KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit-13 ta’ Ottubru 2011 ( 1 )
Kawża C-43/10
Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Symvoulio tis Epikrateias [il-Greċja])
“Ħarsien tal-ambjent — Direttiva 2000/60/KE — Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma — Devjazzjoni ta’ xmara — Kunċett ta’ terminu biex jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ ġestjoni għal distrett ta’ baċin tax-xmara — Effetti antiċipati — Parteċipazzjoni tal-pubbliku — Direttiva 2001/42/KE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Applikazzjoni ratione temporis — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Possibbiltà ta’ użu ta’ studji preċedenti — Direttiva 92/43/KEE — Konservazzjoni tal-fawna u tal-flora selvaġġa — Konservazzjoni ta’ siti ta’ interess Komunitarju — Direttiva 79/409/KEE — Konservazzjoni tal-għasafar — Konservazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ protezzjoni — Studju ta’ kompatibbiltà — Projbizzjoni ta’ rigressjoni — Ġustifikazzjoni ta’ restrizzjonijiet”
Werrej
I — Introduzzjoni |
|
II — Kuntest ġuridiku |
|
A — Id-dritt tal-Unjoni |
|
1. Id-Direttiva Qafas dwar l-ilma |
|
2. Id-Direttiva EIA |
|
3. Id-Direttiva ESEA |
|
4. Id-Direttiva għall-konservazzjoni tal-għasafar |
|
5. Id-Direttiva dwar l-habitats |
|
B — Il-liġi Griega |
|
III — Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari |
|
IV — Kunsiderazzjonijiet legali |
|
A — Id-Direttiva Qafas dwar l-ilma |
|
1. Dwar l-ewwel domanda preliminari — meta għandu japplika l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma |
|
2. Fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda — kemm hija legali d-devjazzjoni tal-ilma lejn distretti oħra idrografiċi |
|
a) Fuq l-obbligi tal-protezzjoni u tar-restawr riżultanti mill-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma |
|
b) Fuq l-applikazzjoni għall-proġetti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma |
|
c) Dwar l-istat tajjeb tal-ilmijiet |
|
d) Fuq id-deroga mill-għanijiet ambjentali |
|
3. Fuq it-tieni domanda — il-ħtieġa li jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ ġestjoni għad-distretti idrografiċi |
|
4. Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda — l-għanijiet legali ta’ devjazzjoni |
|
5. Dwar it-tielet parti tat-tielet domanda — it-tiftix ta’ alternattivi |
|
6. Fuq ir-raba’ domanda — l-effetti antiċipati tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma |
|
a) Fuq il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-effett antiċipat ta’ direttivi |
|
b) Fuq l-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali |
|
c) Il-każ preżenti |
|
7. Fuq il-ħames domanda — il-parteċipazzjoni tal-pubbliku |
|
B — Id-Direttiva EIA |
|
C — Id-Direttiva ESEA |
|
1. Fuq is-seba’ domanda — il-kamp tal-applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva ESEA |
|
a) Il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” |
|
b) L-obbligu ta’ kontroll tal-pjanijiet ta’ ġestjoni |
|
2. Fuq it-tmien domanda — l-applikazzjoni tad-Direttiva ESEA ratione temporis |
|
a) Fuq it-tħejjija tal-pjanijiet ta’ ġestjoni |
|
b) Fuq l-istabbiliment ta’ pjan għad-devjazzjoni tal-Acheloos |
|
c) Risposta għat-tmien domanda |
|
3. Fuq id-disa’ domanda — il-portata tal-evalwazzjoni ambjentali |
|
D — Il-ħarsien tan-natura |
|
1. Fuq l-għaxar domanda — Il-protezzjoni tas-siti proposti waqt l-adozzjoni tal-Liġi 3481/2006 |
|
a) Fuq il-protezzjoni provviżorja tas-siti proposti |
|
b) Fuq il-protezzjoni tas-siti wara l-inklużjoni tagħhom fir-reġistru Komunitarju |
|
c) Ir-risposta għall-għaxar domanda |
|
2. Fuq il-ħdax-il domanda |
|
a) Fuq l-applikabbiltà tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats |
|
b) Fuq l-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva dwar l-habitats |
|
c) Risposta għall-ħdax-il domanda |
|
3. Fuq it-tnax-il domanda — ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku suprem |
|
4. Fuq it-tlettax-il domanda — il-miżuri li jiggarantixxu l-koerenza globali ta’ Natura 2000 |
|
5. Fuq l-erbatax-il domanda — it-trasformazzjoni tal-ekosistema naturali tax-xmara |
|
V — Konklużjoni |
I – Introduzzjoni
1. |
Għal iktar minn għoxrin sena, is-servizzi Griegi ilhom jaħdmu sabiex jiddevjaw parzjalment l-Acheloos, xmara li tinsab fil-Punent tal-Greċja, lejn ix-xmara Pineios, fil-Lvant tal-Greċja, kif ukoll sabiex jisfruttaw il-korsa superjuri tagħha għall-produzzjoni tal-enerġija. Madankollu, is-Symvoulio tis Epikrateias (iktar ’il quddiem, il-“Kunsill tal-Istat”) annulla, f’iktar minn okkażjoni waħda, id-deċiżjonijiet għall-awtorizzazzjoni relatati mal-istess. Il-kawża prinċipali tikkonċerna l-validità ta’ Liġi tal-2006 li awtorizzat il-proġett mill-ġdid. |
2. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari li hija twila u kumplessa tikkonċerna essenzjalment il-kwistjoni jekk — jew sa liema punt — l-imsemmija liġi għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma ( 2 ), anki jekk fil-mument tal-adozzjoni tal-liġi, kien għadu qed jiddekorri t-terminu ta’ tranżizzjoni għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, qed jiġi mistoqsi sa liema punt il-fatt li l-proċedura leġiżlattiva tirreferi għal studju ta’ effetti ambjentali, imwettaq fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva preċedenti huwa kompatibbli mad-Direttiva EIA ( 3 ). Qed jiġi wkoll mistoqsi jekk id-direttiva relatata mal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi dwar l-ambjent ( 4 ) (iktar ’il quddiem, id-Direttiva “ESEA” għal “evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent”) kinitx applikabbli u jekk, skont il-każ, eżami fid-dawl tad-Direttiva ESEA kienx ukoll neċessarju minbarra l-istudju tal-effetti ambjentali ċċitati iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, qed jintalab li jiġu eżaminati ċerti kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni taż-żoni Natura 2000 kkonċernati fid-dawl tad-Direttiva dwar l-habitats ( 5 ). |
II – Kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva Qafas dwar l-ilma
3. |
L-għanijiet ambjentali essenzjali kif ukoll l-eventwali derogi huma stabbiliti fl-Artikolu 4: “(1) Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ maniġġar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:
[…] (3) L-Istati Membri jistgħu jinnominaw korp [massa] ta’ l-ilma tal-wiċċ bħala artifiċjali jew modifikat ħafna, meta:
Desinjazzjoni simili u r-raġunijiet għaliha jridu jkunu imsemmija speċifikament fil-pjanijiet ta’ maniġġar tal-baċin tax-xmara meħtieġ skond l-Artikolu 13 u riveduti kull sitt snin. (4) […] (5) L-Istati Membri jistgħu jimmiraw biex jiksbu għanijiet ambjentali anqas stretti minn dawk meħtieġa taħt paragrafu 1 għal korpi [mases] speċifiċi ta’ l-ilma meta jkunu tant affetwati minn attività umana, kif stabbiliti skond l-Artikolu 5(1), jew il-kundizzjoni naturali tagħhom hija tant li l-kisba ta’ dawn l-għanijiet jistgħu ikunu għolja disproporzjonalment jew mhux fattibli, u l-kondizzjonijiet li ġejjin kollha jkunu milħuqa:
(6) […] (7) L-Istati Membri ma’ jkunux qed jiksru din id-Direttiva meta:
u l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu milħuqa:
(8) Meta jkun qed japplika l-paragrafi 3, 4, 5, 6 u 7, Stat Membru jrid jiżgura li l-applikazzjoni ma’ teskludix b’mod permaneti jew tikkomprometti l-kisba ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva f’korpi oħra ta’ l-ilma fi ħdan l-istess distrett tal-baċin tax-xmara u huwa konsistenti ma’ l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni Komunitarja oħra ambjentali. (9) Passi għandhom jittieħdu biex jiżguraw li l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ġodda, inklużi l-applikazzjoni ta’ paragrafi 3, 4, 5, 6 u 7, jiggarantixxu għall-anqas l-istess livell ta’ protezzjoni bħal-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti.” |
4. |
Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, l-Istati Membri kellhom, sat-22 ta’ Diċembru 2004, jipproċedu għall-analiżi ta’ ċerti karatteristiċi għal kull distrett ta’ baċin tax-xmara. Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, l-Istati Membru kellhom jistabbilixxu, qabel it-22 ta’ Diċembru 2006, programmi għas-sorveljanza tal-ilmijiet. Skont l-Artikolu 15(2), l-Istati Membri kellhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapporti fi żmien tliet xhur dwar iż-żewġ miżuri ċċitati iktar ’il fuq. |
5. |
L-Artikolu 11 jirregola l-programmi dwar il-miżuri li l-Istati Membri huma marbuta jadottaw għal kull distrett ta’ baċin tax-xmara. It-terminu mogħti għall-adozzjoni tagħhom huwa stabbilit fil-paragrafu 7: “Il-programmi ta’ miżuri jridu jiġu stabbiliti mhux aktar tard minn disa’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u l-miżuri kollha jridu jsiru operazzjonali mhux aktar tard minn 12 il-sena wara dik id-data.” |
6. |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jirregola t-tħejjija tal-pjanijiet għall-ġestjoni tad-distretti idrografiċi. L-ewwel paragrafu jistabbilixxi l-obbligu tat-tħejjija tagħhom u l-paragrafu 6 jistabbilixxi t-terminu għall-pubblikazzjoni tagħhom: “(1) L-Istati Membri jridu jiżguraw li pjan ta’ maniġġar tal-baċin tax-xmara huwa prodott għal kull distrett tal-baċin tax-xmara li qiegħed kollu fi ħdan it-territorju tagħhom. […] (6) Pjanijiet ta’ maniġġar tal-baċin tax-xmara jridu jiġu ppubblikati mhux aktar tard minn disa’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.” |
7. |
Fl-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, wieħed isib xi dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku: “(1) L-Istati Membri jridu jinkoraġġixxu l-involviment attiv tal-partijiet kollha interessati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, partikolarment fil-produzzjoni, reviżjoni u aġġornament tal-pjanijiet ta’ maniġġar tal-baċin tax-xmara. Stati Membri jridu jiżguraw li, għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, iridu jippubblikaw u jagħmlu disponibbli għal kummenti lill-pubbliku, inklużi utenti:
Fuq talba, aċċess irid jingħata għal dokumenti u informazzjoni ta’ l-isfond użati għall-iżvilupp ta’ l-abbozz tal-pjan ta’ maniġġar tal-baċin tax-xmara. (2) L-Istati Membri jridu jħallu għall-anqas sitt xhur biex jikkummentaw bil-kitba fuq dawk id-dokumenti sabiex jippermettu konsultazzjoni u involviment attiv.” |
8. |
Skont l-Artikolu 24, it-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, jiskadi fit-22 ta’ Diċembru 2003. |
2. Id-Direttiva EIA
9. |
L-Artikolu 2(1) jistabbilixxi l-għan tad-Direttiva EIA: “Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.” |
10. |
L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva EIA jiġbor fih madankollu eċċezzjoni applikabbli għall-atti leġiżlattivi: “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b’att speċifiku ta’ leġislazzjoni nazzjonali, ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, inkluż dak ta’ forniment ta’ informazzjoni, jinkisbu permezz ta’ proċess leġislattiv.” |
11. |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva EIA jistabbilixxi l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali: “(1) Fil-każ ta’ proġetti li, skond l-Artikolu 4, għandhom ikunu soġġetti għal stima ta’ l-impatt [effett] ambjentali skond l-Artikoli 5 sa 10, Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa l-informazzjoni speċifikata f’L-Anness III sakemm:
|
12. |
Fil-punti 12 u 15 tiegħu, l-Anness I mad-Direttiva EIA jikkwota l-proġetti tat-trasferiment ta’ riżorsi tal-ilma u tad-digi. |
3. Id-Direttiva ESEA
13. |
Il-pjanijiet u l-programmi huma ddefiniti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESEA: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
|
14. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva ESEA jippreċiża liema pjanijiet u programmi għandhom ikunu s-suġġett tal-evalwazzjoni. Il-paragrafi 1 sa 4 b’mod partikolari huma l-iktar rilevanti: “(1) L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. (2) Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,
(3) Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. (4) L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. (5) L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattiv fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva. (6) […]” |
15. |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva ESEA jirregola r-relazzjoni mar-rekwiżiti tad-Direttiva EIA u mal-proċeduri l-oħra tal-evalwazzjoni ambjentali: “(1) Stima ambjentali magħmula skond din id-Direttiva għandha ssir mingħajr preġudizzju għal xi ħtiġiet skond id-Direttiva 85/337/KEE u għal xi ħtiġiet oħra tal-liġi tal-Komunità. (2) Għar-rigward ta’ pjanijiet u programmi li dwarhom l-obbligazzjoni li jsiru stimi ta’ l-effetti fuq l-ambjent tirriżulta simultanjament minn din id-Direttiva u minn leġislazzjoni oħra tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disposizzjonijiet għal proċeduri kordinati jew konġunti li jaqblu mal-ħtiġiet tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità sabiex, fost l-oħrajn, jevitaw duplikazzjoni ta’ stimi. (3) […]” |
16. |
Skont l-Artikolu 13(1), id-Direttiva ESEA kellha tiġi trasposta sal-21 ta’ Lulju 2004. |
17. |
L-Artikolu 13(3) jirregola l-applikazzjoni ratione temporis tad-direttiva ESEA. Fil-prinċipju hija tapplika biss għall-proċeduri li nbdew wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni. Hija tapplika biss b’mod limitat għall-proċeduri li nbdew iktar kmieni: “L-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tgħodd għall-pjanijiet u programmi li dwarhom l-ewwel att preparatorju formali jkun sussegwenti għad-data msemmija fil-paragrafu 1. Il-pjanijiet u l-programmi li dwarhom l-att preparatorju formali jkun qabel dik id-data u li jkunu adottati jew sottomessi għall-proċedura leġislattiva aktar minn 24 xahar wara dan, għandhom isiru suġġetti għall-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) kemm-il darba l-Istati Membri ma jiddeċidux abbażi ta’ kull każ li dan ma jkunx possibbli u jinfurmaw lill-pubbliku bid-deċiżjoni tagħhom.” |
4. Id-Direttiva għall-konservazzjoni tal-għasafar
18. |
Id-Direttiva 79/409/KEE tal-Kunsill, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi ( 6 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”) tipprovdi fl-Artikolu 4(1) u (2) tagħha, li l-Istati Membri jikklassifikaw f’żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem, “ŻPS”) it-territorji l-iktar xierqa għall-konservazzjoni tal-ispeċi msemmija fl-Anness I u tal-ispeċi li jemigraw. |
19. |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar tirregola l-protezzjoni taż-ŻPS: “Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-istati membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ħabitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-Artikolu.” |
5. Id-Direttiva dwar l-habitats
20. |
Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-habitats, kif ukoll l-Anness III (Stadju 1), l-Istati Membri għandhom jipproponu lill-Kummissjoni siti li jospitaw tipi ta’ habitats naturali msemmija fl-Anness I u speċi indiġeni imsemmija fl-Anness II. Skont l-Artikolu 4(2), kif ukoll l-Anness III (Stadju 2), il-Kummissjoni tagħżel is-siti li jiġu rreġistrati f’lista ta’ siti ta’ interess Komunitarju (iktar ’il quddiem, “SIK”). |
21. |
L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva dwar l-habitats jirregola l-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet relatati mal-konservazzjoni tas-siti: “Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).” |
22. |
Permezz tad-Deċiżjoni Nru 2006/613/KE, tad-19 ta’ Lulju 2006 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Meditteranju ( 7 ), il-Kummissjoni rreġistrat fil-lista, fost oħrajn, is-siti li ġejjin:
|
23. |
Skont il-bażi informattiva tal-EUR-Lex, din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lill-Istati Membri fid-19 ta’ Lulju 2006 ( 9 ) u ġiet ippubblikata f’numru tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Settembru 2006. |
24. |
Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-konservazzjoni tas-siti jinsabu fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar l-habitats: “(2) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva. (3) Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali. (4) Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati. Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.” |
25. |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-habitats jestendi dawn id-dispożizzjonijiet għaż-ŻPS tad-Direttiva dwar l-għasafar. |
B – Il-liġi Griega
26. |
Id-Direttiva Qafas dwar l-ilma ġiet trasposta permezz tal-Liġi 3199/2003 ( 10 ) u permezz tad-Digriet Presidenzjali Nru 51/2007 ( 11 ). F’din il-kawża, il-kwistjoni tikkonċerna emendi għal-Liġi 3199/2003 permezz tal-Liġi 3481/2006 ( 12 ). |
27. |
L-Artikolu 9 tal-Liġi 3481/2006 iżid il-paragrafu 5 mal-Artikolu 7 tal-Liġi 3199/2003: “(5) Sakemm jiġi approvat il-programm nazzjonali għall-ġestjoni u l-protezzjoni tal-potenzjal akwatiku tal-pajjiż u sakemm jiġu adottati l-pjanijiet għall-ġestjoni ta’ kull reġjun, il-ġbir minn baċin tax-xmara partikolari u t-trasferiment tal-ilma lejn baċin tax-xmara ieħor abbażi ta’ pjan approvat għall-ġestjoni tal-ilmijiet tal-baċin jew baċini partikolari, huma awtorizzati:
|
28. |
L-Artikolu 13 tal-Liġi 3481/2006 jikkonċerna l-proġett ikkontestat: “(1) Ix-xogħlijiet ta’ devjazzjoni parzjali lejn it-Thessalie, tal-korsa superjuri tal-Achelos, jikkwalifikaw bħala ‘xogħlijiet ta’ portata wiesgħa u ta’ interess nazzjonali’. (2) Il-pjan għall-ġestjoni tal-baċini idrografiċi tax-xmara Acheloos u tax-xmara Pineios (Thessalie) huwa approvat. […] (3) L-ispeċifikazzjonijiet u r-restrizzjonijiet ambjentali applikabbli għax-xogħlijiet ta’ devjazzjoni lejn it-Thessalie tal-korsa superjuri tax-xmara Acheloos, li għalihom il-proċeduri kollha ġew kompletament osservati — inklużi l-proċeduri ta’ reklamar u ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku kkonċernat u mas-servizzi kompetenti — previsti fid-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali jew Komunitarja relatata mal-ambjent u mal-protezzjoni tal-antikitajiet, huma approvati. […] (4) Huwa possibbli, skont il-pjan ta’ ġestjoni u l-parametri ambjentali approvati abbażi tal-paragrafu preċedenti, li titħaddem jew tiġi ffinalizzata l-kostruzzjoni tax-xogħlijiet pubbliċi kif ukoll tax-xogħlijiet tad-Dimosia Epicheirisi Ilektrismou [impriża pubblika tal-elettriku fil-Greċja, iktar ’il quddiem, DEI], relatati mad-devjazzjoni tal-korsa superjuri tal-Acheloos lejn it-Thessalie jew mal-produzzjoni tal-enerġija elettrika, li kienu s-suġġett tal-għoti ta’ kuntratti u li kienu ġew jew qed jiġu kkonstruwiti.” |
III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
29. |
Il-proġett li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju jikkonsisti fid-devjazzjoni parzjali tax-xmara Acheloos (fil-Punent tal-Greċja) lejn ix-xmara Pineios (li tinsab fil-Lvant tal-Greċja, iktar preċiżament fit-Thessalie). Minbarra d-devjazzjoni stricto sensu, il-proġett jiġbor fih ukoll diversi digi maħsuba biex iservu għall-produzzjoni tal-enerġija. |
30. |
B’tul ta’ 220 kilometru u b’wisa’ li twassal sa 90 metru, l-Acheloos għandha s-sors tagħha ħdejn il-Metsovo, fil-katina ta’ muntanji tal-Pinde, u — arrikkita b’bosta tributarji — tintefa’ għal ġol-baħar lejn il-Punent ta’ Messolonghi, fil-Golf ta’ Patras; huwa wieħed mill-ikbar baċini akwatiċi tal-pajjiż u jikkostitwixxi ekosistema tax-xmara li huwa importanti ħafna. |
31. |
Il-Pineios għandha wkoll is-sors tagħha fl-iġbla ta’ muntanji ta’ Pinde, iżda tnixxi lejn il-Lvant, billi tgħaddi mill-pjanura ta’ Thessalie, biex imbagħad tintefa’ fil-Golf ta’ Salonique. |
32. |
Biex jitwettaq dan il-proġett, ġew adottati diversi deċiżjonijiet ministerjali, u fl-aħħar nett il-Liġi 3481/2006. |
33. |
B’mod iktar preċiż, parametri ambjentali għal ċerti xogħlijiet tekniċi iżolati — inklużi fil-qafas tal-proġett globali ta’ devjazzjoni lejn it-Thessalie tal-ilmijiet tax-xmara Acheloos — kienu ġew inizjalment approvati permezz ta’ deċiżjonijiet ministerjali konġunti fl-1991 u l-1992. Dawn id-deċiżjonijiet ministerjali konġunti kienu ġew annullati fl-1994 permezz tas-sentenzi tal-Kunsill tal-Istat Grieg. |
34. |
Wara dawn is-sentenzi, kienet saret evalwazzjoni ambjentali waħda taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, għall-Ippjanar tat-Territorju u għax-Xogħlijiet pubbliċi, li tikkonċerna x-xogħlijiet kollha tal-proġett ta’ devjazzjoni. Fl-1995 kienu ġew adottati żewġ deċiżjonijiet ministerjali dwar l-ippjanar tat-territorju u l-kundizzjonijiet ambjentali. Dawn id-deċiżjonijiet ġew ukoll annullati fis-sena 2000, permezz ta’ sentenza tal-Kunsill tal-Istat. |
35. |
Wara din is-sentenza ta’ annullament tal-Kunsill tal-Istat, il-Ministeru għall-Ambjent, għall-Ippjanar tat-Territorju u għax-Xogħlijiet pubbliċi wettaq studju addizzjonali tal-effetti ambjentali tad-devjazzjoni tax-xmara Acheloos lejn it-Thessalie. Fl-2003 ġiet adottata deċiżjoni ministerjali konġunta li approvat il-parametri ambjentali applikabbli għall-kostruzzjoni u għall-funzjonament tal-proġett. Din id-deċiżjoni ministerjali konġunta ġiet annullata fl-2005 permezz tas-sentenza tal-Kunsill tal-Istat. |
36. |
Konsegwentement, fis-6 ta’ Lulju 2006, fil-kuntest tal-proċedura għall-adozzjoni tal-Liġi 3481/2006, tressqu proposti li kienu jipprevedu pjanijiet għall-ġestjoni tal-baċini idrografiċi tal-Acheloos u tal-Pineios u li kienu jawtorizzaw il-proġett imsemmi iktar ’il fuq. Il-liġi ġiet adottata bl-imsemmija dispożizzjonijiet u daħlet fis-seħħ mal-pubblikazzjoni tagħha, fit-2 ta’ Awwissu 2006. |
37. |
Fil-kawża prinċipali, in-Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias (Amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Aitoloakarnania) et jitolbu l-annullament tal-proġett kollu kemm hu. Biex ikun jista’ jiddeċiedi dwar dan ir-rikors, il-Kunsill tal-Istat Grieg jindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja l-erbatax-il domanda segwenti:
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tiddeċiedi li d-dispożizzjoni msemmija tad-Direttiva 2000/60 tistabbilixxi sempliċi terminu finali għat-tħejjija tal-pjanijiet tal-imaniġġar tar-riżorsi tal-ilma:
|
38. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Aitoloakarnania et (il-Greċja tal-Punent), mill-amministrazzjonijiet tal-prefettura ta’ Larisa, Magnisia ( 13 ), Karditsa, kif ukoll ta’ Trikala et ( 14 ), mill-kumpannija tal-elettriku Dimosia Epicheirisi Ilektrismou (DEI), mir-Repubblika Ellenika, mir-Renju tan-Norveġja u mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tan-Norveġja, dawn il-partijiet kienu wkoll irrappreżentati waqt is-seduta tal-24 ta’ Mejju 2011. |
IV – Kunsiderazzjonijiet legali
39. |
Il-Kunsill tal-Istat jagħmel erbatax-il domanda kumplessa li jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ erba’ direttivi distinti, li ser neżamina suċċessivament: il-kawża hija msejsa essenzjalment fuq id-Direttiva Qafas dwar l-ilma (li hija trattata fil-parti A) anki jekk, għal raġunijiet kronoloġiċi, din id-direttiva ma tapplikax ħlief permezz tal-effetti antiċipati tagħha ( 15 ). Jeħtieġ sussegwentement li tingħata risposta għal domanda li tikkonċerna d-Direttiva EIA, iktar preċiżament, dwar il-kundizzjonijiet li din id-direttiva tistabbilixxi għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett permezz ta’ liġi (il-parti B). Jeħtieġ ukoll sussegwentement li tiġi eżaminata l-applikabbiltà ratione materiae u ratione temporis tad-Direttiva ESEA kif ukoll il-possibbiltà ta’ evalwazzjoni ambjentali flimkien, li tikkonforma ma’ din id-direttiva, mad-Direttiva qafas dwar l-ilma kif ukoll mad-Direttiva EIA (parti Ċ). Fl-aħħar nett ser neżamina bosta domandi relatati mal-applikabbiltà tad-Direttiva dwar l-habitats u mar-rekwiżiti imposti minnha fuq il-proġett ikkontestat f’din il-kawża (parti D). |
40. |
Madankollu għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li d-dikjarazzjoni ta’ DEI li l-proġett tad-diga ta’ Mesohora kellu jiġi distint mill-proġett globali, huwa mingħajr importanza għall-finijiet tal-proċedura preliminari. Peress li l-Kunsill tal-Istat ma għamel l-ebda domanda relatata ma’ din il-kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti deċiżjoni fir-rigward. |
A – Id-Direttiva Qafas dwar l-ilma
41. |
L-ewwel domanda tal-Kunsill tal-Istat tikkonsisti fil-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma kinux diġà applikabbli għal-Liġi 3481/2006 (ara infra, Titolu 1). Jeħtieġ sussegwentement li jiġi ppreċiżat jekk il-prinċipju nnifsu tad-devjazzjoni tal-ilma bejn żewġ distretti idrografiċi hux ammissibbli (Titolu 2), jekk tali devjazzjoni tippreżupponix pjanijiet ta’ ġestjoni fis-sens tad-Direttiva Qafas dwar il-ilma (Titolu 3), liema għanijiet jistgħu jiġġustifikaw id-devjazzjoni (Titolu 4) u l-miżura tal-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet alternattivi (Titolu 5). Jekk il-konklużjoni tiegħi tkun tali li, għal raġunijiet kronoloġiċi, dawn id-dispożizzjonijiet għadhom ma japplikawx, l-effetti antiċipati tagħhom ikollhom importanza essenzjali (Titolu 6). Fl-aħħar nett, il-Kunsill tal-Istat jagħmel id-domanda dwar il-parteċipazzjoni meħtieġa tal-pubbliku waqt l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni, skont id-Direttiva Qafas dwar l-ilma (Titolu 7). |
1. Dwar l-ewwel domanda preliminari — meta għandu japplika l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma
42. |
Permezz tal-ewwel domanda, il-Kunsill tal-Istat jixtieq ikun jaf jekk l-Artikolu 13(6) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jillimitax ruħu għall-iffissar ta’ terminu massimu għat-tħejjija tal-pjanijiet ta’ ġestjoni jew jekk jistabbilixxix terminu speċjali għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet li huma rilevanti għal dawn il-pjanijiet. |
43. |
L-Artikolu 13(6) jipprovdi li l-pjanijiet ta’ ġestjoni għandhom jiġu ppubblikati sa mhux iktar tard minn disa’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva, jiġifieri t-22 ta’ Diċembru 2009. Irid jingħad li skont l-Artikolu 24, it-terminu għat-traspożizzjoni kien diġà skada fit-22 ta’ Diċembru 2003. |
44. |
Għall-finijiet tal-kawża prinċipali u tat-talba għal deċiżjoni preliminari, hija fuq kollox l-interazzjoni bejn il-pjanijiet ta’ ġestjoni u l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma li hija ta’ interess. Din id-dispożizzjoni tiġbor fiha l-għanijiet ambjentali essenzjali tad-direttiva. Skont l-Artikolu 4(1)(a)(i), l-Istati Membri għandhom jimplementaw il-miżuri neċessarji biex iħarsu kontra d-deterjorazzjoni tal-istat tal-mases kollha tal-ilma tal-wiċċ u pereżempju tax-xmara Acheloos. L-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (iii), jimponi, barra minn hekk, l-obbligu tal-protezzjoni, titjib u tisħiħ tal-mases tal-ilma tal-wiċċ bl-għan li jinkiseb potenzjal ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ, sa mhux iktar tard minn ħmistax-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva, jiġifieri t-22 ta’ Diċembru 2015. |
45. |
Fil-prinċipju, l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma kellha wkoll tiġi implementata mill-Greċja fi żmien tliet xhur, kif stabbilit mill-Artikolu 24 ( 16 ). Madankollu, l-għanijiet ambjentali tal-Artikolu 4(1) ma japplikawx għal kwalunkwe azzjoni, iżda biss inkwantu huwa meħtieġ biex irendu operazzjonali l-programmi ta’ miżuri previsti fil-pjanijiet ta’ ġestjoni. Il-pjanijiet ta’ ġestjoni huma koperti permezz tat-terminu ta’ adattament ta’ disa’ snin stabbilit fl-Artikolu 13(6). Skont l-Artikolu 11(7), l-istess terminu japplika biex jiġu stabbiliti programmi ta’ miżuri. L-implementazzjoni ta’ dawn il-programmi ta’ miżuri hija suġġetta għat-terminu addizzjonali ta’ tliet snin, jiġifieri sat-22 ta’ Diċembru 2012. |
46. |
Jiġifieri huwa biss mit-22 ta’ Diċembru 2009 li l-pjanijiet u l-programmi ċċitati iktar ’il fuq kellhom jeżistu u jitniedu. Sal-aħħar tas-sena d-dieħla, il-programmi ta’ miżura għandhom ikunu diġà implementati. L-awtoritajiet Griegi huma wkoll marbuta, sa mill-2009, li japplikaw l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma: fi kliem ieħor, għandhom jivverifikaw jekk, fir-rigward tal-għanijiet ambjentali, il-miżuri preċedentement awtorizzati — bħal pereżempju l-proġett ta’ devjazzjoni — għadx jistgħu jitwettqu jew jistgħux jiġu emendati u anki abbandunati. |
47. |
Iżda l-obbligi li ilhom jeżistu mill-aħħar tal-2009 jistgħu ma jkollhom l-ebda effett dirett fuq il-kawża prinċipali, li tikkonċerna l-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi 3481/2006. Jeħtieġ fil-fatt li jitqies, li f’dan ir-rigward, skont id-dritt proċedurali nazzjonali applikabbli, huwa d-dritt li jkun fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni li huwa determinanti. Irid jingħad li fl-2006, skont l-Artikolu 13(6), kif ukoll l-Artikolu 11(7) tad-Direttiva qafas, l-eżistenza ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni jew ta’ programmi ta’ miżuri ma kinitx għadha mandatorja. Mingħajr tali pjanijiet u programmi, l-obbligi tal-Artikolu 4 ma setgħux japplikaw, minkejja l-fatt li t-terminu għat-traspożizzjoni kien skada. |
48. |
Madankollu pjanijiet ta’ ġestjoni għall-ixmajjar Acheloos u Pineios ġew adottati permezz tal-Artikolu 13(2) tal-Liġi 3481/2006. Jekk il-Kunsill tal-Istat kellu jiddikjara li l-pjanijiet huma fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, ikun jista’ wkoll jasal għall-konklużjoni li l-proġett inkwistjoni jappartjeni għal programm ta’ miżuri fis-sens tal-Artikolu 11 tad-direttiva. |
49. |
Konsegwentement, il-kwistjoni setgħet ukoll tiġi interpretata bħala waħda li kienet qed tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma kienx diġà applikabbli fil-mument meta t-termini stabbiliti għas-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu ma kinux għadhom skadew, għalkemm dawn il-kundizzjonijiet kienu diġà sodisfatti. |
50. |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi ddikjarat li skont is-sistematika tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, tali obbligu ma kienx għadu jeżisti fil-mument iċċitat iktar ’il fuq. L-obbligu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 ma nħoloqx ħlief mal-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-iffissar ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni u ta’ programmi ta’ miżuri. Qabel dan il-mument, id-dritt tal-Unjoni kien għadu jippermetti li l-Artikolu 4 ma jiġix applikat. |
51. |
Dan ma jeskludix li d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jittrasponu d-Direttiva Qafas dwar l-ilma — u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu — kienu applikabbli, irrispettivament mid-dritt tal-Unjoni, għall-pjanijiet ta’ ġestjoni u programmi ta’ miżuri stabbiliti b’mod prematur ( 17 ). Normalment, ir-rieda tal-leġiżlatur li jkun qed iwettaq it-traspożizzjoni, tkun li pjanijiet u programmi bħal dawn jiġu applikati bl-istess mod qabel u wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit biex jiġu stabbiliti. |
52. |
F’din il-kawża teżisti, madankollu, partikolarità: il-pjan ta’ ġestjoni inkwistjoni u l-eventwali miżuri — b’mod partikolari l-awtorizzazzjoni tal-proġett ikkontestat — ġew adottati taħt forma ta’ liġi li temenda d-dispożizzjonijiet Griegi li jittrasponu d-Direttiva Qafas dwar l-ilma ( 18 ). Jidher għalhekk improbabbli li d-dritt nazzjonali li ttraspona d-Direttiva Qafas dwar l-ilma jista’ jkun kontra l-proġett kontenzjuż. |
53. |
Jeħtieġ għalhekk li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li, l-Artikolu 13(6) u l-Artikolu 11(7) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma ċertament li ma jistabbilixxux terminu għall-implementazzjoni tal-Artikolu 4 tad-direttiva iżda biss terminu massimu biex jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ ġestjoni u programmi ta’ miżuri; iżda qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, id-direttiva ma timponix l-implementazzjoni tal-Artikolu 4. |
54. |
Fid-dawl ta’ din ir-risposta, irid jingħad li d-domandi 2 u 3 — magħmula kundizzjonalment u li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet imposti bid-Direttiva Qafas dwar l-ilma, fuq id-devjazzjoni tal-ilma lejn distretti oħra idrografiċi — ma għadx għandhom interess għall-Kunsill tal-Istat. Madankollu huma jistgħu jkunu utli biex jiġu ddeterminati l-effetti antiċipati tad-direttiva. Għalhekk ser jitqajmu sussidjarjament fit-titoli 2, 3, 4 u 5. |
2. Fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda — kemm hija legali d-devjazzjoni tal-ilma lejn distretti oħra idrografiċi
55. |
Fl-ewwel lok jeħtieġ li tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-tielet domanda, jiġifieri li jiġi stabbilit jekk il-prinċipju nnifsu tad-devjazzjoni tal-ilma minn distrett ta’ baċin tax-xmara, lejn distrett ta’ baċin tax-xmara fil-viċin, jistax ikun kompatibbli mad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. |
56. |
F’dan ir-rigward, il-Kunsill tal-Istat jiddikjara li d-Direttiva Qafas dwar l-ilma ma fiha l-ebda dispożizzjoni relatata mad-devjazzjoni tal-ilma bejn id-distretti idrografiċi. Huwa għalhekk ġustament li ma jqisx li d-devjazzjoni tal-ilma hija totalment ipprojbita. |
57. |
Dan mhux qed jitqajjem minħabba l-fatt — enfasizzat mill-Kunsill tal-Istat — li d-direttiva EIA tikkwota fl-Anness I tagħha, fil-punt 12, “xogħlijiet għat-trasferiment tar-riżorsi tal-ilma bejn il-baċini tax-xmajjar”. DEI ġustament tesponi li d-Direttiva EIA ma tawtorizzax, kif lanqas ma tipprojbixxi x-xogħlijiet imsemmija fl-annessi tagħha. Id-devjazzjoni tal-ilma bejn żewġ distretti idrografiċi tista’ taffettwa l-ambjent b’mod sinjifikattiv. Wieħed għalhekk jista’ jistenna li din tkun inkompatibbli mal-għanijiet ambjentali tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. Madankollu, l-Artikolu 4 jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, derogi minn dawn l-għanijiet. |
58. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma huwa għalhekk determinanti. |
a) Fuq l-obbligi tal-protezzjoni u tar-restawr riżultanti mill-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma
59. |
L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jimponi l-obbligu tal-prevenzjoni kontra d-deterjorazzjoni tal-istat tal-mases kollha tal-ilma tal-wiċċ u tat-tpoġġija fi stat tajjeb, sa mhux iktar tard mill-2015. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-mases ta’ ilma artifiċjali jew sostanzjalment immodifikati, dawn għandhom għall-inqas jilħqu potenzjal ekoloġiku jew stat kimiku tajjeb. |
60. |
Il-klassifikazzjoni potenzjali tal-Acheloos bħala massa ta’ ilma artifiċjali u sostanzjalment immodifikata għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. Madankollu, klassifikazzjoni bħal din tidher improbabbli sakemm il-proġett ta’ devjazzjoni ma jitwettaqx. Konsegwentement inqis li l-imsemmija xmara mhix massa ta’ ilma artifiċjali u sostanzjalment immodifikata. |
61. |
Għalhekk il-Greċja hija fil-prinċipju marbuta, skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, li tħares kontra kull deterjorazzjoni ġdida u anki li tieħu l-miżuri sabiex tpoġġi mill-ġdid lil din ix-xmara fi stat tajjeb, kemm-il darba l-istat tagħha mhux wieħed tajjeb. Il-Greċja għandha għalhekk telimina l-effetti negattivi tal-proġetti eżistenti u d-deterjorazzjonijiet tal-ilmijiet li seħħew fil-passat. |
b) Fuq l-applikazzjoni għall-proġetti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma
62. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma ma fihx biss obbligi ta’ prinċipju iżda jikkonċerna wkoll proġetti konkreti, għall-inqas meta dawn jaffettwaw b’mod tanġibbli l-istat ta’ massa tal-ilma. Fil-fatt, l-Artikolu 4(7) jawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, id-deterjorazzjoni tal-istat tal-ilmijiet minħabba modifiki ġodda. Dawn il-modifiki jistgħu b’mod partikolari jikkonsistu f’xogħlijiet. |
63. |
Għalhekk, il-proġett ta’ devjazzjoni għandu fil-prinċipju jkun ukoll inkluż fil-programm ta’ miżuri għad-distrett ta’ baċin tax-xmara tal-Acheloos. Fil-fatt, skont il-parti B tal-Anness VI tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, tali programmi jistgħu jinkludu b’mod partikolari kontrolli fuq l-estrazzjoni (punt viii) u proġetti ta’ kostruzzjoni (punt xi). |
c) Dwar l-istat tajjeb tal-ilmijiet
64. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jista’ għalhekk ikun ta’ ostakolu għad-devjazzjoni tal-ilma lejn distrett ieħor ta’ baċin tax-xmara, meta din ma tippermettix il-konservazzjoni u r-restawr ta’ stat tajjeb tal-ilmijiet. |
65. |
Id-Direttiva Qafas dwar l-ilma tiddefinixxi l-istat tal-ilmijiet mixtieq. Skont l-Artikolu 2(18) tagħha, l-istat ta’ massa ta’ ilma tal-wiċċ huwa tajjeb meta l-istat ekoloġiku u l-istat kimiku tiegħu huma għall-inqas “tajbin”. Skont l-Artikolu 2(24), stat kimiku tajjeb huwa relatat mal-konċentrazzjoni ta’ pollutanti. Ir-rekwiżiti marbuta ma’ stat ekoloġiku tajjeb jirriżultaw mill-Artikolu 2(22) kif ukoll mill-Anness V. |
66. |
Id-devjazzjoni parzjali ta’ xmara, jiġifieri l-estrazzjoni ta’ kwantitajiet kbar ta’ ilma minn distrett ta’ baċin tax-xmara, ċertament li mhix stabbilita espressament fil-kriterji għall-istat tajjeb ta’ mases ta’ ilma tal-wiċċ. Iżda l-Kummissjoni tissottometti, b’mod kredibbli, il-fatt li l-akkumulu ta’ ilma tal-wiċċ bl-għan tad-devjazzjoni parzjali tiegħu, jaffettwa l-istat tiegħu. It-tnaqqis ta’ kwantitajiet ta’ ilma jista’ wkoll jaffettwa l-istat ekoloġiku jew kimiku tal-massa tal-ilma. B’hekk, skont il-punt 1.1.1 tal-Anness V tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, l-evalwazzjoni tal-istat ta’ xmara għandha wkoll tirrigwarda s-sistema idroloġika — inkluż b’mod partikolari l-fluss tal-ilma — u l-kundizzjonijiet morfoloġiċi — inkluża b’mod partikolari l-varjazzjoni fil-fond u l-wisa’ tax-xmara, l-istruttura u s-sottostratigrafija tal-qiegħ, kif ukoll l-istruttura tax-xatt. Bl-istess mod, il-punt (viii) tal-Parti B tal-Anness VI jistabbilixxi li l-programmi ta’ miżuri jistgħu jinkludu kontrolli fuq l-estrazzjoni; il-punt (i) tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 8(1), jistabbilixxi s-sorveljanza tal-volum u tal-livell jew tal-fluss sa fejn hija rilevanti għall-istat ekoloġiku u kimiku u għall-potenzjal ekoloġiku; fl-aħħar nett, skont il-premessa 41, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kwantitajiet ta’ ilma disponibbli, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji ġenerali għall-kontroll tal-estrazzjoni u l-ġbir biex tkun żgurata l-vijabbiltà ambjentali tas-sistemi idroloġiċi kkonċernati. |
67. |
Jekk konsegwentement il-Kunsill tal-Istat kellu jasal għall-konklużjoni li l-proġett ta’ devjazzjoni jrendi impossibbli l-konservazzjoni jew ir-restawr ta’ stat tajjeb tal-ilmijiet, l-imsemmi proġett ikun inkompatibbli mal-għanijiet ambjentali tal-Artikolu 4(1) tal-Direttiva Qafas dwar l-ilma. |
d) Fuq id-deroga mill-għanijiet ambjentali
68. |
Ksur tal-għanijiet ambjentali ma jikkostitwixxix madankollu ostakolu insurmontabbli għat-twettiq tal-proġett. Fil-fatt, l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma fih ukoll dispożizzjonijiet għad-deroga mill-għanijiet ambjentali. |
69. |
L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jippermetti li jiġu estiżi t-termini stabbiliti għall-kisba ta’ stat tajjeb. Huwa prinċipalment l-obbligu tar-restawr tal-ilmijiet li huwa kkonċernat. Il-projbizzjoni tad-degradazzjoni tal-ilmijiet lanqas ma hija mxejna. Din id-dispożizzjoni mhix applikabbli għall-awtorizzazzjoni ta’ miżura li tiddeterjora l-istat tal-ilmijiet. |
70. |
L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jippermetti li jiġu stabbiliti għanijiet ambjentali inqas stretti għal ċerti mases ta’ ilma partikolari, meta dawn tal-aħħar ikunu tant milquta mill-attività umana li t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet ikun impossibbli jew jilħaq spiża sproporzjonata, u ċerti kundizzjonijiet addizzjonali huma sodisfatti. Din id-dispożizzjoni tista’ tkun ta’ importanza wara t-twettiq tal-proġett ta’ devjazzjoni, iżda ma tistax tkun applikabbli għall-awtorizzazzjoni tal-imsemmi proġett. |
71. |
L-Artikolu 4(6) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma lanqas ma huwa rilevanti inkwantu dan jikkonċerna biss id-deterjorazzjoni temporanja tal-istat tal-ilmijiet. |
72. |
F’każ ta’ proġett ġdid, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, huwa, kuntrarjament, abbażi tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma li għandu jiġi evalwat jekk id-deroga hijiex legali meta mqabbla mal-għanijiet ambjentali. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi b’mod dettaljat kif il-proġetti l-ġodda jistgħu jiġġustifikaw deroga, abbażi ta’ interessi iktar importanti, meta mqabbla mal-għanijiet ambjentali tal-Artikolu 4(1). L-Artikolu 4(8) u (9) jistabbilixxi kundizzjonijiet addizzjonali għad-deroga mill-paragrafu 1. Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4(7) sa (9) ser jiġu parzjalment evokati fil-partijiet l-oħra tat-tieni u t-tielet domanda preliminari. |
73. |
Fil-qosor, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi għall-ewwel parti tat-tielet domanda tal-Kunsill tal-Istat, ikun meħtieġ li tingħata r-risposta segwenti: l-awtorizzazzjoni għat-trasferiment tal-ilma minn distrett ta’ baċin tax-xmara għal distrett ta’ baċin tax-xmara fil-viċinat huwa kompatibbli mad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, jekk tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1),(7),(8) u (9) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. |
3. Fuq it-tieni domanda — il-ħtieġa li jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ ġestjoni għad-distretti idrografiċi
74. |
Permezz tat-tieni domanda tiegħu, il-Kunsill tal-Istat jixtieq ikun jaf jekk dispożizzjoni nazzjonali hijiex kompatibbli mad-Direttiva Qafas dwar l-ilma meta tawtorizza t-trasferiment tal-ilma minn ċertu baċin tax-xmara lejn ieħor, mingħajr ma jkunu ġew preliminarjament redatti l-pjanijiet ta’ ġestjoni għad-distretti idrografiċi fejn ikunu jinsabu l-imsemmija baċini idrografiċi. |
75. |
Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, din id-domanda tidher li hija ipotetika, inkwantu l-Liġi 3481/2006 tinkludi fiha pjanijiet ta’ ġestjoni għaż-żewġ baċini idrografiċi. Ma jidhirx li hemm, f’kull distrett ta’ baċin tax-xmara, baċini idrografiċi addizzjonali mhux koperti mill-pjanijiet ta’ ġestjoni. Madankollu, hija l-validità tal-pjanijiet ta’ ġestjoni li hija kkontestata. Il-Kunsill tal-Istat iqis barra minn hekk li skont l-Artikoli 3(1), 5(1), 11(1) u 13(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, il-pjanijiet ta’ ġestjoni u l-programmi ta’ miżuri ma għandhomx jiġu deċiżi individwalment għall-baċini idrografiċi speċifiċi, kif huwa l-każ f’din il-kawża, iżda, kuntrarjament, li huwa meħtieġ l-ippjanar globali fil-livell nazzjonali u reġjonali. Fin-nuqqas, skont il-Kunsill tal-Istat, ma jkunx permess li l-ilma jiġi ddevjat minn distrett ta’ baċin tax-xmara lejn ieħor. Għalhekk mhix biss kwistjoni li jiġi stabbilit jekk jeżistux pjanijiet ta’ ġestjoni għad-distretti idrografiċi konkretament ikkonċernati, iżda jekk jeżistux pjanijiet għall-bqija tat-territorju Grieg. |
76. |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, il-baċini kollha idrografiċi huma inkorporati f’distretti idrografiċi. Skont l-Artikolu 13(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-tħejjija ta’ pjan ta’ ġestjoni għal kull distrett ta’ baċin tax-xmara li jinsab kollu kemm hu fit-territorju tiegħu. Skont l-Artikolu 11(1), kull Stat Membru għandu jiżgura wkoll it-tħejjija, għal kull distrett ta’ baċin tax-xmara jew għal dik il-parti tad-distrett ta’ baċin tax-xmara internazzjonali li tinsab fit-territorju tiegħu, ta’ programm ta’ miżuri li jqis ir-riżultati tal-analiżi — li jridu jitwettqu preliminarjament — previsti fl-Artikolu 5, biex jitwettqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4. |
77. |
Jekk l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu, qabel l-iskadenza, pjan ta’ ġestjoni għall kull distrett ta’ baċin tax-xmara, madankollu, ma jirriżultax immedjatament mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq li d-devjazzjoni tal-ilma bejn id-distretti idrografiċi hija pprojbita, kemm-il darba jkun hemm pjanijiet ta’ ġestjoni għad-distretti kollha idrografiċi tal-Istat Membru. |
78. |
Kif diġà ntqal, l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jista’ madankollu jkun ta’ ostakolu għal tali devjazzjoni, jekk din tal-aħħar ma tkunx tippermetti l-konservazzjoni jew ir-restawr tal-istat tajjeb tal-massa tal-ilmijiet tal-wiċċ. F’din il-kawża, id-devjazzjoni ma tkunx leċita ħlief jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4(7) jiġu sodisfatti. |
79. |
Skont l-Artikolu 4(7)(b) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, ir-raġunijiet għall-proġett li jmorru kontra l-għanijiet ambjentali tal-Artikolu 4(1) għandhom ikunu indikati fil-pjan ta’ ġestjoni tad-distrett ta’ baċin tax-xmara, rikjest skont l-Artikolu 13 u l-għanijiet għandhom jiġu reveduti kull sitt snin. Barra minn hekk, għal kull deroga, l-Artikolu 4(8) jimponi li l-imsemmija deroga ma timpedixxix jew ma tikkompromettix, għal tul ta’ żmien, it-twettiq tal-għanijiet tad-direttiva f’mases oħra tal-ilma fl-istess distrett ta’ baċin tax-xmara. |
80. |
Minn dan jirriżulta li d-distretti idrografiċi kkonċernati għandhom ikunu s-suġġett ta’ analiżi ddettaljata u li l-ġestjoni tagħhom għandha tkun ġiet ippjanata, qabel ma jkunu jistgħu jittieħdu miżuri li huma inkompatibbli mal-għanijiet ambjentali tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. |
81. |
Kuntrarjament, id-Direttiva Qafas dwar l-ilma ma fiha l-ebda dispożizzjoni li tissuġġetta espressament tali miżuri għall-analiżi ta’ distretti oħra idrografiċi jew għat-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni għall-baċini ta’ dawn id-distretti. Tali pjanijiet u analiżi jistgħu biss ikunu utli f’każijiet iżolati, meta r-rikors għal distretti idrografiċi oħra jkun jikkostitwixxi alternattiva possibbli għad-devjazzjoni prevista. |
82. |
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal din id-domanda, ikun konsegwentement meħtieġ li tiddikjara li d-distretti idrografiċi kkonċernati għandhom ikunu s-suġġett ta’ analiżi profonda u li l-ġestjoni tagħhom għandha tkun ippjanata, qabel ma jkunu jistgħu jittieħdu miżuri li huma inkompatibbli mal-għanijiet ambjentali tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. L-analiżi ta’ distretti idrografiċi oħra u, għalhekk, il-pjanijiet ta’ ġestjoni għall-baċini idrografiċi ta’ dawn id-distretti ma humiex meħtieġa, kemm-il darba r-rikors għal dawn id-distretti idrografiċi ma jkunx jikkostitwixxi alternattiva possibbli għall-miżuri previsti. |
4. Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda — l-għanijiet legali ta’ devjazzjoni
83. |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda tiegħu, il-Kunsill tal-Istat jixtieq ikun jaf jekk it-trasferiment jistax ikollu bħala għan esklużiv tiegħu, is-sodisfazzjon tal-ħtieġa tal-provvista ta’ ilma li huwa tajjeb għax-xorb jew jistax iservi wkoll għall-irrigazzjoni u għall-produzzjoni tal-enerġija. |
84. |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 4(7)(ċ) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jirriżulta li l-modifiki għandhom iwieġbu għal interess ġenerali suprem u/jew li l-benefiċċji għall-ambjent u għas-soċjetà li huma marbuta mat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu inferjuri għall-benefiċċji għas-saħħa umana, għaż-żamma tas-sigurtà tal-persuni jew għall-iżvilupp sostenibbli li jirriżultaw mill-modifiki l-ġodda. |
85. |
Normalment, provvista suffiċjenti ta’ ilma li huwa tajjeb għax-xorb lill-popolazzjoni, tissodisfa interess ġenerali suprem u huwa barra minn hekk, fil-prinċipju, ta’ importanza kbira għas-saħħa umana. Għalhekk, il-premessa 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma tikklassifika l-provvista tal-ilma bħala servizz ta’ interess ġenerali. |
86. |
Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjonijiet tal-prefettura ta’ Karditsa u ta’ Trikala ġustament jenfasizzaw li, minbarra l-provvista ta’ ilma li huwa tajjeb għax-xorb, l-Artikolu 4(3)(a)(iii) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jirrikonoxxi wkoll, fil-prinċipju, il-produzzjoni tal-elettriku jew l-irrigazzjoni, bħala interessi ġenerali leġittimi. Madankollu, l-aħħar żewġ interessi msemmija huma inqas importanti mill-provvista ta’ ilma li huwa tajjeb għax-xorb, sakemm in-natura tagħhom tkun prinċipalment ta’ natura ekonomika. |
87. |
Xorta jibqa’ l-fatt li, minkejja l-effetti ħżiena tagħha fuq l-ambjent, l-enerġija idrawlika hija eżempju tipiku tal-produzzjoni tal-enerġija sostenibbli. |
88. |
Wieħed ma għandux, barra minn hekk, jonqos milli fl-ewwel lok iqis l-irrigazzjoni tal-uċuħ agrikoli bħala interess suprem jew — eventwalment — bħala miżura ta’ żvilupp sostenibbli. Il-fatt li tiġi permessa l-irrigazzjoni f’ċerti żoni jista’ fil-fatt jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika agrikola ta’ Stat Membru. |
89. |
Madankollu, ir-rikonoxximent ta’ tali għanijiet mhux bilfors ifisser li dawn tal-aħħar jiġġustifikaw il-proġett. Fil-fatt, iż-żewġ varjanti fil-mira li jiġġustifikaw proġett imsemmi fl-Artikolu 4(7)(ċ) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, jimplikaw li jiġu bbilanċjati, minn naħa, l-utilità tal-miżura u, min-naħa l-oħra, l-effetti negattivi tagħha fuq il-konservazzjoni jew ir-restawr tal-istat tajjeb tal-ilmijiet. Dan il-bilanċ huwa espressament previst għall-miżuri li jservu lis-saħħa umana, il-manteniment tas-sigurtà tal-persuni jew l-iżvilupp sostenibbli. A fortiori, interess ġenerali ieħor — li min-natura tiegħu jkun inqas importanti — favur miżura partikolari, għandu jipprevali fuq il-konsegwenzi negattivi tal-miżura, biex ikun jista’ jkun “suprem”. |
90. |
Għall-finijiet ta’ dan il-bilanċ, l-Istati Membri għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni, sa fejn tirrigwarda deċiżjoni kumplessa li tinvolvi fatturi pronostiċi ( 19 ). Madankollu, għal dak li għandu x’jaqsam mal-interess tal-irrigazzjoni, huwa meħtieġ b’mod partikolari li jittieħed inkunsiderazzjoni l-argument imressaq mill-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Aitoloakarnania et li t-tkabbir tal-qoton jista’ jkun partikolarment żvantaġġjuż għall-ambjent ( 20 ). L-interess favur forma agrikola li hija partikolarment ta’ ħsara għandha biss importanza limitata. Iżda kuntrarjament għal dak li tikkonferma l-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Aitoloakarnania et, ma jistax jiġi ddikjarat b’mod assolut li l-politika agrikola Ewropea għandha pożizzjoni ostili fil-konfront tat-tkabbir tal-qoton. Anzi għall-kuntrarju, is-sostenn ta’ dan it-tkabbir huwa dejjem kopert mid-dritt primarju — jiġifieri l-Protokoll Nru 4 dwar il-qoton, anness mat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Greċja ( 21 ) — u għalhekk huwa wkoll implementat fid-dritt idderivat ( 22 ). |
91. |
Huwa meħtieġ għalhekk, jekk ikun il-każ, li r-risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda tkun li abbażi tal-Artikolu 4(7)(ċ) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, l-għanijiet tal-provvista tal-ilma, tal-irrigazzjoni u tal-provvista tal-enerġija jkunu jistgħu jiġġustifikaw il-miżuri inkompatibbli mal-għanijiet ambjentali tal-Artikolu 4(1) meta l-kontribuzzjonijiet ta’ dawn il-miżuri għall-kisba tal-għanijiet iċċitati iktar ’il fuq, ikunu jipprevalu fuq il-preġudizzju kkawżat lill-għanijiet ambjentali. |
5. Dwar it-tielet parti tat-tielet domanda — it-tiftix ta’ alternattivi
92. |
Fost elementi oħra, it-tielet sottodomanda tat-tielet domanda hija importanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-piż li għandhom l-għanijiet iċċitati iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, huwa meħtieġ, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-direttiva, li l-amministrazzjoni tkun qieset, b’mod immotivat li huwa impossibbli għad-distrett ta’ baċin tax-xmara li qiegħed jirċievi li jissodisfa, permezz tar-riżorsi akwatiċi tiegħu, il-ħtiġijiet tiegħu ta’ ilma li huwa tajjeb għax-xorb, ta’ irrigazzjoni, eċċ. |
93. |
Kif tissottometti l-Kummissjoni, il-ħtieġa li jiġu evalwati l-ħtiġijiet tad-distrett ta’ baċin tax-xmara li qed jirċievi, tirriżulta mit-tiftix għal soluzzjonijiet alternattivi previst fl-Artikolu 4(7)(d) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. Għalhekk, biex id-deroga mill-għanijiet ambjentali tal-Artikolu 4(1) tkun tista’ tiġi ġġustifikata, jeħtieġ ukoll li l-għanijiet benefiċjali segwiti mill-modifiki tal-massa tal-ilma ma jistgħux, għal raġunijiet ta’ twettiq tekniku jew spejjeż sproporzjonati, jiġu ppreġudikati b’mezzi oħra li jikkostitwixxu għażla ambjentali li hija sensibbilment aħjar. |
94. |
Minn dan jirriżulta li qabel devjazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk id-distrett ta’ baċin tax-xmara li qed jirċiervi jistax jissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu permezz tar-riżorsi tiegħu stess bi spiża proporzjonata u jekk dan jikkostitwixxix għażla ambjentali li hija sensibbilment aħjar. F’dan il-kuntest, jeħtieġ ukoll li tiġi prevista bidla għat-tkabbir ta’ uċuħ agrikoli oħra li jeħtieġu inqas irrigazzjoni ( 23 ). |
95. |
Ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni jikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-devjazzjoni potenzjali fid-dawl tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. Skont l-Artikolu 4(7)(b) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, għandu għalhekk jirriżulta b’mod iddettaljat mill-pjan ta’ ġestjoni. |
96. |
Konsegwentement, jeħtieġ li r-risposta għat-tielet parti tat-tielet domanda tkun fis-sens li skont l-Artikolu 4(7)(b) u (d) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, għandu jintwera, fil-pjan ta’ ġestjoni, li d-distrett ta’ baċin tax-xmara li qed jirċievi ma jistax jissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu tal-ilma permezz tar-riżorsi tiegħu stess, bi spiża raġonevoli jew li tali għażla ma tkunx tikkostitwixxi għażla ambjentali li hija sensibbilment aħjar. |
6. Fuq ir-raba’ domanda — l-effetti antiċipati tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma
97. |
Il-Kunsill tal-Istat qed jagħmel ir-raba’ domanda fl-ipoteżi li l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, b’mod partikolari, ma jkunx applikabbli ratione temporis għall-kawża preżenti. Fid-dawl tal-pożizzjoni li ħadt hawnhekk dwar l-ewwel domanda ( 24 ), jeħtieġ li għaldaqstant tingħata risposta. |
98. |
Il-Kunsill tal-Istat jixtieq ikun jaf jekk, fiha nfisha, id-devjazzjoni tal-ilma minn baċin tax-xmara għall-ieħor, mingħajr ma jkunu preliminarjament ġew redatti l-pjanijiet ta’ ġestjoni għad-distretti idrografiċi li fihom jinsabu l-imsemmija baċini idrografiċi, hijiex biżżejjed biex tikkomprometti l-effettività tad-direttiva, jew jekk kriterji bħalma huma l-portata tal-interventi previsti jew l-għanijiet tat-trasferiment tal-ilma għandhomx ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
a) Fuq il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-effett antiċipat ta’ direttivi
99. |
Din il-kwistjoni hija bbażata fuq il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, qabel l-iskadenza tat-terminu għal traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri li hija indirizzata lilhom għandhom jastjenu milli jadottaw dispożizzjonijiet ta’ natura tali li tikkomprometti serjament ir-riżultat preskritt minn din id-direttiva. Peress li dan l-obbligu ta’ astensjoni huwa impost fuq l-awtoritrajiet kollha, għandu wkoll jinftiehem li jirreferi għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura, ġenerali jew speċifika, li tista’ tipproduċi tali effett ta’ kompromess ( 25 ). Dan l-obbligu ta’ astensjoni huwa impost fuq l-Istati Membri, abbażi tal-Artikoli 4(3)TUE u 288(3)TFUE applikati flimkien, anki waqt il-perijodu tranżitorju li matulu huma awtorizzati jkomplu japplikaw is-sistemi nazzjonali tagħhom, anki jekk dawn ma jkunux konformi mad-direttiva inkwistjoni ( 26 ). |
100. |
Minn dan jirriżulta li anki waqt il-perijodu tranżitorju intiż għall-istabbiliment ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni u ta’ programmi ta’ miżuri, l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jieħdu miżuri li huma ta’ natura tali li jikkompromettu serjament l-għanijiet stabbiliti bid-Direttiva Qafas dwar l-ilma. |
101. |
Fid-dawl tal-projbizzjoni tad-devjazzjoni stipulata fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, l-obbligu ċċitat iktar ’il fuq huwa iktar iġġustifikat milli għal direttivi oħra. Fil-fatt, l-għanijiet ambjentali ta’ dan it-test leġiżlattiv ma humiex limitati għall-projbizzjoni tad-deterjorazzjoni, jiġifieri l-obbligu li li jiġu impediti deterjorazzjonijiet; skont il-punt (ii) jiżdied, għall-kuntrarju, sa mhux iktar tard mill-iskadenza tal-perijodu tranżitorju stabbilit biex jiġu stabbiliti l-pjanijiet ta’ ġestjoni, l-obbligu tar-restawr, jiġifieri l-obbligu li jiġi ġġenerat stat tajjeb tal-ilmijiet. Ikun kontradittorju jekk fl-ewwel lok l-istat tal-ilmijiet jiġi ddeterjorat biex sussegwentement ikollu jiġi rrestawrat. |
b) Fuq l-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali
102. |
Il-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali lanqas ma jipprekludu l-effett antiċipat tal-projbizzjoni mid-deterjorazzjoni. |
103. |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għandu jiġi osservat mill-Istati Membri fl-implementazzjoni tagħhom tad-dritt tal-Unjoni ( 27 ). Dan il-prinċipju jipprekludi li kwalunkwe emenda fid-dispożizzjoni applikabbli ċċaħħad retroattivament lill-persuna kkonċernata minn dritt li hija tkun akkwistat bis-saħħa tad-dispożizzjoni preċedenti ( 28 ). Barra minn hekk, ir-regoli tad-dritt sostantiv tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet miksuba qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ, sakemm ma jirriżultax b’mod ċar mit-termini tagħhom, mill-għanijiet tagħhom jew mill-istruttura tagħhom li għandhom jiġu attribwiti dan l-effett ( 29 ). |
104. |
Iżda f’din il-kawża, ma jeżisti l-ebda dritt miksub għall-awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ devjazzjoni, peress li l-Kunsill tal-Istat annulla mill-ġdid l-awtorizzazzjonijiet kollha mogħtija preċedentement. Is-sitwazzjoni ma ġietx ikkonkretizzata kif rikjest ( 30 ). Il-fatt biss li tinbeda proċedura ta’ awtorizzazzjoni mhux biżżejjed biex jiġi stabbilit dritt għal għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni. |
105. |
Il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi lanqas ma jinkiser jekk waqt il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, kundizzjonijiet iktar stretti jiġu applikati. Min-naħa l-oħra huwa legali, fil-prinċipju, li tiġi applikata leġiżlazzjoni ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet futuri taħt is-ssitema tal-leġiżlazzjoni preċedenti ( 31 ). Fil-fatt, dan il-prinċipju ma jistax jiġi estiż sal-punt li jipprojbixxi, b’mod ġenerali, regola ġdida milli tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li joriġinaw mis-sistema tar-regola preċedenti ( 32 ). |
106. |
Il-proċedura għall-awtorizzazzjoni li tkun għadha għaddejja għandha titqies bħala sitwazzjoni li qamet taħt is-sistema tar-regola preċedenti; id-deċiżjoni finali, li hija effett futur ta’ din is-sitwazzjoni, tiġi deċiża abbażi tal-leġiżlazzjoni l-ġdida ( 33 ). Minn dan jirriżulta li l-aspettattivi leġittimi ma jistgħux jiġu invokati. |
107. |
Madankollu, l-effett antiċipat tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni huwa limitat minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ emendi fundamentali fid-dritt proċedurali għal proċeduri li jkunu diġà nbdew meta d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttiva jkunu daħlu fis-seħħ. Ċertament li r-regoli proċedurali huma ġeneralment preżunti li japplikaw għall-kawżi kollha li jkunu pendenti fil-mument meta daħlu fis-seħħ ( 34 ). Iżda kif jenfasizzaw l-amministrazzjonijiet ta’ Thessalie kif ukoll DEI, kemm fil-qasam tad-dritt tal-ambjent ( 35 ) kif ukoll tal-kuntratti pubbliċi ( 36 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat, anki wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, li tapplika emendi fid-dritt proċedurali li kienu importanti, għal proċeduri li kienu pendenti. F’dawn is-sentenzi, il-kwistjoni kienet waħda ta’ twettiq, fi proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li kienu pendenti, ta’ evalwazzjonijiet addizzjonali skont id-Direttiva EIA, li kien jirrikjedi studji li jiswew ħafna flus u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku; f’kawżi relatati ma’ kuntratti pubbliċi, il-kwistjoni kienet waħda li jiġi stabbilit jekk ir-rekwiżiti tad-Direttiva 93/38/KEE ( 37 ) dwar il-formalitjiet tas-sejħiet għall-offerti kellhomx jiġu osservati fi proċeduri ta’ għoti pendenti. Il-qorti xtaqet tevita li proċeduri, li kienu diġà kumplessi fil-livell nazzjonali u formalment mibdija qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, jittaqqlu u jiddewmu minħabba rekwiżiti speċifiċi imposti minn din tal-aħħar, u li sitwazzjonijiet li kienu diġà stabbiliti jiġu affettwati minnha ( 38 ). Barra minn hekk, l-effett antiċipat tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma ma għandux jirriżulta fil-ħolqien ta’ tali stadji proċedurali addizzjonali. Huwa meħtieġ mandankollu li tiġi distinta l-applikazzjoni tar-rekwiżiti riżultanti mid-dritt sostantiv — pereżempju l-projbizzjoni mid-deterjorazzjoni ( 39 ). |
108. |
Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata preċiża tal-effetti antiċipati tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni, ir-rimarki dwar l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma magħmula fil-kuntest tat-tieni u t-tielet domanda jistgħu jkunu ta’ ċerta utilità. Madankollu, kwalunkwe theddida ta’ ksur tal-Artikolu 4 ma tqiegħedx awtomatikament f’periklu serju l-għanijiet tad-direttiva. Dan il-periklu għandu kuntrarjament jippersisti anki wara l-iskadenza tat-terminu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4 u dan mhux biss provviżorjament. Il-periklu għandu barra minn hekk ikun serju, jiġifieri għandu jkun ta’ ċerta portata. Fl-aħħar nett, l-effetti antiċipati tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma ma għandhomx jaslu biex jobbligaw lill-Istati Membri jadottaw b’mod prematur, qabel l-iskadenzi espressament stipulati, il-miżuri meħtieġa għat-tħejjija tal-applikazzjoni tad-direttiva jew l-obbligu tar-restawr. |
c) Il-każ preżenti
109. |
Fil-każ preżenti, huwa meħtieġ għalhekk li jsiru r-rimarki segwenti: |
110. |
In-natura kontinwa tal-proġett ta’ devjazzjoni hija evidenti. Huwa l-kompitu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u eventwalment tal-Kunsill tal-Istat li jevalwaw jekk iqiegħedx f’periklu serju l-għanijiet tad-direttiva. |
111. |
Madankollu, wieħed ma jistax jikkonferma t-tqegħid f’periklu serju, minħabba r-raġuni unika li d-devjazzjoni titwettaq qabel l-eżistenza ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni għad-distretti implikati. Jekk, fid-dawl tar-rimarki magħmula dwar it-tieni domanda ( 40 ), tali pjanijiet ikunu ċertament meħtieġa wara l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju, madankollu, jista’ jirriżulta, irrispettivament minn dawn il-pjanijiet, li d-devjazzjoni ma tiksirx jew tikser ftit biss l-għanijiet ambjentali tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. |
112. |
L-ewwel stadju biex jiġi vverifikat jekk id-devjazzjoni tqiegħedx f’periklu serju l-għanijiet tad-Direttiva Qafas, jikkonsisti għalhekk fl-eżami, fid-dawl tal-kriterji tad-direttiva, tal-konsegwenzi tal-proġett fuq l-għanijiet tal-Artikolu 4(1). |
113. |
Jekk jiġi konkluż għalhekk li l-għanijiet huma serjament kompromessi, ikun meħtieġ ukoll li jiġi vverifikat jekk il-miżura hijiex iġġustifikata. Fil-fatt, qabel l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju, il-libertà fl-aġir ma tistax tiġi iktar ristretta milli għall-applikazzjoni kompleta tad-direttiva. Mill-bqija, kif diġà enfasizzajt, il-ksur tal-għanijiet ambjentali tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jista’ jiġi ġġustifikat. |
114. |
Hemm żewġ bażijiet legali possibbli għal din il-ġustifikazzjoni: minn naħa, it-trattament tal-proġett bħala modifika ġdida tal-karatteristiċi fiżiċi tal-massa tal-ilma tal-wiċċ, jiġifieri bħala attività ta’ żvilupp sostenibbli fis-sens tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma ( 41 ); u min-naħa l-oħra, it-trattament tal-massa tal-ilma li diġà ġiet affettwata mill-attività umana, fis-sens tal-Artikolu 4(5). Din l-aħħar klassifikazzjoni tirrendi ġustifikazzjoni iktar faċli. Iż-żewġ bażijiet legali ċċitati iktar ’il fuq għandhom japplikaw fid-dawl tal-Artikolu 4(8) u (9). |
115. |
L-Artikolu 4(5) għadu ma ġiex invokat, peress li sa issa l-kwistjoni kienet waħda ta’ modifiki ġodda fuq il-massa tal-ilma, li huma rregolati mill-Artikolu 4(7). Iżda fil-kuntest tal-effetti antiċipati tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, il-kwistjoni hija waħda ta’ prevenzjoni ta’ miżuri li jwasslu f’data sussegwenti — jiġifieri, mal-iskadenza fl-aħħar tal-2009 tal-perijodu tranżitorju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4 — sitwazzjoni li hija inkompatibbli mad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Jekk, għalhekk, il-Liġi 3481/2006 kellha bħala riżultat li l-Acheloos kien diġa affettwat b’mod sinjifikattiv mill-attività umana fl-aħħar tal-2009, dan l-effett u, għalhekk, il-liġi, għandhom jiġu kkontrollati fir-rigward tal-Artikolu 4(5). |
116. |
Ċertament, mid-dikjarazzjonijiet tal-partijiet jirriżulta li diga, b’mod partikolari, tista’ tkun diġà tlestiet għalkemm id-devjazzjoni fiha nfisha ma tkunx għadha twettqet. Jidher għalhekk improbabbli li l-Acheloos diġà ġiet ippreġudikata mid-devjazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. |
117. |
Minn dan jirriżulta li anki biex jiġi eżaminat jekk il-proġett ta’ devjazzjoni kienx jikkomprometti serjament l-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, id-dispożizzjoni rilevanti hija probabbilment l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva. F’dan ir-rigward nirreferi għar-rimarki magħmula dwar it-tieni u t-tielet domanda. |
118. |
Iżda kuntrarjament għal dak li ser ikun rikjest waqt l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, lanqas ma huwa rikjest, fil-kuntest tal-ġustifikazzjoni tad-danni għall-għanijiet ambjentali tal-Artikolu 4(1) li l-pjanijiet ta’ ġestjoni jkunu diġà eżistenti. Fil-fatt, skont il-formulazzjoni espressa tal-Artikolu 13(6), it-terminu għat-tħejjija ta’ dawn il-pjanijiet kien għadu ma skadiex. Mill-bqija, l-adozzjoni tagħhom teħtieġ ħafna żmien minħabba l-parteċipazzjoni imperattiva tal-pubbliku ( 42 ). Madankollu, ġustifikazzjoni tal-effett tirrikjedi bażi xjentifika komparabbli ma’ dik tal-pjanijiet ta’ ġestjoni. Fil-fatt, mingħajr l-għarfien korrispondenti, il-bilanċ u t-tiftix għal alternattiva, li huma rikjesti, ma jkunux possibbli. L-awtoritajiet kompetenti ma jkunux għalhekk jistgħu jevalwaw konkretament la l-vantaġġi tal-proġett, u lanqas il-konsegwenzi sfavorevoli tiegħu. |
119. |
Waqt l-adozzjoni tal-Liġi 3481/2006, parti mir-riżultati tat-traspożizzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma bilfors li kienu diġà eżistenti u jistgħu jkunu utli fil-kuntest ta’ dan l-eżami. B’hekk, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, kellhom jitwettqu qabel it-22 ta’ Diċembru 2004, għal kull distrett ta’ baċin tax-xmara, analiżi tal-karatteristiċi tiegħu, studju tal-effetti tal-attività umana fuq l-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ u tal-ilmijiet sottoterranji u analiżi ekonomika tal-użu tal-ilma. Ukoll il-programmi għas-sorveljanza tal-istat tal-ilmijiet, stabbiliti fl-Artikolu 8, kif ukoll l-iskedi u l-programmi ta’ xogħol — għat-tħejjija tal-pjanijiet ta’ ġestjoni — rikjesti mill-Artikolu 14(1)(a), kellhom ukoll ikunu kważi lesti, peress li kienu rikjesti għat-22 ta’ Diċembru 2006. Huwa biss kieku kien meħtieġ għarfien iktar metikoluż li kellhom jitħejjew b’mod antiċipat meta mqabbla mal-bqija tat-traspożizzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. |
120. |
Barra minn hekk, kif intqal fir-rigward tat-tielet parti tat-tielet domanda, din il-ġustifikazzjoni ( 43 ) tiddependi mill-għanijiet tal-miżuri. |
121. |
Fil-qosor, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, adottata fit-terminu speċjali stabbilit għat-tħejjija tal-pjanijiet ta’ ġestjoni u tal-programmi ta’ miżuri, li tawtorizza t-trasferiment tal-ilma minn baċin tax-xmara għall-ieħor, tikkomprometti serjament l-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma meta din id-devjazzjoni tiġġenera stat ta’ ilmijiet li huwa inkompatibbli, b’mod dejjiemi u mhux negliġibbli, mal-Artikolu 4 tad-Direttiva. F’dan ir-rigward, ġustifikazzjoni abbażi ta’ interessi ġenerali supremi hija wkoll possibbli fil-kuntest tal-effetti antiċipati tal-Artikolu 4; jekk il-pjanijiet ta’ ġestjoni ma humiex rikjesti, id-dispożizzjoni nazzjonali għandha madankollu tkun ġiet adottata abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti. |
7. Fuq il-ħames domanda — il-parteċipazzjoni tal-pubbliku
122. |
Permezz tal-ħames domanda, il-Kunsill tal-Istat jixtieq ikun jaf jekk, minkejja li d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ma jistabbilixxu, fil-proċedura quddiem il-parlament nazzjonali, l-ebda fażi ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku u għalkemm ma jirriżultax mill-provi fil-proċess li l-proċedura ta’ konsultazzjoni quddiem l-amministrazzjoni, prevista fid-direttiva, ġiet osservata, dispożizzjoni leġiżlattiva adottata mill-parlament nazzjonali u li tapprova pjanijiet ta’ ġestjoni għall-baċini idrografiċi, hijiex kompatibbli mad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. |
123. |
L-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Magnisia u DEI jqisu ċertament li din id-domanda hija ipotetika inkwantu, waqt l-adozzjoni tal-liġi kkontestata, ma kien jeżisti l-ebda obbligu ta’ tħejjija tal-pjanijiet ta’ ġestjoni. Madankollu, fil-kawża prinċipali ġew adottati b’mod partikolari żewġ pjanijiet ta’ ġestjoni permezz tal-Liġi 3481/2006 u huwa verosimili li dawn għadhom fis-seħħ — jiġifieri anki wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tranżizzjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Istat forsi jqis li dawn il-pjanijiet ta’ ġestjoni kienu meħtieġa skont il-liġi Griega, li huwa jixtieq japplika, b’mod prudenti u b’mod li huwa konformi mar-rekwiżiti proċedurali tad-direttiva. Għalhekk mhux eskluż li tinħtieġ risposta għal din id-domanda biex il-kawża prinċipali tkun tista’ tiġi deċiża. |
124. |
In-nuqqas ta’ kwalunkwe konsultazzjoni jista’ jmur kontra l-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tikkonferixxi lil individwi u lil partijiet ikkonċernati, d-dritt li jipparteċipaw b’mod attiv fl-implementazzjoni tad-direttiva u, b’mod partikolari, fil-produzzjoni, reviżjoni u aġġornament tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tad-distrett ta’ baċin tax-xmara ( 44 ). |
125. |
Għal dan il-għan, l-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jimponi l-pubblikazzjoni ta’ diversi dokumenti f’intervalli preċiżi u qabel ma jibda jiddekorri l-perijodu stabbilit għall-pjan ta’ ġestjoni. Għalhekk għandhom jiġu ppubblikati: għall-inqas tliet snin qabel id-dħul tagħha fis-seħħ, skeda għat-tħejjija tal-pjan; sentejn qabel id-dħul fis-seħħ, sintesi provviżorja tad-domandi importanti dwar il-baċin tax-xmara fil-qasam tal-ġestjoni tal-ilma; u għall-inqas sena qabel id-dħul fis-seħħ, huma l-abbozzi tal-pjanijiet ta’ ġestjoni li għandhom ikunu disponibbli. Jekk jiġu mitluba, id-dokumenti l-oħra ta’ referenza għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni. Skont l-Artikolu 14(2), biex tkun permessa l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva, l-Istati Membri għandhom għall-inqas jipprevedu sitt xhur għar-redazzjoni bil-miktub tal-osservazzjonijiet fuq id-dokumenti. |
126. |
Ma teżisti l-ebda deroga għal dawn ir-rekwiżiti li hija applikabbli għat-tħejjija tal-pjanijiet ta’ ġestjoni. Iktar partikolarment, il-miżuri leġiżlattivi ma jibbenefikaw mill-ebda eċċezzjoni bħal dik tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva EIA. |
127. |
Kuntrarjament għal dak li tiddikjara l-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Larissa, din bl-ebda mod ma hija kwistjoni ta’ lakuna li wieħed għandu, b’analoġija, jagħmel tajjeb għaliha bl-applikazzjoni tad-Direttiva EIA ( 45 ). Għall-kuntrarju jeħtieġ li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni volontarjament astjena milli jirregola tali eċċezzjoni favur proċeduri leġiżlattivi. Din il-perspettiva hija b’mod partikolari kkonfermata, minn naħa, permezz tas-sentenza WWF et ( 46 ) — li diġà kienet teżisti waqt l-adozzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma — kif ukoll permezz tal-kawża Linster ( 47 ) li dak iż-żmien kienet għadha fil-proċess li tiġi ttrattata: dawn iż-żewġ kawżi kienu jikkonċernaw l-eċċezzjoni rregolata mid-Direttiva EIA għall-proċeduri leġiżlattivi; u min-naħa l-oħra, permezz tad-Direttiva ESEA adottata ftit wara, li tipprovdi espressament għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku waqt l-evalwazzjoni ambjentali ta’ miżuri leġiżlattivi. |
128. |
L-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Larissa hija wkoll żbaljata meta tiddikjara li fin-nuqqas ta’ eċċezzjoni għall-proċeduri leġiżlattivi, l-Istati Membri jiġu pprojbiti milli jadottaw pjanijiet ta’ ġestjoni taħt forma leġiżlattiva. Madankollu jistgħu assolutament jagħżlu din it-triq, kemm-il darba jintegraw fil-proċedura amministrattiva tagħhom jew fit-tħejjija tagħha, l-istadji stipulati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. |
129. |
Għalhekk jeħtieġ li r-risposta għall-ħames domanda tkun li l-fatt tal-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni mingħajr il-konsultazzjoni rikjesta tal-pubbliku hija inkompatibbli mal-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. |
B – Id-Direttiva EIA
130. |
Is-sitt domanda tirrigwarda d-Direttiva EIA. Milli jidher, l-ebda evalwazzjoni ġdida tal-effetti ambjentali, li tikkonċerna l-kostruzzjoni tad-digi u d-devjazzjoni tal-ilma, ma twettqet qabel l-adozzjoni tal-liġi. Minflok, sar riferiment għall-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali li kienu twettqu qabel, li fuqha kienet ibbażata l-awtorizzazzjoni tal-2003 għall-proġett li kien ġie annullat fl-2005. Il-Kunsill tal-Istat jistaqsi jekk dan il-mod ta’ proċediment jissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva EIA. |
131. |
Il-Kunsill tal-Istat iqis hawnhekk li l-evalwazzjoni ambjentali tal-awtorizzazzjoni annullata, kien fiha l-informazzjoni kollha rikjesta mid-Direttiva EIA, iżda li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku kienet limitata għall-pubblikazzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-2003 li sussegwentement kienet ġiet annullata. |
132. |
Ir-rekwiżiti tad-Direttiva EIA ma humiex rilevanti ħlief jekk din id-direttiva tkun applikabbli. Madankollu, skont l-Artikolu 1(5), hija ma tapplikax għal proġetti li huma adottati fid-dettall permezz ta’ att leġiżlattiv nazzjoanli speċifiku. Din id-dispożizzjoni tipprovdi espressament li l-għanijiet tad-direttiva, inkluż l-għan tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni, huma milħuqa permezz tal-proċedura leġiżlattiva. |
133. |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija teżenta l-proġetti msemmija fid-direttiva mill-proċedura ta’ evalwazzjoni taħt żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel kundizzjoni teżiġi li l-proġett ikun adottat fid-dettall permezz ta’ att leġiżlattiv speċifiku; skont it-tieni kundizzjoni, l-għanijiet tad-direttiva, inkluż dak tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni, għandhom jintlaħqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ( 48 ). |
134. |
Huwa biss meta l-leġiżlatur għandu disponibbli informazzjoni li hija ekwivalenti għal dik li tkun sottomessa lill-awtorità kompetenti fil-kuntest ta’ proċedura ordinarja għall-awtorizzazzjoni tal-proġett, li l-għanijiet tad-direttiva jistgħu jitqiesu li ntlaħqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ( 49 ). |
135. |
B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li liġi ma tistax titqies li tadotta proġett fid-dettall, fis-sens tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva, meta, minn naħa, ma tinkludix l-elementi meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ dak il-proġett, iżda timponi, għall-kuntrarju, it-twettiq ta’ studju għal dan il-għan, li għandu jitħejja sussegwentement, u li, min-naħa l-oħra, jinħtieġ l-adozzjoni ta’ atti oħra li jagħtu d-dritt lil min ikun ser jeżegwixxi l-proġett li jwettqu ( 50 ). |
136. |
F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Sharpston ippreċiżat reċentement li d-Direttiva EIA mhix ikkonċernata dwar il-formaliżmu, iżda li għall-kuntrarju għandha l-għan li tiżgura li l-proġetti kollha maġġuri jkunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali effikaċi u li tiggarantixxi l-parteċipazzjoni suffiċjenti tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali ( 51 ). Sakemm il-leġiżlatur għandu disponibbli l-informazzjoni rikjesta u jissodisfa konkretament u effiċjentement ir-rwol demokratiku tiegħu — jiġifieri li r-rappreżentanti eletti tal-poplu setgħu realment jeżaminaw il-proġett propost u jiddibattu dwaru — il-proċedura leġiżlattiva tkun laħqet l-għanijiet tad-Direttiva EIA ( 52 ). Kuntrarjament, proċedura leġiżlattiva li kull ma tagħmel huwa li tipprovdi formalment proċedura leġiżlattiva preċedenti li abbażi tagħha d-deċiżjonijiet rilevanti jkunu, minn dak il-mument, ġew effettivament adottati, ma tagħtix l-istess garanziji bħal dawk ipprovduti bid-Direttiva EIA ( 53 ). |
137. |
Għalhekk jeħtieġ f’din il-kawża li jiġi vverifikat jekk, minn naħa, il-leġiżlatur kellux disponibbli l-informazzjoni meħtieġa għall-proċedura tad-Direttiva EIA u, min-naħa l-oħra, jekk setax konkretament jikkontrolla l-effetti ambjentali tal-proġett u jiddibatti dwarhom. |
138. |
Għal dak li għandu x’jaqsam man-natura attwali li għandu jkollha l-informazzjoni, id-Direttiva EIA ma tistipulax rekwiżiti speċifiċi. Madankollu, l-effetti ambjentali ta’ proġett partikolari ma jistgħux jiġu evalwati konkretament ħlief abbażi tal-aħjar għarfien disponibbli fil-mument tal-awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva EIA, b’mod partikolari, jiġbor fih elementi li jagħtu x’wieħed jaħseb li l-informazzjoni reċenti għandha tiġi prodotta meta din tkun meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ rilevanti. |
139. |
B’hekk, l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva EIA jitlob li l-volum tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn sid il-proġett għandha tkun iddeterminata abbażi tal-għarfien eżistenti. Bħala regola ġenerali, dan huwa l-istat tal-għarfien fil-bidu tal-proċedura għall-awtorizzazzjoni, peress li huwa f’dan il-mument li hemm bżonn li tiġi ddeterminata l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn sid il-proġett. Madankollu, skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva EIA, il-portata ta’ din l-informazzjoni tiddependi wkoll mill-importanza ta’ din l-informazzjoni fi stadju partikolari tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, fuq il-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett partikolari jew ta’ tip ta’ proġett u fuq l-elementi ambjentali li jistgħu jiġu affettwati. |
140. |
B’hekk, jekk jidher fi stadju sussegwenti tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni li hija meħtieġa informazzjoni iktar reċenti għall-evalwazzjoni konkreta tal-effetti ambjentali tal-proġett, din l-informazzjoni għandha tintalab ( 54 ). |
141. |
Għalhekk huwa l-Kunsill tal-Istat li għandu jivverifika jekk l-informazzjoni li kienet suffiċjenti fl-2003 għadhiex suffiċjenti fl-2006, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tal-proġett. Jekk dan kien il-każ, kien leġittimu li dawn id-dokumenti jerġgħu jintużaw fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva. |
142. |
Huwa meħtieġ b’mod partikolari li jiġi eżaminat jekk l-informazzjoni kinitx għadha suffiċjentement aġġornata u — kif ġustament tindika l-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Aitoloakarnania et — jekk, f’dan il-kuntest, il-proġett ġiex immodifikat mill-aħħar evalwazzjoni ambjentali, tant li bħala konsegwenza jirriżultaw effetti iktar gravi fuq l-ambjent ( 55 ). L-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Aitoloakarnania et tqajjem ukoll il-kwistjoni, li hija perfettament rilevanti, jekk kienx biżżejjed, fl-2006, li l-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tiġi bbażata fuq informazzjoni li essenzjalment inġabret qabel l-1995 u li ma kinitx ikkompletata qabel l-2003. Fid-digriet tiegħu tar-rinviju, il-Kunsill tal-Istat innifsu jenfasizza li ma teżistix informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar il-popolazzjonijiet tal-għasafar fiż-żoni protetti kkonċernati ( 56 ). |
143. |
Barra minn hekk, wara d-dikjarazzjonijiet tal-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Aitoloakarnania et dwar il-proċedura parlamentari li permezz tagħha ġew adottati l-Artikoli 9 u 13 tal-Liġi 3481/2006, din il-proċedura jixirqilha wkoll li tiġi eżaminata iktar mill-viċin. Jekk id-deputati ma kinux realment informati dwar il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u lanqas dwar in-natura tal-proġett adottat ( 57 ), huwa dubjuż ħafna li setgħu jevalwaw konkretament l-effetti ambjentali tiegħu u jiddiskutu dwarhom. |
144. |
Huwa meħtieġ għalhekk li r-risposta għas-sitt domanda għandha tkun fis-sens li studju dwar l-effetti ambjentali imressaq għall-approvazzjoni quddiem il-parlament nazzjonali, wara l-annullament, permezz ta’ sentenza, tal-att amministrattiv li kien diġà approvah, jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva EIA meta, fl-ewwel lok, kien iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-leġiżlatur l-informazzjoni meħtieġa — li hija, jiġifieri, suffiċjentement reċenti u kompleta — rikjesta għall-proċedura tad-direttiva u fit-tieni lok, il-leġiżlatur kien f’pożizzjoni, għal din ir-raġuni, li jevalwa konkretament l-effetti ambjentali tal-proġett u jiddiskutihom. |
C – Id-Direttiva ESEA
145. |
Permezz tas-seba’, tat-tmien u tad-disa’ domanda tiegħu, il-Kunsill tal-Istat jixtieq, barra minn hekk, jiċċara jekk il-Liġi 3481/2006 tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva ESEA. Għal dan il-għan, huwa jistaqsi jekk il-proġetti jaqgħux taħt il-kamp tal-applikazzjoni ratione materiae u, jekk fil-każ, temporis tad-Direttiva ESEA (domandi ttrattati fil-titoli 1 u 2 iktar ’il quddiem). Fl-affermattiv, huwa jixtieq ikun jaf jekk evalwazzjoni ambjentali li hija konformi mad-Direttiva ESEA hijiex ukoll meħtieġa minbarra l-evalwazzjonijiet imwettqa skont id-Direttiva Qafas dwar l-ilma u d-Direttiva EIA (titolu 3 iktar ’il quddiem). |
1. Fuq is-seba’ domanda — il-kamp tal-applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva ESEA
146. |
Permezz tas-seba’ domanda, il-Kunsill tal-Istat jixtieq ikun jaf jekk id-Direttiva ESEA hijiex applikabbli għall-proġett ta’ devjazzjoni ta’ xmara, meta dan il-proġett jirrigwarda l-kostruzzjoni ta’ digi u t-trasferiment tal-ilma minn distrett ta’ baċin tax-xmara għal ieħor, meta d-Direttiva Qafas dwar l-ilma tkun tapplika għalih, meta jkun jinkludi xogħlijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 85/337/KEE u huwa jista’ jkollu effetti ambjentali fuq iż-żoni msemmija fid-Direttiva dwar l-habitats. |
147. |
Biex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk tali proġett jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva ESEA, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk jikkostitwixxix pjan jew programm fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva u, fit-tieni lok, jekk jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) sa (4). |
a) Il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”
148. |
Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESEA, it-terminu “pjanijiet u programmi” fis-sens tad-direttiva jirreferi għall-pjanijiet u programmi mħejjija u/jew adottati minn awtorità jew imħejjija minħabba l-adozzjoni prospettiva tagħhom abbażi ta’ proċedura leġiżlattiva u li huma rikjesti minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi. |
149. |
Ma hemm xejn fid-digriet tar-rinviju li jindika jekk id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi jeżiġux it-tħejjija ta’ “pjan għad-devjazzjoni ta’ xmara”. Sa fejn proġett jitħejja irrispettivament minn kwalunkwe obbligu, ma għandux għalfejn ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali prevista fid-Direttiva ESEA ( 58 ). |
150. |
Ċertament li jidher possibbli, skont l-osservazzjonijiet ta’ DEI, li proġett ta’ devjazzjoni jista’ jkun inkluż fi pjan ta’ okkupazzjoni ta’ territorji, rikjest mil-liġi Griega. Iżda din id-domanda preliminari ma tikkonċernax tali pjan; skont DEI, mill-bqija, il-Kunsill tal-Istat iddeċieda li ma kienx meħtieġ. |
151. |
Meta l-proġetti konkreti jiġu suġġetti għall-awtorizzazzjoni, l-evalwazzjoni ambjentali rikjesta mid-Direttiva ESEA lanqas ma għandha fil-prinċipju tkun meħtieġa. Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni tal-proġett, bħala tali, ma tikkostitwixxix pjan jew programm. |
152. |
Madankollu, id-domanda tikkonċerna wkoll il-pjanijiet ta’ ġestjoni tad-distretti idrografiċi Acheloos u Pineios, li jagħmlu parti integrali mil-Liġi 3481/2006. Ma hemmx dubju li dawn jikkostitwixxu pjanijiet fis-sens tad-Direttiva ESEA. Huma rikjesti mill-Artikolu 13 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma; min-naħa l-oħra, tħejjew mill-amministrazzjoni bl-għan tal-adozzjoni tagħhom mill-parlament abbażi ta’ proċedura amministrattiva. |
b) L-obbligu ta’ kontroll tal-pjanijiet ta’ ġestjoni
153. |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva ESEA, il-pjanijiet u l-programmi stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, huma s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikoli 4 sa 9. |
154. |
Skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-diretttva ESEA, għandha ssir evalwazzjoni ambjentali għall-pjanijiet li huma mħejjija għas-settur tal-ġestjoni tal-ilma u li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva EIA tista’ tiġi awtorizzata fil-ġejjieni. |
155. |
Il-pjanijiet ta’ ġestjoni jiddefinixxu l-kuntest għall-awtorizzazzjoni ta’ tali proġetti, bħal pereżempju, għat-trasferiment ta’ riżorsi idrawliċi — previst fin-Numru 12 tal-Anness I tad-Direttiva EIA — u għad-digi — Numru 15 tal-Anness I. Hawnhekk il-kwistjoni mhix prinċipalment waħda ta’ awtorizzazzjoni ta’ ċerti partijiet tal-proġett ta’ devjazzjoni, peress li — għall-inqas fid-dritt tal-Unjoni — il-pjanijiet ta’ ġestjoni kien għad ma kellhomx natura vinkolanti. Madankollu, wara l-iskadenza tat-terminu biex jiġu stabbiliti l-pjanijiet ta’ ġestjoni, kwalunkwe awtorizzazzjoni ġdida għal tali proġetti jkollha tosserva l-kuntest legali ddefinit minnhom. |
156. |
Barra minn hekk, hemm lok kbir li wieħed jaħseb li — għall-inqas f’din il-kawża — l-evalwazzjoni timponi ruħha skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva ESEA. Din id-dispożizzjoni tirreferi għal pjanijiet li jirrikjedu, fid-dawl tal-effetti li huma jista’ jkollhom fuq is-siti, evalwazzjoni abbażi tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva dwar l-habitats. Il-kamp tal-applikazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni jinkludi siti protetti fir-rigward ta’ din id-direttiva. Dawn is-siti jkunu jistgħu jiġu affettwati matul l-implementazzjoni tal-pjanijiet, b’mod partikolari jekk il-pjanijiet jipprevedu trasferiment tal-ilma li huwa sostanzjali ( 59 ). |
157. |
Għalhekk għandu jingħad li l-pjanijiet ta’ ġestjoni fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma għandhom, fil-prinċipju, ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva ESEA. |
2. Fuq it-tmien domanda — l-applikazzjoni tad-Direttiva ESEA ratione temporis
158. |
Konsegwentement, għandha wkoll tingħata risposta għat-tmien domanda, jiġifieri jekk l-atti relatati mal-proġett ikkontestat, li ġew annullati retroattivament permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, jistgħux jitqiesu bħala atti preparatorji formali maħruġa qabel il-21 ta’ Lulju 2004, b’mod li ma jkun jeżisti l-ebda obbligu għat-twettiq tal-evalwazzjoni ambjentali strateġika. |
159. |
Din il-kwistjoni tikkonċerna l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva ESEA, li jiddefinixxi, b’riferiment għat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 13(1), il-prinċipju tal-applikazzjoni tad-direttiva: b’hekk, il-pjanijiet u l-programmi li l-ewwel att preparatorju formali tagħhom huwa wara l-21 ta’ Lulju 2004 huma suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali. |
160. |
L-awtorizzazzjonijiet annullati b’mod ġudizzjarju ma jaqgħux taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni peress li jikkostitwixxu r-riżultat (intermedjarju) ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Huma biss il-miżuri li jibdew il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni li jistgħu jitqiesu bħala atti preparatorji. Il-fatt li l-awtorizzazzjoni kienet ġiet annullata retroattivament hija għalhekk, a fortiori, mingħajr effett. |
161. |
F’din il-kawża, huwa, għall-kuntrarju, determinanti li jiġi stabbilit jekk il-bidu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni jistax jitqies bħala att preparatorju tal-pjanijiet ta’ ġestjoni jew jekk jikkostitwixxix att preparatorju ta’ pjan għad-devjazzjoni tal-Acheloos. |
a) Fuq it-tħejjija tal-pjanijiet ta’ ġestjoni
162. |
L-“att formali preparatorju” ċertament li mhux iddefinit fid-Direttiva ESEA. Iżda dan il-kunċett għandu l-għan manifest li japplika kriterju ċert biex tiġi ddeterminata d-data għall-bidu tal-proċedura. Dan il-kriterju huwa konformi mal-prinċipju taċ-ċertezza legali u ta’ natura tali li jippreżerva l-effettività tad-direttiva ( 60 ). Att preparatorju formali ta’ proċedura, fis-sens tad-Direttiva ESEA, għandu għalhekk, b’mod ċar, ikollu fil-mira tiegħu t-tħejjija tal-pjan jew tal-programm li jaqa’ taħt id-direttiva. |
163. |
B’hekk, għad-Direttiva EIA, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kuntratti u l-laqgħat informali bejn l-awtorità kompetenti u sid il-proġett ma kinux biżżejjed biex jikkaratterizzaw id-data tal-bidu tal-proċedura ( 61 ). |
164. |
Ikun ukoll għalkollox insuffiċjenti, fil-kuntest tad-Direttiva ESEA, li jinbdew ċerti proċeduri għal proġetti li huma inklużi fi pjan ta’ ġestjoni, bħal pereżempju proċedura ta’ awtorizzazzjoni għad-devjazzjoni tal-ilmijiet. Fil-fatt, dawn il-proċeduri ma jħallux x’wieħed jifhem li għandhom (ukoll) pjan ta’ ġestjoni fil-mira tagħhom. |
165. |
Mill-bqija, jekk il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti inkwistjoni, inizjati qabel il-21 ta’ Lulju 2004, għandhom jitqiesu bħala atti formali preparatorji ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni sussegwenti, kważi l-ebda pjan ta’ ġestjoni ma jkun jista’ jiġi suġġett ratione temporis għat-tħejjija ambjentali. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kull pjan ta’ ġestjoni jiġbor fih numru ta’ proġetti eżistenti, li huma potenzjalment ikkonċernati mill-imsemmi pjan ta’ ġestjoni minħabba l-projbizzjoni tad-deterjorazzjoni u l-obbligu tar-restawr, inklużi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. |
166. |
Fl-aħħar nett, f’din il-kawża, l-iżvilupp kronoloġiku jikkontradixxi wkoll id-dikjarazzjoni li l-ewwel att formali preparatorju għall-pjanijiet ta’ ġestjoni twettaq qabel il-21 ta’ Lulju 2004. In-nuqqas ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni għad-distretti idrografiċi tal-Acheloos u ta’ Pineios ġie kkritikat għall-ewwel darba fis-sentenza 1688/2005 tal-Kunsill tal-Istat, jiġifieri wara l-21 ta’ Lulju 2004. Dan jindika li l-preparattivi għall-adozzjoni tagħhom bdew ukoll wara din id-data. |
b) Fuq l-istabbiliment ta’ pjan għad-devjazzjoni tal-Acheloos
167. |
Is-sitwazzjoni kienet tkun xort’oħra kieku — kuntrarjament għar-risposta mogħtija fis-seba’ domanda — kien jeżisti pjan ta’ devjazzjoni parzjali tal-Acheloos li fil-prinċipju kien ikun suġġett għall-evalwazzjoni. |
168. |
Id-dispożizzjoni relatata mal-atti preparatorji għandha l-għan li tippermetti li l-proċeduri pendenti jingħalqu mingħajr ma jiġu affettwati bir-rekwiżiti proċedurali li huma radikalment ġodda. Ma għandhiex, għall-kuntrarju, l-għan li timpedixxi l-evalwazzjoni ambjentali ta’ ċerti pjanijiet għall-unika raġuni li, fil-passat, l-istess domanda kienet tkun is-suġġett ta’ miżuri amministrattivi kwalunkwe. |
169. |
Huwa meħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat jekk il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-proġett ipproċedietx b’mod interrott. F’dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji ma jitqisux bħala interruzzjonijiet, jekk is-servizzi kompetenti kienu immedjatament ħadu l-miżuri meħtieġa biex ikopru l-lakuni ddikjarati mill-Imħallfin. Il-mogħdija minn proċedura amministrattiva għal proċedura leġiżlattiva lanqas ma tista’ titqies bħala interruzzjoni. |
170. |
Barra minn hekk, il-bidu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ devjazzjoni, jista’ jikkostitwixxi att formali preparatorju fid-dawl tat-tħejjija ta’ pjan — suġġett għall-evalwazzjoni — li jikkonċerna dan il-proġett. |
171. |
B’mod kumplimentari, għandu jiġi nnotat li, f’din il-kawża, l-obbligu ta’ evalwazzjoni previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva ESEA huwa eskluż. Dan l-obbligu japplika meta pjanijiet u programmi, li l-ewwel att preparatorju tagħhom huwa preċedenti għall-21 ta’ Lulju 2004, ġew adottati jew ippreżentati fil-proċedura leġiżlattiva iktar minn erbgħa u għoxrin xahar wara din id-data. Madankollu, għandu jingħad li mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Liġi 3481/2006 kienu ġew ippreżentati fil-parlament Grieg mis-6 ta’ Lulju 2006 ( 62 ). |
c) Risposta għat-tmien domanda
172. |
Għaldaqstant ir-risposta għat-tmien domanda għandha tkun li la l-awtorizzazzjonijiet annullati li jikkonċernaw proġett għad-devjazzjoni ta’ xmara, lanqas il-bidu ta’ proċeduri korrispondenti għall-awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva ESEA ma jistgħu jitqiesu bħala atti formali preparatorji tal-pjanijiet ta’ ġestjoni għad-distretti idrografiċi, fis-sens tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. Madankollu, il-bidu ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala att preparatorju ta’ pjan — suġġett għall-evalwazzjoni — għad-devjazzjoni ta’ xmara, peress li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni pproċediet mingħajr interruzzjoni. |
3. Fuq id-disa’ domanda — il-portata tal-evalwazzjoni ambjentali
173. |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tmien domanda, jeħtieġ li tingħata risposta wkoll għad-disa’ domanda. Il-Kunsill tal-Istat jixtieq ikun jaf essenzjalment jekk evalwazzjoni ambjentali strateġika distinta għandhiex titwettaq meta l-evalwazzjonijiet ikunu diġà saru skont id-Direttiva Qafas dwar l-ilma u d-Direttiva EIA. |
174. |
Ir-risposta tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva ESEA, li l-Kunsill tal-Istat diġà ċċita. Skont il-paragrafu 1, l-evalwazzjonijiet ambjentali mwettqa skont id-Direttiva ESEA huma mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337/KEE jew għal kwalaunkwe dispożizzjoni leġiżlattiva Komunitarja. Madankollu, għall-pjanijiet u programmi li għalihom l-obbligu li jitwettqu l-evalwazzjonijiet ambjentali jirriżulta simultanjament mid-Direttiva ESEA u minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, il-paragrafu 2 jawtorizza lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri koordinati kew komuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti, biex jiġi evitat b’mod partikolari li jsiru bosta evalwazzjonijiet. |
175. |
Dawn id-dispożizzjonijiet juru li l-ebda formalità ma hija imposta għat-twettiq tad-diversi evalwazzjonijiet ambjentali previsti fid-dritt tal-Unjoni. L-element determinanti huwa, għall-kuntrarju, l-implementazzjoni tar-rekwiżiti tad-diversi dispożizzjonijiet. Meta dan ikun il-każ, id-denominazzjoni tal-evalwazzjoni hekk imwettqa hija mingħajr importanza ( 63 ). |
176. |
Il-kwistjoni jekk ċerti evalwazzjonijiet, magħmula abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra, jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva ESEA għandha tiġi eżaminata b’mod konkret u għal kull każ partikolari mill-qorti nazzjonali. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-Direttiva ESEA, marbuta mal-kontenut iktar milli mal-proċedura. Fid-dawl tal-paralleliżmu li kważi jeżisti bejn id-Direttivi EIA u ESEA, dan huwa fil-prinċipju possibbli meta ż-żewġ evalwazzjonijiet għandhom l-istess kamp ta’ applikazzjoni, jiġifieri meta l-proġett u l-pjan huma kważi identiċi. Lanqas ma huwa eskluż li s-sodisfazzjon tar-rekwiżiti applikabbli għal pjan ta’ ġestjoni, skont l-Artikolu 13(4) u l-Anness VII tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, jasal biex jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli għall-evalwazzjoni ambjentali ta’ pjan skont id-Direttiva ESEA. |
177. |
Madankollu, fid-dawl tar-rimarki magħmula fir-rigward tad-Direttiva EIA ( 64 ), hemm lok li jiġi enfasizzat li l-lakuni eventwali fl-evalwazzjoni mwettqa skont din id-direttiva kellhom probabbilment jitqiesu bħala lakuni fl-evalwazzjoni ambjentali tad-Direttiva ESEA. L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ESEA jeżiġi, b’mod iktar ċar mid-Direttiva EIA, li l-evalwazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-għarfien u l-metodi ta’ evalwazzjoni eżistenti. Barra minn hekk, kull wieħed mill-Artikoli 8 taż-żewġ direttivi jimponi t-teħid inkunsiderazzjoni, waqt id-deċiżjoni, tal-informazzjoni miksuba li tikkonċerna l-effetti ambjentali. |
178. |
Għalhekk jeħtieġ li r-risposta għad-disa’ domanda tkun li skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva ESEA, meta proġett jaqa’ simultanjament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u f’dak tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, kif ukoll f’dak tad-Direttiva EIA, li lkoll jimponu l-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tal-proġett, mhux meħtieġ li ssir evalwazzjoni ambjentali strateġika distinta, meta l-evalwazzjonijiet imwettqa skont id-Direttiva Qafas dwar l-ilma u d-Direttiva EIA jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva ESEA, sostantivament u proċeduralment. |
D – Il-ħarsien tan-natura
179. |
Fl-aħħar nett jeħtieġ li jiġu eżaminati ċerti kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ħarsien tan-natura. Il-Kunsill tal-Istat jagħmel ċerti domandi dwar il-protezzjoni provviżorja tas-siti ta’ importanza Komunitarja (SIK) proposti, qabel ma dawn jiġu introdotti fil-lista Komunitarja (kwistjoni trattata fit-titolu 1 iktar ’il quddiem), dwar il-legalità ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mingħajr ma jkunu magħrufa l-għasafar kollha affettwati (titolu 2), dwar il-ġustifkazzjoni ta’ danni fuq is-siti minħabba raġunijiet marbuta mal-irrigazzjoni u l-provvista ta’ ilma li huwa tajjeb għax-xorb (titolu 3), jekk ikun il-każ dwar miżuri potenzjali għall-protezzjoni tal-koerenza (titolu 4) kif ukoll dwar il-kompatibbiltà, mad-Direttiva dwar l-habitats, tat-trasformazzjoni ta’ ekosistema ta’ xmara jew ta’ lag, fejn il-preżenza umana tkun dominanti (titolu 5). |
180. |
It-trattament ta’ dawn il-kwistjonijiet huwa partikolarment ikkaratterizzat bil-fatt li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tad-devjazzjoni parzjali tal-Acheloos ilha għaddejja għal żmien twil. Din bdiet qabel l-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats. Ukoll mhux possibbli li tiġi applikata l-evalwazzjoni ex ante ta’ proġetti, prevista fl-Artikolu 6(3), iżda biss il-projbizzjoni mid-deterjorazzjoni skont l-Artikolu 6(2). |
1. Fuq l-għaxar domanda — Il-protezzjoni tas-siti proposti waqt l-adozzjoni tal-Liġi 3481/2006
181. |
Permezz tal-għaxar domanda, il-Kunsill tal-Istat jixtieq ikun jaf jekk is-siti li kienu jidhru fir-reġistri nazzjonali tas-siti ta’ interess Komunitarju (SIK) u finalment inklużi fir-reġistru Komunitarju tas-SIK humiex ser jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats qabel il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/613 “li tadotta l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Meditteranju”. |
182. |
Il-Kunsill tal-Istat jirreferi hawnhekk għal ħames SIK ( 65 ) li ġew inklużi fir-reġistru permezz tad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq u li huma affettwati mill-proġett. |
183. |
Meta jagħmel din id-domanda, il-Kunsill tal-Istat iqis li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi 3481/2006, l-Artikoli 9 u 13 tagħha, ġew ippubblikati mal-liġi u daħlu fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2006, filwaqt li d-Deċiżjoni 2006/613 ġiet ippubblikata biss fil-21 ta’ Settembru 2006. Jekk id-data ta’ din il-pubblikazzjoni kienet determinanti għall-inklużjoni tas-siti kkonċernati fir-reġistru Komunitarju, l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva dwar l-habitats ma kienx ikun applikabbli, skont l-Artikolu 4(5) ta’ din l-istess direttiva, ħlief mill-21 ta’ Settembru 2006 ( 66 ), jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi. |
184. |
Madankollu għandu jingħad li skont l-Artikolu 254(3) KE li kien applikabbli dak iż-żmien (u li l-verżjoni emendata tiegħu preżentement hija l-paragrafu 3 tal-Artikolu 297(2)), id-Deċiżjoni 2006/613 daħlet fis-seħħ hekk kif ġiet innotifikata lid-destinatarji tagħha — jiġifieri lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni ( 67 ). Ma hemmx lok, f’din il-kawża, li jiġi ddeterminat jekk l-individwi setgħux jopponu l-protezzjoni tas-siti qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni. Huwa l-kompitu tal-Kunsill tal-Istat li jistabblixxi d-data tan-notifika — li d-database tal-Unjoni (EUR-Lex) tipprovdi li hija d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, jiġifieri d-19 ta’ Lulju 2006 ( 68 ). |
a) Fuq il-protezzjoni provviżorja tas-siti proposti
185. |
Jekk mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li ma ġietx innotifikata lill-Greċja ħlief wara l-adozzjoni tal-Liġi 3481/2006, il-Greċja kienet marbuta li tiggarantixxi l-protezzjoni provviżorja tas-siti proposti. Skont id-Direttiva dwar l-habitats, l-Istati Membri huma marbuta jieħdu, għal dak li għandu x’jaqsam mas-siti identifikati minħabba l-inklużjoni tagħhom fir-reġistru Komunitarju, miżuri ta’ protezzjoni li huma xierqa biex iżommu l-karatteristiċi ekoloġiċi tal-imsemmija siti. L-Istati Membri għalhekk ma jistgħux jawtorizzaw interventi li jirriskjaw li jikkompromettu l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-siti kkonċernati. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta intervent jirriskja jew li jnaqqas b’mod sinjifikattiv is-superfiċje tas-sit, jew li jwassal għall-għejbien ta’ speċi prijoritarji preżenti fis-sit, jew fl-aħħar nett, li jkollu bħala riżultat id-distruzzjoni tas-sit jew id-distruzzjoni tal-karatteristiċi rappreżentattivi tiegħu ( 69 ). |
b) Fuq il-protezzjoni tas-siti wara l-inklużjoni tagħhom fir-reġistru Komunitarju
186. |
Jekk, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kienet diġà nnotifikat id-deċiżjoni tagħha lill-Greċja waqt l-adozzjoni tal-Liġi 3481/2006, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva dwar l-habitats, kienu, fil-prinċipju applikabbli skont l-Artikolu 4(5), għas-siti inklużi fir-reġistru. Madankollu, ser nuri iktar tard li l-fatt li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tad-devjazzjoni parzjali tal-Acheloos kienet ilha għaddejja għal żmien twil, huwa ta’ ostakolu għall-applikazzjoni ta’ evalwazzjoni ex ante skont l-Artikolu 6(3). Jekk ikun il-każ, huwa applikabbli, għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(2) flimkien mar-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 6(4) għall-ġustifikazzjoni tal-eventwali danni fuq is-siti. |
Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats
187. |
Jidher loġiku li jenħtieġ li l-kompatibbiltà tad-devjazzjoni tal-Acheloos mal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal dawn is-siti, tkun ikkontrollata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats. Skont din id-dispożizzjoni, kwalunkwe pjan jew proġett li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv sit protett, għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni xierqa ta’ dawn l-effetti fuq is-sit fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. |
188. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet li meta proġett ikun ġie awtorizzat qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats jew meta l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tkun inbdiet qabel l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-Istat Membru kkonċernat, l-imsemmi proġett ma jkunx suġġett għar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-proċedura tal-evalwazzjoni preliminari tal-effetti tal-proġett fuq is-sit ikkonċernat, stabbiliti mill-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva ( 70 ). Ma jkunx fil-fatt opportun li proċeduri, li huma diġà kumplessi fil-livell nazzjonali u li nbdew formalment qabel id-data tal-skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, jittaqqlu u jiddewmu minħabba rekwiżiti speċifiċi imposti minn din tal-aħħar u li sitwazzjonijiet li kienu diġà stabbiliti jiġu affettwati minnha ( 71 ). |
189. |
Jekk il-każ preżenti ċertament li ma jikkonċernax la awtorizzazzjoni li daħlet fis-seħħ qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni u lanqas proċedura ta’ awtorizzazzjoni, mibdija qabel l-adeżjoni tal-Greċja mal-Unjoni Ewropea, għandu madankollu jiġi ttrattat bl-istess mod — minkejja l-fatt li s-siti kkonċernati kienu diġà ġew inklużi fir-reġistru Komunitarju meta ġiet adottata l-Liġi 3481/2006. |
190. |
Fil-fatt, il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tad-devjazzjoni parzjali tal-Acheloos bdew fil-bidu tas-snin 1990 — jiġifieri, potenzjalment, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats — u, sakemm saret in-notifika tad-deċiżjoni għall-inklużjoni tas-SIK ikkonċernati fir-reġistru Komunitarju, huma ma kinux, ġustament, suġġetti għall-evalwazzjoni preliminari ( 72 ). Il-fatt tal-applikazzjoni finali ta’ din l-evalwazzjoni preliminari eżattament qabel l-adozzjoni tal-Liġi 3481/2006 tista’ effettivament ittaqqal u ddewwem il-proċedura b’mod kunsiderevoli. |
191. |
Barra minn hekk, minn perspettiva prattika, kien diffiċli li jiġi previst il-mument li fih il-Kummissjoni kienet ser tadotta r-reġistru Komunitarju. Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-habitats, ir-reġistru kellu jiġi stabbilit mill-1998 u kienu diġà ġew ippubblikati listi oħra parzjali, ħafna qabel ir-reġistru għar-reġjun bijoġeografiku Mediterranju li kien jinkludi l-Greċja ( 73 ). Il-Greċja għalhekk ma kellhiex għalfejn tippretendi, b’mod imperattiv, li s-sistema protettiva tad-Direttiva dwar l-habitats issir applikabbli qabel ma l-proġett jiġi awtorizzat. |
192. |
Minn dan jirriżulta li l-ebda evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats ma kienet meħtieġa għas-SIK. Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats |
193. |
Il-ġursiprudenza ċċitata iktar ’il fuq ma tikkonċernax madankollu l-aspetti proċedurali tas-sistema protettiva tad-Direttiva dwar l-habitats. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju enfasizzat, f’iktar minn okkażjoni waħda, li l-fatt li kienet diġà ngħatat awtorizzazzjoni, ma kellux l-effett li jissuġetta ż-żona kkonċernata għar-rekwiżiti sostantivi ta’ protezzjoni taż-żoni riżultanti mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi d-deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ speċi fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kif ukoll it-tfixkil li jolqot lill-ispeċi li għalihom iż-żoni ġew konċessi, sa fejn dan it-tfixkil ikun jista’ jkollu effett sinjifikattiv fir-rigward tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva. |
194. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li meta pjan jew proġett awtorizzat skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats jirriżulta — anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe żball li jista’ jiġi attribwit lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti — ta’ natura tali li jwassal għal deterjorazzjonijiet jew tfixkil sinjifikattivi, l-Artikolu 6(2) jippermetti li jiġi sodisfatt l-għan essenzjali tal-preservazzjoni u tal-ħarsien tal-kwalità tal-ambjent, inkluża l-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa, kif stabbilit fl-ewwel premessa ta’ din l-istess direttiva ( 74 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats jista’ jimponi l-kontroll wara awtorizzazzjoni eżistenti ( 75 ); bl-istess mod, l-implementazzjoni ta’ proġett awtorizzat qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq ( 76 ). |
195. |
L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats għalhekk jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw id-deterjorazzjonijiet jew it-tfixkil li jolqtu ż-żoni ta’ protezzjoni, anki meta jirrigwardaw proġetti eżistenti. L-interessi leġittimi ta’ dawk intitolati għall-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti permezz ta’ kumpens ( 77 ). |
196. |
Din il-ġurisprudenza mhix f’kontradizzjoni mal-prinċipju tan-nuqqas ta’ retroattività tan-normi legali. Għall-kuntrarju, fil-prinċipju, regola legali ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tagħha. Jekk ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu u ġew akkwistati definittivament taħt ir-reġim tal-liġi preċedenti, tapplika għall-effetti futuri ta’ dawn tal-aħħar ( 78 ). Minn dan jirriżulta li l-proġetti li jistgħu jiddeterjoraw jew ifixklu b’mod sinjifikattiv iż-żoni ta’ protezzjoni ma jistgħux jiġu awtorizzati sakemm ma jkunux kompatibbli mal-konservazzjoni tas-siti, anki jekk il-proċeduri tagħhom għall-awtorizzazzjoni ma kinux għandhom suġġetti għar-rekwiżiti proċedurali tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats ( 79 ). |
197. |
Konsegwentement, jekk il-Kummissjoni inkludiet is-SIK fir-reġistru Komunitarju qabel l-adozzjoni tal-Liġi 3481/2006, huwa l-kompitu tal-Kunsill tal-Istat li jivverifika jekk din il-liġi hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats. |
Fuq il-ġustifikazzjoni tal-eventwali danni fuq is-SIK
198. |
Jekk il-Kunsill tal-Istat jasal għall-konklużjoni, abbażi tal-Liġi 3481/2006, li l-habitats naturali jew il-habitats tal-ispeċi huma ddeterjorati jew inkella li l-ispeċi huma mfixkla b’mod sinjifikattiv, tqum il-kwistjoni jekk dawn id-danni humiex iġġustifikati. |
199. |
L-istess bħas-sistema ta’ protezzjoni taż-żoni ta’ protezzjoni minħabba l-għasafar, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats ma jistabbilixxix il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni abbażi ta’ interessi supremi. Il-protezzjoni taż-żoni stabbilita permezz tad-Direttiva dwar l-habitats tibbaża, fil-fatt, fuq l-idea li d-deterjorazzjonijiet u t-tfixkil sinjifikattivi għandhom fi kwalunkwe każ ikunu awtorizzati (u jekk ikun il-każ iġġustifikati) skont l-Artikolu 6(3) u (4) tal-imsemmija direttiva. Sakemm din l-awtorizzazzjoni tibbaża fuq evalwazzjoni xierqa tal-effetti, l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats hija fil-prinċipju loġikament eskluża ( 80 ). |
200. |
Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar l-habitats ma kienx għadu applikabbli għall-każ preżenti. Ma jkunx madankollu ġust li proġetti li, minħabba raġunijiet ta’ dati, ma ġewx suġġetti għall-evalwazzjoni preliminari skont l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar l-habitats, jiġu rrifjutati l-possibbiltà li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni derogotarja bħal dik prevista fl-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva. Dawn il-proġetti jkunu iktar ristretti minn proġetti iktar reċenti, li għalihom l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar l-habitats japplika kollu kemm hu ( 81 ). |
201. |
Konsegwentement, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ proġetti eżistenti, id-deterjorazzjonijiet jew it-tfixkil sinjifikattivi li jolqtu ż-żoni ta’ protezzjoni, għandhom jiġu awtorizzati wkoll skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats, sa fejn il-kundizzjonijiet sostantivi tal-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva huma sodisfatti, jiġifieri r-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku suprem, inkluża n-natura soċjali jew ekonomika, in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi u ta’ miżuri ta’ kumpens, biex jiġi żgurat li l-koerenza globali ta’ Natura 2000 hija protetta ( 82 ). |
202. |
Għal dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti applikabbli għal ġustifikazzjoni, dawn ser jiġu eżaminati fid-dettall fir-risposta għad-domandi segwenti. |
c) Ir-risposta għall-għaxar domanda
203. |
Jeħtieġ għalhekk li r-risposta segwenti għall-għaxar domanda għandha tkun li: qabel il-pubblikazzjoni tar-reġistru tas-SIK, l-Istati Membri kienu marbuta li jieħdu, għal dak li għandu x’jaqsam mas-siti identifikati fir-reġistri nazzjonali tas-SIK u finalment inklużi fir-reġistru Komunitarju, miżuri ta’ protezzjoni li huma xierqa biex jiġu ppreżervati l-karatteristiċi ekoloġiċi tal-imsemmija siti ( 83 ). Wara l-pubblikazzjoni tagħhom, l-Istati Membri huma marbuta, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats, li jipprevjenu, fis-siti SIK, kontra d-deterjorazzjoni tal-habitats naturali tal-ispeċi, kif ukoll kontra t-tfixkil sinjifikattiv li jolqtu lill-ispeċi, permezz ta’ proġetti li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet inbdiet qabel il-pubblikazzjoni, jekk l-eventwali danni fuq dawn is-siti ma humiex iġġustifikati. |
2. Fuq il-ħdax-il domanda
204. |
Permezz tal-ħdax-il domanda, il-Kunsill tal-Istat jixtieq ikun jaf jekk, fir-rigward tad-Direttiva dwar l-habitats, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħux jawtorizzaw proġett għad-devjazzjoni tal-ilma, fin-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar l-għasafar kollha taż-żona kkonċernata. |
205. |
L-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Magnisia targumenta ċertament li peress li d-dritt proċedurali tal-Kunsill tal-Istat lanqas ma kien jippermettilha tiddikjara n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-għasafar, id-domanda hija inammissibbli. Iżda din l-oġġezzjoni ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm mal-fatti indikati lilha mill-qorti nazzjonali u mhux il-kompitu tagħha li tivverifika jekk il-qorti nazzjonali eċċedietx il-kompetenzi tagħha fir-rigward tad-dritt intern ( 84 ). |
206. |
Jeħtieġ għalhekk li tingħata risposta għall-ħdax-il domanda. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats kellha normalment tapplika hawnhekk. Iżda peress li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ilha għaddejja ħafna, din id-dispożizzjoni mhix applikabbli; l-Artikolu 6(2) ser japplika minflokha. |
a) Fuq l-applikabbiltà tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats
207. |
Għal dak li għandu x’jaqsam mal-awtorizzazzjoni tal-proġetti u tal-informazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għal dan il-għan, jeħtieġ fil-prinċipju li tiġi applikata l-proċedura ta’ evalwazzjoni preliminari tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats. Tali evalwazzjoni għandha tibbaża fuq l-aħjar għarfien li jikkonċerna l-għasafar fiż-żona kkonċernata ( 85 ). |
208. |
Kif diġà spjegajt ( 86 ), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats ċertament li ma tapplikax fir-rigwrad tas-SIK ikkonċernati; iżda din id-dispożizzjoni tista’ tkun applikabbli fir-rigward ta’ xi ŻPS fis-sens tad-Direttiva dwar l-għasafar, li huma kkonċernati u li diġà ssemmew preċedentement. Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-habitats, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) huma applikabbli għal dawn iż-żoni mid-data li fiha d-Direttiva dwar l-habitats bdiet tiġi applikata jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew tar-rikonoxximent bħala ŻPS minn Stat Membru. |
209. |
Id-Direttiva dwar l-habitats bdiet tapplika mill-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha fl-1994. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) ma setgħetx għalhekk tapplika qabel din id-data u lanqas iktar tard mid-data tal-identifikazzjoni sussegwenti taż-ŻPS ikkonċernata. |
210. |
Madankollu, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal devjazzjoni parzjali tal-Acheloos kienet diġà bdiet qabel l-1994 peress li l-ewwel awtorizzazzjonijiet kienu ngħataw fl-1992. Jekk il-Kunsill tal-Istat ċertament li annulla dawn tal-aħħar, l-istess kif għamel għall-awtorizzazzjonijiet sussegwenti, madankollu, hemm probabbiltà kbira li l-awtorizzazzjoni tal-proġett kienet is-suġġett ta’ proċedura mhux interrotta, sad-dispożizzjonijiet tal-Liġi 3481/2006 li llum il-ġurnata hija kkontestata ( 87 ). |
211. |
Hemm lok għalhekk li jitqies li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni bdiet qabel il-perijodu tal-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats. Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, relatata ma’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, mibdija qabel l-emendi sostanzjali li saru fid-dritt proċedurali ( 88 ), teskludi għalhekk l-obbligu ta’ evalwazzjoni ambjentali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. |
b) Fuq l-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva dwar l-habitats
212. |
Kuntrarjament, huwa l-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva dwar l-habitats li huwa applikabbli ( 89 ). |
213. |
Fir-rigward taż-żoni ta’ konservazzjoni tal-għasafar, il-ħtieġa li tiġi applikata din id-dispożizzjoni hija iktar evidenti milli għaż-żoni protetti abbażi tad-Direttiva dwar l-habitats, jiġifieri għas-SIK. Fil-fatt, iż-żoni ta’ konservazzjoni tal-għasafar kellhom jiġu kklassifikati bħala tali, fil-Greċja, mid-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspoizzjoni tad-Direttiva dwar l-għasafar, fis-6 ta’ April 1981 ( 90 ). Wara din id-data, anki jekk ma kinux ġew ikklassifikati bħala tali, iż-żoni kkonċernati kienu jibbenefikaw diġà mill-protezzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) ( 91 ). |
214. |
F’din il-kawża, għandu għaldaqstant jiġi vverifikat jekk il-proġett awtorizzat jiddeterjorax il-habitats tal-għasafar li għalihom iż-ŻPS ġiet ikklassifikata bħala tali jew jekk ifixkilx dawn l-ispeċi b’mod li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fir-rigward tal-għanijiet tad-direttiva ( 92 ). |
215. |
Jekk jiġu stabbiliti tali deterjorazzjonijiet jew tfixkil, ikun meħtieġ barra minn hekk li jiġi vverifikat jekk humiex iġġustifikati fid-dawl tal-kriterji sostantivi tal-Artikoli 6(4) tad-Direttiva dwar l-habitats. Kif diġà enfasizzajt, ġustifikazzjoni tippreżupponi b’mod partikolari bilanċ, it-tiftix għal alternattivi u miżuri ta’ kumpens ( 93 ). |
216. |
Jekk l-ebda evalwazzjoni formali tal-effetti, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats, ma hija rikjesta, il-marġni ta’ manuvra miftuħa lill-Istati Membri għall-implementazzjoni ta’ ġustifikazzjoni hija suġġetta għal limiti ( 94 ). |
217. |
Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43 ma jistax japplika ħlief wara li jkunu ġew analizzati l-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett, skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, l-għarfien ta’ dawn l-effetti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni relatati mas-sit inkwistjoni, jikkostitwixxi premessa indispensabbli għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(4), peress li fin-nuqqas ta’ dawn l-elementi, l-ebda kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni derogatorja ma tkun tista’ tiġi evalwata. L-eżami ta’ raġunijiet potenzjali imperattivi ta’ interess pubbliku suprem u dak tal-eżistenza ta’ alternattivi inqas dannużi, jirrikjedu fil-fatt li jiġu bbilanċjati mad-danni fuq is-sit minħabba l-pjan jew proġett ikkonċernat. Barra minn hekk, biex tiġi ddeterminata n-natura ta’ miżuri potenzjali għall-kumpens, id-danni fuq is-sit għandhom jiġu identifikati bi preċiżjoni ( 95 ). |
218. |
Konsegwentement, anki biex jiġu ġġustifikati l-effetti ħżiena msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats, huwa meħtieġ li jiġu eżaminati, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ partikolari biex wieħed ikun żgur li huma ta’ natura tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom ( 96 ). Hawnhekk ukoll, il-bilanċ, l-eżami tal-alternattivi u tal-miżuri għall-kumpens jipreżupponu li l-effetti li jridu jiġu ġġustifikati kienu, preliminarjament, is-suġġett ta’ evalwazzjoni xierqa ( 97 ). |
219. |
L-effetti ma jistgħux jiġu evalwati jekk mhux abbażi ta’ informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar l-għasafar fiż-żoni kkonċernati. Fin-nuqqas, ikunu biss id-danni ipotetiċi li jidħlu fil-bilanċ, fit-tiftix għal soluzzjonijiet alternattivi u fid-determinazzjoni ta’ miżuri għall-kumpens. F’tali każ, ma jkunx jista’ jiġi ggarantit li d-danni reali jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni. |
c) Risposta għall-ħdax-il domanda
220. |
Għaldaqstant ir-risposta għall-ħdax-il domanda għandha tkun fis-sens li skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jawtorizzaw proġett għad-devjazzjoni tal-ilma li jiddeterjora l-habitats tal-għasafar li ġew ikklassifikati bħala ŻPS, jew li jfixkel dawn l-ispeċi b’mod sinjifikattiv fid-dawl tal-għanijiet tad-direttiva, sakemm dan il-proġett ma jkunx iġġustifkat abbażi ta’ informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar l-għasafar. |
3. Fuq it-tnax-il domanda — ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku suprem
221. |
Permezz tat-tnax-il domanda, il-Kunsill tal-Istat jixtieq ikun jaf jekk raġunijiet invokati fir-rigward ta’ proġett għad-devjazzjoni tal-ilma, li jkunu essenzjalment marbuta mal-irrigazzjoni u anki mal-provvista ta’ ilma li huwa tajjeb għax-xorb, jistgħux jiġġustifikaw id-danni fuq żona protetta. |
222. |
It-tnax-il domanda tikkonċerna l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-habitats, jiġifieri r-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku suprem, inkluża n-natura soċjali jew ekonomika. Kif diġà ġie stabbilit fl-eżami tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, l-irrigazzjoni u l-provvista ta’ ilma li huwa tajjeb għax-xorb jistgħu fil-prinċipju jikkostitwixxu tali raġunijiet ( 98 ). |
223. |
Iżda skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-habitats, meta s-sit ikkonċernat ikun jospita tip ta’ habitat naturali prijoritarju u/jew speċi prijoritarja, ikunu jistgħu jiġu invokati biss kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ saħħet il-bniedem u mas-sigurtà pubblika jew ma’ konsegwenzi li huma ta’ benefiċċju primordjali għall-ambjent jew, wara l-opinjoni tal-Kummissjoni, ma’ raġunijiet oħra imperattivi ta’ interess pubbliku suprem. |
224. |
Tlieta mis-SIK iċċitati fid-digriet tar-rinviju jospitaw speċi jew habitats prijoritarji: “Delta Acheloou, Limnothalassa Mesologgiou-Aitolikou, Ekvoles Evinou, Nisoi Echinades, Nisos Petalas” (GR2310001), “Limnes Trichonida kai Lysimachia” (GR2310008) u “Aspropotamos” (GR1440001) ( 99 ). |
225. |
Sa fejn, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma tat l-ebda opinjoni, jidher li t-test tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-habitats jillimita serjament in-numru ta’ raġunijiet li jistgħu jiġu invokati. L-irrigazzjoni għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala ġustifikazzjoni, sa fejn ma tkunx meħtieġa għal saħħet il-bniedem, għas-sigurtà pubblika, u ma jkollhiex konsegwenzi ta’ benefiċċju primordjali għall-ambjent. Għall-kuntrarju, il-provvista ta’ ilma li huwa tajjeb għax-xorb, tkun kunsiderazzjoni marbuta mas-saħħa umana. |
226. |
Madankollu, ikun inopportun li jiġu imposti dawn ir-rekwiżiti, żviluppati fil-qasam tal-ġustifikazzjoni tal-effetti negattivi, anki meta l-elementi prijoritarji tas-siti kkonċernati ma humiex affettwati. Peress li l-Kummissjoni esprimiet pubblikament din il-perspettiva ( 100 ), ma għandhiex għalfejn tagħti opinjoni qabel ma jiġu pretiżi interessi oħra. Huwa l-kompitu tal-Kunsill tal-Istat li jevalwa jekk elementi prijoritarji tas-siti kkonċernati ġewx ikkawżati dannu u għalhekk jekk il-ġustifikazzjoni potenzjali hijiex suġġetta għal kundizzjonijiet iktar stretti. |
227. |
Barra minn hekk, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw proġett partikolari huma imperattivi u superjuri biss jekk ikollhom iktar piż mill-konsegwenzi negattivi tal-proġett fuq is-siti protetti mid-Direttiva dwar l-habitats ( 101 ). |
228. |
Għaldaqstant ir-risposta għat-tnax-il domanda għandha tkun fis-sens li l-provvista ta’ ilma li huwa tajjeb għax-xorb jikkostitwixxi, fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-habitats, raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku suprem li jiġġustifikaw proġett għad-devjazzjoni tal-ilmijiet meta dawn ikunu iprem mill-konsegwenzi negattivi tal-proġett, fuq is-siti protetti mid-direttiva. Jekk madankollu ikun hemm habitats prijoritarji jew speċi prijoritarji li huma affettwati, fin-nuqqas ta’ opinjoni tal-Kummissjoni, hija biss il-provvista ta’ ilma li huwa tajjeb għax-xorb li tista’ titqies bħala ġustifikazzjoni. |
4. Fuq it-tlettax-il domanda — il-miżuri li jiggarantixxu l-koerenza globali ta’ Natura 2000
229. |
Permezz tat-tlettax-il domanda, il-Kunsill tal-Istat jixtieq ikun jaf jekk, biex ikun jista’ jiddetermina miżuri ta’ kumpens li huma adegwati, iridx jieħu inkunsiderazzjoni l-portata u d-dimensjoni tax-xogħlijiet li timplika din id-devjazzjoni. |
230. |
Din id-domanda tikkonċerna t-tielet kundizzjoni applikabbli skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-habitats, biex jiġu ġġustifikati d-danni fuq is-siti protetti, jiġifieri l-miżuri ta’ kumpens li huma meħtieġa biex jiġi żgurat li, minkejja l-effett, il-koerenza globali ta’ Natura 2000 hija mħarsa. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-metodu użat fit-tlettax u l-erbatax-il domanda, il-kwistjoni mhix waħda ta’ koerenza taż-żoni iżolati iżda ta’ koerenza tan-netwerk taż-żoni protetti. |
231. |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-habitats, Natura 2000 huwa netwerk ekoloġiku Ewropew ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Dan in-netwerk huwa fformat minn siti li jospitaw tipi ta’ habitats naturali li jidhru fl-Anness I u minn habitats ta’ speċi li jidhru fl-Anness II, kif ukoll minn ŻPS favur għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar u għasafar li jemigraw u li r-ritorn tagħhom huwa regolari. Natura 2000 għandu jiżgura l-konservazzjoni jew, jekk ikun il-każ, għandu jistabbilixxi mill-ġdid, fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni, tipi ta’ habitats naturali u habitats ta’ speċi kkonċernati fl-ispazju diviż naturali tagħhom ( 102 ). |
232. |
Il-miżuri meħtieġa ma jistgħux jiġu identifikati ħlief b’rabta mad-danni kkawżati lis-sit ikkonċernat. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw liema kontribuzzjoni tas-sit iddeterjorat ġiet ikkawżata dannu lil Natura 2000 minħabba l-proġett, u kif din it-telfa tista’ tiġi kkumpensata b’mod li tinżamm, skont l-analiżi, il-koerenza tan-netwerk ( 103 ). |
233. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li d-danni fuq is-sit għandhom jiġu identifikati bi preċiżjoni biex tkun tista’ tiġi identifikata n-natura tal-miżuri potenzjali għall-kumpens ( 104 ). Konsegwentement, ikun meħtieġ, biex jiġu ddeterminati l-miżuri ta’ kumpens, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-portata tad-devjazzjoni tal-Acheloos u d-dimensjoni tax-xogħlijiet li timplika din id-devjazzjoni, sa fejn dawn jaffettwaw iż-żoni protetti. |
234. |
Għaldaqstant ir-risposta għat-tlettax-il domanda għandha tkun kif ġej: sabiex jiġu ddeterminati l-miżuri ta’ kumpens meħtieġa, fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-habitats, biex jiġi żgurat li l-koerenza globali ta’ Natura 2000 titħares, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-portata tad-devjazzjoni tax-xmara u d-dimensjoni tax-xogħlijiet li timplika din id-devjazzjoni, sa fejn dawn jaffettwaw żoni protetti. |
5. Fuq l-erbatax-il domanda — it-trasformazzjoni tal-ekosistema naturali tax-xmara
235. |
Permezz tal-erbatax-il domanda, il-Kunsill tal-Istat jixtieq ikun jaf jekk id-Direttiva dwar l-habitats, interpretata fid-dawl tal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli, kif misjub fl-Artikolu 6 KE (li sar l-Artikolu 11 TFUE), tawtorizzax it-trasformazzjoni ta’ ekosistema naturali tax-xmara, f’ekosistema tax-xmara u tal-lag maħluqa mill-bniedem. |
236. |
Huwa wisq probabbli li t-trasformazzjoni ta’ ekosistema naturali tax-xmara f’ekosistema tax-xmara u tal-lag maħluqa mill-bniedem, jiġifieri f’sekwenza ta’ lagi artifiċjali, tiddeterjora, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats, il-habitats protetti eżistenti. Jeħtieġ li dan jiġi vverifikat fid-dettall għal kull wieħed mill-għanijiet ta’ konservazzjoni. |
237. |
Madankollu, id-deterjorazzjoni potenzjali ma tfissirx li l-proġett ikkontestat ta’ devjazzjoni huwa, fi kwalunkwe każ, illegali. Fil-fatt ikun jista’ jiġi ġġustifikat abbażi tal-kriterji tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-habitats. |
238. |
Fil-proċess ta’ din il-ġustifikazzjoni — jiġifieri l-evalwazzjoni ta’ raġunijiet ta’ interess ġenerali, tad-danni u tas-soluzzjonijiet alternattivi — huwa meħtieġ li jiġi osservat il-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli. Jekk il-proġett ma jistax jilħaq jew ma jistax iwettaq kompletament l-għanijiet b’mod sostenibbli, l-importanza ta’ dawn l-għanijiet titnaqqas fil-kuntest tal-bilanċ. Bl-istess mod, id-danni li huma biss provviżorji ikollhom inqas piż mid-danni iktar permanenti. |
239. |
Għalhekk ir-risposta għall-erbatax-il domanda għandha tkun fis-sens li proġett għad-devjazzjoni tal-ilmijiet fi ħdan sit Natura 2000 li jittrasforma ekosistema naturali tax-xmara f’ekosistema tax-xmara u tal-lag maħluqa mill-bniedem, tista’ tiġi awtorizzata, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-habitats huma sodisfatti. |
V – Konklużjoni
240. |
Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275), fil-verżjoni tagħha kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 2001, li tistabbilixxi l-lista ta’ sustanzi prijoritarji fil-qasam tal-politika tal-ilma u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 358).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), fil-verżjoni tagħha kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).
( 4 ) Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).
( 5 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102) fil-verżjoni tagħha kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE id-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).
( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98; emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 807/2003, tal-14 ta’ April 2003, li jadatta, għad-Deċiżjoni 1999/468/KE, id-disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni (unanimità); sussegwentement ikkonsolidata bid-Direttiva 2009/147/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 20, p. 7).
( 7 ) ĠU L 142 M, 5.6.2007, p. 64.
( 8 ) Id-digriet tar-rinviju jindika hawnhekk — probabbilment bi żball — il-kodiċi GR2310001.
( 9 ) http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32006D0613(01):MT:NOT, taħt “Dati”.
( 10 ) FEK A’ 280 tad-9 ta’ Diċembru 2003.
( 11 ) FEK A’ 54 tat-8 ta’ Marzu 2007
( 12 ) FEK A’ 162 tat-2 ta’ Awwissu 2006.
( 13 ) In-nota tal-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Magnisia hija parzjalment identika għal dik ta’ DEI.
( 14 ) In-nota tal-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Karditsa hija kważi identika għal dik tal-amministrazzjoni tal-preferrura ta’ Trikala.
( 15 ) Ara infra, A.6, il-punti 97 et seq.
( 16 ) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-32/05, Ġabra 2006, p. I-11323, b’mod partikolari fil-punt 63) fejn ma hemmx kwistjoni dwar il-validità ta’ dan it-terminu għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma.
( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006 (Cordero Alonso, C-81/05, Ġabra 2006, p. I-7569, punt 29) u tal-21 ta’ Lulju 2011 (Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura, C-2/10, Ġabra p. I-6561, punt 70).
( 18 ) Ara, fil-kuntest ġuridiku, il-punt 27.
( 19 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany (C-67/96, Ġabra 1999, p. I-5751, punt 119); tal-11 ta’ Settembru 2003, Steinicke (C-77/02, Ġabra 2003, p. I-9027, punt 61); tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, Ġabra 2005, p. I-9981, punt 63) u tad-29 ta’ Lulju 2010, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C-54/09 P, Ġabra p. I-7537, punti 41 u 68); fil-qasam tad-dritt tal-ambjent, ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-13 ta’ Marzu 2008, Commune de Mesquer (C-188/07, Ġabra 2008, p. I-4501, punt 125) u tat-23 ta’ April 2009, Futura Immobiliare et (C-25/08, Ġabra 2009, p. I-6995, punt 58).
( 20 ) Ara l-premessa 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1051/2001, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 332), li issa huwa abrogat: “l-koltivazzjoni tal-qoton f’reġjuni li ma jkunux addattati għaliha x’aktarx li jkollha effetti ta’ ħsara fuq l-ambjent kif ukoll fuq l-ekonomija agrikola ta’ dawk ir-reġjuni fejn dan il-prodott ikun importanti. […]”. Ara wkoll l-istudju ta’ Alliance Environnement immexxi mill-Kummissjoni, Evalwazzjoni ta’ l-Effetti Ambjentali tal-Miżuri tal-PAK relatati mal-Qoton (2007), ara http://ec.europa.eu/agriculture/eval/reports/coton/index_fr.htm.
( 21 ) ĠU L 291, p. 174.
( 22 ) Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, u li jistabbilixxi programmi ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali għas-settur tal-qoton (ĠU L 178, p. 1), fil-verżjoni emendata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 472/2009, tal-25 ta’ Mejju 2009 (ĠU L 144, p. 1).
( 23 ) Ara l-istudju ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, p. 12.
( 24 ) Ara l-punt 53 iktar ’il fuq.
( 25 ) Sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C-129/96, Ġabra 1997, p. I-7411, punt 45) u tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et (C-165/09 sa C-167/09, Ġabra p. I-4599, punt 78, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2005, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie (C-316/04, Ġabra 2005, p. I-9759, punt 42), tal-14 ta’ Settembru 2006, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie (C-138/05, Ġabra 2006, p. I-8339, punt 42), kif ukoll is-sentenza Stichting Natuur en Milieu et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 79).
( 27 ) Sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Krücken (316/86, Ġabra 1988, p. 2213, punt 22) u tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C-62/00, Ġabra 2002, p. I-6325, punt 44, mal-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).
( 28 ) Ara, għal dak li għandu x’jaqsam mad-dritt tar-rimbors ta’ taxxa eċċessiva imħallsa, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011 (Enel Maritsa Iztok 3, C-107/10, Ġabra p. I-3873, punt 39 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).
( 29 ) Sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C-162/00, Ġabra 2002, p. I-1049, punt 49) u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C-334/07 P, Ġabra 2008, p. I-9465, punt 44).
( 30 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-512/99, Ġabra 2003, p. I-845, punt 45).
( 31 ) Sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1999, Butterfly Music (C-60/98, Ġabra 1999, p. I-3939, punt 25, mal-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata), Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 43) u tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg (C-226/08, Ġabra 2010, p. I-131, punt 46).
( 32 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 43, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).
( 33 ) Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punti 46 et seq).
( 34 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1981 (Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra 1981, p. 2735, punt 9), tal-1 ta’ Lulju 2004 (Tsapalos u Diamantakis, C-361/02 u C-362/02, Ġabra 2004, p. I-6405, punt 19) u tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni (C-201/09 P u C-216/09 P, Ġabra p. I-2239, punt 75).
( 35 ) Sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1998, Gedeputeerde Staten van Noord-Holland (C-81/96, Ġabra 1998, p. I-3923, punt 23) u
( 36 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-337/98, Ġabra 2000, p. I-8377, punti 35 et seq).
( 37 ) Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194).
( 38 ) Sentenzi Gedeputeerde Staten van Noord-Holland u Lauteracher Ried, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35.
( 39 ) Ara, għal dak li għandu x’jaqsam mad-Direttiva dwar l-habitats, il-konklużjonijiet tiegħi tat-28 ta’ Ġunju fil-kawża li għadha pendenti, Il-Kummissjoni vs Spanja (Alto Sil, C-404/09, punti 69 et seq).
( 40 ) Ara l-punti 75 et seq iktar ’il fuq.
( 41 ) Ara l-punti 72 et seq iktar ’il fuq.
( 42 ) Ara infra, il-punt 125.
( 43 ) Ara l-punti 84 et seq iktar ’il fuq.
( 44 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 80).
( 45 ) Ara f’dan ir-rigward, infra, il-punti 131 et seq.
( 46 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C-435/97, Ġabra 1999, p. I-5613).
( 47 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C-287/98, Ġabra 2000, p. I-6917).
( 48 ) Sentenza WWF et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 57).
( 49 ) Sentenza Linster (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 54).
( 50 ) Sentenzi WWF et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 62) u Linster (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 57).
( 51 ) Konklużjonijiet tad-19 ta’ Mejju 2011 fil-kawża li għadha pendenti, Boxus u Roua et (C-128/09, C-129/09, C-130/09, C-131/09, C-134/09 u C-135/09, punt 79).
( 52 ) Konklużjonijiet Boxus u Roua et (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punti 84 u 87).
( 53 ) Konklużjonijiet Boxus u Roua et (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punt 88).
( 54 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-50/09, Ġabra p. I-873, punt 40).
( 55 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-247/06, Ġabra 2008, p. I-150, punti 49 et seq; id-dispożittiv tas-sentenza huwa ppubblikat fil-Ġabra 2008, p. I-150*).
( 56 ) Ara infra, il-punt 204.
( 57 ) Punt 44 tan-nota tal-osservazzjonijiet tal-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Aitoloakarnania et.
( 58 ) Il-kwistjoni jekk il-pjanijiet u l-programmi, li ma humiex ħlief ipprogrammati fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi, jaqgħux taħt id-Direttiva ESEA, hija s-suġġett tal-Kawża C-567/10, Inter-Environnement Bruxelles et li għadha pendenti. Eventwalment wieħed ikun jista’ jikkunsidra bħala pjanijiet “ipprogrammati” il-pjanijiet ta’ ġestjoni stabbiliti fid-deċiżjoni qafas dwar l-ilma li għadhom ma humiex obbligatorji u li ser jiġu imsemmija iktar ’il quddiem taħt b.
( 59 ) Dwar il-ħtieġa tal-evalwazzjoni, ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet tiegħi tal-4 ta’ Marzu 2010 fil-kawża Terre wallonne (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, C-105/09 u C-110/09, Ġabra p. I-5611, punti 87 et seq).
( 60 ) Ara, fir-rigward tad-Direttiva EIA, is-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Großkotzenburg, C-431/92, Ġabra 1995, p. I-2189, punt 32).
( 61 ) Sentenza Großkotzenburg (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60).
( 62 ) Punt 29 tad-digriet tar-rinviju.
( 63 ) Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et (C-295/10, Ġabra p. I-8819, punt 62). Għal dak li għandu x’jaqsam mad-Direttiva EIA, ara s-sentenzi Großkotzenburg (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punti 41 et seq) u tas-16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-227/01, Ġabra 2004, p. I-8253, punt 56), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi tad-29 ta’ Novembru 2007, Abraham et (C-2/07, Ġabra 2008, p. I-1197, punt 84).
( 64 ) Ara l-punti 141 et seq iktar ’il fuq.
( 65 ) Li ġew preċedentement elenkati fil-punt 22.
( 66 ) Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Dragaggi et (C-117/03, Ġabra 2005, p. I-167, punt 25).
( 67 ) Dwar it-teħid tal-effett tad-deċiżjonijiet, ara s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Foselev Sud-Ouest (C-18/08, Ġabra 2008, p. I-8745, punt 18).
( 68 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.
( 69 ) Sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2006, Bund Naturschutz in Bayern et (C-244/05, Ġabra 2006, p. I-8445, punti 44 u 46); Stadt Papenburg (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 49); u tal-20 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, (Lynx pardinus ta’ Spanja u l-Portugall, C-308/08, Ġabra 2010, p. I-4281, punt 21).
( 70 ) Sentenzi Lauteracher Ried (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punti 53 sa 62) u Stadt Papenburg (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 48).
( 71 ) Sentenza Lauteracher Ried (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 57, li tikkwota l-ġurisprudenza dwar id-Direttiva EIA).
( 72 ) Sentenza Dragaggi et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66).
( 73 ) B’hekk, il-Kummissjoni adottat, mit-28 ta’ Diċembru 2001, id-Deċiżjoni 2002/11/KE tagħha li stabbilixxiet il-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Makaroneżjan, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (ĠU L 5, p. 16). Deċiżjonijiet li jikkonċernaw erba’ reġjuni oħra bijoġeografiċi ġew prodotti qabel id-Deċiżjoni 2006/613.
( 74 ) Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C-127/02, Ġabra 2004, p. I-7405, punt 37).
( 75 ) Sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-6/04, Ġabra 2005, p. I-9017, punt 58).
( 76 ) Sentenza Stadt Papenburg (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 49).
( 77 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi Alto Sil (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punti 70 et seq).
( 78 ) Sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2010, Monsanto Technology (C-428/08, Ġabra p. I-6765, punt 66), u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu (C-266/09, Ġabra p. I-13119, punt 32).
( 79 ) Għal dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti, ara l-konklużjonijiet tiegħi Alto Sil (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 72).
( 80 ) Ara s-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt 35) u l-konklużjonijiet tiegħi Alto Sil (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 108).
( 81 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi Alto Sil (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 110).
( 82 ) Ara l-koklużjonijiet tiegħi Alto Sil (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 111).
( 83 ) Ara l-punt 185 iktar ’il fuq.
( 84 ) Sentenza WWF et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punti 31 sa 33, kif ukoll il-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).
( 85 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Santa Caterina, C-304/05, Ġabra 2007, p. I-7495, punt 59).
( 86 ) Ara l-punti 188 et seq iktar ’il fuq.
( 87 ) Ara l-punt 169 iktar ’il fuq.
( 88 ) Ara l-punti 188 et seq iktar ’il fuq.
( 89 ) Ara l-punti 193 et seq iktar ’il fuq.
( 90 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-334/04, Ġabra 2007, p. I-9215, punt 32).
( 91 ) Sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (Basses Corbières, C-374/98, Ġabra 2000, p. I-10799, punti 47 u 57); tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-388/05, Ġabra 2007, p. I-7555, punt 18).
( 92 ) Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ tali eżami, ara s-sentenza Santa Caterina (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punti 91 et seq), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi tad-19 ta’ April 2007 f’din l-istess kawża, punti 61 et seq.
( 93 ) Ara l-punti 199 et seq iktar ’il fuq.
( 94 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi Alto Sil (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 112).
( 95 ) Is-sentenza Santa Caterina (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punt 83).
( 96 ) Dwar il-kontroll tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni, ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (C-326/05 P, Ġabra 2007, p. I-6557, punt 77) u tas-6 ta’ Novembru 2008 (Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-405/07 P, Ġabra 2008, p. I-8301, punt 55), kif ukoll il-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.
( 97 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi Alto Sil (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 112).
( 98 ) Ara l-punti 83 et seq iktar ’il fuq.
( 99 ) Fid-Deċiżjoni 2006/613, tali siti huma indikati b’asterisk fil-kolonna Ċ.
( 100 ) Ara l-gwida tal-Kummissjoni, GÉRER LES SITES NATURA 2000 Les dispositions de l’article 6 de la directive habitats (92/43/CEE), Il-Lussemburgu 2000, p. 50.
( 101 ) Sentenza Santa Caterina (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85).
( 102 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tas-27 ta’ Ottubru 2005 fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (Lauteracher Ried, C-209/04, Ġabra 2006, p. I-2755, punt 83).
( 103 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi Lauteracher Ried (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 102, punt 84).
( 104 ) Is-sentenza Santa Caterina (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85).