10.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/10


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba Awla) tal-20 ta' Ottubru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal in Northern Ireland — Ir-Renju Unit) — Department of the Environment for Northern Ireland vs Seaport (NI) Ltd, Magherafelt district Council, F P McCann (Developments) Ltd, Younger Homes Ltd, Heron Brothers Ltd, G Small Contracts, Creagh Concrete Products Ltd

(Kawża C-474/10) (1)

(Talba għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 2001/42/KE - Artikolu 6 - Nomina, għall-finijiet ta’ konsultazzjoni, ta’ awtorità li tista’ tkun ikkonċernata mill-effetti ambjentali tal-implementazzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi - Possibbiltà għal awtorità ta’ konsultazzjoni li tfassal pjanijiet jew programmi - Obbligu ta’ nomina ta’ awtorità distinta - Regoli għall-informazzioni u għall-konsultazzjoni tal-awtoritajiet u tal-pubbliku)

2011/C 362/14

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal in Northern Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Department of the Environment for Northern Ireland

Konvenuta: Seaport (NI) Ltd, Magherafelt district Council, F P McCann (Developments) Ltd, Younger Homes Ltd, Heron Brothers Ltd, G Small Contracts, Creagh Concrete Products Ltd

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Court of Appeal in Northern Ireland — Interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157) — Nomina, għall-finijiet ta’ konsultazzjoni, ta’ awtorità li tista’ tkun ikkonċernata mill-effetti ambjentali tal-implementazzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi — Regoli għall-informazzioni u għall-konsultazzjoni tal-awtoritajiet u tal-pubbliku

Dispożittiv

(1)

Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/42 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, ma jirrikjedix li awtorità ta’ konsultazzjoni oħra fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tinħoloq jew tiġi nnominata, sakemm, fi ħdan l-awtorità normalment inkarigata li twettaq konsultazzjoni fil-qasam ambjentali u nnominata bħala tali, separazzjoni fonzjonali tiġi organizzata b’tali mod li entità amministrattiva, interna tagħha, għandha awtonomija reali, li jimplika b’mod partikolari li hija għandha mezzi amministrattivi u umani tagħha stess, u għalhekk hija fil-pożizzjoni li tissodisfa l-missjonijiet mogħtija lill-awtoritajiet ta’ konsultazzjoni fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(3) u, b’mod partikolari, li tagħti b’mod oġġettiv l-opinjoni tagħha dwar il-pjan jew programm previst mill-awtorità li magħha hija marbuta.

(2)

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li t-termini, li fihom l-awtoritajiet innominati u l-pubbliku milqut jew li x’aktarx ikun milqut fis-sens tal-Artikolu 6(3) u (4) għandhom ikunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq abbozz ta’ pjan jew ta’ programm partikolari kif ukoll fuq ir-rapport dwar l-effetti ambjentali, jiġu stabbiliti b’mod preċiż fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li titrasponi din id-direttiva, u, konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 6(2) ma jipprekludix li tali termini jiġu stabbiliti każ b’każ mill-awtorità li tipprepara l-pjan jew programm. Madankollu, f’din l-aħħar sitwazzjoni, dan l-istess Artikolu 6(2) jeħtieġ li, għall-finijiet tal-konsultazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet u ta’ dan il-pubbliku dwar abbozz ta’ pjan jew ta’ programm partikolari, it-terminu effettivament stabbilit ikun biżżejjed u jippermetti għalhekk li lil dawn tal-aħħar tingħata possibbiltà reali li jesprimu l-opinjoni tagħhom fil-ħin fuq dan l-abbozz ta’ pjan jew ta’ programm kif ukoll fuq ir-rapport dwar l-effetti ambjentali ta’ dan il-pjan jew programm.


(1)  ĠU C 13, 15.01.2011.