21.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 118/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-1 ta’ Marzu 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom — Ir-Renju Unit) — Dermod Patrick O’Brien vs Ministry of Justice (li kien id-Department for Constitutional Affairs)

(Kawża C-393/10) (1)

(Ftehim Qafas dwar xogħol part-time - Kunċett ta’ “ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg” - Imħallfin part-time li jitħallsu permezz ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol - Rifjut ta’ għoti ta’ pensjoni ta’ rtirar)

2012/C 118/04

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Supreme Court of the United Kingdom

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Dermod Patrick O’Brien

Konvenut: Ministry of Justice (li kien id-Department for Constitutional Affairs)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Supreme Court of the United Kingdom — Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267) — Kunċett ta’ “ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg” (klawżola 2.1 tad-Direttiva) — Imħallfin li jaħdmu part-time — Trattament differenti, għal dak li jirrigwarda d-dritt għal pensjoni ta’ xjuħija, bejn imħallfin li jaħdmu full-time u dawk li jaħdmu part-time, jew bejn kategoriji differenti ta’ imħallfin li jaħdmu part-time

Dispożittiv

(1)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kunċett ta’ “ħaddiema […] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg” li jidher fil-klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998 u, b’mod partikolari, li jiddeterminaw jekk l-imħallfin jaqgħux taħt dan il-kunċett, bil-kundizzjoni li dan ma jwassalx għal esklużjoni arbitrarja ta’ din il-kategorija ta’ persuni mill-benefiċċju tal-protezzjoni offruta mid-Direttiva 97/81, kif emendata bid-Direttiva 98/23, u minn dan il-Ftehim Qafas. Esklużjoni tal-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni tista’ biss tiġi aċċettata jekk ir-relazzjoni li tgħaqqad lill-imħallfin mal-Ministry of Justice hija, min-natura tagħha stess, sostanzjalment differenti minn dik li torbot lill-impjegati li, skont id-dritt nazzjonali, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ ħaddiema, ma’ min iħaddimhom.

(2)

Il-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 97/81, kif emendata bid-Direttiva 98/23, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, għall-finijiet tal-aċċess għall-iskema ta’ pensjoni ta’ rtirar, id-dritt nazzjonali jistabbilixxi distinzjoni bejn l-imħallfin full-time u l-imħallfin part-time li jitħallsu permezz ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw tali differenza fit-trattament, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.


(1)  ĠU C 274, 09.10.2010.