal remissjoni, ma kinitx qed taġixxi fi-kwalità ta’ rappreżentanta ta’ APP jew ta’ Maprochim. Tant hu hekk li fil-kawża tagħha, Mondia ma ressqet l-ebda element utli biex tiġi evalwata l-kondotta ta’ APP, u b’hekk għamlitha impossibbli li ssir verifika ta’ negliġenza evidenti eventwali minn naħa ta’ din tal-aħħar.

VI – L-analiżi ġuridika

48.      F’din il-kawża, huma tlieta l-operaturi ekonomiċi li huma obbligati in solidum biex iħallsu d-dejn doganali, jiġifieri Mondia, APP u Maprochim, din tal-aħħar bħala aventi causa ta’ PAD. Wieħed mid-debituri in solidum, jiġifieri Mondia, kisbet remissjoni parzjali tal-ammont ta’ dazji fis-sens tal-Artikolu  239 tal-KDK, flimikien mal-Artikolu 900(1)(o) tar-Regolament li jimplementa l-KDK.

49.      Il-qorti tar-rinviju ntalbet tiddeċidi dwar il-mertu tal-appelli ppreżentati kontra s-sentenza li permezz tagħha ġiet rikonoxxuta l-effettività, anki fir-rigward tad-debitur in solidum APP, tar-remissjoni parzjali mogħtija lil Mondia. Il-qorti tal-ewwel istanza mmotivat din id-deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 1208 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, li bis-saħħa tiegħu l-kodebitur in solidum jista’ jinvoka mal-kreditur tad-dejn in solidum l-eċċezzjonijiet u l-oġġezzjonijiet kollha li jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura tad-dejn jew li huma komuni għad-debituri in solidum kollha. Il-qorti tar-rinviju qajmet dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ modus operandi bħal dan mal-Artikoli 213, 233 u 239 tal-KDK.

50.      Għalhekk, fil-qofol tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari preżenti hemm il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikoli 213, 233 u 239 tal-KDK jipprekludux l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li abbażi tagħhom ir-remissjoni parzjali mogħtija fir-rigward tal-kodebitur in solidum Mondia toperax ukoll favur il-kodebituri in solidum l-oħra, bi tnaqqis relattiv, għal dawn tal-aħħar, tal-ammont tad-dazji dovuti minnhom (sezzjoni B, iktar ’il quddiem). Qabel ma jiġi eżaminat dan l-aspett, nixtieq nispjega fil-qosor ir-raġunijiet li jżommu lil Mondia milli tkun ikkunsidrata, f’dan il-każ, bħala rappreżentant ta’ APP jew ta’ Maprochim jiġifieri PAD (sezzjoni A, iktar ’il quddiem).

A –    Nuqqas ta’ rappreżentazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tal-KDK

51.      Il-qorti tar-rinviju ddikjarat li Mondia ma tistax tkun ikkunsidrata bħal rappreżentant fis-sens tal-Artikolu 5 tal-KDK, ladabra din il-kumpannija ppreżentat applikazzjoni għal remissjoni tad-dejn doganali f’isimha proprju biss u mhux ukoll għan-nom ta’ APP u ta’ Maprochim. Il-prinċipju ta’ pubbliċità, stipulat bl-Artikolu 5(4) tal-KDK, iżomm, f’dan il-każ, milli wieħed jassumi li kien hemm rappreżentazzjoni.

52.      Fil-kuntest tad-domanda preliminari preżenti, APP sostniet li l-prinċipju ta’ pubbliċità fis-sens tal-Artikolu 5(4) tal-KDK ma japplikax għall-applikazzjoni għal remissjoni, jew, affermat alternattivament, li Mondia ppreżentat din il-kawża per facta concludentia, anki għan-nom ta’ APP; jien insostni li d-deduzzjonijiet ta’ Mondia, dwar dan il-punt, imorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-domanda preliminari. F’domanda preliminari, fis-sens tal-Artikolu 267 TFEU, id-definizzjoni tas-suġġett tad-domanda preliminari titħalla unikament għal qorti tar-rinviju u b’hekk ma titħalliex għad-disponibbiltà tal-partijiet 1(11)1 Peress li l-qorti tar-rinviju ma fformulat l-ebda domanda preliminari dwar l-Artikolu 5 tal-KDK, huwa biss ad abundantiam li nixtieq niċċara iktar ’il quddiem li din sostniet korrettement li hawnhekk ma kienx jeżisti l-każ ta’ rappreżentazzjoni li hija regolata minn din id-dispożizzjoni.

53.      Ir-rappreżentazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri skont ir-regoli doganali hija rregolata bl-Artikolu 5 tal-KDK li jistabbilixxi li kull persuna tista’ taħtar rappreżentant fin-negozjati tagħha mal-awtoritajiet doganali biex jeżegwixxi l-atti u l-formalitajiet stipulati mir-regoli doganali. Ir-rappreżentazzjoni tista’ tkun diretta meta, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2), ir-rappreżentant jaġixxi f’isem u għan-nom ta’ persuna oħra. Ir-rappreżentazzjoni tkun indiretta, meta fis-sens tat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2), ir-rappreżentant jaġixxi f’ismu proprju iżda għan-nom ta’ persuna oħra. L-Artikolu 878 tar-Regolament ta’ applikazzjoni tal-KDK jippreċiża li d-debitur doganali jista’ jagħmel użu minn rappreżentant anki biex jagħmel applikazzjoni għal remissjoni.

54.      Għall-iskopijiet ta’ validità tar-rappreżentazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura doganali għandhom madankollu jseħħu l-kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 5 tal-KDK, li fosthom hemm inkluż, b’mod partikolari, l-osservanza tal-prinċipju ta’ pubbliċità fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4), li jgħid li r-rappreżentant għandu jiddikjara li qed jaġixxi f’isem il-persuna li jirrappreżenta u jispeċifika jekk ir-rappreżentanza hijiex diretta jew indiretta. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tal-KDK jippreċiża li, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni bħal din, ir-rappreżentant jitqies li qiegħed jaġixxi f’ismu proprju u għan-nom tiegħu stess.

55.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju qabel xejn ivverifikat li Mondia ppreżentat l-applikazzjoni għal remissjoni espliċitament f’isimha. Il-fatt li imbagħad, kif ġie osservat minn Mondia, il-merkanzija kienet ġiet iddikjarata għall-importazzjoni f’isem APP, ma jfissirx, minnu nnifsu, li tal-ewwel aġixxiet b’mod konklussiv anki f’isem tat-tieni. Barra dan, ma ġiet ipprovduta l-ebda indikazzjoni utli dwar in-natura diretta jew indiretta, tar-rappreżentazzjoni. Il-qorti tar-rinviju għalhekk ikkonkludiet fis-sens li Mondia ma ppreżentat l-ebda talba għal rimbors fil-kwalità ta’ rappreżentanta ta’ APP.

56.      L-oġġezzjonijiet imressqa minn APP rigward dawn il-konstatazzjonijiet ma jidhrux li huma konvinċenti.

57.      Fl-ewwel lok, għal kuntrarju ta’ dak li sostniet APP, il-prinċipju ta’ pubbliċità stipulat bl-Artikolu 5(4) tal-KDK, japplika wkoll għal applikazzjoni għal remissjoni. Kif ġie osservat b’mod korrett mill-qorti tar-rinviju, il-prinċipju ta’ pubbliċità stipulat bl-Artikolu 5(4) tal-KDK għandu applikazzjoni ġenerali u, għalhekk, japplika wkoll fir-rigward tal-applikazzjoni għal remissjoni 1(12)2. Din it-teżi hija kkonfermata mill-fatt li din id-dispożizzjoni tqegħdet fil-bidu tal-Kodiċi Doganali, fit-titolu tal-kapitolu fejn ġiet inkluża, “Diversi dispożizzjonijiet ġenerali”, u, mhux l-inqas, fil-formulazzjoni letterali tad-dispożizzjoni nnifisha.

58.      Fit-tieni lok, f’din il-kawża, lanqas ma huwiex possibbli li wieħed jippreżumi li Mondia aġixxiet b’mod konklussiv f’isem APP. Kif ġie korrettement osservat mill-qorti tar-rinviju, il-fatt waħdu li APP inkarigat lil Mondia biex tagħmel id-dikjarazzjonijiet dwar l-importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni, mhux bilfors kien ifisser li din tal-aħħar riedet taġixxi f’isem APP anki fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet tagħha għal remissjoni fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 900 tar-regolament li jimplementa l-KDK. Fil-fatt applikazzjoni għal remissjoni tista’ tintlaqa’ biss, jekk minn jitlobha ma jkunx wettaq xi manuvra ta’ qerq jew negliġenza evidenti. Sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ din il-kundizzjoni suġġettiva, mhux bilfors li l-interessi tal-operatur li effettivament importa l-merkanzija jikkoinċidu ma dawk tal-operatur li f’ismu l-merkanzija ġiet importata jew kellha tiġi importata. Bla dubju wieħed jista’ jikkontempla l-każ ta’ rappreżentant li, biex jiġġustifika l-operat tiegħu stess, jipprova jitfa’ r-responsabbiltà fuq il-mandatarju tal-infrazzjoni doganali. L-awtoritajiet doganali ma jistgħux għalhekk jiddeduċu li operatur, għas-sempliċi fatt li ddikjara l-importazzjoni f’isem terzi persuna, neċessarjament għandu anki l-intenzjoni li jagħmel l-applikazzjoni għal remissjoni f’isem dawn il-persuni.

59.      Għalhekk il-qorti tar-rinviju korrettement iddikjarat li Mondia, għal kuntrarju ta’ dak li sostniet APP, ma ppreżentatx l-applikazzjoni għal remissjoni fil-kwalità ta’ rappreżentanta fis-sens tal-Artikolu 5 tal-KDK.

B –    Dwar l-effett fir-rigward tal-kodebituri in solidum l-oħra ta’ remissjoni parzjali mogħtija fis-sens tal-Artikolu 239(1) tal-KDK, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 900(1)(o) tar-regolament li jimplementa l-KDK

60.      Il-qorti tar-rinviju ntalbet tiddeċiedi dwar l-appelli ppreżentati kontra sentenza li, wara li vverifikat li Mondia ma kinitx qed taġixxi, meta ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal remissjoni, bħala rappreżentanta ta’ APP fis-sens tal-Artikolu 5 tal-KDK, irrikonoxxiet li Mondia, peress li hija kodebitur doganali in solidum, kienet qegħdha neċessarjament tirrappreżenta anki lil APP, kodebitur in solidum ieħor, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1208 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż.

61.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi osservat li l-kundizzjonijiet għal rappreżentazzjoni effettiva fil-kuntest ta’ proċedura doganali huma stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-KDK. Din id-dispożizzjoni, fid-dawl tan-natura regolatorja tagħha, tipprevali, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 249 KE, fuq id-dritt nazzjonali, biex b’hekk ma huwiex possibbli li wieħed jinvoka l-liġi nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 1208 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, biex isostni, kuntrarju għall-Artikolu 5 tal-KDK, l-effett tar-rappreżentazzjoni fi proċediment doganali.

62.      Barra minn hekk, f’din il-kawża, il-kwistjoni ma hijiex dwar ir-rappreżentazzjoni fis-sens ristrett tal-kelma. Il-kwistjoni pjuttost hija jekk remissjoni parzjali tad-dejn doganali fir-rigward ta’ kodebitur in solidum bħal Mondia toperax ukoll favur APP u Maprochim, bħala kodebituri in solidum. L-effetti possibbli ta’ remissjoni fir-rigward tal-kodebituri l-oħra ma humiex irregolati bl-Artikolu 5 tal-KDK.

63.      Konsegwentement, jeħtieġ għalhekk, li qabel xejn jiġi verifikat jekk ir-risposta għal din id-domanda għandhiex tingħata abbażi tad-dritt tal-Unjoni jew tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri.

1.      Id-dritt applikabbli

64.      Meta għall-istess dejn doganali jkunu jeżistu iktar minn debitur wieħed, l-Artikolu 213 tal-KDK jistipula li dawn għandhom ikunu responsabbli in solidum u separatament għal dak id-dejn. Il-KDK ma jinkludi l-ebda regoli oħra intiżi biex jirregolaw espressament il-qafas tad-djun in solidum.

65.      Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk f’dan ir-rigward għandux jiġi applikat id-dritt tal-Istati Membri. Wieħed jista’ jasal għal din il-konklużjoni f’każ biss li jkun hemm riferiment espliċitu għal-liġi nazzjonali jew meta mir-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni jkun ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li din il-kwistjoni tiġi rregolata bid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri 1(13)3.

66.      Il-KDK ma jinkludi, f’din il-parti, l-ebda riferiment espliċitu għar-regoli nazzjonali u lanqas ma jirreferi għad-“dispożizzjonijiet in vigore”, frażi din li, fid-dawl tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 4(23) tal-KDK, għandha tiġi interpretata, fin-nuqqas ta’ regola speċifika fil-livell ta’ dritt tal-Unjoni, bħala riferiment għal-liġi nazzjonali. Interpretazzjoni tal-Artikolu 213 tal-KDK ibbażata fuq l-oriġini storika tiegħu, li tagħmel għalhekk paragun bejn din ir-regola u d-dispożizzjonijiet li ġew qabilha, ma hijiex favur li jsir riferiment ġenerali għal liġi nazzjonali. L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 1031/88, li kienu fis-seħħ qabel ma daħal fis-seħħ il-KDK, kienu jistipulaw fil-fatt, espressament li d-dejn in solidum tad-debituri doganali kien irregolat b’mod “konformi mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ tal-Istati Membri”. Madankollu l-Artikolu 213 tal-KDK ma għadux jinkludi riferiment simili għad-dritt tal-Istati Membri. Għalhekk, ma jistax jitqies li hemm riferiment ġenerali għad-dritt tal-Istati Membri.

67.      Għalhekk, isegwi li fir-rigward tal-partikolaritajiet tar-regoli dwar id-dejn in solidum, jeħtieġ qabel xejn li jiġi verifikat jekk id-dritt tal-Unjoni jinkludix indikazzjonijiet f’dan ir-rigward. Fil-każ kuntrarju, jiġi applikat, b’mod kumplimentari, id-dritt tal-Istati Membri.

68.      F’din il-kawża jeħtieġ għalhekk li jiġi verifikat, fl-ewwel lok, jekk mill-KDK jistgħux jiġu dedotti indikazzjonijiet dwar l-effetti, favur il-kodebituri in solidum l-oħra, ta’ remissjoni parzjali tal-ammont tad-dazji mogħtija biss lil wieħed mill-kodebituri skont l-Artikolu 239 tal-KDK, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 900(1)(o) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-KDK.

2.      L-indikazzjonijiet tal-KDK

69.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li qabel xejn jiġi enfasizzat li l-kwistjoni preżenti tikkonċerna biss ir-relazzjoni bejn APP u PAD, minn naħa, u l-awtoritajiet doganali, min-naħa l-oħra. Din għalhekk, tikkonċerna biss ir-relazzjoni bejn debituri doganali u awtoritajiet doganali u mhux, għal kuntrarju, ir-relazzjoni bejn debituri doganali singoli. Fil-fehma tiegħi din id-distinzjoni hija importanti, peress li l-qafas legali tar-relazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u debituri doganali għandu effetti diretti fuq id-dazji u, għalhekk fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni. Jeżistu elementi li jwasslu biex wieħed isostni li d-determinazzjoni ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw direttament l-estinzjoni tad-dejn doganali fir-rigward tal-awtoritajiet doganali u, għalhekk ir-riżorsi proprji tal-Unjoni, huma rregolati mill-KDK. Il-qafas legali tar-relazzjonijiet interni bejn kodebituri in solidum singoli u, b’mod partikolari, b’liema mod kull wieħed minnhom jirrispondi b’mod definittiv għad-dejn doganali, għal kuntrarju ma għandu ebda effett fuq ir-riżorsi proprji. Dwar dan il-punt jidher għalhekk li hemm, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, deċiżament iktar spazju biex isir rikors għal-liġijiet nazzjonali.

70.      APP u Maprochim jibbażaw it-teżi tagħhom li ssostni li r-remissjoni mogħtija lil Mondia topera anki favur tagħhom, qabel xejn fuq kliem l-Artikolu 233(1)(b) tal-KDK, fejn dan jistabbilixxi li d-dejn doganali jiġi estint bir-remissjoni tal-ammont tad-dazji. F’każ li tiġi kkunsidrata l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni, din tista’ tiġi effettivament interpretata fis-sens li r-remissjoni mogħtija lil wieħed mill-kodebituri in solidum twassal għall-estinzjoni tad-dejn doganali fir-rigward tal-kodebituri l-oħra.

71.      Dawn imbagħad jinvokaw ir-rabta sistematika bejn is-subparagrafi (a) u (b) tal-Artikolu 233(1) tal-KDK. L-Artikolu 233(1)(a) tal-KDK jindika bħala kawża oħra tal-estinzjoni tad-dejn, il-ħlas tal-ammont tad-dazji min-naħa ta’ wieħed mill-kodebituri in solidum. F’dan il-każ huwa evidenti li l-ħlas jillibera mhux biss lid-debitur li jkun ħallas, imma anki lid-debituri in solidum l-oħra. Min-naħa l-oħra, karatteristika ewlenija tad-dejn in solidum hija li l-kreditur jista’ jeżiġi l-ħlas tad-dejn minn kull wieħed mill-kodebituri imma darba waħda biss 1(14)4. Abbażi tal-għażla tal-kliem użat fl-Artikolu 233(1) tal-KDK, jiġifieri l-użu tat-terminu estinzjoni b’riferiment kemm għall-ħlas tad-dejn, kif ukoll għar-remissjoni tiegħu, wieħed għalhekk jista’ jsostni li ma huwiex biss il-ħlas fis-sens tas-subparagrafu (b) li jwassal għall-estinzjoni tad-dejn doganali għall-kodebituri in solidum kollha kemm huma.

72.      Interpretazzjoni simili tal-Artikolu 233(1)(b) tal-KDK, li hija min-naħa l-oħra sostnuta anki mid-duttrina 1(15)5, ma tkunx iktar konformi mal-għanijiet imfittxa mil-Artikoli 202, 203, 213, 233 u 239 tal-KDK u tkun f’konflitt mal-effett utli tagħhom.

73.      Għalhekk, qabel xejn, għandu jiġi kkunsidrat li skont l-Artikoli 202(3), u 203(3) tal-KDK,huwa responsabbli għad-dejn doganali mhux biss dak li jkun wettaq il-ksur (fis-sens rispettivament tal-ewwel inċiż), imma anki dak li jkun ipparteċipa fil-ksur (fis-sens, rispettivament tat-tieni inċiż), kif ukoll l-operaturi ekonomiċi l-oħra (ara l-inċiżi l-oħra tal-paragrafi rispettivi). Is-solidarjetà passiva hija maħsuba biex tnaqqas ir-riskji tal-irrekuperabbiltà tad-dejn doganali fil-każijiet fejn ma tkunx saret dikjarazzjoni skont il-liġi. Ir-regola għandha tiġi interpretata b’mod li jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, li d-dazji huma inklużi fir-riżorsi proprji tal-Unjoni u għalhekk jikkostitwixxu parti integrali mill-baġit tagħha. Fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 233(1)(b) u 239 tal-KDK, jeħtieġ għalhekk, li jingħata qies ukoll tal-bżonn li jiġu ppreservati r-riżorsi proprja tal-Unjoni. Għan bħal dan ma jistax jiġi ppreġudikat bil-ħolqien ta’ raġunijiet ġodda għall-estinzjoni tad-dejn doganali 1(16)6

74.      Barra minn hekk, f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-remissjoni ġiet mogħtija lil Mondia skont l-Artikoli 239 tal-KDK u 900(1)(o) tar-regolament li jimplementa l-KDK. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tirregola, b’mod partikolari, il-każijiet meta l-merkanzija ma tkunx ġiet iddikjarata skont il-liġi qabel l-importazzjoni u d-dejn doganali jkun inħoloq bis-saħħa tal-Artikoli 202 u 203 tal-KDK, bħala konsegwenza ta’ dik l-infrazzjoni. F’dan il-każ, fl-att biex jiġi ddeterminat id-dejn doganali ma tteħditx inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ trattattament preferenzjali mill-Komunità jew f’dawk li huma tariffi. F’każijiet fejn il-merkanzija tkun ġiet iddikjarata skont il-liġi, u din setgħet tgawdi minn dawn il-benefiċċji, l-Artikolu 900(1)(a) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-KDK jistipula madankollu, minħabba raġunijiet ta’ ekwità, il-possibbiltà li tingħata remissjoni f’mument ieħor. Madankollu provvediment simili jippresupponi għal raġunijiet ta’ ekwità mhux biss li l-merkanzija, jekk ġiet iddikjarata, setgħet tibbenefika minn trattattament preferenzjali mill-Komunità jew f’dawk li huma tariffi imma anki mill-perspettiva suġġettiv li l-persuna li tagħmel l-applikazzjoni ma tkun wettqet l-ebda manuvra ta’ qerq jew agixxiet b’negliġenza evidenti.

75.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 233(1)(b) tal-KDK fis-sens li r-remissjoni parzjali mogħtija lil Mondia skont l-Artikolu 239 tal-KDK, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 900 tar-regolament li jimplementa l-KDK, tingħata effettività immedjata anki favur il-kodebituri tagħha, APP u Maprochim (jiġifieri PAD), ma tkunx qed tagħti qies xieraq tal-għanijiet imsemmija. Minn naħa huwa diffiċli li wieħed jifhem għalfejn f’din il-kawża l-Unjoni għandha effettivament tirrinunzja għar-riżorsi proprja tagħha minħabba remissjoni li għalkemm hija ċertament iġġustifikata fir-rigward ta’ Mondia, din mhux bilfors hija ġustifikata anki fir-rigward ta’ kodebituri in solidum l-oħra. Konformi mal-prinċipju ċċitat hawn fuq 1(17)7 ta’ solidarjetà passiva, l-awtoritajiet doganali pjuttost huma obbligati f’każ simili li jipproċedu fir-rigward tad-debituri in solidum l-oħra f’każ li ma tkunx ġiet mogħtija lilhom remissjoni tal-ammont tad-dazju 1(18)8. Min-naħa l-oħra, ma jidhirx li huwa korrett, anki għal raġunijiet ta’ ekwità, li debitur, li seta’ wettaq manuvri ta’ qerq jew aġixxa b’negligenza evidenti, jkun jista’ jibbenefika minn remissjoni minħabba l-fatt biss li huwa responsabbli bħala kodebitur in solidum u għax tkun ġiet mogħtija remissjoni li kodebitur in solidum ieħor fid-dawl tal-kondotta ta’ dan tal-aħħar 1(19)9.

76.      Interpretazzjoni li tgħid li remissjoni mogħtija skont l-Artikolu 239 u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 900(1)(o) tar-regolament li jimplementa l-KDK, hija effettiva biss favur dak li jagħmel l-applikazzjoni u li jkun jissodisfa r-rekwiżiti imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet, tagħti qies anki tal-prinċipju li jsostni li r-remissjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regoli normali dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni u, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għaliha jridu jkunu interpretati b’mod restrittiv 2(20)0.

77.      Lanqas kliem l-Artikolu 233(1)(b) tar-regolament li jimplementa l-KDK ma jipprekludi interpretazzjoni bħal din. Fil-fatt din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li tirregola biss il-relazzjoni bejn id-debitur singolu u l-awtoritajiet doganali. Meta jistipula li d-dejn doganali jiġi estint bir-remissjoni, l-Artikolu 233(1)(b) tal-KDK, b’riferiment għall-każ inkwistjoni, japplika biss għar-relazzjoni bejn Mondia u l-awtoritajiet doganali u mhux għar-relazzjoni bejn dawn tal-aħħar, min-naħa, u APP u Maprochim, jew PAD, min-naħa l-oħra.

78.      Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li din l-interpretazzjoni ssir skont ir-regoli attwali, inklużi fl-Artikolu 86(4) tal-Kodiċi Doganali modernizzat, li jistipula li r-remissjoni topera biss fir-rigward tad-debitur in solidum singolu. Għalkemm din id-dispożizzjoni ma tapplikax rationae temporis għal din il-kawża, madankollu mill-iter leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tal-Kodiċi Doganali modernizzatma jirriżultaw elementi li jwasslu lil dak li jkun biex isostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, fir-rigward ta’ dan l-aspett speċifiku, li jemenda r-reġoli li kienu jeżistu qabel. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(4) tal-Kodiċi Doganali modernizzat jikkonferma, għalhekk, li r-regoli f’dan il-qasam għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-remissjoni mogħtija fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK, flimkien mal-Artikolu 900(1)(o) tar-regolament li jimplementa l-KDK, topera unikament favur tal-persuna singola li tagħmel l-applikazzjoni.

3.      Argumenti oħra ta’ APP u PAD

79.      L-argumenti l-oħra invokati minn APP u PAD li skonthom ir-remissjoni parzjali mogħtija lil Mondia trid topera wkoll favur tagħhom ma jidhrux li huma konvinċenti.

80.      APP issostni, fl-ewwel lok, li tista’ tibbenefika mir-remissjoni mogħtija lil Mondia, peress li l-awtoritajiet doganali Franċiżi, meta eżaminaw l-applikazzjoni għal remissjoni proposta minn din tal-aħħar, kienu vverifikaw, jew kellhom jivverifikaw, inċidentalment, anki n-nuqqas, min-naħa tagħha, ta’ manuvri ta’ qerq jew negliġenza evidenti.

81.      Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.

82.      Qabel xejn jeħtieġ li jiġi osservat li r-remissjoni bis-saħħa tal-Artikoli 239 tal-KDK u 900(1)(o) tar-regolament li jimplementa l-KDK, tingħata unikament abbażi ta’ applikazzjoni li ssir minn debitur doganali 2(21)1 li trid tiġi ppreżentata fi żmien speċifikat, ġeneralment fi żmien tnax-il xahar minn meta jiġu kkomunikati d-dazji lid-debitur. Kif ġie osservat mill-qorti tar-rinviju, la APP f’isimha ma fformulat fil-ħin applikazzjoni għal remissjoni fis-sens tal-Artikoli 239 tal-KDK u 900(1)(o) tar-regolament li jimplementa l-KDK u lanqas Mondia ma ppreżentat applikazzjoni għal remissjoni bħala rappreżentanti ta’ APP.

83.      Barra dan inqis li hija skorretta l-premessa nnifisha li titlaq minnha APP, jiġifieri li l-awtoritajiet doganali Franċiżi, meta evalwaw l-applikazzjoni ta’ Mondia, impliċitament eżaminaw, jew kellhom jeżaminaw, anki l-kondotta ta’ APP. L-awtoritajiet doganali li ġew imsejjħa biex jiddeċidu fuq il-mertu ta’ talba għal remissjoni fis-sens tal-Artikoli 239 tal-KDK u 900(1)(o) tar-regolament li jimplementa l-KDK huma obbligati li jevalwaw essenzjalment l-eżistenza tal-kundizzjonijiet suġġettivi stipulati minn dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward biss tal-persuna li tagħmel l-applikazzjoni. Huwa veru li operatur li jagħżel li jkun rappreżentat minn aġent doganali fl-attivitajiet tiegħu ta’ importazzjoni jirrispondi wkoll għall-kondotta negliġenti evidenti tar-rappreżentant 2(22)2. Dan huwa ovvju, peress li r-rappreżentat jirrispondi għall-azzjonijiet tar-rappreżentant daqs li kieku kienu tiegħu; f’każ simili l-applikazzjoni għal remissjoni li ssir mir-rappreżentat tista’ timponi evalwazzjoni inċidentali anki tal-kondotta mwettqa mir-rappreżentant. Madankollu, minn dan wieħed ma jistax jiddeduċi, kif sostniet APP, li fil-każ kuntrarju, jiġifieri meta jkun ir-rappreżentant li jippreżenta applikazzjoni għal remissjoni, jeħtieġ li jiġi evalwat ukoll inċidentalment jekk ir-rappreżentat ikunx wettaq manuvri ta’ qerq jew ikun aġixxa b’negliġenza evidenti. Ir-rappreżentat, fil-fatt ma jaġixxix, f’isem ir-rappreżentant, u għalhekk ir-rappreżentant, fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-kondotta tiegħu proprja, ma huwiex imsejjaħ biex jirrispondi neċessarjament għall-kondotta mwettqa mir-rappreżentat.

84.      Fit-tieni lok, APP tipprova tagħti raġunijiet għall-estensjoni favur tagħha tal-effetti tar-remissjoni mogħtija lil Mondia abbażi tal-Artikolu 899 tar-regolament li jimplementa l-KDK. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta ċar, skontha, li, f’każ simili għal din il-kawża, wara li saret l-applikazzjoni għal remissjoni minn Mondia, kien jeħtieġ li tiġi vverifikata anki remissjoni eventwali tad-dejn doganali favur APP. Din tal-aħħar tibbaża din il-konvinzjoni fuq kliem ir-regola, li tistipula li trid tiġi eżaminata l-kondotta ta’ dawk kollha interessati.

85.      Lanqas argument bħal dan ma jista’ jiġi milqugħ. Mill-Artikolu 899 tar-regolament li jimplementa l-KDK, wieħed ma jistax jiddeduċi li l-preżentazzjoni ta’ talba għal remissjoni min-naħa ta’ wieħed mid-debituri twassal, biex l-awtoritajiet doganali jkunu obbligati jeżaminaw, fir-rigward tal-kodebituri in solidum l-oħrajn kollha, jekk kienx hemm manuvri ta’ qerq jew negliġenza evidenti.

86.      Lanqas il-kliem tal-Artikolu 899 tar-regolament li jimplementa l-KDK ma jissuġġerixxi tali interpretazzjoni. Fil-fatt, id-dispożizzjoni tirreferi, biss “għall-interessat”, fis-singular, u mhux “għall-interessati”, fil-plural. Huwa evidenti għalhekk li l-intenzjoni kienet li tiġi indikata biss il-persuna li tagħmel l-applikazzjoni.

87.      L-argument dedott minn APP imur ukoll kontra r-regola tal-Artikolu 899 tar-regolament li jimplementa l-KDK, li jgħid li l-awtoritajiet doganali huma mitluba li jiddeċidu dwar l-applikazzjoni abbażi tar-raġunijiet b’appoġġ għaliha. Kif diġà ġie sostnut 2(23)3, l-interessi ta’ kull wieħed mid-debituri in solidum jistgħu fl-istadju tal-applikazzjoni għal remissjoni jkunu f’konflitt bejniethom. Għalhekk wieħed ma jistax jitlaq mill-presuppost li min jagħmel l-applikazzjoni, fl-applikazzjoni nnifisha se jressaq argumenti li jistgħu neċessarjament jinġibu favur tal-persuni interessati l-oħra.

88.      M. Bérel għal PAD josserva, fit-tielet lok, li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali Franċiżi dwar il-mertu tar-remissjoni parzjali favur Mondia tikkonċerna wkoll lil Maprochim. L-awtoritajiet doganali Franċiżi fil-fatt ikkomunikaw lil APP u lil Maprochim li kellha tiġi adottata deċiżjoni dwar il-mertu tar-rikorsi li saru minnhom biss wara li tiġi adottata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal remissjoni ta’ Mondia.

89.      Dwar dan il-punt, huwa biżżejjed li jiġi osservat kif, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, hija l-qrati nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-kontenut ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha, essenzjalment, fuq il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju 2(24)4. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju interpretat id-deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali bħala li hija intiża biss biex tingħata remissjoni parzjali għad-dejn ta’ Mondia.

C –    Sintesi

90.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, mill-Artikoli 213, 233 u 239 tal-KDK jirriżulta li deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali dwar remissjoni parzjali abbażi tal-Artikolu 239 tal-KDK u tal-Artikolu 900(1)(o) tar-regolament li jimplementa l-KDK li tingħata favur debitur responsabbli in solidum għal dejn doganali ma toperax awtomatikament favur il-kodebituri l-oħra responsabbli in solidum għad-dejn doganali. Għalhekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li tistipula effett simili.

VII – Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari bil-mod li ġej:

L-Artikoli 213, 233 u 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ bħal dak li qiegħed jiġi eżaminat, huwa eskluż li kodebitur in solidum, li ma jkunx ibbenefika minn deċiżjoni ta’ remissjoni, jieħu vantaġġ, biex ma jħallasx dejn doganali, minn deċiżjoni ta’ remissjoni meħuda favur kodebitur in solidum ieħor abbażi tal-Artikolu 239 tar-Regolament imsemmi u tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 900(1)(o) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/1993, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż; lingwa tal-kawża: il-Franċiż


2 – Konformi mat-tifsiriet użati fit-Trattat UE u fit-Trattat FUE, l-espressjoni “dritt tal-Unjoni” hawnhekk hija użata bħala kunċett ġenerali li jinkludi d-dritt Komunitarju u d-dritt tal-Unjoni. Fejn dawn il-konklużjonijiet jagħmlu riferiment għal regoli singoli tad-dritt primarju, jiġu indikati d-dispożizzjonijiet rilevanti ratione temporis.


3 – ĠU L 102, p. 5.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307


55 – ĠU L 145, p. 1


66  – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3


77 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 463


88 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 5, p. 326


99 – L-inġunzjoni maħruġa fir-rigward ta’ APP u ta’ Maprochim kienet tirreferi wkoll għal imposti (taxxi, eċċ) li però ma kinux rilevanti għall-iskopijiet tat-talba għad-deċiżjoni preliminari inkwistjoni


1010–      Għal iktar dettalji dwar il-proċedura quddiem l-awtoritajiet nazzjonali u quddiem il-Kummissjoni, wieħed għandu jara d-digriet tat-Tribunal tal-25 ta’ Jannar 2007, Rijn Schelde Mondia France vs Il-Kummissjoni, (T‑55/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra).


1111 –      Ara, f’dan is-sens is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa et, (28/62 sa 30/62, Ġabra p. 59, punt 76) tal-1 ta’ Marzu 1973, Bollmann (62/72, Ġabra p. 269, punt 4) tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, (C-261/95, Ġabra p. I‑4025, punt 31) kif ukoll tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, Ġabra I‑411, punt 41 u 42).


1212 – Ara wkoll Reiche, K., u Witte,P. f’Zollkodex, Beck, 4. edizzjoni 2006, Artiklu 5(5).


1313 – Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône, (C‑314/06, Ġabra p. I‑12273, punt  21), tat-22 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, (C‑103/01, Ġabra p. I‑5369, punt 33), sentenza tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et. (C‑296/95, Ġabra p. I‑1605, punt 30), u tas-17 ta’ Ġunju 2010, Agra, (C‑5/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 32 et seq)


1414–      P. Witte, f’P. Witte, diġà ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, Artikolu 133, punt 12


1515 – Ara R. Henke, W. Huchatz, Das neue Abgabenverwaltungsrecht für Ein- und Ausfuhrabgaben, Zeitschrift für Zölle und Verbrauchsteuern, 1996, p. 226 et seq. u p. 231


1616–      Sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2002, SPKR, (C‑112/01, Ġabra p. I‑10655, punt  31); tat-2 ta’ April 2009, Elshani, (C‑459/07, Ġabra p. I‑2759, punt 31); tad-29 ta’ April 2010, Dansk Transport og Logistik, (C‑230/08, Ġabra p. I‑03799, punt 51)


1717 – Ara punt73 ta’ dan il-konklużjonijiet


1818 – Witte, P. ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, “Artikolu 233”, punt 12.


1919 – Ara, f’dan is-sens, Witte, P. iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, “Artikolu 213”, punt 11, u l-“Artikolu 233”, punt 12. L-awtur josserva li r-remissjoni tad-dejn doganali mogħtija lil kodebitur in solidum tidher li hi meħtieġa għal raġunijiet ta’ ekwità u li, b’dal-mod, jiġi rkuprat dak li ma kienx possibbli li jinkiseb fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali


2020 – Sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke (C‑48/98, Ġabra p. I‑7877, punt  52) u tat-13 ta’ Marzu 2003 (Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑156/00, Ġabra I‑2527, punt 91).


2121–      Regoli oħra fil-qasam tar-remissjoni jistipulaw minflok li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ex-officio; ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-KDK


2222 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriental Foods Trading vs Il-Kummissjoni, (C‑38/07 P, Ġabra p. I‑8599, punti 53 u 54).


2323–      Punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet


2424 – Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2008, Heinrich Bauer Verlag (C‑360/06, Ġabra p. I‑7333, punt 15) u tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos und Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257, punt 42).