19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 55/17


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Appell (England & Wales) (Civil Division) — ir-Renju Unit) — Barbara Mercredi vs Richard Chaffe)

(Kawża C-497/10) (1)

(Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Regolament (KE) Nru 2201/2003 - Kwistjonijiet matrimonjali u responsabbiltà tal-ġenituri - Wild ta’ ġenituri mhux miżżewġin - Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ ta’ tarbija - Kunċett ta’ ‘dritt ta’ kustodja’)

2011/C 55/30

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Il-Qorti tal-Appell (England Wales) (Civil Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Barbara Mercredi

Konvenut: Richard Chaffe

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Court of Appeal (England Wales) (Civil Division) — Interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243) — Kunċett ta’ residenza abitwali — Minuri li twieled fir-Renju Unit minn missier Britanniku u omm Franċiża u li għandu ċ-ċittadinanza tal-omm peress li l-ġenituri mhumiex miżżewġin — Minuri meħud La Réunion mill-omm — Tneħħija li kienet legali fil-mument meta seħħet peress li f’dak il-mument l-omm kellha responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-minuri — Preżentata sussegwenti ta’ talbiet għal responsabbiltà tal-ġenituri, għal residenza kondiviża u għal dritt ta’ aċċess mill-missier quddiem il-qrati Britanniċi — Digriet tal-High Court li jordna r-ritorn tal-minuri fir-Renju Unit — Digriet ikkontestat mill-omm fuq il-bażi li l-minuri ma kienx għad għandu r-residenza abitwali tiegħu fir-Renju Unit meta ġiet adita l-qorti

Dispożittiv

(1)

Il-kunċett ta’ “residenza abitwali”, fis-sens tal-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li din ir-residenza tikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u familjari. Għal dan il għan, u meta tqum il-kwistjoni li tirrigwarda tarbija li tgħix ma ommha wara biss xi ftit jiem fi Stat Membru barra dak tar-residenza abitwali tagħha, li ġiet imċaqalqa fih, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, minn naħa, it-tul, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet tas-soġġorn fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u taċ-ċaqliq tal-omm lejn l-imsemmi Stat, u, min-naħa l-oħra, minħabba b’mod partikolari l-età tal-wild, l-oriġini ġeografiċi u familjari tal-omm kif ukoll ir-relazzjonijiet familjari u soċjali li hija u l-wild kellhom f’dan l-istess Stat Membru. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-wild billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ.

Fil-każ li l-applikazzjoni tal-kriterji msemmija twassal, fil-kawża prinċipali, għall-konklużjoni li r-residenza abitwali tal-wild ma tistax tiġi stabbilita, id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-kriterju ta’ “fejn il-minuri huma preżenti” fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament.

(2)

Id-deċiżjonijiet ta’ qorti ta’ Stat Membru li jiċħdu, bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, dwar l-Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri, talba għar-ritorn immedjat ta’ wild fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, u li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild, ma jaffettwawx id-deċiżjonijiet li għandhom jingħataw f’dan l-Istat l-ieħor fuq l-azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li sadanittant ikunu tressqu u li jkunu għadhom pendenti.


(1)  ĠU C328, 04.12.2010.