KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2011 ( 1 )

Kawża C-17/10

Toshiba Corporation et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Brně (ir-Repubblika Ċeka))

“Kompetizzjoni — Akkordju ta’ portata internazzjonali li jipproduċi effetti fit-territorju tal-UE, taż-ŻEE u tal-Istati Membri li ssieħbu fl-1 ta’ Mejju 2004 — Artikolu 81 KE u Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Ftuħ ta’ proċeduri kontra u sanzjoni tal-ksur għall-perijodu ta’ qabel u ta’ wara d-data tal-adeżjoni — Multi — Delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Prinċipju ta’ ‘non bis in idem’ — Artikoli 3(1) u 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Konsegwenzi tal-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni Ewropea”

I – Introduzzjoni

1.

Kemm-il awtorità tal-kompetizzjoni fl-Ewropa tista’ tittratta l-istess akkordju wieħed u timponi sanzjonijiet fuq l-impriżi kkonċernati? Din hija essenzjalment il-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab issolvi f’dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari. Din il-kwistjoni ma tqajjimx biss problemi essenzjali marbuta mad-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni, iżda wkoll aspetti delikati tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mill-perspettiva tar-regola ta’ nuqqas ta’ akkumulazzjoni tas-sanzjonijiet (prinċipju ta’ ne bis in idem). Dawn huma punti ta’ importanza liema bħalha għall-funzjonament tas-sistema l-ġdida għall-implementazzjoni tad-dritt antitrust, kif stabbilita fl-1 ta’ Mejju 2004 permezz tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 2 ). Barra minn hekk, dawn jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tevolvi l-ġurisprudenza tagħha Walt Wilhelm et ( 3 ), li għandha iktar minn 40 sena.

2.

Il-kawża preżenti għandha bħala sfond akkordju ta’ portata mondjali, skopert fl-2004, u li fih ipparteċipaw serje ta’ impriżi magħrufa, Ewropej u Ġappuniżi, fis-settur tal-elettronika. Kienu diversi awtoritajiet tal-kompetizzjoni li bdew proċedimenti kontra dan l-akkordju u imponew multi li jammontaw għal miljuni: fuq livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tal-kompetizzjoni taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u fuq livell nazzjonali, fost oħrajn, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ( 4 ).

3.

L-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka llimitat ruħha għall-applikazzjoni tad-dritt antitrust nazzjonali u ma ssanzjonatx għajr l-effetti tal-akkordju fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, u dan għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, il-jum li fih ir-Repubblika Ċeka ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, din il-proċedura ġiet stabbilita wara l-1 ta’ Mejju 2004, meta l-Kummissjoni kienet diġà hija stess bdiet il-proċedura skont ir-Regolament Nru 1/2003. Id-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka imponiet multa kienet ukoll adottata wara dik tal-Kummissjoni.

4.

L-argumenti quddiem il-qorti nazzjonali jikkonċernaw, illum il-ġurnata, il-fondatezza tal-azzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka. Toshiba u għadd ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fl-akkordju jsostnu li, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ma kellhiex il-kompetenza sabiex tissanzjona l-akkordju, peress li l-Kummissjoni kienet diġà fetħet proċedura fuq livell Ewropew. Barra minn hekk, huma jinvokaw il-prinċipju ta’ ne bis in idem.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

5.

Barra l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ( 5 ), huma, minn naħa, l-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE), l-Artikolu 53 ŻEE ( 6 ), u l-Artikoli 49 u 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 7 ), kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1/2003, li jikkostitwixxu l-kuntest ġuridiku tal-kawża preżenti skont id-dritt tal-Unjoni. Ser issir referenza wkoll għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni Netwerk”) ( 8 ).

1. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju

6.

Ir-Repubblika Ċeka ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 ( 9 ). L-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni jistabbilixxi r-regoli segwenti fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni fir-Repubblika Ċeka u fid-disa’ Stati Membri ġodda l-oħra:

“Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”

7.

Skont l-Artikolu 81(1) KE, huma inkompatibbli mas-suq komuni u pprojbiti, l-akkordji kollha bejn impriżi li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan u effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

8.

L-Artikolu 53 ŻEE jipprojbixxi l-akkordji li huma identiċi għal dawk li jissemmew fl-Artikolu 81 KE u l-kamp tal-applikazzjoni tiegħu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea kollha.

9.

Il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege huwa stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali:

“L-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m’għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli.”

10.

Ir-regola tan-nuqqas ta’ kumulazzjoni tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem) hija stabbilita sussegwentement fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali:

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”

2. Id-dispożizzjonijiet legali li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1/2003

11.

Ir-“relazzjoni bejn l-Artikolu 81 KE […] u liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni” hija rregolata kif ġej mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003:

“Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu 81 tat-Trattat għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. […]

(2)   L-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax twassal għal projbizzjoni ta’ ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża jew prattiċi miftiehma li jista jaffetwa il-kummerċ bejn l-Istati Membri imma ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) [KE], jew ma jilħaqx il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(3) [KE] jew li huma kopruti min xi Regolament għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) [KE]. Stati Membri mhux taħt dan ir-Regolament jiġu preklużi milli jadottaw u japplikaw fuq it-territorju tagħhom liġijiet nazzjonali aktar stretti li jipprojbixxu jew jissanzjonaw kondotta unilaterali imqabdin biex jaħdmu min xi impriża.

(3)   Mingħajr preġudizzju għal Prinċipji ġenerali u disposizzjonijiet oħra tal-liġijiet tal-Komunità, paragrafu 1 u 2 ma japplikawx meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri japplikaw il-liġijiet tal-kontrol tal-għaqda u lanqas l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jsegwu b’mod predominanti għan differenti min dak segwut mil-Artikoli 81 u 82 [KE].”

12.

Taħt it-titolu “Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri”, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jinkludi barra minn hekk ir-regola segwenti:

“L-inizjazzjoni mil-Kummissjoni tal-proċeduri għall-adottazzjoni ta’ deċiżjoni taħt Kapitolu III jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri tal-kompetenzi tgħhom li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 [KE].”

13.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi, taħt it-titolu “L-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-Komunità”:

“Meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra għad-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni.”

14.

Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq huma espressi permezz tal-premessi 8, 9, 15, 17, 18, 22 u 34 tal-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003, li l-estratti rilevanti tiegħu huma s-segwenti:

“(8)

Sabiex jiżgura l-infurzar effetiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Komunità u il-funżjoni propja tal-mekkaniżmi tal-koperazzjoni li jinsabu fir-Regolament, huwa neċċessarju l-obligu ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li huma ukoll japplikaw l-Artikoli 81 u 82 [KE] billi huma japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompettitività lil ftehim u prattiki li jistgħu jaffetwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Sabiex jiġu kreati kondizzjonijet ugwali għal ftehim, deċiżjonijiet permezz ta’ assoċjazzjoni ta’ impriża u prattiċi miftiehma fi ħdan is-suq intern, huwa ukoll neċċessarju li jistabilixxi skond l-Artikolu 83(2)(e) [KE] ir-relazzjoni bejn il-liġijiet nazzjonali u l-liġi tal-kompetizzjoni. […]

(9)

L-Artikoli 81 u 82 [KE] għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq. Dan ir-Regolament, li ġie adottat għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-disposizzjonijiet tat-Trattat, dan ma jipprekludix l-Istati Membri li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tat-territorju nazzjonali, li jipproteġi interessi leġittimi oħra li jipprovdu leġislazzjoni kumpattibli b’ prinċipji ġenerali u disposizzjonijiet oħrajn tal-liġi [tal-Unjoni]. Sa kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ssegwi b’mod predominanti għan differenti min dik tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri jistgħu japplikaw din il-leġiżlazzjoni fit-territorju tagħhom. […]

[…]

(15)

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom jifformaw network ta’ awtoritajiet publiċi flimkien fejn japplikaw liġijiet tal-kompettizzjoni tal-Komunità f’koperazzjoni. […]

[…]

(17)

Jekk il-liġijiet tal-kompetizzjoni huma applikati b’mod konsistenti u, fl-istess ħin, in-networks huma ħa jkunu maniġjati fl-aqwa mod possibli, huwa essenzali li tinżam ir-regola li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jitilfu awtomatikament il-kompetenzi tagħhom jekk il-Kummissjoni tibda il-proċeduri propji tagħha. […]

(18)

Biex ikun żgur li l-każijiet huma negozjati mil-awtoritajiet l-aktar xierqa fi ħdan in-network, disposizzjoni ġenerali trid tiġi stabbilita Sabiex tħalli l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tissuspendi jew tagħlaq każ bl-argument li awtorità oħra qed jinnegozjaw jew diġa negozjaw magħha, l-għan hu li kull każ għandu jkun negozjat min awtorità waħda. […]

[…]

(22)

Sabiex tiżgura qbil mal-prinċipji ċerti legali u l-applikazzjoni uniformi tal-liġijiet tal-kompettività [tal-Unjoni] f’sistema ta poteri paralleli, deċizzjonijiet li huma f’kunflit għandhom jiġu evitati. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi klarifikat, skond il-liġi tal-preċedent tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effetti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-proċeduri tal-qrati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. […]

[…]

(34)

Il-priċipji stabbiliti mil-Artikoli 81 u 82 [KE], kif ġew applikati min Regolament Nru 17, ingħataw rwol ċentrali lill-korpi tal-Komunità. Dan ir-rwol ċentrali għandu jinżamm, waqt li l-Istati Membri jassoċjaw ruħhom aktar mil-viċin mal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni [tad-dritt tal-Unjoni]. Bi qbil mal-priċipji tas-susidji u l-proporzjonalità kif stipulata mil-Artikolu 5 tat-Trattat, dan ir-Regolament ma jmurx l’hinn min dak li hu neċessarju sabiex tilħaq il-għan, li hu li tħalli ir-regoli tal-kompetizzjoni [li hu l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni [tad-dritt tal-Unjoni]].”

15.

Fl-aħħar nett, għandha tissemma’ l-premessa 37 tal-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003, li tikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali:

“Dan ir-Regolament jirrispetta id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji magħrufin b’mod partikolari mil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’ hekk, dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett ghal dawk id-drittijiet u il-prinċipji.”

3. Il-Komunikazzjoni Netwerk tal-Kummissjoni

16.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tinkludi b’mod partikolari, taħt it-titolu “3.2. Il-ftuħ mill-Kummissjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill”, il-preċiżjonijiet segwenti:

“[…]

51.

Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament [Nru 1/2003], il-ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura, bl-għan li tiġi adottata deċiżjoni skont ir-regolament tal-Kunsill, jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni mill-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 [KE]. Dan ifisser li, ladarba l-Kummissjoni tkun fetħet proċedura, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jistgħux jaġixxu fuq l-istess bażi legali fir-rigward tal-istess akkordju, akkordji jew prattiki, tal-istess impriża jew impriżi fl-istess suq ġeografiku inkwistjoni u fl-istess suq ta’ prodotti inkwistjoni.

[…]

53.

Żewġ sitwazzjonijiet jistgħu jirriżultaw. Minn naħa, ladarba l-Kummissjoni, bħala l-ewwel awtorità tal-kompetizzjoni tibda l-proċedura inkwistjoni bil-għan li tadotta deċiżjoni skont ir-regolament tal-Kunsill, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jkunux iktar f’pożizzjoni li jeżaminaw il-kwistjoni. L-Artikolu 11(6) tar-regolament tal-Kunsill jipprovdi li l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni, jirrileva lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-kompetenza tagħhom li jagħtu bidu għal proċedura bl-għan tal-applikazzzjoni tal-Artikoli 81 u 82 [KE], fir-rigward tal-istess akkordji jew prattiki tal-istess impriża jew impriżi, fl-istess suq ġeografiku inkwistjoni u fl-istess suq ta’ prodotti inkwistjoni.

[…]”

B – Id-dritt nazzjonali

17.

Id-dispożizzjoni rilevanti tal-liġi Ċeka tikkonsisti fl-Artikolu 3(1) u (2) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Din id-dispożizzjoni kienet tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2001 fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Nru 63/991 Sb. ( 10 ), u, mill-1 ta’ Lulju 2001, fil-verżjoni tal-Liġi Nru 143/2001 Sb. ( 11 ). Kemm fil-verżjoni preċedenti kif ukoll f’dik sussegwenti tagħha, din id-dispożizzjoni kienet essenzjalment tinkludi l-istess projbizzjoni tal-akkordji kollużivi bħal dik prevista fuq livell tal-Unjoni fl-Artikolu 101 TFUE (l-ex Artikolu 81 KE).

III – Il-fatti, il-proċedura amministrattiva u l-kawża prinċipali

18.

Il-kawża preżenti tikkonċerna akkordju ta’ portata mondjali fis-suq tal-iswitchgear iżolat bil-gass ( 12 ), li fih ipparteċipaw, f’perijodi differenti bejn l-1988 u l-2004, serje ta’ impriżi magħrufa Ewropej u Ġappuniżi, mis-settur tal-elettronika. Kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ħadu taħt idejhom ċerti aspetti ta’ din il-kawża fl-2006 u l-2007, u imponew multi fuq l-impriżi kkonċernati ( 13 ), għalkemm l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka aġixxiex biss abbażi tad-dritt antitrust nazzjonali u biss fir-rigward tal-perijodu qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea fl-l ta’ Mejju 2004.

Il-proċedura amministrattiva fuq livell Ewropew

19.

Il-Kummissjoni bdiet proċedura għall-impożizzjoni ta’ multa fl-20 ta’ April 2006, abbażi tal-Artikoli 81 KE u 53 ŻEE, flimkien mar-Regolament Nru 1/2003 ( 14 ). Din il-proċedura, li seħħet wara talba għal klemenza ( 15 ) u wara spezzjonijiet li saru fl-2004 fi proprjetà ta’ diversi impriżi li pparteċipaw fl-akkordju ( 16 ), kienet intiża kontra total ta’ 20 persuna ġuridika, fosthom Toshiba Corporation u l-15-il rikorrent l-ieħor fil-kawża prinċipali.

20.

Fid-deċiżjoni tagħha tal-24 ta’ Jannar 2007 li għalqet il-proċedura ( 17 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni”), il-Kummissjoni tesponi li l-akkordju inkwistjoni kkostitwixxa, mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004, ksur uniku u kontinwu tal-Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE ( 18 ), li fih il-parteċipanti differenti tal-akkordju pparteċipaw matul perijodi differenti. Skont id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-akkordju kien wieħed kumpless u ta’ portata mondjali — bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti u tal-Kanada —, li kellu effetti fl-Unjoni Ewropea u fiż-ŻEE ( 19 ), u li fil-kuntest tiegħu l-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari, skambjaw informazzjoni sensittiva relatati mas-suq, qasmu s-swieq bejniethom ( 20 ), iffissaw il-prezzijiet u waqfu jikkollaboraw ma’ impriżi li ma kinux membri fl-akkordju.

21.

Minbarra impriża waħda ( 21 ), li bbenefikat mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klemenza, il-partijiet kollha fil-proċedura, fosthom ir-rikorrenti kollha fil-kawża prinċipali, ġew ikkundannati għal multi f’ammont totali ta’ iktar minn EUR 750 miljun ( 22 ). L-ogħla multa individwali ġiet imposta fuq Siemens AG, ammont ta’ iktar minn EUR 396 miljun.

22.

Sa fejn dan huwa ta’ importanza għall-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea riċentement essenzjalment ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 ( 23 ).

Il-proċedura amministrattiva fuq livell nazzjonali

23.

Fit-2 ta’ Awwissu 2006, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka min-naħa tagħha bdiet, abbażi tal-istess akkordju, u kontra l-istess impriżi, proċedura għall-ksur tal-liġi Ċeka dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Fid-9 ta’ Frar 2007, hija adottat l-ewwel deċiżjoni ( 24 ), li kontriha madankollu r-rikorrenti ppreżentaw rikors amministrattiv intern. Wara dan ir-rikors, il-president tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka rriforma d-deċiżjoni inizjali ( 25 ) permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2007.

24.

F’din id-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2007 mogħtija fuq ilment, ġie ddikjarat li l-impriżi kkonċernati kienu pparteċipaw f’akkordju li żvolġa fit-territorju Ċek. Fil-kwalità tagħhom ta’ kompetituri, dawn l-impriżi kienu b’hekk kisru l-liġi Ċeka dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni għal perijodu li wassal sat-3 ta’ Marzu 2004 ( 26 ). Bl-eċċezzjoni ta’ impriża waħda ( 27 ), li bbenefikat minn miżuri ta’ immunità stabbiliti fid-dritt intern, ġew imposti multi fuq l-impriżi kollha kkonċernati ( 28 ).

Il-proċeduri quddiem il-qrati Ċeki

25.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka quddiem it-Tribunal Reġjonali ta’ Brno ( 29 ). Huma sostnew b’mod partikolari li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kienet żbaljata fid-determinazzjoni tagħha tal-perijodu tal-akkordju u li kienet xjentement stabbilixxiet il-waqfien tiegħu qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea, sabiex tkun tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni tal-liġi Ċeka dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Huma sostnew li skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kienet tilfet il-kompetenza tagħha li timplementa l-proċedura nazzjonali, peress li l-Kummissjoni kienet diġà bdiet, fl-istess kawża, proċedura fuq livell Ewropew. Huma kkonkludew li l-proċedura mobdija fuq livell nazzjonali kienet tikser in-nuqqas ta’ kumulazzjoni tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem).

26.

Permezz tas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2008 ( 30 ), it-Tribunal Reġjonali ta’ Brno annulla d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka tas-26 ta’ April 2007, mogħtija fuq ilment, kif ukoll id-deċiżjoni inizjali li din tal-aħħar kienet ħadet fid-9 ta’ Frar 2007. Il-Krajský soud de Brno kkonkluda li l-aġir inkwistjoni tar-rikorrenti kien jikkostitwixxi ksur amministrattiv kontinwu li, kif iddikjarat il-Kummissjoni, dam sal-11 ta’ Mejju 2004. Peress li l-Kummissjoni kienet bdiet, fir-rigward ta’ dan l-akkordju ta’ “portata mondjali”, proċedura abbażi tal-Artikolu 81 KE u adottat deċiżjoni ta’ “kundanna”, il-proċedura l-ġdida miftuħa f’din l-istess kawża kienet tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Barra minn hekk, skont l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kienet ġiet irrilevata mill-kompetenza tagħha li tittratta din il-kawża abbażi tal-Artikolu 81 KE.

27.

It-Tribunal Reġjonali huwa tal-fehma li ma jkunx konsistenti mal-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-kompetizzjoni jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka tibqa’ kompetenti wara l-1 ta’ Mejju 2004 u tista’ tapplika retroattivament il-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. It-tribunal innota li din il-liġi essenzjalment tistipula l-istess projbizzjoni tal-akkordji kollużivi, prevista fl-Artikolu 81 KE. Id-dispożizzjoni inkwistjoni ġiet introdotta fil-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni sabiex il-liġi nazzjonali tiġi approssimata mad-dritt Ewropew qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea.

28.

L-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka madankollu ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Ċeka ( 31 ) kontra s-sentenza tat-Tribunal Reġjonali. Hija tibqa’ tqis lilha nfisha bħala kompetenti sabiex tibda proċeduri kontra l-aġir immanifestat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qabel id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea, peress li, sa din id-data, il-Kummissjoni ma setgħetx tibda proċeduri kontra ebda ksur li kien jikkonċerna r-Repubblika Ċeka. Skontha, il-fatt li jiġi ssanzjonat akkordju ta’ portata mondjali fil-kuntest ta’ kompetenzi differenti, ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Hija sostniet li l-Kummissjoni u l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kienu ttrattaw konsegwenzi ta’ dan l-aġir li kienu territorjalment differenti. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza Walt Wilhelm ( 32 ) kienet tawtorizza l-applikazzjoni parallela tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni.

29.

Permezz tas-sentenza tal-10 ta’ April 2009 ( 33 ), il-Qorti Amministrattiva Suprema annullat is-sentenza tat-Tribunal Reġjonali ta’ Brno. Il-Qorti Amministrattiva Suprema qieset li t-Tribunal Reġjonali kien żbaljat meta kkwalifika bħala ksur kontinwu l-parteċipazzjoni fl-akkordju tal-impriżi kkonċernati. Hija ddeċiediet li sal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea, l-akkordju pprattikat fit-territorju Ċek kien jaqa’ esklużivament taħt il-kompetenza nazzjonali u l-prosekuzzjoni tiegħu setgħet issir biss taħt id-dritt nazzjonali. Bl-adeżjoni u l-bdil fil-kompetenzi li ġabet magħha, kien hemm waqfa fl-iżvolġiment tal-affarijiet. Minkejja li r-rikorrenti ma kinux formalment waqqfu l-ksur li kienu wettqu fir-Repubblika Ċeka qabel is-sħubija, skont il-Qorti Amministrattiva Suprema, dan għandu jitqies li kien waqaf. L-aġir adottat mill-jum tal-adeżjoni jikkostitwixxi, mill-perspettiva formali, ksur distint, jiġifieri ksur fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, li jaqa’ taħt il-kompetenza li tinqasam bejn l-awotrità nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni, b’din tal-aħħar ikollha, legalment, prijorità (l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003).

30.

Il-proċedura llum il-ġurnata tinsab mill-ġdid pendenti quddiem it-Tribunal Reġjonali ta’ Brno, li reġgħet intbagħtet il-kawża quddiemu sabiex jiddeċiedi mill-ġdid. Għalkemm it-Tribunal huwa obbligat mid-dritt nazzjonali ( 34 ) li jimxi mal-analiżi legali tal-Qorti Amministrattiva Suprema, huwa madankollu jqis li huwa meħtieġ li jikkjarifika ċerti punti tad-dritt tal-Unjoni, relatati, minn naħa, mal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 u, min-naħa l-oħra, mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, ir-rinviju għad-domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jikkonċerna wkoll id-diverġenzi fl-evalwazzjoni ratione materiae bejn it-Tribunal Reġjonali u l-Qorti Amministrattiva Suprema.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31.

Permezz tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2009 ( 35 ), li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Jannar 2010, it-Tribunal Reġjonali ta’ Brno għamel, lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE (attwalment l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea) u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandhom jiġu applikati (fil-kuntest ta’ proċedura mibdija wara l-1 ta’ Mejju 2004) għat-tul kollu ta’ akkordju li, fuq it-territorju tar-Repubblika Ċeka, beda qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea (jiġifieri qabel l-1 ta’ Mejju 2004) u li kompla u ntemm wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka fl-Unjoni Ewropea?

2)

L-Artikolu 11(6), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1), is-sbatax-il premessa tar-Regolament Nru 1/2003, il-punt 51 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, il-prinċipju ta’ non bis in idem, kif jirriżulta mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk il-Kummissjoni tibda proċedura għall-ksur tal-Artikolu 81 KE wara l-1 ta’ Mejju 2004 u tadotta deċiżjoni fuq il-mertu:

a)

L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri huma awtomatikament u definittivament imċaħħda mill-kompetenza tagħhom sabiex jagħtu deċiżjoni dwar l-istess fatti?

b)

L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri huma mċaħħda mill-kompetenza tagħhom sabiex japplikaw għal dawn l-istess fatti d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jinkludu leġiżlazzjoni simili għall-Artikolu 81 KE (attwalment l-Artikolu 101 TFUE)?”

32.

Waqt il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Toshiba, Mitsubishi, Fuji ( 36 ), Hitachi ( 37 ), Alstom u Siemens ( 38 ), kif ukoll il-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Irlanda, tal-Polonja u tar-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Gvern Slovakk ukoll ipparteċipa fil-proċedura bil-miktub, filwaqt li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kienet preżenti waqt is-seduta.

V – Analiżi

33.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Reġjonali ta’ Brno għandha l-għan, fil-kuntest tal-kawża tad-dritt antitrust, li tikseb preċiżjonijiet dwar il-konsegwenzi tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea. Minn naħa, il-kwistjoni hija waħda ta’ definizzjoni tad-dritt applikabbli (l-ewwel domanda) u, min-naħa l-oħra, ta’ determinazzjoni tal-kompetenzi fi ħdan in-netwerk Ewropew tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, l-“ECN” ( 39 ), (it-tieni domanda), fir-rigward tal-akkordji transkonfinali li jikkostitwixxu ksur kontinwu, imwettaq parzjalment qabel id-data tal-adeżjoni u parzjalment wara din id-data, u li kien ta’ natura tali li jipproduċi effetti, fost l-oħrajn, fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

34.

L-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tqajjem l-ebda dubju. Huwa minnu li, wara eżami sommarju, l-ewwel domanda preliminari tfakkar il-kawża Ynos, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma kellhiex kompetenza sabiex tinterpreta d-direttiva ( 40 ). B’differenza minn din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma tintalabx, fil-kuntest tal-ewwel domanda, tagħmel interpretazzjoni sostantiva tad-dritt tal-Unjoni għall-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid, iżda biss sabiex tippreċiża l-kamp tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni. Ma hemm ebda dubju li għandha l-kompetenza tagħmel dan.

35.

Il-fatt li l-qorti tar-rinviju hija marbuta, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, bl-evalwazzjoni legali ta’ qorti li hija superjuri għaliha ( 41 ), lanqas ma jipprekludi r-rinviju ta’ domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u n-natura vinkolanti tar-risposta tagħha ( 42 ).

36.

Peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni meħuda fl-2007 mill-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka, huwa wkoll meħtieġ, sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, li ssir referenza għad-dispożizzjonijiet tat-trattat fil-verżjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam ( 43 ); b’mod partikolari l-Artikolu 81 KE u mhux l-Artikolu 101 TFUE.

A – L-ewwel domanda preliminari: il-kamp ta ’ applikazzjoni ratione temporis tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni

37.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jistgħux, fi Stat Membru li jkun issieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, japplikaw għal perijodi li jippreċedu din id-data ta’ sħubija ( 44 ).

38.

Din id-domanda qed issir minħabba l-fatt li l-akkordju kontenzjuż ikkostitwixxa ksur uniku u kontinwu tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 45 ), li l-effetti antikompetittivi tiegħu nibtu fit-territorju tar-Repubblika Ċeka minn qabel l-adeżjoni ta’ din tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea u ssoktaw sa wara din l-adeżjoni. Il-proċeduri tal-multi li saru kemm fuq livell tal-Unjoni kif ukoll fuq livell nazzjonali bl-għan li dan l-akkordju jiġi ssanzjonat seħħew f’perijodi kompleti wara d-data ta’ sħubija.

39.

Din is-sitwazzjoni titlob l-applikabbiltà, skont il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-Artikolu 81 KE u tar-Regolament Nru 1/2003 għall-perijodu kollu tal-akkordju kontenzjuż. L-impriżi implikati fl-akkordju jittamaw li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tippermettilhom jevitaw kwalunkwe sanzjoni min-naħa tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka.

1. Ir-rekwiżiti tal-Att ta’ Adeżjoni u l-prinċipji ġenerali tad-dritt

40.

L-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni jikkostitwixxi l-punt tat-tluq għad-definizzjoni tal-kamp tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fir-Repubblika Ċeka. Skont din id-dispożizzjoni, it-trattati oriġinali u l-atti adottati, qabel l-adeżjoni, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jorbtu lill-Istati Membri l-ġodda mid-data tal-adeżjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Mejju 2004.

41.

Minn din id-dispożizzjoni tal-Att ta’ Adeżjoni sempliċement jirriżulta li l-Artikolu 81 KE u r-Regolament Nru 1/2003 saru applikabbli fir-Repubblika Ċeka mill-1 ta’ Mejju 2004. Min-naħa l-oħra, l-Att ta’ Adeżjoni ma jitfa’ l-ebda dawl fuq il-miżura li fiha l-Artikolu 81 KE u r-Regolament Nru 1/2003 għandhom japplikaw għall-ksur kontinwu li l-effetti antikompetittivi tiegħu nibtu fit-territorju Ċek, parzjalment qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni Ewropea u parzjalment wara din id-data. Jeħtieġ f’dan ir-rigward li wieħed jirreferi għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipji taċ-ċertezza legali, tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u tan-nuqqas ta’ retroattività ( 46 ).

a) Il-projbizzjoni tal-applikazzjoni retroattiva tar-regoli sostantivi

42.

Mill-imsemmija prinċipji ġenerali tad-dritt jirriżulta li, għal dak li fir-rigward tal-effetti ratione temporis tal-emendi fil-liġi, hemm lok li wieħed jiddistingwi bejn ir-regoli proċedurali u r-regoli sostantivi. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali ġeneralment japplikaw għall-kawżi kollha pendenti fil-mument li dawn jidħlu fis-seħħ, b’differenza mir-regoli sostantivi li ġeneralment huma interpretati fis-sens li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ ( 47 ).

43.

Huwa minnu li fir-Regolament Nru 1/2003 wieħed isib għadd ta’ regoli proċedurali ( 48 ). Madankollu, l-Artikolu 3(1) tiegħu, bħall-Artikolu 81 KE, jinkludi regoli sostantivi maħsuba għall-evalwazzjoni tal-akkordji bejn l-impriżi, mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. L-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jikkostitwixxu għalhekk regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni.

44.

Tali regoli sostantivi ma jistgħux, bħala prinċipju, ikunu suġġetti għal applikazzjoni retroattiva, indipendentement mill-effetti favorevoli li applikazzjoni bħal din jista’ jkollha għall-persuna kkonċernata; fil-fatt, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jitlob li kwalunkwe sitwazzjoni ta’ fatt tiġi normalment evalwata, sakemm ma jkunx hemm indikazzjoni espressa kuntrarja, fid-dawl tar-regoli tad-dritt li huma kontemporanji għaliha ( 49 ). Ir-regoli ġodda sostantivi ma humiex fil-prinċipju applikabbli direttament għall-effetti li għad iridu jseħħu, relatati ma’ sitwazzjonijiet li tnisslu taħt is-sistema tar-regoli preċedenti ( 50 ).

45.

Huma għalhekk regoli sostantivi differenti, skont il-perijodu inkwistjoni, li japplikaw għal akkordju ta’ portata mondjali li, taħt forma ta’ ksur uniku u kontinwu, kellu jew seta’ kellu effetti fit-territorju ta’ Stat Membru ġdid, kemm qabel kif ukoll wara d-data tal-adeżjoni ( 51 ). Fir-rigward tal-perijodi ta’ qabel l-adeżjoni, il-konsegwenzi antikompetittivi tal-akkordju fi Stat Membru partikolari, ma għandhomx jiġu evalwati fir-rigward tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ dak l-Istat. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perijodi ta’ wara, dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati bl-istess mod fl-Unjoni kollha abbażi tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 52 ).

46.

B’mod konkret, dan jimplika li l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma japplikawx għall-akkordju kontenzjuż fir-Repubblika Ċeka, sakemm l-għan ma huwiex dak li jiġu ssanzjonati l-effetti eventwali antikompetittivi li dan tal-aħħar ipproduċa matul il-perijodu li beda fl-1 ta’ Mejju 2004. Min-naħa l-oħra, l-effetti antikompetittivi ta’ dan l-akkordju li jikkonċernaw il-perijodu ta’ qabel it-30 ta’ April 2004 jistgħu biss jiġu evalwati fir-Repubblika Ċeka fid-dawl tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Il-ksur jista’ ċertament ikun uniku u kontinwu, iżda l-effetti antikompetittivi tiegħu xorta huma suġġetti għal dispożizzjonijiet differenti, skont jekk dawn seħħewx qabel jew wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea.

b) L-ebda eċċezzjoni għall-prinċipju tar-retroattività

47.

Kuntrarjament għal dak li jqisu Siemens, Hitachi u Fuji, ma hemm xejn fil-kawża preżenti li jindika li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi applikat retroattivament, jiġifieri li l-effetti antikompetittivi li pproduċa l-akkordju kontenzjuż fir-Repubblika Ċeka qabel l-adeżjoni ta’ din tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea, jaqgħu, huma stess, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

48.

Huwa minnu li r-regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni jistgħu eċċezzjonalment jiġu applikati retroattivament, kemm-il darba jkun jirriżulta b’mod ċar mit-termini, mill-finalità jew mill-istruttura tagħhom li dawn għandhom jiġu attribwiti dan l-effett ( 53 ). Madankollu, fil-kawża preżenti, la r-redazzjoni, la l-finalità u lanqas l-istruttura tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 ma fihom indikazzjoni ċara favur l-applikazzjoni retroattiva ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Fil-fatt, ix-xebh bejn id-dritt antitrust tal-Unjoni ( 54 ) u d-dritt kriminali jimplika tassew li ma għandhomx ikollhom applikazzjoni retroattiva, peress li din tal-aħħar tista’ tikser il-prinċipju tal-legalità tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), li fuq livell tal-Unjoni jibbenefika minn protezzjoni ta’ dritt fundamentali (l-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) ( 55 ).

49.

B’mod partikolari, wieħed ma jistax jiġi sostnut li l-liġi tal-kompetizzjoni applikabbli fir-Repubblika Ċeka qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kienu essenzjalment ibbażati fuq l-Artikolu 81 KE, b’mod li dan tal-aħħar kien jikkostitwixxi biss tip ta’ leġiżlazzjoni li ssostitwixxiet dik ta’ qabilha, bid-dħul tagħha fis-seħħ ikun tali li ma ġab essenzjalment xejn ġdid lill-impriżi.

50.

Huwa possibbli li, minn qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, kien hemm xebh kbir bejn id-dritt nazzjonali Ċek ( 56 ) u l-Artikolu 81 KE. Jista’ jkun ukoll li l-Ftehim Ewropew ( 57 ), li kellu jwassal lir-Repubblika Ċeka lejn l-Unjoni Ewropea, kellu diġà, fl-Artikolu 64 tiegħu, dispożizzjoni simili għall-Artikolu 81 KE.

51.

Madankollu, il-korpi nazzjonali kienu biss kompetenti li japplikaw u jimplementaw, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, fir-Repubblika Ċeka, kemm id-dritt nazzjonali kif ukoll il-Ftehim Ewropew. Għalhekk kien biss il-kompitu tal-awtoritajiet u l-qrati Ċeki li jinterpretawhom u japplikawhom skont l-Artikolu 81 KE fit-territorju tar-Repubblika Ċeka. Fil-kwalità tagħha bħala awtorità Ewropea tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ċertament li ħadmet mill-viċin mal-awtorità Ċeka, iżda qabel l-1 ta’ Mejju 2004 la setgħet tapplika hija stess, fir-Repubblika Ċeka, l-Artikolu 64 tal-Ftehim Ewropew u lanqas l-Artikolu 81 KE, u l-qrati Ċeki lanqas ma setgħu jressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

52.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 81 KE, għandu jiġi sostnut ukoll li, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, din id-dispożizzjoni ma kinitx tipprevali fuq id-dritt Ċek. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1/2003, li l-Artikolu 3(1) KE tiegħu jimponi għall-ewwel darba l-obbligu fuq id-diversi awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li japplikaw, skont il-kundizzjonijiet hemmhekk previsti, l-Artikolu 81 KE b’mod paralleli mal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni, kif ukoll li josservaw ir-regoli tar-rank superjuri tad-dritt tal-Unjoni, la kien applikabbli fl-Istati li kienu diġà membri u lanqas fl-Istat Membri l-ġodda ( 58 ).

53.

Is-sistema prevalenti sat-30 ta’ April 2004 hija għalhekk totalment differenti minn dik applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004. Id-data tal-1 ta’ Mejju 2004 tikkorrispondi għal bidu ġdid importanti fis-sistema antitrust, kemm fuq livell sostantiv kif ukoll proċedurali, li mhux talli jimmilita favur iżda saħansitra kontra applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

54.

Huwa minnu li l-applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 81 KE u tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ tnaqqas ir-riskju tal-evalwazzjoni diverġenti tal-istess akkordju li mill-awtoritajiet u ġurisdizzjonijiet differenti fil-kuntest tal-proċeduri rispettivi tagħhom għall-impożizzjoni tal-multi. Madankollu, jeħtieġ li wieħed jirribatti li, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet b’kontenut differenti kienet inerenti fis-sistema, u kienet ammessa kemm-il darba ma kinitx tippreġudika l-effett globali tad-dritt antitrust tal-Unjoni u l-prevalenza tad-dritt tal-Unjoni ( 59 ). Ikunu kemm ikunu mixtieqa l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi u effettivi tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jiġu akkost tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt.

c) Il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli

55.

Hitachi tinvoka l-prinċipju tar-retroattività tal-liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitius) biex tiġġustifika l-ħtieġa li l-effetti antikompetittivi tal-akkordju kontenzjuż fir-Repubblika Ċeka qabel l-1 ta’ Mejju 2004 jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 81 KE u tar-Regolament Nru 1/2003.

56.

Il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli, jagħmel parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali misjuba fl-Istati Membri kollha u għandu jitqies bħala parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 60 ). Minn dak iż-żmien sab postu wkoll fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

57.

Għalhekk ma hemm l-ebda dubju li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka kellha tevalwa l-effetti antikompetittivi li nibtu mill-akkordju kontenzjuż fir-Repubblika Ċeka qabel l-1 ta’ Mejju 2004, fid-dawl tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003, jekk dawn id-dispożizzjonijiet kienu ser iwasslu għal eżenzjoni tal-piena jew għal sanzjoni iktar favorevoli mid-dritt nazzjonali. Madankollu, din l-ipoteżi ma hijiex daqstant possibbli.

58.

Fil-fatt, la l-Artikolu 81 KE u lanqas ir-Regolament Nru 1/2003 ma fihom indikazzjoni li dan huwa l-każ fir-rigward is-severità tas-sanzjonijiet li jistgħu jimponu l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-akkordji. L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jippreċiża sempliċiment li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjonijiet intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi, pagamenti ta’ penalità jew kwalunkwe sanzjoni oħra prevista fid-dritt nazzjonali tagħhom. Anki jekk kien il-kompitu tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka li tapplika l-Artikolu 81 KE għal perijodi ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, is-sanzjonijiet imposti xorta kellhom jiġu ddeterminati abbażi tad-dritt nazzjonali ( 61 ).

59.

Madankollu, l-għan veru ta’ Hitachi li tipprova twettaq billi tinvoka l-prinċipju tal-liġi kriminali iktar favorevoli, huwa għal kollox differenti. L-għan ta’ din l-impriża huwa fil-fatt li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ma tieħu l-ebda deċiżjoni pjuttost milli tikseb deċiżjoni iktar favorevoli għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Hija tixtieq li r-regola tal-liġi kriminali iktar favorevoli tiġi finalment interpretata fis-sens li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka titlef il-kompetenza tagħha li tissanzjona l-akkordju għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li l-effetti antikompetittivi li nibtu mill-akkordju dak iż-żmien, jitqiesu bħala koperti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

60.

Madankollu, din it-teżi tinjora b’mod fundamentali l-kontenut tal-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli. Dan il-prinċipju jikkostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, eċċezzjoni għall-prinċipju fundamentali ta’ nulla poena sine lege ( 62 ). Huwa jippermetti lill-persuna kkonċernata tibbenefika minn reviżjoni tal-valuri tal-leġiżlatur, biex b’hekk is-sanzjoni tkun iktar favorevoli minn dik prevista mil-liġi fiż-żmien meta jkunu seħħew il-fatti ( 63 ). Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju ma jikkonferixxi ebda dritt sabiex tingħata deċiżjoni minn korp ieħor għajr dak li kien kompetenti fil-mument meta seħħew il-fatti. Ir-regola tal-liġi kriminali iktar favorevoli hija ta’ natura purament sostantiva. Ma tipprovdi xejn dwar il-proċedura u d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet differenti li jintalbu jwettqu l-prosekuzzjoni tal-ksur.

61.

Meta r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkollhom l-intenzjoni li jikkontestaw il-kompetenza, bħala tali, tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka għall-impożizzjoni tal-multi, iqajmu problema li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 u tar-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (ne bis in idem) ( 64 ), u mhux problema marbuta mal-liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitius).

62.

Meta jitqies kollox, il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli lanqas ma jwassal għalhekk għar-riżultat mixtieq minn Hitachi et.

2. Eżami ta’ ċerti oġġezzjonijiet imqajma mill-partijiet

63.

Waqt il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet qajmu wkoll, bl-invokazzjoni tal-ġurisprudenza, għadd ta’ argumenti oħra li nixtieq neżamina fil-qosor iktar ’l isfel. L-ewwel nett irid jingħad li l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma huwa rilevanti.

64.

Fir-rigward, l-ewwel nett, tas-sentenza Dow Chemical Ibérica et ( 65 ), ikkwotata minn ċerti partijiet, din ma hijiex ta’ natura li twitti t-triq għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003, fit-territorju ta’ Stat Membru ġdid għall-perijodi ta’ qabel l-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar. Din il-kawża ma kinitx tikkonċerna, fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ regoli sostantivi, iżda biss dik ta’ regoli proċedurali, u iktar preċiżament l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-investigazzjonijiet (tfittxijiet) mill-Kummissjoni fi proprjetà tal-impriżi. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis tali regoli proċedurali bħala applikabbli mill-jum tal-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni, huwa għal kollox konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt eżaminati iktar ’il fuq ( 66 ). Is-sentenza Dow Chemical Ibérica ma fiha, għall-kuntrarju, l-ebda indikazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni li hija ta’ interess hawnhekk, jiġifieri dik li jiġi stabbilit jekk ir-regoli sostantivi tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni humiex applikabbli għall-effetti antikompetittivi li nibtu minn akkordju fit-territorju ta’ Stat Membru ġdid matul il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea ( 67 ).

65.

Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Asnef-Equifax ( 68 ), li fuqhom ibbażaw ruħhom ċerti partijiet ukoll ma jinjorawx il-prinċipji ġenerali msemmija iktar ’il fuq ( 69 ), anzi saħansitra jikkonfermawhom. L-Avukat Ġenerali jesponi li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 jista’ jinkludi rekwiżiti għall-evalwazzjoni tal-effetti preżenti u futuri ta’ akkordju konkluż minn impriża ferm qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003 ( 70 ). Huwa b’ebda mod ma jiddeċiedi favur l-applikazzjoni retroattiva ta’ din id-dispożizzjoni għall-perijodi preċedenti.

66.

Il-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni ratione temporis tal-libertajiet fundamentali u tal-prinċipju ġenerali tan-nondiskriminazzjoni ( 71 ), li għaliha jirreferu xi wħud mill-partijiet, lanqas ma fiha indikazzjoni li għandu jkun hemm applikazzjoni retroattiva tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ġdid għall-perijodi ta’ qabel l-adeżjoni ta’ dak l-Istat. Dan huwa dak li jirriżulta b’mod partikolarment ċar mis-sentenza Saldanha, li tipprovdi li l-Artikolu 6 KE (li sar l-Artikolu 18 TFUE) “japplika għal-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li tnisslu qabel l-adeżjoni” ( 72 ).

67.

Fl-aħħar nett, wieħed ma jista’ jislet l-ebda konklużjoni oħra mit-Taqsima 5 tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni ( 73 ), li tirreferi għalih Siemens. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet previsti hemmhekk huma msejsa wkoll fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE għal akkordji ta’ impriżi, konklużi qabel id-data tal-adeżjoni. L-unika eċċezzjoni prevista hija għal dawk minn fost l-imsemmija akkordji li, fis-sitt xhur ta’ wara l-adeżjoni, jiġu emendati b’mod li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti ta’ eżenzjoni skont il-kategorija. B’differenza minn dak li tqis Siemens, it-Taqsima 5 tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni ma fiha l-ebda indikazzjoni favur l-inklużjoni retroattiva, fil-qasam tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, tal-effetti li nibtu minn akkordji ta’ impriżi qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

3. Konklużjoni intermedjarja

68.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jippermettu għalhekk li ssir il-konklużjoni intermedjarja segwenti:

L-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma humiex applikabbli, fi Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 għall-perijodi qabel din id-data ta’ adeżjoni, anke jekk il-kwistjoni tikkonċerna l-ftuħ ta’ proċeduri kontra akkordju ta’ portata mondjali li tikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, li jista’ jipproduċi effetti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kemm qabel kif ukoll wara d-data tal-adeżjoni.

B – It-tieni domanda preliminari: il-kompetenzi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u r-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem)

69.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-proċedura għall-multa stabbilita wara l-1 ta’ Mejju 2004 mill-Kummissjoni Ewropea tipprekludix b’mod permanenti lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru li jkun issieħeb f’din id-data milli tibda proċeduri, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha tal-kompetizzjoni, kontra akkordju ta’ portata mondjali li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, li jista’ jipproduċi l-effetti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kemm qabel kif ukoll wara d-data tal-adeżjoni.

70.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq, fl-ewwel lok, tikseb kjarifiki dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(6), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Barra minn hekk, hija tirreferi għall-premessa 17 tar-Regolament Nru 1/2003 u għall-punt 51 tal-Komunikazzjoni Netwerk.

71.

Iż-żewġ partijiet ta’ din it-tieni domanda jikkonċernaw, minn naħa, il-kompetenza tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tibda proċedura għall-multa (it-tieni paragrafu, sottoparagrafu a), u, min-naħa l-oħra, il-kapaċità ta’ din l-awtorità li tapplika d-dritt nazzjonali tagħha tal-kompetizzjoni (it-tieni domanda, sottoparagrafu b). Peress li dawn iż-żewġ aspetti huma strettament marbuta, ser neżaminahom flimkien u wara ser neżamina żewġ suġġetti fundamentali: id-delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni fi proċeduri antitrust (ara it-Taqsima 1 iktar ’l isfel) u r-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem; ara it-Taqsima 2 iktar ’l isfel).

1. Id-delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni

72.

Il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka, abbażi tad-dispożizzjonijiet, meħuda flimkien, tal-Artikoli 11(6) u 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003, tilfet, b’mod definittiv, il-kompetenza tagħha li tistabbilixxi proċeduri kontra l-akkordju kontenzjuż, mill-mument li l-Kummissjoni bdiet il-proċedura tagħha għall-multa.

73.

Din it-teżi ma hijiex korretta. Bħala regola proċedurali ( 74 ), l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 ċertament li huwa applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004 fl-Istati Membri kollha, anki għal sitwazzjonijiet li tnisslu qabel din id-data ( 75 ). Il-kontenut normattiv tiegħu huwa madankollu għal kollox differenti minn dak li assumiet il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Dan huwa ġustament enfasizzat mill-gvernijiet li pparteċipaw fil-proċedura u mill-Kummissjoni.

a) Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-kontenut normattiv tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003

74.

Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri huma rrilevati mill-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, hekk kif il-Kummissjoni tiftaħ proċedura bil-għan li tadotta deċiżjoni għall-applikazzjoni tal-Kapitolu III tal-imsemmi regolament ( 76 ). Dan it-telf ta’ kompetenza min-naħa tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni huwa awtomatiku ( 77 ), u dan mill-jum li fih il-Kummissjoni tiddeċiedi formalment li tiftaħ il-proċedura ( 78 ).

75.

Jekk jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kliem tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, jidher li t-telf tal-kompetenza jikkonċerna biss id-dritt tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li japplikaw il-leġiżlazzjoni antitrust tal-Unjoni (l-Artikolu 81 KE u 82 KE, li saru l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE), iżda mhux id-dritt tagħhom li japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-punti 51 u 53 tal-Komunikazzjoni Netwerk tal-Kummissjoni jistgħu wkoll jinftiehmu f’dan is-sens ( 79 ).

76.

Madankollu, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet mixtieqa mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha ( 80 ). Fir-rigward, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet barra minn hekk li huwa biss meta d-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxi l-ebda regola speċifika li l-awtorità nazzjonali tal-kompetenza tista’ tapplika r-regoli nazzjonali ( 81 ).

77.

Għandu jiġi nnutat hawnhekk li l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa strettament marbut, sostantivament, mal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament. Minn analiżi konġunta ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jitilfu l-kompetenza tagħhom li japplikaw mhux biss id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, iżda wkoll parti mil-liġi nazzjonali tagħhom tal-kompetizzjoni ( 82 ), hekk kif il-Kummissjoni tibda l-proċedura sabiex tadotta deċiżjoni taħt il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003.

78.

B’mod iktar preċiż, is-sitwazzjoni hija dik kif ġej ( 83 ). L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 tistabbilixxi rabta stretta bejn il-projbizzjoni tal-akkordji, kif prevista mill-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE) u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali antitrust. Jekk il-projbizzjoni tal-akkordji hija applikata għal akkordju bejn impriżi, li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 timponi li jiġi applikat ukoll fir-rigward tiegħu, b’mod parallel, l-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE). Iżda, peress li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma hijiex awtorizzata, abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, tapplika l-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE) mill-mument tal-ftuħ tal-proċedura min-naħa tal-Kummissjoni, din l-awtorità nazzjonali titlef ukoll, b’mod definittiv, il-possibbiltà li tapplika l-projbizzjoni nazzjonali tal-akkordji.

79.

Kuntrarjament għat-teżi tal-qorti tar-rinviju u tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma jirriżultax, madankollu, li l-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni ġġib magħha t-telf, b’mod permanenti u definittiv, min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, tal-kompetenza tagħhom li japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom f’dan ir-rigward. Skont il-mod kif tingħalaq il-proċedura min-naħa tal-Kummissjoni, jibqa’ għal kollox possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li japplikaw, sussegwentement, il-liġi tagħhom tal-kompetizzjoni ( 84 ).

80.

Fil-fatt, il-protezzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea hija żgurata permezz tal-koeżistenza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, iż-żewġ ordinamenti ġuridiċi japplikaw b’mod parallel ( 85 ). Din is-sitwazzjoni ma nbidlet bl-ebda mod bil-modernizzazzjoni tas-sistema Ewropea għall-implementazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, b’differenza minn dak li kienet inizjalment ipproponiet ( 86 ) il-Kummissjoni, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 jippermetti li jkomplu jiġu applikati, fl-istess kawża, kemm ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni (l-Artikoli 81 u 82 KE, li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE) kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam.

81.

Ir-regoli tal-kompetizzjoni fuq livelli Ewropej u nazzjonali għandhom essenzjalment l-istess għan, li huwa dak tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat ( 87 ). Madankollu, huma jevalwaw il-prattiki restrittivi taħt angoli differenti ( 88 ) u l-kampijiet ta’ applikazzjoni tagħhom ma jikkoinċidux ( 89 ). Anki wara iktar minn erbgħin sena li ngħatat, is-sentenza ta’ prinċipju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Walt Wilhelm, li jirreferu għaliha d-dikjarazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, ma tilfet xejn mir-rilevanza tagħha ( 90 ) — minn tal-inqas dwar dan il-punt. Huwa ċertament inkontestabbli li, minn dak iż-żmien, l-integrazzjoni ekonomika fl-Unjoni Ewropea għamlet progress kunsiderevoli u li l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-iskambji bejn l-Istati Membri ffavorixxiet it-twettiq tas-suq intern. Xorta jibqa’ l-fatt li għadd ta’ prodotti huma biss ikkummerċjalizzati fis-swieq nazzjonali jew reġjonali u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ dawn il-prodotti jistgħu jvarjaw ferm minn pajjiż għall-ieħor — saħansitra anki minn reġjun għal reġjun — sabiex ikun jista’ jingħad li jeżistu swieq Ewropej jew anki, a fortiori, internazzjonali. Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet, minħabba l-karatteristiċi nazzjonali u reġjonali, minbarra l-problemi ta’ kompetizzjoni transkonfinali li jaqgħu taħt l-Artikoli 81 jew 82 KE (l-Artikoli 101 jew 102 TFUE), jirriżultaw lokalment problemi oħra ta’ kompetizzjoni, li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu biss jikkontrollaw bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom f’dan ir-rigward.

82.

Anki wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, il-fatt li bosta awtoritajiet tal-kompetizzjoni jieħdu kawża taħt il-kompetenza tagħhom u jeżaminawha minn perspettivi differenti, huwa kompatibbli mal-għanijiet u l-istruttura tad-dritt antitrust Ewropew ( 91 ). Is-sistema l-ġdida deċentralizzata għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ l-integrazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt antitrust. F’dan ir-rigward, teżisti differenza fundamentali bejn is-sistema Ewropea għall-implementazzjoni tad-dritt antitrust, kif immodernizzata mir-Regolament Nru 1/2003, u r-riforma għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet li daħlet fis-seħħ fl-istess data ( 92 ).

83.

L-għan li tiġi żgurata, sa fejn huwa possibbli, l-applikazzjoni uniformi u effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq intern Ewropew ( 93 ) fir-Regolament Nru 1/2003 ma jitwettaqx permezz tal-iffissar ta’ kompetenzi esklużivi ta’ diversi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, iżda pjuttost permezz tal-fatt li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jikkooperaw fil-kuntest tan-netwerk ECN, fejn jikkoordinaw reċiprokament l-azzjoni tagħhom ( 94 ). Is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni hija f’dan ir-rigward żgurata permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 16 tar-Regolament Nru 1/2003.

84.

Sempliċi ħarsa lejn l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 turi li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jikkonservaw id-dritt tagħhom li jaġixxu anki jekk il-Kummissjoni tkun diġà ħadet deċiżjoni hija stess. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma ċċaħħadx lill-awtoritajiet nazzjonali mill-kompetenza tagħhom li jintervjenu wara l-Kummissjoni, iżda tipprekludihom milli jmorru kontra deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni ( 95 ).

85.

Huwa minnu li, mill-kliem tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li dan ma jipprevedix l-applikazzjoni tad-dritt antitrust tal-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (jiġifieri l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 jew 82 KE, li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE). L-istess leġiżlazzjoni għandha madankollu a fortiori tapplika fil-każ fejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom l-intenzjoni japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom antitrust. Fil-fatt, peress li l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu awtorizzati japplikaw id-dritt tal-Unjoni wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għandhom a fortiori jitħallew japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom, bil-kundizzjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti tar-rank superjuri tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003.

86.

Ikun żbaljat jekk il-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jiġi interpretat b’mod daqshekk strett, kif huma intiżi li jagħmlu l-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ( 96 ).

87.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jibdew proċeduri kontra l-membri ta’ akkordju li kontrihom il-Kummissjoni tkun għadha ma pproċedietx fid-deċiżjoni tagħha. Madankollu, f’dan ir-rigward irid jingħad li l-Artikolu 16(2) jirregola biss, b’mod ġenerali, ir-relazzjoni bejn, minn naħa, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni “fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi” u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet diġà eżistenti tal-Kummissjoni Ewropea, ikun xi jkun l-għan tal-imsemmija deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u l-identità tad-destinatarji tagħhom. B’mod partikolari, dan jipprojbixxi lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni adottata preċedentement mill-Kummissjoni. Għalhekk, huwa jistabbilixxi projbizzjoni ta’ deroga u jiggarantixxi b’hekk is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

88.

L-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistax jibqa’ jiġi limitat għall-każ estremament rari ta’ konstatazzjoni preliminari tal-inapplikabbiltà tal-Artikoli 81 jew 82 KE (li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE) mill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003 ( 97 ). Fil-fatt, b’differenza minn dak li jqisu l-qorti tar-rinviju u wħud mill-partijiet, il-kliem tabilħaqq wiesa’ tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-istruttura tiegħu, li tqiegħdu fil-kapitolu relatat mal-“kooperazzjoni”, jiżguraw li din id-dispożizzjoni tiġbor fiha id-deċiżjonijiet prevedibbli li l-Kummissjoni tista’ tkun ħadet abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, mingħajr l-ebda limitazzjoni għal ċerta tip ta’ deċiżjoni.

89.

Il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003 lanqas ma għandha tkun fil-mira ta’ interpretazzjoni żbaljata, jiġifieri li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jċaħħad lill-awtoritajiet nazzjonali mill-kompetenza tagħhom li japplikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom antitrust mill-mument li l-Kummissjoni tkun hija stess adottat id-deċiżjoni. Huwa minnu li din il-premessa 18 għandha l-għan “li kull każ għandu jkun negozjat min awtorità waħda”. Din ma hijiex madankollu regola ġenerali li tikkaratterizza s-sistema kollha Ewropea tad-dritt antitrust abbażi tar-Regolament Nru 1/2003. Dan l-għan huwa fil-fatt marbut ma’ dispożizzjoni, li hija għal kollox konkreta, li tinsab fir-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri l-Artikolu 13 tiegħu. Skont din id-dispożizzjoni, kull awtorità tal-kompetizzjoni fi ħdan l-ECN ċertament li għandha l-possibbiltà li tissospendi l-proċedura tagħha jew li tiċħad ilment li jkun tressaq quddiemha, meta awtorità oħra tal-ECN tkun diġà qed tittratta l-istess kawża. Madankollu, l-awtoritajiet ikkonċernati bl-ebda mod ma huma obbligati jipproċedu b’dan il-mod. L-Artikolu 13 u l-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003, min-naħa l-oħra, jesprimu s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdu minnha l-awtoritajiet, kif uniti fi ħdan l-ECN biex jiżguraw l-aqwa attribuzzjoni tal-kawżi fi ħdan in-netwerk.

90.

Fl-aħħar nett, il-prinċipju tal-proporzjonalità, meqjus mill-perspettiva tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi (l-Artikolu 5(4) TUE, it-tielet paragrafu tal-ex Artikolu 5 KE), ukoll jimmilita kontra interpretazzjoni tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma rrilevati mill-kompetenza tagħhom li japplikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom antitrust mill-mument li l-Kummissjoni tkun hija stess bdiet il-proċedura. Dan il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jirreferi għalih espressament il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003 ( 98 ), huwa ta’ importanza fundamentali u anki kostituzzjonali fis-sistema tat-trattati. Huwa jistabbilixxi li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għadhomx jeċċedu dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati. Ir-Regolament Nru 1/2003 għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-applikazzjoni effettiva, f’sistema deċentralizzata, tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ( 99 ), bl-għan ċar li l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni għandha tkun iggarantita ( 100 ). Biex dan jitwettaq mhux meħtieġ li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jiċċaħħdu b’mod permanenti u definittiv milli japplikaw il-leġiżlazzjoni antitrust nazzjonali tagħhom. Huwa biżżejjed li din il-kompetenza tiġi rtirata matul il-perijodu tal-proċedura mibdija mill-Kummissjoni u li jkunu obbligati, ladarba tingħalaq din il-proċedura, josservaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 101 ).

91.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-kontenut normattiv tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 huma biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jitilfux b’mod permanenti u definittiv is-setgħa tagħhom li japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom tal-kompetizzjoni meta l-Kummissjoni tiftaħ proċedura bl-għan li tadotta deċiżjoni abbażi tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003. L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu anzi jkunu huma stess li jagħtu deċiżjoni, wara li tingħalaq il-proċedura tal-Kummissjoni, fil-limiti tar-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem).

b) Kunsiderazzjonijiet addizzjonali relatati mal-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni Ewropea

92.

Il-kawża preżenti hija kkaratterizzata, barra minn hekk, mill-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka titratta esklużivament — skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju — l-effetti antikompetittivi li nibtu mill-akkordju inkwistjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri biss il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea.

93.

Kif espost iktar ’il fuq ( 102 ), l-Artikolu 81 KE ma kienx applikabbli fir-Repubblika Ċeka matul dan il-perijodu u lanqas ma jista’ jiġi estiż retroattivament għall-effetti antikompetittivi possibbli ta’ ksur kontinwu matul dan il-perijodu fir-Repubblika Ċeka.

94.

L-azzjoni konġunta tal-Artikoli 11(6) u 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma tistax għalhekk, għal dan il-perijodu, tkun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-kompetizzjoni bħall-dawk li jirriżultaw fir-Repubblika Ċeka mill-Artikolu 3 tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Ma hemm ebda riskju ta’ kunflitt bejn il-kompetenzi tal-Kummissjoni u tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka għal dan il-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, u lanqas ma hemm lok li jiġu evitati d-diverġenzi fl-evalwazzjoni bejn l-Artikolu 81 KE u l-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni. Din tal-aħħar ma tistax, a priori, tikkontradixxi dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma kinitx applikabbli matul il-perijodu inkwistjoni.

95.

Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi kkunsidrat il-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, mill-għanijiet tas-sistema l-ġdida prevista fir-Regolament Nru 1/2003, din l-evalwazzjoni ċertament ssaħħaħ pjuttost milli topponi l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka. Ir-rieda fundamentali li jinħolqu, fi ħdan is-suq intern, kundizzjonijiet omoġenji ( 103 ) tal-kompetizzjoni u li jkun hemm “(i)l-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq” ( 104 ), tkun fundamentalment f’kontradizzjoni li kieku kien impossibbli li jiġu stabbiliti proċedimenti kontra akkordju f’ċertu parti tas-suq intern għal perijodu determinat (sakemm, għall-kumplament, il-kundizzjonijiet tad-dritt applikabbli fi Stat Membru jkunu sodisfatti u l-perijodu ta’ preskrizzjoni jkun għadu ma ddekorriex). Hija preċiżament l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali antitrust li kienet tikkostitwixxi fil-każ preżenti l-unika possibbiltà li jiġu ssanzjonati l-effetti antikompetittivi li setgħu nibtu mill-akkordju kontenzjuż fir-Repubblika Ċeka matul il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea.

c) Konklużjoni intermedjarja

96.

Fil-qosor, għaldaqstant, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(6), moqrija flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma tikkostitwixxix ostakolu permanenti u definittiv għall-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Din il-konklużjoni madankollu tapplika biss bir-riżerva ta’ restrizzjonijiet eventwali li jistgħu jirriżultaw mir-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem). Din il-kwistjoni legali tal-aħħar fil-kawża preżenti hija indirizzata fit-taqsima segwenti.

2. Ir-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem)

97.

Il-punt li għad irid jiġi eżaminat huwa jekk ir-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem) tipprekludix, f’każ bħal dak preżenti, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

98.

Il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 diġà ssanzjonat l-effetti antikompetittivi li nibtu mill-akkordju kontenzjuż fir-Repubblika Ċeka qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea. Huma jqisu għalhekk li l-multa li imponiet b’mod separat l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem.

99.

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa rikonoxxut fuq livell tal-Unjoni bħala prinċipju ġenerali tad-dritt ( 105 ) u llum il-ġurnata jgawdi mir-rank tad-dritt fundamentali tal-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

100.

Ir-rikonoxximent tiegħu fuq livell tal-Unjoni għandu l-konsegwenza li l-kamp tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem imur lil hinn mill-kawżi purament nazzjonali sabiex jestendi għal sitwazzjonijiet transkonfinali ( 106 ), u dan jiffavorixxi l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-għan li l-iskambji jkunu suġġetti għall-inqas projbizzjonijiet possibbli fis-suq intern.

a) L-applikabbiltà tar-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet

101.

Huwa paċifiku li, minħabba n-natura kważi penali tiegħu ( 107 ), il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi osservat fil-proċeduri tal-multi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni ( 108 ). Madankollu, il-Kummissjoni xorta tiddubita l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-kawża preżenti, minn tal-inqas inkwantu huwa kkonċernat l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

i) L-applikabbiltà ratione materiae

102.

Il-Kummissjoni ssostni li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma hijiex applikabbli fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Peress li fil-kawża preżenti l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka bbażat id-deċiżjoni tagħha biss fuq id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, ma kinitx marbuta bil-Karta.

103.

Din l-oġġezzjoni ma hijiex rilevanti. Ċertament, huwa minnu li skont l-Artikolu 51 tagħha, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tapplika “għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplementaw il-liġi ta’ l-Unjoni” ( 109 ). Madankollu, is-sempliċi fatt li fil-kawża preżenti japplikaw ratione materiae d-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jfissirx li t-trattament ta’ din il-kawża ma huwa suġġett għal ebda rekwiżit tad-dritt tal-Unjoni.

104.

Kif diġà ssemma’ ( 110 ), ir-regoli proċedurali tar-Regolament Nru 1/2003 — b’differenza mir-regoli sostantivi tiegħu — huma fil-fatt applikabbli fir-Repubblika Ċeka mill-jum tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea. Ir-regoli u l-prinċipji relatati mad-delimitazzjoni tal-kompetenzi fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni, li ġie stabbilit mir-Regolament Nru 1/2003 ( 111 ) jagħmlu parti minnhom. Dawn ir-regoli u l-prinċipji għandhom jiġu interpretati u applikati f’konformità mad-dritt primarju tal-Unjoni, fosthom id-drittijiet fundamentali.

105.

Għaldaqstant, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ma tistax, mill-1 ta’ Mejju 2004, timplementa l-proċedura antitrust abbażi tad-dritt intern tagħha tal-kompetizzjoni ħlief jekk u sakemm ir-Regolament Nru 1/2003, interpretat u applikat fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, jagħtiha l-possibbiltà tagħmel dan.

106.

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif ikkodifikat mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jagħmel parti, b’mod partikolari, minn dawn id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni li wieħed irid jieħu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ manuvra li tibqa’ lill-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jġibx miegħu biss konsegwenzi li jolqtu r-regoli sostantivi, iżda wkoll dawk proċedurali. Minbarra l-protezzjoni li jikkonferixxi fuq il-persuna inkriminata, il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu wkoll l-għan li jevita kunflitti tal-kompetenza (misjuba bħala kunflitti pożittivi tal-kompetenza) bejn l-korpi differenti li jista’ possibbilment jitressqu quddiemhom kawża kriminali jew kwistjoni amministrattiva ( 112 ).

ii) Applikabbiltà ratione temporis

107.

Għall-finijiet ta’ eżawriment, ser inżid ukoll fil-qosor żewġ rimarki dwar l-applikabbiltà ratione temporis tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

108.

Għandu qabelxejn jitfakkar li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma kinitx għadha qed tipproduċi, fl-2006 u fl-2007, l-effetti legali vinkolanti meta paragunabbli ma’ dawk tad-dritt primarju ( 113 ). Bħala sors ta’ referenza legali, kienet tipprovdi madankollu — fil-kawża preżenti, b’mod partikolari l-Artikolu 50 tagħha — indikazzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali ggarantiti fuq livell tal-Unjoni ( 114 ). Dan huwa iktar u iktar minnu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 peress li l-preambolu tiegħu jirreferi espliċitament għall-Karta ( 115 ). Id-drittijiet fundamentali tal-Karta għandhom għalhekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, jiġu osservati mill-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri mid-data li fiha dan ir-regolament sar applikabbli, kemm fl-Istati li kienu diġà membri kif ukoll fl-Istati Membri l-ġodda.

109.

Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jingħad li d-deċiżjoni inkwistjoni li permezz tagħha l-awtorità għall-kompetizzjoni Ċeka imponiet il-multi, tirreferi għal perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea. L-applikabbiltà ratione temporis tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex madankollu suġġetta għad-data li fiha seħħew il-fatti, iżda għal dik tal-ftuħ tal-proċedura kriminali jew tal-multa ( 116 ). Fl-2006, meta l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka fetħet il-proċedura tagħha għall-multa f’din il-kawża, ir-Repubblika Ċeka kienet diġà membru tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, marbuta tosserva l-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni.

110.

Għalhekk ma hemm xejn li jipprekludi fl-aħħar mill-aħħar, lanqas mill-perspettiva ratione temporis, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni.

b) Il-portata tal-garanzija li tirriżulta mir-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet: X’inhu idem?

111.

Sostantivament, il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif ikkodifikat mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jistabbilixxi li ħadd ma jista’ jiġi mħarrek jew jiġi suġġett għal pieni kriminali abbażi ta’ ksur li fir-rigward tiegħu diġà ġie lliberat jew ikkundannat fl-Unjoni permezz ta’ sentenza definittiva.

112.

Traspost għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tiġi kkundannata mill-ġdid jew li jinfetħu proċeduri ġodda kontriha abbażi ta’ aġir antikompetittiv li minħabba fih kienet ġiet ippenalizzata jew illiberata permezz ta’ deċiżjoni preċedenti li saret res judicata ( 117 ).

113.

Kif spiss jiġri fi proċeduri antitrust, il-kawża preżenti tikkonċerna l-kriterji li jridu jiġu applikati sabiex jiġi ddikjarat jekk l-impriżi kkonċernati ġewx ikkundannati jew suġġetti għal piena mill-ġdid minħabba l-istess aġir antikompetittiv, meta l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka imponiet multa fuqhom. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi ppreċiżata t-tifsira ta’ idem.

114.

Il-qrati tal-Unjoni sa llum il-ġurnata qiesu, fil-kawżi dwar il-kompetizzjoni, li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kienet suġġetta għall-kundizzjoni tripla tal-identità tal-fatti, ta’ min wettaq il-ksur u tal-interess ġuridiku protett ( 118 ). Il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi għalhekk li l-istess persuna tiġi ppenalizzata iktar minn darba għall-istess aġir illegali sabiex jiġi protett l-istess assi legali ( 119 ).

115.

Fost il-kundizzjonijiet iċċitati, l-applikazzjoni tal-ewwel tnejn — l-identità tal-fatti u l-identità ta’ min wettaq il-ksur — ma hijiex kontroversjali. Min-naħa l-oħra, huwa t-tielet fatt li huwa kontroversjali, jiġifieri l-kriterju tal-identità tal-interess ġuridiku protett. Huwa abbażi ta’ dan l-aħħar kriterju li, fil-kawżi dwar il-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-applikazzjoni tar-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet fir-relazzjoni bejn l-Unjoni u Stati terzi ( 120 ).

116.

F’oqsma legali oħra għajr dak tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma applikatx din it-tielet kundizzjoni. B’hekk, fi proċedura dixxiplinarja relatata mad-dritt tas-servizz pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha esklużivament fuq il-fatti (billi eżaminat jekk il-kwistjoni kinitx waħda ta’ “fatti differenti”) ( 121 ). Fir-rigward tar-regoli relatati mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (l-Artikolu 54 tas-CISA ( 122 ) u l-mandat ta’ arrest Ewropew ( 123 )), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ukoll espressament il-kriterju tal-identità tal-interess ġuridiku protett ( 124 ). Hija tqis f’dan ir-rigward, f’ġurisprudenza stabbilita, li l-uniku kriterju rilevanti huwa dak tal-identità tal-fatti materjali, fis-sens tal-eżistenza ta’ sett ta’ ċirkustanzi konkreti marbuta b’mod inseparabbli ( 125 ).

117.

Il-fatt li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jiġi interpretat u applikat b’mod differenti skont il-qasam legali kkonċernat jikkawża dannu lill-unità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-portata fundamentali tar-regola ne bis in idem bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, elevat għal-livell ta’ dritt fundamentali, iġġib magħha l-konsegwenza li l-kontenut tagħha ma għandux ikun sostanzjalment differenti abbażi tal-qasam legali kkonċernat ( 126 ). Sabiex jiġu ddeterminati l-garanziji li jikkonferixxi l-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif ikkodifikat illum il-ġurnata fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu applikati l-istess kriterji għad-dritt kollu tal-Unjoni u għandhom jiġu koperti l-oqsma differenti tiegħu. Dan ġie ġustament sostnut mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA.

118.

Xejn ma jiġġustifika oġġettivament li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jiġi suġġett, fid-dritt tal-kompetizzjoni, għal kundizzjonijiet oħra mhux applikati f’oqsma oħra. Fil-fatt, peress li, fil-kuntest tal-Artikolu 54 tac-CISA, dan il-prinċipju għandu l-għan li jiggarantixxi l-moviment liberu taċ-ċittadini fit-territorju tal-Unjoni bħala “spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” ( 127 ), huwa jikkontribwixxi, fid-dritt tal-kompetizzjoni, sabiex itejjeb u jiffaċilita l-attività tal-impriżi fis-suq intern u, finalment, sabiex jistabbilixxi l-istess kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE kollha (“level playing field”).

119.

Fl-identifikazzjoni ta’ kriterji determinanti għall-kunċett ta’ idem, jeħtieġ li jitfakkar li, fid-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa marbut ħafna ma’ dritt fundamentali misjub fil-KEDB ( 128 ), u b’mod iktar preċiż mal-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, anki jekk dan il-protokoll sa llum il-ġurnata għadu ma ġiex irratifikat mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni ( 129 ). Din il-viċinanza mal-KEDB ma tirriżultax biss mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, liema spjegazzjonijiet għandhom jingħataw l-attenzjoni li tixirqilhom mill-qrati tal-Unjoni u tal-Istati Membri ( 130 ), iżda wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħna dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni ( 131 ).

120.

Il-prinċipju tal-omoġeneità ( 132 ), li abbażi tiegħu d-drittijiet tal-Karta li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti fil-KEDB, għandhom jingħataw l-istess sens u portata bħal dawk li tikkonferixxilhom l-imsemmija KEDB, huwa għalhekk applikabbli. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jistabbilixxi l-istandard minimu li għandu jiġi ggarantit fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fid-dritt tal-Unjoni.

121.

Wara perijodu twil ta’ inkonsistenza fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-kunċett ta’ idem, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stabbilixxiet, f’sentenza ta’ prinċipju tal-2009, li l-Artikolu 4 tal-KEDB jipprekludi li jitressqu proċeduri jew li tingħata sentenza lill-persuna fir-rigward tat-tieni reat, ikkostitwit minn fatti identiċi jew li huma essenzjalment l-istess ( 133 ). Dan ifisser li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tibbaża ruħha biss fuq l-identità tal-fatti, u tiċħad espressament il-klassifikazzjoni legali tagħhom ( 134 ). F’dan ir-rigward, hija stess tibbaża ruħha primarjament fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja ( 135 ). Barra minn hekk, hija tuża kliem li huwa tassew simili għal dak tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddefinixxi t-tifsira ta’ fatti identiċi. Xejn ma jindika li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija initża, speċjalment fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, li tirrikonoxxi, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem xi garanziji ta’ portata inferjuri ( 136 ). Għall-kuntrarju: filwaqt li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ċertament tikkwota s-sentenza tagħna Aalborg Portland, bil-kriterju tal-interess ġuridiku protett, hija ma tibbażax ruħha fuqu għall-interpretazzjoni tagħha tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ( 137 ).

122.

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-identità tal-fatti (li neċessarjament tinkludi l-identità ta’ min wettaq il-ksur ( 138 )) għandha minn issa ’il quddiem tikkostitwixxi l-uniku kriterju determinanti fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ idem fil-kuntest tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni.

123.

Fil-każ taż-żamma tal-kriterju tal-identità tal-interess ġuridiku protett, din żgur li jkollha l-konsegwenza li l-qasam tal-applikazzjoni tar-regola tad-dritt tal-Unjoni relatata man-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet issir iktar stretta, u li l-portata tal-garanziji li hija toffri tibqa’ ’l bogħod mill-istandard minimu li jistabbilixxi l-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB. Dan l-effett ma huwiex kompatibbli mal-prinċipju tal-omoġeneità. Kif ser nuri iktar ’il quddiem ( 139 ), il-problemi li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, li l-Qorti tal-Ġustizzja sal-ġurnata ta’ llum solviet bl-għajnuna tal-kriterju tal-identità tal-interess ġuridiku protett, jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod differenti — fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-identità tal-fatti.

124.

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi ddikjarat li d-determinazzjoni ta’ idem, fis-sens tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, tiddependi biss fuq l-identità tal-fatti materjali, fis-sens tal-eżistenza ta’ sett ta’ fatti marbuta flimkien b’mod inseparabbli. Fi kliem ieħor, trid tkun l-istess sitwazzjoni jew sitwazzjoni li hija sostantivament identika.

c) Applikazzjoni għall-kawża preżenti: in-nuqqas ta’ idem

125.

Trasposta għall-kawża preżenti, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ idem li għadni kif esponejt, tfisser li hemm lok li jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 140 ) u dik tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ( 141 ) ikoprux l-istess fatti materjali, jiġifieri l-istess sitwazzjoni jew sitwazzjoni li hija essenzjalment identika.

i) It-territorju jew il-perijodu li fihom l-akkordju għandu jew jista’ jkollu effetti li jikkostitwixxu elementi essenzjali tas-sitwazzjoni

126.

Ir-rikonoxximent tal-identità tal-fatti materjali huwa dejjem possibbli meta d-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tikkonċerna l-istess akkordju. Il-qorti tar-rinviju u wħud mill-partijiet jidhru li jagħtu preferenza lil din l-interpretazzjoni ferm wiesgħa tal-kunċett ta’ idem.

127.

Madankollu, soluzzjoni bħal din tonqos milli tirrikonoxxi l-karatteristiċi li ġeneralment jippreżenta l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, u b’mod partikolari tal-akkordji.

128.

Hemm il-projbizzjoni u prosekuzzjoni tal-akkordji minħabba l-effetti ħżiena li għandhom fuq il-kompetizzjoni jew, minn tal-inqas, għaliex jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni. Fi kliem l-Artikolu 81(1) KE (l-Artikolu 101(1) TFUE): l-impriżi li jipparteċipaw f’akkordju, ikollhom is-sanzjonijiet imposti fuqhom mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, peress li l-aġir tagħhom għandu l-għan jew l-effett ta’ prevenzjoni, restrizzjoni jew tfixkil tal-kompetizzjoni.

129.

Il-punt li jiġi stabbilit jekk l-impriżi adottawx aġir li għandu l-għan jew l-effett ta’ projbizzjoni, restrizzjoni jew tfixkil tal-kompetizzjoni ma jistax jiġi evalwat b’mod astratt, iżda dejjem fid-dawl ta’ ċertu perijodu u ċertu territorju ( 142 ). Effettivament, il-fatt issanzjonat abbażi tal-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE) ma huwiex l-akkordju nnifsu, iżda l-applikazzjoni tiegħu ( 143 ). Din għandha l-effett li tippreġudika l-istruttura tal-kompetizzjoni, u dan jista’, definittivament, ikun ta’ dannu għall-konsumaturi fit-territorju inkwistjoni matul il-perijodu kkunsidrat.

130.

Il-fatti materjali, li għalihom japplika minnufih il-prinċipju ta’ ne bis in idem, neċessarjament dejjem jinkludi għalhekk il-perijodu u t-territorju li fihom il-ftehim kollużiv kellu l-effett antikompetittiv (restrizzjoni tal-kompetizzjoni “permezz tal-effett”) jew seta’ kellu tali effett (restrizzjoni tal-kompetizzjoni “permezz tal-għan”). Dan ma għandux x’jaqsam mal-interess ġuridiku protett jew mal-klassifikazzjoni legali tal-fatti; il-konsegwenzi effettivi jew potenzjali tal-akkordju jikkostitwixxu, għall-kuntrarju, element indispensabbli tal-fatti li minħabba fihom jitressqu proċeduri mill-awtorità tal-kompetizzjoni kontra l-impriżi li jkunu pparteċipaw fl-akkordju, liema proċeduri ma jistgħux jitressqu t-tieni darba (ne bis in idem) ( 144 ).

131.

Ir-regola tad-dritt tal-Unjoni tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem) tostakola l-impożizzjoni, minn diversi awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew qrati, fi ħdan l-ispazju ekonomiku Ewropew, ta’ sanzjonijiet fir-rigward tal-istess effetti antikompetittivi kkawżati mill-istess akkordju, għal dak li jikkonċerna l-istess territorju u l-istess perijodu ( 145 ). Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ne bis in idem b’ebda mod ma jipprekludi l-fatt li diversi awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew qrati fi ħdan iż-ŻEE jissanzjonaw ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni — permezz tal-effett jew permezz tal-għan — li jirriżulta mill-istess akkordju f’territorji differenti jew matul perijodu differenti.

132.

A fortiori, il-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni ma jostakolax il-fatt li jitressqu proċeduri fir-rigward ta’ akkordju ta’ portata mondjali, minn naħa, minn awtoritajiet fi ħdan iż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi fit-territorju rispettiv tagħhom ( 146 ). Dan jirriżulta wkoll mill-kliem tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jirreferi għall-ewwel kundanna definittiva jew għall-ewwel liberazzjoni definittiva “fl-Unjoni”.

133.

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu l-għan li jipprekludi li jitressqu diversi proċeduri kontra impriżi u, jekk dan ikun il-każ, li jiġu ssanzjonati minħabba l-konsegwenzi antikompetittivi — permezz tal-effett jew permezz tal-għan — tal-aġir kollużiv tagħhom. Ma għandux bħala finalità li ma jissanzjonax il-konsegwenzi li jirriżultaw minn tali aġir antikompetittiv, f’territorju ddeterminat matul ċertu perijodu.

134.

F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet lanqas ma tista’ tapplika fil-kawża preżenti ħlief jekk u sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u dik tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka jkoprux l-istess territorji u l-istess perijodi. Is-sempliċi fatt li dawn id-deċiżjonijiet ikkonċernaw akkordju wieħed biss fuq livell internazzjonali (“ta’ portata mondjali”) li ssokta b’mod kontinwu matul perijodu twil, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi sostnuta l-eżistenza ta’ idem.

ii) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u dik tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ma jikkonċernawx l-istess konsegwenzi tal-akkordju

135.

Il-punt dwar jekk id-deċiżjonijiet taż-żewġ awtoritajiet tal-kompetizzjoni jirreferux għall-istess sitwazzjoni jew għal sitwazzjoni li hija essenzjalment identika, b’mod li jikkonċernaw l-istess fatti materjali, hija, fil-prinċipju, kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-fatti li, fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari, ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda tal-qorti nazzjonali ( 147 ).

136.

Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, f’din id-deċiżjoni, il-fatt li waħda mid-deċiżjonijiet inkwistjoni hija att tal-Kummissjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE (li sar ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE), jiġifieri att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni. L-interpretazzjoni ta’ att bħal dan taqa’ taħt il-kompetenza oriġinali tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari (is-subinċiż (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi kjarifiki lill-qorti tar-rinviju dwar il-portata tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 li permezz tagħha l-Kummissjoni imponiet il-multi. Fid-dawl tal-kompitu tagħha li tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-indikazzjonijiet kollha li huma utli sabiex tiffaċilita s-soluzzjoni li għandha tingħata lill-kawża prinċipali ( 148 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel użu minn din il-possibbiltà.

137.

Hija ħasra li la d-dispożittiv u lanqas il-premessi tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 ma jinkludu kjarifiki espliċiti dwar jekk il-multi imposti għandhomx l-għan li jissanzjonaw l-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — permezz tal-għan jew permezz tal-effett — imwettqa fit-territorju tar-Repubblika Ċeka matul il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ din tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea, jiġifieri qabel l-1 ta’ Mejju 2004 ( 149 ). Huwa għalhekk permezz tal-interpretazzjoni li għandha tiġi ddeterminata l-portata eżatta tat-territorju li jirreferu għalih id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-multi imposti.

138.

Il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkopri t-territorju tar-Repubblika Ċeka, kemm għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kif ukoll għal dak sussegwenti. Bħala evidenza, huma jiċċitaw il-fatt li l-Kummissjoni titkellem dwar akkordju ta’ portata mondjali mingħajr ma teskludi espressament it-territorju tar-Repubblika Ċeka mill-kamp tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha.

139.

Madankollu, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi interpretata b’mod differenti. Dan huwa sostnut, l-ewwel nett, bil-fatt li d-deċiżjoni mkien ma tindika li tkopri effettivament l-effetti antikompetittivi li setgħu nibtu mill-akkordju fit-territorju tar-Repubblika Ċeka matul il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ din tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni speċifikament tirreferi, f’diversi partijiet, għall-konsegwenzi tal-akkordju fil-Komunità Ewropea u fiż-ŻEE ( 150 ), u kultant tirreferi wkoll espliċitament għall-“Istati Membri ta’ dak iż-żmien” u l-Istati “li kienu partijiet kontraenti” fil-Ftehim ŻEE ( 151 ).

140.

Il-fatt li l-Kummissjoni tirreferi, fid-deċiżjoni tagħha, għal akkordju ta’ portata mondjali jista’ jiġi estiż bħala spjegazzjoni tal-mod ta’ kif jiffunzjona l-akkordju u mhux neċessarjament bħala wieħed li jipprovdi informazzjoni dwar l-effetti antikompetittivi tal-akkordju li l-Kummissjoni finalment issanzjonat permezz tal-multi li imponiet. Ir-referenza li tagħmel il-Kummissjoni għad-dħul mill-bejgħ mondjali tal-membri tal-akkordju ( 152 ) kellha biss l-għan li tqabbel id-dimensjoni relattiva tal-impriżi kkonċernati sabiex tkun tista’ tqis il-kapaċità effettiva tagħhom li jikkawżaw dannu sostanzjali fis-suq tal-iswitchgear iżolat bil-gass, fiż-ŻEE ( 153 ).

141.

Mill-kalkolu tal-multi jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tagħha l-Istati li ssieħbu fl-1 ta’ Mejju 2004. Fil-fatt hija ħadet bħali bażi għall-kalkolu tal-multi, id-dħul mill-bejgħ tal-membri tal-akkordju fiż-ŻEE fl-2003, jiġifieri s-sena ta’ qabel it-tkabbir lejn il-Lvant tal-Unjoni Ewropea ( 154 ).

142.

Raġuni oħra importanti għaliex id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tieħu inkunsiderazzjoni biss l-effetti antikompetittivi li nibtu mill-akkordju fi ħdan iż-ŻEE hija li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistax jeċċedi dak tal-bażi legali tagħhom ( 155 ). Kif diġà ġie indikat, l-Artikolu 81 KE ma kienx applikabbli fit-territorju tar-Repubblika Ċeka fil-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni ma setgħet teżerċita l-ebda dritt sovran f’dan it-territorju qabel l-1 ta’ Mejju 2004 ( 156 ). Madankollu, li kieku l-Kummissjoni kienet adottat deċiżjoni li timponi multi fuq l-impriżi, fir-rigward tat-territorju Ċek, għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, kienet teċċedi l-limiti tal-kompetenza tagħha.

143.

Skont ġurisprudenza stabbilita, att Komunitarju għandu jiġi interpretat, kemm jista’ jkun, b’mod li ma jaffettwax il-validità tiegħu ( 157 ). Meta att tad-dritt derivat tal-Unjoni jista’ jkollu iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik li trendi d-dispożizzjoni konformi mat-Trattat KE, pjuttost lil dik li twassal għad-dikjarazzjoni tal-inkompatibbiltà ma’ dan tal-aħħar ( 158 ).

144.

B’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 għandha għalhekk tiġi interpretata fis-sens li l-multi imposti ma jissanzjonawx l-ksur tal-kompetizzjoni fit-territorju tar-Repubblika Ċeka qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni Ewropea.

145.

Għalhekk, hemm lok li jiġi ddikjarat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tiġbor fiha ebda konsegwenzi antikompetittivi — permezz tal-effett jew permezz tad-dritt — tal-akkordju kontenzjuż fit-territorju tar-Repubblika Ċeka fil-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, filwaqt li d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ma imponietx multi — skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju —ħlief għal dan it-territorju u għal dan il-perijodu. Konsegwentement, jekk iż-żewġ deċiżjonijiet ċertament li għandhom fil-mira tagħhom ksur li jirriżulta mill-istess akkordju ta’ portata mondjali, il-fatti li fuqhom huma msejsa huma madankollu differenti ( 159 ).

146.

Fl-aħħar mill-aħħar, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u dik tal-awtorità Ċeka tal-kompetizzjoni ma jikkonċernawx għalhekk l-istess fatti materjali, b’mod li, meta adottat id-deċiżjoni tagħha, l-awtorità Ċeka tal-kompetizzjoni ma kisritx ir-regola tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet (il-prinċipju ta’ ne bis in idem).

3. Konklużjoni intermedjarja

147.

Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni ma jostakolax l-impożizzjoni ta’ multi mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, fuq impriżi li jkunu pparteċipaw f’akkordju, bil-għan li jiġu ssanzjonati l-effetti li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea, jekk u sa fejn il-multi li l-Kummissjoni Ewropea tkun imponiet preċedentement fuq dawn l-istess membri tal-akkordju ma kinux intiżi li jissanzjonaw l-imsemmija effetti.

VI – Konklużjoni

148.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti segwenti għad-domandi preliminari:

1)

L-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma humiex applikabbli, fi Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, għall-perijodi qabel din id-data ta’ adeżjoni, anki jekk il-kwistjoni tikkonċerna l-prosekuzzjoni ta’ akkordju ta’ portata mondjali li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, u li seta’ jipproduċi effetti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kemm qabel kif ukoll wara d-data tal-adeżjoni.

2)

Fil-każ li fih il-Kummissjoni tiftaħ proċedura abbażi tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 kontra tali akkordju, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat ma titlifx, skont l-Artikolu 11(6), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-kompetenza tagħha li tissanzjona, skont id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-effetti antikompetittivi li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru f’perijodi qabel is-sħubija tiegħu fl-Unjoni Ewropea.

3)

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem tad-dritt tal-Unjoni ma jostakolax l-impożizzjoni ta’ multi mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, fuq impriżi li jkunu pparteċipaw f’akkordju, bil-għan li jiġu ssanzjonati l-effetti li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea, jekk u sa fejn il-multi li l-Kummissjoni Ewropea tkun imponiet preċedentement fuq dawn l-istess membri tal-akkordju ma kinux intiżi li jissanzjonaw l-imsemmija effetti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tiegħu, dan ir-regolament għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2004.

( 3 ) Sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, Ġabra p. 1).

( 4 ) Úřad pro ochranu hospodářské soutěže.

( 5 ) Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33).

( 6 ) Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 1994, L 1, p. 3).

( 7 ) Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġiet solennement ipproklamata l-ewwel darba fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice imbagħad għal darba oħra fit-12 ta’ Diċembru 2007 fi Strasbourg (ĠU 2007, C 303, p. 1, u ĠU 2010, C 83, p. 389).

( 8 ) ĠU 2004, C 101, p. 43.

( 9 ) L-Artikolu 2(2) tat-Trattat ta’ Adeżjoni [trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri tal-Unjoni Ewropea) u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, Ir-Repubblika tal-Latvja, Ir-Repubblika tal-Litwanja, Ir-Repubblika tal-Ungerija, Ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka fl-Unjoni Ewropea (JO 2003, L 236, p. 17)].

( 10 ) Zákon č. 63/1991 Sb., o ochraně hospodářské soutěže.

( 11 ) Zákon č. 143/2001 Sb., o ochraně hospodářské soutěže.

( 12 ) Is-switchgear insulat bil-gass iservi sabiex jikkontrolla l-fluss tal-enerġija fin-netwerks elettriċi. Dan huwa materjal elettriku tqil, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi prinċipali tal-kmamar tad-dawl u jirrappreżenta bejn 30 u 60 % tal-ispejjeż globali tagħhom. Il-funzjoni ta’ switchgear insulat bil-gass huwa li jipproteġi t-transformer f’każ ta’ żieda fil-kurrent u/jew li jiġi insulat ċirkwit jew transformer li jkun difettuż. Is-switchgear jista’ jkun insulat bil-gass jew bl-arja jew bit-tnejn li huma meta ż-żewġ tekniki preċedenti jiġu kkumbinati.

( 13 ) L-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ma kinitx l-unika waħda li fetħet proċeduri f’din il-kawża. Xi wħud mill-partijiet indikaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li kienet l-awtorità Slovakka tal-kompetizzjoni stess li bdiet il-proċeduri kontra l-akkordju kontenzjuż (Deċiżjonijiet 2007/KH/1/1/109 tas-27 ta’ Diċembru 2007 u 2009/KH/R/2/035 tal-14 ta’ Awwissu 2009), proċeduri li wkoll kienu taw lok għal proċedura ġudizzjarja quddiem it-tribunal reġjonali (Krajský soud) ta’ Bratislava (referenza 4 S 232/09).

( 14 ) Ara r-raba’ kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

( 15 ) It-talba għal klemenza ġiet ippreżentata fit-3 ta’ Marzu 2004 mill-impriża Svizzera ABB.

( 16 ) Skont l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-ispezzjonijiet saru fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004 fil-bini ta’ AREVA, Siemens, VA Tech u Hitachi (ara l-premessa 90 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni).

( 17 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u skont l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.899 — Switchgear iżolat bil-gass), ippubblikata bin-numru C(2006) 6762 finali, sommarju misjub fil-ĠU 2008, C 5, p. 7; il-verżjoni sħiħa ta’ din id-deċiżjoni tista’ titniżżel minn fuq l-internet bl-Ingliż biss u f’verżjoni mhux kunfidenzjali, mill-indirizz elettroniku segwenti: <http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/index.html>.

( 18 ) Il-Kummissjoni tinvoka “[a] single and continuous infringement” (il-premessi 270 u 299 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni); il-ksur iddikjarat fl-Artikolu 53 ŻEE ma jikkonċernax ħlief il-perijodu li beda jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 1994, il-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE (ara l-premessi 3 u 322 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni).

( 19 ) Il-premessi 3, 218 u 248 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

( 20 ) Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tistabbilixxi arranġament ġenerali, li abbażi tiegħu l-impriżi Ġappuniżi ma kinux jintervjenu fis-suq Ewropew, filwaqt li l-impriżi Ewropej kienu jagħmlu l-istess fis-suq Ġappuniż.

( 21 ) Din hija ABB Ltd.

( 22 ) Ara wkoll f’dan ir-rigward l-istqarrija għall-istampa IP/07/80 tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2007.

( 23 ) Ir-rikors għal annullament tal-kumpannija Ġermaniża Siemens AG kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġie miċħud fl-intier tiegħu permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il-Kummissjoni (T-110/07, Ġabra p. II-477). Il-proċeduri mressqa minn Siemens AG Österreich et kellhom suċċess marġinali fir-rigward tal-tul tal-ksur ikkonstatat u l-ammont tal-multi; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens et vs Il-Kummissjoni (T-122/07 sa T-124/07, Ġabra p. II-793). Ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn AREVA et kisbu biss suċċess parzjali u wasslu għal ċertu tnaqqis fil-multi imposti; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu, AREVA et vs Il-Kummissjoni (T-117/07 u T-121/07, Ġabra p. II-633). Dawn is-sentenzi ċċitati huma suġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-kawżi Il-Kummissjoni vs Siemens et (C-231/11 P), Siemens Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni (C-232/11 P), Siemens Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni (C-233/11 P), Siemens vs Il-Kummissjoni (C-239/11 P), Areva vs Il-Kummissjoni et (C-247/11 P) u Alstom et vs Il-Kummissjoni (C-253/11 P). Rikorsi oħra għal annullament, li fid-data tas-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-proċedura preliminari, kienu għadhom pendenti, ġew parzjalment miċħuda u parzjalment milqugħa: ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il-Kummissjoni (T-112/07, Ġabra p. II-3871), Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, Ġabra p. II-3989), Fuji Electric vs Il-Kummissjoni (T-132/07, Ġabra p. II-4091) u Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni (T-133/07, Ġabra p. II-4219).

( 24 ) Bir-referenza S 222/06-3113/2007/710.

( 25 ) Referenza R 059-070, 075-078/2007/01-08115/2007/310.

( 26 ) L-awtorità ddikjarat, għall-perijodu sat-30 ta’ Ġunju 2001, ksur tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 63/1991, u, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u t-3 ta’ Marzu 2004, ksur tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 143/2001 dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni.

( 27 ) Għal darba oħra din hija ABB Ltd.

( 28 ) L-ogħla multa individwali kienet ta’ CZK 107248000.

( 29 ) Krajský soud v Brně.

( 30 ) Referenza 62 Ca 22/2007-489.

( 31 ) Nejvyšší správní soud.

( 32 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 33 ) Referenza Afs 93/2008-920.

( 34 ) L-Artikolu 110(3) tal-Liġi Nru 150/2002 Sb. li jistabbilixxi l-kodiċi proċedurali amministrattiv (Zákon č. 150/2002 Sb., soudní řád správní).

( 35 ) Referenza 62 Ca 22/2007-124.

( 36 ) Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub u orali konġunti għall-kumpanniji Fuji Electric Holdings Co. u Fuji Electric Systems Co. Ltd.

( 37 ) Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub u orali konġunti għall-kumpanniji Hitachi Ltd., Hitachi Europe Ltd. u Japan AE Power Systems Corporation.

( 38 ) Kienet biss il-kumpannija Ġermaniża Siemens AG li ppreżentat nota; din tal-aħħar, Siemens Transmission & Distribution SA u Nuova Magrini Galileo SA kienu rrappreżentati konġuntivament waqt is-seduta.

( 39 ) European Competition Network (“ECN”)

( 40 ) Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Ynos (C-302/04, Ġabra p. I-371, punti 35 sa 37); ara fl-aħħar lok, fl-istess sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 2011, Semerdzhiev (C-32/10, Ġabra p. I-71, punt 25).

( 41 ) Ara l-punt 30 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C-173/09, Ġabra p. I-8889, punti 24, 25, 27, 30 u 32).

( 43 ) Iffirmat fit-2 ta’ Ottubru 1997 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1999.

( 44 ) Il-qorti tar-rinviju u wħud mill-partijiet diġà esprimew l-opinjoni tagħhom dwar l-Artikolu 11(6) tar-Regolament u l-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari. Madankollu ma nqisx li huwa meħtieġ li dawn iż-żewġ punti jiġu eżaminati f’dan l-istadju, u hawnhekk ser nirreferi biss għall-osservazzjonijiet tiegħi dwar it-tieni domanda preliminari (ara l-punti 69 sa 147 iktar ’l isfel ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 45 ) Il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala wieħed uniku u kontinwu tifforma l-bażi kemm tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ dik tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka. Il-Qorti Amministrattiva Suprema Ċeka tistqarr li r-regoli tal-kompetizzjoni ġew miksura darbtejn, skont jekk il-perijodu kkonċernat huwiex dak ta’ qabel jew ta’ wara l-1 ta’ Mejju 2004, madankollu l-kwistjoni għandha tkun biss li unità ta’ ċirkustanzi tkun suġġetta għal evalwazzjonijiet legali distinti.

( 46 ) Ara f’dan is-sens is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 1982, Bout (21/81, Ġabra p. 381, punt 13); tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bavaria (C-120/08, Ġabra p. I-3393, punti 40 u 41), u tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et (C-369/09 P, Ġabra p. I-2011, punt 98).

( 47 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9); tas-7 ta’ Settembru 1999, De Haan (C-61/98, Ġabra p. I-5003, punt 13), u tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C-450/06, Ġabra p. I-581, punt 27).

( 48 ) Dwar il-klassifikazzjoni tar-regola proċedurali fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, ara l-punt 73 iktar ’l isfel ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Sentenza Bavaria (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 41).

( 50 ) Sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1973, SOPAD (143/73, Ġabra p. 1433, punt 8); tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C-162/00, Ġabra p. I-1049; punt 50); tas-6 ta’ Lulju 2010, Monsanto Technology (C-428/08, Ġabra p. I-6765, punt 66), u Bavaria (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 41).

( 51 ) Huwa biżżejjed li l-akkordju jkun ta’ natura li jipproduċi tali effetti (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C-8/08, Ġabra p. I-4529, punti 38, 39 u 43; fl-istess sens, ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C-209/07, Ġabra p. I-8637, b’mod partikolari l-punti 16 u 17, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P, Ġabra p. I-9291, punti 55 u 63).

( 52 ) Fl-istess sens, ara s-sentenza tat-18 ta’ Frar 1971, Sirena (40/70, Ġabra p. 69, punt 12), fir-rigward tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE.

( 53 ) Is-sentenzi Bout (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 13), Salumi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 9), Pokrzeptowicz-Meyer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punt 49), Bavaria (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 40) u ISD Polska et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 98).

( 54 ) Ara f’dan ir-rigward, fl-aħħar lok, il-konklużjonijiet tiegħi tal-14 ta’ April 2011 fiż-żewġ kawżi Solvay vs Il-Kummissjoni (C-109/10 P, Ġabra p. I-0000, punt 329, u C-110/09 P, Ġabra p. I-5611, punt 170), u r-referenzi l-oħra ċċitati hemmhekk.

( 55 ) Dan huwa ammess minn Hitachi stess fin-nota tagħha.

( 56 ) L-Artikolu 3(1) u (2) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, l-ewwel fil-verżjoni tagħha tal-Liġi Nru 63/1991 Sb., imbagħad f’dik tal-Liġi Nru 143/2001 Sb.

( 57 ) Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Ċeka min-naħa l-oħra (ĠU 1994, L 360, p. 2), iffirmat fil-Lussemburgu fl-4 ta’ Ottubru 1993 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 1995.

( 58 ) Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tiegħu, ir-Regolament Nru 1/2003 għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2004.

( 59 ) Is-sentenza Walt Wilhelm (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 4 u 6).

( 60 ) Sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punti 68 u 69); tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager (C-420/06, Ġabra p. I-1315, punt 59), u tat-28 ta’ April 2011, El Dridi (C-61/11 PPU, Ġabra p. I-3015, punt 61).

( 61 ) Bl-osservazzjoni, mingħajr dubju, tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

( 62 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi tal-14 ta’ Ottubru 2004 fil-kawża Berlusconi et (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punti 159 u 160).

( 63 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Berlusconi et (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 161).

( 64 ) Ara f’dan ir-rigward il-punti 69 sa 147 iktar ’l isfel ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 65 ) Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni (97/87 sa 99/87, Ġabra p. 3165, u b’mod partikolari l-punti 62 u 63).

( 66 ) Ara l-punti 42 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 67 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Frar 1989 fil-kawża Hoechst vs Il-Kummissjoni (sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859), konġunta mal-kawża Dow Chemical Ibérica et, l-Avukat Ġenerali Mischo jenfasizza li r-rikorrenti fil-kawża Dow Chemical Ibérica ma kinux qed jiddubitaw il-kompetenza tal-Kummissjoni li tissanzjona aġir min-naħa tagħhom li ppreċeda l-adeżjoni sa fejn ikkawżaw u kienu għadhom qed jikkawżaw effetti antikompetittivi fis-suq komuni (punt 213). Barra minn hekk, huwa jistqarr li l-verifiki li l-Kummissjoni kienet ser twettaq fir-rigward tal-kumpanniji Spanjoli wara l-adeżjoni ta’ Spanja setgħu wkoll iservu bħala provi kontra l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra (punt 215). Huwa jżid jgħid li, min-natura tagħhom, l-investigazzjonijiet jistgħu biss jikkonċernaw il-fatti li seħħew fil-passat, anki jekk l-aġir inkwistjoni jkompli fil-preżent (punt 216).

( 68 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed tad-29 ta’ Ġunju 2006 fil-kawża ASML (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, C-283/05, Ġabra p. I-12041, punti 28 u 29).

( 69 ) Punti 42 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 70 ) Fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 68), l-Avukat Ġenerali jenfasizza li “is-sitwazzjoni attwali hija rregolata” mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003. Fir-rigward tal-effetti futuri, l-Avukat Ġenerali jistqarr li d-deċiżjoni li ser tittieħed (skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003) “ser ikollha impatt fuq il-funzjonament tar-reġistru propost”.

( 71 ) Sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Data Delecta u Forsberg (C-43/95, Ġabra p. I-4661); tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS (C-122/96, Ġabra p. I-5325, punt 14); tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle (C-302/97, Ġabra p. I-3099); tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C-355/97, Ġabra p. I-4977); tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C-195/98, Ġabra p. I-10497, punt 55), u tal-11 ta’ Jannar 2001, Stefan (C-464/98, Ġabra p. I-173, punt 21).

( 72 ) Is-sentenza Saldanha u MTS (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 71, punt 14, l-enfasi hija tiegħi); fl-istess sens, ara riċentement is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C-391/09, Ġabra p. I-3787, punt 53), dwar il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni; ara s-sentenza Stefan (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 71), minn fejn jirriżulta li l-Artikolu 73B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE) ma kienx applikabbli fl-Awstrija qabel id-data tal-adeżjoni (punt 22) u li att li huwa diġà null ma jistax jiġi rregolarizzat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (punt 35).

( 73 ) ĠU 2003, L 236, p. 344.

( 74 ) Ara f’dan ir-rigward il-punt 42 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 75 ) L-1 ta’ Mejju 2004 ma hijiex biss id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka u ta’ disa’ Stati Membri oħra fl-Unjoni Ewropea, iżda wkoll dik tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tiegħu.

( 76 ) Tali proċeduri abbażi tal-Kapitolu III jinkludu, b’mod partikolari, dawk li għandhom l-għan li jistabbilixxu u li jwaqqfu ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE (l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003) u li bħala riżultat tagħhom jistgħu wkoll jiġu imposti l-multi (l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003).

( 77 ) L-ewwel sentenza tal-premessa 17 tar-Regolament Nru 1/2003.

( 78 ) Il-ftuħ ta’ proċedura teħtieġ att ta’ awtorità mill-Kummissjoni, li juri r-rieda tagħha li tipproċedi għal deċiżjoni abbażi tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 (f’dan is-sens, fir-rigward tas-sitwazzjoni legali preċedenti, ara s-sentenza tas-6 ta’ Frar 1973, Brasserie de Haecht, 48/72, Ġabra p. 77, punt 16). Fil-kawża preżenti, dan l-att ġie adottat fl-20 ta’ April 2006 (ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq). Kuntrarjament għal dak li jsostnu wħud mill-partijiet, il-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda preċedentement ma humiex ekwiparabbli ma’ ftuħ formali tal-proċedura.

( 79 ) Skont il-punt 51 tal-komunikazzjoni netwerk, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jitilfu l-kompetenza tagħhom biex japplikaw l-Artikoli 81 KE u 82 KE, li jfisser li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux iktar jaġixxu fuq l-istess bażi legali. Il-punt 53 tal-komunikazzjoni netwerk iżid jgħid li, ladarba il-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedura, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jistgħux iktar jibdew il-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

( 80 ) Ara l-ġurisprudenza stabbilita f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, Ġabra p. 3781, punt 12); tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C-402/07 u C-432/07, Ġabra p. I-10923, punt 41), u tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (C-162/09, Ġabra p. I-9217, punt 49).

( 81 ) Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2011, Tele 2 Polska (C-375/09, Ġabra p. I-3055, punt 33).

( 82 ) Il-partijiet tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni li jibqgħu applikabbli huma msemmija fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ippreċiżati fil-premessi 8 u 9 tar-regolament.

( 83 ) Minn issa ’il quddiem ser nillimita ruħi għall-espożizzjoni tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE) u r-regoli nazzjonali korrispondenti. Ma hemmx lok, fil-kawża preżenti, li jiġi eżaminat b’mod speċifiku l-Artikolu 82 KE (l-Artikolu 102 TFUE).

( 84 ) Jekk il-Kummissjoni pereżempju tkun ċaħdet, minħabba n-nuqqas ta’ interess tal-Unjoni, ilment imressaq minn terz, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jibqgħu liberi li jieħdu konjizzjoni tal-kawża inkwistjoni u li japplikaw fir-rigward tagħha l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE (li saru l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE), kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali antitrust tagħhom, billi tiżgura b’dan il-mod l-obbligu tagħhom li josservaw l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003.

( 85 ) Is-sentenzi Walt Wilhelm (iċċitata iktar ’il fuq fl-aħħar sentenza tal-punt 3 tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 3); tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union (C-137/00, Ġabra p. I-7975, punt 61), u tat-13 ta Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619, punt 38).

( 86 ) Skont il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 kellu jkollu l-kliem segwenti: “Meta ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn l-impriżi jew prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu [81 KE] jew l-isfruttament abbużiv minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu [82 KE], tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, id-dritt tal-kompetizzjoni [tal-Unjoni] huwa applikabbli bl-esklużjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni” (proposta COM(2000) 582 finali, ara ĠU 2000, C 365 E, p. 284).

( 87 ) Ara f’dan is-sens l-ewwel sentenza tal-premessa 9 tar-Regolament Nru 1/2003, fejn il-kwistjoni hija waħda ta’ “protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq”.

( 88 ) Is-sentenza Walt Wilhelm (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 3); ara barra minn hekk is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1980, Giry u Guerlain et (253/78 u 1/79 sa 3/79, Ġabra p. 2327, punt 15); tas-16 ta’ Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada et (C-67/91, Ġabra p. I-4785, punt 11); tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C-7/97, Ġabra p. I-7791, punt 19); Milk Marque u National Farmers’ Union (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punt 61), u Manfredi et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punt 38).

( 89 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Compañía Española de Comercialización de Aceite (C-505/07, Ġabra p. I-8963)

( 90 ) Is-sentenza Manfredi et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punt 38), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat mill-ġdid il-ġurisprudenza Walt Wilhelm, ingħatat wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, għalkemm dwar fatti li seħħew qabel id-data ta’ din ir-riforma. Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2006, fil-kawża SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, C-308/04 P, Ġabra p. I-5977, punt 23), l-Avukat Ġenerali Geelhoed jidher li għandu opinjoni differenti dwar il-validità tal-ġurisprudenza Walt Wilhelm; madankollu kienet biss rimarka aċċessorja f’nota ta’ qiegħ il-paġna, li bl-ebda mod ma hija mmotivata.

( 91 ) Fil-punti 12 u 14 tagħha, il-komunikazzjoni netwerk tipprevedi li l-istess kawża tista’ tiġi ttrattata simultanjament minn massimu ta’ tliet awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

( 92 ) Fil-kontroll Ewropew tal-amalgamazzjonijiet, il-leġiżlazzjoni nazzjonali minn dejjem titwarrab meta jkun applikabbli d-dritt tal-Unjoni; mill-bqija, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi applikat ħlief mill-Kummissjoni (prinċipju tal-esklużività doppja); ara f’dan ir-rigward l-Artikolu 21(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

( 93 ) Il-premessi 8, 17 u 22 tar-Regolament Nru 1/2003; ara wkoll is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC (C-439/08, Ġabra p. I-12471, punt 19), u tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C-360/09, Ġabra p. I-5161, punt 19).

( 94 ) Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll l-ewwel sentenza tal-premessa 8 u l-premessa 17. Ara, barra minn hekk, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, X (C-429/07, Ġabra p. I-4833, punti 20 u 21), u Tele2 Polska (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 26), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, ir-Regolament Nru 1/2003 kien stabbilixxa mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, fil-kuntest tal-prinċipju ġenerali tal-kooperazzjoni leali.

( 95 ) L-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sempliċement jikkodifika ġurisprudenza preeżistenti; ara s-sentenzi tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis (C-234/89, Ġabra p. I-935, punt 47), u tad-29 ta’ April 2004, IMS Health (C-418/01, Ġabra p. I-5039, punt 19).

( 96 ) L-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ma jistax ikollha l-effett li tirtira kwalunkwe effettività tar-redazzjoni ċara u preċiża ta’ dik id-dispożizzjoni (sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Komunità Ewropea, C-199/05, Ġabra p. I-10485, punt 42, u tat-22 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-437/04, Ġabra p. I-2513, punt 56 in fine).

( 97 ) Kif jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 1/2003, id-deċiżjonijiet abbażi tal-Artikolu 10 jittieħdu biss “f’każi eċċezzjonali fejn hu obbligu minħabba l-interess pubbliku [tal-Unjoni]” .

( 98 ) Il-premessa 34 tar-Regolament Nru 1/2003.

( 99 ) Ara l-premessi 8 u 34 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll, b’mod kumplimentari, il-premessi 1, 5 u 6.

( 100 ) Il-premessi 17 u 22 tar-Regolament Nru 1/2003.

( 101 ) Ara f’dan ir-rigward l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li diġà ssemma’.

( 102 ) Ara f’dan ir-rigward il-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar l-ewwel domanda preliminari (punti 37 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 103 ) Il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1/2003.

( 104 ) L-ewwel sentenza tal-premessa 9 tar-Regolament Nru 1/2003 (ara wkoll, fl-istess sens, il-premessa 25).

( 105 ) Ġurisprudenza stabbilita; ara s-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1966, Gutmann vs Il-Kummissjoni (18/65 u 35/65, Ġabra p. 149, b’mod partikolari p. 172); tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (“LVM”, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 59), u tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni (“Showa Denko”, C-289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 50).

( 106 ) Ara l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17 [31]). L-elementi transkonfinali tar-regola tad-dritt tal-Unjoni tan-nuqqas ta’ kumulu tas-sanzjonijiet jirriżultaw b’mod partikolarment nett mill-Artikolu 54 tas-CAAS (dwar dan, ara b’mod partikolari s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Bourquain (C-297/07, Ġabra p. I-9425).

( 107 ) Dwar in-natura kważi-kriminali, ara l-provi fil-punt 54 iktar ’il fuq.

( 108 ) Ġurisprudenza stabbilita; ara s-sentenzi LVM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punt 59); tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (“Aalborg Portland”, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punti 338 sa 340), u Shova Denko (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punt 50).

( 109 ) Dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot tal-5 ta’ April 2011 fil-kawża pendenti Scattolon (C-108/10, punti 116 sa 120).

( 110 ) Ara l-punti 42 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 111 ) Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1/2003.

( 112 ) Ara f’dan ir-rigward il-Green Paper dwar Konflitti ta’ Ġurisdizzjoni u l-Prinċipju ta’ ne bis in idem fil-Proċedimenti Kriminali ippreżentat mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Diċembru 2005 [Com(2005) 696 finali], u b’mod partikolari r-rimarki introduttivi misjuba fit-Taqsima 1 (“L-Isfond”).

( 113 ) Huwa biss mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009 li l-Karta ta-Drittijiet Fundamentali għandha l-istess valur legali bħat-trattati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) UE).

( 114 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37), u tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 38); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tat-8 ta’ Settembru 2005 fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 108) u tad-29 ta’ April 2010 fil-kawża Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, C-550/07 P, Ġabra p. I-8301, punt 36).

( 115 ) Il-premessa 35 tar-Regolament Nru 1/2003.

( 116 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck (C-436/04, Ġabra p. I-2333, punti 21 sa 24).

( 117 ) Is-sentenza LVM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punt 59).

( 118 ) Is-sentenza Aalborg Portland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 108, punt 338).

( 119 ) Is-sentenza Aalborg Portland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 108, punt 338).

( 120 ) Is-sentenzi Showa Denko (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, b’mod partikolari il-punti 52 sa 56); tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C-308/04 P, Ġabra p. I-5977, punti 28 sa 32), u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punti 24 sa 30).

( 121 ) Is-sentenza Gutman vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, p. 172).

( 122 ) Konvenzjoni għall-applikazzjoni tal-ftehim ta’ Schengen (“CAAS”), iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 (ĠU 2000 L 239, p. 19).

( 123 ) Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34.).

( 124 ) Is-sentenza Van Esbroek (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 116, punt 32).

( 125 ) Is-sentenzi Van Esbroek (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 116, punti 27, 32 u 36); tat-28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C-467/04, Ġabra p. I-9199, punt 54); tat-28 ta’ Settembru 2006, Van Straaten (C-150/05, Ġabra p. I-9327, punti 41, 47 u 48); tat-18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink (C-367/05, Ġabra p. I-6619, punt 26 u 28), u tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C-261/09, Ġabra p, I-11477, punt 39).

( 126 ) F’dan is-sens, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston tal-15 ta’ Ġunju 2006 fil-kawża Gasparini et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 125, punt 156).

( 127 ) Sentenza Van Esbroeck (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 116, punti 33 sa 35); ara wkoll is-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 125, Gasparini et (punt 27) u Van Straaten (punti 45 sa 47, 57 u 58), kif ukoll is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Kretzinger (C-288/05, Ġabra p. I-6441, punt 33).

( 128 ) Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950).

( 129 ) Erba’ Stati Membri tal-Unjoni (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq) għadhom ma rratifikawx il-Protokoll Nru 7 tal-KEDB.

( 130 ) It-tielet paragrafu tal-Artikolu 6(1) UE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

( 131 ) Is-sentenzi LVM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punt 59) u Showa Denko (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punt 50).

( 132 ) It-tielet paragrafu tal-Artikolu 6(1) UE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

( 133 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja (Awla Manja) tal-10 ta’ Frar 2009 (Nru 14939/03, § 82, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet): “[…] l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 għandu jinftiehem fis-sens li jipprojbixxi li jinfetħu proċeduri kontra persuna jew li persuna tiġi ġġudikata għat-tieni ‘ksur’ inkwantu dan għandu fl-oriġini tiegħu fatti identiċi jew fatti li huma essenzjalment l-istess” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 134 ) Is-sentenza Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 133, § 81).

( 135 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirreferi b’mod partikolari għas-sentenzi Van Esbroek (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 116) u Kraaijenbrink (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 125), li minnha tirriproduċi xi estratti fis-sentenza tagħha Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 133, §§ 37 u 38).

( 136 ) Fis-sentenza tagħha Jussila vs Il-Finlandja (Awla Manja) tat-23 ta’ Novembru 2006 (Nru 73053/01, § 43, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2006-XIV), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma tinkludix id-dritt tal-kompetizzjoni fil-kategoriji tradizzjonali tad-dritt kriminali u tqis li lil hinn mill-“qafas” tad-dritt kriminali, il-garanziji offruti mill-parti kriminali tal-Artikolu 6 mhux neċessarjament għandhom japplikaw fir-rigorożità kollha tagħhom. Is-sentenza Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 133) madankollu ma fihiex dikjarazzjonijiet simili, li jistgħu jindikaw li d-dritt tal-kompetizzjoni jokkupa wkoll pożizzjoni partikolari fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

( 137 ) Fis-sentenza tagħha Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 133, § 36), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkwota estratt mis-sentenza Aalborg Portland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 108, punt 338) fejn il-kwistjoni hija waħda tal-identità tal-interess ġuridiku protett.

( 138 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirrikonoxxi wkoll ir-rekwiżit tal-identità tal-persuna li tkun wettqet il-ksur, fis-sentenza tagħha Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 133, § 84). Hemmhekk hija tirreferi għat-“totalità ta’ ċirkustanzi fattwali konkreti li jimplikaw l-istess persuna li wettqet ir-reat, marbuta flimkien b’mod inseparabbli fiż-żmien u fl-ispazju”; l-enfasi hija tiegħi. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 139 ) Ara dwar dan, il-punti 125 sa 134 iktar ’l isfel ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari l-punti 131 sa 133.

( 140 ) Ara f’dan ir-rigward il-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 141 ) Ara f’dan ir-rigward il-punti 23 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 142 ) B’“territorju”, wieħed ma għandux jifhem hawnhekk is-suq inkwistjoni fuq livell ġeografiku, fis-sens tal-analiżi tal-kompetizzjoni, iżda ż-żona li fiha l-aġir inkwistjoni għandu bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew it-tfixkil tal-kompetizzjoni.

( 143 ) Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1972, Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni (7/72, Ġabra p. 1281, punt 6); fl-istess sens, ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra p. 5193, punt 16).

( 144 ) Huwa f’dan is-sens li wieħed jista’ wkoll jifhem is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (C-397/03 P, Ġabra p. I-4429, punti 68 u 69, flimkien mal-punt 64). Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza hemmhekk li “l-identiċità tal-fatti ma teżistix” (punt 69) meta s-sanzjonijiet imposti abbażi tal-applikazzjoni jew tal-effetti tal-akkordju għandhom bħala għan is-“suq” (punt 69) jew it-“territorji” (punt 66) differenti; din il-kawża kienet tikkonċerna, minn naħa, it-territorju ta’ pajjiż terz u min-naħa l-oħra, it-territorju tal-Komunità Ewropea ta’ dak iż-żmien.

( 145 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Showa Denko (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105, punt 54).

( 146 ) Ara wkoll, mill-ġdid, is-sentenza Archer Daniels Midland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 144, punti 68 u 69).

( 147 ) Ġurisprudenza stabbilita; ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 1979, Denkavit Futtermittel (36/79, Ġabra p. 3439, punt 12); tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich (C-265/04, Ġabra p. I-923, punt 54); tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C-409/06, Ġabra p. I-8015, punt 41), u tat-8 ta’ Settembru 2010, Stoß et (C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07, Ġabra p. I-8069, punt 62).

( 148 ) Ġurisprudenza stabbilita; ara s-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C-49/07, Ġabra 2008 p. I-4863)

( 149 ) B’hekk, fil-premessa 478 tad-deċiżjoni tagħha, pereżempju, il-Kummissjoni tistqarr li l-ksur “ġie kommess għallinqas fit-territorju kollu taż-ŻEE” (“the infringement covered at least the whole territory of the EEA”).

( 150 ) Ara, pereżempju, il-premessi 2, 218, 248 u 300 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni; ara barra minn hekk l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fejn huwa paċifiku li l-ksur kien jikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’akkordji u prattiki miftiehma fiż-ŻEE.

( 151 ) Il-premessa 18 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni; ara fl-istess sens, il-premessi 321 u 322.

( 152 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 478, 481 u 482 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

( 153 ) Is-sentenza Archer Daniels Midlands (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 144, punti 73 u 74).

( 154 ) Il-premessa 478 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

( 155 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-65/04, Ġabra p. I-2239, punt 27).

( 156 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar l-ewwel domanda preliminari (punti 37 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet); ara, fl-istess sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni (T-456/05 u T-457/05, Ġabra p. II-1443, punt 40).

( 157 ) Sentenza Sturgeon et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 80, punt 47); ara fl-istess sens is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-403/99, Ġabra p. I-6883, punt 37).

( 158 ) Sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1983, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (218/82, Ġabra p. 4063, punt 15); tad-29 ta’ Ġunju 1995, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-135/93, Ġabra p. I-1651, punt 37), u tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 28).

( 159 ) Kieku jkollu madankollu jirriżulta li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka imponiet ukoll sanzjonijiet għall-perijodu ta’ wara 1 ta’ Mejju 2004, jkun hemm biss idem sa’ dak l-estent — jiġifieri biss għall-effetti antikompetittivi li nibtu mill-akkordju fir-Repubblika Ċeka wara l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-Unjoni Ewropea.