26.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 151/10


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Frar 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunale di Roma — l-Italja) — proċeduri kriminali kontra Alessandro Sacchi

(Kawża C-255/10) (1)

(L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura - Libertà ta’ stabbiliment - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Logħob tal-ażżard - Ġbir ta’ mħatri relatati ma’ avvenimenti sportivi - Rekwiżit ta’ konċessjoni - Konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-għoti tal-konċessjonijiet - Għoti ta’ 16 300 konċessjoni addizjonali - Prinċipju ta’ trattament ugwali u obbligu ta’ trasparenza - Prinċipju ta’ ċertezza legali - Protezzjoni tal-proprjetarji tal-konċessjonijiet preċedenti - Leġiżlazzjoni nazzjonali - Distanzi minimi obbligatorji bejn il-postijiet fejn isir il-ġbir ta’ mħatri - Ammissibbiltà - Attivitajiet transkonfinali simili għal dawk li huma s-suġġett tal-konċessjoni - Projbizzjoni mil-leġiżlazzjoni nazzjonali - Ammissibbiltà)

2012/C 151/17

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Roma

Parti fil-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali

Alessandro Sacchi

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunale di Roma — Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attività ta’ ġbir ta’ mħatri — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ din l-attività għall-kisba ta’ permess u ta’ liċenzja ta’ sigurtà pubblika — Protezzjoni mogħtija lill-persuni suġġetti għal-liġi li jkunu kisbu permessi u liċenzji permezz ta’ proċeduri ta’ għoti li eskludew illegalment lil operaturi oħra tal-istess settur — Kompatibbiltà mal-Artikoli 43 u 49 KE

Dispożittiv

(1)

L-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru li jkun, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, eskluda kategorija ta’ operaturi mill-għoti ta’ konċessjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, u li jipprova jirrimedja għal dan il-ksur billi joħroġ sejħa għal offerti għal numru kunsiderevoli ta’ konċessjonijiet ġodda, milli jipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti billi jipprevedi b’mod partikolari distanzi minimi bejn il-fergħat tal-konċessjonarji ġodda u dawk tal-operaturi eżistenti.

(2)

L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li jiġu applikati sanzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attività organizzata ta’ ġbir ta’ mħatri mingħajr konċessjoni jew mingħajr permess mill-pulizija lil persuni assoċjati ma’ operatur li jkun kien ġie eskluż minn sejħa għal offerti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, anki wara s-sejħa għal offerti ġdida intiża sabiex tirrimedja għal dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din is-sejħa għal offerti u l-għoti konsegwenti ta’ konċessjonijiet ġodda ma jkunux irrimedjaw effettivament għall-esklużjoni illegali tal-imsemmi operatur mis-sejħa għal offerti preċedenti.

(3)

Mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, mill-prinċipju ta’ trattament ugwali, mill-obbligu ta’ trasparenza kif ukoll mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ sejħa għal offerti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jipprevedu ċ-ċaħda ta’ konċessjonijiet mogħtija fi tmiem sejħa għal offerti, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 23(2)(a) u (3) tal-abbozz ta’ ftehim bejn l-amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat u min jagħmel l-offerta għall-konċessjonijiet li jikkonċerna logħob tal-ażżard relatat ma’ avvenimenti minbarra t-tlielaq taż-żwiemel, għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


(1)  ĠU C 209, 31.07.2010