16.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/7


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ April 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Pest Megyei Bíróság — L-Ungerija) — Nemzeti Fogyasztóvédelmi Hatóság vs Invitel Távközlési Zrt

(Kawża C-472/10) (1)

(Direttiva 93/13/KEE - Artikoli 3(1) u (3) - Artikoli 6 u 7 - Kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Klawżoli inġusti - Emenda unilaterali tat-termini tal-kuntratt mill-bejjiegħ jew fornitur - Azzjoni għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mibdija fl-interess pubbliku, f’isem il-konsumaturi, minn korp innominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali - Konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola - Effetti ġuridiċi)

2012/C 174/08

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Pest Megyei Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Nemzeti Fogyasztóvédelmi Hatóság

Konvenuta: Invitel Távközlési Zrt

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Pest Megyei Bíróság — Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1), flimkien mal-punti 1(j) u 2(d) tal-Anness, kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2. p. 288) — Klawżola li tawtorizza lill-bejjiegħ jew fornitur jemenda unilateralment it-termini tal-kuntratt mingħajr raġuni valida u mingħajr deskrizzjoni espliċita tal-mod ta’ varjazzjoni tal-prezz — Natura inġusta tal-klawżola — Effetti ġuridiċi li jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola fil-kuntest ta’ azzjoni fl-interess kollettiv

Dispożittiv

(1)

Hija l-qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi dwar l-azzjoni għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, mibdija fl-interess pubbliku, f’isem il-konsumaturi, minn korp innominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tevalwa, fir-rigward tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ konsum li permezz tagħha l-bejjiegħ jew fornitur jipprevedi emenda unilaterali tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut, mingħajr madankollu ma jiddeskrivi b’mod ċar il-mod tal-iffissar tal-imsemmija spejjeż u lanqas ma jispeċifika raġuni valida għal din l-emenda. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-imsemmija qorti jkollha tivverifika b’mod partikolari jekk, fid-dawl tal-klawżoli kollha li jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ konsum li minnhom tagħmel parti l-klawżola kontenzjuża, kif ukoll fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi d-drittijiet u l-obbligi li jistgħu jiżdiedu ma’ dawk previsti mill-kundizzjonijiet ġenerali inkwistjoni, ir-raġunijiet jew il-mod ta’ varjazzjoni tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut humiex speċifikati b’mod ċar u li jinftiehem u, jekk ikun il-każ, jekk il-konsumaturi għandhomx dritt li jtemmu l-kuntratt.

(2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

huwa ma jipprekludix li l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola inġusta li tagħmel parti mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ konsum fil-kuntest ta’ azzjoni għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, imressqa kontra bejjiegħ jew fornitur fl-interess pubbliku u f’isem il-konsumaturi, minn korp innominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, toħloq, skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, effetti fir-rigward tal-konsumaturi kollha li jkunu kkonkludew, mal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, kuntratt li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess kundizzjonijiet ġenerali, inkluż fir-rigward tal-konsumaturi li ma kinux parti fil-proċedura għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni;

meta n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratti tkun ġiet rikonoxxuta fil-kuntest ta’ tali proċedura, il-qrati nazzjonali għandhom, anki fil-futur, jisiltu minnha ex officio l-konsegwenzi kollha li huma previsti bil-liġi nazzjonali, sabiex l-imsemmija klawżola ma tkunx torbot lill-konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratt mal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess kundizzjonijiet ġenerali.


(1)  ĠU C 346, 18.12.2010.